IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 9.10.2024
COM(2024) 451 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-ewwel rieżami perjodiku tal-funzjonament tad-deċiżjoni ta’ adegwatezza dwar il-Qafas tal-Privatezza tad-Data bejn l-UE u l-Istati Uniti
1.L-EWWEL RIEŻAMI PERJODIKU - KUNTEST, TĦEJJIJA U PROĊESS
Fid-deċiżjoni tagħha tal-10 ta’ Lulju 2023 (id-“deċiżjoni ta’ adegwatezza”), il-Kummissjoni sabet li l-Qafas tal-Privatezza tad-Data UE-Stati Uniti (DPF, Data Privacy Framework) jipprovdi livell adegwat ta’ protezzjoni għad-data personali ttrasferita mill-Unjoni Ewropea lil organizzazzjonijiet fl-Istati Uniti tal-Amerka. Id-deċiżjoni ta’ adegwatezza tirrikjedi li l-Kummissjoni twettaq rieżamijiet perjodiċi, li l-ewwel wieħed minnhom għandu jsir wara sena mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni ta’ adegwatezza lill-Istati Membri. Dan ir-rapport jikkonkludi dan l-ewwel rieżami.
Kif meħtieġ mill-Premessa 211 tad-deċiżjoni ta’ adegwatezza, dan l-ewwel rieżami, li sar wara l-ewwel sena ta’ operat tal-qafas il-ġdid, iffoka fuq il-verifika ta’ jekk l-elementi kollha previsti fil-qafas ġewx implimentati u jekk humiex qegħdin jiffunzjonaw b’mod effettiv. Ir-rieżami kopra l-aspetti kollha tal-funzjonament tal-qafas, inkluż fid-dawl tal-iżviluppi legali li seħħew minn meta ġiet adottata d-deċiżjoni ta’ adegwatezza.
Bi tħejjija għar-rieżami, il-Kummissjoni ġabret informazzjoni mill-partijiet ikkonċernati rilevanti, b’mod partikolari mill-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs, non-governmental organisations) b’għarfien espert fid-drittijiet diġitali u fil-privatezza, mill-organizzazzjonijiet iċċertifikati mid-DPF, permezz tal-korpi kummerċjali tagħhom, kif ukoll mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti involuti fl-implimentazzjoni tal-qafas. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ġabret ukoll feedback mill-pubbliku ġenerali permezz ta’ sejħa speċifika għall-evidenza fuq il-portal “Ħaffef il-Piż - Semma’ Leħnek!”.
Fit-18 u fid-19 ta’ Lulju 2024, saret laqgħa ta’ rieżami f’Washington D.C. Din infetħet mill-Kummissarjugħall-Ġustizzja u l-Konsumaturi tal-UE Didier Reynders u mis-Segretarju tal-Kummerċ tal-Istati Uniti Gina Raimondo.
Għall-UE, ir-rieżami sar minn rappreżentanti tad-Direttorat Ġenerali għall-Ġustizzja u l-Konsumaturi tal-Kummissjoni Ewropea, flimkien ma’ ħames rappreżentanti maħtura mill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPB, European Data Protection Board) u li ġejjin minn awtoritajiet nazzjonali differenti għall-protezzjoni tad-data (DPAs, data protection authorities) u mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data. Min-naħa tal-Istati Uniti, ipparteċipaw rappreżentanti mid-Department of Commerce (DoC), mid-Department of State, mill-Federal Trade Commission (FTC), mid-Department of Transportation (DoT), mill-Office of the Director of National Intelligence (ODNI), mid-Department of Justice (DoJ), mill-Inspector General for the Intelligence Community, kif ukoll membri tal-Privacy and Civil Liberties Oversight Board (PCLOB). Barra minn hekk, ir-rappreżentanti minn organizzazzjonijiet li joffru servizzi indipendenti ta’ soluzzjoni tat-tilwim u l-American Arbitration Association ipprovdew informazzjoni matul is-sessjonijiet ta’ rieżami rilevanti. Barra minn hekk, ir-rieżami ġie influwenzat minn preżentazzjonijiet minn organizzazzjonijiet iċċertifikati mid-DPF dwar kif il-kumpaniji jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-qafas.
Is-sejbiet tal-Kummissjoni kienu bbażati wkoll fuq informazzjoni minn materjal disponibbli pubblikament, bħal deċiżjonijiet tal-qorti, regoli u proċeduri ta’ implimentazzjoni tal-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Uniti, rapporti u studji minn organizzazzjonijiet mhux governattivi, rapporti ta’ trasparenza maħruġa minn kumpaniji ċċertifikati mid-DPF, rapporti annwali minn korpi ta’ sorveljanza indipendenti, kif ukoll rapporti tal-media.
2.SEJBIET
2.1.Aspetti kummerċjali
2.1.1.Il-proċess ta’ ċertifikazzjoni
Sabiex tkun tista’ tirċievi data personali ttrasferita mill-UE abbażi tad-DPF, kumpanija tal-Istati Uniti jeħtiġilha tiċċertifika, u mbagħad tiċċertifika mill-ġdid fuq bażi annwali, mad-DoC il-konformità tagħha ma’ rekwiżiti speċifiċi tal-protezzjoni tad-data (il-“Prinċipji tad-DPF”). Iċ-ċertifikazzjoni tirrikjedi li kumpanija tkun soġġetta għas-setgħat investigattivi u ta’ infurzar tal-FTC jew tad-DoT, tiddikjara pubblikament l-impenn tagħha li tikkonforma mal-Prinċipji tad-DPF, u tiddivulga pubblikament l-istqarrija ta’ privatezza tagħha u timplimenta bis-sħiħ dawk ir-rekwiżiti. Qabel ma tiġi ffinalizzata ċertifikazzjoni, id-DoC jivverifika jekk il-kumpanija tkunx issodisfat ir-rekwiżiti kollha taċ-ċertifikazzjoni.
Fil-laqgħa ta’ rieżami, id-DoC spjega li, f’din l-ewwel sena tad-DPF, l-enfasi kienet fuq l-istabbiliment tal-proċess ta’ ċertifikazzjoni, inkluż l-iżvilupp ta’ għodod dedikati tal-IT, l-aġġornament tal-proċeduri, id-djalogu mal-kumpaniji, u t-twettiq ta’ attivitajiet oħrajn ta’ sensibilizzazzjoni. Sad-data tal-laqgħa ta’ rieżami, aktar minn 2 800 kumpanija saru ċċertifikati mid-DPF. Dan ifisser li aktar kumpaniji saru ċċertifikati mid-DPF milli taħt il-qafas preċedenti, it-Tarka tal-Privatezza, fl-ewwel sena tal-operat tiegħu. Skont l-informazzjoni pprovduta mid-DoC, 70 % tal-parteċipanti huma SMEs u għadd kbir ta’ kumpaniji tad-DPF (47 %) jinsabu fis-settur tal-informazzjoni, il-komunikazzjonijiet u t-teknoloġija (ICT, information, communications and technology). Barra minn hekk, 60 % tal-kumpaniji huma ċċertifikati esklużivament għal data mhux dwar ir-riżorsi umani, 2,5 % tal-kumpaniji huma ċċertifikati esklużivament għal data dwar ir-riżorsi umani u 37,5 % huma ċċertifikati kemm għal data dwar ir-riżorsi umani kif ukoll għal dik mhux dwar ir-riżorsi umani.
Id-DoC adotta l-proċeduri meħtieġa biex jittratta l-applikazzjonijiet mill-kumpaniji. Il-kumpaniji jeħtiġilhom jissottomettu l-applikazzjonijiet tagħhom għaċ-ċertifikazzjoni fuq is-sit web tad-DPF tad-DoC (
https://www.dataprivacyframework.gov/
). Dan fih informazzjoni dwar kif wieħed jista’ jissieħeb fid-DPF u dwar l-obbligi tal-kumpanija taħt il-Qafas. Tim speċifiku fid-DoC, taħt ir-responsabbiltà ta’ Direttur dedikat għall-Qafas tal-Privatezza tad-Data UE-Stati Uniti, huwa responsabbli mill-aspetti kollha relatati mal-ġestjoni u mal-amministrazzjoni tad-DPF, inkluż il-proċess ta’ ċertifikazzjoni u l-monitoraġġ tal-konformità. Kull applikazzjoni tiġi assenjata lil membru tal-persunal speċifiku li jibqa’ responsabbli għall-kumpanija rilevanti matul il-proċess ta’ ċertifikazzjoni.
Għaċ-ċertifikazzjoni taħt il-Qafas, il-kumpaniji jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom, inkluż abbozz ta’ stqarrija ta’ privatezza. Id-DoC jivverifika jekk dan jikkonformax mar-rekwiżiti rilevanti tad-DPF. Meta l-organizzazzjonijiet ikunu jridu jiċċertifikaw entitajiet differenti fi ħdan grupp korporattiv (eż. sussidjarji differenti), id-DoC jitlob u jirrieżamina stqarrija komprensiva ta’ privatezza li tindika b’mod ċar l-entitajiet kollha li għandhom jiġu koperti, jew politiki separati għal kull entità. Id-DoC jivverifika wkoll mal-mekkaniżmu ta’ rikors indipendenti (IRM, independent recourse mechanism) indikat fl-applikazzjoni jekk l-organizzazzjoni tkunx fil-fatt irreġistrat miegħu. Għall-kumpaniji li jagħżlu l-bord tal-awtorità għall-protezzjoni tad-data (eż. minħabba li jipproċessaw id-data dwar ir-riżorsi umani), id-DoC jivverifika jekk il-kumpanija tkunx ħallset it-tariffi meħtieġa biex tagħmel użu mill-bord. Meta jkun meħtieġ, id-DoC jivverifika wkoll jekk l-applikant jaqax taħt il-ġuriżdizzjoni tal-FTC jew tad-DoT (u għalhekk huwa eliġibbli li jissieħeb fid-DPF).
Jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha, id-DoC jinforma lill-organizzazzjoni li hija tista’ ttella’ l-istqarrija ta’ privatezza tagħha li tagħmel referenza għad-DPF fuq is-sit web tiegħu. Ladarba l-istqarrija ta’ privatezza tkun pubblika, id-DoC jikkonferma ċ-ċertifikazzjoni u jinkorpora l-kumpanija fil-lista tad-DPF fuq is-sit web tiegħu. Id-DPF jista’ jintuża bħala bażi biex tiġi rċevuta data personali mill-UE mid-data meta d-DoC iqiegħed lill-organizzazzjoni f’dik il-lista.
Kif ġie spjegat matul il-laqgħa ta’ rieżami, il-kontrolli mwettqa mid-DoC s’issa rriżultaw f’rifjut ta’ 33 applikazzjoni, minħabba li ma ssodisfawx ir-rekwiżiti tad-DPF. B’mod ġenerali, id-DoC jaħdem mal-kumpanija biex jindirizza kwalunkwe nuqqas. Meta d-DoC jidentifika xi nuqqas, huwa jinforma lill-kumpanija li jeħtiġilha tindirizzahom u li n-nuqqas ta’ tweġiba f’perjodu ta’ żmien partikolari, jew nuqqas ieħor li tlesti l-awtoċertifikazzjoni tagħha f’konformità mal-proċeduri tad-DoC, iwassal biex l-applikazzjoni tagħha titqies bħala abbandunata. Jekk iċ-ċertifikazzjoni inizjali ma titlestiex/tiġix emendata fi żmien 12-il xahar, id-DoC iqis li ġiet abbandunata.
Id-data ta’ skadenza għaċ-ċertifikazzjoni mill-ġdid annwali hija speċifikata fil-lista tad-DPF għal kull kumpanija. Sabiex ifakkar lill-kumpaniji dwar il-ħtieġa li japplikaw għaċ-ċertifikazzjoni mill-ġdid, id-DoC ħoloq sistema bi tfakkiriet li ċ-ċertifikazzjoni waslet biex tiskadi. L-organizzazzjonijiet jirċievu tfakkira xahar qabel, imbagħad ġimagħtejn qabel u mbagħad jum qabel id-data tal-iskadenza. Dawk li jħallu ċ-ċertifikazzjoni tagħhom tiskadi, jitneħħew mil-lista tad-DPF. Kif deskritt fl-Anness III tad-deċiżjoni ta’ adegwatezza, id-DoC għandu taqsima speċifika fuq is-sit web tiegħu li telenka lill-organizzazzjonijiet tal-Istati Uniti li ma għadhomx parteċipanti attivi u li tidentifika r-raġunijiet rispettivi għaliex (eż. skadenza jew irtirar) il-kumpaniji kkonċernati tneħħew mil-lista (il-“lista tal-organizzazzjonijiet inattivi”). Meta l-organizzazzjonijiet jitneħħew mil-lista tad-DPF talli jkunu ħallew liċ-ċertifikazzjoni tagħhom tiskadi, il-kuntatti tad-DoC magħhom jikkonfermaw jekk ikunux jixtiequ jirtiraw jew inkella jkollhomx l-intenzjoni li jiċċertifikaw mill-ġdid, u, jekk tkun din tal-aħħar, li jivverifikaw li matul l-iskadenza jkunu applikaw il-Prinċipji tad-DPF għad-data personali li jkunu rċevew skont id-DPF u jiċċaraw liema passi se jieħdu biex jindirizzaw il-kwistjonijiet pendenti li wasslu għal dewmien fiċ-ċertifikazzjoni mill-ġdid tagħhom. Meta l-kumpaniji jinnotifikaw lid-DoC li jixtiequ jirtiraw mid-DPF, id-DoC jitlobhom jikkonfermaw jekk humiex se jirritornaw jew iħassru d-data riċevuta skont id-DPF; iżommuha u jkomplu japplikaw il-Prinċipji tad-DPF għal tali data (li trid tiġi kkonfermata kull sena); jew iżommuha u jistabbilixxu protezzjonijiet oħrajn (bħal klawżoli kuntrattwali standard adottati mill-Kummissjoni Ewropea).
Il-feedback riċevut mill-korpi kummerċjali u mill-kumpaniji jindika li l-kumpaniji ċċertifikati mid-DPF ħadu għadd ta’ passi biex jiżguraw il-konformità mal-Prinċipji tad-DPF. Pereżempju, biex jikkonformaw mal-prinċipju ta’ rikors, ta’ infurzar u ta’ responsabbiltà, l-organizzazzjonijiet wettqu kontrolli interni mwettqa jew permezz ta’ awtovalutazzjoni jew permezz ta’ rieżami estern tal-konformità. Iż-żewġ IRMs tas-settur privat li pparteċipaw fil-laqgħa ta’ rieżami spjegaw li jipprovdu wkoll rieżami estern tal-konformità billi jirrieżaminaw l-istqarrijiet ta’ privatezza, u wieħed mill-IRMs tas-settur privat spjega li jipprovdi wkoll awditi u verifiki għal għarrieda, filwaqt li jiffoka pereżempju fuq il-prinċipji ta’ aċċess, għażla u trasferiment ulterjuri. Barra minn hekk, il-kumpaniji ċċertifikati żviluppaw programmi ta’ konformità interna u mekkaniżmi ta’ sorveljanza, ħarrġu lill-impjegati, implimentaw mekkaniżmi li jippermettu lill-individwi jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom, wettqu valutazzjonijiet tal-impatt fuq il-privatezza, u rrieżaminaw il-kuntratti eżistenti.
2.1.2.Monitoraġġ tal-konformità, asserzjonijiet foloz ta’ parteċipazzjoni u infurzar
Skont id-DPF, id-DoC huwa responsabbli għall-monitoraġġ tal-konformità mal-Prinċipji tad-DPF permezz tal-użu ta’ għodod differenti, inklużi kontrolli ex officio (fuq inizjattiva proprja), verifiki għal għarrieda ad hoc u kwestjonarji ta’ konformità. Dan jinkludi t-tiftix u l-indirizzar ta’ asserzjonijiet foloz ta’ parteċipazzjoni fil-qafas, pereżempju permezz ta’ tfittxijiet fuq l-internet.
Sabiex jimmonitorja l-konformità mal-Prinċipji mill-kumpaniji tad-DPF, id-DoC prinċipalment ibbaża fuq tfittxijiet ad hoc fuq l-internet u kontrolli fuq il-media (soċjali) matul l-aħħar sena. Id-DoC irrapporta li ma sabx kwistjonijiet ta’ konformità mal-Prinċipji tad-DPF f’din l-ewwel sena u ma rrefera l-ebda kumpanija lill-FTC jew lid-DoT għal azzjoni possibbli ta’ infurzar. Huwa stabbilixxa wkoll punt ta’ kuntatt dedikat biex jiffaċilita l-kooperazzjoni mad-DPAs u jirċievi lmenti minn individwi u riferimenti minn awtoritajiet oħrajn (eż. id-DPAs jew l-FTC). Madankollu, ma wasal l-ebda riferiment jew ilment matul l-aħħar sena. Filwaqt li din l-ewwel sena ta’ operat tad-DPF kienet iffukata fuq l-istabbiliment tal-qafas u tal-proċess ta’ ċertifikazzjoni, fil-laqgħa ta’ rieżami d-DoC spjega li qiegħed jippjana li jwettaq kontrolli tal-konformità b’mezzi awtomatizzati sabiex jagħmilhom b’mod aktar sistematiku, u bħalissa qiegħed jiżviluppa l-għodod tal-IT meħtieġa biex jagħmel dan.
Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li d-DoC, f’din l-ewwel sena, kellu bżonn jiffoka l-isforzi tiegħu fuq l-istabbiliment tal-Qafas u l-proċess ta’ ċertifikazzjoni. Fil-futur, huwa importanti li d-DoC iżid l-isforzi tiegħu biex jimmonitorja u jivverifika l-konformità mal-Prinċipji, li huwa meħtieġ biex jiġi żgurat livell għoli kontinwu ta’ konformità mal-qafas u jiġu identifikati l-każijiet li jirrikjedu azzjoni ta’ infurzar ulterjuri, inklużi dikjarazzjonijiet foloz possibbli ta’ parteċipazzjoni mill-kumpaniji. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tilqa’ l-fatt li d-DoC ikkonferma l-intenzjoni tiegħu li jiżviluppa u juża għodod (awtomatizzati) biex jidentifika l-kwistjonijiet ta’ konformità u l-asserzjonijiet foloz b’mod aktar effettiv u sistematiku u hija tal-fehma li dan għandu jkun parti minn sforz usa’ biex jagħmel użu akbar mill-għodod differenti għad-dispożizzjoni tiegħu (eż. verifiki għal għarrieda, kwestjonarji tar-rieżami tal-konformità, talbiet għal informazzjoni eċċ.), inkluż biex tiġi vverifikata l-konformità ma’ rekwiżiti speċifiċi skont id-DPF.
L-organizzazzjonijiet tad-DPF huma soġġetti għall-ġuriżdizzjoni tal-FTC u tad-DoT. Matul il-laqgħa ta’ rieżami, id-DoT ikkonferma li għandu l-proċessi kollha fis-seħħ biex jieħu azzjoni ta’ infurzar xierqa. Huwa spjega wkoll li ftit li xejn kumpaniji taħt il-ġuriżdizzjoni tiegħu ngħaqdu mad-DPF (jiġifieri xi ftit aġenti tal-biljetti iżda l-ebda linja tal-ajru). L-FTC ikkonfermat li hija tivverifika b’mod sistematiku jekk hemmx ksur tad-DPF f’kull waħda mill-investigazzjonijiet tagħha dwar il-privatezza. S’issa, l-FTC ma rċeviet l-ebda riferiment minn awtoritajiet oħrajn. Hija rċeviet ftit ilmenti li semmew id-DPF, għalkemm tnejn minnhom kienu jikkonċernaw kumpaniji fil-“lista tal-organizzazzjonijiet inattivi”, żewġ kumpaniji kkonċernati li ma kinux qegħdin jipparteċipaw fil-qafas u waħda ma kinitx tikkonċerna data personali ttrasferita mill-UE. Fiż-żmien ta’ dan ir-rapport, l-FTC ma kinitx ħarġet deċiżjonijiet biex tinforza l-konformità mad-DPF, għalkemm ikkonfermat li diversi kumpaniji li huma ċċertifikati mid-DPF bħalissa qegħdin jiġu investigati.
Il-Kummissjoni tilqa’ l-fatt li l-FTC tivverifika sistematikament jekk hemmx ksur tad-DPF fl-investigazzjonijiet kollha tagħha dwar il-privatezza. Peress li l-effettività kontinwa tad-DPF tiddependi mill-infurzar robust tiegħu, huwa mistenni li l-FTC se tkompli teżerċita s-setgħat investigattivi tagħha skont il-qafas, inkluż billi twettaq b’mod proattiv azzjonijiet ta’ investigazzjoni li jiffukaw fuq il-konformità ma’ rekwiżiti speċifiċi tad-DPF u/jew ma’ ċerti setturi.
2.1.3.Trattament tal-ilmenti
Id-DPF jipprovdi lill-individwi tal-UE possibbiltajiet differenti ta’ rikors għal każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità mal-Prinċipji tad-DPF minn organizzazzjonijiet iċċertifikati. Dan jinkludi, l-insegwiment ta’ soluzzjoni permezz ta’ kuntatti diretti ma’ organizzazzjoni tad-DPF, li jeħtiġilha tipprovdi rispons lill-individwu affettwat fi żmien 45 jum. L-individwi jistgħu jressqu lment ukoll lil IRM magħżul minn organizzazzjoni biex jinvestiga u jsolvi l-ilmenti. Skont iċ-ċirkostanzi, dan jista’ jkun korp għal soluzzjoni barra mill-qorti għat-tilwim jew DPA. Fl-aħħar nett, f’każ li l-ebda wieħed mill-perkorsi l-oħrajn ta’ rimedju disponibbli ma tkun solviet b’mod sodisfaċenti l-ilment tas-suġġett tad-data, l-individwi jistgħu jagħtu jiskattaw arbitraġġ vinkolanti quddiem il-Bord tad-DPF UE-Stati Uniti bħala “l-aħħar rimedju”.
2.1.3.1.Trattament tal-ilmenti mill-kumpaniji
Ir-risponsi mill-korpi kummerċjali u mill-kumpaniji għall-kwestjonarji mibgħuta mill-Kummissjoni jindikaw li l-kumpaniji ċċertifikati mid-DPF irċevew ftit li xejn – jekk kien hemm – ilmenti minn individwi li jikkonċernaw nuqqas ta’ konformità mal-Prinċipji tad-DPF. Fl-istess ħin, il-kumpaniji stabbilew mekkaniżmi u għodod differenti biex jippermettu lill-individwi jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom u jippreżentaw ilmenti, inkluż permezz ta’ formoli bbażati fuq l-internet, il-posta elettronika u t-telefown.
2.1.3.2.Mekkaniżmi ta’ Rikors Indipendenti (IRMs, Independent Recourse Mechanisms)
Il-feedback riċevut matul il-laqgħa ta’ rieżami u l-informazzjoni pprovduta mill-korpi kummerċjali jindikaw li kien hemm għadd baxx ħafna ta’ lmenti lil mekkaniżmi ta’ soluzzjoni indipendenti. L-IRMs li ntgħażlu mill-kumpaniji jinkludu BBB National Programs, JAMS, TRUSTe u VeraSafe. Id-DPF jirrikjedi li l-IRMs jippubblikaw rapport annwali bi statistika aggregata dwar l-użu tas-servizzi tagħhom ta’ soluzzjoni tat-tilwim. Fiż-żmien tal-adozzjoni ta’ dan ir-rapport, l-IRMs kollha kkonċernati kienu ppubblikaw ir-rapporti annwali tagħhom.
Barra minn hekk, fil-laqgħa ta’ rieżami, BBB u VeraSafe għamlu preżentazzjonijiet dettaljati dwar l-attivitajiet tagħhom mill-aħħar sena. Huma rrapportaw żieda fl-għadd ta’ parteċipanti kummerċjali li għażlu s-servizzi tagħhom meta mqabbla mal-oqfsa preċedenti u semmew li kienu rċevew xi lmenti, għalkemm il-maġġoranza l-kbira ma kinux eliġibbli. Pereżempju, BBB irċieva 87 ilment minn individwi tal-UE, bi tnejn biss minnhom eliġibbli għal soluzzjoni. Għalkemm il-BBB spjega li l-ilmenti huma bħala medja pproċessati fi żmien 5 ijiem ta’ xogħol, dawk iż-żewġ ilmenti eventwalment ingħalqu minħabba nuqqas ta’ rispons mill-individwi. VeraSafe rċieva 26 ilment, li 6 minnhom kienu eliġibbli għal soluzzjoni. Tnejn minnhom kienu jikkonċernaw talbiet ta’ aċċess u tħassir ġew solvuti, filwaqt li tnejn għadhom pendenti, u tnejn jew ġew irtirati jew magħluqa minħabba nuqqas ta’ rispons mill-individwu. Iż-żewġ IRMs spjegaw li l-għan tagħhom huwa li jwieġbu l-ilmenti bil-lingwa tal-individwu.
Il-kumpaniji tad-DPF li jipproċessaw id-data dwar ir-riżorsi umani ttrasferita mill-UE jeħtiġilhom jagħżlu d-DPAs tal-UE bħala l-IRM tagħhom għal dik id-data, filwaqt li kumpanija tad-DPF tista’ fuq bażi volontarja tagħżel id-DPA tal-UE bħala l-IRM tagħha għal tipi oħrajn ta’ data personali ttrasferita abbażi tad-DPF. Fil-fatt, aktar minn nofs il-kumpaniji ċċertifikati skont id-DPF fiż-żmien tar-rieżami għażlu din is-soluzzjoni, li hija żvilupp pożittiv. Minn meta ġiet adottata d-deċiżjoni ta’ adegwatezza, l-EDPB adotta r-regoli ta’ proċedura għall-“Bord Informali tad-DPAs tal-UE”. Il-Bord huwa kompetenti biex jipprovdi pariri vinkolanti lill-organizzazzjonijiet tal-Istati Uniti wara lmenti mhux solvuti tad-DPF minn individwi dwar it-trattament ta’ data personali li ġiet ittrasferita mill-UE skont id-DPF. Skont ir-regoli ta’ proċedura tiegħu, il-bord huwa ffurmat minn DPA waħda li taġixxi bħala d-DPA ewlenija u DPAs korieżaminaturi oħrajn maħtura. Huwa jipprovdi parir vinkolanti fi żmien 60 jum minn meta jirċievi lment tad-DPF. L-EDPB ippubblika wkoll mudell ta’ formola ta’ lment għall-preżentazzjoni ta’ lmenti lid-DPAs, kif ukoll FAQs għall-individwi u għan-negozji Ewropej dwar id-DPF. Il-Bord ma kien irċieva l-ebda lment fiż-żmien tar-rieżami.
2.1.3.3.Il-mekkaniżmu ta’ arbitraġġ vinkolanti
L-International Centre for Dispute Resolution (ICDR, International Centre for Dispute Resolution), li huwa d-diviżjoni internazzjonali tal-American Arbitration Association, intgħażel mid-DoC biex jamministra l-mekkaniżmu ta’ arbitraġġ vinkolanti. Wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ adegwatezza, id-DoC, flimkien mal-Kummissjoni, għażlu 11-il imħallef b’esperjenza fil-privatezza u minn diversi sfondi, inkluż l-arbitraġġ, il-ġudikatura, l-akkademja u s-soċjetà ċivili. Barra minn hekk, ġew adottati r-regoli ta’ arbitraġġ għall-Bord tad-DPF u kodiċi ta’ kondotta għall-arbitri, li huma kollha disponibbli fuq is-sit web tal-ICDR. Fiż-żmien tar-rieżami, il-mekkaniżmu ta’ arbitraġġ kien għadu ma ġiex attivat minn kwalunkwe individwu fl-UE.
2.1.4.Gwida, kooperazzjoni u sensibilizzazzjoni
Minn meta daħal fis-seħħ id-DPF, id-DoC wettaq diversi attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni billi organizza wirjiet, webinars u konferenzi; l-ilħuq tal-korpi kummerċjali u l-interazzjoni diretta ma’ aktar minn 3 000 kumpanija biex tiġi pprovduta informazzjoni dwar id-DPF. Huwa ppubblika wkoll gwida, inkluż fil-forma ta’ FAQs indirizzati lill-individwi, kif ukoll lin-negozji tal-UE u tal-Istati Uniti. L-EDPB min-naħa tiegħu żviluppa formoli ta’ lment u FAQs indirizzati lill-individwi u lin-negozji. Bl-istess mod, il-Kummissjoni ppubblikat Q&A u skeda informattiva dwar id-DPF meta adottat id-deċiżjoni ta’ adegwatezza tagħha.
Fl-istess ħin, mil-laqgħa ta’ rieżami ħareġ li hemm bżonn ta’ aktar ħidma biex titqajjem kuxjenza fost l-individwi u biex tingħata gwida lill-kumpaniji. Il-kontribut riċevut mill-kumpaniji u mill-IRMs, u l-għadd baxx ħafna ta’ lmenti jissuġġerixxu li l-individwi mhux dejjem jistgħu jkunu konxji tad-drittijiet tagħhom u/jew tal-mekkaniżmu biex jeżerċitawhom. Matul il-laqgħa ta’ rieżami, id-DoC esprima interess li jaħdem flimkien mad-DPAs tal-UE biex iżid is-sensibilizzazzjoni dwar il-Qafas fost l-individwi tal-UE. Il-Kummissjoni tħeġġeġ inizjattivi bħal dawn u qiegħda tieħu wkoll passi biex tinforma aħjar lill-individwi, inkluż billi tipprovdi informazzjoni addizzjonali dwar id-DPF fuq is-sit web tagħha, pereżempju billi tinkorpora links u referenzi għal dokumenti ta’ gwida rilevanti adottati mill-EDPB, mid-DoC u minn awtoritajiet oħrajn tal-Istati Uniti.
Fir-rigward tal-gwida dwar il-Prinċipji tad-DPF, ir-rappreżentanti tal-EDPB qablu matul il-laqgħa ta’ rieżami li jikkooperaw fix-xhur li ġejjin biex jipprovdu aktar kjarifiki dwar il-kunċett ta’ data dwar ir-riżorsi umani skont id-DPF u l-obbligi speċifiċi li japplikaw għall-ipproċessar ta’ tali data. Ġew esplorati elementi differenti li għandhom jiġu inklużi f’tali gwida. Pereżempju, din il-gwida tista’ tindirizza ċerti xenarji prattiċi fejn id-data dwar l-impjegati tiġi pproċessata taħt id-DPF (eż. minn fornitur tal-cloud) u tispjega għal tali xenarji liema obbligi tad-DPF ikunu rilevanti. Barra minn hekk, dan jista’ jissuġġerixxi li l-kumpaniji li jirċievu data dwar l-impjegati tal-individwi tal-UE (iżda mhux neċessarjament jużaw tali data fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ impjieg) jagħżlu l-bord tad-DPA bħala l-IRM tagħhom. Dan jiżgura li dawk l-individwi jistgħu jirrikorru għal awtorità li tkun “qrib id-dar” u, meta jkun meħtieġ, tkun aktar familjari mal-liġijiet nazzjonali applikabbli li japplikaw għad-data dwar ir-riżorsi umani.
Barra minn hekk, aspett speċifiku fejn jidher li tkun utli aktar gwida (ibbażata wkoll fuq il-kontribut riċevut mill-korpi kummerċjali) jikkonċerna r-rekwiżiti tad-DPF għal trasferimenti ulterjuri. Barra minn hekk, id-DoC indika li ta’ min wieħed jesplora jekk xi setturi jistgħux jibbenefikaw minn gwida addizzjonali dwar l-applikazzjoni tal-Prinċipji tad-DPF għall-attivitajiet tagħhom, eż. fil-qasam tar-riċerka dwar is-saħħa u s-servizzi finanzjarji.
Il-Kummissjoni tilqa’ r-rieda taż-żewġ naħat li jiżviluppaw gwida u tistenna li l-ħidma fuq is-suġġetti msemmija hawn fuq tibda dalwaqt.
B’mod aktar ġenerali, ġew stabbiliti diversi mekkaniżmi biex jiġu żgurati skambji u kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Istati Uniti u d-DPAs, inkluż permezz tal-ħatra ta’ punti ta’ kuntatt dedikati fl-FTC u fid-DoC biex jittrattaw il-mistoqsijiet u r-riferimenti mid-DPAs.
2.1.5.Żviluppi rilevanti fis-sistema legali tal-Istati Uniti
Minn meta ġiet adottata d-deċiżjoni ta’ adegwatezza, kien hemm għadd ta’ żviluppi fil-qafas legali tal-Istati Uniti fil-qasam tal-privatezza. Dan jinkludi żviluppi leġiżlattivi, regolatorji u fil-ġurisprudenza. Dawn ġeneralment jindikaw konverġenza akbar bejn l-approċċi tal-UE u dawk tal-Istati Uniti għal ċerti sfidi għall-privatezza, inkluż permezz tal-użu ta’ kunċetti legali simili. Uħud minn dawn l-iżviluppi għadhom għaddejjin u se jirrikjedu aktar monitoraġġ.
Fil-livell federali, il-President ħareġ diversi Ordnijiet Eżekuttivi (EOs, Executive Orders) li huma rilevanti għall-użu ta’ data personali. B’mod partikolari, l-Ordni Eżekuttiva 14117 tat-28 ta’ Frar 2024 tipprojbixxi jew tillimita tranżazzjonijiet li jinvolvu ċerti kategoriji ta’ data personali sensittiva (eż. data dwar is-saħħa, identifikaturi bijometriċi, data ġenomika umana) ma’ entitajiet f’xi “pajjiżi ta’ tħassib”. L-ordni adottata tagħti struzzjonijiet lill-Avukat Ġenerali biex jipproponi regolamenti – li għad iridu jinħarġu fiż-żmien meta jiġi adottat dan ir-rapport – biex tiġi speċifikata aktar l-implimentazzjoni tiegħu. Barra minn hekk, l-Ordni Eżekuttiva 14110 tat-30 ta’ Ottubru 2023 dwar l-intelliġenza artifiċjali tiffoka fuq l-iżvilupp ta’ intelliġenza artifiċjali sikura, sigura u affidabbli. Din tirrikjedi li diversi aġenziji federali jiżviluppaw standards u linji gwida tas-sikurezza relatati mal-IA, inkluż dwar riskji speċifiċi għall-IA fejn tidħol il-privatezza u dwar tekniki li jippreżervaw il-privatezza.
F’termini ta’ ħidma leġiżlattiva, filwaqt li matul l-aħħar snin ġew introdotti abbozzi ta’ liġi federali dwar il-privatezza fil-Kungress, minn Lulju 2024, 20 Stat tal-Istati Uniti ppromulgaw liġijiet komprensivi dwar il-privatezza, li tmienja minnhom daħlu fis-seħħ: California, Colorado, Oregon, Virginia, Connecticut, Utah, Texas u Florida. Barra minn hekk, 17-il Stat tal-Istati Uniti adottaw leġiżlazzjoni li tindirizza l-ipproċessar awtomatizzat (jew, tal-anqas, xi forom tiegħu) u li ġeneralment tippermetti nonparteċipazzjonijiet għal ċerti tipi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet abbażi ta’ “tfassil tal-profili”.
F’termini ta’ żviluppi tal-ġurisprudenza, diversi rappreżentanti tas-soċjetà ċivili indikaw is-sentenza reċenti tal-Qorti Suprema f’Loper Bright Enterprises vs Raimondo (tat-28 ta’ Ġunju 2024). Din is-sentenza tannulla l-ġurisprudenza preċedenti dwar id-duttrina ta’ Chevron, fejn il-qrati japplikaw il-prinċipju ta’ sottomissjoni għall-interpretazzjoni raġonevoli tal-liġi ta’ aġenzija regolatorja f’każ ta’ ambigwità f’liġi infurzata minn dik l-aġenzija. B’mod partikolari, xi NGOs esprimew tħassib dwar l-impatt ta’ din id-deċiżjoni tal-Qorti Suprema fuq l-awtorità tal-tfassil tar-regoli tal-FTC fil-qasam tal-privatezza, filwaqt li rrikonoxxew li jista’ ma jkun hemm l-ebda impatt jew ikun hemm impatt limitat fuq is-setgħat ta’ infurzar tagħha. Fil-laqgħa ta’ rieżami, l-FTC infurmat li għadu kmieni wisq biex wieħed ikun jaf l-implikazzjonijiet eżatti ta’ din is-sentenza. Fl-istess ħin, hija spjegat li t-tfassil tar-regoli tal-FTC isir taħt awtorità fl-Att tal-FTC differenti minn dawk għal aġenziji amministrattivi oħrajn u li għalihom id-duttrina ta’ Chevron kienet anqas rilevanti. Għalhekk, is-sentenza reċenti jista’ jkollha impatt limitat f’dan il-qasam.
Barra minn hekk, l-FTC infurmat dwar żviluppi reċenti fl-approċċ tagħha għall-ipproċessar awtomatizzat u għall-intelliġenza artifiċjali. Dan jinkludi l-adozzjoni ta’ dikjarazzjoni konġunta flimkien ma’ awtoritajiet oħrajn tal-infurzar kontra d-diskriminazzjoni u l-preġudizzju fis-sistemi awtomatizzati, kif ukoll diversi azzjonijiet ta’ infurzar – li fihom l-FTC tiffoka fost affarijiet oħra fuq it-trasparenza, l-ekwità tal-ipproċessar awtomatizzat u l-kapaċità tal-individwi li jikkontestaw l-eżiti. L-aktar każ notevoli f’dan ir-rigward huwa d-deċiżjoni tal-FTC kontra Rite Aid f’Marzu 2024, li imponiet projbizzjoni ta’ 5 snin fuq l-użu tat-teknoloġija tar-rikonoxximent tal-wiċċ għal skopijiet ta’ sigurtà minn dik il-kumpanija. B’mod partikolari, l-FTC sabet li Rite Aid naqset milli tieħu miżuri raġonevoli biex tipprevjeni riżultati żbaljati u milli tinforma lill-konsumaturi dwar it-teknoloġija użata. B’mod aktar ġenerali, fil-laqgħa ta’ rieżami, l-FTC indirizzat il-prijoritajiet kurrenti tagħha u b’mod partikolari l-oqsma li temmen li jistħoqqilhom approċċ ta’ infurzar aktar proattiv fil-futur. Dan jinkludi l-protezzjoni ta’ data sensittiva (eż. data dwar is-saħħa, data bijometrika, ġeolokalizzazzjoni), il-protezzjoni tat-tfal u tal-minorenni online, u s-sigurtà tad-data.
Il-Kummissjoni se tkompli ssegwi mill-qrib dawn l-iżviluppi u oħrajn fl-Istati Uniti, b’mod partikolari kwalunkwe pass ieħor lejn liġi federali komprensiva dwar il-privatezza u l-impatt possibbli tal-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti Suprema fuq ir-rwol tal-FTC fil-qasam tal-privatezza.
Il-Kummissjoni tilqa’ l-informazzjoni pprovduta mill-FTC dwar l-attivitajiet ta’ infurzar reċenti tagħha u l-prijoritajiet kurrenti li fil-biċċa l-kbira jikkorrispondu għal xejriet u prijoritajiet fl-infurzar tal-protezzjoni tad-data fl-Ewropa. L-FTC qiegħda tieħu wkoll sehem attiv fin-network li jiġbor flimkien lill-pajjiżi li jibbenefikaw minn deċiżjoni ta’ adegwatezza tal-UE, li l-Kummissjoni nediet f’Marzu 2024. Din il-konverġenza akbar għandha tħeġġeġ u tiffaċilita kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-privatezza fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku, b’mod partikolari dwar kwistjonijiet rilevanti għall-funzjonament tad-DPF.
2.2.Aspetti relatati mal-aċċess u mal-użu ta’ data personali ttrasferita skont il-Qafas tal-Privatezza tad-Data UE-Stati Uniti mill-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Uniti
Id-deċiżjoni ta’ adegwatezza fiha valutazzjoni dettaljata tar-regoli li jirregolaw il-ġbir u l-użu ta’ data personali ttrasferita mill-UE lil kumpaniji ċċertifikati mid-DPF mill-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Uniti, b’mod partikolari għal skopijiet ta’ infurzar tal-liġi kriminali u ta’ sigurtà nazzjonali. Sa mill-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ adegwatezza, kif ġie kkonfermat mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti matul il-laqgħa ta’ rieżami, ma kien hemm l-ebda żvilupp rilevanti fir-rigward tal-qafas legali li japplika għall-aċċess għad-data minħabba skopijiet ta’ infurzar tal-liġi jew skopjiiet regolatorji fl-ewwel sena tad-DPF. Minħabba din ir-raġuni, is-sejbiet ta’ hawn taħt jikkonċernaw biss l-iżviluppi fil-qasam tas-sigurtà nazzjonali.
Il-konklużjonijiet milħuqa fid-deċiżjoni ta’ adegwatezza dwar l-aċċess għad-data mill-aġenziji tal-intelligence jibbażaw fuq l-analiżi tal-kundizzjonijiet u tal-limitazzjonijiet li japplikaw għal operazzjonijiet tal-intelligence ta’ sinjali taħt diversi awtoritajiet legali rilevanti – b’mod partikolari l-Artikolu 702 tal-Foreign Intelligence Surveillance Act (FISA) u l-Executive Order 12333
– kif ikkomplementata u msaħħa mill-Executive Order 14086 on Enhancing Safeguards for United States Signals Intelligence (EO 14086) adottata mill-President tal-Istati Uniti fis-7 ta’ Ottubru 2022. Is-salvagwardji stabbiliti fl-EO 14086 japplikaw għall-attivitajiet kollha tal-intelligence ta’ sinjali tal-Istati Uniti, irrispettivament mill-awtorità legali li fuqha jkunu bbażati tali attivitajiet u minn fejn iseħħu, u jipproteġu d-data ta’ persuni mhux ċittadini tal-Istati Uniti (inklużi l-Ewropej). L-EO 14086 stabbiliet ukoll mekkaniżmu ġdid ta’ rimedju li permezz tiegħu dawn is-salvagwardji vinkolanti jistgħu jiġu invokati u infurzati minn individwi fl-UE.
It-taqsimiet li jmiss jiddeskrivu l-passi meħuda mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti sa mill-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ adegwatezza biex jikkonformaw mal-EO 14086, kif ukoll l-iżviluppi rilevanti fir-rigward tal-qafas legali msemmi hawn fuq.
2.2.1.Żviluppi rilevanti fir-rigward tal-qafas legali tal-Istati Uniti
2.2.1.1.L-implimentazzjoni tal-Executive Order 14086 mill-aġenziji tal-intelligence
Il-limitazzjonijiet u s-salvagwardji introdotti mill-EO 14086 jissupplimentaw dawk previsti mill-Artikolu 702 tal-FISA u mill-EO 12333. Dawn huma vinkolanti fuq l-aġenziji tal-intelligence kollha u ġew operazzjonalizzati ulterjorment permezz ta’ politiki u proċeduri adottati minn kull aġenzija.
Bħala parti mill-ewwel rieżami, l-awtoritajiet tal-Istati Uniti kkonfermaw li ma kien hemm l-ebda bidla fl-EO 14086 sa mill-adozzjoni tagħha. Barra minn hekk, ġie ċċarat li l-President tal-Istati Uniti ma għamilx użu mis-setgħa prevista fl-Artikoli 2(b)(i)(B) u 2(b)(ii)(C) tal-EO 14086 biex jaġġorna l-lista ta’ objettivi leġittimi li għalihom tista’ tiġi segwita l-intelligence ta’ sinjali jew il-lista ta’ skopijiet li għalihom tista’ tintuża d-data miġbura f’ammonti kbar. Sabiex jiġu ddeterminati prijoritajiet ta’ intelligence aktar speċifiċi li għalihom tista’ fil-fatt tinġabar l-intelligence ta’ sinjali, l-EO 14086 stabbiliet proċedura speċifika. B’mod partikolari, l-ODNI Civil Liberties Protection Officer (ODNI CLPO) jeħtiġilha tiġi kkonsultata biex tivvaluta għal kull prijorità jekk (1) avvanzatx objettiv leġittimu wieħed jew aktar elenkati fl-EO; (2) kinitx imfassla jew antiċipata li tirriżulta fil-ġbir tal-intelliġenza ta’ sinjali għal objettiv ipprojbit elenkat fl-EO u (3) ġietx stabbilita wara kunsiderazzjoni xierqa għall-privatezza u għal-libertajiet ċivili tal-persuni kollha. Matul il-laqgħa ta’ rieżami, l-ODNI CLPO kkonfermat li hija rrieżaminat il-prijoritajiet proposti mid-Director of National Intelligence fit-2023 National Intelligence Priorities Framework, ikkonkludiet li dawn kienu konformi mar-rekwiżiti ta’ hawn fuq, u kkondividiet il-konklużjoni tagħha mad-Director of National Intelligence (DNI), li min-naħa tagħha ppreżentat il-prijoritajiet għall-validazzjoni lill-President. L-ODNI CLPO pprovdiet ukoll taħriġ dwar ir-rekwiżiti tal-EO 14086 lil partijiet mill-komunità tal-intelligence involuti fl-iżvilupp tal-prijoritajiet tal-intelligence.
Barra minn hekk, is-sena li għaddiet l-awtoritajiet tal-Istati Uniti ħadu passi prattiċi ulterjuri biex jimplimentaw l-EO 14086 fl-operazzjonijiet ta’ kuljum tagħhom. B’mod partikolari, l-aġenziji tal-intelligence stabbilew politiki u linji gwida interni ulterjuri dwar l-applikazzjoni tal-EO, pereżempju proċessi interni (permezz ta’ rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni interna, kontrolli ta’ aċċess dokumentati sabiex dawk l-individwi li jkunu tħarrġu kif xieraq u li jkollhom ir-rekwiżiti ta’ missjoni meħtieġa biss ikollhom aċċess għall-informazzjoni, eċċ.) biex jiżguraw li r-rekwiżiti ta’ neċessità u proporzjonalità tagħha jiġu rrispettati fil-kuntest kemm tal-ġbir immirat kif ukoll tal-ġbir f’ammonti kbar. Barra minn hekk, ingħata taħriġ dwar l-EO 14086 lill-persunal ta’ aġenziji tal-intelligence differenti (eż. l-NSA, is-CIA, l-FBI), inklużi sessjonijiet ta’ taħriġ annwali u ad hoc organizzati mill-ODNI CLPO u taħriġ obbligatorju għall-persunal il-ġdid kollu li jingħaqad mal-ODNI.
Il-Kummissjoni tilqa’ d-diversi miżuri stabbiliti għall-implimentazzjoni u għall-iżgurar tal-konformità mal-EO 14086. Peress li tinkiseb aktar esperjenza bl-applikazzjoni prattika tas-salvagwardji tal-EO, il-Kummissjoni tapprezza l-opportunità li tiddiskuti eżempji konkreti ta’ kif l-EO tiġi applikata fil-prattika (filwaqt li tirrispetta l-kunsiderazzjonijiet ta’ kunfidenzjalità applikabbli) f’rieżamijiet futuri.
2.2.1.2.Awtorizzazzjoni mill-ġdid tal-Artikolu 702 tal-FISA
L-Artikolu 702 tal-FISA jippermetti l-immirar ta’ persuni mhux ċittadini tal-Istati Uniti li jkun hemm konvinzjoni raġonevoli dwarhom li jinsabu barra mill-Istati Uniti biex jiksbu informazzjoni ta’ intelligence barranija. L-akkwiżizzjoni ssir abbażi ta’ ċertifikazzjonijiet annwali sottomessi lill-Foreign Intelligence Surveillance Court (FISC) u approvati minnha. Dawn iċ-ċertifikazzjonijiet jidentifikaw kategoriji speċifiċi ta’ intelligence barranija li għandhom jinġabru. Fil-21 ta’ Lulju 2023, l-ODNI ħabbar li hemm tliet ċertifikazzjonijiet approvati skont l-Artikolu 702 tal-FISA, li jkopru l-kategoriji li ġejjin ta’ intelligence barranija: (1) il-gvernijiet barranin u l-entitajiet relatati, (2) il-ġlieda kontra t-terroriżmu, u (3) il-ġlieda kontra l-proliferazzjoni. Iċ-ċertifikazzjonijiet huma meħtieġa wkoll li jinkludu proċeduri mmirati u ta’ minimizzazzjoni li huma approvati mill-FISC. B’mod partikolari, l-immirar jitwettaq billi jintalab li l-kumpaniji tal-Istati Uniti li jissodisfaw id-definizzjoni tal-FISA ta’ “fornitur ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika” jiddivulgaw data ta’ komunikazzjoni elettronika għall-komunikazzjonijiet mibgħuta lil jew mingħand “seletturi”, li jidentifikaw kont ta’ komunikazzjoni speċifiku, eż. numru tat-telefown jew indirizz tal-posta elettronika. Il-Gvern tal-Istati Uniti ppubblika għadd ta’ materjali fl-Artikolu 702 tal-FISA biex jinforma lill-pubbliku dwar il-funzjonament tal-programmi ta’ sorveljanza, ir-rekwiżiti applikabbli u l-protezzjonijiet tal-privatezza kif ukoll ir-rwol tal-FISC.
Minħabba klawżola ta’ estinzjoni, l-Artikolu 702 tal-FISA kellu jiskadi fl-aħħar tal-2023, sakemm il-Kungress ma jawtorizzahx mill-ġdid. Wara awtorizzazzjoni mill-ġdid temporanja mingħajr ebda tibdil, fid-19 ta’ April 2024, il-Kungress għadda r-Reforming Intelligence and Securing America Act (RISAA), li jawtorizza mill-ġdid l-Artikolu 702 tal-FISA għal perjodu ta’ sentejn u introduċa diversi bidliet. Dawn jistgħu jinqasmu b’mod wiesa’ f’żewġ kategoriji: (1) bidliet fl-ambitu tal-attivitajiet ta’ sorveljanza permessi skont l-Artikolu 702 tal-FISA u (2) bidliet istituzzjonali u proċedurali.
Bidliet fl-ambitu tal-attivitajiet ta’ sorveljanza permessi skont l-Artikolu 702 tal-FISA
L-RISAA introduċa tliet bidliet ewlenin fl-ambitu tal-attivitajiet ta’ sorveljanza li jistgħu jitwettqu skont l-Artikolu 702 tal-FISA.
L-ewwel nett, il-ġbir ta’ “abouts” ġie pprojbit b’mod definittiv. Dan jirreferi għall-ġbir ta’ komunikazzjonijiet li fihom is-selettur tal-Artikolu 702 (bħal indirizz tal-posta elettronika) ma jkunx fil-kampi “to” jew “from” tal-komunikazzjonijiet, iżda minflok ikun fih referenza għal dan is-selettur fil-komunikazzjoni (eż. komunikazzjonijiet bil-posta elettronika li ma jintbagħtux lejn jew mill-indirizz tal-posta elettronika magħżul, iżda jinkludi l-indirizz tal-posta elettronika magħżul fit-test jew fil-korp). Filwaqt li tali ġbir kien diġà ġie eskluż wara emenda għall-FISA fl-2018, l-FISA xorta waħda pprovdiet il-possibbiltà li jerġa’ jibda l-ġbir ta’ “abouts” fil-futur, wara proċedura ta’ awtorizzazzjoni speċifika li tinvolvi lill-FISC u lill-Kungress. L-aħħar emenda introdotta mill-RISAA neħħiet din il-possibbiltà.
It-tieni, id-definizzjoni ta’ informazzjoni ta’ intelligence barranija ġiet estiża biex tinkludi informazzjoni relatata mal-ġlieda kontra d-droga. Matul il-laqgħa ta’ rieżami, l-awtoritajiet tal-Istati Uniti spjegaw li din ġiet introdotta fid-dawl tal-kriżi kurrenti tal-fentanil u t-theddida dejjem akbar għas-sigurtà nazzjonali mit-traffikanti u mill-manifatturi internazzjonali tan-narkotiċi. F’dan l-isfond, ġie kkonfermat li dan il-kunċett jaqa’ taħt bosta mill-objettivi leġittimi elenkati fl-EO 14086, jiġifieri l-fehim jew il-valutazzjoni tal-kapaċitajiet, tal-intenzjonijiet, jew tal-attivitajiet ta’ organizzazzjonijiet barranin li jippreżentaw theddida kurrenti jew potenzjali għas-sigurtà nazzjonali tal-Istati Uniti jew tal-alleati tagħhom; il-fehim jew il-valutazzjoni tat-theddid tranżnazzjonali li jkollu impatt fuq is-sigurtà globali, inklużi r-riskji għas-saħħa pubblika; u l-protezzjoni kontra theddid kriminali tranżnazzjonali.
It-tielet, l-RISAA espanda d-definizzjoni ta’ “fornitur ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika” (ECSP, electronic communication service provider), u b’hekk espanda l-ambitu tal-kumpaniji li jistgħu jkunu mġiegħla jipprovdu informazzjoni skont l-Artikolu 702 tal-FISA
. Id-definizzjoni issa tinkludi “fornituri oħrajn ta’ servizzi li għandhom ‘aċċess għal tagħmir li qiegħed jintuża jew li jista’ jintuża biex jiġu trażmessi jew jinħażnu komunikazzjonijiet bil-fili jew elettroniċi’”, filwaqt li teskludi b’mod espliċitu l-faċilitajiet ta’ akkomodazzjoni pubblika, l-abitazzjonijiet, il-faċilitajiet komunitarji u l-istabbilimenti tas-servizzi tal-ikel. F’ittra lill-Kungress, id-DoJ irrefera għal din l-emenda bħala bidla teknika maħsuba biex tkopri għadd “estremament żgħir” ta’ kumpaniji tat-teknoloġija li, skont deċiżjonijiet reċenti tal-FISC u tal-Foreign Intelligence Surveillance Court (FISCR), ma kinux koperti mid-definizzjoni preċedenti tal-ECSP. F’dik l-istess ittra, id-DoJ impenja ruħu li jċekken l-ambitu billi japplika din id-definizzjoni esklużivament biex tkopri t-tip ta’ fornitur tas-servizz inkwistjoni fil-litigazzjoni li twassal għad-deċiżjoni tal-FISC. B’konsegwenza ta’ dan, il-kumpaniji kkonċernati jissemmew f’anness klassifikat għall-Kungress. Diversi NGOs, inklużi dawk li pprovdew feedback bħala parti mir-rieżami, esprimew tħassib dwar din l-espansjoni, billi argumentaw li din tista’ potenzjalment tkopri ħafna negozji tal-Istati Uniti (peress li ħafna minnhom jipprovdu xi tip ta’ servizz u għandhom aċċess għal tagħmir tal-komunikazzjoni). Fid-dawl ta’ tħassib bħal dan, ġiet proposta emenda oħra bl-appoġġ tal-Intelligence Community f’abbozz tal-Intelligence Authorisation Act for Fiscal Year 2025, li bħalissa jinsab quddiem il-Kungress. Din il-bidla, jekk tiġi approvata mill-Kungress, tiżgura li l-kumpaniji addizzjonali koperti mid-definizzjoni tal-ECSP ikunu limitati biss għal dawk imsemmija fid-deċiżjonijiet tal-FISC li ssir referenza għalihom hawn fuq. L-abbozz ta’ liġi jipprevedi wkoll li kull direttiva indirizzata lil tali kumpanija jkollha tiġi rrapportata lill-FISC, biex din tal-aħħar tkun tista’ tirrieżamina jekk il-kumpanija fil-fatt taqax fl-ambitu. Fl-ittra tiegħu lill-Kungress, id-DoJ impenja ruħu li jirrapporta lill-Kungress kull 6 xhur rigward kwalunkwe applikazzjoni tad-definizzjoni aġġornata sabiex il-Kungress ikun jista’ jeżerċita s-sorveljanza xierqa fir-rigward tal-applikazzjoni limitata tad-definizzjoni.
Fuq kollox, fil-laqgħa ta’ rieżami mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti u mill-PCLOB ġie kkonfermat li s-salvagwardji kollha tal-EO 14086 għadhom japplikaw bis-sħiħ għal kull ġbir u użu tad-data skont l-Artikolu 702 tal-FISA, inkluż wara dawn l-emendi. Għalhekk, filwaqt li l-RISAA wessa’ kemxejn l-ambitu tal-kumpaniji li jistgħu jiksbu ordni, dan ma llimitax l-eżerċizzju tad-drittijiet. Madankollu, se jkun importanti li jiġu mmonitorjati l-iżviluppi (leġiżlattivi u ta’ rapportar) ulterjuri u li tiġi riċevuta informazzjoni dwar l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli l-ġodda fil-prattika. Dan jinkludi pereżempju l-impatt tat-twessigħ tad-definizzjonijiet ta’ intelligence barranija u ECSPs fuq l-għadd ta’ miri tal-Artikolu 702 tal-FISA (kif ikkomunikati kull sena mill-ODNI, ara hawn taħt dwar it-trasparenza). Ir-rapport ta’ segwitu futur għar-rapport reċenti tal-PCLOB dwar l-Artikolu 702 tal-FISA (ara hawn taħt) għandu jkun partikolarment informattiv f’dan ir-rigward.
Bidliet istituzzjonali u proċedurali
F’termini ta’ bidliet istituzzjonali u proċedurali, l-RISAA kkoodifika diversi proċeduri li diġà kienu ġew segwiti fil-prattika u introduċa salvagwardji ġodda. Filwaqt li xi wħud minn dawn jikkonċernaw biss lill-persuni ċittadini tal-Istati Uniti, diversi bidliet iżidu l-protezzjonijiet kemm għall-persuni ċittadini tal-Istati Uniti kif ukoll għal dawk mhux ċittadini tal-Istati Uniti li d-data tagħhom tista’ tinġabar skont l-Artikolu 702 tal-FISA u għalhekk huma rilevanti għall-funzjonament tad-DPF.
L-ewwel nett, ġew stabbiliti għadd ta’ rekwiżiti addizzjonali ta’ responsabbiltà, sorveljanza u rapportar. B’mod partikolari, il-persunal tal-FBI issa jeħtieġlu jiġi mħarreġ kull sena dwar ir-regoli li japplikaw għat-tiftix tal-informazzjoni miksuba skont l-Artikolu 702 tal-FISA. L-FBI huwa meħtieġ ukoll li jirrapporta lill-Kungress dwar l-attivitajiet ta’ tiftix tiegħu (eż. l-għadd ta’ tfittxijiet li jużaw “teknoloġiji ta’ xogħol bil-lott”, jiġifieri l-użu ta’ diversi termini ta’ tfittxija bħala parti minn tfittxija waħda) u dwar il-miżuri ta’ responsabbiltà stabbiliti biex tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti legali ta’ tiftix (l-Artikoli 11-12 tal-RISAA). Barra minn hekk, l-Ispettur Ġenerali tad-DOJ huwa inkarigat biex jipproduċi rapport dwar il-konformità tal-FBI mar-rekwiżiti ta’ tiftix (l-Artikolu 9 tal-RISAA). B’mod aktar ġenerali, biex tiżdied it-trasparenza tal-proċeduri quddiem l-FISC, l-ODNI u l-Avukat Ġenerali issa huma meħtieġa jlestu r-rieżami tad-deklassifikazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-FISC fi żmien 180 jum (l-Artikolu 7 tal-RISAA). Barra minn hekk, iridu jinżammu u jiġu trażmessi lill-Kungress traskrizzjonijiet tas-seduti kollha quddiem l-FISC u l-Foreign Intelligence Court of Review (FISCR, fejn id-deċiżjonijiet tal-FISC jistgħu jiġu appellati) (l-Artikolu 8 tal-RISAA).
It-tieni, l-RISAA introduċa limitazzjonijiet ulterjuri fuq l-użu mill-FBI ta’ data miġbura skont l-Artikolu 702 tal-FISA. L-Artikolu 2(d) tal-RISAA jipprevedi li tfittxija bl-użu ta’ “teknoloġija tal-lott” tista’ ssir biss wara li tinkiseb l-approvazzjoni minn avukat fi ħdan l-FBI, sakemm ma jkunx hemm ċirkostanzi eżiġenti. Barra minn hekk, l-FBI issa huwa pprojbit milli jivverifika awtomatikament informazzjoni mhux imminimizzata miksuba skont l-Artikolu 702 tal-FISA u minflok irid jiżgura li l-analisti jkollhom jagħżlu b’mod affermattiv li jfittxu dwar tali informazzjoni. L-RISAA pprojbixxa wkoll lill-FBI milli jwettaq tfittxijiet li huma maħsuba biss biex isibu u jisiltu evidenza ta’ attività kriminali (sakemm ma jkunx hemm konvinzjoni raġonevoli li jistgħu jassistu fil-mitigazzjoni jew fl-eliminazzjoni ta’ theddida għall-ħajja jew offiża gravi fuq il-persuna, jew meta jkun meħtieġ biex tintlaħaq konformità mal-obbligi ta’ divulgazzjoni fil-litigazzjoni). Barra minn hekk, l-FBI huwa pprojbit milli jdaħħal data mhux imminimizzata f’repożitorji analitiċi sakemm il-persuna fil-mira ma tkunx rilevanti għal investigazzjoni nazzjonali eżistenti dwar is-sigurtà.
It-tielet, ċerti dispożizzjonijiet relatati mal-istatus u mar-rwol amici curiae quddiem l-FISC inbidlu. L-amici huma maħtura bħala esperti biex jassistu lill-Qorti (u lill-FISCR) dwar kwistjonijiet relatati mal-privatezza u mal-libertajiet ċivili jew biex jgħinu fil-kjarifika ta’ kwistjonijiet teknoloġiċi meta tiġi indirizzata applikazzjoni speċifika tal-gvern. Filwaqt li l-FISA qabel kienet tirrikjedi li l-amici jkollhom għarfien espert fil-privatezza u fil-libertajiet ċivili, fil-ġbir tal-intelligence, fit-teknoloġija tal-komunikazzjoni jew f’oqsma rilevanti oħrajn, issa, fil-prinċipju, tirrikjedi għarfien espert kemm fil-privatezza kif ukoll fil-libertajiet ċivili u fil-ġbir tal-intelligence. Il-Qorti diġà kellha l-possibbiltà li taħtar amicus fi kwalunkwe każ li qieset xieraq, u kienet meħtieġa tagħmel dan meta tittratta interpretazzjoni ġdida jew sinifikanti tal-liġi. Wara l-awtorizzazzjoni mill-ġdid, il-FISC issa hija meħtieġa wkoll taħtar amicus kull darba li tintalab tapprova ċertifikazzjonijiet u proċeduri ta’ akkumpanjament tal-Artikolu 702 tal-FISA (eż. proċeduri ta’ mmirar), sakemm ma ssibx li dan ma jkunx xieraq jew x’aktarx jirriżulta f’dewmien żejjed. Barra minn hekk, minflok ma taħtar wieħed biss, il-Qorti issa tista’ tiddeċiedi li taħtar amicus wieħed jew aktar. Huwa ċċarat ukoll li l-informazzjoni li trid tiġi pprovduta permezz tal-amici trid tkun “limitata għall-indirizzar tal-kwistjonijiet speċifiċi identifikati mill-qorti”, għalkemm l-oqsma li l-amici jistgħu jikkummentaw dwarhom baqgħu wiesgħa (jiġifieri l-argumenti legali u l-informazzjoni relatati mal-protezzjoni tal-privatezza individwali u tal-libertajiet ċivili tal-persuni ċittadini tal-Istati Uniti, il-ġbir tal-intelligence u t-teknoloġija tal-komunikazzjoni jew kwalunkwe qasam rilevanti ieħor).
Fl-aħħar nett, l-Artikolu 18 tal-RISAA jistabbilixxi “FISA Reform Commission” – li tikkonsisti fost l-oħrajn mill-Membri tal-Kungress, mill-President tal-PCLOB, mill-Principal Deputy Director of National Intelligence, u mill-Viċi Avukat Ġenerali, u minn membri addizzjonali li għandhom jinħatru mill-Kungress – biex tirrakkomanda riformi addizzjonali tal-FISA.
Il-Kummissjoni se timmonitorja mill-qrib l-iżviluppi ulterjuri fir-rigward tal-Artikolu 702 tal-FISA, inkluż fil-kuntest tal-attivitajiet ta’ sorveljanza tal-PCLOB (ara hawn taħt), il-ħidma tar-Reform Commission u r-rieżami li jmiss tal-FISA wara sentejn.
2.2.1.3.Attivitajiet ta’ sorveljanza fil-prattika: ċifri u xejriet
L-Annual Statistical Transparency Report Regarding the Intelligence Community’s Use of National Security Surveillance Authorities for Calendar Year 2023 tal-ODNI (ippubblikat f’April 2024) juri li l-għadd ta’ miri skont l-Artikolu 702 tal-FISA żdied minn 245 073 fis-sena kalendarja 2022 għal 268 590 fis-sena kalendarja 2023. Ir-rapport jispjega li l-varjazzjonijiet fl-għadd ta’ miri jistgħu jkunu marbuta ma’ varjetà ta’ raġunijiet, inklużi bidliet fil-prijoritajiet operazzjonali, avvenimenti dinjin, kapaċitajiet tekniċi, imġiba fil-mira u bidliet fis-settur tat-telekomunikazzjoni. Ir-rapport jindika wkoll li l-ebda persuna mhux ċittadina tal-Istati Uniti (meta mqabbla ma’ 1 fl-2021 u 0 fl-2022) ma kienet fil-mira skont l-Artikolu 402 tal-FISA (reġistraturi tan-numri jew ta’ apparati ta’ identifikazzjoni u traċċar), filwaqt li nħarġu sitt ordnijiet (meta mqabbla ma’ 11-il ordni kemm fl-2021 kif ukoll fl-2022), għal sitt miri (meta mqabbla ma’ 13 fl-2021 u 11 fl-2022), skont l-Artikolu 501 tal-FISA (aċċess għar-rekords tan-negozju ta’ trasportaturi komuni, faċilitajiet ta’ kiri tal-vetturi jew faċilitajiet ta’ ħżin fiżiku), li jkopru 5412-il identifikatur uniku (meta mqabbel ma’ 23 157 fl-2021 u 55 431 fl-2022) użati biex jikkomunikaw informazzjoni miġbura skont ordnijiet bħal dawn.
Ir-rapport annwali tad-DoJ dwar il-Liġi ta’ Sorveljanza tal-Intelligence Esterna lill-Kungress jindika li, matul is-sena kalendarja 2023, ġew ippreżentati 327 applikazzjoni lill-FISC biex jitwettqu sorveljanza elettronika u/jew tfittxijiet fiżiċi għal skopijiet ta’ intelligence barranija skont l-Artikolu 105 u 302 tal-FISA rispettivament. L-għadd totali ta’ persuni fil-mira kien bejn 500 u 999. Fir-rigward tal-ittri ta’ sigurtà nazzjonali (NSLs), ir-rapport jgħid li nħarġu 10 115-il talba (minbarra talbiet għal informazzjoni dwar l-abbonati biss) għal informazzjoni dwar persuni mhux ċittadini tal-Istati Uniti, li jfittxu informazzjoni relatata ma’ 3033 persuna differenti mhux ċittadini tal-Istati Uniti.
Diversi kumpaniji ċċertifikati mid-DPF (eż. Google, Meta) jagħmlu użu mill-possibbiltà pprovduta mil-liġi tal-Istati Uniti li jiġu ppubblikati rapporti ta’ trasparenza li jinfurmaw dwar l-għadd ta’ talbiet skont il-FISA u b’NSLs li jkunu rċevew matul perjodu ta’ rapportar partikolari. Fiż-żmien tal-abbozzar ta’ dan ir-rapport, l-istatistika dwar it-talbiet skont il-FISA wara Lulju 2023 kienet għadha ma hijiex disponibbli. Pereżempju, Google rrapportat li, bejn Lulju u Diċembru 2023, irċeviet bejn 500 u 999 talba b’NSLs, li jaffettwaw bejn 2000 u 2499 kont. Meta rrapportat li rċeviet bejn 0 u 499 talba b’NSLs, li jaffettwaw bejn 500 u 999 kont, fl-istess perjodu ta’ rapportar. In-numri baqgħu pjuttost stabbli f’dawn l-aħħar snin. Biex tiżdied ulterjorment it-trasparenza, xi kumpaniji (eż. Google) jippubblikaw b’mod proattiv l-NSLs li jkunu rċevew ladarba jitneħħew ir-restrizzjonijiet dwar in-nondivulgazzjoni.
2.2.1.4.Żviluppi oħrajn
Fil-kuntest tat-tħejjija tar-rieżami, diversi NGOs għamlu mistoqsijiet dwar forom ġodda ta’ akkwiżizzjoni tad-data mill-aġenziji tal-intelligence tal-Istati Uniti permezz tax-xiri ta’ data minn entitajiet kummerċjali, b’mod partikolari sensara tad-data. Huma spjegaw li filwaqt li d-data miġbura fuq din il-bażi xorta trid tiġi pproċessata f’konformità ma’ rekwiżiti oħrajn, inkluż pereżempju skont l-EO 12333, tali akkwiżizzjoni sseħħ barra mill-qafas tal-FISA u tal-EO 14086.
F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li kwalunkwe tip ta’ kondiviżjoni volontarja ta’ data ma’ partijiet terzi huwa soġġett għal diversi kundizzjonijiet dettaljati skont id-DPF. L-ewwel nett, l-organizzazzjoni ċċertifikata ma tistax tikkondividi d-data ma’ parti terza (li ma tkunx qiegħda taġixxi bħala aġent/proċessur) mingħajr ma tipprovdi avviż u għażla lill-individwi kkonċernati
. It-tieni, f’konformità mal-Prinċipju tar-Responsabbiltà għal Trasferimenti Ulterjuri, it-trasferimenti ulterjuri jistgħu jitwettqu biss (1) għal skopijiet limitati u speċifikati, (2) abbażi ta’ kuntratt bejn l-organizzazzjoni tad-DPF tal-UE u tal-Istati Uniti l-parti terza u (3) jekk dak il-kuntratt jirrikjedi li l-parti terza tipprovdi l-istess livell ta’ protezzjoni bħal dak li huwa ggarantit mill-Prinċipji
.
Barra minn hekk, kif ġie diskuss ukoll matul il-laqgħa ta’ rieżami, l-FTC ħadet azzjonijiet ta’ infurzar kontra sensara tad-data li jbigħu data sensittiva dwar il-konsumatur. Pereżempju, f’kawża kontra X-Mode u s-suċċessur tagħha Outlogic, l-FTC fid-9 ta’ Jannar 2024 adottat ordni li tipprojbixxi lill-kumpanija milli tbigħ data ta’ ġeolokalizzazzjoni lil partijiet terzi u tħassar data li kienet użat u kkondividiet b’mod illegali. L-investigazzjoni tal-FTC sabet fost affarijiet oħra li l-kumpanija ma infurmatx bis-sħiħ lill-individwi dwar l-użu u l-bejgħ tad-data ta’ ġeolokalizzazzjoni tagħhom, naqset milli tistabbilixxi miżuri li jippermettu lill-individwi li jagħżlu li ma jipparteċipawx fl-ittrekkjar, ippermettiet l-użu tad-data għal skopijiet potenzjalment diskriminatorji u naqset milli tistabbilixxi limiti għall-użu ta’ tali informazzjoni minn partijiet terzi
. Il-Kummissjoni tistenna li l-FTC tadotta l-istess approċċ jekk il-kumpaniji ċċertifikati mid-DPF jikkondividu d-data bi ksur tad-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq.
Fl-aħħar nett, ta’ min isemmi li f’Mejju 2024, l-ODNI ħareġ l-Intelligence Community Policy Framework for Commercially Available Information
. Dan il-Qafas jistabbilixxi għadd ta’ prinċipji u rekwiżiti li l-aġenziji tal-intelligence għandhom isegwu, inkluż biex jimminimizzaw ir-riskji tal-privatezza u tal-libertajiet ċivili, meta jiksbu u jużaw informazzjoni fil-kuntest ta’ tranżazzjoni kummerċjali.
2.2.2.Sorveljanza indipendenti
L-attivitajiet tal-aġenziji tal-intelligence tal-Istati Uniti huma soġġetti għal superviżjoni minn korpi differenti, inklużi l-Uffiċjali tal-Privatezza u tal-Libertajiet Ċivili, l-Ispetturi Ġenerali, il-Kungress u l-PCLOB. B’mod partikolari, l-EO 14086 tirrikjedi li kull aġenzija tal-intelligence jkollha uffiċjali legali, tas-sorveljanza u tal-konformità ta’ livell għoli sabiex jiżguraw il-konformità mal-liġi applikabbli tal-Istati Uniti. Din il-funzjoni ta’ sorveljanza hija ssodisfata minn uffiċjali bi rwol ta’ konformità deżinjat, kif ukoll minn Uffiċjali tal-Privatezza u tal-Libertajiet Ċivili u minn Spetturi Ġenerali. Dawn jeħtiġilhom iwettqu sorveljanza perjodika tal-attivitajiet tal-intelligence ta’ sinjali u jiżguraw li jiġi rrimedjat kwalunkwe nuqqas ta’ konformità. L-aġenziji tal-intelligence jeħtiġilhom jipprovdu lil tali uffiċjali aċċess għall-informazzjoni rilevanti kollha biex iwettqu l-funzjonijiet ta’ sorveljanza tagħhom u ma jistgħu jieħdu l-ebda azzjoni biex jimpedixxu jew jinfluwenzaw b’mod mhux xieraq l-attivitajiet ta’ sorveljanza tagħhom.
L-Avukat Ġenerali tal-Office of the Intelligence Community Inspector General (ICIG) fl-ODNI – li għandu ġuriżdizzjoni komprensiva fuq l-Intelligence Community kollha u huwa awtorizzat jinvestiga lmenti jew informazzjoni dwar allegazzjonijiet ta’ kondotta illegali, jew abbuż ta’ awtorità – ipparteċipa fil-laqgħa ta’ rieżami. Huwa kkonferma li l-ICIG jivverifika sistematikament il-konformità mal-EO 14086 bħala parti mill-attivitajiet ta’ sorveljanza tiegħu. Huwa rrefera wkoll għall-attivitajiet ta’ sorveljanza reċenti ta’ Spetturi Ġenerali oħrajn tal-komunità tal-intelligence, kif ġie spjegat f’rapporti regolari. Pereżempju, fir-rapport semiannwali tiegħu lill-Kungress għal April-Settembru 2023, l-Ispettur Ġenerali tal-NSA informa dwar evalwazzjoni ta’ qafas ta’ kontroll intern tal-NSA għad-deċiżjonijiet u għat-talbiet ta’ mmirar. Huwa kkonkluda li dan il-qafas kien qiegħed jiffunzjona kif suppost biex jiżgura l-konformità mal-liġijiet, mad-direttivi u mal-politiki li jipproteġu l-libertajiet ċivili u l-privatezza. L-istess rapport jagħmel ukoll referenza għal investigazzjoni li żvelat l-użu ħażin ta’ għodda ta’ intelligence ta’ sinjali għal skopijiet mhux awtorizzati minn impjegat tal-NSA.
Skont l-EO 14086, il-PCLOB huwa fdat b’funzjonijiet speċifiċi ta’ sorveljanza. Il-President tal-PCLOB u t-tliet membri tiegħu pparteċipaw fil-laqgħa ta’ rieżami, u infurmaw li l-PCLOB ipprovda pariri lill-aġenziji tal-intelligence dwar l-abbozzi ta’ politiki u l-proċeduri tagħhom li jimplimentaw l-EO 14086 f’April 2023, u ġie kkonsultat dwar in-nomina tal-imħallfin u tal-avukati speċjali tal-Data Protection Review Court (DPRC). Il-Bord nieda wkoll proġett ta’ sorveljanza biex (1) jirrieżamina l-implimentazzjoni tal-politiki u tal-proċeduri aġġornati adottati mill-aġenziji tal-intelligence biex jiġi żgurat li dawn ikunu konsistenti mal-EO, u (2) iwettaq rieżami annwali tal-funzjonament tal-mekkaniżmu l-ġdid ta’ rimedju (ara hawn taħt). Il-Membri tal-PCLOB ikkonfermaw li l-Bord qiegħed jippjana li jwettaq iż-żewġ rieżamijiet fil-futur qrib. Fir-rigward tar-rimedju, huma spjegaw li, fin-nuqqas ta’ lmenti, ir-rieżami tal-PCLOB se jiffoka fuq il-politiki u l-proċeduri stabbiliti għall-istabbiliment tal-mekkaniżmu.
F’termini ta’ attivitajiet oħrajn ta’ sorveljanza, il-PCLOB fit-28 ta’ Settembru 2023 ħareġ rapport dwar l-Artikolu 702 tal-FISA. Dan ir-rapport huwa segwitu għal rapport preċedenti tal-2014 u fih informazzjoni fattwali u legali aġġornata dwar l-operat tal-programmi ta’ sorveljanza tal-Artikolu 702 tal-FISA. Ir-rapport fih ukoll rakkomandazzjonijiet dwar il-konformità mill-aġenziji tal-intelligence mar-rekwiżiti u mas-suġġerimenti applikabbli lill-Kungress biex jissaħħu aktar diversi aspetti tal-Artikolu 702 tal-FISA fil-kuntest tal-awtorizzazzjoni mill-ġdid tiegħu (inkluż bil-kodifikazzjoni tal-objettivi leġittimi għall-attivitajiet ta’ sorveljanza elenkati fl-EO 14086). Matul il-laqgħa ta’ rieżami, il-PCLOB informa li huwa jistenna li jirċievi dalwaqt risponsi mill-aġenziji tal-intelligence dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu, li se jikkontribwixxu għal rapport ta’ segwitu futur. Proġetti oħrajn ta’ sorveljanza li għaddejjin jinkludu wieħed dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu domestiku u l-impatt tiegħu fuq il-privatezza u l-libertajiet ċivili u l-ġbir ta’ data minn sors miftuħ jew disponibbli kummerċjalment mill-FBI.
Fl-aħħar nett, l-NGOs ikkonsultati fil-kuntest tar-rieżami esprimew it-tħassib li l-mandat ta’ diversi Membri tal-PCLOB se jiskadi fil-futur qrib, li potenzjalment iħalli l-PCLOB mingħajr kworum. B’mod partikolari, it-terminu tal-President skada u l-perjodu li matulu tista’ sservi f’kapaċità ta’ sostitut jintemm f’Jannar 2025, filwaqt li siġġu ieħor huwa vakanti, u t-tielet wieħed se jispiċċa vakanti wkoll f’Jannar tas-sena d-dieħla. Matul il-laqgħa ta’ rieżami, il-Membri spjegaw li ma humiex qegħdin jistennew li l-PCLOB jispiċċa mingħajr kworum, peress li diġà nħarġet nomina għas-siġġu li bħalissa huwa vakanti (u din qiegħda tistenna konferma mis-Senat). Huma ssottolinjaw ukoll li, anke jekk il-Bord jitlef il-kworum tiegħu, dan ma jaffettwax il-kapaċità tiegħu li jkompli jwettaq proġetti ta’ sorveljanza. Madankollu, minħabba r-rwol importanti tal-PCLOB biex jirrieżamina l-implimentazzjoni tal-EO 14086, il-Kummissjoni se timmonitorja mill-qrib l-istatus tal-postijiet tax-xogħol vakanti u tan-nomini/tal-ħatriet futuri.
2.2.3.Rimedju
L-EO 14086, ikkomplementata minn Regolament tal-Avukat Ġenerali, stabbiliet mekkaniżmu ġdid ta’ rimedju biex jittratta u jsolvi lmenti kwalifikanti minn individwi li jikkonċernaw attivitajiet ta’ intelligence ta’ sinjali tal-Istati Uniti. Kwalunkwe individwu fl-UE huwa intitolat jippreżenta lment lill-mekkaniżmu ta’ rimedju dwar allegat ksur tal-liġi tal-Istati Uniti li tirregola l-attivitajiet tal-intelligence ta’ sinjali (eż. l-EO 14086, l-Artikolu 702 tal-FISA, l-EO 12333) fir-rigward tad-data personali ttrasferita lill-Istati Uniti li taffettwa b’mod negattiv l-interessi tal-privatezza u tal-libertajiet ċivili tagħhom. L-individwi jistgħu jippreżentaw ilment lil DPA fi Stat Membru tal-UE, li permezz tas-segretarjat tal-EDPB, jgħaddi l-ilment lill-mekkaniżmu ta’ rimedju. Il-mekkaniżmu huwa magħmul minn żewġ livelli, bl-investigazzjoni inizjali tal-ilmenti mwettqa mill-ODNI CLPO u bil-possibbiltà li l-individwi jappellaw id-deċiżjoni tas-CLPO quddiem DPRC indipendenti. Ladarba jitlesta r-rieżami mill-ODNI CLPO jew mid-DPRC, l-individwi jiġu infurmati, permezz tal-awtorità nazzjonali, li “r-rieżami ma identifika l-ebda ksur kopert jew l-ODNI CLPO/id-DPRC ħarġet determinazzjoni li tirrikjedi rimedju xieraq”. Id-deċiżjonijiet tal-ODNI CLPO u tad-DPRC huma vinkolanti fuq l-aġenziji tal-intelligence.
Mill-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ adegwatezza, ittieħdu passi ulterjuri biex il-mekkaniżmu ta’ rimedju jsir kompletament operattiv.
Fir-rigward tal-istabbiliment tad-DPRC, fl-14 ta’ Novembru 2023 inħatru fil-qorti tmien imħallfin (jiġifieri żewġ imħallfin aktar mill-għadd minimu meħtieġ skont l-EO 14086, kif ikkomplementata mir-regolamenti tal-Avukat Ġenerali fit-28 C.F.R. § 201.3(a)). Dawn inħatru abbażi tal-kriterji stabbiliti fl-EO 14086 u f’konformità mal-proċess stabbilit fiha, inkluż wara konsultazzjoni, fost l-oħrajn, mal-PCLOB. Dawn jinkludu l-eks imħallfin federali tad-District Court u tal-Court of Appeals, eks Avukat Ġenerali tal-Istati Uniti u eks membru tal-PCLOB. Kif meħtieġ mill-EO, mill-anqas nofs l-imħallfin għandhom esperjenza ġudizzjarja minn qabel. Barra minn hekk, f’April 2024, inħatru żewġ avukati speċjali – ġuristi b’għarfien espert kemm fil-privatezza kif ukoll fis-sigurtà nazzjonali, biex jirrappreżentaw l-interessi tal-individwi quddiem id-DPRC. Fil-laqgħa ta’ rieżami ġie kkonfermat li l-imħallfin u l-avukati speċjali kollha rċevew l-ogħla awtorizzazzjoni ta’ sigurtà u għalhekk jista’ jkollhom aċċess għal materjali kklassifikati meta jwettqu l-kompiti tagħhom għad-DPRC. Id-DPRC kienet ippubblikat ukoll serje ta’ mistoqsijiet frekwenti, u pprovdiet aktar informazzjoni dwar ir-rwol, l-indipendenza u l-funzjonament tagħha.
Fir-rigward tat-trattament tal-ilmenti, fis-6 ta’ Diċembru 2022, l-ODNI adotta d-Direttiva 126 dwar l-Intelligence Community li tirregola fid-dettall (billi tiffissa skadenzi, tistabbilixxi repożitorju elettroniku u mezzi ta’ komunikazzjoni siguri, tirrikjedi li elementi tas-CLPO u tal-Intelligence Community jikkooperaw mal-PCLOB fil-kuntest tar-rieżami annwali tal-mekkaniżmu ta’ rimedju, eċċ.) l-aspetti differenti tal-proċess għall-investigazzjoni u għall-aġġudikazzjoni tal-ilmenti. Din id-Direttiva hija applikabbli madwar l-Intelligence Community tal-Istati Uniti kollha u ġiet ikkomplementata minn proċeduri interni ulterjuri adottati minn aġenziji tal-intelligence individwali dwar il-kooperazzjoni tagħhom mal-ODNI CLPO fil-kuntest tat-trattament ta’ lment (eż. l-iżvilupp ta’ repożitorju sigur għall-kondiviżjoni tal-ilmenti u d-dokumenti ta’ rispons; u komunikazzjonijiet siguri bejn l-aġenziji rilevanti). Fix-xhur li ġejjin id-DPRC se toħroġ ukoll regoli aktar dettaljati dwar it-trattament tal-ilmenti u aspetti proċedurali oħrajn.
Ittieħdu għadd ta’ miżuri addizzjonali kemm fl-Unjoni Ewropea kif ukoll fl-Istati Uniti biex il-pubbliku ġenerali jiġi infurmat, kif ukoll biex jiġu ffaċilitati l-preżentazzjoni u t-trattament tal-ilmenti. Dan jinkludi l-adozzjoni mill-EDPB ta’ nota ta’ informazzjoni dwar il-mekkaniżmu l-ġdid ta’ rimedju, mudell tal-formola ta’ lment (li huwa maħsub biex jiġi tradott u ppubblikat mid-DPAs kollha bil-lingwi nazzjonali tagħhom) u regoli tal-proċedura li jirregolaw il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali u s-segretarjat tal-EDPB. Bl-istess mod, l-ODNI ppubblika FAQs u skeda informattiva dwar il-mekkaniżmu l-ġdid ta’ rimedju, u involva ruħu f’attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni tal-pubbliku.
Barra minn hekk, matul l-aħħar sena, l-EDPB u l-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Uniti kkooperaw mill-qrib fuq diversi aspetti operazzjonali. B’mod partikolari, kif ġie kkonfermat matul il-laqgħa ta’ rieżami, huma stabbilew mezz ta’ komunikazzjoni kriptat għat-trażmissjoni tal-ilmenti mill-awtoritajiet nazzjonali fl-UE lis-segretarjat tal-EDPB, mis-segretarjat tal-EDPB lill-ODNI CLPO kif ukoll lid-DoJ Office of Privacy and Civil Liberties (OPCL), u bejn l-ODNI CLPO u awtoritajiet oħrajn min-naħa tal-Istati Uniti (eż. id-DPRC). Barra minn hekk, l-ODNI CLPO spjega li ġew stabbiliti aktar proċeduri interni għall-kooperazzjoni tal-aġenziji tal-intelligence individwali mal-ODNI CLPO fir-rigward tat-trattament ta’ lmenti.
Fl-aħħar nett, l-OPCL, li jipprovdi appoġġ amministrattiv lid-DPRC, informa wkoll li d-DPRC topera taħt il-linja baġitarja dedikata tagħha stess u hija pprovduta bil-faċilitajiet meħtieġa biex twettaq il-kompiti tagħha, inklużi kompjuters u laptops siguri, mowbajls, eċċ. Barra minn hekk, kif meħtieġ mill-EO 14086, id-DoC ħa l-miżuri meħtieġa, inkluż billi stabbilixxa mezz ta’ komunikazzjoni kriptat mal-ODNI CLPO, biex iżomm rekord tal-ilmenti kwalifikanti kollha riċevuti. Id-DoC se jikkuntattja perjodikament lill-ODNI CLPO dwar jekk l-informazzjoni relatata ma’ lment individwali ġietx deklassifikata. Jekk iva, id-DoC jinnotifika lill-individwu kkonċernat b’dan, sabiex ikun jista’ jikseb aċċess għal tali informazzjoni.
Fiż-żmien tal-laqgħa ta’ rieżami, l-awtoritajiet superviżorji tal-UE ma kienu rċevew l-ebda lment u għalhekk il-mekkaniżmu l-ġdid ta’ rimedju kien għadu ma ġiex attivat.
3.KONKLUŻJONI
Abbażi tal-informazzjoni miġbura matul dan l-ewwel rieżami, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-awtoritajiet tal-Istati Uniti stabbilew l-istrutturi u l-proċeduri meħtieġa biex jiżguraw li l-Qafas tal-Privatezza tad-Data jiffunzjona b’mod effettiv. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tapprezza ħafna l-kooperazzjoni tajba ħafna mal-awtoritajiet tal-Istati Uniti biex jitwettaq ir-rieżami.
Filwaqt li dan l-ewwel rieżami ffoka b’mod naturali fuq il-verifika ta’ jekk humiex stabbiliti l-elementi kostitwenti kollha tal-qafas, l-esperjenza bl-applikazzjoni prattika tas-salvagwardji li japplikaw kemm għall-ipproċessar tad-data minn kumpaniji ċċertifikati kif ukoll għall-aċċess tad-data mill-awtoritajiet pubbliċi hija neċessarjament limitata wara sena ta’ operat biss. Għalhekk, il-Kummissjoni se timmonitorja mill-qrib l-iżviluppi rilevanti fix-xhur u fis-snin li ġejjin, filwaqt li tagħti attenzjoni partikolari għal (1) ir-rapporti li ġejjin tal-PCLOB dwar l-implimentazzjoni tal-EO 14086 u l-funzjonament tal-mekkaniżmu ta’ rimedju tal-intelligence ta’ sinjali, b’mod partikolari d-DPRC; (2) l-emendi ulterjuri possibbli tal-Artikolu 702 tal-FISA; u (3) in-nomina u l-ħatra tal-membri għall-PCLOB biex jimtlew il-postijiet vakanti li se jkun hemm.
Barra minn hekk, biex jiġi żgurat funzjonament kontinwu u effettiv, il-Kummissjoni tqis importanti li:
-Kif imħabbar fil-laqgħa ta’ rieżami, id-DoC jagħmel użu aktar sħiħ mill-għodod differenti pprovduti fid-DPF għall-monitoraġġ tal-konformità mill-kumpaniji mal-Prinċipji u l-identifikazzjoni ta’ asserzjonijiet foloz ta’ parteċipazzjoni.
-L-FTC tiżviluppa aktar l-approċċ proattiv tagħha għall-investigazzjoni u għall-infurzar tal-konformità minn kumpaniji ċċertifikati mal-Prinċipji tad-DPF; kif ukoll
-Id-DoC, l-FTC u l-awtoritajiet għall-protezzjoni tad-data tal-UE jiżviluppaw strumenti ta’ gwida komuni dwar ir-rekwiżiti ewlenin skont il-Prinċipji tad-DPF, eż. rigward id-data dwar ir-riżorsi umani u t-trasferimenti ulterjuri.
Fid-dawl ta’ dan l-eżitu tar-rieżami u kif previst fil-premessa 211 tad-deċiżjoni ta’ adegwatezza, il-Kummissjoni tqis li huwa xieraq li twettaq ir-rieżami perjodiku li jmiss wara 3 snin. Dan għandu jippermetti li tinkiseb aktar esperjenza bl-applikazzjoni prattika tad-DPF u jqis l-iżviluppi li se jkun hemm u li huma msemmija hawn fuq. Għalhekk, f’konformità mal-Artikolu 3(4) tad-deċiżjoni ta’ adegwatezza, il-Kummissjoni se tikkonsulta lill-EDPB u lill-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 93(1) tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data dwar dwar il-perjodiċità ta’ rieżamijiet futuri.