EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006CJ0454

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tad-19 ta' Ġunju 2008.
pressetext Nachrichtenagentur GmbH vs Republik Österreich (Bund), APA-OTS Originaltext-Service GmbH u APA Austria Presse Agentur registrierte Genossenschaft mit beschränkter Haftung.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Bundesvergabeamt - l-Awstrija.
Kuntratti pubbliċi - Direttiva 92/50/KEE - Proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi - Kunċett ta’ ‛għoti ta’ kuntratt’".
Kawża C-454/06.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2008:351

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

19 ta’ Ġunju 2008 ( *1 )

“Kuntratti pubbliċi — Direttiva 92/50/KEE — Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi — Kunċett ta’ ‘għoti ta’ kuntratt’”

Fil-Kawża C-454/06,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Bundesvergabeamt (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Novembru 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Novembru 2006, fil-proċeduri

pressetext Nachrichtenagentur GmbH

vs

Republik Österreich (Bund),

APA-OTS Originaltext-Service GmbH,

APA Austria Presse Agentur registrierte Genossenschaft mitbeschränkter Haftung,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President tal-Awla, U. Lõhmus, J. N. Cunha Rodrigues (Relatur), A. Ó Caoimh u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-24 ta’ Jannar 2008,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal pressetext Nachrichtenagentur GmbH, minn G. Estermann, Rechtsanwalt,

għar-Republik Österreich (Bund), minn A. Schittengruber u C. Mayr, bħala aġenti,

għal APA-OTS Originaltext-Service GmbH u APA Austria Presse Agentur registrierte Genossenschaft mit beschränkter Haftung, minn J. Schramm, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Awstrijak, minn M. Fruhmann u C. Mayr, bħala aġenti,

għall-Gvern Franċiż, minn J.-C. Gracia, bħala aġent,

għall-Gvern Litwan, minn D. Kriaučiūnas, bħala aġent,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn D. Kukovec u R. Sauer, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-13 ta’ Marzu 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] (ĠU L 209, p. 1) u tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi (ĠU L 395, p. 33), kif emendata mid-Direttiva 92/50 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 89/665”).

2

Din it-talba tqajmet fil-kuntest ta’ kawża bejn pressetext Nachrichtenagentur GmbH (iktar ’il quddiem “PN” ), minn naħa, u r-Republik Österreich (Bund), APA-OTS Originaltext-Service GmbH (iktar ’il quddiem “APA-OTS”) u APA Austria Presse Agentur registrierte Genossenschaft mit beschränkter Haftung (iktar ’il quddiem “APA”), min-naħa l-oħra, dwar kuntratt għal servizzi ta’ aġenzija tal-istampa.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 92/50 jipprovdi:

“Fl-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] jew fl-organizzazzjoni ta’ kuntesti tad-disinn, l-awtoritajiet kontraenti għandhom japplikaw proċeduri adattati għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.”

4

Skont it-termini tal-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva:

“Kuntratti li għandhom bħala l-objettiv tagħhom servizzi elenkati fl-Anness IA għandhom jingħataw skond id-dispożizzjonijiet tat-Titoli III sa VI.”

5

Skont l-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva:

“Kuntratti li għandhom bħala l-objettiv tagħhom servizzi elenkati fl-Anness IB għandhom jingħataw skond l-Artikoli 14 u 16.”

6

L-Artikolu 10 tal-istess direttiva jipprovdi:

“Kuntratti li għandhom bħala l-objettiv tagħhom servizzi elenkati kemm fl-Anness IA kif ukoll fl-Anness IB għandhom jingħataw għotjiet skond id-dispożizzjonijiet tat-Titoli III sa VI meta l-valur tas-servizzi elenkati fl-Anness IA huwa ikbar mill-valur tas-servizzi elenkati fl-Anness IB. Meta dan mhuwiex il-każ, għandhom jingħataw skond l-Artikoli 14 u 16.”

7

L-Artikolu 11(3) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“L-awtoritajiet kontraenti jistgħu jagħtu kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] bi proċedura negozjata, mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ notifika ta’ kuntratt fil-każijiet li ġejjin:

[…]

e)

għal servizzi addizzjonali mhux inklużi fil-proġett inizjali kkunsidrat jew fil-kuntratt konkluż l-ewwel imma li saru neċessarji, permezz ta’ ċirkustanzi imprevedibbli, għat-twettiq tas-servizz deskritt hemmhekk, bil-kondizzjoni li l-għoti jsir lill-fornitur tas-servizz li jwettaq dan is-servizz:

meta dawn is-servizzi addizzjonali ma jkunux jistgħu jiġu separati teknikament jew ekonomikament mill-kuntratt ewlieni mingħajr inkonvenjenza kbira għall-awtoritajiet kontraenti,

jew

meta dawn is-servizzi, għalkemm separabbli mit-twettiq tal-kuntratt oriġinali, jkunu strettament neċessarji għall-kompletazzjoni tiegħu.

Madankollu, il-valur stmat aggregat tal-kuntratti mogħtija għal servizzi addizzjonali ma jistax jaqbeż il-50 % ta’ l-ammont tal-kuntratt ewlieni;

f)

għal servizzi ġodda li jikkonsistu fir-repetizzjoni ta’ servizzi simili fdati lill-fornitur tas-servizz li lilu l-istess awtoritajiet kontraenti kienu taw kuntratt iktar bikri, sakemm dawn is-servizzi jikkonformaw għal proġett bażiku li ngħata għalih l-ewwel kuntratt skond il-proċeduri msemmija fil-paragrafu 4. Hekk kif l-ewwel proġett jitqiegħed għal offerta, għandha tingħata notifika li l-proċedura negozjata tista’ tiġi adottata u li l-ispiża stmata totali ta’ servizzi sussegwenti għandha tiġi kkunsidrata mill-awtoritajiet kontraenti meta japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 7. Din il-proċedura tista’ tiġi applikata biss matul it-tliet snin wara l-konklużjoni tal-kuntratt oriġinali.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8

APA twaqqfet fl-Awstrija, fil-forma ta’ kooperattiva rreġistrata b’responsabbiltà limitata, wara t-Tieni Gwerra Dinjija. Kważi l-gazzetti ta’ kuljum Awstrijaċi kollha u anki x-xandar Awstrijak tar-radju u t-televiżjoni ORF kienu membri ta’ din il-kooperattiva. Flimkien mas-sussidjarji tagħha, APA hija l-operatur ewlieni fis-suq Awstrijak tal-aġenziji tal-istampa u tipprovdi tradizzjonalment lir-Republik Österreich (Bund) diversi servizzi ta’ aġenzija tal-istampa.

9

PN ilha topera fis-suq Awstrijak tal-aġenziji tal-istampa sa mis-sena 1999, imma s’issa ftit għamlet stqarrijiet għall-istampa għall-awtoritajiet amministrattivi Federali Awstrijaċi. PN timpjega numru iżgħar ta’ kollaboraturi li jaħdmu bħala ġurnalisti meta pparagunata ma’ APA u l-arkivju tagħha mhuwiex kbir daqs dak ta’ din l-aħħar imsemmija.

10

Matul is-sena 1994, jiġifieri qabel l-adeżjoni tagħha ma’ l-Unjoni Ewropea, ir-Republik Österreich (Bund) ikkonkludiet kuntratt (iktar ’il quddiem il-“kuntratt qafas” ) ma’ APA, li kien jipprovdi għall-provvista bi ħlas ta’ servizzi partikolari. Dan il-kuntratt kien essenzjalment jippermetti lill-Awtoritajiet Federali Awstrijaċi jiġu mgħarrfa b’informazzjoni attwali u jużawha (funzjoni msejħa “servizz bażiku”), jitolbu informazzjoni storika u stqarrijiet għall-istampa storiċi minn bażi ta’ data tal-APA msejħa “APADok” u jużaw is-servizz ta’ testi oriġinali “OTS” ta’ APA kemm għall-informazzjoni tagħhom kif ukoll sabiex ixandru l-istqarrijiet għall-istampa tagħhom stess. Il-bażi ta’ data APADok fiha d-data tas-servizz bażiku mill-1 ta’ Jannar 1988 u l-istqarrijiet ittrattati mis-servizz OTS mill-1 ta’ Ġunju 1989.

11

Il-kuntratt qafas kien ġie konkluż għal perijodu indeterminat, u ġiet inkluża klawżola li permezz tagħha l-partijiet irrinunzjaw għat-terminazzjoni ta’ dan il-kuntratt sal-31 ta’ Diċembru 1999.

12

L-Artikolu 2(c) tal-kuntratt bażiku jistipula:

“Għall-konsultazzjonijiet permezz ta’ mezzi elettroniċi tas-servizzi ta’ informazzjoni ta’ APA definiti fl-Artikolu 1, APA se titlob, bħala ħlas għall-użu tas-sistema ta’ pproċessar elettroniku tad-data, għal kull minuta CPU (ħin nett), prezz li jikkorrispondi għall-prezz l-iktar baxx tat-tariffa uffiċjali li jħallsu l-konsumaturi (attwalment ATS 67, minbarra t-taxxa, għal kull minuta CPU) imnaqqas b’15 %”.

13

Dan il-kuntratt jinkludi wkoll dispożizzjonijiet dwar id-data tal-ewwel żidiet fil-prezz, l-ammont massimu ta’ kull żieda, u l-indiċjar tal-prezzijiet abbażi tal-indiċi tal-prezzijiet tal-1986, u l-valur ta’ riferiment kien l-indiċi kkalkulat għas-sena 1994. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 5(3), tal-imsemmi kuntratt jipprovdi b’mod partikolari li “[…] huwa espressament miftiehem li l-valuri tal-ħlasijiet previsti fl-Artikolu 2(a) u (b), huma ggarantiti li jibqgħu kostanti. Għall-kalkolu tal-indiċjar, għandu jsir riferiment għall-indiċi tal-prezzijiet 86 (VPI 86) ippublikat mill-Uffiċċju Ċentrali tal-Istatistika Awstrijak (ÖSTAT) jew għall-indiċi segwenti li jissostitwixxih”.

14

Matul ix-xahar ta’ Settembru 2000, APA waqqfet fil-forma ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata, APA-OTS, kumpannija sussidjarja li APA żżomm 100 % tal-ishma tagħha. Bejn iż-żewġ kumpanniji jeżisti kuntratt ta’ trasferiment tal-qligħ u t-telf li minnu, skont APA u APA-OTS, jirriżulta li APA-OTS hija inkorporata mil-lat finanzjarju, organizzattiv u ekonomiku ma’ APA u li fl-amministrazzjoni azjendali u fin-negozju tagħha hija għandha timxi skont l-istruzzjonijiet ta’ APA. Barra minn hekk, APA-OTS hija obbligata tittrasferixxi lil APA l-profitti annwali tagħha, filwaqt li, min-naħa tagħha APA għandha tikkumpensa kull defiċit eventwali fil-bilanċ ta’ APA-OTS.

15

Matul ix-xahar ta’ Settembru 2000, APA ttrasferiet lil APA-OTS l-attivitajiet tagħha relattivi għas-servizz OTS. Din il-bidla ġiet ikkomunikata lir-Republik Österreich (Bund) matul ix-xahar ta’ Ottubru 2000. Kollaboratur ta’ APA, bil-poter ta’ rappreżentanza, assigura lill-awtoritajiet Awstrijaċi li, wara t-trasferiment ta’ din l-attività, APA kienet responsabbli in solidum ma’ APA-OTS, u ma kien ser ikun hemm l-ebda bidla fis-servizz komplessiv eżistenti. L-awtoritajiet Awstrijaċi għalhekk taw il-kunsens tagħhom sabiex is-servizz OTS jiġi fornut minn APA-OTS u, minn dak iż-żmien sa llum, huma jħallsu direttament lil APA-OTS għal dan is-servizz.

16

Minbarra dan, id-dispożizzjonijiet tal-kuntratt qafas ġew emendati permezz tal-ewwel ftehim addizzjonali konkluż fis-sena 2001 u li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2002. Fl-okkażjoni tal-konverżjoni tal-valuta għall-Euro, dan il-ftehim addizzjonali adatta l-kuntratt inizjali kif indikat fil-punti 17 sa 20 tas-sentenza preżenti.

17

L-ewwel nett, l-ammont tal-ħlas annwali għall-użu tal-artikli editorjali u tal-arkivji tal-mezzi ta’ komunikazzjoni, ta’ ATS 10080000, ġie sostitwit minn dak ta’ EUR 800000. Minħabba l-klawżola ta’ indiċjar, il-prezz għas-sena 2002 kellu jkun ta’ ATS 11043172 (arrotondat minħabba l-konverżjoni tal-valuta għall-Euro għal EUR 802538.61). Ġie deċiż li ma jintużax dan l-ammont iżda li ċ-ċifra tiġi arrotondata għal EUR 800000, li jikkorrispondi għal tnaqqis ta’ 0.3 %.

18

It-tieni nett, il-prezz stabbilit għall-konsultazzjonijiet permezz ta’ mezzi eletroniċi tas-servizzi ta’ informazzjoni ta’ APA, li kien ta’ ATS 67 għal kull minuta, ġie ssostitwit minn prezz ta’ EUR 4.87 għal kull minuta. Ħlief għall-arrotondar li sar minħabba l-konverżjoni tal-valuta għall-Euro, l-ammont intrinsiku ta’ dan il-prezz ma ġiex mibdul.

19

It-tielet nett, għall-kalkolu tal-indiċjar, l-indiċi kkalkolat għas-sena 1994 fuq il-bażi tal-indiċi tal-prezzijiet tas-sena 1986 ġie sostitwit, bħala punt ta’ riferiment, mill-indiċi kkalkolat għas-sena 2001 fuq il-bażi tal-indiċi tal-prezzijiet tal-1996. F’dan ir-rigward, l-ewwel ftehim addizzjonali mmodifika b’mod partikolari l-Artikolu 5(3) tal-kuntratt qafas kif ġej:

“Huwa espressament miftiehem li l-valuri tal-ħlasijiet previsti fl-Artikolu 2(a) u (b), huma ggarantiti li jibqgħu kostanti. Għall-kalkolu tal-indiċjar, għandu jsir riferiment għall-indiċi tal-prezzijiet 96 (VPI 96) ippublikat mill-Uffiċċju Ċentrali tal-Istatistika Awstrijak (ÖSTAT) jew għall-indiċi segwenti li jissostitwixxih.”

20

Ir-raba’ nett, b’deroga għal dan il-mekkaniżmu ta’ indiċjar, ċerti prezzijiet ġew stabbiliti immedjatament għas-snin 2002 sa 2004. Fil-fatt, il-prezz ta’ ATS 8,50 għal kull linja għall-inklużjoni ta’ stqarrijiet tal-istampa fis-servizz OTS ġie sostitwit mill-prezzijiet stabbiliti ta’ EUR 0.66 għal kull linja għas-sena 2002, EUR 0.67 għas-sena 2003 u EUR 0.68 għas-sena 2004. Li kieku ġiet applikata l-klawżola ta’ indiċjar, il-prezz kien jitla’, għas-sena 2002, għal ATS 9.31 għal kull linja (arrotondat għal EUR 0,68 għal kull linja). Il-prezz b’hekk tnaqqas bi 2.94 % għas-sena 2002 u bi 1.47 % għas-sena 2003.

21

It-tieni ftehim addizzjonali konkluż matul ix-xahar ta’ Ottubru 2005 u li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2006 inkluda żewġ modifiki oħra għall-kuntratt qafas. Permezz ta’ dan it-tieni ftehim addizzjonali, il-kuntratt qafas ġie b’hekk modifikat hekk kif indikat fil-punti 22 u 23 tas-sentenza preżenti.

22

Minn naħa, ir-rinunzja għat-terminazzjoni, miftiehma fil-kuntratt qafas sal-31 ta’ Diċembru 1999, ġiet prevista mill-ġdid sal-31 ta’ Diċembru 2008.

23

Min-naħa l-oħra, l-iskont awtorizzat fuq il-prezz tal-konsultazzjonijiet permezz ta’ mezzi eletroniċi tas-servizzi ta’ informazzjoni ta’ APA, stabbilit għal 15 % fil-kuntratt qafas, tbiddel għal 25 %. F’dan ir-rigward, it-tieni ftehim addizzjonali mmodifika l-Artikolu 2(c), tal-kuntratt qafas kif ġej:

“Id-dispożizzjonijiet segwenti tal-[kuntratt qafas kif emendat mill-ewwel ftehim addizzjonali] huma emendati kif ġej mill-1 ta’ Jannar 2006:

1.

Fl-Artikolu 2(c), il-persentaġġ ta’ 15 % huwa sostitwit minn dak ta’ 25 %.

[…]”

24

Matul is-sena 2004 PN offriet lir-Republik Österreich (Bund) servizzi ta’ aġenzija tal-istampa, imma dik l-offerta ma waslitx biex jiġi konkluż kuntratt.

25

Permezz ta’ rikorsi ppreżentati fl-4 u fid-19 ta’ Lulju 2006, PN talbet lill-Bundesvergabeamt li jiġi ddikjarat, prinċipalment, li l-qsim tal-kuntratt bażiku wara r-ristrutturazzjoni ta’ APA matul is-sena 2000, kif ukoll il-ftehim addizzjonali konklużi matul is-snin 2001 u 2005, ikkwalifikati minnha bħala “għoti de facto”, kienu illegali u, sussidjarjament, li l-għażla tad-diversi proċeduri għall-għoti inkwistjoni kienet illegali.

26

Fir-rigward tat-termini ta’ dekadenza għall-preżentata tar-rikors, il-Bundesvergabeamt jgħid li, għalkemm l-atti kkontestati saru fis-snin 2000, 2001 u 2005, madankollu r-rimedju legali disponibbli fid-dritt nazzjonali kontra l-għoti illegali ta’ kuntratti (jiġifieri talba għal konstatazzjoni bl-effett li l-kuntratt jiġi mħassar) inħalaq biss wara, b’effett mill-1 ta’ Frar 2006. It-terminu stabbilit għal rimedju legali bħal dan huwa ta’ sitt xhur mid-data tal-għoti illegali. Il-qorti tar-rinviju tqis li huwa xieraq li jiġi applikat l-Artikolu 1496 tal-kodiċi ċivili Awstrijak li jistipula li jekk il-mezzi legali pprovduti mil-liġi ma jistgħux jintużaw, it-termini ta’ dekadenza ma jibdewx jiddekorru, bil-kundizzjoni li din l-applikazzjoni tkun kumpatibbli mad-dritt Komunitarju.

27

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesvergabeamt iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

Il-kelma ‘għoti‘ użata fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 92/50[…] u fl-Artikoli 8 u 9 tal-istess direttiva għandha tiġi interpretata bħala li tkopri wkoll il-każijiet fejn awtorità kontraenti taqbel li fil-futur taċċetta s-servizzi ta’ fornitur ta’ servizzi stabbilit bħala kumpannija b’kapital azzjonarju, meta dawk is-servizzi kienu preċedentement jiġu pprovduti minn fornitur ieħor ta’ servizzi li huwa, minn naħa, l-uniku azzjonist tal-fornitur futur tas-servizzi, u min-naħa l-oħra, li jikkontrolla fl-istess ħin il-fornitur futur ta’ servizzi billi jagħtih istruzzjonijiet? F’każ bħal dan, huwa legalment rilevanti l-fatt li l-awtorità kontraenti ma jkollha l-ebda garanzija li l-ishma tal-kumpannija tal-fornitur futur tas-servizzi ma jiġux ittrasferiti lil terzi matul il-validità komplessiva tal-kuntratt oriġinali? Bl-istess mod, liema huma l-konsegwenzi legali li jirrizultaw min-nuqqas li jiġi ggarantit lill-awtorità kontraenti li l-kompożizzjoni tal-imsieħba tal-fornitur oriġinali ta’ servizzi, organizzati bħala kooperattiva, ma tinbidilx matul il-validità kumplessiva tal-kuntratt?

2)

Għandu jiġi kkunsidrat li jkun hemm ‘għoti’ fis-sens tal-Artikoli 3(1), 8 u 9 tad-Direttiva 92/50[…] anke fil-każ li awtorità kontraenti, matul il-perijodu ta’ validità ta’ kuntratt konkluż għal perijodu indeterminat għall-provvista ta’ servizz komuni, tiftiehem mal-fornituri tas-servizzi dwar il-ħlas għal ċerti servizzi u tifformula mill-ġdid klawżola ta’ indiċjar, meta dan it-tibdil iwassal għal bdil fil-prezzijiet u jseħħ fl-okkażjoni tal-introduzzjoni tal-euro?

3)

Għandu jiġi kkunsidrat li jkun hemm ‘għoti’ fis-sens tal-Artikoli 3(1), 8 u 9 tad-Direttiva 92/50[…] anke fil-każ li awtorità kontraenti, matul il-perijodu ta’ validità ta’ kuntratt konkluż għal perijodu indeterminat għall-provvista ta’ servizz komuni, permezz ta’ ftehim addizzjonali, tiftiehem mal-fornituri tas-servizzi li ġġedded għal tliet snin klawżola ta’ rinunzja għat-terminazzjoni li tkun skadiet meta ġie adottat il-ftehim addizzjonali, filwaqt li din l-emenda tal-kuntratt twassal għal skont akbar minn dak mogħti preċedentement fuq ċerti ħlasijiet iddeterminati skont il-kwantitajiet f’qasam partikolari ta’ servizzi?

4)

Fil-każ li jiġi kkunsidrat li jkun hemm għoti ta’ kuntratt, jiġifieri fil-każ ta’ risposta affermattiva għal xi waħda mill-ewwel tliet domandi, l-Artikolu 11(3)(b) tad-Direttiva 92/50[…] jew dispożizzjonijiet oħrajn tad-dritt Komunitarju bħal, per eżempju, il-prinċipju ta’ trasparenza, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jawtorizzaw lill-awtorità kontraenti li tagħti servizzi, fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ servizzi uniku permezz tal-proċedura nnegozjata mingħajr il-pubblikazzjoni bil-quddiem ta’ sejħa għal offerti meta parti mill-provvista tas-servizzi tkun tinkludi drittijiet esklużivi tat-tip indikat fl-Artikolu 11(3)(b) tad-Direttiva 92/50[…]? Jew, alternattivament, il-prinċipju ta’ trasparenza jew dispożizzjonijiet oħrajn tad-dritt Komunitarju jeżiġu, fil-każ ta’ għoti ta’ kuntratt li fil-parti l-kbira tiegħu jikkonċerna servizzi li mhumiex riżervati, li għandu xorta waħda jkun hemm il-pubblikazzjoni tas-sejħa għal offerti qabel ma jingħata kuntratt, sabiex l-impriżi kkonċernati jkunu jistgħu jivverifikaw jekk effettivament jingħatawx servizzi suġġetti għad-drittijiet esklużivi? Jew inkella, alternattivament, id-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju fir-rigward tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi jimponu li, f’każ bħal dan, is-servizzi jingħataw fil-kuntest ta’ proċeduri ta’għoti separati skont jekk dawn ikunux jew le s-suġġett ta’ dritt ta’ esklużività, sabiex minn tal-anqas ikun hemm kompetizzjoni parzjali?

5)

Jekk ir-risposta għar-raba’ domanda tkun fis-sens li awtorità kontraenti tista’ tagħti s-servizzi koperti minn drittijiet ta’ esklużivita flimkien ma’ servizzi mhux koperti minn drittijiet ta’ esklużivita fil-kuntest ta’ kuntratt uniku, tista’ impriża, li ma jkollhiex is-setgħa li tiżvela informazzjoni suġġetta għal dritt ta’ esklużività li jkun ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti fis-suq, tiġġustifika l-kapaċità tagħha li tipprovdi s-servizz sħiħ lill-awtorità kontraenti, fis-sens tad-dritt dwar il-kuntratti pubbliċi, billi tinvoka l-obbligu li l-operatur ewlieni fi-Stat Membru għandu, abbażi tal-Artikolu 82 KE, li jipprovdilha l-informazzjoni taħt kundizzjonijiet raġonevoli?

6)

Jekk ir-risposta għall-ewwel, it-tieni u t-tielet domandi tkun li t-trasferiment parzjali tal-kuntratt matul is-sena 2000 u/jew li waħda jew iż-żewġ bidliet kuntrattwali msemmija iktar ’il fuq kienu jikkostitwixxu għoti ta’ kuntratti ġodda; u fil-każ li, barra minn dan, ir-risposta għar-raba’ domanda tkun li l-awtorità kontraenti kellha tagħti s-servizzi li mhumiex koperti minn dritt ta’ esklużività fil-kuntest ta’ proċedura għall-għoti separata, jew li setgħet tagħti l-kuntratt għas-servizzi kollha (stqarrijiet tal-istampa, servizz bażiku u drittijiet ta’ użu tad-database APADok) biss wara li tkun preċedentement ippubblikat sejħa għall-offerti sabiex tiggarantixxi t-trasparenza u li l-għoti tal-kuntratti inkwistjoni jkun jista’ jiġi mistħarreġ:

il-kliem ‘ħsara’ u ‘milquta’ li jinsabu rispettivament fl-Artikoli 1(3) u 2(1)(c) tad-Direttiva 89/665[…] għandhom jiġu interpretati fis-sens li imprenditur, bħal dak inkwistjoni fil-kawża preżenti, isofri ħsara fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fil-każ li jkun ġie mċaħħad mill-opportunita li jieħu sehem fi proċedura għall-għoti ta’ kuntratt minħabba li l-awtorità kontraenti ma tkunx preċedentement ippubblikat sejħa għal offerti abbażi ta’ liema huwa seta’ jissottometti l-kandidatura tiegħu jew jagħmel offerta, jew jitlob li l-aworitajiet kompetenti jistħarrġu l-eżattezza tad-dikjarazjonijiet fir-rigward tal-allegati drittijiet ta’ esklużività?

7)

Il-prinċipji Komunitarji tal-ekwivalenza u tal-ħtieġa ta’ protezzjoni legali effettiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li jimplikaw, bla ħsara għal dispożizzjonijiet oħra tad-dritt Komunitarju, li imprenditur jista’ jinvoka dritt suġġettiv u mingħajr kundizzjonijiet fil-konfront ta’ Stat Membru, liema dritt jippermettilu li jressaq, quddiem il-qrati nazzjonali, ir-rikorsi tiegħu għall-kumpens tad-danni li huwa jkun sofra minħabba ksur tad-dritt Komunitarju dwar il-kuntratti pubbliċi, wara l-għoti tal-kuntratti u matul minn tal-anqas sitt xhur b’effett mid-data li huwa seta’ jsir jaf bl-għoti irregolari tal-kuntratt u fejn għandhom jingħataw termini addizzjonali fil-każ li tali azzjoni legali ma setgħetx titressaq minħabba nuqqas ta’ bażi legali fid-dritt nazzjonali, f’ċirkustanzi fejn skont id-dritt nazzjonali rikorsi għal danni minħabba ksur tal-liġi huma suġġetti għat-terminu ta’ dekadenza ta’ tliet snin b’effett minn meta jiġi identifikat l-awtur tad-dannu u d-dannu nnifsu, u jekk, fin-nuqqas ta’ rimedju legali f’qasam partikolari ma jkomplix jiddekorri t-terminu ta’ dekadenza?”

Fuq id-domandi preliminari

28

Għandu jingħad, preliminarjament, li, anki jekk il-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġie konkluż qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Awstrija ma’ l-Unjoni Ewropea, ir-regoli Komunitarji f’dan il-qasam japplikaw għal kuntratt bħal dan mid-data tal-adeżjoni ta’ dan l-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Settembru 1998, Tögel, C-76/97, Ġabra p. I-5357, punt 14).

29

Permezz tal-ewwel tliet domandi tiegħu, il-Bundesvergabeamt jistaqsi taħt liema kundizzjonijiet bdil f’kuntratt eżistenti bejn awtorità kontraenti u fornitur ta’ servizz għandu jiġi kkunsidrat bħala għoti ġdid ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi fis-sens tad-Direttiva 92/50.

30

Id-Direttiva 92/50 ma fihiex risposta ċara għal dawn id-domandi iżda tinkludi bosta indikazzjonijiet rilevanti li għandhom jitpoġġew fil-kuntest ġenerali tar-regoli Komunitarji fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi.

31

Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-għan prinċipali tar-regoli Komunitarji fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi huwa li tiġi ggarantita l-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi u l-ftuħ għall-kompetizzjoni mhux distorta fl-Istati Membri kollha (ara s-sentenza tal-11 ta’ Jannar 2005, Stadt Halle u RPL Lochau, C-26/03, Ġabra p. I-1, punt 44). Dan l-għan doppju huwa kkonfermat espliċitament fit-tieni, fis-sitt u t-tmien premessi tad-Direttiva 92/50.

32

Sabiex jintlaħaq dan l-għan doppju, id-dritt Komunitarju japplika b’mod partikolari l-prinċipju tan-non-diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità, il-prinċipju ta’ trattament ugwali tal-offerenti u l-obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta minnhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Novembru 1999, Unitron Scandinavia u 3-S, C-275/98, Ġabra p. I-8291, punt 31; tas-7 ta’ Diċembru 2000, Telaustria u Telefonadress, C-324/98, Ġabra p. I-10745, punti 60 u 61, kif ukoll tad-29 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs CAS Succhi di Frutta, C-496/99 P, Ġabra p. I-3801, punti 108 u 109).

33

Għal dak li jirrigwarda l-kuntratti koperti mid-Direttiva 92/50 li għandhom bħala s-suġġett tagħhom, esklużivament jew fil-parti l-kbira, servizzi li jinsabu fl-anness I A tagħha, din id-direttiva timplementa dawn il-prinċipji u dan l-obbligu ta’ trasparenza billi timponi, b’mod partikolari, ċerti proċeduri għall-għoti. Fir-rigward tal-kuntratti previsti minn din id-direttiva li għandhom bħala s-suġġett tagħhom, esklużivament jew fil-parti l-kbira, servizzi li jinsabu fl-anness I B tagħha, din id-direttiva ma timponix l-istess regoli fir-rigward tal-proċeduri għall-għoti, iżda din il-kategorija ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi madankollu tibqa’ suġġetta għar-regoli fundamentali tad-dritt Komunitarju u għall-obbligu ta’ trasparenza li tirriżulta minnhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C-507/03, Ġabra p. I-9777, punti 26, 30 u 31).

34

Sabiex tiġi ggarantita t-trasparenza tal-proċeduri u l-ugwaljanza fit-trattament tal-offerenti, emendi ta’ dispożizzjonijiet ta’ kuntratt pubbliku fil-perijodu ta’ validità tiegħu jikkostitwixxu għoti ġdid ta’ kuntratt skont id-Direttiva 92/50 meta jkollhom karatteristiċi sostanzjalment differenti minn dawk tal-kuntratt inizjali u, konsegwentement, ikunu ta’ tali natura li juru l-volontà tal-partijiet li jerġgħu jinnegozjaw it-termini essenzjali ta’ dan il-kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2000, Il-Kummissjoni vs Franza, C-337/98, Ġabra p. I-8377, punti 44 u 46).

35

L-emenda ta’ kuntratt pubbliku fil-perijodu ta’ validità tiegħu tista’ tkun ikkunsidrata bħala sostanzjali meta hija tintroduċi kundizzjonijiet li, kieku kienu preżenti fil-proċedura inizjali ta’ għoti ta’ kuntratt, kienu jwasslu għall-aċċettazzjoni ta’ offerenti oħra barra minn dawk inizjalment aċċettati jew kienu jippermettu li tintgħażel offerta differenti minn dik inizjalment magħżula.

36

Bl-istess mod, emenda ta’ kuntratt tista’ tkun ikkunsidrata bħala sostanzjali meta hija testendi l-kuntratt, b’mod kunsiderevoli, għal servizzi mhux previsti inizjalment. Din l-aħħar imsemmija interpretazzjoni hija kkonfermata mill-Artikolu 11(3)(e) u (f), tad-Direttiva 92/50, li jimponi, fil-każ tal-kuntratti pubbliċi għal servizzi li għandhom bħala suġġett, esklużivament jew fil-parti l-kbira, servizzi li jinsabu fl-anness I A ta’ din id-direttiva, restrizzjonijiet fir-rigward tal-kwistjoni safejn l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jirrikorru għall-proċedura negozjata sabiex jingħataw servizzi addizzjonali għal dawk li kienu s-suġġett tal-kuntratt inizjali.

37

Emenda tista’ tkun ikkunsidrata wkoll bħala sostanzjali meta hija tbiddel il-bilanċ ekonomiku tal-kuntratt favur l-offerent magħżul b’mod li ma kienx previst fit-termini tal-kuntratt inizjali.

38

Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq li għandha tingħata risposta għad-domandi ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja.

Fuq l-ewwel domanda

39

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tittratta t-trasferiment lil APA-OTS fis-sena 2000 tas-servizzi OTS pprovduti sa dak iż-żmien minn APA. Hija essenzjalment tistaqsi jekk tibdil ta’ kontroparti kuntrattwali, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża fil-kawża prinċipali, jammontax għal għoti ġdid ta’ kuntratt skont l-Artikoli 3(1), 8 u 9 tad-Direttiva 92/50.

40

B’mod ġenerali, is-sostituzzjoni ta’ kontroparti kuntrattwali ġdida għal dik li l-awtorità kontraenti kienet inizjalment attribwixxiet il-kuntratt għandha tkun ikkunsidrata bħala li tammonta għal tibdil ta’ wieħed mit-termini essenzjali tal-kuntratt pubbliku kkonċernat, sakemm din is-sostituzzjoni ma kinitx prevista fit-termini tal-kuntratt inizjali, per eżempju abbażi ta’ subappalt.

41

Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, peress li hi stabbilita fil-forma ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata, APA-OTS tippossjedi personalità ġuridika distinta minn dik ta’ APA, li lilha ngħata l-kuntratt inizjali.

42

Huwa wkoll paċifiku li, minn mindu sar it-trasferiment tas-servizzi OTS ta’ APA lil APA-OTS, matul is-sena 2000, l-awtorità kontraenti twettaq il-ħlasijiet relattivi għal dawn is-servizzi direttament lil APA-OTS, u mhux iktar lil APA.

43

Madankollu, it-trasferiment tal-attività inkwistjoni għandu ċerti karatteristiċi partikolari li jippermettu li jiġi konkluż li bidliet bħal dawn, introdotti f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, ma jammontawx għal tibdil ta’ terminu essenzjali tal-kuntratt.

44

Fil-fatt, jirriżulta mill-atti li APA-OTS hija sussidjarja li APA żżomm 100 % tal-ishma tagħha, li din tal-aħħar għandha d-dritt li tagħti istruzzjonijiet lil APA-OTS u li jeżisti bejn dawn iż-żewġ entitajiet kuntratt ta’ trasferiment tat-telf u tal-qligħ, assunti minn APA. Minbarra dan, jirriżulta mill-atti li persuna awtorizzata li tirrappreżenta lil APA ggarantiet lill-awtorità kontraenti li, wara t-trasferiment tas-servizzi OTS, APA kienet responsabbli in solidum ma’ APA-OTS u li s-servizz komplessiv eżistenti ma kienx ser jinbidel.

45

Arranġament bħal dan essenzjalment jikkostitwixxi riorganizzazzjoni interna tal-kontroparti kuntrattwali, li ma tbiddilx b’mod essenzjali t-termini tal-kuntratt inizjali.

46

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, f’dan il-kuntest, jekk il-fatt li l-awtorità kontraenti m’għandhiex il-garanzija li l-ishma ta’ APA-OTS mhumiex se jiġu ttrasferiti lil terzi matul il-perijodu ta’ validità tal-kuntratt għandux konsegwenzi ġuridiċi.

47

Jekk l-ishma ta’ APA-OTS jiġu ttrasferiti lil terz matul il-perijodu ta’ validità tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jkunx iktar każ ta’ riorganizzazzjoni interna tal-kontroparti kuntrattwali inizjali, iżda ta’ tibdil effettiv tal-kontroparti kuntrattwali, li jammonta, bħala regola, għat-tibdil ta’ terminu essenzjali tal-kuntratt. Avveniment bħal dan ikun jista’ jammonta għal għoti ġdid ta’ kuntratt skont id-Direttiva 92/50.

48

Raġunament analogu bħal dan japplika jekk it-trasferiment tal-ishma tas-sussidjarja lil terz ikun diġà previst fil-mument tat-trasferiment tal-attivitajiet inkwistjoni lilha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2005, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C-29/04, Ġabra p. I-9705, punti 38 sa 42).

49

Madankollu, sakemm evoluzzjoni bħal din ma seħħitx, l-analiżi li saret fil-punt 45 tas-sentenza preżenti, jiġifieri li s-sitwazzjoni prevista tammonta għal riorganizzazzjoni interna tal-kontroparti kuntrattwali, tibqa’ valida. In-nuqqas ta’ garanzija li l-ishma tas-sussidjarja ma jkunux ittrasferiti lil terzi matul il-perijodu ta’ validità tal-kuntratt ma jaffettwax din il-konklużjoni.

50

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll fuq il-konsegwenzi ġuridiċi marbutin man-nuqqas ta’ garanzija, għall-awtorità kontraenti, li l-kompożizzjoni tal-imsieħba tal-fornitur inizjali ma tkunx modifikata matul il-perijodu kollu ta’ validità tal-kuntratt.

51

Il-kuntratti pubbliċi jingħataw regolarment lil persuni legali. Jekk persuna legali hija stabbilita fil-forma ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata kkwotata fil-Borża, jirriżulta min-natura stess tagħha li l-azzjonisti tagħha jistgħu jinbidlu fi kwalunkwe mument. Bħala regola, sitwazzjoni bħal din ma tpoġġix fid-dubju l-validità tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku lil kumpannija bħal din. Jista’ jkun mod ieħor f’każijiet eċċezzjonali, bħal tranżazzjonijiet intiżi sabiex jevitaw ir-regoli Komunitarji fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi.

52

Kunsiderazzjonijiet simili japplikaw fil-kuntest tal-kuntratti pubbliċi mogħtija lil persuni legali kkostitwiti, bħal fil-każ tal-kawża prinċipali, mhux fil-forma ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata, iżda ta’ kooperattiva rreġistrata b’responsabbiltà limitata. Tibdil eventwali fil-kompożizzjoni tal-grupp tal-imsieħba ta’ kooperattiva bħal din bħala regola ma jinvolvi l-ebda modifika sostanzjali tal-kuntratt mogħti lilha.

53

Konsegwentement, dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jbiddlux il-konklużjoni li tinsab fil-punt 45 tas-sentenza preżenti.

54

Għalhekk, minn dan isegwi li r-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hi li l-kelma “għoti” użata fl-Artikoli 3(1), 8 u 9 tad-Direttiva 92/50, għandha tiġi interpretata bħala li ma tkoprix sitwazzjoni, bħal dik fil-kawża prinċipali, fejn is-servizzi pprovduti lill-awtorità kontraenti mill-fornitur inizjali jiġu ttrasferiti lil fornitur ieħor stabbilit fil-forma ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju, li l-fornitur inizjali jkun l-uniku azzjonist tagħha, li jikkontrolla l-fornitur il-ġdid u li jagħtih istruzzjonijiet, sakemm il-fornitur inizjali jkompli jassumi r-responsabbiltà għall-osservanza tal-obbligi kuntrattwali.

Fuq it-tieni domanda

55

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-emendi magħmula lill-kuntratt qafas permezz tal-ewwel ftehim addizzjonal, konkluż fis-sena 2001 u li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2002. Hija essenzjalment tistaqsi jekk ċerti tibdiliet fil-prezzijiet jikkostitwixxux għoti ġdid ta’ kuntratt skont id-Direttiva 92/50.

56

Din id-domanda preliminari tirrigwarda, l-ewwel nett, il-konverżjoni tal-prezzijiet f’Euro mingħajr tibdil fl-ammont intrinsiku tagħhom, it-tieni nett, il-konverżjoni tal-prezzijiet f’Euro flimkien ma’ tnaqqis fl-ammont intrinsiku tagħhom u, t-tielet nett, ir-riformulazzjoni ta’ klawżola ta’ indiċjar tal-prezzijiet.

57

Għandha tingħata r-risposta li, fil-każ fejn, wara l-konverżjoni tal-valuta għall-Euro, kuntratt eżistenti jiġi emendat fis-sens li l-prezzijiet inizjalment espressi f’valuta nazzjonali jiġu kkonvertiti f’Euro, dan mhuwiex każ ta’ emenda sostanzjali ta’ kuntratt, iżda biss ta’ adattament ta’ dan għal ċirkustanzi esterni emendati, sakemm l-ammonti f’Euro jiġu arrotondati skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ, u b’mod partikolari skont dawk tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1103/97, tas-17 ta’ Ġunju 1997, dwar ċerti dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-introduzzjoni tal-Euro (ĠU L 162, p. 1).

58

Meta l-arrotondar tal-prezzijiet konvertiti f’Euro jaqbeż l-ammont awtorizzat mid-dispożizzjonijiet rilevanti, dan ikun każ ta’ modifika tal-ammont intrinsiku tal-prezzijiet previsti mill-kuntratt inizjali. Għalhekk, tqum il-kwistjoni jekk tibdil bħal dan tal-prezz jikkostitwixxix għoti ġdid ta’ kuntratt.

59

Huwa evidenti li l-prezz jammonta għal kundizzjoni importanti ta’ kuntratt pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs CAS Succhi di Frutta, iċċitata iktar ’il fuq, punt 117).

60

Jekk kundizzjoni bħal din tiġi emendata fil-perijodu ta’ validità ta’ kuntratt, fin-nuqqas ta’ awtorizzazzjoni espressa f’dan is-sens inkluża fit-termini tal-kuntratt, ikun hemm il-periklu li jinkiser il-prinċipji tat-trasparenza u tat-trattament ugwali tal-offerenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs CAS Succhi di Frutta, iċċitata iktar ’il fuq, punt 121).

61

Madankollu, flimkien mal-konverżjoni f’Euro tal-prezzijiet ta’ kuntratt fil-perijodu ta’ validità tiegħu jista’ jsir aġġustament tal-ammont intrinsiku tagħhom, mingħajr ma dan jirriżulta f’għoti ġdid ta’ kuntratt, bil-kundizzjoni li aġġustament bħal dan ikun minimu u jkun spjegabbli b’mod oġġettiv, li jkun il-każ jekk ikun tali li jiffaċilita l-eżekuzzjoni tal-kuntratt, per eżempju billi jiġu ssimplifikati l-operazzjonijiet ta’ fatturazzjoni.

62

Fil-kawża prinċipali, minn naħa, il-ħlas annwali għall-użu ta’ artikli editorjali u ta’ arkivji tal-mezzi ta’ komunikazzjoni tnaqqas biss b’0.3 %, sabiex jikkorrispondi għal figura tonda li tista’ tiffaċilita l-kalkoli. Min-naħa l-oħra, il-prezzijiet għal kull linja għall-inklużjoni ta’ stqarrijiet tal-istampa fis-servizzi OTS tnaqqsu b’2.94 % u b’1.47 % għas-snin 2002 u 2003 rispettivament, sabiex ikunu espressi f’figuri tondi li wkoll jistgħu jiffaċilitaw il-kalkoli. Minbarra li dawn jirreferu għal ammont imnaqqas, dawn l-aġġustamenti tal-prezz ma jsirux għall-benefiċċju iżda għad-detriment tal-offerent magħżul tal-kuntratt, billi huwa jkun qed jagħti l-kunsens tiegħu għal tnaqqis fil-prezzijiet li kienu jiriżultaw mir-regoli ta’ konverżjoni u indiċjar normalment applikabbli.

63

F’ċirkustanzi bħal dawn, huwa permess li jiġi kkunsidrat li aġġustament tal-prezzijiet ta’ kuntratt pubbliku fil-perijodu tal-validità tiegħu ma jikkostitwixxix emenda tal-kundizzjonijiet essenzjali ta’ dan il-kuntratt b’mod li jammonta għal għoti ġdid ta’ kuntratt skont id-Direttiva 92/50.

64

Fir-rigward tar-riformulazzjoni tal-klawżola ta’ indiċjar, għandu jingħad li l-kuntratt qafas jipprovdi, fl-Artikolu 5(3) tiegħu b’mod partikolari, li “[g]ħall-kalkolu tal-indiċjar, [kellu] jsir riferiment għall-indiċi tal-prezzijiet 86 (VPI 86) ippublikat mill-Uffiċċju Ċentrali tal-Istatistika Awstrijak (ÖSTAT) jew għall-indiċi segwenti li jissostitwixxih”.

65

Minn dan jirriżulta li l-kuntratt qafas ipprovda għas-sostituzzjoni tal-indiċi tal-prezzijiet li huwa jsemmi permezz ta’ indiċi ulterjuri.

66

L-ewwel ftehim addizzjonali ssostitwixxa l-indiċi tal-prezzijiet imsemmija fil-kuntratt qafas, jiġifieri l-indiċi tal-prezzijiet tal-1986 (VPI 86) ippubblikat mill-ÖSTAT, b’indiċi iktar riċenti, jiġifieri l-indiċi tal-prezzijiet tal-1996 (VPI 96), ippublikat minn din l-istess organizzazzjoni.

67

Hekk kif ġie spjegat fil-punt 19 tas-sentenza preżenti, dan il-ftehim addizzjonali ħa bħala punt ta’ riferiment l-indiċi kkalkulat għas-sena 2001, is-sena meta ġie kolkluż, minflok dak tas-sena 1994, is-sena meta ġie konkluż il-kuntratt qafas. Dan l-aġġornament tal-punt ta’ riferiment huwa koerenti ma’ l-aġġornament tal-indiċi tal-prezzijiet.

68

Minn dan jirriżulta li l-ewwel ftehim addizzjonali limita ruħu biex japplika klawżoli tal-kuntratt qafas għal dak li jikkonċerna l-aġġornament tal-klawżola ta’ indiċjar.

69

F’ċirkustanzi bħal dawn, għandu jiġi kkunsidrat li r-riferiment għal indiċi ġdid tal-prezz ma jikkostitwixxix emenda tal-kundizzjonijiet essenzjali tal-kuntratt inizjali b’mod li jammonta għal għoti ġdid ta’ kuntratt skont id-Direttiva 92/50.

70

Għalhekk, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hi li l-kelma “għoti” użata fl-Artikoli 3(1), 8 u 9 tad-Direttiva 92/50, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tkoprix adattament ta’ kuntratt inizjali għal ċirkustanzi esterni mibdula, bħall-konverżjoni f’Euro tal-prezzijiet inizjalment espressi fil-valuta nazzjonali, tnaqqis żgħir ta’ dawn il-prezzijiet sabiex jiġu arrotondati u r-riferiment għal indiċi ġdid ta’ prezz meta fil-kuntratt inizjali kien ġie previst li l-indiċi stabbilit preċedentement kellu jiġi sostitwit b’indiċi l-ġdid.

Fuq it-tielet domanda

71

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-emendi magħmula fil-kuntratt qafas permezz tat-tieni ftehim addizzjonali, konkluż matul ix-xahar ta’ Ottubru 2005 u li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2006.

72

Din il-qorti essenzjalment tistaqsi jekk għoti ġdid ta’ kuntratt jirriżultax, minn naħa, mill-konklużjoni ta’ klawżola ġdida ta’ rinunzja għat-tħassir tal-kuntratt u, min-naħa l-oħra, minn żieda fl-iskontijiet awtorizzati fuq il-prezzijiet ta’ ċerti servizzi li huma s-suġġett tal-kuntratt.

73

Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-konklużjoni ta’ klawżola ġdida ta’ non-terminazzjoni fil-perijodu ta’ validità ta’ kuntratt konkluż għal perijodu indeterminat, għandu jiġi mfakkar li l-prattika li tikkonsisti fil-konklużjoni ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi għal perijodu indeterminat hija fiha nfisha estranja għas-sistema u għall-għanijiet tar-regoli Komunitarji fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi. Prattika bħal din jista’ jkollha l-effett, finalment, li xxekkel il-kompetizzjoni bejn il-fornituri potenzjali ta’ servizzi u li tostakola l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-direttivi Komunitarji fil-qasam tal-pubbliċità tal-proċeduri tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi.

74

Madankollu, id-dritt Komunitarju, fl-istat preżenti tiegħu, ma jipprojbixxix il-konklużjoni ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi għal perijodu indeterminat.

75

Bl-istess mod, klawżola li permezz tagħha, il-partijiet jintrabtu li ma jitterminawx matul perijodu partikolari kuntratt konkluż għal perijodu indeterminat mhijiex a priori kkunsidrata bħala illegali f’għajnejn id-dritt Komunitarju tal-kuntratti pubbliċi.

76

Hekk kif jirriżulta mill-punt 34 tas-sentenza preżenti, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-konklużjoni ta’ klawżola bħal din tikkostitwixxix għoti ġdid ta’ kuntratt, il-kriterju rilevanti huwa l-verifika ta’ jekk din il-klawżola għandhiex tiġi kkunsidrata bħala emenda sostanzjali tal-kuntratt inizjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, punti 44 u 46).

77

Il-klawżola inkwistjoni fil-kawża prinċipali tifformalizza r-rinunzja għal kull terminazzjoni matul il-perijodu korrispondenti għas-snin 2005 sa 2008.

78

Madankollu, għandu jingħad li, wara l-iskadenza, fil-31 ta’ Diċembru 1999, tal-klawżola tan-non-terminazzjoni kontenuta fil-kuntratt qafas, il-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali seta’ jiġi mħassar fi kwalunkwe mument bil-kundizzjoni li jingħata avviż minn qabel. Madankollu baqa’ fis-seħħ matul il-perijodu korrispondenti għas-snin 2000 sa 2005 inklużi, minħabba l-fatt li la l-awtorità kontraenti u lanqas il-fornitur ma eżerċitaw id-dritt tagħhom li jitterminaw il-kuntratt.

79

Ma jirriżultax mill-atti li, fil-perijodu bejn is-sena 2005 u s-sena 2008 kopert mill-klawżola ta’ non-terminazzjoni, l-awtorità kontraenti kellha, fin-nuqqas ta’ din il-klawżola, l-intenzjoni konkreta li ġġib fi tmiem il-kuntratt fis-seħħ u li toħroġ sejħa ġdida għal offerti. Anki li kieku kellha l-intenzjoni li tagħmel dan, il-perijodu li matulu tapplika din il-klawżola, jiġifieri tliet snin, ma kienx tali li kien jostakolaha milli tittermina l-kuntratt għal perijodu eċċessiv meta mqabbel maż-żmien neċessarju għall-organizzazzjoni ta’ operazzjoni bħal din. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma ntweriex li klawżola bħal din ta’ non-terminazzjoni, sakemm ma tiddaħħalx mill-ġdid sistematikament fil-kuntratt, ġġib magħha r-riskju li tikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni, għad-detriment tal-offerenti potenzjali ġodda. Konsegwentement, hija ma tistax tiġi kklassifikata bħala emenda sostanzjali tal-kuntratt inizjali.

80

Minn dan jirriżulta li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, il-fatt li jkun hemm klawżola ta’ rinunzja għat-terminazzjoni għal perijodu ta’ tliet snin fil-perijodu ta’ validità ta’ kuntratt għal servizzi konkluż għal perijodu indeterminat ma jikkostitwixxix għoti ġdid ta’ kuntratt skont id-Direttiva 92/50.

81

Fit-tieni lok, fir-rigward taż-żieda fl-iskont previst fit-tieni ftehim addizzjonali, għandu jiġi mfakkar li l-kuntratt qafas jipprovdi, għas-servizzi kkonċernati, “prezz li jikkorrispondi għall-prezz l-iktar baxx tat-tariffa uffiċjali li jħallsu l-konsumaturi […] imnaqqas b’15 %”.

82

Skont l-ispjegazzjonijiet mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja, dan ir-riferiment jirrigwarda t-tariffa digressiva applikata minn APA, li biha l-prezzijiet tas-servizzi inkwistjoni jitnaqqsu meta l-konsum ta’ dawn is-servizzi mill-imsieħeb kuntrattwali ta’ APA jiżdied.

83

Dejjem skont uħud minn dawn l-ispjegazzjonijiet, iż-żieda fir-rata tal-iskont ta’ 15 % sa 25 %, prevista fit-tieni ftehim addizzjonali, hija ekwivalenti għall-applikazzjoni ta’ prezz inqas għoli. Anki jekk il-preżentazzjoni formali tagħhom hija differenti, it-tnaqqis ta’ prezz u ż-żieda ta’ rata ta’ skont għandhom effett finanzjarju paragunabbli.

84

F’dawn iċ-ċirkustanzi, iż-żieda fl-iskont tista’ tkun interpretata bħala li kienet prevista mill-klawżoli stabbiliti fil-kuntratt qafas.

85

Barra minn hekk, minn naħa, iż-żieda fl-iskont, li għandha bħala effett li tnaqqas il-ħlas riċevut mill-offerent magħżul meta mqabbel ma’ dak previst inizjalment, ma tbiddilx il-bilanċ ekonomiku tal-kuntratt favur l-offerent magħżul.

86

Min-naħa l-oħra, is-sempliċi fatt li l-awtorità kontraenti tikseb skont akbar fuq parti mis-servizzi li huma s-suġġett tal-kuntratt mhuwiex tali li jikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni għad-detriment tal-offerenti potenzjali.

87

Jirriżulta minn dak li ntqal iktar ’il fuq li, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, il-fatt li jiġu stabbiliti, fi ftehim addizzjonali, skontijiet akbar minn dawk ipprovduti inizjalment fuq ċerti prezzijiet stabbiliti abbażi tal-kwantitajiet f’qasam partikolari, m’għandux ikun ikkunsidrat bħala emenda sostanzjali tal-kuntratt u, b’hekk, mhuwiex ta’ tali natura li jammonta għal għoti ġdid ta’ kuntratt skont id-Direttiva 92/50.

88

Konsegwentement ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda hi li l-kelma “għoti” użata fl-Artikoli 3(1), 8 u 9 tad-Direttiva 92/50, għandha tiġi interpretata bħala li ma tkoprix sitwazzjoni, bħal dik fil-kawża prinċipali, li fiha awtorità kontraenti, permezz ta’ ftehim addizzjonali, tiftiehem ma’ l-offerent magħżul, fil-perijodu ta’ validità ta’ kuntratt għal servizzi konkluż miegħu għal perijodu indeterminat, li tiġi mġedda għal perijodu ta’ tliet snin, klawżola ta’ rinunzja għat-terminazzjoni li tkun skadiet fid-data meta l-klawżola l-ġdida tkun ġiet miftiehma u tiftiehem miegħu li jiġu stabbiliti skontijiet akbar minn dawk inizjalment previsti fuq ċerti prezzijiet stabbiliti skont il-kwantitajiet f’qasam partikolari.

89

Fid-dawl tar-risposti mogħtija għall-ewwel tliet domandi, m’hemmx lok li tingħata risposta għar-raba’ sas-seba’ domandi.

Fuq l-ispejjeż

90

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-kelma “għoti” użata fl-Artikoli 3(1), 8 u 9 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi], għandha tiġi interpretata bħala li ma tkoprix sitwazzjoni, bħal dik fil-kawża prinċipali, fejn is-servizzi pprovduti lill-awtorità kontraenti mill-fornitur inizjali jiġu ttrasferiti lil fornitur ieħor stabbilit fil-forma ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju, li l-fornitur inizjali jkun l-uniku azzjonist tagħha, li jikkontrolla l-fornitur il-ġdid u li jagħtih istruzzjonijiet, sakemm il-fornitur inizjali jkompli jassumi r-responsabbiltà għall-osservanza tal-obbligi kuntrattwali.

 

2)

Il-kelma “għoti” użata fl-Artikoli 3(1), 8 u 9 tad-Direttiva 92/50, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tkoprix adattament ta’ kuntratt inizjali għal ċirkustanzi esterni mibdula, bħall-konverżjoni f’Euro tal-prezzijiet inizjalment espressi fil-valuta nazzjonali, tnaqqis żgħir ta’ dawn il-prezzijiet sabiex jiġu arrotondati u r-riferiment għal indiċi ġdid ta’ prezz meta fil-kuntratt inizjali kien ġie previst li l-indiċi stabbilit preċedentement kellu jiġi sostitwit b’indiċi l-ġdid.

 

3)

Il-kelma “għoti” użata fl-Artikoli 3(1), 8 u 9 tad-Direttiva 92/50, għandha tiġi interpretata bħala li ma tkoprix sitwazzjoni, bħal dik fil-kawża prinċipali, li fiha awtorità kontraenti, permezz ta’ ftehim addizzjonali, tiftiehem ma’ l-offerent magħżul, fil-perijodu ta’ validità ta’ kuntratt għal servizzi konkluż miegħu għal perijodu indeterminat, li tiġi mġedda għal perijodu ta’ tliet snin, klawżola ta’ rinunzja għat-terminazzjoni li tkun skadiet fid-data meta l-klawżola l-ġdida tkun ġiet miftiehma u tiftiehem miegħu li jiġu stabbiliti skontijiet akbar minn dawk inizjalment previsti fuq ċerti prezzijiet stabbiliti skont il-kwantitajiet f’qasam partikolari.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top