EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62005CJ0217

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) ta' l-14 ta' Diċembru 2006.
Confederación Española de Empresarios de Estaciones de Servicio vs Compañía Española de Petróleos SA.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Tribunal Supremo - Spanja.
Kompetizzjoni - Ftehim - Akkordji bejn impriżi - Artikolu 85 tat-Trattat KEE (li sar l-Artikolu 85 tat-Trattat KE, li sar, huwa nnifsu, l-Artikolu 81 KE) - Artikoli 10 sa 13 tar-Regolament (KEE) Nru 1984/83 - Kuntratti ta' xiri esklużiv ta' karburanti msejħa "kuntratti ta' kummissjoni ta' bejgħ taħt garanzija u "kuntratti ta' aġenzija' bejn operaturi ta' stazzjonijiet tal-petrol u impriżi petroliferi.
Kawża C-217/05.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2006:784

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

14 ta’ Diċembru 2006(*)

“Kompetizzjoni – Ftehim – Akkordji bejn impriżi – Artikolu 85 tat-Trattat KEE (li sar l-Artikolu 85 tat-Trattat KE, li sar, huwa nnifsu, l-Artikolu 81 KE) – Artikoli 10 sa 13 tar-Regolament (KEE) Nru 1984/83 – Kuntratti ta’ xiri esklużiv ta’ karburanti msejħa ‘kuntratti ta’ kummissjoni ta’ bejgħ taħt garanzija u ‘kuntratti ta’ aġenzija’ bejn operaturi ta’ stazzjonijiet tal-petrol u impriżi petroliferi”

Fil-kawża C-217/05,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-Tribunal Supremo (Spanja), permezz ta’ Deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Mejju 2005, fil-kawża

Confederación Española de Empresarios de Estaciones de Servicio

vs

Compañía Española de Petróleos SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President ta’ l-Awla, A. Borg Barthet, J. Malenovský, U. Lõhmus (Relatur) u A. Ó Caoimh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratriċi Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Lulju 2006,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għall-Confederación Española de Empresarios de Estaciones de Servicio, minn A. Hernández Pardo, abogado, C. Flores Hernández u L. Ruiz Ezquerra, abogadas,

–       għal Compañía Española de Petróleos SA, minn J. Folguera Crespo u A. Martínez Sánchez, abogados,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn E. Gippini Fournier u K. Mojzesowicz, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-13 ta’ Lulju 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 10 u 13 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1984/83, tat-22 ta’ Ġunju 1983, dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 85(3) tat-Trattat għal kategoriji ta’ akkordji ta’ xiri esklużiv (ĠU L 173, p. 5, u l-korrezzjoni, ĠU L 79, p. 38).

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Confederación Española de Empresarios de Estaciones de Servicio (iktar ’il quddiem il-“Konfederazzjoni”), rikorrenti fil-kawża prinċipali, u Compañía Española de Petróleos SA (iktar ’il quddiem “CEPSA”), konvenuta fil-kawża prinċipali, rigward prattiċi restrittivi tal-kompetizzjoni attribwiti lil din ta’ l-aħħar, li jirriżultaw minn ftehimiet konklużi bejnha u bejn ċerti impriżi li joperaw stazzjonijiet tal-petrol.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3       Ir-Regolament Nru 1984/83 jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-paragrafu 1 ta’ l-Artikolu 85 tat-Trattat KEE (li sar l-Artikolu 85 tat-Trattat KE, li sar, huwa nnifsu, l-Artikolu 81 (1), KE) ċerti kategoriji ta’ ftehim ta’ xiri esklużiv u ta' prattiċi miftiehma li normalment jissoddisfaw il-kundizzjonijiet previsti fil-punt 3 ta’ l-imsemmi Artikolu, minħabba li ġeneralment dawn iwasslu għal titjib fid-distribuzzjoni tal-prodotti. Dan ir-Regolament jinkludi dispożizzjonijiet partikolari għall-akkordji ta’ stazzjonijiet tal-petrol fl-Artikoli 10 sa 13 tiegħu.

4       Skond l-Artikolu 10 ta’ l-imsemmi Regolament:

“Skond l-Artikolu 85(3) tat-Trattat u skond il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 11 u 13 ta’ dan ir-Regolament, l-Artikolu 85(1) ta’ l-imsemmi Trattat huwa inapplikabbli għall-akkordji li fihom jipparteċipaw żewġ impriżi biss u li fihom parti, il-bejjiegħ mill-ġdid, jintrabat ma’ l-ieħor, il-fornitur, bħala korrispettiv għall-għoti ta' vantaġġi ekonomiċi jew finanzjarji partikolari, li jixtri mingħandu biss, minn impriża assoċjata miegħu jew minn terza impriża li huwa inkariga għad-distribuzzjoni tal-prodotti tiegħu, bil-għan li jsir bejgħ mill-ġdid fi stazzjon tal-petrol stabbilita fl-akkordju, ċerti karburanti għal vetturi b’mutur li jaħdmu bi prodotti petroliferi jew ċerti karburanti għal vetturi b’mutur u kombustibbli bbażati fuq prodotti petroliferi speċifikati fl-akkordju.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5       L-Artikolu 11 ta’ l-imsemmi Regolament jipprovdi:

“Minbarra l-obbligu msemmi fl-Artikolu 10, l-ebda restrizzjoni oħra fuq il-kompetizzjoni ma għandha tiġi imposta fuq il-bejjiegħ ħlief

a)      l-obbligu li ma jbiegħx mill-ġdid fl-istazzjon tal-petrol indikata fl-akkordju -karburanti għal vetturi b’mutur jew kombustibbli pprovduti minn terzi impriżi;

b)      l-obbligu li fl-istazzjon tal-petrol indikata fl-akkordju, ma jintużawx lubrifikanti jew prodotti petroliferi konnessi offerti minn terzi impriżi, fejn il-fornitur jew impriża assoċjata miegħu ikun qiegħdu għad-dispożizzjoni tal-bejjiegħ mill-ġdid, jew ikunu ffinanzjaw, tagħmir ta’ bdil ta’ żjut jew stallazzjonijiet oħra ta’ lubrikazzjoni ta’ vetturi li jaħdmu b’mutur;

ċ)      l-obbligu li jsir biss reklamar għall-prodotti kkonsenjati minn terzi impriżi, ġewwa jew barra mill-istazzjon tal-petrol, fi proporzjon mal-parti li dawn il-prodotti jirrapreżentaw fil-fatturat totali ta’ l-istazzjon tal-petrol;

d)      l-obbligu li s-sorveljanza tiġi fdata biss lill-fornitur, jew lil impriża magħżula minnu, ta’ l-istallazzjonijiet ta’ depożitu jew ta’ distribuzzjoni ta’ prodotti petroliferi li huma prorjetà tiegħu, jew li ġew iffinanzjati mill-fornitur jew minn impriża assoċjata miegħu.”[traduzzjoni mhux ufficiali]

6       L-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1984/83 jelenka l-klawżoli u l-impenji kuntrattwali li jostakolaw l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 10 tiegħu. L-Artikolu 13 ta’ dan l-istess Regolament jipprovdi l-applikazzjoni b’analoġija ta’ l-Artikoli 2(1) u (3), 3(a) u (b), 4 u 5 ta’ l-istess Regolament għall-akkordji ta’ stazzjonijiet tal-petrol.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

7       Il-Liġi Nru 16/1989, fuq il-protezzjoni tal-kompetizzjoni (Ley Nru 16/1989, de Defensa de la Competencia), tas-17 ta’ Lulju 1989 (BOE Nru 170, tat-18 ta’ Lulju 1989, p. 22747, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 16/1989"), tiddefinixxi, fl-Artikolu 1 (1) tagħha, bħala aġir pprojbit, it-tip ta’ aġir li jmur kontra l-kompetizzjoni ispirat direttament mill-Artikolu 85 (1) tat-Trattat.

8       Id-Digriet Irjali Nru 157/1992, rigward dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tal-Liġi Nru 16/1989 f’dak li jikkonċerna l-eżenzjonijiet ġenerali, l-awtorizzazzjonijiet individwali u r-reġistru ta' protezzjoni tal-kompetizzjoni (Real Decreto 157/1992, por el que se desarrolla la Ley 16/1989, de 17 de julio, en materia de exenciones por categorías, autorización singular y registro de defensa de la competencia), tal-21 ta’ Frar 1992 (BOE Nru 52, tad-29 ta’ Frar 1992, p. 7106, iktar ’il quddiem id-“Digriet Irjali Nru 157/1992”) jipprovdi fl-Artikolu 1 tiegħu:

“Eżenzjonijiet ġenerali

1.      Skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 5 (1) (a) tal-[Liġi Nru 16/1989], huma awtorizzati l-akkordji li fihom jipparteċipaw biss żewġ impriżi u li, billi jikklassifikaw rwieħhom f’waħda mill-kategoriji li ġejjin, jaffettwaw biss is-suq nazzjonali u jissoddisfaw il-kundizzjonijiet imsemmija hawn taħt għal kull waħda min dawn il-kategoriji:

[…]

b)      akkordji ta’ xiri esklużiv li fihom parti tintrabat ma’ l-oħra li tixtri, bl-iskop ta' bejgħ mill-ġdid, ċerti prodotti esklużivament minn din il-parti l-oħra, minn impriża assoċjata magħha jew minn terza impriża li mhijiex dik responsabbli għad-distribuzzjoni tal-prodotti tagħha, sakemm dan l-akkordju jirrispetta d-dispożizzjonijiet imsemija fir-Regolament (KEE) Nru 1984/83 […]

[…]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9       Fl-4 ta’ Mejju 1995, il-Konfederazzjoni ressqet ilment quddiem is-Servicio de Defensa de la Competencia (servizz ta' protezzjoni tal-kompetizzjoni), li jagħmel parti mill-Ministeru ta’ l-Ekonomija u tal-Finanzi, kontra ċerti impriżi tas-settur petroliferi, fosthom CEPSA. Skond il-Konfederazzjoni, il-ftehimiet konklużi fl-aħħar tas-sena 1992 bejn CEPSA u l-impriżi li joperaw stazzjonijiet tal-petrol, inizjalment intitolati “kuntratti ta’ xiri definittivi [take or pay]”, imbagħad, minħabba emendi li saru, “kuntratti ta’ kummissjoni ta’ bejgħ taħt garanzija” u/jew “kuntratti ta’ aġenzija” (iktar ’il quddiem il-“ftehimiet ikkonċernati”), għandhom bħala effett ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni. Mill-provi tal-proċess imressaq quddiem lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li 95 % ta’ l-istazzjonijiet tal-petrol li jaqgħu taħt id-distribuzzjoni ta’ CEPSA huma marbuta b’dan it-tip ta’ kuntratti.

10     B’deċiżjoni tas-7 ta’ Novembru 1997, l-ilment tal-Konfederazzjoni twaqqa' bħala inammissibbli minħabba li l-ftehimiet ikkonċernati ma kinux imorru kontra l-Artikolu 1 (1) tal-Liġi Nru 16/1989, peress li din id-dispożizzjoni mhijiex applikabbli għall-ftehimiet konklużi mill-aġenti b'kummissjoni, aġenti kummerċjali jew intermedjarji ma’ imprendituri oħra. Ir-rikors imressaq mill-Konfederazzjoni kontra din id-deċiżjoni ġiet miċħud mit-Tribunal de Defensa de la Competencia b’deċiżjoni ta’ l-1 ta’ April 1998, għal raġuni, sostanzjalment, identika.

11     Peress li r-rikors ulterjuri tagħha quddiem l-Audiencia Nacional ġie ukoll miċħud b’deċiżjoni tat-22 ta’ Jannar 2002, il-Konfederazzjoni appellat quddiem it-Tribunal Supremo. Wieħed mill-motivi invokati in sostenn ta’ dan l-appell huwa bbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 85 (1), tat-Trattat u tar-Regolament Nru 1984/83, li għalih jirreferi d-Digriet Irjali Nru 157/1992.

12     Fil-kuntest ta’ din il-kawża, it-Tribunal Supremo ddeċida li jissospendi l-proċeduri u li jressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikoli 10 sa 13 tar-Regolament [Nru 1984/83] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jinkludu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom kuntratti ta’ distribuzzjoni esklużiva ta’ karburanti u ta’ kombustibbli li, minkejja li huma formalment ikklassifikati bħala kuntratti ta’ kummissjoni jew ta’ aġenzija, jinkludu l-elementi li ġejjin:

a)      l-operatur ta’ l-istazzjon tal-petrol jimpenja ruħu li jbigħ b’mod esklużiv il-karburanti u l-kombustibbli tal-fornitur billi jirrispetta l-prezzijiet ta' bejgħ lill-pubbliku kif ukoll il-kundizzjonijiet u tekniċi ta’ bejgħ u ta’ operazzjoni stabbiliti mill-imsemmi fornitur;

b)      l-operatur ta’ l-istazzjon tal-petrol jassumi r-riskju marbut mal-merkanzija mill-mument li huwa jirċeviha mill-fornitur fit-tankijiet ta’ l-istazzjon tal-petrol;

ċ)      minn meta jirċievi l-merkanzija, l-operatur jassumi l-obbligu li jżommha f’kundizzjonijiet li jippermettu li jiġi evitat kull telf jew deterjorament tagħha u jinżamm responsabbli, fejn xieraq, lejn il-fornitur jew terzi persuni għal kull telf, kontaminazzjoni jew taħlit tal-merkanzija li jista' jsir kif ukoll għad-danni li jistgħu jiġu kkawżati minn dan;

d)      l-operatur ta’ l-istazzjon tal-petrol huwa marbut li jħallas lill-fornitur il-valur fi flus tal-karburanti jew tal-kombustibbli disat ijiem wara d-data tal-kunsinna tagħhom fl-istazzjon tal-petrol?”

 Fuq id-domanda preliminari

 Fuq il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja biex twieġeb għal din id-domanda u fuq l-ammissibbiltà tagħha

13     Kemm CEPSA kif ukoll il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej isostnu li m’hemmx lok li tingħata tweġiba għad-domanda preliminari li saret, iżda minħabba raġunijiet differenti.

14     Fir-rigward, qabel kollox, tal-pożizzjoni adottata minn CEPSA, din issostni li l-Qorti tal-Ġustizzja m’għandhiex il-kompetenza biex twieġeb għad-domanda li saret, l-ewwel lok minħabba li l-kawża prinċipali taqa' esklużivament taħt id-dritt nazzjonali. Fil-fatt, bir-riferenza li saret għad-“dispożizzjonijet imsemmija fir-Regolament [Nru 1984/83]”, l-Artikolu 1 (1) (b), tad-Digriet Irjali Nru 157/1992, ma jagħmilx rinviju ġenwin għad-dritt Komunitarju iżda jillimita ruħu li jinkorpora fil-leġiżlazzjoni nazzjonali l-kontenut ta’ l-Artikoli 10 sa 13 ta’ l-imsemmi Regolament. Dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju għaldaqstant huma rilevanti fil-kuntest tal-kawża prinċipali biss inkwantu elementi tad-dritt nazzjonali Spanjol.

15     Fit-tieni lok, CEPSA tqis li, fin-nuqqas ta’ impatt fuq il-kummerċ bejn Stati membri, l-Artikolu 85 (1), tat-Trattat ma japplikax fil-kawża prinċipali.

16     Sussidjarjament, għandu jiġi osservat li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali kif hija prevista fl-Artikolu 234 KE, hija l-qorti nazzjonali, li quddiemha tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġurisdizzjonali li għandha tittieħed, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża li tinsab quddiemha, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari biex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C-415/93, Ġabra p. I-4921, punt 59; tas-17 ta’ Lulju 1997, Leur-Bloem, C-28/95, Ġabra p. I-4161, punt 24, u tas-7 ta’ Jannar 2003, BIAO, C-306/99, Ġabra p. I-1, punt 88).

17     Ladarba d-domandi magħmula mill-qrati nazzjonali jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni ta' dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja hija għaldaqstant, bħala regola ġenerali, marbuta li tagħti deċiżjoni, sakemm ma jidhirx manifestament li d-domanda għal deċiżjoni preliminari tkun tali li, fil-verità, twassalha biex tagħti deċiżjoni permezz ta' kawża fittizja jew li tagħti opinjonijiet konsultattivi fuq kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi, li l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mitluba ma għandha l-ebda relazzjoni mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża, jew inkella li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex l-elementi ta’ fatt jew ta’ dritt meħtieġa biex twieġeb b’mod effettiv għad-domandi li jkunu tressqu quddiemha (ara s-sentenza BIAO, iċċitata iktar ’il fuq, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata).

18     Dan mhuwiex il-każ fil-kawża prinċipali.

19     Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddikjarat li ma jirriżultax la mill-kliem ta’ l-Artikolu 234 KE u lanqas mis-suġġett tal-proċediment stabbilit minn dan l-Artikolu li l-awturi tat-Trattat kellhom l-intenzjoni li jeskludu mill-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja r-rinviji għal deċiżjonijiet preliminari bbażati fuq dispożizzjoni Komunitarja fil-każ partikolari fejn id-dritt nazzjonali ta’ Stat membru jirreferi għall-kontenut ta’ din id-dispożizzjoni sabiex jiddetermina r-regoli applikabbli f’sitwazzjoni purament interna għal dan l-Istat (is-sentenza Leur-Bloem, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25).

20     Għaldaqstant, meta leġiżlazzjoni nazzjonali tikkonforma ruħha, fir-rigward tas-soluzzjonijiet li hija tadotta fir-rigward ta' sitwazzjonijiet purament interni, ma’ dawk adottati fid-dritt Komunitarju sabiex, bħal fil-kawża prinċipali, tevita distorsjoni eventwali ta’ kompetizzjoni, jeżisti interess Komunitarju ċert li, sabiex tiġi evitata l-possibbiltà ta’ differenzi f’interpretazzjonijiet futuri, id-dispożizzjonijiet jew il-kunċetti ripetuti mid-dritt Komunitarju jingħataw interpretazzjoni uniformi, indipendentament miċ-ċirkustanzi li fihom jintalab li jiġu applikati (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi, Leur‑Bloem, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32, u tas-16 ta’ Marzu 2006, Poseidon Chartering, C-3/04, Ġabra p. I-2505, punt 16).

21     Barra minn hekk, bil-kontra dak li ssostni CEPSA, iċ-ċirkustanzi tal-każ fil-kawża prinċipali huma differenti minn dawk tas-sentenza tat-28 ta’ Marzu 1995, Kleinwort Benson (C-346/93, Ġabra p. I-615). F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li mhijiex kompetenti sabiex tinterpreta leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tagħmilx rinviju dirett u mingħajr kundizzjonijiet għad-dritt Komunitarju, iżda li tillimita ruħha li tieħu l-ftehim tas-27 ta’ Settembru 1968 fuq il-kompetenza ġudizzjarja u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet fil-qasam ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32) bħala mudell u li tirriproduċi l-kliem b’mod parzjali biss. Fil-fatt, jirriżulta mil-punt 18 ta’ din is-sentenza li l-imsemmija leġiżlazzjoni kienet tipprovdi espliċitament il-possibbiltà għall-awtoritajiet nazzjonali li jagħmlu emendi “intiżi biex jipproduċu diverġenzi” bejn id-dispożizzjonijiet ta’ din il-leġiżlazzjoni u d-dispożizzjonijiet korrispondenti ta’ dan il-ftehim. Barra minn hekk, l-istess leġiżlazzjoni kienet tagħmel distinzjoni espliċita bejn id-dispożizzjonijiet applikabbli għas-sitwazzjonijiet Komunitarji u dawk applikabbli għas-sitwazzjonijiet interni.

22     F’dak li jikkonċerna din it-talba għal deċiżjoni preliminari, minkejja li l-Artikolu 1 (1) (b) tad-Digriet Irjali Nru 157/1992 jillimita ruħu li jagħmel riferenza espliċita għar-Regolament Nru 1984/83 sabiex jiddetermina r-regoli applikabbli għal sitwazzjonijiet interni, jibqa' l-fatt li, permezz ta’ rinviju għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1984/83, il-leġiżlatur nazzjonali ddeċieda li japplika trattament identiku għas-sitwazzjonijiet interni u għas-sitwazzjonijiet Komunitarji. Konsegwentement, fil-każ ta’ rinviju għal att ta' dritt Komunitarju fil-leġiżlazzjoni nazzjonali bħal ma huwa l-każ fil-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex kompetenti biex tinterpreta dan l-att.

23     Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, m’hemmx lok li jiġi eżaminat l-argument żviluppat minn CEPSA rigward in-nuqqas ta’ impatt fuq il-kummerċ bejn Stati membri.

24     Għaldaqstant, l-allegazzjoni ta’ CEPSA bbażata fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiġi miċħuda.

25     Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, mingħajr ma talbet formalment l-inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, min-naħa, tispjega l-fatt li l-kuntest fattwali tal-kawża prinċipali mhuwiex deskritt suffiċjentement fid-deċiżjoni tar-rinviju u, min-naħa l-oħra, tesprimi dubji rigward l-utilità ta’ risposta għad-deċiżjoni preliminari, fid-dawl tal-fatti fil-kawża prinċipali u b’mod partikolari tal-fatt li, fil-każ ta’ ftuħ mill-ġdid tal-proċess mill-awtorità Spanjola tal-kompetizzjoni, din tkun mġiegħla tikkonstata li issa huwa applikabbli r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2790/1999, tat-22 ta’ Diċembru 1999, dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81(3) tat-Trattat għal kategoriji ta’ ftehim vertikali u prattiċi miftiehma (ĠU L 336, p. 21), li ssostitwixxa r-Regolament Nru 1984/83.

26     F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, il-ħtieġa li tingħata interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li tkun utli għall-qorti nazzjonali tirrikjedi li din il-qorti tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi magħmula minnha jew li, almenu, tispjega ċ-ċirkustanzi fattwali li fuqhom huma bbażati dawn id-domandi (is-sentenzi tad-9 ta’ Settembru 2004, Carbonati Apuani, C-72/03, Ġabra p. I-8027, punt 10, u tas-17 ta’ Frar 2005, Viacom Outdoor, C-134/03, Ġabra p. I-1167, punt 22).

27     Barra minn hekk, l-informazzjoni mogħtija fid-deċiżjonijiet tar-rinviju m’għandhiex biss tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti tweġibiet utli, iżda għandha wkoll tagħti lill-Gvernijiet ta’ l-Istati Membri kif ukoll lill-partijiet interessati l-oħra l-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet skond l-Artikolu 23 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, id-digrieti tat-30 ta’ April 1998, Testa u Modesti, C-128/97 u C-137/97, Ġabra p. I-2181, punt 6 kif ukoll tal-11 ta’ Mejju 1999, Anssens, C-325/98, Ġabra p. I-2969, punt 8).

28     Għaldaqstant, domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali hija inammissibbli ladarba l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex elementi fattwali u leġiżlattivi meħtieġa sabiex twieġeb b’mod effettiv għad-domandi li jsirulha (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2001, Preussen Elektra, C-379/98, Ġabra, p. I-2099, punt 39, u tat-22 ta’ Jannar 2002, Canal Satélite Digital, C-390/99, Ġabra p. I-607, punt 19).

29     Sabiex jiġi żgurat li l-elementi mogħtija mit-Tribunal Supremo jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti, hemm lok li jittieħdu in kunsiderazzjoni n-natura u l-portata tad-domanda li tressqet. Peress li r-rekwiżit ta’ preċiżjoni fir-rigward tal-kuntest fattwali japplika b’mod partikolari fis-settur tal-kompetizzjoni, li huwa kkaratterizzat minn ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ dritt kumplessi, għandu jiġi eżaminat jekk id-deċiżjoni tar-rinviju tipprovdix, f'dan ir-rigward, indikazzjonijiet suffiċjenti sabiex jippermettu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti tweġiba utli għall-imsemmija domanda (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Viacom Outdoor, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23).

30     F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludix ċerti indikazzjonijiet rilevanti għat-tweġiba tad-domanda li ġiet imressqa. Fil-fatt, jekk huwa minnu li, skond kif hija fformulata din id-domanda, l-operatur ta’ stazzjon tal-petrol jassumi r-riskju marbut mal-merkanzija mill-mument li huwa jirċeviha mingħand il-fornitur, jibqa’ l-fatt li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tippermettix li jiġi stabbilit jekk dan l-operatur jassumix ċerti riskji konkreti bis-saħħa tal-ftehimiet ta’ distribuzzjoni ta’ karburanti, u lanqas min huwa l-proprjetarju tal-fjuwil wara l-kunsinna tiegħu, u lanqas min għandu jsostni l-ispejjeż ta’ trasport.

31     Madankollu, minkejja dawn il-lakuni, id-deċiżjoni tar-rinviju tippermetti li tiġi stabbilita l-portata tad-domanda imressqa, kif juru l-kontenut ta’ l-osservazzjonijiet ippreżentati mill-partijiet fil-kawża prinċipali u l-Kummissjoni. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha biżżejjed elementi fattwali biex tinterpreta r-regoli Komunitarji kkonċernati u biex twieġeb b’mod effettiv għal din id-domanda.

32     Barra minn hekk, kif tenfasizzah l-Avukat Ġenerali fil-punt 30 tal-konklużjonijiet tagħha, mhuwiex evidenti li l-legalità tad-deċiżjoni ta' għeluq tal-kawża ta’ l-1997 mis-Servicio de Defensa de la Competencia m’għandhiex tiġi evalwata fid-dawl tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ f’dak iż-żmien, jiġifieri, b’mod partikolari, ir-Regolament Nru 1984/83. F’kull każ, id-deċiżjoni fir-rigward ta’ l-applikabbiltà ta’ l-imsemmi Regolament għaċ-ċirkustanza fattwali li hija s-suġġett tal-kawża prinċipali hija f’idejn il-qorti nazzjonali. Għaldaqstant, id-dubji tal-Kummissjoni -rigward ir-rilevanza tad-domanda imressqa lanqas ma huma tali li jikkontestaw l-ammissibbiltà tagħha.

33     Għaldaqstant hemm lok li twieġeb id-domanda preliminari.

 Fuq il-mertu

34     Bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob, essenzjalment, jekk ftehimiet ta’ distribuzzjoni esklużiva ta’ karburanti li jikkorrispondu għall-karatteristiċi li hija tiddeskrivi jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 85 tat-Trattat u tar-Regolament Nru 1984/83.

35     Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmi Regolament jillimita ruħu li jipprovdi eżenzjoni ġenerali, li biha ċerti kategoriji ta’ akkordji bejn impriżi ma jaqgħux taħt il-projbizzjoni ta’ l-akkordji prevista fl-Artikolu 85 (1), tat-Trattat. Għaldaqstant, jistgħu biss jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1984/83 l-akkordji bejn impriżi fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

36     Għaldaqstant għandu jiġi eżaminat, qabel kollox, jekk il-ftehimiet fil-kawża prinċipali jikkostitwixxux tali akkordji bejn impriżi u, imbagħad, jekk l-eżenzjoni ġenerali stabbilita mir-Regolament Nru 1984/83 hijiex applikabbli għalihom.

37     F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, l-akkordji bejn operaturi li jinsabu fi stadji differenti tal-proċess ekonomiku, jiġifieri l-akkordji vertikali, jistgħu jikkostitwixxu akkordji fis-sens ta’ l-Artikolu 85 (1) tat-Trattat u jaqgħu taħt il-projbizzjoni stabbilita minn din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 1966, Consten u Grundig vs Il-Kummissjoni, 56/64 u 58/64, Ġabra p. 429, 491, u ta’ l-24 ta’ Ottubru 1995, Volkswagen u VAG Leasing, C-266/93, Ġabra p. I-3477, punt 17).

38     Madankollu, l-akkordji vertikali, bħall-ftehim bejn CEPSA u l-operaturi ta’ l-istazzjonijiet tal-petrol, jaqgħu taħt l-Artikolu 85 tat-Trattat biss meta l-operatur jiġi meqjus bħala operatur ekonomiku indipendenti u meta jeżisti, għaldaqstant, akkordju bejn żewġ impriżi.

39     Issa, hija ġurisprudenza stabbilita li, fil-kuntest tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni, il-kunċett ta’ impriża jinkludi kull entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus ġuridiku ta’ din l-entità u mill-mod ta’ kif din tiġi ffinanzjata (is-sentenzi tat-23 ta’ April 1991, Höfner u Elser, C-41/90, Ġabra p. 1979, punt 21, u tal-11 ta’ Lulju 2006, FENIN vs Il-Kummissjoni, C-205/03 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 25).

40     Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li l-kunċett ta’ impriża, meta jitqiegħed f’dan l-istess kuntest, għandu jinftiehem li jfisser unità ekonomika mill-perspettiva tas-suġġett ta’ l-akkordju in kwistjoni anki jekk, mill-perspetiva ġuridika, din l-unità ekonomika hija magħmula minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi (is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 1984, Hydrotherm, 170/83, Ġabra p. 2999, punt 11).

41     Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja enfassizat li, għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, id-distinzjoni formali bejn żewġ kuntratti, li jirriżultaw mill-personalità ġuridika distinta tagħhom, mhijiex determinanti, peress li l-kriterju deċiżiv huwa l-eżistenza ta’ aġir uniformi jew le fis-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ta’ l-14 ta’ Lulju 1972, ICI vs Il-Kummissjoni, 48/69, Ġabra p. 619, punt 140).

42     F’ċerti każijiet, ir-relazzjonijiet bejn il-prinċipal u l-intermedjarju tiegħu jistgħu jiġu kkaratterizzati minn tali aġir uniformi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 1975, Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, 40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, Ġabra p. 1663, punt 480).

43     F’dan ir-rigward, jirriżulta madankollu mill-ġurisprudenza li l-intermedjarji jistgħu biss jitilfu l-istatus tagħhom ta’ operaturi ekonomiċi meta ma jsostnu l-ebda wieħed mir-riskji li jiriżultaw mill-kuntratti nnegozjati jew konklużi f’isem il-prinċipal tagħhom u joperaw bħala awżiljarji li jiffurmaw parti integrali mill-impriża tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Volkswagen u VAG Leasing, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19).

44     Għaldaqstant, meta intermedjarju, bħall-operatur ta’ stazzjon tal-petrol, minkejja li għandu personalità ġuridika distinta, ma jistabbilixxix b’mod awtonomu l-aġir tiegħu fis-suq, minħabba li huwa jkun jiddependi kompletament mill-prinċipal tiegħu, bħal fornitur ta' karburanti, peress li dan ta’ l-aħħar ikun responsabbli għar-riskji finanzjarji u kummerċjali fir-rigward ta’ l-attività ekonomika kkonċernata, il-projbizzjoni stabbilita mill-Artikolu 85 (1) tat-Trattat, mhijiex applikabbli għar-relazzjonijiet bejn dan l-intermedjarju u dan il-prinċipal.

45     Bil-kontra, meta l-ftehimiet bejn il-prinċipal u l-intermedjarji tiegħu jikkonferixxu jew iħallu lil dawn ta’ l-aħħar kompetenzi li ekonomikament jixbhu lil dawk ta’ operatur ekonomiku indipendenti, minħabba li jipprovdu għar-responsabbiltà, ta’ l-intermedjarji, għar-riskji finanzjarji u kummerċjali konnessi mal-bejgħ jew ma’ l-eżekuzzjoni tal-kuntratti konklużi ma’ terzi persuni, l-imsemmija intermedjarji ma jistgħux jitqiesu bħala korpi awżiljarji li huma parti integrali mill-impriża tal-prinċipal, b'tali mod li klawżola restrittiva tal-kompetizzjoni miftiehma bejniethom tista tikkostitwixxi akkordju bejn impriżi fis-sens ta’ l-Artikolu 85 tat-Trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 541 u 542).

46     Jirriżulta minn dan li l-element determinati biex jiġi stabbilit jekk operatur ta’ stazzjon tal-petrol huwiex operatur ekonomiku indipendenti jinsab fil-ftehim konkluż mal-prinċipal u, b’mod partikolari, fil-klawżoli, taċiti jew espressi, ta’ dan il-ftehim rigward l-assunzjoni tar-riskji finanzjarji u kummerċjali konnessi mal-bejgħ tal-merkanzija lil terzi. Kif issostni ġustament il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, il-kwistjoni tar-riskju għandha tiġi analizzata individwalment f'kull każ u għandha ssir fid-dawl tar-realtà ekonomika pjuttost milli fid-dawl tal-klassifikazzjoni ġuridika tar-relazzjoni kuntrattwali fid-dritt nazzjonali.

47     F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi evalwat jekk, fil-kuntest ta’ ftehimiet li jippreżentaw il-karatteristiċi li tiddeskrivi l-qorti tar-rinviju, l-operaturi ta’ stazzjonijiet tal-petrol jassumux ċerti riskji finanzjarji u kummerċjali konnessi mal-bejgħ ta’ karburanti lil terzi.

48     L-analiżi rigward il-qsim ta’ l-imsemmija riskji għandha ssir fid-dawl taċ-ċirkustanzi fattwali tal-kawża prinċipali. Issa, kif diġà ġie osservat fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, l-inkartament li ġie ppreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jagħtix informazzjoni kompleta dwar il-mod ta’ kif sar dan il-qsim fil-kuntest tal-ftehimiet konklużi bejn CEPSA u l-operaturi ta’ stazzjonijiet tal-petrol.

49     F’dan il-kuntest, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex kompetenti sabiex tevalwa l-fatti fil-kawża prinċipali jew sabiex tapplika r-regoli Komunitarji li tagħhom hija tat l-interpretazzjoni, peress li dawn il-kwistjonijiet jaqgħu taħt il-kompetenza tal-qorti nazzjonali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-23 ta’ Frar 2006, CLT-UFA, C-253/03, Ġabra p. I-1831, punt 36, u tat-30 ta’ Marzu 2006, Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti, C-451/03, Ġabra p. I-2941, punt 69).

50     Madankollu, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandhom jiġu ppreċiżati l-kriterji li jippermettu l-evalwazzjoni tal-qsim effettiv tar-riskji finanzjarji u kummerċjali bejn l-operaturi ta’ l-istazzjonijiet tal-petrol u l-fornitur ta' karburanti, kif isir fil-ftehimiet ikkonċernati fil-kawża prinċipali biex jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 85 tat-Trattat huwiex applikabbli fil-konfront tagħhom.

51     F’dan ir-rigward, il-qorti nazzjonali għandha tieħu in kunsiderazzjoni, minn naħa, ir-riskji li huma marbuta mal-bejgħ tal-merkanziji, bħall-iffinanzjar ta’ ħażniet ta’ karburanti, u, min-naħa l-oħra, ir-riskji marbuta ma’ l-investimenti speċifiċi tas-suq, jiġifieri dawk li huma meħtieġa sabiex l-operatur ta’ stazzjon tal-petrol ikun jista jinnegozja jew jikkonkludi kuntratti ma’ terzi persuni.

52     F’dak li jikkonċerna, l-ewwel nett, ir-riskji marbuta mal-bejgħ tal-merkanzija, huwa probabbli li l-imsemmi operatur jassumi dawn ir-riskji meta jsir propjetarju tal-merkanzija mill-mument li jirċevihom mill-fornitur, jiġifieri qabel il-bejgħ ulterjuri lil terz.

53     Bl-istess mod, l-operatur li jassumi, direttament, jew indirettament, l-ispejjeż marbuta mad-distribuzzjoni ta’ din il-merkanzija, b’mod partikolari l-ispejjeż ta’ trasport, għandu jitqies li b'hekk qed jassumi parti mir-riskji marbutin mal-bejgħ tal-merkanzija.

54     Il-fatt li l-operatur iżomm ħażniet a spejjeż tiegħu jista' wkoll jindika li l-oneru tar-riskji marbutin mal-bejgħ tal-merkanzija huwa ttrasferit fuqu.

55     Barra minn hekk, il-qorti nazzjonali għandha tistabbilixxi min jassumi r-responsabbiltà ta’ danni eventwali kkawżati lill-merkanzija, bħat-telf jew id-deterjorament tagħha, kif ukoll il-ħsara kkawżata mill-merkanzija mibjugħa lil terzi. Fil-każ fejn l-operatur huwa responsabbli għal dawn id-danni, indipendentement minn jekk huwa rrispettax l-obbligu li jżomm l-imsemmija merkanzija f’kundizzjonijiet li jippermettu li jiġi evitat kull telf jew deterjorament jew le, għandu jitqies li r-riskju ġie tranżmess lilu.

56     Għandu wkoll jiġi evalwat il-qsim tar-riskju finanzjarju marbut mal-merkanzija, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-ħlas ta’ fjuwil fil-każ fejn l-operatur ma jsibx xerrej jew fil-każ ta’ ħlas differit bl-użu ta’ karta ta’ kreditu, skond ir-regoli jew il-prattiċi relatati mas-sistema ta’ ħlas tal-karburanti.

57     F’dan ir-rigward, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-operatur għandu jħallas lil CEPSA l-ammont li jikkorrispondi għall-prezz tal-bejgħ tal-karburanti disat ijiem wara d-data tal-kunsinna tagħhom u li, fl-istess data, l-operatur jirċievi mingħand CEPSA il-kummissjoni, li l-ammont tagħha jikkorrispondi għall-kwantità ta’ fjuwil ikkonsenjat.

58     F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-qorti nazzjonali li għandha jivverifika jekk il-ħlas lill-fornitur ta’ l-ammont li jikkorrispondi mal-prezz tal-bejgħ tal-karburanti jiddependix mil-kwantità effettivament mibjugħa fl-imsemmija data u, fir-rigward tal-perijodu ta’ rotazzjoni tal-merkanzija fl-istazzjon tal-petrol, jekk il-kunsinna tal-karburanti mill-fornitur saritx fi żmien disat ijiem fil-każijiet kollha. Jekk dan ikun il-każ, għandu jiġi konkluż li r-riskju kummerċjali jaqa' fuq il-fornitur.

59     F’dak li jikkonċerna r-riskji konnessi ma’ l-investimenti speċifiċi tas-suq, jekk l-operatur jagħmel investimenti speċifiċi konnessi mal-bejgħ tal-merkanzija, bħal postijiet jew tagħmir għall-ħażna tal-fjuwil, jew jekk jimpenja ruħu li jinvesti f’azzjonijiet ta’ reklamar, l-imsemmi riskji jiġu tranżmessi lill-operatur.

60     Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li, biex jiġi stabbilit jekk l-Artikolu 85 tat-Trattat japplikax, jeħtieġ li jiġi analizzat il-qsim tar-riskji finanzjarji u kummerċjali bejn l-operatur u l-fornitur ta’ karburanti skond kriterji bħall-proprjetà tal-merkanzija, il-kontribuzzjoni għall-ispejjeż marbuta mad-distribuzzjoni tagħha, il-manutezjoni tagħha, ir-responsabbiltà għall-ħsarat eventwali fuq il-merkanzija jew ikkawżati minnha lil terzi, u l-implementazzjoni ta’ l-investimenti speċifiċi tal-bejgħ ta’ l-imsemmija merkanzija.

61     Madankollu, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, il-fatt li l-intermedjarju jsostni biss parti negliġibbli tar-riskji mhuwiex tali li jagħmel l-Artikolu 85 tat-Trattat applikabbli.

62     Hemm għaldaqstant lok biex jiġi ppreċiżat li, f’każ bħal dan, huma biss l-obbligi imposti fuq l-intermedjarju fil-kuntest tal-bejgħ ta’ merkanzija lil terzi f’isem il-prinċipal li ma jaqgħux taħt dan l-Artikolu. Fil-fatt, kif issostni l-Kummissjoni, kuntratt ta’ aġenzija jista' jinkludi dispożizzjonijiet li jikkonċernaw ir-relazzjonijiet bejn l-aġent u l-prinċpal li għalihom japplika dan l-Artikolu, bħall-klawżoli ta’ esklużività ta’ non-kompetizzjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li, f’dak li jikkonċerna tali relazzjonijiet, l-aġenti huma, bħala regola ġenerali, operaturi ekonomiċi indipendenti u l-imsemmija klawżoli huma tali li jiksru r-regoli tal-kompetizzjoni safejn dawn iwasslu għall-imblokk tas-suq ikkonċernat.

63     Fil-każ fejn, fid-dawl ta’ l-eżami tar-riskji assunti mill-operaturi ta’ l-istazzjonijiet tal-petrol fil-kawża prinċipali, l-obbligi imposti fuqhom fil-kuntest tal-bejgħ tal-merkanzija lil terzi persuni m’għandhomx jiġu kkunsidrati li jaqgħu taħt l-akkordji bejn impriżi fis-sens ta’ l-Artikolu 85 tat-Trattat, l-obbligu impost fuq l-imsemmija operaturi li jbigħu l-fjuwil bi prezz stabbilit ma jaqax taħt din id-dispożizzjoni u, għaldaqstant, huwa inerenti għall-kapaċità ta’ CEPSA li tiddefinixxi l-ambitu ta’ attività ta’ l-aġenti tagħha. Min-naħa l-oħra, jekk il-qorti nazzjonali tikkonkludi li jeżisti akkordju bejn impriżi fis-sens ta’l-Artikolu 85 tat-Trattat, f’dak li jikkonċerna l-bejgħ ta’ merkanzija lil terzi, tqum il-kwistjoni jekk l-obbligu kkonċernat huwiex tali li jaqa' taħt l-eżenzjoni ġenerali prevista mill-Artikoli 10 sa 13 tar-Regolament Nru 1984/83.

64     F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1984/83 jelenka obbligi li, minbarra l-klawżola ta’ esklużività, jistgħu jiġu imposti fuq il-bejjiegħ mill-ġdid, li fosthom ma tinsabx l-impożizzjoni tal-prezz tal-bejgħ lill-pubbliku. Għaldaqstant, l-iffissar tal-prezz in kwistjoni minn CEPSA jikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni li mhijiex koperta mill-eżenzjoni ta’ l-Artikolu 10 ta’ l-imsemmi Regolament.

65     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tweġiba għad-domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 85 tat-Trattat japplika għal ftehim ta’ distribuzzjoni esklużiva ta’ karburanti u ta' kombustibbli bħal dak fil-kawża prinċipali, konkluż bejn fornitur u operatur ta’ stazzjon tal-petrol meta dan l-operatur jassumi, fi proporzjon mhux negliġibbli riskju jew diversi riskji finanzjarji u kummerċjali konnessi mall-bejgħ lil terzi.

66     L-Artikoli 10 sa 13 tar-Regolament Nru 1984/83 għandhom jiġu interpretati fis-sens li tali ftehim mhuwiex kopert minn dan ir-Regolament safejn huwa jipprovdi għall-obbligu, għall-imsemmi operatur, li jirrispetta l-prezz tal-bejgħ finali lill-pubbliku stabbilit mill-fornitur.

 Fuq l-ispejjeż

67     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) taqta' u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 85 tat-Trattat KEE (li sar l-Artikolu 85 tat-Trattat KE, li sar, huwa nnifsu, l-Artikolu 81 KE) japplika għal ftehim ta’ distribuzzjoni esklużiva ta’ karburanti u kombustibbli bħal dak fil-kawża prinċipali, konkluż bejn fornitur u operatur ta’ stazzjon tal-petrol fejn dan l-operatur jassumi, fi proporzjon mhux negliġibbli, riskju jew diversi riskji finanzjarji u kummerċjali konnessi mal-bejgħ lil terzi.

2)      L-Artikoli 10 sa 13 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1984/83, tat-22 ta’ Ġunju 1983, dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 85(3) tat-Trattat għal kategoriji ta’ akkordji ta’ xiri esklużiv, għandhom jiġu interpretati fis-sens li tali ftehim mhuwiex kopert minn dan ir-Regolament safejn jipprovdi għall-obbligu, għall-imsemmi operatur, li jirrispetta l-prezz tal-bejgħ finali lill-pubbliku stabbilit mill-fornitur.

Firem




* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

Top