This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Council Conclusions — ‘Training of legal practitioners: an essential tool to consolidate the EU acquis ’
Konklużjonijiet tal-Kunsill — “It-taħriġ tal-ġuristi: għodda essenzjali biex jiġi kkonsolidat l-acquis tal-UE”
Konklużjonijiet tal-Kunsill — “It-taħriġ tal-ġuristi: għodda essenzjali biex jiġi kkonsolidat l-acquis tal-UE”
OJ C 443, 11.12.2014, p. 7–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
11.12.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 443/7 |
Konklużjonijiet tal-Kunsill
“It-taħriġ tal-ġuristi: għodda essenzjali biex jiġi kkonsolidat l-acquis tal-UE”
(2014/C 443/04)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
WAQT LI JFAKKAR:
Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tad-29 ta’ Ġunju 2006 dwar it-Taħriġ Ġudizzjarju fl-Unjoni Ewropea (Traduzzjoni mhux uffiċjali) (COM(2006) 356 def.);
Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar it-taħriġ tal-imħallfin, il-prosekuturi u l-persunal ġudizzjarju fl-Unjoni Ewropea (2008/C 299/01);
L-Artikoli 81(2)(h) u 82(1)(c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dwar l-appoġġ mill-Unjoni għat-taħriġ tal-ġudikatura u l-persunal ġudizzjarju fi kwistjonijiet ċivili u kriminali;
Il-Karta Magna tal-2010 tal-Imħallfin tal-Kunsill Konsultattiv tal-Imħallfa Ewropej tal-Kunsill tal-Ewropa, li tissottolinja li t-taħriġ inizjali u dak fuq il-post tax-xogħol huwa dritt u dmir għall-imħallfa u li t-taħriġ huwa element importanti għas-salvagwardja tal-indipendenza tal-imħallfa kif ukoll il-kwalità u l-effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja (CCJE (2010) 3 Final);
Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea “Inkattru l-fiduċja f’Ġustizzja Ewropea - Dimensjoni ġdida għat-taħriġ ġudizzjarju Ewropew” (COM(2011) 551 final);
Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-27 ta’ Ottubru 2011 dwar taħriġ ġudizzjarju Ewropew (2011/C 361/03);
Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Marzu 2012 dwar it-Taħriġ Ġudizzjarju (2012/2575(RSP));
Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea “L-Aġenda tal-Ġustizzja tal-UE għall-2020 - It-Tisħiħ tal-Fiduċja. tal-Mobbiltà u tat-Tkabbir fl-Unjoni” (COM(2014) 144 final);
Il-Linji gwida Strateġiċi tal-Kunsill Ewropew għall-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja tas-27 ta’ Ġunju 2014 jiddikjaraw li “azzjoni ulterjuri hija meħtieġa […] biex jissaħħaħ it-taħriġ għall-prattikanti” (traduzzjoni mhux uffiċjali) (EUCO 79/14);
JISSOTTOLINJA li:
L-imħallfa u l-prosekuturi, kif ukoll ġuristi oħra, għandhom rwol fundamentali fil-garanzija tar-rispett tad-dritt tal-Unjoni Ewropea;
Il-ġustizzja, inkluża l-kooperazzjoni ġudizzjarja, saret politika matura tal-UE bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona; il-qasam Ewropew tal-ġustizzja għandu issa jiġi konsolidat; it-taħriġ huwa għodda ewlenija sabiex jiżgura li d-drittijiet mogħtija mil-leġislazzjoni tal-UE jsiru realtà, li l-effettività tas-sistemi tal-ġustizzja fl-Istati Membri tiżdied u li l-ġuristi jafdaw is-sistemi tal-ġustizzja ta’ xulxin. Dan imbagħad għandu jgħin biex ikunu żgurati proċedimenti transkonfinali mingħajr xkiel u rikonoxximent tas-sentenzi;
JILQA’:
1. |
Il-fatt li aktar minn 210 000 ġurista, kemm jekk imħallfa, prosekuturi, persunal tal-qorti, avukati, nutara jew bailiff, ħadu sehem fit-taħriġ fid-dritt tal-UE bejn l-2011 u l-2013, kif deher fir-rapporti annwali tal-Kummissjoni dwar it-taħriġ ġudizzjarju Ewropew; |
2. |
It-tixrid tal-prattiki tajbin tat-taħriġ għall-imħallfa, il-prosekuturi, l-avukati u l-persunal tal-qorti u r-rakkomandazzjonijiet biex itejbu t-taħriġ ta’ dawn il-professjonisti, li jirriżultaw mill-Proġett Pilota dwar it-taħriġ ġudizzjarju Ewropew propost mill-Parlament Ewropew fl-2012 u implimentat mill-Kummissjoni Ewropea fl-2013 u l-2014; |
3. |
L-adozzjoni tal-Programm dwar il-Ġustizzja (1) għall-perijodu 2014-2020, li għandu jappoġġa u jippromwovi t-taħriġ ġudizzjarju bil-għan li jrawwem kultura legali u ġudizzjarja komuni u li jalloka 35 % tal-baġit globali, jiġifieri EUR 132 miljun, għal dan l-objettiv; |
4. |
Il-parteċipazzjoni miżjuda tal-imħallfa u l-prosekuturi fi skambji u f’attivitajiet ta’ taħriġ transkonfinali oħra li twettqu, ġew iffaċilitati u kkoordinati mill-EJTN f’dawn l-aħħar snin; |
JIRRIKONOXXI li:
1. |
Filwaqt li s-sitwazzjoni qed titjieb, hemm ħtieġa li jsir aktar biex tintlaħaq il-mira ambizzjuża li nofs (madwar 700 000) il-ġuristi kollha li jkunu attendew taħriġ fid-Dritt tal-UE bejn l-2011 u l-2020; |
2. |
Il-ħtiġijiet tat-taħriġ ta’ ġuristi għadhom mhux qed jintlaħqu bis-sħiħ u s-sitwazzjoni tvarja bejn il-professjonijiet legali u l-Istati Membri; |
3. |
Jeħtieġ ferm li jinfirxu, jiġu aġġornati, jerġgħu jintużaw u jiġu kondiviżi prattiki tajbin fost il-professjonijiet legali kollha; |
4. |
Il-ġuristi għad għandhom quddiemhom ostakli biex jipparteċipaw fl-attivitajiet ta’ taħriġ, per eżempju minħabba n-nuqqas ta’ żmien jew ta’ baġit, in-nuqqas ta’ korsijiet tat-taħriġ li jinkludu d-dritt tal-UE, jew in-nuqqas ta’ ħiliet lingwistiċi legali li huma meħtieġa biex tieħu sehem f’attivitajiet ta’ taħriġ transkonfinali; |
5. |
Fil-livell tal-UE, l-EJTN tinsab fl-aħjar pożizzjoni biex tikkoordina, permezz tal-membri tagħha, attivitajiet nazzjonali ta’ taħriġ u biex tiżviluppa opportunità ta’ taħriġ transkonfinali għall-imħallfa u l-prosekuturi; hu rċieva appoġġ ta’ kofinanzjament li qed jiżdied mill-Unjoni Ewropea matul l-aħħar snin; |
JITLOB LILL-FORNITURI NAZZJONALI TA’ TAĦRIĠ ĠUDIZZJARJU U LILL-FORNITURI TA’ TAĦRIĠ TAL-PROFESSJONIJIET LEGALI BIEX:
1. |
Jintegraw sistematikament taħriġ fid-dritt tal-UE u b’mod partikolari fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea fl-attivitajiet inizjali u kontinwi ta’ taħriġ fil-livell nazzjonali, fejn meħtieġ għat-twettiq kif xieraq tal-funzjonijiet ġudizzjarji jew professjonali; |
2. |
Isegwu l-aħjar prattiki u r-rakkomandazzjonijiet li jirriżultaw mill-Proġett Pilota dwar it-taħriġ ġudizzjarju Ewropew, fejn rilevanti; |
3. |
Jiffaċilitaw li l-attivitajiet transkonfinali tat-taħriġ fid-dritt tal-UE fi Stat Membru ieħor jew minn fornitur ta’ taħriġ Ewropew jitqiesu bħala li qed jissodisfaw l-obbligi nazzjonali ta’ taħriġ, fejn dawn jeżistu; |
4. |
Itejbu, fejn meħtieġ, il-ġbir ta’ data affidabbli dwar taħriġ u jikkondividu din id-data mal-Kummissjoni, sabiex jippermettu li din tal-aħħar ittejjeb l-akkuratezza tar-rapportar annwali dwar it-taħriġ ġudizzjarju Ewropew; |
5. |
Jappoġġaw il-koordinazzjoni tat-taħriġ ipprovdut mill-organizzazzjonijiet nazzjonali ta’ professjonijiet legali liberali permezz tal-entitajiet fil-livell tal-UE rispettivi tagħhom; |
JAPPELLA LILL-ISTATI MEMBRI BIEX:
1. |
Jittraduċu l-prijorità tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2014 dwar it-taħriġ tal-ġuristi f’miżuri konkreti billi:
|
2. |
Jikkonsidraw iżidu, jew għall-inqas iżommu l-appoġġ finanzjarju tagħhom għall-EJTN, b’kont meħud tal-qafas legali tal-EJTN u l-kofinanzjament dirett tal-Istati Membri ta’ ċertu taħriġ tal-EJTN f’konformità mal-ħtiġijiet ta’ taħriġ rilevanti, sabiex jiġi ugwali għall-kontribuzzjoni tal-UE u jippermettu lin-netwerk jiżviluppa aktar l-attivitajiet tiegħu bħal skambji u taħriġ transkonfinali; |
3. |
Jappoġġa l-ġbir ta’ data affidabbli f’dan il-qasam; |
JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI EWROPEA BIEX:
1. |
Iddur fuq l-għarfien espert disponibbli fl-Istati Membri u fost il-partijiet ikkonċernati, u tibni fuq ix-xogħol siewi tal-EJTN u r-riżultati tal-Proġett Pilota dwar it-taħriġ ġudizzjarju Ewropew, meta tkun qed tikkonsidra li tħejji rakkomandazzjoni dwar standards ta’ taħriġ li jkopru l-professjonijiet legali kollha; |
2. |
Tkompli tirrapporta dwar il-parteċipazzjoni tal-ġuristi fit-taħriġ fid-dritt tal-UE u fid-dritt ta’ Stati Membri oħra; |
3. |
Torganizza laqgħat regolari fil-livell tal-UE mal-partijiet ikkonċernati li huma involuti fit-taħriġ ta’ ġuristi sabiex iqisu l-progress u jgħinuha tħejji, fejn meħtieġ, titjib ulterjuri tat-taħriġ ġudizzjarju Ewropew; |
4. |
Torganizza laqgħa speċifika fil-livell tal-UE mal-partijiet ikkonċernati sabiex jiġu identifikati l-attivitajiet ta’ taħriġ attwali, identifikati n-nuqqasijiet possibbli u propost titjib, b’fokus b’mod partikolari fuq it-taħriġ ta’ ġuristi u uffiċjali pubbliċi fl-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; |
5. |
Tinkoraġġixxi lill-fornituri tat-taħriġ, kemm jekk pubbliċi jew, jekk xieraq, dawk privati, biex jorganizzaw aktar taħriġ fid-dritt tal-UE u fil-ħiliet lingwistiċi legali barranin għall-professjonisti legali, filwaqt li jżommu f’moħħhom l-għan li tali taħriġ ikun ta’ kwalità għolja u kosteffettiv; |
6. |
Tindirizza l-kwistjoni partikolari ta’ taħriġ tal-persunal tal-qorti, inkluż f’termini ta’ titjib tat-taħriġ fid-dritt tal-UE tal-persunal tal-qorti li d-dmirijiet tagħhom jinkludu elementi tad-dritt tal-UE u li tiffaċilita l-kooperazzjoni transkonfinali tal-fornituri ta’ taħriġ tal-persunal tal-qorti fejn rilevanti; |
7. |
Progressivament iżżid, filwaqt li tirrispetta r-rekwiżiti u l-proċeduri baġitarji tal-UE, l-appoġġ finanzjarju għan-Netwerk Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju, li huwa l-għodda essenzjali għat-titjib tat-taħriġ ta’ mħallfa u prosekuturi fl-UE; |
8. |
Iżżid l-appoġġ finanzjarju għal proġetti ta’ taħriġ transkonfinali, kif imbassar fil-programm finanzjarju dwar il-Ġustizzja 2014-20, filwaqt li tnaqqas il-piż amministrattiv għall-benefiċjarji; |
9. |
Tkompli tiżviluppa t-taqsima ta’ taħriġ tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika, inkluż it-tagħlim elettroniku, bħala għodda effiċjenti għall-iżvilupp ulterjuri tat-taħriġ ġudizzjarju Ewropew. |
(1) Regolament (UE) Nru 1382/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi Programm dwar il-Ġustizzja għall-perijodu 2014 sa 2020 (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 73).