Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CJ0372

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tat-2 ta' Ottubru 2008.
    Nicole Hassett vs South Eastern Health Board u Cheryl Doherty vs North Western Health Board.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Supreme Court - l-Irlanda.
    Ġurisdizzjoni - Regolament Nru 44/2001- Punt 2 tal-Artikolu 22 - Kawżi fuq validità tad-deċiżjonijiet tal-organi tal-kumpanniji - Ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati tal-Istat fejn il-kumpannija jkollha s-sede - Sindakat professjonali tat-tobba.
    Kawża C-372/07.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2008 I-07403

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2008:534

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    2 ta’ Ottubru 2008 ( *1 )

    “Ġurisdizzjoni — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Punt 2 tal-Artikolu 22 — Kawżi fuq il-validità tad-deċiżjonijiet tal-organi tal-kumpanniji — Ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati tal-Istat fejn il-kumpannija jkollha s-sede tagħha — Sindakat professjonali tat-tobba”

    Fil-Kawża C-372/07,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mis-Supreme Court (l-Irlanda), permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Lulju 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-, fil-kawżi

    Nicole Hassett

    vs

    South Eastern Health Board,

    fil-preżenza ta’:

    Raymond Howard,

    Medical Defence Union Ltd,

    MDU Services Ltd,

    u

    Cheryl Doherty

    vs

    North Western Health Board,

    fil-preżenza ta’:

    Brian Davidson,

    Medical Defence Union Ltd,

    MDU Services Ltd,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn P. Jann, President tal-Awla, A. Tizzano (Relatur), A. Borg Barthet, M. Ilešič u J.-J. Kasel, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: Y. Bot,

    Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Ġunju 2008,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Medical Defence Union Ltd u MDU Services Ltd, minn R. Bourke, solicitor, kif ukoll B. Murray, BL, u N. Travers, BL,

    għal R. Howard u B. Davidson, minn D. McDonald, SC, u E. Regan, SC,

    għall-Gvern Irlandiż, minn D. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn J. O Reilly, SC,

    għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn A.-M. Rouchaud-Joët u M. Wilderspin, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tinqata’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 2 tal-Artikolu 22 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 2001, L 12, p. 1).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn R. Howard u B. Davidson (iktar ’il quddiem “it-tobba”) u l-kumpanniji Medical Defence Union Ltd u MDU Service Ltd (iktar ’il quddiem flimkien “MDU”), is-sindakati professjonali tagħhom, li għandhom bħala suġġett talba għal kumpens u/jew kontribuzzjoni għal kwalunkwe somma li kull wieħed minnhom jista’ jiġi kkundannat iħallas, bħala kumpens, lid-dipartiment tas-saħħa li huma jaħdmu għalih, fil-kuntest ta’ azzjoni għad-danni minħabba żball professjonali mressqa minn N. Hassett u C. Doherty kontra l-istess dipartimenti tas-saħħa.

    Il-kuntest ġuridiku

    3

    Il-ħdax-il premessa tar-Regolament Nru 44/2001 hija fformulata kif ġej:

    “Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tal-materja tal-litigazzjoni jew ta’ awtonomija tal-partijiet tkun teħtieġ fattur differenti. […]”

    4

    L-Artikolu 2(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

    “Bla preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

    5

    L-Artikolu 5 tal-istess Regolament jiddisponi:

    “Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja:

    (1)

    (a)

    f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ;

    […]

    (3)

    f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq;

    […]”

    6

    Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 44/2001:

    “Persuna li tkun domiċiljata fi Stat Membru tista’ wkoll tiġi mfittxija:

    […]

    (2)

    bħala parti terza f’azzjoni dwar mandat jew garanzija jew f’xi proċedimenti oħra dwar terzi partijiet, fil-qorti li tkun fil-pussess tal-proċedimenti oriġinali, sa kemm dawn kienu ġew mibdija biss bl-obbjettiv uniku li jitneħħa mill-ġurisdizzjoni tal-qorti kompetenti li tisma’ l-każ tiegħu;

    […]”

    7

    Skont l-Artikolu 22 tal-imsemmi Regolament:

    “Dawn il-qrati li ġejjin għandhom ikollhom ġurisdizzjoni esklużiva, independentament mid-domiċilju:

    […]

    (2)

    fi proċedimenti li jkollhom bħala l-obbjettiv tagħhom il-validità tal-kostituzzjoni, in-nullità jew id-dissoluzjoni ta’ kumpanniji jew ta’ persuni ġuridiċi oħra jew għaqdiet ta’ persuni naturali jew ġuridiċi, jew il-validità tad-deċiżjonijiet tal-organi tagħhom, il-qrati tal-Istat Membru […]

    […]”

    Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    8

    Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-kawżi prinċipali joriġinaw minn żewġ azzjonijiet għad-danni, imressqa minn N. Hassett u C. Doherty quddiem il-qrati Irlandiżi, kontra żewġ dipartimenti tas-saħħa Irlandiżi minħabba dannu gravi allegatament ikkawżat minħabba żball professjonali tat-tobba impjegati tal-imsemmija dipartimenti (iktar ’il quddiem it-“tobba”). Dawn iż-żewġ azzjonijiet kienu s-suġġett ta’ tranżazzjoni li tat lok għall-ħlas ta’ kumpens lil kull rikorrenti.

    9

    Fil-kuntest ta’ dawn l-azzjonijiet, id-dipartimenti tas-saħħa inkwistjoni daħħlu fil-kawża liż-żewġ tobba, sabiex jitolbuhom il-ħlas ta’ kontribuzzjoni jew ta’ kumpens rigward l-imsemmija azzjonijiet għal danni.

    10

    It-tobba kienu, fil-mument tal-fatti tal-kawża, membri tal-MDU. L-MDU huwa sindakat professjonali mwaqqaf taħt forma ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata taħt il-liġi Ingliża, bis-sede tagħha fir-Renju Unit, u li l-għan tagħha huwa, b’mod partikolari, li tagħti kumpens lill-membri tagħha fil-kuntest ta’ kawżi dwar żbalji professjonali li huma jkunu kkommettew.

    11

    It-tobba, għalhekk, talbu lill-MDU kumpens u/jew kontribuzzjoni għal kwalunkwe somma li kull wieħed minnhom jista’ jiġi kkundannat iħallas lid-dipartimenti tas-saħħa kkonċernati. Fuq il-bażi tal-Artikoli 47 u 48 tal-istatuti tal-MDU, li jistipulaw li d-deċiżjoni dwar talba għal kumpens taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali assoluta tal-Bord tad-Diretturi, din iddeċiediet li tiċħad it-talbiet tagħhom għal kumpens.

    12

    Minħabba li kkunsidraw li dawn id-deċiżjonijiet ta’ ċaħda jiksru d-drittijiet statutarji tagħhom, it-tobba, awtorizzati permezz ta’ digriet tal-High Court tat-22 ta’ Ġunju 2005 sabiex jinkludu fil-kawża lill-MDU b’intervent obbligatorju, sejħulha fil-kawża.

    13

    Għalhekk l-MDU ressqet eċċezzjoni ta’ proċedura li tfittex li tannulla dawn l-interventi. Hija sostniet li s-suġġett tat-talbiet imressqa kontra tagħha, sostanzjalment, kien dwar il-validità tad-deċiżjonijiet adottati mill-Bord tad-Diretturi tagħha u, għalhekk, li t-talbiet tagħha jaqgħu taħt il-punt 2 tal-Artikolu 22, tar-Regolament Nru 44/2001, b’mod li l-qrati Brittanniċi biss u mhux il-qrati Irlandiżi kellhom ġurisdizzjoni.

    14

    It-tobba, min-naħa l-oħra, isostnu li, fid-dawl tan-natura tat-talbiet tagħhom, il-qrati Irlandiżi kellhom ġurisdizzjoni bis-saħħa tal-punti 1 u 3 tal-Artikolu 5, u l-punt 2 tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 44/2001. B’mod partikolari, minn naħa, l-MDU naqset mill-obbligi kuntrattwali tagħha meta naqset milli teżamina b’mod xieraq it-talbiet għal kumpens li ġew indirizzati lilha. Min-naħa l-oħra, peress li l-MDU kienet diġà assistiet lit-tobba fid-difiża tagħhom fil-kuntest tal-azzjoni għal żball professjonali, ma setgħetx tirrifjutalhom kumpens f’dan l-istadju avvanzat tal-proċedura.

    15

    L-eċċezzjoni ta’ proċedura mressqa mill-MDU ġiet miċħuda minħabba li t-talbiet tat-tobba ma jaqgħux taħt il-punt 2 tal-Artikolu 22, tal-imsemmi regolament. L-MDU appellat quddiem is-Supreme Court li ddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domanda preliminari:

    “Fejn tobba jiffurmaw sindakat professjonali taħt il-forma ta’ kumpannija, irreġistrata skond il-liġijiet ta’ Stat Membru, sabiex tipprovdi assistenza u indennizz, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-professjoni tagħhom, għall-membri tiegħu li jipprattikaw f’dak l-Istat u fi Stat Membru ieħor, u l-provvista ta’ din l-assistenza jew indennizz tiddependi mit-teħid ta’ deċiżjoni mill-Bord tad-Diretturi ta’ dik il-kumpannija, skond l-istatut ta’ assoċjazzjoni tagħha, fis-setgħa diskrezzjonali assoluta tiegħu, il-kwistjonijiet li fihom deċiżjoni ta’ rifjut, b’applikazzjoni tal-imsemmija statut, ta’ assistenza jew indennizz lil tabib li jipprattika fi Stat Membru ieħor tiġi kkontestata minn dak it-tabib abbażi ta’ ksur, mill-kumpannija, ta’ drittijiet kuntrattwali jew drittijiet legali oħrajn tat-tabib ikkonċernat, għandhom jitqiesu li huma kwistjonijiet li s-suġġett tagħhom huwa l-validità ta’ deċiżjoni ta’ organu ta’ dik il-kumpannija fis-sens [tal-punt 2 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001], b’mod li l-qrati tal-Istat Membru li fih din il-kumpannija jkollha s-sede tagħha jkollhom ġurisdizzjoni esklużiva?”

    Fuq id-domanda preliminari

    16

    Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, sostanzjalment, jekk il-punt 2 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li azzjoni, bħal dik fil-kawża prinċipali, li fil-kuntest tagħha parti tallega li deċiżjoni adottata minn organu ta’ kumpannija tkun kisret id-drittijiet li l-imsemmija parti tippretendi li joħorġu mill-istatut ta’ assoċjazzjoni ta’ din il-kumpannija, tirrigwarda l-validità tad-deċiżjonijiet tal-organi ta’ kumpannija, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

    17

    Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, ta’ min ifakkar li, minn naħa, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001 għandhom jiġu interpretati b’mod awtonomu, filwaqt li jsir riferiment għas-sistema u għall-għanijiet tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2006, Reisch Montage, C-103/05, Ġabra p. I-6827, punt 29).

    18

    Minn naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-ħdax-il premessa tar-Regolament Nru 44/2001, il-ġurisdizzjoni tal-prinċipju tad-domiċilju tal-konvenut għandha tkun dejjem disponibbli, ħlief f’xi każijiet determinati b’mod ċar fejn is-suġġett inkwistjoni jiġġustifika kriterju ieħor ta’ rabta. Każijiet bħal dawn għandhom, għalhekk, ikunu s-suġġett ta’ interpretazzjoni dejqa.

    19

    Il-Qorti tal-Ġustizzja adottat preċiżament tali interpretazzjoni rigward id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-infurzar tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”), dispożizzjonijiet li huma sostanzjalment identiċi għal dawk tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’dan ir-rigward li, bħala eċċezzjoni għar-regola ġenerali ta’ ġurisdizzjoni, l-imsemmija dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Brussell m’għandhomx jiġu interpretati f’sens iktar wiesgħa milli jitlob l-għan tagħhom, peress li għandhom bħala effett li jiċħdu lill-partijiet mill-għażla tal-ġurisdizzjoni li kieku kienet tkun tagħhom u, f’ċerti każijiet, li jressquhom quddiem ġurisdizzjoni li mhijiex il-ġurisdizzjoni proprja tad-domiċilju tal-ebda waħda minnhom (sentenzi tal-, Sanders, 73/77, Ġabra p. 2383, punti 17 u 18; tas-, Dansommer, C-8/98, Ġabra p. I-393, punt 21, kif ukoll tat-, ČEZ, C-343/04, Ġabra p. I-4557, punt 26).

    20

    Issa, kif infatti jikkonferma r-rapport ta’ M. Jenard rigward il-Konvenzjoni ta’ Brussell (ĠU 1979, C 59, p. 1), l-għan essenzjali mfittex minn tali eċċezzjoni, li tipprevedi l-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati tal-Istat Membru fejn il-kumpannija jkollha s-sede tagħha, huwa li jiċċentralizza l-ġurisdizzjoni sabiex jiġu evitati sentenzi kontradittorji f’dak li jirrigwarda l-eżistenza tal-kumpanniji u l-validità tad-deċiżjonijiet tal-organi tagħhom.

    21

    Kif jirriżulta wkoll mill-imsemmi rapport, il-qrati tal-Istat Membru fejn il-kumpannija jkollha s-sede tagħha jidhru, fil-fatt, fl-aħjar pożizzjoni sabiex jaqtgħu dawn il-kawżi, b’mod partikolari minħabba li l-formalitajiet ta’ pubbliċità tal-kumpannija jsiru fl-istess Stat. L-attribuzzjoni ta’ tali kompetenza esklużiva lil dawn il-qrati għalhekk titwettaq fl-interess ta’ amministrazzjoni xierqa tal-ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Sanders, iċċitata qabel, punti 11 u 17).

    22

    Kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi l-MDU, ma jistax jiġi dedott mill-prinċipji msemmija fil-punti preċedenti li huwa biżżejjed, sabiex japplika l-punt 2 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001, li azzjoni ġudizzjarja tippreżenta xi rabta kwalunkwe ma’ deċiżjoni meħuda minn organu ta’ kumpannija (ara, b’analoġija mal-punt 1 tal-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, is-sentenzi tas-17 ta’ Mejju 1994, Webb, C-294/92, Ġabra p. I-1717, punt 14, u tas-, Dansommer, iċċitat qabel, punt 22).

    23

    Fil-fatt, kif isostnu t-tobba, kieku l-kawżi kollha dwar deċiżjoni ta’ organu ta’ kumpannija kellhom jaqgħu taħt il-punt 2 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001, dan ikun ifisser fil-verità li l-azzjonijiet ġudizzjarji, kemm jekk ikunu ta’ natura kuntrattwali, delittwali jew ta’ natura oħra, imressqa kontra kumpannija jkunu jaqgħu kważi dejjem taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru fejn il-kumpannija jkollha s-sede tagħha.

    24

    Issa, tali interpretazzjoni tal-imsemmi artikolu twassal sabiex tissottometti għall-ġurisdizzjoni derogatorja inkwistjoni kemm kawżi li ma jkunux ser jagħtu lok għal sentenzi kontradittorji fuq il-validità tad-deċiżjonijiet tal-organi ta’ kumpannija, safejn id-deċiżjoni tagħhom ma jkollha l-ebda effett fuq din il-validità, kif ukoll kawżi li ma jeħtieġu l-ebda eżami tal-formalitajiet ta’ pubbliċità applikabbli għal kumpannija.

    25

    Din l-interpretazzjoni testendi, għalhekk, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt 2 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001 lil hinn minn dak li jitlob l-għan tiegħu, kif imfakkar fil-punti 20 u 21 ta’ din is-sentenza.

    26

    Isegwi li, kif isostnu ġustament it-tobba u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, l-imsemmi Artikolu għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu jipprevedi biss kawżi fejn parti tikkontesta l-validità ta’ deċiżjoni ta’ organu ta’ kumpannija fid-dawl tad-dritt tal-kumpanniji applikabbli jew ta’ dispożizzjonijiet statutarji dwar it-tħaddim tal-organi tagħha.

    27

    Issa, ma jirriżultax mid-deċiżjoni tar-rinviju li t-tobba kienu qajmu quddiem il-High Court dawn il-kontestazzjonijiet.

    28

    Fil-fatt, fil-kawża prinċipali, it-tobba qatt ma jikkontestaw il-fatt li l-Bord tad-Diretturi tal-MDU kellu s-setgħa, skont l-istatut ta’ assoċjazzjoni tagħha, li jadotta d-deċiżjoni li tiċħad it-talba tagħhom għall-kumpens.

    29

    Min-naħa l-oħra, dawn it-tobba kkontestaw il-mod ta’ eżerċizzju ta’ din is-setgħa. F’dan il-każ, huma jsostnu li l-MDU ċaħdet ex officio t-talba tagħhom għal kumpens, mingħajr ma għamlet eżami fil-fond ta’ din it-talba, u għalhekk kisret id-drittijiet li huma jippretendu li joħorġu mill-istatut ta’ assoċjazzjoni tal-MDU fil-kwalità tagħhom bħala membri tagħha.

    30

    Konsegwentement, il-kawżi prinċipali, bejn l-imsemmija tobba u l-MDU, ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt 2 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001.

    31

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-punt 2 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li azzjoni, bħal dik fil-kawża prinċipali, li fil-kuntest tagħha parti tallega li deċiżjoni adottata minn organu ta’ kumpannija tkun tikser id-drittijiet li l-imsemmija parti tippretendi li joħorġu mill-istatut ta’ assoċjazzjoni ta’ din il-kumpannija, ma jirrigwardax il-validità tad-deċiżjonijiet tal-organi ta’ kumpannija, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

    Fuq l-ispejjeż

    32

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    Il-punt 2 tal-Artikolu 22 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali għandu jiġi interpretat fis-sens li azzjoni, bħal dik fil-kawża prinċipali, li fil-kuntest tagħha parti tallega li deċiżjoni adottata minn organu ta’ kumpannija tkun tikser id-drittijiet li l-imsemmija parti tippretendi li joħorġu mill-istatut ta’ assoċjazzjoni ta’ din il-kumpannija, ma jirrigwardax il-validità tad-deċiżjonijiet tal-organi ta’ kumpannija, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Top