EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006CJ0393

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) ta' l-10 ta' April 2008.
Ing. Aigner, Wasser-Wärme-Umwelt, GmbH vs Fernwärme Wien GmbH.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Vergabekontrollsenat des Landes Wien - l-Awstrija.
Kuntratti pubbliċi - Direttivi 2004/17/KE u 2004/18/KE - Entità kontraenti li teżerċita attivitajiet li jaqgħu parzjalment taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17/KE u parzjalment taħt dak tad-Direttiva 2004/18/KE -Korp irregolat bil-liġi pubblika - Awtorità kontraenti.
Kawża C-393/06.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2008:213

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

10 ta’ April 2008 ( *1 )

“Kuntratti pubbliċi — Direttivi 2004/17/KE u 2004/18/KE — Entità kontraenti li teżerċita attivitajiet li jaqgħu parzjalment taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17/KE u parzjalment taħt dak tad-Direttiva 2004/18/KE — Korp irregolat bil-liġi pubblika — Awtorità kontraenti”

Fil-Kawża C-393/06,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Vergabekontrollsenat des Landes Wien (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Awwissu 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Settembru 2006, fil-proċedura

Ing. Aigner, Wasser-Wärme-Umwelt, GmbH

vs

Fernwärme Wien GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President ta’ l-Awla, G. Arestis, E. Juhász (Relatur), J. Malenovský u T. von Danwitz, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Ottubru 2007,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Ing. Aigner, Wasser-Wärme-Umwelt GmbH, minn S. Sieghartsleitner u M. Pichlmair, Rechtsanwälte,

għal Fernwärme Wien GmbH, minn P. Madl, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Awstrijak, minn M. Fruhmann u C. Mayr, bħala aġenti,

għall-Gvern Ungeriż, minn J. Fazekas, bħala aġent,

għall-Gvern Finlandiż, minn A. Guimaraes-Purokoski, bħala aġent,

għall-Gvern Żvediż, minn A. Falk, bħala aġent,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn X. Lewis, bħala aġent, assistit minn M. Núñez-Müller, Rechtsanwalt,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-22 ta’ Novembru 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi ta’ l-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali (ĠU L 134, p. 1), u tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (ĠU L 134, p. 114).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Ing. Aigner, Wasser-Wärme-Umwelt GmbH (iktar ’il quddiem “Ing. Aigner”) u Fernwärme Wien GmbH (iktar ’il quddiem “Fernwärme Wien”), fir-rigward tal-legalità ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti magħmula minn din ta’ l-aħħar.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3

Id-Direttiva 2004/17 tistabbilixxi koordinazzjoni tal-proċedura għall-għoti tal-kuntratti f’setturi speċifiċi, jiġifieri dawk ta’ l-ilma, ta’ l-enerġija, tat-trasport u tas-servizzi postali. Hija ħadet post, wara li ħasritha, id-Direttiva tal-Kunsill 93/38/KEE, ta’ l-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwist pubbliku għal entitajiet li joperaw fis-setturi ta’ l-ilma, ta’ l-enerġija, tat-trasport u tat-telekomunikazzjoni (ĠU L 199, p. 84), li kienet tittratta l-istess suġġett.

4

L-ispeċifiċità tas-setturi koperti mid-Direttiva 2004/17 hija deskritta fit-tielet premessa tagħha, li tgħid li koordinazzjoni f’dawn is-setturi hija neċessarja minħabba n-natura magħluqa tas-swieq li fihom joperaw l-entitajiet kontraenti kkonċernati, dovuta għal drittijiet speċjali jew esklużivi mogħtija mill-Istati Membri għall-provvista, it-tqegħid għad-dispożizzjoni jew l-operat ta’ infrastruttura li tipprovdi s-servizz ikkonċernat.

5

It-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2004/17 u t-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18 jipprovdu li “awtoritajiet kontraenti” huma, fost oħrajn “korpi […] rregolati bil-liġi pubblika”, jiġifieri

“[…] kull korp:

stabbilit għall-għan speċifiku li jilħaq bżonnijiet fl-interess ġenerali, li m’għandux karattru industrijali jew kummerċjali,

li għandu personalità legali [ġuridika] u

finanzjat, fil-biċċa’l kbira, minn awtoritajiet ta’ l-Istat, reġjonali jew lokali, jew korpijiet oħra irregolati mill-liġi pubblika; jew suġġetti għal sorveljanza ta’ tmexxija minn dawk il-korpijiet; jew li għandhom bord amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju, li aktar minn nofs il-membri tiegħu huma maħtura minn awtoritajiet ta’ l-Istat, reġjonali jew lokali, jew minn korpijiet oħra irregolati mill-liġi pubblika.”

6

Skond l-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 2004/17:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

b)

‘impriża pubblika’ hija impriża li fuqha l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jeżerċitaw direttament jew indirettament influwenza dominanti minħabba fil-pussess tagħhom fuqha; il-parteċipazzjoni finanzjarja tagħhom fiha, jew ir-regoli li jirregolawha.”

7

L-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għal entitajiet kontraenti:

(a)

li huma awtoritajiet kontraenti jew impriżi pubbliċi u li jsegwu waħda mill-attivitajiet riferiti fl-Artikoli 3 sa 7;

(b)

li, meta m’humiex awtoritajiet kontraenti jew impriżi pubbliċi, jkollhom bħala waħda mill-attivitajiet tagħhom xi waħda mill-attivitajiet riferiti fl-Artikoli 3 sa 7, jew xi kombinazzjoni tagħhom u joperaw fuq il-bażi ta’ drittijiet speċjali jew esklussivi mogħtija minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru.”

8

Fl-Artikoli 3 sa 7 tad-Direttiva 2004/17 hemm elenkati s-setturi ta’ attivitajiet li għalihom tapplika din id-direttiva. Dawn is-setturi huma l-gass, is-sħana u l-elettriku (Artikolu 3), l-ilma (Artikolu 4), is-servizzi ta’ trasport (Artikolu 5), is-servizzi postali (Artikolu 6) u l-esplorazzjoni għal jew l-estrazzjoni ta’ żejt, gass, faħam jew karburanti solidi oħra kif ukoll il-portijiet u l-ajruporti (Artikolu 7).

9

L-Artikolu 3(1) ta’ l-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Safejn huma konċernati l-gass u s-sħana, din id-Direttiva għandha tapplika għall-attivitajiet li ġejjin:

(a)

il-provvediment jew operat ta’ [infrastrutturi fissi] maħsuba biex jipprovdu servizz lill-pubbliku f’konnessjoni mal-produzzjoni, it-trasport jew id-distribuzzjoni ta’ gass jew sħana; jew

(b)

il-provvista ta’ gass jew sħana lil [dawn l-infrastrutturi].”

10

L-Artikolu 9 ta’ l-istess direttiva jgħid hekk:

“1.   Kuntratt li huwa maħsub li jkorpi numru ta’ attivitajiet għandu jkun suġġetti għar-regoli applikabbli għall-attività li għaliha kien maħsub prinċipalment.

Madankollu, l-għażla bejn l-għoti ta’ kuntratt wieħed u l-għoti ta’ numru ta’ kuntratti separati ma tistax issir bil-għan li tiġi eskluża mill-iskop ta’ din id-Direttiva jew, fejn applikabbli, id-Direttiva 2004/[1]8/KE.

2.   Jekk waħda mill-attivitajiet li għaliha il-kuntratt huwa maħsub hija suġġetta għal din id-Direttiva u l-oħra għad-Direttiva 2004/18/KE imsemmija fuq u jekk huwa oġġettivament impossibbli li jiġi stabbilit għal liema attività l-kuntratt huwa prinċipalment maħsub, il-kuntratt għandu jingħata bi qbil mad-Direttiva 2004/18/KE imsemmija fuq.

[…]”

11

L-Artikolu 20(1) ta’ din l-istess direttiva, intitolat “Kuntratti mogħtija għall-għanijiet oħra għajr is-segwiment ta’ attività koperta jew għas-segwiment ta’ din l-attività f’pajjiż terz” jipprovdi:

“Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal kuntratti li l-entitajiet kontraenti jagħtu għal għanijiet oħra għajr is-segwiment ta’ l-attivitajiet tagħhom kif deskritt fl-Artikoli 3 sa 7 jew għas-segwiment ta’ dawn l-attivitajiet f’pajjiż terz, f’kondizzjonijiet li ma jinvolvux l-użu fiżiku ta’ [infrastruttura] jew [ta’ żona] ġeografika fil-Komunità.”

12

Fl-aħħar nett, l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2004/17, intitolat “Proċedura biex tiġi stabbilita jekk attività [partikolari] hijiex esposta direttament għall-kompetizzjoni”, jipprovdi:

“1.   Kuntratti maħsuba biex jgħinu biex attività msemmija fl-Artikoli 3 sa 7 titwettaq m’għandhomx ikunu suġġetti għal din id-Direttiva jekk, fl-Istat Membru li fih titwettaq, l-attività hija esposta direttament għal kompetizzjoni fuq swieq li għalihom l-aċċess m’huwiex ristrett.

2.   Għall-għanijiet ta’ paragrafu 1, il-kwistjoni ta’ jekk attività hijiex esposta direttament għal kompetizzjoni għandha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ kriterji li huma f’konformita mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat fuq kompetizzjoni, bħal ma huma l-karatteristiċi tal-merkanzija jew is-servizzi konċernati, l-eżistenza ta’ merkanzija jew servizzi alternattivi, il-prezzijiet u l-presenza attwali jew potenzjali ta’ aktar minn provveditur wieħed tal-merkanzija jew servizzi msemmija.

[…]”

13

Fit-Taqsima 3 tal-Kapitolu II tat-Titolu II tad-Direttiva 2004/18 huma elenkati l-kuntratti li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Fost dawn il-kuntratti jinsabu dawk mogħtija fis-settur ta’ l-ilma ta’ l-enerġija tat-trasport u tas-servizzi postali. L-Artikolu 12 li jirrigwarda l-imsemmija kuntratti jipprovdi:

“Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal kuntratti pubbliċi li, taħt id-Direttiva 2004/17/KE, huma mogħtija minn awtoritajiet [kontraenti] li jkunu qed jeżerċitaw xi attività jew aktar li sar riferiment għalihom fl-Artikoli 3 sa 7 ta’ dik id-Direttiva u huma mogħtija għas-segwiment ta’ dawk l-attivitajiet, […]

[…]”

14

It-transpożizzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja msemmija iktar ’il fuq fil-liġi Awstrijaka hija assigurata permezz tal-liġi federali fuq l-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi (Bundesvergabegesetz) ta’ l-2006.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15

Fernwärme Wien ġiet ikkostitwita fit-22 ta’ Jannar 1969, sabiex tiżgura, fit-territorju tal-belt ta’ Vjenna, it-tisħin urban tad-djar, tal-korpi pubbliċi, ta’ l-uffiċċji u ta’ l-impriżi. Għal dan il-għan, hija tuża l-enerġija li tiġi mill-iskart minnflok ma tuża enerġija li mhijiex rinnovabbli.

16

Fernwärme Wien, li għandha personalità ġuridika, hija 100 % proprjeta tal-belt ta’ Vjenna, li taħtar u tneħħi d-diriġenti tagħha kif ukoll il-membri tal-bord ta’ sorveljanza ta’ l-impriża u teħlishom minn kull responsabbiltà f’dak li jirrigwarda l-immaniġġjar tagħhom. Barra minn hekk, bl-għajnuna tal-Kontrollamt der Stadt Wien (uffiċċju ta’ kontroll tal-belt ta’ Vjenna), il-komun jista’ wkoll jikkontrolla l-amministrazzjoni ekonomika u finanzjarja ta’ din l-impriża.

17

Flimkien ma’ l-attività tagħha ta’ tisħin urban, Fernwärme Wien tieħu ħsieb ukoll il-pjanifikazzjoni ġenerali tas-sistemi ta’ tkessiħ għall-proġetti immobiljari ta’ ċerta kobor. Fil-kuntest ta’ din l-attività, hija hija suġġetta għal kompetizzjoni ta’ impriżi oħra.

18

Fl-1 ta’ Marzu 2006, Fernwärme Wien ħarġet sejħa għall-offerti għar-realizzazzjoni ta’ sistema ta’ tkessiħ f’kumpless futur ta’ uffiċċji u negozji kummerċjali fi Vjenna, fejn indikat li l-liġi Awstrijaka fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi ma kinitx applikabbli għall-kuntratti in kwistjoni. Ing. Aigner ħadet sehem f’dan il-proċess billi ssottomettiet offerta. Peress li, fit-18 ta’ Mejju 2006, hija kienet informata li l-offerta tagħha ma kinitx ser tiġi iktar eżaminata fid-dawl tal-preżenza ta’ elementi sfavorevoli, hija kkontestat din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, billi sostniet li kellhom jiġu applikati r-regoli Komunitarji dwar il-kuntratti pubbliċi.

19

Il-qorti tar-rinviju tosserva li l-attivitajiet ta’ Fernwärme Wien li jirrigwardaw l-operat ta’ infrastruttura fissa ta’ tisħin urban jaqgħu mingħajr dubju taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17. Min-naħa l-oħra, l-attivitajiet tagħha li jikkonċernaw l-installazzjonijiet ta’ tkessieħ ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Hija tistaqsi għaldaqstant jekk dawn l-attivitajiet jaqgħux ukoll taħt id-dispożizzjonijiet ta’ l-imsemmija direttiva, skond, mutatis mutandis, il-prinċipji li ħarġu mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Jannar 1998, Mannesmann Anlagenbau Austria et (C-44/96, Ġabra p. I-73, b’mod partikolari l-punti 25 u 26), komunement imsejħa fid-dottrina bħala t-“teorija tal-kontaġju”. Skond l-interpretazzjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju f’dik is-sentenza, ladarba waħda mill-attivitajiet ta’ korp taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttivi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, l-attivitajiet l-oħra kollha ta’ dan il-korp, indipendentement mill-eventwali natura industrijali jew kummerċjali tagħhom taqa’ wkoll jaqgħu taħt id-direttivi li jirregolaw dan il-qasam.

20

Fl-ipoteżi fejn is-sentenza Mannesmann Anlagenbau Austria et, iċċitata iktar ’il fuq, tikkonċerna biss l-awtoritajiet kontraenti u, iktar speċifikament, il-kunċett ta’ “korp irregolat bil-liġi pubblika”, fis-sens li, meta korp jaqdi bżonnijiet ta’ interess ġenerali li ma jkunux ta’ natura industrijali jew kummerċjali, dan għandu jiġi kkunsidrat bħala “korp irregolat bil-liġi pubblika”, fis-sens tar-regoli Komunitarji, indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk huwa jeżerċitax fl-istess ħin attivitajiet oħra li mhumiex ta’ din in-natura, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk Fernwärme Wien hijiex korp irregolat bil-liġi pubblika, jiġifieri awtorità kontraenti, fis-sens tad-Direttivi 2004/17 jew 2004/18.

21

Fl-aħħar lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, meta korp jeżerċita attivitajiet ta’ natura mhux industrijali jew kummerċjali u, fl-istess ħin, attivitajiet suġġetti għall-kompetizzjoni, huwhiex possibbli li dawn l-aħħar attivitajiet jiġu distinti u li ma jiġux inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli komunitarji li jirrigwardaw il-kuntratti pubbliċi, jekk tistax tiġi stabbilita separazzjoni bejn dawn iż-żewġ tipi ta’ attivitajiet u, għaldaqstant, nuqqas ta’ interferenzi ekonomiċi bejniethom. Il-qorti tar-rinviju tirreferi, f’dan ir-rigward, għall-punt 68 tal-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Jacobs, tal-21 ta’ April 2005, fil-kawża li tat lok, minħabba li d-domanda preliminari kienet ġiet irtirata, għad-digriet ta’ tħassir tat-23 ta’ Marzu 2006, Impresa Portuale di Cagliari (C-174/03), fejn huwa propost li jittaffa f’dan is-sens il-prinċipju tas-sentenza Mannesmann Anlagenbau Austria et, iċċitata iktar ’il fuq.

22

Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, il-Vergabekontrollsenat des Landes Wien iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Id-Direttiva 2004/17 […] għandha tiġi interpretata fis-sens li entità kontraenti li teżerċita attività li taqa’ taħt wieħed mis-setturi kkontemplati fl-Artikoli 3 ta’ din id-direttiva għandha taqa’ taħt din id-direttiva wkoll f’dak li jikkonċerna xi attività oħra li tkun eżerċitata b’mod parallel f’kuntest kompetittiv?

2)

Fil-każ li dan japplika biss għall-awtoritajiet kontraenti: impriża bħalma hija [Fernwärne Wien] għandha tiġi kklassifikata bħala korp irregolat bil-liġi pubblika fis-sens tad-Direttiva 2004/17 jew tad-Direttiva 2004/18 […] jekk hija tipprovdi t-tisħin urban fit-territorju speċifiku mingħajr kompetizzjoni reali jew inkella għandu jintuża bħala punt ta’ riferiment is-suq tat-tisħin domestiku, li jinkludi wkoll is-sorsi ta’ enerġija bħall-gass, iż-żejt, il-faħam, eċċ?

3)

Attività eżerċitata f’kuntest ta’ kompetizzjoni minn kumpannija li teżerċita wkoll attività li mhijiex industrijali jew kummerċjali għandha tiġi inkluża fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17 jew tad-Direttiva 2004/18, jekk, minħabba miżuri effikaċi, bħalma hija s-separazzjoni tal-karti tal-bilanċ u tal-kontabbiltà, ikun jista’ jiġi eskluż il-finanzjament reċiproku ta’ l-attivitajiet eżerċitati fil-kuntest tal-kompetizzjoni?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

23

Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk entità kontraenti fis-sens tad-Direttiva 2004/17, li teżerċita attivitajiet li jaqgħu taħt wieħed mis-setturi msemmija fl-Artikoli 3 sa 7 ta’ din id-direttiva, hijiex obbligata li tapplika l-proċedura prevista mill-imsemmija direttiva għall-għoti ta’ kuntratti fir-rigward ta’ attivitajiet li din l-entità teżerċita b’mod parallel, f’ċirkustanzi kompetittivi, f’setturi li mhumiex koperti mid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq.

24

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi osservat li jeżistu differenzi kunsiderevoli bejn id-Direttiva 2004/17 u d-Direttiva 2004/18 kemm f’dak li jirrigwarda l-entitajiet ikkonċernati mir-regoli stabbiliti minn dawn id-direttivi kif ukoll fir-rigward tan-natura u tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom.

25

Fir-rigward, fl-ewwel lok, ta’ l-entitajiet li fil-konfronti tagħhom japplikaw d-dispożizzjonijiet rispettivi ta’ l-imsemmija direttivi, għandu jiġi kkonstatat li, b’differenza għad-Direttiva 2004/18 li, skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 1(9) tagħha, tapplika għall-“awtoritajiet kontraenti”, l-entitajiet ikkonċernati mid-Direttiva 2004/17 huma msemmija, fl-Artikolu 2 tagħha, bħala “entitajiet kontraenti”. Mill-istess Artikolu 2(2)(a) u (b) jirriżulta li din l-aħħar direttiva tapplika mhux biss għall-entitajiet kontraenti li huma “awtoritajiet kontraenti”, iżda wkoll għal dawk li huma “impriżi pubbliċi” jew impriżi li jibbenefikaw minn “drittijiet speċjali jew esklussivi mogħtija minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru”, safejn dawn l-entitajiet kollha jeżerċitaw waħda mill-attivitajiet imsemmija fl-Artikoli 3 sa 7 ta’ l-imsemmija direttiva.

26

Fit-tieni lok, mill-Artikoli 2 sa 7 tad-Direttiva 2004/17 jirriżulta li l-koordinazzjoni magħmula minn din id-direttiva ma tkoprix l-oqsma kollha ta’ l-attività ekonomika, iżda tikkonċerna setturi speċifikament iddefiniti, ħaġa li wara kollox hija enfasizzata mill-fatt li din id-direttiva ta’ spiss tissejjaħ “direttiva settorjali”. Min-naħa l-oħra, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva 2004/18 jinkludi kważi s-setturi kollha tal-ħajja ekonomika, u għalhekk jiġġustifika l-isem komuni ta’ “direttiva ġenerali”.

27

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat mill-ewwel li l-portata ġenerali tad-Direttiva 2004/18 u l-portata ristretta tad-Direttiva 2004/17 jeżiġu li d-dispożizzjonijiet ta’ din ta’ l-aħħar jiġu interpretati restrittivament.

28

Il-fruntjieri bejn il-kampi ta’ applikazzjoni ta’ dawn iż-żewġ direttivi huma evidenzjati wkoll permezz ta’ dispożizzjonijiet espliċiti. Għalhekk, l-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2004/17 jipprovdi li din ma tapplikax għal kuntratti mogħtija mill-entitajiet kontraenti għal finijiet oħra li mhumiex dawk li jitwettqu l-attivitajiet tagħhom eżerċitati fis-setturi msemmija fl-Artikoli 3 sa 7 ta’ l-istess direttiva. Din id-dispożizzjoni hija riflessa fid-Direttiva 2004/18 permezz ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 12 li jipprovdi li din id-direttiva ma tapplikax għal kuntratti pubbliċi li awtoritajiet kontraenti, li jeżerċitaw waħda jew numru ta’ attivitajiet imsemmija fl-Artikoli 3 sa 7 tad-Direttiva 2004/17, jagħtu fir-rigward ta’ dawn l-attivitajiet.

29

Għalhekk, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17 huwa strettament iddefinit, u dan ma jippermettix li l-proċeduri stabbiliti f’dan is-sens jiġu estiżi lil hinn minn dan il-kamp ta’ applikazzjoni.

30

Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq ma jħallu l-ebda spazju għall-applikazzjoni, fil-kuntest tad-Direttiva 2004/17, ta’ l-approċċ imsejjaħ“teorija tal-kontaġju”, żviluppat wara s-sentenza Mannesmann Anlagenbau Austria et, iċċitata iktar ’il fuq. Din is-sentenza ingħatat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tad-Direttiva tal-Kunsill 93/37/KEE ta’ l-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkonċerna l-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi (ĠU L 199, p. 54), jiġifieri f’qasam li attwalment jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/18.

31

Għalhekk, kif josservaw ġustament, b’mod partikolari, il-Gvernijiet ta’ l-Awstrija, ta’ l-Ungerija u tal-Finlandja, kif ukoll il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17 biss dawk il-kuntratti li entità, li jkollha l-kwalità ta’ “entità kontraenti” skond din id-direttiva, tagħti fir-rigward u għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet fis-setturi elenkati fl-Artikoli 3 sa 7 ta’ l-imsemmija direttiva.

32

Barra minn hekk din hija wkoll il-konklużjoni li tirriżulta mis-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2005, Strabag u Kostmann (C-462/03 u C-463/03, Ġabra p. I-5397, punt 37). F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, jekk kuntratt ma jaqax taħt l-eżerċizzju ta’ waħda mill-attivitajiet irregolati fid-direttiva settorjali, dan ikun suġġett għar-regoli previsti mid-direttivi li jikkonċernaw, skond iċ-ċirkustanza, l-għoti ta’ kuntratti għal servizzi, għal xogħlijiet jew għal provvisti.

33

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmulin iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda magħmula għandha tkun li entità kontraenti, fis-sens tad-Direttiva 2004/17, hija obbligata li tapplika l-proċedura prevista minn din id-direttiva biss għall-għoti ta’ kuntratti relatati ma’ attivitajiet li din l-entità teżerċita f’waħda jew f’numru ta’ setturi elenkati fl-Artikoli 3 sa 7 ta’ l-imsemmija direttiva.

Fuq it-tieni domanda

34

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk entità bħal mhija Fernwärme Wien għandhiex tiġi kkunsidrata bħala korp irregolat bil-liġi pubblika fis-sens tad-Direttiva 2004/17 jew tad-Direttiva 2004/18.

35

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, kif jirriżulta mill-punt 5 ta’ din is-sentenza, id-dispożizzjonijiet tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2004/17 u tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18 jinkludu definizzjoni identika tal-kunċett ta’ “korp irregolat bil-liġi pubblika”.

36

Skond dawn id-dispożizzjonijiet, il-kliem “korp irregolat bil-liġi pubblika” jfisser korp li, l-ewwel nett, ġie stabbilit speċifikament sabiex jaqdi bżonnijiet ta’ interess ġenerali li mhumiex ta’ natura industrijali jew kummerċjali, it-tieni nett, korp li għandu personalità legali u li, it-tielet nett, jew l-attivitajiet tiegħu huma ffinanzjati prinċipalment mill-Istat, mill-awtoritajiet reġjonali jew lokali, jew minn korpi oħra rregolati mil-liġi pubblika, jew inkella korp li t-tmexxija tiegħu hija suġġett għall-kontroll minn dawn ta’ l-aħħar, jew fejn iktar minn nofs il-membri li jikkomponu l-bord amministrattiv, tad-diretturi jew ta’ sorveljanza huma maħtura mill-Istat, mill-awtoritajiet reġjonali jew lokali, jew minn korpi oħra rregolati mil-liġi pubblika. Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn it-tliet kundizzjonijiet huma kumulattivi (sentenza ta’ l-1 ta’ Frar 2001, Il-Kummissjoni vs Franza, C-237/99, Ġabra p. I-939, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

Barra minn hekk, fir-rigward ta’ l-għan, tad-direttiva Komunitarji fir-rigward ta’ l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, li tiġi eskluża, b’mod partikolari, il-possibbiltà li korp iffinanzjat jew ikkontrollat mill-Istat, mill-awtoritajiet reġjonali jew lokali jew minn korpi oħra rregolati mil-liġi pubblika jeżerċita l-attivitajiet tiegħu abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet li mhumiex ekonomiċi, il-kunċett ta’ “korp irregolat bil-liġi pubblika” għandu jirċievi interpretazzjoni funzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2007, Bayerischer Rundfunk et, C-337/06, Ġabra p. I-11173, punti 36 u 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

38

F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-aħħar żewġ kriterji stabbiliti mil-leġiżlazzjoni u esposti fil-punt 36 ta’ din is-sentenza huma ssodisfati, peress li Fernwärme Wien għandha l-personalità ġuridika u l-belt ta’ Vjenna hija 100 % proprjetarja ta’ din l-entità u tikkontrolla t-tmexxija ekonomika u finanzjarja tagħha. Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk din l-entità inħolqitx speċifikament sabiex taqdi bżonnijiet ta’ interess ġenerali ta’ natura mhux industrijali jew kummerċjali.

39

Fl-ewwel lok, fir-rigward ta’ l-għan tal-ħolqien ta’ l-entità in kwistjoni u tan-natura tal-bżonnijiet moqdija, għandu jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mill-atti mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, Fernwärme Wien inħolqot bil-għan speċifiku li tiżgura, fit-territorju tal-belt ta’ Vjenna, it-tisħin ta’ djar, ta’ bini pubbliku, ta’ bini ta’ impriżi jew ta’ uffiċċji permezz ta’ l-użu ta’ l-enerġija prodotta mill-kombustjoni ta’ l-iskart. Matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ġie osservat li, attwalment, din is-sistema ta’ tisħin taqdi l-bżonnijiet ta’ madwar 250000 il-dar, bosta uffiċċji u installazzjonijiet industrijali kif ukoll, prattikament, il-bini pubbliku kollu. L-għan li jiġi żgurat it-tisħin ta’ territorju urban b’mezz li jirrispetta l-ambjent jikkostitwixxi għan li mingħajr dubju jaqa’ taħt l-interess ġenerali. Ma jistax għaldaqstant jiġi kkontestat li Fernwärme Wien inħolqot speċifikament sabiex taqdi bżonnijiet ta’ interess ġenerali.

40

F’dan ir-rigward, ma tagħmilx differenza li bżonnijiet bħal dawn huma jew jistgħu jiġu ssodisfati wkoll minn impriżi privati. Jeħtieġ li jirrigwardaw bżonnijiet li, għal raġunijiet marbutin ma’ l-interess ġenerali, l-Istat jew awtoritajiet reġjonali jew lokali jagħżlu b’mod ġenerali li jissodisfaw huma stess jew fir-rigward ta’ liema huma għandhom l-intenzjoni li jżommu influwenza determinanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ta’ l-10 ta’ Novembru 1998, BFI Holding, C-360/96, Ġabra p. I-6821, punti 44, 47, 51 u 53, kif ukoll ta’ l-10 ta’ Mejju 2001, Agorà u Excelsior, C-223/99 u C-260/99, Ġabra p. I-3605, punti 37, 38 u 41).

41

Fit-tieni lok, sabiex jiġi vverifikat jekk il-bżonnijiet ssodisfati mill-entità in kwistjoni fil-kawża prinċipali humiex ta’ natura li mhijiex industrijali jew kummerċjali, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni l-elementi ġuridiċi u fattwali kollha rilevanti, bħaċ-ċirkustanzi li kienu wara l-ħolqien tal-korp in kwistjoni u l-kundizzjonijiet li fihom huwa jeżerċita l-attività tiegħu. F’dan ir-rigward, għandu jiġi b’mod partikolari vverifikat jekk il-korp in kwistjoni jeżerċitax l-attivitajiet tiegħu f’ċirkustanzi kompetittivi (ara s-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2003, Korhonen et, C-18/01, Ġabra p. I-5321, punti 48 u 49 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

42

Kif intqal fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, Fernwärme Wien inħolqot bil-għan speċifiku li tiżgura t-tisħin fit-territorju tal-belt ta’ Vjenna. Huwa paċifiku li l-skop ewlieni wara l-ħolqien ta’ din l-entità ma kienx wieħed ta’ profitt. Filwaqt li mhuwiex eskluż li din l-attività tista’ tagħti lok għal profitti fil-forma ta’ dividendi lill-azzjonisti ta’ l-imsemmija entità, it-tiftix ta’ dawn il-profitti ma jikkostitwixxux l-għan prinċipali tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Korhonen et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54).

43

Fir-rigward, sussegwentement, ta’ l-ambjent ekonomiku rilevanti jew, fi kliem ieħor, tas-suq ta’ riferenza li għandu jittieħed in kunsiderazzjoni sabiex jiġi vverifikat jekk l-entità in kwistjoni teżerċitax jew le l-attivitajiet tagħha f’ċirkustanzi kompetittivi, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni, kif jipproponi l-Avukat Ġenerali fil-punti 53 u 54 tal-konklużjonijiet tiegħu, fid-dawl ta’ l-interpretazzjoni funzjonali tal-kunċett ta’ “korp irregolat bil-liġi pubblika”, is-settur li għalih inħolqot Fernwärme Wien, jiġifieri dak tal-provvista ta’ tisħin urban permezz ta’ l-użu ta’ l-enerġija prodotta mill-kombustjoni ta’ l-iskart.

44

Mid-deċiżjoni ta’ rinviju jirriżulta li Fernwärme Wien de facto għandha, f’dan is-settur, sitwazzjoni ta’ kważi-monopolju minħabba li ż-żewġ kumpanniji l-oħra li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom f’dan il-kuntest huma ta’ daqs negliġibbli u ma jistgħux, għaldaqstant, jikkostitwixxu kompetituri validi. Barra minn hekk, dan is-settur jippreżenta awtonomija kunsiderevoli, safejn huwa diffiċli ħafna li s-sistema ta’ tisħin urban tiġi ssostitwita minn enerġiji oħra, minħabba li dan ikun jeħtieġ xogħlijiet importanti ta’ tibdil. Fl-aħħar nett, il-belt ta’ Vjenna tagħti importanza partikolari lil din is-sistema ta’ tisħin, ukoll minħabba raġunijiet ambjentali. Barra minn hekk, fid-dawl tal-pressjoni ta’ l-opinjoni pubblika, hija ma tippermettix li din titneħħa, anki li kieku din is-sistema kellha taħdem bit-telf.

45

Fid-dawl ta’ dawn id-diversi indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju u kif josserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 57 tal-konklużjonijiet tiegħu, jirriżulta li Fernwärme Wien hija attwalment l-unika impriża li qed tissodisfa t-tali bżonnijiet ta’ interess ġenerali fis-settur in kwistjoni, b’tali mod li meta tagħti l-kuntratti tagħha hija tista’ tibbaża ruħha fuq kunsiderazzjonijiet li mhumiex ekonomiċi.

46

Fis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq BFI Holding (punt 49) u Agorà u Excelsior (punt 38), il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li l-eżistenza ta’ kompetizzjoni żviluppata tista’ tkun indikazzjoni li ssostni l-fatt li mhijiex kwistjoni ta’ interess ġenerali li għandu natura li mhijiex industrijali jew kummerċjali. Fiċ-ċirkustanzi in kwistjoni fil-kawża prinċipali, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta b’mod ċar li dan il-kriterju ta’ l-eżistenza ta’ kompetizzjoni żviluppata jinsab’il bogħod milli jiġi ssodisfat.

47

Għandu jingħad ukoll li f’dan ir-rigward ma tagħmilx differenza li, minbarra l-missjoni tagħha ta’ interess ġenerali, l-imsemmija entità twettaq ukoll attivitajiet oħra b’għan ta’ lukru, filwaqt li tkompli taqdi l-bżonnijiet ta’ interess ġenerali li għandha l-obbligu speċifiku li tissodisfa. Il-parti li jokkupaw l-attivitajiet eżerċitati b’għan ta’ lukru fil-kuntest ta’ l-attivitajiet globali ta’ din l-entità hija wkoll irrilevanti għall-finijiet tal-kwalifika tagħha bħala korp irregolat bil-liġi pubblika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Mannesmann Anlagenbau Austria et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25; tas-27 ta’ Frar 2003, Adolf Truley, C-373/00, Ġabra p. I-1931, punt 56, kif ukoll Korhonen et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 57 u 58).

48

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmulin iktar ’il fuq, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li entità bħal Fernwärme Wien għandha tiġi kkunsidrata bħala korp irregolat bil-liġi pubblika fis-sens tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2004/17 u tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18.

Fuq it-tielet domanda

49

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-kuntratti kollha mogħtija minn entità li għandha l-kwalità ta’ korp irregolat bil-liġi pubblika, fis-sens tad-Direttiva 2004/17 jew tad-Direttiva 2004/18, għandhomx ikunu suġġetti għar-regoli previsti minn waħda jew oħra minn dawn iż-żewġ direttivi, meta, permezz ta’ miżuri effikaċi, huwa possibbli li jkun hemm separazzjoni netta bejn l-attivitajiet li dan il-korp jeżerċita sabiex jissodisfa l-obbligu tiegħu li jaqdi l-bżonnijiet ta’ interess ġenerali u l-attivitajiet li jeżerċita taħt kundizzjonijiet kompetittivi, liema separazzjoni teskludi li dawn iż-żewġ tipi ta’ attivitajiet jiġu reċiprokament iffinanzjati minn xulxin.

50

Għandu jiġi mfakkar f’dan ir-rigward li l-problema li hija l-bażi ta’ din id-domanda kienet, għall-ewwel darba, suġġetta għall-eżami tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża li tat lok għas-sentenza Mannesmann Anlagenbau Austria et, iċċitata iktar ’il fuq, rigward l-interpretazzjoni tad-Direttiva 93/37 li tikkonċerna l-kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi. Fil-punt 35 ta’ dik is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja waslet għall-konklużjoni li l-kuntratti kollha mogħtija minn korp li għandu l-kwalità ta’ awtorità kontraenti, ikunu ta’ liema natura jkunu, għandhom ikunu suġġetti għar-regoli ta’ din id-direttiva.

51

Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat din il-pożizzjoni, fir-rigward tal-kuntratti tas-servizzi pubbliċi, fis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq BFI Holding (punti 55 u 56) u Korhonen et (punti 57 u 58) kif ukoll, fir-rigward tal-kuntratti ta’ provvisti pubbliċi, fis-sentenza Adolf Truley, iċċitata iktar ’il fuq (punt 56). Din il-pożizzjoni hija applikabbli wkoll għad-Direttiva 204/18, li tikkostitwixxi l-ktib mill-ġdid tad-dispożizzjonijiet tad-direttivi preċedenti kollha fil-qasam għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi li tagħhom hija ħadet il-post (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bayerischer Rundfunk et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30).

52

Din il-konklużjoni tgħodd ukoll għal entitajiet li japplikaw kontabbiltà li tikkomporta separazzjoni netta interna bejn l-attivitajiet li huma jeżerċitaw sabiex jissodisfaw l-obbligu tagħhom li jaqdu bżonnijiet ta’ interess ġenerali u l-attivitajiet li huma jeżerċitaw f’kundizzjonijiet kompetittivi.

53

Fil-fatt, kif jenfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punti 64 u 65 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa aċċettat li jkun hemm dubji serji dwar jekk fil-verità huwiex possibbli li jkun hemm separazzjoni bejn id-diversi attivitajiet ta’ entità li tifforma persuna ġuridika waħda li għandha sistema unika patrimonjali u ta’ proprjetà u fejn id-deċiżjonijiet fir-rigward tad-tmexxija u amministrazzjoni jittieħdu b’mod unitarju, u dan mingħajr ma jittieħdu in kunsiderazzjoni numru ta’ ostakoli oħra ta’ natura prattika bħal kontroll, ex ante u ex post, tas-separazzjoni assoluta bejn l-oqsma differenti ta’ attività ta’ l-entità kkonċernata u ta’ l-appartenenza ta’ l-attività in kwistjoni għal qasam jew ieħor.

54

Għalhekk, minħabba raġunijiet ta’ ċertezza legali, ta’ trasparenza u ta’ prevedibbiltà li jirregolaw l-implementazzjoni tal-proċeduri tal-kuntratti pubbliċi kollha, għandha tiġi segwita l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja esposta fil-punti 50 u 51 ta’ din is-sentenza.

55

Madankollu, kif jirriżulta mill-punt 49 ta’ din is-sentenza, id-domanda tal-qorti tar-rinviju tikkonċerna fl-istess ħin id-Direttivi 2004/17 u 2004/18.

56

Għandu jiġi osservat f’dan ir-rigward li, fil-kuntest ta’ l-eżami tat-tieni domanda preliminari, ġie kkonstatat li entità tat-tip ta’ Fernwärme Wien għandha tiġi kkunsidrata bħala korp irregolat bil-liġi pubblika skond id-Direttivi 2004/17 u 2004/18. Barra minn hekk, matul l-eżami ta’ l-ewwel domanda preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li entità kontraenti, skond id-Direttiva 2004/17, hija obbligata li tapplika l-proċedura prevista f’din id-direttiva biss għall-għoti ta’ kuntratti relatati ma’ attivitajiet li din l-entità teżerċita f’settur jew numru ta’ setturi elenkati fl-Artikoli 3 sa 7 ta’ l-imsemmija direttiva.

57

Għandu jiġi ppreċiżat li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17 il-kuntratti mogħtija fil-qasam ta’ waħda mill-attivitajiet espliċitament elenkati fl-Artikoli 3 sa 7 ta’ l-imsemmija direttiva kif ukoll il-kuntratti li, anki jekk huma ta’ natura differenti u li għaldaqstant jistgħu, minħabba f’hekk, jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/18, iservu għall-eżerċizzju ta’ l-attivitajiet iddefiniti fid-Direttiva 2004/17 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Strabag u Kostmann, iċċitata iktar ’il fuq, punti 41 u 42).

58

Konsegwentement, il-kuntratti mogħtija minn entità tat-tip ta’ Fernwärme Wien jaqgħu taħt il-proċeduri previsti mid-Direttiva 2004/17 safejn dawn ikunu konnessi ma’ attività li hija teżerċità fl-oqsma elenkati fl-Artikoli 3 sa 7 ta’ din id-direttiva. Min-naħa l-oħra, il-kuntratti l-oħra kollha mogħtija minn entità bħal din in konnessjoni ma’ l-eżerċizzju ta’ attivitajiet oħra jaqgħu taħt il-proċeduri previsti mid-Direttiva 2004/18.

59

Għaldaqstant, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-kuntratti mogħtija minn entità li għandha l-kwalità ta’ korp irregolat bil-liġi pubblika, skond id-Direttivi 2004/17 u 2004/18, u li huma konnessi ma’ l-eżerċizzju ta’ l-attivitajiet ta’ din l-entità f’settur jew f’numru ta’ setturi elenkati fl-Artikoli 3 sa 7 tad-Direttiva 2004/17, għandhom ikunu suġġetti għall-proċeduri previsti minn din id-direttiva. Min-naħa l-oħra, il-kuntratti l-oħra kollha mogħtija minn din l-entità in konnessjoni ma’ l-eżerċizzju ta’ attivitajiet oħra jaqgħu taħt il-proċeduri previsti mid-Direttiva 2004/18. Kull waħda minn dawn iż-żewġ direttivi tapplika, mingħajr distinzjoni bejn l-attivitajiet li l-imsemmija entità teżerċita sabiex tissodisfa l-obbligu tagħha li taqdi l-bżonnijiet ta’ interess ġenerali u l-attivitajiet li hija teżerċita taħt ċirkustanzi kompetittivi, u saħansitra anke jekk tinżamm kontabbiltà li tikkomporta s-separazzjoni ta’ l-oqsma ta’ attivitajiet ta’ din l-entità, sabiex jiġi evitat li dawn is-setturi jiġu reċiprokament iffinanzjati minn xulxin.

Fuq l-ispejjeż

60

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Entità kontraenti, fis-sens tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi ta’ l-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali, hija obbligata li tapplika l-proċedura prevista minn din id-direttiva biss għall-għoti ta’ kuntratti relatati ma’ attivitajiet li din l-entità teżerċita f’waħda jew f’numru ta’ setturi elenkati fl-Artikoli 3 sa 7 ta’ l-imsemmija direttiva.

 

2)

Entità bħal Fernwärme Wien għandha tiġi kkunsidrata bħala korp irregolat bil-liġi pubblika fis-sens tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2004/17 u tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi.

 

3)

Il-kuntratti mogħtija minn entità li għandha l-kwalità ta’ korp irregolat bil-liġi pubblika, skond id-Direttivi 2004/17 u 2004/18, u li huma konnessi ma’ l-eżerċizzju ta’ l-attivitajiet ta’ din l-entità f’settur jew f’numru ta’ setturi elenkati fl-Artikoli 3 sa 7 tad-Direttiva 2004/17, għandhom ikunu suġġetti għall-proċeduri previsti minn din id-direttiva. Min-naħa l-oħra, il-kuntratti l-oħra kollha mogħtija minn din l-entità in konnessjoni ma’ l-eżerċizzju ta’ attivitajiet oħra jaqgħu taħt il-proċeduri previsti mid-Direttiva 2004/18. Kull waħda minn dawn iż-żewġ direttivi tapplika, mingħajr distinzjoni bejn l-attivitajiet li l-imsemmija entità teżerċita sabiex tissodisfa l-obbligu tagħha li taqdi l-bżonnijiet ta’ interess ġenerali u l-attivitajiet li hija teżerċita taħt ċirkustanzi kompetittivi, u saħansitra anke jekk tinżamm kontabbiltà li tikkomporta s-separazzjoni ta’ l-oqsma ta’ attivitajiet ta’ din l-entità, sabiex jiġi evitat li dawn is-setturi jiġu reċiprokament iffinanzjati minn xulxin.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top