Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008DC0800

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew - Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku

/* KUMM/2008/0800 finali */

52008DC0800

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew - Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku /* KUMM/2008/0800 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussell, 26.11.2008

KUMM(2008) 800 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL EWROPEW

Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku

Iż-żmien għall-azzjoni huwa issa

It-test veru għall-gvernijiet u l-istituzzjonijiet Ewropej jiġi meta dawn ikunu ffaċċjati bl-aktar ċirkostanzi diffiċli. Fi żminijiet bħal dawn, jenħtieġ li juru immaġinazzjoni; jenħtieġ li juru determinazzjoni; u jenħtieġ li juru flessibilità. Jinħtieġ li juru li huma sensittivi għall-ħtiġijiet tal-familji u l-komunitajiet madwar l-Unjoni Ewropea, li huma kapaċi jsibu r-rispons korrett għat-tnaqqis f'daqqa fil-prospetti għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi fl-Ewropa.

Fuq kollox, l-Ewropa se tiġi ġġudikata skont ir-riżultati. Minn meta bdiet il-ħ idma tagħha din il-Kummissjoni enfasizzat il-kapaċità tal-Unjoni Ewropea sabiex tipprovdi r-riżultati għaċ-ċittadini tagħha. Hija mmirat l-azzjoni tagħha lejn l-oqsma li għandhom impatt fuq l-Ewropej f'kull rokna tal-UE. Hija ffavoriet approċċ ta' sħubija fil-ħidma mal-atturi ewlenin f'kull livell. Għamlitha ċara li l-ħidma ma tkunx tlestiet sakemm l-impatt ma jinħassx fil-prattika.

Il-kriżi ekonomika kurrenti tagħti opportunità oħra sabiex jintwera li l-Ewropa sservi liċ-ċittadini tagħha l-aħjar meta tenfasizza l-azzjoni konkreta. L-Ewropa tista' tagħmel differenza.

Fi żminijiet diffiċli, it-tentazzjoni hi li wieħed iħossu li ma jista' jagħmel xejn. Iżda l-Ewropa mhix f'din il-qagħda. L-għodod tal-gvernijiet, l-istrumenti tal-Unjoni Ewropea, l-influwenza tal-koordinazzjoni intelliġenti jammontaw għal forza qawwija li twaqqaf ix-xejra lejn riċessjoni aktar profonda. Ewropa li hija lesta li toffri azzjoni rapida, kuraġġuża, ambizzjuża u mmirata tajjeb se tkun Ewropa li tista' twaqqaf it-tnaqqis ekonomiku u tibda xejra ġdida. Se nirnexxu jew infallu flimkien.

Il-kontribut partikolari tal-Unjoni Ewropea huwa l-kapaċità tagħha li tgħin lill-imsieħba jaħdmu flimkien. Li jiġu magħquda flimkien l-azzjoni tal-Istati Membri u tal-Komunità jirriżulta f'għodda qawwija għall-bidla. Din tiftaħ il-bieb għall-utilizzazzjoni tal-aħjar kwalitajiet ta' kull parti tal-Ewropa għall-aħjar effett possibbli. Tippermettilna wkoll li nfasslu r-rispons globali għal din il-kriżi globali.

Xahar ilu, il-Kummissjoni ħadet l-inizjattiva li turi kif azzjoni deċiżiva u kkoordinata tista' tirrispondi għall-kriżi ekonomika. Għandi l-pjaċir ngħid li fil-ħidma tagħhom sabiex jindirizzaw is-sitwazzjonijiet tagħhom, il-gvernijiet nazzjonali ġew ispirati mill-prinċipji komuni maqbula għall-azzjoni Ewropea. Illum, il-Kummissjoni qed issaħħaħ din il-pjattaforma għal azzjoni konġunta bi pjan sabiex tillimita l-iskala tat-tnaqqis ekonomiku u tistimola d-domanda u l-kunfidenza, u b'hekk issalva mijiet ta' eluf ta' impjiegi u żżomm l-impriżi kbar u żgħar jaħdmu sakemm jerġa' lura t-tkabbir ekonomiku.

Il- Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku għandu żewġ pilastri ewlenin, u hu bbażat fuq prinċipju wieħed:

- L-ewwel pilastru huwa injezzjoni qawwija ta' saħħa tax-xiri fl-ekonomija, sabiex tissaħħaħ id-domanda u tiġi stimulata l-kunfidenza. Il-Kummissjoni qed tipproponi li, b'urġenza, l-Istati Membri u l-UE jaqblu dwar impuls baġitarju immedjat li jammonta għal € 200 biljun (1.5% tal-PGD), sabiex jagħtu stimolu lid-domanda, f'rispett sħiħ għall- Patt ta' stabbilità u tkabbir.

- It-tieni pilastru jistrieħ fuq il-ħtieġa li l-azzjoni fuq terminu qasir tiġi diretta sabiex tirrinforza l-kompetittività fit-tul. Il-Pjan jippreżenta programm komplut sabiex jidderieġi l-azzjoni lejn investiment "intelliġenti". Investiment intelliġenti jfisser investiment fil-ħiliet li huma tajbin għall-ħtiġijiet ta' għada; investiment f'effiċjenza fl-enerġija sabiex jinħolqu l-impjiegi u tiġi ffrankata l-enerġija; investiment f'teknoloġiji ndaf sabiex jiġu megħjuna setturi bħall-kostruzzjoni u l-karozzi fis-swieq b'karbonju baxx tal-futur; u investiment f'infrastruttura u interkonnessjoni sabiex tiġi promossa l-effiċjenza u l-innovazzjoni. Fl-istess ħin, l-għaxar Azzjonijiet għall-Irkupru inklużi fil-Pjan se jgħinu lill-Istati Membri sabiex jistabbilixxu l-għodod soċjali u ekonomiċi sabiex jilqgħu l-isfidi ta' llum: sabiex jagħmlu disponibbli finanzjament ġdid għall-SME, inaqqsu l-piżijiet amministrattivi u jagħtu stimolu qawwi għall-investiment għall-immodernizzar tal-infrastruttura. Dan iwassal għal Ewropa kompetittiva lesta għall-ekonomija b'livell baxx ta' karbonju.

- Il-prinċipju fundamentali ta' dan il-Pjan huwa s-solidarjetà u l-ġustizzja soċjali. Fi żminijiet iebsa, l-azzjoni tagħna għandha tkun immirata sabiex ngħinu lil dawk li l-aktar għandhom bżonn. Sabiex naħdmu għall-ħarsien tal-impjiegi permezz ta' azzjoni dwar l-ispejjeż soċjali. Sabiex nindirizzaw immedjatament il-prospetti fit-tul tax-xogħol ta' dawk li qed jitilfu l-impjieg tagħhom, permezz tal-Fond Ewropew għall-Aġġustament għall-Globalizzazzjoni u Fond Soċjali Ewropew aċċellerat. Sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-enerġija għal dawk vulnerabbli permezz ta' effiċjenza fl-enerġija mmirata tajjeb. Sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet ta' dawk li għadhom ma jistgħux jużaw l-internet bħala għodda għall-konnessjoni.

Ninsab konvint li fi żminijiet ta' kriżi, jinfetħu opportunitajiet sabiex tiġi aċċellerata l-bidla u jiġu introdotti riformi strutturali li jgħinuna nirnexxu fl-ekonomija globalizzata tal-futur. Din hija opportunità kbira għall-Ewropa.

Issa għandna fuq il-mejda pjan komplut u ambizzjuż ta' rkupru. Aktar ma nwettquh malajr, aktar inkunu qed nipprovdu malajr l-għajnuna meħtieġa mill-Ewropej illum.

José Manuel Durão Barroso

Brussell, is-26 ta' Novembru 2008

1. INTRODUZZJONI

Il-kriżi finanzjarja globali laqtet lill-UE ħażin ħafna. L-iskarsezza tal-kreditu u l-waqgħat fil-prezzijiet tad-djar u fil-boroż finanzjarji qegħdin kollha kemm huma jsaħħu t-tnaqqis qawwi fil-kunfidenza tal-konsumaturi, il-konsum u l-investiment. Il-familji u l-individwi jinsabu taħt pressjoni reali. L-ordnijiet tal-impriżi waqgħu. Is-setturi li jiddependu fuq il-kreditu tal-konsumaturi – bħall-kostruzzjoni privata u l-industrija tal-karozzi – raw is-suq tagħhom jonqos drastikament f'bosta Stati Membri.

L-aħħar previżjonijiet ekonomiċi taw stampa negattiva ta' tkabbir ekonomiku ta' kważi żero u riskju ta' tnaqqis għall-ekonomija tal-UE fl-2009, bil-qgħad jiżdied b'madwar 2.7 miljun fis-sentejn li ġejjin, sakemm ma titteħidx azzjoni korrettiva. Fil-ġimgħat sa minn meta ħarġu l-previżjonijiet, il-kundizzjonijiet ekonomiċ komplew jiddeterjoraw:

- Il-kundizzjonijiet fis-swieq finanzjarji għadhom fraġli, u huwa probabbli li dawn jibqgħu ristretti għal perjodu itwal milli mistenni;

- Il-kunfidenza fost l-individwi u l-impriżi waqgħet għal livell ħafna aktar baxx milli kien mistenni;

- It-tnaqqis fir-rata tat-tkabbir ekonomiku qed jolqot ukoll l-ekonomiji emerġenti, b'effetti negattivi għall-esportazzjonijiet Ewropej.

Iż-żona tal-euro u bosta Stati Membri diġà jinsabu f'riċessjoni. Ir-riskju huwa li din is-sitwazzjoni tkompli tmur għall-agħar: li l-investiment u x-xiri tal-konsumaturi jiġu posposti, u dan iwassal għal ċirku vizzjuż ta' tnaqqis fid-domanda, tnaqqis fil-pjanijiet tan-negozju, tnaqqis fl-innovazzjoni u tnaqqis fl-impjiegi. Dan jista' jdaħħal lill-UE f'riċessjoni profonda u twila: l-ekonomija tkompli tiċkien matul is-sena li ġejja u l-qgħad jiżdied b'bosta miljuni.

Hija meħtieġa azzjoni rapida u deċiżiva sabiex jitwaqqaf dan l-ispiral 'l isfel. L-Ewropa jinħtiġilha tuża l-għodod kollha li jinsabu għad-dispożizzjoni tagħha. Dan ifisser li l-Istati Membri u l-Unjoni jaħdmu flimkien, jikkoordinaw fl-Ewropa u jsostnu rispons globali akbar. Filwaqt li kienet qed tieħu ħsieb din il-kriżi, l-Unjoni assigurat li l-livell tal-UE u l-azzjoni nazzjonali ħadmu flimkien. Dan irnexxa sabiex ġab l-istabilità fi żmien ta' periklu immedjat. Issa, l-Istati Membri tal-UE għandhom jerġgħu jieħdu vantaġġ mill-punti ta' saħħa tal-UE – koordinazzjoni effettiva, oqfsa kredibbli offruti mill-Patt għall-Istabbilità u t-Tkabbir Ekonomiku u l-Istrateġija ta' Liżbona, flimkien mal-benefiċċji tal-iskala offruti mill-euro u mill-akbar suq uniku fid-dinja. It-taħlita ta' azzjoni nazzjonali u dik tal-UE tista' tgħin lill-Istati Membri kollha jaffrontaw l-agħar tat-tempesti ekonomiċi globali u joħorġu mill-kriżi aktar b'saħħithom.

L-euro, b'mod partikolari, tat prova li hi imprezzabbli għall-ekonomiji tal-UE u li hija element essenzjali għall-istabbilità. Appoġġjata mir-rwol b'saħħtu tal-Bank Ċentrali Ewropew indipendenti, l-euro tipproteġi kontra l-movimenti destabbilizzanti fir-rati tal-kambju, li kienu jikkomplikaw ħafna r-reazzjonijiet nazzjonali għall-kriżi.

Xahar ilu, il-Kummissjoni ħadet l-inizjattiva li tippreżenta l-pjanijiet tagħha sabiex taffronta l-kriżi finanjzarja, u indirizzat id-diffikultajiet tal-ekonomija aktar wiesgħa u għamlet lill-Ewropa attur ewlieni fir-risposta globali għall-kriżi finanzjarja[1]. Fil-bidu ta' Novembru, il-Kapijiet ta' Stat u Gvern tal-UE qablu dwar il-ħtieġa għal rispons koordinat u talbu lill-Kummissjoni sabiex tagħmel proposti sabiex jiġu diskussi fil-laqgħa tagħhom ta' Diċembru.

Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku

Dan il-Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku huwa r-risposta tal-Kummissjoni għas-sitwazzjoni ekonomika kurrenti. Fid-dawl tal-iskala tal-kriżi li qed niffaċċjaw, l-UE teħtieġ approċċ koordinat, kbir u ambizzjuż biżżejjed sabiex jerġa' jagħti lura l-kunfidenza lill-konsumaturi u l-impriżi. Hija teħtieġ li ġġib flimkien l-għodod kollha tal-politika disponibbli fuq il-livelli tal-UE u nazzjonali. Il-biċċa l-kbira tal-għodod tal-politika ekonomika, u b'mod partikolari dawk li jistgħu jistimiluaw id-domanda tal-konsumaturi fl-immedjat, huma f'idejn l-Istati Membri. L-Istati Membri qed jibdew minn pożizzjonijiet differenti ħafna f'termini ta' spazju ta' manuvra fiskali. Iżda dan iżid l-importanza tal-koordinazzjoni effettiva.

L-Istati Membri kollha jinħteġilhom li jieħdu azzjoni sabiex jaffrontaw il-kriżi. Jekk ikunu kkoordinati tajjeb, l-isforzi nazzjonali jistgħu jilħqu għanijiet differenti b'mod parallel. Huma jistgħu itaffu l-impatt tar-riċessjoni fl-immedjat. Iżda huma jistgħu wkoll jippromwovu r-riformi strutturali meħtieġa sabiex jgħinu lill-UE toħroġ aktar b'saħħitha mill-kriżi, mingħajr ma tiġi mminata s-sostenibilità fiskali aktar fit-tul. Għal din ir-raġuni, dan il-Pjan għall-Irkupru jpoġġi enfasi partikolari fuq l-innovazzjoni u fuq li l-investiment tal-UE jagħti aktar kas l-ambjent. Il-livell tal-UE jista' jopera bħala katalist għal "azzjoni intelliġenti" bħal din, li permezz tagħha l-politiki u l-fondi tal-UE jgħinu lill-Istati Membri sabiex iżommu jew jantiċipaw investimenti li joħolqu l-impjiegi, isaħħu d-domanda, u jsaħħu l-kapaċità tal-Ewropa sabiex tibbenefika mill-globalizzazzjoni.

L-għanijiet strateġiċi tal-Pjan għall-Irkupru huma li:

- Malajr kemm jista' jkun jistimulaw id-domanda u jsaħħu l-kunfidenza tal-konsumaturi;

- Jitnaqqas il-prezz uman tat-tnaqqis ekonomiku u l-impatt tiegħu fuq dawk li huma l-aktar vulnerabbli. Bosta ħaddiema u l-familji tagħhom huma milquta mill-kriżi jew se jiġu milquta minnha. Tista' tittieħed azzjoni sabiex jitnaqqas it-telf ta' impjiegi; u mbagħad sabiex in-nies jiġu megħjuna jirritornaw malajr fis-suq tax-xogħol, minflok jiffaċċjaw qgħad fit-tul;

- L-Ewropa tiġi megħjuna sabiex tieħu vantaġġ meta jerġa jibda t-tkabbir sabiex l-ekonomija Ewropea tkun orjentata lejn il-ħtiġijiet tal-kompetittività u l-futur, kif ippreżentat fl-Istrateġija ta' Liżbona għat-Tkabbir Ekonomiku u l-Impjiegi. Dan ifisser li jitwettqu r-riformi strutturali neċessarji, li tiġi appoġġjata l-innovazzjoni, u li tinbena ekonomija tal-għarfien;

- Li sseħħ aktar malajr il-bidla favur ekonomija b'livell baxx ta' karbonju. Dan iqiegħed lill-Ewropa f'pożizzjoni tajba sabiex tapplika l-istrateġija tagħha sabiex tillimita t-tibdil fil-klima u tippromwovi s-sigurtà tal-enerġija: strateġija li se tistimola l-innovazzjoni, toħloq impjiegi ġodda ambjentali u tiftaħ opportunitajiet ġodda fi swieq mondjali li qed jikbru malajr, tillimita l-kontijiet tal-enerġija għaċ-ċittadini u l-impriżi, u tnaqqas id-dipendenza tal-Ewropa fuq l-enerġija minn barra.

Filwaqt li jsegwi dawn il-miri, il-Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku huwa mfassal sabiex:

- Jisfrutta s-sinerġiji u jevita l-effetti negattivi sekondarji permezz ta' azzjoni koordinata;

- Jagħmel użu mill-għodod kollha disponibbli tal-politika, il-politiki fiskali, ir-riformi strutturali u tas-suq finanzjarju u l-azzjoni esterna;

- Jassigura koerenza sħiħa bejn l-azzjonijiet immedjati u l-għanijiet fuq terminu medju jew twil;

- Jieħu inkunsiderazzjoni b'mod sħiħ in-natura globali tal-problema u jfassal il-kontribut tal-UE għar-risposti internazzjonali.

Dan il-Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku jipproponi rispons makroekonomiku kontraċikliku għall-kriżi fil-forma ta' ġabra ambizzjuża ta' azzjonijiet sabiex tiġi appoġġjata l-ekonomija reali. L-għan huwa li tiġi evitata riċessjoni profonda. Il-Pjan huwa ankrat fil-Patt ta' stabbilità u tkabbir u l-Istrateġija ta' Liżbona għat-Tkabbir Ekonomiku u l-Impjiegi. Huwa jikkonsisti f'dan li ġej:

- Impuls baġitarju immedjat li jammonta għal € 200 biljun (1.5% tal-PGD tal-UE), li jikkonsistu f'espansjoni baġitarja mill-Istati Membri ta' € 170 biljun (madwar 1.2% tal-PGD tal-UE), u finanzjament tal-UE f'appoġġ għal azzjonijiet immedjati ta' € 30 biljun (madwar 0.3 % tal-PGD tal-UE);

- U numru ta' azzjonijiet ta' prijorità komuni, ibbażati fuq l-Istrateġija ta' Liżbona, u mfassla fl-istess ħin sabiex jadattaw l-ekonomiji tagħna għal sfidi fit-tul, li jkomplu jimplimentaw ir-riformi strutturali mmirati li jżidu t-tkabbir potenzjali.

2. Nappoġġjaw l-ekonomija reali u nsaħħu l-kunfidenza

Minħabba li l-ekonomiji tal-Istati Membri kollha huma integrati ħafna, jaqsmu flimkien Suq Intern wieħed u bosta politiki komuni, kull rispons għandu jgħaqqad flimkien aspetti monetarji u ta' kreditu, politika baġitarja, u azzjonijiet tal-istrateġija ta' Liżbona għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi.

2.1. Kundizzjonijiet monetarji u ta' kreditu.

2.1.1. Ir-rwol tal-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali l-oħra

Fis-sitwazzjoni kurrenti, il-politika moneterja wkoll għandha rwol kruċjali. Fid-dawl tal-aspettattivi mnaqqsa għall-inflazzjoni fit-terminu medju, Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għaż-żona tal-Ewro, flimkien ma' banek ċentrali oħra tal-UE, diġà baxxa r-rati tal-imgħax. Il-BĊE indika li hemm spazju għal aktar tnaqqis. Il-BĊE diġà wera l-importanza tiegħu fl-istabbilizzar tas-swieq billi silef lill-banek u kkontribwixxa għall-likwidità.

2.1.2. Ir-rwol tal-banek

Fl-għerq tal-problemi fl-ekonomija reali hemm l-instabbilità fis-swieq finanzjarji. Settur finanzjarju affidabbli u effiċjenti huwa prerekwiżit għal ekonomija b'saħħitha u li tikber. L-istabbilizzar tas-sistema bankarja huwa għalhekk l-ewwel pass biex jitwaqqaf it-tnaqqis u jiġi promoss irkupru rapidu u sostenibbli. L-UE għandha tkompli dan l-isforz komuni sabiex jerġgħu jinbnew l-istabbilità u l-kunfidenza fis-settur finanzjarju li għadu fraġli u sabiex jinħolqu l-kundizzjonijiet għal irkupru ekonomiku sostnut. Il-kriżi kixfet riskji fil-forma kurrenti ta' governanza tas-swieq finanzjarji li saru jew jistgħu jsiru sistemiċi fi żminijiet ta' taqlib serju. Il-pass tar-riformi se jinżamm matul ix-xhur li ġejjin sabiex terġa tingħata l-istabbilità u jiġu mħarsa l-interessi taċ-ċittadini u l-impriżi Ewropej.

Iżda issa huwa kruċjali li l-banek jerġgħu jassumu r-rwol normali tagħhom li jipprovdu l-likwidità u jappoġġjaw l-investiment fl-ekonomija reali. L-Istati Membri għandhom jużaw l-appoġġ finanzjarju pprovdut lis-settur bankarju sabiex jikoraġġixxu ritorn għal attivitajiet normali ta' self u jassiguraw li t-tnaqqis fir-rati tal-imgħax ċentrali jaslu għand il-konsumaturi. Il-Kummissjoni se tkompli tissorvelja l-impatti ekonomiċi u fuq il-kompetizzjoni tal-miżuri meħuda sabiex jappoġġjaw is-settur bankarju.

2.1.3. Ir-rwol tal-Bank Ċentrali Ewropew u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp

Il-kriżi preżenti teħtieġ interventi msaħħa mill-grupp tal-Bank Ewropew għall-Investiment (BEI). Il-BEI se jżid l-interventi annwali tiegħu fl-UE b'madwar €15 biljun għas-sentejn li ġejjin. Din iż-żieda fl-attività se tieħu l-forma ta' self, kapital, garanziji u finanzjament b'parteċipazzjoni fir-riskju, u se twassal ukoll biex tistimula investiment addizzjonali minn sorsi privati. B'kollox, dan il-pakkett propost mill-BEI se jgħin sabiex jiġu mmobilizzati riżorsi privati f'appoġġ għal investimenti addizzjonali matul is-sentejn li ġejjin. Sabiex il-BEI ikun jista' jżid l-attivitajiet ta' investiment tiegħu, l-Istati Membri għandhom jiddeċiedu qabel tmiem is-sena sabiex jinkorporaw ir-riżervi tal-BEI sabiex jirrinfurzaw il-bażi kapitali tiegħu b'€60 biljun, li jipprovdi sinjal politiku viżibbli ħafna lis-swieq u jżid b'mod sinifikanti l-kapaċità tal-bank li jislef. Il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (EBRD) wkoll huwa mistenni li jżid €500 miljun fis-sena mal-livell preżenti ta' finanzjament tiegħu fl-Istati Membri l-ġodda.

2.2. Politika Baġitarja

Jekk terġax tiġi stabbilita mill-ġdid il-kunfidenza se jiddependi fuq l-abilità tal-Ewropa li ssaħħaħ id-domanda billi tuża b'mod sħiħ il-flessibilità offruta mill-Patt ta' Stabbilità u Tkabbir revedut. Fis-sitwazzjoni kurrenti, il-politika baġitarja għandha rwol aktar importanti mis-soltu sabiex tistabbilizza l-ekonomiji u ssostni d-domanda.

Huwa biss permezz ta' pakkett ta' stimolu sinifikanti li l-Ewropa tista' tirrispondi għax-xejra negattiva li hi mistennija fid-domanda, bl-effetti indiretti negattivi tagħha fuq l-investimenti u l-impjiegi. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tipproponi li l-Istati Membri jaqblu fuq pakkett koordinat ta' stimolu baġitarju li għandu jsir bla dewmien, ikun immirat tajjeb u jkun ukoll temporanju, u li għandu jiġi implimentat immedjatament.

Fil-kuntest tal-baġits nazzjonali għall-2009, dan l-impuls baġitarju għandu jkun ta' € 170 biljun, li jirrappreżentaw 1.2% tal-PGD tal-Unjoni, sabiex jipproduċi impatt sostantiv pożittiv u rapidu fuq l-ekonomija Ewropea u l-impjiegi, flimkien mar-rwol tal-istabbilizzaturi awtomatiċi. Nefqiet u/jew tnaqqis fit-taxxi iklużi fl-impuls baġitarju għandhom ikunu konsistenti mal-flessibilità offruta mill-Patt għall-Istabbilità u t-Tkabbir Ekonomiku u jirrinfurzaw ir-riformi strutturali tal-Istrateġija ta' Liżbona. Dan l-istimolu baġitarju għandu jkun temporanju. L-Istati Membri għandhom jimpenjaw ruħhom li jreġġgħu lura d-deterjorament baġitarju u jirritornaw għall-miri stabbiliti fl-għanijiet għal terminu medju.

Sabiex jiġi mmassimizzat l-impatt tiegħu, l-istimolu baġitarju għandu jagħti kas tal-pożizzjonijiet tal-bidu ta' kull Stat Membru. Huwa ċar li mhux l-Istati Membri kollha huma fl-istess pożizzjoni. Dawk li ħadu vantaġġ miż-żminijiet tajba sabiex jiksbu pożizzjonijiet aktar sostenibbli ta' finanzjament pubbliku u jtejbu l-pożizzjonijiet kompetittivi tagħhom issa għandhom aktar spazju fejn jimmanuvraw. Għal dawk l-Istati Membri, partikolarment barra miż-żona tal-euro, li qed jiffaċċjaw żbilanċi esterni u interni sinifikanti, il-politika baġitarja għandha essenzjalment ikollha l-mira li tikkoreġi dawn l-iżbilanċi.

L-istimolu baġitarju għandu jkun imfassal tajjeb u bbażat fuq il-prinċipji li ġejjin:

(1) Għandu jkun bla dewmien, temporanju, immirat tajjeb u kkoordinat

Il-pakketti nazzjonali ta' stimolu baġitarju għandhom ikunu:

- bla dewmien sabiex jappoġġjaw malajr l-attività ekonomika matul il-perjodu ta' domanda baxxa, għaliex dewmien fl-implimentazzjoni jista' jfisser li l-impuls fiskali jasal biss meta l-irkupru jkun diġà beda;

- temporanji sabiex jiġi evitat deterjorament permanenti fil-pożizzjonijiet baġitarji li jimminaw is-sostenibilità u eventwalment ikunu jeħtieġu finanzjament permezz ta' żidiet sostnuti futuri fit-taxxi;

- immirati lejn is-sors tal-isfida ekonomika (iż-żieda fil-qgħad, l-impriżi/individwi neqsin mill-kreditu, eċċ. u jappoġġjaw ir-riformi strutturali) għaliex dan jimmassimizza l-impatt ta' stabbilizzazzjoni tar-riżorsi baġitarji limitati;

- koordinati sabiex jimmultiplikaw l-impatt pożittiv u jassiguraw sostenibilità baġitarja fit-tul.

(2) Għandu juża taħlita ta' strumenti tad-dħul u l-infiq.

B'mod ġenerali, l-infiq pubbliku diskrezzjonali jkollu impatt pożittiv akbar fuq id-domanda fuq terminu qasir meta mqabbel mat-tnaqqis fit-taxxi. Dan għaliex bosta konsumaturi jistgħu jippreferu jġemmgħu milli jonfqu, jekk it-tnaqqis fit-taxxi ma jkunx limitat fiż-żmien. Meta jitqiesu s-sitwazzjonijiet differenti tal-Istati Membri, jistgħu jiġu kkunsidrati dawn il-miżuri li ġejjin[2]:

- In-nefqa pubblika għandha impatt fuq id-domanda fuq terminu qasir. Miżuri li jistgħu jiġu introdotti malajr u mmirati lejn l-individwi u l-familji li huma milquta partikolarment ħażin mit-tnaqqis fit-tkabbir ekonomiku probabbilment jinfluwenzaw il-konsum b'mod kważi dirett, pereżempju trasferimenti temporanjament miżjuda għan-nies qiegħda jew l-individwi u familji bi dħul baxx, jew estensjoni temporanja għat-tul tal-benefiċċji tal-qgħad. Dan jista' jsir ukoll billi jiġu antiċipati fiż-żmien proġetti ta' investiment pubbliku li jistgħu jkunu ta' benefiċċju għall-SMEs u jistgħu jappoġġjaw għanijiet ta' politika pubblika fit-tul bħat-titjib tal-infiq fuq l-infrastruttura pubblika jew il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;

- Garanziji u sussidji fuq is-self sabiex jikkumpensaw għall-primjum kurrenti, li hu għoli aktar min-normal, għar-riskju jistgħu jkunu partikolarment effettivi f'ambjent fejn il-kreditu huwa ġeneralment ristrett. Huma jistgħu iwittu nuqqas ta' kapital ta' ħidma għal terminu qasir li bħalissa huwa problema għal bosta kumpaniji;

- Inċentivi finanzjarji mfassla tajjeb sabiex l-ekonomiji tagħna jadattaw ruħhom aktar malajr għall-isfidi aktar fit-tul, bħat-tibdil fil-klima, inklużi pereżempju inizjattivi għall-effiċjenza fl-enerġija;

- Taxxi u kontribuzzjonijiet soċjali aktar baxxi: tnaqqis fil-kontribuzzjonijiet soċjali mħallsa minn dawk li jħaddmu jista' jkollu impatt pożittiv fuq iż-żamma u l-ħolqien tal-impjiegi filwaqt li tnaqqis fit-taxxi fuq il-ħaddiema jista' jappoġġja s-saħħa tax-xiri b'mod partikolari għal dawk li jaqilgħu pagi baxxi;

- Tnaqqis temporanju fil-livell tar-rata standard tal-VAT jista' jiġi introdott malajr u jipprovdi impuls fiskali qawwi sabiex jappoġġja l-konsum.

(3) Għandu jsir fi ħdan il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir

Il-politika baġitarja għandha ssir fi ħdan il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, sabiex jiġi pprovdut qafas komuni u kredibbli għall-politika. Ir-reviżjoni tal-2005 tal-Patt tippermetti li jittieħed kont aħjar tal-kundizzjonijiet cikliċi filwaqt li tissaħħaħ id-dixxiplina fiskali fuq il-medda medja u twila ta' żmien. Il-qafas li għandna f'idejna huwa aktar esiġenti fi żminijiet tajbin, u jippermetti aktar flessibbiltà fi żminijiet koroh. Ċirkostanzi straordinarji li jikkombinaw kriżi finanzjarja ma’ riċessjoni jiġġustifikaw espansjoni baġitarja kkoordinata fl-UE. Dan jista’ jwassal lil uħud mill-Istati Membri li jiksru l-valur ta' referenza tal-iżbilanċ ta' 3%. Għal Stati Membri meqjusa li qegħdin fi żbilanċ eċċssiv, se jkollha tittieħed azzjoni korrettiva li timxi id f’id mal-irkupru tal-ekonomija. Dan huwa konformi bis-sħiħ mal-proċeduri tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir li jiggarantixxu li l-iżbilanc eċċessiv se jiġi kkoreġut fi żmien dovut, u tkun żgurata s-sostenibbiltà fit-tul tal-pożizzjonijiet baġitarji.

Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir għalhekk se jiġi applikat bil-għaqal biex jiżgura strateġijii kredibbli ta’ politika fiskali fil-medda medja taż-żmien. L-Istati Membri li qed iħejju biex jattivaw miżuri antiċikliċi għandhom jibagħtu Programm aġġornat ta’ Stabbilità jew Konverġenza sal-aħħar ta’ Diċembru 2008. Dan l-aġġornament għandu jagħti d-dettalji tal-miżuri li se jiġu attivati biex ireġġgħu lura d-deterjorament fiskali u jiżguraw sostenibbilità għal medda t-twila ta’ żmien. Il-Kummissjoni mbagħad se teżamina l-miżuri tal-impuls baġitarju u l-programmi ta’ stabbiltà u konverġenza bbażati fuq tbassir aġġornat u se tipprovdi gwida fuq il-pożizzjonijiet xierqa, li jistrieħu fuq l-għanijiet li ġejjin:

- li jiġi żgurat li l-miżuri li se jżidu l-iżbilance fuq perjodu qasir ta' żmien ikunu jistgħu jitreġġgħu lura;

- li jiġi mtejjeb it-tfassil ta’ politika baġitarja fuq medda medja ta’ żmien, permezz tas-tisħiħ tar-regoli u l-oqfsa baġitarji nazzjonali;

- tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi fit-tul, partikolarment permezz ta’ riformi li jrażżnu t-tkabbir tal-ispejjeż relatati mal-età.

(4) Għandu jkun akkumpanjat minn riformi strutturali li jappoġġjaw id-domanda u jippromwovu irkupru ta’ malajr

Filwaqt li l-aktar impatt immedjat fuq it-tkabbir u l-impjiegi għalissa jeħtieġ li jiġi permezz ta' stimolu monetarju u fiskali, pjan komprensiv ra' rkupru jeħtieġ ukoll li jinkludi aġenda ta' riforma strutturali ambizzjuża mfassla skont il-ħtiġijiet tal-Istati Membri individwali, u ddisinjata biex tagħtihom it-tagħmir meħtieġ biex joħorġu aktar f'saħħithom mill-kriżi. Parzjalment, dan għaliex uħud mir-riformi strutturali jistgħu jikkontribwixxu wkoll biex isaħħu d-domanda globali fuq il-medda l-qasira ta’ żmien. Barra minn hekk, ir-riformi strutturali huma meħtieġa biex jindirizzaw uħud mill-kawżi bażiċi tal-kriżi preżenti, kif ukoll biex isaħħu l-kapaċita li l-ekonomija tiġi aġġustata, li hi meħtieġa għal rkupru bil-ħeffa.

Ekonomija li tiġi f’tagħha malajr u flessibbli tgħin biex jittaffa l-impatt ikrah ta’ kriżi ekonomika. L-Istrateġija ta' Liżbona diġà saħħet is-sisien ekonomiċi Ewropej. Ir-riformi strutturali tal-Istrateġija ta’ Liżbona imfassla kif jixraq, jistgħu jservu ta’ tweġiba politika xierqa għall-medda l-qasira ta’ żmien għall-kriżi hekk kif isaħħu l-kapaċità li l-ekonomija tiġi f’tagħha malajr u l-flessibbiltà. L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw il-miżuri li ġejjin:

- Li jappoġġjaw il-poter tal-akkwist tal-konsumaturi permezz ta’ ħidma mtejba tas-suq: politiki li jtejbu l-ħidma ta’ swieq l-aktar importanti jistgħu jgħinu biex isostnu d-domanda billi jgħinu fit-traħħis tal-prezzijiet, biex b’hekk jiġi appoġġjat il-poter tal-akkwist tal-familji;

- Jiġu indirizzati il-preoblemi immedjati tal-kompetittività. Fl-Istati Membri bi problemi ta’ inflazzjoni u kompetittività jeħtieġ li jittieħdu miżuri urġenti li jsaħħu r-rabta bejn il-mekkaniżmu li jiffissa l-pagi u l-iżviluppi tal-produttività;

- Jiġu appoġjati l-impjiegi u jiġu ffaċilitati t-tranżizzjonijiet tas-suq tax-xogħol: l-isfida ewlenija tal-lum tas-suq tax-xogħol hija li jevita t-tkeċċija bla bżonn ta’ ħaddiema minn industriji li jkunu affettwati temporanjament minn taqlib tad-domanda fuq medda qasira ta’ żmien. Għal dak l-għan, aktar flessibbiltà fl-arranġamenti tal-ħin tax-xogħol jew servizzi msaħħa tax-xogħol jistgħu jkunu ta’ għajnuna;

- It-tnaqqis ta' tagħbijiet regolatorji u amministrattivi fuq in-negozji. Riformi bħal dawn jgħinu biex tiżdied il-produttività, u tissaħħaħ il-kompetittività. Miżuri li jistgħu jiġu implimentati bil-ħeffa jinkludu sforzi kontinwi biex jitnaqqas iż-żmien biex wieħed jiftaħ negozju.

2.3. Azzjonijiet fl-erba’ oqsma ta’ prijorità tal-Istrateġija ta’ Liżbona

Sabiex jinkisbu l-benefiċċji massimi u jintlaħqu l-għanijiet tal-Pjan għall-Irkupru li jipproteġu lin-nies u jwaqqfu l-kriżi milli tiddevja l-attenzjoni mill-interessi fit-tul tal-UE u l-ħtieġa li jsir inevestiment fil-ġejjieni tagħha, għandu jkun hemm rabta mill-qrib bejn l-istimolu fiskali u l-azzjonijiet fl-erba' oqsma ta' prijorità tal-Istrateġija ta' Liżbona (in-nies, in-negozju, l-infrastruttura u l-enerġija, ir-riċerka u l-innovazzjoni), kif spjegat fil-qosor f’din it-taqsima. Sabiex dan jinkiseb, bħala parti mill-pakkett ta’ Liżbona, il-Kummissjoni se toħroġ rapporti individwali għal kull Stat Membru fis-16 ta' Diċembru 2008 li se jinkludu proposti għal rakkomandazzjonijiet.

Taħlita intelliġenti ta’ politiki u fondi tal-UE tista’ tkun katalista għal investimenti imporanti li jieħdu lill-UE fid-direzzjoni ta’ prosperità sostenibbli ġejjiena. Uħud mill-azzjonijiet proposti f’din it-taqsima huma mfassla biex jantiċipaw il-finanzjament tal-UE direttament biex jikkontribwixxu għall-istimolu fiskali u jassistu lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-politiki tagħhom. Oħrajn huma maħsuba biex itejbu l-kundizzjonijiet ta' qafas għal investimenti futuri, it-tnaqqis ta' tagħbijiet amministrattivi u biex titħaffef l-innovazzjoni. B’mod ġenerali, l-azzjonijiet jiffurmaw pakkett integrat: l-implikazzjonijiet baġitarji tagħhom għandhom jagħtu kunsiderazzjoni tal-prinċipji stabbiliti fit-taqsima preċedenti.

2.3.1. Jiġu mħarsa l-impjiegi u tiġi promossa l-intraprendenza

L-ogħla prijorità għandha tkun il-ħarsien taċ-ċittadini Ewropej mill-agħar effetti tal-kriżi finanzjarja. Huma l-ewwel nies li se jintlaqtu hux bħala ħaddiema, bħala familji, jew bħala imprendituri. Meta l-Istati Membri jindirizzaw l-impatt ekonomiku u soċjali tal-kriżi finanzjarja, għandhom jinvolvu b’mod attiv lill-imsieħba soċjali.

a) In-Nies

L-implimentazzjoni ta’ inklużjoni attiva u politiki integrati ta’ flessigurtà, iffukati fuq miżuri ta’ attivazzjoni, taħriġ mill-ġdid u aġġornament tal-ħiliet, huma essenzjali biex tiġi promossa l-kapaċità għall-impjieg, tiġi żgurata integrazzjoni mill-ġdid bil-ħeffa fis-suq tax-xogħol ta' ħaddiema li kienu sfaw bla xogħol u jiġi evitat qgħad fit-tul. Fi ħdan dan il-kuntest, se jkun importanti wkoll ħarsien adegwat u soċjali li jipprovdi inċentivi għax-xogħol filwaqt li jippreserva l-poter ta’ l-akkwist.

1. It-tnedija ta’ inizjattiva kbira Ewropea ta’ appoġġ għall-impjiegi a) Il-Kummissjoni qed tipproponi li tissimplifika l-kriterji għall-appoġġ tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u żżid il-ħlasijiet bikrija minn kmieni fl-2009, sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jaċċessaw mhux aktar minn €1.8 biljun aktar kmieni biex: Fi ħdan strateġiji ta’ flessigurtà, jirrinfurzaw bil-ħeffa l-iskemi ta’ attivazzjoni, b’mod partikolari għal dawk mhux imħarrġa, bl-involviment ta’ konsulenza personalizzata, taħriġ (mill-ġdid) intensiv ta' ħaddiema u żieda fil-ħiliet tal-ħaddiema, apprendistati, impjiegi sussidjati kif ukoll għotjiet sabiex wieħed isib xogħol għal rasu, biex jibda negozju u Il-programmi tagħhom jingħataw direzzjoni ġdida biex l-appoġġ jiġi kkonċentrat fuq dawk l-aktar vulnerabbli, u fejn meħtieġ jagħżlu finanzjament sħiħ mill-Komunità ta' proġetti matul dan il-perjodu; Jitjieb il-monitoraġġ u t-tqabbil tal-iżvilupp u t-titjib tal-ħiliet mal-postijiet vakanti eżistenti jew mistennija; dan se jkun implimentat b’kooperazzjoni mill-qrib mal-imsieħba soċjali, is-servizzi pubbliċi tal-impjiegi u l-universitajiet; F’ħidma mal-Istati Membri, il-Kummissjoni tipproponi biex tirriprogramma n-nefqa tal-ESF biex tiżgura li jintlaħqu l-prijoritajiet immedjati. (b) Il-Kummissjoni se tipproponi wkoll biex tirrevedi r-regoli tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni sabiex tkun tista’ tintervjeni aktar bil-ħeffa f'setturi ewlenin, jew biex tikkofinanzja t-taħriġ u s-sejbien ta' impjiegi għal dawk li sfaw bla xogħol jew biex jinżammu fis-suq tax-xogħol dawk il-ħaddiema mħarrġa li jkun hemm bżonnhom meta l-ekonomija tibda tistejqer. Il-Kummissjoni se tirrevedi l-mezzi baġitarji disponibbli għall-Fond fid-dawl tal-implimentazzjoni tar-regoli riveduti. 2. Tinħoloq domanda għax-xogħol L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li jnaqqsu l-ispejjeż soċjali ta’ min iħaddem fir-rigward ta’ dawk bi dħul baxx biex jippromwovu l-kapaċità li dawk anqas imħarrġa isibu mpjieg. L-Istati Membri għandhom ukoll jikkunsidraw l-introduzzjoni ta’ soluzzjonijiet ġodda (pereżempju ċekkijiet ta’ servizz għall-kura tal-familji u l-kura tat-tfal, sussidji temporanji għall-kiri għall-gruppi vulnerabbli), li nbdew diġà b’suċċess f’partijiet tal-Unjoni; Il-Kunsill għandu jadotta, qabel il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2009, id-direttiva proposta biex ir-rati mnaqqsa tal-VAT għas-servizzi li jimpjegaw ħafna ħaddiema, jiġu permanenti. |

- b) In-negozju

Aċċess għall-finanzjament suffiċjenti u li jinfelaħ, huwa prerekwiżit għall-investiment, tkabbir u ħolqien tal-impjiegi għas-settur privat. L-Istati Membri għandhom jużaw l-influwenza li għandhom permezz tal-forniment ta’ appoġġ kbir finanzjarju lis-servizz bankarju biex jiżguraw li l-banek jerġgħu jibdew bis-servizzi normali tagħhom ta’ self. Biex jiġu appoġġjati n-negozji ż-żgħar u l-intraprendenza, l-UE u l-Istati Membri għandhom jieħdu passi urġenti biex inaqqsu t-tagħbijiet amministrattivi għall-SMEs u għall-intrapriżi żgħar ħafna, b’mod partikolari billi jħaffu l-implimnetazzjoni tal-proposti korrispondenti tal-Kummissjoni. Għal dan il-għan, l-Att Ewropew dwar in-Negozji ż-Żgħar għandu wkoll jiġi implimentat mill-aktar fis possibbli.

Ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat tal-UE joffru lill-Istati Membri firxa wiesgħa ta’ possibiltajiet biex jipprovdu appoġġ finanzjarju lil kumpaniji, reġjuni u ħaddiema/qiegħda u biex tiġi stimolata d-domanda. Fl-istess waqt dawn ir-regoli jiggarantixxu kundizzjonijiet ugwali, u jiġi żgurat li l-għajnuniet mill-Istat ikunu użati biex jiġu appoġġjati l-għajnijiet tal-UE bħar-R&Ż, l-innovazzjoni, l-ICT, it-trasport u l-effiċjenza tal-enerġija, u biex ma tinħoloqx distorsjoni bla bżonn tal-ekonomija billi jiġu ppreferuti kumpaniji jew setturi partikolari. Fiċ-ċirkostanzi eċċezzjonali preżenti, l-aċċess għall-finanzjament huwa inkwiet kbir għan-negozju u l-Kummissjoni li tfassal linji gwida temporanji li jippermermettu appoġġ mill-Istat għas-self (ara hawn taħt).

3. Jiżdied l-aċċess tal-finanzjament għan-negozji Il-BEI irnexxielu jgħaqqad pakket ġenerali ta’ €30 biljun għas-self lill-SMEs, żieda ta’ €10 biljuni fuq dak li s-soltu jislef lil dan is-settur; Il-BEI se jsaħħaħ ukoll b’€1 miljun fis-sena s-self li jagħti lill-korporazzjonijiet ta’ daqs medju, settur ewlieni tal-ekonomija tal-UE. Barra minn hekk, €1biljun addizzjonali se jingħata mill-BEI lill-FEI għal faċilità ta’ finanzjament intermedju. Il-Kummissjoni se tibda tħaddem pakkett ta' simplifikazzjoni, l-aktar biex tħaffef it-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat. Kwalunkwe għajnuna mill-Istat għandha tgħaddi minn skemi orizzontali mfassla biex jippromwovu l-għajnijiet ta’ Liżbona, notevolment ir-riċerka, l-innovazzjoni, it-taħriġ, il-ħarsien tal-ambjent u b’mod partikolari t-teknoloġiji li ma jniġġsux, it-trasport u l-effiċjenza tal-enerġija. Il-Kummissjoni temporanjament se tawtorizza lill-Istati Membri biex jillaxkaw l-aċċess tal-finanzjament lil kumpaniji permezz ta’ garanziji sussidjati u sussidji fuq is-self għal investimenti fi prodotti li jmorru lil hinn mill-Istandards ambjentali tal-UE[3] 4. It-tnaqqis tat-tagħbijiet amministrattivi u tiġi promossa l-intraprendenza Waqt li wieħed jibni fuq l-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar, u sabiex wieħed inaqqas b’mod sinifikanti t-tagħbijiet amministrattivi fuq in-negozju, jippromwovi l-fluss tagħhom tal-flus u jgħin aktar nies biex isiru imprendituri, l-UE u l-Istati Membri għandhom: Jiżguraw li biex wieħed jiftaħ negozju fi kwalunkwe parti tal-UE jista' jagħmel dan fi żmien tlett ijiem bla spejjeż u li l-formalitajiet biex iħaddem l-ewwel impjegat jistgħu jinħelsu minn punt ta' aċċess waħdani; Ineħħu r-rekwiżit fuq l-intrapriżi ż-żgħar ħafna li jippreparaw ir-rapporti tal-kontabbiltà annwali (huwa stmat li dawn il-kumpaniji se jiffrankaw €7 biljuni fis-sena) u jillimitaw ir-rekwiżiti kapitali tal-kumpaniji privati Ewropej għal €1 euro; Iħaffu l-adozzjoni tal-proposta għall-istatut tal-kumpanija privata Ewropea sabiex minn kmieni fl-2009 din tista’ tiffaċilita attivitajiet transkonfinali ta’ negozju tal-SMEs u tippermettilhom li jaħdmu b’sett waħdani ta’ regoli korporattivi madwar l-UE; Jiżguraw li l-awtoritajiet pubbliċi jħallsu l-fatturi, inklużi dawk tal-SMEs. għall-fornimenti u s-servizzi fi żmien xahar biex jillaxkaw il-limitazzjonijiet tal-likwidità u jaċċettaw fatturat elettroniku bl-istess mod ta’ fatturat permezz tal-karti (dan jista’ jwassal għal tnaqqis fl-ispejjeż sa € 18-il biljun); l-arretrati kollha li l-korpi pubbliċi għandhom jagħtu għandhom jitħallsu wkoll. Jitnaqqsu sa 75% tat-tariffi fuq l-applikazzjonijiet għall-privattivi u l-manutensjoni u titnaqqas bin-nofs it-tariffa fuq il-marka reġistrata tal-UE. |

- 2.3.2 Inkomplu ninvestu fil-ġejjieni

Qed nassistu għall-bidu ta' taqliba strutturali kbira lejn ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju. Din tipprovdi lill-UE opportunità li se toħloq negozju ġdid, industriji ġodda u miljuni ta’ impjiegi li jħallsu tajjeb. Is-setturi kollha għandhom jieħdu sehem: pereżempju, id-deċiżjoni reċenti dwar l-“verifika tas-saħħa" tal-PAK timpenja €3 biljuni għal investimenti favur l-ambjent fl-iżvilupp rurali. Huwa hawn fejn azzjonijiet fuq medda qasira ta’ żmien jistgħu jġibu benefiċċji immedjati fl-UE li jibqgħu fit-tul. Biex taċċellera l-investimenti, il-Kummissjoni se tiċċara l-qafas legali għal sħubijiet bejn is-settur pubbliku u dak privat bil-għan li jsiru investiment infrastrutturali u tar-riċerka kbar, sabiex jiġi ffaċilitat dan il-mezz imħallat ta' finanzjament.

c) Infrastruttura u enerġija

Iċ-ċavetta biex wieħed jimmassimizza l-benefiċċji u jimminimizza l-ispejjeż hija li wieħed juża l-opportunitajiet biex jagħti spinta lill-effiċjenza tal-enerġija, pereżempju, tal-bini, is-sistemi tad-dawl, tat-tkessiħ u t-tisħin u ta' teknoloġiji oħra bħall-vetturi u l-makkinarju. Effetti pożittivi kbar għall-familji u n-negozji jistgħu jinħassu f'qasir żmien.

Fl-istess waqt, l-Ewropa teħtieġ li taċċellera l-investimenti tagħha fl-infrastruttura, partikolarment fil-mezzi ta’ trasport li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent li jagħmlu parti min-Netwerks Trans-Ewropej (TENs), netwerks veloċi tal-ICT, interkonnessjonijiet tal-enerġija u infrastruttura tar-riċerka pan-Ewropea. Il-ħeffa fl-investimenti fl-infrastruttura mhux biss tilqa' għad-daqqa fis-settur tal-kostruzzjoni, li qabad it-triq tan-niżla b'mod drammatiku fil-parti l-kbira tal-Istati Membri, imma ssaħħaħ ukoll il-potenzjal ta' tkabbir sostenibbli fit-tul. B’mod partikolari fis-settur tal-enerġija numru ta’ proġetti prominenti trans-Ewropej jgħinu biex tiżdied is-sigurtà tal-enerġija tal-UE u jiġu integrati aktar Stati Membri fix-xibka Ewropea tal-elettriku.

5. Żieda fl-investimenti biex tiġi mmodernizzata l-infrastruttura Ewropea Għal mill-anqs is-sentejn li ġejjin, il-baġit tal-UE x’aktarx ma jonfoqx l-ammont sħiħ stipulat fil-qafas finanzjarju. Għalhekk, għall-2009 u l-2010, il-Kummissjoni tipproponi li timmobilizza € 5 biljuni addizzjonali għal proġetti trans-Ewropej tal-interkonessjoni tal-enerġija u l-infrastruttura broadband. Biex dan isir, il-Kunsill u l-Parlament jeħtieġu li jaqblu li jirrevedu l-qafas finanzjarju, filwaqt li kollox jibqa' fil-limiti tal-baġit preżenti; B’pakket finanzjarju ta’ ’l fuq minn €347 biljun għall-2007-2013, il-politika ta’ koeżjoni tipprovdi appoġġ konsiderevoli għall-investiment pubbliku mill-Istati Membri u r-reġjuni. Madankollu, hemm il-periklu li l-pressjoni fuq il-baġits nazzjonali tnaqqas ir-rata tal-investiment ippjanat. Sabiex l-ekonomija tingħata imbuttatura immedjata, l-implimentazzjoni tal-fondi ta’ koeżjoni għandha tiġi aċċellerata. Għal dan il-għan: Il-Kummissjoni se tipproponi li żżid il-prefinanzjament ta' programmi biex tagħmel tajjeb għal € 4.5 biljun disponibbli aktar kmieni fl-2009; L-Istati Membri għandhom jużaw il-flessibbiltà disponibbli sabiex jantiċipaw il-finanzjament ta’ proġetti billi jtejbu l-parti ffinanzjata mill-Komunità. Il-Kummissjoni se tipproponi numru ta’ miżuri oħra mfassla biex iressqu ’l quddiem l-implimenazzjoni ta’ proġetti kbar ta’ investiment, biex jiffaċilitaw l-użu ta’ fondi tal-inġinerija finanzjarja, biex jissimplifikaw it-trattament tal-avvanzi mħallsa lill-benefiċjarji u biex jitwessgħu il-possibbiltajiet għall-infiq eliġibbli fuq bażi ta' rata fissa għall-fondi kollha. Il-Kummissjoni tisħaq fuq il-ħtieġa ta’ adozzjoni bikrija ta’ dawn il-proposti. Sa tmiem Marzu tal-2009 il-Kummissjoni se tniedi €500 miljun sejħa għal proposti għal proġetti trans-Ewropej tat-trasport (TEN-T) fejn dawn il-flus se jwasslu għall-kostruzzjoni li tibda qabel tmiem l-2009. Dan se jġib 'il quddiem fondi eżistenti li kieku kienu jiġu riallokati permezz tar-reviżjoni f’nofs it-terminu tal-programm Multiannwali TEN-T fl-2010; B’mod parallel, il-BEI se jżid b’mod sinifikanti l-finanzjament tiegħu għat-tibdil fil-klima, sigurtà tal-enerġija u investiment tal-infrastruttura permezz ta' mhux aktar minn €6 biljuni kull sena, filwaqt li jaċċellera wkoll l-implimentazzjoni ta' żewġ strumenti finanzjarji innovattivi żviluppati b’mod konġunt mal-Kummissjoni, jiġifieri Faċilità ta' Finanzjament għall-Kondiviżjoni tar-Riskji għall-appoġġ tar-R&Ż u l-istrument tal-Garanzija għas-Self għall-proġetti TEN-T biex jistimulaw parteċipazzjoni akbar tas-settur privat; Il-BERŻ se jirdoppja u aktar l-isforzi tiegħu għall-effiċjenza tal-enerġija, għat-tnaqqis tat-tibdil fil-klima u l-finanzjament għall-muniċipalitajiet u servizzi oħra infrastrutturali. Dan jista’ jwassal għall-mobilizzazzjoni tal-finanzjament mis-settur privat għal investiment ta’ € 5 biljun. 6. Titjieb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fil-bini B'ħidma flimkien, l-Istati Membri u l-Istituzzjonijiet tal-UE għandhom jieħdu miżuri urġenti biex itejbu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fl-akkomondazzjoni u fil-bini pubbliku, u jippromwovu l-aċċettazzjoni ta' prodotti 'ħodor': L-Istati Membri għandhom jiffissaw miri għolja sabiex jaraw li l-bini pubbliku kif ukoll l-akkomodazzjoni privata u dik soċjali jkunu jħarsu l-ogħla standards Ewropej fejn jidħol l-użu effiċjenti tal-enerġija u jaraw li dawn ikollhom jgħaddu minn ċertifikazzjoni tal-enerġija fuq bażi regolari. Sabiex ikunu jistgħu jilħqu l-miri tagħhom aktar malajr, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li jdaħħlu tnaqqis fit-taxxa tal-proprjetà għal bini li ma jaħlix enerġija bla bżonn. Il-Kummissjoni għadha kif ressqet proposti[4] għal titjib maġġuri fl-effiċjenza tal-enerġija tal-bini u tappella lill-Kunsill u lill-Parlament li jagħtu prijorità għall-adozzjoni tagħhom; Barra minn dan, l-Istati Membri għandhom jipprogrammaw mill-ġdid il-programmi operattivi tagħhom dwar il-fondi strutturali biex jiddedikaw sehem akbar għal investimenti ta' effiċjenza tal-enerġija, inkluż f'dawk il-każijiet meta jiffinanzjaw l-akkomodazzjoni soċjali. Sabiex jitwessgħu l-possibbilitajiet, il-Kummissjoni qed tipproponi li temenda r-Regolamenti dwar il-Fondi Strutturali sabiex tiġi appoġġjata din il-miżura u tisħaq fuq il-ħtieġa li l-emendi jkunu adottati malajr; Il-Kummissjoni se taħdem mal-BEI u għadd ta' banek nazzjonali għall-iżvilupp biex fl-2020 jitnieda fond għall-enerġija, it-tibdil fil-klima u l-infrastruttura biex jiġu ffinanzjati proġetti ta' ekwità u kważi ekwità. Il-Kummissjoni tappella lill-Istati Membri u lill-industrija biex b'mod urġenti jiżviluppaw mudelli innovattivi ta' ffinanzjar, pereżempju, fejn it-tiġdid ikun iffinanzjat permezz ta' pagamenti, ibbażati fuq kemm ikun ġew iffrankati flus fuq kontijiet tal-enerġija, mifruxa fuq għadd ta' snin. 7. Il-promozzjoni tal-firxa bla dewmien tal-"prodotti ħodor" Il-Kummissjoni se tipproponi li jitnaqqsu r-rati tal-VAT għall-prodotti u servizzi ħodor, l-aktar sabiex titjieb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fil-bini. Tinkoraġġixxi l-Istati Membri li jipprovdu aktar inċentivi lill-konsumaturi biex tiġi stimulata d-domanda għal prodotti li jagħmlu l-anqas ħsara ambjentali; Barra minn dan, l-Istati Membri għandhom bla dewmien jimplimentaw obbligi ta' prestazzjoni ambjentali għal fornituri ta' enerġija esterni, konsum tal-elettriku minn apparat li jkun fuq stand-byi u mitfi, set-top boxes kif ukoll lampi fluworexxenti; Il-Kummissjoni sejra b'mod urġenti tfassal miżuri dwar prodotti oħra li joffru potenzjal għoli ta' iffrankar ta' enerġija, bħal ma huma settijiet tat-televiżjoni, dawl għall-użu domestiku, friġġijiet u freezers, makni tal-ħasil, boilers kif ukoll air-conditioners. |

- d) Ir-Riċerka u l-Innovazzjoni

Il-kriżi finanzjarja u l-pressjoni li din ġabet fuq ir-riżorsi finanzjarji, sew pubbliċi kif ukoll privati, tista' tħajjar lil xi wħud li jtawlu, jew iqaċċtu b'mod sinifikanti, investimenti li kienu ppjanati fir-riċerka u żvilupp (R&Ż) u fl-edukazzjoni, kif ġara fil-passat meta l-Ewropa ntlaqtet minn tnaqqis fir-ritmu ekonomiku. Meta wieħed iħares lura, dawn id-deċiżjonijiet ħallew effett distruttiv mill-akbar fejn jidħol il-kapital u l-għarfien, b'effetti negattivi kbar għall-prospetti tal-Ewropa għat-tkabbir u l-impjiegi fuq perjodu ta' żmien medju kif ukoll għat-tul. Madankollu kien hemm ukoll eżempji ta' pajjiżi, sew fi ħdan kif ukoll barra mill-Ewropa, li kellhom id-dehen li jżidu n-nefqa fl-R&Ż u fl-edukazzjoni fi żminijiet ekonomiċi diffiċli, u permezz ta' dan ħejjew il-bażi tal-pożizzjoni soda tagħhom fejn tidħol l-innovazzjoni.

8. Iż-żieda fl-investiment fl-R&Ż, l-innovazzjoni u l-edukazzjoni L-Istati Membri u s-settur privat għandhom iżidu l-investimenti li kienu ppjanati fl-edukazzjoni u fl-R&Ż (konsistenti mal-mirijiet nazzjonali tagħhom ta' R&Ż) sabiex jiġu stimulati t-tkabbir u l-produttività. Għandhom anki jikkunsidraw metodi biex iżidu l-investimenti mis-settur privat fl-R&Ż, pereżempju billi jipprovdu inċentivi fiskali, għotjiet u/jew sussidji. L-Istati Membri għandhom iżommu l-investimenti tagħhom għaż-żieda tal-kwalità tal-edukazzjoni. 9. L-iżvilupp ta' teknoloġiji nodfa għall-karozzi u l-kostruzzjoni. Tiġi appoġġjata l-innovazzjoni fil-manifattura, b'mod partikolari fl-industrija tal-kostruzzjoni u s-settur tal-karozzi li dan l-aħħar sofrew minn tnaqqis qawwi fid-domanda bħala riżultat tal-kriżi u li wkoll għandhom quddiemhom sfidi sinifikanti fit-tranżizzjoni lejn ekonomija ħadra, il-Kummissjoni tipproponi li tniedi tliet skemi ta' sħubija bejn is-setturi pubbliċi u privati: Fis-settur tal-karozzi, 'Inizjattiva Ewropea għal karozzi ħodor', li tkun tinvolvi r-riċerka dwar firxa wiesgħa ta' teknoloġiji u infrastrutturi "intelliġenti" ta' enerġija li huma essenzjali biex jinkiseb progress sostanzjali fit-tnaqqis ta' emissjonijiet ta' CO2, fis-sigurtà u fil-fluwidità tat-traffiku. Din il-ħidma bi sħab tkun iffinanzjata mill-Komunità, mill-BEI, mill-industrija u mill-kontributi tal-Istati Membri f'somma ikkombinata ta' mill-anqas €5 biljun. F'dan il-kuntest, il-BEI għandu jipprovdi self ibbażat fuq l-ispejjeż lill-produtturi u lill-fornituri tal-karozzi biex tiġi ffinanzjata l-innovazzjoni, b'mod partikolari f'teknoloġiji għat-titjib tas-sigurtà u l-prestazzjoni ambjentali tal-karozzi, pereżempju vetturi elettriċi. Miżuri fuq in-naħa tad-domanda, bħal ma hu t-tnaqqis mill-Istati Membri tat-taxxi tagħhom ta' reġistrazzjoni u ta' ċirkolazzjoni għal karozzi b'emissjoni baxxa, kif ukoll sforzi biex jiġu mwarrba karozzi qodma, għandhom jiġu integrati fl-inizjattiva. Barra minn dan, il-Kummissjoni se tappoġġja l-iżvilupp ta' netwerk ta' akkwist ta' awtoritajiet reġjonali u lokali biex tinġabar id-domanda għal karozzi tal-linja u vetturi oħra "nodfa" u tħaffef l-implimentazzjoni tal-inizjattiva CARS21; Fis-settur tal-kostruzzjoni, inizjattiva 'Bini Ewropew li juża l-enerġija b'mod effiċjenti', sabiex jiġu promossi teknoloġiji ħodor u l-iżvilupp ta' sistemi u materjali li jużaw l-enerġija b'mod effiċjenti f'bini ġdid jew imġedded, bil-ħsieb li jitnaqqas b'mod radikali l-konsum tagħhom tal-enerġija, u l-emissjonijiet tagħhom ta' CO2[5]. L-inizjattiva għandha jkollha element importanti regolatorju u ta' standardizzazzjoni u tkun tinvolvi netwerk ta' akkwist ta' awtoritajiet reġjonali u lokali. Is-somma stmata għal dan it-tisħib hija ta' € 1bn. L-inizjattiva tkun imsaħħa minn azzjonijiet speċifiċi proposti fl-azzjonijiet 5 u 6 dwar l-infrastruttura u l-effiċjenza tal-enerġija; Jiżdied l-użu tat-teknoloġija fil-manifattura, "Inizjattiva għall-fabbriki tal-futur": L-għan hu li l-manifatturi tal-UE jingħataw għajnuna mifruxa fuq is-setturi kollha, b'mod partikolari l-SMEs, biex jadattaw pressjonijiet kompetittivi globali billi jżidu l-bażi teknoloġika tal-manifattura fl-UE permezz tal-iżvilupp u l-integrazzjoni tat- teknoloġiji tal-futur, bħal ma huma t-teknoloġiji ta' inġinerija għal magni adattabbli u proċessi industrijali, l-ICT, u materjali avvanzati. Is-somma stmata għal din l-azzjoni hija € 1.2 biljun. 10. Internet b'veloċità qawwija għal kulħadd Il-konnessjonijiet tal-Internet b'veloċità qawwija jseddqu l-firxa mħaffa tat-teknoloġija, li min-naħa tagħha toħloq id-domanda għal prodotti u servizzi innovattivi. Li l-Ewropa tiġi armata b'din l-infrastruttura moderna hi daqstant importanti daqs kemm kien il-bini tal-ferroviji fis-seklu dsatax. Sabiex tinżamm il-pożizzjoni minn ta' quddiem tal-Ewropa fejn jidħlu l-komunikazzjonijiet fissi u mingħajr fil, u sabiex jitħaffef l-iżvilupp ta' servizzi ta' valur-miżjud għoli, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jaħdmu ma' dawk involuti biex jiżviluppaw strateġija dwar il-broadband biex jitħaffef it-titjib u l-estensjoni tan-netwerks. L-istrateġija se tkun mgħejjuna minn fondi pubbliċi sabiex jingħata aċċess għall-broadband f'żoni fejn l-aċċess għadu limitat u f'żoni fejn l-aċċess ikun jiswa' ħafna flus u ma jkunx jista' jiġi pprovdut mis-suq. L-għan għandu jkun li tintlaħaq kopertura ta' 100% ta' internet b'veloċità qawwija sal-2010. Barra minn dan, u anki bil-ħsieb li titjieb il-prestazzjoni ta' netwerks eżistenti, l-Istati Membri għandhom jippromwovu investimenti kompetittivi fin-netwerks tal-fibre u japprovaw il-proposti tal-Kummissjoni li tagħti spazju għal broadband mingħajf fili. Bl-użu tal-fondi msemmija fl-azzjoni 5 hawn fuq, il-Kummissjoni se ddaħħal €1 bn addizzjonali ma' dawn l-investimenti tan-netwerk ta' veloċità qawwija fl-2009/10. |

- 3. Ħidma lejn soluzzjonijiet globali

L-isfidi li qed taffaċċja bħalissa l-UE huma parti mill-isfidi makroekonomiċi globali li fuqhom inxteħtet l-attenzjoni fil-Laqgħa Għolja ta' dan l-aħħar dwar is-Swieq Finanzjarji u l-Ekonomija Dinjija f'Washington. Il-Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku se jifforma parti mill-kontribuzzjoni tal-UE lejn kooperazzjoni makroekonomika internazzjonali eqreb, inkluż ma' pajjiżi emerġenti, maħsuba biex jerġa jinkiseb it-tkabbir, jiġu evitati effetti negattivi li jinfirxu, u jiġu mgħejjuna pajjiżi li qed jiżviluppaw. L-Unjoni Ewropea ibbenefikat ħafna fl-aħħar għexieren ta' snin minn żieda fil-kapital transkonfinali u minn flussi ta' kummerċ dejjem jiżdiedu ma' pajjiżi żviluppati u dejjem aktar anki ma' ekonomiji emerġenti. Il-kriżi finanzjarja wriet sa liema livell id-dinja saret interdipendenti. L-iskala u l-ħeffa li biha t-telf ta' fiduċja fuq naħa waħda tad-dinja affettwa malajr is-swieq finanzjarji u nfirex għal fuq l-ekonomiji reali madwar id-dinjia hija ħaġa li bir-raġun tnissel tħassib. Fid-dinja tal-lum, xokk f'suq finanzjarju wieħed li jkun sistemikament importanti huwa problema globali, u għandu jiġi kkunsidrat bħala tali. Għalhekk, parti ċentrali ta' kull reazzjoni kkoordinata tal-UE għat-tnaqqis ekonomiku għandha tiġi permezz ta' impenn akbar mas-sħab internazzjonali tagħna, u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, li jaħdmu flimkien biex jiġu affaċċjati l-isfidi lokalment u lil hinn minna, inkluż f'pajjiżi li qed jiżviluppaw li se jkunu fost dawk l-aktar milquta.

Jinżamm għaddej il-kummerċ dinji

L-irkupru tal-Ewropa jiddependi fuq il-ħila tal-kumpaniji tagħna li jagħmlu l-aħjar użu mill-possibbiltajiet li joffru s-swieq globali. Ir-ritorn tal-Ewropa lejn tkabbir sod se jkun jiddependi wkoll fuq il-ħila tagħha li tesporta. Li jinżammu r-rabtiet kummerċjali u l-opportunitajiet ta' investiment miftuħa huwa wkoll l-aħjar mod kif jiġi limitat l-impatt globali tal-kriżi, peress li l-irkupru globali se jiddependi b'mod kruċjali fuq il-prestazzjoni ekonomika sostenibbli ta' ekonomiji emerġenti u li qed jiżviluppaw.

Għandna għalhekk inżommu l-impenn tagħna li niftħu s-swieq madwar id-dinja, li nżommu s-suq tagħna kemm jista' jkun miftuħ, u ninsistu li l-pajjiżi terzi jagħmlu l-istess, b'mod partikolari billi tiġi żgurata l-konformità mar-regoli tad-WTO. Biex jintlaħaq dan il-għan l-Ewropa għandha tieħu azzjoni mġedda sabiex:

- Jintlaħaq ftehim bikri dwar patt għall-kummerċ globali fir-Rawnd ta' Doha tad-WTO. Wara t-tiġdid tal-impenn li sar fil-Laqgħa Għolja ta' Washington fil-15 ta' Novembru, il-Kummissjoni immedjatament żiedet l-isforzi flimkien ma' msieħba ċentrali fid-WTO biex jintlaħaq ftehim dwar il-modalitajiet sal-aħħar tas-sena. Rawnd li jintemm b'suċċess ikun messaġġ qawwi ta' fiduċja fuq perjodu ta' żmien qasir fl-ordni ekonomiku globali ġdid. Fuq perjodu ta' żmien għandhom jinkisbu benefiċċji għall-konsumaturi u n-negozji madwar id-dinja fejn jidħlu prezzijiet aktar baxxi, billi jinqatgħu t-tariffi għoljin fi swieq sħab importanti;

- Tkompli tappoġġja t-tisħiħ ekonomiku u soċjali tal-pajjiżi kandidati u tal- Balkani tal-Punent fl-interess reċiproku tal-UE u tar-reġjun. Għal dan il-għan il-Kummissjoni se tistabbilixxi "Pakkett ta' Reazzjoni għall-Kriżijiet" ta' € 120 miljun u takkwista ammont ta' € 500 miljun f'self mill-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali.

- Toħloq netwerk profond u komprensiv ta' ftehimiet ta' kummerċ ħieles madwar il-viċinat tagħha bħala pass lejn suq reġjonali aktar integrat. B'ħidma permezz tal-politika tagħha ta' viċinat, l-UE tista' tibni fuq l-Unjoni għall-Mediterran u l-pjani tagħha għal Tisħib tal-Lvant ġdid;

- Iżżid l-isforzi biex tasal għal Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles ġodda u ambizzjużi ma' sħab oħra fil-kummerċ;

- Tibni relazzjoni ta' ħidma mill-qrib mal-amministrazzjoni l-ġdida tal-Istati Uniti, inkluż permezz tal- Kunsill Ekonomiku Transatlantiku. Tista' ssir ħidma wkoll biex tinkiseb kooperazzjoni regolatorja aktar effettiva ma' pajjiżi industrijalizzati ċentrali oħra, bħal ma huma l-Kanada u l-Ġappun;

- Tkompli bid- djalogu ma' sħab bilaterali ċentrali bħal ma huma ċ-Ċina, l-Indja, il-Brażil u r-Russja u tużah biex tindirizza kwistjonijiet ta' akkwist pubbliku, ta' kompetizzjoni u ta' proprjetà intellettwali.

Jiġi affaċċjat it-tibdil fil-klima

Il-kriżi qed isseħħ lejliet bidla kbira strutturali favur ekonomija mibnija fuq anqas użu tal-karbonju. L-għan li jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima jista' jiġi kkombinat ma' opportunitajiet ekonomiċi ġodda maġġuri biex jiġu żviluppati teknoloġiji ġodda u jinħolqu l-impjiegi u titjieb is-sigurtà tal-enerġija.

Ftehim fil-Kunsill Ewropew ta' Diċembru u mal-Parlament Ewropew dwar l-istrateġija interna tal-UE dwar it-tibdil tal-klima se jsaħħaħ ir-rwol ewlieni li l-UE trid tfittex li jkollha biex jintlaħaq ftehim internazzjonali ambizzjuż dwar it-tibdil fil-klima fil-konferenza tal-UNFCCC f'Kopenħagen fi tmiem l-2009.

Apoġġ lill-pajjiżi li qed jizviluppaw

Il-kriżi li għaddejja bħalissa se tkompi żżid mal-pressjonijiet eżistenti fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, li ħafna drabi huma l-anqas pajjiżi fil-pożizzjoni li jkampaw. Għalhekk huwa daqstant aktar importanti li l-UE, u oħrajn, iżommu mal-impenji tagħhom għall-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju (MDG). Jista' jkun ukoll meħtieġ li l-pajjiżi u r-reġjuni żviluppati, bħall-UE, joħorġu strumenti ġodda, flessibbli u innovattivi biex il-pajjiżi li qed jiżviluppaw jiġu mgħejjuna jaffaċċjaw l-impatt rapidu tal-kriżi bħall-faċilità tal-UE dwar għajnuna għall-ikel li ġiet stabbilita m'ilux.

L-għajnuna kontinwa lil pajjiżi emerġenti u li qed jiżviluppaw biex ikomplu fuq it-triq lejn it-tkabbir sostenibbli huwa rilevanti b'mod partikolari hekk kif toqrob il-Konferenza Internazzjonali dwar l-Iffinanzjar għall-Iżvilupp, li se ssir f'Doha bejn id-29 ta' Novembru u t-2 ta' Diċembru. F'din il-laqgħa, l-UE − li fl-2007 baqgħet l-akbar donatur ta' Għajnuna għall-Iżvilupp Barrani (ODA) − se terġa tafferma l-impenn tagħha li tasal għal livelli ta' ODA ta' 0.56% tal-PGD sal-2010 u ta' 0.7% sal-2015. Hija se tistieden ukoll donaturi oħrajn biex ikomplu jirsistu ħalli jilħqu dawn l-għanijiet.

L-appoġġ għall-iżvilupp sostenibbli fost affarijiet oħra permezz tal-kisba tal-għanijiet ODA u MDG, iżda wkoll billi jiġu indirizzati sfidi ġenerali ta' governanza, huwa aktar u aktar importanti fi żminijiet ta' kriżi ekonomika. Il-qsim tal-benefiċċji ta' tkabbir sostenibbli, l-affaċċjar tat-tibdil fil-klima, is-sigurtà tal-enerġija u tal-ikel, kif ukoll il-governanza tajba, huma sfidi marbuta ma' xulxin, fejn l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, bħal korpi internazzjonali oħra, ukoll għandhom rwoli importanti.

4. Konklużjonijiet

Huwa ċar li l-UE għandha quddiemha żmien iebes fix-xhur li ġejjin hekk kif l-effetti tat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku fid-dinja u fl-Ewropa jibdew ikunu ta' pressjoni fuq l-impjiegi u fuq id-domanda. Iżda, b'azzjoni għalenija, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Ewropej jistgħu jieħdu azzjoni biex jerġgħu jistabbilixxu l-fiduċja fost il-konsumaturi u fost in-negozjanti, biex jerġa' jibda s-self u biex jiġi stimulat l-investiment fl-ekonomiji tagħna, biex b'hekk jinħolqu l-impjiegi u dawk bla xogħol jingħataw għajnuna li jsibu mpjiegi ġodda. Il-Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku kif imfisser f'din il-Komunikazzjoni huwa maħsub biex joħloq bażi għal ftehim malajr bejn l-Istati Membri biex l-ekonomija Ewropea terġa' taqbad ir-ritmu.

Il-Kummissjoni Ewropea tappella lill-Parlament Ewropew biex jagħti l-appoġġ kollu tiegħu għal dan il-Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku.

Tappella lill-Kapijiet ta' Stat u tal-Gvern, fil-laqgħa tagħhom tal-11 u tat-12 ta' Diċembru 2008 biex:

1. Jadottaw dan il-Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku;

2. Jitolbu lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kunsill biex jaħdmu flimkien ħalli jiżguraw li l-miżuri flimkien fuq livell nazzjonali u fuq dak tal-UE jilħaq mill-anqas 1.5% tal-PDG;

3. Jaraw li l-Programmi ta' Stabbiltà u Konverġenza aġġornati, inklużi l-miżuri ta' xprunar nazzjonali, ikunu evalwati skont il-proċeduri stipulati fil-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, filwaqt li tintuża l-flessibbiltà li dan joffri;

4. Japprovaw l-10 azzjonijiet imfissra fil-Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku; iħeġġu lill-Kunsill u lill-Parlament biex iħaffu l-pass f'kull attività leġiżlattiva meħtieġa biex dawn il-miżuri jiġu implimentati;

5. Fuq il-bażi ta' kontribuzzjoni tal-Kummissjoni qabel il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa fl-2009 li tkun tevalwa l-progress li jkun sar bl-implimentazzjoni tal-Pjan, jilħqu qbil li jidentifikaw xi miżuri oħra meħtieġa fuq livell tal-UE u tal-Istati Membri sabiex jiġi stimulat l-irkupru;

6. Ikomplu jaħdmu mill-qrib ma' sħab internazzjonali biex jimplimentaw soluzzjonijiet globali biex isaħħu l-governanza globali u jippromwovu l-irkupru ekonomiku.

[1] Komunikazzjoni tad-29 Ottubru - COM(2008) 706.

[2] Ir-rakkomandazzjonijiet ġenerali u l-azzjonijiet speċifiċi relatati mal-oqsma ta' prijorità ppreżentati f'dan id-dokument huma suġġetti għall-konformità mar-regoli tas-suq intern u tal-kompetizzjoni, partikolarment għall-għajnuna mill-Istat.

[3] Dan se jsir billi billi jiżdied il-limitu preżenti ta' sigurtà (safe harbour) għall-kapital ta' riskju minn €1.5 M għal €2.5M, u billi jkun permess, suġġett għal ċerti kundizzjonijiet u ammonti massimi, (a) li tingħata għajnuna għall-garanziji fuq is-self ta’ ċerti kumpaniji li qed isibuha bi tqilha biex jisselfu; u (b) li tingħata għajnuna sa 50% (għall-SMEs u 25% (għall-kumpaniji l-kbar) tar-Rata ta’ Referenza, fuq self għal investimenti fil-manifattura ta’ prodotti li aktar kmieni kienu konformi, jew marru lil hinn mill-istandards il-ġodda tal-Komunità li jżidu l-livell ta' protezzjoni ambjentali u li għadhom m'humiex fis-seħħ.

[4] COM(2008) 755, 13.11.2008.

[5] Il-bini bħalissa jikkonsma 40% tal-enerġija.

Top