Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013DC0762

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL L-Implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija — il-Gwida tal-Kummissjoni

/* COM/2013/0762 final */

52013DC0762

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL L-Implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija — il-Gwida tal-Kummissjoni /* COM/2013/0762 final */


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

L-Implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija — il-Gwida tal-Kummissjoni

1.           Introduzzjoni

l-Ewropa ma tiflaħx taħli l-enerġija. Il-kisba ta’ Ewropa effiċjenti fl-enerġija ilha mira tal-UE għal żmien twil, appoġġata kemm-il darba mill-Kapijiet tal-Istati u l-Gvernijiet tal-UE.

Fl-2007 il-Kunsill Ewropew adotta għanijiet ambizzjużi dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima għall-2020 — biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra b’20 %, biex jiżdied is-sehem tal-enerġija li tiġġedded b’ 20 % u biex tintlaħaq effiċjenza fl-enerġija ta' 20 %[1].

Dawn il-miri ġew ikkonfermati mill-ġdid fl-Istrateġija Ewropa 2020[2], li hija maqsuma fost l-istituzzjonijiet Ewropej, l-Istati Membri u l-imsieħba soċjali, li lkoll għandhom rwol importanti x'jaqdu biex jiżguraw li l-UE tieħu l-azzjonijiet meħtieġa biex jintlaħqu l-miri ta’ Ewropa 2020.

Tbassir fl-2010[3] wera li l-mira dwar l-effiċjenza enerġetika tal-UE għall-2020 ma kienetx se tintlaħaq u li għaldaqstant miżuri ġodda kienu meħtieġa fil-livell Ewropew u dak nazzjonali. Biex tegħleb din is-sitwazzjoni, fl-2011 il-Kummissjoni ressqet proposta għal Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija. Il-proposta bniet fuq l-esperjenza miksuba f’diversi oqsma, notevolment dwar il-prestazzjoni enerġetika tal-bini, dwar is-servizzi tal-enerġija u dwar il-koġenerazzjoni. Dak li jgħaqqad lil dawn l-oqsma huwa l-potenzjal kbir għall-effiċjenza enerġetika li għadu jeżisti, biex b’hekk il-proposta bdiet mill-bażi li l-maġġoranza ta’ frankar tal-enerġija meħtieġ jista’ jintlaħaq permezz ta’ titjib fl-effiċjenza enerġetika (jiġifieri billi jintuża inqas kontribut enerġetiku għall-istess livell ta’ attività ekonomika jew servizz). L-għan ġenerali tal-proposta kien li jingħata kontribut sinifikanti biex tintlaħaq il-mira għall-effiċjenza fl-enerġija tal-UE għall-2020 kif ukoll biex tistabbilixxi qafas komuni biex tkun promossa l-effiċjenza fl-enerġija fl-Unjoni lil hinn mill-2020. Dik il-proposta kienet eventwalment adottata miż-żewġ koleġiżlaturi fil-25 ta’ Ottubru 2012 bħala d-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija 2012/27/UE[4].

2.           Id-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija

Id-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija (l-“EED” - Energy Efficiency Directive) ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali fl-14 ta’ Novembru 2012, u daħlet fis-seħħ fl-4 ta’ Diċembru 2012. L-Istati Membri se jkollhom jittrasponuha sal-5 ta’ Ġunju 2014 (minbarra ċerti dispożizzjonijiet li għalihom hija prevista data tat-traspożizzjoni differenti[5]).

L-EED tippreżenta miżuri legalment vinkolanti sabiex jiżdiedu l-isforzi tal-Istati Membri biex jużaw l-enerġija b’mod aktar effiċjenti fl-istadji kollha tal-katina enerġetika – mit-trasformazzjoni tal-enerġija u d-distribuzzjoni tagħha sal-konsum finali tagħha. L-aktar rekwiżiti importanti tad-Direttiva, f’termini ta’ politika futura dwar l-enerġija, huma ppreżentati fil-qosor hawn taħt.

L-ewwel nett, biex issaħħaħ l-impenn politiku meħud mill-Istati Membri fl-Istrateġija UE 2020, l-EED tiddefinixxi b’mod ċar u tikkwantifika għall-ewwel darba l-mira għall-effiċjenza enerġetika tal-UE bħala l-"konsum enerġetiku tal-Unjoni għall-2020 ta' mhux aktar minn 1 474 Mtoe[6] enerġija primarja jew mhux aktar minn 1 078 Mtoe ta' enerġija finali"[7]. Bl-adeżjoni tal-Kroazja fl-1 ta’ Lulju 2013, dawn il-miri ġew aġġustati għal “mhux aktar minn 1 483 Mtoe enerġija primarja jew mhux aktar minn 1 086 Mtoe enerġija finali”.

L-implimentazzjoni sħiħa u korretta tal-EED se taqdi rwol importanti fil-kisba tal-mira tal-UE 2020 ta' 20 % effiċjenza enerġetika li mbagħad se tikkontribwixxi għall-qafas UE 2030 għall-politiki tal-klima u tal-enerġija, kif spjegat fil-Green Paper COM (2013) 169 finali. L-evalwazzjoni tal-progress lejn il-miri nazzjonali indikattivi għall-effiċjenza enerġetika stabbiliti mill-Istati Membri f'konformità mal-Artikolu 3 tal-EED se tikkontribwixxi għad-diskussjoni dwar liema tipi ta’ mira u f’liema livell jistgħu jkunu xierqa għall-2030.

L-EED jeħtieġ ukoll lill-Istati Membri li jistabbilixxu miri indikattivi nazzjonali tal-effiċjenza enerġetika għall-2020, li jistgħu jkunu bbażata fuq indikaturi differenti (konsum tal-enerġija primarja jew finali, jew l-iffrankar tal-enerġija primarja jew finali, jew l-intensità tal-enerġija). L-Istati Membri kellhom jinnotifikaw dawn il-miri u kif dawn isarrfu f’termini tal-użu ta' enerġija primarja u finali fl-2020 lill-Kummissjoni sat-30 ta’ April 2013 jew bħala parti mill-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma jew f’komunikazzjoni separata[8].

Dan it-tagħrif ġie mdaħħal fil-proċess tas-Semestru Ewropew[9], u qiegħed ikun evalwat bħala element fil-valutazzjoni tal-probabbiltà tal-kisba tal-mira ġenerali tal-UE sal-2020 u sa fejn l-isforzi individwali jilħqu l-mira komuni. L-Istati Membri kollha issa nnotifikaw il-miri indikattivi nazzjonali tagħhom, għalkemm tnejn għadhom ma ġewx irrappurtati fil-format rikkjest mid-Direttiva. Il-miri indikattivi nazzjonali tal-effiċjenza, meħudin kollettivament, jissuġġerixxu li l-Istati Membri jimmiraw li jikbsu biss madwar 16.4 % ta' frankar mill-enerġija primarja u 17.7 % ta' frankar mill-enerġija finali sal-2020 - mhux l-20 % kollha meħtieġa biex tintlaħaq il-mira ġenerali tal-UE[10]. Madanakollu, evalwazzjoni iktar profonda li tinkludi l-miri tal-Istati Membri kollha, riżultati tal-mudelli enerġetiċi u l-inklużjoni ta' iktar strumenti politiċi li qegħdin jiġu żviluppati bħalissa se jkollhom jiġu meħuda qabel ikun jista' jingħata riżultat iktar affidabbli. F'konformità mal-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 24(7) tal-EED, il-Kummissjoni għandha tressaq il-valutazzjoni tagħha dwar il-progress miksub lejn il-mira 2020 għall-effiċjenza enerġetika lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sat-30 ta’ Ġunju 2014.

Barra minn hekk, id-Direttiva tirrikkjedi li sat-30 ta’ April 2014 l-Istati Membri jistabbilixxu u jippubblikaw l-istrateġiji fit-tul tagħhom dwaw ir-rinnovazzjoni tal-bini, obbligu kruċjali minħabba li kważi 40 % tal-konsum finali tal-enerġija huwa fid-djar, fl-uffiċini pubbliċi u privati, fil-ħwienet u f'binjiet oħrajn. Il-binjiet tas-settur pubbliku għandhom imexxu billi jagħtu eżempju — 3 % tal-bini li jkun proprjetà ta’ u okkupat minn gvernijiet ċentrali għandu jiġi rinovat kull sena għal-livell li l-Istat Membru stabbilixxa skont id-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija[11]. Ir-rwol ewlieni tas-settur pubbliku huwa rikonoxxut ukoll fid-dispożizzjonijiet tal-EED dwar l-akkwist pubbliku, bil-gvern ċentrali rikkjest, taħt ċerti kundizzjonijiet, li jixtri l-aktar prodotti, servizzi u bini effiċjenti fl-enerġija.

l-Istati Membri jridu jiżguraw li ċertu ammont ta’ ffrankar tal-enerġija jitwettaq tul il-perjodu 2014-2020 fil-livell tal-utent finali jew billi jistabbilixxu jew skema għall-obbligi ta’ effiċjenza enerġetika inkella miżuri ta’ politika alternattivi.

Biex ikun hemm rikonoxximent tal-potenzjal ta’ ffrankar sinifikanti tal-enerġija f'intrapriżi tal-kategoriji u t-tipi kollha, l-intrapriżi kollha huma mħeġġa jkollhom verifiki enerġetiċi, u dan huwa obbligatorja kull erba’ snin għal dawk li mhumiex SMEs. L-Istati Membri huma rikkjesti li jiżviluppaw programmi biex iħeġġu lill-SMEs biex iwettqu verifiki tal-enerġija u biex jissensibilizzaw lill-familji dwar il-benefiċċji ta’ tali verifiki. Permezz tal-identifikazzjoni ta’ possibiltajiet ta’ ffrankar tal-enerġija, il-verifiki tal-enerġija se jservu ta’ bażi għall-iżvilupp ta’ suq għas-servizzi tal-enerġija.

L-informazzjoni dwar il-konsum enerġetiku hija kruċjali biex il-klijenti jagħmlu deċiżjonijiet infurmati dwar il-provvista u l-użu tal-enerġija. Għaldaqstant, id-Direttiva tinkludi rekwiżiti dettaljati dwar il-metraġġ u l-ħruġ ta’ kontijiet għall-klijenti finali.

Madwar 30 % tal-enerġija primarja tal-UE tintuża mis-settur tal-enerġija, l-aktar għat-trasformazzjoni tal-enerġija għall-elettriku u t-tisħin u għad-distribuzzjoni. Għaldaqstant id-Direttiva għandha l-għan li timmassimizza l-effiċjenza tal-grilja u tal-infrastruttura u li tippermetti u tippromwovi t-tweġiba għad-domanda u tistabbilixxi obbligi u l-inkoraġġiment għall-użu ikbar ta’ koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja u għat-tisħin u t-tkessiħ distrettwali.

L-effiċjenza fl-enerġija hija waħda mill-mezzi l-aktar kost-effettivi għat-titjib fis-sigurtà tal-forniment tal-enerġija, u għat-tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra u sustanzi oħrajn li jniġġsu. Is-sistema tal-enerġija u s-soċjetà kollha kemm hi jeħtieġ li jsiru ħafna iktar effiċjenti fl-enerġija. It-titjib tal-effiċjenza fl-enerġija hija prijorità fix-xenarji kollha tad-dekarbonizzazzjoni ppreżentati fil-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050 u għalhekk l-attenzjoni għandha tibqa' primarjament iffukata fuq l-effiċjenza fl-enerġija anki f’dan il-kuntest.

Analiżi ta’ tendenzi f’indikaturi prinċipali tissuġġerixxi li, bil-politiki tal-effiċjenza tal-enerġija b’saħħithom u l-implimentazzjoni sħiħa tal-EED, l-UE tista’ terġa' taqbad it-triq biex tilħaq il-mira tagħha fl-2020. Jekk dan jinkiseb, kull sena sal-2020, l-ispejjeż tal-enerġija tad-djar u l-industriji Ewropej ikunu madwar € 38 biljun inqas, il-ħtieġa għall-investiment fil-ġenerazzjoni tal-enerġija u d-distribuzzjoni jkun madwar € 6 biljun inqas u jkun hemm madwar € 24 biljun investiti fit-titjib fid-djar u l-uffiċini tagħna, fil-provvediment ta’ vantaġġ kompetittiv għall-industriji tagħna u l-ħolqien ta' impjiegi lokali.

3.           Dokumenti ta’ ħidma tal-persunal bi gwida aktar dettaljata dwar id-dispożizzjonijiet tal-EED

Il-maġġoranza tad-dispożizzjonijiet tal-EED għandhom jiġu trasposti fil-liġi nazzjonali sal-5 ta' Ġunju 2014. Għall-Artikolu 7 l-Istati Membri jridu jibagħtu l-miżuri pjanati tal-politika lill-Kummissjoni sal-5 ta’ Diċembru 2013. L-użu tal-appoċċ alternattiv mill-Istati Membri fl-Artikolu 5(6) u l-eżenzjonijiet għar-rekwiżiti tal-Artikolu 14(5) għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2013.

Peress li l-effiċjenza tal-enerġija tiddependi fuq diversi azzjonijiet fuq skala żgħira, id-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija fiha dispożizzjonijiet kumplessi u dettaljati, ħafna drabi ta’ natura teknika ħafna. Il-Kummissjoni hija mħassba li taħdem mill-qrib mal-Istati Membri fit-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva, u għal dan l-għan, ħejjiet seba’ Dokumenti ta’ Ħidma tal-Persunal (DĦP), li jispjegaw f’aktar dettall kif, fl-opinjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni, ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva għandhom jinqraw u kif jistgħu jiġu applikati l-aħjar. Dawn id-DĦP ma jibdlux l-effetti legali tad-Direttiva u huma mingħajr preġudizzju għal interpretazzjoni li torbot tad-Direttiva kif mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja. Id-dokumenti jittrattaw suġġetti fid-Direttiva li huma legalment kumplessi, eżiġenti biex jiġu trasposti u għandhom potenzjal għoli f’termini ta’ impatt fuq l-effiċjenza enerġetika. Dawn jikkonċernaw l-Artikoli 5-11, 14 u 15 tal-EED, li jinkludu dispożizzjonijiet dwar bini tal-gvern ċentrali, l-akkwist pubbliku, l-obbligi u l-alternattivi tal-effiċjenza enerġetika, il-verifiki tal-enerġija, il-metraġġ u l-ħruġ tal-kontijiet, il-koġenerazzjoni u l-grilji u t-tweġiba għad-domanda. Għandu jiġi nnutat li l-EED fiha rekwiżiti minimi u li, skont l-Artikolu 1(2), l-Istati Membri jistgħu jintroduċu miżuri aktar stretti kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni.

Id-DĦP dettaljati se jkun marbuta ma’ din il-Komunikazzjoni u sommarju qasir tal-kwistjonijiet ewlenin huwa mogħti hawn taħt.

Peress li t-traspożizzjoni sħiħa tal-EED f’ordnijiet legali nazzjonali tirrikjedi ppjanar fit-tul, il-Kummissjoni qiegħda tippubblika din il-Komunikazzjoni u d-DĦP ta' magħha qabel id-data ta' għeluq tat-traspożizzjoni tad-Direttiva.

3.1.        Gwida dwar l-Artikolu 5 (Ir-rwol eżemplari tal-bini tal-gvern ċentrali)

L-Artikolu 5 jirrikjedi li kull sena l-gvernijiet ċentrali tal-Istati Membri jirrinnovaw 3 % tal-erja totali tal-art tal-binjiet li huma jippossjedu u jokkupaw li ma jilħqux ir-rekwiżiti ta’ effiċjenza minimi stabbiliti skont id-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija 2010/31/KE mill-inqas għal-livelli ta' effiċjenza li huma stabbilew fl-applikazzjoni ta' dik id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u jagħmlu pubblikament disponibbli inventarju tal-bini kollu rilevanti tal-gvern ċentrali sal-31 ta’ Diċembru 2013. Jekk Stat Membru jirrinova aktar minn 3 % tal-erja totali tal-art tal-bini tal-gvern ċentrali, dan jista' jingħadd bħala parti mill-obbligi tagħha f’kull waħda mit-tliet snin preċedenti jew mit-tliet snin sussegwenti. Bħala alternattiva għar-rekwiżit li jirrinnovaw 3 % tal-ispazju totali tal-art tal-bini tal-gvern ċentrali, l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri kost-effettivi oħra li jiksbu tal-anqas livell ekwivalenti ta’ ffrankar tal-enerġija fil-bini tal-gvern ċentrali tagħhom. L-ammont ta’ ffrankar tal-enerġija meħtieġ skont l-approċċ alternattiv hija kumulattiva, li jfisser li l-Istati Membri huma meħtieġa jilħqu s-somma ta’ frankar annwali tal-enerġija tul il-perjodu kollu bejn l-2014 u l-2020, irrispettivament mill-iffrankar miksub f’kull sena individwali matul dak il-perjodu. L-Istati Membri jistgħu jużaw stimi biex jiġi stabbilit il-livell meħtieġ ta’ tfaddil.

Għad-determinazzjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tal-obbligu skont l-Artikolu 5, id-definizzjoni ta’ “gvern ċentrali” mogħtija fl-Artikolu 2(9) tal-EED hija kruċjali. 'Gvern ċentrali' tfisser 'id-dipartimenti amministrattivi kollha li l-kompetenzi tagħhom testendi fuq it-territorju kollu ta' Stat Membru'. B’segwitu għal din id-definizzjoni, l-Istati Membri jistgħu jirreferu għall-Anness IV tad-Direttiva dwar l-Akkwist Pubbliku[12], li tinkludi elenku ta’ korpi tal-gvern ċentrali fl-Istati Membri kollha, kif ukoll għad-definizzjoni tal-gvern ċentrali li tinsab fil-Gwida għar-Regolament tal-Kunsill 479/2009/KE dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv. Għall-Istati Membri bi struttura federali l-aħħar sentenza tal-premessa 17 tal-EED hija rilevanti.

Id-DĦP dwar l-Artikolu 5 jistipula kriterji u referenzi possibbli għall-istabbiliment ta' liema bini jaqa’ fil-kamp ta' applikazzjoni tal-obbligu. Dan jagħti wkoll eżempji prattiċi ta’ kif it-3 % mira ta' tiġdid u l-obbligu skont l-approċċ alternattiv jistgħu jiġu stabbiliti u milħuqa.

3.2.        Gwida dwar l-Artikolu 6 (Ix-xiri mill-korpi pubbliċi)

Id-Direttiva dwar l-Akkwist Pubbliku 2004/18/KE tistabbilixxi l-qafas dwar l-akkwisti u għandha l-għan li tiżgura prinċipji bħalma huma l-kompetizzjoni ġusta u l-kisba tal-aħjar valur għall-flus tal-kontribwenti. Dan iħalli għal leġiżlazzjoni speċifika, bħall-EED, kwalunkwe definizzjoni ta’ x’għandu jinxtara. L-Artikolu 6 tal-EED jirrikkjedi, taħt ċerti kundizzjonijiet, li l-gvernijiet ċentrali jixtru prodotti, servizzi u bini bi prestazzjoni għolja fl-effiċjenza enerġetika definiti permezz ta’ atti leġiżlattivi tal-UE, bħad-Direttiva dwar it-Tikkettar tal-Enerġija[13] u regolamenti delegati li jissupplimentaw, id-Direttiva dwar l-Ekodisinn[14] u r-regolamenti implimentattivi tagħha, id-Direttiva dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija jew il-Programm Energy Star. L-Anness III tal-EED jistabbilixxi elenku ta’ rekwiżiti għall-effiċjenza enerġetika definiti f’dawn l-atti tal-UE.

Id-DĦP jiċċara d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-atti tal-UE msemmija fl-Anness III fir-rgward tal-akkwist pubbliku. Hawnhekk ukoll id-definizzjoni ta’ “gvern ċentrali” hija kruċjali għad-determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligi tal-akkwist pubbliku.

L-obbligu tal-akkwist pubbliku hija kondizzjonali fuq elementi bħall-kosteffettività, l-idoneità teknika u s-sostenibbiltà usgħa. Id-DĦP jispjega dawn il-“kundizzjonalitajiet”, pereżempju d-differenza bejn l-kosteffettività taċ-ċiklu tal-ħajja u l-vijabbiltà ekonomika, u f’liema ċirkustanzi l-Istati Membri jistgħu japplikawhom. Dan jagħti wkoll kriterji possibbli li abbażi tagħhom l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu liema entitajiet huma koperti permezz tal-obbligi tal-akkwist pubbliku.

3.3.        Gwida dwar l-Artikolu 7 (Obbligi dwar l-effiċjenza enerġetika u alternattivi)

L-Artikolu 7 huwa responsabbli għal nofs l-iffrankar tal-enerġija li l-EED għandha tikseb. Din hija kumplessa u xi dispożizzjonijiet[15] għandhom jibdew japplikaw qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ traspożizzjoni tal-EED. .

Dan l-Artikolu jirrikjedi li l-Istati Membri jistabbilixxu skemi dwar l-obbligi tal-effiċjenza enerġetika jew li jużaw miżuri ta’ politika alternattivi biex jiksbu ċertu ammont immirat ta’ ffrankar tal-enerġija mal-klijenti finali. L-iffrankar tal-enerġija li għandu jinkiseb permezz tal-iskemi tal-obbligi tal-effiċjenza enerġetika u miżuri alternattivi skont il-paragrafu 9 għandhom ikunu mill-inqas ekwivalenti għall-kisba ta’ ffrankar ġdid ta’ 1.5 % kull sena mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2020 tal-bejgħ annwali tal-enerġija lill-klijenti finali tad-distributuri tal-enerġija kollha jew il-kumpaniji kollha tal-bejgħ tal-enerġija fil-livell tal-klijent li bil-volum fuq il-medja tal-2010, 2011 u 2012. Id-DĦP jispjega kif dan l-ammont immirat ġenerali ta' frankar ġdid u kumulattiv ta’ enerġija li għandu jintlaħaq matul il-perjodu tal-obbligu 2014-2020 għandu jiġi kkalkulat, u jiċċara liema settijiet ta’ dejta statistiċi jistgħu jintużaw. Barra minn hekk, dan l-ammont jista’ jitnaqqas mill-Istati Membri sa 25 % bl-użu ta’ erba’ possibbiltajiet speċifiċi, jiġifieri billi jintużaw rati iktar baxxi għat-tfaddil, li jeskludu parzjalment jew b'mod sħiħ l-industriji ETS, li jippermettu ċertu frankar min-naħa tal-provvista jew l-għadd tal-iffrankar enerġetiku minn azzjoni bikrija mill-31 ta’ Diċembru 2008 li jkun għadhom iwasslu impatt fl-2020. Id-DĦP jispjega kif dawn il-possibbiltajiet stabbiliti fl-Artikolu 7(2) jistgħu jintużaw.

Id-DĦP jagħti eżempji tat-tipi ta’ miżuri ta' politika u l-iffrankar tal-enerġija li jirriżulta minnhom li jistgħu jiġu kkunsidrati. Id-DĦP jiġbed ukoll l-attenzjoni lejn il-metodi u l-prinċipji stabbiliti fl-Anness V tal-EED li jeħtieġu li jkunu segwiti fil-kalkolu tal-iffrankar tal-enerġija.

Hekk kif huwa meħtieġ frankar “ġdid”, mhux kull ħaġa li l-Istati Membri għamlu f'kull żmien fil-qasam tal-effiċjenza enerġetika mil-lat tal-użu finali tista' tingħadd għall-għanijiet tal-Artikolu 7. Id-DĦP jispjega li l-iffrankar tal-enerġija miksub minn azzjonijiet individwali fi ħdan il-perjodu tal-obbligu (jiġifieri mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2020) jistgħu jiġu magħduda, anki jekk il-miżura ta’ politika li wasslet għall-azzjonijiet ġiet adottata/introdotta qabel l-1 ta’ Jannar 2014. F’termini ta’ traspożizzjoni u implimentazzjoni, sal-5 ta’ Diċembru 2013, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni l-metodoloġija dettaljata pjanata, proposta jew legalment definita għat-tħaddim tagħhom tal-iskema ta’ obbligi ta’ effiċjenza enerġetika, kif ukoll il-miżuri ta’ politika li huma jippjanaw bħala miżuri alternattivi.

Għandu jiġi mfakkar li l-Istati Membri huma rikkjesti li jistabbilixxu regoli dwar pieni effettivi, proporzjonati u disswassivi applikabbli fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont dan l-Artikolu (l-Artikolu 13 EED).

3.4.        Gwida dwar l-Artikolu 8 (Il-Verifiki tal-Enerġija u s-Sistemi ta' Ġestjoni tal-Enerġija)

L-Artikolu 8 jimponi żewġ obbligi prinċipali fuq l-Istati Membri: li jippromwovu d-disponibbiltà ta’ verifiki tal-enerġija fost il-klijenti finali fis-setturi kollha u biex jiġi żgurat li l-intrapriżi li mhumiex SMEs iwettqu verifiki tal-enerġija mill-inqas kull erba’ snin. Il-verifiki għandhom ikunu kost-effettivi u mwettqa minn esperti kwalifikata/akkreditati jew sorveljati minn awtoritajiet indipendenti.

L-EED jiddefinixxi “SMEs” permezz ta' referenza għar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE u d-DĦP jispjega l-elementi tad-definizzjoni kif stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni (inqas minn 250 impjegat, fatturat annwali li ma jaqbiżx l-EUR 50 miljun, u/jew total annwali tal-karta tal-bilanċ li ma jaqbiżx l-EUR 43 miljun). Japplikaw regoli nazzjonali tax-xogħol rigward id-definizzjoni ta’ ‘impjegati’. Id-DĦP jispjega li skont id-definizzjoni tal-UE, intrapriża f’pajjiż wieħed għandha tiddetermina jekk hix sieħba jew marbuta ma’ intrapriża f’pajjiż ieħor. Dan ikun il-każ jekk intrapriża ikollha iktar minn 25 % tal-kapital jew tad-drittijiet tal-vot f’intrapriża oħra[16] (jew viċi versa) u f’dan il-każ in-numru totali ta’ impjegati tas-sieħeb/sieħba jew kumpaniji marbuta għandhom jiġu analizzati biex ikun verifikat jekk l-intrapriżi humiex SMEs jew le.

L-applikazzjoni ta’ din id-definizzjoni fil-prattika teħtieġ, pereżempju, il-konsiderazzjoni ta’ dejta konsolidata dwar kull intrapriża, inkluż fi Stati Membri oħra u barra l-Ewropa, sabiex jiżguraw definizzjoni u trattament armonizzati madwar l-UE. Id-DĦP jagħti eżempji ta’ miżuri, bħal reġistri tal-SMEs, reġistri pubbliċi ta’ kumpaniji skont id-daqs, eċċ., li jistgħu jkunu utli fl-identifikazzjoni ta' liema intrapriżi jaqgħu taħt l-obbligu tal-verifika enerġetika.

Bħala riżultat, friegħi żgħar fi Stat Membru wieħed jista’ jkollhom il-ħtieġa li jwettqu verifika tal-enerġija kull erba’ snin minħabba li ma jaqgħux taħt id-definizzjoni ta’ SME u għaldaqstant jaqgħu taħt il-kategorija ta’ intrapriżi kbar. Dan m’għandux jitqies bħala piż żejjed jew sproporzjonat[17] għax fuq naħa dawn l-intrapriżi jista' jkun li jkunu qegħdin jimplimentaw sistemi ta’ ġestjoni tal-enerġija u għaldaqstant jiġu eżentati minn dan l-obbligu ta’ verifika jew jista’ jkollhom arranġamenti fejn il-fergħa tista’ tkun mgħejuna bil-verifika, pereżempju minn esperti interni tal-kumpanija ewlenija; u min-naħa l-oħra, minħabba li l-verifika tal-enerġija inkwistjoni x’aktarx ikollha kamp ta' applikazzjoni u spiża iktar limitati.

Id-DĦP jispjega l-flessibbiltà stipulata fl-Artikolu 8 biex jiġu ssodisfati l-obbligi ta’ verifika. Għaldaqstant, l-intrapriżi kbar li jimplimentaw sistemi ta’ ġestjoni tal-enerġija jew ambjentali huma eżenti mir-rekwiżit ta’ verifiki tal-enerġija kull erba’ snin. Intrapriżi kbar li jimplimentaw verifiki tal-enerġija taħt ftehimiet volontarji (b’sorveljanza xierqa) huma kkunsidrati li jissodisfaw ir-rekwiżit tal-enerġija regolari tal-verifika.

Għall-fini li tiġi garantita l-kwalità għolja tal-verifiki tal-enerġija u s-sistemi tal-ġestjoni tal-enerġija, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu rekwiżiti minimi għall-verifiki tal-enerġija bbażati fuq l-Anness VI tal-EED, u d-DĦP jagħti eżempji prattiċi tal-livell ta’ dettall li verifika tal-enerġija għandha tinkludi. In-nota ta’ gwida tispjega wkoll kif is-sistemi ta’ verifika tal-EED jirrigwardaw l-valutazzjoni tal-akkreditazzjoni u tal-konformità, hekk kif irregolat mir-Regolament (KE) Nru 765/2008.

Għandu jiġi mfakkar li, bħal fil-każ tal-Artikolu 7, l-Istati Membri huma rikkjesti li jistabbilixxu regoli dwar il-penali applikabbli f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati għal verifiki tal-enerġija.

3.5.        Gwida dwar l-Artikoli 9-11 (Informazzjoni dwar il-metraġġ u l-ħruġ tal-kontijiet)

L-Artikolu 9 jirrikjedi li l-klijenti finali tal-elettriku, tal-gass naturali, tat-tisħin distrettwali, tat-tkessiħ distrettwali u tal-ilma sħun għandu jkollhom arloġġi individwali bi prezz kompetittiv li jirrifletti b’mod preċiż il-konsum tal-enerġija tagħhom u tipprovdi informazzjoni dwar iż-żmien ta’ użu tal-enerġija tagħhom (b’eċċezzjonijiet ibbażati fuq raġunijiet tekniċi u finanzjarji). Id-dispożizzjonijiet tal-EED dwar l-informazzjoni dwar il-metraġġ u l-ħruġ tal-kontijiet jieħdu f’idejhom u jagħmlu aktar effettivi uħud mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva iktar bikrija 2006/32/KE dwar effiċjenza fl-użu finali tal-enerġija u dwar servizzi tal-enerġija (li l-biċċa l-kbira tagħhom se jiġu revokati permezz tal-EED fil-5 ta’ Ġunju 2014). Mill-31 ta’ Diċembru 2016, il-ħtieġa għall-provvista ta’ arloġġi għall-konsum individwali lill-klijenti finali tat-tisħin u t-tkessiħ se testendi għal binjiet b’aktar minn appartament wieħed u b'iktar minn skop wieħed b’sors ċentrali ta’ tisħin/tkessiħ jew fornuti minn sors ċentrali li jaqdi diversi binjiet (b’eċċezzjonijiet ibbażati fuq raġunijiet tekniċi u finanzjarji).

In-nota ta' gwida tagħmilha ċara li l-Artikolu 9 ma jirrikkjedix l-introduzzjoni ta' sistemi ta' arloġġi Smart (dan huwa indirizzat fid-Direttivi tat-Tielet Pakkett: 2009/72/KE u 2009/73/KE), iżda tiċċara li jekk Stati Membri jintroduċu l-metraġġ Smart, imbagħad diversi obbligi jkunu japplikaw skont l-Artikolu 9(2), bħal li l-arloġġi Smart għandhom ikunu kapaċi jikkalkulaw l-elettriku fornut lill-grilja mill-fond tal-klijent. Dan jistabbilixxi wkoll il-valutazzjoni li “klijent finali” jistgħu jinkludu mhux biss il-persuna li tuża l-enerġija iżda wkoll persuna jew organizzazzjoni bħal kooperattiva ta’ sidien f’bini b’aktar minn appartamenti wieħed, li tixtri l-enerġija kollettivament. L-Artikolu 10 jitlob li l-klijenti finali b’arloġġi individwali tradizzjonali għandhom normalment ikunu infurmati mill-inqas kull 6 xhur kemm ġie l-kont għall-enerġija li huma użaw fl-aħħar perjodu — kull 3 xhur jekk jistaqsu għaliha jew joħorġilhom kont elettronikament.

Fejn arloġġi Smart tal-elettriku/gass huma disponibbli, l-Artikolu 10 jagħti lill-klijenti finali dritt għal informazzjoni dettaljata dwar il-konsum tal-enerġija tagħhom taħt il-kuntratt ta’ forniment attwali tagħhom għas-sentejn ta’ qabel, u (b’eċċezzjonijiet) għal paragun mal-konsum ta’ utent tipiku.

L-Artikolu 11 jagħti d-dritt lill-klijenti finali li jirċievu kontijiet u informazzjoni dwar kif jinħadmu l-kontijiet għall-konsum tal-enerġija tagħhom mingħajr ħlas.

Għandu jiġi mfakkar li l-Istati Membri huma rikkjesti li jistabbilixxu regoli dwar pieni effettivi, proporzjonati u disswassivi applikabbli fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont dan l-Artikoli 9 sa 11 (l-Artikolu 13 EED).

3.6.        Gwida dwar l-Artikolu 14 (Il-promozzjoni tal-effiċjenza fit-tisħin u fit-tkessiħ)

L-Artikolu 14 jestendi l-kamp ta' applikazzjoni u jissostitwixxi d-dispożizzjonijiet sostantivi tad-Direttiva 2004/8/KE dwar il-promozzjoni tal-koġenerazzjoni. Il-gwida tikkonċerna biss l-aspetti l-ġodda introdotti permezz tal-EED.

L-Istati Membri huma rikkjesti li jippreparaw valutazzjoni komprensiva biex jidentifikaw il-potenzjal kost-effettiv ta’ koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja u għal tisħin u tkessiħ distrettwali effiċjenti, filwaqt li jqisu l-kundizzjonijiet klimatiċi, il-vijabbiltà ekonomika u l-adegwatezza teknika. Din il-valutazzjoni għandha tkun innotifikati lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2015. Abbażi tal-potenzjal identifikat, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jimplimentaw il-potenzjal kost-effettiv tal-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja u t-tisħin u t-tkessiħ distrettwali effiċjenti. Fil-valutazzjoni l-Istati Membri għandhom jagħtu tagħrif dwar il-miżuri, l-istrateġiji u l-politiki li jistgħu jiġu adottati biex jinkiseb il-potenzjal għall-koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja sal-2020 u l-2030. Għall-ġenerazzjoni tal-elettriku u l-installazzjonijiet industrijali ‘l fuq minn 20 MW hemm obbligu biex titħejja analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji fuq il-vijabbiltà tal-koġenerazzjoni, l-irkupru tas-sħana mitlufa jew il-konnessjoni tan-netwerk tat-tisħin distrettwali meta dawn jinbnew jew jiġu rinnovati b'mod sostanzjali. Ir-riżultati tal-analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji għandha tkun riflessa fl-awtorizzazzjonijiet jew il-permessi tal-istallazzjonijiet.

Ir-rekwiżiti għall-kontenut ta’ valutazzjoni komprensiva u għall-metodoloġija tal-analiżi tal-benefiċċji meta mqabbla mal-ispejjeż u eżenzjonijiet possibbli mill-obbligi għall-istallazzjonijiet huma spjegati fid-dettall fid-DĦP.

3.7.        Gwida dwar l-Artikolu 15 (It-trasformazzjoni, it-trażmissjoni u d-distribuzzjoni tal-enerġija)

L-Artikolu 15 jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-enerġija, l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni u l-operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni jimmassimizzaw l-potenzjal tal-effiċjenza fl-enerġija tal-grilji intelliġenti, jivvalutaw u jtejbu l-effiċjenza enerġetika fid-diżinn u t-tħaddim tal-infrastruttura tal-gass u tal-elettriku u jiżguraw li t-tariffi u r-regolamenti jissodisfaw kriterji tal-effiċjenza enerġetika speċifiċi u li ma jxekklux it-tweġiba għad-domanda. Sat-30 ta’ Ġunju 2015 l-Istati Membri għandhom jivvalutaw il-potenzjal tal-effiċjenza enerġetika tal-infrastruttura tal-gass u l-elettriku tagħhom u jidentifikaw miżuri konkreti biex itejbu l-effiċjenza enerġetika fin-netwerk infrastrutturali tagħhom. Dan l-Artikolu jistipula pijoritajiet ta' aċċess u dispaċċ għall-produzzjoni ta' elettriku u sħana fl-istess ħin (CHP - combined heat and power) u jpoġġi riżorsi min-naħa tad-domanda, b’mod partikolari it-tweġiba għad-domanda, fuq livell ugwali mal-provvista fir-rigward tal-parteċipazzjoni fis-swieq bl-ingrossa u bl-imnut. Dan speċifikament jippromwovi l-aċċess għal u l-parteċipazzjoni ta’ tweġiba għad-domanda fl-ibbilanċjar, ir-riżerva u servizzi oħra, u jirrikkjedi li l-modalitajiet tekniċi jew kontrattwali għall-parteċipazzjoni jiġu definiti, inkluża l-parteċipazzjoni tal-aggregaturi u fornituri tas-servizz tat-tweġiba għad-domanda.

4.           KONKLUŻJONI

L-effiċjenza enerġetika hija kwistjoni kumplessa u esiġenti f’termini ta’ kapaċità governattiva. Politikament, jista’ jkun hemm qabża bejn l-impenji magħmula mill-Istati Membri u t-twassil. Id-Direttiva dwar l-effiċjenza enerġetika tagħti struttura legali superjuri ġdida għall-għanijiet tal-effiċjenza enerġetika li ġew maqbula fil-livell Ewropew. Sal-lum, l-implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni eżistenti dwar l-effiċjenza enerġetika hija biss parzjali. L-EED jissostitwixxi u jssaħħaħ żewġ Direttivi dwar l-effiċjenza fl-enerġija (2004/8/KE dwar il-koġenerazzjoni u 2006/32/KE dwar is-servizzi enerġetiċi) u torbot mal-obbligi diġà stabbiliti fid-Direttiva 2009/125/KE dwar l-Ekodisinn, id-Direttiva 2010/30/UE dwar it-tikkettar tal-enerġija u d-Direttiva 2010/31/UE dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija). Kif imsemmi fil-Parti 2 hawn fuq, fl-2014 il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress lejn il-mira għall-2020, u din il-valutazzjoni tista’ tinkludi proposti għal aktar miżuri jekk ikun meħtieġ. Huwa ttamat li din il-Komunikazzjoni u d-dokument DĦP se jgħinu lill-Istati Membri fit-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tal-miżuri ambizzjużi li qablu dwarhom fid-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika.

[1]               Kuntrarju għaż-żewġ miri l-oħra, din il-mira ma ġietx tradotta fi strument legalment vinkolanti.

[2]               COM(2010) 2020 finali.

[3]               Il-valutazzjoni tal-impatt tal-Pjan għall-Effiċjenza fl-Enerġija (SEC/2011/277)

[4]               Id-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE (dwar l-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija) u 2010/30/UE (dwar it-tikkettar u standards għall-prodotti) u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE (dwar il-promozzjoni tal-koġenerazzjoni) u 2006/32/KE (dwar l-effiċjenza fl-użu finali tal-enerġija u dwar servizzi ta' enerġija).

[5]               Ara l-Artikolu 28(1).

[6]               Miljun tunnellata ta’ekwivalenti f'żejt

[7]               Ċifri aġġornati biex iqisu l-adeżjoni tal-Kroazja mal-UE fl-1 ta’ Lulju 2013

[8]               Għal lista tal-miri nazzjonali u evalwazzjoni, jekk jogħġbok ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (COM (2013) finali xxx) dwar "Progress ġenerali lejn l-għanijiet tal-effiċjenza enerġetika fl-UE”

[9]               B’mod partikolari f’COM (2013) 350 finali u fl-iskeda Tematika dwar il-MIRI TAL-EWROPA 2020: it-tibdil fil-klima u l-enerġija

[10]             Għaż-żewġ Stati Membri (is-Slovenja u l-Kroazja) li ma tawx tagħrif dwar kif il-miri tagħhom isarrfu f'enerġija primarja u finali fl-2020, id-dejta storika dwar l-użu tal-enerġija tagħhom għall-2010 ġiet użata għall-kalkulazzjonijiet (http://ec.europa.eu/energy/efficiency/eed/reporting_en.htm ).

[11]             L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2010/31/UE

[12]             Direttiva 2004/18/KE

[13]             Id-Direttiva 2010/30/UE

[14]             Direttiva 2009/125/KE

[15]             L-Artikolu 7(9) & l-Anness V (4); L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, sal-5 ta’ Diċembru 2013, il-miżuri ta’ politika li biħsiebhom jadottaw

[16]             B’mod ġenerali, bosta SMEs huma awtonomi billi jew huma kompletament indipendenti jew għandhom sħab minoritarju wieħed jew iktar (kull wieħed inqas minn 25 %) ma’ intrapriżi oħra. Jekk dik l-azjenda titla’ għal mhux aktar minn 50 %, ir-relazzjoni hi meqjusa li tkun bejn intrapriżi sħab. 'Il fuq minn dak il-limitu, l-intrapriżi huma marbuta.

[17]             L-Anness VI(d) jirrikjedi verifiki tal-enerġija li jkunu "proporzjonati". Il-prinċipju tal-proporzjonalità jimplika ttestjar li miżura jew mezz leġiżlattivi jew amministrattivi huma xierqa u meħtieġa biex jilħqu jew jiksbu mira jew għan speċifiku. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tapplika l-prinċipju ta’ proporzjonalità meta din tibbilanċja miżuri leġiżlattivi kontra interessi privati, id-drittijiet individwali u l-libertajiet fundamentali.

Top