EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006L0007

Direttiva 2006/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta’ Frar 2006 dwar l-immaniġġjar tal-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm u li tħassar id-Direttiva 76/160/KEE

OJ L 64, 4.3.2006, p. 37–51 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Bulgarian: Chapter 15 Volume 015 P. 229 - 243
Special edition in Romanian: Chapter 15 Volume 015 P. 229 - 243
Special edition in Croatian: Chapter 15 Volume 006 P. 179 - 193

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 01/01/2014

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2006/7/oj

4.3.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

37


DIRETTIVA 2006/7/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-15 ta’ Frar 2006

dwar l-immaniġġjar tal-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm u li tħassar id-Direttiva 76/160/KEE

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 175(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni (1),

Wara li l-kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (3),

Waqt li jagixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (4), fid-dawl tat-test konġunt approvat mill-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni fil-8 ta’ Diċembru 2005,

Billi:

Sabiex ikompli mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-iżvilupp sostenibbli, il-Kunsill Ewopew individwa objettivi sabiex iservu bħala gwida ġenerali għall-iżvilupp fil-ġejjieni f’oqsma ta’ prijorità bħal dawk tar-riżorsi naturali u tas-saħħa pubblika.

L-ilma huwa riżors naturali skars, li l-kwalità tiegħu għandha tkun protetta, imħarsa, immaniġġjata u trattata bħala tali. L-ilmijiet tal-wiċċ, b’mod partikulari, huma riżorsi li jiġġeddu b’kapaċità limitata li jirkupraw minn impatti dannużi minn attivitajiet umani.

Il-politika tal-Komunità dwar l-ambjent għandha timmira lejn livell għoli ta’ protezzjoni, u tagħti kontribut għall-kisba ta’ l-għanijiet għal-preservazzjoni, l-protezzjoni u t-titjib tal-kwalità ta’ l-ambjent u tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem.

F’Diċembru 2000, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-iżvilupp ta’ politika ġdida dwar l-ilma għall-għawm u tat bidu għal konsultazzjoni fuq skala kbira bejn il-partijiet kollha interessati u involuti. L-effett prinċipali ta’ din il-konsultazzjoni kien appoġġ ġenerali għall-iżvilupp ta’ Direttiva ġdida bbażata fuq evidenza xjentifika l-aktar riċenti u li tagħti attenzjoni partikulari lil parteċipazzjoni aktar wiesgħa tal-pubbliku.

Id-Deċiżjoni Nru. 1600/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Lulju 2002 li tistabbilixxi s-Sitt Programm ta’ Azzjoni tal-Komunità dwar l-Ambjent (5) fiha impenn sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni ta’ l-ilma għall-għawm, li jinkludi r-reviżjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 76/160/KEE tat-8 ta’ Diċembru 1975 dwar il-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm (6).

Skond it-Trattat, fit-tħejjija tal-politika dwar l-ambjent il-Komunità għandha, inter alia, tikkunsidra d-data xjentifika u teknika li hija disponibbli. Din id-Direttiva għandha tuża evidenza xjentifika fl-implimentazzjoni ta’ parametri indikaturi l-iktar affidabbli għat-tbassir ta’ riskju mikrobijoloġiku għas-saħħa u sabiex jinkiseb livell għoli ta’ protezzjoni. Għandhom isiru studji epidemjoloġiċi ulterjuri urġenti dwar ir-riskji għas-saħħa assoċjati ma’ l-għawm, b’mod partikolari fl-ilma ħelu.

Sabiex jiżdiedu l-effiċjenza u l-użu għaqli tar-riżorsi, din id-Direttiva għandha tkun koordinata mill-qrib ma’ leġislazzjoni Komunitarja oħra dwar l-ilma, bħad-Direttivi tal-Kunsill 91/271/KEE tal-21 ta’ Mejju 1991 dwar it-trattament ta’ l-ilma urban mormi (7), 91/676/KEE tat-12 ta’ Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni ta’ l-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min nitrati minn sorsi agrikoli (8) u d-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika ta’ l-ilma (9).

Għandha tiġi mxerrda, fost il-partijiet interessati, informazzjoni xierqa dwar miżuri ppjanati u dwar il-progress fl-implimentazzjoni. Il-pubbliku għandu jirċievi informazzjoni xierqa u f’waqtha dwar ir-riżultati tal-monitoraġġ tal-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm u dwar il-miżuri għall-immaniġġjar tar-riskji sabiex jiġu evitati perikli għas-saħħa, speċjalment fil-kuntest ta’ tniġġis għal żmien qasir li huwa prevedibbli jew ta’ sitwazzjonijiet mhux normali. Għandha tiġi applikata teknoloġija ġdida li tippermetti li l-pubbliku jkun informat b’mod effiċjenti u komparabbli dwar ilmijiet għall-għawm madwar il-Komunità.

Għall-finijiet ta’ monitoraġġ, jeħtieġu li jiġu applikati metodi u prattiċi armonizzati ta’ analiżi. L-osservazzjoni u l-valutazzjoni ta’ kwalità fuq perjodu estiż huma neċessarji sabiex tiġi stabbilita klassifikazzjoni realistika ta’ l-ilma għall-għawm.

Il-konformità għandha tkun kwistjoni ta’ miżuri xierqa ta’ mmaniġġjar u ta’ assigurazzjoni ta’ kwalità, mhux biss ta’ kejl u kalkolu. Huwa għalhekk xieraq li jkun hemm sistema ta’ profili ta’ ilma għall-għawm sabiex tipprovdi konoxxenza aħjar tar-riskji bħala bażi għall-miżuri ta’ immaniġġjar. B’mod komplimentari, għandha tingħata attenzjoni partikulari sabiex jiġu osservati standards ta’ kwalità u sabiex issir transizzjoni koerenti mid-Direttiva 76/160/KEE.

Fis-17 ta’ Frar 2005 il-Komunità ffirmat il-Konvenzjoni tal-UNECE dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid tad-Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja f’Affarijiet Ambjentali (il-Konvenzjoni ta’ Århus). Huwa għalhekk xieraq li din id-Direttiva tinkludi disposizzjonijiet dwar l-aċċess tal-pubbliku għall-informazzjoni u tipprovdi għall-parteċipazzjoni pubblika fl-implimentazzjoni tagħha sabiex iżżid mad-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali (10) u d-Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 2003 li tipprovdi għall-parteċipazzjoni pubblika fir-rigward tat-tfassil ta’ ċerti pjani u programmi li għandhom x’jaqsmu ma’ l-ambjent (11).

Billi l-għanijiet ta’ din id-Direttiva, jiġifieri l-kisba mill-Istati Membri, abbażi ta’ standards komuni, ta’ kwalità tajba ta’ l-ilma għall-għawm u ta’ livell għoli ta’ protezzjoni fil-Komunità kollha, ma jistgħux jintlaħqu b’mod sodisfaċenti mill-Istati Membri u jistgħu jiġu żgurati aħjar fuq il-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

Il-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tal-poteri implimentattivi konferiti mogħtija lill-Kummissjoni (12).

L-importanza kontinwa ta’ politika Komunitarja dwar l-ilma għall-għawm hija evidenti f’kull staġun ta’ l-għawm billi tipproteġi lill-pubbliku minn tniġġis aċċidentali u kroniku li jiġi skarikat f’żoni għall-għawm Komunitarji jew ħdejhom. Il-kwalità ġenerali ta’ l-ilma għall-għawm tjiebet b’mod konsiderevoli minn meta daħlet fis-seħħ id-Direttiva 76/160/KEE. Madankollu, dik id-Direttiva tirrifletti l-istat ta’ konoxxenza u esperjenza fil-bidu tas-snin sebgħin. It- tendenzi fl-użu ta’ l-ilma għall-għawm inbidlu minn dak iż-żmien, hekk kif inbidel l-istat ta’ l-għarfien xjentifiku u tekniku. Għalhekk, dik id-Direttiva għandha tiġi mħassra,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

DISPOSIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Għan u kamp ta’ applikazzjoni

Din id-Direttiva tistabbilixxi disposizzjonijiet:

(a)

għall-monitoraġġ u l-klassifikazzjoni tal-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm;

(b)

għall-immaniġġjar tal-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm; u

(c)

għall-proviżjoni ta’ informazzjoni lill-pubbliku dwar il-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm.

L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tippreserva, tipproteġi u ttejjeb il-kwalità ta’ l-ambjent u li tipproteġi s-saħħa tal-bniedem billi tikkomplimenta d-Direttiva 2000/60/KE.

Din id-Direttiva għandha tapplika għal kwalunkwe element ta’ ilma tal-wiċċ fejn l-awtorità kompetenti tistenna numru kbir ta’ nies li jmorru sabiex jgħumu u fejn ma tkunx imponiet xi projbizzjoni permanenti ta’ l-għawm, jew ħarġet xi avviż permanenti kontra l-għawm (minn hawn ‘il quddiem “ilma għall-għawm”). Ma għandhiex tapplika għal:

(a)

pixxini għall-għawm u pixxini ta’ spas;

(b)

ilmijiet magħluqa soġġetti għal trattamenti jew użati għal għanijiet terapewtiċi;

(c)

ilmijiet magħluqa, maħluqa artifiċjalment, separati minn ilma tal-wiċċ u minn ilma ta’ taħt l-art.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet li ġejjin.

1)

“Ilma tal-wiċċ”, “ilma ta’ taħt l-art”, “ilma intern”, “ilmijiet temporanji”, “ilma tal-kosta” u “baċir ta’ xmara” għandhom l-istess tifsira bħal fid-Direttiva 2000/60/KE;

2)

“Awtorità kompetenti” tfisser l-awtorità jew awtoritajiet li Stat Membru jkun innomina sabiex jiżgura konformità mal-ħtiġijiet ta’ din id-Direttiva jew kwalunkwe awtorità oħra jew korp ieħor li ġew ddelegati b’dak ir-rwol;

3)

“Permanenti” tfisser, fir-rigward ta’ xi projbizzjoni ta’ l-għawm, jew avviż kontra, l-għawm li jdum għall-inqas staġun wieħed sħiħ ta’ l-għawm;

4)

“Numru kbir” tfisser, fir-rigward ta’ għawwiema, numru li awtorità kompetenti tikkunsidra li hu kbir b’kont meħud, b’mod partikolari, ta’ tendenzi fil-passat jew ta’ kwalunkwe infrastruttura jew faċilitajiet provduti, jew ta’ miżuri oħra meħuda, għall-promozzjoni ta’ l-għawm;

5)

“Tniġġis” tfisser il-preżenza ta’ kontaminazzjoni mikrobijoloġika jew organiżmi oħra jew skart li jaffettwa l-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm u li jippreżenta riskju għas-saħħa ta’ l-għawwiema kif inhu msemmi fl-Artikoli 8 u 9 u fl-Anness I, Kolonna A;

6)

“L-istaġun ta’ l-għawm” tfisser il-perjodu li matulu jkun mistenni numru kbir ta’ għawwiema;

7)

“Miżuri ta’ immaniġġjar” tfisser il-miżuri segwenti, li ttieħdu fir-rigward ta’ l-ilma għall-għawm:

(a)

l-istabbiliment u l-manteniment ta’ profil ta’ l-ilma għall-għawm;

(b)

l-istabbiliment ta’ kalendarju ta’ monitoraġġ;

(c)

il-monitoraġġ ta’ l-ilma għall-għawm;

(d)

l-istima tal-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm;

(e)

il-klassifikazzjoni l-ilma għall-għawm;

(f)

l-identifikazzjoni u l-istima tal-kawżi ta’ tniġġis li jista’ jaffettwa l-ilmijiet għall-għawm u jagħmel ħsara għas-saħħa ta’ l-għawwiema;

(g)

l-għoti ta’ informazzjoni lill-pubbliku;

(h)

it-teħid ta’ azzjoni sabiex tiġi evitata l-esposizzjoni ta’ l-għawwiema għat-tniġġis;

(i)

it-teħid ta’ azzjoni sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ tniġġis;

8)

“Tniġġis għal żmien qasir” tfisser kontaminazzjoni mikrobijoloġika kif imsemmi fl-Anness I, Kolonna A, li għandha kawżi li jistgħu jiġu identifikati b’mod ċar, li normalment mhux mistenni jaffettwa l-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm għal iktar minn bejn wieħed u ieħor 72 siegħa wara li l-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm tkun l-ewwel affetwata u li għaliha l-awtorità kompetenti tkun stabbilixxiet proċeduri sabiex tipprevedi u titratta kif stabbilit fl-Anness II;

9)

“Sitwazzjoni anormali” tfisser avveniment jew kombinazzjoni ta’ avvenimenti li jolqtu l-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm fil-post konċernat u li ma jkunux mistennija jiġru fuq medja ta’ iktar minn darba kull erba’ snin;

10)

“Sett ta’ data dwar il-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm” tfisser data miksuba skond l-Artikolu 3;

11)

“Stima tal-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm” tfisser il-proċess għall-valutazzjoni tal-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm, bl-użu tal-metodu ta’ stima definit fl-Anness II;

12)

“Proliferazzjoni ċjanobatterika” tfisser akkumulazzjoni ta’ ċjanobatterji f’forma ta’ bloom, paljett jew ħmieġ;

13)

“Pubbliku kkonċernat”għandu l-istess tifsira bħal fid-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE tas-27 ta’ Ġunju 1985 dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (13).

KAPITOLU II

IL-KWALITÀ U L-IMMANIĠĠJAR TA’ L-ILMA GĦALL-GĦAWM

Artikolu 3

Monitoraġġ

1.   L-Istati Membri għandhom jidentifikaw kull sena l-ilmijiet għall-għawm kollha u jiddefenixxu t-tul ta’ l-istaġun ta’ l-għawm. Għandhom jagħmlu dan għall-ewwel darba qabel il-bidu ta’ l-ewwel staġun ta’ l-għawm wara 24 Marzu 2008.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-monitoraġġ tal-parametri stabbiliti fl-Anness I, Kolonna A, isir skond l-Anness IV.

3.   Il-punt ta’ monitoraġġ għandu jkun il-post ġo l-ilma għall-għawm fejn:

(a)

hu mistenni l-akbar numru ta’ għawwiema; jew

(b)

hu mistenni l-akbar riskju ta’ tniġġis, skond il-profil ta’ l-ilma għall-għawm.

4.   Għandu jiġi stabbilit kalendarju ta’ monitoraġġ għal kull ilma għall-għawm qabel il-bidu ta’ kull staġun ta’ l-għawm u għall-ewwel darba qabel il-bidu tat-tielet staġun sħiħ ta’ l-għawm wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva. Il-monitoraġġ għandu jsir mhux aktar tard minn erbat’ijiem wara d-data speċifikata fil-kalendarju ta’ monitoraġġ.

5.   L-Istati Membri jistgħu jintroduċu l-monitoraġġ tal-parametri stabbiliti fl-Anness I, Kolonna A, matul l-ewwel staġun sħiħ ta’ l-għawm wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva. F’dak il-każ, il-monitoraġġ għandu jsir bil-frekwenza speċifikata fl-Anness IV. Ir-riżultati ta’ tali monitoraġġ jistgħu jintużaw sabiex jinbnew is-settijiet ta’ data dwar il-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm imsemmija fl-Artikolu 4. Hekk kif l-Istati Membri jintroduċu l-monitoraġġ skond din id-Direttiva, il-monitoraġġ tal-parametri stabbiliti fl-Anness tad-Direttiva 76/160/KEE jista’ jieqaf.

6.   Kampjuni li jkunu ttieħdu matul tniġġis għal żmien qasir jistgħu ma jitqisux. Huma għandhom jiġu sostitwiti b’kampjuni meħuda skond l-Anness IV.

7.   Matul sitwazzjonijiet anormali, il-kalendarju ta’ monitoraġġ imsemmi fil-paragrafu 4 jista’ jiġi sospiż. Hu għandu jerġa jibda mill-aktar fis possibbli wara t-tmiem tas-sitwazzjoni anormali. Għandhom jittieħdu kampjuni ġodda mill-aktar fis possibbli wara t-tmiem tas-sitwazzjoni anormali sabiex jieħdu post kampjuni li huma neqsin minħabba s-sitwazzjoni anormali.

8.   L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw kwalunkwe sospensjoni tal-kalendarju ta’ monitoraġġ lill-Kummissjoni, u jagħtu r-raġunijiet għas-sospensjoni. Huma għandhom jipprovdu rapporti bħal dawn mhux aktar tard mill-okkażjoni tar-rapport annwali li jmiss kif stabbilit fl-Artikolu 13.

9.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-analiżi tal-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm issir skond il-metodi ta’ referenza speċifikati fl-Anness I u r-regoli stabbiliti fl-Anness V. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jippermettu l-użu ta’ metodi jew regoli oħra jekk ikunu jistgħu juru li r-riżultati miksuba huma ekwivalenti għal dawk miksuba bl-użu tal-metodi speċifikati fl-Anness I u tar-regoli stabbiliti fl-Anness V. L-Istati Membri li jippermettu l-użu ta’ tali metodi jew regoli ekwivalenti għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni relevanti kollha dwar il-metodi jew ir-regoli użati u l-ekwivalenza tagħhom.

Artikolu 4

L-istima tal-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm

1.   L-Istati Membri għandhom jiżuraw li s-settijiet ta’ data dwar il-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm jiġu kompilati permezz tal-monitoraġġ tal-parametri stabbiliti fl-Anness I, Kolonna A.

2.   L-istima tal-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm għandha ssir:

(a)

fir-rigward ta’ kull ilma għall-għawm;

(b)

wara t-tmiem ta’ kull staġun ta’ l-għawm;

(c)

abbażi tas-sett ta’ data dwar il-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm fir-rigward ta’ dak l-istaġun ta’ l-għawm u t-tliet staġuni ta’ l-għawm preċedenti; u

(d)

skond il-proċedura stabbilita fl-Anness II.

Madankollu, Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jwettaq stimi tal-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm abbażi tas-sett ta’ data dwar il-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm ikkompilati fir-rigward biss tat-tliet staġuni ta’ l-għawm preċedenti. Jekk dan jiddeċiedi hekk, għandu jgħarraf lill-Kummissjoni minn qabel. Għandu wkoll jgħarraf lill-Kummissjoni jekk sussegwentement jiddeċiedi li jerġa’ lura għal stimi li jagħmel abbażi ta’ erba’ staġuni ta’ l-għawm. L-Istati Membri ma jistgħux ibiddlu il-perjodu ta’ stima applikabbli aktar minn darba kull ħames snin.

3.   Is-settijiet ta’ data dwar l-ilma għall-għawm użati sabiex jitwettqu stimi dwar il-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm għandhom dejjem jinkludu mill-inqas 16-il kampjun jew, fiċ-ċirkustanzi speċjali msemmija fl-Anness IV, paragrafu 2, 12-il kampjun.

4.   Madankollu, bil-kondizzjoni li jew:

ikun sodisfatt ir-rekwiżit tal-paragrafu 3; jew

is-sett ta’ data dwar l-ilma għall-għawm użat sabiex issir l-istima jikkomprendi mill-inqas 8 kampjuni, fil-każ ta’ ilmijiet għall-għawm bi staġun ta’ l-għawm li ma jaqbiżx it-8 ġimgħat,

tista’ titwettaq stima tal-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm abbażi ta’ sett ta’ data dwar il-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm assoċjata ma’ inqas minn erba’ staġuni ta’ l-għawm jekk:

(a)

l-ilma għall-għawm ikun għadu kif ġie identifikat;

(b)

seħħew kwalunkwe tibdiliet li għandhom il-probabbiltà li jolqtu l-klassifikazzjoni ta’ l-ilma għall-għawm skond l-Artikolu 5, u f’dan il-każ l-istima għandha titwettaq abbażi ta’ sett ta’ data dwar il-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm li tikkonsisti biss fir-riżultati tal-kampjuni miġbura mindu seħħew it-tibdiliet; jew

(c)

l-ilma għall-għawm ikun diġà ġie stmat skond id-Direttiva 76/160/KEE, u f’dak il-każ għandha tintuża data ekwivalenti miġbura skond dik id-Direttiva u, għal dan il-għan, il-parametri 2 u 3 ta’ l-Anness mad-Direttiva 76/160/KEE għandhom jitqiesu bħala ekwivalenti għall-parametri 2 u 1 tal-Kolonna A ta’ l-Anness I ma’ din id-Direttiva.

5.   L-Istati Membri jistgħu jissuddividu jew jaggruppaw flimkien ilmijiet għall-għawm eżistenti fid-dawl ta’ l-istimi tal-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm. Huma jistgħu jaggruppaw flimkien ilmijiet għall-għawm eżistenti biss jekk dawn l-ilmijiet:

(a)

huma kontigwi;

(b)

ingħataw stimi simili għall-erba’ snin preċedenti skond il-paragrafi 2, 3 u 4(ċ); u

(c)

għandhom profili ta’ l-ilma għall-għawm li kollha jidentifikaw fatturi ta’ riskju komuni jew in-nuqqas tagħhom.

Artikolu 5

Klassifikazzjoni u status ta’ kwalità ta’ l-ilmijiet għall-għawm

1.   Bħala riżultat ta’ l-istima tal-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm li titwettaq skond l-Artikolu 4, l-Istati Membri għandhom, skond il-kriterji stabbiliti fl-Anness II, jikklassifikaw l-ilma għall-għawm bħala:

(a)

“fqir”;

(b)

“suffiċjenti”;

(ċ)

“tajjeb”; jew

(d)

“eċċellenti”.

2.   L-ewwel klassifikazzjoni skond ir-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva għandha titlesta sat-tmiem ta’ l-istaġun ta’ l-għawm ta’ l-2015.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, sa l-aħħar ta’ l-istaġun ta’ l-għawm ta’ l-2015, l-ilmijiet għall-għawm kollha jkunu, għall-inqas, “suffiċjenti”. Għandhom jieħdu dawk il-miżuri realistiċi u proporzjonati li jidhrulhom xierqa bil-ħsieb li jżidu n-numru ta’ ilmijiet għall-għawm klassifikati bħala “eċċellenti” jew “tajba”.

4.   Madankollu, minkejja r-rekwiżit ġenerali tal-paragrafu 3, l-ilmijiet għall-għawm jistgħu jiġu klassifikati temporanjament bħala “fqar” u xorta jibqgħu konformi ma’ din id-Direttiva. F’ dawk il-każijiet, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kondizzjonijiet li ġejjin jiġu sodisfatti:

(a)

Fir-rigward ta’ kull ilma għall-għawm klassifikat bħala “fqir”, għandhom jittieħdu l-miżuri li ġejjin b’effett mill-istaġun ta’ l-għawm li jiġi wara l-klassifikazzjoni tiegħu:

(i)

miżuri amministrattivi adegwati, li jinkludu l-projbizzjoni ta’ għawm jew avviż kontra l-għawm, bil-għan li tiġi evitata l-esposizzjoni ta’ l-għawwiema għat-tniġġis;

(ii)

identifikazzjoni tal-kawżi u r-raġunijiet għan-nuqqas tal-kisba ta’ l-istatus “suffiċjenti”;

(iii)

miżuri adegwati sabiex jiġu evitati, imnaqqsa jew eliminati l-kawżi ta’ tniġġis; u

(iv)

skond l-Artikolu 12, jiġi avżat il-pubbliku b’tabella ta’ twiddib ċara u sempliċi u jiġu informati bil-kawżi tat-tniġġis u l-miżuri li qed jittieħdu, abbażi tal-profil ta’ l-ilma għall-għawm.

(b)

Jekk xi ilma għall-għawm jiġi klassifikat bħala “fqir” għal ħames snin konsekuttivi, għandha tiġi introdotta projbizzjoni permanenti ta’ l-għawm jew għandu jiġi introdott avviż permanenti kontra l-għawm. Madankollu, Stat Membru jista’ jintroduċi projbizzjoni permanenti ta’ l-għawm jew avviż permanenti kontra l-għawm qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ ħames snin jekk jikkonsidra li l-kisba tal-kwalità “suffiċjenti” ma tkunx possibbli jew tkun tinvolvi spiża sproporzjonata.

Artikolu 6

Il-profili ta’ l-ilma għall-għawm

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-profili ta’ l-ilma għall-għawm jiġu stabbiliti skond l-Anness III. Kull profil ta’ l-ilma għall-għawm jista’ jkopri ilma għall-għawm wieħed jew iktar minn ilma għall-għawm wieħed kontigwu. Il-profili ta’ l-ilma għall-għawm għandhom jiġu stabbiliti għall-ewwel darba sa 24 Marzu 2011.

2.   Il-profili ta’ l-ilma għall-għawm għandhom jiġu riveduti u aġġornati kif previst fl-Anness III.

3.   Meta jiġu stabbiliti, riveduti u aġġornati l-profili ta’ l-ilma għall-għawm, għandu jsir użu adegwat mid-data miksuba mill-monitoraġġ u l-istimi mwettqa skond id-Direttiva 2000/60/KE li huma relevanti għal din id-Direttiva.

Artikolu 7

Miżuri ta’ immaniġġjar f’ċirkustanzi eċċezzjonali

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jittieħdu miżuri f’waqthom u adegwati ta’ immaniġġjar meta jkunu konxji ta’ sitwazzjonijiet mhux mistennija li jkollhom, jew li jistgħu raġonevolment ikunu mistennija li jkollhom, impatt ħażin fuq il-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm u fuq is-saħħa ta’ l-għawwiema. Tali miżuri għandhom jinkludu l-għoti ta’ informazzjoni lill-pubbliku u, jekk ikun neċessarju, il-projbizzjoni temporanja ta’ l-għawm.

Artikolu 8

Riskji ċjanobatteriċi

1.   Meta l-profil ta’ l-ilma għall-għawm jindika potenzjal ta’ proliferazzjoni ċjanobatterika, għandu jitwettaq monitoraġġ xieraq sabiex jippermetti l-identifikazzjoni f’waqtha tar-riskji għas-saħħa.

2.   Meta sseħħ proliferazzjoni ċjanobatterika u jkun ġie identifikat jew preżunt riskju għas-saħħa, għandhom immedjatament jittieħdu miżuri adegwati ta’ immaniġġjar sabiex tiġi evitata l-esposizzjoni, inkluż l-għoti ta’ informazzjoni lill-pubbliku.

Artikolu 9

Parametri oħra

1.   Meta l-profil ta’ l-ilma għall-għawm jindika tendenza għall-proliferazzjoni ta’ makro-alka u/jew fitoplankton tal-baħar, għandhom jitwettqu investigazzjonijiet sabiex tiġi stabbilita l-aċċettabbiltà tagħhom u r-riskji għas-saħħa u għandhom jittieħdu miżuri adegwati ta’ immaniġġjar, inkluż l-għoti ta’ informazzjoni lill-pubbliku.

2.   L-ilmijiet għall-għawm għandhom jiġu spezzjonati viżwalment għal tniġġis bħal residwi tal-qatran, ħġieġ, plastik, lasktu jew kawlunkwe skart ieħor. Meta jinstab tniġġis bħal dan, għandhom jittieħdu miżuri adegwati ta’ immaniġġjar, inkluż, jekk ikun neċessarju, l-għoti ta’ informazzjoni lill-pubbliku.

Artikolu 10

Koperazzjoni dwar ilmijiet transkonfinali

Kull fejn xi baċir ta’ xmara jkun il-kawża ta’ impatti transkonfinali fuq il-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm, l-Istati Membri involuti għandhom jikkoperaw b’mod xieraq fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, inkluż bl-iskambju xieraq ta’ informazzjoni u b’azzjoni konġunta biex jiġu kkontrollati dawk l-impatti.

KAPITOLU III

SKAMBJU TA’ INFORMAZZJONI

Artikolu 11

Il-parteċipazzjoni tal-pubbliku

L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni tal-pubbliku fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u għandhom jassiguraw li jipprovdu opportunitajiet għall-pubbliku kkonċernat:

sabiex ikun jaf kif jipparteċipa; u

jifformula suġġerimenti, rimarki jew ilmenti.

Dan għandu jirrigwarda, b’ mod partikolari, l-istabbiliment, ir-reviżjoni u l-aġġornament tal-listi ta’ ilmijiet għall-għawm skond l-Artikolu 3(1). L-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu kont xieraq ta’ kwalunkwe informazzjoni miksuba.

Artikolu 12

Informazzjoni lill-pubbliku

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni li ġejja tiġi mxerrda b’mod attiv u li tkun disponibbli fil-pront matul l-istaġun ta’ l-għawm f’post li jkun aċċessibbli faċilment fil-viċinanzi ta’ kull ilma għall-għawm:

(a)

il-klassifikazzjoni attwali ta’ l-ilma għall-għawm u kwalunkwe projbizzjoni ta’ l-għawm jew parir kontra l-għawm imsemmi f’dan l-Artikolu permezz ta’ tabella jew simbolu ċar u sempliċi;

(b)

deskrizzjoni ġenerali ta’ l-ilma għall-għawm, b’lingwaġġ mhux tekniku, ibbażata fuq il-profil ta’ l-ilma għall-għawm stabbilit skond l-Anness III;

(c)

fil-każ ta’ ilmijiet għall-għawm li huma soġġetti għal tniġġis għal żmien qasir:

notifika li l-ilma għall-għawm huwa soġġett għal tniġġis għal żmien qasir,

indikazzjoni tan-numru ta’ ġranet li matulhom l-għawm kien ipprojbit jew li matulhom ingħata avviż kontra tiegħu matul l-istaġun ta’ l-għawm preċedenti minħabba tali tniġġis, u

twissija kull meta tali tniġġis ikun mistenni jew ikun preżenti;

(d)

informazzjoni dwar in-natura u d-dewmien mistenni tas-sitwazzjonijiet anormali matul tali avvenimenti;

(e)

kull meta jiġi pprojbit l-għawm jew jingħata avviż kontra l-għawm, avviż li jinforma lill-pubbliku u jipprovdi raġunijiet;

(f)

kull meta tiddaħħal projbizzjoni permanenti jew parir permanenti kontra l-għawm, il-fatt li ż-żona konċernata ma għadiex ilma għall-għawm u r-raġunijiet għad-deklassifikazzjoni tagħha; u

(g)

indikazzjoni tas-sorsi ta’ informazzjoni aktar kompleta skond il-paragrafu 2.

2.   L-Istati Membri għandhom jużaw il-mezzi tax-xandir u t-teknoloġiji xierqa, inkluż l-Internet, sabiex attivament u mill-ewwel ixerrdu l-informazzjoni dwar l-ilmijiet għall-għawm imsemmija fil-paragrafu 1 kif ukoll l-informazzjoni li ġejja, f’ aktar minn lingwa waħda fejn jixraq:

(a)

lista ta’ ilmijiet għall-għawm;

(b)

il-klassifikazzjoni ta’ kull ilma għall-għawm fuq medda ta’ l-aħħar tliet snin u l-profil ta’ l-ilma għall-għawm tiegħu, inklużi r-riżultati ta’ monitoraġġ li jkun sar skond din id-Direttiva mill-aħħar klassifikazzjoni;

(c)

fil-każ ta’ ilmijiet għall-għawm klassifikati bħala “fqar”, informazzjoni dwar il-kawżi ta’ tniġġis u l-miżuri meħuda sabiex tiġi evitata l-esposizzjoni ta’ l-għawwiema għat-tniġġis u sabiex jiġu trattati l-kawżi tiegħu kif imsemmi fl-Artikolu 5(4); u

(d)

fil-każ ta’ ilmijiet għall-għawm soġġetti għal tniġġis għal żmien qasir, informazzjoni ġenerali dwar:

il-kondizzjonijiet li probabbli jwasslu għal tniġġis għal żmien qasir,

il-probabbilità ta’ tniġġis bħal dan u d-dewmien probabbli tiegħu,

il-kawżi ta’ tniġġis u l-miżuri li ttieħdu bil-għan li tiġi evitata l-esposizzjoni ta’ l-għawwiema għat-tniġġis u sabiex jiġu trattati l-kawżi tiegħu.

Il-lista msemmija f’punt (a) għandha tkun disponibbli kull sena qabel il-bidu ta’ l-istaġun ta’ l-għawm. Ir-riżultati tal-monitoraġġ imsemmi f’ punt (b) għandhom ikunu disponibbli fuq l-internet hekk kif titlesta l-analiżi.

3.   L-informazzjoni imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandha tkun imxerrda malli ssir disponibbli u b’effett mill-bidu tal-ħames staġun ta’ l-għawm wara 24 Marzu 2008.

4.   L-Istati Membri u l-Kummisjoni għandhom, fejn ikun possibbli, jipprovdu informazzjoni lill-pubbliku bl-użu ta’ teknoloġija ġeo-referenzjata u jippreżentawha b’mod ċar u koerenti, b’mod partikolari permezz ta’ l-użu ta’ sinjali u simboli.

Artikolu 13

Rapporti

1.   L-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni bir-riżultati tal-monitoraġġ u bl-istima tal-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm għal kull ilma għall-għawm, kif ukoll b’deskrizzjoni tal-miżuri sinifikanti ta’ immaniġġjar li ttieħdu. L-Istati Membri għandhom jippreżentaw din l-informazzjoni kull sena sal-31 ta’ Diċembru fir-rigward ta’ l-istaġun ta’ l-għawm preċedenti. Huma għandhom jibdew jipprovduha ladarba tkun saret l-ewwel stima tal-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm skond l-Artikolu 4.

2.   L-Istati Membri għandhom javżaw lill-Kummissjoni kull sena qabel il-bidu ta’ l-istaġun ta’ l-għawm dwar l-ilmijiet kollha identifikati bħala ilmijiet għall-għawm, inkluża r-raġuni għal kwalunkwe bidla b’paragun mas-sena preċedenti. Huma għandhom jagħmlu dan għall-ewwel darba qabel il-bidu ta’ l-ewwel staġun ta’ l-għawm wara 24 Marzu 2008.

3.   Meta jibda l-monitoraġġ ta’ l-ilma għall-għawm skond din id-Direttiva, ir-rapportaġġ ta’ kull sena lill-Kummissjoni għandu jkompli jsir skond il-paragrafu 1 skond id-Direttiva 76/160/KEE sakemm tkun tista’ ssir l-ewwel stima skond din id-Direttiva. Matul dak il-perjodu, il-parametru 1 ta’ l-Anness mad-Direttiva 76/160/KEE ma għandux jiġi kkonsidrat fir-rapport annwali, u l-parametri 2 u 3 ta’ l-Anness mad-Direttiva 76/160/KEE għandhom jitqiesu bħala ekwivalenti għall-parametri 2 u 1 tal-Kolonna A ta’ l-Anness I ma’ din id-Direttiva.

4.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport annwali fil-qosor dwar il-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm fil-Komunità, inklużi l-klassifikazzjonijiet ta’ l-ilma għall-għawm, il-konformità ma’ din id-Direttiva u l-miżuri sinifikanti ta’ immaniġġjar li ttieħdu. Il-Kummissjoni għandha tippubblika dan ir-rapport sat-30 ta’ April kull sena, anke permezz ta’ l-Internet. Meta tagħmel ir-rapport, il-Kummissjoni għandha, fejn ikun possibbli, tagħmel l-aħjar użu mis-sistemi tal-ġbir, ta’ valutazzjoni u ta’ preżentazzjoni ta’ data skond il-liġi Komunitarja relatata, partikolarment id-Direttiva 2000/60/KE.

KAPITOLU IV

DISPOSIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 14

Rapport u reviżjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha, sa mhux aktar tard mill-2008, tippreżenta rapport, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Ir-rapport għandu jiffoka b’mod partikulari fuq:

(a)

ir-riżultati ta’ studju epidemjoloġiku Ewropew xieraq imwettaq mill-Kummissjoni b’kollaborazzjoni ma’ l-Istati Membri;

(b)

żviluppi oħra xjentifiċi, analitiċi u epidemjoloġiċi rilevanti għall-parametri tal-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm, inkluż fir-rigward ta’ viruses; u

(ċ)

rakkomandazzjonijiet ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.

2.   Sa l-aħħar ta’ l-2014, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub lill-Kummissjoni dwar dak ir-rapport inkluż dwar il-ħtieġa għal kwalunkwe riċerka jew stima ulterjuri li jistgħu ikunu meħtieġa sabiex jgħinu lill-Kummissjoni fir-reviżjoni tagħha ta’ din id-Direttiva taħt il-paragrafu 3.

3.   Fid-dawl tar-rapport, l-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ l-Istati Membri u l-istima ta’ l-impatt estiża u fid-dawl ta’ l-esperjenza akkwistata mill-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha, sa mhux aktar tard mill-2020, tirrevedi din id-Direttiva b’attenzjoni partikolari għall-parametri tal-kwalità ta’ l-ima għall-għawm, inkluż fuq jekk ikunx xieraq li tiġi mtemma gradwalment il-klassifikazzjoni “suffiċjenti” jew li timmodifika l-istandards applikabbli, u għandha tippreżenta kif xieraq il-proposti leġislattivi meħtieġa skond l-Artikolu 251 tat-Trattat.

Artikolu 15

Adattamenti tekniċi u miżuri ta’ implimentazzjoni

1.   Għandu jiġi deċiż skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 16(2):

(a)

li jiġi speċifikat l-istandard ta’ l-EN/ISO dwar l-ekwivalenza ta’ metodi mikrobijoloġiċi għall-finijiet ta’ l-Artikolu 3(9);

(b)

li jiġu stabbiliti regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ l-Artikoli 8(1), 12(1)(a) u 12(4);

ċ)

li jiġu adattati l-metodi ta’ analiżi għall-parametri stabbiliti fl-Anness I fid-dawl tal-progress xjentifiku u tekniku;

(d)

li l-Anness V jiġi adattat fid-dawl tal-progress xjentifku u tekniku;

(e)

li jiġu stabbiliti linji ta’ gwida għal metodu komuni għall-istima ta’ kampjuni singoli.

2.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu skond paragrafu 1 (b) b’ rispett għall-Artikolu 12 (1)(a) sa 24 Marzu 2010. Qabel tagħmel dan, hija għandha tikkonsulta r-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, l-organizzazzjonijeit turistiċi u tal-konsumatur relevanti u partijiet oħra interessati. Wara l-adozzjoni tar-regoli relevanti, hija għandha tippubliċizzhom permezz ta’ l-internet.

Artikolu 16

Proċedura tal-kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kont meħud tad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi ffissat għal tliet xhur.

3.   Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu.

Artikolu 17

Tħassir

1.   Id-Direttiva 76/160/KEE hija b’dan imħassra b’effett mill-31 ta’ Diċembru 2014. Soġġett għall-paragrafu 2, dan it-tħassir għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta’ l-Istati Membri dwar il-limiti taż-żmien għal traspożizzjoni u applikazzjoni stabbiliti fid-Direttiva mħassra.

2.   Hekk kif Stat Membru jkun ħa l-miżuri kollha legali, amministrattivi u prattiċi neċessarji biex jikkonforma ma’ din id-Direttiva, din id-Direttiva tibda tapplika, filwaqt li tissostitwixxi d-Direttiva 76/160/KEE.

3.   Riferimenti magħmula għad-Direttiva mħassra għandhom jiġu interpretati bħala magħmula għal din id-Direttiva.

Artikolu 18

Implimentazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa 24 Marzu 2008. Huma għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni b’dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn ta’ l-aħħar għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandha titqiegħed magħhom tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-mod kif għandha ssir tali referenza għandu jiġi stabbilit mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 19

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin ġurnata wara dik tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 20

L-indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Strasburgu, il-15 ta’ Frar 2006.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

H. WINKLER


(1)  ĠU C 45 E, 25.2.2003, p. 127.

(2)  ĠU C 220, 16.9.2003, p. 39.

(3)  ĠU C 244, 10.10.2003, p. 31.

(4)  L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta’ Ottubru 2003 (ĠU C 82 E, 1.4.2004, p. 115). Posizzjoni Komuni tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Diċembru 2004 (ĠU C 111 E, 11.5.2005, p. 1) u Posizzjoni tal-Parlament Ewropew ta’ l-10 ta’ Mejju 2005 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Rizoluzzjoni Leġislattiva tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ Jannar 2006 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Diċembru 2005.

(5)  ĠU L 242, 10.9.2002, p. 1.

(6)  ĠU L 31, 5.2.1976, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru. 807/2003 (ĠU L 122, 16.5.2003, p. 36).

(7)  ĠU L 135, 30.5.1991, p. 40. Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru. 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

(8)  ĠU L 375, 31.12.1991, p. 1. Direttiva kif emendata bir-Regolament (KE) Nru. 1882/2003.

(9)  ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1. Direttiva kif emendata bid-Deċiżjoni Nru. 2455/2001/KE (ĠU L 331, 15.12.2001, p. 1).

(10)  ĠU L 41, 14.2.2003, p. 26.

(11)  ĠU L 156, 25.6.2003, p. 17.

(12)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(13)  ĠU L 175, 5.7.1985, p. 40. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 156, 25.6.2003, p. 17).


ANNESS I

GĦALL-ILMIJIET INTERNI

 

A

B

C

D

E

 

Parametru

Kwalità Eċċellenti

Kwalità Tajba

Kwalità Suffiċjenti

Metodi ta’ referenza għall-analiżi

1

Intestinal Enterococci (cfu/100 mL)

200 (*)

400 (*)

330 (**)

ISO 7899-1 jew ISO 7899-2

2

Escherischia coli (cfu/100 mL)

500 (*)

1 000  (*)

900 (**)

ISO 9308-3 jew ISO 9308-1

GĦALL-ILMIJIET TAL-KOSTA U ILMIJIET TEMPORANJI

 

A

B

Ċ

D

E

 

Parametru

Kwalità Eċċellenti

Kwalità Tajba

Kwalità Suffiċjenti

Metodi ta’ referenza għall-analiżi

1

Intestinal Enterococci (cfu/100 mL)

100 (***)

200 (***)

185 (****)

ISO 7899-1 jew ISO 7899-2

2

Escherischia coli (cfu/100 mL)

250 (***)

500 (***)

500 (****)

ISO 9308-3 jew ISO 9308-1


(*)  Ibbażati fuq stima ta’ 95 perċentili. Ara l-Anness II.

(**)  Ibbażati fuq stima ta’ 90 perċentili. Ara l-Anness II.

(***)  Ibbażati fuq stima ta’ 95 perċentili. Ara l-Anness II.

(****)  Ibbażati fuq stima ta’ 90 perċentili. Ara l-Anness II.


ANNESS II

L-istima u l-klassifikazzjoni ta’ l-ilma għall-għawm

1.   Kwalità fqira

L-ilmijiet għall-għawm għandhom jiġu klassifikati bħala “fqar” jekk, fis-sett ta’ data dwar il-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm għall-aħħar perjodu ta’ stima (1), il-valuri perċentili (2) għall-enumerazzjonijiet mikrobijoloġiċi jkunu agħar (3) mill-valuri ta’ “kwalità suffiċjenti” stabbiliti fl-Anness I, Kolonna D.

2.   Kwalità suffiċjenti

L-ilmijiet għall-għawm għandhom jiġu kklassifikati bħala “suffiċjenti”:

1)

jekk, fis-sett ta’ data dwar il-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm għall-aħħar perjodu ta’ stima, il-valuri perċentili għall-enumerazzjonijiet mikrobijoloġiċi huma daqs jew aħjar (4) mill-valuri ta’ “kwalità suffiċjenti” stabbiliti fl-Anness I, Kolonna D; u

2)

jekk l-ilma għall-għawm ikun soġġett għal tniġġis għal żmien qasir, bil-kondizzjoni li:

(i)

ikunu qegħdin jittieħdu miżuri adegwati ta’ immaniġġjar, li jinkludu sorveljanza, sistemi ta’ twissija bikrija u monitoraġġ, bil-għan li tiġi evitata l-espożizzjoni ta’ l-għawwiema permezz ta’ twissija jew, fejn ikun neċessarju, projbizzjoni ta’ l-għawm;

(ii)

ikunu qegħdin jittieħdu miżuri adegwati ta’ immaniġġjar sabiex jiġu evitati, imnaqqsa jew eliminati l-kawżi ta’ tniġġis; u

(iii)

in-numru ta’ kampjuni injorati skond l-Artikolu 3(6) minħabba tniġġis għal żmien qasir matul l-aħħar perjodu ta’ stima rrapreżentaw mhux iktar minn 15 % tan-numru totali ta’ kampjuni previsti fil-kalendarji ta’ monitoraġġ stabbiliti għal dak il-perjodu, jew mhux iktar minn kampjun wieħed kull staġun ta’ l-għawm, ikun liema jkun l-ikbar.

3.   Kwalità tajba

L-ilmijiet għall-għawm għandhom jiġu kklassifikati bħala “tajba”:

1)

jekk, fis-sett ta’ data dwar il-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm għall-aħħar perjodu ta’ stima, il-valuri perċentili għall-enumerazzjonijiet mikrobijoloġiċi huma daqs jew aħjar (4) mill-valuri ta’ “kwalità tajba” stabbiliti fl-Anness I, Kolonna Ċ; u

2)

jekk l-ilma għall-għawm huwa soġġett għal tniġġis għal żmien qasir, bil-kondizzjoni li:

(i)

ikunu qegħdin jittieħdu miżuri adegwati ta’ immaniġġjar, li jinkludu sorveljanza, sistemi ta’ twissija bikrija u monitoraġġ, bil-għan li tiġi evitata l-espożizzjoni ta’ l-għawwiema, permezz ta’ twissija jew, fejn ikun neċessarju, projbizzjoni ta’ l-għawm;

(ii)

ikunu qegħdin jittieħdu miżuri adegwati ta’ immaniġġjar sabiex jiġu evitati, imnaqqsa jew eliminati l-kawżi ta’ tniġġis; u

(iii)

in-numru ta’ kampjuni injorati skond l-Artikolu 3(6) minħabba tniġġis għal żmien qasir matul l-aħħar perjodu ta’ stima rrapreżentaw mhux iktar minn 15 % tan-numru totali ta’ kampjuni previsti fil-kalendarji ta’ monitoraġġ stabbiliti għal dak il-perjodu, jew mhux iktar minn kampjun wieħed kull staġun ta’ l-għawm, ikun liema jkun l-ikbar.

4.   Kwalità eċċellenti

L-ilmijiet għall-għawm għandhom jiġu kklassifikati bħala “eċċellenti”:

1)

jekk, is-sett ta’ data dwar il-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm għall-aħħar perjodu ta’ stima, il-valuri perċentili għall-enumerazzjonijiet mikrobijoloġiċi huma daqs jew aħjar mill-valuri ta’ “kwalità eċċellenti” stabbiliti fl-Anness I, Kolonna B; u

2)

jekk l-ilma għall-għawm ikun soġġett għal tniġġis għal żmien qasir, bil-kondizzjoni li:

(i)

ikunu qegħdin jittieħdu miżuri adegwati ta’ immaniġġjar, li jinkludu sorveljanza, sistemi ta’ twissija bikrija u monitoraġġ, bil-għan li tiġi evitata l-espożizzjoni ta’ l-għawwiema, permezz ta’ twissija jew, fejn ikun neċessarju, projbizzjoni ta’ l-għawm;

(ii)

ikunu qegħdin jittieħdu miżuri adegwati ta’ immaniġġjar sabiex jiġu evitati, imnaqqsa jew eliminati l-kawżi ta’ tniġġis; u

(iii)

in-numru ta’ kampjuni injorati skond l-Artikolu 3(6) minħabba tniġġis għal żmien qasir matul l-aħħar perjodu ta’ stima rrapreżentaw mhux iktar minn 15 % tan-numru totali ta’ kampjuni previsti fil-kalendarji ta’ monitoraġġ stabbiliti għal dak il-perjodu, jew mhux iktar minn kampjun wieħed kull staġun ta’ l-għawm, ikun liema jkun l-ikbar.

NOTI


(1)  “L-aħħar perjodu ta’ stima” tfisser l-aħħar erba’ staġuni ta’ l-għawm, jew, fejn ikun applikabbli, il-perjodu speċifikat fl-Artikolu 4(2) jew (4).

(2)  Abbażi ta’ stima perċentili tal-funzjoni tad-densità tal-probabbilità normali log10 tad-data mikrobijoloġika miksuba mill-ilma għall-għawm partikulari, il-valur perċentili huwa kkalkolat kif ġej:

(i)

Ħu l-valur log10 ta’ l-enumerazzjonijiet kollha tal-batterji fis-sekwenza tad-data li għandha tiġi kkalkolata. (Jekk ikun miksub valur żero, minflok, ħu l-valur log10 tal-limitu minimu ta’ perċezzjoni tal-metodu analitiku li kien użat.)

(ii)

Ikkalkula l-medja aritmetika tal-valuri log10 (μ).

(iii)

Ikkalkula d-devjazzjoni standard tal-valuri log10 (σ).

Il-punt superjuri tad-90 perċentili tal-funzjoni tad-densità tal-probabbiltà tad-data hija derivata mill-ekwazzjoni li ġejja: 90 e ‐percentile superjuri = antilog (μ + 1,282 σ).

Il-punt superjuri tad-95 e perċentili tal-funzjoni tad-densità tal-probabbiltà tad-data hija derivata mill-ekwazzjoni li ġejja: 95 e ‐percentile superjuri = antilog (μ + 1,65 σ).

(3)  “Agħar” tfisser valuri ogħla ta’ konċentrazzjoni espressi bħala CFU/100 ml.

(4)  “Aħjar” tfisser valuri inferjuri ta’ konċentrazzjoni espressi bħala CFU/100 ml.


ANNESS III

Il-profil ta’ l-ilma għall-għawm

1.

Il-profil ta’ l-ilma għall-għawm imsemmi fl-Artikolu 6 għandu jikkonsisti f’li ġej:

(a)

deskrizzjoni tal-karatteristiċi fiżiċi, ġeografiċi u idroloġiċi ta’ l-ilma għall-għawm, u ta’ ilmijiet oħra tal-wiċċ fil-baċin ta’ l-ilma għall-għawm konċernat, li jistgħu ikunu sors ta’ tniġġis, li huma relevanti għall-għan ta’ din id-Direttiva u kif previsti fid-Direttiva 2000/60/KE;

(b)

identifikazzjoni u stima tal-kawżi ta’ tniġġis li jistgħu jaffettwaw l-ilmijiet għall-għawm u jagħmlu ħsara għas-saħħa ta’ l-għawwiema;

(ċ)

stima tal-potenzjal għall-proliferazzjoni ta’ ċjanobatterji;

(d)

stima tal-potenzjal għall-proliferazzjoni ta’ makro-alka u/jew fitoplankton;

(e)

jekk l-istima skond il-punt (b) turi li hemm riskju ta’ tniġġis għal żmien qasir, l-informazzjoni li ġejja:

in-natura, il-frekwenza u d-dewmien antiċipati tat-tniġġis mistenni għal żmien qasir,

id-dettalji ta’ xi kawżi rimanenti ta’ tniġġis, inklużi l-miżuri ta’ immaniġġjar li ttieħdu u l-programm kronoloġiku għall-eliminazzjoni tagħhom,

il-miżuri ta’ immaniġġjar li ttieħdu matul inċidenti ta’ tniġġis għal żmien qasir u l-identità u d-dettalji ta’ kuntatt ta’ korpi responsabbli sabiex jieħdu tali azzjonijiet;

(f)

il-post tal-punt ta’ monitoraġġ.

2.

Fil-każ ta’ ilmijiet għall-għawm kklassifikati bħala “tajba”, “suffiċjenti” jew “fqar”, il-profil ta’ l-ilma għall-għawm għandu jiġi rivedut regolarment biex jiġi stmat jekk inbidlux xi aspetti stabbiliti fil-paragrafu 1. Jekk ikun neċessarju, huwa għandu jiġi aġġornat. Il-frekwenza u l-ambitu tar-reviżjonijiet għandhom jiġu stabbiliti abbażi tan-natura u l-gravità tat-tniġġis. Madankollu, huma għandhom jikkonformaw mill-inqas mad-disposizzjonijiet u għandhom isiru mill-inqas bil-frekwenza speċifikata fit-tabella li ġejja.

Klassifikazzjoni ta’ l-ilma għall-għawm

“Tajjeb”

“Suffiċjenti”

“Fqir”

Reviżjonijiet għandhom isiru minn ta’ l-inqas kull

4 snin

3 snin

Sentejn

Aspetti li għandhom jiġu riveduti (punti tal-para. 1)

(a) sa (f)

(a) sa (f)

(a) sa (f)

Fil-każ ta’ ilmijiet għall-għawm preċedentement ikklassifikati bħala “eċċellenti”, il-profil ta’ l-ilma għall-għawm għandu jiġi rivedut u, jekk ikun neċessarju, aġġornat biss jekk il-klassifikazzjoni tinbidel għal “tajjeb”, “suffiċjenti” jew “fqir”. Ir-reviżjoni għandha tkopri l-aspetti kollha msemmija fil-paragrafu 1.

3.

Fil-każ ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni sinifikanti jew tibdil sinifikanti fl-infrastruttura fil-viċinanzi ta’ l-ilma għall-għawm, il-profil ta’ l-ilma għall-għawm għandu jiġi aġġornat qabel il-ftuħ ta’ l-istaġun ta’ l-għawm li jmiss.

4.

L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 (a) u (b) għandha tiġi provduta fuq mappa dettaljata kull fejn dan ikun prattikabbli.

5.

Informazzjoni relevanti oħra tista’ tkun mehmuża jew inkluża jekk l-awtorità kompetenti tqis li dan huwa meħtieġ.


ANNESS IV

Monitoraġġ ta’ l-ilma għall-għawm

1.

Kampjun wieħed għandu jittieħed ftit qabel il-bidu ta’ kull staġun ta’ l-għawm. B’kont meħud ta’ dan il-kampjun żejjed u soġġett għall-paragrafu 2, għandhom jittieħdu u jiġu analizzati mhux inqas minn erba’ kampjuni kull staġun ta’ l-għawm.

2.

Madankollu, tliet kampjuni biss għandhom bżonn jittieħdu u jiġu analizzati kull staġun ta’ l-għawm fil-każ ta’ ilma għall-għawm li jew:

(a)

għandu staġun ta’ l-għawm li ma jaqbiżx it-8 ġimgħat; jonkella

(b)

qiegħed f’reġjun soġġett għall-restrizzjonijiet ġeografiċi speċjali.

3.

Id-dati tal-ġbir ta’ kampjuni għandhom jitqassmu matul l-istaġun kollu ta’ l-għawm, bl-intervall bejn id-dati tal-ġbir ta’ kampjuni qatt ma jeċċedi xahar.

4.

Fil-każ ta’ tniġġis għal żmien qasir, għandu jittieħed kampjun wieħed addizzjonali biex jikkonferma li l-inċident intemm. Dan il-kampjun ma għandux ikun parti mis-sett ta’ data dwar il-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm. Jekk ikun neċessarju li jiġi sostitwit kampjun injorat, għandu jittieħed kampjun addizzjonali sebat’ijiem wara t-tmiem tat-tniġġis għal żmien qasir.


ANNESS V

Regoli dwar it-trattament ta’ kampjuni għall-analiżi mikrobijoloġika

1.   Il-punt tal-ġir tal-kampjuni

Fejn ikun possibbli, il-kampjuni għandhom jittieħdu 30 ċentimetru taħt il-wiċċ ta’ l-ilma u f’ilma li huwa mill-inqas metru fond.

2.   Sterilizzazzjoni tal-fliexken tal-kampjuni

Il-fliexken tal-kampjuni għandhom:

jiġu sterilizzati f’awtoklava għal mhux anqas minn 15-il minuta f’temperatura ta’ 121 oC; jew

issirilhom sterilizzazzjoni xotta f’temperatura ta’ bejn 160 oC u 170 oC għal mhux anqas minn siegħa; jew

ikunu kontenituri irradjati ta’ kampjuni akkwistati direttament mingħand il-manifattur.

3.   Ġbir ta’ kampjuni

Il-volum tal-flixkun/kontenitur tal-kampjuni għandu jiddependi mill-kwantità ta’ l-ilma meħtieġa għall-eżami ta’ kull parametru. Il-kontenut minimu huwa ġeneralment ta’ 250 ml.

Il-kontenituri tal-kampjuni għandhom ikunu ta’ materjal trasparenti u mhux ikkulurit (ħġieġ, politin jew polipropelin).

Sabiex tiġi evitata kontaminazzjoni aċċidentali tal-kampjun, min jieħu l-kampjun għandu juża teknika aseptika biex jippreserva l-isterilità tal-fliexken tal-kampjuni. Jekk dan isir sewwa ma jkunx hemm aktar bżonn ta’ tagħmir sterili (bħal ingwanti kirurġiċi sterili jew forċipi jew sample pole).

Il-kampjun għandu jiġi identifikat b’mod ċar b’linka permanenti fuq il-kampjun u fuq il-formola tal-ġbir ta’ kampjuni.

4.   Il-ħażna u t-trasport ta’ kampjuni qabel l-analiżi

Il-kampjuni ta’ l-ilma għandhom jiġu protetti fl-istadji kollha tat-trasport mill-espożizzjoni għad-dawl, b’mod partikulari d-dawl tax-xemx dirett.

Il-kampjun għandu jiġi ppreservat f’temperatura ta’ madwar 4 oC, f’kaxxa mkessħa jew refrigerator (skond il-klima) sal-wasla tiegħu fil-laboratorju. Jekk it-trasport lejn il-laboratorju probabbilment jieħu iktar minn 4 sigħat, huwa meħtieġ trasport f’refrigerator.

Il-perjodu bejn il-ġbir ta’ kampjuni u l-analiżi għandu jinżamm qasir kemm jista’ jkun. Huwa rrakkomandat li l-kampjuni jiġu analizzati fl-istess ġurnata ta’ xogħol. Jekk dan ma jkunx possibbli għal raġunijiet prattiċi, il-kampjuni għandhom jiġu proċessati fi żmien ta’ mhux iktar minn 24 siegħa. Sadanittant, huma għandhom jinħażnu fid-dlam u f’temperatura ta’ 4 oC ± 3 oC.


Top