Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008DC0876

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Il-Politika ta' Koeżjoni: ninvestu fl-ekonomija reali

/* KUMM/2008/0876 finali */

52008DC0876

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Il-Politika ta' Koeżjoni: ninvestu fl-ekonomija reali /* KUMM/2008/0876 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 16.12.2008

KUMM(2008) 876 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Il-Politika ta' Koeżjoni: ninvestu fl-ekonomija reali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Il-Politika ta' Koeżjoni: ninvestu fl-ekonomija reali

1. INTRODUZZJONI

Fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja globali u t-tnaqqis ekonomiku kurrenti, il-Politika ta' Koeżjoni tal-UE tagħti kontribuzzjoni importanti lill-Pjan ta' Rkupru għall-Ekonomija Ewropea[1]. Bħala l-akbar sors ta' investiment tal-Komunità fl-ekonomija reali, il-Politika ta' Koeżjoni tipprovdi appoġġ sinifikanti għall-investiment pubbliku, inkluż fuq livell reġjonali u lokali. Din il-politika hija l-aktar espressjoni importanti tas-solidarjetà Ewropea u għandha l-għan li tappoġġja ċ-ċittadini Ewropej l-aktar fil-bżonn. Matul il-perjodu 2007-13, il-Politika ta' Koeżjoni se tinvesti EUR 347 biljun biex issaħħaħ it-tkabbir u tikkontribwixxi għall-koeżjoni ekonomika u soċjali.

Il-Politika ta' Koeżjoni hija maħsuba biex twettaq investimenti li jagħmlu sens. Mill-allokazzjoni totali tagħha, aktar minn 65 % jew EUR 230 biljun huma intiżi għall-investiment[2] fl-erba' oqsma ta' prijorità tal-istrateġija l-ġdida ta' Liżbona tal-Unjoni għat-tkabbir u l-impjiegi - in-nies, in-negozji, l-infrastruttura u l-enerġija, u r-riċerka u l-innovazzjoni. Il-Politika ta' Koeżjoni tagħti lok għal strateġiji ta' żvilupp koerenti u tikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku u l-iżvilupp soċjali fuq il-medda medja ta' żmien. Tipprovdi ukoll għal sors ta' finanzjament stabbli, sikur, u adattat li jista' jistimula l-irkupru ekonomiku. Dan l-iffukar u l-istabbiltà huwa essenzjali għall-bini ta' fiduċja, l-irkupru tal-fiduċja u l-iffaċilitar tal-investiment.

Għalkemm il-medda sħiħa tar-riċessjoni ma hijiex ċara, huwa probabbli li l-effetti se jinħassu minn ħafna. F'xi Stati Membri l-qgħad diġà qed jikber u indikaturi kummerċjali juru tendenzi negattivi għolja. Id-differenzi fl-impatti fuq Stati Membri u reġjuni differenti se jkunu riflessi f'impatti differenti fuq l-individwi. Fiż-żminijiet ta' diffikultajiet ekonomiċi l-aktar vulnerabbli, bħal dawk soċjalment esklużi u dawk qiegħda, huma l-aktar affettwati.

Fi żminijiet bħal dawn is-settur pubbliku għandu rwol essenzjali biex jassigura s-solidarjetà u jerġa' jġib il-fiduċja, l-aktar permezz tal-provvista ta' investiment pubbliku bżonnjuż biex isaħħaħ it-talba interna fuq il-medda qasira ta' żmien u jpoġġi l-ekonomija fuq binarju ta' żvilupp sostenibbli fuq il-medda medja ta' żmien. Dan huwa fejn il-Politika ta' Koeżjoni jista' jkollha rwol importanti. Filwaqt li huwa rikonoxxut li l-pressjoni fuq il-baġits nazzjonali tista' twassal għal tnaqqis fir-rata tal-investiment ippjanat, l-implimentazzjoni tal-fondi u tal-prijoritajiet tal-Politika ta' Koeżjoni għandha tkun aċċellerata kif ukoll antiċipata biex tagħti tisħiħ f'waqtu lill-ekonomija u tagħti appoġġ lill-persuni milquta minn din il-kriżi. Il-programmi tal-Politika ta' Koeżjoni għandhom il-potenzjal u l-flessibbiltà neċessarja biex jiżguraw li assistenza adattata tkun tista' tingħata issa biex tindirizza l-bżonnijiet ta' prijorità u biex taċċellera l-infiq fl-oqsma bl-akbar potenzjal għal tkabbir.

L-istabbiltà makro-ekonomika u r-riformi strutturali huma rekwiżiti għas-suċċess tal-Politika ta' Koeżjoni flimkien ma' qafas istituzzjonali adegwat. L-investiment pubbliku totali ppjanat matul il-perjodu 2007-13 jammonta għal medja ta' madwar 6 % tal-PGD mistenni[3]. F'xi Stati Membri l-kontribuzzjoni relattiva tal-Politika ta' Koeżjoni fl-investiment pubbliku totali se tkun ta' aktar minn 50 %. Il-modulazzjoni xierqa taż-żmien tal-finanzjament tal-Politika ta' Koeżjoni tista' tipprovdi stimulu finanzjarju importanti fil-medda qasira ta' żmien filwaqt li żżomm l-iffukar fuq il-kapaċità ta' tkabbir tal-ekonomiji tal-Istati Membri fuq il-medda medja ta' żmien sa dik twila.

L-Istati Membri u r-Reġjuni li jirnexxilhom jimplimentaw malajr l-għanijiet tal-programmi jistgħu jtaffu t-tnaqqis ekonomiku, b'mod partikolari f'dawk ir-reġjuni ta' konverġenza li jibbenefikaw minn livelli ogħla ta' appoġġ. Għall-programmi kollha, iż-żamma tal-prijoritajiet miftehma dwar tkabbir u impjiegi tista' tikkontribwixxi għal irkupru aktar malajr meta x-xokk ekonomiku ta' bħalissa jibda jonqos. Minħabba l-kumplimentarjetà bejn il-prijoritajiet tal-Politika ta' Koeżjoni u l-għanijiet tal-politika settorjali tal-UE, l-implimentazzjoni rapida tal-programmi hija ta' importanza akbar għall-kompetittività fuq medda twila ta' żmien.

Ippreżentata bħala appoġġ għall-Pjan ta' Rkupru għall-Ekonomija Ewropea din il-komunikazzjoni għandha l-għan li tenfasizza l-importanza għall-ekonomija reali tal-investimenti ppjanati permezz tal-Politika ta' Koeżjoni u telabora firxa ta' miżuri intiżi biex jaċċelleraw l-investiment tal-Politika ta' Koeżjoni.

2. IT-TITJIB TAR-RILEVANZA TAL-INVESTIMENTI TAL-POLITIKA TA' KOEżJONI FL-EKONOMIJA REALI

Fis-sitwazzjoni ekonomika attwali l-investimenti jistgħu jagħtu stimulu fuq medda qasira ta' żmien filwaqt li jżommu l-iffukar fuq l-isfidi persistenti fl-ekonomija reali fuq medda itwal ta' żmien: l-investiment fl-infrastruttura u l-enerġija ta' prijorità, fil-kapaċità produttiva tal-kummerċ u fil-potenzjal tal-kapital uman. L-aċċenn dwar investimenti sostenibbli jibqà kruċjali.

2.1 . In-nies

Il-Pjan ta' Rkupru ppromwova "inizjattiva ta' appoġġ għall-impjiegi Ewropej" fuq skala kbira u ppropona simplifikazzjoni tal-kriterji għall-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u żidiet fil-pagamenti bil-quddiem mill-bidu tal-2009. Jekk ikun hemm ftehim, l-Istati Membri jkollhom aċċess aktar minn kmieni għal fond li jammonta għal massimu ta' EUR 1.8 biljun biex jirrispondu għall-prijoritajiet fuq medda qasira ta' żmien deskritti hawn taħt. Huwa stmat li madwar 1.5 miljun persuna bla xogħol jistgħu jirċievu appoġġ aktar minn kmieni permezz tad-disponibbiltà f'qasir żmien ta' din il-likwidità.

- L-attivazzjoni u l-inklużjoni attiva fi strateġiji ta' flessigurtà : L-idea prinċipali wara l-flessigurtà hija li jkunu protetti l-impjiegi u l-impjegabbiltà fuq medda twila ta' żmien aktar milli xi impjiegi partikolari. L-għanijiet prinċipali tal-kunċett jiġifieri l-adattabbiltà għall-bidla u s-simplifikazzjoni tat-transizzjoni bejn ix-xogħolijiet, hija rilevanti b'mod partikolari fiċ-ċirkostanzi ekonomiċi attwali. Diversi Stati Membri diġà bdew jimplimentaw strateġiji ta' flessigurtà u kollha kemm huma kkommettew irwieħhom biex jużaw il-politika ta' Koeżjoni biex itejbu l-impjegabbiltà.Taħlita ta' flessibbiltà kuntrattwali u politika tas-suq tax-xogħol imsaħħa tista' tipprovdi rispons rapidu ta' politika. L-aktar ħaddiema żvantaġġjati huma normalment dawk li jintlaqtu l-ewwel minn tnaqqis ekonomiku u huma dawk li jsibuha l-aktar diffiċli biex jirritornaw jaħdmu. Dawk li jfasslu l-politika għandhom bżonn isaħħu l-miżuri attivi u ta' prevenzjoni tas-suq tax-xogħol biex jilqgħu kontra l-qgħad fuq medda twila ta' żmien, b'enfasi speċjali fuq gruppi vulnerabbli b'mod partikolari ħaddiema akbar fl-età, dawk bi ftit ħiliet, jew minoritajiet. Il-FSE jista’ jintervjeni malajr biex jissimplifika t-transizzjonijiet billi jipprovdi taħriġ speċjalizzat, pariri personalizzati fuq xogħol, apprendistat, impjiegi sussidjati kif ukoll għotjiet u krediti żgħar għal dawk li jaħdmu għal rashom u negozji li għandhom jibdew. Mal-EUR 21.7 biljun huma diġà disponibbli biex jitjieb l-aċċess għall-impjiegi, minbarra EUR 10 biljun li huma maħsuba biex itejbu l-inklużjoni attiva ta' persuni żvantaġġjati. Biex jitnaqqsu l-effetti tal-kriżi u ssir promozzjoni tal-inklużjoni soċjali, l-azzjonijiet li jappoġġjaw persuni żvantaġġjati jistgħu jingħataw prijorità biex ikunu fost l-ewwel interventi tal-FSE.It-transizzjoni b'suċċess wara t-telf tal-impjiegi tiddependi wkoll fuq id-disponibbiltà ta' servizzi tax-xogħol f'ħin qasir u ta' kwalità. Il-Politika ta' Koeżjoni tikkontribwixxi EUR 2.2 biljun għat-tisħiħ tal-istituzzjonijiet tas-suq tax-xogħol u jista' jkun hemm bżonn għal aktar fi żmien qasir. Fil-każ ta' previżjonijiet negattivi tal-impjiegi, l-Istati Membri għandhom ikomplu jsaħħu r-rwol tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi tagħhom bħala atturi prinċipali biex miżuri attivi tax-xogħol ikunu indirizzata b'mod effettiv u b'mod li joħolqu qbil akbar bejn il-ħiliet u l-impjiegi.Risposta effettiva għall-impatt soċjali u fuq l-impjiegi tal-kriżi , u b'mod aktar wiesa' tal-implimentazzjoni effettiva tar-riformi tas-suq tax-xogħol relatati ma' flessigurtà, se tkun biss possibbli bil-parteċipazzjoni attiva tas-sħab soċjali. Il-FSE jipprovdi appoġġ finanzjarju biex isaħħaħ id-djalogu soċjali u għal azzjonijiet konġunti meħudha mis-sħab soċjali.

- It-tqabbil tal-ħiliet mal-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol : In-nuqqas ta' tqabbil tal-ħiliet mal-impjiegi huwa ta' tħassib dejjem akbar f'ħafna mill-Istati Membri u t-tempesta finanzjarja se tkabbar in-nuqqas ta' ekwilibru fuq il-medda qasira ta' żmien. Filwaqt li l-għanijiet fuq medda medja u twila ta' żmien f'dan is-settur ma għandhomx ikunu injorati, huwa importanti li wieħed jiffoka fuq it-titjib tal-ħiliet kemm jista' jkun malajr, b'mod partikolari fis-setturi li qed ibatu biex isibu ħaddiema b'ħiliet xierqa. L-akkwist ta' ħiliet ġodda jista' jservi bħala għodda proattiva biex is-sikurezza tax-xogħol tinżamm u titkabbar kif ukoll biex ikun hemm protezzjoni kontra t-telf tal-impjiegi.Sforzi kbar għat-titjib tal-ħiliet fil-livelli kollha tal-kwalifiki, l-iżvilupp tal-kapital uman, u l-investiment effettiv fl-edukazzjoni se jkunu essenzjali biex ipoġġu lill-UE lura fit-triq għall-irkupru, biex taffaċċja l-bdil demografiku u biex tibbenefika mit-transizzjoni lejn ekonomija li hija effiċjenti fl-użu tal-enerġija u fl-emissjonijiet tal-karbonju. Minħabba r-rikonoxximent tar-ritorn ekonomiku mill-investiment fl-edukazzjoni, ir-riżorsi tal-FSE iddedikati għat-titjib tal-kapital uman fil-perjodu tal-programm 2007-2013 kienu miżjuda għal madwar EUR 25 biljun. Barra minn dan, EUR 13.5 biljun mill-politika ta' Koeżjoni huma previsti biex jappoġġjaw l-adattament tal-ħaddiema, l-intrapriżi u l-intraprendituri, li jinkludu wkoll l-iżvilupp ta' sistemi għall-antiċipazzjoni ta' bdil ekonomiku u bżonnijiet futuri f'termini ta' impjiegi u ħiliet. Din l-antiċipazzjoni tal-bżonnijiet ta' ħiliet futuri hija kruċjali, mhux lanqas biex isiru preparamenti għall-bidliet ekonomiċi. L-inizjattiva Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda[4] se tikkontribwixxi għal dan il-għan.

L-Istati Membri huma għalhekk mistiedna biex:

- Jinvestu fil-komponenti relevanti ta' flessigurtà b'mod partikolari permezz tal-attivazzjoni ta' skemi rinforzati biex jiżguraw ir-riintegrazzjoni rapida ta' ħaddiema żejda fis-suq tax-xogħol;

- Jiffukaw mill-ġdid, jekk hemm bżonn, il-programmi tal-FSE għall-gruppi l-aktar affettwati mill-kriżi;

- Isostnu l-investimenti għat-titjib tal-kwalità tal-edukazzjoni u għat-tkabbir tal-livelli ġenerali tal-ħiliet, b'mod partikolari għal dawk bi ftit ħiliet jew gruppi żvantaġġjati;

- Jużaw il-politika ta' Koeżjoni biex itejbu l-mekkaniżmi ta' antiċipazzjoni u t-tqabbil tal-ħiliet mal-postijiet ta' xogħol vakanti eżistenti u dawk antiċipati.

2.2 . In-negozju

Miżuri biex wieħed jiżgura negozji innovattivi u dinamiċi b'saħħithom hija ċertament soluzzjoni għall-irkupru mill-kriżi ekonomika u waħda mill-akbar sfidi fl-ekonomija globali tal-lum. L-SMEs huma l-aktar vulnerabbli hekk kif id-disponibbiltà tal-kreditu tonqos. L-iskarsezza akbar tal-kreditu tista’ tinftiehem li hija riżultat li beda mill-kriżi fis-settur bankarju iżda li se tkun aċċentwata b'mod aktar importanti minn eżasperazzjonijiet akbar tar-riskji mill-istituzzjonijiet tal-kreditu. It-tnaqqis fid-domanda se jwassal lill-kumpaniji biex inaqqsu l-attivitajiet tagħhom u jinvestu anqas, b'mod partikolari fl-innovazzjoni li hija bbażata fuq investiment intanġibbli fuq medda twila ta' żmien.

- L-aċċess għall-finanzi huwa naturalment l-aktar importanti fis-sitwazzjoni meta ssir aktar diffiċli għan-negozji, b'mod partikolari dawk li għadhom jibdew u SMEs, biex isibu finanzjamenti f'ambjent finanzjarju li qed jevita r-riskji. Il-Kummissjoni ilha tappoġġja b'mod attiv l-użu ta' strumenti li jitħallsu lura bħal debitu, ekwità u garanziji b'mod kumplimetari kemm skont il-programm tal-UE għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni u skont il-Politika ta' Koeżjoni. Biex jikber il-vantaġġ tal-investimenti tal-UE għall-perjodu attwali tal-programm, il-Kummissjoni u l-Fond Ewropew għall-Investiment (FEI) nedew il-JEREMIE ("Riżorsi Konġunti Ewropej għall-Intrapriżi Mikro sa Medji" (Joint European Resources for Micro to Medium Enterprises)) li għandhom l-għan li joħolqu kummerċ ġdid u jgħinu lill-SMEs jespandu. Barra minn dan, hekk kif il-kriżi finanzjarja u t-tnaqqis ekonomiku jillimitaw ir-riżorsi pubbliċi li għandna bżonn issa, aktar minn qatt qabel, qed issir bidla minn finanzjament ibbażat biss fuq l-għotjiet għal wieħed ta' strumenti li jitħallsu lura.

- Mikro-kreditu: Il-Kummissjoni ilha tagħti attenzjoni dejjem akbar lir-rwol kruċjali tal-mikro-intrapriżi u lil forom ta' finanzjament li huma adattati għall-bżonnijiet tagħhom[5]. Fl-10 ta' Settembru 2008, il-Kummissjoni u l-Grupp tal-BEI nedew JASMINE ("Azzjoni Konġunta għall-Appoġġ tal-Istituzzjonijiet ta' Mikro-finanzjament fl-Ewropa" (Joint Action to Support Micro-Finance Institutions in Europe)) biex jipprovdu diversi forom ta' assistenza teknika u finanzjarja biex jgħinu primarjament fornituri tal-mikro-kreditu li ma humiex banek biex itejbu l-kwalità tal-operat tagħhom, biex jespandu u biex isiru sostenibbli. Dan il-proġett se jinkludi fażi preparatorja ta' tliet snin mill-2009-2011 bi stima ta' baġit totali ta' madwar EUR 50 miljun.

- Miżuri ta' appoġġ għan-negozji : Il-Politika ta' Koeżjoni allokat EUR 55 biljun bejn l-2007 u l-2013 għall-appoġġ tan-negozji, li minnhom parti kbira hija ddedikata biex tindirizza l-appoġġ għall-innovazzjoni direttament fl-SMEs, inkluż appoġġ għall-gruppi. Ħafna mill-attivitajiet ipprogrammati huma skont l-azzjonijiet l-aktar neċessarji b'mod immedjat fis-sitwazzjoni ekonomika kurrenti, billi jiffukaw b'mod partikolari fuq sfidi għan-negozji fl-ekonomija reali fuq medda twila ta' żmien. Dawn il-prijoritajiet jinkludu l-esplojtazzjoni ta' sistemi potenzjali tal-ICT, teknoloġiji b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju u prodotti li jiffunzjonaw b'rispett akbar għall-ambjent, tekniċi ta' produzzjoni u proċessi li huma effiċjenti fl-użu tal-enerġija.

- Il-Bini tal-Kapaċitajiet : Il-politiċi pubbliċi effettivi jirrikjedu amministrazzjoni kompetenti u effiċjenti, imparzjali u orjentata lejn il-klijent. Speċjalment fi żmien ta' tnaqqis ekonomiku, it-tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali u amministrattiva li għandu l-għan li joħloq ambjent tan-negozju stabbli jsaħħaħ l-aġġustamenti strutturali u jistimula t-tkabbir u l-impjiegi. It-tnaqqis tal-piżijiet regolatorji u amministrattivi fuq in-negozji jikkontribwixxi għal żidiet fil-produttività u tisħiħ tal-kompetittività. EUR 2 biljuni mill-FSE jappoġġjaw il-bini tal-kapaċità istituzzjonali u r-riforma amministrattiva. L-azzjonijiet f'dan il-qasam jistgħu jnaqqsu b'mod sinifikanti l-piżijiet amministrattivi fuq in-negozji u jgħinu aktar persuni jsiru intraprendituri. Dan jinkludi l-possibbiltà li jkun żgurat li negozju ġdid jista' jitwaqqaf ikun fejn ikun fl-UE fi żmien tlett ijiem mingħajr spejjeż u permezz ta' punt ta' riferiment wieħed.

L-Istati Membri huma għalhekk mistiedna biex:

- Ifittxu li jassiguraw investiment fil-kompetittività fuq medda twila ta' żmien tal-intrapriżi, b'mod partikolari SMEs, u jaċċelleraw dawn l-investimenti fejn possibbli.

- Isaħħu l-appoġġ lil dawk li jitilfu l-impjieg fil-kriżi attwali, inkluż b'għotjiet żgħar jew krediti biex iwaqqfu l-intrapriża tagħhom, billi jipprovdu ħiliet intraprenditorjali u amministrattivi.

- Iżidu malajr ir-rikors għall-inizjattiva JEREMIE u jaċċelleraw l-implimentazzjoni tagħha billi jiffirmaw ftehimiet ta' fondi miżmuma mal-EIF u/jew istituzzjonijiet finanzjarji oħra.

- Jieħdu vantaġġ mis-sinerġiji bejn l-istrumenti finanzjarji għall-SMEs iffinanzjati mill-Politika ta' Koeżjoni u mill-Programm ta' Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni.

- Itejbu l-ambjent nazzjonali biex iħallu l-iżvilupp ta' inizjattivi tal-mikro-kreditu u jieħdu vantaġġ mill-appoġġ ta' assistenza teknika offrut għall-inizjattivi tal-mikro-kreditu permezz tal-faċilità JASMINE.

- Iżommu impenji lejn il-bini tal-kapaċità istituzzjonali għaliex din timpatta b'mod pożittiv il-ħolqien ta' ambjent propens għall-kummerċ u taċċellera l-immodernizzar tal-amministrazzjonijiet pubbliċi tagħhom.

N Il-Kummissjoni:

- Se żżid b'mod sostanzjali, flimkien mal-FEI, id-disponibbiltà tal-assistenza finanzjarja u teknika biex tgħin fl-iżvilupp tal-aċċess għall-istrumenti finanzjarji.

- Ipproponiet emendi għad-dispożizzjonijiet regulatorji biex jitjieb l-ambjent għat-twaqqif ta' strumenti tat-tip JEREMIE.

2.3 . L-infrastruttura u l-enerġija

Il-persistenza dwar l-investiment fl-enerġija, trasport, infrastruttura tal-ICT u netwerks fl-Ewropa ssir aktar importanti meta ffaċċjata mill-prospett ta' riċessjoni. Il-waqgħa lura fl-investimenti ppjanati f'dan is-settur ikollha impatti ekonomiċi negattvi fil-medda qasira ta' żmien u toħloq riskju ta' mminar tal-prospetti għal tkabbir fil-futur fuq medda twila ta' żmien. Pereżempju riċessjoni tista' tħarrax l-iżvantaġġ ta' dawk ir-reġjuni li għandhon infrastruttura tal-enerġija anqas żviluppata u r-riskji tal-provvista ta' sigurtà f'reġjuni li qegħdin f'sitwazzjoni li hija diġà prekarja. Il-politika ta' infrastruttura tajba u l-iffukar fuq it-titjib tal-effiċjenza tal-enerġija, il-produzzjoni ta' enerġiji rinovabbli u t-trasport sostenibbli se jgħinu lill-Ewropa tissopravivi t-tempesta ekonomika kurrenti. Tindirizza ukoll sfidi oħra: ir-riduzzjoni fl-emissjonijiet tal-gassijiet li jikkawżaw l-effett serra, il-protezzjoni tal-industrija u l-konsumaturi mill-prezz volatili tal-fjuwil u t-titjib tal-ambjent lokali. Dan l-appoġġ joffri wkoll opportunitatjiet biex ikun żgurat ix-xogħol, ikunu protetti l-impjiegi u l-kummerċ.

- Trasport : Biex tappoġġja l-iżvilupp ta' infrastruttura tat-trasport sostenibbli, il-Politika ta' Koeżjoni se tiddedika EUR 38 biljun għal proġetti ta' netwerks Trans-Ewropej (TEN-T) matul il-perjodu 2007-13 u se tipprovdi finanzjament għall-konnessjonijiet sekondarji biex jitjieb l-aċċess għat-TEN-Ts. Il-programmi tal-Politika ta' Koeżjoni jippjanaw ukoll li jinvestu f'sistemi ta' trasport ambjentalment sostenibbli, inkluż trasport urban nadif.

- L-enerġija : Kif enfasizzat fil-Pjan ta' Rkupru għall-Ekonomija Ewropea, il-kriżi finanzjarja preżenti żżid il-bżonn għall-immodernizzar tas-settur tal-enerġija Ewropew u d-diversifikazzjoni tas-sorsi ta' provvista biex tkun garantita enerġija li hija biżżejjed u li wieħed ikun jista' jippermetti jakkwista f'suq mondjali volatili. L-UE ta' 27 pajjiż wirtet konnessjonijiet tal-enerġija bejn il-Punent-Lvant u t-Tramuntana-Nofsinhar mhux daqshekk tajba liema stat iwaqqa' is-sigurtà tal-provvista u tas-solidarjetà fis-suq intern tal-enerġija kollu. Biex tgħin tindirizza din il-problema l-Politika ta' Koeżjoni qed tappoġġja l-proġetti ta' prijorità tat-TEN-E permezz ta' EUR 675 miljun għall-perjodu 2007-13 u se tinvesti EUR 4.8 biljun għall-iżvilupp ta' enerġiji rinovabbli, inkluż appoġġ għall-produzzjoni deċentralizzata u produzzjoni distrettwali tas-sħana. L-EUR 4 biljun imsemmija fil-Pjan ta' Rkupru għall-Ekonomija Ewropea għall-investiment fl-interkonnessjonijiet tal-enerġija se jkunu addizzjonali u kumplimentari għall-allokazzjonijiet tal-Politika ta' Koeżjoni.

- It-titjib fl-effiċjenza tal-enerġija se jkun deċiżiv għall-kompetittività Ewropea u jirrappreżenta għażla li tipprovdi rebħ minn kull aspett fil-ġlieda kontra l-bdil fil-klima. L-investiment f'miżuri effiċjenti tal-enerġija jġib miegħu benefiċċji immedjati: tnaqqis fl-ispejjeż għad-djar u negozji; il-ħolqien ta' tkabbir u impjiegi u inkoraġġiment għat-transizzjoni lejn ekonomija b'emmissjonijiet baxxi ta' karbonju. Skont il-Politka ta' Koeżjoni għall-perjodu 2007-13, EUR 4.2 biljun huma diġà allokati biex jappoġġjaw it-titjib fl-effiċjenza tal-enerġija.

- Internet b'veloċità għolja għaċ-ċittadini kollha tal-UE : Fil-programmi relevanti tal-Politika ta' Koeżjoni EUR 2.2 biljun kienu diġà allokati għall-infrastruttura tal-ICT għall-perjodu 2007-2013. Il-EUR 1 biljun għall-internet b'veloċità għolja msemmi fil-Pjan ta' Rkupru għandu jkun addizzjonali u kumplimentari għal dawn l-allokazzjonijiet.

- Ħiliet għal ekonomija b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju : It-transizzjoni lejn soċjetà b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju għandha tkun akkumpanjata mill-identifikazzjoni u l-provvista ta' ħiliet ġodda għal impjiegi ġodda, inkluż impjiegi favur l-ambjent. Il-komponenti tal-kapital uman tal-programmi tal-Politika ta' Koeżjoni għandhom ikunu wżati biex isaħħu l-isforzi tal-Istati Membri f'dan is-settur.

Biex itejbu u jaċċelleraw il-preparazzjoni ta' proġetti kbar skont il-Politika ta' Koeżjoni f'dawn l-oqsma u f'oħrajn il-Kummissjoni u l-Bank Ewropew għall-Investiment (BEI), żviluppaw JASPERS – "Assistenza Konġunta ta’ Appoġġ għal Proġetti fir-Reġjuni Ewropej" (Joint Assistance in Supporting Projects in European Regions)[6]. Tipprovdi assistenza lill-awtoritajiet amministrattivi fl-UE-12 fil-preparazzjoni ta' proġetti kbar f'investimenti infrastrutturali ta' prijorità tal-UE.

Inizjattiva separata tal-Kummissjoni, tal-BEI, tal-Bank tal-Kunsill tal-Ewropa (BKE) JESSICA – "Appoġġ Konġunt Ewropew għall-Investiment Sostenibbli fiż-Żoni tal-Ibliet" (Joint European Support for Sustainable Investment in City Areas) – huwa mmirat biex jaċċellera u jtejjeb l-investimenti sostenibbli fl-effiċjenza tal-enerġija, trasport urban, infrastruttura tal-ICT, riġenerazzjoni, eċċ, fil-kuntest urban.

- Fir-rigward tal-infrastruttura u tal-enerġija l-Istati Membri huma għalhekk mistiedna biex:

- Jagħmlu l-aħjar użu mill-programmi nazzjonali u reġjonali biex jiżguraw tkabbir kontinwu fl-użu ta' sorsi rinovabbli.

- Jagħmlu l-aħjar użu mill-programmi nazzjonali u reġjonali biex jiżguraw li bini ġdid huwa ddisinjat b'livell għoli ta' effiċjenza tal-enerġija u li l-istess livelli huma implimentati f'bini eżistenti (bħala modifiki ulterjuri), inkluż fil-każ ta' familji bi dħul baxx.

- Jagħmlu użu mill-fondi biex iħarrġu mill-ġdid u jaġġornaw il-ħaddiema għal impjiegi ġodda f'ekonomija b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju.

- Jagħmlu użu sħiħ mill-faċilità JASPERS biex jippreparaw infrastrutturi strateġiċi u jagħmlu l-aħjar użu mill-assistenza tal-Politika ta' Koeżjoni favur proġetti kbar.

- Jieħdu vantaġġ sħiħ mill-possibbiltajiet offruti minn JESSICA fir-rigward tal-fondi għall-iżvilupp urban integrat.

- Jieħdu vantaġġ mis-sinerġiji fl-iżvilupp ta' infrastrutturi differenti u bejn is-sorsi varji ta' finanzjamenti tal-Komunità (il-Politika ta' Koeżjoni, it-TEN-T, it-TEN-E, is-Seba' Programm ta' Qafas għall-Iżvilupp tar-Riċerka u tat-Teknoloġija, il-Programm ta' Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni u l-BEI) u l-BERŻ.

; Il-Kummissjoni tipproponi dan li ġej:

- Il-kapaċità ta' assistenza teknika ta' JASPERS tkun miżjuda b'25 % mill-2009. Dan se jipprovdi kontribuzzjoni sinifikanti fil-ħeffa tal-preparazzjoni ta' proġetti kbar. Biex tkun faċilitata din iż-żieda l-Kummissjoni se taħdem mill-qrib mas-sħab tagħha fil-faċilità JASPERS.

- L-emenda tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) biex iħalli appoġġ għal titjib fl-enerġija effiċjenti u enerġija rinovabbli fid-djar għall-benefiċċju ta’ familji bi dħul baxx fl-Istati Membri kollha.

- L-emenda għad-dispożizzjonijiet regolatorji biex itejbu l-ambjent għal finanzjamenti nazzjonali simili għall-istrumenti JESSICA.

2.4 . Ir-Riċerka u l-Innovazzjoni

L-investiment ppjanati skont il-politika ta' Koeżjoni fl-ekonomija tal-għarfien – stmati għal EUR 86 biljun jew 25 % tat-total[7] – għandhom jibqgħu prijorità minkejja t-tnaqqis ekonomiku kurrenti. Billi l-investimenti kapitali privati fir-R&Ż huma marbuta mal-prodott ekonomiku b'mod ġenerali, il-kontinwità tal-istabbiltà fl-infiq fis-settur pubbliku u l-ħolqien ta' Żona ta' Riċerka Ewropea huma importanti b'mod partikolari biex ikun żgurat l-iffukar adekwat tal-ekonomija fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni, li huma l-pedament tat-tkabbir fuq il-medda twila ta' żmien. L-Ewropa ma tistax taġixxi b'tali mod li tevita r-riskji fir-rigward tal-investimenti fil-produzzjoni ta' għarfien ġdid u l-innovazzoni, speċjalment f'dan iż-żmien.

Setturi Ewropej ta' R&Ż b'saħħithom u l-innovazzjoni f'kull settur se jkunu vitali għall-implimentazzjoni tal-għanijiet tat-tkabbir u l-impjiegi ta' Liżbona u għas-sejba ta' soluzzjonijiet sostenibbli għal kwistjonijiet ambjentali jaħarqu bħall-bdil fil-klima u l-isfidi tal-enerġija. Il-Politika ta' Koeżjoni ħolqot kundizzjonjiet stabbli għall-finanzjament kontinwu tal-istrateġiji tar-R&Ż u l-Innovazzjoni. B'rikonoxximent tal-importanza ta' aktar investiment fir-R&Ż u l-iffukar mogħti fil-Linji-Gwida Strateġiċi tal-Politika ta' Koeżjoni, l-investimenti tal-Politika ta' Koeżjoni f'dawn is-setturi huma ppjanati li jiżdiedu sewwa għall-perjodu 2007-2013 għall-Istati Membri kollha.

Minn esperjanza fil-passat huwa ċar li, biex jirnexxu, il-miżuri tal-politika tar-riċerka u l-innovazzjoni għandhom bżonn ikunu ffukati fuq l-azzjonijiet ta' prijorità u segwiti b'konsistenza. L-isforzi biex jinżamm il-livell ta' investiment ippjanat se jkunu ta' importanza kbira jekk l-Ewropa jrid jirnexxiela ttejjeb il-kapaċità fl-innovazzjoni fis-sens wiesa', inkluż il-ħolqien ta' prodotti u servizzi ġodda għas-suq. Iż-żamma tal-impenji nazzjonali għar-R&Ż u l-innovazzjoni jistgħu jkunu ta' sfida fid-dawl tat-tnaqqis ta' kreditu bħalissa u tal-pressjoni kurrenti fuq il-finanzjament pubbliku, iżda s-setturi pubbliċi għandhom rwol importanti x'jaqdu biex jiżguraw klima stabbli ta' investiment fir-R&Ż u l-Innovazzjoni u biex ikunu ppreparati bl-aħjar mod għal dak li jista' jinqala.

L-Istati Membri huma għalhekk mistiedna biex:

- Ikompli jappoġġjaw, permezz tal-programmi tal-Politika ta' Koeżjoni, l-investimenti fl-infrastruttura ta' riċerka tal-bini tal-kapaċità tar-R&Ż, infrastruttura tar-R&Ż fuq skala żgħira mmexxija mill-industrija fi gruppi b'għarfien intesiv u kapital uman f'setturi b'potenzjal qawwi ta' tkabbir (bħall-ICT, l-effiċjenza tal-enerġija u teknoloġiji tal-enerġija b'emmissjonijiet baxxi ta' karbonju);

- Jisfruttaw kemm jista' jkun is-sinerġiji bejn is-sorsi varji tal-finanzjamenti Kominutarji, pubbliċi u privati tal-attivitajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni biex jiżguraw li l-prijoritajiet f'dawn is-setturi jkomplu jkunu ffinanzjati.

3. PROPOSTI U RAKKOMANDAZZJONIJIET

Il-Pjan komprensiv ta' Rkupru għall-Ekonomija Ewropea propost mill-Kummissjoni jispjea l-bżonn għal stimulu fiskali maġġuri li jinkludi taħlita ta' azzjonijiet nazzjonali u Komunitarji. Billi huwa rikonoxxut li fis-sitwazzjoni ekonomika preżenti,. kemm il-baġits privati kif ukoll dawk pubbliċi aktarx ikunu taħt pressjoni, sett ta' miżuri marbuta mal-investimenti tal-Politika ta' Koeżjoni kienu proposti sabiex ikunu sfruttati l-punt fokali u l-istabbiltà ta' din il-politika. Dawn il-miżuri jinvolvu taħlita ta' proposti leġiżlattivi, li l-Kummissjoni pproponiet għall-adozzjoni kemm jista' jkun malajr mill-istituzzjonijiet relevanti, u inizjattivi biex jintużaw bis-sħiħ l-istrumenti eżistenti.

Il-proposti għal emendi leġislattivi ffukati[8] jistgħu jkunu karatterizzati kif ġej:

- Miżuri li jtejbu l-likwidità tal-awtoritajiet pubbliċi li għandhom ir-responsabbiltà li jfasslu programmi nazzjonali u reġjonali. Dawn id-dispożizzjonijiet jinkludu sett ieħor ta' finanzjamenti minn qabel fl-2009 u miżuri li jistgħu jgħaġġlu r-rimborż tal-ispejjeż minfuqa għal proġetti kbar u fil-qafas tal-iskemi ta' għajnuna mill-istat.

- Il-kjarifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jiffaċilitaw il-ħolqien ta' strumenti ta' finanzjament ta' inġinerija bil-għan li jitgħaġġel l-aċċess għall-miżuri finanzjarji;

- Is-simplifikazzjoni fir-rigward tal-użu aktar wiesa' tar-rati fissi u spejjeż mħallsa f'daqqa li jippermettu lill-awtoritajiet pubbliċi biex jippreparaw proġetti u miżuri aktar malajr;

- L-espanjoni tal-possibbiltajiet ta' appoġġ għall-investiment fit-titjib tal-enerġija effiċjenti u tal-enerġija rinovabbli fid-djar favur familji bi dħul baxx fl-UE 27.

Kumplimentari għall-bidliet leġiżlattivi proposti l-Kummissjoni tipproponi l-prinċipji u l-azzjonijiet li ġejjin biex tiggwida lill-Istati Membri biex jisfruttaw bis-sħiħ il-possibbiltajiet eżistenti u jippreparaw biex jagħmlu użu mill-bidliet leġiżlattivi proposti.

- Azzjoni diretta lejn investiment li jagħmlu sens: Taħt iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali preżenti, l-Istati Membri u l-Kummissjoni jistgħu jeżaminaw it-tibdiliet possibbli għall-għanijiet u l-prijoritajiet tal-programmi operattivi biex ikabbru aktar l-iffukar fuq l-investimenti f'setturi b'potenzjal immedjat ta' tkabbir u/jew ta' urġenza immedjata. Pereżempju, l-investiment fl-enerġija effiċjenti, it-teknoloġija nadifa, is-servizzi ambjentali, l-infrastruttura u l-interkonnessjonijiet, in-netwerks tal-Internet ta' frekwenza wiesa', l-antiċipazzjoni u t-tqabbil tal-ħiliet mal-bżonnijiet futuri tas-suq, jew il-ħolqien ta' finanzjament ġdid għall-SMEs (jiġifieri SMEs li jinvestu fir-riċerka intensiva jew fl-innovazzjoni). Fil-programmi eżistenti, l-Istati Membri, f'ħidma mill-qrib mal-Kummissjoni, huma mistiedna jagħtu prijorità immedjata lil investimenti simili li jtejbu l-produttività.

- L-isfruttar tal-possibbiltajiet għal finanzjament innovattiv għall-SMEs: Il-potenzjal ta' strumenti simili għal JEREMIE li jipprovdu lill-SMEs b'aċċess għall-finanzi għandu jkun sfruttat bis-sħiħ. L-Istati Membri huma mistiedna jipparteċipaw b'mod attiv fil-politika ta' kuntatti li se tkun varata mill-Kummissjoni b'kooperazzjoni mal-FEI fl-2009.

- L-isfruttar tal-opportunitatjiet eżistenti : L-approċċ strateġiku u l-ambitu wiesa' tal-programmi eżistenti diġà joffri flessibbiltajiet importanti. Fil-prinċipju mhuwiex possiblli għall-amministraturi tal-programmi li jbiddlu r-rittmu relattiv tal-infiq u tal-implimentazzjoni matul il-prijoritajiet differenti u l-kategoriji ta' benefiċjarji jew li jibdlu l-interventi mal-miżuri kumplimentari. Il-Kummissjoni se tagħmel dak kollu li tista' biex tassisti lill-Istati Membri u tinkoraġġixxi l-użu sħiħ tal-flessibbiltà fil-limiti tal-qafas legali.

- Ngħaġġlu l-implimentazzjoni tal-programmi: Biex tingħata spinta lill-implimentazzjoni tal-programmi l-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jiffinalizzaw it-tfassil tas-sistemi nazzjonali amministrattivi u ta' kontoll tagħhom skont id-dispożizzjonijiet u l-prinċipji regolatorji relevanti. Dan se jgħaġġel it-transazzjonijiet finanzjarji interim b'mod ġenerali filwaqt li jirrispetta l-prinċipju ta' amministrazzjoni finanzjarja tajba.

- Iż-żamma tal-investiment pubbliku: Fid-dawl tal-isfidi biex ikun żgurat biżżejjed ko-finanzjament, l-Istati Membri jistgħu jvarjaw il-kontribuzzjonijiet Komunitarji u nazzjonali għall-programmi individwali fi programm: Pereżempju xi operazzjonijiet jistgħu jkunu ffinanzjati 100 % mill-Politka ta' Koeżjoni fl-2009. Dawn l-antiċipazzjonijiet fil-pagamenti jridi jkunu bbilanċjati b'operazzjonijiet iffinanzjati minn sorsi nazzjonali biss jew b'rati ogħla ta' ffinanzjar nazzjonali fl-aħħar tal-perjodu tal-programm.

- L-Istati Membri huma mistiedna biex:

- Japprofittaw ruħhom mill-possibbiltajiet biex jaċċelleraw l-interventi bżonnjużi elenkati fl-għanijiet miftiehma tal-programm.

- Jimmobilitaw l-avvanzi eżistenti u dawk addizzjonali proposti fl-2009 biex jiffinanzjw bil-quddiem l-interventi ta' prijorità u jibdew malajr l-implimentazzjoni tal-programmi tal-perjodu 2007-2013.

- Jeżaminaw jekk hemmx bżonn ta' tibdil urġenti fil-programmi biex jgħaġġlu l-implimentazzjoni minn kmieni fil-limitu tal-flessibbiltajiet diġà eżistenti.

- Jużaw ir-rapporti strateġiċi nazzjonali[9] tagħhom, li kellhom ikunu ppreżentati fl-2009, bħala opportunità biex jirrappurtaw l-ewwel riżultati tal-implimentazzjoni tal-verżjoni l-ġdida tal-programmi. Dawn ir-rapport għandhom importanza akbar fid-dawl tal-kundizzjonijiet ekonomiċi ġodda. Fejn hemm bżonn dawn jistgħu jippreżentaw proposti studjati u aktar fundamentali għar-reviżjoni strateġika tal-programmi u l-għanijiet tagħhom hekk kif ikun hemm aktar ċarezza dwar l-effetti tar-riċessjoni attwali.

.

Il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri biex teżamina:

- Il-possibbiltà ta' tibdiliet minn kmieni għall-Programmi Operattivi bil-għan li jkunu indirizzati l-bżonnijiet ġodda, ikun simplifikat il-mod tat-twassil u tkun mgħaġġla l-implimentazzjoni tal-prijortatjiet stabbiliti;

- Il-possibbiltà ta' tibdiliet minn kmieni għall-Programmi Operattivi bil-għan li jiddaħħal finanzjament għall-investiment fl-enerġija effiċjenti u fl-enerġija rinovabbli għad-djar fil-programmi fl-UE-15 u jissaħħu dawn l-investiment fl-UE-12.

- Finalment,. Il-Kummissjoni se teżamina r-rikjesti għal estensjonijiet qosra tal-limitu taż-żmien sakemm jagħlqu l-programmi 2000-2006 sabiex tħalli l-użu massimu tal-impenji diġà meħuda u biex tnaqqas id-diffikultajiet biex jinġabar kapital tard fl-2008.

4. KONKLUżJONI

Il-Politika ta' Koeżjoni qed tipprovdi riżultati importanti li huma ta' użu għall-ekonomija reali permezz tal-aġendi tal-UE dwar tkabbir u impjiegi u dwar żvilupp sostenibbli. B'investiment finanzjarju sostenibbli u amministrazzjoni deċentralizzata ffukata fuq it-titjib tat-tfassil tal-politika, responsabbiltà u kontroll, il-Politika ta' Koeżjoni tipprovdi appoġġ vitali għat-tkabbir u l-impjiegi fuq livell lokali u reġjonali, fejn l-effetti tal-kriżi finanzjarja u ekonomika se jinħassu miċ-ċittadini Ewropej. Il-Politika ta' Koeżjoni hija diġà maħsuba biex tappoġġja lill-Istati Membri u r-reġjuni bl-akbar bżonn sabiex tnaqqas l-inugwaljanzi, tippromwovi t-tkabbir u ssaħħaħ il-koeżjoni ekonomika u soċjali tal-UE.

Fid-dawl tat-tnaqqis eknonomiku, it-twaqqif tal-miżuri leġiżlattivi u miżuri oħra msemmija f'din il-Komunikazzjoni se jagħtu kontribut għall-Pjan ta' Rkupru għall-Ekonomija Ewropea. L-aċċellerazzjoni u l-ħlas bil-quddiem tal-investimenti tal-Politika ta' Koeżjoni jista' jkollhom l-effet pożittiv tal-ħolqien tad-domanda f'setturi ewlenin tal-ekonomija u jistgħu jipprovdu stimulu finanzjarju fil-medda qasira ta' żmien filwaqt li jipprovdu appoġġ lil dawk affettwati b'mod dirett. Il-konsistenza fil-prijoritajiet ta' investiment hekk kif identifikati fl-Istrateġija ta' Liżbona hija kruċjali għaliex dawn il-prijoritajiet jistgħu jikkontribwixxu għal irkupru ekonomiku aktar mgħaġġel u jindirizzaw l-isfidi fuq medda twila ta' żmien bħat-titjib tal-kompetittività u l-adattament għal ekonomija b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju.

L-implimentazzjoni kemm jista' jkun malajr ta' dawn il-miżuri se tirrikjedi kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istituzzjonijiet Ewropej l-oħra, l-Istati Membri, il-partijiet kollha interessati fil-programmi u l-Kummissjoni Ewropea.

[1] KUMM(2008) 800, 26.11.2008, Il-Pjan ta' Rkupru għall-Ekonomija Ewropea.

[2] KUMM(2007) 798, 11.12.2007, l-Istati Membri u r-Reġjuni qed jimplimentaw l-istrateġija ta' Liżbona għat-tkabbir u l-impjiegi permezz tal-Politka ta' Koeżjoni tal-UE, 2007-2013

[3] Ara l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-istima ex-ante tal-prinċipju ta' addizzjonali tà 2007-2013, li se tkun ippubblikata fil-futur qrib.

[4] KUMM(2008) 868, 16 ta’ Diċembru 2008

[5] KUMM(2007) 708, 13 ta' Novembru 2007, “Inizjattivi Ewropea għall-iżvilupp tal-mikro-kreditu għall-appoġġ tat-tkabbir u tal-impjiegi”.

[6] JASPERS hija faċilità ta' assistenza teknika tal-Kummissjoni, tal-BEI, tal-BERŻ u tal-KfW li toffri assistenza fil-fażijiet kollha tal-preparazzjoni tal-proġett.

[7] SEC(2007)1547, 14.11.2007, Reġjuni li qed jimplimentaw l-innovazzjoni permezz tal-Politika ta' Koeżjoni

[8] KUMM(2008) 803, proposta għal emenda għar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 dwar il-FEŻR, il-FSE u l-Fond ta' Koeżjoni.KUMM(2008) 838, Proposta għal emenda għar-Regolament (KE) Nru 1080/2006 dwar il-FEŻRKUMM(200)8 813, Proposta għal emenda għar-Regolament (KE) Nru 1081/2006 dwar il-FSE

[9] Skont l-Artikolu 29 tar-Regolament KE Nru 1083/2006 dawn ir-rapporti għandhom jindirizzaw kwistjonijiet bħall-kontribuzzjoni tal-programmi għall-għanijiet tal-Politika ta' Koeżjoni u l-promozzjoni tal-kompetittività u l-ħolqien ta' xogħol kif ukoll jindirizzaw is-sitwazzjoni soċjo-ekonomika.

Top