IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 2.7.2025
COM(2025) 363 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Strateġija Kwantistika Ewropea f’dinja li qed tinbidel
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52025DC0363
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT AND THE COUNCIL Quantum Europe Strategy: Quantum Europe in a Changing World
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Strateġija Kwantistika Ewropea f’dinja li qed tinbidel
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Strateġija Kwantistika Ewropea f’dinja li qed tinbidel
COM/2025/363 final
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 2.7.2025
COM(2025) 363 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Strateġija Kwantistika Ewropea f’dinja li qed tinbidel
Strateġija Kwantistika tal-UE f’dinja li qed tinbidel
1.1Introduzzjoni
L-Ewropa hija kontinent tal-kwantum 1 . Mill-prekursuri ikoniċi bħal Max Planck, Albert Einstein, Niels Bohr u Erwin Schrödinger, sal-pijunieri ta’ żmienna u rebbieħa tal-Premju Nobel bħal Theodor Haensch, Albert Fert, Serge Haroche, Anton Zeilinger, Alain Aspect u Anne L’Huillier, l-Ewropa minn dejjem kienet il-post tax-xjenza tal-kwantum.
L-avvanzi fix-xjenza tal-kwantum jirrappreżentaw uħud mill-aktar żviluppi trasformattivi fl-istorja teknoloġika. Ir-rapport ta’ Draghi 2 jirreferi għat-teknoloġija kwantistika bħala “l-innovazzjoni rivoluzzjonarja li jmiss fil-qasam tal-computing, li tista’ tiftaħ bibien ta’ opportunitajiet ġodda għall-kompetittività industrijali u għas-sovranità teknoloġika tal-UE.”
Illum qegħdin f’punt ta’ inflessjoni, hekk kif it-tellieqa dinjija għat-tħaddim tat-teknoloġiji kwantistiċi qed teqliel, u mil-laboratorji qed nersqu lejn l-applikazzjonijiet tad-dinja reali. Mill-iscanners tal-MRIs fil-kura tas-saħħa u l-avvanzi tal-materjali fis-settur tal-enerġija, għas-sensuri tal-gravimetri fil-ġeofiżika u n-navigazzjoni, il-komunikazzjonijiet siguri, u l-computing kwantistiku li jsolvi problemi kumplessi fil-loġistika u l-finanzi, dawn ir-rivoluzzjonijiet qed jibdew isawru mill-ġdid lill-industriji ewlenin u l-infrastruttura tas-soċjetà.
It-teknoloġiji kwantistiċi għandhom ukoll potenzjal ta’ użu doppju 3 li jagħmilhom utli wkoll għall-applikazzjonijiet tad-difiża u tas-sigurtà nazzjonali, u b’hekk iqawwu l-interess strateġiku tal-atturi pubbliċi u privati ewlenin.
F’dan il-kuntest, l-UE identifikat it-teknoloġija kwantistika bħala teknoloġija kritika 4 fl-Istrateġija ta’ Sigurtà Ekonomika tagħha 5 u skont il-White Paper għad-Difiża Ewropea – Prontezza 2030 6 .
L-ewwel sforzi ta’ industrijalizzazzjoni fuq skala kbira issa għaddejjin mad-dinja kollha, b’mod partikolari fl-Istati Uniti, xprunati minn investimenti privati massivi ta’ kumpaniji tat-teknoloġija avvanzata, u fiċ-Ċina, iffinanzjati l-aktar minn finanzjamenti pubbliċi.
L-Ewropa kisbet avvanzi notevoli fl-eċċellenza xjentifika tal-kwantum: għandha l-akbar konċentrazzjoni fid-dinja ta’ talent kwantistiku u tikklassifika fl-ewwel post fid-dinja fejn jidħol l-għadd ta’ pubblikazzjonijiet xjentifiċi. L-UE għandha wkoll waħda mill-akbar ekosistemi ta’ negozji ġodda fil-qasam tat-teknoloġija kwantistika 7 . Madwar terz tal-kumpaniji kwantistiċi kollha fid-dinja jinsabu fl-UE 8 , u l-bejjiegħa tal-UE jfornu kważi nofs il-komponenti tal-hardware u tas-software użati fil-kompjuters kwantistiċi 9 .
Iżda l-Ewropa bħalissa mhux qed jirnexxilha ssarraf biżżejjed il-kapaċitajiet tal-innovazzjoni u l-potenzjal futur tagħha f’opportunitajiet reali tas-suq. Minħabba f’hekk, bħalissa qed tikklassifika biss fit-tielet post fid-dinja fil-privattivi ppreżentati għall-computing kwantistiku, għar-rilevament kwantistiku u għall-komunikazzjoni kwantistika 10 .
Barra minn hekk, l-isforzi tal-Ewropa għadhom frammentati fost l-Istati Membri, l-aġenziji tal-finanzjament nazzjonali u reġjonali. Fl-aħħar ħames snin, l-UE u l-Istati Membri investew aktar minn EUR 11-il biljun fit-teknoloġiji kwantistiċi. Filwaqt li diversi Stati Membri żviluppaw l-istrateġiji u l-pjanijiet direzzjonali nazzjonali tagħhom stess, ċertu nuqqas ta’ koordinazzjoni biżżejjed wasslet għal duplikazzjoni tal-isforzi, użu ineffiċjenti tar-riżorsi, u kompetizzjoni dejjem akbar għat-talent. Dan jissogra li jdgħajjef il-kapaċità tal-UE li tibni massa kritika u skala kritika, inaqqas ir-ritmu tal-perkors lejn il-kummerċjalizzazzjoni, u fl-aħħar mill-aħħar jillimita l-iżvilupp ta’ kapaċità industrijali Ewropea kompetittiva fid-dinja u ta’ suq kwantistiku Ewropew magħqud.
Barra minn hekk, filwaqt li l-Ewropa għandha rwol ewlieni fl-intraprenditorija kwantistika bikrija, l-ekosistema emerġenti tagħha bħalissa għandha nuqqas ta’ appoġġ finanzjarju sostenibbli u l-perspettivi tas-suq mhumiex suffiċjenti. L-Ewropa m’għandhiex lanqas atturi industrijali kbar li jkunu minn tal-ewwel li jadottaw it-teknoloġija kwantistika, u dan qed iċaħħad lill-ekosistemi emerġenti ta’ negozji ġodda minn perspettivi tas-suq suffiċjenti.
Abbażi tal-Boxxla għall-Kompetittività 11 , li tinkludi “it-teknoloġija kwantistika” fost is-setturi ewlenin tat-teknoloġija li se jkunu importanti fl-ekonomija tal-ġejjieni 12 , din l-inizjattiva tippreżenta strateġija komprensiva, li taqbel ferm mal-fehmiet tal-partijiet kwantistiċi kkonċernati 13 , biex tiżgura li l-Ewropa tikseb pożizzjoni ewlenija fit-tellieqa dinjija tal-kwantum. B’appoġġ għall-iżvilupp ta’ din it-teknoloġija b’potenzjal ta’ użu doppju fl-UE, din l-istrateġija se tgħin ukoll fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Istrateġija għal Unjoni tal-Preparatezza 14 u r-rapport Niinistö 15 u l-White Paper għad-Difiża – Prontezza 2030 16 , l-Istrateġija tas-Sigurtà Interna ProtectEU 17 , u l-Istrateġija Diġitali Internazzjonali għall-UE 18 .
1.2L-Istrateġija Kwantistika tal-UE: il-Viżjoni u l-Qafas tal-Implimentazzjoni Strateġika
L-Ewropa qiegħda f’pożizzjoni tajba ħafna biex tkun pijuniera fir-rivoluzzjoni kwantistika ta’ żmienna. Il-viżjoni hija li l-Ewropa ssir qawwa industrijali tal-kwantum u mexxejja fis-suq dinji tat-teknoloġiji kwantistiċi, abbażi ta’ tmexxija xjentifika sostnuta.
Il-viżjoni strateġika tal-UE tikkapitalizza fuq il-preġji attwali: ir-riċerka ta’ klassi dinjija, l-eċċellenza xjentifika, bażi vibranti ta’ negozji ġodda, u struttura soda ta’ investimenti pubbliċi. Dawn il-pilastri ewlenin huma essenzjali biex tissewwa l-frammentazzjoni, jitħaffaf il-varar industrijali u tkun żgurata l-awtonomija strateġika fit-teknoloġiji kwantistiċi.
Biex titwettaq din il-viżjoni, l-Istrateġija tiffoka fuq ħames oqsma interkonnessi:
·Il-Qasam 1 – Riċerka u Innovazzjoni: Konsolidazzjoni tal-eċċellenza madwar l-Ewropa biex din tkun pijuniera fix-xjenza kwantistika u fit-trasformazzjoni industrijali tagħha.
·Il-Qasam 2 – Infrastrutturi Kwantistiċi: Jinħolqu ċentri tal-infrastruttura sostenibbli, skalabbli u kkoordinati li jappoġġaw il-produzzjoni, id-disinn u l-iżvilupp tal-applikazzjonijiet.
·Il-Qasam 3 – Insaħħu l-Ekosistema Kwantistika tal-UE: Ktajjen tal-provvista siguri u l-industrijalizzazzjoni tat-teknoloġiji kwantistiċi b’investimenti f’negozji ġodda u f’negozji li qed jikbru.
·Il-Qasam 4 – Teknoloġiji Kwantistiċi għall-Ispazju u b’Potenzjal ta’ Użu Doppju (Sigurtà u Difiża): Integrazzjoni tal-kapaċitajiet kwantistiċi siguri u sovrani fl-istrateġiji spazjali, tas-sigurtà u tad-difiża tal-Ewropa.
·Il-Qasam 5 – Ħiliet fil-kwantum: Tissawwar forza tax-xogħol diversa u ta’ livell dinji b’sistemi u programmi aġli u kkoordinati tal-edukazzjoni u t-taħriġ, u bil-promozzjoni tal-mobbiltà tat-talenti madwar l-UE.
Il-ħames oqsma strateġiċi huma appoġġati b’approċċ ta’ implimentazzjoni intelliġenti. Kif deskritt hawn taħt, fit-Taqsima 3.1 “Il-Komponenti Ewlenin tal-Implimentazzjoni tal-Istrateġija Kwantistika tal-UE”, l-approċċ se jibni fuq ċiklu kontinwu ta’ żvilupp teknoloġiku iterattiv tul iċ-ċiklu tal-ħajja li se jorbot kontinwament l-iskoperti xjentifiċi tat-teknoloġija kwantistika mal-applikazzjonijiet tad-dinja reali u mas-suq, u dan jissarraf f’impatt ekonomiku kemm fl-immedjat u anki fit-tul. Dan l-approċċ tal-implimentazzjoni se jgħin biex jattira utenti industrijali u pubbliċi ewlenin, u fl-istess waqt jiżgura aċċess għas-suq u s-sostenibbiltà tal-ekosistema kwantistika emerġenti tal-UE.
Illustrazzjoni 1: Ħames oqsma strateġiċi għall-Istrateġija Kwantistika tal-UE
Filwaqt li tikkomplementa ċ-ċiklu tal-implimentazzjoni, l-UE se tistabbilixxi qafas ta’ governanza strateġika biex tissorvelja u tiffaċilita l-progress.
L-Istrateġija tibni fuq id-Dikjarazzjoni Ewropea tal-2023 dwar it-teknoloġiji kwantistiċi 19 , li mmarkat pass politiku ewlieni, u allinjat lill-Istati Membri favur prijoritajiet u valuri Ewropej komuni. Tibni wkoll fuq is-sejbiet tal-gruppi ta’ ħidma tal-esperti mill-Istati Membri kollha tal-UE 20 , stabbiliti u kkoordinati mill-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar it-Teknoloġija Kwantistika 21 .
2Oqsma strateġiċi tal-Istrateġija Kwantistika tal-UE
2.1Il-Qasam 1: Riċerka u Innovazzjoni Kwantistika tal-UE
Il-bażi tar-riċerka kwantistika tal-Ewropa, appoġġata minn diversi programmi tal-UE u nazzjonali, firxet pedament xjentifiku sod. Fl-aħħar ħames snin, l-UE investiet kważi EUR 2 biljun fit-teknoloġiji kwantistiċi, ikkomplementati b’aktar minn EUR 9 biljun f’finanzjament pubbliku addizzjonali mill-Istati Membri. Dawn il-fondi appoġġaw ir-riċerka u l-edukazzjoni kwantistika, il-ħolqien ta’ raggruppamenti kwantistiċi nazzjonali u ta’ ċentri ibridi ta’ supercomputers kwantistiċi klassiċi, lill-industrija tat-teknoloġija kwantistika, u sħubijiet internazzjonali.
Minkejja finanzjament sinifikanti fil-livell nazzjonali u Ewropew, ir-riċerka kwantistika tal-Ewropa għadha frammentata bejn l-Istati Membri u l-istrumenti, u din toħloq duplikazzjoni, lakuni fl-oqsma prijoritarji u kompetizzjoni għal talenti skarsi. Mingħajr koordinazzjoni u enfasi ċara fuq prijoritajiet strateġiċi komuni, l-Ewropa mhux se jirnexxilha tilħaq l-ambizzjonijiet kwantistiċi tagħha.
Għalhekk, il-Kummissjoni qed tipproponi Inizjattiva apposta għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Kwantistika tal-UE. Din se jkollha l-għan li tallinja l-isforzi tal-UE u tal-Istati Membri b’aġenda komuni maqbula għar-Riċerka, it-Teknoloġija u l-Innovazzjoni. Se tiġbor flimkien l-isforzi b’temi komuni u se tistabbilixxi miri komuni biex tiżgura l-koerenza, tevita d-duplikazzjoni u tibni massa kritika.
Din l-Inizjattiva se tinbena fuq dawn l-iskaluni ewlenin tal-attività:
·Sir af: appoġġ għal azzjonijiet tar-riċerka fundamentali, tal-iżvilupp teknoloġiku u tal-innovazzjoni fil-computing kwantistiku, fil-komunikazzjoni kwantistika u fir-rilevament kwantistiku.
·Mil-laboratorju għall-fabbrikazzjoni: aktar investiment fil-bini ta’ infrastrutturi mill-aktar avvanzati tal-computing kwantistiku, tal-komunikazzjoni kwantistika u tar-rilevament kwantistiku, tal-hardware kwantistiku u tat-teknoloġiji abilitanti rilevanti, kif ukoll f’linji pilota tal-ogħla livell u għodod tad-disinn li jappoġġaw l-industrijalizzazzjoni u l-iżvilupp tal-ekosistema.
·Applika u uża: appoġġ għall-iżvilupp ta’ applikazzjonijiet fis-setturi pubbliċi u industrijali ewlenin, filwaqt li jkun żgurat li l-avvanzi xjentifiċi fl-oqsma kwantistiċi kollha jissarrfu f’applikazzjonijiet u impatt fid-dinja reali.
Apparti dan t’hawn fuq, l-Inizjattiva se tinkludi wkoll investimenti fl-attrazzjoni tat-talent u fl-iżvilupp tal-ħiliet biex tiżgura forza tax-xogħol industrijali kwantistika futura mħarrġa sew.
L-Inizjattiva tar-Riċerka u l-Innovazzjoni Kwantistika tal-UE se tiġi implimentata b’qafas ta’ governanza fil-livell tal-UE, li se jiġi definit fil-proposta li jmiss tal-Att Kwantistiku. Fil-frattemp, il-mandat tal-Impriża Konġunta għall-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew (EuroHPC) 22 se jiġi estiż b’emenda għar-Regolament li ġiet stabbilita bih, filwaqt li tkun żgurata koordinazzjoni bla skossi ma’ Orizzont Ewropa, Ewropa Diġitali, il-programmi Spazjali u tad-Difiża u strumenti oħra tal-finanzjament.
|
·Jiġi emendat ir-Regolament dwar l-Impriża Konġunta EuroHPC biex il-mandat tiegħu jiġi estiż għat-teknoloġiji kwantistiċi kollha u, bħala l-ewwel pass, jiġu trasferiti l-attivitajiet kwantistiċi tar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-Pilastru 2 ta’ Orizzont Ewropa lejn l-Impriża Konġunta [Q3 2025] ·Tiġi ppreżentata l-proposta tal-Att Kwantistiku [2026] |
2.2Il-Qasam 2: Infrastrutturi Kwantistiċi tal-UE
Illum l-UE qed tinvesti f’inizjattivi ewlenin tal-infrastruttura kwantistika, bħas-sistemi tal-computing kwantistiku permezz tal-Impriża Konġunta EuroHPC, l-infrastruttura sigura tal-komunikazzjoni kwantistika (EuroQCI) 23 permezz tal-Programm tal-Unjoni għall-Konnettività Sigura tal-IRIS² 24 , kif ukoll fi pjattaformi tar-rilevament avvanzati. Qed tinvesti wkoll f’diversi linji pilota permezz tal-Impriża Konġunta taċ-Ċipep 25 biex titħejja l-industrijalizzazzjoni tat-teknoloġiji kwantistiċi fl-Ewropa.
Dawn l-infrastrutturi kwantistiċi ffinanzjati mill-pubbliku huma mutur strateġiku tal-ambizzjoni kwantistika tal-Ewropa. Jipprovdu aċċess għal sistemi u pjattaformi kwantistiċi mill-aktar avvanzati li altrimenti ma jkunux possibbli għal ħafna mill-partijiet ikkonċernati u l-utenti kwantistiċi Ewropej minħabba l-kostijiet għaljin tal-iżvilupp u tal-aċċess, il-kumplessità teknika jew il-ħtieġa ta’ servizzi speċifiċi, bħall-komunikazzjoni sigura. Dawn joffru ambjent tal-ittestjar għall-innovazzjoni, bażi għat-taħriġ għat-talent, u spazju għall-industrija, għall-intrapriżi żgħar u medji (SMEs) u għar-riċerkaturi biex jesperimentaw, jifhmu u jsawru l-iżvilupp ta’ teknoloġiji kwantistiċi ġodda. Dawn huma essenzjali biex titħaffef l-adozzjoni tat-teknoloġiji kwantistiċi, tinbena l-kapaċità industrijali, u jkun żgurat li l-benefiċċji kwantistiċi jitqassmu b’mod wiesa’ madwar l-Unjoni.
B’ħarsa ’l quddiem, l-UE se żżomm u se tespandi l-investimenti tagħha fl-infrastrutturi kwantistiċi pubbliċi fl-oqsma tal-computing u s-simulazzjoni, il-komunikazzjonijiet, u r-rilevament kif spjegat hawn taħt.
2.2.1Il-Computing u s-Simulazzjoni Kwantistiċi
Il-computing kwantistiku għandu l-potenzjal li jirrivoluzzjona l-kapaċità tagħna li nsolvu problemi kumplessi ta’ ottimizzazzjoni tal-computing li jmorru ferm lil hinn ukoll mill-kapaċità tal-aktar sistemi b’saħħithom tal-computing ta’ prestazzjoni għolja (HPC). L-impatt tiegħu mistenni jkun katalitiku f’diversi oqsma; ngħidu aħna fis-simulazzjoni farmaċewtika u kimika, dan jaf iwassal għall-iskoperta ta’ mediċini u kimiċi ġodda; fl-enerġija, il-computing kwantistiku jista’ jgħin fl-iskoperta ta’ materjali ġodda għall-batteriji jew superkondutturi ta’ temperatura għolja; għandu potenzjal sinifikanti wkoll ta’ titjib f’ċerti oqsma bħal-loġistika u l-finanzi. Barra minn hekk, il-kompjuters kwantistiċi jistgħu jsolvu dawk il-problemi b’modi ferm iżjed effiċjenti fl-użu tal-enerġija mis-supercomputers klassiċi. Minflok jieħdu post is-sistemi tal-HPC, il-kompjuters kwantistiċi se jikkomplementawhom, u jaġixxu bħala aċċelleraturi biex jagħtu spinta lill-prestazzjoni ġenerali tas-soluzzjoni tal-computing, u jaslu għal riżultati ferm aktar malajr u b’mod ferm iżjed effiċjenti fl-użu tal-enerġija. It-teknoloġija kwantistika qed tintuża dejjem aktar flimkien mal-intelliġenza artifiċjali (IA) u tappoġġjaha. Ngħidu aħna, it-teknoloġija kwantistika tista’ jħaffef it-taħriġ tal-mudelli tal-IA, filwaqt li l-IA tikkontribwixxi għall-korrezzjoni tal-erruri kwantistiċi, u b’hekk titjieb bil-kbir l-affidabbiltà ġenerali tas-sistema.
Il-computing kwantistiku bħalissa jinsab fi stadju kruċjali: filwaqt li jeżistu proċessuri kwantistiċi fuq skala żgħira, l-isfida globali ewlenija hija biex naslu għal kompjuters kwantistiċi operattivi għalkollox li jistgħu juru b’mod definittiv il-vantaġġ tal-computing kwantistiku. L-isfida ewlenija issa hi biex nibnu magni fuq skala akbar li kapaċi jipprovdu vantaġġ kwantistiku 26 ċar fuq il-kompjuters klassiċi. Fil-ħamsa sal-għaxar snin li ġejjin, il-kapaċità tal-kompjuters kwantistiċi li jsolvu problemi tad-dinja reali se tikber ħafna. Din hi r-raġuni għalfejn l-UE u l-Istati Membri tagħha, kif ukoll atturi ewlenin oħrajn – mill-Awstralja, il-Kanada, iċ-Ċina, il-Ġappun, il-Korea t’Isfel, ir-Renju Unit, sal-Istati Uniti, qed jinvestu bil-kbir fit-tellieqa tat-teknoloġiji kwantistiċi biex ikunu fuq quddiem fir-rivoluzzjoni kwantistika 27 . Illum qed jiġu żviluppati diversi pjattaformi tal-computing kwantistiku, ilkoll ibbażati fuq approċċ teknoloġiku differenti 28 . It-Tabella 1 telenka l-kompjuters kwantistiċi pprovduti minn kumpaniji li għandhom il-kwartieri ġenerali tagħhom f’reġjuni differenti tad-dinja.
|
Pjattaforma teknoloġika |
Superkonduzzjoni |
Nases tal-joni |
Atomi kesħin |
Fotonika |
Spin qubits |
|
|
|
|
|
|
|
|
|
4 |
6 |
0 |
5 |
2 |
|
|
26 |
7 |
4 |
2 |
0 |
|
|
13 |
0 |
0 |
1 |
0 |
|
|
2 |
0 |
0 |
0 |
0 |
|
|
1 |
0 |
0 |
1 |
3 |
Tabella 1: Ix-Xenarju tal-Fornituri tal-Computing u s-Simulazzjoni Kwantistiċi
L-Ewropa, permezz ta’ programmi nazzjonali u l-Quantum Technologies Flagship tal-UE 30 qed tiżviluppa t-teknoloġiji ewlenin kollha tal-computing kwantistiku kif jidher hawn fuq. Dawn l-isforzi wasslu għal prototipi operattivi, settijiet ta’ għodod tas-software, u diversi spin-offs tat-teknoloġija profonda. Barra minn hekk, bl-Impriża Konġunta EuroHPC, l-Ewropa diġà qed tvara l-ewwel prototipi tagħha ta’ sistemi tal-computing kwantistiku f’diversi Stati Membri (ara l-Illustrazzjoni 2). Dan il-varar bikri jaqdi żewġ skopijiet ewlenin: jappoġġa l-ħolqien ta’ industrija kwantistika Ewropea awtonoma, sovrana u kompetittiva billi joħloq suq bikri għall-fornituri tal-hardware u tas-software, u fl-istess waqt jippermetti wkoll l-iżvilupp tas-suq intern billi jżid l-għadd u l-iskala tal-każijiet tal-użu u tal-utenti.
L-Ewropa rnexxielha wkoll tasal għall-ibridizzazzjoni bikrija tal-kompjuters kwantistiċi bl-HPC, u b’hekk laħqet il-mira tad-Deċennju Diġitali tal-UE li fl-2025 ikollha l-ewwel kompjuter aċċellerat bil-kwantum 31 . Din timmarka kisba strateġika: tappoġġa l-ekosistema kwantistika Ewropea tal-hardware, trawwem il-ħolqien ta’ każijiet tal-użu industrijali, u twitti t-triq għal sistemi ibridi aktar avvanzati – u dawn ilkoll jikkontribwixxu għall-għan fit-tul li sal-2030 l-Ewropa tikseb kapaċità sħiħa tal-computing kwantistiku. Din l-ibridizzazzjoni se tippermetti wkoll l-użu ta’ kompjuters kwantistiċi mill-fabbriki Ewropej tal-IA 32 , u b’hekk tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-objettivi tal-Pjan ta’ Azzjoni għal Kontinent tal-IA 33 .
B’ħarsa ’l quddiem, l-Inizjattiva tar-Riċerka u l-Innovazzjoni Kwantistika tal-UE se tibqa’ tappoġġa aktar attivitajiet ikkoordinati biex tħaffef it-tranżizzjoni mill-apparati kwantistiċi tal-ewwel ġenerazzjoni ta’ żmienna għal magni operattivi għalkollox. L-għan hu li l-Ewropa tiġi f’pożizzjoni li takkwista l-kompjuters kwantistiċi tal-ġenerazzjoni li jmiss primarjament mingħand fornituri mill-UE, filwaqt li tkabbar progressivament dawk il-pjattaformi biex sal-2030 jilħqu madwar 100 qubit ikkoreġuti għall-erruri 34 għal kull sistema – mira allinjata mal-pjanijiet direzzjonali tal-industrija biex jinkiseb vantaġġ komputazzjonali sinifikanti. Sal-2035, l-Ewropa timmira li ssir l-ewwel kontinent bi skala ta’ eluf ta’ qubits ikkoreġuti għall-erruri għal kull pjattaforma, limitu meqjus meħtieġ biex ikunu jistgħu jissolvew problemi tad-dinja reali.
Il-kisba ta’ dik it-tappa tkun tfisser żvolta kruċjali fil-vantaġġ kwantistiku prattiku 35 u tpoġġi lill-Ewropa bħala mexxejja dinjija fil-computing kwantistiku. Dik issaħħaħ l-iżvilupp tal-kumpaniji Ewropej tal-computing kwantistiku u tgħin biex jitrawmu l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-applikazzjonijiet tal-utenti ewlenin, u ssaħħaħ l-awtonomija teknoloġika tal-Unjoni.
Illustrazzjoni 2: Mappa tas-supercomputers, tal-kompjuters kwantistiċi u tas-simulaturi kwantistiċi tal-EuroHPC
Fl-istess ħin, l-Ewropa se tibqa’ tinvesti fis-simulaturi kwantistiċi 36 , li kapaċi jimitaw l-imġiba ta’ sistema kwantistika filwaqt li jużaw hardware inqas kumpless. Dawn is-simulaturi kwantistiċi diġà qed jippermettu innovazzjonijiet rivoluzzjonarji fix-xjenza tal-materjali, fil-kimika kwantistika, u fil-fiżika fundamentali. L-Ewropa tinsab fuq quddiem nett fl-iżvilupp u l-varar ta’ dawn il-pjattaformi li, billi jeħtieġu inqas ħtiġijiet tal-hardware, mistennija jagħtu riżultati utli ferm qabel il-kompjuters kwantistiċi universali.
Se jiġi żviluppat Pjan Direzzjonali tal-UE għall-Computing u s-Simulazzjoni Kwantistiċi, li se jistabbilixxi parametri referenzjarji ċari u proċess ta’ monitoraġġ biex jiġu segwiti l-progress teknoloġiku u l-maturità tat-tipi differenti ta’ pjattaformi kwantistiċi. Bil-pjan direzzjonali tkun tista’ ssir valutazzjoni regolari ta’ liema minnhom huma l-aktar avvanzati jew liema għandhom l-akbar potenzjal fit-tul. Dan l-approċċ ibbażat fuq l-evidenza se jiggwida d-deċiżjonijiet strateġiċi tal-Ewropa u se jgħin biex tingħata prijorità lill-investimenti pubbliċi futuri fil-computing kwantistiku.
|
·Jiġi ppubblikat il-Pjan Direzzjonali tal-UE għall-Computing u s-Simulazzjoni Kwantistiċi [2026] ·Jiżdiedu l-għadd u l-kapaċità tas-sistemi tal-computing kwantistiku bbażati fuq il-EuroHPC [2026 ’il quddiem] u jinħoloq qafas ta’ monitoraġġ għall-computing kwantistiku [2026] |
2.2.2 Komunikazzjonijiet Kwantistiċi
Il-komunikazzjoni kwantistika tippermetti t-trażmissjoni ultrasigura tad-data, tħares l-infrastrutturi kritiċi, u tissalvagwardja l-informazzjoni sensittiva mit-theddid ċibernetiku futur iffaċilitat mit-teknoloġija kwantistika 37 . Tippermetti wkoll li jinħolqu networks tal-komunikazzjoni kwantistika li hemm bżonn għall-interkonnessjoni tal-apparati kwantistiċi bħal sensuri u kompjuters, fl-hekk imsejjaħ “Internet Kwantistiku”. Bis-saħħa tal-potenzjal tagħha ta’ użu doppju, din tappoġġa kemm l-applikazzjonijiet ċivili (eż. il-protezzjoni tat-tranżazzjonijiet finanzjarji, networks pubbliċi siguri) kif ukoll il-ħtiġijiet tad-difiża (eż. komunikazzjonijiet siguri waqt l-operazzjonijiet militari u tas-sigurtà nazzjonali). B’inizjattivi bħall-EuroQCI 38 u l-Internet Kwantistiku, l-UE qed tibni infrastrutturi tal-komunikazzjoni kwantistika kompletament awtonomi u affidabbli, li se jipproteġu l-flussi tad-data kritika, jipprovdu komunikazzjonijiet pubbliċi siguri u infrastrutturi kritiċi, u jsaħħu s-sigurtà interna tal-Ewropa bi qbil mal-Istrateġija ProtectEU 39 .
L-Inizjattiva EuroQCI
L-inizjattiva EuroQCI tiżviluppa infrastruttura sigura tal-komunikazzjoni kwantistika li tkopri lill-UE kollha, inkluż lit-territorji ekstra-Ewropej tagħha. Hi parti mill-inizjattiva IRIS² tal-Unjoni u se jkun fiha segment fl-art li jistrieħ fuq networks tal-komunikazzjoni bil-fibra li jikkollegaw siti strateġiċi fil-livell nazzjonali u transfruntier, u segment fl-ispazju bbażat fuq is-satelliti.
L-inizjattiva qed tavvanza malajr u bħalissa hemm 26 Stat Membru li qed ivaraw networks nazzjonali tal-komunikazzjoni kwantistika terrestri, u li se jintużaw ukoll biex tiġi ttestjata l-Eagle 1, satellita tal-komunikazzjoni sigura tad-Distribuzzjoni Kwantistika tal-Kjavi (QKD), skedata li tiġi llanċjata fl-2026 bħala l-ewwel dimostratur Ewropew ġol-orbita.
Dawn in-networks tal-komunikazzjoni kwantistika terrestri qed jintużaw biex jimplimentaw u jittestjaw is-satellita QKD f’ambjenti tad-dinja reali. Il-proġetti pilota jinkludu trażmissjoni sigura tad-data medika minn sptar għal sptar, komunikazzjoni kriptata bejn istituzzjonijiet governattivi, u konnessjonijiet tal-QKD għall-infrastruttura kritika bħaċ-ċentri tal-kontroll tal-grilja elettrika. Dawn qed juru kif il-QKD tista’ tissalvagwardja s-servizzi pubbliċi essenzjali u l-operazzjonijiet nazzjonali.
Biex tappoġġa dan il-varar, l-UE qed tingrana katina tal-provvista kompletament Ewropea ta’ komponenti, apparati u sistemi kwantistiċi 40 . Qed tvara wkoll faċilità komprensiva ta’ ttestjar u ta’ evalwazzjoni tal-QKD, li toffri ambjenti ta’ qabel iċ-ċertifikazzjoni għall-komponenti tal-QKD u li tħejji għall-integrazzjoni tagħhom f’sistemi minn tarf sa tarf, u f’arkitetturi tan-network 41 .
Barra minn hekk, din l-attività hija relatata mill-qrib mal-politiki tal-UE dwar iċ-ċibersigurtà, bħad-Direttiva NIS 2, ir-rieżami li jmiss tal-Att dwar iċ-Ċibersigurtà u l-pjan direzzjonali tal-ENISA dwar il-Kriptografija Sikura għat-Teknoloġija Kwantistika biex ikun żgurat li l-infrastrutturi tal-komunikazzjoni kwantistika, tar-rilevament kwantistiku u tal-computing kwantistiku jadottaw miżuri tas-sigurtà bi grad tad-difiża, kontrolli tal-integrità tal-katina tal-provvista, u kapaċitajiet tar-rispons għall-inċidenti mill-bidu nett.
Hemm bosta reġjuni ewlenin oħra li qed jinvestu f’kapaċitajiet kwantistiċi terrestri u spazjali siguri. Iċ-Ċina, pereżempju, uriet il-QKD mill-ispazju sal-art u żviluppat aktar minn 2 000 km ta’ konnessjonijiet terrestri siguri bejn il-bliet 42 . L-Istati Uniti, min-naħa tagħhom, qed jinvestu ħafna fl-ambjent tal-ittestjar tal-internet kwantistiku u fis-sħubijiet tal-laboratorji nazzjonali, iżda għadhom ma nedewx programm tal-komunikazzjoni federat u sigur fuq skala kontinentali. Il-mudell Ewropew, li jintegra s-segmenti terrestri u satellitari permezz tal-IRIS², u li jibni fuq prinċipji siguri mid-disinn u fuq komponenti kkontrollati mill-UE, iqiegħed lill-UE fuq quddiem nett fl-iżvilupp ta’ networks kwantistiċi fdati.
Fil-perjodu 2025-2035, l-UE se tkompli tespandi l-inizjattiva EuroQCI.
L-ewwel nett, fil-perjodu 2025-2030, l-UE se tvara konnessjonijiet transfruntieri kwantistiċi terrestri li jgħaqqdu lill-Istati Membri, kif ukoll stazzjonijiet fuq l-art li jgħaqqdu lis-segmenti terrestri tal-EuroQCI mas-satelliti tal-EuroQCI għal distribuzzjoni kwantistika tal-kjavi bbażata fl-ispazju. B’hekk, sal-2030 se jinħoloq l-ewwel network esperimentali tal-komunikazzjoni kwantistika sigura terrestri u spazjali li jkun interkonness għalkollox mal-UE.
It-tieni, l-UE se tiffaċilita l-adozzjoni mis-suq u ċ-ċertifikazzjoni tas-sigurtà. Se tkompli tappoġġa aktar żvilupp, maturazzjoni u varar tat-teknoloġiji u l-protokolli tal-komunikazzjoni kwantistika 43 u l-integrazzjoni regolari tagħhom fil-EuroQCI. Is-segment spazjali tal-EuroQCI se jiġi aġġornat ukoll biex jipprovdi servizzi tal-QKD siguri spazjali u terrestri minn tarf sa tarf, li gradwalment se jiġu integrati fil-ġenerazzjoni li jmiss tas-servizzi spazjali tal-IRIS². L-infrastruttura ġenerali tal-EuroQCI se tiġi ċċertifikata bi skema armonizzata tal-UE li tiżgura l-fiduċja u l-konformità.
L-Inizjattiva Internet Kwantistiku
L-inizjattiva Internet Kwantistiku tikkomplementa lill-EuroQCI billi tħejji l-ġenerazzjoni futura tan-networks kwantistiċi. Din tifrex il-pedament għal computing u rilevament kwantistiċi distribwiti, u għal kondiviżjoni ultrasigura tad-data.
L-Ewropa diġà ddefiniet speċifikazzjoni sħiħa tal-arkitettura għal network tal-Internet Kwantistiku u wriet networking kwantistiku fuq skala metropolitana 44 . Tnedew oqfsa ta’ każijiet tal-użu, u għaddej il-bini tal-ekosistema bit-tnedija tal-Forum dwar it-Teknoloġija tal-Alleanza tal-Internet Kwantistiku (QIA) 45 , l-ewwel forum miftuħ dinji ddedikat għall-Internet Kwantistiku. L-Ewropa diġà kisbet ukoll l-ewwel spin-offs industrijali tagħha tal-Internet Kwantistiku u tnedijiet ta’ prodotti, li jindikaw trasferiment bikri tat-teknoloġija lejn l-industrija f’dan il-qasam.
L-Inizjattiva tar-Riċerka u l-Innovazzjoni Kwantistika tal-UE se tappoġġa l-evoluzzjoni teknoloġika ulterjuri tal-Internet Kwantistiku 46 u tiżgura l-interoperabbiltà bejn pjattaformi sottostanti differenti tal-computing. Fl-2026, din se tappoġġa t-tnedija ta’ faċilità pilota għall-Internet Kwantistiku Ewropew, li tippermetti l-ittestjar ta’ komponenti ewlenin sikuri għall-kwantum u każijiet tal-użu bikri, servizzi kwantistiċi tal-cloud siguri, computing distribwit u ambjenti tal-validazzjoni avvanzati li jgħaqqdu r-riċerka u l-varar qabel stat operattiv għalkollox. L-objettiv hu li bħala l-ewwel pass għal Internet Kwantistiku federat, sal-2030 jiġi varat network tal-komunikazzjoni sikura għall-kwantum li jkun operattiv għalkollox. Dan jgħin ukoll biex l-UE tkun fuq quddiem nett fl-istandardizzazzjoni internazzjonali f’dan il-qasam. Fl-istess waqt, peress li l-avvanzi fil-computing kwantistiku joħloq riskji għas-sigurtà tal-komunikazzjonijiet tagħna 47 , l-UE u l-Istati Membri tagħha issa qed jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni dwar il-kriptografija postkwantistika 48 u għadhom kif ippubblikaw Pjan Direzzjonali 49 għat-tranżizzjoni lejn il-kriptografija postkwantistika.
|
·Jiġi varat l-ewwel network esperimentali tal-komunikazzjoni kwantistika sigura terrestri u spazjali interkonness mal-UE [sal-2030] ·Jiġi ppubblikat Pjan Direzzjonali tal-Komunikazzjoni Kwantistika [2026] ·Titnieda faċilità pilota għall-Internet Kwantistiku Ewropew [2026] |
2.2.3 Rilevament kwantistiku
Ir-rilevament kwantistiku jingrana proprjetajiet kwantistiċi li jkejlu l-karatteristiċi fiżiċi b’sensittività u bi preċiżjoni mingħajr preċedent, tant li jaqbżu b’mod sinifikanti l-kapaċitajiet tas-sensuri klassiċi 50 . Dan għandu potenzjal enormi f’ħafna oqsma varji, mill-kura tas-saħħa, it-tibdil fil-klima jew il-monitoraġġ tar-riżorsi tal-ilma ta’ taħt l-art, sas-sigurtà, id-difiża u l-ispazju jew in-navigazzjoni.
Il-Quantum Flagship tal-UE qdiet irwol ewlieni fl-avvanz tat-teknoloġiji tar-rilevament kwantistiku minn xjenza bażika sa riċerka mmexxija mill-applikazzjonijiet. Il-prototipi funzjonali diġà qed jiġu ttestjati f’ambjenti tad-dinja reali, u dan juri t-tmexxija tal-Ewropa fl-innovazzjoni tas-sensuri u fit-tħejjija tat-triq għall-varar industrijali u għall-adozzjoni f’applikazzjonijiet b’potenzjal ta’ użu doppju.
Gravimetri kwantistiċi
L-UE issa qed tiżviluppa network ta’ gravimetri kwantistiċi mobbli u weqfin 51 , li jippermettu d-detezzjoni ta’ karatteristiċi ta’ taħt l-art li jkun hemm sa diversi għexieren ta’ kilometri ’l bogħod, inkluż ġibjuni tal-ilma, depożiti tal-gass, riżorsi minerali, riżervi tal-magma, jew infrastrutturi midfuna. Dawn huma partikolarment siewja għall-monitoraġġ tal-bidliet taħt l-art maż-żmien, għall-appoġġ tal-applikazzjonijiet fix-xjenza tad-dinja u fil-ġeofiżika (inkluż immeppjar ta’ taħt l-art u twissijiet bikrin tat-terremoti), fix-xjenza klimatika (eż. is-segwiment tat-telf tal-glaċieri u t-tnaqqis tal-ilma ta’ taħt l-art), fil-prevenzjoni tal-perikli naturali, fl-inġinerija ċivili u fl-applikazzjonijiet strateġiċi tad-difiża u l-protezzjoni ċivili, bħad-detezzjoni ta’ strutturi taħt l-art magħmula mill-bniedem u l-monitoraġġ tal-infrastruttura kritika.
Skont il-Quantum Flagship, fit-tlieta sal-ħames snin li ġejjin, madwar l-Ewropa se jiġi varat network ta’ gravimetri bbażati fl-art, u jiġi kkomplementat bi gravimetri mqegħdin fuq pjattaformi f’altitudni għolja. Fl-istess waqt, l-UE qed tippjana li tniedi l-ewwel Titjira tal-Pathfinder tal-gravimetrija spazjali kwantistika 52 wara l-2030. Bl-istess mod se tiġi esplorata wkoll l-integrazzjoni tal-gravimetrija kwantistika permezz tal-missjonijiet ta’ segwitu tal-IRIS2. Dawn l-isforzi jistgħu jwittu t-triq għal network fuq skala sħiħa ta’ gravimetri fl-art, fl-ajru u bbażati fl-ispazju għal skopijiet ta’ osservazzjoni tad-Dinja; u dawn jappoġġaw kemm ir-riċerka xjentifika kif ukoll l-applikazzjonijiet strateġiċi, inkluż dawk b’potenzjal ta’ użu doppju.
Immaġnijiet ta’ Reżonanza Manjetika Kwantistika (Q-MRI)
Fid-dijanjostika medika, ir-riċerka tal-UE wittiet it-triq għal immaġnijiet imtejba bit-teknoloġija kwantistika, permezz ta’ sensuri kwantistiċi li jkejlu s-sinjali manjetiċi fil-livell molekulari. Dawn is-sistemi għandhom potenzjal enormi għall-mediċina ta’ preċiżjoni u għall-kura tas-saħħa personalizzata għax iħaffu d-detezzjoni tal-kanċer u tal-mard newrodeġenerattiv, u għax jimmodernizzaw l-infrastruttura dijanjostika tal-Ewropa.
Fl-2025, permezz tal-Quantum Flagship, l-UE se tappoġġa l-istabbiliment tal-Infrastruttura Pilota Ewropea tal-Q-MRI 53 f’għadd ta’ Stati Membri. Din l-infrastruttura se tippermetti l-validazzjoni klinika ta’ sistemi tal-MRI 54 mtejba bit-teknoloġija kwantistika, u se tipprovdi aċċess miftuħ għaċ-ċentri tar-riċerka akkreditati, għall-isptarijiet u għas-sħab tal-industrija biex jittestjaw prototipi approvati ta’ immaġnijiet bil-kwantum. Bl-integrazzjoni ta’ għodod ta’ analiżi bbażati fuq l-IA, l-infrastruttura se żżid il-preċiżjoni dijanjostika, tappoġġa intervent aktar bikri u tgħin biex jitnaqqsu l-kostijiet ġenerali tal-kura tas-saħħa. Maż-żmien, dan in-network se jikber progressivament fost Stati Membri oħrajn.
L-Inizjattiva tar-Riċerka u l-Innovazzjoni Kwantistika tal-UE se tkompli tiffinanzja wkoll l-iżvilupp ulterjuri tar-Riċerka u l-Iżvilupp tas-sensuri tal-Q-MRI u l-integrazzjoni tagħhom fl-infrastrutturi tar-riċerka tas-saħħa pubblika, ħalli twitti t-triq għall-industrijalizzazzjoni ulterjuri tagħhom.
Minbarra dan ta’ hawn fuq, l-UE se tkompli tappoġġa r-riċerka f’sensittività akbar u kuntrasti ġodda tal-immaġinijiet li se jipprovdu kapaċitajiet dijanjostiċi ġodda, pereżempju fin-newroloġija (eż. disturbi fi stadju bikri tal-konnettività tal-moħħ minħabba l-Alzheimer) jew fl-onkoloġija (eż., id-detezzjoni tal-kanċer b’immaġnijiet metaboliċi).
Biex tkompli tavvanza l-pożizzjonament u l-ippjanar strateġiku tagħha fit-teknoloġiji tar-rilevament kwantistiku u fl-infrastrutturi tal-metroloġija u tal-ittestjar, l-UE se tiżviluppa Pjan Direzzjonali Ewropew ikkoordinat dwar ir-Rilevament Kwantistiku, il-Kejl u l-Ittestjar u se tappoġġa l-isforzi tal-istandardizzazzjoni rilevanti b’kollaborazzjoni ma’ istituti tal-metroloġija u l-Istati Membri. Għan ewlieni se jkun ukoll li tkun żgurata l-awtonomija strateġika Ewropea bi ktajjen tal-provvista siguri u konformi għal komponenti u sistemi kritiċi tar-rilevament.
|
·Tiġi varata sistema distribwita ta’ gravimetri madwar l-Ewropa [2026 ’il quddiem] ·Jiġi ppubblikat Pjan Direzzjonali dwar ir-Rilevament Kwantistiku [2026] ·Tiġi stabbilita Infrastruttura Pilota Ewropea tal-Q-MRI u tiġi estiża madwar l-Ewropa [2025 ’il quddiem] |
2.3Il-Qasam 3: L-Ekosistema Kwantistika tal-UE
Ekosistema kwantistika vibranti, interkonnessa u soda hija kritika għall-kapaċità fit-tul tal-Ewropa li tiżviluppa u tvara teknoloġiji kwantistiċi fuq skala kbira. Illum, l-ekosistema kwantistika Ewropea tinkludi negozji ġodda u negozji li qed jespandu, investituri tat-teknoloġija profonda, organizzazzjonijiet tar-riċerka u tal-innovazzjoni, raggruppamenti tal-kompetenza nazzjonali, u ktajjen tal-provvista industrijali li b’kollox jammontaw għal madwar 70. Iżda din l-ekosistema għadha fraġli ħafna. Hi ddominata minn negozji ġodda u negozji li qed jespandu żgħar li qed isibu xkiel sinifikanti biex jikbru: flussi ta’ dħul instabbli, aċċess limitat għall-espansjoni tal-kapital, u domanda industrijali limitata fil-futur qrib. Barra minn hekk, l-UE m’għandhiex fornituri tal-hardware kwantistiku fuq skala kbira u utenti finali ankra li kapaċi jikkatalizzaw id-domanda u jħaffu l-adozzjoni industrijali. Din id-dgħufija strutturali tillimita l-investiment privat u anki l-ħolqien ta’ ktajjen tal-provvista kritiċi.
Mingħajr intervent ikkoordinat u perkorsi aċċessibbli għal opportunitajiet reali tas-suq, ħafna minn dawn in-negozji ġodda jissograw li jisfaxxaw jew jirrilokaw lejn ekosistemi aktar ta’ appoġġ barra mill-Ewropa.
Biex tappoġġa din l-ekosistema, l-Ewropa trid tieħu passi deċiżivi biex trawwem l-industrijalizzazzjoni, tkabbar lill-atturi promettenti, tiżgura ktajjen tal-provvista strateġiċi, tiżviluppa swieq ewlenin, tħares l-assi strateġiċi, u tħarreġ lill-ġenerazzjoni li jmiss ta’ professjonisti kwantistiċi.
2.3.1 Mil-laboratorju għall-fabbrikazzjoni u għall-industrijalizzazzjoni
Is-suq dinji tat-teknoloġiji kwantistiċi għadu qed jiżviluppa. Mill-EUR 2-3 biljun tal-lum, qed jitbassar li dan jilħaq il-EUR 155 biljun sal-2040 55 . Dan it-tkabbir prospettiv jimplika l-ħtieġa ta’ strateġija tal-industrijalizzazzjoni kkoordinata u unifikata tal-UE li tippermetti lill-kumpaniji Ewropej jaħtfu l-vantaġġi ta’ din l-opportunità futura.
Iċ-ċipep kwantistiċi huma l-faċilitatur sottostanti ewlieni tal-industrijalizzazzjoni kwantistika u tal-iżvilupp tas-suq. Illum, iżda, l-evoluzzjoni tagħhom tinsab fi stadju komparabbli ma’ dak tas-semikondutturi kif kien xi 30-40 sena ilu, b’ħafna mill-apparati kwantistiċi attwali jkunu prinċipalment disinji proprjetarji u, fil-biċċa l-kbira, magħmulin bl-idejn.
L-Ewropa trid timxi malajr lejn l-ewwel manifattura taċ-ċipep kwantistiċi fuq skala kbira u bi kost baxx, filwaqt li kemm jista’ jkun tuża proċessi kompatibbli ma’ dawk tal-mikroelettronika u tal-fotonika jew tiżviluppa proċessi ġodda fejn meħtieġ. Dan l-approċċ jippermetti li tiġi sfruttata l-infrastruttura eżistenti tas-semikondutturi, li jitnaqqsu l-kostijiet u li jitħaffef iż-żmien għall-introduzzjoni fis-suq taċ-ċipep u l-apparati kwantistiċi.
F’din id-direzzjoni, l-UE dalwaqt se tniedi l-ewwel sitt linji pilota kwantistiċi tagħha permezz tal-Impriża Konġunta taċ-Ċipep f’konformità mal-Att dwar iċ-Ċipep 56 . B’finanzjament konġunt tal-UE u tal-Istati Membri ta’ EUR 40-50 miljun għal kull linja pilota, dawn se jappoġġaw il-prototipar bikri, il-validazzjoni tad-disinn, u l-iżvilupp tal-proċess, filwaqt li jinkoraġġixxu każijiet tal-użu prattiċi billi jaħdmu mill-qrib mal-industrija. Dawn is-sitt linji pilota se jespandu l-bażi stabbilita mil-linji pilota esperimentali tal-Quantum Flagship 57 f’linji pilota industrijali.
Fit-tlieta sal-ħames snin li ġejjin, dawn l-isforzi se jippermettu lill-Ewropa timmatura aktar u tikkonsolida t-teknoloġiji u l-proċessi kwantistiċi u abilitanti oħrajn, qabel ma tibni l-ewwel fonderiji kwantistiċi, lejn l-2030. Biex tappoġġa l-ippjanar sħiħ tal-industrijalizzazzjoni u l-implimentazzjoni tiegħu, u bi qbil mal-Boxxla għall-Kompetittività tal-UE, il-Kummissjoni se toħroġ Pjan Direzzjonali għall-Industrijalizzazzjoni taċ-Ċipep Kwantistiċi fuq skala sħiħa fl-2026.
Peress li l-faċilitajiet tad-disinn u l-libreriji huma fundamentali għal kwalunkwe ekosistema taċ-ċipep kwantistiċi, l-UE se tniedi faċilità tad-disinn tat-teknoloġija kwantistika permezz tal-Impriża Konġunta taċ-Ċipep. Il-faċilità se taħdem flimkien mal-pjattaforma tad-disinn ibbażata fuq il-cloud tal-industrija tas-semikondutturi u se tkun konnessa mal-linji pilota kwantistiċi.
Se jkunu meħtieġa wkoll interoperabbiltà teknika u standards ġodda biex tiġi ffaċilitata l-industrijalizzazzjoni kwantistika. Għalhekk, fl-2026, l-UE se tippubblika Pjan Direzzjonali Ewropew għall-Istandards Kwantistiċi u, flimkien mal-Istati Membri, se tappoġġa l-parteċipazzjoni attiva tal-partijiet ikkonċernati tal-industrija fil-korpi Ewropej u internazzjonali tal-istandardizzazzjoni.
2.3.2 Insaħħu u nkabbru l-ekosistema kwantistika Ewropea emerġenti
Biex l-ekosistema kwantistika Ewropea tikber tassew, se jiġu stabbiliti l-miżuri li ġejjin.
L-ewwel nett, jiġi stabbilit network ċentralizzat u mifrux mal-Ewropa kollha ta’ ambjenti b’aċċess miftuħ għall-ittestjar tal-kwantum. It-teknoloġiji kwantistiċi jiddependu fuq sistemi sensittivi ħafna u fuq il-laboratorji 58 u dawn huma teknikament kumplessi u għandhom kostijiet għaljin. Għalhekk, għal ħafna mill-atturi, speċjalment għall-SMEs u n-negozji ġodda, ma jkunx prattiku li jibnu jew iżommu dawk il-faċilitajiet b’mod indipendenti. Biex jitwessa’ l-aċċess għall-faċilitajiet tal-ittestjar, għat-tagħmir iddedikat, u għall-possibbiltajiet ta’ esperimentazzjoni, il-faċilitajiet pilota eżistenti tal-Quantum Flagship qed jiġu trasformati f’network ċentralizzat u mifrux mal-Ewropa kollha ta’ ambjenti b’aċċess miftuħ għall-ittestjar tal-kwantum. Dawn il-faċilitajiet se jipprovdu lill-iżviluppaturi, lin-negozji ġodda, lill-SMEs u lir-riċerkaturi b’servizzi u aċċess għal ittestjar, validazzjoni u valutazzjoni komparattiva tal-apparati kwantistiċi tagħhom 59 . B’hekk se titħaffef it-tranżizzjoni mill-prototipi għas-suq, u dan jappoġġa l-isforzi taċ-ċertifikazzjoni, li tant huma essenzjali biex jinbnew ktajjen tal-provvista affidabbli u għall-fiduċja tal-klijenti fis-setturi.
It-tieni, jitwessgħu r-Raggruppamenti tal-Kompetenza Kwantistika (QCCs). Dawn ir-raggruppamenti diġà huma inkorporati fl-ekosistemi tal-innovazzjoni nazzjonali u reġjonali f’diversi Stati Membri. Huma ċentri reġjonali li jipprovdu infrastruttura u servizzi kondiviżi, filwaqt li jlaqqgħu lil atturi mir-riċerka u mill-industrija. L-Inizjattiva tar-Riċerka u l-Innovazzjoni Kwantistika tal-UE se tappoġġa l-espansjoni u n-networking ta’ dawn ir-raggruppamenti biex ikunu jkopru lill-UE kollha, anki fl-Istati Membri li għad m’għandhomx raggruppamenti bħal dawn. Ir-Raggruppamenti tal-Kompetenza Kwantistika se jaġixxu bħala ċentri distribwiti tal-għarfien espert, li jkunu n-nisġa konnettiva tal-ekosistema kwantistika – jgħaqqdu n-negozji ġodda, ir-riċerkaturi, u s-sħab industrijali ma’ infrastrutturi, linji pilota, u faċilitajiet tad-disinn madwar l-Unjoni. Se jrawmu kollaborazzjoni 60 u koerenza fost l-oqsma strateġiċi kwantistiċi kollha – mir-riċerka sal-industrijalizzazzjoni, kif ukoll l-iżvilupp tal-ħiliet. Bħaċ-Ċentri Ewropej tal-Innovazzjoni Diġitali (EDIHs), ir-Raggruppamenti tal-Kompetenza Kwantistika se joffru servizzi mfassla skont il-preġji reġjonali iżda bħala parti minn kooperazzjoni pan-Ewropea u b’mod li jagħtuha spinta.
It-tielet, jiġu promossi mekkaniżmi ta’ protezzjoni tal-proprjetà intellettwali biex il-kumpaniji kwantistiċi jkunu jistgħu jużawhom ħalli jiżguraw kontroll strateġiku fuq l-innovazzjonijiet ewlenin u jevitaw il-ħruġ ta’ assi kritiċi.
Ir-raba’, titħaffef l-adozzjoni industrijali tat-teknoloġiji kwantistiċi. L-UE se timplimenta approċċ ikkoordinat biex trawwem utenti ewlenin fis-settur pubbliku u anki fis-settur privat. F’dan ir-rigward, l-akkwist pubbliku se jkun għodda ewlenija li tixpruna l-adozzjoni bikrija u jinfetħu l-ewwel opportunitajiet tas-suq. L-Impriża Konġunta EuroHPC diġà qed tappoġġa x-xiri tal-ewwel kompjuters kwantistiċi bl-akkwist pubbliku. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tappoġġa skemi tal-akkwist orjentati lejn l-innovazzjoni biex l-isptarijiet, l-operaturi tal-infrastruttura, s-servizzi pubbliċi kritiċi, u l-aġenziji tal-gvern ikunu jistgħu jaġixxu bħala klijenti meta jitniedu s-soluzzjonijiet iffaċilitati bil-kwantum. Dan se jiġi appoġġat b’inċentivi finanzjarji mfassla apposta u oqfsa tal-varar għall-korpi pubbliċi li se jkunu lesti li jaġixxu bħala l-ewwel atturi. Billi l-Istati Membri qed jiġu ppożizzjonati bħala l-ewwel xerrejja istituzzjonali tat-teknoloġiji kwantistiċi Ewropej, qed jintbagħat sinjal ċar lis-swieq u lill-investituri, u dan jgħin fl-iżvilupp tal-ekosistema u l-vijabbiltà kummerċjali.
Il-ħames, in-negozji ġodda kwantistiċi jiġu kollegati ma’ korporazzjonijiet Ewropej. Dan se jkun essenzjali għall-espansjoni tas-suq tan-negozji ġodda. Il-Kummissjoni, b’kooperazzjoni mal-ekosistema kwantistika 61 , se tniedi sfidi speċifiċi għas-settur, b’mod partikolari fis-setturi ajruspazjali, tal-karozzi, tal-enerġija, tal-manifattura, tal-loġistika u farmaċewtiku, biex tħeġġeġ lil atturi industrijali kbar isiru sħab strateġiċi għal kożvilupp u utenti ewlenin.
Fl-aħħar nett, ekosistema kwantistika li qed tikber tkun teħtieġ influss tat-talent rilevanti. Dan qed jiġi żviluppat f’aktar dettall fit-Taqsima 2.5 hawn taħt.
2.3.3 Ninvestu fin-negozji ġodda u n-negozji li qed jespandu tal-kwantum
Filwaqt li l-finanzjament qabel l-inizjament u fl-istadju inizjali hu disponibbli b’mod wiesa’ mingħand sorsi pubbliċi, l-Ewropa tattira biss 5% tal-finanzjament kwantistiku privat dinji, meta mqabbel ma’ aktar minn 50% attirat mill-Istati Uniti. Din id-diskrepanza fil-finanzjament hija partikolarment evidenti fi stadji aktar tard tal-iżvilupp 62 , u tippreżenta r-riskju li l-istartups tal-UE jistgħu jinkisbu minn investituri mhux Ewropej, b’telf potenzjali fil-propjetajiet intellettwali, fit-teknoloġiji kritiċi, fis-sovranità teknoloġika u fit-talent.
Għalhekk se jitħeġġu l-fondi tal-investiment, inkluż fondi privati appoġġati pubblikament, biex jattiraw investimenti kapitali sostanzjali għall-iżvilupp tat-teknoloġiji kwantistiċi. Dawn jinkludu appoġġ mill-Fond tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni (EIC) 63 , l-Inizjattiva taċ-Champions Ewropej tat-Teknoloġija 64 tal-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), jew permezz ta’ garanziji tal-ewwel telf u skemi tal-koinvestiment imfassla apposta permezz ta’ InvestEU.
L-Istrateġija tal-UE għall-kumpaniji Start-up u Scale-up adottata f’Mejju 2025 65 ħabbret l-istabbiliment tal-Fond Ewropew għall-Iscaleups bħala parti mill-fond tal-EIC, biex jiġu mobilizzati fondi privati sinifikanti u jsiru investimenti diretti tal-ekwità f’setturi strateġiċi bħat-teknoloġija kwantistika. L-Istrateġija tal-UE għall-kumpaniji Start-up u Scale-up toffri wkoll soluzzjonijiet apposta maħsuba biex jiffaċilitaw l-aċċess għall-finanzi, l-akkwist pubbliku, is-swieq, is-servizzi u t-talenti għan-negozji innovattivi ġodda u li qed jespandu.
Barra minn hekk, kif propost fir-rieżami ta’ nofs it-terminu (MTR) tal-Politika ta’ Koeżjoni 66 , l-awtoritajiet maniġerjali jistgħu jużaw l-opportunità, appoġġata bl-inċentivi u flessibbiltajiet, biex fost prijoritajiet oħrajn jallokaw mill-ġdid il-fondi lejn investimenti bl-objettivi tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP). Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri u lir-reġjuni, meta jwettqu riprogrammazzjoni fl-ambitu tal-MTR, biex jiffukaw fuq il-kumpaniji innovattivi u rivoluzzjonarji, u jgħinu lill-kumpaniji li qed jikkontribwixxu għas-setturi strateġiċi u l-ktajjen tal-valur tal-Ewropa, bħat-teknoloġiji kwantistiċi.
Fl-aħħar nett, fil-kuntest tal-Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti 67 , il-Kummissjoni se tressaq miżuri li se jindirizzaw il-frammentazzjoni fis-suq uniku tas-servizzi finanzjarji u se jneħħu l-ostakli għal investimenti transfruntieri bla skossi fl-UE, inkluż fil-kapital tar-riskju tant strumentali għall-iżvilupp tat-teknoloġiji kwantistiċi. Fost affarijiet oħrajn, l-UE se tistimula l-investimenti fl-ekwità minn investituri istituzzjonali; tissimplifika r-regoli dwar il-kwotazzjoni fl-implimentazzjoni tal-Att dwar il-Kwotazzjoni; tressaq miżuri biex tappoġġa t-tluq ta’ investituri f’kumpaniji privati; tesplora inizjattivi potenzjali mal-BEI li jkollhom l-għan li jattiraw l-investiment privat fil-kapital tar-riskju u tat-tkabbir u jegħlbu l-ostakli għall-proċeduri tat-tassazzjoni nazzjonali 68 .
2.3.4 Insaħħu s-Sigurtà tal-katina tal-provvista
Ekosistema kwantistika vibranti appoġġata minn ktajjen tal-provvista reżiljenti hija essenzjali biex tissaħħaħ is-sigurtà ekonomika tal-Ewropa. Filwaqt li l-ftuħ fit-tul tal-UE għall-kummerċ, għall-investiment u għar-riċerka kien u se jibqa’ importanti ferm biex tinħoloq l-ekosistema kwantistika tal-Ewropa, dan iġib miegħu wkoll ċerti sfidi. Minn naħa, il-kumpaniji u r-riċerkaturi kwantistiċi Ewropej jiddependu fuq fluss kontinwu tal-provvista mingħand sorsi fdati u jibbenefikaw ħafna minnu. Min-naħa l-oħra, dawn il-ktajjen tal-provvista jistgħu jkunu fir-riskju li jintużaw bħala arma. Għalhekk, hu essenzjali li jiġu identifikati u indirizzati l-vulnerabbiltajiet kritiċi fil-katina tal-provvista kwantistika Ewropea ħalli jittaffew ir-riskji li ġġib magħha d-dipendenza eċċessiva tal-UE fuq sorsi minn barra l-Ewropa. Għalhekk, l-immeppjar tar-riskji u l-monitoraġġ mill-qrib tal-evoluzzjoni tal-ekosistema kwantistika emerġenti huma parti essenzjali mill-approċċ Ewropew li jsawwar xenarju kwantistiku Ewropew tat-teknoloġija profonda b’saħħtu, sigur u kompetittiv.
Bħala parti mill-Istrateġija Ewropea tas-Sigurtà Ekonomika 69 u mill-Osservatorju tat-Teknoloġiji Kritiċi 70 , u b’kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati u mal-Istati Membri, il-Kummissjoni qed twettaq Valutazzjoni tar-Riskju tat-Teknoloġija Kwantistika fl-UE kollha biex timmeppja l-vulnerabbiltajiet tal-katina tal-provvista, filwaqt li tqis b’mod partikolari l-materjali, il-komponenti, u t-teknoloġiji ewlenin. Dawn il-valutazzjonijiet għandhom l-għan li jidentifikaw dipendenzi strateġiċi, restrizzjonijiet potenzjali, u vulnerabbiltajiet sistemiċi fil-katina tal-provvista tat-teknoloġija kwantistika, li jvarjaw minn materjali rari sa komponenti ta’ preċiżjoni, elettronika tal-kontroll, u stacks tas-software. Is-sejbiet se jinfurmaw il-miżuri tal-mitigazzjoni mmirati, inkluż id-diversifikazzjoni tal-fornituri, il-kapaċità ta’ produzzjoni Ewropea msaħħa, is-sħubijiet ma’ pajjiżi fornituri permezz tal-Global Gateway, u l-mekkaniżmi tal-kondiviżjoni tar-riskju. L-ewwel riżultati huma mistennija fl-2026. Barra minn hekk, ir-rwol li t-teknoloġiji kwantistiċi jaqdu biex ikunu żgurati s-sigurtà u l-ordni pubbliku tal-UE hu rifless fid-diskussjonijiet ta’ inizjattivi attwali u futuri b’rabta mal-investimenti ’il ġewwa u ’l barra kif ukoll fil-kuntest tal-kontrolli tal-esportazzjoni.
Filwaqt li jibni fuq is-sejbiet ta’ hawn fuq, l-Att Kwantistiku li jmiss se jkompli jappoġġa t-tisħiħ tal-ekosistema kwantistika u, b’mod aktar ġenerali, l-isforzi tal-industrijalizzazzjoni ta’ hawn fuq billi jinċentiva lill-Istati Membri u lill-kumpaniji, lill-investituri u lir-riċerkaturi biex jinvestu f’faċilitajiet tal-produzzjoni (pilota), filwaqt li jappoġġa lil dawn l-attivitajiet taħt il-kappa ta’ inizjattivi fuq skala kbira mal-UE kollha, jew sforzi nazzjonali, jew reġjonali.
|
·Jiġu stabbiliti sitt linji tal-produzzjoni pilota kwantistiċi ġodda permezz tal-Impriża Konġunta taċ-Ċipep biex it-teknoloġiji jiġu skalati mil-laboratorju għas-suq [2025] ·Jinħareġ Pjan Direzzjonali għall-Industrijalizzazzjoni taċ-Ċipep Kwantistiċi [2026] ·Tinfetaħ faċilità tad-disinn tat-teknoloġija kwantistika [2026] ·Jiġi ppubblikat Pjan Direzzjonali Ewropew għall-Istandards Kwantistiċi [2026] ·Jitwessa’ n-network tar-raggruppamenti tal-kompetenza kwantistika [2026] ·Isiru valutazzjonijiet mal-UE kollha tal-vulnerabbiltajiet tal-katina tal-provvista u jitlestew [2025-2026] |
2.4Il-Qasam 4: Teknoloġiji kwantistiċi tal-Ispazju u ta’ Użu Doppju (Sigurtà u Difiża)
It-teknoloġiji kwantistiċi għandhom il-potenzjal ta’ użu doppju. Għalhekk, huma essenzjali tissaħħaħ il-kompetittività tal-Ewropa daqskemm l-awtonomija strateġika tagħha fl-ispazju, fis-sigurtà u fid-difiża. L-avvanzi riċenti fit-teknoloġiji kwantistiċi jagħtu potenzjal ta’ benefiċċji kbar għad-difiża u s-sigurtà, inkluż komunikazzjonijiet ultrasiguri, rilevament aħjar fil-kamp tal-battalja, u loġistika ottimizzata. Iżda dawn jistgħu joħolqu wkoll riskji jekk l-avversarji jiksbu vantaġġ teknoloġiku. Biex jinħataf il-potenzjal kollu tagħhom filwaqt li jittaffew dawn ir-riskji, se jkunu essenzjali miżuri proattivi ta’ politika u ta’ sorveljanza kif ukoll koordinazzjoni mill-qrib ma’ sħab ewlenin bħall-Aġenzija Ewropea għad-Difiża.
Teknoloġiji kwantistiċi fl-ispazju
It-teknoloġiji kwantistiċi joffru opportunitajiet strateġikament sinifikanti għall-missjonijiet spazjali Ewropej. It-teknoloġiji tal-komunikazzjoni kwantistika sigura diġà huma inkorporati f’inizjattivi spazjali ewlenin tal-UE, fosthom il-EuroQCI/IRIS² u l-missjoni tal-Pathfinder tal-gravimetrija spazjali kwantistika. L-attivitajiet spazjali tal-UE jkopru wkoll l-avvanz tas-sistemi tan-navigazzjoni inerzjali kwantistika, inkluż prototipi bbażati fuq sensuri ottiċi kwantistiċi permezz tal-programm Galileo, għal pożizzjonament awtonomu f’ambjenti meta s-sistemi globali tan-navigazzjoni bis-satellita (GNSS) ikunu ġew diżattivati jew spoofed intenzjonalment. Dawn il-prototipi mistennija jiġu ttestjati abbord is-satelliti Galileo fis-snin li ġejjin biex jiġi evalwat il-potenzjal tagħhom għall-varar operattiv. Fl-istess waqt, qed jiġu vvalutati wkoll arloġġi kwantistiċi għal aġġornamenti futuri ta’ Galileo. Il-computing kwantistiku mistenni wkoll itejjeb l-inġinerija spazjali b’kapaċitajiet komputazzjonali avvanzati, inkluż biex il-bniedem jifhem aħjar l-univers. Għadd kbir ta’ applikazzjonijiet spazjali bbażati fuq it-teknoloġija kwantistika għandhom ukoll potenzjal qawwi li jintużaw għal skopijiet militari u ta’ intelligence.
Flimkien, dawn it-teknoloġiji kwantistiċi jagħtu potenzjal għal avvanzi sinifikanti mil-lat ta’ stabbiltà, preċiżjoni u reżiljenza taż-żmien, filwaqt li jsaħħu l-awtonomija strateġika tal-Ewropa fin-navigazzjoni satellitari. Biex tkompli tesplora l-potenzjal tat-teknoloġija kwantistika fl-ispazju, il-Kummissjoni se testendi l-qafas ta’ kooperazzjoni attwali mal-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA) ħalli tiżviluppa b’mod konġunt Pjan Direzzjonali għat-Teknoloġija Kwantistika fl-ispazju u tiżgura l-komplementarjetà u s-sinkronizzazzjoni tal-attivitajiet kwantistiċi relatati mal-ispazju.
Teknoloġiji kwantistiċi għas-sigurtà u d-difiża
Il-potenzjal ta’ użu doppju tat-teknoloġiji kwantistiċi jfisser li l-innovazzjonijiet rivoluzzjonarji tagħhom jistgħu jġibu wkoll benefiċċji sinifikanti għall-applikazzjonijiet strateġiċi tas-sigurtà u tad-difiża. Pereżempju, il-computing kwantistiku jista’ jittrasforma mill-qiegħ l-istrateġiji tad-difiża billi jippermetti teħid tad-deċiżjonijiet aktar malajr u jgħin biex jissolvew sfidi operattivi u loġistiċi kumplessi. Jista’ jgħin ukoll fit-tfassil ta’ materjali ġodda bi grad militari jew biex informazzjoni sensittiva titħares mit-theddid ċibernetiku.
Il-computing kwantistiku hu lest biex jittrasforma applikazzjonijiet ewlenin tas-sigurtà u tad-difiża bħal simulazzjonijiet ta’ flussi ta’ fluwidi b’temperatura estrema, dinamika tal-kombustjoni, jew fl-iskoperta ta’ materjali reżistenti għas-sħana. It-teknoloġiji tar-rilevament kwantistiku joffru kapaċitajiet kritiċi għad-difiża, inkluż gravimetrija, manjetometrija, u navigazzjoni inerzjali preċiżi ħafna. Dawn is-sensuri jippermettu d-detezzjoni ta’ strutturi taħt l-art, is-segwiment ta’ sottomarini, u d-detezzjoni avvanzata tat-theddid. Fl-istess ħin, il-komunikazzjonijiet kwantistiċi, b’mod partikolari d-distribuzzjoni kwantistika tal-kjavi, jiżguraw skambju ultrasigur tal-informazzjoni bejn in-networks terrestri u satellitari, filwaqt li jipproteġu d-data militari u tal-intelligence mill-ispjunaġġ jew mit-theddid ċibernetiku futur iffaċilitat bil-kwantum. Għalhekk, it-teknoloġiji tar-rilevament u tal-komunikazzjoni huma faċilitaturi ewlenin għall-awtonomija strateġika u għas-superjorità operattiva tal-Ewropa fil-kuntesti tad-difiża u tas-sigurtà.
L-atturi dinjin bħall-Istati Uniti 71 u ċ-Ċina qed jinvestu ħafna fl-applikazzjonijiet spazjali u militari tat-teknoloġija kwantistika, inkluż f’navigazzjoni indipendenti mis-Sistema Globali tan-Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS), komunikazzjonijiet siguri bis-satellita u terrestri, LiDAR tal-kwantum 72 u radars imtejba bil-kwantum. It-teknoloġiji kwantistiċi bdew jinfluwenzaw ukoll alleanzi usa’ u oqfsa kooperattivi 73 .
Fl-UE, diversi Stati Membri 74 diġà jinkludu investimenti fil-programmi tad-difiża tagħhom għall-iżvilupp ta’ teknoloġiji kwantistiċi lesti għad-difiża, bħal sensuri tal-atomi kesħin, sensuri tad-djamanti, jew kompjuters kwantistiċi, u qed jesploraw każijiet tal-użu, bħal kronometraġġ avvanzat, pożizzjonament mingħajr il-GNSS, u kartografija ta’ qiegħ il-baħar.
Biex issaħħaħ l-opportunitajiet tal-investiment fit-teknoloġiji kritiċi ta’ użu doppju u tad-difiża permezz tal-programmi tal-UE, il-Kummissjoni dan l-aħħar ippreżentat proposta 75 biex temenda l-kamp ta’ applikazzjoni tal-istrumenti eżistenti rilevanti. Il-Kummissjoni stabbiliet ukoll miżuri biex tisfrutta t-teknoloġiji b’potenzjal ta’ użu doppju, inkluż it-teknoloġija kwantistika, għad-difiża, pereżempju b’azzjonijiet permezz tal-Fond Ewropew għad-Difiża u l-Iskema tal-UE għall-Innovazzjoni fid-Difiża (EUDIS) tiegħu.
Il-premessa sottostanti ta’ dawn l-attivitajiet kollha hija li l-Ewropa tiżgura li l-iżviluppi kwantistiċi jibqgħu aċċessibbli, siguri u ħielsa mir-regolamenti tal-esportazzjoni ta’ pajjiżi terzi, filwaqt li tallinjahom mal-għanijiet Ewropej tad-difiża u tas-sigurtà.
L-UE u n-NATO jirrikonoxxu wkoll it-teknoloġiji kwantistiċi bħala faċilitaturi kritiċi waqt missjoni għal intelligence, sorveljanza, navigazzjoni u infrastruttura sigura. Fl-2024, in-NATO nediet il-Komunità Kwantistika Trans-Atlantika b’ambizzjoni li ssir “alleanza lesta għat-teknoloġija kwantistika”. Il-Kummissjoni u n-NATO jimpenjaw ruħhom fit-teknoloġiji kwantistiċi bħala parti mid-Djalogu Strutturat bejn l-UE u n-NATO dwar it-Teknoloġiji Emerġenti u Rivoluzzjonarji (EDTs).
L-istrateġija Ewropea tas-Sigurtà Interna ProtectEU, kif ukoll il-Fond Ewropew għad-Difiża, jidentifikaw it-teknoloġiji kwantistiċi bħala qasam ewlieni biex ikunu żgurati s-sigurtà fit-tul u l-vantaġġ teknoloġiku tal-UE. It-teknoloġiji kwantistiċi jissemmew ukoll fil-White Paper għad-Difiża Ewropea – Prontezza 2030 bħala l-apparati li kapaċi jfixklu u jittrasformaw l-approċċi tradizzjonali tal-gwerra. Il-White Paper tħabbar li l-Kummissjoni se tikkontribwixxi avvanzi, inizjattivi u programmi kwantistiċi rilevanti għall-Pjan Direzzjonali Teknoloġiku Ewropew tal-Armamenti. Dan se jħaffef it-trasformazzjoni tad-difiża, u jingrana l-investiment f’kapaċitajiet teknoloġiċi avvanzati ta’ użu doppju fil-livell tal-UE, nazzjonali u privat.
Biex tmexxi dawn l-isforzi, il-Kummissjoni se tiżviluppa Pjan Direzzjonali apposta għat-Teknoloġija tar-Rilevament Kwantistiku tal-Ispazju u d-Difiża sal-2026, li jallinja l-prijoritajiet fost il-komunitajiet ċivili, tas-sigurtà u tad-difiża. Dan se jgħin fil-koordinazzjoni tal-investimenti fis-sensuri kwantistiċi tal-ġenerazzjoni li jmiss, inkluż għal gravimetrija, navigazzjoni u detezzjoni avvanzata tat-theddid.
Fl-istess waqt, mill-2026, l-UE se tniedi inizjattivi spin-in biex tħaffef l-adozzjoni tal-innovazzjonijiet ċivili tat-teknoloġija kwantistika fl-applikazzjonijiet tas-sigurtà u tad-difiża. Dawn l-inizjattivi se jlaqqgħu lil kumpaniji mill-aktar avvanzati u gruppi tar-riċerka ma’ atturi tad-difiża, se jgħinu biex jitqassru ċ-ċikli tal-iżvilupp u se jsaħħu l-vantaġġ teknoloġiku tal-Ewropa fil-kapaċitajiet b’potenzjal ta’ użu doppju.
|
·Jiġi ffirmat ftehim ta’ kooperazzjoni mal-ESA biex jiġi żviluppat Pjan Direzzjonali għat-Teknoloġija Kwantistika fl-ispazju [Q2 2025] ·Jiġi żviluppat pjan direzzjonali għat-teknoloġija tar-rilevament kwantistiku tal-ispazju u d-difiża [2026] ·Jingħata kontribut għall-Pjan Direzzjonali Teknoloġiku Ewropew tal-Armamenti [Q4 2025] ·Jitnedew inizjattivi spin-in biex il-kumpaniji ċivili u l-akkademja jiddaħħlu fl-applikazzjonijiet tad-difiża [mill-2026 ’il quddiem] |
2.5Il-Qasam 5: Ħiliet fit-Teknoloġija Kwantistika
L-Ewropa żviluppat bażi b’saħħitha ta’ talent akkademiku fit-teknoloġija kwantistika. L-Unjoni Ewropea għandha l-aktar ammont ta’ gradwati f’oqsma rilevanti għat-teknoloġija kwantistika fid-dinja meta mqabbla mal-popolazzjoni tagħha, b’aktar minn 110,000 gradwat 76 kull sena fil-fiżika, fl-ICT, fl-inġinerija u f’dixxiplini relatati. Skont l-Aġenda Strateġika għar-Riċerka u l-Industrija 2030 tal-Quantum Flagship 77 , l-Ewropa għandha aktar minn 40 programm tal-Masters speċjalizzat fit-teknoloġiji kwantistiċi u fl-inġinerija kwantistika. Iżda dan għadu mhux biżżejjed biex tintlaħaq id-domanda prevista min-negozji ġodda u l-industrija tal-UE, li jiffaċċjaw skarsezzi kbar ta’ professjonisti bil-ħiliet applikati rilevanti. L-iskarsezzi huma l-aktar kritiċi fl-oqsma applikati 78 , inkluż fl-inġinerija tas-software kwantistiku, fl-integrazzjoni tas-sistemi, u fiċ-ċibersigurtà kwantistika, u dawn inaqqsu r-ritmu tal-kummerċjalizzazzjoni għan-negozji ġodda u n-negozji li qed jespandu li huma bbażati fl-UE.
Skont l-Unjoni tal-Ħiliet 79 , il-Kummissjoni qed tieħu diversi inizjattivi biex tindirizza l-iskarsezzi tal-ħiliet, inkluż dawk relatati mat-teknoloġija kwantistika. Fl-2026, il-Kummissjoni se tistabbilixxi Akkademja Ewropea tal-Ħiliet fit-Teknoloġija Kwantistika fil-livell virtwali biex tkun punt ta’ kuntatt uniku u ċentrali, li tipprovdi viżibbiltà fit-taħriġ disponibbli fit-teknoloġija kwantistika u opportunitajiet għal applikazzjoni prattika fil-livelli kollha tal-edukazzjoni. Skont din l-inizjattiva, il-Kummissjoni se trawwem kollaborazzjoni mal-akkademja, mal-istituzzjonijiet tat-taħriġ, mal-komunità tar-riċerka, u mas-sħab tal-industrija biex tfassal u twassal programmi edukattivi u moduli tat-taħriġ awtonomi b’approċċ interdixxiplinari. Il-programmi se jinkludu kurrikuli komuni fil-livell 7 tal-ISCED (livell tal-Masters jew ekwivalenti) jew fil-livell 8 (livell tad-dottorat jew ekwivalenti) li jwasslu għal lawrja, li jużaw is-Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment tal-Krediti (ECTS). Dawn il-programmi se jiġu promossi f’fieri ta’ studju virtwali u fi skemi ta’ boroż ta’ studju.
Barra minn hekk, biex trawwem ħiliet orjentati lejn il-futur, il-Kummissjoni se tiffaċilita l-iżvilupp ta’ programmi ta’ studju Ewropej konġunti u innovattivi, inkluż f’setturi strateġiċi u f’oqsma teknoloġiċi ewlenin bħat-teknoloġija kwantistika, potenzjalment b’lawrja/tikketta Ewropea bbażata fuq kriterji maqbula b’mod komuni.
L-Akkademja se tappoġġa wkoll, bi qbil mal-objettiv li tattira u żżomm it-talent dinji tal-Unjoni tal-Ħiliet, skemi ta’ boroż ta’ studju tat-teknoloġija kwantistika li se jippermettu lill-kandidati tal-PhD tal-UE u mhux tal-UE b’livell għoli ta’ ħiliet kif ukoll lill-professjonisti żgħażagħ li jgħixu barra mill-UE biex jaħdmu fl-UE.
Biex iżżid u xxerred l-attivitajiet tagħha, l-Akkademja se tiżviluppa komunikazzjonijiet u prattiki ta’ tixrid tal-għarfien. Dawn se jinkludu, fost affarijiet oħra, paġna web ewlenija ddedikata li taġixxi bħala Portal tat-Talent fit-Teknoloġija Kwantistika, integrat fil-Pjattaforma għall-Ħiliet u l-Impjiegi Diġitali, moduli “Għallem lill-Għalliem” għall-għalliema tal-edukazzjoni universitarja u sekondarja biex jinkiseb il-litteriżmu kwantistiku fl-edukazzjoni bikrija, u għall-kondiviżjoni tal-aqwa prattiki lejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi eliġibbli.
Il-komunikazzjoni mill-Akkademja virtwali se jkollha l-għan li żżid l-għarfien tal-pubbliku, u ttejjeb il-fehim, il-fiduċja, u l-impenn politiku infurmat tas-soċjetà fil-qasam tat-teknoloġiji kwantistiċi. B’mod importanti, l-attivitajiet tagħha tal-komunikazzjoni u tat-tixrid tal-għarfien fost il-pubbliku se jikkontribwixxu wkoll biex tiżdied id-diversità u tonqos id-disparità sinifikanti bejn il-ġeneri li għad hemm fil-forza tax-xogħol kwantistika tal-Ewropa 80 .
Filwaqt li l-Akkademja virtwali timmarka l-ewwel pass importanti, il-viżjoni fit-tul hi li jiġu stabbiliti diversi akkademji konnessi f’network b’firxa ġeografika mal-UE kollha, li jkunu marbutin mar-Raggruppamenti tal-Kompetenza Kwantistika u maċ-Ċentri tal-Kompetenza tas-Semikondutturi biex toktor l-effettività tagħhom.
Barra minn hekk, skont il-Programm Ewropa Diġitali 81 , il-Kummissjoni se tappoġġa proġett pilota għal Programm ta’ Apprendistati fil-Kwantum biex tħejji għadd ta’ speċjalisti fil-kwantum imħarrġin fuq proġetti tad-dinja reali u li jkunu lesti biex (jerġgħu) jidħlu fis-suq tax-xogħol tal-UE, u se tintroduċi skemi ta’ “ritorn” għall-professjonisti. Barra minn hekk, biex jinħolqu aktar ċrieki virtużi bejn l-akkademja u l-industrija, mill-2026 il-Kummissjoni se tiżviluppa Kompetizzjonijiet Ewropej għall-Ħiliet Diġitali Avvanzati, li se jinvolvu liż-żgħażagħ fil-kokreazzjoni ta’ soluzzjonijiet xprunati mit-teknoloġija kwantistika għal sfidi soċjetali u industrijali ewlenin u jrawmu l-ħsieb kreattiv u innovattiv.
Peress li t-teknoloġija tiżviluppa malajr, hekk ukoll jiżviluppaw u jinbidlu d-domandi tal-ħiliet fil-profili professjonali relatati mat-teknoloġija kwantistika; u għalhekk hu essenzjali wkoll li jsir monitoraġġ kontinwu tal-ħtiġijiet tal-fornituri tal-edukazzjoni u tat-taħriġ u tal-industrija u anki tad-domandi tal-forza tax-xogħol. Skont l-Unjoni tal-Ħiliet, l-Osservatorju Ewropew tal-Informazzjoni dwar il-Ħiliet se jimmonitorja l-iżviluppi fil-ħin tal-ħtiġijiet tal-ħiliet f’setturi strateġiċi fl-Ewropa.
Fl-2025, il-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni se jniedi wkoll Programm Pilota għar-Riċerkaturi in Situ fin-Negozji Ġodda tat-Teknoloġija Kwantistika. Din l-azzjoni se tiffaċilita kollokamenti mmirati ta’ riċerkaturi skont il-ħtiġijiet speċifiċi ta’ kumpaniji b’rata għolja ta’ tkabbir, iffaċilitati minn pjattaforma apposta biex tlaqqa’ lir-riċerkaturi u n-negozji ġodda u li qed jespandu innovattivi.
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni se tniedi Programm Ewropew tal-Mobbiltà tat-Talenti fit-Teknoloġija Kwantistika biex tagħti spinta lill-mobbiltà tal-forza tax-xogħol internazzjonali u l-iżvilupp tal-ħiliet bejn l-UE, l-Istati Membri u l-pajjiżi sħab, inkluż skemi ta’ boroż ta’ studju għal PhDs mhux tal-UE u għal professjonisti fil-bidu tal-karriera tagħhom fil-kwantum, filwaqt li żżomm u tappoġġa l-forza tax-xogħol eżistenti biex tevita eżodu tal-imħuħ. Biex tattira, tiżviluppa u żżomm lir-riċerkaturi internazzjonali eċċellenti tat-teknoloġija kwantistika, il-Kummissjoni se tkun qed tmexxi wkoll l-iskema ta’ azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie “MSCA Choose Europe”, li fost affarijiet oħrajn se tkun qed tinkludi anki lir-riċerkaturi tat-teknoloġija kwantistika.
|
·Titwaqqaf l-Akkademja Ewropea tal-Ħiliet fit-Teknoloġija Kwantistika [2026] ·Jitnedew Kompetizzjonijiet Ewropej għall-Ħiliet Diġitali Avvanzati fit-teknoloġija kwantistika [mill-2026 ’il quddiem] ·Jitnieda Programm Pilota għar-Riċerkaturi in Situ fin-Negozji Ġodda tat-Teknoloġija Kwantistika [2025] ·Jitnieda l-Programm Ewropew tal-Mobbiltà tat-Talenti fit-Teknoloġija Kwantistika [2026, ’il quddiem] |
3Qafas Strateġiku ta’ Implimentazzjoni għall-Istrateġija Kwantistika tal-UE
3.1Il-Komponenti Ewlenin tal-Implimentazzjoni tal-Istrateġija Kwantistika tal-UE
Il-qasam kwantistiku Ewropew juri karatteristiċi uniċi: it-teknoloġiji kwantistiċi għadhom fil-biċċa l-kbira emerġenti, b’ħafna mill-komponenti ewlenin tagħhom – hardware u software – għadhom fi stadju bikri tal-maturità. L-iżvilupp ulterjuri tagħhom b’perkors lineari tradizzjonali mix-xjenza fundamentali sas-suq jieħu minn għaxra sa 15-il sena. Biex jitħaffef il-proċess, se tiġi stabbilita din il-loġika ta’ implimentazzjoni mfassla apposta dwar iċ-ċiklu tal-ħajja tat-teknoloġija, li se tintegra b’mod strett ir-riċerka, l-innovazzjoni, l-infrastruttura, u l-ħolqien bikri tas-suq f’ċiklu kontinwu.
Approċċ taċ-ċiklu tal-ħajja hu partikolarment vitali fl-ekosistema Ewropea għax għad hemm ostakli kbar fix-xjenza u fl-inġinerija 82 fl-oqsma kollha tal-kwantum li jridu jiġu indirizzati u mibdula f’teknoloġiji tanġibbli. L-Ewropa trid mhux biss issolvi dawn il-problemi, iżda anki tagħmel tranżizzjoni malajr tas-soluzzjonijiet miksuba lejn l-applikazzjonijiet lesti għas-suq, qabel ma l-kompetituri dinjin jiksbu dominanza strateġika.
Biex jingħelbu l-ostakli xjentifiċi u tal-inġinerija, l-Inizjattiva tar-Riċerka u l-Innovazzjoni Kwantistika tal-UE (spjegata fit-Taqsima 2.1. hawn fuq) se tappoġġa:
·sforzi mmirati tax-xjenza u t-teknoloġija (X&T) li jiffukaw fuq is-soluzzjoni għall-isfidi ewlenin attwali tax-xjenza u t-teknoloġija li qed jillimitaw il-progress fid-dominji kollha tal-kwantum. Dawn se jiġu indirizzati l-aktar b’sejħiet minn fuq għal isfel fix-xjenza u t-teknoloġija li jkunu jikkomplementaw lis-sejħiet tas-soltu minn isfel għal fuq fix-xjenza u t-teknoloġija.
·attivitajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni li jkunu rivoluzzjonarji għas-suq u azzjonijiet maħsuba għall-maturazzjoni ta’ teknoloġiji kwantistiċi u abilitanti speċifiċi. Dan bil-għan li jonqos ir-riskju tal-innovazzjoni kwantistika u jitħaffef it-trasferiment tal-iskoperti ewlenin tar-riċerka lejn l-adozzjoni industrijali.
Barra minn hekk, biex jissaħħaħ dan ta’ hawn fuq, se jitħaddem dan l-approċċ:
Mekkaniżmu ta’ Grand Challenge
Il-Grand Challenges tal-Kwantum se jkunu strumenti strateġiċi biex jiġu indirizzati problemi definiti sew tal-kwantum b’impatt qawwi. Dawn il-Grand Challenges tfasslu biex ilaqqgħu flimkien lil xjenzati, utenti industrijali, manifatturi, integraturi, u atturi mit-teknoloġiji kwantistiċi u mit-teknoloġiji abilitanti, fi sforz ikkoordinat b’ambizzjoni u struttura simili għal inizjattivi tal-passat orjentati lejn il-missjonijiet.
Dawn se jiffukaw fuq negozji ġodda/li qed jespandu individwali biex jgħinuhom jimplimentaw il-pjan direzzjonali tat-teknoloġija rivoluzzjonarja tagħhom bi proċess tal-iżvilupp kompetittiv u kollaborattiv. Grand Challenge se tlaqqagħhom flimkien ma’ utenti industrijali u riċerkaturi ewlenin biex jiżviluppaw flimkien soluzzjonijiet kwantistiċi kritiċi u skalabbli. Il-parteċipazzjoni tal-utenti industrijali ewlenin hi essenzjali biex in-negozji ġodda jkunu jistgħu jissodisfaw ċerti rekwiżiti industrijali u jivvalidaw it-teknoloġiji tagħhom f’ambjenti industrijali. Meta xieraq, l-atturi tad-difiża, inkluż il-Ministeri tad-Difiża u kumpaniji tad-difiża, jistgħu jipparteċipaw bħala utenti finali fi Grand Challenges speċifiċi.
In-negozji ġodda/li qed jespandu magħżulin għall-Grand Challenge se jibbenefikaw minn sett ikkombinat ta’ strumenti (għotjiet, ekwità, self jew strumenti tal-finanzjament imħalltin oħrajn). Mill-bidu nett, se jiġu involuti atturi finanzjarji pubbliċi u privati biex jiżguraw allinjament ma’ għanijiet tal-investiment strateġiku u jimmassimizzaw l-impatt.
Bejn l-2025 u l-2027, il-Kummissjoni, flimkien mal-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Istati Membri, se tmexxi mill-inqas żewġ Grand Challenges bħal dawn. L-ewwel waħda se tiffoka fuq sistemi tal-computing kwantistiku tolleranti għall-ħsarat li kapaċi jsolvu problemi industrijali kumplessi; it-tieni waħda se timmira lejn sistemi ta’ Pożizzjonament, Navigazzjoni u Sinkronizzazzjoni (PNT) ibbażati fuq il-kwantum, għal ambjenti fejn is-sistemi dinjin tan-navigazzjoni bis-satellita ma jaħdmux. Soġġetti għall-finanzjament disponibbli, jaf ikun hemm aktar Grand Challenges, pereżempju għal immaġnijiet mediċi mtejba bil-kwantum (Q-MRI) li jgħinu għal dijanjostika bikrija tal-mard u mediċina personalizzata.
Approċċ taċ-ċiklu tal-ħajja tat-teknoloġija
L-isforzi kollha ta’ hawn fuq se jkunu sostnuti b’approċċ taċ-ċiklu tal-ħajja tat-teknoloġija, li jintegra l-ħames oqsma strateġiċi tal-Istrateġija Kwantistika tal-UE fi proċess tal-iżvilupp ikkoordinat u iterattiv li jippermetti iterazzjoni kontinwa bejn l-iskoperta, l-iżvilupp, l-ittestjar u l-varar.
L-infrastrutturi pubbliċi u l-linji pilota tal-kwantum tal-Ewropa ppreżentati fit-Taqsima 2.2 hawn fuq huma ċentrali għal dan il-mudell. Dawn il-faċilitajiet iservu ta’ pont bejn ir-riċerka u l-industrijalizzazzjoni. Il-bini, iż-żamma u l-espansjoni tagħhom jifirxu l-pedamenti fiżiċi u organizzattivi essenzjali biex tkompli tissaħħaħ u titrawwem l-ekosistema kwantistika kollha. Jistgħu jgħinu biex ir-riċerka tissarraf f’applikazzjonijiet prattiċi billi jipprovdu l-ambjenti tal-ittestjar, il-faċilitajiet, u n-networks meħtieġa biex l-innovazzjonijiet rivoluzzjonarji tar-riċerka jiġu ttestjati, ivvalidati u skalati. Iservu wkoll ta’ post eċċellenti li jattira t-talent u jiżviluppa applikazzjonijiet prattiċi u każijiet tal-użu. Fl-aħħar nett, jgħinu lin-negozji ġodda u l-SMEs kwantistiċi jiksbu aċċess għall-aħħar pjattaformi tat-teknoloġija u faċilitajiet tal-laboratorji, fejn jistgħu jiżviluppaw aktar il-prototipi tagħhom u jħejjuhom għall-varar industrijali. In-network federat tar-raggruppamenti tal-kompetenza kwantistika se jkun ukoll katalizzatur ta’ dan l-approċċ taċ-ċiklu tal-ħajja virtuż, u se jgħaqqad flimkien lil organizzazzjonijiet tar-riċerka, negozji ġodda, negozji li qed jespandu, industrija kbira, u fornituri tal-infrastruttura, biex b’hekk jibni pontijiet bejn atturi xjentifiċi u atturi industrijali.
Biex ikun żgurat li ċ-ċiklu tal-ħajja jkun sod daqskemm validu għall-iskop tiegħu, se jiġu stabbiliti Indikaturi Ewlenin tal-Prestazzjoni (KPIs), segwiment tat-tappi, u valutazzjoni komparattiva mat-teknoloġiji eżistenti.
Fl-aħħar nett, dan il-mudell integrat jallinja l-istrateġiji tal-UE u tal-Istati Membri billi jiffoka l-investimenti fuq objettivi komuni u joħloq ċikli kontinwi u kkoordinati għar-rispons. Dan jevita d-duplikazzjoni, jibni massa kritika, u jsaħħaħ l-influwenza dinjija tal-Ewropa fit-tiswir tal-iżvilupp u fil-varar tat-teknoloġiji kwantistiċi.
4Kooperazzjoni Internazzjonali
F’kuntest ta’ inċertezza ġeopolitika dejjem akbar, u l-impatti diretti tagħha fuq ix-xenarju tal-investiment u l-kummerċ dinji, l-Ewropa jeħtiġilha tipproteġi l-interessi tagħha, filwaqt li tibqa’ miftuħa u tinteraġixxi b’mod proattiv ma’ sħab fdati. Dan il-kunċett hu rifless f’bosta politiki riċenti tal-UE, fosthom l-Istrateġija Diġitali Internazzjonali tagħha u l-Istrateġija tas-Sigurtà Ekonomika tagħha.
Fost is-sħab ta’ prijorità hemm il-pajjiżi tal-istess fehma, b’mod partikolari dawk li magħhom l-UE diġà qed tikkoordina fejn jidħlu materji ta’ politika dwar it-teknoloġija u l-kummerċ, pereżempju fil-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles, fil-Kunsilli tal-Kummerċ u t-Teknoloġija 83 jew fis-Sħubijiet Diġitali 84 . Il-Kummissjoni tipprevedi li din il-kooperazzjoni twessagħha b’inizjattivi li jkopru programmi konġunti tar-riċerka, sejħiet koordinati, skambju tal-għarfien espert, aċċess reċiproku għall-infrastrutturi, oqfsa tal-proprjetà intellettwali allinjati, u fit-tħejjija ta’ standards kwantistiċi dinjin. Se taħdem id f’id ukoll fejn jidħlu applikazzjonijiet kwantistiċi konkreti fil-politiki settorjali, pereżempju biex tiżviluppa materjali ġodda. F’dan il-kuntest, l-UE diġà bdiet timplimenta proġetti konġunti tar-riċerka u l-innovazzjoni fit-teknoloġiji kwantistiċi mal-Ġappun, mar-Repubblika tal-Korea u mal-Kanada.
L-UE se tinteraġixxi wkoll mal-ekosistemi kwantistiċi emerġenti li tant qed jikbru malajr u li jirrappreżentaw opportunitajiet ekonomiċi għall-kumpaniji tal-UE, joffru spinta kompetittiva lill-industrija kwantistika tal-UE fil-livell dinji, u jipprovdu mod kif il-kumpaniji kwantistiċi Ewropej jiddiversifikaw is-sħubijiet u jnaqqsu d-dipendenzi. Dan l-approċċ se jiggwida s-sħubijiet bilaterali u multilaterali, abbażi ta’ valuri komuni, fiduċja reċiproka, u l-komplementarjetà tal-kapaċitajiet u tas-swieq, filwaqt li jiżgura livelli xierqa ta’ protezzjoni għall-interessi tal-UE f’oqsma strateġiċi.
Barra minn hekk, l-UE se ssaħħaħ il-preżenza tagħha fil-kwantum fil-fora internazzjonali tal-istandardizzazzjoni, fid-djalogi kummerċjali, u fl-alleanzi kwantistiċi multilaterali 85 .
F’dak kollu li jissemma hawn fuq, il-Kummissjoni se taħdem b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri biex tistabbilixxi Qafas Ewropew ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali dwar it-Teknoloġija Kwantistika koerenti li jidentifika l-pajjiżi u l-oqsma ta’ prijorità għal kollaborazzjoni strutturata. Se tappoġġa wkoll inizjattivi diplomatiċi konġunti u l-iżvilupp ta’ pożizzjonijiet Ewropej komuni fuq it-teknoloġiji kwantistiċi, filwaqt li tiżgura li toktor il-vuċi tal-Ewropa fit-tiswir tal-governanza u l-etika dinjin fl-innovazzjoni tat-teknoloġija kwantistika.
·Jiġu estiżi u jitnedew inizjattivi ġodda ta’ kooperazzjoni bilaterali u multilaterali ma’ pajjiżi tal-istess fehma [mill-2025 ’il quddiem]
·Issir ħidma mal-Istati Membri għal Qafas Ewropew ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali fit-Teknoloġija Kwantistika [mill-2025 ’il quddiem]
5Governanza
Governanza b’saħħitha u inklużiva fil-livell tal-UE hija essenzjali biex tiggwida, tikkoordina u timmonitorja l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Kwantistika tal-UE, filwaqt li trawwem il-parteċipazzjoni minn madwar l-Unjoni kollha, kemm fejn jidħol l-involviment tal-Istati Membri kollha, rappreżentanti tat-tipi kollha tal-partijiet ikkonċernati fil-kwantum, u biex ikun żgurat il-bilanċ bejn il-ġeneri.
L-ewwel nett, Bord Konsultattiv ta’ Livell Għoli, li jlaqqa’ flimkien lil xjenzati u esperti Ewropej ewlenin fit-teknoloġija kwantistika, se jipprovdi gwida strateġika indipendenti dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Kwantistika tal-UE.
It-tieni, qafas ta’ kooperazzjoni strutturat mal-Istati Membri se jgħin biex tkun żgurata implimentazzjoni koerenti fil-programmi nazzjonali u fil-livell tal-UE, jikkoordina l-progress annwali taċ-ċiklu tal-ħajja fil-ħames oqsma strateġiċi, u jimmonitorja l-evoluzzjoni tas-sigurtà u r-reżiljenza tal-ktajjen tal-provvista kwantistiċi u tal-komponenti kritiċi tagħhom. Grupp ta’ esperti apposta li jlaqqa’ flimkien lill-Istati Membri 86 kollha diġà qed jopera b’mod attiv u se jkun involut mill-qrib fil-ħidma futura tal-Bord tat-Tmexxija tal-Impriża Konġunta EuroHPC ladarba tiġi emendata r-regolamentazzjoni tal-Impriża Konġunta.
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni se tkompli tinteraġġixxi mill-qrib mal-komunità kwantistika Ewropea kollha inkluż mal-akkademja, negozji ġodda, atturi industrijali u partijiet ikkonċernati fl-innovazzjoni u mar-rappreżentanti tagħhom.
6Konklużjonijiet
It-teknoloġiji kwantistiċi qed jistennew żvolta kruċjali. L-UE stabbiliet ruħha bħala pijuniera dinjija fir-riċerka kwantistika u firxet il-pedament għal bażi industrijali kompetittiva. Iżda t-tellieqa dinjija biex jiġu sfruttati t-teknoloġiji kwantistiċi qed teqliel. Il-pajjiżi ewlenin qed iżidu l-investiment pubbliku, jikkoordinaw l-istrateġiji nazzjonali, u jikkonsolidaw l-adozzjoni tar-riċerka mill-industrija biex jiksbu sovranità teknoloġika u vantaġġ ekonomiku. Il-potenzjal ta’ użu doppju tat-teknoloġiji kwantistiċi jista’ jtejjeb ukoll il-kapaċitajiet tas-sigurtà u tad-difiża tagħhom. Fl-istess ħin, l-investiment privat qed isir id-determinant ewlieni tas-suċċess jew tal-falliment. Jekk l-Ewropa trid tibqa’ kompetittiva, issawwar il-valuri li jirfdu l-innovazzjoni kwantistika u taħsad bis-sħiħ il-benefiċċji ekonomiċi, tas-sigurtà u benefiċċji oħra fit-tmexxija intellettwali tagħha stess, trid taġixxi b’urġenza, b’ċarezza u b’għalenija.
Dan hu l-mument biex l-Ewropa tkun fuq quddiem. Din l-istrateġija mhix id-destinazzjoni, iżda qafas li qed jevolvi – pjan ta’ azzjoni li qed javvanza – għall-futur kwantistiku tal-Ewropa. Dan jeħtieġ l-impenn kollettiv tal-UE, tal-Istati Membri, tal-industrija, tal-akkademja, u tas-soċjetà ċivili b’mod ġenerali. Jekk jirnexxu, it-teknoloġiji kwantistiċi se jqanqlu r-rivoluzzjoni teknoloġika li jmiss u jirfdu l-kompetittività tal-UE, l-Ewropa tikseb post fuq quddiem nett, u tkun tista’ ssawwar is-settur skont it-termini tagħha stess.
APPENDIĊI
Sommarju tal-Azzjonijiet tal-Istrateġija Kwantistika tal-UE
|
Il-Qasam 1: Inizjattiva tar-Riċerka u l-Innovazzjoni Kwantistika |
|
·Jiġi emendat ir-Regolament dwar l-Impriża Konġunta EuroHPC biex il-mandat tiegħu jiġi estiż għat-teknoloġiji kwantistiċi kollha u, bħala l-ewwel pass, jiġu trasferiti l-attivitajiet kwantistiċi tar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-Pilastru 2 ta’ Orizzont Ewropa lejn l-Impriża Konġunta [Q3 2025] ·Tiġi ppreżentata l-proposta tal-Att Kwantistiku [2026] ·Jiġu pilotati żewġ Grand Challenges tal-Kwantum (sistemi tal-Computing Kwantistiku Tolleranti għall-Ħsarat u sistemi Kwantistiċi ta’ Pożizzjonament, Navigazzjoni u Sinkronizzazzjoni) [2025-2027] |
|
Il-Qasam 2: Infrastrutturi Kwantistiċi tal-UE |
|
·Jiġi ppubblikat il-Pjan Direzzjonali tal-UE għall-Computing u s-Simulazzjoni Kwantistiċi [2026] ·Jiżdiedu l-għadd u l-kapaċità tas-sistemi tal-computing kwantistiku bbażati fuq il-EuroHPC [2026 ’il quddiem] ·Jinħoloq qafas ta’ monitoraġġ għall-computing kwantistiku [2026] ·Jiġi varat l-ewwel network esperimentali tal-komunikazzjoni kwantistika sigura terrestri u spazjali interkonness mal-UE [sal-2030] ·Jiġi ppubblikat Pjan Direzzjonali tal-Komunikazzjoni Kwantistika [2026] ·Titnieda faċilità pilota għall-Internet Kwantistiku Ewropew [2026] ·Tiġi varata sistema distribwita ta’ gravimetri madwar l-Ewropa [2026 ’il quddiem] ·Jiġi ppubblikat Pjan Direzzjonali dwar ir-Rilevament Kwantistiku [2026] ·Tiġi stabbilita Infrastruttura Pilota Ewropea tal-Q-MRI u tiġi estiża madwar l-Ewropa [2025 ’il quddiem] |
|
Il-Qasam 3: L-Ekosistema Kwantistika tal-UE |
|
·Jiġu stabbiliti sitt linji tal-produzzjoni pilota kwantistiċi ġodda permezz tal-Impriża Konġunta taċ-Ċipep [2025] ·Tinfetaħ faċilità tad-disinn tat-teknoloġija kwantistika [2026] ·Jinħareġ Pjan Direzzjonali għall-Industrijalizzazzjoni taċ-Ċipep Kwantistiċi [2026] ·Jiġi ppubblikat Pjan Direzzjonali Ewropew għall-Istandards Kwantistiċi [2026] ·Jitwessa’ n-network tar-raggruppamenti tal-kompetenza kwantistika [2026] ·Isiru valutazzjonijiet mal-UE kollha tal-vulnerabbiltajiet tal-katina tal-provvista u jitlestew [2025-2026] |
|
Il-Qasam 4: Teknoloġiji Kwantistiċi Potenzjali tal-Ispazju u ta’ Użu Doppju (Sigurtà u Difiża) |
|
·Jiġi ffirmat ftehim ta’ kooperazzjoni mal-ESA biex jiġi żviluppat Pjan Direzzjonali għat-Teknoloġija Kwantistika fl-ispazju [Q2 2025] ·Jiġi żviluppat pjan direzzjonali għat-teknoloġija tar-rilevament kwantistiku tal-ispazju u d-difiża [2026] ·Jingħata kontribut għall-Pjan Direzzjonali Teknoloġiku Ewropew tal-Armamenti [Q4 2025] ·Jitnedew inizjattivi spin-in biex il-kumpaniji ċivili u l-akkademja jiddaħħlu fl-applikazzjonijiet tad-difiża [mill-2026 ’il quddiem] |
|
Il-Qasam 5: Ħiliet fit-Teknoloġija Kwantistika |
|
·Titwaqqaf l-Akkademja Ewropea tal-Ħiliet fit-Teknoloġija Kwantistika [2026] ·Jitnedew Kompetizzjonijiet Ewropej għall-Ħiliet Diġitali Avvanzati fit-teknoloġija kwantistika [mill-2026 ’il quddiem] ·Jitnieda Programm Pilota għar-Riċerkaturi in Situ fin-Negozji Ġodda tat-Teknoloġija Kwantistika [2025] ·Jitnieda l-Programm Ewropew tal-Mobbiltà Kwantistika [2026, ’il quddiem] |
|
Kooperazzjoni Internazzjonali |
|
·Jitnedew inizjattivi ta’ kooperazzjoni bilaterali u multilaterali [mill-2025 ’il quddiem] ·Issir ħidma mal-Istati Membri biex jistabbilixxu Qafas Ewropew ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali fit-Teknoloġija Kwantistika [mill-2025 ’il quddiem] |
It-teknoloġiji tal-kwantum jużaw il-prinċipji tal-mekkanika kwantistika biex jirnexxilhom jagħmlu kompiti li huma impossibbli li jissolvew jew ineffiċjenti ħafna bit-teknoloġiji tradizzjonali. L-oqsma ewlenin tat-teknoloġiji tal-kwantum jinkludu l-computing u s-simulazzjoni kwantistiċi, ir-rilevament kwantistiku u l-komunikazzjoni kwantistika.
Għall-finijiet ta’ din l-Istrateġija, il-potenzjal ta’ użu doppju jindika l-kapaċità tat-teknoloġiji kwantistiċi li jservu kemm għanijiet ċivili kif ukoll għanijiet tas-sigurtà u d-difiża. Hawn, dan it-terminu qed jintuża f’sens usa’ u aktar progressiv mit-terminu legali “oġġetti b’użu doppju” skont ir-Regolament (UE) 2021/821 dwar il-kontrolli tal-esportazzjonijiet.
JOIN(2023) 20 final; https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52023JC0020
Lewis, A., Scudo, P., Cerutti, I., Travagnin, M., Marcantonini, C. et al., Future Directions for Quantum Technology in Europe, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2025, JRC141050. Ħiereġ f’nofs Lulju.
Il-Bank Ewropew tal-Investiment – A Quantum Leap in Finance (2022)
Ara n-nota 8 f’qiegħ il-paġna.
L-Istrateġija Ewropea tas-Sigurtà Ekonomika u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Ottubru 2023 li hemm magħha jinkludu t-teknoloġija kwantistika fost l-oqsma kritiċi tat-teknoloġija
Kif espress fit-tweġibiet għas-Sejħa għall-Evidenza li ħarġet qabel il-pubblikazzjoni tal-Istrateġija Kwantistika tal-UE: L-Istrateġija Kwantistika tal-UE . Il-partijiet ikkonċernati esprimew il-fehma li l-Istrateġija Kwantistika tal-UE għandha tħaffef it-tranżizzjoni mil-laboratorju għall-fabbrikazzjoni mingħajr ma tittraskura r-rwol kapitali tar-riċerka fundamentali, twessa’ l-infrastrutturi kwantistiċi pan-Ewropej eżistenti, u tiżviluppa forza tax-xogħol imħarrġa u edukata fil-kwantum. Jenfasizzaw ukoll l-importanza li jiżdiedu l-kapaċitajiet tal-manifattura tal-Unjoni u li jingħelbu l-ostakli finanzjarji, regolatorji u amministrattivi li qed jillimitaw jew inaqqsu r-ritmu tan-negozji l-ġodda milli jikbru u jsiru kumpaniji maturi u profittabbli fis-Suq Uniku.
Ir-Rapport Niinisto https://commission.europa.eu/document/download/5bb2881f-9e29-42f2-8b77-8739b19d047c_mt?filename=2024_Niinisto-report_Book_VF.pdf .
Il-Kummissjoni Ewropea tippreżenta l-Istrateġija tas-Sigurtà Interna ProtectEU – il-Kummissjoni Ewropea .
Il-Komunikazzjoni Konġunta dwar Strateġija Diġitali Internazzjonali għall-UE, il-5 ta’ Ġunju 2025 .
https://digital-strategy.ec.europa.eu/mt/library/european-declaration-quantum-technologies
Ir- Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/1173 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta EuroHPC.
L-Inizjattiva EuroQCI għal Infrastruttura tal-Komunikazzjoni Kwantistika | Insawru l-futur diġitali tal-Ewropa .
IRIS² | Konnettività sigura – il-Kummissjoni Ewropea , ir-Regolament (UE) 2023/588.
Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/1782 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta taċ-Ċipep.
L-OECD (2025), “ A Quantum Technologies Policy Primer ”. Vantaġġ kwantistiku tirreferi għall-punt li fih kompjuter kwantistiku jwettaq kompitu speċifiku b’mod aktar effiċjenti, aktar malajr, bi preċiżjoni akbar jew b’inqas enerġija mill-aqwa supercomputers klassiċi possibbli. Dik it-tappa tkun turija fil-prattika tas-superjorità tal-computing kwantistiku għal ċerti problemi komputazzjonali, anki jekk sempliċiment fi ħdan dominji limitati.
Eż. l-Inizjattiva Nazzjonali tal-Istati Uniti għat-Teknoloġija Kwantistika ( https://www.quantum.gov/ ); il-pjan direzzjonali kwantistiku taċ-Ċina għall-2030; l-Istrateġija tal-Ġappun għat-Teknoloġija Kwantistika u l-Innovazzjoni ( https://www8.cao.go.jp/cstp/english/strategy_r08.pdf ); l-Istrateġija Kwantistika Nazzjonali tal-Awstralja ( https://www.industry.gov.au/sites/default/files/2023-05/national-quantum-strategy.pdf ); l-Istrateġija Kwantistika Nazzjonali tal-Kanada ( https://ised-isde.canada.ca/site/national-quantum-strategy/en/canadas-national-quantum-strategy ); u l-Istrateġija Nazzjonali tar-Renju Unit għat-Teknoloġija Kwantistika https://www.gov.uk/government/publications/national-quantum-strategy .
Eżempji rappreżentattivi ta’ pjattaformi tal-computing huma bbażati fuq iċ-ċirkwiti superkonduttivi, il-joni maqbuda, l-atomi newtrali, il-fotonika, id-djamanti jew l-ispin qubits. Kull wieħed minnhom jippreżenta vantaġġi distinti u sfidi tal-inġinerija mil-lat ta’ skalabbiltà, fedeltà, u koerenza tal-computing.
Il-Bqija tad-Dinja.
Il-pjattaformi kwantistiċi/tal-HPC ibridi qed jintegraw il-proċessuri kwantistiċi mas-sistemi klassiċi tal-HPC biex jippermettu koproċessar bikri, u l-proċessuri kwantistiċi jkunu aċċelleraturi komputazzjonali tas-supercomputers tradizzjonali. Sal-lum hemm tliet pjattaformi ibridi, fi Franza, fil-Ġermanja u fil-Finlandja, li qed jitħaddmu bħala parti mill-EuroHPC u l-infrastrutturi nazzjonali. Sa tmiem l-2025, l-ibridizzazzjoni se tkun standard fil-faċilitajiet kollha Ewropej tal-computing kwantistiku, u b’hekk tissolidifika kisba sinifikanti.
Il-kompjuters kwantistiċi ta’ żmienna qed jagħtu riżultati li għadhom mhumiex preċiżi għalkollox (il-kalkoli kwantistiċi għadhom suxxettibbli għal erruri sinifikanti). Għalhekk, l-implimentazzjoni ta’ korrezzjoni effettiva tal-erruri, li se twassal għal qubits ikkoreġuti għall-erruri (jiġifieri l-unitajiet tal-ipproċessar ta’ kompjuter kwantistiku) li jipprovdu riżultati preċiżi tal-computing, hija pass importanti għal kwalunkwe kompjuter kwantistiku operattiv għalkollox fil-futur.
Ara n-nota 26 f’qiegħ il-paġna.
PASQuanS2: Programmable Atomic Large-scale Quantum Simulation 2 – SGA1 | PASQuanS2.1 | Projekt | Skeda Informattiva | ORIZZONT | CORDIS | il-Kummissjoni Ewropea
It-theddida maħluqa mill-kompjuters kwantistiċi għall-protokolli kriptografiċi attwali.
L-Inizjattiva EuroQCI għal Infrastruttura tal-Komunikazzjoni Kwantistika | Insawru l-futur diġitali tal-Ewropa
“Dawn it-teknoloġiji jinkludu ġeneraturi kwantistiċi ta’ numri każwali (QRNG), sorsi u detetturi kwantistiċi ta’ foton waħdieni, moduli tal-QKD ibbażati fuq it-tħabbil, u pjattaformi integrati ta’ grad tat-telekomunikazzjoni. Il-katina tal-provvista hija ċċertifikata permezz tal-Programm tal-UE għall-Konnettività Sigura (ir-Regolament (UE) 2023/588).”
Din il-faċilità tippermetti karatterizzazzjoni rigoruża, ittestjar tas-sigurtà, u appoġġ bikri għall-istandardizzazzjoni, allinjati mill-qrib mal-attivitajiet tal- ETSI – Distribuzzjoni Kwantistika tal-Kjavi www.etsi.org/technologies/quantum-key-distribution
Permezz tan-network ewlieni tagħha bejn Beijing u Shanghai u tal-programm satellitari Micius, li issa sar Jinan-1.
Fost l-eżempji ta’ teknoloġiji bħal dawn hemm il-memorji ottiċi ta’ ħajja twila u ta’ fiduċja kbira tal-ġenerazzjoni li jmiss li tant huma kritiċi għat-tħaddim tar-ripetituri kwantistiċi, u l-bini u t-turija ta’ ripetituri kwantistiċi operattivi għalkollox li jikkollegaw in-networks metropolitani, ittestjati fil-laboratorju u anki f’kundizzjonijiet tad-dinja reali.
L-inizjattiva twettqet b’suċċess bi tħabbil bejn żewġ nodi tan-network kwantistiku mħaddmin b’mod indipendenti, separati b’10 km ta’ fibrottika. Bl-istess mod, inkisbu avvanzi teknoloġiċi bl-iżvilupp ta’ hardware tal-Internet Kwantistiku, inkluż teknoloġiji ta’ ripetituri kwantistiċi u nodi ta’ ripetituri kwantistiċi, kif ukoll avvanzi fi stacks ta’ software kwantistiku. https://quantuminternetalliance.org/
Eżempji: skalabbiltà tal-memorja kwantistika, distribuzzjoni soda tat-tħabbil, u żvilupp ta’ stacks tas-software tan-network kwantistiku.
Ngħidu aħna, bil-kunċett magħruf bħala “aħżen issa, iddekripta aktar tard”, l-atturi kriminali diġà qed jakkumulaw informazzjoni kriptata, bħal bażijiet tad-data misruqa, fajls protetti, jew data tal-komunikazzjonijiet; u jżommuhom biex aktar tard jiddekriptawhom b’kompjuters kwantistiċi għal skopijiet malizzjużi. Ara pereżempju: The Second Quantum Revolution: the impact of quantum computing and quantum technologies on law enforcement (rapport tal-Europol tal-2024).
Rakkomandazzjoni dwar Pjan Direzzjonali ta’ Implimentazzjoni Kkoordinat għat-tranżizzjoni lejn il-Kriptografija Postkwantistika | Insawru l-futur diġitali tal-Ewropa
Dan il-pjan direzzjonali jispeċifika l-algoritmi, l-istandards tal-iżvilupp u l-iskemi taċ-ċertifikazzjoni li huma sikuri għat-teknoloġija kwantistika u li għandhom jiġu żviluppati biex jiġu protetti l-informazzjoni sensittiva u l-infrastrutturi kritiċi. L-UE tirrinforza ċ-ċibersigurtà tagħha bil-kriptografija postkwantistika | Insawru l-futur diġitali tal-Ewropa
Ngħidu aħna, fost il-vantaġġi tar-rilevament kwantistiku fuq tekniki tar-rilevament tradizzjonali hemm: sensittività akbar għad-detezzjoni ta’ kwantitajiet fiżiċi bħall-kampijiet manjetiċi, it-temperatura, il-gravità, eċċ.; kejl b’aktar eżattezza u preċiżjoni, riżoluzzjoni aħjar.
Taking atom interferometric quantum sensors from the laboratory to real-world applications, Nature Reviews Physics, 1, 731-739. https://doi.org/10.1038/s42254-019-0117-4
https://carioqa-quantumpathfinder.eu/ : immexxija minn CNES, DLR, u Airbus.
Dawn se jiġu varati bħala provi kliniċi kkontrollati skont ir-Regolament tal-UE dwar l-Apparati Mediċi.
(UE) 2023/1781: l-Att Ewropew dwar iċ-Ċipep | Insawru l-futur diġitali ta’ EuroUnclearpe
Fost l-oħrajn, dawn jinkludu ambjenti estremament nodfa, tkessiħ krijoġeniku, sistemi ta’ vakwu, u elettronika tal-kontroll ta’ preċiżjoni, eċċ.
Bi qbil mal- Istrateġija Ewropea għall-Infrastrutturi tar-Riċerka u tat-Teknoloġija li se tiġi ppubblikata.
F’konformità mar-regoli rilevanti tal-UE dwar l-antitrust, bħal-Linji Gwida tal-2023 dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 101 tat-TFUE għall-ftehimiet ta’ kooperazzjoni orizzontali, kif applikabbli.
Il-Konsorzju Ewropew tal-Industrija Kwantistika, il-paġna ewlenija - QuIC
Il-Futur tal-Kompetittività Ewropea – Strateġija għall-Kompetittività tal-Ewropa
Bejn l-2021 u l-2024, l-EIC diġà ddedika madwar EUR 350 miljun biex irawwem it-tkabbir tan-negozji ġodda tat-teknoloġija kwantistika. Qed jitħejjew investimenti oħrajn tal-EIC fin-negozji kwantistiċi li qed jespandu sa EUR 30 miljun għal kull kumpanija, wara s-Sejħa għall-Espansjoni ta’ STEP tal-EIC bħala parti mill-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa.
Fond ta’ Fondi Ġdid li jappoġġa ċ-Champions Ewropej tat-Teknoloġija s .
https://research-and-innovation.ec.europa.eu/strategy/strategy-research-and-innovation/jobs-and-economy/eu-startup-and-scaleup-strategy_mt .
“ Politika ta’ Koeżjoni modernizzata: Rieżami ta’ nofs it-terminu”, COM(2025) 163
Unjoni tat-tfaddil u tal-investimenti – il-Kummissjoni Ewropea
Filwaqt li jiġu rispettati r-regoli rilevanti dwar l-għajnuna mill-Istat, kif applikabbli.
JOIN(2023) 20 final; https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52023JC0020 . Din l-istrateġija tinkludi wkoll valutazzjonijiet tar-riskju fir-rigward tas-sigurtà tat-teknoloġija u l-ħrib tat-teknoloġija, li għalihom it-teknoloġiji kwantistiċi huma wieħed mill-erba’ oqsma ta’ prijorità s’issa.
https://defence-industry-space.ec.europa.eu/eu-space/eu-observatory-critical-technologies_mt
Il-Quantum Benchmarking Initiative: https://www.darpa.mil/research/programs/quantum-benchmarking-initiative
LiDAR tal-kwantum hija sistema ta’ detezzjoni u ta’ kejl tad-distanza li tuża proprjetajiet kwantistiċi bħat-tħabbil biex ittejjeb is-sensittività u l-eżattezza fid-detezzjoni tal-miri u fl-istima tad-distanza lil hinn mil-limiti klassiċi.
Eż. Franza (il-programm PROQCIMA dwar sensuri kwantistiċi għad-difiża – https://quantique.france2030.gouv.fr/acces-aux-marches/program-proqcima ), il-Ġermanja (il-komunikazzjoni kwantistika u r-rilevament kwantistiku permezz ta’ BMBF), l-Italja (sensuri tal-atomi kesħin għal navigazzjoni mingħajr il-GNSS), l-Awstrija (arloġġi kwantistiċi u sensuri inerzjali), il-Finlandja (sistemi portabbli tar-rilevament kwantistiku għal użu fid-difiża).
COM(2025) 188 tat-22 ta’ April 2025 : Proposta għal Regolament li jemenda r-Regolamenti (UE) 2021/694, (UE) 2021/695, (UE) 2021/697, (UE) 2021/1153, (UE) 2023/1525 u 2024/795 fir-rigward tal-inċentivar ta’ investimenti relatati mad-difiża fil-baġit tal-UE biex jiġi implimentat il-Pjan ReArm Europe.
L-Aġenda Strateġika għar-Riċerka u l-Industrija 2030 (Quantum Flagship): https://qt.eu/media/pdf/Strategic-Reseach-and-Industry-Agenda-2030.pdf
IQM-State-of-Quantum-2025.pdf , RAND Europe: Quantum’s Future Workforce Needs More Than Physicists
Hemm żbilanċi sinifikanti bejn il-ġeneri fl-edukazzjoni għolja u fil-karrieri STEM. Ara r- rapport She Figures tal-2024
Fost l-eżempji ta’ dawn l-ostakli fil-computing kwantistiku hemm l-iskemi skalabbli tal-korrezzjoni tal-erruri kwantistiċi, l-interkonnessjonijiet kwantistiċi għall-arkitetturi modulari, u l-elettronika tal-kontroll krijoġeniku; fil-komunikazzjoni kwantistika hemm ir-ripetituri kwantistiċi fuq distanzi twal, id-distribuzzjoni tat-tħabbil anjostika għall-apparati, u networks siguri u affidabbli mingħajr nodi; u fir-rilevament kwantistiku hemm il-gravimetri varabbli u minjaturizzati, is-sistemi Q-MRI b’riżoluzzjoni għolja, u s-sensuri inerzjali għal navigazzjoni indipendenti mill-GNSS.
Mal-Istati Uniti u mal-Indja.
Mal-Kanada, mal-Ġappun, ma’ Singapore u mal-Korea t’Isfel.
Fis-Summit tal-G7 ta’ Ġunju 2025, il-Mexxejja għarfu l-potenzjal trasformattiv tat-teknoloġija kwantistika u wiegħdu li jixprunaw l-investiment, irawmu kooperazzjoni dinjija affidabbli, u jsaħħu r-rabtiet bejn l-istituti nazzjonali tal-kejl permezz ta’ Grupp ta’ Ħidma Konġunt tal-G7. Ara: Kananaskis Common Vision for the Future of Quantum Technologies .
Grupp Ewropew tar-Rappreżentanti tal-Istati Membri għal Koordinazzjoni fit-Teknoloġija Kwantistika .