EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62003CJ0461

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-6 ta' Diċembru 2005.
Gaston Schul Douane-expediteur BV vs Minister van Landbouw, Natuur en Voedselkwaliteit.
Talba għal deċiżjoni preliminari: College van Beroep voor het bedrijfsleven - l-Olanda.
Artikolu 234 KE - Obbligu ta' qorti nazzjonali li tagħmel talba għal deċiżjoni preliminari - Nullità ta' dispożizzjoni Komunitarja - Zokkor - Dazju addizzjonali għall-importazzjoni - Regolament (KE) Nru 1423/95 - Artikolu 4.
Kawża C-461/03.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2005:742

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

6 ta’ Diċembru 2005 (*)

"Artikolu 234 KE – Obbligu ta’ qorti nazzjonali li tagħmel talba għal deċiżjoni preliminari – Nullità ta’ dispożizzjoni Komunitarja – Zokkor – Dazju addizzjonali għall-importazzjoni – Regolament (KE) Nru 1423/95 – Artikolu 4"

Fil-kawża C-461/03

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-College van Beroep voor het bedrijfsleven (l-Olanda), permezz ta’ deċiżjoni ta’ l-24 ta’ Ottubru 2003, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Novembru 2003, fil-proċedura

Gaston Schul Douane-expediteur BV

vs

Minister van Landbouw, Natuur en Voedselkwaliteit,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas u J. Malenovský, Presidenti ta’ Awla, N. Colneric (Relatur), S. von Bahr u J. N. Cunha Rodrigues, R. Silva de Lapuerta, K. Lenaerts, G. Arestis, A. Borg Barthet u M. Ilešič, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:

–       għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster u N. A. J. Bel, bħala aġenti,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn T. van Rijn u M. van Beek, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-30 ta’ Ġunju 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 234 KE kif ukoll il-validità ta’ l-Artikolu 4(1) u (2), tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1423/95 tat-23 ta’ Ġunju 1995, li jistabbilixxi regoli ta’ implementazzjoni dettaljati għall-importazzjoni ta’ prodotti fis-settur taz-zokkor minbarra molasses (ĠU L 141, p. 16).

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Gaston Schul Douane-expediteur BV (iktar ’il quddiem "Gaston Schul") kontra l-Minister van Landbouw, Natuur en Voedselkwaliteit (iktar ’il quddiem il-"Ministeru ta’ l-Agrikoltura"), dwar l-importazzjoni taz-zokkor tal-kannamieli.

 Il-kuntest ġuridiku

3       Skond l-Artikolu 234 KE:

"Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha jkollha l-kompetenza li tagħti sentenzi preliminari dwar:

a)       l-interpretazzjoni ta’ dan it-Trattat;

b)      il-validità u l-interpretazzjoni ta’ l-atti ta’ l-istituzzjonijiet tal-Komunità u tal-BĊE;

ċ)      l-interpretazzjoni ta’ l-istatuti ta’ korpi kostitwiti b’xi att tal-Kunsill, meta dawk l-istatuti jkunu hekk jipprovdu.

Meta l-kwistjoni titqajjem quddiem xi qorti jew tribunal ta’ xi Stat Membru, dik il-Qorti jew tribunal jistgħu, jekk ikun jidhrilhom li deċiżjoni fuq dik il-kwistjoni tkun meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jagħtu s-sentenza, jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tagħti deċiżjoni dwarha.

Meta l-kwistjoni titqajjem f’każ pendenti quddiem xi qorti jew tribunal ta’ Stat Membru li kontra id-deċiżjonijiet tiegħu ma jkun hemm ebda rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali, dik il-qorti jew dak it-tribunal, għandhom jirriferu l-kwistjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja."

4       Il-ftehim ta’ l-agrikoltura li jinsab fl-Anness 1A tal-ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (iktar ’il quddiem l-"ODK") u approvat f’isem il-Komunità bis-saħħa ta’ l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, għal dak li jirrigwarda l-oqsma rilevanti għall-kompetenzi tagħha, tal-ftehim milħuqa fin-negozjati multilaterali ta’ l-Uruguay Round (1986-1994) (ĠO L 336, p. 1), jipprovdi, fl-Artikolu 5(1)(b), u (5):

"1.       Minkejja id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu II(1)(b) tal-GATT ta’ l-1994, kull membru jista’ jirrikorri għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 4 u 5 iktar ’il quddiem [...] jekk:

a)      [...]

b)      il-prezz li bih l-importazzjonijiet ta’ dak il-prodott jistgħu jidħlu fit-territorju doganali tal-Membru [tad-WTO] li jagħti l-konċessjoni, stabbilit fuq il-bażi tal-prezz ta’ l-importazzjoni cif tal-kunsinna partikulari espressa fil-munita nazzjonali, jaqa’ taħt it-trigger price ugwali għall-prezz medju ta’ referenza għall-perjodu 1986 sa 1988 [...] tal-prodott ikkonċernat.

[...]

5.      Id-dritt [dazju] addizzjonali impost skond is-sub-paragrafu 1 (b) ikun stabbilit skond is-segwenti skeda:

[...]"

5       L-Artikolu 15(3), tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1875/81, tat-30 ta’ Ġunju 1981, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor (ĠU L 177, p. 4), kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3290/94 tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar l-aġġustamenti u l-miżuri tranżitorji neċessarji fis-settur ta’ l-agrikoltura sabiex jiġu implementati l-ftehim konklużi fil-kuntest tan-negozjati kummerċjali multilaterali ta’ l-Uruguay Round (ĠU L 349, p. 105, iktar ’il quddiem ir-"regolament bażiku"), jipprovdi li "l-prezz[ijiet] li jridu jiġu kkunsidrati sabiex jiġi impost dazju adizzjonali fuq l-importazzjoni huma stabbiliti fuq il-bażi tal-prezzijiet cif tal-kunsinna speċifika" u li "l-prezz[ijiet] cif għall-importazzjoni jkunu vverifikati għal dan il-għan fuq il-bażi ta’ prezzijiet rappreżentattivi għall-prodott in kwistjoni fis-suq dinji jew fis-suq komunitarju ta’ importazzjoni għall-prodott" [Traduzzjoni mhux uffiċjali].

6       Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej adottat ir-Regolament Nru 1423/95 sabiex tistabbilixxi r-regoli ta’ l-implementazzjoni tar-regolament bażiku. Skond l-Artikolu 4(1) u (2), tar-Regolament Nru 1423/95:

"1.      Fin-nuqqas ta’ talba kif imsemmi fil-paragrafu 2 jew meta l-prezz cif ta’ importazzjoni tal-kunsinna in kwistjoni kif imsemmi fil-paragrafu 2 ikun anqas mill-prezz rappreżentattiv rilevanti stabbilit mill-Kummissjoni, il-prezz cif ta’ importazzjoni tal-kunsinna in kwistjoni li għandu jiġi [k]kunsidrat għall-impożizzjoni ta’ imposta [dazju] addizzjonali għandu jkun il-prezz rappreżentattiv imsemmi fl-Artikolu 1(2) jew (3).

2.      Meta l-prezz cif tal-kunsinna in kwistjoni jkun akbar mill-prezz rappreżentattiv rilevanti kif imsemmi fl-Artikolu 1(2) jew (3), l-importatur jista’, fuq talba magħmula lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru importatur fil-ħin ta’ l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ importazzoni, jkun applikat għall-finijiet li tiġi stabbilita l-imposta [d-dazju] addizzjonali jew il-prezz cif tad-dikjarazzjoni ta’ importazzjoni tal-kunsinna in kwistjoni ta’ zokkor abjad jew zokkor mhux maħdum ikkonvertit fil-kwalità standard kif imfisser, rispettivament, fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KEE) Nru 793/72 u l-Artikolu 1 tar-Regolament (KEE) Nru 431/68, jew il-prezz ekwivalenti għall-prodott kopert bil-kodiċi NM 1702 90 99, skond il-każ.

Il-prezz cif ta’ importazzjoni tal-kunsinna in kwistjoni għandu jkun konvertit fil-prezz taz-zokkor tal-kwalità standard permezz ta’ aġġustament bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ l-Artikolu 5 tar-Regolament (KEE) Nru 784/68.

F’dawk il-każijiet il-prezz cif ta’ importazzjoni tal-kunsinna in kwistjoni japplika għall-finijiet li jiġi stabbilit id-dritt [dazju] addizzjonali, sakemm il-parti interessata tissottometti lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru li jimporta mill-inqas ix-xhieda li ġejja:

–       il-kuntratt tax-xiri jew xhieda ekwivalenti,

–       il-kuntratt ta’ l-assigurazzjoni,

–       il-fattura,

–       il-kuntratt ta’ trasport (meta jkun applikabbli),

–       iċ-ċertifikat ta’ oriġini,

–       u fil-każ ta’ trasport bil-baħar, il-bill of lading,

fi żmien tletin jum mid-data li fiha d-dikjarazzjoni ta’ importazzjoni kienet aċċettata.

L-Istat Membru in-kwistjoni jista’ jeħtieġ kull informazzjoni oħra u dokumenti b’appoġġ tat-talba.

Malli ssir it-talba, id-dritt [dazju] addizzjonali in kwistjoni kif stabbilit mill-Kummissjoni għandu jkun applikat.

Iżda, id-differenza bejn id-dritt [dazju] addizzjonali in kwistjoni stabbilit mill-Kummissjoni u l-imposta [d-dazju] addizzjonali stabbilita abbażi tal-prezz cif ta’ importazzjoni tal-kunsinna in kwistjoni għandha twassal, fuq talba tal-parti interessata, għall-għemil minn dan ta’ l-aħħar ta’ garanzija bis-saħħa ta’ l-Artikolu 248 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93.

Il-garanzija għandha tkun rilaxxata malli l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru li jimporta jaċċetta t-talba abbażi tax-xhieda mogħtija mill-parti interessata.

L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru għandu jirrifjuta t-talba jekk jiġġudika li x-xhieda mogħtija ma tiġġustifikahiex.

Jekk l-awtorità ma taċċettax it-talba, il-garanzija tintilef."

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

7       Fis-6 ta’ Mejju 1998, Gaston Schul għamel dikjarazzjoni ta’ importazzjoni għal 20000 kg ta’ zokkor tal-kannamieli mhux maħdum provenjenti mill-Brażil għall-prezz cif ta’ 31916 NLG. L-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni dovut, kif indirizzat fit-13 ta’ Mejju 1998 mill-awtoritajiet tad-dwana, bir-referenza "verifika mwettqa mingħajr korrezzjonijiet", kien ta’ 20983.70 NLG. Fl-4 ta’ Awwissu 1998, l-Ispettur tad-Dipartiment tat-taxxi u tad-Dwana tad-distrett ta’ Roosendaal, f’isem il-Ministeru ta’ l-Agrikoltura, bagħat lill-Gaston Schul avviż tad-dazju fejn saqsa għall-ħlas tas-somma ta’ 4 968,30 NLG għal "imposta (levy) agrikola". Din l-imposta kienet ikkalkulata fil-mod segwenti: 20 000 kg immultiplikat b’24,841182 NLG (11,11 ECU), abbażi ta’ dazju addizzjonali fuq l-importazzjoni, u diviz b’100 kg. Wara li saret talba mingħajr suċċess kontra dan l-avviż tad-dazju, Gaston Schul għamel rikors quddiem il-qorti tar-rinviju.

8       L-ewwelnett, dan ikkostata li l-Artikolu 15 tar-regolament bażiku, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor, huwa identiku għall-Artikolu 5 tar-Regolament (KEE) Nru 2777/75 tal-Kunsill, tad-29 ta’ Ottubru 1975, dwar l-organizzazzjoni komuni fis-suq tal-laħam tat-tjur (ĠU L 282, p. 77), kif emendat mir-Regolament Nru 3290/94, dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet kienu, fil-verżjoni attwali tagħhom, adotatti fl-istess jum.

9       F’dan is-settur tal-laħam tat-tjur u tal-bajd, il-Qorti, permezz tas-sentenza tagħha tat-13 ta’ Diċembru 2001, Kloosterboer Rotterdam (C-317/99, Ġabra p. I-9863), iddikjarat invalidu l-Artikolu 3(1) u (3), tar-Regolament (KE) Nru 1484/95 tal-Kummissjoni, tat-28 ta’ Ġunju 1995, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implementazzjoni ta’ sistema ta’ dazji addizzjonali fuq l-importazzjoni u jiffissa dazji addizzjonali ta’ l-importazzjoni fl-oqsma tal-laħam tat-tjur u l-bajd u għall-albumina tal-bajd, u jħassar ir-Regolament Nru 163/67/KEE (ĠU L 145, p. 47), fejn dan jipprovdi li d-dazju addizzjonali msemmi fih huwa bħala prinċipju stabbilit fuq il-bażi ta’ prezz rappreżentattiv previst fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1484/95 u li dan id-dazju mhux iddeterminat fuq il-bażi tal-prezz ta’ l-importazzjoni cif tal-kunsinna kkonċernata jekk l-importatur għamel domanda. Skond din is-sentenza, il-Kummissjoni eċċediet il-poteri tagħha ta’ eżekuzzjoni.

10     Il-qorti tar-rinviju tqis li l-Artikolu 3(1) u (3), ta’ l-imsemmi regolament, iddikjarati invalida mill-Qorti, huma, fuq il-punti meħuda in konsiderazzjoni mill-Qorti, identiċi għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4(1) u (2) tar-Regolament Nru 1423/95. Fiż-żewġ każijiet, dan huwa l-każ ta’ r-regolament bażiku li jipprovdi, b’mod konformi ma’ l-Artikolu 5 tal-ftehim dwar l-agrikoltura, li jinsab fl-Anness 1A tal-ftehim li jistabbilixxi l-ODK, li d-dazju addizzjonali fuq l-importazzjoni huwa kkalkulat fuq il-bażi tal-prezz cif, filwaqt li f’regolament ta’ applikazzjoni tal-Kummissjoni, bħala regola ġenerali l-kalkolu ta’ dan id-dazju addizzjonali isir fuq il-bażi tal-prezz rappreżentattiv.

11     Għalhekk l-Artikolu 4(1) u (2) tar-Regolament Nru 1423/95 huwa inkompatibbli ma’ l-Artikolu 15 tar-regolament bażiku.

12     Issa, billi tirreferi għas-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 1987, Foto-Frost (314/85, Ġabra p. 4199), il-qorti tar-rinviju tikkonstata li hija biss il-Qorti tal-Gustizzja li għandha tippronunzja ruħha dwar l-invalidità ta’ att ta’ l-istituzzjonijiet tal-Komunità.

13     Hija madankollu tqis li l-mistoqsija dwar jekk is-sitwazzjoni tkun differenti f’kawża nazzjonali bħalma hi dik fil-kawża prinċipali, fejn tiġi mistoqsija l-validità tad-dispożizzjonijiet li jikkorrispondu ma’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt Komunitarju li l-Qorti diġà ddikjarat bħala nulli permezz ta’ deċiżjoni mogħtija fuq domanda preliminari, bħalma hi s-sentenza Kloosterboer Rotterdam, iċċitata, ‘iktar il fuq, teżiġi interpretazzjoni tat-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 234 KE.

14     Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-College van Beroep voor het bedrijfsleven iddeċieda li jissospendi l-proċedimenti u li jirreferi lill-Qorti d-domandi preliminari segwenti:

"1)       Għandha qorti nazzjonali, imsemmija fit-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 234 KE, l-obbligu li ssaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja domanda, bħal dik segwenti, dwar il-validità tad-dispożizzjonijiet ta’ regolament anki meta l-Qorti tkun diġà ddikjarat bħala nulli ċerti dispożizzjonijiet korrispondenti ta’ regolament ieħor komparabbli jew il-qorti tista’ ma tapplikax l-ewwel dispożizzjonijiet kif jirriżulta mix-xebh partikulari mad-dispożizzjonijiet iddikjarati nulli?

2)       L-Artikolu 4(1) u (2), tar-regolament […] Nru 1423/95 […] huwa null safejn jipprovdi li d-dazju addizzjonali li jitratta fil-prinċipju jrid jiġi stabbilit fuq il-bażi tal-prezz rappreżentattiv skond l-Artikolu 1(2) tar-Regolament […] Nru 1423/95 […] u jiddisponi ukoll li dan id-dazju ma jridx jiġi kkalkulat fuq il-bażi tal-prezz cif ta’ l-importazzjoni tal-kunsinna kkunsidrata jekk l-importatur jippreżenta domanda f’dan ir-rigward?"

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

15     Permezz ta’ l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment issaqsi jekk it-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 234 KE jimponi fuq qorti nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħha m’humiex suġġetti ta’ rimedju ġudizzjarju taħt id-dritt intern li ssaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja domanda dwar il-validità tad-dispożizzjonijiet ta’ regolament, anki meta l-Qorti tkun diġà ddikjarat dispożizzjonijiet simili ta’ regolament ieħor komparabbli bħala nulli.

16     Fir-rigward tad-domandi ta’ interpretazzjoni, jirriżulta mis-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 1982, Cilfit et (283/81, Ġabra p. 3415, punt 21), li qorti li d-deċiżjonijiet tagħha mhumiex suġġetti għal rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali hija marbuta, meta tqum kwistjoni tad-dritt liġi Komunitarju quddiemha, li twettaq l-obbligu tagħha li tistaqsi lill-Qorti, sakemm ma tkunx ikkonstatat li d-domanda mqajma mhijiex rilevanti jew li d-dispożizzjoni komunitarja in kwistjoni diġà kienet is-suġġett ta’ interpretazzjoni min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja jew l-applikazzjoni korretta tad-dritt Komunitarju hija tant ċara li m’hemmx lok għal ebda dubju raġonevoli (ara, ukoll, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2005, Intermodal Transports, C-495/03, li għadha ma ġietx ippublikata fil-Ġabra, punt 33).

17     Min-naħa l-oħra, jirriżulta mill-punt 20 tas-sentenza Foto-Frost, iċċitata aktar ’il fuq, li l-qrati nazzjonali ma għandhomx kompetenza sabiex jikkostataw huma stess in-nullità ta’ l-atti ta’ l-istituzzjonijiet komunitarji.

18     Aġġustamenti għar-regola li tgħid li l-qrati nazzjonali mhumiex kompetenti sabiex jikkostataw in-nullità ta’ l-atti komunitarji jistgħu jkunu rrikwalifikati taħt ċerti kundizzjonijiet fil-każ ta’ proċedura sommarja (sentenza Foto-Frost, iċċitata aktar ’il fuq, punt 19; ara, f’dan ir-rigward, ukoll is-sentenzi ta’ l-24 ta’ Mejju 1977, Hoffmann-La Roche, 107/76, Ġabra p. 957, punt 6; tas-27 ta’ Ottubru 1982, Morson u Jhanjan, 35/82 u 36/82, Ġabra p. 3723, punt 8; tal-21 ta’ Frar 1991, Zuckerfabrik Süderdithmarschen u Zuckerfabrik Soest, C-143/88 u C-92/89, Ġabra p. I-415, punti 21 u 33, u tad-9 ta’ Novembru 1995, Atlanta Fruchthandelsgesellschaft et (I), C‑465/93, Ġabra p. I-3761, punti 30, 33 u 51).

19     Min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni li ġiet adottata fis-sentenza Cilfit et, iċċitata iktar ’il fuq, dwar id-domandi ta’ interpretazzjoni, ma tistax tiġi estiża għal domandi dwar il-validità ta’ l-atti komunitarji.

20     Preliminarjament, hemm lok li jiġi rrilevat li, anki fil-każijiet li prima facie jidhru simili, mhux eskluż li eżami approfondit juri li dispożizzjoni li l-validità tagħha hija kkontestata ma tistax tiġi mqabbla ma’ dispożizzjoni diġà ddikjarata bħala nulla, minħabba, b’mod partikolari, differenza tal-kuntest ġuridiku jew, jekk ikun il-każ, fattwali.

21     Il-kompetenzi mogħtija lill-Qorti mill-Artikolu 234 KE għandhom essenzjalment bħala għan li jassiguraw applikazzjoni uniformi tal-liġi Komunitarja mill-qrati nazzjonali. Din il-ħtieġa ta’ uniformità hija partikularment imperattiva meta tkun involuta l-validità ta’ att Komunitarju. Xi differenzi bejn il-qrati ta’ l-Istati Membri fir-rigward tal-validità ta’ l-atti komunitarji jistgħu jikkompromettu l-istess unità ta’ l-ordni ġuridika Komunitarja u jipperikolaw il-ħtieġa fundamentali taċ-ċertezza ġuridika (sentenza Foto-Frost, iċċitata iktar ’il fuq, punt 15).

22     Il-possibbiltà għall-imħallef nazzjonali li jiddeċiedi dwar in-nullità ta’ att komunitarju ma tkunx kompatibbli mal-koerenza neċessarja tas-sistema ta’ protezzjoni ġudizzjarja istitwita mit-Trattat KE. Huwa importanti li jiġi mfakkar f’dan ir-rigward li r-rinviju preliminari bħala evalwazzjoni tal-validità jikkostitwixxi, fuq l-istess titolu bħar-rikors għal annullament, mod ta’ kontroll tal-legalità ta’ l-atti Komunitarji. Permezz ta’ l-Artikoli 230 KE u 241 KE, min-naħa waħda, u permezz ta’ l-Artikolu 234 KE tagħha, min-naħa l-oħra, it-Trattat stabbilixxa sistema kompluta ta’ mezzi ta’ rimedju u ta’ proċeduri ddestinati sabiex jassiguraw il-kontroll tal-legalità ta’ l-atti ta’ l-istituzzjonijiet, billi dawn jiġu fdati lill-imħallef Komunitarju (ara s-sentenzi tat-23 ta’ April 1986, Parti écologiste "Les Verts" vs il-Parlament, 294/83, Ġabra p. 1339, punt 23; Foto-Frost, iċċitata aktar ’il fuq, punt 16, u tal-25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores, C‑50/00 P, Ġabra p. I‑6677, punt 40).

23     Diminuzzjoni tat-terminu tal-proċedura ma tistax tiġi invokata sabiex tiġġustifika attakk fuq il-kompetenza esklussiva ta’ l-imħallef Komunitarju sabiex jiddeċiedi fuq il-validità tad-dritt Komunitarju.

24     Hemm lok li jingħad ukoll li huwa l-imħallef Komunitarju li qiegħed fl-aħjar pożizzjoni sabiex jieħu deċiżjoni dwar il-validità ta’ l-atti Komunitarji. Fil-fatt, l-istituzzjonijiet komunitarji li l-atti tagħhom huma kkontestati għandhom, bis-saħħa ta’ l-Artikolu 23 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt li jintervjenu quddiem il-Qorti sabiex jiddefendu l-validità ta’ dawn l-atti. Minbarra dan, il-Qorti tista’, bis-saħħa tat-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 24 ta’ l-imsemmi statut, titlob lill-istituzzjonijiet komunitarji li mhumiex partijiet fil-proċedimenti l-infomazzjoni kollha li hija tqis neċessarja għall-finijiet tal-kawża (ara s-sentenza Foto-Frost, iċċitata iktar ’il fuq, punt 18).

25     Jirriżulta minn dak li ntqal li hemm lok li tingħata risposta għall-ewwel domanda li t-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 234 KE jimponi fuq qorti nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħha mhumiex suġġetti għal rimedju ġudizzjarju tal-liġi nazzjonali li ssaqsi lill-Qorti domanda dwar il-validità tad-dispożizzjonijiet ta’ regolament anki meta l-Qorti diġà ddikjarat bħala nulli d-dispożizzjonijiet ta’ regolament ieħor komparabbli.

 Fuq it-tieni domanda

26     Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju ssaqsi jekk l-Artikolu 4(1) u (2) tar-Regolament Nru 1423/95 huwiex null safejn jipprovdi li d-dazju addizzjonali msemmi fil-prinċipju jrid jiġi stabbilit fuq il-bażi tal-prezz rappreżentattiv fis-sens ta’ l-Artikolu 1(2) ta’ l-istess regolament u jipprovdi barra minn hekk li dan id-dazju jrid jiġi kkalkulat fuq il-bażi tal-prezz cif ta’ l-importazzjoni ta’ l-kunsinna kkunsidrata jekk l-importatur jippreżenta domanda f’dan ir-rigward.

27     Jirriżulta b’mod ċar mill-kliem ta’ l-Artikolu 15(3), l-ewwel paragrafu, tar-regolament bażiku li l-prezz ta’ l-importazzjoni cif biss tal-kunsinna kkonċernata jista’ jintuża bħala bażi sabiex jiġi stabbilit dazju addizzjonali.

28     L-applikazzjoni ta’ din ir-regola m’hi suġġetta għal ebda kundizzjoni u din ma tirrikonoxxi l-ebda eċċezzjoni.

29     It-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 15(3) tar-regolament bażiku jipprovdi, b’mod ċar ħafna, li l-prezz rappreżentattiv għall-prodott in kwistjoni huwa meħud in kunsiderazzjoni biss fl-aħħar tal-verifika tal-preċiżjoni tal-prezz ta’ l-importazzjoni cif.

30     Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 4(1) u (2), tar-Regolament Nru 1423/95 jissuġġetta t-teħid in kunsiderazzjoni tal-prezz ta’ l-importazzjoni cif sabiex jiġi stabbilit dazju addizzjonali għall-kundizzjoni li l-importatur jippreżenta talba formali f’dan ir-rigward, flimkien ma’ ċerti dokumenti, u jimponi fil-każijiet l-oħra kollha t-teħid in kunsiderazzjoni tal-prezz rappreżentattiv, li huwa b’hekk stabbilit bħala regola ġenerali.

31     Sa fejn l-Artikolu 15(3) tar-regolament bażiku ma jipprevedi ebda eċċezzjoni għar-regola ta’ l-istabbiliment ta’ dazju addizzjonali fuq il-bażi tal-prezz ta’ l-importazzjoni cif, l-Artikolu 4(1) u (2), tar-Regolament Nru 1423/95 jmur kontra din id-dispożizzjoni.

32     Hemm lok li tingħata risposta għat-tieni domanda li l-Artikolu 4(1) u (2), tar-Regolament Nru 1423/95 huwa null peress li jipprovdi li d-dazju addizzjonali imsemmi huwa bħala prinċipju stabbilit fuq il-bażi tal-prezz rappreżentattiv skond l-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament u jipprovdi wkoll li dan id-dazju jrid jiġi kkalkulat fuq il-bażi tal-prezz cif ta’ l-importazzjoni tal-kunsinna kkunsidrata jekk l-importatur jippreżenta t-talba.

 Fuq l-ispejjeż

33     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      It-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 234 KE jimponi fuq qorti nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħha mhumiex suġġetti għal rimedju ġudizzjarju tal-liġi nazzjonali li ssaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja domanda dwar il-validità tad-dispożizzjonijiet ta’ regolament anki meta l-Qorti diġà ddikjarat bħala nulli d-dispożizzjonijiet ta’ regolament ieħor komparabbli.

2)      L-Artikolu 4(1) u (2), tar-Regolament Nru 1423/95 tal-Kummissjoni, tat-23 ta’ Ġunju 1995, li jistabbilixxi regoli ta’ implementazzjoni dettaljati għall-importazzjoni ta’ prodotti fis-settur taz-zokkor minbarra molasses, huwa null peress li jipprovdi li d-dazju addizzjonali imsemmi bħala prinċipju huwa stabbilit fuq il-bażi tal-prezz rappreżentattiv skond l-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament u jipprovdi ukoll li dan id-dazju jrid jiġi kkalkulat fuq il-bażi tal-prezz cif ta’ l-importazzjoni ta’ l-kunsinna kkunsidrata jekk l-importatur jippreżenta t-talba.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top