EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015DC0481

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar il-progress fit-twaqqif ta’ żoni protetti tal-baħar (kif mitlub mill-Artikolu 21 tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (id-Direttiva 2008/56/KE)

COM/2015/0481 final

Brussell, 1.10.2015

COM(2015) 481 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar il-progress fit-twaqqif ta’ żoni protetti tal-baħar (kif mitlub mill-Artikolu 21 tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (id-Direttiva 2008/56/KE)


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar il-progress fit-twaqqif ta’ żoni protetti tal-baħar (kif mitlub mill-Artikolu 21 tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (id-Direttiva 2008/56/KE)

1.Introduzzjoni

Il-popolazzjonijiet ta’ ħafna speċijiet marini fl-ibħra tal-Ewropa qegħdin jiċkienu, qed titnaqqas il-firxa tad-distribuzzjoni tagħhom, u qegħdin jitilfu l-ħabitat minħabba l-impatti tal-attivitajiet tal-bniedem 1 .

F’dawn l-aħħar żewġ deċennji n-Nazzjonijiet Uniti kontinwament lissnu t-tħassib tagħhom dwar is-saħħa tal-oċeani u tal-bijodiversità marina 2 . Skont il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, l-UE ħadet l-impenn li tiżgura l-konservazzjoni ta’ 10% taż-żoni kostali u tal-baħar tagħha. Dan l-oġġettiv huwa rifless ukoll fl-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli nru 14 għall-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-oċeani, tal-ibħra u tar-riżorsi marini għall-iżvilupp sostenibbli 3 .

Fl-2011 l-Unjoni Ewropea adottat l-Istrateġija tagħha dwar il-Bijodiversità biex sal-2020 iseħħ il-waqfien tat-telf tal-bijodiversità u tad-degradazzjoni tas-servizzi tal-ekosistemi fit-territorju tagħha. Id-Direttiva dwar il-Ħabitats 4 tesiġi l-istabbiliment ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni, inklużi ħabitats kostali u tal-baħar. Barra minn hekk, id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina 5 (MSFD) tiffoka b’mod partikolari fuq il-ħarsien tal-bijodiversità marina.

 

Id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina tesiġi li l-Istati Membri jadottaw Programmi ta’ Miżuri 6 biex jinkiseb status ambjentali tajjeb fl-ilmijiet marini tagħhom 7 sal-2020. Il-Programmi ta’ Miżuri għandhom jinkludu miżuri ta’ protezzjoni ta’ spazji li jikkontribwixxu għal netwerks koerenti u rappreżentattivi ta’ żoni protetti tal-baħar (marine protected areas/MPAs) 8 . Iż-żoni protetti tal-baħar huma miżura li tintuża fl-ibħra tal-Ewropa għall-protezzjoni tal-ispeċijiet u l-ħabitats vulnerabbli. B’mod iktar preċiż, dawn huma:

-iż-żoni tal-baħar iddefiniti ġeografikament;

-li l-objettiv iddikjarat b’mod ċar u ewlieni tagħhom huwa l-konservazzjoni tan-natura;

-u li huma rregolati u ġestiti bis-saħħa ta’ mezzi legali jew ta’ mezzi effiċjenti oħra biex jintlaħaq dan l-objettiv 9 .

Intwera li ż-żoni protetti tal-baħar Ewropej li huma ġestiti b’mod tajjeb għandhom effetti ekoloġiċi pożittivi. F’riservi marini b’livell għoli ta’ protezzjoni,id-densità tal-ispeċijiet 10 żdiedet b’medja ta’ 116 %, il-bijomassa tal-pjanti u l-annimali żdiedet b’medja ta’ 238 %, id-daqs fiżiku tal-annimali żdied bi 13 % u r-rikkezza tal-ispeċijiet żdiedet b’19 % 11 .

Billi jikkontribwixxu biex l-ibħra u l-oċeani jinżammu sani u sostenibbli, iż-Żoni Protetti tal-Baħar ġestiti b’mod effettiv jappoġġaw ukoll is-servizzi li jipprovdu l-ibħra u l-oċeani. Għalhekk ir-rwol taż-żoni protetti tal-baħar huwa usa mis-sempliċi konservazzjoni tan-natura, billi joħolqu l-benefiċċji ekonomiċi għas-soċjetà – huma jikkostitwixxu s-sisien ekoloġiċi li fuqhom hija mibnija l-ekonomija blu. Pereżempju, il-benefiċċji globali ġġenerati bin-netwerk marin Natura 2000 kienu stmati li jilħqu madwar EUR 1.5 biljun fis-sena fl-2011. Dawn il-benefiċċji jistgħu jiżdiedu għal EUR 3,2 biljun jekk tirdoppja l-kopertura tan-Natura 2000 marina 12 .

Iż-Żoni Protetti tal-Baħar jiġġeneraw il-benefiċċji soċjoekonomiċi b’diversi modi. Billi tiżdied il-bijomassa ta’ speċijiet, iż-Żoni Protetti tal-Baħar jistgħu jikkontribwixxu għal żieda mill-ġdid fl-istokkijiet tal-ħut 13 . L-evidenza turi li l-effetti pożittivi tal-konsegwenzi sekondarji taż-Żoni Protetti tal-Baħar jinfirxu maż-żoni tas-sajd fil-viċinanza. Pereżempju, l-istabbiliment ta’ riżervi marini tal-Gżejjer Columbretes fi Spanja żied il-qabdiet fiż-żoni tas-sajd tal-viċinanza b’madwar 10 % fis-sena 14 .

L-ilma nadif, ħabitats sani u bijodiversità marina abbundanti wkoll huma wieħed mill-pedamenti tat-turiżmu kostali u marittimu. Iż-Żoni Protetti tal-Baħar jistgħu jsiru attrazzjonijiet turistiċi ewlenin li jagħtu spinta lill-ekonomiji kostali u marini 15 . It-turiżmu fiż-żona fejn jinġabar l-ilma tal-Great Barrier Reef Marine Park and World Heritage Area fl-Awstralja ġġenera madwar $6.4 biljun f’nefqa diretta, $5.2 biljun f’valur miżjud u l-ekwivalenti għal aktar minn 64,000 impjieg full-time fl-2012 16 .

Fl-aħħar nett, billi jtejbu s-saħħa tal-ambjent tal-baħar, iż-Żoni Protetti tal-Baħar jistgħu jsaħħu s-servizzi tal-ekosistemi marini oħrajn, bħalma huma l-assimilazzjoni tal-iskart, il-protezzjoni tal-kosta u l-ġestjoni tal-għargħar 17 . In-nominazzjoni ta’ netwerk Brittaniku ta’ Żoni Protetti tal-Baħar kien stmat li ġġenerat valur monetarju ta’ £8.2 biljun għall-gass u r-regolazzjoni tal-klima u £1.3 biljun għaċ-ċiklaġġ tan-nutrijenti 18 .

Dan ir-rapport jagħti rendikont tal-progress li sar mill-Istati Membri fl-istabbiliment ta’ Żoni Protetti tal-Baħar sal-aħħar tal-2012, kif meħtieġ mill-Artikolu 21 tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina. Abbażi tax-xogħol imwettaq mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) dwar il-valutazzjoni tan-netwerk ta’ żoni marini protetti Ewropej, ir-rapport jagħti ħarsa lejn il-progress li sar fl-istabbiliment ta’ żoni protetti tal-baħar mill-Istati Membri (it-taqsima 2) qabel ma jeżamina l-koerenza u r-rappreżentattività tan-netwerks taż-Żoni Protetti tal-Baħar, kif meħtieġ mill-Artikolu 13(4) (it-taqsima 3). L-aħħar taqsima tagħti perspettiva tax-xogħol li għad irid isir. Mar-rapport hemm mehmuża żewġ annessi tekniċi li jiddefinixxu t-terminoloġija li tintuża fir-rapport, jipprovdu l-kuntest legali Ewropew u internazzjonali tal-istabbiliment taż-Żoni Protetti tal-Baħar, u fihom tabelli li juru ċ-ċifri użati fir-rapport.

2.Valutazzjoni tal-progress li sar

Fl-2015 l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent biħsiebha tippubblika rapport dwar iż-żoni marini protetti Ewropej 19 . Skont il-valutazzjoni tagħha, l-Ewropa għamlet sforzi sinifikanti biex tagħżel iż-Żoni Protetti tal-Baħar u biex tistabbilixxi netwerks taż-Żoni Protetti tal-Baħar mid-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika fl-1993 20 . Fi tmiem l-2012, 5.9 % tal-ibħra Ewropej 21 kienu indikati bħala Żoni Protetti tal-Baħar, iżda jeżistu differenzi reġjonali kbar fil-kopertura taż-Żoni Protetti tal-Baħar madwar l-Ewropa. Fi tlieta minn kull għaxar sottoreġjuni marini, il-kopertura taż-Żoni Protetti tal-Baħar kienet ogħla minn 10 %, filwaqt li l-proporzjon ta’ Żoni Protetti tal-Baħar baqgħet taħt it- 2 % f’żewġ ibħra reġjonali fl-2012 22 (Tabella 1). Minbarra d-differenzi reġjonali, ġew osservati differenzi kbar bejn il-kopertura ta’ Żoni Protetti tal-Baħar fl-ilmijiet kostali u fl-ilmijiet barra mill-kosta (Tabella 2). Ta’ min jinnota li l-kopertura ta’ Żoni Protetti tal-Baħar żdiedet mill-2012 ’l hawn, għaliex xi Stati Membri għażlu għadd kbir ta’ Żoni Protetti tal-Baħar.

Ir-rapport tal-EEA jiddistingwi bejn tliet tipi ta’ żoni marini protetti fl-Ewropa: is-siti marini tan-Natura 2000, iż-Żoni Protetti tal-Baħar magħżula skont il-Konvenzjonijiet dwar l-Ibħra Reġjonali, u ż-Żoni Protetti tal-Baħar nazzjonali individwali. Għandu jiġi nnotat li t-tliet tipi ta’ Żoni Protetti tal-Baħar jistgħu jikkoinċidu (jiġifieri, sit partikolari jew parti minnu jista’ jintgħażel taħt aktar minn skema waħda), isegwu proċessi differenti ta’ għażla u huma suġġetti għal obbligi legali differenti.

2.1 Siti marini tan-Natura 2000

In-netwerk marin tan-Natura 2000 huwa suċċess kbir billi huwa l-akbar kontributur uniku liż-Żoni Protetti tal-Baħar Ewropej f’termini ta’ kopertura. Fi tmiem l-2012 kien ikopri aktar minn 228 000 km² li jammontaw għal aktar minn 4 % tal-ibħra Ewropej. Il-kopertura tan-Natura 2000, madankollu, tvarja fir-reġjuni marini. Fil-Baħar tat-Tramuntana l-Kbir u fil-Baħar Baltiku, is-siti marini tan-Natura 2000 koprew kważi 18 % u 12 % tal-ilmijiet rispettivament. F’reġjuni oħra, bħal pereżempju, il-Baħar Jonju, il-Baħar Adrijatiku u l-Makaroneżja, il-kopertura tan-Natura 2000 tibqa’ taħt it-2 % 23 (Tabella 3).

Bl-istess mod, il-kopertura ta’ Natura 2000 kienet ogħla ħafna fiż-żoni kostali 24 . Is-siti tan-Natura 2000 koprew 33.3 % tal-ilmijiet qrib ix-xtut, 11.3 % tal-ilmijiet kostali u 1.7 % biss tal-ilmijiet barra mill-kosta 25 . Il-karatteristiċi sinifikanti tal-ambjent marin lil hinn mill-kosta għalhekk kienu għadhom mhux koperti mis-siti tan-Natura 2000. Fl-istess ħin, is-siti tan-Natura 2000, sostnuti mid-Direttiva dwar il-Ħabitats, jipprovdu qafas legali b’saħħtu għall-protezzjoni tas-siti u l-ġestjoni sostenibbli tal-attivitajiet tal-bniedem fihom, u l-Istati Membri ta’ madwar il-kosta żiedu l-isforzi tagħhom biex jimlew il-lakuni eżistenti.

2.2 In-netwerks taż-Żoni Protetti tal-Baħar stabbiliti skont il-Konvenzjonjiet dwar l-Ibħra Reġjonali

In-netwerks taż-Żoni Protetti tal-Baħar magħżulin skont il-Konvenzjonijiet dwar l-Ibħra Reġjonali jikkoinċidu b’mod sinifikanti man-Natura 2000 u ma’ siti taż-Żoni Protetti tal-Baħar nazzjonali. Il-Konvenzjonijiet dwar l-Ibħra Reġjonali, madankollu, jirrappreżentaw pjattaforma importanti ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri biex jiżviluppaw u jimplimentaw approċċ għall-għażla u l-ġestjoni taż-Żoni Protetti tal-Baħar ibbażati fuq l-ekosistema. Għalhekk, il-Konvenzjonijiet dwar l-Ibħra Reġjonali jservu ta’ xprun għall-espansjoni tan-netwerk taż-Żoni Protetti tal-Baħar Ewropej 26 .

Ir-Reġjun tal-Baħar Baltiku kien l-ewwel baħar reġjonali fl-Ewropa fejn il-kopertura qabżet l-10 %. Meta l-Kummissjoni għall-Ħarsien tal-Ambjent Marin fil-Baħar Baltiku (HELCOM) ivvalutat in-netwerk tagħha taż-Żoni Protetti tal-Baħar fl-2010, il-kopertura kienet laħqet l-10.3 %. Fl-2012 in-netwerk taż-Żoni Protetti tal-Baħar fil-Baħar Baltiku kopra 12.4 % taż-żona ta’ valutazzjoni 27 .

Nistgħu ninnutaw ukoll progress sinifikanti f’ċerti żoni tal-Oċean Atlantiku tal-Grigal. Eżempju wieħed ta’ dan huwa ż-żona l-Kbira tal-Baħar tat-Tramuntana fejn il-kopertura taż-Żona Protetta tal-Baħar tagħha hija l-ogħla fl-Ewropa (kważi 18 %). Fl-2012 iż-Żoni Protetti tal-Baħar koprew fil-medja 3.2 % taż-żona ta’ valutazzjoni fil-Grigal tal-Atlantiku 28 .

Fl-2012 il-kopertura taż-Żoni Protetti tal-Baħar kienet fil-medja ta’ 9.7 % fiż-żona ta’ valutazzjoni tal-EEA fil-Baħar Mediterran. L-EEA ma setgħetx tevalwa l-kopertura taż-Żoni Protetti tal-Baħar fil-Baħar l-Iswed minħabba n-nuqqas ta’ dejta disponibbli (Tabella 4).

2.3 Iż-Żoni Protetti tal-Baħar nazzjonali

L-Istati Membri għażlu ż-żoni protetti tal-baħar biex jipproteġu wkoll il-karatteristiċi ta’ interess nazzjonali. Dawn is-siti jistgħu jintużaw fin-netwerk tan-Natura 2000, fin-netwerks taż-Żoni Protetti tal-Baħar skont il-Konvenzjonijiet dwar l-Ibħra Reġjonali, jew jistgħu jkunu awtonomi. Il-grad ta’ konverġenza bejn in-netwerks taż-Żoni Protetti tal-Baħar magħżulin skont reġimi differenti jvarja minn Stat Membru għal ieħor, u medja ta’ 68.2 % madwar l-Ewropa f’każ ta’ siti nazzjonali u siti tal-Konvenzjonijiet dwar l-Ibħra Reġjonali (jiġifieri aktar minn żewġ terzi tal-erja totali koperta minn żoni protetti tal-baħar nazzjonali u reġjonali hija indikata taħt iż-żewġ reġimi), u ta’ 54.5 % fil-każ ta’ siti nazzjonali u ta’ Żoni Protetti tal-Baħar tan-Natura 2000 29 . Ma kienx possibbli li jintwera li n-nominazzjonijiet multipli jżidu l-livelli ta’ protezzjoni għas-siti taż-Żoni Protetti tal-Baħar.

3.Netwerks koerenti u rappreżentattivi taż-żoni marini protetti

Bħalissa ma jeżisti l-ebda metodu li jivvaluta l-koerenza u r-rappreżentattività tan-netwerks taż-Żoni Protetti tal-Baħar Ewropej. Il-Konvenzjonijiet dwar l-Ibħra Reġjonali, madankollu, kellhom rwol importanti fid-definizzjoni tal-kriterji ta’ valutazzjoni għall-koerenza tan-netwerk taż-Żoni Protetti tal-Baħar. OSPAR, HELCOM u ċ-Ċentru ta’ Attività Reġjonali għal Żoni Protetti b’mod Speċjali (Regional Activity Centre for Specially Protected Areas - RAC/SPA) stabbiliti skont il-Konvenzjoni ta’ Barċellona flimkien ma’ MedPAN fil-Mediterran, kollha vvalutaw il-koerenza tan-netwerk taż-Żoni Protetti tal-Baħar.

L-OSPAR jiddefinixxi l-koerenza ekoloġika ta’ netwerks taż-Żoni Protetti tal-Baħar skont sitt kriterji: il-karatteristiċi, ir-rappreżentattività, ir-replikazzjoni, il-konnettività, ir-reżiljenza u l-adegwatezza/il-viabbiltà 30 . L-ewwel valutazzjoni tan-netwerk taż-Żoni Protetti tal-Baħar tal-OSPAR twettqet fl-2010 u wriet li ma setax jitqies bħala ekoloġikament koerenti fuq il-bażi tad-distribuzzjoni spazjali taż-żoni marini protetti. Fl-2012 għal darb’ oħra OSPAR ipprova jivvaluta l-koerenza ekoloġika tan-network taż-Żoni Protetti tal-Baħar tiegħu, iżda ma setax jasal għal konklużjonijiet komprensivi minħabba l-iskarsezza ta’ dejta rilevanti ta’ distribuzzjoni dwar l-ispeċijiet u l-ħabitats. Fl-2012, setgħu jitwettqu valutazzjonijiet superfiċjali biss tal-arranġament spazjali taż-Żoni Protetti tal-Baħar, u dawn kienu taw ħjiel li n-netwerk taż-Żoni Protetti tal-Baħar tal-OSPAR x’aktarx li ma kienx ekoloġikament koerenti. Madankollu, in-netwerk wera l-ewwel sinjali ta’ koerenza f’ċerti sottoreġjuni (eż. fir-Reġjun Ġenerali tal-Baħar tat-Tramuntana, u sa ċertu punt ukoll fl-Ibħra Keltiċi 31 .

Minn HELCOM ġew identifikati erba’ kriterji ta’ koerenza ekoloġika: l-adegwatezza, ir-rappreżentattività, ir-replikazzjoni tal-karatteristiċi u l-konnettività. Minkejja l-għadd dejjem jikber ta’ Żoni Protetti tal-Baħar innominati fit-territorju tagħha, HELCOM ikkonkludiet fl-2010 li n-netwerks taż-Żoni Protetti tal-Baħar fil-Baħar Baltiku kienu għadhom ma laħqux koerenza ekoloġika 32 .

MedPAN-RAC/SPA vvalutat il-koerenza tan-network taż-Żoni Protetti tal-Baħar fil-Mediterran abbażi ta’ żewġ kriterji: ir-rappreżentattività u l-konnettività fl-2012. Din il-valutazzjoni kkonkludiet li n-network taż-Żoni Protetti tal-Baħar fil-Mediterran la seta’ jitqies koerenti u lanqas rappreżentattiv 33 . Il-Mediterran tal-Punent tqies bħala l-aktar reġjun konness fil-Mediterran.

Fl-ewwel tentattiv biex jiġu żviluppati sett komuni ta’ kriterji u metodoloġija għall-valutazzjoni tal-koerenza u r-rappreżentattività tan-network taż-Żoni Protetti tal-Baħar Ewropej, fl-2014 konsulenti esterni ħejjew studju għall-Kummissjoni Ewropea 34 . L-istudju sab li n-network taż-Żoni Protetti tal-Baħar f’żona tal-ittestjar fil-Baħar Baltiku ma kienx koerenti. Il-Kummissjoni se tkompli taħdem biex tirfina aktar il-metodoloġija għall-valutazzjonijiet tan-network taż-Żoni Protetti tal-Baħar fl-UE kollha.

4.Konklużjonijiet u aspettattivi

Iż-Żoni Protetti tal-Baħar huma għodod ta’ ġestjoni tal-ispazju essenzjali għall-konservazzjoni tan-natura. Dawn jistgħu jservu ta’ santwarji għall-bijodiversità mhedda tal-ibħra u tal-oċeani tagħna. Billi jappoġġaw ir-reżiljenza tal-ekosistemi, in-netwerks effettivi ta’ Żoni Protetti tal-Baħar joħolqu benefiċċji ta’ valur għas-soċjetà. Dawn il-benefiċċji soċjoekonomiċi jinkludu l-ħolqien tal-impjiegi, il-provvista tal-ikel, u r-regolazzjoni tal-klima. Iż-Żoni Protetti tal-Baħar għalhekk juru konverġenza qawwija bejn l-ekonomija blu u dik ekoloġika.

Mid-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika fl-1993, in-network taż-Żoni Protetti tal-Baħar Ewropew ġie estiż biex ikopri kważi 6 % tal-ibħra Ewropej fl-2012. Dan ir-rapport juri l-progress enormi li sar fit-twaqqif ta’ Żoni Protetti tal-Baħar fl-Ewropa. Mill-2012 saħansitra ġew innominati aktar siti taż-Żoni Protetti tal-Baħar 35 . Il-ħidma mhix se tieqaf hawn – se jsiru aktar sforzi biex jiġi żgurat li mill-inqas 10 % tal-ibħra tal-Ewropa jkunu protetti permezz tan-netwerks koerenti taż-Żoni Protetti tal-Baħar 36 .

L-objettivi tal-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità sal-2020, qegħdin jiġu implimentati dejjem aktar permezz ta’ qafas ta’ politika tal-UE, li jipprovdi opportunità eċċellenti għall-għażla u l-ġestjoni integrata taż-Żoni Protetti tal-Baħar. Id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina, id-Direttivi dwar il-Ħabitats u l-Għasafar u d-Direttiva ta’ qafas għall-Ippjanar tal-Ispazju Marittimu u l-Politika Komuni tas-Sajd riformata kollha fihom dispożizzjonijiet li jistgħu jrawmu l-espansjoni tan-netwerks taż-Żoni Protetti tal-Baħar Ewropej fis-snin li ġejjin.

 

Sabiex jisfruttaw il-potenzjal kollu tagħhom, iż-Żoni Protetti tal-Baħar għandhom jinkludu miżuri ta’ ġestjoni 37 , u għandhom ikunu żgurati l-monitoraġġ u l-infurzar effettiv tagħhom. Il-miżuri ta’ ġestjoni jistgħu jinkludu pjanijiet ta’ ġestjoni taż-Żoni Protetti tal-Baħar stess, u miżuri ta’ protezzjoni ta’ spazji f’żoni ġirien bħala għodda komplementari sabiex jiżdied l-effett taż-Żoni Protetti tal-Baħar. Iż-Żoni Protetti tal-Baħar għandhom ikunu parti integrali tal-pjanijiet tal-ispazju marittimu li jappoġġaw l-approċċ għall-Infrastruttura 38 Ekoloġika u Blu biex jiżguraw u jtejbu l-għoti ta’ servizzi ekosistemiċi multipli mill-istess żona. Dan l-approċċ integrat huwa wkoll essenzjali biex jiżgura li l-pressjonijiet madwar l-ibħra jitnaqqsu u li b’hekk ir-reżistenza tal-ekosistemi tissaħħaħ.

Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa l-isforzi nazzjonali u internazzjonali fir-rigward tan-nominazzjoni u l-ġestjoni effettiva taż-Żoni Protetti tal-Baħar, kif ukoll l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ protezzjoni ta’ spazji oħra għall-bijodiversità marina. B’mod partikolari, il-Kummissjoni se:

 

tappoġġa lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni effettiva u integrata tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ permezz ta’ aktar komunikazzjoni jew gwida, pereżempju f’dak li għandu x’jaqsam mal-Artikolu 11 tal-PKS;

tinkoraġġixxi l-interpretazzjoni komuni tal-Artikolu 13(4) tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina;

tkompli tiżviluppa metodoloġija tal-UE għall-valutazzjoni tal-koerenza u r-rappreżentattività tan-netwerks taż-Żoni Protetti tal-Baħar;

tappoġġa lill-Istati Membri, permezz ta’ mekkaniżmi ta’ finanzjament eżistenti tal-UE, partikolarment il-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd u l-Programm LIFE jew permezz ta’ proċessi li għaddejjin, bħall-proċess bijoġeografiku tan-Natura 2000, biex iżidu n-nominazzjonijiet taż-Żoni Protetti tal-Baħar, speċjalment lil hinn mill-kosta, u għall-ġestjoni effettiva 39 taż-Żoni Protetti tal-Baħar;

tippromwovi strutturi ta’ governanza inklużiva għaż-Żoni Protetti tal-Baħar li jippermettu parteċipazzjoni wiesgħa mill-partijiet ikkonċernatii (eż. l-awtoritajiet lokali, il-komunitajiet lokali, l-atturi ekonomiċi eċċ.) fil-ġestjoni taż-Żoni Protetti tal-Baħar;

fejn meħtieġ, tkompli taħdem fuq mekkaniżmi ta’ appoġġ fil-livell tal-UE għall-infurzar u l-kontroll effettivi tal-miżuri tal-ġestjoni taż-Żoni Protetti tal-Baħar;

tippromwovi r-riċerka fil-livell Ewropew u tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri biex tingħalaq id-disrepanza eżistenti fid-dejta li tfixkel il-ġestjoni u l-valutazzjoni effettivi taż-Żoni Protetti tal-Baħar 40 ;

tikkontribwixxi biex jiġu ddeterminati l-benefiċċji ekonomiċi minn Żoni Protetti tal-Baħar 41 billi tħejji studji u tikkollabora ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-OECD;

tiżgura rappreżentanza tal-UE f’negozjati dwar Ftehim ta’ Implimentazzjoni tal-UNCLOS għall-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-bijodiversità f’żoni lil hinn mill-ġurisdizzjoni nazzjonali 42 sabiex l-Artikoli 192 u 194(5) tal-UNCLOS ikunu jistgħu jitħaddmu aktar faċilment f’dawn l-oqsma.

Il-Kummissjoni se tħejji r-rapport ta’ progress li jmiss dwar l-istabbiliment ta’ Żoni Protetti tal-Baħar fil-kuntest tal-implimentazzjoni tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina, jiġifieri r-rapport tal-Kummissjoni dwar il-Programmi ta’ Miżuri mressqa mill-Istati Membri 43 . Dan ir-rapport se jipprovdi xenarju ta’ referenza għal din il-valutazzjoni. Il-progress li sar fit-twaqqif ta’ Żoni Protetti tal-Baħar fl-Ewropa se jkun evalwat ukoll fl-2019 meta l-Kummissjoni tevalwa l-ewwel ċiklu tal-implimentazzjoni tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina 44 . Bi sforz dedikat fil-livelli kollha, għandu jkun possibbli li jintlaħqu l-għanijiet stipulati fil-liġi u l-politiki tal-UE u dawk internazzjonali, u li tiżdied il-kopertura taż-Żoni Protetti tal-Baħar ’il fuq minn 10 % 45 sal-2020 fl-Ewropa.

 

(1)

European Environment Agency (2015) State of the Environment Report. http://www.eea.europa.eu/soer-2015/europe/marine-and-coastal

(2)

 Ara pereżempju: Agenda 21, https://sustainabledevelopment.un.org/content/documents/Agenda21.pdf u r-Riżoluzzjoni A/RES/66/288 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU - The Future We Want tas-27 ta’ Lulju 2012 http://daccess-dds-ny.un.org/doc/UNDOC/GEN/N11/476/10/PDF/N1147610.pdf?OpenElement  

(3)

Ir-Riżoluzzjoni A/69/L.85 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tat-12 ta’ Awwissu 2015, http://www.un.org/ga/search/view_doc.asp?symbol=A/69/L.85&Lang=E  

(4)

Id-Direttiva 92/43/KEE

(5)

Id-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina), ĠU L 164, 25.6.2008.

(6)

L-Artikolu 13 tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina.

(7)

L-ilmijiet marini huma ddefiniti mid-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (l-Artikolu 3 (1)).

(8)

L-Artikolu 13(4) tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina.

(9)

Għal definizzjoni aktar dettaljata ara l-Anness p. 8.

(10)

L-għadd ta’ pjanti u annimali f’żona partikolari

(11)

Fenberg, P. B., et al. (2012) “The science of European marine reserves: Status, efficacy, and future needs”, Marine Policy 36(5), pp. 1012–1021.

(12)

“The Economic Benefits of the Natura 2000 Network” (2013), tal-Kummissjoni Ewropea. http://ec.europa.eu/environment/nature/natura2000/financing/docs/ENV-12-018_LR_Final1.pdf  

(13)

Instab li ż-Żoni Protetti tal-Baħar ġestiti tajjeb kien fihom aktar minn ħames darbiet it-total tal-bijomassa ta’ ħut kbir u 14-il darba iżjed mil-bijomassa ta’ klieb il-baħar fiż-żoni mistagħda. Edgar, G. J. et al. (2014) 'Global conservation outcomes depend on marine protected areas with five key features', Nature 506, pp. 216–220.

(14)

Sala, E. (2012) “Here is one great way to save fish – and the fishing industry” in Tackling Science Challenges, Harvard Business Review 85.

(15)

Australian Government, Department of Environment and Heritage (2003) “The benefits of marine protected areas”. http://www.environment.gov.au/system/files/resources/5eaad4f9-e8e0-45d1-b889-83648c7b2ceb/files/benefits-mpas.pdf  

(16)

Great Barrier Reef Marine Park Authority (2014), “Great Barrier Reef Region Strategic Assessment – Strategic Assessment Report”. http://elibrary.gbrmpa.gov.au/jspui/handle/11017/2861  

(17)

Potts at al. (2014) “Do marine protected areas deliver flows of ecosystem services to support human welfare?”, Marine Policy 44.

(18)

Hussain et al. (2010) “An ex-ante ecological economic assessment of the benefits arising from marine

protected areas designation in the UK”, Ecological Economics 69(4), pp. 828-838.

(19)

L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (2015) “Marine Protected Areas in Europe’s Seas – An overview and reflections on the way forward”.

(20)

Il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika tirrikjedi li l-Partijiet tagħha jistabbilixxu sistemi ta’ żoni protetti. Ara l-Anness p. 10.

(21)

L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent immarkat iż-żona li għandha tiġi vvalutata bl-użu ta’ limitu ta’ 200 mil nawtiku mill-kosta jew l-ekwidistanza sa pajjiżi terzi minbarra fil-każ tal-Greċja fejn intuża limitu ta’ 6 mili nawtiċi. Jeżistu żoni marini protetti lil hinn minn dawn il-limiti, iżda dawn ma ġewx inklużi fl-analiżi. Bl-istess mod, iż-żoni marini protetti li jħarsu l-bijodiversità abbundanti fir-reġjuni ultraperiferiċi ġew esklużi mill-analiżi minħabba l-ambitu ġeografiku limitat tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina. Għal aktar informazzjoni, ara (2015) “Spatial analysis of Marine Protected Area Networks in Europe’s Seas”, pp. 1-2, tal-EEA.

(22)

Dejta meħuda mill-bażi tad-dejta tan-Natura 2000 u mill-Bażi tad-Dejta Komuni dwar iż-Żoni Magħżula (Common Database on Designated Areas).

(23)

Mill-2012 ’l hawn, xi Stati Membri stabbilixxew ħafna aktar siti tan-Natura 2000 u dan kompla jżid il-kopertura taż-Żoni Protetti tal-Baħar f’ċerti żoni.

(24)

Dan huwa parzjalment minħabba li l-fokus oriġinali tad-Direttiva dwar il-Ħabitats kien terrestri u minħabba n-nuqqas ta’ għarfien dwar ħabitats il-fondi tal-baħar.

(25)

L-ilmijiet qrib ix-xtut ikopru ż-żona 0-1 mil nawtiku, l-ilmijiet kostali jkopru 1-12 mil nawtiku u l-ilmijiet barra mill-kosta jkopru l-partijiet tat-tmiem tat-12-il mil nawtiku tal-firxa taż-żona ta’ valutazzjoni. EEA (2015) “Spatial Analysis of Marine Protected Areas in Europe’s Seas”.

(26)

Ara l-Artikoli 5 u 6 tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina rigward il-kooperazzjoni reġjonali.

(27)

EEA (2015) “Spatial Analysis of Marine Protected Areas in Europe’s Seas”.

(28)

EEA (2015) “Spatial Analysis of Marine Protected Areas in Europe’s Seas”.

(29)

EEA (2015) “Marine Protected Areas in Europe’s Seas – An overview and reflections on the way forward”.

(30)

OSPAR (2006), “Guidance on developing an ecologically coherent network of OSPAR marine protected areas”, numru ta’ referenza 2006-3.

(31)

Għal aktar dettalji dwar il-kriterji ta’ koerenza ekoloġika u s-sejbien, ara Johnson D., et al. (2013) “An assessment of the ecological coherence of the OSPAR Network of Marine Protected Areas in 2012”.

(32)

Boedeker D., et al. (2010) “Towards an ecologically coherent network of well-managed Marine Protected Areas – Implementation report on the status and ecological coherence of the HELCOM BSPA network”, Baltic Sea Environment Proceedings No. 124A.

(33)

Gabrié C., et al., (2012) “The Status of the Marine Protected Areas in the Mediterranean Sea”, MedPAN & RAC/SPA. ED: MedPAN Collection.

(34)

Wolters H. A., et al., (2014), “Proposal for an assessment method of the ecological coherence of networks of marine protected areas in Europe”. https://circabc.europa.eu/sd/a/b993ca97-579c-4aee-8e0e-22794682ac16/MPA%20coherence%20report-final.pdf  

(35)

Eż. sa tmiem l-2014 iż-żoni tan-Natura 2000 magħżula skont id-Direttivi dwar il-Ħabitats u l-Għasafar kienu żdiedu għal kważi 320 000 km² imqabbla ma’ bejn wieħed u ieħor 228 000 km² fl-2012 – Ara http://ec.europa.eu/environment/nature/info/pubs/docs/nat2000newsl/nat37_en.pdf  

(36)

Ara l-Mira 11 tal-Aichi fil-punt 2 tal-Anness ta’ dan ir-rapport.

(37)

Oceana (2014), “Management matters: Ridding the Baltic Sea of paper parks”. http://eu.oceana.org/sites/default/files/oceana_ridding_the_baltic_sea_of_paper_parks.pdf  

(38)

Għal aktar informazzjoni, ara http://ec.europa.eu/environment/nature/ecosystems/index_en.htm  

(39)

Il-Kummissjoni ffinanzjat diversi proġetti ta’ riċerka f’dan il-qasam (ara pereżempju l-MESMA, http://www.mesma.org/ ).

(40)

Ara pereżempju d-dokument ta’ Pożizzjoni Nru 18 tal-Kumitat Ewropew dwar l-Ibħra “Achieving Ecologically Coherent

MPA Networks in Europe: Science Needs and Priorities”, April 2013.

http://www.esf.org/fileadmin/Public_documents/Publications/EMB_PP18_Marine_Protected_Areas.pdf  

(41)

Permezz ta’ studju apposta;

(42)

L-Assemblea Ġenerali tan-NU riċentement iddeċiediet li fl-2016 tniedi negozjati intergovernattivi dwar ftehim ta’ implimentazzjoni tal-UNCLOS għall-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-bijodiversità f’ABNJ (ir-Riżoluzzjoni A/69/L.65 tad-19 ta’ Ġunju 2015).

(43)

L-Istati Membri għandhom iressqu l-Programmi tal-Miżuri tagħhom lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu 2016.

(44)

L-Artikolu 20 tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina.

(45)

Ara l-Mira 11 tal-Aichi fil-punt 2 tal-Anness ta’ dan ir-rapport.

Top

Brussell, 1.10.2015

COM(2015) 481 final

ANNESSI

tar-

Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill

dwar il-progress fit-twaqqif ta’ żoni protetti tal-baħar (kif mitlub mill-Artikolu 21 tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (id-Direttiva 2008/56/KE)


Anness I

1. Terminoloġija

Id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina ma tiddefinixxix it-termini “żona marina protetta” u “miżuri ta’ protezzjoni ta’ spazji”. L-għan ta’ din it-Taqsima huwa li tipprovdi d-definizzjonjiet li ntużaw fit-tħejjija ta’ dan ir-rapport u li se jiġu applikati fil-kuntest tal-implimentazzjoni tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina kif ukoll ta’ leġiżlazzjoni oħra.

1.1 Żoni Marini Protetti

Fil-liġi internazzjonali, l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (Convention on Biological Diversity/CBD) jistabbilixxi l-obbligu fundamentali tal-Partijiet li jistabbilixxu żoni protetti 1 . Id-definizzjoni ta’ żoni protetti 2  fl-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni tipprovdi l-bażi għad-definizzjonijiet ta’ żoni protetti u żoni marini protetti użati minn organizzazzjonijiet internazzjonali oħra, bħall-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura (International Union for Conservation of Nature/IUCN) 3 jew il-Konvenzjonijiet dwar l-Ibħra Reġjonali (Regional Sea Conventions/RSC) 4 .

Fl-Unjoni Ewropea iż-żoni protetti huma stabbiliti skont id-Direttivi tan-Natura (ara ż-Żoni Speċjali ta’ Konservazzjoni skont id-Direttiva dwar il-Ħabitats u ż-Żoni ta’ Protezzjoni Speċjali skont id-Direttiva dwar l-Għasafar). Id-definizzjoni ta’ dawn iż-żoni 5 hija skont id-definizzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Barċellona ta’ żoni protetti, jiġifieri huma ġeografikament definiti, għandhom għan ċar ta’ konservazzjoni, u għandhom jittieħdu miżuri ta’ ġestjoni fit-territorju tagħhom biex jintlaħaq dan l-għan.

 

Fuq il-bażi tal-elementi komuni ta’ dawn id-definizzjonijiet, qed jiġu proposti l-kriterji li ġejjin għad-definizzjoni taż-Żoni Protetti tal-Baħar fil-kuntest tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina u l-politiki kollha relatati tal-UE 6 :

-Dawn huma żoni marini ddefiniti ġeografikament,

-li l-objettiv iddikjarat b’mod ċar u ewlieni tagħhom huwa l-konservazzjoni tan-natura;

-u li huma rregolati u ġestiti bis-saħħa ta’ mezzi legali jew ta’ mezzi effiċjenti oħra biex jinkiseb dan l-objettiv.

1.2 Miżuri ta’ protezzjoni ta’ spazji

Il-mira 11 tal-Pjan Strateġiku għall-Bijodiversità 2011-2020 7 tirrikjedi li “(...) 10 fil-mija taż-żoni kostali u marini, speċjalment żoni ta’ importanza partikolari għall-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistema, jiġu kkonservati b’mod effettiv u ġestiti b’mod ġust, permezz ta’ sistemi ekoloġikament rappreżentattivi u konnessi b’mod tajjeb taż-żoni protetti u b'miżuri effettivi oħra ta’ konservazzjoni skont iż-żona (...)”. Madankollu, ma teżisti ebda definizzjoni aċċettata internazzjonalment ta’ x’inhu mfisser b’ “miżuri effettivi oħra ta’ konservazzjoni skont iż-żona”.

Id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina kif ukoll id-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats kollha jipprevedu miżuri ta’ konservazzjoni barra ż-żoni protetti, biex tiġi żgurata protezzjoni adegwata tal-ispeċijiet u l-ħabitats, u li biex jiżdiedu kemm jista’ jkun il-benefiċċji miż-żoni protetti. Id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina tittratta b'mod espliċitu dwar il-miżuri ta’ protezzjoni ta’ spazji 8 . Id-Direttiva dwar il-Ħabitats tipprevedi l-istabbiliment ta’ reġim strett ta’ protezzjoni għall-ispeċijiet u għas-subspeċijiet elenkati fl-Anness IV tad-Direttiva, kif ukoll miżuri ta’ protezzjoni għall-ispeċijiet u għas-subspeċijiet elenkati fl-Anness V 9 . Uħud mill-miżuri huma skont iż-żona (eż projbizzjoni temporanja jew lokali tat-teħid ta’ kampjuni mill-ambjent naturali u l-isfruttar ta’ ċerti popolazzjonijiet, l-istabbiliment ta’ sistema ta’ liċenzji għat-teħid ta’ kampjuni jew ta’ kwoti 10 eċċ.). Id-Direttiva tal-Għasafar toħloq struttura simili 11 .

Għalhekk, il-miżuri ta’ protezzjoni ta’ spazji huma ddefiniti skont il-loġika tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina u d-Direttivi tan-Natura, jiġifieri li l-miżuri ta’ protezzjoni ta’ spazji huma kategorija usa’ miż-Żoni ta' Protezzjoni tal-Baħar, u jaqdu rwol ta’ appoġġ fil-konservazzjoni tan-natura. Għalhekk, it-terminu “miżuri ta’ protezzjoni ta’ spazji” jintuża għal 12 :

-il-miżuri ta’ konservazzjoni skont iż-żona

-li ma jissodisfawx il-kriterji ta’ żoni protetti tal-baħar, jew minħabba li l-konservazzjoni mhihiex l-objettiv primarju tagħhom, inkella minħabba li l-għan huwa ffukat fuq attività jew settur partikolari sabiex jipproteġu parti mill-ekosistema.

F’dan is-sens, ċerti miżuri ta’ ġestjoni tas-sajd li jkollhom aspetti tal-konservazzjoni jidħlu taħt id-definizzjoni ta’ miżuri ta’ protezzjoni ta’ spazji. Tali miżuri ta’ ġestjoni tas-sajd jistgħu jinkludu permessi speċjali tas-sajd jew projbizzjonijiet ta’ rkaptu speċifiku 13 tas-sajd għal oqsma speċifiċi biex pereżempju jipproteġu l-ekosistemi marini vulnerabbli jew mergħat tal-ħaxix tal-baħar jew ċerti miżuri ta’ konservazzjoni adottati skont l-Artikolu 7 tal-Politika Komuni tas-Sajd 14 .

Ċerti miżuri li għandhom jittieħdu skont id-Direttiva għal Ippjanar tal-Ispazju Marittimu jistgħu wkoll jiġu kkunsidrati bħala miżuri ta’ protezzjoni ta’ spazji, billi wieħed mill-għanijiet tal-pjanijiet tal-ispazju marittimu huwa l-protezzjoni u t-titjib tal-ambjent.

2. Il-liġi tal-UE u d-dritt internazzjonali ta’ rilevanza

Id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina 15 għandha l-għan li tiżgura l-integrazzjoni tat-tħassib ambjentali fil-politiki, fil-ftehim u fil-miżuri leġiżlattivi differenti li għandhom impatt fuq l-ambjent tal-baħar 16 . Din it-taqsima għalhekk se tfassal inventarju tal-leġiżlazzjoni tal-UE u tad-dritt internazzjonali li jaffettwaw l-istabbiliment taż-Żoni Protetti tal-Baħar skont id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina.

Il-leġiżlazzjoni tal-UE

1.Id-Direttivi dwar il-Ħabitats 17 u l-Għasafar 18 : jipprevedu n-nominazzjoni ta’ żoni protetti li jiffurmaw netwerk ekoloġiku Ewropew koerenti (in-netwerk Natura 2000) 19 u huma soġġetti għal protezzjoni qawwija u għal rekwiżiti ta’ ġestjoni sabiex jinkiseb Stat ta’ Konservazzjoni Favorevoli għall-ħabitats u għall-ispeċijiet l-aktar vulnerabbli tal-UE.

 

2.Il-Politika Komuni tas-Sajd: ir-Regolament Bażiku tagħha riformata reċentement jipprevedi l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ konservazzjoni skont l-għanijiet tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina u d-Direttivi dwar il-Ħabitats u l-Għasafar 20 . Dan jippermetti wkoll l-istabbiliment ta’ żoni protetti ta’ sensittività bijoloġika 21 . Barra minn hekk, iż-żoni tas-sajd protetti jistgħu jiġu stabbiliti skont ir-Regolament dwar il-miżuri ta’ ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran 22 .

3.Id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma 23 : tapplika għall-ilmijiet tranżizzjonali interni, iżda d-dispożizzjonijiet tagħha huma rilevanti ħafna għaż-Żoni Protetti tal-Baħar fl-ilmijiet qrib il-kosta li fihom ħafna żoni fejn ibejjed u jitrabba l-ħut, u għalhekk huma importanti minn perspettiva ta’ konservazzjoni.

4.Id-Direttiva għall-Ippjanar tal-Ispazju Marittimu 24 : Iż-Żoni Protetti tal-Baħar se jiffurmaw parti mill-pjanijiet tal-ispazju marittimu stabbiliti skont id-Direttiva.

Id-dimensjoni internazzjonali

1.Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar: teħtieġ b’mod partikolari li l-Partijiet jieħdu l-miżuri biex jipproteġu u jippreservaw l-ambjent tal-baħar inġenerali, u l-ekosistemi rari jew fraġli, il-ħabitat ta’ speċijiet imnaqqsa, mhedda jew ipperikolati, u għamliet oħra ta’ ħajja tal-baħar 25 .

2.Il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika: Għandha l-għan li twaqqaf it-telf tal-bijodiversità, tiżgura l-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-bijodiversità marina. Il-Mira 11 tal-Aichi 26 għall-Bijodiversità għandha l-għan li tikkonserva 10 % taż-żoni kostali u marini permezz ta’ “sistemi ekoloġikament rappreżentattivi u konnessi tajjeb, ġestiti b’mod effettiv u ġust, għaż-żoni protetti, u miżuri effettivi oħra ta’ konservazzjoni skont iż-żona”. Din il-mira saret impenn globali bl-inklużjoni tagħha fid-dokument ta’ eżitu ta’ Rio+20 “The Future We Want” 27 u l-għan propost għall-oċeani 28 fl-Aġenda għall-Iżvilupp ta’ wara l-2015 qed jiġi nnegozjat min-Nazzjonijiet Uniti. Skont il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika wkoll, iż-żoni marini ekoloġikament jew bijoloġikament sinifikanti (ecologically or biologically significant marine areas/EBSAs) qed jiġu deskritti għall-kontribut importanti tagħhom fl-appoġġ tal-funzjonament tajjeb tal-oċeani, u b’rikonoxximent tal-ħtieġa potenzjali tagħhom għal xi tip ta’ protezzjoni. Xi 200 EBSAs ġew deskritti waqt sessjonijiet ta’ ħidma reġjonali madwar id-dinja u ġew approvati mill-Konferenza tal-Partijiet għall-inklużjoni fir-“repożitorju” tal-EBSAs tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika. Huwa f’idejn l-Istati u l-organizzazzjonijiet intergovernattivi kompetenti li jiddeċiedu dwar kwalunkwe miżura ta’ protezzjoni u ta’ ġestjoni għal dawk iż-żoni jew partijiet minnhom, fost affarijiet oħra billi dawn jiġu elenkati bħala Żoni Protetti tal-Baħar (MPAs).

3.    Il-Konvenzjonijiet dwar l-Ibħra Reġjonali: għandhom l-għan li jtejbu t-tmexxija reġjonali għall-protezzjoni tal-ambjent marin. Erba’ Konvenzjonijiet dwar l-Ibħra Reġjonali jkopru l-ilmijiet marini fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina: OSPAR għall-Atlantiku tal-Grigal, HELCOM għall-Baħar Baltiku, il-Konvenzjoni ta’ Barċellona għall-Baħar Mediterran u l-Konvenzjoni ta’ Bukarest għall-Baħar l-Iswed. L-erba’ Konvenzjonijiet dwar l-Ibħra Reġjonali kienu attivi fl-istabbiliment taż-Żoni Protetti tal-Baħar u fil-valutazzjoni tal-koerenza tan-netwerk taż-Żoni Protetti tal-Baħar 29 .



Anness II

Tabelli

Tabella 1 - Kopertura taż-żoni protetti tal-baħar fl-Ibħra Ewropej (2012) 30

 

Tabella 2 – Perċentwal tal-kopertura taż-żoni protetti tal-baħar fl-Ibħra Ewropej fiż-żoni ta' valutazzjoni bil-limiti ta' 0-1 mili nawtiċi, 1-12-il mil nawtiku u 12-il mil nawtiku (2012) 31

Tabella 3 - Kopertura tan-netwerk tan-Natura 2000 (N2K) fl-ibħra reġjonali tal-Ewropa (2012) 32

Tabella 4: Erja totali tal-wiċċ, perċentwal tal-kopertura ta’ siti RSC fiż-żona ta’ valutazzjoni taż-Żoni Protetti tal-Baħar, u rduppjar man-netwerk tan-Natura 2000 tal-UE (N2K) (2012) 33 .

(1)

Dan l-obbligu japplika għaż-żoni taħt is-sovranità u l-ġurisdizzjoni tal-Istati.

(2)

“Żona protetta” tfisser żona ġeografika stabbilita magħżula jew irregolatau miżmuma biex jintlaħqu għanijiet speċifiċi ta’ konservazzjoni”. Il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (1992), l-Artikolu 2.

(3)

Ara d-definizzjoni f’IUCN (2008), “Guidelines for Applying Protected Area Management Categories”, p. 8.

(4)

Għad-definizzjonijiet ara OSPAR (2003), “Recommendation on a Network of Marine Protected Areas 2003/3”, l-Artikolu 1.

HELCOM (2013), “Overview of the status of the network of Baltic Sea marine protected areas”, p. 7.

L-Art. 4,6 u 7 tal-Protokoll għall-Konvenzjoni ta’ Barċellona dwar żoni protetti b’mod speċjali u d-diversità bijoloġika fil-Mediterran (1999).

(5)

Id-Direttiva dwar il-Ħabitats, l-Artikolu 1(l) u d-Direttiva tal-Għasafar, l-Artikolu 4.

(6)

Ara l-punt 2 tal-Anness.

(7)

Il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bioloġika (2010), COP 10, tal-Anness tad-Deċiżjoni X/2.

(8)

Ara l-Artikolu 13(4) tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina.

(9)

Ara l-Artikoli 12-16 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats.

(10)

Id-Direttiva dwar il-Ħabitats, l-Artikolu 14.

(11)

Ara d-Direttiva dwar l-Għasafar, l-Artikolu 5.

(12)

Ara d-dokument “Programmes of measures under the Marine Strategy Framework Directive – Recommendations for implementation and reporting”, 25 ta’ Novembru 2014. https://circabc.europa.eu/w/browse/0ee797dd-d92c-4d7c-a9f9-5dffb36d2065  

(13)

Ara pereżempju r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 734/2008 tal-15 ta’ Lulju 2008 dwar il-protezzjoni ta’ ekosistemi marini vulnerabbli f’ibħra internazzjonali mill-impatti ħżiena tal-irkapti tas-sajd tal-qiegħ

(14)

Ara l-Artikolu 7, il-paragrafu 1 (a) (b) (h) (i) u l-paragrafu 2 (c) (d) (e) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd.

(15)

L-Artikolu 1 tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina

(16)

 Fir-rigward tal-interazzjonijiet ġenerali bejn id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina, il-politiki tal-UE u l-ftehimiet internazzjonali ara r-Rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar il-Kontribuzzjoni tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (2008/56/KE) għall-implimentazzjoni ta’ obbligi, impenji u inizjattivi eżistenti tal-Istati Membri jew tal-UE fil-livell internazzjonali jew tal-UE fil-qasam tal-protezzjoni ambjentali fl-ilmijiet tal-baħar, COM (2012) 662, 16 ta’ Novembru 2012.

(17)

Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, ĠU L 206, 22.7.1992.

(18)

Id-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE tat-2 ta’ April 1979 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi, ĠU L 103, 25/04/1979.

(19)

L-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats.

(20)

L-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Politika Komuni tas-Sajd.

(21)

L-Artikolu 8, dwar iż-żoni ta’ rkupru tal-istokkijiet tal-ħut, tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Politika Komuni tas-Sajd .

(22)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 tat-21 ta’ Diċembru 2006.

(23)

Id-Direttiva 2000/60/KE li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma

(24)

Id-Direttiva 2014/89/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 li tistabbilixxi qafas għal ippjanar tal-ispazju marittimu. L-Artikolu 8 tad-Direttiva għall-ippjanar tal-ispazju marittimu jistieden lill-Istati Membri biex jintegraw l-attivitajiet relatati ma’ siti tal-konservazzjoni tan-natura u tal-ispeċijiet u taż-żoni protetti fil-pjanijiet tal-ispazju marittimu tagħhom.

(25)

L-Artikoli 192 u 194(5) tal-UNCLOS .

(26)

Parti mill-Pjan Strateġiku għall-Bijodiversità 2011-2020, adottat mill-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika fl-2010 (UNEP/CBD/COP/DEC/X/2).

(27)

Ir-Riżoluzzjoni 66/288 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tas-27 ta’ Lulju 2012 — The Future We Want, paragrafu 177.

(28)

Ara l-Mira 14 f’UNGA A/68/970 tat-12 ta’ Awwissu 2014 – Report of the Open Working Group of the General Assembly on Sustainable Development Goals.

(29)

Ara t-taqsimiet 2.2 u 3 ta’ dan ir-rapport.

(30)

EEA (2015) “Spatial Analysis of Marine Protected Areas in Europe’s Seas”.

(31)

Adattata mit-Tabella 3.8 fi “Spatial Analysis of Marine Protected Areas in Europe’s Seas”, EEA (2015) .

(32)

L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (2015) “Marine Protected Areas in Europe’s Seas – An overview and reflections on the way forward”.

(33)

Adattata mit-Tabella 3.4 fi “Spatial Analysis of Marine Protected Areas in Europe’s Seas”, EEA (2015) .

Top