Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32002L0038

Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/38/KE tas-7 ta' Mejju 2002 li temenda temporanjament id-Direttiva 77/388/KEE fir-rigward ta' l-aġġustamenti fit-taxxa fuq il-valur miżjud applikabbli fuq is-servizzi tax-xandir bir-radju u bit-televiżjoni u xi servizzi forniti b'mezzi elettroniċi

OJ L 128, 15.5.2002, p. 41–44 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)
Special edition in Czech: Chapter 09 Volume 001 P. 358 - 362
Special edition in Estonian: Chapter 09 Volume 001 P. 358 - 362
Special edition in Latvian: Chapter 09 Volume 001 P. 358 - 362
Special edition in Lithuanian: Chapter 09 Volume 001 P. 358 - 362
Special edition in Hungarian Chapter 09 Volume 001 P. 358 - 362
Special edition in Maltese: Chapter 09 Volume 001 P. 358 - 362
Special edition in Polish: Chapter 09 Volume 001 P. 358 - 362
Special edition in Slovak: Chapter 09 Volume 001 P. 358 - 362
Special edition in Slovene: Chapter 09 Volume 001 P. 358 - 362

No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2006; Imħassar b' 32006L0112

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2002/38/oj

32002L0038



Official Journal L 128 , 15/05/2002 P. 0041 - 0044


Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/38/KE

tas-7 ta' Mejju 2002

li temenda temporanjament id-Direttiva 77/388/KEE fir-rigward ta' l-aġġustamenti fit-taxxa fuq il-valur miżjud applikabbli fuq is-servizzi tax-xandir bir-radju u bit-televiżjoni u xi servizzi forniti b'mezzi elettroniċi

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 93 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi:

(1) Ir-regoli attwalment applikabbli għall-VAT fuq is-servizzi tax-xandir bir-radju u bit-televiżjoni u servizzi forniti b'mezzi elettroniċi, skond l-Artikolu 9 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta' Mejju 1977 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul – sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' valutazzjoni [4], m'humiex adegwati biex tiġi ntaxxata t-totalità ta' dawn is-servizzi li l-konsum tagħhom hu fil-Komunità u biex ma jitħallewx distorzjonijiet fil-kompetizzjoni f'din iż-żona.

(2) Fl-interessi tal-funzjonament proprju tas-suq intern, dawn id-distorzjonijiet għandhom jiġu eliminati u jiġu ntrodotti regoli ġodda armonizzati għal din it-tip ta' attività. B'mod partikolari għandha tittieħed azzjoni biex jiġi żgurat li dawn is-servizzi ġew intaxxati fil-Komunità, fejn ġew effettwati għal konsiderazzjoni u kkonsmati minn konsumaturi stabbiliti fil-Komunità, u li m'humiex taxxabbli jekk ġew ikkonsmati barra l-Komunità.

(3) Għal dan il-għan, is-servizzi tax-xandir bir-radju jew bit-televijoni u servizzi forniti b'mezzi elettroniċi provvduti minn pajjiżi terzi għall-persuni stabbiliti fil-Komunità, jew mill-Komunità lil reċipjenti stabbiliti f'pajjiżi terzi, għandhom ikunu suġġetti għal taxxa fil-post tar-reċipjent tas-servizzi.

(4) Biex jiġu mfissra s-servizzi forniti b'mezzi elettroniċi għandhom jiġu inklużi eżempji ta' dawn is-servizzi fl-anness mad-Direttiva.

(5) Biex tiġi ffaċilitata konformità ma' obbligazzjonijiet fiskali minn operaturi li jipprovvdu servizzi forniti b'mezzi elettroniċi, li la huma stabbiliti lanqas meħtieġa li jkunu identifikati għal skopijiet ta' taxxa fil-Komunità għandha tiġi applikata skema speċjali. Skond din l-iskema, kull operatur li jipprovdi dawn is-servizzi b'mezzi elettroniċi lil persuni li m'humiex taxxabbli fil-Komunità, jista', sakemm mhux identifikat għal skopijiet ta' taxxa fil-Komunità, jagħżel li jkun identifikat fi Stat Membru wieħed.

(6) L-operatur li mhux stabbilit fil-Komunità u li jixtieq jibbenefika mill-iskema speċjali għandu jikkonforma mal-ħtiġiet stabbiliti hemm, u ma' kull disposizzjoni rilevanti eżistenti fl-Istat Membru fejn huma kkonsmati s-servizzi.

(7) L-Istat Membru ta' identifikazzjoni għandu taħt ċerti kondizzjonijiet jkun kapaċi li jeskludi operatur li mhux stabbilit fil-Komunità mill-iskema speċjali.

(8) Meta l-operatur li mhux stabbilit jagħżel l-iskema speċjali, kull taxxa fuq il-valur miżjud ma' l-input li hu ħallas fir-rigward ta' merkanzija u servizzi użati minnu għall-iskop ta' l-attivitajiet taxxabbli tiegħu li jaqgħu taħt l-iskema speċjali, għandu jkun rimborżat mill-Istat Membru fejn tħallset it-taxxa fuq il-valur miżjud ma' l-input, skond l-arranġamenti tat-tlettax-il Direttiva tal-Kunsill 86/560/KEE tas-17 ta' Novembru 1986 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri fir-rigward ta' taxxa fuq id-dħul – arranġamenti għal rimborż tat-taxxa fuq il-valur miżjud lill-persuni taxxabbli li mhumiex stabbiliti fit-territorju tal-Komunità [5]. M'għandhomx jiġu applikati r-restrizzjonijiet mhux obbligatorji għal rimborż imsemmija fl-Artikolu 2(2) u (3) u fl-Artikolu 4(2) ta' l-istess Direttiva.

(9) Bla ħsara għal kondizzjonijiet stabbiliti, l-Istati Membri għandhom iħallu ċerti rendikonti u denunzja isiru b'mezzi elettroniċi, u jistgħu jeħtieġu li jintużaw mezzi elettroniċi.

(10) Dawk id-disposizzjonijiet rilattivi ma' l-introduzzjoni ta' denunzji tat-taxxa u rendikonti elettroniċi għandhom jiġu adottati fuq bażi permanenti. Hu mixtieq li d-disposizzjonijiet l-oħra kollha jiġu adottati għal perijodu temporanju ta' tliet snin li jista' jiġi estiż għal raġunijiet prattiċi imma d-disposizzjonijiet se jerġgħu jiġu eżaminati, fuq bażi ta' l-esperjenza miksuba, sa' tliet snin mill-1 ta' Lulju 2003.

(11) Id-Direttiva 77/388/KEE għandha għalhekk tiġi estiża kif xieraq,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 77/388/KEE hi hawnhekk emendata temporanjament kif ġej:

1. fl-Artikolu 9:

(a) fil-paragrafu (2)(e), il-virgola għandha tibdel il-punt ta' l-aħħar u jiżdiedu l-inċiżi li ġejjin:

"— servizzi tax-xandir bir-radju u bit-televiżjoni,

— servizzi forniti b'mezzi elettroniċi, fost ħwejjeġ oħra, dawk deskritti fl-Anness L."

(b) fil-paragrafu 2, għandu jiżdied il-punt li ġej:

"(f) il-post fejn jiġu forniti s-servizzi msemmija fl-aħħar inċiż tas-sottoparagrafu (e), meta s-servizz hu provvdut lill-persuni li m'humiex taxxabbli li huma stabbiliti, għandhom l-indirizz permanenti jew ġeneralment jgħixu fi Stat Membru, minn persuna li hi taxxabbli li stabbiliet in-negozju tagħha jew li għandha stabbiliment fiss minn fejn jiġi pprovdut is-servizz barra l-Komunità jew, fin-nuqqas ta' post ta' negozju jew stabbiliment fiss bħal dan, għandha l-indirizz permanenti jew hi ġeneralment residenti barra l-Komunità, għandu jkun il-post fejn il-persuna li mhiex taxxabbli hi stabbilita, għandha l-indirizz permanenti jew hi ġeneralment residenti."

(ċ) fil-paragrafu 3, l-ewwel frażi għandha tkun mibdula b'dan li ġej:

"3. Sabiex tiġi evitata taxxa doppja, nuqqas ta' taxxa jew distorzjoni tal-kompetizzjoni, l-Istati Membri jistgħu, fir-rigward tal-provvista ta' servizzi msemmija fil-paragrafu 2(e), ħlief għas-servizzi msemmija fl-aħħar inċiż meta huma provvduti lill-persuni li mhumiex taxxabbli, u kif ukoll fir-rigward ta' kiri ta' mezzi ta' trasporti, jikkunsidraw:"

(d) il-paragrafu 4 għandu jkun emendat kif ġej:

"4. Fil-każ tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni u tas-servizzi tax-xandir bir-radju u bit-televiżjoni msemmija fil-paragrafu 2(e) meta jkunu provvduti lil persuni li mhumiex taxxabbli li huma stabbiliti, li għandhom l-indirizz permanenti jew li ġeneralment ikunu residenti fi Stat Membru, minn persuna li taxxabbli li stabbiliet in-negozju tagħha jew għandha stabbiliment fiss minn fejn hu provvdut is-servizz barra mill-Komunità, jew fin-nuqqas ta' post ta' negozju bħal dan jew stabbiliment fiss, għandha l-indirizz permanenti jew hi ġeneralment residenti barra l-Komunità, l-Istati Membri għandhom jagħmlu użu tal-paragrafu 3(b)."

2. fl-Artikolu 12(3)(a), ir-raba' subparagrafu li ġej għandu jkun miżjud:

"It-tielet subparagrafu m'għandux japplika għas-servizzi msemmija fl-aħħar inċiż ta' l-Artikolu 9(2)(e)."

3. għandu jiżdied l-Artikolu li ġej:

"L-Artikolu 26ċ

Skema speċjali għal persuni li huma taxxabbli imma li m'humiex stabbiliti fil-Komunità li jipprovdu servizzi elettroniċi lill-persuni li mhumiex taxxabbli

A. Definizzjonijiet

Għal-iskop ta' dan l-Artikolu, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet l-oħra tal-Komunità:

(a) "persuna taxxabbli li mhiex stabbilita" tfisser persuna taxxabbli li la stabbiliet in-negozju tagħha u lanqas għandha stabbiliment fiss fit-territorju tal-Komunità u li mhiex meħtieġa li tiġi identifikata għal skopijiet ta' taxxa skond l-Artikolu 22;

(b) "servizzi elettroniċi" u "servizzi forniti b'mezzi elettroniċi" ifissru dawk is-servizzi msemmija fl-aħħar inċiż ta' l-Artikolu 9(2)(e);

(ċ) "Stat Membru ta' identifikazzjoni" tfisser Stat Membru li l-persuna taxxabbli li mhix stabbilita tagħżel li tikkuntattja meta tinbeda l-attività tagħha bħala persuna taxxabbli fit-territorju tal-Komunità fis-sens tad-disposizzjonijiet ta' dan l-Artikolu;

(d) "Stat Membru ta' konsum" tfisser l-Istat Membru fejn isseħħ il-provvista ta' servizzi elettroniċi fis-sens ta' l-Artikolu 9(2)(f);

(e) "rendikont tat-taxxa fuq il-valur miżjud" tfisser ir-rendikont li fih l-informazzjoni neċessarja biex jiġi stabbilit l-ammont ta' taxxa li għandha titħallas f'kull Stat Membru.

B. Skema speċjali għal servizzi forniti b'mezzi elettroniċi

1. Stati Membri għandhom jippermettu lil persuna li hi taxxabbli u li mhiex stabbilita li tipprovdi servizzi elettroniċi lil persuna li mhiex taxxabbli li hi stabbilita jew li għandha l-indirizz permanenti jew li ġeneralment hi residenti fi Stat Membru biex tuża skema speċjali skond id-disposizzjonijiet li ġejjin. L-iskema speċjali għandha tapplika għall-provvisti kollha fil-Komunità.

2. Il-persuna li hi taxxabbli li mhiex stabbilita għandha tinforma lill-Istat Membru ta' identifikazzjoni meta tibda jew tieqaf l-attività tagħha bħala persuna taxxabbli jew tinbidel b'tali mod li hi ma tibqax tikkwalifika għal din l-iskema speċjali. Din id-dikjarazzjoni għandha ssir b'mod elettroniku.

L-informazzjoni lill-Istat Membru ta' identifikazzjoni min-naħa tal-persuna taxxabbli li mhiex stabbilita meta jibdew l-attivitajiet taxxabbli tagħha għandha tikkonsisti fid-dettalji li ġejjin għall-identifikazzjoni: isem, indirizz postali, indirizzi elettroniċi, li jinkludu siti ta' l-internet, in-numru tal-kodiċi fiskali nazzjonali, jekk hemm, u dikjarazzjoni li dik il-persuna mhiex identifikata għal skopijiet ta' taxxa fuq il-valur miżjud fil-Komunità. Il-persuna taxxabbli li mhiex stabbilita għandha tinforma lill-Istat Membru ta' identifikazzjoni dwar kull tibdil fl-informazzjoni mogħtija.

3. L-Istat Membru ta' identifikazzjoni għandu jidentifika lill-persuna taxxabbli li mhiex stabbilita permezz ta' numru individwali. Fuq il-bażi ta' l-informazzjoni użata għal din l-identifikazzjoni, l-Istati Membri ta' konsum jistgħu jżommu s-sistemi tagħhom ta' identifikazzjoni.

L-Istati Membri ta' identifikazzjoni għandhom jgħarrfu b'mezzi elettroniċi lill-persuna taxxabbli li mhiex stabbilita bin-numru ta' identifikazzjoni allokat lilha.

4. L-Istat Membru ta' identifikazzjoni għandhom jeskludu lill-persuna taxxabbli li mhiex stabbilita mir-reġistru ta' identifikazzjoni jekk:

(a) hi tgħarraf li m'għadhiex tipprovdi servizzi elettroniċi, jew

(b) jista' jiġi assumat li l-attivitajiet taxxabbli tagħha twaqqfu, jew

(ċ) hi m'għadhiex tissodisfa l-ħtiġiet neċessarji biex titħalla tuża l-iskema speċjali, jew

(d) b'mod persistenti hi tfalli milli tikkonforma mar-regoli dwar l-iskema speċjali.

5. Il-persuna taxxabbli li mhiex stabbilita għandha tippreżenta, b'mezzi elettroniċi, lill-Istat Membru ta' identifikazzjoni denunzja tat-taxxa fuq il-valur miżjud għal kull tliet xhur kalendarji anke jekk ma ġewx provvduti servizzi elettroniċi. Id-denunzja għandha tiġi ppreżentata sa' 20 ġurnata mit-tmiem tal-perijodu ta' rappurtaġġ li għalih tirreferi d-denunzja.

Id-denunzja tat-taxxa fuq il-valur miżjud għandha tikkonsisti fin-numru ta' identifikazzjoni u, għal kull Stat Membru ta' konsum fejn hi dovuta t-taxxa, il-valur totali, li minnu hi mnaqqsa t-taxxa fuq il-valur miżjud, tal-provvisti ta' servizzi elettroniċi għall-perijodu ta' rappurtaġġ u l-ammont totali ta' taxxa relattiva. Ir-rati ta' taxxa applikabbli u t-total ta' taxxa dovut għandhom jiġu indikati wkoll.

6. Id-denunzja tat-taxxa fuq il-valur miżjud għandha ssir f'euro. Stati Membri li għadhom m'adottawx l-euro jistgħu jeħtieġu li d-denunzja tat-taxxa ssir fil-munita nazzjonali tagħhom. Jekk il-provvisti saru f'muniti oħra għandha tintuża r-rata ta' kambju valida għall-aħħar ġurnata tal-perijodu ta' rappurtaġġ meta tkun qed titlesta d-denunzja tat-taxxa fuq il-valur miżjud. Il-kambju għandu jsir skond ir-rati ta' kambju ppubblikati mill-Bank Ċentrali Ewropew għal dik il-ġurnata, jew, jekk ma kien hemm l-ebda pubblikazzjoni f'dik il-ġurnata, fuq ir-rati ta' l-ewwel ġurnata suċċessiva għall-pubblikazzjoni.

7. Il-persuna taxxabbli li mhiex stabbilita għandha tħallas it-taxxa fuq il-valur miżjud meta tippreżenta d-denunzja. Il-ħlas għandu jsir f'kont bankarju denominat f'euro, maħtur mill-Istat Membru ta' identifikazzjoni. Stati Membri li għadhom m'adottawx l-euro jistgħu jeħtieġu li l-ħlas isir f'kont bankarju denominat fil-munita tagħhom.

8. Minkejja l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 86/560/KEE, il-persuna taxxabbli li mhiex stabbilita li qed tagħmel użu minn din l-iskema speċjali għandha, minflok tagħmel tnaqqis skond l-Artikolu 17(2) ta' din id-Direttiva, tibbenefika minn rimborż skond id-Direttiva 86/560/KEE. L-Artikoli 2(2), 2(3) u 4(2) tad-Direttiva 86/560/KEE m'għandhomx japplikaw għar-rimborż relattiv mal-provvisti elettroniċi koperti b'din l-iskema speċjali.

9. Il-persuna taxxabbli li mhiex stabbilita għandha żżomm reġistri tat-transazzjonijiet koperti b'din l-iskema speċjali f'dettal suffiċjenti sabiex tħalli lill-amministrazzjoni fiskali ta' l-Istat Membru ta' konsum tiddetermina li d-denunzja tat-taxxa fuq il-valur miżjud imsemmija fil-paragrafu 5 hi korretta. Dawn ir-reġistri għandhom ikunu disponibbli b'mod elettroniku fuq talba lill-Istat Membru ta' identifikazzjoni u lill-Istat Membru ta' konsum. Dawn ir-reġistri għandhom jinżammu għal perijodu ta' 10 snin mill-aħħar tas-sena meta saru t-transazzjonijiet.

10. L-Artikolu 21(2)(b) m'għandux jgħodd għal persuna taxxabbli li m'hiex stabbilita li għażlet din l-iskema speċjali."

Artikolu 2

L-Artikolu 22, li jinstab fl-Artikolu 28h tad-Direttiva 77/388/KEE, hu hawnhekk emendat kif ġej:

1. fil-paragrafu 1, punt (a) għandu jinbidel b'dan li ġej:

"(a) Kull persuna taxxabbli għandha tiddikjara meta tibda, tbiddel jew twaqqaf l-attività tagħha bħala persuna taxxabbli. L-Istati Membri għandhom, bla ħsara għal kondizzjonijiet li huma stabbilixxew, jippermettu lill-persuna taxxabbli tagħmel din id-denunzja b'mezzi elettroniċi, u jistgħu ukoll jesieġu li jintużaw mezzi elettroniċi."

2. fil-paragrafu 4, punt (a) għandu jinbidel b'dan li ġej:

"(a) Kull persuna taxxabbli għandha tippreżenta denunzja sa' terminu perentorju li jkun stabbilit mill-Istati Membri. Dak it-terminu perentorju m'għandux ikun ta' aktar minn xahrejn mill-aħħar ta' kull perijodu fiskali. Il-perijodu fiskali għandu jkun stabbilit minn kull Stat Membru f'xahar, f'xahrejn jew tlett xhur. L-Istati Membri jistgħu, madankollu, jistabbilixxu perijodu differenti sakemm dawn ma jaqbżux sena. L-Istati Membri għandhom, bla ħsara għal kondizzjonijiet li huma jistabbilixxu, jippermettu lill-persuna taxxabbli biex tagħmel dawn id-denunzji b'mezzi elettroniċi, u jistgħu jesieġu li jintużaw mezzi elettroniċi."

3. fil-paragrafu 6, punt (a) għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"(a) L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li persuna taxxabbli tippreżenta denunzja, li tinkludi l-partikolarijiet kollha speċifikati fil-paragrafu 4, dwar it-transazzjonijiet kollha magħmula matul is-sena ta' qabel. Dik id-denunzja għandha tipprovdi l-informazzjoni kollha neċessarja għal kull aġġustament. L-Istati Membri għandhom, bla ħsara għall-kondizzjonijiet li huma stabbilixxew, jippermettu lill-persuna taxxabbli biex tagħmel din id-denunzja b'mezzi elettroniċi, u jistgħu jesieġu ukoll li jintużaw mezzi elettroniċi."

4. fil-paragrafu 6, it-tieni paragrafu fil-punt (b) għandu jinbidel b':

"Id-denunzja rikapitulattiva għandha ssir għal kull tliet xhur kalendarji f'perijodu u skond il-proċeduri li huma ddeterminati mill-Istati Membri, li għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw konformità mad-disposizzjonijiet dwar koperazzjoni amministrattiva fil-qasam ta' tassazzjoni indiretta. L-Istati Membri għandhom, bla ħsara għall-kondizzjonijiet li huma stabbilixxew, jippermettu lill-persuna taxxabbli li tagħmel din id-denunzja b'mezzi elettroniċi, u jistgħu jesieġu li jintużaw mezzi elettroniċi."

Artikolu 3

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet neċessarji biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva fl-1 ta' Lulju 2003. Għandhom jinformaw b'dan lill-Kummissjoni.

Meta Stati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-direttiva jew ikunu akkumpanjati minn din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir din ir-referenza.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-disposizzjonijiet tal-liġi interna li huma jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.

Artikolu 4

L-Artikolu 1 għandu japplika għal perijodu ta' tliet snin li jibda mill-1 ta' Lulju 2003.

Artikolu 5

Il-Kunsill, fuq ir-rapport mill-Kummissjoni, għandu jirrevedi d-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 1 ta' din id-Direttiva qabel it-30 ta' Ġunju 2006 u għandu jew, waqt li jaġixxi skond l-Artikolu 93 tat-Trattat, jadotta miżuri ta' mekkaniżmu elettroniku approprijat, fuq bażi li mhix diskriminatorja għal kalkolu, għad-dikjarazzjoni, għall-ġbir u għall-allokazzjoni tad-dħul fiskali fuq servizzi forniti b'mezzi elettroniċi b'imposizzjoni fil-post tal-konsum jew, jekk hu meqjus neċessarju għal raġunijiet prattiċi, waqt li jaġixxi b'mod unanimu fuq il-bażi tal-proposta mill-Kummissjoni, jestendi l-perijodu msemmi fl-Artikolu 4.

Artikolu 6

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-ġurnata tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 7

Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, fis-7 ta' Mejju 2002.

Għall-Kunsill

Il-President

R. De Rato Y Figaredo

[1] ĠU C 337 E, tat-28.11.2000, p. 65.

[2] ĠU C 232, tas-17.8.2001, p. 202.

[3] ĠU C 116, ta' l-20.4.2001, p. 59.

[4] ĠU L 145, tat-13.6.1977, p. 1. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2001/115/KE (ĠU L 15, tas-17.1.2002, p. 24).

[5] ĠU L 326, tal-21.11.1986, p. 40.

--------------------------------------------------

ANNESS

"

ANNESS L

LISTA ILLUSTRATTIVA TA' SERVIZZI FORNITI B'MEZZI ELETTRONIĊI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 9(2)(e)

1. Fornitura ta' siti web, web-hosting, ġestjoni b'distanza tal-programmi u t-tagħmir.

2. Fornitura ta' software u l-aġġornament tiegħu.

3. Fornitura ta' immaġini, test u informazzjoni, u t-tqegħid għad-disposizzjoni ta' bażi tad-data.

4. Fornitura ta' mużika, film u logħob, inkluż il-logħob ta' l-azzard, ta' programmi jew manifestazzjonijiet politiċi, kulturali, artistiċi, sportivi, xjentifiċi u ta' divertiment.

5. Fornitura ta' tagħlim b'distanza.

Meta fornitur ta' servizz u l-klijent tiegħu jikkomunikaw permezz ta' posta elettronika, dan m'għandux ifisser li s-servizz provdut hu servizz elettroniku fis-sens ta' l-aħħar inċiż ta' l-Artikolu 9(2)(e).

"

--------------------------------------------------

Top