EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016PC0378

Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-kundizzjonijiet tad-dħul u tar-residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ impjieg b’ħiliet għolja

COM/2016/0378 final - 2016/0176 (COD)

Strasburgu, 7.6.2016

COM(2016) 378 final

2016/0176(COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-kundizzjonijiet tad-dħul u tar-residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ impjieg b’ħiliet għolja

{SWD(2016) 193 final}
{SWD(2016) 194 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

Din il-proposta tifforma parti mill-isforzi tal-UE biex tiżviluppa politika komprensiva tal-immigrazzjoni, abbażi tal-Artikolu 79 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b’mod partikolari ta’ politika ġdida dwar il-migrazzjoni legali, u tikkontribwixxi għall-Istrateġija ta’ Tkabbir tal-UE, skont il-prijoritajiet tal-Ewropa 2020 1 . Id-Direttiva tal-2009 dwar il-“Karta Blu tal-UE” 2 kienet maħsuba biex tiffaċilita l-ammissjoni u l-mobbiltà ta’ ħaddiema nazzjonali bi kwalifiki għolja minn pajjiżi terzi, u tal-membri familjari tagħhom, billi tarmonizza l-kundizzjonijiet tad-dħul u tar-residenza madwar l-UE u billi tipprevedi sett ta’ drittijiet. Hija kellha l-għan li tagħmel lill-UE aktar kompetittiva sabiex tattira ħaddiema bi kwalifiki għolja minn madwar id-dinja, sabiex b’hekk tikkontribwixxi għall-indirizzar tan-nuqqas ta’ xogħol u ħiliet fi ħdan is-suq tax-xogħol tal-UE, kif ukoll issaħħaħ il-kompetittività u t-tkabbir ekonomiku tal-UE. Madankollu, id-Direttiva tal-2009 naqset milli tilħaq dawn l-għanijiet.

Id-Direttiva attwali dwar il-Karta Blu tal-UE wriet dgħjufijiet intrinsiċi bħal kundizzjonijiet tal-ammissjoni restrittivi u faċilitazzjoni limitata ħafna għall-mobbiltà ġewwa l-UE. Dan, flimkien ma’ settijiet differenti ta’ regoli paralleli, il-kundizzjonijiet u l-proċeduri għall-ammissjoni tal-istess kategorija ta’ ħaddiema bi kwalifiki għoljin li jgħoddu madwar l-Istati Membri tal-UE llimitat l-attraenza u l-użu tal-Karta Blu tal-UE. Dan la huwa effikaċi, minħabba li tali frammentazzjoni tinvolvi piż għall-impjegaturi u għall-applikanti individwali, u lanqas effettiv, kif muri mill-għadd globali limitat ħafna ta’ permessi maħruġa li jirrigwardjaw il-kwalifiki għoljin.

Għal din ir-raġuni, il-President tal-Kummissjoni Jean-Claude Juncker iddikjara l-intenzjoni tiegħu li jindirizza n-nuqqasijiet tad-Direttiva dwar il-Karta Blu tal-UE u li jwessa’ sostanzjalment l-impatt tagħha fl-attrazzjoni ta’ aktar ħaddiema b’ħiliet għolja lejn l-UE 3 . L-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni 4 ħabbret li ser isir rieżami tal-Karta Blu tal-UE, bħala parti mill-politika ġdida dwar il-migrazzjoni legali, sabiex issir aktar effettiva fl-attrazzjoni tat-talenti lejn l-Ewropa. Il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2016 ħabbar li “sabiex jintlaħqu l-ħtiġijiet demografiċi u tas-suq tax-xogħol tal-Ewropa fil-ġejjieni, [il-Kummissjoni]ser tippreżenta approċċ imġedded dwar il-migrazzjoni legali, inklużi miżuri sabiex tittejjeb id-Direttiva dwar il-Karta Blu tal-UE”. Din il-proposta tirrappreżenta l-eżitu tal-proċess ta’ rieżami.

Il-Komunikazzjoni tas-6 ta’ April 2016 5 enfasizzat il-ħtieġa ta’ toroq legali sostenibbli, trasparenti u aċċessibbli lejn l-Ewropa bħala parti mill-ġestjoni b’suċċess tal-migrazzjoni. Il-Kummissjoni daħħlet mill-ġdid l-intenzjoni tagħha li tipproponi bidliet fid-Direttiva dwar il-Karta Blu tal-UE bl-għan li ssaħħaħha bħala skema unika għall-UE kollha għall-ammissjoni ta’ ħaddiema bi kwalifiki għolja. Fid-diskussjonijiet ta’ segwitu, il-Parlament Ewropew talab għall-ħolqien ta’ toroq legali ġodda lejn l-Ewropa u ħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkun ambizzjuża f’dan ir-rigward. Fir-rapport tiegħu tat-23 ta’ Marzu 2016, 6 il-Parlament fakkar li r-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Karta Blu tal-UE għandha tkun kemm ambizzjuża kif ukoll immirata, u notevolment ikollha l-għan li tneħħi l-inkonsistenzi eżistenti fir-rigward ta’, pereżempju, l-iskemi nazzjonali paralleli.

L-UE diġà qiegħda tiffaċċja nuqqas ta’ ħiliet u spariġġ f’ċerti setturi li għandhom il-potenzjal li jillimitaw it-tkabbir, il-produttività u l-innovazzjoni (pereżempju, il-kura tas-saħħa, l-ICT u l-inġinerija) u b’hekk inaqqsu r-ritmu tal-irkupru ekonomiku kontinwu tal-Ewropa u jillimitaw il-kompetittività tagħha. L-attivazzjoni, it-taħriġ u t-titjib tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol eżistenti ilkoll għandu jkollhom rwol fl-indirizzar ta’ dawn in-nuqqasijiet, speċjalment fi żmien meta l-qgħad globali huwa għoli. Madankollu, huwa improbabbli li dawn il-miżuri jkunu biżżejjed biex jissodisfaw b’mod sħiħ il-ħtiġijiet u, fi kwalunkwe każ, jieħdu ż-żmien biex ikollhom effett konkret fuq is-suq tax-xogħol u fuq il-produttività. Fil-ġejjieni, il-bidliet strutturali fl-ekonomiji tal-UE ser ikomplu jżidu d-domanda għall-ħiliet li mhumiex disponibbli minnufih fis-suq tax-xogħol, sabiex b’hekk ikompli jinħoloq nuqqas ta’ ħiliet.

Is-sistema tal-immigrazzjoni attwali tal-UE għall-ħaddiema b’ħiliet għolja mhijiex mgħammra sewwa għall-isfidi attwali u futuri. Dħul totali ta’ ħaddiema minn pajjiżi terzi bi kwalifiki għolja lejn l-Istati Membri parteċipanti 7 kemm taħt il-Karta Blu tal-UE kif ukoll taħt skemi nazzjonali għal ħaddiema b’ħiliet ta’ livell għoli kien ta’ 23 419 fl-2012, 34 904 fl-2013 u 38 774 fl-2014 8 . Meta mqabbla mal-ħtiġijiet ipproġettati għall-ħaddiema b’ħiliet għolja f’ċerti setturi, dawn in-numri huma ferm ’il bogħod minn biżżejjed sabiex jindirizzaw in-nuqqas ta’ ħiliet u xogħol eżistenti u pproġettati għall-ġejjieni fl-UE fl-impjiegi li jirrikjedu ħiliet għolja. Barra minn hekk, filwaqt li stħarriġ dwar l-intenzjonijiet ta’ migranti b’edukazzjoni għolja jindikaw potenzjal relattivament qawwi tal-attrattività tal-UE, l-UE mhijiex effettiva biżżejjed la biex tikkonverti dan f'’għadd ikbar ta’ ħaddiema b’ħiliet għoljin, u lanqas li żżomm it-talenti edukati fl-UE, meta mqabbla ma’ ekonomiji żviluppati oħrajn. Il-figuri juru li mill-migranti kollha minn pajjiżi terzi li jaslu fil-pajjiżi tal-OECD, 48% tal-migranti b’edukazzjoni baxxa u 31% tal-migranti b’edukazzjoni għolja jagħżlu destinazzjoni fl-UE 9 .

Din il-proposta, li tissostitwixxi d-Direttiva eżistenti dwar il-Karta Blu tal-UE (2009/50/KE), għandha l-għan li ttejjeb il-ħila tal-UE li tattira u żżomm ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’ħiliet għolja, kif ukoll li ssaħħaħ il-mobbiltà u ċ-ċirkolazzjoni tagħhom bejn l-impjiegi fi Stati Membri differenti. L-għan huwa li tittejjeb il-ħila tal-UE li twieġeb b’mod effettiv u fil-pront għad-domandi eżistenti u li qegħdin jinħolqu għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’ħiliet għolja u li tikkumpensa għan-nuqqas ta’ ħiliet, sabiex iżżid il-kontribut tal-immigrazzjoni ekonomika għat-tisħiħ tal-kompetittività tal-ekonomija tal-UE u l-indirizzar tal-konsegwenzi tat-tixjiħ demografiku.

Il-konsistenza mad-dispożizzjonijiet tal-politika eżistenti fil-qasam tal-politika

L-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni kkonfermat il-ħtieġa li tintuża l-Karta Blu tal-UE għat-twaqqif ta’ skema attraenti għall-Ewropa kollha għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’ħiliet għolja. Fil-Komunikazzjoni tas-6 ta’ April 2016 kien speċifikat ukoll li dan jista’ jinkiseb permezz tal-iżvilupp ta’ approċċ komuni armonizzat tal-UE, li jinkludi kundizzjonijiet ta’ ammissjoni aktar flessibbli, proċeduri ta’ ammissjoni mtejba u drittijiet imsaħħa, inkluża l-mobbiltà ġewwa l-UE.

Din l-inizjattiva hija kumplimentari għal strumenti oħrajn adottati fil-qasam tal-migrazzjoni legali. B’mod partikolari, hija kumplimentari għad-Direttiva dwar il-ħaddiema bi trasferiment intra-azjendali 10 , li tiffaċilita d-dħul u l-mobbiltà ġewwa l-UE ta’ impjegati b’ħiliet għolja (maniġers, speċjalisti) impjegati minn kumpaniji stabbiliti f’pajjiżi terzi li huma temporanjament assenjati lis-sussidjarji li jinsabu fl-UE. Hija wkoll kumplementari għad-Direttiva (UE) 2016/801, li tirregola l-ammissjoni u d-drittijiet għal studenti u riċerkaturi, kif ukoll għal pereżempju apprendisti u voluntiera taħt is-Sistema Volontarja Ewropea. Il-proposta tikkumplimenta u tidderoga wkoll mid-Direttivi tal-Kunsill 2003/86/KE tat-22 ta’ Settembru 2003, li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom jista’ jiġi eżerċitat id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja, u 2003/109/KE tal-25 ta’ Novembru 2003, dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul. Il-proposta preżenti tmur ’lil hinn minn dawn id-Direttivi billi tipprevedi kundizzjonijiet aktar favorevoli għar-riunifikazzjoni tal-familja u aċċess aktar iffaċilitat għall-istatus ta’ residenti għat-tul. Barra minn hekk, hija tikkumplimenta d-Direttiva 2011/95/UE (“id-Direttiva dwar il-Kwalifiki”) 11 sal-punt li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-proposta jiġi estiż għall-benefiċjarji b’ħiliet għolja ta’ protezzjoni internazzjonali. Huma ser ikunu jistgħu jibdew jaħdmu madwar l-Istati Membri skont il-ħiliet u l-edukazzjoni tagħhom u jimlew il-postijiet tax-xogħol battala f’reġjuni partikolari. Dan jippermettilhom ikunu attivi fis-suq tax-xogħol anki f’każijiet fejn ma jkunx hemm postijiet tax-xogħol battala fil-qasam speċifiku tagħhom fl-Istat Membru li tahom protezzjoni.

Din il-proposta hija konsistenti mal-‘Pjan ta’ Azzjoni dwar l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi” 12 li jipprovdi qafas ta’ politika komuni li jista’ jgħin lill-Istati Membri huma u jkomplu jiżviluppaw iktar u jsaħħu l-istrateġiji ta’ integrazzjoni nazzjonali għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi, inklużi dawk bi kwalifiki għoljin.

Il-format tal-permessi ta’ residenza għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi huwa stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 1030/2002 u japplika għal din il-proposta.

Il-konsistenza ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni

Din il-proposta għandha l-għan li tipprovdi skema attraenti mifruxa mal-UE kollha għal ħaddiema b’ħiliet għolja f’konformità mal-politiki tal-UE li jimmiraw lejn l-approfondiment u t-tisħiħ tas-Suq Uniku 13 . Politika biex tattira ħaddiema b’ħiliet għolja hija konsistenti ma’ u kumplementari wkoll ma’ politiki biex tiġi ffaċilitata l-mobbiltà taċ-ċittadini tal-UE fi ħdan l-UE appoġġata permezz tar-Regolament 492/2011 14 , ir-Regolament 2016/589 (“EURES”) 15 u pakkett ta’ Mobbiltà tax-Xogħol li ġej fil-qasam tal-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali. Hija tikkumplimenta wkoll il-politiki li jtejbu u jammeljoraw il-ħiliet tal-ħaddiema tal-UE u r-rikonoxximent tal-kwalifiki, minħabba l-integrazzjoni aħjar tagħhom fis-suq tax-xogħol. L-ekonomija tal-UE b’mod ġenerali tibbenifika minn ġabra akbar ta’ talenti disponibbli u l-effett ta’ spostament tal-ħaddiema tal-UE mistenni jkun baxx fil-każ tal-ħaddiema b’ħiliet għolja. L-Aġenda għal Ħiliet Ġodda għall-Ewropa 16 tittratta kwistjoni wiesgħa ta’ rikonoxximent ta’ kwalifiki u għalhekk huwa rilevanti wkoll id-dħul ta’ ħaddiema b'ħiliet għolja taħt il-Karta Blu tal-UE, peress li dawn il-persuni ħafna drabi jiffaċċjaw ostakoli u kostijiet għoljin jekk ikollhom il-kwalifiki miksuba f’pajjiżi terzi rikonoxxuti. Dawn l-inizjattivi kollha jikkontribwixxu għall-Istrateġija ta’ Tkabbir tal-UE, skont il-prijoritajiet ta’ Ewropa 2020.

2.IL-BAŻI ĠURIDIKA, IS-SUSSIDJARJETÀ U L-PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Din il-proposta tikkonċerna l-kundizzjonijiet tad-dħul u tar-residenza għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u l-proċeduri għall-ħruġ tal-permessi meħtieġa marbuta max-xogħol li jirrikjedi ħiliet għolja. Hija tistabbilixxi wkoll il-kundizzjonijiet li taħthom ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jirrisjedi fi Stat Membru. Konsegwentement, il-bażi ġuridika xierqa hija l-Artikolu 79(2)(a) u (b) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b’konnessjoni mal-Artikolu 79(1) tal-istess Trattat.

Skont il-Protokoll 21 anness mat-Trattati, ir-Renju Unit u l-Irlanda jistgħu jinnotifikaw lill-Kunsill, fi żmien tliet xhur wara li tkun ġiet ippreżentata proposta jew inizjattiva, jew fi kwalunkwe ħin wara l-adozzjoni tagħha, li huma jixtiequ jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ kwalunkwe miżura proposta bħal din. Ebda wieħed mill-Istati Membri ma eżerċita d-dritt tiegħu li jagħmel parti mid-Direttiva dwar il-Karta Blu tal-UE. Skont il-Protokoll 22 anness mat-Trattati, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ miżuri bbażati fuq dan l-Artikolu 17 .

L-ammissjoni tal-migranti ekonomiċi hija kompetenza kondiviża bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha. B’mod partikolari, kwalunkwe miżura proposta fil-qasam tal-migrazzjoni legali “ma għandhiex tolqot id-dritt tal-Istati Membri li jistabbilixxu l-volumi ta’ dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi ġejjin minn pajjiżi terzi, fit-territorju tagħhom sabiex ifittxu impjieg, kemm jekk impjegati u kemm jekk jaħdmu għal rashom” (Artikolu 79(5) tat-TFUE).

Sussidjarjetà

L-isfida li tittejjeb il-kapaċità sabiex jiġi attirat u jinżamm it-talent minn barra l-UE żdiedet u hija komuni għall-Istati Membri kollha. Għalkemm kull Stat Membru jista’ jkompli jkollu s-sistema nazzjonali tiegħu għall-ħaddiema b’ħiliet għolja, din ma żżidx l-attrazzjoni tal-UE b’mod ġenerali. Speċjalment meta l-UE titqabbel ma’ destinazzjonijiet ewlenin oħrajn b’approċċ aktar uniformi, l-Istati Membri li jaġixxu weħidhom, b’mod partikolari dawk iżgħar, mhumiex mgħammra b’mod adegwat sabiex jikkompetu fil-kompetizzjoni internazzjonali għall-ħaddiema b’ħiliet għolja.

Is-sitwazzjoni frammentata attwali bir-regoli nazzjonali paralleli u diverġenti għall-istess kategorija ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi madwar l-Istati Membri la hija effettiva u lanqas effikaċi għal kwalunkwe parti involuta. L-applikanti u l-impjegaturi għandhom jinnavigaw qafas regolatorju kumpless li joħloq spejjeż u piż amministrattiv, li għandu piż partikolarment qawwi fuq l-SMEs. Barra minn hekk, ikun aktar faċli u aktar kosteffikaċi għall-awtoritajiet tal-Istati Membri li japplikaw sett wieħed, ċar u sempliċi ta’ regoli biex jeżaminaw l-applikazzjonijiet ta’ ħaddiema b’ħiliet għolja sabiex jirrisjedu u jaħdmu hemmhekk.

L-UE, li taġixxi bħala parteċipant wieħed lejn id-dinja ta’ barra, tista’ toħloq ekonomiji ta’ skala u b’hekk tikkompeti aħjar ma’ destinazzjonijiet ewlenin oħrajn għall-provvista limitata ta’ ħaddiema b’ħiliet għolja. Din il-proposta għandha l-għan li żżid l-attrazzjoni ġenerali tal-UE billi tipprovdi skema waħda, trasparenti, flessibbli u ssimplifikata għall-ħaddiema b’ħiliet għolja madwar l-UE. Hija tibgħat messaġġ ċar lill-ħaddiema b’ħiliet għolja li l-UE tilqagħhom billi toffri proċeduri ta’ ammissjoni ċari u malajr flimkien ma’ kundizzjonijiet ta’ residenza attraenti għalihom u għall-familji tagħhom.

Barra minn hekk, hija biss l-azzjoni meħuda fil-livell tal-UE li tista’ toffri lill-ħaddiema b’ħiliet għolja l-possibbiltà li jiċċaqilqu, jaħdmu u jirrisjedu faċilment f’diversi Stati Membri tal-UE. Il-mobbiltà ġewwa l-UE tgħin sabiex jiġu mwieġba aħjar id-domandi għax-xogħol li jirrikjedi ħiliet għolja u sabiex jiġi kkumpensat in-nuqqas ta’ ħiliet. Għall-kuntrarju, l-iskemi nazzjonali ma jistgħux joffru, min-natura tagħhom, din il-possibbiltà li l-ħaddiema jiċċaqilqu faċilment minn Stat Membru għal ieħor f’każ ta’ nuqqas ta’ xogħol jew f’każ li jinqalgħu opportunitajiet ta’ xogħol.

Anki bi skema aktar armonizzata għall-UE kollha u bl-abolizzjoni ta’ skemi nazzjonali paralleli, l-Istati Membri jżommu l-kompetenza fuq ċerti aspetti, bħall-prerogattiva tagħhom ibbażata fuq it-Trattat li jiddefinixxu l-volumi tal-ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jiġu minn pajjiżi terzi fit-territorju tagħhom sabiex ifittxu x-xogħol. L-Istati Membri ser ikollhom il-possibbiltà li jintroduċu testijiet tas-suq tax-xogħol f’ċirkustanzi fejn is-suq tax-xogħol tagħhom jgħaddi minn disturbi serji, bħal livell għoli ta’ qgħad f’impjieg partikolari jew settur. Barra minn hekk, l-Istati Membri nfushom ser ikollhom kontroll fuq il-livell tal-limitu tas-salarju – anki jekk dan ikun aktar armonizzat b’limiti inferjuri u superjuri – li jiġi kkalkolat fuq medja nazzjonali tal-pagi u fuq il-professjonijiet li hemm nuqqas tagħhom u li għalihom japplika limiti inferjuri.

Minħabba dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, il-proposta hija konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

Proporzjonalità

Din il-proposta tikkonċerna l-kundizzjonijiet, il-proċeduri u d-drittijiet ta’ ammissjoni ta’ ħaddiema b’ħiliet għolja minn pajjiżi terzi, li huma l-elementi ta’ politika komuni dwar l-immigrazzjoni skont l-Artikolu 79 tat-TFUE. Diġà jeżistu regoli għall-UE kollha għal dan il-grupp ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, b’mod parallel mar-regoli nazzjonali, madankollu, jeħtieġ li dawn jiġu mmodifikati sabiex jiġu indirizzati l-problemi identifikati u jintlaħqu b’mod sħiħ l-għanijiet tad-Direttiva, filwaqt li l-kontenut u l-forma ta’ azzjoni tal-UE għandhom jibqgħu limitati għal dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

Il-proposta toffri bilanċ bejn, fuq naħa waħda, id-drittijiet imtejba, inkluża mobbiltà ġewwa l-UE permezz ta’ livell ogħla ta’ armonizzazzjoni u, fuq in-naħa l-oħra, skema aktar inklużiva permezz tal-iffaċilitar tal-proċeduri ta’ ammissjoni (inklużi limiti ta’ salarju inferjuri, sabiex b’hekk jitwessa’ l-grupp fil-mira), b’ċerta flessibbiltà għall-Istati Membri sabiex jadattaw l-iskema għas-sitwazzjoni nazzjonali tagħhom.

Il-piż amministrattiv impost fuq l-Istati Membri f’termini ta’ bidla tal-leġiżlazzjoni u kooperazzjoni miżjuda ser ikun moderat minħabba li l-iskema tal-Karta Blu tal-UE diġà teżisti u minħabba li dan il-piż jingħeleb mill-benefiċċji.

L-għażla tal-istrument

L-istrument magħżul huwa Direttiva ġdida li tħassar u tissostitwixxi d-Direttiva attwali dwar il-Karta Blu tal-UE. Din tagħti ċerta flessibbiltà lill-Istati Membri f’termini ta’ implimentazzjoni u applikazzjoni. Direttiva hija vinkolanti fir-rigward tar-riżultat li jrid jinkiseb, iżda tagħti lill-Istati Membri flessibbiltà fir-rigward tal-forma u l-metodu sabiex jimplimentaw dawn l-għanijiet fis-sistema legali nazzjonali tagħhom u fil-kuntest ġenerali. Ma ġiet identifikata ebda raġuni għala għandu jkun hemm bidla minn Direttiva għal Regolament direttament applikabbli.

Il-miżuri mhux vinkolanti jkollhom effett limitat wisq, billi l-applikanti u l-kumpaniji potenzjali jkomplu jiffaċċjaw firxa sħiħa ta’ regoli differenti għall-ammissjoni tagħhom

3.IR-RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX-POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex-post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

L-ewwel rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Karta Blu tal-UE 18 ġie ppreżentata f’Mejju 2014 u vvalutata l-konformità tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva. Dan ikkonkluda li hemm varjazzjonijiet kbar bejn l-Istati Membri fl-għadd ta’ Karti Blu tal-UE mogħtija minħabba l-għażliet politiċi mill-Istati Membri li japplikaw u jippromwovu l-Karta Blu tal-UE f’ħafna modi differenti u, f’xi każijiet, jiffavorixxu l-iskemi nazzjonali paralleli tagħhom. Id-Direttiva attwali dwar il-Karta Blu tal-UE tistabbilixxi biss standards minimi u tħalli ħafna libertà lill-Istati Membri permezz ta’ ħafna dispożizzjonijiet diskrezzjonarji u referenzi għal-leġiżlazzjoni nazzjonali. Ir-rapport sab ukoll li hemm għadd ta’ nuqqasijiet fit-traspożizzjoni u, b’mod aktar speċifiku, li l-Istati Membri kienu qegħdin jittraskuraw l-obbligi ta’ rappurtar tagħhom skont id-Direttiva. Dan it-tħassib ġie diskuss mal-Istati Membri permezz tan-netwerk ta’ Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali u fil-laqgħat tal-Grupp ta’ Kuntatt.

Evalwazzjoni oħra mwettqa mill-Kummissjoni fil-perjodu 2015-2016 aġġornat u espandiet fuq l-ewwel rapport. Il-konklużjoni hi li l-Karta Blu tal-UE fil-forma attwali tagħha ma tilħaqx il-potenzjal tagħha għal valur miżjuq meta mqabbla ma' skemi nazzjonali konkorrenti kumplimentari għall-ħaddiema b'ħiliet għolja 19 .

Konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati

Bejn is-27 ta’ Mejju u t-30 ta’ Settembru 2015, saret konsultazzjoni pubblika online dwar il-Karta Blu tal-UE u l-politiki tal-UE dwar il-migrazzjoni għax-xogħol. B’kollox, waslu 610 tweġiba għall-kwestjonarju u 15-il kontribuzzjoni bil-miktub minn firxa wiesgħa ta’ atturi li jirrappreżentaw il-partijiet interessati rilevanti kollha 20 . Il-kontribuzzjonijiet intalbu u ġew riċevuti minn ċittadini tal-UE, organizzazzjonijiet u ċittadini ta’ pajjiżi terzi (li jirrisjedu ġewwa jew barra l-UE) kif ukoll minn impjegaturi (multinazzjonali kif ukoll SMEs), l-assoċjazzjonijiet tagħhom, organizzazzjonijiet privati u pubbliċi tal-impjiegi, trejdunjins, ministeri, awtoritajiet lokali u reġjonali, ħaddiema fil-qasam tax-xandir, akkademiċi, organizzazzjonijiet internazzjonali, organizzazzjonijiet jew awtoritajiet tal-pajjiżi tal-oriġini, imsieħba soċjali u atturi oħrajn tas-soċjetà ċivili. Saru wkoll diversi laqgħat bilaterali u fi gruppi ma’ Stati Membri ewlenin, rappreżentanti ta’ negozji, prattikanti, imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet internazzjonali (OECD, UNHCR, IOM). Fit-3 ta’ Diċembru 2015 ġiet organizzata sessjoni ta’ ħidma speċifika mal-imsieħba soċjali nazzjonali b’kollaborazzjoni mal-Osservatorju tas-Suq tax-Xogħol (LMO) u mal-Grupp ta’ Studju Permanenti dwar l-Immigrazzjoni u l-Integrazzjoni (IMI) tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Tmexxew diversi attivitajiet addizzjonali ta’ konsultazzjoni mal-partijiet interessati minn kuntrattur estern ma’ awtoritajiet nazzjonali magħżula, organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem, trejdunjins u organizzazzjonijiet fil-pajjiżi tal-oriġini.

Ir-riżultati ittieħdu f’kunsiderazzjoni matul ir-rieżami kif rifless fir-rapport dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt.

     Il-ġbir u l-użu tal-għarfien espert

Grupp ta’ Esperti tal-Kummissjoni dwar il-Migrazzjoni Ekonomika (EGEM) 21 ġie stabbilit biex jappoġġa l-iżvilupp tal-politika tal-ġejjieni fil-qasam tal-migrazzjoni ekonomika. Matul l-ewwel laqgħa tal-EGEM li saret fil-25 ta’ Marzu 2015, l-esperti ddiskutew modi kif “jiġġestixxu aħjar il-Migrazzjoni tal-Ħaddiema fil-livell tal-UE” u s-suġġett ewlieni għad-diskussjoni kien ir-rieżami tal-Karta Blu tal-UE. L-enfażi tat-tieni laqgħa EGEM fis-7 ta’ Diċembru 2015 kienet dwar l-“alternattivi ta’ politika għal Karta Blu riveduta” 22 .

Barra minn hekk, fit-13 ta’ Novembru 2015, saret laqgħa tal-EMN Grupp ta' Esperti ta' Migranti tb'Ħiliet Għolja — sottogrupp tan-netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni — flimkien ma’ esperti mill-Istati Membri għal diskussjoni teknika dwar kwistjonijiet marbuta mal-Karta Blu tal-UE, skemi nazzjonali paralleli għal ħaddiema b’ħiliet għolja u l-interazzjoni tagħhom.

Valutazzjoni tal-impatt

Fit-tħejjija tal-proposta ġew eżaminati firxa wiesgħa ta’ għażliet ta’ politika, li wħud minnhom – iħassru d-Direttiva dwar il-Karta Blu tal-UE, jintroduċu sistema ta’ espressjoni ta’ interess ibbażata fuq punti, jestendu l-kamp ta’ applikazzjoni għall-fornituri ta’ servizzi internazzjonali – ġew imwarrba fl-ewwel stadju tal-valutazzjoni.

L-għażliet ikkunsidrati

Fost l-għażliet miżmuma għal valutazzjoni fil-fond hemm dawn li ġejjin:

0) Xenarju bażi

Il-Karta Blu tal-UE attwali ser tkompli tiġi applikata mingħajr bidliet leġiżlattivi. L-attivitajiet ta’ monitoraġġ u infurzar eżistenti tal-leġiżlazzjoni attwali ser jissoktaw, kif ukoll l-attivitajiet maħsuba biex itejbu r-rikonoxximent transnazzjonali tal-kwalifiki barranin jew bejn l-Istati Membri jew inkella b’kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi permezz ta’ skambji ta’ prassi u gwida ulterjuri lill-awtoritajiet nazzjonali.

1) L-estensjoni tal-ambitu sabiex ikun aċċessibbli għal firxa ferm usa’ ta’ grupp ta’ ħaddiema, inkluż uħud b’ħiliet medji

Din l-għażla tagħmel il-Karta Blu tal-UE disponibbli wkoll għal xi ħaddiema b’ħiliet medji, billi s-salarju u l-kwalifiki jiġu stabbiliti bħala kundizzjonijiet alternattivi minflok kumulattivi. Il-livell ta’ drittijiet mhux ser jittejjeb b’mod sinifikanti mil-livell attwali.

2) Il-modifika tal-kundizzjonijiet ta’ ammissjoni u d-drittijiet mingħajr estensjoni tal-ambitu lil hinn minn ħaddiema b’ħiliet għoljin

Din l-għażla għandha tliet għażliet sekondarji skont il-grupp fil-mira (usa’ vs aktar selettivi) u tibqa’ fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni u l-qafas bażiku tad-Direttiva attwali, iżda b’faċilitazzjoni komuni għall-għażliet sekondarji kollha rigward il-kundizzjonijiet, il-proċeduri u d-drittijiet.

2a) Il-Karta Blu tal-UE issir aċċessibbli għal grupp usa’ ta’ ħaddiema b’ħiliet għoljin

Din l-għażla sekondarja testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-ħaddiema b’ħiliet għolja eliġibbli għall-Karta Blu tal-UE, tiffaċilita l-ammissjoni u tipprovdi drittijiet imtejba ta’ residenza u mobbiltà. L-Istati Membri ser iżommu ċerti libertà limitata għall-adattament nazzjonali tal-iskema, iżda l-iskemi nazzjonali paralleli ser jiġu aboliti.

2b) Il-Karta Blu tal-UE issir għodda biex tattira grupp magħżul ta' ħaddiema b'ħilijiet l-aktar għolja

Din l-għażla tagħmel il-Karta Blu tal-UE strument pjuttost selettiv għall-ħaddiema b’ħiliet għolja ħafna. Il-ħaddiema eliġibbli jibbenifikaw minn ammissjoni faċli u malajr u minn drittijiet estensivi. L-iskemi nazzjonali paralleli ser jibqgħu permessi.

2b) Il-ħolqien ta’ Karta Blu fuq żewġ livelli mmirata lejn livelli ta’ ħiliet differenti ta’ ħaddiema b’ħiliet għolja

Din l-għażla sekondarja ser tkun kombinazzjoni tal-għażliet sekondarji preċedenti permezz tal-ħolqien ta’ Karta Blu tal-UE b’żewġ livelli bil-għan li jiġu indirizzati l-kategoriji differenti ta’ ħaddiema b’ħiliet għolja: l-ewwel livell għal grupp wiesa’ ta’ ħaddiema b’ħiliet għolja u t-tieni livell aktar selettiv b’aċċess aktar malajr għal residenza għal perjodu fit-tul u mobbiltà aktar faċli ġewwa l-UE. L-iskemi nazzjonali paralleli għandhom jiġu aboliti.

3) Standard unifikat tal-Karta Blu tal-UE

Dan il-pakkett ta’ għażliet ta’ politika jintroduċi sett standard għall-UE kollha ta’ regoli dwar il-Karta Blu applikabbli madwar l-Istati Membri. Ma hemm ebda skop għall-Istati Membri sabiex jadattaw kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet jew mir-regoli l-oħrajn tal-Karta Blu tal-UE għaċ-ċirkostanzi tas-suq tax-xogħol nazzjonali. Karta Blu tal-UE maħruġa minn Stat Membru wieħed tkun rikonoxxuta b’mod reċiproku mill-Istati Membri kollha u tipprovdi mobbiltà bla limitu ġewwa l-UE. L-iskemi nazzjonali paralleli għandhom jiġu aboliti.

Għażliet leġiżlattivi orizzontali/paralleli

Ġew ikkunsidrati wkoll għadd ta’ għażliet leġiżlattivi orizzontali flimkien ma’ waħda mhux leġiżlattiva. Dawn l-għażliet jistgħu jkunu awtonomi minbarra s-sitwazzjoni bażi jew flimkien ma’ kwalunkwe wieħed mill-pakketti leġiżlattivi:

a) Azzjonijiet mhux leġiżlattivi sabiex tittejjeb l-effettività tal-Karta Blu tal-UE

Din l-għażla ta’ politika għandha l-għan li ttejjeb l-implimentazzjoni tal-Karta Blu tal-UE u l-kooperazzjoni prattika bejn l-Istati Membri u ssaħħaħ il-promozzjoni tal-marka korporattiva permezz ta’ attivitajiet ta’ skambju ta’ informazzjoni, promozzjoni u reklamar. Hija tinkludi miżuri prattiċi sabiex isir użu aktar faċli mill-iskema tal-Karta Blu tal-UE billi jittejjeb ir-rikonoxximent tal-kwalifiki barranin u jittejjeb l-eżerċizzju ta’ tqabbil tal-impjiegi mal-ħiliet.

b) Azzjoni leġiżlattiva li testendi l-Karta Blu tal-UE għall-imprendituri innovattivi

Din l-għażla testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta Blu tal-UE minn ħaddiema impjegati b’ħiliet għolja għal imprendituri innovattivi (b’hekk ħaddiema li jaħdmu għal rashom) u għandu jinħoloq sett separat ta’ kundizzjonijiet u drittijiet ta’ ammissjoni (inkluża possibbilment mobbiltà ġewwa l-UE) għal dan il-grupp fi ħdan id-Direttiva.

ċ) Azzjoni leġiżlattiva li testendi l-Karta Blu tal-UE għall-benefiċjarji b’ħiliet għolja ta’ protezzjoni internazzjonali u għall-applikanti għall-ażil

Din l-għażla tiftaħ l-aċċess għall-Karta Blu tal-UE lil kategoriji oħra ta’ migranti li qed japplikaw għal jew li rċevew status ta’ protezzjoni internazzjonali. Tista’ ssir distinzjoni bejn żewġ subkategoriji u għażliet sekondarji ewlenin: (i) inkluż biss benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali (rifuġjati, persuni mogħtija protezzjoni sussidjarja); (ii) inklużi wkoll persuni li qegħdin ifittxu l-ażil.

Għażla ppreferuta

Wara l-valutazzjoni tal-impatti, l-effettività u l-effiċjenza tal-għażliet miżmuma, kif ukoll tal-fattibbiltà tagħhom, l-għażla preferuta hija 2a) flimkien mal-għażliet orizontali a) (azzjonijiet mhux leġiżlattivi) u c), l-għażla sekondarja (i) (inklużjonii biss tal-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali fl-ambitu). Għalhekk l-għażla ppreferuta tinkludi dawn l-elementi ewlenin: il-modifika tal-kundizzjonijiet ta' ammissjoni u li l-Karta Blu tal-UE issir aċċessibbli għal grupp usa’ ta’ ħaddiema b’ħiliet għoljin; it-titjib tad-drittijiet assoċjati mal-Karta Blu tal-UE, inkluża l-mobbiltà intra-UE; u mhux estensjoni tal-ambitu lil hinn minn ħaddiema b’ħiliet għoljin. Barra minn hekk, skemi nazzjonali għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva ma jibqgħux ikunu permessi. Il-miżuri leġiżlattivi ser ikunu kkumplimentati minn azzjonijiet mhux leġiżlattivi u potenzjalment minn azzjonijiet li jagħmlu l-Karta Blu tal-UE aċċessibbli għall-benefiċjarji b’ħiliet għolja ta’ protezzjoni internazzjonali.

L-għażla ppreferuta tilħaq bilanċ nofs triq bejn, minn naħa waħda, livell għoli ta’ inklussività, flessibbiltà sostanzjali għall-Istati Membri sabiex jadattaw għas-sitwazzjoni nazzjonali tagħhom u potenzjal ta’ sostituzzjoni għoli għall-iskemi nazzjonali paralleli u, fuq in-naħa l-oħra, l-iffaċilitar ulterjuri tal-proċeduri, livell ogħla ta’ drittijiet, l-iffaċilitar ulterjuri tal-mobbiltà ġewwa l-UE u livell għoli ta’ armonizzazzjoni. Konsegwentement, din l-għażla ppreferuta tirrappreżenta kombinazzjoni bilanċjata bejn l-effettività u l-effikaċja (għolja) u l-impatti ekonomiċi u soċjali pożittivi. Tali impatti pożittivi jiġu massimizzati jekk ikunu kkombinati ma’ azzjonijiet mhux leġiżlattivi bħall-promozzjoni attiva tal-iskema u tqabbil imtejjeb bejn l-impjegaturi u l-migranti potenzjali.

L-istima ta' permessi addizzjonali għal din l-għażla jistgħu jvarjaw minn minimu ta’ 32 484 sa massimu ta’ 137 690 ħaddiema b'ħiliet għoljin (kull sena, aggregat għall-Istati Membri parteċipanti kollha, il-varjazzjoni skont is-salarju minimu stabbilit mill-Istati Membri individwali). Dan jirriżulta f’impatt ekonomiku stmat pożittiv annwali ta’ bejn EUR 1.4 biljun sa EUR 6.2 biljun li jakkumula minn ħaddiema b’ħiliet għolja addizzjonali li jidħlu u jaħdmu fl-UE. In-numri globali ogħla ta’ ħaddiema b’ħiliet għolja ammessi, flimkien ma’ żieda potenzjali fiż-żamma tat-talenti żgħażagħ imħarrġa fl-UE, ser joħolqu ġabra akbar ta’ ħaddiema b’ħiliet għolja minn fejn l-impjegaturi jistgħu jagħżlu sabiex jimlew in-nuqqasijiet, li jkollhom impatt pożittiv fuq it-tkabbir u l-kompetittività tal-UE. Flimkien mal-possibbiltajiet akbar għall-mobbiltà okkupazzjonali bejn l-impjiegi u l-mobbiltà ġewwa l-UE, dan jiffaċilita u jbaxxi l-ispiża tar-reklutaġġ għall-SMEs u jagħmilha aktar faċli għalihom sabiex jimlew in-nuqqasijiet ta’ ħaddiema u jagħtu spinta lill-perspettivi tat-tkabbir tagħhom. Ser ikun hemm ukoll impatt pożittiv fuq il-kapaċità tal-kumpaniji li jwettqu riċerka u żvilupp (R&Ż) u dan ser ikun ta’ benefiċċju għall-kapaċità globali tal-UE għall-innovazzjoni, ir-riċerka u l-imprenditorija. L-effettività u l-effikaċja għolja ta’ din l-għażla jnaqqsu wkoll il-piż amministrattiv marbut mal-applikazzjoni tagħha.

L-impatti soċjali ser ikunu pożittivi wkoll minħabba li ċ-ċittadini tal-UE jibbenifikaw mill-impatt pożittiv fuq it-tkabbir ekonomiku globali billi jimtlew in-nuqqasijiet ta’ ħaddiema u ħiliet, li jistgħu jikkontribwixxu indirettament għat-tisħiħ tal-ekonomija bbażata fuq l-għarfien u l-ħolqien tal-impjiegi fl-UE. Minħabba li din l-iskema hija mmirata għall-ħaddiema b’ħiliet għolja, hija xprunata mid-domanda u pjuttost selettiva, u minħabba li huma inkorporati salvagwardji xierqa, l-effett ta’ spostament potenzjali fuq il-ħaddiema tal-UE mistenni jkun limitat. Id-detenturi tal-Karta Blu jgawdu minn impatt pożittiv f’termini tad-drittijiet imtejba fir-rigward tar-riunifikazzjoni tal-familja, l-aċċess għal status għal perjodu fit-tul u l-mobbiltà ġewwa l-UE. Jistgħu jkunu mistennija wkoll impatti soċjali pożittivi minħabba l-inklużjoni tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali minħabba li, billi jiksbu Karta Blu tal-UE, il-benefiċjarji b’ħiliet għolja jsiru aktar viżibbli għall-impjegaturi fl-Istat Membru ospitanti tagħhom u jkunu jistgħu jiksbu aċċess għas-swieq tax-xogħol ukoll fi Stati Membri oħrajn għajr dak li tahom il-protezzjoni. Dan jiffaċilita l-parteċipazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol, li tiffavorixxi l-integrazzjoni tagħhom u l-ħila tagħhom li jipprovdu għall-għajxien tagħhom.

L-Opinjoni tal-Bord ta’ Skrutinju Regolatorju

Fil-5 ta’ Frar 2016, il-valutazzjoni tal-impatt ġiet ippreżentata lill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju (RSB) u saret laqgħa fit-2 ta’ Marzu 2016. Il-Bord ħareġ l-ewwel opinjoni (negattiva) fl-4 ta’ Marzu 2016. Il-valutazzjoni tal-impatt ġiet ippreżentata mill-ġdid fl-14 ta’ Marzu u t-tieni opinjoni (pożittiva) nħarġet fit-18 ta’ Marzu 2016. Il-kwistjonijiet ewlenin għat-titjib enfasizzati mill-opinjonijiet tal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju kienu dawn li ġejjin u ttieħdu f’kunsiderazzjoni kif ġej:

a) Kjarifika tal-problemi indirizzati u d-dimensjoni tal-UE tagħhom

Ir-rapport dwar il-valutazzjoni tal-impatt issaħħaħ fl-analiżi tiegħu dwar in-nuqqasijiet ta’ ħaddiema eżistenti u fil-ġejjieni madwar l-UE u kif dawn jistgħu jiġu indirizzati b’mod effettiv mill-Karta Blu riveduta u speċjalment minn mobbiltà mtejba ġewwa l-UE ta’ ħaddiema b’ħiliet għolja minn pajjiżi terzi. Ġiet ikkjarifikata wkoll l-interazzjoni bejn il-mobbiltà ġewwa l-UE taċ-ċittadini tal-UE u l-mobbiltà tal-ħaddiema b’ħiliet għolja, kif ukoll il-firxa ta’ kemm dawn it-tnejn jikkontribwixxu għall-indirizzar tan-nuqqasijiet ta’ ħaddiema u ħiliet. Ġew miżjuda ċifri u analiżi addizzjonali bil-għan li juru aħjar il-ħtieġa għal azzjoni tal-UE sabiex tattira ħaddiema b’ħiliet għolja minn pajjiżi terzi u l-valur miżjud tal-UE, meta mqabbla mal-iskemi nazzjonali. L-interazzjoni bejn ir-rieżami tal-Karta Blu tal-UE u kategoriji ta’ migranti oħrajn, bħall-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali/persuni li qegħdin ifittxu l-ażil, fornituri ta’ servizzi u imprendituri - kif ukoll il-ħtieġa għall-inklużjoni possibbli tagħhom fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha - kompliet tiġi elaborata.

b) Kjarifika tal-għanijiet u tal-għażliet ta’ politika

L-għanijiet ġenerali u speċifiċi ġew riveduti sabiex ikunu aktar konsistenti kemm mad-definizzjoni tal-problema kif ukoll mal-għażliet proposti. Il-loġika sottostanti tal-pakketti tal-għażliet ta’ politika ġiet spjegata u l-preżentazzjoni ġiet issimplifikata. Il-ġustifikazzjonijiet għat-twarrib ta’ ċerti għażliet bil-quddiem issaħħew u l-iskrinjar u l-għażla tal-għażliet ta’ politika tjiebu.

ċ) Enfasi tal-analiżi tal-impatt fuq l-aspetti ewlenin tas-suq tax-xogħol

Il-preżentazzjoni tal-analiżi tal-impatt ġiet issimplifikata u magħmula aktar faċli biex tinftiehem mill-qarrejja u l-enfasi hija b’mod aktar ċar fuq l-aspetti tas-suq tax-xogħol u fuq l-impatti ekonomiċi. Fejn fattibbli, ġew identifikati l-impatti għal kull Stat Membru. Id-differenzi bejn id-diversi għażliet ta’ politika u x-xenarju bażi kienu enfasizzati aħjar. Filwaqt li d-dejta kwantitattiva tibqa’ limitata, l-ispejjeż amministrattivi u l-profitti għall-partijiet interessati differenti ġew analizzati. Għażla ppreferuta, li tikkonsisti f’pakkett wieħed ta’ għażliet ta’ politika u elementi orizzontali, intgħażlet bħala riżultat ta’ eliminazzjoni gradwali tal-għażliet abbażi ta’ kriterji ċari u oġġettivi.

Id-drittijiet fundamentali

Din l-inizjattiva hija konsistenti b’mod sħiħ mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u ssaħħaħ uħud mid-drittijiet minquxa fiha. Hija tikkontribwixxi b’mod partikolari għall-għoti tad-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u familjari (l-Artikolu 7) — permezz ta’ dispożizzjonijiet iffaċilitati b’rabta mar-riunifikazzjoni tal-familja għall-ħaddiema b’ħiliet għolja — u tad-dritt għax-xogħol u li jiġi eżerċitat impjieg aċċettat jew magħżul liberament (l-Artikolu 15(1)). Hija wkoll konsistenti b’mod sħiħ mad-drittijiet relatati mal-kundizzjonijiet tax-xogħol (l-Artikolu 15(3)) u mad-drittijiet tal-ħaddiema (l-Artikoli 27 sa 36) minħabba li tħaddan id-drittijiet għat-trattament indaqs għall-ħaddiema b’ħiliet għolja rigward il-kundizzjonijiet tax-xogħol, l-aċċess għas-sigurtà soċjali, għall-edukazzjoni u għat-taħriġ vokazzjonali, kif ukoll l-aċċess għall-prodotti u s-servizzi. Il-kompatibbiltà mal-Artikolu 47 (id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust) hija garantita għal kollox hekk kif id-dispożizzjonijiet attwali fil-Karta Blu tal-UE relatati mad-dritt għal appell f’każ li l-applikazzjoni tiġi rrifjutata, kif ukoll mad-dritt li tiġi nnotifikat bir-raġunijiet għar-rifjut, huma miżmuma.

4.L-IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Ma hemmx implikazzjonijiet għall-baġit tal-Unjoni Ewropea.

5.ELEMENTI OĦRAJN

Il-pjanijiet għall-implimentazzjoni u l-arranġamenti ta’ monitoraġġ, evalwazzjoni u rapportar

Il-Kummissjoni ser tivverifika t-traspożizzjoni korretta u effettiva fil-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri parteċipanti kollha. Matul il-fażi tal-implimentazzjoni, il-Kummissjoni ser torganizza laqgħat tal-kumitat ta’ kuntatt regolari mal-Istati Membri kollha. Il-Kummissjoni ser tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport li jevalwa l-implimentazzjoni, il-funzjonament u l-impatt tal-Karta Blu tal-UE tliet snin wara d-data ta’ skadenza tat-traspożizzjoni, u kull tliet snin minn hemm ’il quddiem.

L-applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Karta Blu tal-UE ser tiġi mmonitorjata fl-isfond tal-għanijiet ta’ politika ewlenin bl-użu ta’ għadd ta’ indikaturi rilevanti u li jistgħu jitkejlu abbażi tas-sorsi ta’ dejta faċilment disponibbli, aċċettati u kredibbli. Il-komunikazzjoni ta’ aktar tipi ta’ informazzjoni ssir obbligatorja fid-Direttiva riveduta bil-għan li jittejbu l-forniment f’waqtu u l-affidabbiltà tagħha. Din għandha żżid il-valur tagħha għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-politika dwar il-migrazzjoni tal-ħaddiema b’ħiliet għolja. Barra minn hekk, ser jitjieb l-iskambju ta’ informazzjoni permezz tal-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali dwar il-Karta Blu tal-UE.

Dokumenti ta’ spjegazzjoni

Id-Direttiva proposta għandha kamp ta’ applikazzjoni personali wiesa’ fir-rigward taċ-ċittadini b’ħiliet għolja minn pajjiżi terzi li hija tkopri. Il-proposta tinkludi wkoll għadd akbar ta’ obbligi legali mqabbla mad-Direttiva 2009/50/KE eżistenti. Minħabba dan u fid-dawl tal-fatt li l-proposta tinkludi dispożizzjonijiet dwar numru ta’ gruppi li għadhom mhumiex koperti b’mod obbligatorju mill-qafas ġuridiku attwali, ser ikunu meħtieġa dokumenti ta’ spjegazzjoni, inkluża tabella ta’ korrelazzjoni bejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali u d-Direttiva, li jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni sabiex il-miżuri ta’ traspożizzjoni miżjuda mill-Istati Membri mal-leġiżlazzjoni eżistenti jkunu identifikabbli b’mod ċar.

Spjegazzjoni dettaljata tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Kapitolu I - DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1 - Is-suġġett

L-għan tal-proposta huwa li jiġu definiti l-kundizzjonijiet għad-dħul u r-residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li japplikaw biex jirrisjedu fl-UE għall-iskop tal-impjieg b’ħiliet għolja, minn barra l-UE jew li jirrisjedu legalment fl-UE bi status ieħor, u l-membri tal-familja tagħhom, kif ukoll li jiġu definiti d-drittijiet tagħhom. Il-proposta tiddetermina wkoll il-kundizzjonijiet li fihom iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma legalment residenti fi Stat Membru taħt it-termini ta’ din il-proposta jistgħu jiċċaqilqu u jirrisjedu mal-membri tal-familja tagħhom fi Stati Membri oħrajn. Din id-dispożizzjoni hija essenzjalment simili għal dik fid-Direttiva 2009/50/KE iżda adattata biex jitqies il-fatt li l-Karta Blu se kun l-uniku mezz għal ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi bi kwalifiki għoljin.

Artikolu 2 – Definizzjonijiet

Dan l-Artikolu jistipula d-definizzjonijiet użati fil-proposta, li fil-biċċa l-kbira tagħhom huma komuni għal Direttivi eżistenti oħrajn dwar il-migrazzjoni legali. Tingħata definizzjoni lil “impjieg b’ħiliet għolja”, li tissostitwixxi l-kunċett ta’ “impjieg bi kwalifiki għolja” fid-Direttiva attwali. Dan jirreferi għal impjieg bi ħlas, b’konformità mal-prattika u l-liġi nazzjonali, minn persuna li għandha l-kompetenza meħtieġa kif muri minn “kwalifiki professjonali ogħla”. Dawn tal-aħħar jistgħu jiġu ċċertifikati jew bi “kwalifiki ta’ edukazzjoni ogħla” (jiġifieri kors postsekondarju ta’ edukazzjoni għolja ikkompletat b'suċċess jew edukazzjoni terzjarja ekwivalenti, li jikkorrispondi għal mill-anqas il-livell 6 tal-ISCED 23 2011 jew Livell 6 tal-Qafas Ewropew għall-Kwalifiki) jew b’ “ħiliet professjonali għolja” (jiġifieri ħiliet attestati b’mill-inqas tliet snin ta’ esperjenza professjonali ta’ livell komparabbli għal kwalifiki ta’ edukazzjoni ogħla u li huma rilevanti għax-xogħol jew il-professjoni li għandu jitwettaq). Il-livell ta’ ħiliet meħtieġa għadu l-istess, iżda ser isir obbligatorju għall-Istati Membri li jirrikonoxxu l-esperjenza professjonali bħala alternattiva għall-kwalifiki edukattivi. Barra minn hekk, ir-referenza speċifika għal-livelli ISCED u EQF hija ġdida u hija intiża biex tipprovdi ċarezza akbar.

Novità meta mqabbel mad-Direttiva 2009/50/KE, id-definizzjoni ta’ “attivitajiet ta’ negozju” hija provduta sabiex jiddefinixxu liema attivitajiet professjonali li jistgħu jitwettqu minn detentur tal-Karta Blu tal-UE fil-kuntest tar-regoli speċifiċi għal mobbiltà għal perjodu qasir fi Stati Membri oħrajn (ara l-Artikolu 19).

Artikolu 3 - Il-kamp ta’ applikazzjoni

Il-proposta, b’mod simili għad-Direttiva 2009/50/KE, ma tkoprix liċ-ċittadini tal-UE, liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma residenti għal perjodu fit-tul fl-UE u li jridu jiċċaqilqu lejn Stat Membru ieħor, lill-ħaddiema staġjonali jew lill-ħaddiema spustati. Peress li hemm duplikazzjoni potenzjali bejn l-ambiti tad-Direttiva (UE 2016/801 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 24 u dan l-istrument, dan l-Artikolu espliċitament jeskludi mill-ambitu tad-Direttiva ċittadini ta’ pajjiżi terzi li japplikaw biex jirrisjedu fi Stat Membru bħala riċerkaturi, skont it-tifsira tad-Direttiva (UE) 2016/801, sabiex iwettqu proġett ta’ riċerka. Madankollu, ladarba jiġu ammessi skont id-Direttiva (UE) 2016/801, ir-riċerkaturi li jkunu qed jirrisjedu legalment jistgħu japplikaw għal Karta Blu tal-UE skont din id-Direttiva għal finijiet oħrajn għajr dawk koperti skont id-Direttiva (UE) 2016/801.

Bħala modifika għad-Direttiva 2009/50/KE, iċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżi terzi li huma membri tal-familja ta’ ċittadini tal-UE jingħataw aċċess għall-Karta Blu tal-UE sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw xogħol li jirrikjedi ħiliet għolja u jwettqu vjaġġi għal skopijiet ta’ negozju fi Stati Membri differenti, irrispettivament minn jekk iċ-ċittadin tal-UE jkunx qed jakkumpanjahom jew le. Il-membri tal-familja ta' dawn iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi b'ħiliet għolja ta' ċittadini tal-UE għandhom l-istess ħtiġijiet ta' mobbiltà intra-UE professjonali fuq medda qasira u twila ta’ żmien bħal ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi b'ħiliet għolja, u dawn m’għandhomx ikunu mċaħħda milli jkollhom il-possibbiltà li japplikaw għal Karta Blu tal-UE li kieku kien ikollhom fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom sempliċiment minħabba l-fatt li huma residenti legalment fl-UE bħala membri tal-familja ta’ ċittadini tal-UE.

Id-Direttiva proposta tkompli ma tapplikax għal dawk il-persuni li qegħdin ifittxu protezzjoni internazzjonali u li qegħdin jistennew deċiżjoni dwar l-istatus tagħhom jew għal dawk li huma benefiċjarji ta’ protezzjoni temporanja jew li jirrisjedu fi Stat Membru fuq bażi strettament temporanja. Madankollu, bħala novità, hija tkopri lill-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali skont id-Direttiva 2011/95/UE (“id-Direttiva dwar il-Kwalifiki”). Huma ser ikunu jistgħu japplikaw għal Karta Blu tal-UE bħal kwalunkwe ċittadin ta’ pajjiż terz ieħor, filwaqt li jżommu d-drittijiet kollha li jgawdu bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni (ara wkoll il-kummenti fuq l-Artikoli 15 u 16). Ċittadini ta’ pajjiżi terzi wkoll li jiġu risistemati fi Stati Membri taħt skemi futura tal-UE, li se jingħataw l-istess drittijiet bħal dawk stabbiliti fid-Direttiva dwar il-Kwalifiki, għandhom jingħataw aċċess għall-Karta Blu tal-UE. Benerfiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali b'ħiliet għolja għandhom għalhekk isiru aktar viżibbli għal min iħaddem u jkunu kapaċi jkollhom xogħol b’mod aktar immirat skont il-ħiliet u l-edukazzjoni tagħhom, jimlew in-nuqqasijiet f’setturi u okkupazzjonijiet fi kwalunkwe Stat Membru. Dan jagħtihom iċ-ċans li jipparteċipaw b’mod attiv fis-suq tax-xogħol, li jiffavorixxi l-integrazzjoni tagħhom, kif ukoll li jiggarantixxu b’mod aktar faċli l-għajxien tagħhom. Barra minn hekk, dan jgħin sabiex jiġi evitat li jintilfu l-ħiliet tagħhom jekk ma jkunx hemm postijiet tax-xogħol battala fil-qasam speċifiku tagħhom fl-Istat Membru li tahom il-protezzjoni, li jwassal għal allokazzjoni aktar effikaċi fis-suq tax-xogħol. Fir-reviżjoni li jmiss tad-Direttiva dwar il-Kwalifiki ser jiġu introdotti r-referenzi u l-modifiki meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-konsistenza.

Hija inkluża wkoll dispożizzjoni li tissalvagwardja l-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni u/jew mill-Istati Membri tagħha bil-għan li jiġi żgurat li jsir reklutaġġ etiku, jiġifieri li jiġu protetti dawk is-setturi li qegħdin ibatu minn nuqqas ta’ persunal fil-pajjiżi li għadhom qegħdin jiżviluppaw.

B’differenza mid-Direttiva 2009/50/KE, il-proposta l-ġdida ma tippermettix lill-Istati Membri li għandhom skemi nazzjonali paralleli milli jimmiraw l-istess grupp ta’ ħaddiema b'ħiliet għolja. Sabiex tiġi żviluppata Karta Blu tal-UE verament fi skema mifruxa mal-UE kollha, l-Istati Membri huma obbligati jagħtu Karta Blu tal-UE minflok permess nazzjonali għal xogħol ta’ ħiliet għolja għall-persuni li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. L-Istati Membri jistgħu joħorġu biss permessi nazzjonali fir-rigward ta’ ħaddiema ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, fi ħdan il-limitazzjonijiet stabbiliti f’leġiżlazzjoni oħra tal-UE fil-qasam tal-migrazzjoni legali.

Artikolu 4 - Dispożizzjonijiet aktar favorevoli

Il-proposta tarmonizza l-kundizzjonijiet u l-proċeduri ta’ ammissjoni għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, u għall-membri tal-familja tagħhom, kif ukoll il-mobbiltà sussegwenti tagħhom lil Stati Membri oħra.

Madankollu, l-Istati Membri xorta waħda huma permessi li jagħtu kundizzjonijiet aktar favorevoli fir-rigward tad-drittijiet, b’mod partikolari b’rabta mat-trattament indaqs (l-Artikolu 15) u d-drittijiet tal-membri tal-familja (l-Artikolu 16). L-Istati Membri jista’ jkollhom ukoll trattament aktar favorevoli tas-sitwazzjonijiet ta’ qgħad temporanju (l-Artikolu 14) u ppermettew assenzi mit-territorju ladarba nkiseb l-istatus ta’ residenti għal perjodu fit-tul (l-Artikolu 17(5)). Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu dispożizzjonijiet aktar favorevoli rigward is-salvagwardji proċedurali (l-Artikolu 10).

Kapitolu II - IL-KUNDIZZJONIJIET TAL-AMMISSJONI

Artikolu 5 – Il-kriterji għall-ammissjoni

L-Artikolu 5 jistipula l-kundizzjonijiet li għandu jissodisfa l-applikant sabiex ikun ammess bħala detentur tal-Karta Blu tal-UE. Minbarra l-kundizzjonijiet ġenerali simili għal dawk inklużi fid-Direttiva 2009/50/KE u acquis eżistenti oħrajn dwar il-migrazzjoni legali (jiġifieri li l-applikant ikollu dokument tal-ivvjaġġar validu, assigurazzjoni tal-mard u ma jkunx ta’ theddida għall-politika pubblika, għas-sigurtà pubblika jew għas-saħħa pubblika), kundizzjonijiet speċifiċi jinkludu:

- Paragrafu 1(a): kuntratt tax-xogħol jew offerta vinkolanti ta’ impjieg b’tul ta’ mill-inqas sitt xhur fl-Istat Membru kkonċernat, minħabba li l-ammissjoni tiddependi fuq id-domanda. It-tul meħtieġ tal-kuntratt jitnaqqas minn 12-il xahar għal 6 xhur meta mqabbel mad-Direttiva attwali. Din il-kundizzjoni hija maħsuba biex tiggarantixxi ċertu livell ta’ kontinwità tar-residenza u tal-impjieg, waqt li toffri ċertu grad ta’ flessibbiltà b’konformità mad-domandi tas-suq tax-xogħol u l-prassi tal-Istati Membri. Madankollu, parti importanti mill-permessi ta’ residenza nazzjonali għall-ħaddiema b’ħiliet għolja bħalissa qegħdin jinħarġu għal perjodu ta’ validità ta’ inqas minn tnax-il xahar u l-impjegaturi għandhom it-tendenza li joffru kuntratt bi prova l-ewwel, ta’ tul iqsar, sabiex jiġi żgurat li l-impjegat ikun addattat għall-pożizzjoni inkwistjoni, li warajh tista’ tingħata estensjoni jekk il-perjodu ta’ prova jkun tlesta b’suċċess.

- Paragrafu 1(b): għall-professjonijiet irregolati, b’mod simili għad-Direttiva 2009/50/KE, l-applikant għandu jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti skont il-liġi nazzjonali għall-eżerċizzju miċ-ċittadini tal-Unjoni tal-professjoni rregolata kkonċernata.

- Paragrafi 1(ċ) u 6: għall-professjonijiet mhux irregolati, l-applikant għandu juri li huwa għandu l-kwalifiki professjonali ogħla meħtieġa, jiġifieri kwalifiki ta’ edukazzjoni ogħla jew ħiliet professjonali ogħla; L-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw il-validazzjoni u r-rikonoxximent tad-dokumenti li jiċċertifikaw il-kwalifiki professjonali ogħla rilevanti. Il-bidliet imqabbla mad-Direttiva 2009/50/KE ġew deskritti taħt l-Artikolu 2.

- Paragrafu 2: Is-salarju speċifikat fil-kuntratt tax-xogħol għandu jkun mill-inqas daqs ċertu limitu stabbilit mill-Istati Membri fi ħdan medda ta’ minimu ta’ 1.0 u massimu ta’ 1.4 darbiet aktar mis-salarju annwali gross medju fl-Istat Membru kkonċernat. Dan il-limitu huwa anqas minn dak stabbilit fid-Direttiva 2009/50/KE (minimu ta’ 1.5 darbiet is-salarju gross annwali medju fl-Istat Membru kkonċernat, l-ebda massimu stabbilit), u b’hekk tiżdied b’mod sinifikanti l-inklużività tal-iskema tal-Karta Blu tal-UE, jiġifieri inkluż numru ħafna ogħla ta’ ħaddiema b’ħiliet għoljin potenzjali 25 . Medda fissa żżid l-effett ta’ armonizzazzjoni, filwaqt li żżomm ċertu livell ta’ flessibbiltà għall-Istati Membri biex jistabbilixxu l-limitu fil-funzjoni tas-sitwazzjoni partikolari fis-suq tax-xogħol tagħhom, il-livelli tad-dħul medju tagħhom u d-diverġenza fid-distribuzzjoni tad-dħul. L-użu tad-dejta tal-Eurostat (Kontijiet Nazzjonali) bħala l-figura ta’ referenza għall-kalkolu tal-limitu tas-salarju huwa magħmul obbligatorju sabiex jiżdiedu t-trasparenza u l-armonizzazzjoni.

- Paragrafi 4 u 5: Dawn id-dispożizzjonijiet jintroduċu qafas mandatorju tal-limitu minimu tas-salarju (80 fil-mija tal-limitu ġenerali) għal nuqqas tal-impjiegi stabbiliti mill-Istati Membri, li jappartjenu għal gruppi kbar tal-ISCO 1 u 2 26 , kif ukoll għal gradwati żgħażagħ. Fid-Direttiva 2009/50/KE, hemm biss limitu ta’ salarju aktar baxx fakultattiv għall-professjonijiet li hemm nuqqas tagħhom fil-livell minimu ta’ 1.2 darbiet aktar mis-salarju medju. Id-deroga għal gradwati reċenti — li ma kienetxx previst fid-Direttiva 2009/50/KE — tiffaċilita l-aċċess għal Karta Blu tal-UE għal professjonisti żgħażagħ li x'aktarx m’għandomx biżżejjed esperjenza professjonali biex jitolbu pagi għoljin 27 . Tali faċilitazzjoni hija konsistenti mal-emendi riċenti għal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-istudenti (id-Direttiva (UE) 2016/801), fejn il-gradwati jitħallew ifittxu impjieg fl-Istat Membru ospitanti għal mill-inqas disa’ xhur.

Artikoli 6 u 7 - Ir-raġunijiet għar-rifjut, għall-irtirar jew għan-nuqqas ta’ tiġdid tal-Karta Blu tal-UE

Dawn id-dispożizzjonijiet jistipulaw ir-raġunijiet obbligatorji u fakultattivi għar-rifjut, kif ukoll għall-irtirar u għan-nuqqas ta’ tiġdid. Dawn huma fil-biċċa l-kbira tagħhom simili għar-raġunijiet inklużi fid-Direttiva 2014/66/UE b’rabta mal-ħaddiema bi trasferiment intra-azjendali u żdiedu xi dispożizzjonijiet imqabbla mad-Direttiva 2009/50/KE.

Fir-rigward tal-possibbiltà li jitwettaq test tas-suq tax-xogħol, billi huwa dritt illimitat għall-Istati Membri skont id-Direttiva 2009/50/KE, fil-proposta huwa permess biss f’ċirkostanzi fejn is-suq tax-xogħol tal-Istat Membru jgħaddi minn disturbi serji, pereżempju, livell għoli ta’ qgħad fi professjoni jew settur partikolari f’reġjun partikolari fit-territorju tagħhom. F’każ li Stat Membru jkollu l-ħsieb li jwettaq testijiet tas-suq tax-xogħol, huwa għandu jibgħat notifika ġustifikata lill-Kummissjoni u jikkomunika dan lill-applikanti u lill-impjegaturi. L-imsieħba soċjali jistgħu jiġu involuti mill-Istat Membru fil-valutazzjoni taċ-ċirkostanzi relatati mas-suq tax-xogħol tiegħu.

Kapitolu III - IL-KARTA BLU TAL-UE U L-PROĊEDURA

Artikoli 8, 9, 10 u 11 - Il-Karta Blu tal-UE, l-applikazzjonijiet għall-ammissjoni, is-salvagwardji proċedurali u l-miżati

L-applikanti li għalihom ittieħdet deċiżjoni pożittiva mill-Istat Membru kkonċernat għandhom jirċievu permess ta’ residenza msejjaħ “Karta Blu tal-UE” li jiddikjara l-kundizzjonijiet li taħthom huma permessi li jaħdmu. Il-perjodu standard ta’ validità għall-Karta Blu tal-UE huwa ta’ mill-inqas 24 xahar. Huwa biss jekk il-kuntratt tax-xogħol ikopri perjodu iqsar li l-validità tal-Karta Blu tal-UE għandha tkun mill-inqas it-tul tal-kuntratt tax-xogħol b’żieda ta’ tliet xhur. Madankollu, meta l-Karta Blu tal-UE tiġġedded, il-perjodu ta’ validità għandu, f’kull każ, ikun ta’ mill-inqas 24 xahar. Fid-Direttiva 2009/50/KE, l-Istati Membri jingħataw l-għażla ta’ validità standard ta’ bejn sena u 4 snin jew it-tul tal-kuntratt b’żieda ta’ tliet xhur, li tapplika bl-istess mod għall-ewwel permessi u tiġdid.

L-applikazzjonijiet għall-Karta Blu tal-UE jistgħu jsiru barra jew fit-territorju tal-Istat Membru, tal-aħħar fuq il-kundizzjoni li l-applikant ikun legalment preżenti fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru, fuq kwalunkwe bażi (madankollu, meta wieħed iżomm f’moħħu l-kategoriji esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni taħt l-Artikolu 3(2)). Dan huwa aktar ġeneruż mid-dispożizzjonijiet fid-Direttiva 2009/50/KE, li tagħti biss il-possibbiltà għall-Istati Membri li jippermettu liċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżi terzi li huma legalment residenti li japplikaw fit-territorju tagħhom.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-applikant b’deċiżjoni dwar applikazzjoni sa mhux aktar tard minn 60 jum wara l-preżentazzjoni tal-applikazzjoni. Dan il-perjodu ta’ żmien tqassar minn dak ta’ 90 jum imsemmi fid-Direttiva 2009/50/KE.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jimponu miżati għall-immaniġġjar tal-applikazzjonijiet. Madankollu, dawn ma għandhomx ikunu sproporzjonati jew eċċessivi. Din hija dispożizzjoni ġdida, immudellata mid-Direttiva 2014/66/UE dwar il-ħaddiema bi trasferiment intra-azjendali.

Artikolu 12 - Impjegaturi rikonoxxuti

Hija introdotta sistema fakultattiva ta’ ‘impjegaturi rikonoxxuti’, li ma kinitx prevista fid-Direttiva 2009/50/KE. Il-proċedura ta’ rikonoxximent hija rregolata fil-livell nazzjonali; madankollu, tali proċedura għandha tkun trasparenti u ma tinvolvix piż amministrattiv u spejjeż sproporzjonati jew eċċessivi għall-impjegaturi. Meta impjegatur ikun ġie rikonoxxut skont dan l-Artikolu, il-proċedura ta’ applikazzjoni għall-kisba ta’ Karta Blu tal-UE għandha tkun mgħaġġla (massimu ta’ 30 jum) u marbuta ma’ faċilitazzjoni proċedurali (jiġifieri ma hija meħtieġa ebda evidenza fir-rigward tal-kwalifiki għall-professjonijiet mhux irregolati u l-assigurazzjoni tal-mard).

Kapitolu IV - DRITTIJIET

Artikoli 13 u 14 - Aċċess għas-suq tax-xogħol u l-qgħad temporanju

Id-Direttiva 2009/50/KE tinkludi sett multidimensjonali ta’ regoli li jirregolaw l-aċċess għas-suq tax-xogħol u l-proċeduri marbuta magħhom. Fil-proposta, l-aċċess huwa ssimplifikat: Id-detenturi tal-Karta Blu tal-UE jingħataw aċċess sħiħ għal impjieg li jirrikjedi ħiliet għolja. L-Istati Membri jistgħu jitolbu biss li huma jikkomunikaw il-bidliet tal-impjegatur jew il-bidliet li jistgħu jaffettwaw l-issodisfar tal-kundizzjonijiet tal-ammissjoni tal-Karta Blu tal-UE. L-iskop huwa li tiġi kkjarifikata s-sitwazzjoni legali madwar l-Istati Membri u li jiġi evitat kwalunkwe piż amministrattiv bla bżonn. Dan ma jaffettwax il-possibbiltà għall-Istati Membri li jirtiraw jew li ma jġeddux Karta Blu tal-UE, fejn il-kundizzjonijiet ma għadhomx issodisfati. Barra minn hekk, id-detenturi tal-Karta Blu tal-UE huma permessi li jeżerċitaw attività ta’ impjieg indipendenti b’mod parallel mal-professjoni tal-Karta Blu tagħhom bħala triq gradwali possibbli għall-imprenditorija innovattiva. Dan l-intitolament ma jbiddilx il-fatt li l-kundizzjonijiet ta’ ammissjoni għal Karta Blu tal-UE għandhom ikunu dejjem sodisfatti u, għalhekk, id-detentur tal-Karta Blu tal-UE jibqa’ f’attività ta’ impjegat bi kwalifiki għolja.

B’mod simili għad-Direttiva 2009/50/KE, il-qgħad temporanju huwa permess mingħajr ma dan jaffettwa d-dritt ta’ residenza bħala detentur ta’ Karta Blu tal-UE. Il-qgħad ma jistax idum għal aktar minn tliet xhur jew iseħħ aktar minn darba matul il-validità tal-Karta Blu tal-UE.

Artikoli 15 u 16 - It-trattament indaqs u l-membri familjari

Id-dispożizzjonijiet dwar it-trattament indaqs tad-detenturi tal-Karta Blu tal-UE bħaċ-ċittadini tal-Istati Membri jikkorrespondu ħafna għad-drittijiet ipprovduti mid-Direttiva 2009/50/KE, biss ġew introdotti xi aġġornamenti sabiex dawn ikunu jaqblu mad-Direttivi aktar riċenti.

Huma pprovduti xi derogi mid-Direttiva 2003/86/KE sabiex tiġi ffaċilitata r-riunifikazzjoni tal-familja ta’ ħaddiema b’ħiliet għolja. Bħal skont id-Direttiva 2009/50/KE, ma jistgħux jiġu imposti miżuri ta’ integrazzjoni jew perjodu ta’ stennija qabel tkun permessa r-riunifikazzjoni. Bħala faċilitazzjoni ġdida ulterjuri, il-membri tal-familja ser ikunu intitolati li jirċievu l-permessi tagħhom immedjatament meta tinħareġ il-Karta Blu tal-UE u, b’hekk, ikunu jistgħu jingħaqdu mal-ħaddiem mingħajr ebda dewmien. Barra minn hekk, l-Istati Membri ma jistgħux japplikaw limitazzjonijiet rigward l-aċċess tal-membri tal-familja għas-suq tax-xogħol, iżda jista’ jitwettaq test tas-suq tax-xogħol qabel jingħata l-aċċess.

Id-detenturi tal-Karta Blu tal-UE mhumiex koperti minn dawn id-dispożizzjonijiet kull meta jgawdu d-drittijiet, fl-oqsma koperti minn dawn l-Artikoli, bħala benefiċjarji tad-dritt għal moviment liberu. Bl-istess mod, il-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali mhumiex koperti minn dawn id-dispożizzjonijiet u jibqgħu koperti mir-regoli li japplikaw għalihom bħala benefiċjarji tal-protezzjoni vis-à-vis l-Istat Membru li tahom il-protezzjoni.

Artikoli 17 u 18 - Ir-residenza fit-tul fl-UE għad-detenturi tal-Karta Blu tal-UE

Dawn l-Artikoli jipprevedu derogi mid-Direttiva 2003/109/KE u b’hekk jagħtu lid-detenturi tal-Karta Blu tal-UE aċċess iffaċilitat għall-istatus ta’ residenti għal perjodu fit-tul fl-UE. Meta mqabbla mad-Direttiva 2009/50/KE, ġew introdotti faċilitazzjonijiet ulterjuri, filwaqt li tibni fuq il-mudell eżistenti. Sabiex jiġi garantit livell suffiċjenti ta’ integrazzjoni fil-pajjiż ospitanti, l-aċċess jista’ jingħata l-ewwel nett permezz ta’ perjodu ta’ residenza kontinwa ta’ tliet snin fi Stat Membru wieħed bħala detentur ta’ Karta Blu tal-UE. B’mod alternattiv, meta d-detentur ta’ Karta Blu tal-UE jkun iċċaqlaq lejn Stat Membru ieħor skont id-dispożizzjonijiet dwar il-mobbiltà tal-Karta Blu tal-UE, l-istatus jista’ jinkiseb permezz ta’ ħames snin ta’ residenza kontinwa akkumulati fi Stati Membri differenti (ser tiġi kkunsidrata wkoll ir-residenza waqt li d-detentur ikollu permess ta’ residenza ieħor differenti mill-Karta Blu tal-UE). Sabiex tissaħħaħ ir-rabta bejn il-pajjiż li joħroġ l-istatus ta’ residenti għal perjodu fit-tul fl-UE, jeħtieġ li d-detentur ta’ Karta Blu tal-UE jkun ilu jirrisjedi għal mill-inqas sentejn fl-Istat Membru kkonċernat immedjatament qabel japplika għall-istatus. Fejn il-perjodu ta’ tliet snin ikun applikabbli, status ta’ residenti fit-tul tal-UE tista’ tiġi rtirata qabel perjodu ta' residenza legali u kontinwa ta’ ħames snin fit-territorju tal-Istati Membri jkun ġie akkumulat jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun bla xogħol u li ma jkollux riżorsi suffiċjenti biex imantni lilu nnifsu u, fejn applikabbli, il-membri tal-familja tiegħu/tagħha, mingħajr ma jirrikorri għas-sistema tal-għajnuna soċjali tal-Istat Membru kkonċernat, ħlief fil-każ ta’ mard, ta’ inċident jew qgħad involontarju jew taħriġ vokazzjonali. Fejn japplika l-perjodu ta’ ħames snin, huma permessi assenzi itwal mit-territorju tal-Istati Membri milli taħt is-sistema ġenerali prevista fid-Direttiva 2003/109/KE.

Id-Direttiva 2009/50/KE diġà rrikonoxxiet status speċifiku għar-residenti għal perjodu fit-tul fl-UE li preċedentement kienu detenturi ta’ Karta Blu tal-UE. Fil-proposta ġew introdotti dispożizzjonijiet ġodda li jiggarantixxu li ebda dritt ma jintilef f’din it-tranżizzjoni: Id-drittijiet tal-mobbiltà ġewwa l-UE għal perjodu ta’ żmien qasir għall-attivitajiet ta’ negozju fit-tieni Stat Membru, li qed jitgawdew taħt l-iskema tal-Karta Blu tal-UE, ser jinżammu mal-ħruġ tal-istatus ta’ residenti għal perjodu fit-tul fl-UE. Għar-residenza fit-tieni Stat Membru, ir-residenti għal perjodu fit-tul li preċedentement kienu detenturi tal-Karta Blu tal-UE ser jistrieħu fuq is-sistema prevista fid-Direttiva 2003/109/KE, b’derogi fejn l-arranġamenti tal-Karta Blu tal-UE huma aktar favorevoli.

Kapitolu V - IL-MOBBILTÀ BEJN L-ISTATI MEMBRI

Artikolu 19 - Attività ta’ negozju fit-tieni Stat Membru

Dan l-Artikolu kompletament ġdid jippermetti lid-detenturi tal-Karta Blu jidħlu u jibqgħu fi Stati Membri oħrajn għall-finijiet tat-twettiq ta’ attività ta’ negozju kif definita fil-punt (l) tal-Artikolu 2. It-tieni Stat Membru mhuwiex permess li jitlob permess tax-xogħol jew xi awtorizzazzjoni oħra minbarra l-Karta Blu tal-UE maħruġa mill-ewwel Stat Membru għat-twettiq ta’ tali attività. Meta l-Karta Blu tal-UE tinħareġ minn Stat Membru li japplika l-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ, id-detentur ta’ Karta Blu tal-UE jista’ jiċċaqlaq fiż-żona Schengen u jwettaq attività ta’ negozju għal 90 jum fi ħdan perjodu ta’ 180 jum. Hu jew hi tista’ twettaq attività ta’ negozju għall-istess tul ta’ żmien meta jiċċaqilqu għal Stat Membru li jipparteċipaw f’Karta Blu tal-UE iżda li ma japplikawx bis-sħiħ l-acquis ta’ Schengen. Meta l-Karta Blu tal-UE tinħareġ minn Stat Membru li ma japplikax l-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ, it-tieni Stat Membru għandu jippermetti d-dħul u s-soġġorn abbażi tal-Karta Blu tal-UE għall-finijiet tal-attività ta’ negozju, mingħajr ma jitlob viża separata jew xi awtorizzazzjoni oħra, ukoll għal 90 jum fi ħdan perjodu ta’ 180 jum. L-iskop ewlieni ta’ dan l-Artikolu huwa li jiggarantixxi li l-attivitajiet ta’ negozju ġewwa l-UE, li jistgħu jappartjenu għall-kompiti abitwali ta’ ħaddiema b’ħiliet għolja, ikunu jistgħu jitwettqu mingħajr ebda inċertezza legali jew piż amministrattiv eċċessiv.

Artikoli 20 u 21 - Ir-residenza fit-tieni Stat Membru għad-detenturi tal-Karta Blu tal-UE u l-membri tal-familja tagħhom

Imqabbla mad-Direttiva 2009/50/KE, il-mobbiltà bejn l-Istati Membri tkompli tiġi ffaċilitata sabiex il-Karta Blu tal-UE ssir skema tassew applikabbli għall-UE kollha u tkun mgħammra aħjar sabiex tattira l-ħiliet meħtieġa lejn l-Ewropa. Il-perjodu ta’ residenza meħtieġ fl-ewwel Stat Membru jitqassar minn 18-il xahar għal 12-il xahar u, skont l-iskema għal mobbiltà fit-tul żviluppata fil-kuntest tad-Direttiva 2014/66/UE, hemm diversi kundizzjonijiet li jiġu rrinunzjati meta ċittadin japplika għal Karta Blu tal-UE fit-tieni Stat Membru. Notevolment, ma huwa permess ebda test tas-suq tax-xogħol għad-detenturi mobbli tal-Karta Blu tal-UE jekk dan ma jiġix introdott ukoll għall-applikazzjonijiet għall-ewwel dħul, mhumiex permessi kwoti u t-tieni Stat Membru ma jistax jerġa’ jivverifika l-kwalifiki għall-professjonijiet mhux irregolati. Il-proċedura rilevanti hija ssimplifikata u mħaffa u x-xogħol jista’ jibda immedjatament wara li titressaq l-applikazzjoni għal Karta Blu tal-UE. Il-membri tal-familja jistgħu jingħaqdu mad-detentur ta’ Karta Blu tal-UE mingħajr ebda dewmien u xi kundizzjonijiet jiġu rrinunzjati għar-residenza tagħhom fit-tieni Stat Membru.

Artikolu 22 - Salvagwardji u sanzjonijiet

Huma introdotti salvagwardji ġodda sabiex ikunu jaqblu mad-drittijiet aktar estensivi mogħtija lid-detenturi tal-Karta Blu tal-UE. Jekk il-Karta Blu tal-UE tkun maħruġa minn Stat Membru li ma japplikax l-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ, l-Istati Membri jistgħu jitolbu prova tal-għan tal-vjaġġ meta detentur ta’ Karta Blu tal-UE jaqsam fruntiera esterna għal skopijiet ta’ mobbiltà. Barra minn hekk, jekk eventwalment ma tinħareġ ebda Karta Blu tal-UE mit-tieni Stat Membru, l-ewwel Stat Membru jrid jippermetti d-dħul mill-ġdid tal-persuna kkonċernata flimkien mal-membri tal-familja possibbli. Jeżistu salvagwardji speċjali kontra refoulement għal sitwazzjonijiet fejn id-detentur ta’ Karta Blu tal-UE jkun ukoll benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali. Dawn id-dispożizzjonijiet huma simili għal dawk inklużi fid-Direttiva 2011/51/UE, li permezz tagħhom l-aċċess għal status ta’ residenti għal perjodu fit-tul fl-UE, flimkien mad-drittijiet ta’ mobbiltà rilevanti, kien estiż għall-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali. L-Istati Membri jingħataw il-possibbiltà li jimponu sanzjonijiet fuq l-impjegaturi li ma jikkonformawx mal-obbligi tagħhom.

Kapitolu VI - DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikoli 23, 24, 25 u 26 – Aċċess għall-informazzjoni, l-istatistika, ir-rappurtar u l-kooperazzjoni bejn il-punti ta’ kuntatt

Bħala novità, meta mqabbel mad-Direttiva 2009/50/KE, l-Artikolu 23 jitlob lill-Istati Membri sabiex jipprovdu informazzjoni faċilment aċċessibbli lill-applikanti dwar il-kundizzjonijiet tad-dħul u tar-residenza, kif ukoll dwar id-drittijiet tagħhom. Huwa jitlobhom ukoll jikkomunikaw lill-Kummissjoni dejta dwar għadd ta’ aspetti, bħal-limiti tas-salarju annwali, il-lista ta’ professjonijiet li hemm nuqqas tagħhom, il-każijiet li fihom l-Istati Membri jagħmlu użu mill-klawżola dwar ir-reklutaġġ etiku, l-attivitajiet ta’ negozju permessi fit-territorju tagħhom,

L-Artikolu 23 jeħtieġ li l-Istati Membri jikkomunikaw lill-Kummissjoni statistika dwar l-għadd ta’ Karta Blu maħruġa, rifjutati, imġedda jew irtirati, kif ukoll dwar permessi maħruġa għall-membri tal-familja tagħhom. Dik l-istatistika għandha tiġi diżaggregata skont il-perjodu ta’ validità tal-permessi, is-sess u l-età tal-applikanti u s-settur ekonomiku. Huma għandhom jippermettu wkoll id-diżaggregazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu ngħataw Karta Blu tal-UE u li huma benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali jew id-dritt għal moviment liberu, kif ukoll tad-detenturi tal-Karta Blu tal-UE li kisbu l-istatus ta’ residenti għal perjodu fit-tul. Xi statistika hija meħtieġa diġà skont id-Direttiva 2009/50/KE, iżda l-proposta timponi rekwiżiti ulterjuri fuq l-Istati Membri, li huma kruċjali għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni u l-iżvilupp tal-iskema.

Abbażi tal-Artikolu 25, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva – u b’mod partikolari tivvaluta l-impatt tal-Artikoli 5, 12, 19 u 20 – kull tliet snin u tipproponi kwalunkwe emenda li tkun meħtieġa. Din hija dispożizzjoni standard, iżda r-regoli ġodda dwar il-mobbiltà huma oġġett ta’ interess partikolari.

L-Artikolu 26 jitlob lill-Istati Membri sabiex jinnominaw punti ta’ kuntatt sabiex jiskambjaw informazzjoni relatata mal-Artikolu 17 (status għal perjodu fit-tul), 19 (attivitajiet ta’ negozju), 20 (mobbiltà għal perjodu fit-tul) u 23 (miżuri ta’ implimentazzjoni). L-għan huwa li jitwessa’ l-iskambju ta’ informazzjoni mqabbel mad-Direttiva 2009/50/KE.

Artikoli 27, 28, 29 u 30 – It-traspożizzjoni, id-dħul fis-seħħ, id-destinatarji u t-tħassir

L-Artikoli 26 sa 28 huma dispożizzjonijiet standard. L-Artikolu 29 jipprevedi t-tħassir tad-Direttiva 2009/50/KE, li hija mibdula bil-proposta attwali.

2016/0176 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-kundizzjonijiet tad-dħul u tar-residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ impjieg b’ħiliet għolja

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-punti (a) u (b) tal-Artikolu 79(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz ta’ att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 28 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 29 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Marzu 2010 intitolata ‘Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv 30 tistabbilixxi l-objettiv tal-Unjoni li ssir ekonomija bbażata fuq l-għarfien u l-innovazzjoni, tnaqqas il-piż amministrattiv minn fuq l-impriżi u tqabbel aħjar tal-provvista tal-ħaddiema mat-talba għax-xogħol. Il-miżuri maħsuba biex jiffaċilitaw l-ammissjoni ta’ ħaddiema b’ħiliet għolja minn pajjiżi terzi għandhom jiġu kkunsidrati f’dak il-kuntest usa’.

(2)Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-26 u tas-27 ta’ Ġunju 2014 jiddikjaraw li biex tibqa’ destinazzjoni attraenti għat-talenti u l-ħiliet, l-Ewropa għandha tikkompeti fit-tellieqa globali għat-talent. Għalhekk, għandhom jiġu żviluppati strateġiji li jimmassimizzaw l-opportunitajiet ta’ migrazzjoni legali, inkluża s-simplifikazzjoni tar-regoli eżistenti.

(3)L-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni adottata fit-13 ta’ Mejju 2015 tappella għal skema attraenti mifruxa mal-UE kollha għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi bi kwalifiki għoljin, u tispeċifika li reviżjoni tad-Direttiva tal-Kunsill2009/50/KE 31 hija meħtieġa biex tagħmilha iktar effettiva biex tattira t-talent lejn l-Unjoni u b’hekk jiġu indirizzati kemm l-isfidi demografiċi li qed tiffaċċja l-Unjoni u nuqqas ta’ ħaddiema u ta’ ħiliet f’setturi ewlenin tal-ekonomija tal-Unjoni.

(4)Jeħtieġ li jiġu mwieġba l-isfidi identifikati fir-rapport ta’ implimentazzjoni dwar id-Direttiva 2009/50/KE. L-Unjoni għandha timmira li tistabbilixxi skema aktar attraenti u effettiva għall-UE kollha għall-ħaddiema b’ħiliet għolja. L-approċċ tal-Unjoni dwar l-attrazzjoni ta’ ħaddiema b’ħiliet għolja għandu jiġi armonizzat aktar u l-Karta Blu tal-UE għandha ssir l-għodda primarja f’dak ir-rigward bi proċeduri aktar mgħaġġla, kriterji tal-ammissjoni aktar flessibbli u inklużivi u drittijiet aktar estensivi, inkluża mobbiltà aktar iffaċilitata ġewwa l-UE. Għalhekk, billi dan jinvolvi bidliet sostanzjali fid-Direttiva 2009/50/KE, dik id-Direttiva għandha titħassar u tinbidel b’Direttiva ġdida.

(5)Għandha tinħoloq sistema ta’ ammissjoni għall-UE kollha li tattira u żżomm il-ħaddiema b’ħiliet għolja fl-Unjoni. L-Istati Membri għandhom joħorġu Karta Blu tal-UE minflok permess nazzjonali għall-applikanti kollha li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom iżommu d-dritt li joħorġu permessi oħra minbarra l-Karta Blu tal-UE għal kwalunkwe fini ta’ impjieg għal ċittadini ta’ pajjiż terz li jaqgħu barra l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, soġġett għal-limitazzjonijiet li ġejjin minn direttivi oħra fil-qasam tal-migrazzjoni tal-ħaddiema.

(6)Il-kunċett ta’ ħaddiem b’ħiliet għolja għandu jissostitwixxi l-kunċett ta’ ħaddiem bi kwalifiki għolja sabiex jiġi enfasizzat li kemm il-kwalifiki tal-edukazzjoni formali kif ukoll l-esperjenza professjonali ekwivalenti għandhom jiġu kkunsidrati b’mod ugwali bħala kriterji għall-ammissjoni. Skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2012 32 , il-validazzjoni tal-eżiti tat-tagħlim, jiġifieri tal-kompetenzi (l-għarfien, il-ħiliet u l-attitudnijiet) 33 li jinkisbu permezz tat-tagħlim mhux formali u informali jista’ jkollhom rwol importanti fit-tisħiħ tal-impjegabbiltà u l-mobbiltà. Hija tirrakkomanda lill-Istati Membri jimplimentaw, sa mhux aktar tard mill-2018, arranġamenti għall-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali. Billi l-mekkaniżmi u l-arranġamenti għall-evalwazzjoni u l-validazzjoni tal-esperjenza professjonali mhumiex faċilment disponibbli fl-Istati Membri kollha, għandu jiġi pprovdut perjodu ta’ traspożizzjoni addizzjonali ta’ sentejn wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva għad-dispożizzjonijiet relatati mar-rikonoxximent tal-esperjenza professjonali sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu, fejn meħtieġ, jiżviluppaw tali mekkaniżmi u arranġamenti. Il-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali tal-Istati Membri dwar il-Karta Blu tal-UE għandhom jiġu involuti f’kooperazzjoni effettiva ma’ partijiet interessati u netwerks fis-setturi tal-edukazzjoni, tat-taħriġ, tal-impjiegi u taż-żgħażagħ, kif ukoll f’oqsma ta’ politika rilevanti oħrajn, għall-finijiet tar-rikonoxximent tal-esperjenza professjonali skont din id-Direttiva.

(7)Id-Direttiva ma għandhiex taffettwa d-dritt tal-Istati Membri li jiddeterminaw il-volumi ta’ ammissjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaslu fit-territorju tagħhom minn pajjiżi terzi sabiex ifittxu xogħol skont l-Artikolu 79(5) tat-Trattat. Abbażi ta’ dan, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jqisu applikazzjoni għal Karta Blu tal-UE bħala inammissibbli jew inkella jirrifjutawha. Billi l-Artikolu 79(5) tat-TFUE jirreferi biss għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ġejjin minn pajjiżi terzi, id-dritt li jiġu ddeterminati l-volumi ta’ ammissjoni ma japplikax f’sitwazzjonijiet fejn ċittadin ta’ pajjiż terz ikun diġà ġie ammess fit-territorju tal-Istati Membri skont din id-Direttiva u qed ifittex li jkompli l-perjodu ta’ residenza fl-istess Stat Membru jew fit-tieni Stat Membru.

(8)Benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali kif definit fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 34 għandhom sett wiesa’ ta’ drittijiet inkluż aċċess għas-suq tax-xogħol fl-Istat Membru li jkun tahom protezzjoni. Sabiex tkompli tiġi promossa l-inklużjoni soċjali ta’ dawn il-persuni u jittejbu l-opportunitajiet tagħhom fis-suq tax-xogħol madwar l-Unjoni, dawk li għandhom ħiliet għolja għandhom ikunu intitolati li japplikaw għal Karta Blu tal-UE. Huma għandhom ikunu soġġetti għall-istess regoli bħal kwalunkwe ċittadin ieħor ta’ pajjiż terz li jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, waqt li jżommu l-istatus ta’ benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali u dak ta’ detentur ta’ Karta Blu tal-UE b’mod parallel. Madankollu, għal raġunijiet ta’ ċarezza legali u koerenza, id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva dwar it-trattament indaqs u r-riunifikazzjoni tal-familja ma għandhomx japplikaw għal dan il-grupp ta’ detenturi tal-Karta Blu tal-UE fl-Istat Membru li tahom il-protezzjoni internazzjonali. Dawk id-drittijiet għandhom jibqgħu regolati skont l-acquis dwar l-asil u, fejn applikabbli, id-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE 35 .

(9)It-trasferiment tar-responsabbiltà għall-protezzjoni tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva: l-istatus ta’ protezzjoni u d-drittijiet assoċjati miegħu ma għandhomx jiġu ttrasferiti lil Stat Membru ieħor abbażi tal-ħruġ ta’ Karta Blu tal-UE.

(10)Sabiex jiġu ffaċilitati l-attivitajiet indipendenti ta’ negozju u ta’ mobbiltà ġewwa l-UE ta’ dawk iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’ħiliet għolja li huma benefiċjarji tad-dritt għal moviment liberu, huma għandhom jingħataw aċċess għall-Karta Blu tal-UE skont l-istess regoli bħal kwalunkwe ċittadin ieħir ta’ pajjiż terz li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Dan għandu japplika irrispettivament minn jekk iċ-ċittadin tal-Unjoni ta’ referenza jkunx eżerċita d-dritt fundamentali li jiċċaqlaq u jirrisjedi liberament skont l-Artikolu 21 tat-TFUE u irrispettivament minn jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat kienx l-ewwel detentur ta’ Karta Blu tal-UE jew inkella benefiċjarju tad-dritt għal moviment liberu. Id-drittijiet li dawn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jiksbu, bħala detenturi ta’ Karta Blu tal-UE għandu jkun mingħajr preġudizzju għal drittijiet li huma jista’ jkollhom skont id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 36 . Għal raġunijiet ta’ ċarezza legali u koerenza, f’termini tar-riunifikazzjoni tal-familja u t-trattament indaqs, għandhom jipprevalu r-regoli skont id-Direttiva 2004/38/KE. Id-dispożizzjonijiet kollha f’din id-Direttiva li jirrigwardjaw lill-benefiċjarji tad-dritt għal moviment liberu għandhom japplikaw ukoll meta dak id-dritt ikun derivat minn dawk iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jgawdu drittijiet ta’ moviment liberu ekwivalenti għal dawk taċ-ċittadini tal-Unjoni skont il-ftehimiet jew bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha u pajjiżi terzi jew inkella bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi.

(11)Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għall-kategoriji ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għalihom tapplika skema partikolari skont il-liġi tal-Unjoni, b’kundizzjonijiet tad-dħul speċifiċi u settijiet ta’ drittijiet, meta l-inklużjoni ta’ dawk il-kategoriji f’din id-Direttiva tmur kontra l-motiv tal-iskema partikolari, toħloq kumplessità legali bla bżonn jew tinvolvi riskju ta’ abbużi. Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal ċittadini ta’ pajjiż terz li japplikaw għal residenza fi Stat Membru bħala riċerkaturi sabiex iwettqu proġett ta’ riċerka, minħabba li dawn jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/801 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 37 li tintroduċi proċedura speċifika għall-ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ riċerka xjentifika. Madankollu, ladarba jiġu ammessi skont id-Direttiva (UE 2016/801, ir-riċerkaturi li jkunu qegħdin jirrisjedu legalment għandhom ikunu intitolati li japplikaw għal Karta Blu tal-UE skont din id-Direttiva għal finijiet oħrajn minbarra dawk koperti mid-Direttiva (UE) 2016/801.

(12)Din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa l-possibbiltà għal detentur tal-Karta Blu tal-UE li jgawdi minn drittijiet u benefiċċji addizzjonali li jistgħu jiġu pprovduti mil-liġi nazzjonali u li huma kompatibbli ma’ din id-Direttiva.

(13)Jeħtieġ li tiġi prevista sistema ta’ ammissjoni flessibbli li tkun tiddependi fuq id-domanda u bbażata fuq kriterji oġġettivi, bħal kuntratt ta’ xogħol jew offerta vinkolanti ta’ impjieg ta’ mill-inqas 6 xhur, limitu ta’ salarju adattabbli mill-Istat Membru għas-sitwazzjoni fis-suq tax-xogħol tiegħu u kwalifiki professjonali ogħla.

(14)Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-proċeduri nazzjonali dwar ir-rikonoxximent ta’ diplomi. Sabiex jiġi evalwat jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat għandux kwalifiki ta’ edukazzjoni ogħla jew kwalifiki ekwivalenti, għandha ssir referenza jew għal-livelli 6, 7 u 8 tal-ISCED (Klassifikazzjoni Standard Internazzjonali tal-Edukazzjoni) 2011 jew inkella għall-livelli 6, 7 u 8 ġeneralment ekwivalenti tal-EQF (Qafas Ewropew tal-Kwalifiki), skont l-għażla tal-Istat Membru kkonċernat.

(15)Sabiex jiġi żgurat livell suffiċjenti ta’ armonizzazzjoni fil-kundizzjonijiet tal-ammissjoni madwar l-Unjoni kollha, għandhom jiġu ddeterminati l-fatturi minimi u massimi għall-kalkolu tal-limitu tas-salarju. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-limitu tagħhom abbażi tas-sitwazzjoni u l-organizzazzjoni tas-swieq tax-xogħol rispettivi tagħhom u l-linji politiċi dwar l-immigrazzjoni ġenerali tagħhom.

(16)Għandu jiġi stabbilit limitu ta’ salarju aktar baxx għal professjonijiet speċifiċi fejn ikun meqjus mill-Istat Membru kkonċernat li hemm nuqqas partikolari ta’ ħaddiema disponibbli u fejn tali professjonijiet ikunu jappartjenu għall-grupp ewlieni 1 jew 2 tal-klassifika ISCO (“Klassifika Internazzjonali Standard tal-Impjiegi”).

(17)Għandu jiġi stabbilit ukoll limitu ta’ salarju aktar baxx sabiex minnu jibbenifikaw iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi matul ċertu perjodu wara l-gradwazzjoni tagħhom. Dan il-perjodu għandu jingħata kull darba li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jilħaq livell ta’ edukazzjoni rilevanti għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, jiġifieri l-livelli 6, 7 jew 8 tal-ISCED 2011, jew il-livelli 6, 7 u 8 tal-EQF, skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat. Huwa għandu japplika kull meta ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz japplika għal Karta Blu tal-UE inizjali jew imġedda fi żmien tliet snin mid-data tal-kisba tal-kwalifiki u, barra minn hekk, meta dak iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz japplika għall-ewwel tiġdid tal-Karta Blu tal-UE u meta l-Karta Blu tal-UE inizjali tkun inħarġet għal perjodu iqsar minn 24 xahar. Wara li jgħaddu dawn il-perjodi ta’ grazzja – li jistgħu jiddekorru b’mod parallel – il-professjonisti żgħażagħ jistgħu jkunu mistennija b’mod raġonevoli li jkunu kisbu biżżejjed esperjenza professjonali sabiex jissodisfaw il-limitu tas-salarju regolari.

(18)Għandhom jiġu definiti l-kundizzjonijiet tad-dħul u tar-residenza taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ impjieg li jirrikjedi ħiliet għolja, inklużi l-kriterji tal-eliġibbiltà relatati ma’ limitu ta’ salarju. Huwa ma għandux jimmira li jiddetermina s-salarji u, għalhekk, ma għandux jidderoga mir-regoli jew mill-prassi fil-livell tal-Istati Membri, jew inkella mill-ftehimiet kollettivi, u ma għandux jintuża sabiex jikkostitwixxi xi tip ta’ armonizzazzjoni f’dan il-qasam. Din id-Direttiva għandha tirrispetta b’mod sħiħ il-kompetenzi tal-Istati Membri, b’mod partikolari fuq l-impjiegi, ix-xogħol u materji soċjali.

(19)Ma għandux ikun neċessarju għal ċittadin ta’ pajjiż terz li jkollu dokument tal-ivvjaġġar li l-validità tiegħu tkun tkopri t-tul kollu tal-Karta Blu tal-UE inizjali. Iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandhom ikunu permessi jġeddu d-dokument tal-ivvjaġġar tagħhom waqt li jkollhom Karta Blu tal-UE.

(20)L-Istati Membri għandhom jirrifjutaw l-applikazzjonijiet għal Karta Blu tal-UE u jkunu permessi jirtiraw jew jirrifjutaw li jġeddu Karta Blu tal-UE jekk ikun hemm theddida għall-politika pubblika, għas-sigurtà pubblika jew għas-saħħa pubblika. Kwalunkwe rifjut għal raġunijiet ta’ politika pubblika jew sigurtà pubblika għandu jkun ibbażat fuq l-imġiba individwali tal-persuna kkonċernata, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Mard jew diżabilità mġarrba wara li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun ġie ammess fit-territorju tal-ewwel Stat Membru ma għandhomx jikkostitwixxu r-raġuni waħdanija għall-irtirar jew għar-rifjut tat-tiġdid ta’ Karta Blu tal-UE jew sabiex ma tinħariġx Karta Blu tal-UE fit-tieni Stat Membru.

(21)L-Istati Membri għandhom ikunu permessi li jirtiraw jew jirrifjutaw li jġeddu Karta Blu tal-UE meta d-detentur ta’ Karta Blu tal-UE jkun naqas milli jikkonforma mal-kundizzjonijiet għall-mobbiltà skont din id-Direttiva jew ripetutament ikun eżerċita d-drittijiet tal-mobbiltà b’mod abbużiv, pereżempju, billi applika għal Karti Blu tal-UE fit-tieni Stat Membru u beda jaħdem immedjatament waqt li kien jidher b’mod ċar li l-kundizzjonijiet ma kinux ser jiġu ssodisfati u li l-applikazzjoni kienet ser tiġi rrifjutata.

(22)Kwalunkwe deċiżjoni li tirrifjuta applikazzjoni għal Karta Blu tal-UE jew li tirtira jew tirrifjuta li ġġedded Karta Blu tal-UE għandha tieħu f’kunsiderazzjoni ċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ u tirrispetta l-prinċipju tal-proporzjonalità. B’mod partikolari, fejn ir-raġuni għar-rifjut tkun relatata mal-attività ta’ min iħaddem, imġiba ħażina minuri ma għandhiex f’kull każ tikkostitwixxi l-unika bażi għar-rifjut ta’ applikazzjoni jew għall-irtirar jew ir-rifjut tat-tiġdid tal-permess.

(23)Ladarba jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha għall-ammissjoni, l-Istati Membri għandhom joħorġu Karta Blu tal-UE fil-limiti ta’ żmien speċifikati. Jekk Stat Membru joħroġ il-permessi ta’ residenza fit-territorju tiegħu biss u l-kundizzjonijiet kollha ta’ din id-Direttiva b’rabta mal-ammissjoni jiġu ssodisfati, l-Istat Membru għandu jagħti l-viża meħtieġa liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat. Għandu jiġi żgurat li l-awtoritajiet kompetenti jikkooperaw b’mod effettiv sabiex il-viża tinħareġ mingħajr dewmien.

(24)Ir-regoli dwar il-ħinijiet tal-ipproċessar għall-applikazzjonijiet għal Karta Blu tal-UE għandhom jiggarantixxu l-ħruġ malajr tal-permessi fil-każijiet kollha. Il-ħin tal-ipproċessar għall-eżaminazzjoni tal-applikazzjoni għal Karta Blu tal-UE ma għandux jinkludi l-ħin meħtieġ għar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali, fejn applikabbli, jew il-ħin meħtieġ għall-ħruġ ta’ viża, jekk ikun meħtieġ.

(25)Il-format tal-Karta Blu tal-UE għandha tkun skont ir-Regolament (KE) Nru 1030/2002 38 , li b’hekk jippermetti lill-Istati Membri jirreferu għall-informazzjoni, b’mod partikolari taħt liema kundizzjonijiet il-persuna tingħata l-permess li taħdem.

(26)L-Istati Membri kkonċernati għandhom jiżguraw li l-applikanti jkollhom id-dritt li jikkontestaw quddiem qorti jew tribunal kwalunkwe deċiżjoni ta’ rifjut ta’ applikazzjoni għal Karta Blu tal-UE, jew nuqqas ta’ tiġdid jew irtirar ta’ Karta Blu tal-UE. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li tinħatar awtorità amministrattiva biex twettaq tali stħarriġ amministrattiv preliminari ta’ dawn id-deċiżjonijiet.

(27)Minħabba li d-detenturi tal-Karta Blu tal-UE huma ħaddiema b’ħiliet għolja li jikkontribwixxu għall-indirizzar tan-nuqqasijiet ta’ ħaddiema u ħiliet f’setturi ewlenin, il-prinċipju tal-aċċess għas-suq tax-xogħol għandu jkun ir-regola ġenerali. Madankollu, f’ċirkostanzi fejn is-suq tax-xogħol domestiku jgħaddi minn disturbi serji, bħal livell għoli ta’ qgħad fi professjoni jew settur partikolari, li jistgħu jkunu limitati għal reġjuni partikolari jew għal partijiet oħrajn tat-territorju, Stat Membru għandu jkun jista’ jieħu f’kunsiderazzjoni s-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol tiegħu qabel joħroġ Karta Blu tal-UE.

(28)F’każ li l-Istati Membri jiddeċiedu li jagħmlu użu minn din il-possibbiltà għal professjoni jew settur partikolari, possibbilment f’parti partikolari mit-territorju tagħhom, huma għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, fejn jispjegaw ir-raġunijiet ekonomiċi, soċjali u oħrajn li jiġġustifikaw id-deċiżjoni li jintroduċu tali test tas-suq tax-xogħol għat-12-il xahar li ġejjin u jerġgħu jagħmlu dan għal kull perjodu sussegwenti ta’ 12-il xahar. L-Istati Membri jistgħu jinvolvu lill-imsieħba soċjali fil-valutazzjoni taċ-ċirkostanzi marbuta mas-suq tax-xogħol domestiku. Din il-verifika ma għandhiex tkun possibbli meta Karta Blu tal-UE tiġġedded fl-ewwel Stat Membru. Għall-Karti Blu tal-UE fit-tieni Stat Membru, il-kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol għandha tkun possibbli biss jekk dak l-Istat Membru jkun introduċa kontrolli għall-ewwel applikazzjonijiet għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ġejjin minn pajjiżi terzi u wara notifika ġustifikata separata. F’każ li l-Istati Membri jiddeċiedu li jagħmlu użu minn din il-possibbiltà, huma għandhom jikkomunikaw dan b’mod ċar, aċċessibbli u trasparenti lill-applikanti u lill-impjegaturi, inkluż online.

(29)Fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom joqogħdu lura milli jwettqu reklutaġġ attiv f’setturi li qed ibatu minn nuqqas ta’ persunal fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Għandhom jiġu żviluppati linji politiċi u prinċipji ta’ reklutaġġ etiku applikabbli għall-impjegaturi fis-settur pubbliku u f’dak privat f’setturi ewlenin, pereżempju, is-settur tas-saħħa. Dan hu konsistenti mal-impenn tal-UE għal 2010 Kodiċi Globali tad-WHO dwar ir-Reklutaġġ Internazzjonali tal-Persunal tas-Saħħa 39 , flimkien mal-Kunsill u l-Istati Membri fl-14 ta’ Mejju 2007 dwar il-Programm Ewropew għal Azzjoni biex jiġi indirizzat in-nuqqas kritiku ta’ ħaddiema tas-saħħa fil-pajjżi li qed jiżviluppaw (2007–2013), u s-settur tal-edukazzjoni, kif adatt. Dawn il-prinċipji u l-linji politiċi għandhom jissaħħu permezz tal-iżvilupp u l-applikazzjoni ta’ mekkaniżmi, linji gwida u għodod oħrajn maħsuba biex jiffaċilitaw, kif xieraq, il-migrazzjoni ċirkolari u temporanja, kif ukoll miżuri oħrajn li jnaqqsu l-impatti negattivi u jżidu l-impatti pożittivi tal-immigrazzjoni b’ħiliet għolja fuq il-pajjiżi li għadhom qegħdin jiżviluppaw sabiex l-“eżodu tal-imħuħ” jinbidel f’“kisba ta’ mħuħ”.

(30)Għandha tiġi pprovduta proċedura ssimplifikata għall-impjegaturi li kienu rikonoxxuti għal dak l-iskop, li trid tkun fakultattiva għall-Istati Membri. L-istatus ta’ impjegatur rikonoxxut għandu jġib miegħu faċilitazzjoni speċifika f’termini ta’ proċeduri u kundizzjonijiet tal-ammissjoni – li tammonta għal proċedura ssimplifikata – skont din id-Direttiva u l-Istati Membri għandhom jinkludu biżżejjed salvagwardji kontra l-abbuż. Meta l-istatus ta’ impjegatur rikonoxxut jiġi rtirat matul il-perjodu ta’ validità ta’ Karta Blu tal-UE maħruġa taħt il-proċedura ssimplifikata, għandhom japplikaw kundizzjonijiet ta’ ammissjoni regolari mat-tiġdid ta’ dik il-Karta Blu tal-UE, sakemm iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat ma jkunx impjegat minn impjegatur rikonoxxut ieħor.

(31)Sabiex tiġi promossa intraprenditorija innovattiva, ċittadini ta’ pajjiżi terzi ammessi taħt din id-Direttiva għandhom jingħataw id-dritt li jeżerċitaw attività bħala persuna li taħdem għal rasha, mingħajr ma dan jaffettwa d-dritt ta’ residenza bħala detentur ta’ Karta Blu tal-UE. Dan id-dritt għandu jkun mingħajr preġudizzju għal obbligu kontinwu li jissodisfa l-kundizzjonijiet għal ammissjoni taħt din id-Direttiva, u li d-detentur tal-Karta Blu tal-UE jibqa’ f’attività ta’ impjegati bi kwalifiki għolja.

(32)Il-ħaddiema staġonali li jkunu ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandhom jingħataw trattament ugwali fir-rigward ta’ dawk il-fergħat tas-sigurtà soċjali elenkati fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 40 . Din id-Direttiva ma tarmonizzax il-leġislazzjoni tas-sigurtà soċjali tal-Istati Membri. Hija limitata għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali fil-qasam tas-sigurtà soċjali għaċ-ċittadini ta' pajjiż terz li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tagħha.

(33)Fil-każ ta' mobilità bejn l-Istati Membri, japplika r-Regolament (UE) Nru 1231/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 41 . Din id-Direttiva ma għandhiex tagħti aktar drittijiet lid-detentur ta’ Karta Blu tal-UE minn dawk diġà previsti fil-liġi tal-Unjoni eżistenti fil-qasam tas-sigurtà soċjali għaċ-ċittadini li għandhom interessi transkonfinali bejn l-Istati Membri.

(34)Il-kwalifiki professjonali miksubin minn ċittadin ta’ pajjiż terz fi Stat Membru ieħor għandhom jiġu rikonoxxuti bl-istess mod kif isir għaċ-ċittadini tal-Unjoni. Il-kwalifiki miksubin f’pajjiż terz għandhom jiġu kkunsidrati konformement mad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 42 . Meta ċittadin ta’ pajjiż terz ikun qed japplika għal Karta Blu tal-UE sabiex jipprattika professjoni mhux irregolata, l-Istati Membri għandhom jevitaw rekwiżiti formali eċċessivi u proċeduri ta’ rikonoxximent sħiħ rigward il-kwalifiki, kull fejn tkun tista’ tinkiseb biżżejjed evidenza b’mod ieħor.

(35)Id-drittijiet miksuba minn benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali bħala detentur tal-Karta Blu tal-UE għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għad-drittijiet li tgawdi l-persuna kkonċernata skont id-Direttiva 2011/95/UE u skont il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra fl-Istat Membru li ta l-istatus ta’ protezzjoni. F’dak l-Istat Membru, sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet ta’ regoli konfliġġenti, id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva dwar it-trattament indaqs u r-riunifikazzjoni tal-familja ma għandhomx japplikaw. Il-persuni li huma benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru wieħed u d-detenturi ta’ Karta Blu tal-UE fi Stat Membru ieħor għandhom igawdu l-istess drittijiet, inkluża l-ugwaljanza fit-trattament maċ-ċittadini tal-Istat Membru tar-residenza, bħal kwalunkwe detenturi oħrajn tal-Karta Blu tal-UE fl-Istat Membru msemmi l-aħħar.

(36)Il-kundizzjonijiet favorevoli għar-riunifikazzjoni tal-familja u l-aċċess bla xkiel tal-konjugi għax-xogħol għandhom ikunu element fundamentali ta’ din id-Direttiva sabiex tiġi ffaċilitata l-attrazzjoni ta’ ħaddiema b’ħiliet għolja. Għandhom jiġu previsti derogi speċifiċi mid-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE sabiex jintlaħaq dan l-għan. Il-kundizzjonijiet relatati mal-integrazzjoni jew mal-perjodi ta’ stennija ma għandhomx jiġu applikati qabel tkun permessa r-riunifikazzjoni tal-familja, minħabba li l-ħaddiema b’ħiliet għolja u l-familji tagħhom x’aktarx li jkollhom punt tat-tluq favorevoli fir-rigward tal-integrazzjoni fil-komunità ospitanti. Bil-għan li jiġi ffaċilitat id-dħul malajr tal-ħaddiema b’ħiliet għolja, il-permessi ta’ residenza lill-membri tal-familja tagħhom għandhom jinħarġu fl-istess żmien li tinħareġ il-Karta Blu tal-UE, meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet rilevanti u meta l-applikazzjonijiet jiġu ppreżentati simultanjament.

(37)Sabiex tattira ħaddiema b’ħiliet għoljin u jinkoraġġixxu soġġorn kontinwu tagħhom fl-Unjoni, filwaqt li jippermettu l-mobbiltà fi ħdan l-Unjoni kif ukoll il-migrazzjoni ċirkolari, id-derogi mid-Direttiva tal-Kunsill2003/109/KE 43 li għandhom ikunu previsti sabiex id-detenturi ta’ Karta Blu tal-UE jingħataw aċċess aktar faċli għal status ta’ residenti fit-tul tal-UE.

(38)Sabiex titrawwem il-mobbiltà tal-ħaddiema b’ħiliet għolja bejn l-Unjoni u l-pajjiżi tal-oriġini tagħhom, għandhom jiġu previsti derogi mid-Direttiva 2003/109/KE sabiex ikunu permessi perjodi itwal ta’ assenza minn dawk previsti f’dik id-Direttiva wara li l-ħaddiema b’ħiliet għolja minn pajjiżi terzi jkunu kisbu l-istatus ta’ residenti għal perjodu fit-tul fl-UE

(39)Il-mobbiltà okkupazzjonali u ġeografika tal-ħaddiema b’ħiliet għolja minn pajjiżi terzi għandha tiġi rikonoxxuta bħala fattur importanti li jikkontribwixxi għat-titjib tal-effikaċja tas-suq tax-xogħol madwar l-Unjoni, għall-indirizzar tan-nuqqas ta’ ħiliet u għat-tpaċija tal-iżbilanċi reġjonali. Il-mobbiltà fi ħdan l-Unjoni għandha tiġi ffaċilitata.

(40)L-inċertezza legali eżistenti madwar il-vjaġġi għal finijiet ta’ negozju tal-ħaddiema b’ħiliet għolja għandha tiġi indirizzata billi jiġi definit dan il-kunċett u tiġi stabbilita lista ta’ attivitajiet li fi kwalunkwe każ għandhom jitqiesu bħala attivitajiet ta’ negozju fl-Istati Membri kollha. It-tieni Stat Membru ma għandux ikun permess li jitlob mingħand id-detenturi ta’ Karta Blu tal-UE, li jinvolvu ruħhom f’attivitajiet ta’ negozju, permess tax-xogħol jew xi awtorizzazzjoni oħra minbarra l-Karta Blu tal-UE maħruġa mill-ewwel Stat Membru. Meta l-Karta Blu tal-UE tinħareġ minn Stat Membru li ma japplikax l-acquis tax-Schengen b’mod sħiħ, id-detentur tagħha għandu jkun intitolat għad-dħul u s-soġġorn f’wieħed jew aktar mit-tieni Stati Membri għall-finijiet ta’ attività ta’ negozju sa massimu ta’ 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum abbażi tal-Karta Blu tal-UE.

(41)Id-detenturi ta’ Karta Blu tal-UE għandhom jitħallew jiċċaqalqu għat-tieni Stat Membru taħt kundizzjonijiet issimplifikati meta għandhom l-intenzjoni li japplikaw għal Karta Blu tal-UE ġdida bbażata fuq servizz eżistenti, kuntratt tax-xogħol jew offerta vinkolanti ta’ impjieg. It-tieni Stat Membru ma għandux ikun permess li jitlob mingħand id-detenturi ta’ Karta Blu tal-UE xi awtorizzazzjoni oħra minbarra l-Karta Blu tal-UE maħruġa mill-ewwel Stat Membru. Hekk kif jippreżentaw applikazzjoni għal Karta Blu tal-UE fil-limitu ta’ żmien previst f’din id-Direttiva, huma għandhom jitħallew jibdew jaħdmu. Fit-tieni Stat Membru, il-proċedura għall-ħruġ ta’ Karta Blu tal-UE għandha tiġi ssimplifikata meta mqabbla mal-ewwel Karta Blu tal-UE; billi d-detentur mobbli ta’ Karta Blu tal-UE diġà eżerċita attività li tirrikjedi ħiliet għolja fi Stat Membru wieħed għal ċertu perjodu ta’ żmien, it-tieni Stat Membru ma għandux ikollu l-ħtieġa li jikkontrolla l-istess dettalji kollha għat-tieni darba. Madankollu, il-mobbiltà għandha tibqa’ tiddependi fuq id-domanda u, għalhekk, għandu dejjem ikun meħtieġ kuntratt ta’ xogħol fit-tieni Stat Membru u s-salarju għandu jilħaq il-limitu stabbilit mit-tieni Stat Membru skont din id-Direttiva.

(42)Filwaqt li huma pprovduti xi regoli speċjali f’din id-Direttiva rigward id-dħul u s-soġġorn fit-tieni Stat Membru għall-finijiet ta’ attività ta’ negozju, kif ukoll iċ-ċaqliq lejn it-tieni Stat Membru għall-finijiet ta’ applikazzjoni għal Karta Blu tal-UE ġdida fit-territorju tiegħu, għandhom japplikaw ir-regoli l-oħrajn kollha li jirregolaw il-moviment tal-persuni tul il-fruntieri kif stabbiliti fid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-acquis tax-Schengen.

(43)Jekk il-Karta Blu tal-UE maħruġa minn Stat Membru li ma japplikax l-acquis ta’ Schengen bis-sħiħ u d-detentur tal-Karta Blu tal-UE, fis-sitwazzjonijiet ta' mobbiltà previsti f’din id-Direttiva, jaqsam fruntiera esterna skont ir-Regolament (UE) Nru 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 44 , Stat Membru għandu jkun intitolat li jitlob evidenza li d-detentur tal-Karta Blu tal-UE jkun qed jidħol fit-territorju tiegħu għall-finijiet tal-attivitajiet tal-intrapriża jew sabiex wieħed japplika għal Karta Blu tal-UE ġdida bbażata fuq kuntratt tax-xogħol jew offerta vinkolanti ta’ impjieg. Fil-każ tal-mobbiltà għat-twettiq ta’ attivitajiet ta’ negozju, dak l-Istat Membru għandu jkun jista’ jitlob evidenza tal-iskop kummerċjali tas-soġġorn, bħal stediniet, biljetti tad-dħul jew dokumenti li jiddeskrivu l-attivitajiet ta’ negozju tal-kumpanija u l-pożizzjoni tad-detentur ta’ Karta Blu tal-UE fil-kumpanija.

(44)Meta d-detentur ta’ Karta Blu tal-UE jiċċaqlaq lejn it-tieni Stat Membru sabiex japplika għal Karta Blu tal-UE u huwa jkun akkumpanjat minn membri tal-familja, dak l-Istat Membru għandu jkun jista’ jitlob għal evidenza tar-residenza leġittima tagħhom fl-ewwel Stat Membru. Barra minn hekk, fil-każ tal-qsim ta' fruntiera esterna fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 2016/399, l-Istati Membri li japplikaw l-acquis ta' Schengen bis-sħiħ għandhom jikkonsultaw is-sistema ta' informazzjoni ta' Schengen u għandhom jirrifjutaw id-dħul jew joġġezzjonaw għall-mobbiltà ta' persuni li għalihom tkun inħarġet twissija f'dik is-sistema għall-iskopijiet ta' ċaħda tad-dħul jew żjara, kif imsemmi fir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 45 .

(45)Għall-fini tar-residenza tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali fl-Istati Membri, jeħtieġ li jiġi żgurat li l-Istati Membri għajr dak li ħareġ il-protezzjoni internazzjonali jiġu infurmati dwar l-isfond tal-protezzjoni tal-persuni kkonċernati sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jikkonformaw mal-obbligi tagħhom fir-rigward tal-prinċipju ta’ non-refoulement.

(46)Meta Stat Membru jkollu l-ħsieb li jkeċċi persuna li kisbet Karta Blu tal-UE f’dak l-Istat Membru u li hija benefiċjarja ta’ protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor, dik il-persuna għandha tgawdi l-protezzjoni kontra t-tkeċċija garantita skont id-Direttiva 2011/95/UE u skont l-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni Relatata mal-Istatus tar-Refuġjati tat-28 ta’ Lulju 1951, kif emendata mill-Protokoll iffirmat fi New York fil-31 ta’ Jannar 1967 (il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra).

(47)Fejn l-espulsjoni ta’ benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali barra mit-territorju ta' Stat Membru hi permessa skont id-Direttiva 2011/95/UE, l-Istati Membri għandhom ikunu obbligati jiżguraw li l-informazzjoni kollha tinkiseb minn sorsi rilevanti inkluż, fejn ikun xieraq, mill-Istat Membru li jkun ta l-protezzjoni internazzjonali, u li tiġi vvalutata bir-reqqa bil-ħsieb li tiggarantixxi li d-deċiżjoni li jitkeċċa l-benefiċjarju tkun konformi mal-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(48)Għandhom jiġu previsti dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ rappurtar għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, bil-għan li jiġu identifikati u possibbilment miġġielda l-impatti possibbli f’termini ta’ eżodu ta’ mħuħ fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u sabiex tiġi evitata l-ħela ta’ mħuħ.

(49)Minħabba li l-għanijiet ta’ din id-Direttiva, jiġifieri l-istabbiliment ta’ proċedura ta’ ammissjoni speċjali u l-adozzjoni ta’ kundizzjonijiet tad-dħul u tar-residenza, kif ukoll id-drittijiet, applikabbli għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-fini ta’ impjieg li jirrikjedi ħiliet għolja u għall-membri tal-familja tagħhom, ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, speċjalment – sabiex tiġi sfruttata aħjar l-attrazzjoni ġenerali tal-UE – fir-rigward tal-iżgurar tal-mobbiltà tagħhom bejn l-Istati Membri u l-offerta ta’ sett wieħed u ċar ta’ kriterji ta’ ammissjoni madwar l-Istati Membri, u għalhekk jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Konformement mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(50)Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE).

(51)F’konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni 46 , l-Istati Membri impenjaw ruħhom li, f’każijiet iġġustifikati, jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri tagħhom ta’ traspożizzjoni b’dokument jew dokumenti li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta’ traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis it-trasmissjoni ta’ dawn id-dokumenti bħala ġustifikata.

(52)B’konformità mal-Artikoli 1 u 2 u l-Artikolu 4a(1) tal-Protokoll 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, annessa mat-TUE u mat-TFUE, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, dawk l-Istati Membri mhumiex qed jieħdu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva u mhumiex marbuta minn jew soġġetti għall-applikazzjoni tagħha.

(53)B’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka annessa mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva u mhijiex marbuta minn jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(54)Għalhekk, id-Direttiva 2009/50/KE għandha titħassar,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Kapitolu I

dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Direttiva tistabbilixxi:

(a)il-kundizzjonijiet ta’ dħul u residenza għal aktar minn tliet xhur fit-territorju tal-Istati Membrim u d-drittijiet, ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ impjieg b'ħiliet għolja, u tal-membri tal-familja tagħhom;

(b)il-kundizzjonijiet ta’ dħul u residenza, kif ukoll id-drittijiet, ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u tal-membri tal-familja tagħhom, imsemmija fil-punt (a), fi Stati Membri oħrajn għajr l-Istat Membru li ta l-ewwel Karta Blu tal-UE.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

(a)“ċittadin ta’ pajjiż terz” tfisser kwalunkwe persuna li mhijiex ċittadin tal-Unjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 20(1) tat-Trattat;

(b)“impjieg li jirrikjedi ħiliet għolja” tfisser l-impjieg ta’ persuna li:

fl-Istat Membru kkonċernat, hija protetta bħala impjegata skont il-liġi nazzjonali dwar l-impjieg u/jew b’konformità mal-prattika nazzjonali, irrispettivament mir-relazzjoni ġuridika, għall-finijiet tat-twettiq ta’ xogħol ġenwin u effettiv għal, jew taħt id-direzzjoni ta’, xi ħadd ieħor;

titħallas; kif ukoll

għandha l-kompetenza meħtieġa, kif muri mill-kwalifiki professjonali ogħla.

(c)“Karta Blu tal-UE” tfisser il-permess ta’ residenza li jkollu fuqu t-terminu “Karta Blu tal-UE” li jintitola lid-detentur tiegħu li jirrisjedi u jaħdem fit-territorju ta’ Stat Membru taħt it-termini ta’ din id-Direttiva;

(d)“l-ewwel Stat Membru” tfisser l-Istat Membru li jkun l-ewwel li jagħti “Karta Blu tal-UE” lil ċittadin ta’ pajjiż terz;

(e)“it-tieni Stat Membru” tfisser kwalunkwe Stat Membru li fih id-detentur tal-Karta Blu tal-UE jkollu l-ħsieb li jeżerċita d-dritt ta’ mobbiltà skont it-tifsira ta’ din id-Direttiva, minbarra l-ewwel Stat Membru;

(f)“membri tal-familja” tfisser iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kif definiti fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/86/KE;

(g)“kwalifiki professjonali ogħla” tfisser kwalifiki attestati minn b’evidenza ta’ kwalifiki ta’ edukazzjoni ogħla jew ħiliet professjonali ogħla;

(h)“kwalifiki ta’ edukazzjoni ogħla” tfisser kwalunkwe diploma, ċertifikat jew evidenza oħra ta’ kwalifiki formali maħruġa minn awtorità kompetenti li jagħtu prova tat-tlestija b’suċċess ta’ programm ta’ edukazzjoni ogħla post-sekondarja jew ta’ edukazzjoni terzjarja ekwivalenti, jiġifieri sett ta’ korsijiet ipprovduti minn stabbiliment edukattiv rikonoxxut bħala istituzzjoni ta’ edukazzjoni ogħla jew istituzzjoni ta’ edukazzjoni terzjarja ekwivalenti mill-Istat fejn jinsab, fejn l-istudji meħtieġa għall-kisba ta’ dawk il-kwalifiki jdumu mill-inqas tliet snin u jkunu jikkorrespondu mill-inqas għal livell 6 ta’ ISCED 2011 jew għal livell 6 tal-EQF, skont il-liġi nazzjonali;

(i)“ħiliet professjonali ogħla” tfisser ħiliet attestati minn mill-inqas tliet snin ta’ esperjenza professjonali ta’ livell komparabbli għal kwalifiki ta’ edukazzjoni ogħla u li hija rilevanti fil-professjoni jew fis-settur speċifikat fil-kuntratt tax-xogħol jew fl-offerta vinkolanti ta’ impjieg;

(j)“esperjenza professjonali” tfisser iż-żmien veru u leġittimu fil-professjoni kkonċernata;

(k)“professjoni rregolata” tfisser professjoni rregolata kif definita fl-Artikolu 3(1) (a) tad-Direttiva 2005/36/KE;

(l)“attività ta’ negozju” tfisser attività temporanja relatata mal-interessi kummerċjali ta’ min iħaddem, bħall-attendenza f’laqgħat ta’ negozju interni u esterni, l-attendenza f’konferenzi u seminars, in-negozjar ta’ ftehimiet kummerċjali, it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ bejgħ jew kummerċjalizzazzjoni, it-twettiq ta’ verifiki interni jew tal-klijenti, l-esplorazzjoni tal-opportunitajiet ta’ negozju jew l-attendenza u r-riċeviment ta’ taħriġ;

(m)“protezzjoni internazzjonali” għandha t-tifsira kif definita fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

Artikolu 3

Il-kamp ta’ applikazzjoni

1.Din id-Direttiva għandha tapplika lil ċittadini ta' pajjiżi terzi li japplikaw għad-dħul jew li ġew aċċettati fit-territorju ta' Stat Membru għall-iskop ta' impjieg b'ħiliet għolja.

2.Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi:

(a)li jfittxu protezzjoni internazzjonali u li jkunu qed jistennew deċiżjoni dwar l-istatus tagħhom jew li huma benefiċjarji ta’ protezzjoni temporanja f’konformità mad-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE 47 fi Stat Membru;

(b)li jfittxu protezzjoni skont il-liġi nazzjonali, l-obbligi internazzjonali jew il-prattika tal-Istat Membru u qegħdin jistennew deċiżjoni dwar l-istatus tagħhom, jew li huma benefiċjarji ta’ protezzjoni skont il-liġi nazzjonali, l-obbligi internazzjonali jew il-prattika tal-Istat Membru;

(c)li japplikaw sabiex jirrisjedu fi Stat Membru bħala riċerkaturi skont it-tifsira tad-Direttiva (UE) 2016/801 sabiex iwettqu proġett ta’ riċerka;

(d)li jgawdu minn status tal-UE ta’ residenti għal perjodu fit-tul fi Stat Membru b’konformità mad-Direttiva 2003/109/KE u jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor sabiex iwettqu attività ekonomika f’kapaċità ta’ impjegati jew li jaħdmu għal rashom;

(e)li jidħlu fi Stat Membru taħt impenji li jinsabu fi ftehim internazzjonali li jiffaċilita d-dħul u r-residenza temporanja ta’ persuni naturali minn ċerti kategoriji ta’ negozju u relatati ma’ l-investiment, bl-eċċezzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu ġew ammessi fit-territorju ta’ Stat Membru bħala ħaddiema bi trasferiment intra-ażjendali skont id-Direttiva 2014/66/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 48 ; 

(f)jew li ġew ammessi fit-territorju ta’ Stat Membru bħala ħaddiema staġonali skont id-Direttiva 2014/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 49 ;

(g)li t-tkeċċija tagħhom ġiet sospiża għal raġunijiet ta’ fatt jew ta’ dritt;

(h)li huma koperti mid-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 50 sakemm il-post tal-impjieg tagħhom jinsab fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat;

(i)li taħt il-ftehimiet bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha u pajjiżi terzi jgawdu minn drittijiet ta’ moviment liberu ekwivalenti għal dawk taċ-ċittadini tal-Unjoni.

3.Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe ftehim bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jew bejn l-Istati Membri u pajjiż terz wieħed jew aktar, li jelenka l-professjonijiet li ma jaqgħux taħt din id-Direttiva sabiex jiżgura reklutaġġ etiku, f’setturi li jbatu minn nuqqas ta’ persunal, filwaqt li jitħarsu r-riżorsi umani fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jkunu firmatarji għal dawn il-ftehimiet.

4.L-Istati Membri m'għandhom joħorġu l-ebda permess ieħor minbarra l-Karta Blu tal-UE lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-iskop ta’ impjieg b'ħiliet għoljin.

Artikolu 4

Dispożizzjonijiet aktar favorevoli

1.Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet aktar favorevoli ta’:

(a)il-liġi tal-Unjoni, inklużi ftehimiet bilaterali jew multilaterali konklużi bejn l-Unjoni jew l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha fuq naħa waħda, u pajjiż terz wieħed jew aktar fuq in-naħa l-oħra;

(b)ftehimiet bilaterali jew multilaterali konklużi bejn Stat Membru wieħed jew aktar u pajjiż terz wieħed jew aktar qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva.

2.Din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa d-dritt tal-Istati Membri li jadottaw jew iżommu dispożizzjonijiet aktar favorevoli fir-rigward tal-Artikoli 10, 14, 15, 16 u 17(5).

Kapitolu II

Il-kriterji għall-ammissjoni, għar-rifjut u għall-irtirar

Artikolu 5

Il-kriterji għall-ammissjoni

1.Ċittadin ta’ pajjiż terz li japplika għal Karta Blu tal-UE għandu:

(a)jippreżenta kuntratt ta’ xogħol validu jew, kif previst fil-liġi nazzjonali, offerta vinkolanti ta’ impjieg għal impjieg li jirrikjedi kwalifiki għolja, ta’ mill-inqas sitt xhur fl-Istat Membru kkonċernat;

(b)għall-professjonijiet irregolati, jippreżenta dokument li juri li huwa jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti skont il-liġi nazzjonali għall-eżerċizzju miċ-ċittadini tal-Unjoni tal-professjoni rregolata speċifikata fil-kuntratt tax-xogħol jew fl-offerta vinkolanti ta’ impjieg kif previst fil-liġi nazzjonali;

(c)għall-professjonijiet mhux irregolati, jippreżenta d-dokumenti li jagħtu prova tal-kwalifiki professjonali ogħla;

(d)jippreżenta dokument tal-ivvjaġġar validu, kif iddeterminat mil-liġi nazzjonali u, jekk ikun hemm bżonn, applikazzjoni għal viża jew viża valida jew, fejn applikabbli, permess ta’ residenza validu jew viża valida għal soġġorn fit-tul;

(e)jippreżenta evidenza li għandu japplika jew, jekk previst mil-liġi nazzjonali, li applika għal assigurazzjoni tal-mard għar-riskji kollha normalment koperti għaċ-ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat għall-perjodi fejn ebda polza tal-assigurazzjoni bħal din u intitolament korrispondenti għall-benefiċċji ma huma pprovduti b’konnessjoni ma’, jew li jirriżultaw minn, il-kuntratt tax-xogħol.

2.Minbarra l-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1, is-salarju gross annwali li jirriżulta mis-salarju fix-xahar jew annwali speċifikat fil-kuntratt tax-xogħol jew fl-offerta vinkolanti ta’ impjieg ma għandux ikun inqas mil-limitu tas-salarju stabbilit u ppubblikat għal dak l-iskop mill-Istati Membri. Il-limitu tas-salarju stabbilit mill-Istati Membri għandu jkun mill-inqas 1.0 iżda mhux aktar minn 1.4 darbiet aktar mis-salarju annwali gross medju fl-Istat Membru kkonċernat.

3.L-Istati Membri għandhom jitolbu li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha fil-liġijiet, il-ftehimiet kollettivi jew il-prattiki applikabbli fil-fergħat rilevanti relatati max-xogħol għal impjieg li jirrikjedi ħiliet għolja.

4.B’deroga mill-paragrafu 2, u għal impjieg fi professjonijiet li b’mod partikolari jeħtieġu ħaddiema li huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi u li jappartjenu għall-gruppi ewlenin 1 u 2 tal-ISCO, il-limitu tas-salarju għandu jkun 80 fil-mija tal-limitu tas-salarju stabbilit mill-Istat Membru kkonċernat skont il-paragrafu 2.

5.B’deroga mill-paragrafu 2, fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li kisbu kwalifika ta’ edukazzjoni ogħla mhux aktar minn tliet snin qabel il-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal Karta Blu tal-UE, il-limitu tas-salarju għandu jkun 80 fil-mija tal-limitu tas-salarju stabbilit mill-Istat Membru kkonċernat skont il-paragrafu 2. Il-perjodu ta’ tliet snin għandu jerġa’ jibda japplika wara l-kisba ta’ kull livell ta’ kwalifiki ta’ edukazzjoni ogħla.

Il-limitu tas-salarju msemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandu japplika kull meta tiġi ppreżentata applikazzjoni għall-ewwel Karta Blu tal-UE jew għal tiġdid matul dak il-perjodu ta’ tliet snin. Meta l-Karta Blu tal-UE maħruġa matul il-perjodu ta’ tliet snin tiġġedded wara li jkun għadda l-perjodu ta’ tliet snin, għandu japplika l-limitu tas-salarju msemmi fil-paragrafu 2. Madankollu, meta l-ewwel Karta Blu tal-UE maħruġa matul il-perjodu ta’ tliet snin tkun inħarġet għal inqas minn 24 xahar, il-limitu tas-salarju aktar baxx imsemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandu japplika mal-ewwel tiġdid.

6.L-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw il-validazzjoni u r-rikonoxximent tad-dokumenti li jiċċertifikaw il-kwalifiki professjonali ogħla rilevanti skont il-punt (ċ) tal-paragrafu 1.

7.L-Istati Membri għandhom jirrifjutaw l-applikazzjonijiet ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jitqiesu li huma ta’ theddida għall-politika pubblika, għas-sigurtà pubblika jew għas-saħħa pubblika.

8.L-Istati Membri jistgħu jitolbu liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat sabiex jipprovdi l-indirizz tiegħu fit-territorju tagħhom.

Meta l-liġi nazzjonali ta’ Stat Membru titlob li jiġi pprovdut indirizz fil-ħin tal-applikazzjoni u ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat ikun għadu ma jafx l-indirizz futur tiegħu, l-Istati Membri għandhom jaċċettaw indirizz temporanju. F’każ bħal dan, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz għandu jipprovdi l-indirizz permanenti tiegħu sa mhux aktar tard minn meta tinħareġ il-Karta Blu tal-UE skont l-Artikolu 8.

Artikolu 6

Ir-raġunijiet għar-rifjut

1.L-Istati Membri għandhom jirrifjutaw applikazzjoni għal Karta Blu tal-UE fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)meta l-applikant ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 5; 

(b)meta d-dokumenti ppreżentati jkunu nkisbu b’mod frodulenti, jew ikunu ġew iffalsifikati jew imbagħbsa.

2.F’ċirkostanzi fejn is-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol tagħhom tgħaddi minn disturbi serji bħal livell għoli ta’ qgħad fi professjoni jew settur partikolari, li jistgħu jkunu limitati għal parti partikolari mit-territorju tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jivverifikaw jekk il-post tax-xogħol battal ikkonċernat jistax jimtela minn ħaddiema nazzjonali jew tal-Unjoni, minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti legalment f’dak l-Istat Membru u li diġà jifformaw parti mis-suq tax-xogħol tiegħu bis-saħħa tal-liġi nazzjonali jew tal-Unjoni, jew minn residenti għal perjodu fit-tul fl-UE li jixtiequ jiċċaqilqu lejn dak l-Istat Membru għal impjieg li jirrikjedi ħiliet għolja skont il-Kapitolu III tad-Direttiva 2003/109/KE.

L-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tiegħu li jintroduċi tali kontroll fi professjoni jew settur partikolari, li jistgħu jkunu limitati għal parti partikolari mit-territorju tagħhom, għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ġejjin minn pajjiżi terzi għat-12-il xahar li jmiss u għandu jipprovdi lill-Kummissjoni bir-raġunijiet rilevanti kollha li jiġġustifikaw din id-deċiżjoni. Għal kull estensjoni ta’ 12-il xahar, l-Istat Membru kkonċernat għandu jibgħat notifika ġustifikata ġdida.

3.L-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw applikazzjoni għal Karta Blu tal-UE meta:

(a)l-impjegatur ikun naqas milli jissodisfa l-obbligi legali tiegħu rigward is-sigurtà soċjali, it-tassazzjoni, id-drittijiet tal-ħaddiema jew il-kundizzjonijiet tax-xogħol;

(b)in-negozju tal-persuna li tħaddem qed jiġi jew ġie xolt skont il-liġijiet nazzjonali ta’ insolvenza jew ma tkun qed issir ebda attività ekonomika; jew

(c)il-persuna li timpjega tkun ġiet issanzjonata għal impjieg ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi b’residenza illegali skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2009/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 51 , jew għal xogħol mhux iddikjarat jew impjieg illegali, skont il-liġi nazzjonali.

4.L-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw applikazzjoni għal Karta Blu tal-UE biex jiżgura reklutaġġ etiku f’setturi li jbatu minn nuqqas ta’ persunal kwalifikat fil-pajjiżi tal-oriġini.

5.Mingħajr ħsara għall-paragrafu 1, kwalunkwe deċiżjoni biex tiġi miċħuda applikazzjoni, għandha tieħu kont taċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ u tosserva l-prinċipju ta' proporzjonalità.

Artikolu 7

L-irtirar jew in-nuqqas ta’ tiġdid tal-Karta Blu tal-UE

1.L-Istati Membri għandhom jirtiraw jew jirrifjutaw li jġeddu Karta Blu tal-UE meta:

(a)il-Karta Blu tal-UE jew id-dokumenti ppreżentati jkunu nkisbu b’mod frodulenti, jew ikunu ġew iffalsifikati jew imbagħbsa;

(b)iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma jkunx għad għandu kuntratt ta’ xogħol validu għal impjieg li jirrikjedi ħiliet għolja jew il-kwalifiki meħtieġa mill-punti (b) u (ċ) tal-Artikolu 5(1) jew is-salarju tiegħu ma jkunx għadu jissodisfa l-limitu tas-salarju stabbilit skont l-Artikolu 5(2), (4) jew (5), kif applikabbli, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 14.

2.L-Istati Membri jistgħu jirtiraw jew jirrifjutaw li jġeddu Karta Blu tal-UE maħruġa abbażi ta’ din id-Direttiva fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)għal raġunijiet ta’ politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika;

(b)fejn xieraq, meta l-impjegatur ikun naqas milli jissodisfa l-obbligi legali tiegħu rigward is-sigurtà soċjali, it-tassazzjoni, id-drittijiet tal-ħaddiema jew il-kundizzjonijiet tax-xogħol;

(c)meta l-kundizzjonijiet fil-liġijiet, il-ftehimiet kollettivi jew il-prattiki applikabbli fil-fergħat rilevanti relatati max-xogħol għal impjieg li jirrikjedi ħiliet għolja ma jkunux għadhom issodisfati;

(d)meta ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma jkunx ikkomunika l-bidliet imsemmija fl-Artikolu 13(1) u, fejn applikabbli, fl-Artikolu 14(3);

(e)meta ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma jkunx għad għandu dokument tal-ivvjaġġar validu;

(f)meta ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jonqos milli jikkonforma mal-kundizzjonijiet tal-mobbiltà taħt dan il-Kapitolu jew ripetutament jagħmel użu b’mod abbużiv mid-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu dwar il-mobbiltà.

Meta Karta Blu tal-UE tiġi rtirata jew ma tiġġeddidx abbażi tal-punt (e) tal-paragrafu 2, l-Istati Membri għandhom, qabel l-irtirar jew in-nuqqas ta’ tiġdid tal-Karta Blu tal-UE, jistabbilixxu skadenza raġonevoli għaċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat sabiex jikseb u jippreżenta dokument tal-ivvjaġġar validu.

3.In-nuqqas ta’ komunikazzjoni skont l-Artikolu 13(1) jew 14(3) ma għandux jitqies bħala raġuni biżżejjed sabiex tiġi rtirata jew ma tiġġeddidx il-Karta Blu tal-UE jekk id-detentur juri li l-komunikazzjoni ma waslitx għand l-awtoritajiet kompetenti għal raġuni indipendenti mir-rieda tad-detentur.

4.Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, kwalunkwe deċiżjoni li tirtira jew tirrifjuta li ġġedded Karta Blu tal-UE għandha tikkunsidra ċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ u tirrispetta l-prinċipju tal-proporzjonalità.

Kapitolu III

Il-Karta Blu tal-UE u l-proċedura

Artikolu 8

Karta Blu tal-UE

1.Meta ċittadin ta’ pajjiż terz jissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 5 u meta ma tapplika ebda bażi għal rifjut skont l-Artikolu 6, huwa għandu jingħata Karta Blu tal-UE.

Meta Stat Membru joħroġ biss permessi ta’ residenza fit-territorju tiegħu u ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-ammissjoni kollha stipulati f’din id-Direttiva, l-Istat Membru kkonċernat għandu joħroġlu l-viża meħtieġa.

2.L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu perjodu ta’ validità standard għall-Karta Blu tal-UE, li għandu jkun ta’ mill-inqas 24 xahar. Jekk il-kuntratt tax-xogħol ikun ikopri perjodu iqsar, il-Karta Blu tal-UE għandha tinħareġ mill-inqas għat-tul tal-kuntratt tax-xogħol b’żieda ta’ tliet xhur. Meta Karta Blu tal-UE tiġġedded, il-perjodu ta’ validità tagħha għandu jkun ta’ mill-inqas 24 xahar.

3.Il-Karta Blu tal-UE għandha tinħareġ mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru bl-użu tal-format uniformi kif stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 1030/2002. B’konformità mal-punt (a) 7.5-9 tal-Anness ta’ dak ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jindikaw fuq il-Karta Blu tal-UE l-kundizzjonijiet ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol kif stabbilit fl-Artikolu 13(1) ta’ din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom idaħħlu l-kliem “Karta Blu tal-UE” taħt l-intestatura “tip ta’ permess” fil-permess ta’ residenza.

4.Meta Stat Membru joħroġ Karta Blu tal-UE lil ċittadin ta’ pajjiż terz li lilu jkun ta protezzjoni internazzjonali, huwa għandu jdaħħal ir-rimarka li ġejja fil-Karta Blu tal-UE ta’ dak iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, taħt l-intestatura “Rimarki”: “Protezzjoni internazzjonali mogħtija minn [l-isem tal-Istat Membru] fi [data]”. Meta l-Istat Membru jirtira l-protezzjoni internazzjonali li kien igawdi d-detentur ta’ Karta Blu tal-UE, huwa għandu, fejn xieraq, joħroġ Karta Blu tal-UE ġdida li ma jkunx fiha dik ir-rimarka.

5.Meta Karta Blu tal-UE tinħareġ minn Stat Membru lil ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor, l-Istat Membru li joħroġ il-Karta Blu tal-UE għandu jdaħħal ir-rimarka “Protezzjoni internazzjonali mogħtija minn [l-isem tal-Istat Membru] fi [data]” fil-Karta Blu tal-UE.

Qabel ma l-Istat Membru jdaħħal dik ir-rimarka, huwa għandu jinnotifika lill-Istat Membru li jrid jissemma f’dik ir-rimarka dwar il-ħruġ tal-Karta Blu tal-UE u jitlob lill-Istat Membru sabiex jipprovdi informazzjoni dwar jekk id-detentur tal-Karta Blu tal-UE għadux benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali. L-Istat Membru msemmi fir-rimarka għandu jwieġeb sa mhux aktar tard minn xahar wara li jirċievi t-talba għall-informazzjoni. Meta l-protezzjoni internazzjonali tkun ġiet irtirata permezz ta’ deċiżjoni finali, l-Istat Membru li joħroġ il-Karta Blu tal-UE ma għandux idaħħal dik ir-rimarka.

Meta, skont l-istrumenti internazzjonali jew il-liġi nazzjonali rilevanti, ir-responsabbiltà għall-protezzjoni internazzjonali tad-detentur ta’ Karta Blu tal-UE tkun ġiet ittrasferita lill-Istat Membru wara li dan ikun ħareġ Karta Blu tal-UE skont l-ewwel subparagrafu, dak l-Istat Membru għandu jemenda r-rimarka kif xieraq fi żmien tliet xhur wara t-trasferiment.

6.Matul il-perjodu ta’ validità tagħha, il-Karta Blu tal-UE għandha tintitola lid-detentur tagħha:

(a)jidħol, jerġa’ jidħol u jibqa’ fit-territorju tal-Istat Membru li joħroġ il-Karta Blu tal-UE;

(b)igawdi d-drittijiet rikonoxxuti f’din id-Direttiva.

Artikolu 9

Applikazzjonijiet għal ammissjoni

1.L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw jekk l-applikazzjonijiet għal Karta Blu tal-UE għandhomx isiru miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew minn min jimpjegah. L-Istati Membri jistgħu jippermettu wkoll applikazzjoni minn kwalunkwe wieħed mit-tnejn.

2.L-applikazzjoni għandha tiġi kkunsidrata u eżaminata jew meta ċ-ċittadin ikkonċernat ta’ pajjiż terz ikun qed jirrisjedi barra t-territorju tal-Istat Membru li fih jixtieq jidħol jew meta huwa jkun diġà legalment preżenti fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru.

Artikolu 10

Salvagwardji proċedurali

1.L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jadottaw deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal Karta Blu tal-UE u jinnotifikaw lill-applikant bil-miktub, b’konformità mal-proċeduri ta’ notifika stabbiliti fil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat. In-notifika għandha ssir sa mhux aktar tard minn 60 jum mid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni.

Meta l-impjegatur ikun ġie rikonoxxut skont l-Artikolu 12, in-notifika għandha ssir sa mhux aktar tard minn 30 jum mid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni.

2.F’ċirkostanzi eċċezzjonali u debitament ġustifikati marbuta mal-kumplessità tal-applikazzjoni, l-Istati Membri jistgħu jestendu l-perjodu massimu msemmi fil-paragrafu 1 b’30 jum. Huma għandhom jgħarrfu lill-applikant b’din l-estensjoni qabel ma jkun skada dak il-perjodu massimu.

3.Fejn l-informazzjoni jew id-dokumenti pprovduti b’sostenn għall-applikazzjoni jkunu inadegwati, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw lill-applikant dwar l-informazzjoni addizzjonali meħtieġa u jistabbilixxu skadenza raġonevoli biex jipprovduha. Il-perjodu msemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi sospiż sakemm l-awtoritajiet jirċievu l-informazzjoni jew id-dokumenti addizzjonali meħtieġa. Jekk l-informazzjoni jew id-dokumenti addizzjonali ma jkunux ġew ipprovduti fi żmien l-iskadenza, l-applikazzjoni tista’ tiġi rrifjutata.

4.Kwalunkwe deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għal Karta Blu tal-UE, jew deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ tiġdid jew deċiżjoni ta’ rtirar ta’ Karta Blu tal-UE, għandha tiġi nnotifikata bil-miktub liċ-ċittadin ikkonċernat ta’ pajjiż terz u, fejn rilevanti, lil min jimpjegah b’konformità mal-proċeduri ta’ notifika stabbiliti fil-liġi nazzjonali rilevanti. In-notifika għandha tispeċifika r-raġunijiet għad-deċiżjoni u l-awtorità kompetenti li quddiemha jista’ jitressaq appell, kif ukoll il-limitu ta’ żmien għat-tressiq tal-appell. L-Istati Membri għandhom jipprovdu rimedju ġudizzjarju effettiv, b’konformità mal-liġi nazzjonali.

5.Applikant għandu jitħalla jissottometti applikazzjoni għat-tiġdid qabel l-iskadenza tal-Karta Blu tal-UE. L-Istati Membri jistgħu jiffissaw skadenza massima ta’ 60 jum qabel l-iskadenza tal-Karta Blu tal-UE għas-sottomissjoni ta’ applikazzjoni għat-tiġdid.

6.Meta l-validità tal-permess tal-Karta Blu tal-UE tiskadi matul il-proċedura għat-tiġdid, l-Istati Membri għandhom jippermettu liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jibqa’ fit-territorju tagħhom sakemm l-awtoritajiet kompetenti jkunu ħadu deċiżjoni dwar l-applikazzjoni.

Artikolu 11

Miżati

Il-livell tal-miżati mitluba mill-Istati Membri għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet ma għandux ikun sproporzjonat jew eċċessiv.

Artikolu 12

Impjegaturi rikonoxxuti

1.L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jipprevedu proċeduri ta’ rikonoxximent għall-impjegaturi skont il-liġi nazzjonali jew il-prattika amministrattiva tagħhom għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ proċeduri ssimplifikati għall-kisba ta’ Karta Blu tal-UE.

Meta Stat Membru jiddeċiedi li jipprevedi proċeduri ta’ rikonoxximent, huwa għandu jipprovdi informazzjoni ċara u trasparenti lill-impjegaturi kkonċernati dwar, fost l-oħrajn, il-kundizzjonijiet u l-kriterji għall-approvazzjoni, il-perjodu ta’ validità tar-rikonoxximent u l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ konformità mal-kundizzjonijiet, inklużi l-irtirar u n-nuqqas ta’ tiġdid possibbli, kif ukoll kwalunkwe sanzjoni applikabbli.

Il-proċeduri ta’ rikonoxximent ma għandhomx jinvolvu piż amministrattiv jew spejjeż sproporzjonati jew eċċessivi għall-impjegaturi.

2.L-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw li jirrikonoxxu impjegatur skont il-paragrafu 1, meta l-impjegatur ikun ġie sanzjonat għall-impjieg ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti illegalment skont id-Direttiva 2009/52/KE.

Il-proċeduri ssimplifikati għandhom jinkludu l-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet kif previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(1). L-applikanti għandhom ikunu eżentati milli jippreżentaw l-evidenza msemmija fil-punti (ċ) u (e) tal-Artikolu 5(1) u fl-Artikolu 5(8).

3.L-Istati Membri għandhom jipprevedu miżuri għall-prevenzjoni tal-abbużi possibbli. Dawk il-miżuri jistgħu jinkludu monitoraġġ, valutazzjoni f’intervalli regolari u, fejn xieraq, spezzjoni skont il-liġi nazzjonali jew il-prattika amministrattiva.

L-Istati Membri jistgħu, fost miżuri oħrajn, jirrifjutaw li jġeddu jew jiddeċiedu li jirtiraw l-istatus ta’ impjegatur rikonoxxut meta l-impjegatur ma jkunx irrispetta l-obbligi tiegħu skont din id-Direttiva jew f’każijiet fejn ir-rikonoxximent ikun inkiseb b’mod frodulenti.

Kapitolu IV

Drittijiet

Artikolu 13

Aċċess għas-suq tax-xogħol

1.Id-detenturi tal-Karta Blu tal-UE għandu jkollhom aċċess sħiħ għal impjiegi b’ħiliet għolja fl-Istat Membru kkonċernat. L-Istati Membri jistgħu jitolbu li bidla tal-impjegatur u l-bidliet li jaffettwaw l-issodisfar tal-kriterji għall-ammissjoni kif stabbilit fl-Artikolu 5 jiġu kkomunikati skont il-proċeduri stabbiliti mil-liġi nazzjonali.

Il-proċedura ta’ komunikazzjoni ma għandhiex tissospendi d-dritt tad-detentur ta’ Karta Blu tal-UE li jwettaq l-impjieg.

2.Mingħajr preġudizzju għall-kriterji għall-ammissjoni stabbiliti fl-Artikolu 5, id-detenturi tal-Karta Blu tal-UE jistgħu jinvolvu ruħhom f’attività ta’ xogħol għal rashom b’mod parallel mal-attività f’impjieg li jirrikjedi ħiliet għolja.

3.B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jżommu restrizzjonijiet fuq l-aċċess għall-impjieg, meta l-attivitajiet ta’ impjieg jitolbu involviment fl-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika u r-responsabbiltà għall-ħarsien tal-interess ġenerali tal-Istat.

4.Dan l-Artikolu għandu japplika mingħajr preġudizzju għall-prinċipju tal-preferenza għal ċittadini tal-Unjoni dejn applikabbli skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Atti ta' Adeżjoni rilevanti.

Artikolu 14

Qgħad temporanju

1. Il-qgħad fih innifsu ma għandux jikkostitwixxi raġuni għall-irtirar ta’ Karta Blu tal-UE, sakemm il-perjodu tal-qgħad ma jkunx aktar minn tliet xhur konsekuttivi, jew ma jkunx aktar minn darba matul il-perjodu ta’ validità ta’ Karta Blu tal-UE.

2.Matul il-perjodu msemmi fil-paragrafu 1, id-detentur tal-Karta Blu tal-UE għandu jkun jista’ jfittex u jaċċetta impjieg skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13.

3.Id-detentur tal-Karta Blu tal-UE għandu jgħarraf lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ residenza dwar il-bidu u, fejn xieraq, it-tmiem tal-perijodu ta’ qgħad, skont il-proċeduri nazzjonali rilevanti.

Artikolu 15

Trattament indaqs 

1.Id-detenturi tal-Karta Blu tal-UE għandhom igawdu minn trattament indaqs bħaċ-ċittadini tal-Istat Membru li joħroġ il-Karta Blu tal-UE, rigward:

(a)it-termini ta’ impjieg, inkluża l-età minima ta’ impjieg, u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, inklużi l-paga u s-sensja, is-sigħat tax-xogħol, il-btajjel u l-vakanzi, kif ukoll ir-rekwiżiti tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol;

(b)il-libertà ta’ assoċjazzjoni u affiljazzjoni u sħubija ma’ organizzazzjoni li tirrappreżenta ħaddiema jew lil min iħaddem jew ta' kwalunkwe organizzazzjoni li l-membri tagħha jkunu involuti f’impjieg speċifiku, inklużi d-drittijiet u l-benefiċċji mogħtija minn dawn l-organizzazzjonijiet, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-politika pubblika u s-sigurtà pubblika;

(c)l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali;

(d)ir-rikonoxximent ta’ diplomi, ċertifikati u kwalifiki professjonali oħrajn b’konformità mal-proċeduri nazzjonali rilevanti;

(e)il-fergħat tas-sigurtà soċjali, kif definiti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004;

(f)aċċess għal prodotti u servizzi u l-provvista ta’ prodotti u servizzi magħmula disponibbli għall-pubbliku, inklużi l-proċeduri għall-kisba ta’ akkomodazzjoni, kif ukoll is-servizzi ta’ informazzjoni u konsulenza mogħtija minn uffiċċji tal-impjiegi.

2.Fir-rigward tal-punt (ċ) tal-paragrafu 1, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jillimita t-trattament indaqs fir-rigward ta’ għotjiet u self għal studju u manteniment jew għotjiet u self oħrajn rigward l-edukazzjoni sekondarja u ogħla u t-taħriġ vokazzjonali. L-aċċess għall-edukazzjoni universitarja u post-sekondarja jista’ jkun soġġett għal prerekwiżiti speċifiċi skont il-liġi nazzjonali.

Fir-rigward tal-punt (f) tal-paragrafu 1, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jillimita t-trattament indaqs fir-rigward tal-proċeduri għall-kisba ta’ akkomodazzjoni. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għal-libertà tal-kuntratt skont il-liġi nazzjonali u tal-Unjoni.

3.Id-detenturi ta’ Karta Blu tal-UE li jmorru joqogħdu f’pajjiż terz, jew is-superstiti tagħhom li jkunu jirresjedu f’pajjiż terz u li jkollhom drittijiet derivanti mid-detentur ta’ Karta Blu tal-UE, għandhom jirċievu, fir-rigward ta’ xjuħija, invalidità u mewt, il-pensjonijiet statutorji bbażati fuq l-impjieg preċedenti tad-detenturi tal-Karta Blu tal-UE u miksuba f’konformità mal-leġiżlazzjoni msemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004, taħt l-istess kundizzjonijiet u b’dawk l-istess rati bħal taċ-ċittadini tal-Istati Membri kkonċernati meta jmorru joqogħdu f’pajjiż terz.

4.Id-dritt għal trattament indaqs stipulat fil-paragrafu 1 għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istat Membru li jirtira jew jirrifjuta li jġedded il-Karta Blu tal-UE skont l-Artikolu 7.

5.Dan l-Artikolu m'għandux japplika għad-detenturi tal-Karta Blu tal-UE li huma benefiċjarji tad-dritt għal moviment liberu skont il-liġi tal-Unjoni fit-tieni Stat Membru.

6.Dan l-Artikolu għandu japplika għad-detenturi tal-Karta Blu tal-UE li jkunu benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali biss meta jirrisjedu fi Stat Membru ieħor minbarra l-Istat Membru li tahom protezzjoni internazzjonali.

Artikolu 16

Membri tal-familja

1.Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE għandha tapplika bid-derogi stipulati f'dan l-Artikolu.

2.B’deroga mill-Artikoli 3(1) u 8 tad-Direttiva 2003/86/KE, ir-rijunifikazzjoni tal-familja m’għandhiex tiddipendi mir-rekwiżita tad-detentur tal-Karta Blu tal-UE li jkollu prospetti raġonevoli li jikseb id-dritt ta’ residenza permanenti u li jkollu perijodu minimu ta’ residenza.

3.B’deroga mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(1) u mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/86/KE, il-kundizzjonijiet u l-miżuri ta’ integrazzjoni msemmijin fiha jistgħu japplikaw biss wara li l-persuni kkonċernati jkunu ngħataw ir-riunifikazzjoni tal-familja.

4.B’deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2003/86/KE, fejn il-kundizzjonijiet għar-riunifikazzjoni tal-familja jkunu ssodisfati u l-applikazzjonijiet ikunu ġew ippreżentati simultanjament, il-permessi ta’ residenza għall-membri tal-familja għandhom jingħataw fl-istess żmien li tingħata l-Karta Blu tal-UE. Meta l-membri tal-familja jingħaqdu mad-detentur ta’ Karta Blu tal-UE wara li tingħatalu l-Karta Blu tal-UE u meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet għar-riunifikazzjoni tal-familja, il-permessi ta’ residenza għandhom jingħataw sa mhux aktar tard minn 60 jum mid-data li fiha tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni.

5.B’deroga mill-Artikolu 13(2) u (3) tad-Direttiva 2003/86/KE, it-tul ta’ żmien tal-validità tal-permessi ta’ residenza tal-membri tal-familja għandu jkun l-istess bħal dak tal-Karta Blu tal-UE safejn il-perjodu ta’ validità tad-dokumenti tal-ivvjaġġar tagħhom jippermettu dan.

6.B’deroga mill-Artikolu 14(1)(b) u (2) tad-Direttiva 2003/86/KE, l-Istati Membri ma għandhom japplikaw ebda limitu ta’ żmien fir-rigward tal-aċċess għas-suq tax-xogħol. Mingħajr preġudizzju għar-restrizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 13(3) ta’ din id-Direttiva, il-membri tal-familja għandu jkollhom aċċess għal kwalunkwe attività ta’ impjieg jew impjieg indipendenti fl-Istat Membru kkonċernat.

Qabel ma membru tal-familja jingħata aċċess għall-impjieg, l-Istati Membri jistgħu jivverifikaw jekk il-post tax-xogħol battal ikkonċernat jistax jimtela minn ħaddiema nazzjonali jew tal-Unjoni, minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti legalment f’dak l-Istat Membru u li diġà jifformaw parti mis-suq tax-xogħol tiegħu bis-saħħa tal-liġi nazzjonali jew tal-Unjoni, jew minn residenti għal perjodu fit-tul fl-UE li jixtiequ jiċċaqilqu lejn dak l-Istat Membru għal impjieg skont il-Kapitolu III tad-Direttiva 2003/109/KE.

7.B’deroga mill-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2003/86/KE, għall-finijiet tal-kalkolu ta’ ħames snin ta’ residenza meħtieġa għall-kisba ta’ permess ta’ residenza awtonomu, għandha tiġi akkumulata r-residenza fi Stati Membri differenti.

8.Id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 17 fir-rigward tal-akkumulazzjoni ta’ perjodi ta’ residenza fi Stati Membri differenti mid-detentur ta’ Karta Blu tal-UE għall-finijiet ta’ kisba tal-istatus ta’ residenti għal perjodu fit-tul fl-UE għandhom japplikaw b’analoġija.

9.Dan l-Artikolu m'għandux japplika għad-detenturi tal-Karta Blu tal-UE li huma benefiċjarji tad-dritt għal moviment liberu skont il-liġi tal-Unjoni fit-tieni Stat Membru.

10.Dan l-Artikolu għandu japplika għad-detenturi tal-Karta Blu tal-UE li jkunu benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali biss meta jirrisjedu fi Stat Membru ieħor minbarra l-Istat Membru li tahom protezzjoni internazzjonali.

Artikolu 17

Status ta’ residenti għal perjodu fit-tul fl-UE għad-detenturi tal-Karta Blu tal-UE

1.Id-Direttiva 2003/109/KE għandha tapplika bid-derogi stipulati f’dan l-Artikolu.

2.B’deroga mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/109/KE, l-Istati Membri għandhom jagħtu status ta’ residenti għal perjodu fit-tul fl-UE liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li kienu residenti legalment u kontinwament bħala detenturi tal-Karta Blu tal-UE fit-territorju tagħhom għal tliet snin immedjatament qabel il-preżentazzjoni tal-applikazzjoni rilevanti.

L-istatus ta’ residenti għat-tul tal-UE mogħti skont l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu jistgħu jiġu rtirati qabel il-perjodu ta’ residenza legali u kontinwa ta’ ħames snin imsemmi fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/109/KE fit-territorju tal-Istati Membri tkun tlestiet, fejn iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun bla xogħol u li ma jkollux riżorsi suffiċjenti biex imantni lilu nnifsu u, fejn applikabbli, il-membri tal-familja tiegħu/tagħha, mingħajr ma jirrikorri għas-sistema tal-għajnuna soċjali tal-Istat Membru kkonċernat.

Madankollu, l-istatus ta’ resident għal perjodu fit-tul fl-UE ma għandux jiġi rtirat meta ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz:

(a)temporanjament ma jkunx jista’ jaħdem minħabba mard jew inċident;

(b)ikun spiċċa involontarjament bla xogħol u jkun irreġistra bħala persuna li qed tfittex xogħol mal-uffiċċju tal-impjiegi rilevanti;

(c)jibda taħriġ vokazzjonali li, sakemm iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat ma jkunx spiċċa involontarjament bla xogħol, għandu jkun relatat mal-impjieg li kellu qabel.

3.B’deroga mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/109/KE, id-detentur ta’ Karta Blu tal-UE li għamel użu mill-possibbiltà prevista fl-Artikolu 20 ta’ din id-Direttiva jista’ jakkumula l-perjodi ta’ residenza fi Stati Membri differenti sabiex jissodisfa r-rekwiżit dwar it-tul ta’ residenza, jekk dak id-detentur ikun akkumula:

(a)ħames snin ta’ residenza legali u kontinwa fit-territorju tal-Istati Membri; kif ukoll

(b)sentejn ta’ residenza legali u kontinwa bħala detentur ta’ Karta Blu tal-UE immedjatament qabel il-preżentazzjoni tal-applikazzjoni rilevanti fit-territorju tal-Istat Membru, fejn tkun ippreżentata l-applikazzjoni għall-istatus ta’ residenti għal perjodu fit-tul fl-UE.    

4.Għall-finijiet tal-kalkolu tal-perjodu ta’ residenza legali u kontinwa ta' ħames snin fl-Unjoni u b’deroga mill-punt (a) tal-paragrafu 3 tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2003/109/KE, perjodi ta’ assenza mit-territorju tal-Istati Membri m’għandhomx jinterrompu l-perjodu ta' ħames snin jekk huma anqas minn tnax-il xahar konsekuttivi u b’kollox ma jeċċedux tmintax-il xahar fil-perjodu ta' ħames snin ta' residenza legali u kontinwa.

5.B’deroga mill-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva 2003/109/KE, l-Istati Membri għandhom jestendu għal 24 xahar konsekuttivi l-perjodu ta’ assenza mit-territorju tal-Istati Membri li jkun permess lil resident tal-UE għal perjodu fit-tul, li huwa detentur ta’ permess ta’ residenza għal perjodu fit-tul mar-rimarka msemmija fl-Artikolu 18(2) ta’ din id-Direttiva, u tal-membri tal-familja tiegħu li ngħataw status ta’ residenti tal-UE għal perjodu fit-tul.

6.Id-derogi mniżżlin fil-paragrafi 4 u 5 ta’ dan l-Artikolu jistgħu jkunu limitati għall-każijiet fejn iċ-ċittadin konċernat ta’ pajjiż terz jista’ jippreżenta evidenza li hu kien assenti mit-territorju tal-Istati Membri biex jeżerċita attività ekonomika f’kapaċità ta’ impjegat jew impjieg għal rasu, jew biex iwettaq servizz volontarju jew biex jistudja fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu.

7.Il-punt (f) tal-Artikolu 15(1), l-Artikolu 19 u, fejn applikabbli, l-Artikoli 16 u 21 għandhom japplikaw għad-detenturi ta’ permess ta’ residenza għal perjodu fit-tul bir-rimarka msemmija fl-Artikolu 18(2).

8.Meta ċ-ċittadin residenti għal perjodu fit-tul fl-UE, li jkollu permess ta’ residenza għal perjodu fit-tul bir-rimarka msemmija fl-Artikolu 18(2) ta’ din id-Direttiva, ikun qed jeżerċita d-dritt tiegħu li jiċċaqlaq lejn it-tieni Stat Membru skont il-Kapitolu III tad-Direttiva 2003/109/KE, l-Artikolu 14(3) u (4) u l-punt (b) tal-Artikolu 15(2) ta’ dik id-Direttiva ma għandhomx japplikaw. It-tieni Stat Membru jista’ japplika miżuri b’konformità mal-Artikolu 20(6) ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 18

Permess ta’ residenza għal perjodu fit-tul

1.Id-detenturi tal-Karta Blu tal-UE li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 17 ta’ din id-Direttiva għall-akkwist tal-istatus ta’ residenti għal perjodu fit-tul fl-UE għandhom jingħataw permess ta’ residenza b’konformità mal-Artikolu 1(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1030/2002.

2.L-Istati Membri għandhom idaħħlu l-kliem “Preċedentement detentur ta’ Karta Blu tal-UE” fil-permess ta’ residenza msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu taħt l-intestatura “rimarki”.

Kapitolu V

il-mobbiltà bejn l-Istati Membri

Artikolu 19

Attività ta’ negozju fit-tieni Stat Membru

1.Meta ċittadin ta’ pajjiż terz li għandu Karta Blu tal-UE valida maħruġa minn Stat Membru li japplika l-acquis tax-Schengen b’mod sħiħ jidħol u jibqa’ f’wieħed jew aktar mit-tieni Stati Membri għal perjodu ta’ 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum għall-fini tat-twettiq ta’ attività ta’ negozju, it-tieni Stat Membru ma għandu jitlob ebda awtorizzazzjoni għall-eżerċizzju ta’ tali attività minbarra l-Karta Blu tal-UE maħruġa mill-ewwel Stat Membru.

2.Ċittadin ta’ pajjiż terz li għandu Karta Blu tal-UE valida maħruġa minn Stat Membru li ma japplikax l-acquis tax-Schengen b’mod sħiħ għandu jkun intitolat li jidħol u jibqa’ f’wieħed jew aktar mit-tieni Stati Membri sa massimu ta’ 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum għall-fini tat-twettiq ta’ attività ta’ negozju abbażi tal-Karta Blu tal-UE maħruġa mill-ewwel Stat Membru. It-tieni Stat Membru ma għandu jitlob ebda awtorizzazzjoni oħra għall-eżerċizzju tal-attività ta’ negozju minbarra l-Karta Blu tal-UE maħruġa mill-ewwel Stat Membru.

Artikolu 20

Applikazzjoni għal Karta Blu tal-UE fit-tieni Stat Membru

1.Wara tnax-il xahar ta’ residenza legali fl-ewwel Stat Membru bħala detentur ta’ Karta Blu tal-UE, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz għandu jkun intitolat li jidħol fit-tieni Stat Membru għall-fini ta’ impjieg li jirrikjedi ħiliet għolja abbażi tal-Karta Blu tal-UE u ta’ dokument tal-ivvjaġġar validu taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.Mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard minn xahar wara li jidħlu fit-territorju tat-tieni Stat Membru, id-detentur ta’ Karta Blu tal-UE jew min iħaddmu, jew saħansitra t-tnejn li huma, għandhom jippreżentaw applikazzjoni għal Karta Blu tal-UE lill-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru u jippreżentaw id-dokumenti kollha li juru li huma jissodisfaw il-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3 għat-tieni Stat Membru.

Id-detentur ta’ Karta Blu tal-UE għandu jitħalla jaħdem fit-tieni Stat Membru immedjatament wara li jippreżenta l-applikazzjoni.

L-applikazzjoni tista’ tiġi ppreżentata lill-awtoritajiet kompetenti tat-tieni Stat Membru waqt li d-detentur ta’ Karta Blu tal-UE jkun għadu qed jirrisjedi fit-territorju tal-ewwel Stat Membru.

3.Għall-finijiet tal-applikazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, id-detentur tal-Karta Blu tal-UE għandu jippreżenta:

(a)il-Karta Blu tal-UE valida maħruġa mill-ewwel Stat Membru;

(b)kuntratt tax-xogħol validu jew, kif previst fil-liġi nazzjonali, offerta vinkolanti ta’ impjieg għal impjieg li jirrikjedi kwalifiki għolja, ta’ mill-inqas sitt xhur fit-tieni Stat Membru;

(c)għall-professjonijiet irregolati, dokument li juri li huwa jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti skont il-liġi nazzjonali għall-eżerċizzju miċ-ċittadini tal-Unjoni tal-professjoni rregolata speċifikata fil-kuntratt tax-xogħol jew fl-offerta vinkolanti ta’ impjieg kif previst fil-liġi nazzjonali;

(d)dokument tal-ivvjaġġar validu, kif iddeterminat mil-liġi nazzjonali;

(e)evidenza li jilħaq il-limitu tas-salarju stabbilit fit-tieni Stat Membru fl-applikazzjoni tal-paragrafu 2 jew, fejn applikabbli, tal-paragrafi 4 jew 5 tal-Artikolu 5.

4.It-tieni Stat Membru għandu jirrifjuta applikazzjoni għal Karta Blu tal-UE fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)id-dokumenti meħtieġa skont il-paragrafu 3 ma jiġux ippreżentati;

(b)id-dokumenti nkisbu b’mod frodulenti, jew inkella ġew iffalsifikati jew imbagħbsa;

(c)l-impjieg ma jkunx konformi mal-kundizzjonijiet stipulati fil-liġijiet applikabbli, fil-ftehimiet kollettivi jew fil-prattiki msemmija fl-Artikolu 5(3).

5.It-tieni Stat Membru għandu jirrifjuta applikazzjoni għal Karta Blu tal-UE meta ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun ta’ theddida għall-politika pubblika, għas-sigurtà pubblika jew għas-saħħa pubblika.

6.It-tieni Stat Membru jista’ jirrifjuta applikazzjoni għal Karta Blu tal-UE abbażi ta’ kontroll magħmul skont l-Artikolu 6(2) wara notifika ġustifikata kif stabbilit f’dak l-Artikolu, u biss jekk it-tieni Stat Membru jkun introduċa wkoll tali kontrolli għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jiġu minn pajjiżi terzi skont din id-Direttiva.

7.It-tieni Stat Membru jista’ jirrifjuta applikazzjoni għal Karta Blu tal-UE meta ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ripetutament jagħmel użu mill-possibbiltà li jidħol u jaħdem fit-tieni Stat Membru skont dan l-Artikolu b’mod abbużiv. It-tieni Stat Membru għandu jinnotifika lill-ewwel Stat Membru dwar ir-rifjut għall-fini tal-punt (f) tal-Artikolu 7(2).

8.B’deroga mill-Artikolu 10(1), it-tieni Stat Membru għandu jadotta deċiżjoni dwar applikazzjoni għal Karta Blu tal-UE u jinnotifika lill-applikant u lill-ewwel Stat Membru bil-miktub sa mhux aktar tard minn 30 jum mid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni bid-deċiżjoni tiegħu jew:

(a)meta l-kundizzjonijiet stipulati f’dan l-Artikolu jiġu ssodisfati, joħroġ Karta Blu tal-UE u jippermetti liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jirrisjedi fit-territorju tiegħu għall-fini ta’ impjieg li jirrikjedi ħiliet għolja; jew

(b)meta l-kundizzjonijiet stipulati f’dan l-Artikolu ma jiġux issodisfati, jirrifjuta li joħroġ Karta Blu tal-UE u jobbliga lill-applikant u lill-membri tal-familja tiegħu, skont il-proċeduri previsti fil-liġi nazzjonali, sabiex jitilqu mit-territorju tiegħu.

9.Meta l-Karta Blu tal-UE maħruġa mill-ewwel Stat Membru tiskadi matul il-proċedura, it-tieni Stat Membru jista’ joħroġ, jekk meħtieġ mil-liġi nazzjonali, permessi ta’ residenza temporanji nazzjonali, jew awtorizzazzjonijiet ekwivalenti, li jippermettu lill-applikant ikompli jirrisjedi legalment fit-territorju tiegħu sakemm tkun ittieħdet deċiżjoni dwar l-applikazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti.

10.Mit-tieni darba li detentur ta’ Karta Blu tal-UE u, fejn applikabbli, il-membri tal-familja tiegħu, jagħmlu użu mill-possibbiltà li jiċċaqilqu lejn Stat Membru ieħor skont dan l-Artikolu, “l-ewwel Stat Membru” għandu jitqies bħala li jfisser l-Istat Membru minn fejn il-persuna kkonċernata tiċċaqlaq u “t-tieni Stat Membru” għandu jitqies bħala li jfisser l-Istat Membru fejn tapplika biex tirrisjedi. B’deroga mill-Artikolu 20(1), detentur ta’ Karta Blu tal-UE jista’ jiċċaqlaq lejn Stat Membru ieħor għat-tieni darba wara sitt xhur ta’ residenza legali fl-ewwel Stat Membru bħala detentur ta’ Karta Blu tal-UE.

Artikolu 21

Residenza fit-tieni Stat Membru għall-membri tal-familja

1.Meta d-detentur ta’ Karta Blu tal-UE jiċċaqlaq lejn it-tieni Stat Membru skont l-Artikolu 20 u meta l-familja tkun diġà kostitwita fl-ewwel Stat Membru, il-membri tal-familja tiegħu għandhom jiġu awtorizzati jakkumpanjawh u jidħlu u jibqgħu fit-tieni Stat Membru abbażi tal-permessi ta’ residenza validi miksuba bħala membri tal-familja ta’ detentur ta’ Karta Blu tal-UE fl-ewwel Stat Membru.

2.Mhux aktar tard minn xahar wara d-dħul fit-territorju tat-tieni Stat Membru, il-membri tal-familja kkonċernati jew id-detentur tal-karta Blu tal-UE, skont il-liġi nazzjonali, għandhom jippreżentaw applikazzjoni għal permess ta’ residenza bħala membru tal-familja lill-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat Membru.

Meta l-permess ta’ residenza tal-membru tal-familja maħruġ mill-ewwel Stat Membru jiskadi matul il-proċedura jew ma jintitolax aktar lid-detentur li jirrisjedi legalment fit-territorju tat-tieni Stat Membru, it-tieni Stat Membru għandu jippermetti lill-membru tal-familja jkompli jirrisjedi fit-territorju tiegħu, jekk meħtieġ, billi joħroġ permessi ta’ residenza nazzjonali temporanji, jew awtorizzazzjonijiet ekwivalenti, sakemm tkun ittieħdet deċiżjoni dwar l-applikazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tat-tieni Stat Membru.

3.It-tieni Stat Membru jista’ jitlob li l-membri tal-familja kkonċernati jippreżentaw mal-applikazzjoni tagħhom għal permess tar-residenza:

(a)il-permess ta’ residenza tagħhom fl-ewwel Stat Membru u dokument tal-ivvjaġġar validu jew il-kopji ċċertifikati tagħhom;

(b)evidenza li jkunu rrisjedew bħala membri tal-familja tad-detentur ta’ Karta Blu tal-UE fl-ewwel Stat Membru.

4.B’deroga mill-Artikolu 16(4), meta l-membri tal-familja jingħaqdu mad-detentur ta’ Karta Blu tal-UE wara li dan ikun iċċaqlaq lejn it-tieni Stat Membru, il-permessi ta’ residenza għandhom jingħataw sa mhux aktar tard minn 30 jum mid-data li fiha tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni, meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet għar-riunifikazzjoni tal-familja.

5.Minbarra d-derogi elenkati fl-Artikolu 16, it-tieni Stat Membru ma għandux jitlob l-evidenza msemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/86/KE.

6.Fejn il-familja ma tkunx diġà kostitwita fl-ewwel Stat Membru, għandu japplika l-Artikolu 16.

7.Dan l-Artikolu għandu japplika għad-detenturi tal-Karta Blu tal-UE li huma benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali biss meta jiċċaqilqu biex jirrisjedu fi Stat Membru ieħor minbarra l-Istat Membru li tahom il-protezzjoni internazzjonali.

8.Dan l-Artikolu ma għandux japplika għad-detenturi tal-Karta Blue tal-UE li huma benefiċjarji tad-dritt għal moviment liberu skont il-liġi tal-Unjoni fit-tieni Stat Membru.

Artikolu 22

Salvagwardji u sanzjonijiet

1.Meta l-Karta Blu tal-UE tinħareġ minn Stat Membru li ma japplikax l-acquis tax-Schengen b’mod sħiħ u d-detentur ta’ Karta Blu tal-UE jaqsam fruntiera esterna għall-fini ta’ mobbiltà kif imsemmi fl-Artikoli 19 u 20, it-tieni Stat Membru għandu jkun intitolat li jitlob bħala evidenza tal-mobbiltà tad-detentur ta’ Karta Blu tal-UE:

(a)il-Karta Blu tal-UE valida maħruġa mill-ewwel Stat Membru;

(b)għall-fini tal-Artikolu 19, evidenza tal-iskop kummerċjali tas-soġġorn;

(c)għall-fini tal-Artikolu 20, kuntratt tax-xogħol jew offerta vinkolanti ta’ impjieg għal    impjieg li jirrikjedi ħiliet għolja ta’ mill-inqas sitt xhur fit-tieni Stat Membru.

2.Meta l-Karta Blu tal-UE tinħareġ minn Stat Membru li ma japplikax l-acquis tax-Schengen b’mod sħiħ u l-membri tal-familja ta’ detentur ta’ Karta Blu tal-UE jingħaqdu miegħu meta jaqsam fruntiera esterna bl-iskop li jmur fit-tieni Stat Membru kif imsemmi fl-Artikolu 21(1), it-tieni Stat Membru għandu jkun intitolat, minbarra għall-evidenza msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, li jitlob lill-membri tal-familja jippreżentaw il-permessi ta’ residenza tagħhom fl-ewwel Stat Membru bħala membri tal-familja tad-detentur ta’ Karta Blu tal-UE.

3.Meta t-tieni Stat Membru jirrifjuta l-applikazzjoni għal Karta Blu tal-UE skont il-punt (b) tal-Artikolu 20(8), l-ewwel Stat Membru għandu, fuq talba tat-tieni Stat Membru, jippermetti d-dħul mill-ġdid tad-detentur tal-Karta Blu tal-UE u, fejn applikabbli, tal-membri tal-familja tiegħu, mingħajr formalitajiet u mingħajr dewmien. Dan għandu japplika wkoll jekk il-Karta Blu maħruġa mill-ewwel Stat Membru tkun skadiet jew ġiet irtirata matul l-eżami tal-applikazzjoni. L-Artikolu 14 għandu japplika wara d-dħul mill-ġdid fl-ewwel Stat Membru.

4.Id-detentur ta’ Karta Blu tal-UE jew l-impjegatur tiegħu fit-tieni Stat Membru jista’ jinżamm responsabbli għall-ispejjeż relatati mad-dħul mill-ġdid tad-detentur ta’ Karta Blu tal-UE u tal-membri tal-familja tiegħu msemmija fil-paragrafu 4.

5.L-Istati Membri jistgħu jżommu lil min iħaddem lid-detentur ta’ Karta Blu tal-UE responsabbli talli jonqos milli jikkonforma mal-kundizzjonijiet tal-mobbiltà stipulati f’dan il-Kapitolu jew talli ripetutament jagħmel użu b’mod abbużiv mid-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu dwar il-mobbiltà.

L-Istat Membru kkonċernat għandu jipprevedi sanzjonijiet meta l-impjegatur jinżamm responsabbli. Dawn is-sanzjonijiet għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

6.Meta Stat Membru jirtira jew ma jġeddidx Karta Blu tal-UE li jkun fiha r-rimarka msemmija fl-Artikolu 8(4) u jiddeċiedi li jkeċċi liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, huwa għandu jitlob lill-Istat Membru msemmi f’dik ir-rimarka sabiex jikkonferma jekk il-persuna kkonċernata għadhiex benefiċjarja ta’ protezzjoni internazzjonali f’dak l-Istat Membru. L-Istat Membru msemmi fir-rimarka għandu jwieġeb fi żmien xahar wara li jirċievi t-talba għall-informazzjoni.

Meta ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun għadu benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali fl-Istat Membru msemmi fir-rimarka, dik il-persuna għandha titkeċċa u tintbagħat f’dik l-Istat Membru, li għandu, mingħajr preġudizzju għal-liġi nazzjonali jew tal-Unjoni applikabbli u għall-prinċipju tal-unità tal-familja, jippermetti immedjatament id-dħul mill-ġdid ta’ dak il-benefiċjarju u tal-membri tal-familja tiegħu, mingħajr formalitajiet.

B’deroga mit-tieni subparagrafu, l-Istat Membru li jkun adotta d-deċiżjoni ta’ tkeċċija għandu jżomm id-dritt li jneħħi, skont l-obbligi internazzjonali tiegħu, liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz u jintbagħat f’pajjiż li ma jkunx dak l-Istat Membru li kien ta l-protezzjoni internazzjonali, meta dik il-persuna tissodisfa l-kundizzjonijiet speċifikati fl-Artikolu 21(2) tad-Direttiva 2011/95/UE.

7.Meta d-detentur ta’ Karta Blu tal-UE jew il-membri tal-familja tiegħu jaqsmu l-fruntiera esterna ta’ Stat Membru li japplika l-acquis tax-Schengen b’mod sħiħ, dak l-Istat Membru għandu jikkonsulta s-sistema ta’ informazzjoni tax-Schengen. Dak l-Istat Membru għandu jirrifjuta d-dħul għal persuni li għalihom inħarġet twissija għall-finijiet tar-rifjut tad-dħul u tas-soġġorn fis-sistema ta’ informazzjoni tax-Schengen.

Kapitolu VI

dispożizzjonijiet finali

Artikolu 23

Aċċess għall-informazzjoni u l-monitoraġġ

1.L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-informazzjoni dwar l-evidenza dokumentarja kollha meħtieġa għal applikazzjoni u l-informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tad-dħul u r-residenza faċilment disponibbli lill-applikanti, inklużi d-drittijiet, l-obbligi u s-salvagwardji proċedurali, taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u tal-membri tal-familja tagħhom. Din l-informazzjoni għandha tinkludi informazzjoni dwar il-limiti tas-salarju stabbiliti fl-Istat Membru kkonċernat skont l-Artikolu 5(2), (4) u (5) u dwar il-miżati applikabbli.

Din l-informazzjoni għandha tinkludi wkoll informazzjoni:

(a)dwar l-attivitajiet ta’ negozju permessi fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat għal detentur ta’ Karta Blu tal-UE minn Stat Membru ieħor kif imsemmi fl-Artikolu 19

(b)dwar il-proċeduri applikabbli għall-kisba ta’ Karta Blu tal-UE, kif ukoll il-permessi ta’ residenza għall-membri tal-familja, fit-tieni Stat Membru, kif imsemmi fl-Artikoli 20 u 21.

Fil-każ meta l-Istati Membri jiddeċiedu li jagħmlu użu mill-possibbiltà prevista mill-Artikolu 6(2), l-introduzzjoni ta’ kontroll tas-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol fi professjoni jew settur partikolari, f’reġjun partikolari, għandha tiġi kkomunikata bl-istess mod.

2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni kull sena u wara kull modifika, il-fattur li ddeċidew li jistabbilixxu għad-determinazzjoni tal-limiti tas-salarji annwali u l-ammonti nominali li jirriżultaw, skont l-Artikolu 5(2), (4) u (5).

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni kull sena l-lista tal-professjonijiet li għalihom tapplika deroga skont l-Artikolu 5(4).

Meta l-Istati Membri jirrifjutaw applikazzjonijiet għal Karta Blu tal-UE abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet ta’ reklutaġġ etiku skont l-Artikolu 6(4), huma għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn deċiżjoni debitament ġustifikata li tindika l-pajjiżi u s-setturi kkonċernati.

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni kull sena l-lista ta’ attivitajiet ta’ negozju permessi, kif mifhuma fl-Artikolu 2(l), għall-applikazzjoni tal-Artikolu 19.

3.L-Istati Membri għandhom jimmonitorjaw u jikkomunikaw kull sena lill-Kummissjoni l-impatt ta’ din id-Direttiva fuq is-swieq tax-xogħol nazzjonali.

Artikolu 24

Statistika

1.Kull sena, u għall-ewwel darba mhux aktar tard minn... 52 , l-Istati Membri għandhom, konformement mar-Regolament (KE) Nru 862/2007 53 , jikkomunikaw lill-Kummissjoni statistika dwar l-għadd ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ngħataw il-Karta Blu tal-UE u fuq dawk li l-applikazzjoni tagħhom tkun ġiet miċħuda, li jispeċifikaw dawk miċħuda b’applikazzjoni tal-Artikolu 6(2), kif ukoll dwar l-għadd ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li l-Karta Blu tal-UE tagħhom ġiet imġedda jew irtirata matul is-sena kalendarja preċedenti. Dik l-istatistika għandha tiġi diżaggregata skont iċ-ċittadinanza, il-professjoni, it-tul tal-validità tal-permessi, is-sess u l-età tal-applikanti u s-settur ekonomiku. Dik l-istatistika għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ngħataw Karta Blu tal-UE għandha tkompli tiġi diżaggregata skont il-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, il-benefiċjarji tad-dritt għal moviment liberu u dawk li kisbu l-istatus ta’ residenti għal perjodu fit-tul fl-UE skont l-Artikolu 17.

L-istatistika dwar il-membri tal-familja ammessi għandha tiġi kkomunikata bl-istess mod, ħlief fir-rigward tal-informazzjoni dwar l-impjieg tagħhom u s-settur ekonomiku.

Għad-detenturi ta’ Karta Blu tal-UE u għall-membri tal-familja tagħhom, li ngħataw permessi ta’ residenza fit-tieni Stat Membru skont l-Artikoli 20 u 21, l-informazzjoni pprovduta għandha, barra minn hekk, tispeċifika l-Istat Membru tar-residenza preċedenti.

2.Għall-fini tal-implimentazzjoni ta’ paragrafu tal-Artikolu 5(2), (4) u (5), għandha ssir riferenza għad-dejta mibgħuta lill-Eurostat skont ir-Regolament (UE) Nru 549/2013 54 .

Artikolu 25

Rappurtar

Kull tliet snin u għall-ewwel darba minn [ħames snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva], il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva fl-Istati Membri, b’mod partikolari l-valutazzjoni tal-impatt tal-Artikoli 5, 12, 19 u 20, kif ukoll l-impatt ta’ din id-Direttiva fuq is-sitwazzjonijiet tas-suq tax-xogħol nazzjonali. Il-Kummissjoni għandha tipproponi kwalunkwe emendi li jkunu meħtieġa.

Notevolment, il-Kummissjoni għandha tivvaluta r-rilevanza tal-limitu tas-salarju stabbilit fl-Artikolu 5 u tad-derogi previsti f’dak l-Artikolu, billi tieħu f’kunsiderazzjoni, fost l-oħrajn, id-diversità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, settorjali u ġeografiċi u l-impatt fuq is-suq tax-xogħol fl-Istati Membri.

Artikolu 26

Kooperazzjoni bejn il-punti ta’ kuntatt

1.L-Istati Membri għandhom jaħtru punti ta’ kuntatt li għandhom ikunu responsabbli biex jirċievu u jibagħtu l-informazzjoni meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-Artikoli 17, 19, 20 u 23 u għandhom jikkooperaw b’mod effettiv ma’ xulxin.

2.B’mod partikolari, il-punti ta’ kuntatt tal-Istati Membri għandhom jikkooperaw b’mod effettiv fir-rigward tal-arranġamenti ta’ validazzjoni mal-partijiet interessati fis-setturi tal-edukazzjoni, tat-taħriġ, tal-impjiegi u taż-żgħażagħ, kif ukoll f’oqsma ta’ politika rilevanti oħrajn, kif meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-Artikoli 5(1)(ċ) u 5(6).

3.L-Istati Membri għandhom jipprovdu kooperazzjoni adatta fl-iskambju tal-informazzjoni u d-dokumentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1. L-Istati Membri għandhom jagħtu preferenza lill-iskambju tal-informazzjoni b’mezzi elettroniċi.

Artikolu 27

Tħassir tad-Direttiva 2009/50/KE

Id-Direttiva 2009/50/KE titħassar b’effett minn … [sentejn+jum wieħed wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva].

Ir-referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jitqiesu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw b’konformità mat-tabelli ta’ korrelazzjoni fl-Anness [].

Artikolu 28

Traspożizzjoni

1.L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa [Sentejn wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva]. Huma għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni b’dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir tali referenza.

2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

3.B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw mal-punti (g) u (i) tal-Artikolu 2 fir-rigward tar-rikonoxximent tal-ħiliet professjonali ogħla bħala kwalifiki professjonali ogħla sa [sentejn wara l-iskadenza tat-traspożizzjoni ġenerali].

Artikolu 29

   Dħul fis-seħħ    

Id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 30

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri, b’konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Strasburgu,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1) Għal ħarsa ġenerali, ara l-websajt “ L-Ewropa 2020 fil-qosor .
(2) Id-Direttiva tal-Kunsill 2009/50/KE tal-25 ta' Mejju 2009 dwar il-kundizzjonijiet ta' dħul u residenza ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-finijiet ta' impjieg bi kwalifiki għoljin (ĠU L 155, 18.6.2009, p. 17).
(3) Linji Gwida Politiċi ta’ Juncker ; Il-prijoritajiet għal din il-Kummissjoni ; Ittra ta’ missjoni mill-Kummissarju Avramopoulos .
(4) Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-13 ta’ Mejju 2015, Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, COM(2015) 240 finali .
(5) Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill 'Lejn Riforma tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil u t-Tisħiħ tat-Toroq Legali lejn l-Ewropa' COM(2016) 197 final .
(6) Rapport dwar is-sitwazzjoni fil-Mediterran u l-ħtieġa għal approċċ olistiku tal-UE għall-migrazzjoni, it-23 ta’ Marzu 2016, (2015/2095(INI)) .
(7) Ir-Renju Unit, l-Irlanda u d-Danimarka ma jipparteċipawx fid-Direttiva dwar il-Karta Blu tal-UE, f’konformità mal-Protokolli rispettivi annessi għat-Trattati.
(8) Statistika tal-Eurostat: Permessi nazzjonali għal ħaddiema bi kwalifiki għoljin żdiedu minn 19 755 fl-2012 għal 21 940 fl-2013 u 24 922 fl-2014, filwaqt li Karti Blu tal-UE żdiedu minn 3 664 fl-2012 għal 12 964 fl-2013 u 13 852 fl-2014.
(9) Senne, J.-N. and David, A., ‘General Context and Contribution of Labour Migration in Europe', OECD 2016, forthcoming.
(10) Id-Direttiva 2014/66/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar il-kundizzjonijiet għad-dħul u r-residenza ta' ċittadini ta' pajjiż terz fil-qafas ta' trasferiment intra-azjendali (ĠU L 157, 27.5.2014, p. 1).
(11) Id-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta' ċittadini nazzjonali ta' pajjiżi terzi jew persuni apolidi bħala benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (riformulazzjoni) (ĠU L 337, 20.12.2011, p. 9).
(12) COM(2016)377 finali .
(13) Komunikazzjoni tat-28 ta’ Ottubru 2015, "It-Titjib tas-Suq Uniku", COM(2015) 550 finali .
(14) Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (ĠU L 141, 27.5.2011, p. 1).
(15) Regolament (UE) 2016/589 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ April 2016 dwar netwerk Ewropew ta’ servizzi tal-impjiegi (EURES), aċċess tal-ħaddiema għas-servizzi ta’ mobilità u integrazzjoni ulterjuri tas-swieq tax-xogħol u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 492/2011 u (UE) Nru 1296/2013 (ĠU L107 tat-22.04.2016, p.1).
(16) COM(2016)381 finali.
(17) Ir-Renju Unit, l-Irlanda u d-Danimarka mhumiex marbuta bid-Direttiva 2009/50/KE.
(18) Komunikazzjoni tat-22 ta’ Mejju 2014 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/50/KE, COM(2014) 287 finali .
(19) Ara l-Anness 5 tal-Valutazzjoni tal-Impatt ta’ akkumpanjament.
(20) Ir-riżultati u l-kontribuzzjonijiet huma disponibbli online .
(21) Reġistru ta’ Gruppi ta’ Esperti tal-Kummissjoni: E03253 .
(22) Is-sħubija, ir-rapporti tal-laqgħat u l-kontribuzzjonijiet bil-miktub mill-parteċipanti huma disponibbli fuq:  http://ec.europa.eu/transparency/regexpert/index.cfm?do=groupDetail.groupDetail&groupID=3253
(23) Klassifikazzjoni Standard Internazzjonali tal-Edukazzjoni tal-UNESCO.
(24) Direttiva (UE) 2016/801 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar il-kundizzjonijiet ta’ dħul u residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta' riċerka, studji, taħriġ, servizz volontarju, skemi ta’ skambju ta’ skulari jew proġetti edukattivi u au pairing (ĠU L 132, 21.05.2016, p. 21).
(25) Għal analiżi tal-impatt u “inklużività” tad-diversi limiti tas-salarji ara l-Annessi 7 u 14 tal-Valutazzjoni tal-Impatt li takkumpanja din il-proposta, SWD(2016)193
(26) ISCO (Klassifika Internazzjonali Standard tal-Impjiegi) gruppi ewlenin 1 u 2 jinkludu maniġers u l-professjonisti rispettivament. http://www.ilo.org/public/english/bureau/stat/isco/intro.htm .
(27) Ara l-Anness 7 tal-Valutazzjoni tal-Impatt li jakkumpanja l-proposta, SWD(2016)193
(28) ĠU C , , p. .
(29) ĠU C , , p. .
(30) COM(2010) 2020 finali
(31) Id-Direttiva tal-Kunsill 2009/50/KE tal-25 ta’ Mejju 2009 dwar il-kundizzjonijiet ta’ dħul u residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ impjieg bi kwalifiki għoljin (ĠU L 155, 18.6.2009, p. 17).
(32) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali ( 2012/C 398/01 ) (ĠU C 398, 22.12.2012, p. 1).
(33) Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja (ĠU L 394, 30.12.2006, p. 10).
(34) Id-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta' ċittadini nazzjonali ta' pajjiżi terzi jew persuni apolidi bħala benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (riformulazzjoni) (ĠU L 337, 20.12.2011, p. 9).
(35) Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU L 251, 3.10.2003, p. 12).
(36) Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77).
(37) Direttiva (UE) 2016/801 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar il-kundizzjonijiet ta' dħul u residenza ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-finijiet ta' riċerka, studji, taħriġ, servizz volontarju, skemi ta' skambju ta' skulari jew proġetti edukattivi u au pairing (ĠU L 132, 21.05.2016, p. 21).
(38) Ir-Regolament (KE) Nru 1030/2002 tat-13 ta' Ġunju 2002 li jippreskrivi format uniformi għall-permessi ta' residenza għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi (ĠU L 157, 15.6.2002, p. 1).
(39) Il- Kodiċi ta’ Prattika Globali tal-WHO għar-Reklutaġġ Internazzjonali tal-Persunal fil-Qasam tal-Kura tas-Saħħa , adottat fil-21 ta’ Mejju 2010 mit-tlieta u sittin Assemblea Dinjija tas-Saħħa fir-riżoluzzjoni WHA63.16 .
(40) Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1).
(41) Regolament (UE) Nru 1231/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jestendi r-Regolament (KE) Nru 883/2004 u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li mhumiex diġà koperti b’dawn ir-Regolamenti unikament minħabba n-nazzjonalità tagħhom (ĠU L 344, 29.12.2010, p. 1).
(42) Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali (ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22).
(43) Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal-25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU L 16, 23.01.2004, p. 44).
(44) Ir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta' persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen) (ĠU L 77, 23 03 .2016, p. 1). 
(45) Regolament (KE) Nru 1987/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-sistema ta’ informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (ĠU L 381, 28.12.2006, p. 4).
(46) ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.
(47) Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tal-20 ta’ Lulju 2001 dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta’ dawn (ĠU L 212, 7.8.2001, p. 12).
(48) Id-Direttiva 2014/66/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar il-kundizzjonijiet għad-dħul u r-residenza ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi fil-qafas ta' trasferiment intra-azjendali (ĠU L 157, 27.5.2014, p. 1).
(49) Id-Direttiva 2014/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar il-kundizzjonijiet għad-dħul u s-soġġorn ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-fini ta' impjieg bħala ħaddiema staġonali (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 375).
(50) Id-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 1996 dwar il-post tal-impjieg ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi, (ĠU L 18, 21.1.1997, p. 1).
(51) Direttiva 2009/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 li tipprevedi standards minimi għal sanzjonijiet u miżuri kontra min iħaddem lil ċittadini minn pajjiżi terzi b’residenza illegali (ĠU L 168, 30.6.2009, p. 24).
(52) Erba’ snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva.
(53) Regolament (KE) Nru 862/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Lulju 2007 dwar l-istatistika Komunitarja dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 311/76 dwar il-ġbir ta' statistika dwar ħaddiema barranin (ĠU L 199, 31.7.2007, p. 23).
(54) Ir-Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar is-sistema Ewropea ta' kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 174, 26.6.2013, p. 1).
Top