EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012DC0299

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW, LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI U LILL-BANK EWROPEW TAL-INVESTIMENT AZZJONI GĦALL-ISTABBILTÀ, GĦAT-TKABBIR U GĦALL-IMPJIEGI

/* COM/2012/0299 final - 2012/ () */

52012DC0299

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW, LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI U LILL-BANK EWROPEW TAL-INVESTIMENT AZZJONI GĦALL-ISTABBILTÀ, GĦAT-TKABBIR U GĦALL-IMPJIEGI /* COM/2012/0299 final - 2012/ () */


1. Introduzzjoni

Il-kriżi, li issa qed tolqot tant partijiet mill-Ewropa, dgħajfet il-fiduċja fil-kapaċità tas-sistema politika u ekonomika Ewropea li jirnexxielha tilħaq l-ambizzjoni tat-Trattat tal-UE għal "żvilupp sostenibbli... ibbażat fuq tkabbir ekonomiku bbilanċjat." Ħafna miċ-ċittadini tagħna jinsabu rrabjati u skunċertati kif perjodu twil ta' standards ta' għajxien li qed jogħlew, irriżulta f'daqshekk qasir żmien, fi kriżi finanzjarja enormi, f'nuqqas kbir ta' impjiegi u fi prospetti ta' livelli għolja ta' dejn għal ħafna snin oħra. Id-djun, id-defiċits u l-iżbilanċi li qed tikkonfronta l-UE llum il-ġurnata, ma nħolqux mil-lejl għan-nhar iżda akkumulaw matul is-snin u l-konsegwenzi soċjali tagħhom huma mifruxa ferm. Dan huwa żmien ta' prova għall-gvernijiet nazzjonali u għall-UE. Uħud mid-diffikultajiet attwali tagħna mxew għal ġol-UE minħabba l-kriżi finanzjarja. Uħud minnhom nibtu minnha stess. Bħalissa l-importanti huwa li r-rispons tagħna jkun ta' kwalità u li jkun effettiv.

Il-kriżi finanzjarja u ekonomika enfasizzat l-interdipendenza bejn l-ekonomiji kollha tal-UE, u bejn l-UE u ekonomiji dinjin oħra. Hija żvelat ukoll lakuni, nuqqasijiet u żbilanċi sinifikanti fit-tfassil tal-politiki f'livell globali, f'livell tal-UE kif ukoll f'livell nazzjonali. Minn meta feġġet il-kriżi, l-UE u l-Istati Membri tagħha bdew jaħdmu bis-sħiħ biex jagħmlu bidliet radikali fil-mudell ekonomiku tal-UE u biex jerġgħu jistabbilixxu l-kompetittività tagħha. Kif qalet il-Kummissjoni fil-Pjan Direzzjonali għall-Istabbiltà u t-Tkabbir tagħha ta' Ottubru 2011[1], dan kien ifisser li:

· Isir frontloading tal-politiki dwar it-tisħiħ tal-istabbiltà u tat-tkabbir sabiex jerġa' jkun hemm tkabbir sostenibbli u livelli għolja ta' impjiegi fl-UE.

· Tinbena governanza ekonomika iktar soda u iktar integrata biex l-iżbilanċi jinqabdu aktar malajr u b'hekk jiġu korretti minn kmieni, waqt li l-politiki nazzjonali jitpoġġew taħt sorveljanza aktar b'saħħitha fil-livell tal-UE biex jirriflettu r-realtà li s-saħħa u l-prosperità ta' kull Stat Membru huma marbuta ma' dawk tal-Istati Membri l-oħrajn kollha.

· Tissaħħaħ is-sistema bankarja, billi jkun hemm insistenza li l-banek juru l-firxa tad-dejn kollu tagħhom, jittrattaw id-djun li għandhom mhux imħallsa u jirristrutturaw il-mudelli kummerċjali tagħhom sabiex fil-futur ikunu jistgħu jsellfu lil negozji u unitajiet domestiċi mingħajr ma jkun hemm bżonn ta' salvataġġi finanzjarji ffinanzjati mill-kontribwenti fuq l-introjtu.

· Jingħata rispons deċiżiv għall-problemi tal-Greċja permezz ta' żewġ pakketti finanzjarji kbar u li jingħata appoġġ intensiv għal tkabbir li jkun orjentat lejn programm għall-irkupru.

· Jissaħħu s-salvagwardji finanzjarji taż-żona tal-Euro billi jinħolqu modi ġodda ta' kif jingħata l-appoġġ lill-Istati Membri li jkollhom livelli għolja ħafna ta' dejn filwaqt li dawn jistabbilixxu mill-ġdid il-finanzi pubbliċi tagħhom, billi jsibu bilanċ bejn id-dħul u l-infiq tagħhom bil-għan li fil-futur jaslu li jħallsu għas-servizzi soċjali, għall-kura tas-saħħa, għall-pensjonijiet, għall-edukazzjoni u għall-infrastruttura pubblika.

Permezz tal-Pjan Direzzjonali segwenti, għamilna progress sod iżda irregolari. Jidher biċ-ċar li, wara t-tnaqqis fir-ritmu tal-attività ekonomika sar ibbilanċjar mill-ġdid fl-ekonomija tagħna, kien hemm tnaqqis tad-defiċits kbar tal-kontijiet kurrenti li ilhom jakkulumaw sa mill-2007/8, sar aġġustament fil-pagi b'tali mod li għolew f'pajjiżi li għandhom surplus u li naqsu f'pajjiżi b'defiċit u fil-prezzijiet tad-djar f'diversi Stati Membri biex reġgħu laħqu livelli li jikkonformaw aktar mal-kundizzjonijiet ekonomiċi sottostanti. Permezz tal-appoġġ ipprovdut mis-sistema l-ġdida tal-governanza ekonomika tal-UE, il-proċess iebes ta' stabilizzazzjoni u ta' riforma se jirriżulta f'ekonomija tal-UE ġdida u aktar b'saħħitha.

Tkabbir dejjiemi u sostenibbli u standards ta' għajxien ogħla jistgħu biss jinkisbu jekk fil-bażi tagħhom ikun hemm finanzi pubbliċi stabbli, riforma strutturali profonda u investiment immirat. Iżda l-isfidi li dawn iġibu magħhom jistgħu jiġu kkonfrontati biss jekk ikun hemm tkabbir suffiċjenti li jagħti sostenn lil dan il-proċess. Ma hemm l-ebda kontradizzjoni bejn stabbiltà u tkabbir; huma ż-żewġt uċuħ tal-istess munita. Jeħtieġ li l-Istati Membri jikkonfrontaw in-nuqqas ta' fiduċja li hemm bħalissa fl-ekonomija b'riformi kuraġġużi li jreġġgħu lura t-tendenza negattiva fil-kompetittività tagħna. Jeħtieġ li naġixxu mal-ewwel biex innaqqsu l-lakuni allarmanti li hemm fil-kompetittività fl-UE u fiż-żona tal-Euro. Minkejja li l-UE, bħala entità sħiħa, kienet kapaċi żżomm sehemha fil-kummerċ dinji, jeħtieġ li nindirizzaw ukoll it-tendenza negattiva fil-kompetittività internazzjonali u t-telf tas-sehem fis-suq, li jidhru ċar mill-prestazzjoni ta' għadd ta' Stati Membri.

Fuq perjodu ta' żmien qasir, in-nies għandhom bżonn li jkollhom it-tama u l-perspettiva ta' futur aħjar. Mingħajr din il-perspettiva, fit-twettiq tar-riformi meħtieġa, se niffaċċjaw ammont dejjem ikbar ta' diffikultajiet politiċi u soċjali li min-naħa tagħhom se jdewmuna fil-proċess tal-irkupru. Jeħtieġ li nsibu konsensus u li jkollna fiduċja fil-ħtieġa għall-bidla u fl-għażliet li għandhom isiru. Is-sħab soċjali se jkollhom irwol importanti f'dan id-djalogu.

Din hija r-raġuni għalfejn l-UE teħtieġ li ssaħħaħ il-parti fl-istrateġija globali tagħha li hija ddedikata għat-tkabbir. Il-bażi ta' din l-inizjattiva trid tikkombina dak li jistgħu jagħmlu l-Istati Membri f'livell nazzjonali mal-azzjonijiet li jistgħu jittieħdu f'livell tal-UE, filwaqt li tankra dawn l-isforzi fl-istrateġija Ewropa 2020 u fl-istrutturi l-ġodda ta' governanza tagħna. Diġà hemm xi komponenti ewlenin ta' din l-inizjattiva għat-tkabbir - iżda dawn għad iridu jiġu implimentati fis-sħiħ. Oħrajn, jekk irridu li l-potenzjal tagħhom joħroġ fid-deher, se jkollhom bżonn ta' viżjoni, kuraġġ u sens ta' tmexxija - iżda l-isfidi li qed tikkonfronta l-UE llum il-ġurnata jirrikjedu li tittieħed azzjoni kuraġġuża u effettiva.

F'din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni tipproponi għadd ta' elementi li jistgħu jagħmlu parti minn inizjattiva għat-tkabbir, imsejsa fuq żewġ pilastri li jissaħħu b'mod reċiproku:

· Pilastru fil-livell tal-UE li jiffoka fuq is-saħħa u s-sinerġiji li jirriżultaw minn ħidma flimkien fil-livell tal-UE.

· Pilastru fil-livell tal-Istati Membri bbażat fuq il-ħruġ tal-potenzjal għat-tkabbir tar-riformi strutturali identifikati bħala parti mis-Semestru Ewropew.

B'segwitu għal-laqgħa informali tal-Kunsill Ewropew fit-23 ta' Mejju u bi tħejjija għall-Kunsill Ewropew ta' Ġunju, il-Kummissjoni se tkompli taħdem fuq l-elementi kollha possibbli li jistgħu jgħinuha trendi t-tkabbir u l-kompetittività aktar b'saħħithom.

2. Ir-Rwol tal-UE f'inizjattiva ġdida għat-tkabbir

Fil-livell tal-UE, aħna qbilna dwar l-istrateġija Ewropa 2020[2], li hija mfassla biex twassal l-istampa ta' Ewropa intelliġenti, sostenibbli u inklużiva. Din hija l-pjattaforma li fuqha ħa tinbena inizjattiva ġdida għat-tkabbir.  L-Istati Membri kollha qablu fuq il-miri tal-istrateġija Ewropa 2020 dwar l-impjiegi, l-enerġija, l-edukazzjoni u t-taħriġ, ir-riċerka u t-tnaqqis tal-faqar.  Dawn il-miri huma indikaturi ta' kif għandhom jiġu segwiti r-riformi fl-Ewropa. L-implimentazzjoni tagħhom se tagħti spinta lill-kompetittività u se tiffaċilita l-konverġenza, u dan se jgħin biex l-UE tibda miexja lejn tkabbir akbar.  Impenn aktar attiv biex nilħqu l-mira tagħna fir-R&Ż li ninvestu 3 % mill-PDG fir-R&Ż, jista' joħloq 3,7 miljun impjiegi u sal-2020 jista' jkabbar il-PDG tal-UE bi EUR 800 biljun. Il-kisba tal-miri tagħna dwar it-tibdil fil-klima u l-enerġija sal-2020, tkun tiġġenera mal-5 miljun impjieg, iżżid is-sigurtà fl-enerġija tal-Ewropa u tgħinna nilħqu l-għanijiet tagħna dwar it-tibdil fil-klima. Il-ħelsien ta' mill-anqas 20 miljun persuna mill-faqar mhux biss iservi biex itejbilhom ħajjithom, iżda jġib miegħu wkoll benefiċċji ekonomiċi għas-soċjetà kollha. Dawn iċ-ċifri jindikaw mhux impossibbli li noħolqu impjiegi u opportunitajiet ta' negozju ġodda mal-UE kollha, speċjalment billi nnaqqsu l-qgħad u noffru futur aħjar u aktar ekoloġiku għaċ-ċittadini tagħna.

2.1. Nisfruttaw il-potenzjal ta' tkabbir tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja

F'dawn l-aħħar snin, sar ħafna xogħol biex jiġu adottati l-mekkaniżmi ta' sorveljanza ekonomika b'saħħitha meħtieġa għall-appoġġ tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Il-mod ta' kif l-UE u l-Istati Membri tagħha jimplimentaw din is-sistema l-ġdida, se jiddetermina l-effettività tal-politika kif ukoll il-fiduċja fis-swieq. Fuq perjodu ta' żmien itwal, jeħtieġ li l-integrazzjoni ssir iktar profonda biex l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tagħna tkun kompluta. UE b'saħħitha teħtieġ munita stabbli. Dan il-fatt ikun ta' ġid għall-Istati Membri kollha, kemm jekk jagħmlu parti miż-żona tal-Euro u kemm jekk le. Il-kredibbiltà tal-Euro fis-swieq internazzjonali tolqot il-kapaċità tal-Ewropa li tissellef il-fondi b'rati raġonevoli u li tħallashom lura minn ekonomija b'saħħitha.

· Il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir imsaħħaħ se jipprovdi lill-UE bl-istrumenti ta' politika b'saħħithom u bbażati fuq ir-regoli li teħtieġ biex tiggarantixxi l-istabbiltà fil-finanzi pubbliċi. Għall-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, bħalissa l-prijorità hija dik li jikkoreġu d-defiċits eċċessivi. Apparti t-"two pack" propost reċentement, ma hemmx bżonn immedjat li jsir tibdil fir-regoli miftehma reċentement. Ir-regoli eżistenti jipprovdu lok għall-ġudizzju u għad-divrenzjar bejn l-Istati Membri skont l-ispazju fiskali u l-kundizzjonijiet makroekonomiċi tagħhom, filwaqt li jiggarantixxu s-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi. Il-valutazzjoni tal-miżuri baġitarji meħuda mill-Istati Membri, partikolarment f'termini strutturali, tinsab fil-qalba tal-implimentazzjoni tar-regoli. Il-Kummissjoni se tikkontrolla l-impatt li għandhom ir-restrizzjonijiet ta' baġit limitat ħafna fuq it-titjib fit-tkabbir tan-nefqa pubblika u fuq l-investiment pubbliku.  Jekk ikun meħtieġ, hija se tipprovdi gwida dwar il-lok għal possibbiltà li tittieħed azzjoni fil-konfini tal-UE u tal-oqfsa fiskali nazzjonali.  Fix-xhur li ġejjin, se toħroġ rapport dwar il-kwalità tal-infiq pubbliku, li se jittratta dawn il-kwistjonijiet.

· Għamilna progress sinifikanti permezz tat-tisħiħ tas-salvagwardji finanzjarji tagħna. Huwa ppjanat li l-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà se jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2012 – sena qabel kien ippjanat – u li se jkun il-mekkaniżmu permanenti li jiffinanzja l-ġestjoni tal-kriżi fiż-żona tal-Euro. Meta jitqiesu l-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà, il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà Finanzjarja u mekkaniżmi oħra ta' ffinanzjar għall-ġestjoni tal-kriżi kollha flimkien, it-total tal-kapaċità ta' self tagħna issa huwa ta' EUR 800 biljun. Flimkien maż-żieda fir-riżorsi tal-FMI, li sar ftehim fuqha reċentement, is-salvagwardji finanzjarji Ewropej jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għas-sistemi globali ta' protezzjoni finanzjarja. Iżda l-mod kif nużaw is-salvagwardji tagħna huwa wkoll ta' importanza kruċjali. Għal dawk li jirratifikaw it-Trattat Fiskali, il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà għandu firxa ta' strumenti ġodda li se jippermettu lill-UE tirreaġixxi b'mod effettiv għas-sitwazzjonijiet ta' kriżi. F'dan ir-rigward, il-flessibbiltà u r-rapidità li biha ssir l-azzjoni jkunu ta' importanza kruċjali.

· Settur bankarju tal-UE aktar b'saħħtu: ġie evitat kollass finanzjarju u s-superviżjoni tas-settur finanzjarju ġiet mibdula radikalment. Il-banek transkonfinali issa qed jiġu ssorveljati minn kulleġġi ta' superviżuri u twaqqfu tliet awtoritajiet superviżorji ġodda tal-UE. Barra minn hekk, il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku ġie stabbilit bħala s-superviżur makroprudenzjali fil-livell tal-UE. Għadha tintħass il-ħtieġa li titlesta r-rikapitalizzazzjoni ta' ċerti banek, bħala parti mill-istrateġija li issa qed tiġi kkoordinata mill-Awtorità Bankarja Ewropea. Minkejja li ċerti banek diġà qed jagħtu lura s-self pubbliku li rċevew matul il-kriżi, l-ispiża għall-kontribwenti fuq l-introjtu kienet enormi. Sabiex jiġi żgurat li s-settur privat jagħti sehem xieraq fi kwalunkwe salvataġġi finanzjarji futuri, f'Ġunju l-Kummissjoni se tipproponi qafas komuni għall-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek u tal-kumpaniji tal-investimenti. Dan se jipprovdi sensiela ta' għodod li jippermettu l-ġestjoni tar-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet sistematikament importanti skont kif ikun meħtieġ.

· L-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja: Lil hinn mill-orizzont immedjat, tenħtieġ perspettiva aktar fit-tul lejn il-futur tal-unjoni ekonomika u monetarja tal-UE. Il-Kummissjoni se tappoġġja reazzjoni li tkun ambizzjuża u strutturata. Il-prospetti ta' tkabbir tal-UE huma milquta ħafna min-nuqqas ta' fiduċja li hemm bħalissa fiż-żona tal-euro.  Sakemm ma jiġux megħluba ċerti inċertezzi ewlenin, bħal pereżempju is-sitwazzjoni fil-Greċja, se nkomplu nitilfu l-fiduċja, u din hija neċessarja għall-ħolqien tal-investimenti u tal-impjiegi.  Sabiex jibni fuq dak li ksibna sa issa, se jkun hemm bżonn ta' proċess li jfassal il-passi ewlenin li jwasslu għal unjoni ekonomika u monetarja sħiħa. Li nuru biċ-ċar id-determinazzjoni tagħna li nibqgħu naħdmu u navvanzaw, filwaqt li nuru l-impenn politiku tal-Istati Membri lejn l-euro, se jagħmlu parti mill-mira li niksbu mill-ġdid il-fiduċja fiż-żona tal-euro u fil-kapaċità tagħna li negħlbu d-diffikultajiet attwali. Dan se jirrikjedi proċess b'firxa wiesgħa li jieħu inkunsiderazzjoni kwistjonijiet ta' natura legali. Għandu jinkludi proċess politiku li joffri leġittimità u responsabbiltà demokratiċi li jmexxu 'l quddiem l-integrazzjoni. It-tfassil tal-komponenti ewlenin jista' jinkludi, fost l-oħrajn, l-avviċinament għal unjoni bankarja b'superviżjoni finanzjarja integrata u għal skema unika ta' garanziji tad-depożiti.  Il-Kummissjoni kienet diġà esprimiet l-ideat tagħha pubblikament fil-Green Paper[3] ta' Novembru 2011, dwar kif iż-żona tal-euro tista' tersaq lejn il-ħruġ konġunt tad-dejn. Jeħtieġ li jiġu kkalkulati r-ritmu u s-sekwenza ta' dawn l-iżviluppi, li għandhom jinkludu pjan direzzjonali kif ukoll skeda ta' żmien, iżda konferma bikrija tal-passi li għandhom jittieħdu se tenfasizza n-natura irreversibbli u solida tal-euro. 

2.2. Nisfruttaw il-potenzjal tas-Suq Intern

B'mod ġenerali, is-suq intern għall-merkanzija qed jiffunzjona, iżda ma nistgħux ngħidu l-istess ħaġa dwar is-suq intern għas-servizzi jew dwar is-suq uniku elettroniku. Il-fatt li nippruvaw naħsdu aktar frott mis-Suq Intern huwa wieħed mill-aktar modi effettivi biex tingħata spinta lit-tkabbir mal-UE kollha. Il-kumpaniji innovattivi mal-ewwel jieħdu spinta kieku tgħaddi deċiżjoni biex fl-aħħar tiġi adottata privattiva tal-UE. Wara tant snin, issa wasal iż-żmien li niddeċiedu.

F'Ġunju, il-Kummissjoni se tipproponi miżuri li jtejbu l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi. Ħafna mill-Istati Membri għażlu li jżommu ostakli u restrizzjonijiet li jċaħħdu lilhom kif ukoll lil Stati Membri oħra milli jgawdu mill-benefiċċji kollha tad-Direttiva f'termini ta' kompetittività u ta' tkabbir. L-analiżi tal-Kummissjoni tindika illi li kieku jitneħħew ir-restrizzjonijiet kollha, ikun jista' jiżdied dħul addizzjonali ta' massimu ta' 1,8 % tal-PDG mal-ammont stmat ta' 0,8 % li diġà ddaħħal permezz tal-implimentazzjoni parzjali tad-Direttiva. Hija tindika wkoll li t-tnaqqis jew l-eliminazzjoni tal-ostakli jħallu effett pożittiv fuq il-flussi tal-kummerċ u fuq l-investiment dirett barrani kif ukoll fuq il-livelli tal-produttività f'kull Stat Membru.  Dan ikun jikkontribwixxi wkoll għall-ibbilanċjar mill-ġdid bejn il-pajjiżi li għandhom surplus u dawk li għandhom defiċit.

Aktar tard din is-sena, hija se tipproponi Att dwar is-Suq Uniku II imfassal b'tali mod li jikkompleta s-Suq Uniku f'oqsma ewlenin bħalma huma l-industriji diġitali u tan-netwerks, fejn bħalissa l-UE tinsab batuta. Jekk l-UE tiġi mgħammra bl-infrastruttura fiżika u virtwali li teħtieġ biex tindirizza l-isfidi tas-seklu 21, ikun jista' jiġi sfruttat il-potenzjal tat-tkabbir u tal-impjiegi. Teknoloġiji u netwerks ġodda jistgħu jnaqqsu l-konġestjoni fl-ajru u fit-toroq tal-Ewropa, jgħinu biex jiġu adottati grilji elettriċi intelliġenti li jistgħu jużaw l-enerġiji rinnovabbli u jfornu l-enerġija lill-karozzi li jaħdmu bl-elettriku u jqiegħdu għad-dispożizzjoni tan-negozji kollha teknoloġija li ttejjeb il-produttività bi prezz orħos, permezz tal-cloud computing. Jeħtieġ li l-UE tinvesti f'teknoloġiji ewlenin ta' appoġġ bħalma huma l-bijoteknoloġija, in-nanoteknoloġija u l-mikroteknoloġija biex tinżamm il-kompetittività industrijali futura tagħha, billi tiżviluppa merkanzija u servizzi ġodda u billi tirristruttura mill-ġdid il-proċessi industrijali bil-għan li timmodernizza l-industrija tagħha.

Il-Kummissjoni enfasizzat konsistentement l-importanza li jiġu indirizzati l-ostakli fiskali transkonfinali fis-Suq Intern. Il-progress li jsir fil-livell tal-UE jista' jappoġġja u jiffaċilita l-azzjonijiet ta' Stati Membri individwali biex jiksbu l-objettivi tal-istrateġija għat-tkabbir rispettivi tagħhom, u jgħin biex jipprovdi qafas ġenerali għat-tisħiħ tal-ġbir ta' dħul, għall-ġlieda kontra l-frodi u għall-iżgurar ta' kundizzjonijiet ġusti u sodi għall-kompetizzjoni.  F'dan il-kuntest, jeħtieġ li tittieħed azzjoni fil-Kunsill biex tiżblokka l-proposti tal-Kummissjoni dwar it-tifdil u ta' dawk li jirrigwardaw il-mandati għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi. Aktar tard din is-sena, il-Kummissjoni se toħroġ Komunikazzjoni li tiddeskrivi b'mod ġenerali l-għażliet biex jiġu ttrattati kwistjonijiet ta' rifuġju fiskali u l-ippjanar aggressiv ta' taxxi. Il-Kummissjoni tqis li l-ippjanar predatorju tat-taxxa u l-azzjoni kontra l-frodi għandhom jiġu indirizzati fl-istess waqt. Dan jeħtieġ ħidma teknika dettaljata u impenn politiku ċar iżda l-benefiċċji jistgħu jkunu sostanzjali mhux biss f'termini ta' żieda fid-dħul iżda wkoll ta' sens ta' ġustizzja u ta' kundizzjonijiet kompetittivi aħjar.

Il-qasam tat-tassazzjoni fuq l-enerġija huwa eżempju ċar tar-relazzjoni pożittiva li hemm bejn l-azzjonijiet tal-UE u dawk meħuda fil-livell tal-Istati Membri. Hawnhekk, il-proposta tal-Kummissjoni li tirristruttura l-mod ta' kif għandha tiġi ntaxxata l-enerġija, tkun tappoġġja l-objettiv li nersqu lejn ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju u li tuża l-enerġija b'mod effikaċi waqt li fl-istess ħin innaqqsu t-tfixkil li ġej mill-fatt li jeżistu tassazzjonijiet differenti fuq prodotti simili li jintużaw għall-istess skop. It-tisħiħ tan-newtralità tat-taxxa u l-ippremjar ta' sorsi ta' enerġija iktar ekoloġiċi jgħinu biex jintlaħqu l-miri tal-UE dwar it-tnaqqis tad-Diossidu tal-Karbonju, l-effiċjenza fl-enerġija u l-enerġija rinnovabbli.

2.3. Nisfruttaw il-potenzjal tal-kapital uman

Fil-pakkett reċenti tagħha dwar l-impjiegi, il-Kummissjoni pproponiet sensiela ta' miżuri konkreti biex ikun hemm irkupru rikk fl-impjiegi mal-UE kollha. Se tkun meħtieġa kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri, is-sħab soċjali kif ukoll il-partijiet interessati pubbliċi u privati, biex jiġu implimentati l-azzjonijiet speċifiċi proposti bil-għan li jiġi sfruttat il-potenzjal tal-ħolqien ta' impjiegi ta' setturi ewlenija bħal dawk tal-ICT (it-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni), tal-kura tas-saħħa u tal-ekonomija ekoloġika. Il-monitoraġġ imsaħħaħ tal-pjanijiet nazzjonali għall-impjiegi permezz tal-valutazzjoni komparattiva u tat-tabella ta' valutazzjoni proposti mill-Kummissjoni, se jsaħħaħ ulterjorment l-impetu għar-riformi ta' ħolqien ta' impjiegi, li għandhom jibbenefikaw ukoll mir-rabta aktar mill-qrib li hemm bejn ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi u l-użu tal-fondi strutturali, b'mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew, kif propost mill-Kummissjoni għall-perjodu tal-ipprogrammar li jmiss (2014-2020).

B'aktar minn tliet miljun post tax-xogħol vakanti mal-UE kollha, jeħtieġ li jsir investiment ikbar fil-ħiliet sabiex jiġu indirazzati l-ispariġġi fil-ħiliet. Programmi fil-livell tal-UE bħalma huma l-Erasmus u l-Leonardo għandhom irwol importanti biex jgħinu lin-nies jistudjaw, jitħarrġu u jiksbu esperjenza ta' xogħol fi Stati Membri oħra. Strumenti ġodda fil-livell tal-UE, bħalma huma l-Panorama tal-Ħiliet u l-Passaport tal-Ħiliet, se jgħinu biex il-ħiliet miksuba fi Stat Membru wieħed jiġu rikonoxxuti aħjar fl-Istati Membri kollha l-oħra. Il-Kummissjoni qed taħdem biex ittejjeb il-mobbiltà tal-ħaddiema u biex tiffaċilita t-tqabbil tal-ħaddiema, tal-ħiliet u tal-postijiet tax-xogħol vakanti li jkunu disponibbli. Ikun jista' jsir ħafna aktar progress kieku jitneħħew l-ostakli legali u prattiċi li jxekklu l-moviment liberu tal-ħaddiema, b'mod partikolari fir-rigward tal-portabbiltà tal-pensjonijiet u tal-koordinazzjoni tad-dispożizzjonijiet tas-sigurtà soċjali u kieku jittejjeb it-tqabbil tal-postijiet tax-xogħol ma' dawk li jkunu qed ifittxu xogħol billi l-EURES isir għodda verament Ewropea ddedikata għas-sejba tax-xogħol u għar-reklutaġġ.

2.4. Nisfruttaw is-sorsi esterni ta' tkabbir

Filwaqt li, inġenerali l-kummerċ estern tal-UE huwa bbilanċjat, l-analiżi tal-Kummissjoni skont il-pajjiż, turi telf inkwetanti għal perjodu twil iżżejjed ta' xi wħud mill-Istati Membri fejn jidħol is-sehem tagħhom fis-suq tal-esportazzjoni. Iżda din tindika wkoll li l-Istati Membri bl-aħjar prestazzjoni użaw it-tkabbir tagħhom fl-esportazzjoni bħala mutur għall-ekonomiji tagħhom. Barra minn hekk, żewġ terzi mill-importazzjonijiet tal-UE huma esportati mill-ġdid b'valur ogħla, u dan juri li l-UE tista' biss tmur għall-aħjar jekk iżżid l-impenn tagħha fil-kummerċ u ttejjeb ir-relazzjonijiet ta' investiment tagħha mas-sħab ewlenin. Fil-biċċa l-kbira tiegħu, it-tkabbir globali futur se jirriżulta mill-ekonomiji emerġenti li għandhom potenzjal kbir ta' tkabbir.  Jeħtieġ li l-UE tisfrutta dan it-tkabbir billi tikkonkludi ftehimiet bilaterali u reġjonali dwar il-kummerċ u l-investiment mas-sħab ewlenin.  Il-ftehim dwar il-kummerċ ħieles li sar mal-Korea u li daħal fis-seħħ reċentement, diġà qed naħsdu l-frott minnu b'żieda ta' 20 % fl-esportazzjonijiet tal-UE matul is-sena 2011. L-UE qed tipparteċipa attivament f'negozjati li jirrigwardaw għadd ta' ftehimiet dwar il-kummerċ ħieles u diġà tinsab fil-proċess li tiżviluppa oħrajn. Kieku kellhom jimmaterjalizzaw il-benefiċċji kbar li joffru, ikun meħtieġ li nżidu r-ritmu li bih ikunu għaddejjin in-negozjati u r-ratifika.

2.5. Nisfruttaw il-potenzjal tal-iffinanzjar tal-UE għat-tkabbir meħtieġ mill-Ewropa

Hemm bżonn ta' infiq u investimenti pubbliċi mmirati anke fi żminijiet ta' konsolidazzjoni fiskali stretta. Il-Kummissjoni kienet qed tinkoraġġixxi l-konsolidazzjoni li tiffavorixxi t-tkabbir, waqt li tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jipproteġu l-infiq li jsir fuq ir-riċerka, l-edukazzjoni, il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali, l-enerġija u s-servizzi soċjali. Minkejja li l-baġit tal-UE huwa żgħir u jammonta għal 1 % biss mill-PDG tal-UE, huwa joffri valur miżjud enormi u jista' jservi ta' katalizzatur għat-tkabbir mal-Ewropa kollha.

· Il-qafas finanzjarju multiannwali għall-perjodu 2014-2020: il-Kummissjoni ppreżentat xi proposti biex jiġi allokat baġit għat-tkabbir u l-investimenti tal-UE għall-perjodu finanzjarju li jmiss. Il-proposti tal-Kummissjoni jorbtu r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi ta' riforma strutturali mal-appoġġ tal-baġit tal-UE maħsub biex jgħin lill-Istati Membri jagħmlu t-tibdil u l-investimenti neċessarji. Il-proposti jinkludu ideat innovattivi ddedikati għall-finanzjament tar-riċerka u tal-innovazzjoni, għall-kollegament tal-Ewropa permezz ta' rabtiet fl-oqsma tat-trasport, tal-enerġija u tal-broadband u għall-imodernizzar tal-politika agrikola u għat-tisħiħ tal-iżvilupp rurali. Aktar minn EUR 600 biljun mill-baġit propost mill-Kummissjoni jistgħu jmorru biex jiġu ffinanzjati r-riċerka, in-netwerks trans-Ewropej, l-investiment fil-kapital uman, il-politika ta' koeżjoni u l-iżvilupp rurali. Meta dan l-ammont jiġi kkombinat mal-effett ta' ingranaġġ tal-kofinanzjament nazzjonali u mal-użu ta' strumenti finanzjarji innovattivi, huwa jirrappreżenta baġit ewlieni għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv.

Il-Kummissjoni pproponiet li jintużaw il-bonds tal-proġetti biex jiġu ffinanzjati ċerti proġetti ta' infrastruttura u biex javvanza l-iffinanzjar tal-għotjiet mill-baġit tal-UE. Il-bonds tal-proġetti huma mfassla biex jistabbilixxu s-swieq tal-obbligazzjonijiet bħala sors addizzjonali ta' ffinanzjar għall-proġetti ta' infrastruttura u biex jistimolaw l-investiment fl-infrastruttura strateġika ewlenija tal-UE fl-oqsma tat-trasport, tal-enerġija u tal-broadband. L-għan huwa li jiġu attirati l-investituri istituzzjonali lejn l-iffinanzjar mis-swieq kapitali ta' proġetti li jkunu kummerċjalment vijabbli u li jkollhom flussi ta' flus stabbli u previdibbli, billi tittejjeb il-kwalità tal-kreditu tal-bonds tal-proġetti maħruġa minn kumpaniji privati. Sabiex teżamina dan l-approċċ, il-Kummissjoni pproponiet bonds għal proġett pilota għall-perjodu 2012-2013. Il-koleġiżlaturi qed jaġixxu malajr biex din is-sena, il-BEI jkun jista' jippromwovi xi proġetti pilota.

· Il-baġit tal-UE għall-2013: il-Kummissjoni pproponiet żieda neċessarja ta' 7 % f'approprjazzjonijiet għal pagamenti biex tkun tista' tissodisfa t-talbiet tal-Istati Membri għall-pagament mistenni. Din iż-żieda għadha taħt il-limitu massimu għall-approprjazzjonijiet għal pagamenti miftiehem skont il-qafas finanzjarju attwali tal-UE. Dawn il-pagamenti kollha se jmorru biex jagħtu sostenn lill-investiment produttiv, lill-appoġġ għall-impjiegi u t-taħriġ u lill-finanzjament għar-riċerka fl-Istati Membri. F'ċerti Stati Membri, il-fondi tal-UE jikkofinanzjaw iktar minn 50 % tal-investiment pubbliku totali, u għalhekk il-fatt li wieħed ikun jista' jonora l-impenji tal-UE jirrappreżenta mod importanti ta' kif jiġi promoss it-tkabbir.

· L-immirar tal-Fondi Strutturali lejn it-tkabbir u l-konverġenza fil-perjodu 2012-2013: il-politika ta' koeżjoni tal-UE timmobilizza medja ta' EUR 65 biljun fis-sena għall-investimenti li jagħtu sostenn lit-tkabbir u lill-ħolqien tal-impjiegi. Sabiex jiġu ttrattati aħjar il-ħtiġijiet li jirriżultaw mill-kriżi, ġew ipprogrammati mill-ġdid EUR 17-il biljun, f'bidla notevoli tal-fondi favur ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-appoġġ għall-SMEs u l-miżuri fis-suq tax-xogħol għall-persuni vulnerabbli, flimkien ma' investimenti fl-infrastruttura u fl-effiċjenza tal-enerġija. Dawn l-isforzi se jkomplu għaddejjin.  Aktar reċentement, 'il fuq minn EUR 7 biljun ġew ipprogrammati mill-ġdid bħala parti mill-isforz tal-grupp tal-azzjoni pilota tal-Kummissjoni biex jiżdiedu l-appoġġ għall-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament.

· Iż-żieda fil-kapital imħallas tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI): sabiex ikun konformi ma' prassi bankarja soda, il-BEI jeħtieġ żieda fil-kapital imħallas tiegħu, jekk irid iżomm il-livell għoli tal-attività annwali ta' self li għandu bħalissa għal madwar EUR 65 biljun fis-sena. Hekk kif kienet ipproponiet il-Kummissjoni, għandu jkun hemm qbil bejn il-partijiet interessati tal-Istati Membri dwar iż-żieda ta' EUR 10 biljun f'kapital imħallas, bħala parti mill-inizjattiva l-ġdida tal-UE għat-tkabbir. Dan il-fattur iżid sostanzjalment is-self ġenerali b'massimu ta' EUR 180 biljun. Is-self addizzjonali li jkun permissibbli ladarba jkun hemm tali żieda fil-kapital, għandu jinxtered mal-UE kollha, anke mal-aktar pajjiżi vulnerabbli. Dan is-self għandu jkun maħsub biex jgħin lis-settur tal-SMEs, inklużi f'dawk l-oqsma bħall-effiċjenza fl-enerġija u r-rinovazzjoni residenzjali li jistgħu jiġġeneraw l-impjiegi ferm meħtieġa fis-settur tal-kostruzzjoni li ntlaqat ħażin u jgħin lill-UE tilħaq l-għanijiet tagħha fir-rigward tal-klima u tal-enerġija. Jekk jinstab qbil dwar din iż-żieda fil-kapital, il-Kummissjoni se taħdem flimkien mal-Istati Membri biex tgħinhom jużaw parti mill-allokazzjonijiet tal-fond strutturali tagħhom biex jaqsmu r-riskju tas-self tal-BEI u biex jipprovdu garanziji għas-self lill-SMEs. Din it-taħlita ta' strumenti finanzjarji tista' tagħti spinta lill-attività ekonomika mas-setturi u r-reġjuni kollha u tgħin lill-SMEs jegħlbu n-nuqqas ta' aċċess għall-kreditu li qed ixekkilhom bħalissa.

· Taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji: il-Kummissjoni pproponiet il-ħolqien ta' taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji. F'konformità mal-proposta tagħha[4], ir-rikavat minn taxxa bħal din (stmat għal madwar EUR 57 biljun) jista' jintuża biex jiffinanzja l-investiment li jsaħħaħ it-tkabbir u/jew ir-rikapitalizzazzjoni tal-banek. Il-Kummissjoni pproponiet li wħud mir-rikavati li jkunu sejrin għall-baġit tal-UE, għandhom jintużaw biex inaqqsu l-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri għall-baġit tal-UE.

3. Ir-Rwol tal-Istati Membri f'inizjattiva ġdida għat-tkabbir 3.1. Nisfruttaw il-potenzjal tas-Semestru Ewropew 2012

Sabiex navviċinaw l-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020, il-Kummissjoni bagħtet lill-Kunsill, rakkomandazzjonijiet immirati għal kull Stat Membru, bħala parti mis-Semestru Ewropew 2012 u mill-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir li ġie msaħħaħ iktar. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet issawru fuq analiżi fil-fond tas-sitwazzjoni ta' kull Stat Membru, fuq l-implimentazzjoni tagħhom tar-rakkomandazzjonijiet tas-Semestru Ewropew 2011[5] u fuq kif ġiet segwita l-gwida tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2012[6] fl-Istati Membri. Kull Stat Membru għandu l-partikolaritajiet tiegħu u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni speċifiċi għall-pajjiżi tfasslu apposta biex ikunu jistgħu jqisu s-saħħiet tagħhom, id-dgħufijiet tagħhom kif ukoll il-kapaċità tagħhom li jindirizzaw l-isfidi. Madankollu, l-ekonomiji tal-Istati Membri kollha huma marbuta ferm ma' xulxin – mhux biss permezz ta' għażla politika, tal-istorja u tal-ġeografija, iżda wkoll permezz tal-potenzjal dinamiku li rriżulta minn teknoloġiji ġodda li jintegraw is-swieq flimkien aktar malajr bħal qatt qabel. Hija din l-akkumulazzjoni tas-sitwazzjonijiet nazzjonali li tifforma d-direzzjoni ġenerali tal-UE. L-azzjonijiet nazzjonali (jew in-nuqqas ta' azzjoni) se jkollhom inevitabbilment konsegwenzi pożittivi u negattivi fuq il-kumplament tal-UE, u għaldaqstant hemm il-ħtieġa ta' sistema ta' governanza ekonomika mifruxa mal-UE kollha li tiġi implimentata permezz tas-Semestru Ewropew (ara l-Anness 1).

Għall-ewwel darba, il-Kummissjoni wettqet ukoll analiżi fil-fond ibbażati fuq il-proċedura tal-iżbilanċi makroekonomiċi[7]. Din il-proċedura ġiet imfassla b'tali mod li tiffavorixxi l-istabbiltà u t-tkabbir makroekonomiċi ġenerali u biex isservi ta' lieva għal kompetittività ikbar. L-ewwel rapport dwar il-mekkaniżmu ta' twissija, li ġie ppublikat fi Frar, sar bl-użu ta' din il-proċedura. F'konformità mas-sejbiet li ħarġu minn dan ir-rapport, saret l-ewwel sensiela ta' analiżi fil-fond li jkopru tnax-il pajjiż (il-Belġju, il-Bulgarija, id-Danimarka, Spanja, Franza, l-Italja, Ċipru, l-Ungerija, is-Slovenja, il-Finlandja, l-Isvezja u r-Renju Unit)[8]. Dawn ikkonfermaw l-eżistenza ta' xi żbilanċi li minkejja li mhumiex eċċessivi xorta waħda jirrikjedu attenzjoni partikolari; inkluż il-kontinwità tal-proċess ta' bbilanċjar mill-ġdid bejn il-pajjiżi li għandhom surplus u dawk li għandhom defiċit, li għaddej bħalissa. Ir-rakkomandazzjonijiet ta' prevenzjoni huma inklużi fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi li jkopru politiki li jappoġġjaw il-kompetittività u l-aġġustament fis-suq tax-xogħol, il-proċess ta' tnaqqis tad-dejn mis-setturi privati u pubbliċi kif ukoll l-iżviluppi stabbli fis-swieq tal-assi. .

3.2. Il-valutazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni

Il-valutazzjoni ġenerali tal-Kummissjoni hija li l-Istati Membri qed jieħdu l-azzjoni neċessarja biex jikkoreġu l-iżbilanċi fil-finanzi pubbliċi tagħhom u biex jiżguraw sostenibbiltà fiskali, iżda li dawn l-azzjonijiet mhux dejjem qed ikunu orjentati favur it-tkabbir. Il-qgħad, b'mod partikolari fost iż-żgħażagħ, huwa problema serja ħafna li tista' biss tissolva maż-żmien, iżda jeħtieġ li tittieħed azzjoni immedjata biex jiżdiedu l-impjiegi u l-produttività u biex jiġi pprovdut tqabbil ta' xogħlijiet u ħiliet aktar b'saħħtu, li jgħin lin-nies jerġgħu lura lejn id-dinja tax-xogħol fi swieq tax-xogħol li jiffunzjonaw tajjeb. B'mod aktar ġenerali, għandu jiġi indirizzat l-impatt soċjali negattiv li rriżulta mill-kriżi, inklużi l-livelli ta' faqar.

Diversi Stati Membri, partikolarment il-pajjiżi li għaddejjin minn programm ta' aġġustament strutturali u dawk li huma sottomessi għal skrutinju mill-qrib tas-suq tagħhom, qed jagħmlu riformi strutturali kbar, inkluż tas-swieq tax-xogħol tagħhom. Dawn l-isforzi huma essenzjali biex isostnu l-irkupru u t-tkabbir dejjiemi u biex jikkontribwixxu għat-tnaqqis ġenerali tal-iżbilanċi makroekonomiċi fl-Ewropa. Madankollu, jeħtieġ li tittieħed azzjoni ħafna akbar li tkun mifruxa mal-UE kollha, biex nilliberaw il-potenzjal tagħna ta' tkabbir, biex jinbtu opportunitajiet għall-iżvilupp tan-negozji, biex nisfruttaw il-potenzjal ta' sorsi ġodda ta' xogħlijiet, bħal pereżempju fl-ekonomija ekoloġika, fis-servizzi, fis-setturi tal-enerġija, fit-turiżmu u fl-ekonomija diġitali, kif ukoll biex ngħollu l-livelli tal-ħiliet u tal-innovazzjoni. L-azzjoni hija meħtieġa b'mod urġenti sabiex tkun ta' sostenn għall-irkupru u għall-istandards ta' għajxien u biex tiffaċilita l-indirizzar tal-isfidi tat-tixjiħ.

Il-Kummissjoni tinsab imħassba dwar il-fatt li l-livell tal-impenji meħuda mill-Istati Membri mhux se jippermetti lill-UE tilħaq il-miri nominali tagħha għall-2020 f'oqsma essenzjali bħalma huma r-rati tal-impjiegi, ir-R&Ż, l-edukazzjoni u l-ġlieda kontra l-faqar. Minkejja dan, il-kisba ta' dawn il-miri hija fundamentali għall-futur tal-Ewropa.

X'għandhom jagħmlu l-Istati Membri biex jilliberaw il-potenzjal ta' tkabbir tagħhom stess?

Fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2012, il-Kummissjoni indikat li fl-2012, l-isforzi fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak tal-UE għandhom jikkonċentraw fuq ħames prijoritajiet:

· Issir ħidma li twassal għal konsolidazzjoni fiskali differenzjata li tiffavorixxi t-tkabbir.

· Jerġa' jibda jsir self normali lill-ekonomija.

· Jiġu promossi t-tkabbir u l-kompetittività għal-lum u għall-ġejjieni.

· Jiġu indirizzati l-qgħad u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi.

· Tiġi mmodernizzata l-amministrazzjoni pubblika.

Din it-taqsima tiddeskrivi fil-qosor is-sejbiet ewlenin tal-analiżi li wettqet il-Kummissjoni għal kull pajjiż, ibbażata fuq il-programmi ta' Stabbiltà u ta' Konverġenza tal-Istati Membri, fuq il-programmi nazzjonali ta' riforma u, fejn relevanti, fuq l-impenji tal-Patt Euro Plus. Il-kaxxa tat-test fil-bidu ta' kull taqsima tiddeskrivi fil-qosor ir-rakkomandazzjonijiet ewlenin speċifiċi għall-pajjiżi u tindika kif l-implimentazzjoni tagħhom tista' tikkontribwixxi għal prospetti ta' tkabbir nazzjonali.

Issir ħidma li twassal għal konsolidazzjoni fiskali differenzjata li tiffavorixxi t-tkabbir

Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi dwar konsolidazzjoni fiskali li tiffavorixxi t-tkabbir għandhom l-għan li jiżguraw li, maż-żmien, l-Istati Membri kollha jimplimentaw politiki fiskali sodi. Dawn huma konformi mal-istrateġiji fiskali differenzjati li jieħdu inkunsiderazzjoni l-partikolaritajiet tal-Istati Membri, speċjalment ir-riskji fiskali u makrofinanzjarji eżistenti. L-Istati Membri qed jingħataw il-parir li jippreservaw l-investiment pubbliku fir-riċerka u l-innovazzjoni, fl-edukazzjoni u fl-enerġija u li joħolqu sistemi ta' protezzjoni soċjali li jinkludu pensjonijiet aktar sostenibbli u effettivi, billi jnaqqsu d-defiċits tal-gvern u l-livelli tad-dejn. Hemm diversi rakkomandazzjonijiet dwar it-tassazzjoni, maħsuba biex inaqqsu l-piż minn fuq ix-xogħol u jitrasferixxuh fuq l-ambjent u l-konsum, biex iżidu l-effiċjenza billi jitneħħew varji eżenzjonijiet (inklużi r-rati mnaqqsa) kif ukoll biex jiġġieldu kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-ekonomija klandestina. L-Istati Membri qed jiġu rakkomandati wkoll li jiggarantixxu dixxiplina baġitarja f'livelli subnazzjonali.

Skont il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, 23 Stat Membru bħalissa huma soġġetti għall-proċedura ta' defiċit eċċessiv. Għalihom, ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi f'dan il-pakkett, jirriflettu l-ħtieġa għall-osservanza tar-rakkomandazzjonijiet korrettivi li nħarġu preċedentement mill-Kunsill. Fil-każ tal-Ġermanja u tal-Bulgarija, fit-30 ta' Mejju l-Kummissjoni ddeċidiet separatament li tipproponi t-tħassir tas-sitwazzjoni tagħhom ta' defiċit eċċessiv. Barra minn hekk, b'segwitu għall-valutazzjoni tal-azzjoni meħuda mill-Ungerija u f'konformità mad-dispożizzjonijiet tar-regolament dwar il-Fond ta' Koeżjoni tal-UE, il-Kummissjoni adottat ukoll proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill biex titneħħa s-sospensjoni tal-impenji tal-Fond ta' Koeżjoni ta' Marzu 2012. Għall-Istati Membri li ma jagħmlux parti mill-proċedura ta' defiċit eċċessiv, ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi jinkoraġġixxu l-awtoritajiet biex jimplimentaw pjanijiet fiskali kemm li jifavorixxu t-tkabbir kif ukoll li jkollhom l-għan li jiksbu u li jżommu pożizzjonijiet baġitarji li jiggarantixxu sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi, inklużi l-ispejjeż tat-tixjiħ.

L-analiżi tal-Kummissjoni tindika li l-Istati Membri mexjin tajjeb bl-isforzi tagħhom għal konsolidazzjoni fiskali, li qed inaqqsu d-defiċits tal-gvern. Dawn id-defiċits għandhom jonqsu minn 4.5 % fl-2011 għal 3.5 % fl-2012. Madankollu, il-proporzjoni tad-dejn tal-gvern għadu qed jogħla, tant li se jilħaq 86 % tal-PDG fl-2012, u r-raġuni għal dan hija r-rata aktar baxxa fit-tkabbir. Il-Kummissjoni tqis li huwa essenzjali li jinżammu l-iskadenzi miftiehma għall-korrezzjoni tad-defiċits eċċessivi u li jsir ċaqliq rapidu li javviċina l-objettivi fiskali ta' terminu medju speċifikati mill-Kunsill. Aġġustamenti fiskali bħal dawn għandhom jitwettqu b'tali mod li jkunu jappoġġjaw tkabbir ekonomiku aktar sostenibbli, hekk kif se jiġi deskritt hawn taħt. Dan it-tkabbir jikkonforma mal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, li jippermetti li jitħaddmu stabilizzaturi awtomatiċi matul l-aġġustament strutturali li jwassal għall-korrezzjoni ta' defiċits eċċessivi u għall-kisba eventwali tal-objettivi ta' terminu medju. Fl-istess ħin, huwa jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri li qed jiffaċċjaw skrutinju tas-suq mill-aktar intensi, jaħdmu għal konsolidazzjoni ambizzjuża li saħansitra tisfida ambjent makroekonomiku agħar milli jkun mistenni. Dawk il-pajjiżi li ħerġin mill-proċedura ta' defiċit eċċessiv qed jiġu rakkomandati jużaw l-ispazju fiskali disponibbli għall-investiment li jsaħħaħ it-tkabbir. Qed jiġu introdotti oqfsa fiskali nazzjonali msaħħa, kif meħtieġ mil-leġiżlazzjoni tal-UE. Madankollu, jeħtieġ li jsiru sforzi speċifiċi biex jiġi żgurat li d-dixxiplina fiskali fil-livell tal-gvern ċentrali titpatta minn azzjoni effettiva simili li żżomm il-finanzi pubbliċi taħt kontroll f'livelli subnazzjonali wkoll. Dan jirrappreżenta sfida partikolari f'diversi pajjiżi federali jew reġjonalizzati.

Se jkun importanti li jsir titjib fil-kwalità tal-finanzi pubbliċi, billi tiġi prijoritizzata n-nefqa fil-miri tal-Ewropa 2020 u billi jiġi żgurat li tali nefqa tkun kemm jista' jkun effiċjenti. Il-kontroll tal-UE tal-għajnuna mill-Istat jgħin biex jippromwovi l-infiq ta' kwalità u biex jimminimizza t-tfixkil. Reċentement, il-Kummissjoni nediet proposta ambizzjuża ta' modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat u l-Istati Membri se jkollhom bżonn jiżguraw konformità aħjar mar-regoli u koordinazzjoni interna aħjar tal-interventi ta' għajnuna mill-Istat fil-livell nazzjonali.

Is-sistemi tal-pensjonijiet qed jiġu adattati biex jikkonfrontaw l-isfidi tat-tixjiħ tal-popolazzjoni, permezz tal-implimentazzjoni f'diversi pajjiżi, ta' riformi kbar li l-karatteristika komuni tagħhom hija li jtawlu l-ħajja tax-xogħol. Dawn ir-riformi huma essenzjali biex jitrażżnu l-ispejjeż finanzjarji u biex tiġi żgurata sostenibbiltà finanzjarja fit-tul ta' sistemi xierqa ta' protezzjoni soċjali. Fl-istess waqt, huwa neċessarju li l-ħaddiema anzjani jiġu attirati lejn l-impjieg u li jinżammu jaħdmu lil hinn mill-mudelli ta' rtirar attwali, f'konformità mat-titjib fl-istennija tal-għomor, u li jitqies il-livell tal-pensjonijiet, biex jiġi evitat li l-anzjani jispiċċaw vittmi tal-faqar. Sar inqas progress fil-qasam tas-sistemi tal-kura tas-saħħa, fejn il-ħtieġa tal-aċċess għall-kura tas-saħħa u għal kura fit-tul trid tiġi bbilanċjata mal-pressjoni finanzjarja illi dejjem tiżdied, li tirriżulta mill-iżviluppi demografiċi.

Diversi Stati Membri qed iżidu t-taxxi biex jappoġġjaw il-konsolidazzjoni fiskali. Il-Kummissjoni talbet li titneħħa t-tassazzjoni minn fuq ix-xogħol biex tiġi ttrasferita fuq prattiki, konsum u proprjetà immobbli li jagħmlu ħsara lill-ambjent, filwaqt li jiġi żgurat li l-piż ma jaqax b'mod sproporzjonat fuq l-aktar sezzjonijiet fqar tas-soċjetà. Waqt li għadd ta' Stati Membri żiedu b'mod sinifikanti t-taxxi fuq il-konsum u bdew ireġġgħu lura t-tendenza negattiva tat-tassazzjoni ambjentali, ma hemmx evidenza li kien hemm tnaqqis ġenerali fit-tassazzjoni fuq ix-xogħol.  Qed isiru xi sforzi u għandu jkun hemm aktar biex jiġu eliminati l-eżenzjonijiet mit-taxxa u s-sussidji, kif ukoll ir-rati mnaqqsa bħal pereżempju għall-VAT. Qed tittieħed azzjoni biex tittejjeb il-konformità mat-taxxa iżda għall-ġlieda kontra l-ekonomija klandestina, jeħtieġ li jkun hemm azzjoni aktar b'saħħitha.

Jerġa' jibda jsir self normali lill-ekonomija

Sabiex jerġa' jibda jsir self normali lill-ekonomija, ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi qed jiffukaw fuq it-tlestija tar-ristrutturar tas-settur bankarju filwaqt li jiġi evitat proċess ta' tnaqqis eċċessiv tad-dejn.

Qed isiru sforzi biex titkompla l-ħidma fuq ir-ristrutturar tas-settur finanzjarju u biex jissaħħaħ il-qafas superviżorju, f'konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE u mar-rakkomandazzjonijiet. Is-sitwazzjoni ta' dawk il-banek li ġew esposti l-aktar għall-kriżi u li għadhom vulnerabbli għadha sors ta' tħassib. Dan il-fatt jispjega għalfejn fir-rakkomandazzjonijiet ta' ċerti pajjiżi qed jintalab li jittieħdu aktar miżuri ta' ristrutturar u ta' prekawzjoni.

Li jerġa' jiġi stabbilit livell normali ta' flussi ta' kreditu għadu jirrappreżenta sfida f'ħafna pajjiżi, partikolarment għall-SMEs. Filwaqt li dan huwa parzjalment spjegat mid-dgħufija tal-karti tal-bilanċ u tal-prospetti korporattivi, il-fatt li kien hemm nuqqas ta' mezzi xierqa li jilħqu lill-SMEs ukoll kellu rwol importanti. Għandhom jiġu promossi gruppi ġodda ta' kapital, inkluż l-aċċess għal self bejn il-pari, għall-ekwità privata u għall-kapital tar-riskju. F'ċerti Stati Membri, il-fondi strutturali tal-UE jista' jkollhom rwol importanti f'dan il-kuntest billi jiffinanzjaw is-selfiet u l-garanziji permezz ta' strumenti speċifiċi.

Bosta SMEs qed ibatu minħabba pagamenti tard mill-awtoritajiet pubbliċi. Din il-problema qed tiġi indirizzata mid-Direttiva l-ġdida dwar il-pagamenti tard, li se tidħol fis-seħħ f'Marzu tal-2013. Qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva, jista' jkun hemm bżonn ta' sforzi addizzjonali min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi biex jinqata' x-xogħol b'lura li kien akkumula fir-rigward tal-arretrati.

Jiġu promossi t-tkabbir u l-kompetittività għal-lum u għall-ġejjieni

Sabiex jgħinu fil-promozzjoni tat-tkabbir u tal-kompetittività, ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi qed jiffukaw fuq l-ambjent tan-negozju, anke billi jitnaqqas il-piż amministrattiv u billi jiġu estiżi l-industriji tan-netwerks bħalma huma dawk tal-enerġija, tar-rotot ferrovjarji u tat-telekomunikazzjonijiet għall-kompetizzjoni biex joffru servizzi aħjar għan-negozji u għaċ-ċittadini. F'ċerti każijiet, huma jirrakkomandaw iktar indipendenza għar-regolaturi. Huma jindirizzaw l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi billi jitneħħew restrizzjonijiet mhux ġustifikati jew sproporzjonati fuq l-għoti ta' servizzi, inkluża d-diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità jew ir-residenza. Jitrattaw ukoll restrizzjonijiet li hemm bħalissa fis-settur fil-livell tal-konsumaturi. Rakkomandazzjonijiet oħrajn jittrattaw it-tisħiħ tar-riċerka u l-innovazzjoni, it-titjib tal-effiċjenza fir-riżorsi, u l-irbit aktar mill-qrib tal-edukazzjoni mar-rekwiżiti tas-suq tax-xogħol.

F'ħafna Stati Membri, ċerti servizzi mhumiex aċċessibbli biżżejjed.  Implimentazzjoni aktar ambizzjuża tad-Direttiva dwar is-Servizzi tkun tgħin, hekk kif jgħinu miżuri għat-tisħiħ tal-kompetizzjoni u tal-kompetittività fis-settur fil-livell tal-konsumaturi, biex jitnaqqsu l-ostakli għad-dħul u l-ħruġ ta' ditti u biex jiġu eliminati restrizzjonijiet mhux ġustifikati għas-servizzi ta' negozju u dawk professjonali, għall-professjonijiet legali, għall-konsultazzjoni kontabilistika jew teknika u għas-settur tas-saħħa u dak soċjali. L-espansjoni tas-swieq ta' akkwist pubbliku permezz ta' tiftix attiv għal offerti transkonfinali, tkun tistimola wkoll opportunitajiet, proċessi u innovazzjonijiet ġodda.

Jeħtieġ li jsir titjib sostanzjali fil-prestazzjoni tal-industriji tan-netwerks ewlenin - it-trasport, l-enerġija u l-broadband. L-investiment fl-infrastrutturi huwa neċessarju f'diversi pajjiżi biex jittejbu l-interkonnessjonijiet, biex tiġi estiża l-fornitura u biex tkun possibbli l-kompetizzjoni fil-prezz. Minħabba li l-opportunitajiet fiskali biex jinbidlu l-pjanijiet huma limitati, għandhom jintużaw forom innovattivi ta' finanzjament li jikkombinaw sorsi privati u pubbliċi, bħall-bonds tal-proġetti tal-UE. Il-livelli tal-kompetizzjoni għadhom baxxi f'ħafna swieq u l-qafas regolatorju mifrux mal-UE kollha għadu mhux kompletament fis-seħħ: nofs l-Istati Membri għadhom ma ttrasponewx id-Direttivi dwar is-Suq Intern tal-Enerġija jew ma rnexxielhomx jittrasponuhom kif suppost. Diversi Stati Membri jeħtieġu kompetizzjoni ikbar bejn il-fornituri tal-enerġija, it-tneħħija tal-prezzijiet regolati u iktar indipendenza għar-regolaturi. Huwa neċessarju li jsiru sforzi ulterjuri fit-trasport biex jitnaqqsu l-piż regolatorju u l-ostakli għad-dħul fis-settur ferrovjarju fl-Istati Membri l-kbar jew f'dawk ta' tranżitu. L-aċċessibbiltà medja tal-broadband għadha baxxa u hemm lok konsiderevoli għal titjib fis-servizzi u għal sigurtà fl-użu tal-kummerċ elettroniku.

It-titjib fl-effiċjenza tar-riżorsi u l-avviċinament lejn ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju huma essenzjali biex tiġi żviluppata ulterjorment il-kompetittività tal-Ewropa, fid-dawl tal-iskarsezza tar-riżorsi li dejjem qed tiżdied u tal-volatilità fil-prezzijiet, kif ukoll tat-tibdil fil-klima li għaddej bħalissa. L-użu aktar effiċjenti tar-riżorsi u ġestjoni aħjar tar-riżorsi naturali se jiftħu opportunitajiet ekonomiċi sinifikanti għat-tkabbir futur u għall-impjiegi, u dan se jwassal għal produttività aħjar, għal spejjeż inqas u għal iktar innovazzjoni.

Huma essenzjali livelli għolja ta' R&Ż u ta' innovazzjoni biex tinżamm il-kompetittività tal-Ewropa. Anke jekk xi wħud mill-Istati Membri tagħha llum il-ġurnata jinsabu fost il-mexxejja dinjin f'diversi oqsma, l-Ewropa inġenerali qed tibda taqa' lura maż-żmien. Flok ma ġiet separata jew miżjuda, in-nefqa pubblika fuq ir-riċerka ġiet milquta mill-konsolidazzjoni fiskali f'ħafna Stati Membri. Jidher biċ-ċar li hemm bżonn ta' investiment privat addizzjonali fir-R&Ż u fejn ikun meħtieġ dan għandu jiġi mħeġġeġ permezz ta' inċentivi pubbliċi. Ir-riżultati tar-riċerka għandhom jitressqu viċin tas-suq permezz tal-akkwist prekummerċjali. B'mod aktar ġenerali, bla dubju hemm ħtieġa għal aktar sħubiji bejn l-edukazzjoni u l-istituzzjonijiet iddedikati għat-tagħlim tul il-ħajja, l-entitajiet tar-riċerka u n-negozji, biex isir użu sħiħ tal-istrumenti tal-UE li hemm għad-dispożizzjoni.

Jiġu indirizzati l-qgħad u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi

Bosta rakkomandazzjonijiet jitrattaw il-ħolqien ta' kundizzjonijiet għal-livelli ogħla ta' impjiegi, li jżidu l-parteċipazzjoni u jżommu lin-nies fis-suq tax-xogħol. L-aktar punti enfasizzati huma l-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ, it-tnaqqis tat-tluq bikri mill-iskola u t-titjib tat-taħriġ, inkluż it-taħriġ vokazzjonali u t-titjib tal-apprentistati.  Diversi rakkomandazzjonijiet jindirizzaw it-tnaqqis tal-faqar u l-għajnuna għall-gruppi vulnerabbli. Hemm ukoll rakkomandazzjonijiet dwar għoti ta' appoġġ aktar b'saħħtu u aktar personalizzat lil dawk li jkunu qed ifittxu impjieg u dwar il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tan-nisa fuq bażi full-time. L-Istati Membri huma rakkomandati wkoll jiżguraw li l-mekkaniżmi tagħhom għall-iffissar tal-pagi jirriflettu kif xieraq l-iżviluppi tal-produttività u jistimulaw il-ħolqien tax-xogħol.

Il-kriżi wasslet għal żieda sinifikanti fir-rata tal-qgħad u ggravat konsiderevolment il-prospetti ta' xogħol għal ħafna nies, li qegħdin fir-riskju li jkollhom jirtiraw mis-suq tax-xogħol. Aktarx li l-livelli għolja ta' qgħad se jibqgħu hekk għal ċertu żmien minħabba d-diskrepanza fiż-żmien li hemm bejn l-irkupru ekonomiku u t-titjib fis-suq tax-xogħol. Qed jiġu mobilizzati politiki attivi fis-suq tax-xogħol - bħal taħriġ għall-qiegħda u gwida mis-servizzi pubbliċi għall-impjiegi - iżda ħafna drabi dawn ikunu batuti minħabba immirar dgħajjef u nuqqas ta' effettività.

Il-konsegwenzi soċjali tal-kriżi qed jintħassu dejjem aktar. Il-faqar u r-riskju tal-faqar qed jiżdiedu u l-pressjonijiet fuq l-infiq pubbliku qed jirriżultaw f'kompromessi diffiċli għall-għoti ta' servizzi u ta' benefiċċji soċjali.

Il-qgħad fost iż-żgħażagħ żdied drastikament, fejn iż-żgħażagħ għandhom ċans doppju li jispiċċaw qiegħda meta mqabbla mal-popolazzjoni adulta. Mal-UE kollha, ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ hija ta' 22 % u f'ċerti Stati Membri tasal saħansitra sa 50 %. Hemm xi esperjenzi promettenti bil-garanziji għaż-żgħażagħ li jistgħu jiġu implimentati mal-UE kollha, anke bl-appoġġ mill-Fond Soċjali Ewropew.

Ma kienx hemm biżżejjed progress fl-espansjoni ta' faċilitajiet tajbin għall-but ta' kulħadd li jindukraw lit-tfal u lill-persuni dipendenti, fit-tnaqqis tad-differenzi fil-pagi u fit-titjib tat-trattament fiskali tat-tieni sors ta' dħul, biex tiżdied b'mod sinifikanti l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol. Għad ma hemmx biżżejjed enfażi fuq l-istrateġiji ta' tixjiħ attiv, inkluż il-modernizzazzjoni tal-arranġamenti tax-xogħol u aċċess usa' għat-tagħlim tul il-ħajja, li huma essenzjali għaż-żieda fil-parteċipazzjoni tal-ħaddiema, partikolarment għall-ħaddiema aktar anzjani.

Ċerti Stati Membri introduċew riformi mifruxa ferm tas-sistemi tagħhom tal-iffissar u tal-indiċjar tal-pagi biex jiżguraw li maż-żmien l-iżviluppi fil-pagi jirriflettu aħjar il-produttività. F'pajjiżi oħra fejn il-funzjonament ta' ċerti sistemi ta' indiċjar tal-pagi ġie identifikat bħala theddida possibbli għall-kompetittività, il-progress li sar kien limitat. Dawn il-pajjiżi se jkollhom bżonn isibu modi kif fil-futur, f'konsultazzjoni ma' sħab soċjali, inaqqsu dan l-iżvantaġġ. Xi bbilanċjar mill-ġdid li jiffavorixxi d-domanda domestika, inkluż permezz ta' żieda fil-pagi, li sar fil-pajjiżi li bħalissa għandhom surplus fil-kontijiet, huwa notevoli u għandu jitkompla. Għandu jinstab bilanċ bejn l-iżgurar li l-livelli tal-pagi ma jkunux tant għoljin li jiskoraġġixxu r-reklutaġġ taż-żgħażagħ u ta' dawk b'ħiliet limitati b'mod partikolari, u l-iżgurar li l-livelli ma jkunux tant baxxi li jirriskjaw li joħolqu nasbiet ta' faqar fost dawk li jaħdmu.

Filwaqt li ċerti Stati Membri taw bidu għal riformi mifruxa ferm tal-leġiżlazzjoni tagħhom dwar ix-xogħol li jippermettu li jkun hemm forom aktar flessibbli ta' kuntratti u ta' arranġamenti ta' xogħol, f'każijiet oħra l-proċess tar-riforma jidher li għaddej bil-mod meta mqabbel mal-urġenza tas-sitwazzjoni u mar-riskji tas-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol, fejn parti kbira mill-popolazzjoni għadha tagħmel xogħol prekarju jew tinsab barra mis-suq tax-xogħol. Arranġamenti ta' xogħol għal żmien qasir u prattiki interni oħra ta' flessibbiltà rriżultaw li kienu effettivi f'diversi pajjiżi biex jiġu ppreservati l-impjiegi fl-eqqel tal-kriżi, partikolarment fis-settur tal-manifattura. Sabiex tgħin fl-appoġġ għall-ħolqien tax-xogħlijiet, il-Kummissjoni għamlet xi proposti biex tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jsaħħu l-politiki dwar l-impjiegi[9] ħalli jkunu jistgħu jaħtfu l-opportunitajiet ta' xogħol fl-ekonomija ekoloġika, fis-settur tal-kura tas-saħħa u fl-ICT fejn tikkalkula li jistgħu jinħolqu aktar minn 20 miljun impjieg. Barra minn hekk, mobbiltà mtejba bejn l-Istati Membri, it-tqabbil tal-ħiliet u l-postijiet tax-xogħol vakanti bejn pajjiż u ieħor jistgħu jiġu appoġġjati mill-EURES, is-sistema tal-postijiet tax-xogħol vakanti.

Jeħtieġ li l-isforzi li għaddejjin bħalissa biex jiġu indirizzati l-livelli għolja ta' tluq bikri mill-iskola, inklużi l-miżuri preventivi u r-riformi fl-edukazzjoni u fis-sistemi ta' taħriġ vokazzjonali inklużi dawk li jagħtu spinta lill-apprentistati, isiru aktar malajr. Dan mhux biss huwa essenzjali għall-impjegabbiltà tal-ġenerazzjonijiet il-ġodda iżda wkoll għall-kompetittività tal-ekonomija inġenerali, minħabba li l-UE qed taqa' lura meta mqabbla mas-sħab kummerċjali ewlenin tagħha. Barra minn hekk, il-bidla demografika qed toħloq riskji ġodda ta' tqabbil ħażin tal-ħiliet u ta' nuqqasijiet, li qed iwasslu għal pressjoni addizzjonali biex wieħed idum aktar ix-xogħol u jkun iktar produttiv. Diversi pajjiżi jridu jagħmlu sforzi speċifiċi biex inaqqsu l-għadd kbir ta' tfal li qed jitilqu mill-iskola kmieni, biex itejbu l-opportunitajiet taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol u biex inaqqsu l-qgħad fost iż-żgħażagħ. B'mod aktar ġenerali, jeħtieġ li l-livelli kollha jtejbu l-prestazzjoni edukattiva tagħhom, inkluż it-taħriġ vokazzjonali u l-livell universitarju. F'ħafna mill-Istati Membri hemm lok għall-iżvilupp tal-iskemi għall-apprentistati. Inġenerali, għad hemm ħafna xi jsir biex l-edukazzjoni u t-taħriġ jaslu jorbtu mal-ħtiġijiet futuri tas-suq tax-xogħol u biex dawn jantiċipawhom bil-għan li jiffaċilitaw it-tranżizzjoni mill-iskola għax-xogħol.

Tiġi mmodernizzata l-amministrazzjoni pubblika

Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi dwar l-amministrazzjoni pubblika jittrattaw is-servizzi mogħtija lin-negozji, jindirizzaw id-dewmien fis-sistema legali u l-użu tal-e-government (gvern elettroniku) biex jiġi ffaċilitat il-kuntatt maċ-ċittadini u man-negozji.  Diversi rakkomandazzjonijiet ikopru wkoll il-kwistjoni tat-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva li tittratta l-fondi tal-UE.

Bħalissa l-amministrazzjonijiet pubbliċi tal-UE kollha jinsabu taħt pressjoni: mhux biss qed jiffaċċjaw tnaqqis fil-baġits u fil-livelli tal-personal iżda qed ikollhom jadattaw ukoll għall-aspettattivi soċjetali u tan-negozji li qed isiru dejjem aktar eżiġenti. Hekk kif l-integrazzjoni politika u ekonomika miexja 'l quddiem, jeħtieġ li jimplimentaw regoli tal-UE dejjem aktar sofistikati u eżiġenti. Amministrazzjonijiet dgħajfa f'diversi Stati Membri jikkawżaw problemi li jvarjaw minn diffikultajiet biex isir negozju għal implimentazzjoni fqira tal-fondi tal-UE u traspożizzjoni fqira tal-liġi tal-UE. L-isfida li jiġu żgurati servizzi pubbliċi ta' kwalità għolja tirrikjedi innovazzjoni teknoloġika u organizzattiva, bħal avviċinament determinat lejn l-użu tal-gvern elettroniku. Għadd ta' amministrazzjonijiet jistgħu jibbenefikaw minn skambju aktar intensiv tal-aħjar prassi. Jeħtieġ li tittejjeb l-effiċjenza tas-sistemi tal-ġustizzja ċivili f'ħafna pajjiżi, b'mod partikolari billi jitnaqqas ix-xogħol b'lura, billi jitħaffu l-proċedimenti ġudizzjarji u billi jiġu introdotti forom alternattivi ta' riżoluzzjoni tat-tilwim.

Minħabba l-pressjoni li hemm fuq il-finanzi pubbliċi, il-fondi tal-UE jikkostitwixxu lieva essenzjali li tistimula l-ekonomija u li tiffinanzja proġetti konkreti li jrawmu t-tkabbir f'ħafna pajjiżi. Hemm bżonn li tissaħħaħ il-governanza tal-istituzzjonijiet pubbliċi billi jiġi professjonalizzat ulterjorment is-servizz ċivili, billi tittejjeb il-ġestjoni tar-riżorsi umani, billi jittejbu l-kapaċitajiet analitiċi u billi jiġu żgurati l-kontinwità u l-istabbiltà tal-persunal kompetenti.  Ir-regoli ġew simplifikati fil-livell tal-UE u l-Kummissjoni qed tassisti lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom ta' pprogrammar mill-ġdid li jaġġustaw il-finanzjament aktar lejn il-ħtiġijiet ta' tkabbir.

Ħafna mill-Istati Membri għandhom bżonn iżidu l-isforzi tagħhom biex jindirizzaw il-frodi u l-evażjoni tat-taxxa. L-Istati Membri kollha għandhom xi "ekonomiji klandestini", li jinkludu uħud li huma żviluppati sew. Il-problemi kkawżati mill-frodi u l-evażjoni tat-taxxa jridu jiġu indirizzati f'livelli differenti permezz ta': l-isforzi tal-Istati Membri biex irendu s-sistema tagħhom għall-ġbir ta' taxxi aktar effettiva; kooperazzjoni aktar b'saħħitha u effettiva bejn l-Istati Membri; politika tal-UE ċara u koerenti fil-konfront tal-pajjiżi terzi li tiżgura l-possibbiltà li jittieħdu miżuri adegwati għal kontra l-frodi u l-evażjoni, li jibnu fuq l-użu ta' ċerti ġurisdizzjonijiet mhux tal-UE li ma japplikawx standards ekwivalenti; u politika koordinata u effettiva fir-rigward tal-pajjiżi terzi.

4. Konklużjonijiet

Il-kriżi żvelat żbilanċi profondi ħafna u nuqqas milli jitwettqu r-riformi neċessarji mal-UE kollha. Bħalma dawn il-problemi ħadu ż-żmien biex bdew jinħassu, irid jgħaddi ż-żmien qabel ma l-ekonomija tal-UE terġa' trabbi bażi soda. L-analiżi li saret għas-Semestru Ewropew 2012 turi li l-governanza ekonomika l-ġdida tal-UE qed tibda taħdem, u li din qed tgħin lill-Istati Membri jiffukaw fuq ir-riformi essenzjali li se jwasslu għal tkabbir sostenibbli u għall-impjiegi. Huwa evidenti wkoll li fid-deċiżjonijiet tagħhom dwar il-konsolidazzjoni fiskali, l-Istati Membri mhux dejjem qed jagħżlu t-toroq li l-aktar jifavorixxu t-tkabbir.

B'mod ġenerali, hemm bżonn li fit-tnax-il xahar li ġejjin, il-miżuri ta' tkabbir jingħataw prominenza u urġenza ikbar, filwaqt li titkompla l-ħidma fuq il-konsolidazzjoni u l-istabbilizzazzjoni fiskali tas-settur finanzjarju. Sabiex il-miżuri ta' politika u r-riformi jiġu sfruttati kemm jista' jkun possibbli, jeħtieġ li dan il-proċess isir b'mod koordinat kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak tal-UE.

Permezz tal-proposti li hawn f'din il-Komunikazzjoni u permezz tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi aktar dettaljati tagħha, il-Kummissjoni qed tipproponi miżuri konkreti li jistgħu jgħinu lill-UE terġa' torjenta lilha nnifisha lejn it-tkabbir u toħloq l-impjiegi li jistgħu jgħinuha biex tgħolli l-istandards tal-għajxien, tnaqqas il-faqar u tiżgura tkabbir iktar sostenibbli għall-futur. L-implimentazzjoni ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet hija prijorità. Il-Kummissjoni se tuża l-istrumenti kollha tal-qafas il-ġdid ta' governanza biex tikkontrolla u tivvaluta l-progress li se jsir matul is-sena li ġejja.

Fl-istess ħin, il-Kummissjoni se tkompli tiffoka bil-qawwi fuq l-implimentazzjoni sħiħa tal-Pjan Direzzjonali ta' Ottubru 2011 biex tiżgura approċċ ibbilanċjat li jgħin lill-UE toħroġ mill-kriżi.

Il-Kummissjoni se taħdem b'mod intensiv flimkien mal-Istati Membri u mal-Istituzzjonijiet Ewropej biex timplimenta l-inizjattiva tagħha għat-tkabbir u biex tiżviluppa l-komponenti ewlenin u medda ta' żmien għat-tlestija tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja.

Anness 1:         Is-Semestru Ewropew

Anness 2:         Ir-riżultati tal-analiżi fil-fond u tal-proċeduri ta' defiċit eċċessiv

Anness 1: Is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika

F'Marzu tal-2010, il-Kummissjoni pproponiet l-istrateġija Ewropa 2020 u l-Kunsill Ewropew approvaha. Din hija l-istrateġija tal-UE għat-tkabbir għall-għaxar snin li ġejjin. Għandha ħames miri nominali fl-oqsma tal-impjiegi, tar-R&Ż, tal-klima u l-enerġija, tal-edukazzjoni u tal-ġlieda kontra l-faqar. F'Marzu tal-2011, tlieta u għoxrin Stat Membru qablu wkoll dwar il-Patt Euro Plus biex iżidu l-koordinazzjoni tar-riformi f'oqsma li mhumiex kompletament koperti fil-livell tal-UE (ara l-kaxxa).

Il-Kummissjoni pproponiet ukoll "six-pack" ta' leġiżlazzjoni, li qablu dwaru l-koleġiżlaturi tal-UE, fir-rigward tal-governanza ekonomika, u dan daħal fis-seħħ fit-13 ta' Diċembru 2011. Din il-leġiżlazzjoni l-ġdida tat lill-UE għodod ġodda u effettivi biex japprofondixxu l-monitoraġġ tal-politiki ekonomiċi u fiskali tal-Istati Membri u biex jinfurzaw ir-regoli. Permezz tagħha, ġie emendat il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, bil-għan li tissaħħaħ is-sorveljanza kollettiva tal-finanzi pubbliċi. Il-kriterju tal-proporzjon tad-dejn inkluż fit-Trattat huwa enfasizzat ħafna iktar, u ġew introdotti mekkaniżmi ġodda ta' infurzar (inklużi s-sanzjonijiet) kemm fil-parti preventiva tal-Patt kif ukoll f'dik korrettiva.

Billi ġiet rikonoxxuta l-importanza li l-iżbilanċi makroekonomiċi ta' natura mhux fiskali jiġu indirizzati bil-qawwi, ġie estiż ukoll il-qafas ta' sorveljanza permezz tal-proċedura l-ġdida għall-iżbilanċ makroekonomiku. Din il-proċedura għandha l-għan li tipprevjeni milli jiffurmaw żbilanċi li jikkawżaw riskju għall-istabbiltà ekonomika. Fejn l-iżbilanċi jippersistu, il-proċedura se tiggarantixxi li jittieħdu l-azzjonijiet korrettivi meħtieġa. Il-proċedura l-ġdida tinkludi sistema ta' sanzjonijiet għal nuqqas ripetut ta' konformità mal-azzjonijiet miftiehma. L-ewwel rapport tal-Kummissjoni dwar il-mekkaniżmu ta' twissija, li ġie ppublikat fi Frar 2012, sar bl-użu ta' din il-proċedura l-ġdida.  F'konformità mas-sejbiet li ħarġu minn dan ir-rapport, saru l-ewwel analiżi fil-fond dwar tnax-il pajjiż (il-Belġju, il-Bulgarija, id-Danimarka, Spanja, Franza, l-Italja, Ċipru, l-Ungerija, is-Slovenja, il-Finlandja, l-Isvezja u r-Renju Unit)[10].

Sabiex jaslu għal dawn l-objettivi b'mod kollettiv u biex iressqu flimkien dawn l-impenji kollha, sabiex jiżguraw koordinazzjoni ex-ante u segwitu aħjar tad-deċiżjonijiet, l-Istati Membri qablu u implimentaw għall-ewwel darba fl-2011 mod ġdid ta' kif jikkoordinaw il-politiki nazzjonali, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika.

Iċ-ċiklu jibda bil-pubblikazzjoni tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir (SAT) mill-Kummissjoni Ewropea, li janalizza l-isfidi ekonomiċi u jistabbilixxi l-prijoritajiet għall-UE kollha kemm hi. L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir jiġi ppreżentat lill-Parlament Ewropew u jservi ta' referenza għad-diskussjoni bejn il-Kapijiet tal-Istat jew tal-Gvern fis-summit Ewropew tar-rebbiegħa. Abbażi tal-gwida tagħhom, l-Istati Membri jippreżentaw il-Programmi ta' Stabbiltà u ta' Konverġenza (li jagħtu ħarsa lejn is-sitwazzjoni tal-finanzi pubbliċi tagħhom) u l-Programmi Nazzjonali ta' Riforma (li jagħtu ħarsa lejn il-miżuri li jagħtu spinta lit-tkabbir u lill-impjiegi) f'April, sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tivvalutahom fl-istess waqt. Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tieħu l-għamla ta' proposti għar-rakkomandazzjonijiet annwali speċifiċi għall-pajjiżi, li mbagħad jiġu diskussi mill-konfigurazzjonijiet tal-Kunsill, sal-bidu tas-sajf jiġu approvati mill-Kunsill Ewropew u fl-aħħar jiġu adottati mill-Kunsill. Fit-tieni parti tas-sena, l-Istati Membri jiffinalizzaw il-baġits nazzjonali u l-istrateġiji ta' riforma tagħhom, u l-Kummissjoni u l-entitajiet tal-UE relevanti jiddiskutu u jikkontrollaw il-prestazzjoni u l-progress.

Il-pakkett tal-lum qed iwitti t-triq għall-konklużjoni tat-tieni Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika fil-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2012. Meta mqabbla mas-sena li għaddiet, l-effettività tal-proċess u l-impatt tal-gwida li ngħatat ġew imsaħħa permezz tat-tagħlimiet li nġabru mill-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-2011, permezz tas-sejbiet tal-analiżi fil-fond li twettqu għat-12-il Stat Membru u permezz tal-awtomatiċità ikbar li għandha ssegwi l-adozzjoni tar-rakkomandazzjonijiet proposti għall-azzjoni.

Tabella 1: Ħarsa ġenerali lejn ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi għall-perjodu 2012-2013*

* Għall-Irlanda, il-Greċja, il-Portugall u r-Rumanija, l-unika rakkomandazzjoni li hemm hija li jimplimentaw l-impenji eżistenti skont il-programmi ta' assistenza finanzjarja tal-UE/FMI.

Tabella 2: Ħarsa ġenerali lejn il-miri tal-istrateġija Ewropa 2020[11]

Is-simbolu "*" huwa miżjud meta mira nazzjonali tkun qed tiġi espressa b'indikatur differenti mill-indikatur tal-mira ewlenija tal-UE.

Il-miri tal-Istati Membri || Ir-rata tal-impjiegi (f'%) || Ir-R&Ż f'% tal-PDG || Il-miri ta' tnaqqis fl-emissjonijiet (imqabbla mal-livelli tal-2005)[12] || L-enerġija rinnovabbli || L-effiċjenza fl-enerġija – it-tnaqqis fil-konsum tal-enerġija f'Mtoe[13] || Tluq bikri mill-iskola f'% || Edukazzjoni terzjarja f'% || It-tnaqqis tal-popolazzjoni li qiegħdha fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali, f'għadd ta' persuni

Il-mira nominali tal-UE || 75% || 3% || -20% (imqabbla mal-livelli tal-1990) || 20% || żieda ta' 20 % fl-effiċjenza fl-enerġija li tiswa daqs 368 Mtoe || 10% || 40% || 20 000 000

UE (Stima) || 73.70-74% || 2.65-2.72% || -20% (imqabbla mal-livelli tal-1990) || 20% || 206.5 || 10.3-10.5% || 37.6-38.0%[14] ||

AT || 77-78% || 3.76% || -16% || 34% || 7.16 || 9.5% || 38 % (inkluż l-ISCED 4a, li fl-2010 kien madwar 12 %) || 235 000

BE || 73.2% || 3.0% || -15% || 13% || 9.80 || 9.5% || 47% || 380 000

BG || 76% || 1.5% || 20% || 16% || 3.20 || 11% || 36% ||    260 000*

CY || 75-77% || 0.5% || -5% || 13% || 0.46 || 10% || 46% ||   27 000

CZ || 75% || 1% (is-settur pubbliku biss) || 9% || 13% || M.A. || 5.5% || 32% || Jinżamm l-għadd ta' persuni fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali fil-livell tal-2008 (15.3% tal-popolazzjoni totali), bi sforzi biex jitnaqqas bi 30 000

DE || 77% || 3% || -14% || 18% || 38.30 || <10% || 42% (inkluż l-ISCED 4, li fl-2010 kien madwar 11.4%) || 320 000 (qiegħda għal żmien twil)*

DK || 80% || 3% || -20% || 30% || 0.83 || <10% || Mill-anqas 40% || 22 000 (persuni li jgħixu f'unitajiet domestiċi b'intensità ta' xogħol baxxa ħafna)*

EE || 76% || 3% || 11% || 25% || 0.71 || 9.5% || 40% || 61 860 persuna barra mir-riskju tal-faqar*

EL || 70% || Mira mhux disponibbli || -4% || 18% || 2.70 ||  taħt l-10% || 32% || 450 000

ES || 74% || 3% || -10% || 20% || 25.20 || 15% || 44% || 1 400 000 - 1 500 000

FI || 78% || 4% || -16% || 38% || 4.21 || 8% || 42% (definizzjoni nazzjonali ristretta) || 150 000

FR || 75% || 3% || -14% || 23% || 34.00 || 9.5% || 50% || Tnaqqis tar-rata fissa ta' persuni fir-riskju tal-faqar b'terz matul il-perjodu 2007-2012 jew b'1 600 000 persuna*

HU || 75% || 1.8% || 10% || 14.65% || 2.96 || 10% || 30.3% || 450 000

IE || 69-71% || madwar 2% 2.5% tal-PNG) || -20% || 16% || 2.75 || 8% || 60% ||    200 000*

IT || 67-69% || 1.53% || -13% || 17% || 27.90 || 15-16% || 26-27% || 2 200 000

LT || 72.8% || 1.9% || 15% || 23% || 1.14 || <9% || 40% || 170 000

LU || 73% || 2.3-2.6% || -20% || 11% || 0.19 || <10% || 66% || 6 000

LV || 73% || 1.5% || 17% || 40% || 0.67 || 13.4% || 34-36% ||    121 000*

MT || 62.9% || 0.67% || 5% || 10% || 0.24 || 29% || 33% || 6 560

NL || 80 % || 2,5 % || -16% || 14% || M.A. || <8 % || >40% mistennija 45% fl-2020 ||    93 000*

PL || 71% || 1.7% || 14% || 15.48% ||  13.6 || 4.5% || 45% || 1 500 000

PT || 75% || 3% || 1% || 31% || 6.00 || 10% || 40% || 200 000

RO || 70% || 2% || 19% || 24% || 10.00 || 11.3% || 26.7% || 580 000

SE || Ħafna iktar minn 80 % || Madwar 4 % || -17% || 49% || 12.80 || <10% || 40-45% || Tnaqqis fil-% ta' nisa u rġiel li ma jagħmlux parti mill-forza tax-xogħol (minbarra studenti fuq bażi full-time), tal-qiegħda għal żmien twil jew ta' dawk fuq liv fit-tul minħabba raġunijiet ta' mard, għal ħafna inqas minn 14 %*

SI || 75% || 3% || 4% || 25% || M.A. || 5% || 40% || 40 000

SK || 72% || 1% || 13% || 14% || 1.65 || 6% || 40% || 170 000

UK || Mira mhux fil-PNR || Mira mhux fil-PNR || -16% || 15% || M.A. || Mira mhux fil-PNR || Mira mhux fil-PNR || Miri numeriċi eżistenti tal-Att dwar il-Faqar fost it-Tfal tal-2010*

Anness 2: Ir-riżultati tal-analiżi fil-fond

Fl-14 ta' Frar 2012, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat l-ewwel Rapport tagħha dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija, li tħejja f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi. Ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija eżamina s-sitwazzjoni tal-Istati Membri kollha, minbarra tal-erba' pajjiżi tal-programm (il-Greċja, l-Irlanda, il-Portugall u r-Rumanija). Abbażi ta' qari ekonomiku tat-tabella ta' valutazzjoni bi twissija bikrija, il-Kummissjoni kkonkludiet li kienet iggarantita analiżi aktar fil-fond tal-iżviluppi makroekonomiċi fit-tnax-il Stat Membru segwenti: Il-Belġju, il-Bulgarija, id-Danimarka, Spanja, Franza, l-Italja, Ċipru, l-Ungerija[15], is-Slovenja, il-Finlandja, l-Isvezja u r-Renju Unit.

Għal kull wieħed minn dawn il-pajjiżi, is-servizzi tal-Kummissjoni wettqu analiżi fil-fond speċifiċi għall-pajjiżi.  Dawn qed jiġu ppubblikati bħala Dokumenti ta' Ħidma tal-Persunal, u jagħmlu parti minn dan il-pakkett. Bi tħejjija għal din l-analiżi, saru missjonijiet speċifiċi ta' ġbir ta' fatti, kif previst mil-leġiżlazzjoni[16]. Din il-Komunikazzjoni tissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5.3 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, li skontu l-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew bir-riżultati tal-analiżi fil-fond u toħroġhom fil-pubbliku.

Abbażi tal-analiżi fil-fond li twettqu f'konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni kkonkludiet li jeħtieġ li dawn l-iżbilanċi jiġu indirizzati, u uħud minnhom b'urġenza:

· Il-Belġju qed jesperjenza xi żbilanċi. B'mod partikolari, l-iżviluppi makroekonomiċi fl-oqsma tal-kompetittività esterna tal-merkanzija u tad-dejn, speċjalment il-livell għoli tad-dejn pubbliku, jistħoqqilhom attenzjoni ulterjuri biex jitnaqqas ir-riskju ta' effetti negattivi fuq il-funzjonament tal-ekonomija.

· Il-Bulgarija qed tesperjenza xi żbilanċi. B'mod partikolari, il-livell tad-dejn estern kif ukoll ċerti żviluppi makroekonomiċi relatati mal-proċess ta' tnaqqis tad-dejn mis-settur korporattiv u mal-proċess ta' aġġustament fis-suq tax-xogħol, jistħoqqilhom ċertu attenzjoni biex jitnaqqas ir-riskju ta' effetti negattivi fuq il-funzjonament tal-ekonomija.

· Id-Danimarka qed tesperjenza xi żbilanċi. B'mod partikolari, ċerti żviluppi makroekonomiċi, notevolment dawk li jinsabu fil-bażi tal-kompetittività esterna tagħha, u r-riskji potenzjali relatati mad-dejn tal-unitajiet domestiċi, jistħoqqilhom ċertu attenzjoni biex jitnaqqas ir-riskju ta' effetti negattivi fuq il-funzjonament tal-ekonomija.

Spanja qed tesperjenza żbilanċi serji ħafna. B'mod partikolari, l-iżviluppi makroekonomiċi, notevolment dawk relatati mal-livell sinifikanti ta' dejn tas-settur privat, mal-pożizzjoni negattiva tad-dejn kbir estern u mas-settur finanzjarju, li ġew influwenzati mill-iżviluppi fis-suq residenzjali, jeħtieġu monitoraġġ mill-qrib u attenzjoni urġenti tal-politika ekonomika, bil-għan li jiġu evitati kwalunkwe effetti negattivi fuq il-funzjonament tal-ekonomija u fuq il-funzjonament tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja.

Franza qed tesperjenza żbilanċi serji. B'mod partikolari, ċerti żviluppi makroekonomiċi fl-oqsma tal-prestazzjoni tal-esportazzjoni u tal-kompetittività, jistħoqqilhom ċertu attenzjoni biex jitnaqqas ir-riskju ta' effetti negattivi fuq il-funzjonament tal-ekonomija.

L-Italja qed tesperjenza żbilanċi serji. B'mod partikolari, id-dejn pubbliku għoli u l-iżviluppi makroekonomiċi fil-qasam tal-prestazzjoni tal-esportazzjoni, jistħoqqilhom ċertu attenzjoni billi l-Italja ilha titlef il-kompetittività esterna tagħha sa mill-adozzjoni tal-euro. Minħabba l-livell għoli ta' dejn pubbliku, it-tisħiħ tal-potenzjal tat-tkabbir għandu jitqies bħala prijorità ewlenija biex jitnaqqas ir-riskju ta' effetti negattivi fuq il-funzjonament tal-ekonomija.

Ċipru qed jesperjenza żbilanċi serji ħafna. B'mod partikolari, l-iżviluppi makroekonomiċi skont kif riflessi fil-kont kurrenti, fil-finanzi pubbliċi u fis-settur finanzjarju jirrikjedu monitoraġġ mill-qrib u attenzjoni urġenti tal-politika ekonomika, bil-għan li jiġu evitati kwalunkwe effetti negattivi fuq il-funzjonament tal-ekonomija u fuq il-funzjonament tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja.

L-Ungerija qed tesperjenza żbilanċi serji. B'mod partikolari, ċerti żviluppi makroekonomiċi bħalma huma d-daqs negattiv ħafna tal-pożizzjoni tal-investiment internazzjonali nett u d-dejn pubbliku, jistħoqqilhom attenzjoni mill-qrib ħafna biex jitnaqqsu r-riskji kbar ta' effetti negattivi fuq il-funzjonament tal-ekonomija. . Apparti l-valutazzjoni tal-azzjoni effettiva, u f'konformità mad-dispożizzjonijiet tar-regolament dwar il-Fond ta' Koeżjoni tal-UE, il-Kummissjoni adottat ukoll proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill biex titneħħa s-sospensjoni tal-impenji tal-Fond ta' Koeżjoni ta' Marzu 2012.

Is-Slovenja qed tesperjenza żbilanċi serji. B'mod partikolari, żviluppi makroekonomiċi relatati mal-proċess ta' tnaqqis tad-dejn mis-settur korporattiv u mal-istabbiltà bankarja, u żvilupp mhux favorevoli iżda mhux daqstant urġenti fil-kompetittività esterna, jistħoqqilhom jiġu kkontrollati mill-qrib ħafna biex jitnaqqsu r-riskji kbar ta' effetti negattivi fuq il-funzjonament tal-ekonomija.

Il-Finlandja qed tesperjenza xi żbilanċi. B'mod partikolari, żviluppi makroekonomiċi relatati mal-kompetittività, jistħoqqilhom ċertu attenzjoni biex jitnaqqas ir-riskju ta' effetti negattivi fuq il-funzjonament tal-ekonomija.

L-Isvezja qed tesperjenza xi żbilanċi. B'mod partikolari, ċerti żviluppi makroekonomiċi li jikkonċernaw id-dejn tas-settur privat u s-suq residenzjali, jistħoqqilhom ċertu attenzjoni biex jitnaqqas ir-riskju ta' effetti negattivi fuq il-funzjonament tal-ekonomija.

Ir-Renju Unit qed jesperjenza xi żbilanċi. B'mod partikolari, żviluppi makroekonomiċi fl-oqsma tad-dejn tal-unitajiet domestiċi u tas-suq residenzjali, kif ukoll żviluppi mhux favorevoli fil-kompetittività esterna jistħoqqilhom ċertu attenzjoni, biex jitnaqqas ir-riskju ta' effetti negattivi fuq il-funzjonament tal-ekonomija.

Dawn l-iżbilanċi se jiġu segwiti taħt il-parti preventiva tal-Proċedura għall-Iżbilanċi Makroekonomiċi u huma integrati fir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi fil-qafas tas-Semestru Ewropew.

[1]               COM (2011) 669

[2]               COM (2010) 2020

[3]               COM (2011) 818

[4]               COM (2011)594 u COM (2011) 510

[5]               COM (2011) 400

[6]               COM (2011) 815

[7]               Ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi.

[8]               Il-"pajjiżi tal-programm" (il-Greċja, l-Irlanda, il-Portugall u r-Rumanija) ma ġewx inklużi f'dan l-eżerċizzju.

[9]               COM (2012) 173

[10]             Il-"pajjiżi tal-programm", il-Greċja, l-Irlanda, il-Portugall u r-Rumanija ma ġewx inklużi f'dan l-eżerċizzju.

[11]             Il-miri nazzjonali stabbiliti fil-Programmi Nazzjonali ta' Riforma f'April 2012.

[12]             Il-miri nazzjonali ta' tnaqqis fl-emissjonijiet definiti fid-Deċiżjoni 2009/406/KE (jew id-"Deċiżjoni dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi") jirrigwardaw l-emissjonijiet li mhumiex koperti mis-Sistema għan-Negozjar tal-Emissjonijiet. L-emissjonijiet koperti mis-Sistema għan-Negozjar tal-Emissjonijiet se jitnaqqsu b'21 % meta mqabbla mal-livelli tal-2005. It-tnaqqis globali fl-emissjonijiet korrespondenti se jkun ta' -20 % meta mqabbel mal-livelli tal-1990.

[13]             Għandu jiġi rrimarkat li t-tbassir nazzjonali jvarja wkoll skont is-sena/snin ta' bażi li fuqha/fuqhom jiġu bbażati l-istimi tal-iffrankar.

[14]             Il-kalkulazzjoni ma tinkludix l-ISCED 4 (il-Ġermanja, l-Awstrija), u r-Renju Unit, ir-riżultat bl-ISCED 4: 40.0-40.4%.

[15]             Il-gvern Ungeriż talab formalment li jingħata assistenza finanzjarja prekawzjonarja mill-UE u mill-FMI f'Novembru 2011.

[16]             F'konformità mal-Artikoli 5.1 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, l-analiżi fil-fond għandhom isiru fl-istess żmien li jsiru l-missjonijiet ta’ sorveljanza. Il-missjonijiet seħħew fil-livell tas-servizz bejn Marzu u April.

Top