Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006R0439

439/2006/KE: Regolament tal-kummissjoni (KE) Nru 439/2006 tas- 16 ta’ Marzu 2006 li jimponi dazju provviżjorju anti-dumping fuq l-importazzjonijiet tal-kamoxxa li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

OJ L 80, 17.3.2006, p. 7–22 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
OJ L 330M , 28.11.2006, p. 269–284 (MT)

No longer in force, Date of end of validity: 18/09/2006

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/439/oj

28.11.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

269


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 439/2006

tas-16 ta’ Marzu 2006

li jimponi dazju provviżjorju anti-dumping fuq l-importazzjonijiet tal-kamoxxa li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 (1) tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, (“ir-Regolament bażiku”) u b’mod partikolari l-Artikolu 7 tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Kumitat ta’ Konsulenza,

Billi:

A.   IL-PROĊEDURA

1.   Il-bidu

(1)

Fil-25 ta’ Ġunju 2005, il-Kummissjoni ħabbret bħala avviż (“avviż ta’ ftuħ”) li ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea  (2), il-bidu tal-proċedura kontra d-dumping li tikkonċerna importazzjonijiet ta’ kamoxxa li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ir-RPĊ).

(2)

Il-proċedura nbdiet wara li ġie ddepożitat ilment f’Mejju 2005 min-naħa tal-Konfederazzjoni Brittanika għall-Ġlud (The British Leather Confederation) (‘il-kwerelant) f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw proporzjon ewlieni, f’dan il-każ aktar minn 70 %, tal-produzzjoni Komunitarja totali tal-kamoxxa. L-ilment kien jinkludi evidenza prima facie tad-dumping tal-prodott imsemmi u tal-ħsara materjali li tirriżulta minn dan, li tqies bħala li kien biżżejjed sabiex ikun iġġustifikat il-bidu tal-proċedura.

2.   Il-partijiet ikkonċernati mill-proċedura

(3)

Il-Kummissjoni uffiċjalment tat parir lill-kwerelant, lill-produtturi Komunitarji li ssemmew fl-ilment, lil produtturi Komunitarja magħrufa oħra, lill-awtoritajiet tar-RPĊ, lill-produtturi li jesportaw, lill-importuaturi, kif ukoll lill-assoċjazzjonijiet li huwa magħruf li huma kkonċernati mill-ftuħ ta’ l-investigazzjoni. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li juru fehmiethom bil-miktub u jitolbu li jinstemgħu fi ħdan il-limitu taż-żmien iffissat fl-avviż ta’ ftuħ. Esportatur wieħed fir-RPĊ, kif ukoll produtturi u importaturi fil-Komunità wrew fehmiethom bil-miktub. Il-partijiet kollha li talbu li jinstemgħu fil-limitu taż-żmien li ssemma aktar ’il fuq u wrew li kien hemm raġunijiet partikolari għaliex kellhom jinstemgħu ngħataw din l-opportunità.

(4)

Minħabba li kien mistenni li numru kbir ta’ produtturi li jesportaw u ta’ importaturi jkunu involuti fl-investigazzjoni, fl-avviż ta’ ftuħ kienet prevista l-applikazzjoni ta’ teknika tat-teħid ta’ kampjuni, skond l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

(5)

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk it-teħid ta’ kampjuni għandux ikun meħtieġ jew le, u jekk dan huwa meħtieġ, li tagħżel kampjun, il-produtturi li jesportaw u l-importaturi ntalbu jersqu ‘il quddiem u jipprovdu informazzjoni kif inhu speċifikat fl-avviż ta’ ftuħ. L-ebda produttur esportatur ma resaq ‘il quddiem sabiex jikkumenta dwar l-għażla possibbli ta’ kampjun.

(6)

Seba’ importaturi resqu ‘il quddiem u pprovdew informazzjoni fit-terminu ffissat għal dan l-iskop, imma tliet kumpaniji biss kienu lesti li jikkooperaw fl-investigazzjoni. Minħabba n-numru limitat ta’ importaturi li wieġbu għall-kwestjonarju dwar it-teħid ta’ kampjuni u li indikaw li kienu lesti li jikkooperaw, kien deċiż li ma kienx hemm bżonn li jittieħdu kampjuni. Intbagħtu kwestjonarji lit-tliet importaturi. Madanakollu, wara, l-ebda wieħed mill-importaturi ma kkoopera fl-investigazzjoni u l-ebda wieħed minnhom ma bagħat tweġiba kompleta għall-kwestjonarju. Tnejn minnhom iddikjaraw li l-prodott ikkonċernat ma kienx parti ewlenija mill-attività tagħhom u għalhekk la r-riżorsi disponibbli tagħhom f’termini ta’ staff u lanqas l-implikazzjonijiet finanzjarji ma kienu jiġġustifikaw il-kooperazzjoni tagħhom f’din l-investigazzjoni.

(7)

Sabiex il-produtturi li jestportaw fir-RPĊ jitħallew iressqu talba għal trattament ta’ ekonomija tas-suq (“MET”) skond l-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku jew għal trattament individwali (“IT”) skond l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku, jekk huma xtaqu dan, il-Kummissjoni bagħtet formoli għat-talbiet għall-MET u għall-IT lill-kumpaniji Ċiniżi li huwa magħruf li huma konċernati. Minn dan il-lat, l-ebda produttur esportatur ma talab il-MET jew l-IT.

(8)

Minħabba n-nuqqas ta’ risponsi minn kwalunkwe produttur esportatur fir-RPĊ, ma kien hemm bżonn li jintgħażel l-ebda kampjun ta’ produtturi esportaturi. Barra minn hekk, ladarba l-ebda produttur esportatur fir-RPĊ ma pprovda l-informazzjoni meħtieġa jew għamel talbiet għall-MET jew għall-IT fi ħdan il-limiti taż-żmien li kienu ffissati skond ir-Regolament bażiku, kien deċiż li s-sejbiet fejn għandha x’taqsam il-valutazzjoni tad-dumping għandhom isiru fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. L-awtoritajiet tar-RPĊ ġew mgħarrfa b’dan u ma qajmu l-ebda oġġezzjoni.

(9)

Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lill-partijiet kollha li kien magħruf li kienu konċernati u lill-kumpaniji l-oħra kollha li ppreżentaw irwieħhom fi ħdan il-limiti taż-żmien li kienu ffissati fl-avviż ta’ ftuħ. Ir-risposti waslu mingħand it-tliet produtturi Komunitarji li ssemmew fl-ilment.

(10)

Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li qieset bħala meħtieġa għal determinazzjoni preliminari tad-dumping, tal-ħsara li tirriżulta u ta’ l-interess Komunitarju. Saru żjarat ta’ verifika f’dawn il-kumpaniji li ġejjin:

Il-produtturi Komunitarji

Marocchinerie e Scamoscerie Italiane (MESI), l-Italja,

Hutchings & Harding Ltd, ir-Renju Unit,

Beaven Ltd, ir-Renju Unit.

(11)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe talba għall-MET jew għall-IT u tal-ħtieġa li jiġi stabbilit valur normali għall-produtturi li jesportw fir-RPĊ, sabiex ikun stabbilit valur normali fuq il-bażi tad-data minn pajjiżi analogu saret żjara ta’ verifika fil-bini tal-kumpanija li ġejja:

Acme Sponge & Chamois Co., Inc., l-Istati Uniti ta’ l-Amerika.

(12)

L-investigazzjoni tad-dumping u tal-ħsara kopriet il-perjodu mill-1 t’April 2004 sal-31 ta’ Marzu 2005 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni” jew “PI”). L-eżami tat-tendenzi li huma rilevanti għall-valutazzjoni tal-ħsara kopra l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2001 sa tmiem il-PI (“il-perjodu meqjus”).

B.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U L-PRODOTT SIMILI

1.   Ġenerali

(13)

Il-kamoxxa u l-kamoxxa mħallta hija ġilda li s-soltu tkun magħmula mill-ġlud tan-ngħaġ u tal-ħrief, imma li tista’ ssir ukoll mill-ġlud ta’ annimali oħra. Hija magħmula mill-ġlud li minnhom tneħħiet is-superfiċje tal-grana, li mbagħad tiġi kkonzata billi jintuża biss żejt tal-ħuta jew żejt ta’ annimali oħra, fil-każ tal-kamoxxa, jew permezz ta’ kkonzar parzjali bl-aldeidi jew b’aġenti ta’ l-ikkonzar oħra u mbagħad biż-żjut tal-ħuta jew ta’ annimali oħra, fil-każ tal-kamoxxa mħallta. Il-ġilda li tinkiseb wara l-ikkonzar hija kamoxxa tal-qoxra, li normalment tiġi pproċessata aktar permezz ta’ proċess ta’ rfinar fejn il-kamoxxa tingħata l-konza ħalli tiġi qisha swejd artab. Il-karatteristiċi primarji tal-prodott, jiġifieri li jassorbixxi l-ilma u l-irtubija tiegħu, li ġejjin mill-ikkonzar jew mill-ikkonzar parzjali permezz taż-żejt tal-ħuta jew ta’ annimali oħra, jagħmluh ideali sabiex jintuża għat-tindif u għal-lostru.

2.   Il-prodott ikkonċernat

(14)

Il-prodott ikkonċernat hija l-kamoxxa, jew il-kamoxxa mħallta, kemm jekk tkun maqtugħa skond forma partikolari u kemm jekk le, li jinkludi l-kamoxxa u l-kamoxxa mħallta tal-qoxra (“kamoxxa”) li joriġina fir-RPĊ (‘il-prodott ikkonċernat’), li bħalissa jista’ jiġi kklassifikat fi ħdan il-kodiċijiet NM 4114 10 10 u 4114 10 90. Dawn il-preżentazzjonijiet kollha instab li kienu simili biżżejjed sabiex jikkostitwixxu prodott wieħed għall-fini tal-proċedura, ladarba jaqsmu l-istess karatteristika fiżika u użijiet bażiċi.

3.   Il-prodott simili

(15)

Fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni li kienet disponibbli min-naħa tal-kwerelantkwerelant, ma nstabet l-ebda differenza bejn il-prodott ikkonċernat u l-kamoxxa li tiġi prodotta u tinbiegħ fl-Istati Uniti ta’ l-Amerika, li għamluha ta’ pajjiż analogu għall-fini li jiġi stabbilit valur normali fejn għandha x’taqsam ir-RPĊ.

(16)

Fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni li kienet disponibbli min-naħa tal-kwerelant, ma nstabet l-ebda differenza bejn il-prodott konċernat u l-kamoxxa li tiġi prodotta u tinbiegħ fil-Komunità mill-industrija Komunitarja.

(17)

Għalhekk ġie konkluż b’mod provviżorju li, skond l-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku u għall-fini ta’ din l-investigazzjoni, il-kamoxxa li tiġi prodotta u tinbiegħ fuq is-suq domestiku tar-RPĊ, dik li tiġi prodotta u tinbiegħ fl-Istati Uniti u l-kamoxxa li tiġi prodotta u tinbiegħ mill-industrija Komunitarja fis-suq tal-Komunità għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u użijiet bażiċi u għalhekk qed jitqies li huma bħall-prodott ikkonċernat.

C.   ID-DUMPING

1.   It-teħid ta’ kampjuni

(18)

Kif ġie spjegat fil-premessa 6 t’iktar ’il fuq, minħabba n-nuqqas ta’ risponsi minn kwalunkwe produttur esportatur fir-RPĊ, ma kienx hemm bżonn li jittieħdu kampjuni fejn għandhom x’jaqsmu l-produtturi li jesportaw fir-RPĊ.

2.   It-trattament ta’ l-ekonomija tas-suq u t-trattament individwali

(19)

Kif ġie spjegat fil-premessa 7 aktar ’il fuq, minħabba n-nuqqas ta’ rispons, jew ta’ talbiet għall-MET jew għall-IT, l-ebda produttur esportatur fir-RPĊ ma ngħata MET jew IT.

3.   Il-valur normali

3.1.   Il-pajjiż analogu

(20)

Skond l-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku, il-valur normali kien stabbilit fuq il-bażi tal-prezzijiet jew tal-valur maħdumif’pajjiż analogu. Fl-avviż ta’ ftuħ, kien previst li jintużaw l-Istati Uniti bħala pajjiż analogu xieraq għall-fini li jkun stabbilit valur normali għar-RPĊ u l-partijiet interessati kienu mistiedna jikkummentaw dwar kemm kienet xierqa din l-għażla. Ma wasal l-ebda kumment jew oġġezzjoni min-naħa ta’ ebda parti dwar dan.

(21)

Madanakollu, permezz ta’ kuntatti ma’ assoċjazzjonijiet jew ma’ Kmamar tal-Kummerċ li setgħu jiġi identifikati f’pajjiżi terzi, kien eżaminat jekk pajjiżi oħra li tqiesu bħala li possibbilment għandhom produzzjoni tal-kamoxxa kinux adattati jew le. Instab li fil-każ tal-Brażil u ta’ l-Indja, jew ma kien hemm l-ebda produttur tal-kamoxxa jew ma kien hemm ħadd li jbiegħ fuq is-swieq domestiċi ta’ dawk il-pajjiżi. Fil-każ tat-Turkija, informazzjoni pprovduta minn produttur Tork indikat li s-suq domestiku Tork huwa tassew limitat. Fuq il-bażi ta’ dak li ntqal aktar ’il fuq, kien deċiż li l-Istati Uniti jibqgħu l-għażla ta’ pajjiż analogu. Il-Kummissjoni għaldaqstant fittxet u kisbet il-kooperazzjoni sħiħa min-naħa ta’ produttur wieħed mill-Istati Uniti.

(22)

L-Istati Uniti għandhom suq domestiku għall-kamoxxa li huwa relattivament kbir u miftuħ (tariffa protettiva ta’ 3.2 %), b’numru ta’ fornituri u livell konsiderevoli ta’ importazzjonijiet. Barra minn hekk, jintużaw proċessi simili kif isir fir-RPĊ għall-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat.

3.2.   Id-determinazzjoni tal-valur normali

(23)

Skond l-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku, il-valur normali kien stabbilit fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni verifikata li waslet mingħand produttur f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq, jiġifieri fuq il-bażi tal-prezzijiet li tħallsu jew li jistgħu jitħallsu fuq is-suq domestiku ta’ l-Istati Uniti, għat-tipi ta’ prodott li nstab li jinbiegħu waqt negozju normali.

(24)

Għaldaqstant, il-valur normali kien stabbilit bħala l-prezz medju u mwieżen tal-bejgħ domestiku lil klijenti li mhumiex relatati min-naħa tal-produttur li qed jikkoopera fl-Istati Uniti.

4.   Il-prezz ta’ l-esportazzjoni

(25)

Fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni min-naħa tal-produtturi li jesportaw fir-RPĊ, il-prezz ta’ l-esportazzjoni kien stabbilit fuq il-bażi tad-data tal-Eurostat dwar il-kwantità u l-valur ta’ l-importazzjonijiet fil-Komunità tal-prodott ikkonċernat li joriġina fir-RPĊ, b’din tkun l-aħjar informazzjoni disponibbli skond l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. L-informazzjoni li ntużat kienet verifikata kontra l-informazzjoni li tressqet minn kumpanija tan-negozju fir-RPĊ. Id-data pprovduta mill-kumpanija tan-negozju kienet tikkorrispondi mad-data statistika li ntużat bħala l-bażi sabiex jiġi stabbilit il-prezz ta’ l-esportazzjoni.

5.   Il-paragun

(26)

Il-valur normali u l-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni kienu mqabbla fuq bażi tal-prezz mill-fabbrika. Sabiex ikun żgurat paragun ġust bejn il-valur normali u l-prezz ta’ l-esportazzjoni, saret konċessjoni, fil-forma ta’ aġġustamenti, għad-differenzi li jaffetwaw il-prezzijiet u l-komparabilità tal-prezzijiet skond l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Ingħataw ukoll aġġustamenti xierqa li jikkonċernaw differenzi fil-karatteristiċi fiżiċi, fl-iskontijiet, fit-trasport u fl-assigurazzjoni, fl-ippakkjar, fil-kreditu u fl-ispejjeż ta’ wara l-bejgħ fejn instab li dawn kienu xierqa u kienu appoġġjati minn evidenza vverifikata.

6.   Il-marġni tad-dumping

(27)

Il-marġni tad-dumping kien stabbilit fuq il-bażi ta’ paragun ta’ valur normali medju mwieżen ma’ prezz ta’ l-esportazzjoni medju mwieżen, skond l-Artikolu 2(11) u (12) tar-Regolament bażiku. Il-marġni tad-dumping ta’ madwar il-pajjiż, espress bħala perċentwali tal-prezz CIF ta’ fruntiera tal-Komunità, bid-dazju mhux imħallas, huwa ta’ 73.5 %.

D.   IL-ĦSARA

1.   Il-produzzjoni Komunitarja

(28)

L-investigazzjoni stabbiliet li l-prodott simili bħalissa qed jiġi mmanifatturat prinċipalment minn tmien produtturi fil-Komunità li jammontaw għal 95 % tal-produzzjoni totali Komunitarja bil-5 % li jifdal tkun prodotta minn numru ta’ konzeriji tassew żgħar imxerrda mal-Komunità kollha.

2.   Id-definizzjoni ta’ l-industrija Komunitarja

(29)

L-ilment kien appoġġjat minn tmien produtturi Komunitarji (sitt kumpaniji li għamlu l-ilment u żewġ kumpaniji li appoġġjawhom) li minnhom tlieta mill-kumpaniji li għamlu l-ilment ikkooperaw b’mod sħiħ. Kumpanija waħda li għamlet l-ilment ma pprovdietx rispons sħiħ għall-kwestjonarju u għalhekk tqieset bħala li ma kinitx qed tikkoopera għalkemm affermat mill-ġdid l-appoġġ tagħha għall-ilment. Kumpanija oħra li għamlet l-ilment u kumpanija li tat l-appoġġ tagħha pprovdew biss informazzjoni limitata dwar il-produzzjoni tagħhom. Iż-żewġ kumpaniji qed jitqiesu bħala li mhumiex qed jikkooperaw mal-proċedura. Iż-żewġ kumpaniji li jifdal ma kkooperawx fl-investigazzjoni.

(30)

It-tliet kumpaniji li kkooperaw jammontaw għal 56 % tal-produzzjoni Komunitarja tal-prodott ikkonċernat. Għaldaqstant tqiesu bħala li jikkostitwixxu l-industrija Komunitarja fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 4(1) u 5(4) tar-Regolament bażiku.

3.   Il-konsum Komunitarju

(31)

Il-konsum kien stabbilit billi ġie magħdud il-bejgħ Komunitarju tal-produtturi Komunitarji li kkooperaw, il-bejgħ ikkalkulat fil-Komunità tal-produtturi Komunitarji li ma kkooperawx u l-importazzjonjiet totali kif stabbiliti mill-Eurostat, u ġie aġġustat fejn kien xieraq meta kien hemm evidenza ta’ statistiċi mhux korretti dwar l-importazzjoni għal ċerti pajjiżi. Il-bejgħ tal-produtturi li ma kkooperawx kien ibbażat fuq informazzjoni li tressqet mit-tliet produtturi li ma kkooperawx u fuq l-ilment, fin-nuqqas ta’ sorsi oħra ta’ informazzjoni. Fejn għandhom x’jaqsmu l-importazzjonijiet, il-figuri tal-Eurostat kienu espressi f’tunnellati metriċi u għalhekk ġiet użata rata ta’ konverżjoni sabiex dawn ikunu espressi f’piedi kwadri. Dan juri li d-domanda għall-prodott ikkonċernat fil-Komunità żdiedet ftit b’5 % tul il-perjodu meqjus li jirrappreżenta tkabbir annwali ta’ madwar 1 %.

Il-konsum apparenti fil-Komunità

2001

2002

2003

2004

PI

Piedi kwardi (f’eluf)

19 872

20 424

21 565

20 582

20 873

L-Indiċi 2001= 100

100

103

109

104

105

Sors: ir-risposti verifikati għal-kwestjonarju min-naħa ta’ l-industrija Komunitarja, l-ilment, l-Eurostat, l-informazzjoni pprovduta mill-produtturi li ma kkooperawx

4.   Il-volum ta’ l-importazzjonijiet mill-pajjiż konċernat u s-sehem mis-suq

(32)

Il-volum ta’ l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġina fir-RPĊ li ġej mill-Eurostat u li kien espress f’piedi kwadri billi ntużat il-metodoloġija li ġiet deskritta fil-premessa 31, żdied minn madwar 2.1 miljun pied kwadru fl-2001 għal 6.6 miljun pied kwadru fil-PI.

 

2001

2002

2003

2004

PI

Il-volum ta’ l-importazzjonijiet (f’eluf ta’ piedi kwadri)

2 130

1 627

5 037

6 273

6 607

L-Indiċi 2001 = 100

100

76

236

295

310

(33)

Matul il-perjodu meqjus, l-importazzjonijiet mir-RPĊ żiedu s-sehem tagħhom mis-suq Komunitarju minn 10.7 % fl-2001 għal 31.7 % fil-PI. Din iż-żjieda mgħaġġla fis-sehem mis-suq saret fi sfond ta’ tkabbir fil-konsum li kien relattivament żgħir.

 

2001

2002

2003

2004

PI

Is-sehem mis-suq

10,7  %

8,0  %

23,4  %

30,5  %

31,7  %

(i)   Il-prezzijiet ta’ l-importazzjoni

(34)

L-informazzjoni dwar il-prezzijiet għall-importazzjonijiet ikkonċernati ġiet mid-data tal-Eurostat li kienet ibbażata fuq il-volumi ta’ l-importazzjoni li ġew stabbiliti billi ntużat il-metodoloġija li ġiet deskritta fil-premessa 31 ta hawn fuq. Din l-informazzjoni wriet li l-prezzijiet medji CIF ta’ l-importazzjonijiet li joriġinaw fir-RPĊ varjaw matul il-perjodu meqjus. Għall-ewwel, il-prezzijiet żdiedu b’25 % fl-2002 qabel ma naqsu b’20 % fl-2003. L-2004 rat żjieda ta’ 9 % qabel ma kien hemm aktar tnaqqis fil-PI.

 

2001

2002

2003

2004

PI

Il-prezzijiet f’€/piedi kwadri ta’ kamoxxa

0,63

0,79

0,50

0,69

0,66

L-Indiċi

100

125

80

109

104

Sors: l-Eurostat

(ii)   It-twaqqigħ tal-prezz u nżul fil-prezz

(35)

Sabiex jiġi kkalkulat il-livell tat-twaqqigħ tal-prezz fil-PI, il-prezzijiet tal-prodott ikkonċernat li nbiegħ mill-produtturi ta’ l-industrija Komunitarja ġew imqabbla mal-prezzijiet ta’ l-importazzjonijiet fis-suq Komunitarju matul il-PI fuq il-bażi ta’ prezz medju mwieżen għat-tipi kollha tal-kamoxxa, ibbażat fuq il-figuri ta’ l-Eurostat. Il-prezzijiet ta’ l-industrija Komunitarja kienu aġġustati skond il-prezz tal-fabbrika. Il-prezzijiet ta’ l-importazzjonijiet ikkonċernati kienu fuq bażi CIF b’aġġustament xieraq għad-differenzi fil-kwalità li nstabu, għad-dazji doganali u għall-ispejjeż ta’ wara l-importazzjoni.

(36)

Dan il-paragun wera li waqt il-PI, il-prodotti konċernati li joriġinaw fir-RPĊ inbiegħu fil-Komunità bi prezzijiet li kienu aktar baxxi mill-prezzijiet ta’ l-industrija Komunitarja, meta espressi bħala perċentwali ta’ dawn ta’ l-aħħar, bi 30 %.

5.   Is-Sitwazzjoni Ekonomika ta’ l-industrija Komunitarja

(37)

Skond l-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku, l-eżami ta’ l-impatt ta’ l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping fuq l-industrija Komunitarja inkluda evalwazzjoni tal-fatturi ekonomiċi kollha li kellhom effett fuq l-istat ta’ l-industrija Komunitarja matul il-perjodu meqjus.

(i)   Il-kapaċità ta’ produzzjoni, il-produzzjoni, l-użu tal-kapaċità

(38)

Il-kapaċità ta’ produzzjoni ta’ l-industrija Komunitarja baqgħet stabbli matul il-perjodu meqjus. Tul l-istess perjodu, l-industrija Komunitarja naqqset il-produzzjoni tagħha b’mod kontinwu b’total ta’ 20 % u r-rata ta’ użu tal-kapaċità tagħha waqqgħet minn 71.2 % fl-2001 għal 57 % fil-PI.

 

2001

2002

2003

2004

PI

Il-kapaċità ta’ produzzjoni f’eluf ta’ piedi kwadri ta’ kamoxxa

16 754

16 754

16 754

16 754

16 754

L-Indiċi 2001 = 100

100

100

100

100

100

Il-produzzjoni f’eluf ta’ piedi kwadri ta’ kamoxxa

11 934

11 583

11 262

10 469

9 554

L-Indiċi 2001 = 100

100

97

94

88

80

Ir-rati ta’ l-użu tal-kapaċità ta’ produzzjoni

71,2  %

69,1  %

67,2  %

62,5  %

57,0  %

Sors: it-tweġibiet verifikati għall-kwestjonarju min-naħa ta’ l-industrija Komunitarja.

(ii)   Il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq

(39)

Il-bejgħ ta’ l-industrija Komunitarja fil-Komunità naqas f’daqqa bi 17-il punt perċentwali tul il-perjodu meqjus minn 8.1 miljun pied kwadru fl-2001 għal xi 6.7 miljun pied kwadru fil-PI, minkejja ż-żjieda fil-konsum tul l-istess perjodu. Dan huwa rifless b’mod sħiħ fis-sehem mis-suq tagħha li naqas b’mod kontinwu minn 41.1 % fl-2001 għal 32.3 % matul il-PI.

 

2001

2002

2003

2004

PI

Il-bejgħ ta’ l-industrija Komunitarja (f’elf pied kwadru)

8 163

8 166

7 478

6 423

6 746

L-Indiċi 2001= 100

100

100

92

79

83

Is-sehem mis-suq

41,1  %

40,0  %

34,7  %

31,2  %

32,3  %

(iii)   L-istokkijiet

(40)

Il-figuri t’hawn taħt jirrappreżentaw il-volum ta’ l-istokkijiet fi tmiem kull perjodu.

 

2001

2002

2003

2004

PI

L-istokkijiet (f’elf pied kwadru)

4 508

3 321

3 157

4 298

4 243

L-Indiċi 2001 = 100

100

74

70

95

94

(41)

Fl-2002 l-istokkijiet naqsu f’daqqa b’26 punt perċentwali u mbagħad żdiedu b’mod kontinwu sal-PI. Dan l-iżvilupp kien minħabba l-attività ta’ esportazzjoni tal-produtturi Komunitarji li kkooperaw li, wara żjieda sinifikanti fl-2002 prinċipalment minħabba xi kuntratti kbar ta’ bejgħ fuq is-suq ta’ l-Istati Uniti, naqsu fl-2004 u fil-PI, kif intwera fil-figuri t’hawn taħt.

 

2001

2002

2003

2004

PI

Il-bejgħ tal-prodotti esportati ta’ l-industrija Komunitarja (f’elf pied kwadru)

3 068

5 273

4 817

3 825

3 283

L-Indiċi 2001 = 100

100

172

157

125

107

(42)

L-industrija Komunitarja allegat li t-tnaqqis fl-attività ta’ esportazzjoni kien parzjalment minħabba l-kompetizzjoni ma’ l-esportazzjonijiet Ċiniżi fuq is-suq ta’ l-Istati Uniti. Minn dan il-lat, ta’ min jinnota li kien hemm żjieda sostanzjali fl-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat fl-Istati Uniti li joriġina fir-RPĊ, minn 780 elf pied kwadru fl-2002 għal 1 209 elf pied kwadru fl-2004.

(iv)   It-tkabbir

(43)

Filwaqt li l-produzzjoni tal-produtturi ta’ l-industrija Komunitarja li kkooperaw naqset b’20 punt perċentwali tul il-perjodu meqjus, il-konsum tal-Komunità żdied b’5 % tul l-istess perjodu, u b’mod parallel il-volum ta’ l-importazzjonijiet ikkonċernati żdied b’aktar minn tliet darbiet. B’hekk, l-industrija Komunitarja tilfet parti mis-sehem mis-suq tagħha, filwaqt li l-importazzjonijiet ikkonċernati rnexxielhom iżidu tagħhom.

(v)   L-Impjiegi u l-Produttività

(44)

Il-livell ta’ l-impjiegi ta’ l-industrija Komunitarja naqas b’6 % matul il-perjodu meqjus. Matul l-istess perjodu, il-produttività tagħha, imkejla bħala l-produzzjoni għal kull persuna impjegata fis-sena, naqset bi 15 %.

 

2001

2002

2003

2004

PI

In-numru ta’ impjegati

128

129

127

124

120

L-Indiċi 2001 = 100

100

101

99

97

94

Il-produttività (elf pied kwadru/persuna): produzzjoni/impjegat

93

90

89

84

79

L-Indiċi 2001 = 100

100

96

95

91

85

Sors: it-tweġibiet verifikati għall-kwestjonarju min-naħa ta’ l-industrija Komunitarja.

(vi)   Il-prezzijiet tal-bejgħ u l-fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet domestiċi

(45)

Il-medja tal-prezz nett tal-bejgħ tal-produtturi ta’ l-industrija Komunitarja naqas bi 8 punti perċentwali bejn l-2001 u l-2003 qabel ma wera żjieda żgħira ta’ 1 punt perċentwali fl-2004. Fil-PI, il-prezzijiet reġgħu waqgħu bi 3 punti perċentwali oħra. Dan l-iżvilupp juri l-kondizzjonijiet tas-suq sostanzjalment batuti li l-industrija Komunitarja ffaċċjat tul il-perjodu meqjus.

 

2001

2002

2003

2004

PI

Il-prezz medju tal-bejgħ (EUR/ pied kwadru)

1,24

1,22

1,15

1,16

1,13

L-Indiċi 2001 = 100

100

98

92

93

90

Sors: tweġibiet verfikati għall-kwestjonarju min-naħa ta’ l-industrija Komunitarja.

(vii)   Il-profitt

(46)

Il-profitt ta’ l-industrija Komunitarja mill-bejgħ nett fuq is-suq tal-Komunità, qabel it-taxxi, bata minn deterjorament aċċentwat matul il-perjodu meqjus kif jintwera hawn taħt.

 

2001

2002

2003

2004

PI

Il-profitt

4,2  %

5,5  %

1,3  %

-7,6  %

-6,1  %

Sors: it-tweġibiet verifikati għall-kwestjonarju min-naħa ta’ l-industrija Komunitarja.

(47)

L-industrija Komunitarja kellha profitt fis-snin 2001 u 2002. Madanakollu, mill-2003 ’il quddiem, il-profitt naqas b’mod drammatiku fejn irreġistra telf kbir fl-2004 u fil-PI.

(viii)   L-investimenti u l-profitt fuq l-investimenti

(48)

Il-livell ta’ investimenti fil-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat li sar mill-produtturi ta’ l-industrija Komunitarja li kkooperaw żdied matul il-perjodu meqjus minn madwar EUR 354 000 għal xi EUR 407 000. Din iż-żjieda fl-investimenti ffokat prinċipalment fuq is-sostituzzjoni ta’ l-assi eżistenti u fuq l-akkwist ta’ tagħmir addizzjonali u/jew ġdid biex il-produzzjoni eżistenti tkun immaniġġjata aħjar.

(49)

Il-profitt fuq l-investiment tal-produtturi ta’ l-industrija Komunitarja li kkooperaw, li jesprimi r-riżultat ta’ qabel it-taxxa tagħhom bħala perċentwali ta’ kif fetaħ u għalaq il-valur nett imniżżel fil-kotba tad-ditti ta’ l-assi mħaddma fil-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat, kien pożittiv matul il-perjodu bejn l-2001 u l-2003, li jirrifletti s-sitwazzjoni tal-profitti tagħhom. Fl-2004 u fil-PI, il-profitt tagħhom fuq l-investiment kien wieħed negattiv u b’hekk jirrifletti s-sitwazzjoni tagħhom ta’ telf.

 

2001

2002

2003

2004

PI

L-investimenti f’€

354 626

691 087

558 887

423 142

407 456

L-Indiċi 2001 = 100

100

195

158

119

115

Il-profitt fuq l-investimenti

40  %

32  %

10  %

-28  %

-37  %

Sors: it-tweġibiet għall-kwestjonarju min-naħa ta’ l-industrija Komunitarja.

(ix)   Il-ħila li jinġabar il-kapital

(50)

Ma kien hemm l-ebda pretensjoni, jew indikazzjoni, min-naħa ta’ l-industrija Komunitarja li l-industrija Komunitarja kellha xi problemi biex tiġbor il-kapital għall-attivitajiet tagħha. Madanakollu, ta’ min jinnota li t-telfiet imġarrba fl-2004 u fil-PI stabbilew kuntest pjuttost sfavorevoli minn dan il-lat. Barra minn hekk, ta’ min ifakkar li l-intrapriżi ż-żgħar u dawk immexxija mill-familji bħalma huma l-produtturi ta’ l-industrija Komunitarja li kkooperaw għandhom biss fornituri esterni fejn jidħlu l-finanzi. Ġeneralment dawn ma jkunux lesti li jieħdu r-riskji li l-kumpaniji prinċipali, fil-każ tal-gruppi li huma akbar fid-daqs, ikunu aktar lesti li jieħdu f’perspettiva aktar mifruxa fiż-żmien tan-negozju għaliex jittamaw li se jkun possibbli li jirkupraw mis-sitwazzjoni diffiċli ta’ bħalissa li l-industrija sabet ruħha fiha.

(x)   Id-dħul u l-ħruġ tal-flus

(51)

Il-produtturi ta’ l-industrija Komunitarja li kkooperaw irreġistraw dħul nett ta’ flus mill-attivitajiet operattivi fiil-perjodu li jmur mill-2001 sa l-2003. Madankollu, dan il-fluss qaleb għall-ħażin fl-2004 u fil-PI, b’hekk jirrifletti t-telfiet sinifikanti li ġew irreġistrati matul dawn is-snin. L-istess jintwera meta d-dħul u l-ħruġ tal-flus jiġi espress bħala perċentwali tad-dħul. Matul il-perjodu meqjus, kien hemm varjazzjonijiet sostanzjali fid-dħul u fil-ħruġ tal-flus matul perjodu qasir ta’ żmien li ġraw minħabba l-varjazzjonijiet fil-livell ta’ l-istokk (ara l-premessa 41 ta’ hawnfuq).

 

2001

2002

2003

2004

PI

Id-dħul u l-ħruġ tal-flus f’eluf ta’ €

988

2 608

839

-1 650

-1 567

L-Indiċi 2001 = 100

100

264

85

- 167

- 159

Sors: it-tweġibiet verifikati għall-kwestjonarju min-naħa ta’ l-industrija Komunitarja.

(xi)   Il-pagi

(52)

It-total fin-nefqa tal-pagi tal-produtturi ta’ l-industrija Komunitarja li kkooperaw baqa’ relattivament stabbli tul il-perjodu meqjus, għajr għal tnaqqis ta’ 7 % fl-2003. Il-moviment fil-pagi huwa inqas mill-movimenti fl-ispejjeż meħtieġa biex tgħix.

 

2001

2002

2003

2004

PI

Il-pagi għal kull impjegat f’€

27 081

27 375

25 093

27 402

27 373

L-Indiċi 2001 = 100

100

101

93

101

101

Sors: it-tweġibiet għall-kwestjonarju min-naħa ta’ l-industrija Komunitarja.

(xii)   Id-daqs tal-marġni tad-dumping

(53)

F’dak li jirrigwarda l-impatt fuq l-industrija Komunitarja tad-daqs tal-marġni reali tad-dumping, jekk jitqiesu l-volum u l-prezzijiet ta’ l-importazzjonijiet mir-RPĊ, dan l-impatt huwa wieħed sostanzjali.

(xiii)   L-irkupru minn dumpingta’ l-imgħoddi

(54)

L-industrija Komunitarja ma kinitx f’qagħda fejn kellha tirkupra mill-effetti mgħoddija ta’ dumping dannuż.

6.   Konklużjoni dwar il-ħsara

(55)

L-eżami tal-fatturi li ssemmew aktar ’il fuq juri li bejn l-2001 u l-PI, l-importazzjonijiet li kienu l-oġġett ta’ dumping żdiedu f’daqqa f’termini ta’ volum u ta’ sehem mis-suq. Tabilħaqq, il-volum tagħhom żdied bi kważi tliet darbiet matul il-perjodu meqjus u kisbu sehem mis-suq ta’ 31.7 % fil-PI. Ta’ min jinnota li fil-PI kienu jammontaw għal 72.7 % ta’ l-importazzjonijiet totali tal-prodott ikkonċernat fil-Komunità. Barra minn hekk, fil-PI, il-prezzijiet tal-bejgħ ta’ l-industrija Komunitarja kienu sostanzjalment aktar baxxi bi 30 % minn dawk ta’ l-importazzjonijiet ikkonċernati.

(56)

Matul il-perjodu meqjus kważi l-indikaturi tal-ħsara kollha żviluppaw b’mod negattiv. Il-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità naqsu (-20 % u -14 punti perċentwali rispettivament), filwaqt li fid-dawl taż-żjieda fil-konsum tal-Komunità ta’ 5 % matul l-istess perjodu, seta’ kien mistenni li dawn l-indikaturi jiżviluppaw b’mod pjuttost pożittiv. Il-volum tal-bejgħ u l-prezzijiet tal-bejgħ ukoll naqsu ħafna (-17 % u -10 % rispettivament).

(57)

L-industrija Komunitarja tilfet sehem mis-suq sinifikanti matul il-perjodu meqjus fi żmien meta l-konsum totali tal-Komunità kiber minn madwar 19.8 miljun pied kwadru għal kważi 20.9 miljun pied kwadru. L-industrija Komunitarja batiet minn tnaqqis drammatiku fil-profitti (-10 punti perċentwali), fid-dħul u fil-ħruġ tal-flus (-20,6 % tad-dħul) u fil-profitt fuq l-investimenti (-37 punti perċentwali).

(58)

Fid-dawl ta’ dak li ntqal aktar ’il fuq, kien konkluż b’mod provviżorju li l-industrija Komunitarja batiet minn ħsara materjali, li kienet ikkaratterizzata minn inżul kbir fil-prezzijiet, tnaqqis fil-profitti kif ukoll profitti fuq investimenti li qed jonqsu, fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku.

E.   IL-KAWŻALITÀ

1.   Daħla

(59)

Skond l-Artikolu 3(6) u (7) tar-Regolament bażiku, kien eżaminat jekk l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping li joriġinaw fir-RPĊ ikkawżawx ħsara lill-industrija Komunitarja fi grad li jista’ jitqies materjali. Kienu eżaminati wkoll fatturi magħrufa għajr l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, li fl-istess ħin setgħu għamlu ħsara lill-industrija Komunitarja sabiex ikun żgurat li l-ħsara possibbli kkawżata minn dawn il-fatturi l-oħra ma kinitx attribwita lill-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping.

2.   L-effetti ta’ l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping

(60)

L-importazzjonijiet mir-RPĊ żdiedu b’mod konsiderevoli matul il-perjodu konċernat, b’4.5 miljun pied kwadru f’termini ta’ volum, u b’21 punt perċentwali f’termini ta’ sehem mis-suq. Il-prezzijiet ta’ l-importazzjonijiet li joriġinaw fir-RPĊ kienu ferm taħt il-prezzijiet ta’ l-industrija Komunitarja bi 30 %.

(61)

L-effetti ta’ l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping jista’ jintwera mill-fatt li tul il-perjodu meqjus, il-produtturi fir-RPĊ żiedu s-sehem mis-suq tagħhom minn fuq dahar l-industrija Komunitarja.

(62)

B’kollox, bejn l-2001 u l-PI, it-telf tas-sehem mis-suq ta’ 8.8 punti perċentwali ta’ l-industrija Komunitarja kien assorbit għalkollox miż-żjieda fis-sehem mis-suq ta’ l-importazzjonijiet tar-RPĊ.

(63)

It-telf tas-sehem mis-suq u l-livelli insuffiċjenti tal-prezzijiet ta’ l-industrija Komunitarja ħabtu wkoll mas-sitwazzjoni dannuża ta’ l-industrija li ntweriet b’mod ċar mit-telfiet sinifikanti, mid-deterjorament f’daqqa fid-dħul u fil-ħruġ tal-flus tagħha u mill-profitti fuq l-investiment u mill-iżvilupp sfavorevoli ta’ l-impjiegi.

(64)

Dawn il-fatturi, flimkien mal-fatt li l-industrija Komunitarja ma kellhiex il-ħila tieħu vantaġġ mis-suq Komunitarju li kien qed jikber bi ftit, minħabba prezzijiet baxxi, kellhom l-effett li minkejja investimenti ingranati sabiex ikunu mmodernizzati l-faċilitajiet tal-produzzjoni, din batiet minn ħsara materjali matul il-perjodu. L-espansjoni tas-sehem mis-suq ta’ l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping u l-waqgħa fil-prezzijiet ta’ l-importazzjonijiet ħabtu ma’ bidla f’daqqa fil-kondizzjonijiet għall-industrija Komunitarja.

3.   L-effetti ta’ fatturi oħra

3.1.   L-importazzjonijiet minn pajjiżi oħra

(65)

L-importazzjonijiet skond il-volumi u l-prezzijiet mill-pajjiżi ewlenin l-oħra jintwerew fit-tabella t’hawn taħt.

L-importazzjonijiet mill-pajjiżi terzi ewlenin

2001

2002

2003

2004

PI

It-Turkija (eluf ta’ piedi kwadri)

353

380

237

893

1 677

Il-prezzijiet medji (€/piedi kwadri)

1,01

0,73

0,33

0,81

0,52

Pajjiżi oħra għajr dawk li ssemmew aktar ’il fuq: f’volum (eluf ta’ piedi kwadri)

1 732

2 078

1 933

1 825

2 485

Il-prezzijiet medji (€/piedi kwadri)

1,14

0,93

0,79

0,91

0,60

(66)

L-importazzjonijiet mit-Turkija żdiedu b’mod sostanzjali matul il-perjodu meqjus kollu u jirrappreżentaw żjieda ta’ 6.2 punti perċentwali fis-sehem mis-suq. Madanakollu, l-investigazzjoni wriet li parti sinifikanti minn dawn l-importazzjonijiet fl-2003, fl-2004 u fil-PI saret minn produttur Komunitarju wieħed li kien qed jikkoopera. Parti żgħira minn dawn il-prodotti importati servew sabiex tkun ikkompletata l-gamma ta’ prodotti tal-produttur u l-bqija kienu esportati mill-ġdid lejn pajjiżi terzi wara li ġew mirquma u kienu ppakkjati mill-ġdid. Għalhekk dawn il-kwantitajiet ma setgħux ikkawżaw ħsara lill-industrija Komunitarja. Il-kwantitajiet li fadal, li kienu importati mit-Turkija, jirrappreżentaw sehem mis-suq baxx u pjuttost stabbli ta’ madwar 2 % matul il-perjodu meqjus ħlief għall-PI fejn laħqu 6 %. Fejn għandhom x’jaqsmu l-prezzijiet ta’ dawn il-kwantitajiet, kienu aktar baxxi minn dawk ta’ l-importazzjonijiet mir-RPĊ fl-2002, fl-2003 u fil-PI imma kienu ogħla fl-2001 u fl-2004. Fid-dawl ta’ dak li ntqal aktar ’il fuq, kien konkluż li dawn l-importazzjonijiet setgħu ikkontribwew, għalkemm mhux b’mod sinifikanti, għall-ħsara materjali li batiet l-industrija Komunitarja.

(67)

Fejn għandhom x’jaqsmu l-importazzjonijiet minn pajjiżi li mhumiex it-Turkija, filwaqt li l-prezzijiet ta’ dawn l-importazzjonijiet kienu aktar baxxi minn dawk ta’ l-industrija Komunitarja matul il-perjodu meqjus, kienu sostanzjalment ogħla minn dawk ta’ l-importazzjonijiet mir-RPĊ matul il-perjodu meqjus kollu ħlief għall-PI. Il-volumi ta’ l-importazzjonijiet żdiedu minn 1.7 miljun pied kwadru fl-2001 għal 2.5 miljun pied kwadru fil-PI, li jirrappreżentaw żjieda fis-sehem mis-suq ta’ 3.2 punti perċentwali tul il-perjodu meqjus meta mqabbla ma’ żjieda ta’ 21 punt perċentwali tul l-istess perjodu għall-importazzjonijiet mir-RPĊ. Fid-dawl ta’ dak li ntqal aktar ’il fuq, għalhekk ġie konkluż b’mod provviżorju li l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra ma setgħux ikunu raġuni determinanti għas-sitwazzjoni dannuża ta’ l-industrija Komunitarja.

3.2.   Ir-rendiment tal-produtturi Komunitarji l-oħra

(68)

Il-produtturi Komunitarji tal-prodott ikkonċernat li ma kkooperawx kellhom sehem mis-suq ta’ madwar 24 % matul il-PI, waqgħa ’l isfel minn kważi 40 % fl-2001. Matul il-perjodu meqjus, il-volum tal-bejgħ naqas b’mod sostanzjali b’36 %. Barra minn dan, il-prezzijiet medji tal-produtturi li ma kkooperawx iċċaqilqu fl-istess livell bħall-prezzijiet medji tal-prodotturi li għamlu l-ilment. L-evidenza tissuġġerixxi li qegħdin f’sitwazzjoni simili għal dik ta’ l-industrija Komunitarja, jiġifieri li batew minn ħsara minħabba l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping. Għalhekk ma jistax jiġi konkluż li produtturi Komunitarji oħra kkawżaw ħsara materjali lill-industrija Komunitarja.

3.3.   L-esportazzjonijiet mill-industrija Komunitarja

(69)

Fejn għandhom x’jaqsmu l-esportazzjonijiet ta’ l-industrija Komunitarja, kif jintwera fit-tabella fil-premessa (41) t’aktar ’il fuq, dawn żdiedu b’7 % matul il-perjodu meqjus, b’kuntrast għall-bejgħ fuq is-suq ta’ l-UE li naqas bi 17 % matul l-istess perjodu. Il-prezzijiet tal-bejgħ ta’ l-oġġetti esportati kienu fuq medja ta’ livell fejn wieħed jista’ jagħmel profitt jew ma jkollux telf matul il-perjodu meqjus. F’dawn iċ-ċirkostanzi, kien konkluż b’mod provviżorju li r-rendiment ta’ l-esportazzjonijiet ta’ l-industrija Komunitarja ma kkontribwiex għall-ħsara li batiet l-industrija Komunitarja.

(70)

Ma tqajjem l-ebda fattur ieħor mill-partijiet interessati li fl-istess ħin seta’ jagħmel ħsara lill-industrija Komunitarja jew li seta’ jiġi identifikat matul l-investigazzjoni.

4.   Konklużjoni dwar il-kawżalità

(71)

Irid ikun enfasizzat li l-ħsara f’dan il-każ kienet primarjament fil-forma ta’ nżul fil-prezz u tnaqqis fil-bejgħ li kkawżaw telf sinifikanti fl-industrija Komunitarja. Dan ħabat ma’ importazzjonjiet li bdew jiżdiedu b’rata mgħaġġla bi prezzijiet li huma l-oġġett ta’ dumping mir-RPĊ li kienu ferm taħt il-prezzijiet ta’ l-industrija Komunitarja. M’hemm l-ebda indikazzjoni li l-fatturi l-oħra li ssemmew aktar ’il fuq setgħu kienu kawża sinifikanti tal-ħsara materjali li batiet l-industrija Komunitarja.

(72)

Jekk titqies l-analiżi ta’ hawn fuq li għamlet distinzjoni xierqa u sseparat l-effetti tal-fatturi magħrufa kollha fuq is-sitwazzjoni ta’ l-industrija Komunitarja mill-effetti dannużi ta’ l-importazzjonijiet li kienu soġġetti għal dumping, ġie konkluż b’mod provviżorju li hemm rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping mir-RPĊ u l-ħsara materjali li batiet l-industrija Komunitarja.

F.   L-INTERESS KOMUNITARJU

(73)

Skond l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni qieset jekk, minkejja l-konklużjoni dwar dumping dannuż, l-impożizzjoni ta’ miżuri kontra d-dumping ikunux kuntrarju għall-interessi tal-Komunità kollha jew le. Id-determinazzjoni ta’ l-interess Komunitarju kien ibbażat fuq eżami ta’ l-interessi differenti involuti, jiġifieri dawk ta’ l-industrija Komunitarja, ta’ l-importaturi u tan-negozjanti tal-prodott ikkonċernat.

(74)

Sabiex ikun ivvalutat l-interess Komunitarju, il-Kummissjoni analizzat l-effetti probabbli ta’ l-impożizzjoni/tan-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ miżuri anti-dumping fuq l-operaturi ekonomiċi konċernati.

1.   L-interess ta’ l-industrija Komunitarja

(75)

L-industrija Komunitarja hija prinċipalment magħmula minn kumpaniji żgħar. L-attività ta’ produzzjoni bħalissa hija biss 57 % tal-kapaċità ta’ produzzjoni.

(76)

Huwa mistenni li l-impożizzjoni tal-miżuri tipprevjeni t-tgħawwiġ kontinwu tas-suq u d-deterjorament tal-prezzijiet. Il-miżuri għandhom jagħtu l-opportunità lill-industrija Komunitarja sabiex iżżid il-bejgħ tagħha u b’hekk tirkupra s-sehem mis-suq mitluf, filwaqt li tbiegħ bi prezzijiet li għandhom ikopru l-ispejjeż u jħallu spazju għal profitt. Fl-aħħarnett, huwa mistenni li prinċipalment it-tnaqqis f’kemm jiġi jiswa l-prodott (minħabba użu tal-kapaċità ogħla li jirriżulta minn żjieda fil-bejgħ u sussegwentement produttività ogħla) u sa ċertu punt żjieda żgħira fil-prezz, għandhom iħallu lill-industrija Komunitarja ttejjeb is-sitwazzjoni finanzjarja tagħha.

(77)

Inkella, jekk il-miżuri anti-dumping ma jkunux imposti, huwa probabbli li t-tendenza negattiva tas-sitwazzjoni finanzjarja se tkompli. L-industrija Komunitarja hija partikolarment immarkata minn nuqqas ta’ dħul minħabba prezzijiet baxxi, sehem mis-suq li qed jonqos u telfiet sinifikanti. Tabilħaqq, minħabba d-dħul li qed jonqos u l-ħsara materjali li batiet matul il-PI, wisq probabbli li jekk ma tittieħed l-ebda miżura s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ l-industrija Komunitarja se tmur aktar għall-agħar. Fl-aħħar mill-aħħar dan għandu jwassal għal qtugħ fil-produzzjoni u għall-għeluq tas-siti tal-produzzjoni, li għalhekk għandu jhedded l-impjiegi u l-investimenti fil-Komunità.

(78)

Għaldaqstant, kien konkluż b’mod provviżorju li l-impożizzjoni ta’ miżuri anti-dumping għandha tħalli lill-industrija Komunitarja tirkupra mid-dumping dannuż li batiet minnu u din għandha tkun fl-interess ta’ l-industrija Komunitarja.

2.   L-interess ta’ importaturi/negozjanti fil-Komunità li mhumiex realatati

(79)

Kif ġie ddikjarat fil-premessa (6) t’aktar ’il fuq, wara li nbdiet l-investigazzjonjiet tliet importaturi ppreżentaw irwieħhom imma kollha sussegwentement qagħdu lura milli jikkooperaw fl-investigazzjoni. L-ebda wieħed minnhom ma wera fehmtu dwar l-impożizzjoni possibbli tal-miżuri. F’dawn iċ-ċirkostanzi, valutazzjoni sħiħa ta’ l-effetti possibbli ta’ jekk jittieħdux jew le l-miżuri ma kinitx possibbli. Madanakollu, ta’ min jiftakar li l-miżuri anti-dumping mhumiex maħsuba sabiex jipprevjenu l-importazzjonijiet, imma anzi sabiex jiżguraw li dawn ma jsirux bi prezzijiet li huma soġġetti għal dumping dannuż. Minħabba li l-importazzjonijiet li jkollhom prezz ġust xorta se jitħallew jidħlu fuq is-suq tal-Komunità, u minħabba li l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi wkoll se jkomplu, huwa probabbli li n-negozju tradizzjonali ta’ l-importaturi mhux se jkun affetwat b’mod sostanzjali anki jekk jiġu imposti l-miżuri anti-dumping fuq importazzjonjiet li huma l-oġġett ta’ dumping. Barra minn hekk, ta’ min jinnota li l-kummenti li waslu mingħand l-importaturi kontra l-impożizzjoni tal-miżuri ma kinux sostanzjati u għalhekk bħala tali ma ġewx aċċettati.

(80)

Għalhekk jista’ jiġi konkluż b’mod provviżorju li l-effetti probabbli ta’ l-impożizzjoni tal-miżuri anti-dumping fuq importaturi/negozjanti li mhumiex relatati m’għandhomx ikunu sinfikanti.

3.   L-interess ta’ l-utenti u tal-konsumaturi

(81)

L-ebda assoċjazzjoni ta’ utenti jew ta’ konsumaturi ma ppreżentat ruħha fil-limitu taż-żmien iffissat fl-avviż ta’ ftuħ. Minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni min-naħa ta’ dawn il-partijiet, jista’ jiġi konkluż b’mod provviżorju li l-impożizzjoni ta’ kwalunkwe miżura anti-dumping m’għandhiex taffetwa daqstant is-sitwazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, in-numru kbir ta’ produtturi fil-Komunità u l-volum ta’ l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra se jiżgura li l-utenti u l-bejjiegħa bl-imnut se jkompli jkollhom għażla wiesgħa ta’ fornituri differenti tal-prodott ikkonċernat bi prezzijiet raġonevoli. Huwa mistenni li l-miżuri jikkawżaw żjieda fil-prezzijiet li se jkunu ta’ benefiċċju għall-industrija Komunitarja sabiex din ta’ l-aħħar terġa’ lura għal sitwazzjoni bi profitti raġonevoli. Madanakollu, mhux probabbli li żjieda ta’ din ix-xorta tkun sostanzjali minħabba li l-eżistenza ta’ importazzjonijiet sinfikanti minn pajjiżi oħra bi prezzijiet kompetittivi mhux se jħallu lill-industrija Komunitarja żżid il-prezzijiet tagħha żżejjed.

4.   Konklużjoni dwar l-interess Komunitarju

(82)

Fid-dawl ta’ dak li ntqal aktar ’il fuq, ġie konkluż b’mod provviżorju li ma hemm l-ebda raġuni konvinċenti sabiex f’dan il-każ ma jkunux imposti miżuri u li l-applikazzjoni tal-miżuri m’għandhiex tkun kuntrarju għall-interess Komunitarju.

G.   IL-MIŻURI PROVVIŻORJI ANTI-DUMPING

1.   Il-livell tat-tneħħija tal-ħsara

(83)

Minħabba l-konklużjonijiet li ntlaħqu fejn għandhom x’jaqsmu d-dumping, il-ħsara, il-kawżalità u l-interess Komunitarju, għandhom ikunu imposti miżuri provviżorji sabiex ma titħalliex isir aktar ħsara lill-industrija Komunitarja minħabba l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping.

(84)

Il-miżuri provviżorji għandhom ikunu imposti fuq livell suffiċjenti sabiex jitneħħa l-effett dannuż ikkawżat lill-industrija Komunitarja mill-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, mingħajr ma jinqabżu l-ammonti ta’ dumping misjuba. Meta jiġi kkalkulat l-ammont ta’ dazju li huwa meħtieġ sabiex jitneħħew l-effetti ta’ dumping dannuż, tqies li kwalunkwe miżura għandha tħalli lill-industrija Komunitarja tkopri l-ispejjeż tagħha u tikseb b’mod ġenerali profitt qabel it-taxxa li jista’ jinkiseb b’mod raġonevoli f’kondizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni, jiġifieri fin-nuqqas ta’ importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping.

(85)

Qed jitqies li fil-perjodu li jmur mill-2001 sa l-2002 kien hemm sitwazzjoni kompetittiva normali fuq is-suq tal-Komunità fejn l-industrija Komunitarja, fin-nuqqas ta’ dumping dannuż, għamlet marġni ta’ profitt normali li, fuq medja kien laħaq il-livell ta’ 5 %. Għaldaqstant, fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni disponibbli, b’mod preliminari nstab li marġni ta’ profitt ta’ 5 % mid-dħul jista’ jitqies bħala livell xieraq li huwa mistenni li l-industrija Komunitarja tkun tista’ tikseb fin-nuqqas ta’ dumping dannuż.

(86)

Imbagħad kienet iddeterminata ż-żjieda meħtieġa fil-prezz fuq il-bażi ta’ paragun, fuq l-istess livell ta’ negozju, tal-prezz ta’ l-importazzjoni medju u mwieżen, kif stabbiliti għall-kalkoli tal-bejgħ taħt il-prezz, bil-prezz li mhux dannuż tal-prodotti mibjugħa mill-industrija Komunitarja fuq is-suq Komunitarju. Il-prezz li mhux dannuż inkiseb billi ġie aġġustat il-prezz tal-bejgħ ta’ kull produttur ta’ l-industrija Komunitarja sa punt fejn ma kienx hemm telf u billi ġie miżjud il-marġni ta’ profitt li ssemma aktar ’il fuq. Kwalunkwe differenza li rriżultat minn dan il-paragun imbagħad kienet espressa bħala perċentwali tal-valur CIF totali ta’ l-importazzjoni.

(87)

Fuq din il-bażi, il-marġni tat-tneħħija tal-ħsara li nstab kien ta’ 62 %.

2.   Il-miżuri provviżorji

(88)

Fid-dawl ta’ dak li ntqal aktar ’il fuq, jitqies li skond l-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku, id-dazji provviżorji kontra d-dumping għandhom ikunu imposti fejn għandhom x’jaqsmu l-importazzjonijiet ta’ kamoxxa li joriġinaw fir-RPĊ fuq il-livell tal-marġni tat-tneħħija tal-ħsara li nstab għaliex dan kien aktar baxx mill-marġni tad-dumping misjub.

H.   ID-DISPOŻIZZJONI FINALI

(89)

Fl-interess ta’ amministrazzjoni soda, għandu jkun iffissat perjodu li matulu l-partijiet interessati li ppreżentaw irwieħhom fil-limitu taż-żmien speċifikat fl-avviż ta’ ftuħ jistgħu juru fehmiethom bil-miktub u jitolbu li jinstemgħu. Barra minn hekk, għandu jkun iddikjarat li s-sejbiet li għandhom x’jaqsmu ma’ l-impożizzjoni tad-dazji li saru għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament huma provviżorji u jistgħu jkollhom jerġgħu jitqiesu għall-finijiet ta’ kwalunkwe dazju definittiv,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   B’dan qed jiġi impost dazju provviżorju anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ kamoxxa u ta’ kamoxxa mħallta, kemm jekk tkun maqtugħa skond forma partikolari u kemm jekk le, inkluża l-kamoxxa u l-kamoxxa mħallta tal-qoxra li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, li jaqgħu fi ħdan il-kodiċijiet NM 4114 10 10 u 4114 10 90.

2.   Ir-rata ta’ dazju provviżorju anti-dumping li tista’ tiġi applikata għall-prezz nett ħieles fuq il-fruntiera tal-Komunità qabel id-dazju, għall-prodotti magħmula mill-kumpaniji kollha fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għandha tkun ta’ 62 %.

3.   Ir-rilaxx għal ċirkolazzjoni ħielsa fil-Komunità tal-prodott li jissemma fil-paragrafu 1 għandu jkun suġġett għall-għoti ta’ garanzija li hija ekwivalenti għall-ammont ta’ dazju provviżorju.

4.   Jekk ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.

Artikolu 2

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 20 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-kxif ta’ fatti u konsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom ġie adottat dan ir-regolament, juru fehmiethom bil-miktub u japplikaw sabiex jinstemgħu b’mod orali mill-Kummissjoni fi żmien xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament.

Skond l-Artikolu 21(4) tar-Regolament (KE) Nru 384/96, il-partijiet konċernati jistgħu jikkumentaw dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament fi żmien xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament għandu japplika għal perjodu ta’ sitt xhur.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u għandu japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, nhar is-16 ta’ Marzu 2006.

Għall-Kummissjoni

Peter MANDELSON

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1, Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 2117/2005 (ĠU L 340, 23.12.2005, p. 17).

(2)  ĠU C 154, 25.6.2005, p. 12.


Top