EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006CJ0518

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-28 ta' April 2009.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Repubblika Taljana.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Responsabbiltà ta’ parti terza fl-assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur - Artikoli 43KE u 49 KE - Direttiva 92/49/KEE - Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi obbligu li jiġi konkluż kuntratt fuq l-impriżi ta’ assigurazzjoni - Restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi - Protezzjoni soċjali tal-vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku - Proporzjonalità - Libertà tal-impriżi ta’ assigurazzjoni li jiffissaw ir-rata - Prinċipju tal-kontroll mill-Istat Membru ta’ oriġini.
Kawża C-518/06.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2009:270

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

28 ta’ April 2009 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Assigurazzjoni responsabbiltà ċivili tal-karozza — Artikoli 43 KE u 49 KE — Direttiva 92/49/KEE — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga li jiġi konkluż kuntratt fuq l-impriżi ta’ assigurazzjoni — Restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi — Protezzjoni soċjali tal-vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku — Proporzjonalità — Libertà tal-impriżi ta’ assigurazzjoni li jiffissaw ir-rata — Prinċipju tal-kontroll mill-Istat Membru ta’ oriġini”

Fil-Kawża C-518/06

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226KE, imressaq fl-20 ta’ Diċembru 2006,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn E. Traversa u N. Yerrell, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

vs

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn M. Fiorilli, avvocato dello Stato, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta

sostnuta minn

Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn J. Himmanen, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjenti

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Lenaerts u M. Ilešič (Relatur), Presidenti ta’ Awla, A. Tizzano, A. Borg Barthet, J. Malenovský, J. Klučka, U. Lõhmus, E. Levits u J.-J. Kasel, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta’ 13 ta’ Mejju 2008,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta’ 9 ta’ Settembru 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li:

billi intoduċiet u żammet fis-seħħ leġiżlazzjoni li tipprovdi li l-primjums tal-assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili għall-użu ta’ vetturi bil-mutur (iktar ’il quddiem l-“assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili tal-karozza”) għandhom jiġu kkalkolati abbażi ta’ parametri stabbiliti u billi assuġġettat dawn il-primjums għal kontrolli ex post facto, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 6, 29 u 39 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/49/KEE tat-18 ta’ Ġunju 1992 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x’jaqsmu ma assigurazzjoni diretta barra minn assigurazzjoni tal-ħajja u [li] temenda d-Direttivi 73/239/KEE u 88/357/KEE (it-tielet Direttiva dwar assigurazzjoni għajr għall-ħajja) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 346);

billi eżerċitat kontroll fuq il-modalitajiet li abbażi tagħhom l-impriżi ta’ assigurazzjoni li għandhom l-uffiċċju prinċipali fi Stat Membru ieħor, iżda li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fl-Italja skont il-libertà ta’ stabbiliment jew il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, jikkalkolaw il-primjums ta’ assigurazzjoni, u billi imponiet, b’mod partikolari fir-rigward ta’ tali impriżi, sanzjonijiet fil-każ ta’ ksur tar-regoli nazzjonali dwar il-modalitajiet ta’ kalkolu tal-primjums ta’ assigurazzjoni, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 9 tad-Direttiva 92/49, u

billi żammet fis-seħħ l-obbligu li tiġi offruta l-assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili tal-karozza fuq l-impriżi ta’ assigurazzjoni kollha, inklużi dawk li l-uffiċċju prinċipali tagħhom jinsab fi Stat Membru ieħor, iżda li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fl-Italja skont il-libertà ta’ stabbiliment jew il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 43 KE u 49 KE.

I — Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

Id-Direttivi 72/166/KEE, 85/5/KEE u 2005/14/KE

2

Sabiex tiffaċilita l-moviment tal-vjaġġaturi bejn l-Istati Membri, id-Direttiva tal-Kunsill 72/166/KEE tal-24 ta’April 1972 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 10), stabbilixxiet sistema bbażata, minn naħa, fuq it-tneħħija tal-kontroll tal-karta ħadra ta’ assigurazzjoni waqt il-qsim tal-fruntieri interni tal-Komunità Ewropea u, min-naħa l-oħra, fuq l-obbligu fuq kull Stat Membru li jiżgura li r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi tkun koperta minn assigurazzjoni.

3

Skont it-tieni premessa ta’ din id-direttiva:

“[…] l-uniku skop għal kontrolli fuq il-fruntieri ta’ assigurazzjoni obbligatorja ta’ kopertura kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur hija li jkun hemm salvagwardja għall-interessi ta’ persuni li jistgħu ikunu vittmi ta’ inċidenti kkawżati minn dawn il-vetturi […]”

4

Is-seba’ premessa tal-imsemmija direttiva tipprovdi:

“[…] t-tneħħija ta’ kontrolli tal-kartolini [karti] ħodor għal vetturi normalment ibbażati fi Stat Membru li jidħlu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor tista’ tkun effettwata permezz ta’ ftehim bejn […] [il-]bureaux nazzjonali ta’ l-assiguraturi, fejn kull bureau nazzjonali kien jiggarantixxi kumpens skond id-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali fir-rigward ta’ xi telf jew inġurja li hu intitolat għal kumpens ikkawżat fit-territorju tiegħu minn waħda minn dawk il-vetturi, kemm jekk assigurata u kemm jekk le”.

5

Barra minn hekk, il-ħames u s-sitt premessi tal-istess direttiva jsemmu li l-libertizzazzjoni regoli li jirrigwardaw il-moviment tal-vetturi bil-mutur li jkunu qed jivvjaġġaw bejn l-Istati Membri jikkontribwixxi għall-ftuħ tas-swieq tagħhom.

6

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 72/166 jipprovdi:

“Kull Stat Membru għandu […] jieħu l-miżuri kollha approprjati biex jassigura li r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi normalment ibbażati fit-territorju tiegħu ikun kopert minn assigurazzjoni. […]”

7

Il-ħames u s-sitt premessi tat-Tieni Direttiva tal-Kunsill 84/5/KEE tat-30 ta’ Diċembru 1983 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 3), jipprovdu:

“[…] l-ammonti li fir-rigward tagħhom l-assigurazzjoni hi obligatorja għandhom fi kwalunkwe każ jiggarantixxu lill-vittmi kumpens adegwat irrispettivament mill-Istat Membru li fih seħħ l-inċident;

[…] huwa neċessarju li ssir dispożizzjoni għall-korp li jiggarantixxi li l-vittma ma tibqax mingħajr kumpens meta l-vettura li kkaġunat l-inċident tkun mingħajr assigurazzjoni jew ma tkunx identifikata; […]”.

8

Permezz tal-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 84/5, l-Istati Membri huma obbligati jistabbilixxu jew jawtorizzaw fond ta’ garanzija għall-kumpens tal-vittmi ta’ inċidenti kkawżati minn vetturi li ma jissodisfawx l-obbligu ta’ assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili tal-karozza.

9

Huwa speċifikat, fl-istess dispożizzjoni, li dan l-obbligu ma għandux jaffettwa d-dritt tal-Istati Membri li jikkunsidraw l-intervent minn dan il-korp bħala sussidjarju jew non-sussidjarju.

10

Id-Direttivi 72/166 u 84/5 ġew emendati fl-aħħar lok mid-Direttiva 2005/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 72/166/KEE, 84/5/KEE, 88/357/KEE u 90/232/KEE u d-Direttiva 2000/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur (ĠU L 149, p. 14). It-traspożizzjoni tad-Direttiva 2005/14/KE kienet għadha ma seħħietx fid-data tal-iskadenza tat-terminu ffisstat fl-aħħar opinjoni motivata li ħarġet f’din il-kawża.

11

Hekk kif tipprovdi l-premessa 1 ta’ din id-direttiva, l-iżvilupp u l-ikkonsolidar ta’ suq wieħed tal-assigurazzjoni għal dak li jikkonċerna l-assigurazzjoni tal-karozza fil-qasam tas-servizzi finanzjarji tal-Komunità jikkostitwixxu għan ewlieni, fid-dawl tal-importanza partikolari tal-assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili tal-karozza għaċ-ċittadini Ewropew, kemm għal dawk koperti mill-assigurazzjoni kif ukoll vittmi ta’ inċident, minn naħa, kif ukoll għall-impriżi ta’ assigurazzjoni, min-naħa l-oħra.

12

Barra minn hekk, il-premessa 21 tad-Direiitva 2005/14 tistabbilixxi li d-dritt li tinvoka kuntratt ta’ assigurazzjoni u li tagħmel pretensjoni direttament kontra l-impriza ta’ assigurazzjoni hija ta’ importanza kbira għall-protezzjoni tal-vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku.

Id-Direttiva 92/49

13

Il-premessi 1, 5, 6, 7 u 18 tad-Direttiva 92/49 jipprovdu:

“(1)

Billi huwa neċessarju li jiġi kkompletat is-suq intern f’assigurazzjoni diretta barra minn assigurazzjoni tal-ħajja mill-punto di vista ta’ kemm id-dritt ta’ stabbiliment u kemm il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, biex ikun aktar faċli għal intrapriżi ta’ assigurazzjoni b’uffiċċji ewlenin fil-Komunità li jkopru riskji li jinstabu fil-Komunità;

[…]

(5)

Billi l-approċċ adottat jikkonsisti f’li tiġi realizzata din l-armonizzazzjoni kif hu essenzjali, neċessarju u suffiċjenti biex jintlaħaq ir-rikonoxximent reċiproku ta’ awtorizzazzjonijiet u sistemi ta’ kontroll prudenti, u b’hekk isir possibbli li tingħata awtorizzazzjoni waħda li tkun valida matul il-Komunità kollha u jiġi applikat prinċipju ta’ sorveljanza mill-Istat Membru tal-lokal;

(6)

Billi, bħala riżultat, il-bidu u l-insegwiment tan-negozju ta’ assigurazzjoni għandhom minn issa’ l quddiem jiġu suġġetti għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni uffiċjali waħda maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru li fih l-intrapriża ta’ assigurazzjoni jkollha l-uffiċċju ewlieni tagħha; billi din l-awtorizzazzjoni tippermetti li intrapriża ssegwi in-negozju tagħha tul il-Komunità, skond id-dritt ta’ stabbiliment jew tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi; […]

(7)

Billi l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri tal-lokal għandhom minn issa’l quddiem ikunu responsabbli għall-monitoraġġ tas-saħħa finanzjarja ta’ intrapriżi ta’ assigurazzjoni, inkluż l-istat tal-likwidità [solvenza] tagħhom, l-istabbiliment ta’ dispożizzjonijiet tekniċi adegwati u l-kopertura ta’ dawk id-dispożizzjonijiet b’assi paragunabbli;

[…]

(18)

Billi l-armonizzazzjoni tal-liġi dwar il-kuntratt ta’ assigurazzjoni mhijiex kondizzjoni bil-quddiem għall-akkwist tas-suq intern f’assigurazzjoni; billi, għalhekk, l-opportunità mogħtija lill-Istati Membri li jimponu l-applikazzjoni tal-liġi tagħhom għal kuntratti ta’ assigurazzjoni li jkopru riskji li jinstabu fit-territorji tagħhom aktarx tipprovdi salvagwardji adegwati għal titolari ta’ poloz li jeħtieġu protezzjoni speċjali”.

14

Taħt it-Titolu II tad-Direttiva 92/49 intitolat “Bidu tan-negozju ta’ assigurazzjoni”, l-Artikolu 6 jipprovdi:

“[L-Artikolu 8 ta[l-Ewwel] Direttiva 73/239/KEE [tal-Kunsill tal-24 ta’ Lulju 1973 dwar il-koordinament ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrigwardaw il-bidu u t-twettiq tan-negozju tal-assigurazzjoni diretta barra mill-assigurazzjoni tal-ħajja (ĠU L 228, p. 3)] għandha tiġi sostitwita minn dan li ġej:]

[…]

L-Istati Membri m’għandhomx […] jadottaw dispożizzjonijiet li jeħtieġu l-approvazzjoni minn qabel jew in-notifika sistematika ta’ kondizzjonijiet ta’ politika ġenerali u speċjali, skali ta’ premiums u formoli u dokumenti stampati oħrajn li intrapriża jkollha l-ħsieb li tuża fit-trattamenti tagħha ma’ titolari ta’ poloz.

Stati Membri ma jistgħux iżommu jew jintroduċu notifika jew approvazzjoni bil-quddiem ta’ żidiet proposti fir-rati ta’ premiums ħlief bħala parti minn sistemi ġenerali ta’ kontroll tal-prezzijiet.

[…]”

15

Skont l-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva, li jinsab taħt it-Titolu III tagħha, intitolat “Armonizzazzjoni tal-kondizzjonijiet li jirregolaw in-negozju ta’ assigurazzjoni”:

“[L-Artikolu 13 tad-Direttiva 73/239/KEE għandu jiġi sostitwit minn dan li ġej:]

[…]

1.

Is-sorveljanza finanzjarja ta’ intrapriża ta’ assigurazzjoni, inkluża dik tan-negozju li ssegwi jew permezz ta’ fergħat jew taħt il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, għandha tkun ir-responsabbiltà unika ta’ l-Istat Membru tal-lokalità.

2.

Dik is-sorveljanza finanzjarja għandha tinkludi verifika, fir-rigward tan-negozju kollu ta’ l-intrapriża ta’ assigurazzjoni, ta’ l-istat tal-likwidità [solvenza] tagħha, ta’ l-istabbiliment ta’ dispożizzjonijiet tekniċi u ta’ l-assi li jkopruhom skond ir-regoli stabbiliti jew il-prattiki segwiti fl-Istat Membru tal-lokalità skond id-dispożizzjonijiet adottati fil-livell Komunitàrju.

[…]”

16

L-Artikolu 11 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“[Fl-Artikolu 19 tad-Direttiva 73/239, il-paragrafi 2 u 3 għandhom jiġu sostitwiti minn dan li ġej:]

[…]

3.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-passi kollha neċessarji biex jassiguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom il-poteri u l-mezzi neċessarji għas-sorveljanza tan-negozju ta’ intrapriżi ta’ assigurazzjoni bl-uffiċini ewlenin tagħhom fit-territorji tagħhom, inkluż in-negozju mwettaq barra dawk it-territorji, skond id-Direttivi tal-Kunsill li jirregolaw dan in-negozju u għall-iskop li jaraw li jkunu implimentati.

Dawk il-poteri u l-mezzi għandhom, partikolarment, jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti li:

[…]

b)

jieħdu kull miżuri fir-rigward ta’ intrapriża, id-diretturi jew l-amministraturi tagħha jew il-persuni li jikkontrollawha, li huma approprjati u neċessarji biex jassiguraw li n-negozju ta’ l-intrapriża jibqa’ jikkonforma mal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li għandha tikkonforma magħhom l-intrapriża f’kull Stat Membru […]

[…]”

17

L-Artikolu 29 tad-Direttiva 92/49 jipprovdi:

“L-Istati Membri ma jistgħux jadottaw dispożizzjonijiet li jeżiġu l-approvazzjoni minn qabel jew in-notifika sistematika tal-kundizzjonijiet ġenerali u speċjali tal-poloz ta’ assigurazzjoni, skali ta’ primjums jew forom jew materjal stampat ieħor li impriża għandha l-intenzjoni li tuża fir-relazzjonijiet tagħha mat-titolari tal-poloz. Huma jkunu jistgħu jeħtieġu biss notifika mhux sistematika ta’ dawk il-kondizzjonijiet tal-polza u dokumenti oħrajn għall-iskop ta’ verifika tal-konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jikkonċernaw kuntratti ta’ assigurazzjoni, u dik il-ħtieġa ma tistax tikkostitwixxi għall-impriża kundizzjoni bil-quddiem tal-eżerċizzju tal-attività tagħha. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Stati Membri ma jistgħux iżommu jew jintroduċu notifika jew approvazzjoni bil-quddiem taż-żidiet proposti fir-rati tal-premium ħlief bħala parti minn sistemi ġenerali ta’ kontroll tal-prezzijiet.”

18

Skont l-Artikolu 39(2) u (3) ta’ din id-direttiva, li jinsab taħt it-Titolu IV tagħha, intitolat “Dispożizzjonijiet rigward id-dritt ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi”:

“2.   L-Istat Membru tal-fergħa jew tal-provvista ta’ servizzi m’għandux jadotta dispożizzjonijiet li jeħtieġu approvazzjoni minn qabel jew notifika sistematika ta’ kondizzjonijiet ta’ politika ġenerali u speċjali, skali ta’ premium, jew formoli u dokumenti stampati oħrajn li l-intrapriża jkollha l-ħsieb li tuża fit-trattamenti tagħha ma’ titolari tal-poloz. Huwa jista biss jeħtieġ li intrapriża li tipproponi li ssegwi negozju ta’ assigurazzjoni fit-territorju tiegħu, skond id-dritt ta’ stabbiliment jew tal-libertà li jiġu provduti servizzi, tagħmel notifika mhux sistematika ta’ dawk il-kondizzjonijiet ta’ poloz u dokumenti oħrajn għall-iskop ta’ verifika ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jikkonċernaw kuntratti ta’ assigurazzjoni, u dik il-ħtieġa ma tistax tikkostitwixxi kondizzjoni bil-quddiem biex intrapriża ssegwi in-nogozju tagħha.

3.   L-Istat Membru tal-fergħa jew tal-provvista ta’ servizzi ma jistax iżomm jew jintroduċi notifika jew approvazzjoni bil-quddiem taż-żidiet proposti fir-rati tal-premium ħlief bħala parti minn sistemi ġenerali ta’ kontroll tal-prezzijiet.”

19

L-Artikolu 40 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“[…]

3.   Jekk l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jistabbilixxu li intrapriża b’fergħa jew li ssegwi negozju skond il-libertà ta’ provvista ta’ servizzi fit-territorju tiegħu ma tkunx qed tikkonforma mad-dispożizzjonijiet legali applikabbli għaliha f’dak l-Istat, huma għandhom jeħtieġu l-intrapriża kkonċernata tirremedja dik is-sitwazzjoni irregolari.

4.   Jekk l-intrapriża inkwistjoni tonqos li tieħu l-azzjoni neċessarja, l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru kkonċernat għandhom jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-lokalità, kif xieraq. Dawn l-awtoritajiet ta’ l-aħħar għandhom, fl-ewwel opportunità possibbli, li jieħdu l-miżuri approprjati kollha biex jassiguraw li l-intrapriża kkonċernata tirremedja dik is-sitwazzjoni irregolari. In-natura ta’ dawk il-miżuri għandha tiġi kkomunikata lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru ikkonċernat.

5.   Jekk, minkejja l-miżuri meħuda mill-Istat Membru tal-lokalità jew minħabba li dawk il-miżuri mhumiex adegwari jew jonqsu f’dak l-Istat, l-intrapriża tippersisti f’li tikser id-dispożizzjonijiet legali fis-seħħ fl-Istat Membru kkonċernat, dan ta’ l-aħħar jista’, wara li jinforma lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membri tal-lokalità, jieħu miżuri approprjati biex jipprevieni jew jippenalizza aktar ksur, inkluż, sa fejn ikun strettament neċessarju, li jipprevieni lil dik l-intrapriża milli tkompli tikkonkludi kuntratti ġodda ta’ assigurazzjoni fit-territorju tiegħu. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li fit-territorju tagħhom ikun possibbli li jservu d-dokumenti legali neċessarji għal dawn il-miżuri fuq l-intrapriżi ta’ assigurazzjoni.

6.   Il-paragrafi 3, 4 u 5 m’għandhomx jaffettwaw il-poter ta’ emerġenza ta’ l-Istati Membri kkonċernati biex jieħdu miżuri approprjati sabiex jipprevienu irregolaritajiet fit-territorji tagħhom. Dan għandu jinkludi l-possibbiltà li intrapriżi ta’ assigurazzjoni jiġu pprevenuti milli jkomplu jikkonkludu kuntratti ġodda ta’ assigurazzjoni fir-territorji tagħhom.

7.   Il-paragrafi 3, 4 u 5 m’għandhomx jaffettwaw il-poteri ta’ l-Istati Membri biex jippenalizzaw ksur fit-territorji tagħhom.

[…]”

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

20

L-Artikolu 11(1) tal-Liġi Nru 990 tal-24 ta’ Diċembru 1969 rigward l-assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u opri tal-baħar (assicurazione obbligatoria della responsabilità civile derivante dalla circolazione dei veicoli a motore e dei natanti), tal-24 ta’ Diċembru 1969 (GURI Nru 2, tat-3 ta’ Jannar 1970) jipprovdi, hekk kif kienet fis-seħħ waqt il-proċedura prekontenzjuża (iktar ’il quddiem il- “Liġi Nru 990/69”), jimponi fuq l-impriżi ta’ assigurazzjoni l-obbligu li jipprovdu l-assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili tal-karozza fuq it-talba ta’ kull klijent potenzjali. Dan jipprovdi:

“L-impriżi tal-assigurazzjoni għandhom, abbażi tat-termini kuntrattwali u r-rati tal-assigurazzjoni approvati jew stabbiliti mill-Ministru għall-Industrija, Kummerċ u Industriji Żgħar tal-Artiġġjanat, jaċċettaw il-proposti għal assigurazzjoni obbligatorja li jiġu ppreżentati lilhom skont din il-liġi.”

21

Dan l-obbligu li jiġi konkluż kuntratt ġie essenzjalment miżmum mill-Artikolu 312 tal-Kodiċi tal-Assigurazzjonijiet Privati (codice delle assicurazioni private), stabbilit mid-Digriet Nru 209, tas-7 ta’ Settembru 2006, u li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2006 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 239, tat-13 ta’ Ottubru 2005, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Assigurazzjonijiet Privati”). Dan l-artikolu jipprovdi:

“1.   L-impriżi tal-assigurazzjoni huma obbligati li jaċċettaw, skont il-kundizzjonijiet tal-poloz u r-rati li huma għandhom l-obbligu li jistabbilixxu minn qabel għal kull riskju li jirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur u opri tal-baħar, il-proposti relatati mal-assigurazzjoni obbligatorja li jiġu ppreżentati lilhom, mingħajr preduġizzju għall-ħtieġa li tiġi vverifikata l-eżattezza tal-informazzjoni li tinsab fl-attestazzjoni ta’ riskju kif ukoll l-identità tat-titolari tal-polza u l-proprjetarju tal-vettura, jekk dan mhuwiex it-titolari tal-polza.

2.   L-impriżi tal-assigurazzjoni jistgħu jitolbu li l-awtorizzazzjoni tkun limitata, sabiex jiġu osservati l-obbligi previsti fil-paragrafu 1, għar-riskji li jirriżultaw mill-użu ta’ grupp ta’ vetturi bil-mutur jew għall-opri tal-baħar”.

22

L-Artikolu 11(1a) tal-Liġi Nru 990/69 jipprovdi:

“Sabiex jiġu osservati l-obbligi msemmija taħt il-paragrafu 1 l-impriżi, meta jikkalkolaw ir-rati tal-primja tagħhom, għandhom jikkalkolaw primjums puri u żidiet fil-primjums separatament, skont il-bażijiet tekniċi tagħhom li għandhom ikunu biżżejjed wiesgħa u għandhom ikollhom terminu ta’ mill-inqas ħames snin. Jekk dawn il-bażijiet ma jkunux disponibbli l-impriżi jistgħu jużaw statistiċi tas-suq. Jekk l-ISVAP jaċċerta li jkun hemm evażjoni tal-obbligu li tiġi pprovduta assigurazzjoni fir-rigward ta’ inħawi territorjali speċifiċi jew kategoriji speċifiċi ta’ titolari tal-poloz, tiġi applikata penali ta’ 3% tal-premium relatat mar-responsabbiltà ta’ l-assigurazzjoni tal-karozzi kif muri fl-aħħar karta tal-bilanċ approvata, b’minimu ta’ EUR 1 sa massimu ta’ EUR 5 miljun. F’każ ikun hemm evażjoni b’mod ripetut ta’ l-obbligu li tassigura, l-awtorizzazzjoni biex tiġi segwita attività fil-qasam ta’ l-assigurazzjoni għal dik li hija responsabbiltà ċivili fl-użu ta’ vetturi bil-mutur tista’ tiġi revokata.”

23

Il-partijiet essenzjali ta’ din id-dispożizzjoni ttieħdu fl-Artikoli 35(1) u 314(2) tal-Kodiċi tal-Assigurazzjonijiet Privati.

24

L-Artikolu 12a tal-Liġi Nru 990/69 jipprovdi:

“1.   Biex jiġu garantiti t-trasparenza u l-kompetizzjoni fil-provvista ta’ servizzi ta’ l-assigurazzjoni kif ukoll informazzjoni adegwata għall-utenti, impriżi li joperaw fil-qasam tal-assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u opri tal-baħar għandhom jagħmlu disponibbli għall-pubbliku l-primjums u t-termini kuntrattwali ġenerali u speċjali applikati fit-territorju tar-Repubblika Taljana.

2.   Il-primjums applikati, kif stabbiliti minn kull impriża tal-assigurazzjoni, għal titolari tal-poloz li huma fil-kategorija bil-bonus massimu matul is-sentejn preċedenti, għandhom ikunu uniformi għat-territorju nazzjonali kollu.

3.   Ir-reklamar tal-primjums u tat-termini kontrattwali skont il-paragrafu 1 għandu jsir f’kull punt tal-bejgħ tal-assigurazzjoni u permezz ta’ siti tal-internet sabiex ikun possibbli għall-utenti li jikkalkolaw il-primjums u jakkwistaw informazzjoni dwar it-termini tal-kuntratti tal-assigurazzjoni […].

[…]

5.   Kull ksur jew eżekuzzjoni inkompleta tal-obbligi li jinsabu fil-paragrafi 1 u 3 huma suġġetti għal penali amministrattiva li tvarja minn EUR 2600 sa EUR 10300. F’każ ta’ ommissjoni jew dewmien li jeċċedi t-tletin ġurnata, il-penali għandha tiġi rduppjata.”

25

Dawn ir-regoli ttieħdu essenzjalment fl-Artikoli 131 u 132 tal-Kodiċi tal-Asssigurazzjonijiet Privati.

26

Fl-aħħar nett, l-Artikolu 12d(1) tal-Liġi Nru 990/69 jipprovdi:

“1.   Il-ksur jew l-evażjoni minn impriżi tal-assigurazzjoni tal-obbligu li jiġu aċċettati l-proposti ta’ titolari ta’ poloz skont l-Artikolu 11 fir-rigward ta’ assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili fl-użu ta’ vetturi bil-mutur u opri tal-baħar għandhom ikunu suġġetti għal multa […].”

27

B’analoġija, l-Artikolu 314(1) tal-kodiċi tal-Assigurazzjonijiet Privati jipprovdi:

“1.   Ir-rifjut li twettaq jew l-evażjoni tal-obbligazzjoni li tassigura stabbilit bl-Artikolu 132(1), għandu jiġi punit b’sanzjoni amministrattiva pekunjarja li tvarja minn EUR 1500 sa EUR 4500.”

II — Il-proċedura prekontenzjuża

28

B’ittra tat-22 ta’ Marzu 2004, il-Kummissjoni attirat l-attenzjoni tar-Repubblika Taljana fuq il-problemi ta’ kompatibbiltà tal-Liġi Nru 990/69 kif ukoll l-applikazzjoni tagħha mill-ISVAP mal-Artikoli 6, 29 u 39 tad-Direttiva 92/49. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni indikat li kienet irċeviet ilmenti minn impriżi ta’ assigurazzjoni fir-rigward ta’ sanzjonijiet imposti mill-ISVAP minħabba li l-obbligu li jiġi konkluż kuntratt stabbilit mill-Artikolu 11(1) tal-imsemmija liġi kien ġie evitat permezz tal-iffissar ta’ rati għoljin ħafna.

29

Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Ġunju 2004, ir-Repubblika Taljana wieġbet li l-Liġi Nru 990/69 u l-applikazzjoni tagħha mill-ISVAP kienu kompatibbli mad-dritt Komunitarju. Hija esponiet li l-Liġi Nru 990/69 la teżiġi approvazzjoni minn qabel tar-rati u lanqas ma ma teżiġi notifika sistematika tagħhom lill-ISVAP. Din il-liġi tħalli lill-impriżi ta’ assigurazzjoni liberi li jagħżlu r-rati tagħhom, filwaqt li tiggarantixxi l-possibbiltà għall-konsumaturi li jikkonkludu l-polza tal-assigurazzjoni obbligatorja għal responsabbiltà ċivili tal-karozza. F’dan l-aħħar rigward, hija ssemmi n-natura soċjali tar-responsabbiltà ċivili għad-danni kkawżati mill-użu ta’ vetturi bil-mutur.

30

Permezz ta’ ittra tad-9 ta’ ta’ Lulju 2004, il-Kummissjoni uffiċjalment innotifikat lir-Repubblika Taljana sabiex tibgħat l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-kompatibbiltà tal-Artikoli 11(1) u (1a), 12a kif ukoll 12d tal-Liġi Nru 990/69, kif interpretati u applikati mill-ISVAP, mad-Direttiva 92/49.

31

Permezz ta’ ittra tal-31 ta’ Awwissu 2004, ir-Repubblika Taljana bagħtet l-osservazzjonijiet tagħha, li jikkorrispondu, essenzjalment, għal dawk trażmessi permezz tal-ittra tagħha tat-8 ta’ Ġunju 2004.

32

Fit-22 ta’ Diċembru 2004, il-Kummissjoni bagħtet ittra addizzjonali ta’ intimazzjoni lir-Repubblika Taljana, li fiha hi sosniet li, skont il-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-5 ta’ Ottubru 2004, CaixaBank France (C-442/02, Ġabra p. I-8961), l-obbligu li jiġi konkluż kuntratt jmur ukoll kontra l-Artikoli 43 KE u 49 KE. Terminu ta’ xahar ingħata lir-Repubblika Taljana sabiex twieġeb għal din l-ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali.

33

Fin-nuqqas ta’ tweġiba għall-ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali, il-Kummissjoni indirizzat lir-Repubblika Taljana fit-18 ta’ Ottubru 2005, opinjoni motivata, li tikkonferma l-ilmenti invokati fiż-żewġ ittri ta’ intimazzjoni u stiednet lil dan l-Istat Membru sabiex jikkonforma ruħu mat-terminu ta’ xahrejn minn meta rċevieha.

34

Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Novembru, ir-Repubblika Taljana kkomunikat il-pubblikazzjoni tal-Kodiċi tal-Assigurazzjonijiet Privati.

35

B’ittra tat-30 ta’ Diċembru 2005, ir-Repubblika Taljana insistiet, bi tweġiba għall-opinjoni motivata tal-Kummissjoni, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali hija kompatibbli mad-dritt Komunitarju.

36

Fid-dawl tat-tweġiba tar-Repubblika Taljana, il-Kummissjoni kkunsidrat neċessarju li tispeċifika l-ilmenti tagħha u għaldaqstant ħarġet, fl-10 ta’ April 2006, opinjoni motivata addizzjonali. Dan l-Istat Membru ġie mistieden jikkonforma ruħu ma’ din l-opinjoni motivata f’terminu ta’ xahrejn mid-data li fiha rċevieha.

37

Permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Mejju 2006, ir-Repubblika Taljana wieġbet għall-opinjoni motivata addizzjonali. Hija kompliet tafferma l-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni tagħha mad-dritt Komunitarju.

38

Il-Kummissjoni, mhux sodisfatta mit-tweġiba tar-Repubblika Taljana, iddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

III — Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

39

Permezz tar-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Diċembru 2006, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors u talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja li tagħmel il-konstazzjonijiet elenkati fil-punt 1 ta’ din is-sentenza u tikkundana lir-Reppubblika Taljana għall-ispejjeż.

40

Ir-Repubblika Taljana talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad ir-rikors.

41

B’digriet tal-21 ta’ Ġunju 2007, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja aċċetta lir-Repubblika tal-Finlandja tintervjeni insostnenn tal-konklużjonijiet tar-Repubblika Taljana.

Fuq ir-rikors

42

Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni indikat li l-ksur prinċipali tad-dritt Komunitarju allegat kontra r-Repubblika Taljana kien l-inkompatibbiltà tal-obbligu li jiġi konkluż kuntratt mal-Artikoli 43 KE u 49 KE. Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi ttrattat fl-ewwel lok.

Fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 43 KE u 49 KE minħabba l-obbligu li jiġi konkluż kuntratt.

L-argumenti tal-partijiet

43

Il-Kummissjoni ssostni li l-obbligu li jiġi konkluż kuntratt, impost fuq l-impriżi ta’ assigurazzjoni kollha li joperaw fil-qasam tar-responsabbiltà ċivili tal-karozza u dan fir-rigward ta’ kull proprjetarju ta’ vetturi, kif ukoll il-possibbiltà offerta lill-ISVAP li japplika sanzjonijiet fil-każ ta’ ksur tal-imsemmi obbligu, huma inkompatibbli mal-Artikoli 43 KE u 49 KE.

44

Dan l-obbligu jiskorraġixxi l-impriża ta’ assigurazzjoni stabbiliti f’Stati Membri oħra milli jistabbilixxu ruħhom jew milli jipprovdu servizzi fl-Italja, u b’hekk jostakola l-aċċess għas-suq Taljan. B’mod partikolari dawn l-impriżi huma ostakolati milli jiddeterminaw liberament l-offerta ta’ servizzi ta’ assigurazzjoni tagħhom u d-destinatarji ta’ dawn is-servizzi. B’hekk, huma jkollhom isostnu spejjeż eċċessivi fir-rigward tal-istrateġiji kummerċjali tagħhom. Dawn l-ispejjeż huma iktar sinjifikattivi għall-impriżi li għandhom l-intenzjoni li jeżerċitaw attivitajiet okkażjonali fl-Italja.

45

L-effett restrittiv tal-obbligu li jiġi konkluż kuntratt huma komparabbli ma’ dak ikkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza CaixaBank France, iċċitata iktar ’il fuq.

46

Insegwitu, il-Kummissjoni tesponi li l-obbligu li jiġi konkluż kuntratt mhuwiex iġġustifikat u huwa sproporzjonat mal-għan imfittex.

47

Fir-rigward tal-għan, invokat mir-Repubblika Taljana, li tipproteġi l-proprjetari tal-vetturi, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-obbligu li jiġi konkluż kuntratt jikkontribwixxi sabiex jiġi ggarantit li proprjetarju ta’ vettura jsib impriża ta’ assigurazzjoni disposta li tikkonkludi polza ta’ assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili għall-vetturi bil-mutur. Mandankollu l-obbligu li jiġi konkluż kuntratt jmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkiseb l-għan tal-protezzjoni tal-konsumaturi, peress li dan huwa impost fuq l-impriżi ta’ assigurazzjoni fir-rigward tal-proprjetarji kollha ta’ vetturi fit-territorju Taljan, filwaqt li r-Repubblika Taljana rriferiet għal diffikultajiet li ssib impriża ta’ assigurazzjoni disposta li tikkokludi polza ta’ assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili tal-karozza għal żona ġejografika preċiża u kategorija ta’ persunni speċifiċi, jiġifieri n-Nofsinhar tal-Italja u s-sewwieqa l-ġodda.

48

Għal dak li jikkonċerna l-għan, ukoll invokat mir-Repubblika Taljana, li jikkonsisti fil-garanzija ta’ kumpens xieraq lill-vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku, il-Kummissjoni tqis li dan huwa diġà miksub mill-obbligu impost, wara t-traspożizzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 72/166, fuq il-proprjetarji ta’ vetturi li jkollhom polza ta’ assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili tal-karozza u mill-eżistenza f’kull Stat Membru ta’ fond ta’ garanzija skont id-Direttiva 84/5.

49

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tosserva li jeżistu f’Stati Membri sistemi inqas restrittivi sabiex jinkisbu l-istess riżultati li l-leġiżlazzjoni Taljana għandha l-ħsieb li tilħaq. Hija ssemmi, f’dan ir-rigward, il-Bureau central de tarification stabbilit kemm fil-Belġju kif ukoll fi Franza, il-Consorcio de Compensación de Seguros stabbilit fi Spanja, il-konsorsju tal-impriżi ta’ assigurazzjoni prinċipali stabbilit fil-Pajjiżi l-Baxxi u s-sistema ta’ assigurazzjoni ta’ wieħed lill-ieħor stabbilita fil-Portugall.

50

Ir-Repubblika Taljana tkakkar li l-assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili tal-karozza, filwaqt li hija assigurazzjoni tat-tip privat, hija ispirata minn finalitajiet soċjali, b’mod partikolari dik intiża li tiggarantixxi li l-vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku jirċievu kumpens. Din hija r-raġuni l-għala ġie introdott obbligu għall-proprjetarji ta’ vetturi li jikkonkludu kuntratt ta’ assigurazzjoni sabiex jikkumpensaw lit-terzi.

51

Billi għażlet li tpoġġi dan l-obbligu li jiġi konkluż kuntratt kemm fuq l-impriżi ta’ assigurazzjoni kif ukoll fuq dawk li jużaw vetturi bil-mutur, ir-Repubblika Taljana riedet tipproteġi għal massimu, minn naħa, it-titolari tal-poloz, bħala konsumaturi, kontra d-diskriminazzjoni fil-qasam ta’ aċċess għall-assigurazzjoni obbligatorja u tal-libertà ta’ moviment u, min-naħa l-oħra, il-vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku.

52

Skont ir-Repubblika Taljana, dan l-għanijiet ma jistgħux jiġu ostakolati mil-libertà kummerċjali tal-impriżi. Dan l-Istat Membru jqis li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha taċċetta r-raġunament tal-Kummissjoni, l-assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili tal-karozza issir assigurazzjoni bbażata esklużivament fuq il-loġiċi ta’ suq u titlef ħafna mill-karattru soċjali tagħha.

53

Insegwitu, ir-Repubblika Taljana ssostni li l-obbligu li jiġi konklż kuntratt ma għandu ebda karattru disważiv fuq l-impriżi ta’ assigurazzjoni stabbiliti fi Stat Membru li mhuwiex ir-Repubblika Taljana li jixtiequ jidħlu fis-suq Taljan.

54

Fil-każ li minkejja dan il-Qorti tal-Ġustizzja xorta jkollha tiddeċiedi li l-obligu li jiġi konkluż kuntratt jirristrinġi l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, ir-Repubblika Taljana ssostni li l-imsemmi obbligu huwa xieraq sabiex jinkisbu l-għanijiet imsemmija hawn fuq ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u ta’ protezzjoni tal-vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku.

55

L-obbligu li jiġi konkluż kuntratt huwa, barra minn hekk, kompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Għall-kuntrarju ta’ dak li qed isssostni l-Kummissjoni, mhuwa la prattiku u lanqas legali li tillimita l-obbligu li jiġi konkluż kuntratt għal ċerti żoni tat-territorju Taljan jew ċerti tipi ta’ konsumaturi. Limitazzjoni ta’ dan l-obbligu għal ċerti kategoriji ta’ konsumaturi tqajjem problemi ta’ diskriminazzjoni, filwaqt li limitazzjoni ġeografika tal-imsemmi obbligu tinkorraġixxi l-impriżi ta’ assigurazzjoni li ma jidħlux f’żoni sottomessi għall-obbligu li jiġi konkluż kuntratt.

56

Fir-rigward, fl-aħħar nett, tal-mekkaniżmi alternattivi stabbiliti fi Stati Membri oħrajn. Ir-Repubblika Taljana ssostni li, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni armonizzata fuq il-modalitajiet ta’ kisba tal-obbligu ta’ assigurazzjoni fil-qasam ta’ responsabbiltà ċivili tal-karozza, kull Stat Membru jibqa’ liberu li jagħżel is-soluzzjoni li hija l-aħjar għas-sitwazzjoni soċjali nazzjonali. Dan huwa, barra minn hekk, preċiżament, minħabba d-diiferenzi bejn s-sitwazzjonijiet nazzjonali differenti li l-leġiżlatur Komunitarju ma setax jiffissa r-regoli ta’ armonizzazzjoni f’dan ir-rigward.

57

Ir-Repubblika tal-Finlandja tesponi li, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk l-obbligu li jiġi konkluż kuntratt jirristrinġix il-liberta li jiġu pproduti servizzi, dan huwa f’kull każ iġġustifikat.

58

F’dan ir-rigward, dan l-Istat Membru josserva li teżisti rabta stretta bejn l-assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili tal-karozza u s-sigurtà soċjali minħabba r-rimbors tal-ispejjeż ta’ sptarijiet u ta’ rkupru ta’ vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku kif ukoll dawk relatati mat-telf ta’ salarju sostnut minnhom.

59

Skont ir-Repubblika tal-Finlandja, l-obbligu li jiġi konkluż kuntratt huwa neċessarju u proporzjonat għall-kisba tal-għanijiet imfittxija. Fil-fatt, dan jikkonsistwixxi għall-konsumatur il-mezz l-iktar sempliċi sabiex josserva l-obbligu legali tiegħu.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

— Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi

60

Huwa paċifiku li l-obbligu li jiġi konkluż kuntratt japplika mingħajr distinzjoni għall-impriżi kollha li jipprovdu l-assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili tal-karozza fit-territorju Taljan.

61

Il-Kummissjoni tqis madankollu li l-imsemmi obbligu, sa fejn dan inaqqas il-possibbiltà għall-impriżi ta’ assigurazzjoni li jwettqu b’mod awtonomu l-għażliet strateġiċi ta’ suq, jostakola l-istabbiliment u l-provvista ta’ servizzi fl-Italja li għandhom l-uffiċċju prinċipali fi Stat Membru ieħor.

62

Hija ġurisprudenza stabbilita li l-kunċett ta’ “restrizzjoni” fis-sens tal-Artikoli 43 KE u 49 KE jirrigwarda l-miżuri kollha li jipprojbixxu, ifixklu jew jagħmlu inqas attraenti l-eżerċizzju ta’ din il-libertà (sentenzi CaixaBank France, iċċitata iktar ’il fuq, punt 11; tat-13 ta’ Diċembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-465/05, Ġabra p. I-11091, punt 17, u tas-17 ta’ Lulju 2008, Il-Kummissjoni vs Franza, C-389/05, Ġabra p. I-5337, punt 52).

63

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar f’liema ċirkustanzi miżura li tapplika mingħajr distinzjoni, bħall-obbligu li jiġi konkluż kuntratt inkwistjoni f’dan il-każ, tista’ taqa’ taħt l-imsemmi kunċett, għandu jitfakkar li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ma tikkostitwixxix restrizzjoni fis-sens tat-Trattat KE minħabba l-fatt biss li Stati Membri oħra japplikaw regoli inqas restrittivi jew ekonomikament iktar interessanti għal dawk li jipprovdu servizzi simili stabbiliti fit-territorju tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Mejju 1995, Alpine Investments, C-384/93, Ġabra p. I-1141, punt 27, u tat-12 ta’ Lulju 2005, Schempp, C-403/03, Ġabra p. I-6421, punt 45).

64

Min-naħa l-oħra, il-kunċett ta’ restrizzjoni jkopri l-miżuri meħuda minn Stat Membru li, minkejja applikabbli mingħajr distinzjoni, jaffettwaw l-aċċess għas-suq għall-impriżi ta’ Stati Membri oħra u jostakolaw b’hekk il-kummerċ intra-Komunitarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Alpine Investments, punti 35 u 38 u CaixaBank France, punt 12).

65

F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-obbligu li jiġi konkluż kuntratt ma għandux riperkussjonijiet għall-approvazzjoni mill-awtoritajiet Taljani tal-awtorizzazzjoni amministrattiva, imsemmija fil-punt 13 ta’ din is-sentenza, li l-impriżi ta’ assigurazzjoni li għandhom l-uffiċċju prinċipali fi Stat Membru li mhuwiex r-Repubblika Taljana jiksbu fl-Istat Membru fejn huma għandhom l-uffiċċju prinċipali. Dan, għaldaqstant, iħalli intatt id-dritt ta’ aċċess għas-suq Taljan tal-assigurazzjoni għal responsabbilità ċivili tal-karozza li jirriżulta mill-imsemmija awtorizzazzjoni.

66

Madankollu, l-impożizzjoni minn Stat Membru ta’ obbligu li jiġi konkluż kuntratt bħal dak inkwistjoni tikkostitwixxi interferanza sostanzjali fil-libertà li jiġi konkluż kuntratt li l-operaturi ekonomiċi, fil-prinċipju, għandhom.

67

F’settur bħal dak tal-assigurazzjoni, tali miżura taffettwa l-aċċess għas-suq tal-operaturi kkonċernati, b’mod partikolari meta hija tissuġġetta l-impriżi ta’ assigurazzjoni mhux biss għall-obbligu li jieħdu kull riskju propost lilhom, iżda wkoll għall-eżiġenzi ta’ restrizzjonijiet tar-rati tal-primjum.

68

Fil-fatt, inkwantu dan jobbliga l-impriżi ta’ assigurazzjoni li jiedħlu fis-suq Taljan li jaċċettaw kull klijent potenzjali, dan l-obbligu li jiġi konkluż kuntratt huwa ta’ natura li jinvolvi, f’termini ta’ organizzazzjoni u ta’ investiment, spejjeż sinjfikattivi addizzjonali għal dawn l-impriżi.

69

Dawn huma obbligati, jekk iridu jidħlu fis-suq Taljan f’kundizzjonijiet kompatibbli mal-leġiżlazzjoni Taljana, li jerġgħu jippjanaw mill-ġdid il-politika u l-istrateġiji kummerċjali tagħhom, b’mod partikolari billi jżidu b’mod kunsiderevoli l-gamma tas-servizzi ta’ assigurazzjoni offerti.

70

Sa fejn dan jinvolvi l-adattament u l-ispejjeż ta’ tali skala għall-imsemmija impriżi, l-obbligu li jiġi konkluż kuntratt irendi inqas attraenti l-aċċess għas-suq Taljan u, fil-każ ta’ aċċess għal dan is-suq, inaqqas il-kapaċità tal-impriżi kkonċernati li jipprovdu, mill-ewwel, kompetizzjoni effettiva għall-impriżi tradizzjonalment stabbiliti fl-Italja (ara f’dan is-sens, is-sentenza CaixaBank France, iċċitata iktar ’il fuq, punti 13 u 14).

71

Għaldaqstant, l-obbligu li jiġi konkluż kuntratt jirrestrinġi l-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

— Fuq il-ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni

72

Restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi tista’ tiġi aċċettata jekk jirriżulta li din isservi raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, li hija tista’ tiggarantixxi l-ksib tal-għan li hija tfittex u li hija ma tmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla et, C-94/04 u C-202/04, Ġabra p. I-11421, punt 6; tat-13 ta’ Diċembru 2007, United Pan-Europe Communications Belgium et, C-250/06, Ġabra p. I-11135, punt 39, kif ukoll tal-1 ta’ April 2008, il-Gvern tal-Komunità Franċiża u l-Gvern tal-Komunità ta’ Wallonie, C-212/06, Ġabra p. I-1683, punt 55).

73

Sabiex jiġi ġġustifikat l-obbligu li jiġi konkluż kuntratt, ir-Repubblika Taljana tinvoka diversi għanijiet, fosthom il-protezzjoni soċjali ta’ vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku.

74

Dan l-għan ta’ protezzjoni soċjali, li jikkonsisti essenzjalment f’garanzija ta’ kumpens xieraq tal-imsemmija vittmi, jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni bħala raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali.

75

Fil-fatt, kif jirriżulta mil-leġiżlazzjoni Taljana ċċitata fil-punti 3 sa 12 ta’ din is-sentenza u kif enfassizaw ir-Repubblika Taljana u r-Repubblika tal-Finlandja, l-iskop stess tal-assigurazzjoni obbligatorja għal responsabbiltà ċivili tal-karozza huwa li jiġi ggarantit il-kumpens tal-vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku.

76

Mill-istess kuntest ġuridiku jirriżulta li l-imsemmi kumpens huwa prinċipalment finanzjat abbażi ta’ kuntratti magħmula minn impriżi ta’ assigurazzjoni, filwaqt li l-fondi ta’ garanzija kreati f’kull Stat Membru għandhom rwol sussidjarju biss sabiex il-vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku jiġu kkumpensati, fil-każ fejn l-inċident ġie kkawżat minn vettura li ma tissodisfax l-obbligu ta’ assigurazzjoni.

77

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 72/166 jimponi, għaldaqstant, fuq l-Istati Membri li jieħdu l-miżuri neċessarji kollha sabiex iċ-ċittadini tagħhom jissodisfaw l-obbligu li jikkonsisti f’li jiġi konkluż kuntratt ta’ assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili tal-karozza.

78

Għandu jiġi kkonstatat li wieħed mill-mezzi li jippermetti lill-Istati Membri li josservaw dan l-obbligu impost mill-Artikolu 3 tad-Direttiva 72/166, jikkonsisti f’li jiżguraw li kull proprjetarju ta’ vettura jkun jista’ jieħu tali assigurazzjoni b’rata mhux eċċessiva.

79

F’dan ir-rigward, l-argument tal-Kummissjoni li l-għan ta’ protezzjoni soċjali tal-vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku huwa, f’kull każ, miksub bl-eżistenza f’kull Stat Membru ta’ fondi ta’ garanzija ma jistax jintlaqa’.

80

Ċertament, l-eżistenza tal-fondi ta’ garanzija tiżgura li l-vittmi ta’ inċidenti kkawżati minn vetturi li għalihom ma ġiex sodifatt l-obbligu ta’ assigurazzjoni, ikunu kkumpensati. Huwa għaldaqstant kostanti li, anki fin-nuqqas ta’ obbligu li jiġi konkluż kuntratt hekk kif stabbilit mir-Repubblika Taljana, kull vittma ta’ inċident tat-traffiku jirċievi kumpens.

81

Madankollu, hekk kif ġie osservat fil-punt 76 ta’ din is-sentenza, jirriżulta wkoll mil-leġiżlazzjoni Komunitarja li l-eżistenza ta’ kuntratt individwali ta’ assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili tal-karozza u l-possibbiltà li dan jiġi invokat direttament lill-impriża ta’ assigurazzjoni jikkostitwixxu l-bażi prinċipali tal-vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku. F’dawn il-kundizzjonijiet, ma jistax jiġi lmentat li l-Istati Membri ħadu inizjattivi intiżi sabiex jiġi evitat li l-proprjetarji ta’ vetturi ma jkunux kapaċi jissodisfaw l-obbligu tagħhom li jieħdu assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili tal-karozza.

82

Minn dan li jippreċedi jirriżulta li obbligu li jiġi konkluż kuntratt inkwistjoni huwa xieraq sabiex jikkontribwixxi għall-implementazzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja relatata mal-obbligu, għal kull proprjetarju ta’ vettura, li jieħu assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili tal-karozza u, għaldaqstant, għall-kisba tal-għan ta’ din il-leġiżlazzjoni, li huwa li jiġi ggarantit l-għan ta’ din il-leġiżlazzjoni, li huwa li jiġi ggarantit kumpens adegwat lill-vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku.

83

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-obbligu li jiġi konkluż kuntratt hekk kif fis-seħħ fir-Repubblika Taljana jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkiseb l-għan ta’ protezzjoni soċjali tal-vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku, għandu jitfakkar, qabel kollox, li mhuwiex indispensabbli, fir-rigward tal-kriterju ta’ proporzjonalità, li l-miżura restrittiva stabbilita mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru tikkorrispondi għal kunċett komuni għall-Istati Membri kollha għal dak li jikkonċerna l-modalitajiet ta’ protezzjoni tal-interess leġittimu inkwistjoni.

84

Fil-fatt, is-sitwazzjoni relatata mat-traffiku tat-triq u mal-għanijiet ta’ interess pubbliku rilevanti f’dan il-qasam tvarja minn Stat Membru għal ieħor. Konsegwentement, għandu jiġi rrikonoxxut lill-Istati Membri marġini ta’ diskrezzjoni f’dan il-qasam. Għalkemm huwa minnu li huwa l-Istat Membru li jinvoka rekwiżit imperattiv sabiex jiġġustifika restrizzjoni fis-sens tat-Trattat KE li juri li l-leġiżlazzjoni tiegħu hija adegwata u meħtieġa sabiex jintlaħaq l-għan leġittimu mixtieq, dan l-oneru tal-prova ma jistax iwassal sabiex dan l-Istat Membru jintalab juri, b’mod pożittiv, li ebda miżura immaġinabbli oħra ma tippermetti li jintlaħaq dan il-għan fl-istess kundizzjonijiet (sentenza tal-10 ta’ Frar 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-110/05, Ġabra p. I-519).

85

Għaldaqstant, il-fatt li ċerti Stati Membri għażlu li jistabbilixxu sistema differenti minn dik stabbilita mir-Repubblika Taljana sabiex jiggarantixxu li kull proprjetarju ta’ vettura jkun jista’ jikkonkludi b’rata mhux eċċessiva kuntratt ta’ assigurazzjoni ċivili tal-karozza, mhuwiex ta’ natura li juri li l-obbligu li jiġi konkluż kuntratt jmur lil hinn minn dak meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxa. L-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ sistemi stabbilti f’ċerti Stati Membri oħra barra mir-Repubblika Taljana, ma jippermettux barra minn hekk li jiġi konkluż li dawn is-sistema huma, fl-aħħar mill-aħħar inqas restrittivi u iktar vantaġġużi għall-impriżi ta’ assigurazzjoni mill-obbligu li jiġi konkluż kuntratt stabbilit mil-leġiżlatur Taljan.

86

Insegwitu, għandu jiġi eżaminat ir-raġunament tal-Kummissjoni li huwa sproporzjonat li jiġi impost fuq l-impriżi ta’ assigurazzjoni obbligu li jiġi konkluż kuntratt mal-klijenti potenzjali kollha u dan fit-territorju Taljan kollu.

87

Dwar dan is-suġġett, ir-Repubblika Taljana sostniet, mingħajr ma ġiet kontradetta fuq dan il-punt mill-Kummissjoni, li jeżistu fil-parti tan-Nofsinhar tat-territorju tagħha ċirkustanzi diffiċli li jeħtieġu miżura korrettiva min-naħa tal-awtorità pubblika sabiex l-assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili tal-karozza tkun tista’ tiġi pprovduta fil-kundizzjonijiet li huma aċċettabbli kemm għat-titolari tal-poloz kif ukoll għall-impriżi ta’ assigurazzjoni.

88

Jirriżulta, b’mod partikolari, li n-numru ta’ inċidenti tat-traffiku ddikjarati għand l-impriżi ta’ assigurazzjoni huwa partikolarment għoli f’ċerti żoni tan-Nofsinhar tal-Italja. Din is-sitwazzjoni twassal għal żieda kunsiderevoli ta’ riskji finanzjarji mġarrba mill-imsemmija impriżi f’dan ir-reġjun.

89

F’dawn il-kundizzjonijiet, ir-Repubblika Taljana setgħet tikkonsidra li kien xieraq li timponi fuq l-impriżi kollha li joperaw fit-territorju tagħha obbligu li jikkonkludu kuntratt mal-proprjetarji ta’ vetturi ddomiċiljati fl-Italja, sabiex jiġi evitat li dawn l-impriżi jirtiraw mill-parti tan-Nofsinhar tat-territorju Taljan u jipprivaw b’hekk lill-proprjetarji ta’ vetturi li huma ddomiċiljati hemm mill-possibbiltà li jieħdu assigurazzjoni, li hija obbligatorja, għal responsabbiltà ċivili tal-karozza.

90

Barra minn hekk, jirriżulta mill-Artikolu 11(1a) tal-Liġi Nru 990/69 u mill-Artikolu 35(1) tal-Kodiċi tal-assigurazzjonijiet Privati li, billi ħadet l-imsemmija miżura, ir-Repubblika Taljana ma pprojbitx lill-impriżi ta’ assigurazzjoni milli japplikaw rati differenti skont l-istatistiċi storiċi tal-ispiża medja tar-riskju fi ħdan kategoriji ta’ assigurati ddefiniti b’mod suffiċjentement wiesgħa’.

91

B’mod partikolari huwa paċifiku li l-obbligu li jiġi konkluż kuntratt ma jimpedixxix lill-impriżi ta’ assigurazzjoni milli jikkalkolaw rata ogħla għal titolari ta’ polza ddomiċiljat f’żona kkaratterizzata minn numru sinjifikattiv ta’ inċidenti minn dik għal titolari ta’ polza ddomiċiljat f’żona b’riskju inqas għoli.

92

Għal bqija, ma jistax jiġi eskluż li limitu tal-obbligu li jiġi konkluż kuntratt għal parti biss tan-Nofsinhar tat-territorju Taljan joħloq, hekk kif issostni r-Repubblika Taljana, sitwazzjoni legalment dubbjuża inkwantu proprjetarji ta’ vetturi ddomiċiljati f’reġjuni Taljani oħra jistgħu jinvokaw trattament mhux ugwali fil-każ fejn huma jkunu affaċjati, f’reġjun li fih ma hemmx bżonn dan l-obbligu li jiġi konkluż kuntratt, diffikultajiet sabiex isibu impriża ta’ assigurazzjoni disposta biex tikkonkludi kuntratt ta’ assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili tal-karozza.

93

Minn dan kollu li ntqal hawn fuq jirriżulta li l-obbligu li jiġi konkluż kuntratt huwa xieraq sabiex tiġi ggarantita l-kisba tal-għan li dan ifittex u li ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq.

94

Isegwi li l-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 43 KE u 49 KE għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 6, 29 u 39 tad-Direttiva 92/49 minħabba kriterji li għandhom jiġu osservati għall-kalkolu ta’ primjums ta’ assigurazzjoni u minħabba l-kontroll ex post facto li għalih huma suġġetti dawn il-primjums

L-argumenti tal-partijiet

95

Skont il-Kummissjoni, ladarba tiġi stabbilita l-inkompatibbiltà mad-dritt Komunitarju tal-obbligu li jiġi konkluż kuntratt impost mill-Artikolu 11(1) tal-Liġi Nru 990/69, huwa inevitabbli li dan ifisser li l-Artikolu 11(1a) ta’ din il-liġi huwa inkompatibbli mal-Artikoli 6, 29 u 39 tad-Direttiva 92/49. Fil-fatt, kif affermat ir-Repubblika Taljana stess, il-kriterji ffissati għall-kalkolu tal-primjums ta’ assigurazzjoni huma intiżi sabiex jiggarantixxu l-osservanza tal-obbligu li jiġi konkluż kuntratt.

96

B’mod partikolari, l-obbligu għall-impriżi ta’ assigurazzjoni li jiffissaw il-primjums ta’ assigurazzjoni skont il-“bażijiet tekniċi tagħhom li għandhom ikunu biżżejjed wiesa’ u għandhom ikollhom terminu ta’ mill-inqas ħames snin” u li jikkonformawhom ma’ medju speċifiku tas-suq, u wkoll li jassuġġettawhom għall-kontroll ex post facto u l-possibbiltà għall-ISVAP li japplika sanzjonijiet ta’ ammont kunsiderevoli, jikkostitwixxu ksur tal-prinċipju tal-libertà li jiġu ffissati r-rati msemmija l-imsemmija artikoli tad-Direttiva 92/49.

97

Ir-Repubblika Taljana tosserva li l-prinċpji tar-rati stabbiliti fil-Liġi Nru 990/69 għandhom bħala għan ewlieni li titneħħa t-tendenza li tikkonsisti li ċerti impriżi ta’ assigurazzjoni jiskorraġixxu konsumaturi milli jieħdu polza ta’ assigurazzjoni minn għandhom billi jikkalkolaw rata eċċessiva. L-imsemmija prinċipji jikkorrispondu għar-regoli tekniċi ordinarji ta’ determinazzjoni ta’ rati u għall-prinċipji attwarjali segwiti mill-impriżi ta’ assigurazzjoni.

98

Skont ir-Repubblika Taljana, l-imsemmija dispożizzjonijiet ma jobbligaw bl-ebda mod impriża ta’ assigurazzjoni li tipprattika prezzijiet simili għall-medja tas-suq jew li ma teskludix b’mod sinifikattiv rati applikabbli matul l-aħħar ħames snin. Hija tispjega li l-impriżi jiffissaw ir-rati abbażi tal-iżvilupp li huma raw fil-passat u li huma għandhom id-dritt iżidu, anki b’mod sinifikattiv, il-livell tal-primjums ta’ assigurazzjoni inkwistjoni abbażi ta’ żvilupp negattiv fis-sens ta’ inċidenti.

99

Fir-rigward tal-ISVAP, ir-Repubblika Taljana tosserva li din l-awtorità tintervjeni biss kontra l-impriżi li japplikaw primjums ta’ assigurazzjoni mingħajr ebda ġustifikazzjoni teknika valida, li jirriflettu abbuż ta’ rati manifesti u mġieba diskriminatorja bejn l-assigurati. Hija ssostni li fil-każijiet li fihom l-ISVAP jintervjeni, dan ma jkunx biss minħabba rati sempliċiment għolja, iżda rata verament abnormali, intiża sabiex tiċħad kopertura ta’ assigurazzjoni. B’hekk, primjums annwali ta’ iktar minn EUR 7000 kienu ġew proposti lil ċerti konsumaturi.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

100

L-Artikoli 6, 29 u 39 tad-Direttiva 92/49 jipprojbixxu Stat Membru milli jintroduċi sistema ta’ approvazzjoni minn qabel jew ta’ notifika sistematika tar-rati li impriża ta’ assigurazzjoni tipproponi li tuża fit-territorju tiegħu fir-relazzjonijiet tagħha mat-titolari tal-poloz.

101

Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà sostniet, il-leġiżlatur Komunitarju ried jiggarantixxi l-prinċipju tal-libertà li jiġu stabbiliti r-rati tal-primjums fis-settur tal-assigurazzjoni għajr għall-ħajja, inkluż f’dak li għandu x’jaqsam mal-assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili tal-karozza. (sentenzi tal-25 ta’ Frar 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-59/01, Ġabra p. I-1759, punt 29, u tas-7 ta’ Settembru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C-346/02, Ġabra p. I-7517, punt 21).

102

F’dan il-każ, l-Artikolu 11(1a) tal-Liġi Nru 990/69 u l-Artikolu 35(1) tal-Kodiċi tal-Assigurazzjonijiet Privati jobbligaw lill-impriżi li jipprovdu l-assiguranza għal responsabbiltà ċivili tal-karozza li jikkalkolaw separatament, il-primjums puri u żidiet fil-primjums skont il-bażijiet tekniċi tagħhom li għandhom ikunu biżżejjed wiesgħa u għandhom ikollhom terminu ta’ mill-inqas ħames snin.

103

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk ir-regola hijiex kompatibbli mal-prinċipju tal-libertà li tiffissa rata hekk kif imfakkar qabel, għandu jingħad, l-ewwelnett, li din ma tintroduċix sistema ta’ approvazzjoni minn qabel jew notifika sistematika ta’ rati.

104

It-tieni nett, għall-kuntrarju ta’ dak li tafferma l-Kummissjoni, l-imsemmija regola ma timponix fuq impriżi ta’ assigurazzjoni li jimxu fir-rigward tar-rati taħghhom fuq il-medja tas-suq. Għall-kuntrarju ta’ dan, l-Artikolu 11(1a) u l-Artikolu 35(1) tal-Kodiċi tal-Assigurazzjoni Privata jipprevedu li l-impriżi ta’ assigurazzjoni jikkalkolaw ir-rati tagħhom skont il-bażi tekniċi tagħhom, filwaqt li jippreċiżaw li, meta tali bażijiet mhumiex disponibbli, l-impriżi ta’ assigurazzjoni jistgħu jużaw statistiċi tas-suq.

105

It-tielet nett, sa fejn l-Artikolu 11(1a) tal-Liġi Nru 990/69 u l-Artikolu 35(1) tal-Kodiċi tal-Assigurazzjoni Privati jistgħu jkollhom riperkussjonijiet fuq ir-rati inkwantu huma joħorġu qafas tekniku li fih l-impriżi tal-assigurazzjoni għandhom jikkalkolaw il-primjums tagħhom, għandu jiġi kkonstatat li tali limitazzjoni tal-libertà li tiffissa rata mhijiex pprojbita mid-Direttiva 92/49.

106

Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li armonizzazzjoni kompleta fil-kuntest tar-rati tal-primjums fil-qasam tal-assigurazzjoni għajr għall-ħajja li teskludi l-miżuri nazzjonali kollha li jista’ jkollhom riperkussjonijiet fuq ir-rati tal-primjums ma tistax tiġi preżunta fin-nuqqas ta’ intenzjoni espressa b’mod ċar f’dan is-sens mil-leġiżlatur Komunitarju (sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Lussembourgu, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24).

107

Il-Kummissjoni, barra minn hekk, la wriet u lanqas allegat li r-regola ta’ kalkolu imposta mil-leġiżlatur Taljan hija inkompatibbli mar-regoli tekniċi ta’ determinazzjoni ta’ rati u l-prinċipji attwarjali segwiti fis-settur tal-assigurazzjoni.

108

Minn dan li ntqal hawn fuq jirriżulta li l-ilment bbażat fuq ksur tal-Artikoli 6, 29 u 39 tad-Direttiva 92/49 għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ilment ta’ ksur tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 92/49 minħabba l-kuntroll fuq il-modalitajiet ta’ kalkolu tal-primjums ta’ assigurazzjoni u minħabba l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet

L-argumenti tal-partijiet

109

Skont il-Kummissjoni, il-kontroll eżerċitat mill-ISVAP skont l-Artikolu 11(1a) tal-Liġi Nru 990/69 u, fl-aħħar lok, tal-Artikoli 35(1) u 314(2) tal-Kodiċi tal-Assigurazzjoni Privati, fuq il-modalitajiet li skonthom l-impriżi ta’ assigurazzjoni li joperaw fl-Italja skont il-libertà ta’ stabbiliment jew il-libertà li jiġu pproduti servizzi jikkalkolaw il-primjums ta’ assigurazzjoni tagħhom, kif ukoll l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet, jikkostitwixxi ksur tal-qsim tal-kompetenzi bejn l-Istai Membri ta’ oriġini u Stat Membru ospitanti ffissat fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 92/49.

110

Mill-premessa 5 tad-Direttiva 92/49 jirriżulta li l-prinċipju ta’ kontroll mill-Istat Membru ta’ oriġini jikkostitwixxi wieħed mill-għanijiet essenzjali tal-imsemmija direttiva. Kull deroga għal dan il-prinċipju għandha tingħata interpretazzjoni stretta.

111

Issa, ebda dispożizzjoni ma tilleġittima l-interventi inkwistjoni tal-ISVAP. Għall-kuntrarju, ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 92/49, bħall-Artikoli 11 u 40 tagħha, jagħtu kamp ta’ applikazzjoni iktar wiesa’ għall-prinċipju ta’ kontroll mill-Istat Membru ta’ oriġini.

112

Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li, meta l-ISVAP għandu l-ħsieb li jintervjeni fuq il-primjums ta’ assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili tal-karozza li huma pprattikati mill-impriżi ta’ assigurazzjoni li għandhom l-uffiċċju prinċipali fi Stat Membru li mhwiex ir-Repubblika Taljana, huwa għandu jinnotifika l-irregolaritajiet preżunti lill-awtoritajiet ta’ kontroll tal-Istat Membri ta’ oriġini billi jitlob lil dawn tal-aħħar sabiex jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex iwaqqfu l-ksur.

113

Ir-Repubblika Taljana tosserva li l-interventi fil-qasam tar-rati li għandhom bħala għan il-protezzjoni tal-konsumaturi ma jaqgħux taħt is-sorveljanza finanzjarja tal-impriżi ta’ assigurazzjoni fis-sens tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 92/49. Fil-fatt, l-istrumenti ta’ protezzjoni tal-istabbiltà finanzjarja, li l-użu tagħhom huwa rriżervat għall-awtoritajiet tal-Istati Membri ta’ oriġini, huma kkostitwiti mill-marġini ta’ solvenza u mill-kopertura ta’ riżervi tekniċi. Issa, dawn l-istrumenti ma għandhomx x’jaqsmu mal-protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumatur.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

114

Hekk kif tosserva l-Kummissjoni, id-Direttiva 92/49 tistabbilixxi, fil-premessa 5 u fl-Artikolu 9 tagħha, prinċipju tal-kontroll mill-Istat Membru ta’ oriġini.

115

Mandankollu, hekk kif jirriżulta mingħajr ambigwità mill-premessa 7 u mill-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva, dan il-prinċipju jestendi biss għas-sorveljanza finanzjarja tal-impriżi ta’ assigurazzjoni.

116

Huwa ċertament minnu li l-Artikolu 9 tad-Direttiva 92/49 jiddefinixxi b’mod mhux eżawrjenti l-kamp ta’ applikazzjoni tal-prinċipju tal-kontroll mill-Istat Membru ta’ oriġini, billi jistabbilixxi li s-sorveljanza finanzjarja tinkludi “b’mod partikolari” l-verifika tal-istat ta’ solvenza u tal-istabbiliment ta’ dispożizzjonijiet tekniċi. Minkejja dan, din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata li tfisser fl-intenzjoni tal-leġiżlatur Komunitarju li l-Istat Membru ta’ oriġini għandu kompetenza esklużiva ta’ kontroll li testendi fuq l-imġieba kummerċjali tal-impriżi ta’ assigurazzjoni.

117

Minn dan isegwi li l-imsemmi Artikolu 9 ma jeskludix il-possibbiltà ta’ kontrolli bħal dawk eżerċitati mill-ISVAP.

118

Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti mhumiex kontradetti mill-Artikoli 11 u 40 tad-Direttiva 92/49 li l-Kummissjoni tinvoka fir-replika tagħha.

119

Fir-rigward tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 92/49, għandu jiġi kkonstatat li dan jemenda dispożizzjoni tad-Direttiva 73/239 li, bħad-dispożizzjonijiet kollha li jagħmlu parti mill-istess sezzzjoni tad-Direttiva 73/239, tikkonċerna s-solidità finanzjarja tal-impriżi tal-assigurazjoni. Il-Kummissjoni ma tistax, għaldaqstant, tibbaża ruħha fuq l-imsemmi Artikolu 11 sabiex issostni li l-kompetenza ta’ sorveljanza stabbilita hemmhekk tmur lil hinn mill-kwitsjoni tas-solidità finanzjarja.

120

Fir-rigward tal-Artikolu 40 tad-Direttiva 92/49, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, minn naħa, li l-Kummissjoni ma lmentatx li r-Repubblika Taljana interpretat b’mod żbaljat l-obbligi stabbiliti fil-paragrafi 3 sa 5 ta’ dan l-artikolu u, min-naħa l-oħra, li l-Artikolu 40(7) tal-imsemmija direttiva jikkonferma l-poter tal-Istat Membru ospitanti li jippenallizza l-ksur imwettaq fit-territorju tiegħu.

121

Mill-kunsiderazzjoni preċedenti kollha jirriżulta li dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

IV — Fuq l-ispejjeż

122

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.F’dan il-każ, il-Kummissjoni tilfet. Peress lir-Repubblika Taljana, madankollu, naqset milli titlob li l-Kummissjoni tiġi kkundanata tbati l-ispejjeż, hemm lok li tikkundanna r-Repubblika Taljana u l-Kummissjoni jbatu l-ispejjeż tagħhom.

123

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 69(4) tar-Regoli tal-Proċedura l-Istati Membri li jintervenjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Ir-Repubblika tal-Finlandja, parti intervenjenti, għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Repubblika Taljana u r-Repubblika tal-Finlandja għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

Top