Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R1017

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/1017 tat-23 ta' Ġunju 2016 li jemenda l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH) fir-rigward tal-imluħa tal-ammonju inorganiku (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

C/2016/3779

OJ L 166, 24.6.2016, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1017/oj

24.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 166/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1017

tat-23 ta' Ġunju 2016

li jemenda l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH) fir-rigward tal-imluħa tal-ammonju inorganiku

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 68(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Fl-14 ta' Awwissu 2013, b'konformità mal-klawsola ta' salvagwardja tal-Artikolu 129(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, ir-Repubblika Franċiża infurmat lill-Kummissjoni, lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (“l-Aġenzija”) u lill-Istati Membri l-oħra li hija kienet adottat miżura provviżorja fil-21 ta' Ġunju 2013 (2) sabiex il-pubbliku jiġi protett minn esponiment għal ammonju rilaxxat minn materjali ta' iżolament magħmula minn materjal artab taċ-ċelluloża użat fil-bini flimkien mal-imluħa tal-ammonju.

(2)

Il-miżura provviżorja ġiet awtorizzata sal-14 ta' Ottubru 2016 bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/505/UE (3), adottata skont l-Artikolu 129(2) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006.

(3)

Skont l-Artikolu 129(3) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, ir-Repubblika Franċiża tat bidu lill-proċedura ta' restrizzjoni permezz tal-preżentazzjoni ta' dossier skont l-Anness XV lill-Kummissjoni fit-18 ta' Ġunju 2014.

(4)

Id-dossier skont l-Anness XV (4) ippropona restrizzjoni fuq l-imluħa tal-ammonju inorganiku li jiġu miżjuda mal-materjali ta' iżolament magħmula miċ-ċelluloża bħala ritardanti tal-fjammi, peress li taħt ċerti kundizzjonijiet dawn iwasslu għal emissjonijiet ta' gass tal-ammonju. Minflok stabbilixxa limitu għall-kontenut ta' mluħa tal-ammonju fil-materjali ta' iżolament magħmula miċ-ċelluloża, id-dossier ippropona l-limitu ta' 3 ppm għall-emissjonijiet ta' ammonju minn materjali ta' iżolament magħmula miċ-ċelluloża trattati b'imluħa tal-ammonju inorganiku. Id-dossier juri li jeħtieġ li tittieħed azzjoni fil-livell tal-Unjoni.

(5)

Fit-3 ta' Marzu 2015, il-Kumitat tal-Aġenzija għall-Valutazzjoni tar-Riskju (“RAC”) adotta opinjoni dwar ir-restrizzjoni proposta fid-dossier skont l-Anness XV u kkonkluda li jeżisti riskju għas-saħħa tal-bniedem minħabba r-rilaxx ta' ammonju minn taħlitiet u oġġetti għall-iżolament magħmula miċ-ċelluloża, u li dan ir-riskju għandu jiġi indirizzat. L-RAC stqarr ukoll li r-restrizzjoni proposta, kif modifikata mill-RAC, hija l-aktar miżura xierqa għall-Unjoni kollha sabiex jiġu indirizzati r-riskji identifikati f'termini ta' effettività fit-tnaqqis ta' dawn ir-riskji.

(6)

L-RAC ippropona li r-restrizzjoni tkopri t-tqegħid fis-suq ta' materjali ta' iżolament magħmula miċ-ċelluloża li fihom imluħa tal-ammonju inorganiku, kemm f'forma ta' taħlitiet kif ukoll f'forma ta' oġġetti. L-RAC rrakkomanda li r-restrizzjoni għandha tobbliga lill-fornituri ta' taħlitiet ta' materjali ta' iżolament magħmula miċ-ċelluloża li dawn jikkomunikaw, 'l isfel fil-katina ta' provvista u fl-aħħar mill-aħħar lill-utenti aħħarin (utenti professjonali u konsumaturi), ir-rata ta' tagħbija massima permissibbli (5) tat-taħlitiet għall-iżolament magħmula miċ-ċelluloża użati fit-test imwettaq qabel it-tqegħid fis-suq biex tintwera l-konformità, pereżempju permezz ta' dokumentazzjoni li takkumpanja t-taħlitiet jew permezz tat-tikkettar. Ir-restrizzjoni għandha teħtieġ ukoll li r-rata ta' tagħbija massima permissibbli, ikkomunikata mill-fornitur, ma tinqabiżx meta t-taħlitiet ta' iżolament magħmula miċ-ċelluloża jintużaw mill-utenti downstream, b'tali mod li l-emissjonijiet ta' ammonju ma jaqbżux il-livell stipulat fit-test imwettaq qabel it-tqegħid fis-suq. L-RAC irrakkomanda wkoll li permezz ta' deroga, it-taħlitiet ta' iżolament magħmula miċ-ċelluloża li jintużaw biss għall-produzzjoni ta' oġġetti għall-iżolament magħmula miċ-ċelluloża ma għandhomx għalfejn ikunu konformi mal-limitu stabbilit għall-emissjonijiet ta' ammonju, minħabba li l-oġġett stess għandu jkun konformi mal-valur ta' limitu tal-emissjonijiet meta jitqiegħed fis-suq jew meta jintuża.

(7)

Fl-10 ta' Ġunju 2015, il-Kumitat tal-Aġenzija għall-Analiżi Soċjoekonomika (“SEAC”) adotta opinjoni dwar ir-restrizzjoni proposta fid-dossier skont l-Anness XV, u indika li r-restrizzjoni proposta, kif modifikata mill-SEAC, hija l-aktar miżura xierqa għall-Unjoni kollha sabiex jiġu indirizzati r-riskji identifikati f'termini tal-proporzjonalità tal-benefiċċji soċjoekonomiċi tagħha meta mqabbel mal-ispejjeż soċjoekonomiċi tagħha.

(8)

L-SEAC ikkonkluda li l-operaturi ekonomiċi għandhom jingħataw sentejn minflok is-sena waħda proposta fid-dossier skont l-Anness XV, u dan sabiex ikollhom biżżejjed żmien biex jiġi żgurat li l-emissjonijiet ta' ammonju minn materjali ta' iżolament magħmula miċ-ċelluloża li fihom l-imluħa tal-ammonju inorganiku ma jaqbżux il-valur ta' limitu speċifikat tal-emissjonijiet.

(9)

L-RAC u l-SEAC qablu mar-Repubblika Franċiża dwar il-fatt li ma għandhiex tingħata eżenzjoni għal materjali ta' iżolament magħmula miċ-ċelluloża trattati b'imluħa tal-ammonju inorganiku għal użu estern.

(10)

Il-Forum għall-Iskambju ta' Informazzjoni dwar l-Infurzar tal-Aġenzija ġie kkonsultat waqt il-proċess ta' restrizzjoni u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu ġew ikkunsidrati.

(11)

Fil-25 ta' Ġunju 2015 l-Aġenzija ppreżentat l-opinjonijiet tal-RAC u l-SEAC (6) lill-Kummissjoni. Abbażi ta' dawn l-opinjonijiet, il-Kummissjoni kkonkludiet li materjali ta' iżolament magħmula miċ-ċelluloża trattati b'imluħa tal-ammonju inorganiku jippreżentaw riskju inaċċettabbli għas-saħħa tal-bniedem meta l-emissjonijiet ta' ammonju jilħqu jew jaqbżu konċentrazzjoni ta' 3 ppm fil-kundizzjonijiet speċifikati ta' ttestjar.

(12)

Bħalissa ma hemm disponibbli ebda metodu speċifiku għall-kejl tal-emissjonijiet ta' ammonju minn materjali ta' iżolament magħmula miċ-ċelluloża trattati b'imluħa tal-ammonju inorganiku. Għalhekk, għandu jiġi adattat għall-użu l-metodu eżistenti ta' ttestjar, jiġifieri l-Ispeċifikazzjoni Teknika CEN/TS 16516, u dan biex issir id-determinazzjoni tal-konformità mar-restrizzjoni fuq l-imluħa tal-ammonju inorganiku sakemm jiġi żviluppat metodu speċifiku.

(13)

Il-partijiet ikkonċernati għandhom jingħataw żmien biżżejjed biex jieħdu l-miżuri xierqa sabiex jiżguraw li l-emissjonijiet ta' ammonju ma jaqbżux il-limitu speċifiku f'każ li fil-materjali ta' iżolament magħmul miċ-ċelluloża jintużaw imluħa tal-ammonju inorganiku. Għaldaqstant, l-applikazzjoni tar-restrizzjoni fuq l-imluħa tal-ammonju inorganiku għandha tiġi diferita. Madankollu, fl-interess tal-kontinwità u taċ-ċertezza legali, ir-restrizzjoni għandha tapplika minnufih wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament fi Stat Membru li diġà għandu fis-seħħ miżuri nazzjonali li jirrestrinġu l-imluħa tal-ammonju f'materjali ta' iżolament magħmula miċ-ċelluloża li ġew awtorizzati mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura ta' salvagwardja REACH.

(14)

Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 għandu jiġi emendat skont dan.

(15)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 133 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta' Ġunju 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.

(2)  Journal Officiel de la République Française, it-3 ta' Lulju 2013, “Ordni tal-21 ta' Ġunju 2013 dwar il-projbizzjoni rigward it-tqegħid fis-suq, l-importazzjoni, il-bejgħ, id-distribuzzjoni jew il-manifattura ta' materjali ta' iżolament magħmula minn materjal artab taċ-ċelluloża b'addittivi ta' mluħa tal-ammonju”. L-abbozz ta' Ordni ġie oriġinarjament sottomess lill-Kummissjoni skont id-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta' informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi.

(3)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/505/UE tal-14 ta' Ottubru 2013 li tawtorizza l-miżura provviżorja meħuda mir-Repubblika Franċiża skont l-Artikolu 129 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH) li jirrestrinġi l-użu tal-imluħa tal-ammonju f'materjali ta' insulazzjoni magħmula minn materjal artab ta' ċelluloża (ĠU L 275, 16.10.2013, p. 52).

(4)  http://echa.europa.eu/documents/10162/999a106c-6baf-48c7-8764-0c55576a2517

(5)  Ir-rata ta' tagħbija ta' iżolament magħmul miċ-ċelluloża (indikata pereżempju f'kg/m2), hija espressa bħala ħxuna (indikata pereżempju f'm) u densità (indikata pereżempju f'kg/m3).

(6)  http://echa.europa.eu/documents/10162/522a9f94-058a-4bef-9818-f265a1d2d64d


ANNESS

Fl-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, tiżdied l-entrata li ġejja:

“65.

Imluħa tal-ammonju inorganiku

1.

Ma għandhomx jitqiegħdu fis-suq, jew jintużaw, f'taħlitiet ta' iżolament magħmula miċ-ċelluloża jew f'oġġetti għall-iżolament magħmula miċ-ċelluloża wara l-14 ta' Lulju 2018 sakemm l-emissjonijiet ta' ammonju minn dawk it-taħlitiet jew oġġetti ma jirriżultawx f'konċentrazzjoni ta' inqas minn 3 ppm skont il-volum (2,12 mg/m3) taħt il-kondizzjonijiet ta' ttestjar speċifikati fil-paragrafu 4.

Fornitur ta' taħlita ta' iżolament magħmula miċ-ċelluloża li fiha imluħa tal-ammonju inorganiku għandu jinforma lid-destinatarju jew lill-konsumatur dwar ir-rata ta' tagħbija massima permissibbli tat-taħlita ta' iżolament magħmula miċ-ċelluloża, espressa bħala ħxuna u densità.

Utent aħħari ta' taħlita ta' iżolament magħmula miċ-ċelluloża li fiha imluħa tal-ammonju inorganiku għandu jiżgura li r-rata ta' tagħbija massima permissibbli komunikata mill-fornitur ma tinqabiżx.

2.

B'deroga, il-paragrafu 1 ma għandux japplika għat-tqegħid fis-suq ta' taħlitiet ta' iżolament magħmula miċ-ċelluloża maħsuba biex jintużaw biss għall-produzzjoni ta' oġġetti għall-iżolament magħmula miċ-ċelluloża, u lanqas ma għandu japplika għall-użu ta' dawk it-taħlitiet fil-produzzjoni ta' oġġetti għall-iżolament magħmula miċ-ċelluloża.

3.

Fil-każ ta' Stat Membru li, fl-14 ta' Lulju 2016, ikollu fis-seħħ miżuri nazzjonali provviżorji li jkunu ġew awtorizzati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 129(2)(a), id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw minn dik id-data.

4.

Il-konformità mal-valur ta' limitu tal-emissjonijiet speċifikat fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 għandha tintwera skont l-Ispeċifikazzjoni Teknika CEN/TS 16516, adattata kif ġej:

(a)

it-test għandu jsir għal perjodu ta' mill-inqas 14-il jum minflok ta' 28 jum;

(b)

l-emissjonijiet ta' gass tal-ammonju għandhom jitkejlu mill-inqas darba kuljum tul il-perjodu ta' ttestjar;

(c)

il-valur ta' limitu tal-emissjonijiet ma għandux jintlaħaq jew jinqabeż tul il-perjodu ta' ttestjar;

(d)

l-umdità relattiva għandha tkun ta' 90 % minflok ta' 50 %;

(e)

għandu jintuża metodu xieraq għall-kejl tal-emissjonijiet ta' gass tal-ammonju;

(f)

ir-rata ta' tagħbija, espressa bħala ħxuna u densità, għandha tiġi rreġistrata waqt il-kampjunar tat-taħlitiet jew tal-oġġetti għall-iżolament magħmula miċ-ċelluloża.”


Top