EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006CJ0277

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tad-9 ta' Ottubru 2008.
Interboves GmbH vs Hauptzollamt Hamburg-Jonas.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Finanzgericht Hamburg - il-Ġermanja.
Direttiva 91/628/KEE - Rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni - Protezzjoni tal-annimali matul it-trasport - Trasport bil-baħar tal-annimali tal-ifrat bejn żewġ punti ġeografiċi tal-Komunità - Vettura mgħobbija fuq bastiment mingħajr ma jinħattu l-annimali - Perijodu ta’ mistrieħ ta’ 12-il siegħa - Obbligu.
Kawża C-277/06.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2008 I-07433

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2008:548

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

9 ta’ Ottubru 2008 ( *1 )

“Direttiva 91/628/KEE — Rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni — Protezzjoni tal-annimali matul it-trasport — Trasport bil-baħar tal-annimali tal-ifrat bejn żewġ punti ġeografiċi tal-Komunità — Vettura mgħobbija fuq bastiment mingħajr ma jinħattu l-annimali — Perijodu ta’ mistrieħ ta’ 12-il siegħa — Obbligu”

Fil-Kawża C-277/06,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Finanzgericht Hamburg (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Ġunju 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-, fil-kawża

Interboves GmbH

vs

Hauptzollamt Hamburg-Jonas,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President tal-Awla, A. Ó Caoimh, J. N. Cunha Rodrigues, J. Klučka (Relatur), u P. Lindh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: J. Swedenborg, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-23 ta’ Mejju 2007,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Interboves GmbH, minn O. Wenzlaff, Rechtsanwalt,

għalll-Hauptzollamt Hamburg-Jonas, minn S. Plenter, bħala aġent,

għall-Gvern Belġjan, minn A. Hubert, bħala aġent,

għall-Gvern Elleniku, minn V. Kontolaimos u S. Papaioannou, bħala aġenti,

għall-Gvern Żvediż, minn A. Kruse u S. Johannesson, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn F. Erlbacher u J. C. Schieferer, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-13 ta’ Marzu 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 48.7(a) u (b) tal-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 91/628/KEE, tad-19 ta’ Novembru 1991, dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u li temenda d-Direttivi 90/425/KEE u 91/496/KEE (ĠU L 340, p. 17), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 95/29/KE, tad- (ĠU L 148, p. 52, iktar ’il quddiem id-Direttiva 91/628).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Interboves GmbH (iktar ’il quddiem “Interboves”) u l-Hauptzollamt Hamburg-Jonas (iktar ’il quddiem il-“Hauptzollamt”), dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jħallas xi rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni wara li l-imsemmija kumpannija ttrasportat xi annimali tal-ifrat ħajjin lejn l-ex Jugoslavja.

Il-kuntest ġuridiku

3

Skont l-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 91/628, din id-Direttiva tapplika għat-trasport tal-annimali domestiċi tal-ispeċi tal-annimali tal-ifrat.

4

Skont l-Artikolu 2(2) ta’ din id-Direttiva, it-termini li ġejjin għandhom ifissru:

“(b)

‘trasport’, kull ċaqlieq ta’ annimali, effettwat permezz ta’ trasport li jinvolvi t-tagħbija u l-ħatt ta’ l-annimali;

[…]

(g)

‘vjaġġ’, it-trasport mill-post tat-tluq sal-post tad-destinazzjoni;

(h)

‘perjodu ta’ mistrieħ’, perjodu kontinwu matul il-vjaġġ li matulu l-annimali mhumiex qegħdin jiġu mċaqalqa permezz ta’ mezz ta’ trasport;

[…]”

5

Il-punt 26 (b), (i) sa (iii) tal-Anness tal-imsemmija Direttiva jipprovdi:

“[…]

i)

il-kompartimenti ta’ l-annimali għandhom ikunu mwaħħla sewwa mal-vettura; il-vettura u l-kompartimenti ta’ l-annimali għandhom ikunu mgħammra b’faċilitajiet adekwati ta’ rbit li jkunu jippermettu li jiġu marbuta sew mal-bastiment. Fuq il-gverta mgħottija ta’ bastiment roll-on/roll-off, għandha tinżamm ventilazzjoni suffiċjenti għan-numru ta’ vetturi ttrasportati. Fejn possibbli, vettura għat-trasport ta’ l-annimali għandha titqiegħed viċin dħul ta’ l-arja friska;

ii)

il-kompartiment ta’ l-annimali għandu jkollhom numru suffiċjenti ta’ ventilaturi jew mezzi oħra biex jiġi assigurat li jkun ventilat kif xieraq, waqt li jingħata akkont li l-kurrenti ta’ l-arja huma ristretti fl-ispazju magħluq ta’ l-istiva tal-vapur għall-vetturi. Għandu jkun hemm spazju biżżejjed gewwa l-kompartiment ta’ l-annimali u f’kull wieħed mill-livelli tiegħu biex ikun assigurat li jkun hemm ventilazzjoni biżżejjed fuq l-annimali meta jkun bil-wieqfa fil-pożizzjoni naturali;

iii)

għandu jiġi provdut aċċess dirett għal kull parti tal-kompartiment ta’ l-annimali sabiex l-annimali jkunu jistgħu, fejn meħtieġ, jiġu kkurati, mitmugħa u mogħtija l-ilma matul il-vjaġġ.”

6

Il-punt 48 tal-Anness tad-Direttiva 91/628, intitolat “Interval ta’ tisqija u ta’ tmigħ, il-ħinijiet tal-vjaġġ u l-perjodi ta’ mistrieħ”, jipprovdi:

“[…]

2.

Il-ħinijiet tal-vjaġġ għall-annimali li jappartjenu għall-ispeċi li għalihom issir referenza [fl-Arikolu] 1 m’għandhomx jeċċedu t-tmien sigħat.

3.

Il-ħin ta’ vjaġġ massimu fil-punt 2 jista’ jiġi estiż meta l-vettura tat-trasport tissodisfa r-rekwiżiti addizzjonali li ġejjin:

ikun hemm saqqijiet biżżejjed fl-art tal-vettura,

il-vettura tat-trasport iġġorr għalf xieraq għall-ispeċi ta’ annimal trasportat u għall-ħin tal-vjaġġ,

hemm aċċess dirett għall-annimali,

ventilazzjoni adegwata hija possibbli u din tista’ tiġi aġġustata skond it-temperatura (ta’ ġewwa u ta’ barra),

hemm panewwijiet mobbli biex jinħolqu kompartamenti separati,

il-vetturi huma armati għal konnessjoni ma’ provvista ta’ l-ilma meta jkunu wiefqa,

[…]

4.

L-intervalli ta’ tmigħ u tat-tisqija, il-ħinijet tal-vjaġġ u l-perjodi ta’ mistrieħ meta jintużaw l-vetturi tat-triq li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-punt 3 huma definiti kif ġej:

[…]

d)

L-annimali l-oħra kollha ta’ l-ispeċi li għalihom issir referenza [fl-Artikolu] 1 iridu, wara 14-il siegħa ta’ vjaġġ, jingħataw perjodu ta’ mistrieħ ta’ mill-inqas siegħa li tkun biżżejjed għalihom b’mod partikolari sabiex jingħataw likwidu u jekk ikun meħtieġ għalf. Wara dan il-perjodu ta’ mistrieħ, jistgħu jiġu trasportati għal 14-il siegħa oħra.

[…]

7.

a)

L-annimali m’għandhomx jiġu trasportati permezz tal-baħar jekk il-ħin tal-vjaġġ massimu jeċċedi dak stabbilit fil-punt 2, sakemm [salv jekk] il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punti 3 u 4, minbarra l-ħinijiet tal-vjaġġ u l-perjodu ta’ mistrieħ, jintlaħqu.

b)

Fil-każ ta’ trasport bil-baħar b’rabta [fuq rotta] regolari u diretta bejn […] żewġ punti ġeografiċi tal-Komunità permezz ta’ vetturi mgħobbija fuq bastimenti mingħajr ma jinħattu l-annimali, dawn ta’ l-aħħar iridu jingħataw mistrieħ għal 12-il siegħa wara li jinħattu fil-port ta’ destinazzjoni jew fil-viċinanza immedjata tagħha sakemm [salv jekk] il-ħin tal-vjaġġ bil-baħar huwa tali li l-vjaġġ jista’ jiġi inkluż fl-iskema ġenerali tal-punti 2 sa 4.

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

7

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fit-12 ta’ Ġunju 2002, Interboves iddikjarat lill-Hauptzollamt Friedrichshafen l-esportazzjoni ta’ 33 annimal tal-ifrat ħajjin lejn l-ex-Jugoslavja u talbet, għal dan il-għan, li tingħatalha rifużjoni fuq l-esportazzjoni.

8

Il-Hauptzollamt ċaħad din it-talba, permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Lulju 2003, minħabba li din il-kumpannija ma kinitx osservat il-punt 48.7(b) tal-Anness tad-Direttiva 91/628. Fil-fatt, il-Hauptzollamt ikkonstata li, skont il-pjan ta’ trasport, l-annimali tal-ifrat ġew ittrasportati matul perijodu ta’ trasport ta’ 23 siegħa, jiġifieri 14-il siegħa u 30 minuta ta’ trasport bil-baħar fuq bastiment roll-on/roll-off bejn Bari (l-Italja) u Igoumenitsa (il-Greċja) kif ukoll 8 sigħat u 30 minuta ta’ trasport bit-triq sa Evzoni, post li jinsab mal-fruntiera bejn il-Greċja u l-ex Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja, mingħajr ma saru arranġamenti għal ebda perijodu ta’ mistrieħ.

9

Interboves ippreżentat rikors amministrattiv kontra d-deċiżjoni tat-23 ta’ Lulju 2003, fejn sostniet, b’mod partikolari, li l-perijodu tat-traġitt bil-baħar ma kellux jiġi kkalkulat mal-ħin tat-trasport skont il-punt 48.7(a) tal-Anness tad-Direttiva 91/628.

10

Permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Ġunju 2005, il-Hauptzollamt ċaħad dan ir-rikors aministrattiv, u enfasizza li l-perijodu tat-traġitt bil-baħar kellu jitqies bħala estensjoni tat-trasport bit-triq. B’hekk, skont il- Hauptzollamt, sabiex jiġi vverifikat jekk iż-żmien totali tat-trasport kienx konformi mal-punt 48.7(b) tal-Anness tad-Direttiva 91/628, it-tul ta’ żmien tat-trasport bil-baħar kellu jiġi miżjud ma’ dak tat-trasport bit-triq li seħħew qabel u wara, li fil-kawża prinċipali, jammontaw għal 32 siegħa u 45 minuta.

11

Fil-21 ta’ Lulju 2005, Interboves ippreżentat rikors kontra d-deċiżjoni tal-, fejn reġgħet sostniet li kienet tikkunsidra li kienet osservat id-dispożizzjonijeit tad-Direttiva 91/628.

12

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Finanzgericht Hamburg iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-punt 48.7(a) […] tal-Anness tad-Direttiva 91/628/KEE jiffissa l-kundizzjonijiet bażiċi għat-trasport [ta’ annimali] bil-baħar b’tali mod li, bħala regola — u kemm-il darba jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet tal-punti 48.3 u 48.4 […] tal-[imsemmi] anness bl-eċċezzjoni taż-żminijiet tal-vjaġġ u l-perijodi ta’ mistrieħ — il-perijodi ta’ trasport bit-triq qabel u wara t-trasport bil-baħar m’humiex konnessi, anki fil-każ ta’ trasport ta’ annimali fuq l-hekk imsejħa bastimenti ‘roll-on/roll-off’?

2)

Il-punt 48.7(b) […] tal-Anness tad-Direttiva 91/628 […] jinkludi dispożizzjoni speċjali dwar l-hekk imsejħa bastimenti ‘roll-on/roll-off’ li joperaw fil-Komunità li tapplika b’mod kumulattiv mar-rekwiżiti tal-punt 48.4(d) [ta’ dan l-anness], b’tali mod li, mal-wasla tal-bastiment fil-port ta’ destinazzjoni, huwa biss jekk it-tul ta’ żmien tat-trasport bil-baħar kien kontra r-regoli ġenerali tal-punti 48.2 sa 48.4 […] tal-Anness [tal-imsemmija] Direttiva — jiġifieri perijodu massimu ta’ 29 siegħa, [ara] l-punt 48.4(d) — li jibda perijodu massimu ġdid ta’ 29 siegħa u li għandu jiġi rrispettat perijodu ta’ mistrieħ ta’ 12-il siegħa?”

Osservazzjonijiet preliminari

13

Fid-deċiżjoni tagħha, il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-punt 48.4(d) tal-Anness tad-Direttiva 91/628, li jistabbilixxi r-regola magħrufa bħala tal-“14+1+14”. Skont dan il-punt, l-annimali għandhom, wara 14-il siegħa ta’ trasport, jingħataw perijodu biżżejjed ta’ mistrieħ, ta’ mill-inqas siegħa, biex jingħataw jixorbu u, jekk ikun hemm bżonn, jieklu. Wara dan il-perijodu ta’ mistrieħ, it-trasport jista’ jkompli għal perijodu ġdid ta’ 14-il siegħa oħra.

14

Fid-dawl tal-kliem użat fit-tieni domanda preliminari, jidher li l-qorti tar-rinviju tinterpreta r-regola stipulata fil-punt 48.4(d) bħala li tawtorizza perijodu ta’ trasport massimu ta’ 29 siegħa.

15

Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 18 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-punt 48.4(d) tal-Anness tad-Direttiva 91/628 jistabbilixxi perijodu massimu ta’ trasport ta’ 28 siegħa, interrott minn perijodu minimu ta’ mistrieħ ta’ siegħa wara l-ewwel parti ta’ 14-il siegħa.

16

Għaldaqstant, ir-regola magħrufa bħala tal-“14+1+14” stipulata fil-punt 48.4(d) għandha tinftiehem fis-sens li tawtorizza perijodu massimu ta’ trasport ta’ 28 siegħa, interrott minn perijodu minimu ta’ mistrieħ ta’ siegħa.

Fuq id-domandi preliminari

17

Permezz tal-ewwel u t-tieni domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, fl-ewwel lok, jekk trasport b’bastiment roll-on/roll-off, fuq rotta regolari u diretta bejn żewġ punti ġeografiċi tal-Komunità, kif deskritt fil-punt 48.7(b) tal-Anness tad-Direttiva 91/628, jistax jiġi kkunsidrat bħala trasport bil-baħar fis-sens tal-punt 48.7(a) ta’ dan l-anness. Fil-każ ta’ risposta affermattiva, hija tistaqsi, fit-tieni lok, jekk il-perijodu ta’ trasport bit-triq li jiġu qabel u dak li jiġi wara t-trasport fuq bastiment roll-on/roll-off għandhomx ikunu konnessi bejniethom. Fit-tielet lok, hija tistaqsi jekk, wara trasport b’bastiment roll-on/roll-off li jidher li jkun dam iktar minn 14-il siegħa, jiġifieri l-perijodu massimu ta’ trasport previst fil-punt 48.4(d) tal-Anness tad-Direttiva 91/628, qabel il-perijodu minimu ta’ siegħa ta’ mistrieħ, l-annimali għandhomx jibbenefikaw minn perijodu ta’ mistrieħ ta’ 12-il siegħa skont l-imsemmi punt 48.7(b) jew jekk, it-trasport bit-triq jistax iseħħ immedjatament wara l-ħatt, għal perijodu massimu ta’ 28 siegħa, interrott minn perijodu minimu ta’ mistrieħ ta’ siegħa.

18

Skont il-qorti tar-rinviju, il-punt 48.7(a) tal-Anness tad-Direttiva 91/628 jiffissa l-kundizzjonijiet bażiċi applikabbli għat-trasport bil-baħar, inkluż it-trasport permezz ta’ bastimenti roll-on/roll-off.

19

Minn dan jirriżulta, fl-ewwel lok, li d-dispożizzjonijiet relattivi għall-perijodu ta’ trasport u għall perijodu ta’ mistrieħ ma japplikawx għat-trasport bil-baħar meta l-kundizzjonijiet previsti fil-punt 48.3 sa 48.4 ta’ dan l-anness huma sodisfatti. Fit-tieni lok, il-perijodu ta’ trasport bit-triq li jiġu qabel u dak li jiġi wara t-trasport bil-baħar mhumiex konnessi. Fit-tielet lok, perijodu massimu ġdid ta’ trasport ta’ 28 siegħa fis-sens tal-Artikolu 48.4(d) tal-Anness tad-Direttiva 91/628, interrot minn perijodu minimu ta’ mistrieħ ta’ siegħa, jista’ jibda immedjatament mal-wasla tal-bastiment roll-on/roll-off fil-port ta’ destinazzjoni.

20

B’mod preliminari, għandu jiġi mfakkar, minn naħa, li l-punt 48 tal-Anness tad-Direttiva 91/628 jistabbilixxi r-regoli dwar l-intervalli ta’ tisqija u ta’ tmigħ, kif ukoll it-tul taż-żmien tal-vjaġġ u l-perijodi ta’ mistrieħ tal-annimali, inklużi l-annimali tal-ifrat, elenkati fl-Artikolu 1(1)(a) ta’ din id-Direttiva, matul it-trasport tagħhom, bl-eċċezzjoni tat-trasport bl-ajru.

21

Min-naħa l-oħra, it-tul taż-żmien tal-vjaġġ u l-perijodi ta’ mistrieħ, fil-każ tat-trasport bil-baħar, huma rregolati mill-punt 48.7(a) u (b) tal-imsemmi anness. Il-punt 48.7(a) jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali applikabbli għat-trasport bil-baħar u l-punt 48.7(b) jispeċifika l-kundizzjonijiet li taħthom perijodu ta’ mistrieħ ta’ 12-il siegħa għandu jiġi osservat fil-każ ta’ trasport b’bastiment roll-on/roll-off fuq rotta regolari u diretta bejn żewġ punti ġeografiċi tal-Komunità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Schwaninger, C-207/06, Ġabra p. I-5561, punti 23, 24 u 30).

22

Għal dak li jikkonċerna, fl-ewwel lok, il-kwalifika ta’ trasport b’bastiment roll-on/roll-off fuq rotta regolari u diretta bejn żewġ punti ġeografiċi tal-Komunità bħala trasport bil-baħar, għandu jiġi rrilevat, kif għamel l-Avukat Ġenerali fil-punt 28 tal-konklużjonijiet tiegħu, li jirriżulta kemm mill-kliem tal-punt 48.7(b) tal-Anness tad-Direttiva 91/628 kif ukoll mill-punt 26 ta’ dan l-anness li, minkejja l-karatteristiċi partikolari tiegħu, it-trasport b’bastiment roll-on/roll-off huwa trasport bil-baħar.

23

Fil-fatt, minn naħa, il-punt 48.7(b) tal-imsemmi anness jirreferi espressament għal dan il-mezz ta’ trasport bħala li jikkostitwixxi mezz ta’ trasport bil-baħar. Min-naħa l-oħra, jirriżulta mill-punt 26 ta’ dan l-istess anness li meta l-leġiżlatur Komunitarju rregola l-miżuri partikolari li għandhom jittieħdu għall-mezzi tat-trasport tal-annimali, huwa inkluda dan it-tip ta’ bastiment fost il-mezzi ta’ trasport bil-baħar.

24

Peress li t-trasport b’bastiment roll-on/roll-off huwa trasport bil-baħar, jirriżulta li l-punt 48.7(a) u (b) tal-Anness tad-Direttiva 91/628 huwa applikabbli għalih.

25

Għal dak li jirrigwarda, imbagħad, il-kwistjoni jekk il-perijodu tat-trasport bit-triq li jiġi qabel u dak li jiġi wara trasport b’bastiment roll-on/roll-off għandhomx ikunu konnessi bejniethom, għandu jiġi rrilevat qabel kollox li l-punt 48 tal-Anness tad-Direttiva 91/628 ma jipprovdix espressament li dan għandu jkun il-każ.

26

Madankollu, mill-kliem użat fil-punt 47.7(b) tal-Anness tad-Direttiva 91/628 u mill-għan ta’ din id-Direttiva jirriżulta li l-eżistenza ta’ konnessjoni bejn dawn il-perijodi ta’ trasport bit-triq għandha tiġi evalwata billi jittieħed inkonsiderazzjoni l-fatt jekk ikunx inqabeż jew le l-perijodu massimu ta’ 28 siegħa ta’ trasport b’bastiment roll-on/roll-off imsemmi fil-punt 48.4(d) ta’ dan l-anness.

27

Għandu jiġi mfakkar, f’dan ir-rigward, li l-punt 48.7(b) tal-Anness tad-Direttiva 91/628 jiddisponi li perijodu ta’ 12-il siegħa ta’ mistrieħ għandu jiġi previst għall-annimali wara li jinħattu fil-port ta’ destinazzjoni jew fil-viċinanza immedjata tiegħu, salv jekk il-ħin tal-vjaġġ bil-baħar ikun tali li l-vjaġġ jista’ jiġi inkluż fl-iskema ġenerali kopert mill-punt 48.2 sa 48.4.

28

Billi rrefera għall-iskema ġenerali, jidher li l-leġiżlatur Komunitarju xtaq li r-regola li tistabbilixxi perijodu massimu ta’ trasport ta’ 28 siegħa msemmija fil-punt 48.4(d) tal-Anness tad-Direttiva 91/628 tittieħed inkonsiderazzjoni fil-każ ta’ trasport b’bastiment roll-on/roll-off bl-eċċezzjoni, madankollu, tal-perijodu ta’ mistrieħ ta’ mill-inqas siegħa.

29

Fil-fatt, hekk kif speċifika l-Avukat Ġenerali fil-punt 33 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-osservanza ta’ dan il-perijodu ta’ mistrieħ ma tistax tkun iġġustifikata fit-trasport bil-baħar.

30

Minn naħa, l-osservanza ta’ perijodu ta’ mistrieħ bħal dan fil-baħar miftuħ hija kważi impossibbli fil-prattika peress li tippresupponi li l-bastiment jittrakka għall-inqas għal siegħa, wara 14-il siegħa fil-baħar, qabel ma jerġa’ jbaħħar għal perijodu ġdid ta’ 14-il siegħa.

31

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li, għall-kuntrarju tat-trasport bit-triq, li jeħtieġ li l-vettura tieqaf biex l-annimali jkunu jistgħu jieklu, jixorbu u jiġu kkurati, il-karatteristiċi speċifiċi tat-trasport bil-baħar jippermettu li dawn l-affarijiet isiru matul it-trasport, b’mod konformi mal-punt 26 tal-Anness tad-Direttiva 91/628.

32

Għaldaqstant, jirriżulta mill-punt 48.7(b) ta’ dan l-anness li, meta l-perijodu massimu ta’ 28 siegħa ta’ trasport b’bastiment roll-on/roll-off jinqabeż, l-annimali bilfors għandhom jingħataw 12-il siegħa ta’ mistrieħ qabel ma jkunu jistgħu jerġgħu jiġu ttrasportati għal perijodu massimu ġdid ieħor ta’ 28 siegħa, interrott minn perijodu minimu ta’ mistrieħ ta’ siegħa, skont il-punt 48.4(d) tal-imsemmi anness.

33

F’ċirkustanzi bħal dawn, id-diversi perijodi ta’ trasport bit-triq m’għandhomx jiżdiedu mal-kalkolu billi l-perijodu ta’ mistrieħ ta’ 12-il siegħa għandu neċessarjament bħala konsegwenza li jinnewtralizza l-perijodi ta’ trasport li jseħħu qabel dan il-mistrieħ. It-12-il siegħa previsti minn din id-dispożizzjoni għandhom l-istess funzjoni li jinnewtralizzaw il-perijodi ta’ trasport li jkunu seħħew qabel dan il-mistrieħ bħall-perijodu ta’ 24 siegħa stipulat fil-punt 48.5 tal-Anness tad-Direttiva 91/628 applikabbli għat-trasport bit-triq.

34

Min-naħa l-oħra, meta l-perijodu ta’ trasport b’bastiment roll-on/roll-off jippermetti li l-vjaġġ jiġi inkluż fl-iskema ġenerali kopert mill-punti 48.2 sa 48.4 tal-Anness tad-Direttiva 91/628, b’mod partikolari jekk ma jaqbiżx il-perijodu massimu ta’ 28 siegħa ta’ trasport, u meta, konsegwentement, il-perijodu ta’ mistrieħ ta’ 12-il siegħa ma jkunx neċessarju, perijodu ta’ trasport bit-triq ikun jista’ jibda immedjatament wara l-wasla tal-bastiment fil-port ta’ destinazzjoni.

35

Mandankollu, f’każ bħal dan, biex jiġi ddeterminat il-perijodu ta’ dan it-trasport il-ġdid bit-triq, għandu jittieħed inkonsiderazzjoni l-perijodu tat-trasport bit-triq li jkun ippreċeda t-trasport bil-bastiment roll-on/roll-off, sakemm l-annimali ma jkunux strieħu għal 24 siegħa qabel ma jkunu tgħabbew fuq dan il-bastiment. Fil-fatt, jekk dan ikun il-każ, ir-rabta bejn il-perijodi ta’ trapsort bit-triq ma tkunx iġġustifikata peress li l-mistrieħ ta’ 24 siegħa għandu bħala konsegwenza li jinnewtralizza l-perijodu ta’ trasport bit-triq preċedenti għal dak tat-trasport b’bastiment roll-on/roll-off.

36

B’hekk, jekk il-perijodu ta’ trasport b’bastiment roll-on/roll-off ikun ta’ inqas minn 28 siegħa u l-perijodu tat-trasport bit-triq li jkun ippreċedieh ma jkunx ġie nnewtralizzat minn mistrieħ ta’ 24 siegħa skont il-punt 48.5 tal-Anness tad-Direttiva 91/628, il-perijodi ta’ trasport bit-triq li jkunu ġew qabel u dawk li jkunu ġew wara t-trasport b’bastiment roll-on/roll-off, għandhom jingħaddu miegħu.

37

Min-naħa l-oħra, jekk il-perijodu tat-trasport b’bastiment roll-on/roll-off ikun ta’ inqas minn 28 siegħa u l-perijodu preċedenti tat-trasport bit-triq ikun ġie nnewtralizzat minn mistrieħ ta’ 24 siegħa, perijodu ġdid ta’ trasport bit-triq għal ħin massimu ta’ 28 siegħa, interrott minn perijodu perijodu minimu ta’ mistrieħ ta’ siegħa, jista’ jibda immedjatament wara li jinħattu l-annimali mingħajr ma jittieħed inkonsiderazzjoni l-perijodu tat-trasport bit-triq li jkun ippreċeda t-trasport b’bastiment roll-on/roll-off.

38

Kwalunkwe interpretazzjoni oħra tal-punt 48.7(b) tal-Anness tad-Direttiva 91/628 tkun tfisser li jkun qed jiġi aċċettat li, wara trasport b’bastiment roll-on/roll-off ta’ inqas minn 28 siegħa, perijodu massimu ġdid ta’ 28 siegħa ta’ trasport bit-triq, interrott minn perijodu minimu ta’ mistrieħ ta’ siegħa, ikun jista’ jibda mingħajr ma jittieħed inkonsiderazzjoni l-perijodu ta’ trasport bit-triq li jkun ippreċeda t-trasport b’bastiment roll-on/roll-off. Dan irendi possibbli li jseħħu wara xulxin diversi trasporti b’mezzi ta’ trasport differenti mingħajr ma jkun għadda perijodu ta’ mistrieħ ta’ 12 jew ta’ 24 siegħa.

39

Interpretazzjoni bħal din tal-imsemmi punt 48.7(b) tmur direttament kontra l-għan ewlieni tad-Direttiva 91/628, jiġifieri l-protezzjoni tal-annimali matul it-trasport (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Jannar 2008, Viamex Agrar Handel u ZVK, C-37/06 u C-58/06, Ġabra p. I-69, punt 29), u l-għan ta’ din id-Direttiva kif jirriżulta b’mod partikolari mit-tmien premessa tiegħu, li tistipula li, għal raġunijiet ta’ benesseri tal-annimali, it-trasport tal-annimali tul distanzi twal, inklużi annimali għall-qatla, għandu jitnaqqas kemm jista’ jkun possibli.

40

Fl-aħħar nett, għal dak li jikkonċerna l-kwistjoni jekk, wara trasport b’bastiment roll-on/roll-off li jidher li jkun dam iktar minn 14-il siegħa, l-annimali għandhomx jingħataw mistrieħ ta’ 12-il siegħa skont il-punt 48.7(b) tal-Anness tad-Direttiva 91/628 jew jekk jistax isir trasport bit-triq immedjatament wara li l-annimali jinħattu, għal perijodu massimu ta’ 28 siegħa, interrott minn perijodu minimu ta’ mistrieħ ta’ siegħa, biżżejjed jiġi rrilevat, hekk kif jirriżulta mill-punt 34 ta’ din is-sentenza, li, meta t-tul ta’ żmien tat-trasport b’bastiment roll-on/roll-off ma jaqbiżx il-perijodu massimu ta’ 28 siegħa ta’ trasport u, konsegwentement, il-perijodu ta’ mistrieħ ta’ 12-il siegħa ma jkunx neċessarju, perijodu ta’ trasport bit-triq jista’ jibda immedjatament wara l-wasla tal-bastiment fil-port ta’ destinazzjoni u għandu jiġi kkalkolat skont il-metodu indikat fil-punt 36 ta’ din is-sentenza.

41

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata lill-ewwel u t-tieni domandi hija li:

Il-punt 48.7(a) tal-Anness tad-Direttiva 91/628 għandu jiġi interpretat fis-sens li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali applikabbli għat-trasport bil-baħar, inkluż it-trasport b’bastiment roll-on/roll-off fuq rotta regolari u diretta bejn żewġ punti ġeografiċi tal-Komunità Ewropea permezz ta’ vetturi mgħobbija fuq bastimenti mingħajr ma jinħattu l-annimali, bl-eċċezzjoni, għal dak li jirrigwarda dan it-tip ta’ bastimenti, tal-perijodi ta’ mistrieħ mogħtija lill-annimali wara li jkunu nħattu, li huma previsti fil-punt 48.7(b) tal-imsemmi anness.

B’mod konformi mad-dispożizzjoni msemmija l-aħħar, l-eżistenza ta’ konnessjoni bejn il-perijodu ta’ trasport bit-triq li jiġi qabel u dak li jiġi wara perijodu ta’ trasport b’bastiment roll-on/roll-off fuq rotta regolari u diretta bejn żewġ punti ġeografiċi tal-Komunità permezz ta’ vetturi mgħobbija fuq bastimenti mingħajr ma jinħattu l-annimali tiddependi minn jekk ikunx inqabeż jew le l-perijodu massimu ta’ 28 siegħa ta’ trasport b’bastiment roll-on/roll-off previst fil-punt 48.4(d) tal-Anness tad-Direttiva 91/628.

Meta t-tul ta’ żmien tat-trasport b’bastiment roll-on/roll-off fuq rotta regolari u diretta bejn żewġ punti ġeografiċi tal-Komunità permezz ta’ vetturi mgħobbija fuq bastimenti mingħajr ma jinħattu l-annimali ma jilħaqx il-perijodu massimu ta’ 28 siegħa, perijodu ta’ trasport bit-triq jista’ jibda immedjatament wara li jinħattu l-annimali fil-port tad-destinazzjoni. Sabiex jiġi kkalkolat it-tul ta’ żmien ta’ dan il-perijodu, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat it-tul ta’ żmien tal-perijodu tat-trasport bit-triq li jkun seħħ qabel it-trasport b’bastiment roll-on/roll-off, ħlief jekk perijodu ta’ mistrieħ ta’ mhux inqas minn 24 siegħa, b’mod konformi mal-punt 48.5 tal-Anness tad-Direttiva 91/628, ikun innewtralizza l-perijodu ta’ trasport bit-triq li jkun seħħ qabel it-trasport bil-baħar. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, fil-kawża prinċipali, il-vjaġġ inkwistjoni ssodisfax il-kundizzjonijiet imsemmija hawn fuq.

Fuq l-ispejjeż

42

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qort tal-Ġustizzjai, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-punt 48.7(a) tal-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 91/628/KEE, tad-19 ta’ Novembru 1991, dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u li temenda d-Direttivi 90/425/KEE u 91/496/KEE, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 95/29/KE, tad-, għandu jiġi interpretat fis-sens li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali applikabbli għat-trasport bil-baħar, inkluż it-trasport b’bastiment roll-on/roll-off fuq rotta regolari u diretta bejn żewġ punti ġeografiċi tal-Komunità Ewropea permezz ta’ vetturi mgħobbija fuq bastimenti mingħajr ma jinħattu l-annimali, bl-eċċezzjoni, għal dak li jirrigwarda dan it-tip ta’ bastiment, tal-perijodi ta’ mistrieħ mogħtija lill-annimali wara li jkunu nħattu, li huma previsti fil-punt 48.7(b) tal-imsemmi anness.

 

B’mod konformi mad-dispożizzjoni msemmija l-aħħar, l-eżistenza ta’ konnessjoni bejn il-perijodu ta’ trasport bit-triq li jiġi qabel u dak li jiġi wara perijodu ta’ trasport b’bastiment roll-on/roll-off fuq rotta regolari u diretta bejn żewġ punti ġeografiċi tal-Komunità Ewropea permezz ta’ vetturi mgħobbija fuq bastimenti mingħajr ma jinħattu l-annimali tiddependi minn jekk ikunx inqabeż jew le l-perijodu massimu ta’ 28 siegħa ta’ trasport b’bastiment roll-on/roll-off previst fil-punt 48.4(d) tal-Anness tad-Direttiva 91/628.

 

Meta t-tul ta’ żmien tat-trasport b’bastiment roll-on/roll-off fuq rotta regolari u diretta bejn żewġ punti ġeografiċi tal-Komunità permezz ta’ vetturi mgħobbija fuq bastimenti mingħajr ma jinħattu l-annimali ma jilħaqx il-perijodu massimu ta’ 28 siegħa, perijodu ta’ trasport bit-triq jista’ jibda immedjatament wara li jinħattu l-annimali fil-port tad-destinazzjoni. Sabiex jiġi kkalkolat it-tul ta’ żmien ta’ dan il-perijodu, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat it-tul ta’ żmien tal-perijodu tat-trasport bit-triq li jkun seħħ qabel it-trasport b’bastiment roll-on/roll-off, ħlief jekk perijodu ta’ mistrieħ ta’ mhux inqas minn 24 siegħa, b’mod konformi mal-punt 48.5 tal-Anness tad-Direttiva 91/628, ikun innewtralizza l-perijodu ta’ trasport bit-triq li jkun seħħ qabel it-trasport bil-baħar. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, fil-kawża prinċipali, il-vjaġġ inkwistjoni ssodisfax il-kundizzjonijiet imsemmija hawn fuq.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top