IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 4.6.2025
COM(2025) 310 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
NextGenerationEU - Il-mixja lejn l-2026
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52025DC0310
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT AND THE COUNCIL NextGenerationEU - The road to 2026
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL NextGenerationEU - Il-mixja lejn l-2026
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL NextGenerationEU - Il-mixja lejn l-2026
COM/2025/310 final
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 4.6.2025
COM(2025) 310 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
NextGenerationEU - Il-mixja lejn l-2026
NextGenerationEU — Il-mixja lejn l-2026
Peress li fadal sena u nofs biex il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) tiġi konkluża b’suċċess, din il-Komunikazzjoni tqis l-implimentazzjoni ta’ dan l-istrument temporanju uniku u tħares ’il quddiem lejn l-għeluq tiegħu fi tmiem l-2026.
Il-Komunikazzjoni l-ewwel tiġbor fil-qosor ir-riżultati ewlenin miksuba mill-RRF u tqis l-implimentazzjoni ġenerali s’issa. Imbagħad tfakkar fil-qafas legali applikabbli u fl-iskadenzi rilevanti, flimkien mal-implikazzjonijiet operazzjonali tagħhom fir-rigward tal-preżentazzjoni tat-talbiet għall-pagament, l-għoti ta’ evidenza, il-proċedura ta’ sospensjoni tal-pagamenti u r-reviżjoni tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza (RRPs, recovery and resilence plans). Biex jiġu massimizzati r-riżultati fid-dawl tad-dewmien u t-tmiem tal-Faċilità li qed joqrob, tiġi imbagħad pprovduta gwida lill-Istati Membri dwar kif iridu jiġu ssimplifikati aktar l-RRPs tagħhom, liema għażliet għandhom jiġu kkunsidrati meta jiġu riveduti, u kif għandhom jiġu ppjanati bil-quddiem għas-sottomissjoni tal-aħħar talbiet għall-pagament fl-2026.
1.L-RRF qed tagħti riżultati tanġibbli fil-prattika
1.1.Reazzjoni rapida għall-pandemija li twassal għal effetti ta’ tkabbir dejjiema
Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza kienet bidla radikali fir-rispons tal-Ewropa għall-impatti tal-pandemija tal-COVID-19. It-tħabbira tagħha fl-2020, bħala l-element ewlieni tan-NextGenerationEU (NGEU), uriet l-impenn tal-Unjoni għal azzjoni komprensiva u li tħares ’il quddiem biex tirkupra malajr u b’mod sostenibbli mill-impatti drammatiċi tal-pandemija. L-ewwel effetti kienu immedjati: is-swieq u l-investituri wieġbu b’mod pożittiv, il-firxiet tal-bonds sovrani naqsu, u l-istabbiltà finanzjarja ssaħħet, biex b’hekk ġew stabbilizzati l-kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali għaċ-ċittadini u n-negozji tal-UE ( 1 ).
L-appoġġ tal-RRF ta spinta lill-irkupru tal-Ewropa. Il-prefinanzjament tal-RRF ( 2 ) ipprovda appoġġ finanzjarju mingħajr dewmien lill-Istati Membri. B’kuntrast ma’ kriżijiet preċedenti, li wasslu għal tnaqqis qawwi fl-investiment pubbliku fl-UE, l-investiment pubbliku nżamm wara l-kriżi tal-COVID-19. Huwa mistenni li jiżdied għal 3,8 % tal-PDG fl-2025, minn 3,2 % fl-2019 ( 3 ), qabel ma jistabbilizza ruħu fl-2026. Parti sinifikanti minn din iż-żieda hija relatata ma’ investimenti ffinanzjati mill-RRF u minn fondi oħra tal-UE. L-impatt fuq it-tkabbir tal-PDG huwa mistenni li jkun wieħed dejjiemi. Simulazzjonijiet mudell jissuġġerixxu li l-investimenti tal-NGEU waħedhom, jiġifieri mingħajr ma jitqies l-impatt tar-riformi, jistgħu jżidu l-PDG tal-UE b’1,4 % fl-2026 ( 4 ).
Il-kombinazzjoni tar-riformi u l-investimenti taħt pjan komprensiv wieħed kienet waħda mill-aktar karatteristiċi effettivi tal-RRF. Ir-riformi, spiss ikkonċentrati minn qabel fl-RRPs, tejbu l-kundizzjonijiet qafas fl-Istati Membri u wittew it-triq biex l-investimenti relatati jkunu aktar effettivi. Barra minn hekk, l-RRF rawmet l-implimentazzjoni ta’ riformi strutturali li kienu ilhom jiġu promossi fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (CSRs, country specific recommendations) fil-kuntest tas-Semestru Ewropew. B’mod ġenerali, l-implimentazzjoni tas-CSRs aċċellerat, l-Istati Membri qed jindirizzaw l-isfidi li ilhom jeżistu, li jirrifletti wkoll il-prijoritajiet komuni tal-UE ( 5 ).
L-RRF qed tiġi ffinanzjata minn self konġunt tal-UE fuq skala bla preċedent. Il-ħruġ tal-UE jibbenefika minn klassifikazzjoni tal-kreditu għolja ħafna, li tippermetti wkoll lill-Istati Membri jirċievu self mill-RRF b’kundizzjonijiet favorevoli kemm f’termini ta’ rati tal-imgħax kif ukoll ta’ durata twila. Is-self tal-UE huwa garantit mill-baġit tal-UE, huwa apprezzat mill-investituri, u ħoloq ammont kbir ta’ assi denominati f’euro li jipprovdu punt ta’ riferiment importanti għas-swieq finanzjarji Ewropej u jsaħħu l-pożizzjoni tal-euro fis-swieq internazzjonali.
1.2.L-investimenti u r-riformi jipproduċu riżultati fil-prattika
L-appoġġ ipprovdut mill-RRF ikopri varjetà kbira ta’ oqsma ta’ politika, li jirriflettu l-ambizzjoni tal-istrument li jwassal għal bidla strutturali. L-RRF hija l-ewwel strument ibbażat fuq il-prestazzjoni ta’ dan il-kobor fl-UE. Il-pagamenti lill-Istati Membri jsiru għal progress tanġibbli fir-riformi u l-investimenti. L-istadji importanti u l-miri miksuba jissarrfu f’benefiċċji konkreti għaċ-ċittadini u għan-negozji f’diversi oqsma: mill-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa għall-enerġija, l-infrastruttura tat-trasport, l-ambjent tan-negozju, is-servizzi pubbliċi diġitali, il-politiki tal-impjiegi, l-istat tad-dritt jew ir-riċerka u l-innovazzjoni. Il-miri ta’ politika kienu strumentali fit-tmexxija tar-riformi u l-investimenti f’konformità mal-prijoritajiet tal-UE. Il-pjanijiet tal-Istati Membri qabżu l-miri ta’ 20 % u 37 % f’dak kollu li għandu x’jaqsam mal-objettivi diġitali u klimatiċi rispettivament. Għall-RRF kollha kemm hi, in-nefqa stmata fuq il-klima tammonta għal madwar 42 %, b’xi Stati Membri jiddedikaw aktar minn 50 % tal-pjan totali tagħhom għat-tranżizzjoni ekoloġika tal-UE.
Minħabba l-integrazzjoni ekonomika profonda tal-ekonomiji tal-UE, il-benefiċċji minn kull RRP jestendu ferm lil hinn mill-fruntieri nazzjonali. Iż-żieda fid-domanda kkawżata mill-RRF f’settur wieħed twassal għal domanda ogħla għal prodotti finali jew intermedji importati minn Stati Membri oħra, li minnhom jibbenefikaw ħafna kumpaniji Ewropej. Pereżempju, iż-żieda fil-produzzjoni tal-karozzi elettriċi fil-Ġermanja jew fi Franza hija ta’ benefiċċju għall-produtturi tal-komponenti tal-karozzi f’ħafna aktar Stati Membri. Bl-istess mod, il-kumpaniji ta’ Stat Membru wieħed jistgħu jkunu involuti f’miżuri tal-RRP ta’ pajjiż ieħor. Pereżempju, l-RRP ta’ Ċipru qed jiffinanzja l-kostruzzjoni ta’ tliet ġibjuni tal-ilma li ġew prodotti minn kumpanija Awstrijaka biex tissaħħaħ is-sigurtà tal-ilma f’Nikosija u Larnaca (Ċipru).
L-impatt tal-RRF huwa viżibbli madwar l-UE. F’xi Stati Membri, l-impatt dirett tal-pakkett nazzjonali tal-RRF sal-2030 ( 6 ) jaf ikun aktar mid-doppju minħabba l-effetti konsegwenzjali. Minħabba l-iskala tal-RRPs tagħhom, l-Italja u Spanja jispikkaw bħala ż-żewġ benefiċjarji ewlenin f’termini ta’ tkabbir mistenni tal-PDG. Huma previsti wkoll kisbiet sinifikanti fil-PDG għall-Greċja, il-Polonja, il-Portugall u r-Rumanija, xprunati l-aktar mill-effetti diretti tal-pjanijiet nazzjonali tagħhom, jiġifieri spinta immedjata fil-produzzjoni u l-impjiegi fl-industriji riċevituri, flimkien ma’ żieda fid-domanda għal inputs minn fornituri domestiċi. It-tielet l-akbar benefiċjarju tal-RRF huwa l-Ġermanja, f’partijiet kbar bis-saħħa ta’ effetti konsegwenzjali minn pjanijiet ta’ Stati Membri oħra. Fil-Ġermanja, fl-Awstrija u fid-Danimarka, il-gwadanji konsegwenzjali jirduppjaw l-impatt dirett tal-RRPs rispettivi tagħhom, filwaqt li jittripplikaw l-impatt dirett għan-Netherlands, l-Irlanda u l-Lussemburgu. Il-Belġju, il-Finlandja u l-Iżvezja jaraw ukoll benefiċċji konsiderevoli b’effetti konsegwenzjali li kważi jirduppjaw l-impatt dirett. Fi Franza, l-effetti konsegwenzjali jagħtu spinta lill-impatt dirett b’nofs il-pakkett nazzjonali tagħha. Il-pajjiżi tal-UE li huma integrati ħafna fis-Suq Uniku jibbenefikaw mill-aktar effetti konsegwenzjali b’saħħithom għall-PDG. L-ogħla gwadanji konsegwenzjali meta mqabbla mal-PDG huma osservati fis-Slovakkja, fis-Slovenja u fiċ-Ċekja, minħabba l-integrazzjoni profonda tagħhom fil-ktajjen tal-valur tal-UE.
Illustrazzjoni 1: Impatt tal-RRF fuq il-post ( 7 )
|
L-RRF Tippromwovi l-Bidla Strutturali ( 8 ) Ħafna mir-riformi inklużi fl-RRPs iwasslu għal titjib strutturali fl-ekonomiji u s-soċjetajiet tal-Istati Membri. Kwart tar-riformi tal-RRF itejbu l-kwalità tal-istituzzjonijiet, pilastru ewlieni tat-tkabbir fit-tul. Dawn il-miżuri għandhom l-għan li jimmodernizzaw l-amministrazzjoni pubblika, jottimizzaw is-sistemi tat-tassazzjoni, itejbu l-akkwist pubbliku, u jsaħħu l-oqfsa ġudizzjarji, l-oqfsa kontra l-frodi u dawk kontra l-korruzzjoni. 17 % tar-riformi tal-RRF jiffukaw fuq it-titjib tal-ambjent tan-negozju. Dan jinkludi riformi li jissimplifikaw ir-regolamentazzjoni, jappoġġaw ir-riċerka u l-iżvilupp, itejbu l-funzjonament tas-suq finanzjarju, u jiffaċilitaw id-diġitalizzazzjoni tan-negozji. Ħafna riformi għandhom ukoll l-għan li jtejbu l-ħiliet u l-eżiti tas-suq tax-xogħol. Dawn jinkludu riformi biex jissaħħu s-sistemi edukattivi, jittejjeb il-funzjonament tas-suq tax-xogħol, u tissaħħaħ is-sostenibbiltà tas-sistemi tas-sigurtà soċjali u tal-pensjonijiet. Madwar żewġ terzi ta’ dawn ir-riformi diġà ġew implimentati, u b’hekk inħolqu l-kundizzjonijiet qafas adegwati għall-investimenti relatati. (Sors: L-analiżi tal-Kummissjoni, il-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza) |
Illustrazzjoni 2: Distribuzzjoni ġenerali tar-riformi skont l-oqsma ta’ politika ewlenin, f’% tal-għadd totali ta’ riformi (total = 1,131) ( 9 )
2.Iż-żmien li fadal għall-implimentazzjoni huwa qasir
2.1. L-implimentazzjoni jeħtieġ li tiġi aċċellerata f’ħafna Stati Membri
L-RRF hija strument temporanju, li jdum sa tmiem l-2026 biex jgħin lill-Istati Membri jirkupraw mill-kriżi tal-COVID-19 u jagħmlu l-ekonomiji tagħhom aktar reżiljenti. L-iskadenzi stretti tal-Faċilità jirriflettu n-natura temporanja tagħha u l-għan tagħha li tappoġġa l-irkupru mill-pandemija tal-COVID-19, li min-naħa tagħha tirfed il-koeffiċjent tal-allokazzjoni tagħha. Dawn l-iskadenzi pprovdew inċentiv qawwi biex ir-riformi u l-investimenti fl-RRPs jiġu implimentati malajr, f’konformità mal-għan tal-Faċilità li tmexxi ’l quddiem irkupru ekonomiku u soċjali rapidu ( 10 ).
B’mod ġenerali, l-implimentazzjoni u l-iżborżi taħt l-RRF kienu rapidi, b’mod partikolari għal appoġġ mhux ripagabbli. Dan jirrifletti l-ħeffa tal-implimentazzjoni tar-riformi u l-investimenti, minbarra l-għoti ta’ prefinanzjament. Sal-aħħar ta’ Mejju 2025, l-iżborżi kienu laħqu EUR 315 biljun (49 % tat-total) għall-kisba ta’ 2,218-il stadju importanti u mira, li jappartjenu għal 1,145 riforma u 1,073 investiment. F’termini relattivi, 57 % tal-appoġġ totali mhux ripagabbli u 38 % tal-appoġġ totali fil-forma ta’ self tħallsu lill-Istati Membri. Dan tal-aħħar jirrifletti wkoll li, meta fasslu l-RRPs inizjali, l-Istati Membri pprijoritizzaw l-għotja fuq l-iżborżi tas-self u porzjon kbir tal-appoġġ fil-forma ta’ self żdied biss mal-kapitoli tar-REPowerEU fl-2023 ( 11 ). Aktar minn 31 % tal-istadji importanti u l-miri kollha ġew ivvalutati mill-Kummissjoni bħala li ntlaħqu, u l-Istati Membri rrapportaw 21 % addizzjonali oħra li tlestew.
Madankollu, filwaqt li sar progress sostanzjali u ħafna stejjer ta’ suċċess immaterjalizzaw fil-prattika, l-implimentazzjoni jeħtieġ li tiġi aċċellerata fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri. Madwar EUR 335 biljun għad iridu jiġu żborżati fis-sena u nofs li jmiss (madwar EUR 154 biljun f’għotjiet u EUR 180 biljun f’self). Meta wieħed iħares ’il quddiem, għad iridu jiġu ppreżentati aktar minn 4,300 stadju importanti u mira (minn 7,105) għall-valutazzjoni mill-Istati Membri.
Mill-bidu nett, l-implimentazzjoni tal-proġetti kollha ffinanzjati mill-RRF kienet se tkun sfida, minħabba d-daqs tal-finanzjament tal-RRF meta mqabbel kemm mad-daqs tal-ekonomija fil-pajjiżi riċevituri ewlenin kif ukoll mal-ammont ta’ finanzjament eżistenti tal-UE. Il-fondi tal-RRF ġew ukoll flimkien ma’ fondi oħra tal-UE, u l-allokazzjoni tal-RRF tirrappreżenta sehem sinifikanti tal-PDG f’ħafna Stati Membri, li jilħaq 16 % għall-Greċja, 13 % għall-Kroazja u 11 % għal Spanja ( 12 ). Filwaqt li l-kapaċità amministrattiva ssaħħet f’ħafna Stati Membri matul il-ħajja tal-RRF, inkluż permezz ta’ miżuri li jinsabu fil-pjanijiet, għad hemm xi restrizzjonijiet (pereżempju, fil-qasam tal-permessi, fejn il-konġestjonijiet jenħtieġ li jiġu indirizzati malajr). Barra minn hekk, l-identifikazzjoni ta’ proġetti speċifiċi ta’ investiment tieħu ż-żmien.
L-implimentazzjoni tal-RRF seħħet ukoll f’diversi kriżijiet. Il-gwerra ta’ aggressjoni mhux provokata tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-kriżi tal-enerġija li rriżultat, l-inflazzjoni għolja, il-konġestjonijiet fil-katina tal-provvista u xi diżastri marbuta mal-klima kkompromettew jew dewmu l-implimentazzjoni tal-miżuri tal-RRF. Iż-żieda tal-kapitoli tar-REPowerEU mal-biċċa l-kbira tal-RRPs fit-tieni nofs tal-2023, flimkien ma’ talbiet għal self addizzjonali mill-RRF, ipprovdew finanzjament ġdid għal miżuri ta’ prijorità ġodda, iżda kkunsmaw ukoll kapaċità amministrattiva sinifikanti fl-Istati Membri li temporanjament iddevjaw l-enfasi lil hinn mill-implimentazzjoni. Għalkemm l-implimentazzjoni aċċellerat b’mod sinifikanti fl-ewwel nofs tal-2024 ( 13 ), li għenet biex tpatti għad-dewmien tal-iżborżi, l-ammont ta’ finanzjament li għandu jiġi żborżat sa tmiem l-2026 jibqa’ sostanzjali.
Il-piż amministrattiv seta’ affettwa wkoll il-ħeffa tal-implimentazzjoni tal-RRF. Fl-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-RRF, l-Istati Membri qiesu li d-deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill kienu dettaljati wisq. Il-karattru legalment vinkolanti ta’ kull element li jinsab fih, inkluż fid-deskrizzjoni tal-miżura, issaħħaħ permezz ta’ interpretazzjoni litterali mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri. Fil-fehma ta’ xi Stati Membri, dan wassal għal piż amministrattiv ogħla milli mistenni fl-implimentazzjoni tal-Faċilità u dewmien fl-implimentazzjoni.
Id-dewmien fl-implimentazzjoni huwa rifless fit-tnaqqis reċenti fl-iżborżi. Minkejja t-titjib bejn it-tieni nofs tal-2023 u l-2024, l-ewwel nofs tal-2025 ra tnaqqis sinifikanti fl-iżborżi. Filwaqt li EUR 66 biljun kienu ġew żborżati fit-tieni nofs tal-2024, EUR 9,5 biljun biss ġew żborżati fl-ewwel ħames xhur tal-2025, fi żmien meta kienet tkun meħtieġa aċċellerazzjoni ulterjuri fid-dawl tal-iskadenzi tal-2026 li qed joqorbu malajr.
Sabiex l-RRF tiġi implimentata għal kollox u biex jinkisbu l-benefiċċji tagħha, hija meħtieġa aċċellerazzjoni sinifikanti fl-implimentazzjoni mill-Istati Membri. Il-pass attwali tal-implimentazzjoni mhuwiex biżżejjed biex jiżgura t-tlestija tal-istadji importanti u l-miri kollha sa Awwissu 2026 u l-iżborż tal-allokazzjoni sħiħa tal-RRF sa tmiem il-Faċilità fl-2026.
2.2.Dewmien fl-implimentazzjoni jirriżulta f’kostijiet għall-Unjoni Ewropea
Id-dewmien fl-implimentazzjoni aggrava profil ta’ implimentazzjoni diġà pospost bi spiża finanzjarja għall-baġit tal-UE. Minħabba l-ammonti kbar ta’ finanzjament meħtieġa għall-aħħar sena ta’ implimentazzjoni, jeħtieġ li l-Kummissjoni tippjana l-operazzjonijiet ta’ teħid b’self tagħha mis-swieq kapitali ferm minn qabel. Dan huwa partikolarment rilevanti għas-self tal-RRF, minħabba l-volum sinifikanti tal-programm u l-iskadenza għall-iżborżi sa tmiem l-2026. Mindu tnediet tal-Faċilità, il-Kummissjoni ssellfet fondi għall-RRF abbażi tal-iskeda prevista tat-talbiet għall-pagament tal-Istati Membri fuq perjodu ta’ bejn 6 xhur u 12-il xahar u rnexxielha tirrilaxxa fondi lilhom minnufih wara li ġew awtorizzati l-iżborżi. Madankollu, it-talbiet għall-pagament spiss ġew ippreżentati u kkompletati b’dewmien meta mqabbla mal-iskeda ppjanata, b’mod partikolari meta l-Istati Membri jkunu ppreżentaw reviżjonijiet immirati tal-RRPs tagħhom simultanjament.
L-ewwel nofs tal-2025 ra żewġ żviluppi li jagħmlu l-eżerċizzju ta’ ġestjoni tal-likwidità aktar diffiċli. L-ewwel nett, kif imsemmi hawn fuq, l-iżborżi naqsu b’mod sinifikanti taħt l-ammonti mbassra abbażi tal-indikazzjonijiet mill-Istati Membri, li rriżultaw f’akkumulazzjoni mhux mistennija ta’ bilanċi kbar mill-UE għal perjodu ta’ żmien twil. It-tieni, il-bidliet fl-ambjent tar-rati tal-imgħax ifissru li l-bilanċi tal-flus qed jibdew jiġġeneraw kostijiet netti tal-likwidità għall-baġit tal-UE u għall-benefiċjarji tas-self, minkejja l-ġestjoni attiva tal-likwidità tat-teżor tal-Kummissjoni sakemm jiġu approvati l-iżborżi. Minħabba l-konċentrazzjoni tal-iżborżi mistennija fil-fażi finali tal-RRF, il-Kummissjoni se tkompli tuża l-opportunitajiet kollha ta’ finanzjament biex tiżgura li tkun tista’ tkompli tagħmel il-pagamenti kif meħtieġ.
2.3.Ippjanar għall-għeluq tal-RRF
L-RRF hija soġġetta għal skadenzi stretti ta’ implimentazzjoni, f’konformità man-natura tagħha bħala strument ta’ appoġġ temporanju stabbilit b’rispons għall-kriżi tal-COVID-19. Bħala strument iddedikat imfassal biex jindirizza l-effetti u l-konsegwenzi negattivi tal-kriżi tal-COVID-19 fl-Unjoni, appoġġat mill-mezzi addizzjonali straordinarji u temporanji fid-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji ( 14 ), l-RRF inħolqot b’limiti ta’ żmien stretti ħafna li huma stabbiliti fir-Regolament EURI ( 15 ), fir-Regolament RRF ( 16 ), u fid-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji u ma tistax tiġi derogata.
L-Istati Membri għandhom 454 jum biex iwettqu r-riformi u l-investimenti inklużi fl-RRPs tagħhom. Ir-Regolament RRF u d-deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni adottati tal-Kunsill jipprevedu li l-istadji importanti u l-miri kollha għall-implimentazzjoni tar-riformi u l-investimenti jridu jitlestew sal-31 ta’ Awwissu 2026 ( 17 ). F’konformità ma’ dawk id-dispożizzjonijiet, kwalunkwe azzjoni meħuda wara l-31 ta’ Awwissu 2026 biex jintlaħqu l-istadji importanti u l-miri ma tistax titqies fil-valutazzjoni tat-talbiet għall-pagament. Dan japplika wkoll għall-azzjonijiet meħuda biex jiġi żgurat l-ilħuq sodisfaċenti tal-istadji importanti u l-miri koperti mid-deċiżjonijiet ta’ sospensjoni adottati qabel l-31 ta’ Awwissu 2026 u jipprevjeni l-bidu ta’ proċeduri ġodda ta’ sospensjoni wara din id-data. Barra minn hekk, dan ifisser li ma hemm l-ebda lok għall-adozzjoni ta’ emendi tal-RRPs wara l-31 ta’ Awwissu 2026. It-talbiet kollha għall-pagament, inklużi d-dikjarazzjonijiet ta’ ġestjoni, is-sommarji tal-awditi mwettqa ( 18 ), u l-evidenza kollha meħtieġa għall-valutazzjoni tagħhom, iridu jiġu ppreżentati sat-30 ta’ Settembru 2026 ( 19 ). Il-Kummissjoni mbagħad tivvaluta l-ilħuq sodisfaċenti tal-istadji importanti u l-miri inklużi fl-aħħar talbiet għall-pagament f’konformità mal-Qafas għall-valutazzjoni tal-istadji importanti u l-miri skont ir-Regolament RRF ippubblikat fl-21 ta’ Frar 2023 ( 20 ). Il-pagamenti kollha għandhom isiru sal-31 ta’ Diċembru 2026 ( 21 ).
Illustrazzjoni 3: Skeda ta’ żmien tal-għeluq tal-RRF
3.Gwida għall-Istati Membri lejn l-2026
Minħabba d-dewmien fl-implimentazzjoni u l-iskadenzi li jmiss tal-2026 taħt l-RRF, din it-taqsima tipprovdi gwida lill-Istati Membri dwar kif jistgħu jissimplifikaw aktar l-RRPs tagħhom, liema għażliet għandhom jikkunsidraw meta jirreveduhom, u kif jippjanaw bil-quddiem għas-sottomissjoni tal-aħħar talbiet għall-pagament fl-2026 ( 22 ).
L-RRPs riveduti kollha jridu jkomplu jikkonformaw mal-kriterji ta’ valutazzjoni kollha stabbiliti fir-Regolament RRF. Dan biex jiġi żgurat li l-pjanijiet ikomplu jappoġġaw lill-Istati Membri fl-indirizzar tal-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom, li mill-inqas il-fondi meħtieġa skont ir-Regolament RRF jiġu allokati għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, li l-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti” jiġi rispettat, u li l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jiġu mħarsa. F’dan il-kuntest, jenħtieġ li l-Istati Membri jirrieżaminaw ukoll l-istat ta’ implimentazzjoni tal-proġetti tagħhom b’koeffiċjent klimatiku pożittiv u jiżguraw li r-rapportar tagħhom lill-Kummissjoni jkun aġġornat ( 23 ).
3.1.Simplifikazzjoni tal-RRPs
Jenħtieġ li l-Istati Membri jirrieżaminaw b’mod komprensiv l-RRPs tagħhom malajr kemm jista’ jkun biex jiżguraw li l-istadji importanti u l-miri kollha jkunu jistgħu jiġu implimentati sal-iskadenza tal-31 ta’ Awwissu 2026. Huma biss il-miżuri li se jiġu implimentati bis-sħiħ fiċ-ċert sa din l-iskadenza li jenħtieġ li jibqgħu fil-pjanijiet. Il-miżuri li għalihom dan ma jistax jiġi ggarantit jenħtieġ li jitneħħew biex jiġi evitat id-diżimpenn ta’ ammonti kbar ta’ fondi tal-RRF. Jenħtieġ li tingħata prijorità biex tiġi żgurata l-allokazzjoni tal-għotjiet. Sabiex jitħalla biżżejjed żmien għall-implimentazzjoni tal-istadji importanti u l-miri kollha u l-valutazzjoni tat-talbiet kollha għall-pagament, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jwettqu tali reviżjonijiet tal-pjan malajr kemm jista’ jkun u, fi kwalunkwe każ, sa tmiem l-2025. In-nuqqas li jitwettqu tali reviżjonijiet se jwassal għal riskji akbar ta’ nuqqas ta’ implimentazzjoni tal-miżuri tal-RRF u b’hekk id-diżimpenn tal-fondi taħt l-RRF.
Dawn l-aħħar reviżjonijiet tal-pjanijiet jenħtieġ li jintużaw ukoll biex jiġi rieżaminat il-kliem tal-miżuri, tal-istadji importanti u tal-miri biex jiġi żgurat li jiffukaw fuq elementi essenzjali biss. L-għan jenħtieġ li jkun wieħed li jiffaċilita l-implimentazzjoni u l-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-RRPs, u li jitnaqqas il-piż amministrattiv, filwaqt li tiġi ppreservata l-ambizzjoni tal-pjan u titkompla l-konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament RRF. L-ewwel nett, wara t-talbiet tal-Istati Membri, il-Kummissjoni se tipproponi lill-Kunsill biex ineħħi mid-deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill kwalunkwe lingwa ambigwa jew mhux ċara, jew kwalunkwe speċifikazzjoni li taqbeż ir-rekwiżiti meħtieġa biex jintwera t-twettiq ta’ miżura. It-tieni, jenħtieġ li l-Istati Membri jikkunsidraw mill-ġdid l-inklużjoni ta’ riformi minuri fl-RRPs tagħhom li ma jikkontribwixxux biex jiġu indirizzati s-CSRs. It-tielet, minħabba l-iskadenza li qed toqrob malajr għat-tlestija tal-miżuri, fejn xieraq, jenħtieġ li l-istadji importanti u l-miri intermedjarji jitneħħew biex jiffokaw fuq l-outputs finali. Ir-raba’, fejn possibbli, l-Istati Membri huma mħeġġa jemendaw il-pjanijiet tagħhom biex javvanzaw kull objettiv intermedju u mira diġà milħuqa għat-talbiet għall-pagament fl-2025 sabiex jitnaqqas id-daqs tat-talbiet għall-pagament għall-2026. Meta jissimplifikaw l-RRPs tagħhom, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-kriterji kollha ta’ valutazzjoni tal-RRF ikomplu jiġu ssodisfati, inkluż li l-pjanijiet ikomplu jindirizzaw is-CSRs rilevanti kollha jew subsett sinifikanti minnhom, jallokaw biżżejjed fondi għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, jirrispettaw il-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti” u jiżguraw il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, kif rifless, fejn rilevanti, fl-istadji importanti tal-awditjar u tal-kontroll. L-ambizzjoni tar-riformi tal-istat tad-dritt jenħtieġ li tinżamm. Il-Kummissjoni se taħdem flimkien mal-Istati Membri biex tgħin f’dan l-eżerċizzju ta’ simplifikazzjoni, bil-ħsieb li tiżgura trattament ugwali u konsistenza fil-pjanijiet kollha. Il-Kummissjoni se tiddiskuti mal-Istati Membri b’mod bilaterali u multilaterali u se tipprovdi eżempji konkreti dwar ir-razzjonalizzazzjoni u s-simplifikazzjoni, u se teżamina jekk jistgħux jiġu segwiti għażliet ulterjuri mill-Istati Membri, lil hinn minn dawk elenkati hawn taħt, b’mod partikolari għażliet li jikkontribwixxu għal proġetti identifikati sew li jservu prijoritajiet diġitali, bħall-intelliġenza artifiċjali (GigaFactories, AIFactories), kejbils u ċipep, kif ukoll għall-prijoritajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni.
3.2.Għażliet possibbli meta jiġu emendati l-RRPs
Meta jemendaw l-RRPs tagħhom, l-Istati Membri huma mħeġġa jesploraw l-għażliet kollha disponibbli biex jissalvagwardjaw l-allokazzjoni tal-RRP tagħhom, b’mod partikolari għall-komponent ta’ appoġġ mhux ripagabbli, filwaqt li jiżguraw li r-riformi u l-investimenti appoġġati jkomplu jipprovdu livell għoli ta’ prestazzjoni f’konformità mal-prijoritajiet tal-UE. Jenħtieġ li l-investimenti ġodda jintwerew faċilment li jkunu konformi mar-rekwiżiti legali rilevanti. Għal dan l-għan, jistgħu jiġu kkunsidrati l-għażliet li ġejjin:
·Żieda fil-miżuri eżistenti
L-Istati Membri jenħtieġ li jikkunsidraw il-possibbiltà li jżidu l-miżuri meta l-implimentazzjoni tkun sejra tajjeb, abbażi ta’ domanda provata jew probabbli. Dan jista’ jinkludi investimenti li għalihom it-twassil jista’ jiżdied jew miżuri bi prestazzjoni eċċessiva diġà stabbilita.
·Tnaqqis ta’ pjanijiet sottoskritti żżejjed jew tnaqqis fl-iskala tal-pakkett tas-self
F’każ li l-kostijiet totali stmati tal-RRP ikunu ogħla mill-allokazzjoni finanzjarja, il-miżuri appoġġati mill-appoġġ mhux ripagabbli tal-RRF li ma għadhomx jistgħu jiġu implimentati jistgħu jitneħħew mingħajr ma jiġu sostitwiti, għal ammont li ma jaqbiżx is-sottoskrizzjoni żejda. F’dan il-każ, l-appoġġ totali mhux ripagabbli taħt l-RRF se jibqa’ mhux affettwat.
Għall-Istati Membri li jirċievu appoġġ fil-forma ta’ self taħt l-RRF, jekk ikun meħtieġ li jitneħħew proġetti ffinanzjati minn għotjiet, il-miżuri ffinanzjati mis-self jistgħu jiġu trasferiti għall-kompartiment ta’ appoġġ mhux ripagabbli. Dan jippermetti li jiġi ssalvagwardjat l-ammont tal-għotja, filwaqt li titnaqqas parti mill-appoġġ fil-forma ta’ self, sakemm ma jkunx ikkumpensat minn miżuri ġodda jew imtejba ffinanzjati mis-self.
Barra minn hekk, ħafna investimenti tal-RRF iffinanzjati minn self huma bbażati fuq id-domanda u jistgħu ma jirċevux domanda daqs kemm kien maħsub oriġinarjament. Għalhekk, dawn il-miżuri jistgħu jitnaqqsu biex jaqblu mad-domanda effettiva u jieħdu biss l-ammont ta’ self li huwa meħtieġ.
·Qsim ta’ proġetti tal-RRF għall-kontinwazzjoni ma’ fondi nazzjonali jew fondi oħra tal-UE
Il-proġetti li ma għadhomx jistgħu jinkisbu sa Awwissu 2026 jistgħu jitnaqqsu fl-iskala biex jinżammu biss l-elementi li għandhom jiġu ffinanzjati taħt l-RRF li jistgħu jiġu implimentati f’dan il-perjodu ta’ żmien. Il-parti li tibqa’ ffinanzjata taħt l-RRF jenħtieġ li tikkostitwixxi investiment awtonomu fl-RRP. Dan ifisser li l-elementi “miżmuma” ma jridux ikunu limitati għal passi intermedjarji bħat-tnedija ta’ sejħa għall-offerti. Il-bqija tal-proġett imbagħad jista’ jiġi implimentat minn fondi nazzjonali jew, jekk eliġibbli, fondi oħra tal-UE, fuq skeda ta’ żmien itwal. Ir-rieżami reċenti ta’ nofs it-terminu tal-politika ta’ koeżjoni jħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri jidentifikaw tali proġetti tal-RRF qabel l-emendi tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni ( 24 ).
·Strumenti finanzjarji u skemi ta’ għotjiet
L-RRF tista’ tappoġġa l-istabbiliment ta’ strument ġestit b’mod indipendenti biex jinċentiva l-investiment privat. Taħt investimenti bħal dawn, l-istadji importanti fl-RRP ikopru (i) it-trasferiment ta’ fondi lis-sieħeb ta’ implimentazzjoni mal-iffirmar ta’ ftehim ta’ implimentazzjoni u (ii) l-iffirmar ta’ kuntratti mal-benefiċjarji aħħarija għall-użu tal-fondi kollha ttrasferiti. Sabiex jintroduċu tali strument finanzjarju jew skema ta’ għotja, l-Istati Membri jenħtieġ li jiddeterminaw il-falliment tas-suq li jfittxu li jindirizzaw u d-domanda tas-suq relatata, jiżguraw li d-deċiżjonijiet tal-għoti mis-sieħeb ta’ implimentazzjoni jkunu indipendenti mill-gvern u li l-ġestjoni finanzjarja tkun separata mill-Istat Membru, u wkoll jeżaminaw il-kapaċità operazzjonali tas-sieħeb ta’ implimentazzjoni li jintroduċi tali strument.
·Trasferiment għal InvestEU
L-Istati Membri jistgħu jittrasferixxu fondi lill-Kompartiment tal-Istati Membri ta’ InvestEU għal ammont sa 4 % tal-allokazzjoni totali tagħhom tal-RRF u 6 % addizzjonali għal miżuri li jikkontribwixxu għall-objettivi tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP, Strategic Technologies for Europe Platform). L-aħħar stadju importanti fl-RRP ikun l-approvazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ investiment kollha mill-Kumitat tal-Investiment tal-InvestEU sal-31 ta’ Awwissu 2026. Minħabba d-diversi passi tal-proċess, l-Istati Membri li jfittxu li jittrasferixxu l-fondi tal-RRF lil InvestEU jridu jippreżentaw RRP rivedut mill-aktar fis possibbli.
·Injezzjonijiet ta’ ekwità f’Banek u Istituzzjonijiet Promozzjonali Nazzjonali (NPBIs, National Promotional Banks and Institutions)
L-RRF tista’ tappoġġa injezzjonijiet ta’ kapital fl-NPBIs (jew fis-sussidjarji tagħhom), b’mod partikolari biex tappoġġa proġetti f’konformità mal-prijoritajiet strateġiċi tal-UE, sal-punt li dawn jindirizzaw il-ħtiġijiet identifikati tas-suq u dment li l-NPBI ikollha l-kapaċità li tespandi l-attività tagħha u li l-politika ta’ investiment tagħha tkun allinjata mal-objettivi ta’ politika tal-RRF. L-istadji importanti speċifiċi għal tali injezzjoni ta’ ekwità jkunu: (i) is-sottoskrizzjoni tal-kapital imħallas addizzjonali kollu mill-Istat Membru, (ii) l-adozzjoni ta’ politika ta’ investiment riveduta tal-NPBI dwar kif se tintuża ż-żieda fl-ekwità, u (iii) fejn meħtieġ, id-dħul fis-seħħ tal-bidliet kollha meħtieġa għall-governanza kif ukoll il-qafas tal-awditjar u tal-kontroll tal-istituzzjoni. Tali injezzjoni ta’ ekwità tista’ tinvolvi t-twessigħ tal-mandat tal-NPBI għal attivitajiet allinjati mal-objettivi tal-RRF u l-prijoritajiet tal-UE, bħad-dekarbonizzazzjoni industrijali, it-tranżizzjoni tal-enerġija, l-akkomodazzjoni affordabbli, l-aċċess għall-kapital jew is-sigurtà u d-difiża.
·Kontribuzzjonijiet għall-Programm għall-Industrija tad-Difiża Ewropea (EDIP, European Defence Industry Programme)
L-RRF tista’ tappoġġa kontribuzzjonijiet nazzjonali volontarji għall-Programm futur għall-Industrija tad-Difiża Ewropea (EDIP). Il-kontribuzzjoni għall-EDIP f’każ bħal dan titqies bħala investiment tal-RRF. Proġetti speċifiċi sussegwentement jintgħażlu u jiġu appoġġati taħt l-EDIP, għall-benefiċċju tal-Istat Membru kkonċernat, bl-implimentazzjoni sseħħ fuq medda ta’ żmien itwal. Il-miżura tal-RRF tkun tinkludi stadju importanti dwar l-iffirmar ta’ ftehim ta’ kontribuzzjoni u t-trasferiment ta’ fondi lill-EDIP u tiċċara x’tip ta’ attivitajiet taħt l-EDIP jiġu ffinanzjati. Biex din l-għażla taħdem, dispożizzjoni fir-Regolament EDIP se jkollha tiżgura li l-kontribuzzjonijiet volontarji appoġġati mill-RRF jintużaw għall-benefiċċju tal-Istat Membru kkonċernat. Il-Kummissjoni tistieden lill-koleġiżlaturi jintroduċu tali dispożizzjoni fir-Regolament EDIP matul it-trilogi.
·Kontribuzzjonijiet għall-programmi tal-UE għall-komunikazzjonijiet bis-satellita
L-RRF tista’ tappoġġa l-kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri għall-iżvilupp ta’ komponenti tal-Programm Spazjali tal-Unjoni jew tal-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura ( 25 ). Tali kontribuzzjonijiet jitqiesu bħala investiment tal-RRF. Il-programmi tal-Unjoni dwar l-Ispazju u l-Konnettività Sigura jsaħħu l-awtonomija strateġika, in-nondipendenza teknoloġika u r-reżiljenza tal-Unjoni, u jikkontribwixxu għas-sigurtà u d-difiża. B’mod partikolari, il-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura għandu l-għan ukoll li jipprovdi konnettività governattiva satellitari affidabbli, sigura u kosteffiċjenti. Dawn il-programmi jirfdu proġetti satellitari siguri tal-UE bħal Galileo (navigazzjoni bis-satellita), GOVSATCOM jew IRIS² (komunikazzjoni bis-satellita). Skont l-RRF, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu kontribuzzjonijiet volontarji għal tali programmi, meta l-ftehim ta’ kontribuzzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru jkun jiġġustifika li l-kontribuzzjoni tal-Istat Membru tintuża taħt dawn il-programmi għall-benefiċċju tal-Istat Membru kkonċernat. Il-miżura tal-RRF tkun tinkludi stadju importanti dwar l-iffirmar ta’ ftehim ta’ kontribuzzjoni u t-trasferiment ta’ fondi għall-programm inkwistjoni.
3.3.Tħejjija għat-talbiet għall-pagament għall-2026
L-2026 se tkun sena kruċjali għall-pagamenti, bi skedi ta’ żmien qosra u impatt sostanzjali fuq ir-riżorsi kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-Kummissjoni. Peress li l-iskadenza għas-sottomissjoni tal-aħħar talba għall-pagament hija t-30 ta’ Settembru 2026, bi żborż sal-31 ta’ Diċembru 2026, il-perjodu ta’ valutazzjoni se jkun estremament qasir. Meta dan jiġi kkombinat mal-għadd għoli probabbli ta’ stadji importanti u miri li għandhom jiġu vvalutati, se jkun kruċjali li jiġi żgurat proċess ta’ valutazzjoni effettiv u bla xkiel.
L-Istati Membri huma mħeġġa jippjanaw minn qabel u jiżguraw ir-robustezza tal-evidenza pprovduta fi żmien xieraq, biex jillimitaw il-kwistjonijiet li jinqalgħu matul il-valutazzjoni. L-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ pagament sal-iskadenza se tkun possibbli biss jekk l-Istati Membri jippreżentaw talbiet għall-pagament kompluti biżżejjed. In-nuqqas li tiġi pprovduta evidenza li turi l-issodisfar tar-rekwiżiti kollha tal-istadji importanti u l-miri jirriżulta inevitabbilment fid-diżimpenji ta’ fondi. L-evidenza kollha meħtieġa biex jintwera l-ilħuq sodisfaċenti tal-istadji importanti u l-miri li jkunu parti mill-aħħar talba għall-pagament se jkollha tiġi pprovduta sat-30 ta’ Settembru 2026, peress li se jkun hemm żmien estremament qasir għall-iskambji bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-Istati Membri matul il-perjodu ta’ valutazzjoni tal-aħħar talbiet għall-pagament. F’dan il-kuntest, l-evidenza jenħtieġ li tiġi kondiviża b’mod informali mas-servizzi tal-Kummissjoni hekk kif tkun lesta, anki qabel is-sottomissjoni formali tat-talbiet għall-pagament. Dan huwa partikolarment rilevanti fil-każ ta’ stadji importanti u miri li jiġu vvalutati permezz ta’ kampjunar, fejn l-esperjenza wriet li jkunu meħtieġa diversi skambji bejn l-Istat Membru u l-Kummissjoni biex jiġi stabbilit twettiq sodisfaċenti.
Jenħtieġ li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jiżguraw ukoll li jiġu allokati biżżejjed riżorsi għall-ipproċessar tas-sottomissjoni tal-aħħar talbiet għall-pagament. Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, l-għadd ta’ stadji importanti u miri li għandhom jiġu pproċessati fl-2026 se jkun konsiderevolment ogħla milli fi kwalunkwe sena preċedenti. Minħabba dawn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali, is-servizzi tal-Kummissjoni li jaħdmu fuq l-RRF u fuq l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku (TSI, Technical Support Instrument) qed jingħaqdu flimkien biex jiżguraw li jkun hemm biżżejjed riżorsi disponibbli biex jipproċessaw l-aħħar talbiet għall-pagament tal-RRF. L-Istati Membri huma mħeġġa jaġġustaw ir-riżorsi tagħhom kif meħtieġ u possibbli biex jiżguraw li jkollhom il-kapaċità amministrattiva biex iwittu t-triq għal implimentazzjoni b’suċċess tal-RRPs tagħhom f’konformità mal-iskadenzi legali. Il-Kummissjoni se tkompli takkumpanja mill-qrib lill-Istati Membri fil-passi kollha biex jimplimentaw l-RRPs tagħhom u jippreżentaw it-talbiet għall-pagament rilevanti.
4.Konklużjoni
Permezz tal-RRF, l-UE ħadet pass bla preċedent u effettiv fit-tisħiħ kollettiv tal-irkupru, tar-reżiljenza u tal-kompetittività tal-ekonomija u tas-soċjetà tagħha b’rispons għall-pandemija tal-COVID-19. Quddiem waħda mill-agħar kriżijiet fl-istorja tagħha, l-UE rpiljat malajr filwaqt li investiet f’ġejjieni aktar sostenibbli u prosperu għaċ-ċittadini u n-negozji tagħha. Matul dawn l-aħħar erba’ snin, sar ħafna minkejja gwerra fil-kontinent u xokkijiet mhux mistennija fl-enerġija u l-kummerċ. L-Istati Membri implimentaw riformi strutturali ambizzjużi, li jkopru s-sistemi tal-ġustizzja u tal-pensjonijiet kif ukoll is-swieq tax-xogħol, l-akkwist pubbliku u ħafna setturi oħra. Bis-saħħa tal-investimenti appoġġati mill-RRF, il-provvista tal-enerġija tal-UE hija aktar nadifa u sikura, in-network tat-trasport pubbliku huwa aktar b’saħħtu u aktar effettiv, iċ-ċittadini jibbenefikaw minn servizzi u infrastruttura pubbliċi aħjar, in-negozji huma aktar diġitalizzati u kompetittivi, u jibbenefikaw minn forza tax-xogħol aktar kwalifikata.
Sabiex l-RRF tkun tista’ tilħaq il-potenzjal sħiħ tagħha, issa huma meħtieġa l-isforzi kollha biex titħaffef l-implimentazzjoni u jiġi żgurat l-iżborż sħiħ tar-riżorsi impenjati kollha. L-Istati Membri kollha huma mħeġġa jinvolvu ruħhom f’rieżami sistematiku tal-RRPs tagħhom biex jissimplifikawhom, filwaqt li jiżguraw li jkomplu jikkonformaw mal-kriterji ta’ valutazzjoni kollha stabbiliti fir-Regolament RRF. Hekk kif l-implimentazzjoni taċċellera, il-ġustizzja interġenerazzjonali tibqa’ fil-qalba tan-NextGenerationEU.
Mill-bidu nett, l-RRF ġiet stabbilita bħala strument temporanju li jintemm fl-2026. Peress li issa tmiem l-istrument mhuwiex fil-bogħod, il-Kummissjoni tinsab lesta li taħdem mal-Istati Membri biex tiżgura għeluq bla xkiel u b’suċċess tal-istrument. B’ 454 jum li jifdal għall-implimentazzjoni, iż-żmien li naġixxu u nwasslu r-riżultati huwa issa.