Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011R0207

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 207/2011 tat- 2 ta’ Marzu 2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (REACH) fir-rigward tal-Anness XVII (Ossidu ta’ difenil, derivat tal-pentabromo u PFOS)

OJ L 58, 3.3.2011, p. 27–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 13 Volume 051 P. 237 - 238

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/207/oj

3.3.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 58/27


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 207/2011

tat-2 ta’ Marzu 2011

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (REACH) fir-rigward tal-Anness XVII (Ossidu ta’ difenil, derivat tal-pentabromo u PFOS)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Dicembru 2006 dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 131 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness XVII mar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 jintroduċi restrizzjonijiet għat-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ ossidu ta’ difenil, derivat tal-pentabromo u sulfonati tal-perflworoottan (PFOS) skont l-annotazzjonijiet 44 u 53.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 850/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar pollutanti organiċi persistenti u li jemenda d-Direttiva 79/117/KEE (2) jimplimenta fil-liġi tal-Unjoni l-impenji stabbiliti fil-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar il-Pollutanti Organiċi Persistenti, minn hawn ’il quddiem ‘il-Konvenzjoni’, approvata mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/507/KE (3) u fil-Protokoll tal-1998 mal-Konvenzjoni tal-1979 dwar Tniġġis Transkonfinali fl-Arja li Jwassal fil-Bogħod dwar Pollutanti Organiċi Persistenti, minn hawn ’il quddiem ‘il-Protokoll’, approvat mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/259/KE (4).

(3)

Wara li ntlaqgħu n-nomini tas-sustanzi mill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-Norveġja u mill-Messiku, il-Kumitat għall-Analiżi tal-Pollutanti Organiċi Persistenti stabbilit skont il-Konvenzjoni kkonkluda ħidmietu fuq grupp ta’ sustanzi li nstabu li jissodisfaw il-kriterji tal-Konvenzjoni. Fir-raba’ laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet fil-Konvenzjoni mill-4 sat-8 ta’ Mejju 2009 (minn hawn ’il quddiem ‘il-COP4’) kien hemm ftehim li jiżdiedu disa’ sustanzi mal-Annessi mal-Konvenzjoni inkluż l-ossidu tal-pentabromodifenil u PFOS.

(4)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 757/2010 tal-24 ta’ Awwissu 2010 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 850/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar pollutanti organiċi persistenti fir-rigward tal-Annessi I u III (5) jimplimenta d-Deċiżjonijiet tal-COP 4, billi jinkludi s-sustanzi elenkati fil-Konvenzjoni jew fil-Protokoll jew fit-tnejn li huma fl-Anness I mar-Regolament (KE) Nru 850/2004. Dawk is-sustanzi jinkludu l-ossidu tal-pentabromodifenil u l-PFOS Ir-Regolament (KE) Nru 850/2004 jipprojbixxi l-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq tas-sustanzi elenkati fl-Anness I u jirregola l-ġestjoni tal-iskart li fih dawn is-sustanzi. Fil-każ ta’ PFOS, id-derogi applikabbli skont ir-REACH fl-Anness XVII reġgħu qegħdin elenkati fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 850/2004 b’xi emendi biex jirriflettu d-Deċiżjoni COP 4.

(5)

Minħabba f’hekk, ir-restrizzjonijiet dwar l-Ossidu ta’ difenil, id-derivat tal-pentabromo u l-PFOS fl-Anness mar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 huma superfluwi u l-annotazzjonijiet 44 u 53 għandhom jitħassru.

(6)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 133 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 jitħassru l-annotazzjonijiet 44 u 53.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Marzu 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.

(2)  ĠU L 158, 30.4.2004, p. 7.

(3)  ĠU L 209, 31.7.2006, p. 1.

(4)  ĠU L 81, 19.3.2004, p. 35.

(5)  ĠU L 223, 25.8.2010, p. 29.


Top