EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015DC0751

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW Evalwazzjoni REFIT tad-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KE tat-18 ta’ Ġunju 1991, kif emendata bid-Direttiva 2008/51/KE tal-21 ta’ Mejju 2008, dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta’ armi

COM/2015/0751 final

Brussell, 18.11.2015

COM(2015) 751 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Evalwazzjoni REFIT tad-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KE tat-18 ta’ Ġunju 1991, kif emendata bid-Direttiva 2008/51/KE tal-21 ta’ Mejju 2008, dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta’ armi


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Evalwazzjoni REFIT tad-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KE tat-18 ta’ Ġunju 1991, kif emendata bid-Direttiva 2008/51/KE tal-21 ta’ Mejju 2008, dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta’ armi

1. Introduzzjoni

(1) Id-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta’ armi kienet ġiet adottata fit-18 ta’ Ġunju 1991 1 u emendata bid-Direttiva 2008/51/KE tal-21 ta’ Mejju 2008 2 (id-Direttiva dwar l-Armi tan-Nar).

(2) L-Artikolu 17 tad-Direttiva dwar l-Armi tan-Nar jipprevedi li sat-28 ta' Lulju 2015 il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni li ġġib l-applikazzjoni tad-Direttiva, u jekk ikun xieraq, miegħu tippreżenta l-proposti. Sabiex tħejji r-rapport, il-Kummissjoni nediet studju ta’ evalwazzjoni li sar minn konsulenti esterni. L-istudju ta’ evalwazzjoni, konkluż f’Diċembru 2014 3 , fih analiżi estensiva tal-implimentazzjoni tad-Direttiva kif ukoll analiżi tal-prestazzjoni tal-leġiżlazzjoni skont ħames kriterji ewlenin tal-evalwazzjoni. Abbażi tas-sejbiet, lill-Kummissjoni jew lill-awtoritajiet tal-Istati Membri jew lit-tnejn l'huma, dan jagħtihom ukoll xi rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal titjib. Din l-evalwazzjoni ntrabtet mal-Programm tal-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT) tal-Kummissjoni 4 .

(3) Wara l-konklużjoni tal-istudju ta’ evalwazzjoni, il-Kummissjoni stiednet lill-membri tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 13(a) tad-Direttiva (il-Kumitat tal-Armi tan-Nar), li jirrappreżenta lit-28 Stat Membru tal-UE, lill-erba’ pajjiżi taż-ŻEE 5 u tal-EFTA 6 biex 7 jikkummentaw u jipprovdu valutazzjoni tas-sejbiet u tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu. Il-membri tal-kumitat urew il-fehma tagħhom waqt il-laqgħat tal-kumitat tat-18 ta’ Diċembru 2014 u tal-25 ta’ Marzu 2015, filwaqt li xi Stati Membri (il-Belġju, Franza, l-Iżvezja, u r-Renju Unit) tawha wkoll bil-miktub.

(4) Ir-rapport finali tal-istudju ta' evalwazzjoni ntbagħat qabel l-inċidenti ta' Pariġi u ta' Kopenħagen f'Jannar 2015. Dawn l-iżviluppi ħarġu fid-dieher li fil-livell tal-UE jeżistu kwistjonijiet urġenti ta' sigurtà. Meta tlaqqa' l-Kumitat tal-Armi tan-Nar f’Marzu 2015, il-Kummissjoni stiednet lir-rappreżentanti tal-Istati Membri biex jikkummentaw fuq il-konklużjonijet tal-evalwazzjoni iżda anki biex jesprimu t-tħassib li jaf ikollhom fuq l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Armi tan-Nar fejn jidħlu l-inċidenti li seħħew dan l-aħħar, u li l-konsulent ma semmiex.

(5) Dan ir-rapport għandu l-għan li jiddeskrivi s-sejbiet tal-istudju ta’ evalwazzjoni, jgħaqqadhom mar-reazzjonijiet li waslu s’issa u jippreżenta l-valutazzjoni kritika tal-Kummissjoni. Qabelxejn ir-rapport jippreżenta l-kuntest u d-dispożizzjonijiet ewlenin tad-Direttiva dwar l-Armi tan-Nar. Jippreżenta l-metodoloġija, ir-riżultati tal-istudju ta’ evalwazzjoni b'rabta mal-ħames kriterji tal-evalwazzjoni (jiġifieri l-effettività, l-effiċjenza, il-konsistenza, ir-rilevanza, u l-valur miżjud tal-UE), u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu. U jippreżenta wkoll valutazzjoni kritika tas-sejbiet. Fl-aħħar nett, dan isemmi xi inizjattivi li l-Kummissjoni tista’ tikkunsidra li tieħu biex tindirizza l-kwistjonijiet li tisħaq fuqhom l-evalwazzjoni u li jikkonfermaw ir-reazzjonijiet tal-Istati Membri.

2. Il-kuntest

(6) Id-Direttiva dwar l-Armi tan-Nar tirregola l-akkwist, il-pussess, u l-iskambju kummerċjali tal-armi tan-nar ċivili fi ħdan l-UE (pereżempju l-armi tan-nar li jintużaw għall-kaċċa u għall-isparar sportiv). Din tistabbilixxi standards minimi komuni li l-Istati Membri għandhom jittrasponu fil-liġijiet nazzjonali tagħhom dwar l-armi, u għandha l-għan li tibbilanċja l-għanijiet tas-suq intern (jiġifieri il-moviment transfruntier tal-armi tan-nar) mal-għanijiet tal-politika tas-sigurtà (jiġifieri l-livell għoli ta’ sigurtà u l-protezzjoni kontra l-atti kriminali u t-traffikar illeċitu) fl-UE.

(7) Fil-bidu, id-Direttiva 97/477/KEE kienet miżura ta' akkumpanjament biex jitwettaq is-suq intern. It-tneħħija tal-kontrolli fuq il-pussess tal-armi fil-fruntieri intra-Komunitarji nibbtet il-ħtieġa li jiġu adottati regoli effettivi ħalli jkunu jistgħu jsiru kontrolli fl-Istati Membri. Għal dan il-għan id-Direttiva fiha regoli dwar l-akkwist u l-pussess tal-armi tan-nar u dwar it-trasferimenti tal-armi tan-nar minn Stat Membru għall-ieħor. Id-Direttiva tħalli l-possibbiltà lill-Istati Membri biex jadottaw regoli aktar stretti minn dawk previsti (l-Artikolu 3).

(8) Fis-sena 2000, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, il-Kummissjoni ppreżentatilhom l-ewwel rapport li jivvaluta l-implimentazzjoni tad-Direttiva 91/477/KEE fl-Istati Membri 8 . Ir-rapport iddikjara li l-Istati Membri u l-partijiet konċernati dehrilhom li, b'mod ġenerali, il-qafas ġuridiku li ħolqot id-Direttiva kien biżżejjed. Madankollu ġew identifikati xi problemi ewlenin relatati mal-implimentazzjoni nazzjonali tad-Direttiva, fosthom: diffikultajiet bl-iskambju tal-informazzjoni; id-disparità u l-kumplessità tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, il-miżuri amministrattivi u l-proċeduri tal-awtorizzazzjoni; differenzi fil-klassifikazzjoni tal-armi tan-nar għall-kaċċa u għall-isparar sportiv u piżijiet amministrattivi għall-SMEs. Dan wera l-ħtieġa li jiġu ċċarati ċerti dispożizzjonijiet (fosthom id-definizzjoni ta’ ċerti tipi ta’ armi, jiġifieri l-armi diżattivati u l-armi antiki) ħalli tkun żgurata applikazzjoni aktar uniformi tad-Direttiva.

(9) Dan ir-rapport ġie ppreżentat waqt li l-Kummissjoni, f’isem l-Istati Membri tal-UE, kienet qed tinnegozja l-Protokoll tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Iffabbrikar Illeċitu u t-Traffikar tal-Armi tan-Nar 9 (il-UNFP) matul il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-kriminalità organizzata transnazzjonali. Il-Protokoll kien se jippreskrivi regoli ġodda li jikkonċernaw l-aktar it-traċċabbiltà (jiġifieri l-immarkar u ż-żamma tar-rekords) u d-diżattivazzjoni tal-armi tan-nar. Għalhekk ir-rapport ikkonkluda li, filwaqt li tqis l-istat tan-negozjati tal-UNFP u r-reazzjonijiet tal-partijiet interessati kollha fuq id-Direttiva, il-Kummissjoni beħsiebha tippreżenta proposti xierqa għal emenda.

(10) Meta fl-2005 daħal fis-seħħ il-UNFP 10 , id-Direttiva 91/477/KE ġiet emendata bid-Direttiva 2008/51/KE biex jissaħħu l-aspetti tas-sigurtà, u biex ikun jista' jsir allinjament parzjali mal-UNFP stess. Id-Direttiva dwar l-Armi tan-Nar hi waħda minn għadd ta’ inizjattivi li ttieħdu fil-livell internazzjonali u tal-UE għall-implimentazzjoni tal-UNFP. Id-dispożizzjonijiet rilevanti ġew trasposti fil-leġiżlazzjoni Ewropea bir-Regolament Nru 258/2012 11 li jistabbilixxi regoli għall-awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni, tal-importazzjoni u tat-tranżitu tal-armi tan-nar mhux militari li jkunu ġejjin minn pajjiżi terzi jew li jgħaddu minnhom 12 .

(11) il-prinċipji li jmexxu l-azzjoni tal-Kummissjoni Ewropea biex timmaniġġja u tnaqqas ir-riskji tal-armi tan-nar ċivili ġew inkorporati fi strateġija ġenerali - il-Komunikazzjoni “L-armi tan-nar u s-sigurtà interna tal-UE: il-ħarsien taċ-ċittadini u t-tfixkil tat-traffikar illegali” 13 - imnedija f’Ottubru 2013. Din il-Komunikazzjoni tipproponi miżuri biex jiżdied il-livell ta' sigurtà taċ-ċittadini tal-UE b’rabta mal-armi tan-nar u biex jitħares is-suq legali tagħhom. Barra minn hekk, f'Komunikazzjoni li ħarġet dan l-aħħar “L-Aġenda Ewropea għas-Sigurtà” 14 , il-Kummissjoni ddeskriviet fil-qosor l-inizjattivi li se jittieħdu fejn jidħlu l-armi tan-nar biex tisħaq fuq il-ħtieġa ta’ approċċ komuni għad-diżattivazzjoni tal-armi tan-nar li jevita r-riattivazzjoni u l-użu mill-kriminali, li trid titqies bħala prijorità. Il-Kummissjoni talbet li fl-2016 issir reviżjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar l-armi tan-nar ħalli titjieb il-kondiviżjoni tal-informazzjoni (eż. billi s-sistema tal-informazzjoni tal-Europol tiġbor informazzjoni fuq l-armi tan-nar maqbuda), tissaħħaħ it-traċċabbiltà, jiġi standardizzat l-immarkar, u jiġu stabbiliti standards komuni ħalli jiġu newtralizzati l-armi tan-nar. Wara l-inċidenti traġiċi tat-13 ta’ Novembru 2015 f’Pariġi, il-Kummissjoni ddeċidiet li tħaffef ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Armi tan-Nar li għandha tiġi adottata ma’ dan ir-rapport. Dan ir-rapport jagħti evidenza li tappoġġa dawn l-azzjonijiet.



3. Id-dispożizzjonijiet ewlenin tad-Direttiva dwar l-Armi tan-Nar

(12) Iż-żewġ għanijiet ewlenin tad-Direttiva dwar l-Armi tan-Nar huma li tiżgura l-funzjonament tajjeb tas-suq intern u livell għoli ta’ sigurtà fl-UE. B'mod partikolari, din tistabbilixxi rekwiżiti minimi 15 għall-akkwist u l-pussess tal-armi tan-nar għal użu ċivili fl-UE u miżuri amministrattivi armonizzati għat-trasferiment tal-armi tan-nar fl-UE.

(13) l-Anness I tad-Direttiva jispjega l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, u l-kategoriji tal-armi tan-nar li jikkorrispondu għal reġimi differenti ta’ applikazzjonijiet jiddeskrivihom hekk:

-Il-Kategorija A tiġbor fiha l-armi tan-nar ipprojbiti – armi awtomatiċi kompletament u armi militari;

-Il-Kategorija B tiġbor l-armi soġġetti għall-awtorizzazzjoni – armi li jużawhom l-aktar it-tiraturi sportivi u l-kaċċaturi;

-Il-Kategorija C tiġbor l-armi soġġetti għal dikjarazzjoni – essenzjalment armi li jużaw il-kaċċaturi;

-Il-Kategorija D għal armi tan-nar oħrajn – prinċipalment armi tan-nar twal b’tir wieħed u kanen lixxi.

(14) Id-dispożizzjonijiet ewlenin tad-Direttiva dwar l-Armi tan-Nar jirreferu għal:

-L-immarkar u t-traċċabbiltà (l-Artikolu 4): L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull arma tan-nar u kull parti minnha li titqiegħed fis-suq tkun ġiet irreġistrata. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jeżiġu mmarkar uniku jew li jkollhom xi mmarkar ieħor b’kodiċi numeriku jew alfanumeriku li bih ikunu jistgħu jagħrfu l-pajjiż tal-manifattura. L-immarkar għandu jsir fuq wieħed mill-komponenti essenzjali tal-arma tan-nar b'tali mod li jekk dan il-komponent jinqered, l-arma tan-nar kollha ma tkunx tista' tintuża aktar. Id-Direttiva emendata tinkludi wkoll dispożizzjonijiet biex jiddaħħlu sistemi kompjuterizzati nazzjonali li jirreġistraw id-dejta ħalli tissaħħaħ it-traċċabbiltà tal-armi tan-nar. Dawn is-sistemi jirreġistraw informazzjoni ewlenija fuq kull arma tan-nar fl-idejn fl-Istati Membri u kellhom jiddaħħlu fis-seħħ f'kull Stat Membru sal-31 ta' Diċembru 2014.

-Ir-rekwiżiti għall-akkwist u l-pussess tal-armi tan-nar (l-Artikolu 5): L-Istati Membri għandhom jippermettu l-akkwist u l-pussess tal-armi tan-nar biss minn persuni li jkollhom raġuni tajba u li:

oikollhom mill-inqas 18-il sena, ħlief fil-każ tal-akkwist, mhux bix-xiri, u l-pussess tal-armi tan-nar għall-kaċċa u għall-isparar fuq il-bersalji, bil-kundizzjoni li f’dak il-każ il-persuni li ma jkollhomx 18-il sena jkunu kisbu l-permess tal-ġenituri, jew ikollhom il-gwida tal-ġenituri jew il-gwida ta’ adult li jkollu liċenzja valida tal-armi tan-nar jew tal-kaċċa jew ikunu f’ċentru tat-taħriġ liċenzjat jew approvat xort’oħra;

oaktarx ma jkunux ta’ periklu għalihom infushom, għall-ordni pubblika jew għas-sikurezza pubblika. Jekk persuna tkun instabet ħatja ta' reat vjolenti intenzjonat, dan għandu jitqies bħala indikattiv ta' periklu bħal dan.

-Il-Pass Ewropew tal-Armi tan-Nar (l-EFP) (l-Artikolu 12): Fejn jidħlu l-armi tan-nar għall-kaċċa u għall-isparar sportiv, id-Direttiva daħħlet regoli aktar flessibbli ħalli ma xxekkilx il-moviment tagħhom madwar l-Istati Membri. Bil-Pass Ewropew tal-Armi tan-Nar, il-kaċċaturi b’armi tan-nar tal-Kategoriji C u D, u t-tiraturi sportivi b’armi tan-nar tal-Kategoriji B, C u D jistgħu jivvjaġġaw lejn Stat Membru ieħor mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-Istat Membru tad-destinazzjoni. Il-Pass Ewropew tal-Armi tan-Nar għandu jitqies bħala d-dokument ewlieni li jeħtieġu l-kaċċaturi u t-tiraturi sportivi, u l-Istati Membri ma għandhomx jaċċettaw dan il-Pass bil-kundizzjoni li titħallas xi miżata jew imposta.

-Id-diżattivazzjoni (l-Anness I, it-Taqsima III): Id-Direttiva dwar l-Armi tan-Nar tistabbilixxi restrizzjonijiet minimi u tinkludi l-obbligu li l-Istati Membri jagħmlu l-arranġamenti biex il-miżuri ta’ diżattivazzjoni tivverifikahom awtorità kompetenti. Din l-awtorità għandha tiżgura li l-proċeduri nazzjonali dwar id-diżattivazzjoni tal-armi tan-nar ikunu qed jiddiżattivaw l-armi għalkollox. Bħalma talbu l-koleġiżlaturi waqt l-emenda, l-Anness I - il-Parti III, il-punt (a) jgħid li “il-Kummissjoni għandha toħroġ linji gwida komuni dwar l-istandards u t-teknika ta' diżattivazzjoni sabiex tiżgura li l-armi tan-nar diżattivati jsiru inoperabbli b’mod irriversibbli”. Sakemm jiġu adottati l-linji gwida dwar id-diżattivazzjoni, l-Istati Membri huma liberi biex jadottaw l-aktar proċeduri xierqa b'rabta ma' dan.

(15) Fl-aħħar nett, l-Artikolu 17 tad-Direttiva dwar l-Armi tan-Nar jippreskrivi li sat-28 ta’ Lulju 2015 il-Kummissjoni tippreżenta rapport fuq is-sitwazzjoni li ħolqot l-applikazzjoni tad-Direttiva. Skont id-dispożizzjoni tad-Direttiva, fl-2014 il-Kummissjoni nediet studju ta’ 12-il xahar biex tevalwa kif ġew implimentati d-Direttiva dwar l-Armi tan-Nar u l-emenda suċċessiva u kemm dan il-qafas ġuridiku rnexxielu jilħaq iż-żewġ għanijiet ġenerali li jkun żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern u li fl-UE jintlaħaq livell għoli ta’ sigurtà.

4. Il-metodoloġija għall-evalwazzjoni

(16) L-istudju ta’ evalwazzjoni mifrux fuq sena sar bil-għan li jingħarblu l-kisbiet tal-għanijiet tad-Direttiva (il-funzjonament tajjeb tas-suq intern u l-livell għoli ta’ sigurtà) skont il-ħames kriterji ta’ evalwazzjoni:

-L-effettività: mil-lat ta' kemm id-dispożizzjonijiet ikkontribwew biex jintlaħqu l-għanijiet;

-L-effiċjenza: tal-proċeduri u tal-obbligi stabbiliti bid-Direttiva, jiġifieri jekk il-kisbiet (il-benefiċċji) li nkisbu, meta mqabbla mal-kostijiet li ġġarrbu, kinux raġonevoli;

-Il-konsistenza: tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva u tal-interpretazzjoni tat-termini ewlenin, u l-koerenza ġenerali tad-Direttiva ma’ leġiżlazzjoni rilevanti oħra;

-Ir-rilevanza: tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva mal-ħtiġijiet eżistenti fejn jidħlu l-funzjonament tas-suq intern u s-sigurtà għaċ-ċittadini tal-UE;

-Il-valur miżjud: tal-intervent tal-UE meta mqabbel mal-leġiżlazzjoni u l-azzjonijiet nazzjonali.

(17) L-evalwazzjoni kopriet kull dispożizzjoni tad-Direttiva fit-28 Stat Membru tal-UE mill-1991 sal-lum. Barra minn hekk, l-evalwaturi ntalbu jqisu studji u inizjattivi preċedenti tal-Kummissjoni 16 u żewġ studji li kienu qed jiġu konklużi fl-istess żmien, fuq il-proċeduri tad-diżattivazzjoni, tal-qerda u tal-immarkar 17 u fuq il-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu tal-armi fl-UE 18 .

(18) L-analiżi saret b'riċerka primarja, stħarriġ onlajn, intervisti u erba' studji tal-każ 19 (f'erba' Stati Membri: il-Belġju, Franza, il-Ġermanja u l-Polonja). L-evalwaturi għamlu kuntatt ma': awtoritajiet fl-Istati Membri; rappreżentanti tal-produtturi, negozjanti u sensara tal-armi tan-nar; utenti tal-armi tan-nar fosthom il-kaċċaturi u t-tiraturi sportivi; korpi internazzjonali, assoċjazzjonijiet, istituti tar-riċerka u esperti oħra. L-istħarriġ onlajn imlewh 83 parti interessata (34 awtorità tal-Istati Membri, 28 rappreżentant tal-industrija, 16-il utent, 5 esperti), l-intervisti saru ma' 56 parti interessata (23 awtorità tal-Istati Membri, 16-il industrija, 9 utenti, 8 esperti), u t-30 parti interessata ġew intervistati għall-istudji tal-każijiet (12-il awtorità tal-Istati Membri, 8 industriji, 8 utenti, 2 esperti).

(19) Sa mill-ewwel xhur tal-istudju, l-evalwaturi indikaw li għandhom nuqqas ta’ dejta ewlenija b'rabta mal-aspetti tas-suq u tas-sigurtà. Fejn jidħol l-aspett tas-suq, ħafna drabi l-istatistika disponibbli fil-livell nazzjonali u tal-UE ma tagħmilx differenza bejn armi tan-nar ċivili u militari u għalhekk tagħmilha itqal biex tinkiseb id-dejta dwar l-armi tan-nar ċivili. Anki meta dan seta' jsir, fil-livell tal-Istati Membri d-dejta ma kinitx disponibbli dejjem għal kull pajjiż (minħabba l-kunfidenzjalità) u għalhekk ma setgħux jingħarfu x-xejriet tal-produzzjoni matul iż-żmien. Fl-aħħar nett, il-kumpanija ewlenija li topera fis-settur ma tatx aċċess kbir għall-informazzjoni. Fejn tidħol is-sigurtà, il-kwistjoni ewlenija kienet in-nuqqas ta' dejta diżaggregata dwar tipi/kategoriji ta' armi tan-nar li jiċċirkulaw fl-UE, u/jew li jintużaw u jiġu traffikati illegalment, kif ukoll in-nuqqas ta' dejta dettaljata u komparabbli fuq ix-xejriet tar-reati u l-attivitajiet kriminali li jinvolvu l-armi tan-nar ċivili fil-livell tal-UE. Limitazzjoni oħra għandha x'jaqsam mad-disponibbiltà limitata tad-dejta li tikkwantifika l-piż amministrattiv u l-kostijiet tal-implimentazzjoni ta’ dispożizzjoni speċifika.

5. Is-sejbiet

5.1 Il-kriterji tal-evalwazzjoni.

5.1.1 L-effettività

(20) Id-Direttiva kkontribwiet tajjeb biex għall-armi tan-nar jinħoloq suq intern li jkun jiffunzjona tajjeb, u dan hu wieħed mill-għanijiet tagħha. Iżda l-kuntrattur ikkonkluda li l-kontribut potenzjali tagħha jista' jitjieb iżjed. L-ewwel nett, il-kategoriji u s-sistemi regolatorji li ddaħħlu evitaw distorsjonijiet potenzjali tas-suq relatati mat-tneħħija tal-kontrolli interni, biex hekk inħoloq is-suq intern. Mill-2005 20 , il-kummerċ intra-UE baqa' pjuttost stabbli; iżda d-differenzi fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttivi llimitaw id-daqs tal-benefiċċji mistennija bl-intervent tal-UE. Il-partijiet konċernati (l-industrija u l-utenti) qajmu bosta tħassib minħabba xi ostakli u piżijiet speċifiċi minħabba l-proċeduri, l-aktar għax dawn ikollhom iġarrbu l-kostijiet tal-informazzjoni biex jifhmu r-regoli u l-proċeduri implimentati fl-Istati Membri l-oħra (b’mod partikolari fejn jidħol l-EFP). Minkejja li fl-2009 21 l-Kummissoni stabbiliet grupp ta’ kuntatt biex jeħfief l-iskambju tal-informazzjoni, il-partijiet konċernati intervistati baqgħu jisħqu li hemm bżonn tkompli titjieb il-komunikazzjoni tal-informazzjoni utli bejn l-Istati Membri.

(21) B'rabta mal-għan tas-"sigurtà" (jiġifieri il-protezzjoni taċ-ċittadini u tas-suq legali tal-armi tan-nar), il-livell ta’ sigurtà u ta' protezzjoni kontra t-traffikar illeċitu tal-armi tan-nar u l-atti kriminali żdied għax iddaħħlu:

-rekwiżiti tat-traċċar għall-awtoritajiet tal-Istati Membri (jiġifieri r-reġistru kompjuterizzat) u għan-negozjanti (reġistru għal kull tranżazzjoni tal-armi tan-nar) – l-Artikolu 4.

-rekwiżiti tal-immarkar għall-manifatturi (anki jekk kien hemm xi tħassib minħabba każijiet meta l-immarkar tħassar) – l-Artikolu 4(4).

-rekwiżiti minimi għall-akkwist u l-pussess tal-armi tan-nar – l-Artikolu 5.

Madankollu jidher li għad baqa' lok għal aktar titjib fejn jidħlu l-każijiet rappurtati fuq il-konverżjoni tal-armi tal-allarm, ir-riattivazzjoni tal-armi tan-nar diżattivati, il-kummerċ illegali tal-partijiet tal-armi tan-nar u l-interpretazzjoni ta' “komponenti essenzjali”.

(22) Billi ċertu dejta komprensiva kienet nieqsa, l-evalwatur sabha diffiċli jivvaluta l-effettività tad-Direttiva b’rabta mal-għanijiet tas-sigurtà. B’mod partikolari, l-analiżi xxekklet minħabba nuqqas ta’ bażi tal-informazzjoni li tinkludi dejta speċifika u dettaljata fuq ir-reati kriminali li saru b'armi tan-nar miżmuma legalment, b'armi tal-allarm konvertiti u b'armi tan-nar riattivati fl-Istati Membri tal-UE.

5.1.2 L-effiċjenza

(23) L-evalwazzjoni identifikat il-kostijiet relatati mal-attivitajiet meħtieġa biex titwettaq kull dispożizzjoni tad-Direttiva (il-kostijiet diretti tal-konformità – fosthom il-piżijiet amministrattivi - u l-kostijiet tal-informazzjoni 22 ) u rabtithom mal-partijiet konċernati li jġarrbuhom. L-evalwazzjoni la tinkludi l-kostijiet li jiġġarrbu bl-implimentazzjoni tar-rekwiżiti addizzjonali u lanqas il-kostijiet li joħolqu d-differenzi fl-implimentazzjoni nazzjonali.

(24) Sabiex jivvaluta jekk l-għanijiet tad-Direttiva intlaħqux b'kost raġonevoli, billi ma teżistix dejta kwantitattiva fuq il-kostijiet, il-kuntrattur uża l-valutazzjoni tal-partijiet konċernati biex jevalwa b'mod kwalitattiv jekk il-kostijiet relatati ma’ dispożizzjonijiet speċifiċi kinux meqjusa raġonevoli. Din il-valutazzjoni kwalitattiva saret bi tliet kriterji: l-għanijiet li ntlaħqu, il-parteċipazzjoni tal-partijiet konċernati, u n-natura tal-kost. Mill-analiżi jidher li l-kisbiet ġenerali saru b'kost raġonevoli, u ħafna drabi l-kostijiet jinqasmu b’mod ġust bejn id-diversi partijiet konċernati. B'armonizzazzjoni parzjali tad-Direttiva nħolqu kostijiet indiretti li ħallew effetti ħżiena fejn jidħlu xi dispożizzjonijiet speċifiċi (u xi kategoriji speċifiċi tal-partijiet konċernati), fosthom: l-EFP, il-kategoriji, ir-reġistru tan-negozjanti u tas-sensara, il-qsim tal-informazzjoni, ir-rekwiżiti tas-sjieda tal-armi tan-nar, id-diżattivazzjoni, it-traċċabbiltà, u l-immarkar.

(25) Skont bosta rappreżentanti tal-industrija (produtturi u assoċjazzjonijiet nazzjonali), il-piż amministrattiv huwa marbut l-aktar mal-ineffiċjenzi nazzjonali u burokratiċi minflok mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva. Ngħidu aħna: meta xi drabi l-liċenzji tal-importazzjoni u l-esportazzjoni għal trasferimenti fi ħdan l-UE jdumu biex joħorġu; rekwiżiti tas-sigurtà li ddaħħlu fil-livell nazzjonali (bħall-ispezzjoni obbligatorja tas-sistemi tal-allarm li jagħmlu tajjeb għaliha n-negozjanti). Ir-rappreżentanti tal-industrija kkonfermaw li dawn il-piżijiet amministrattivi jaf inaqqsu r-ritmu tal-moviment fis-suq.

(26) Il-kuntrattur ikkonkluda li l-kisbiet ġenerali tad-Direttiva nnifisha saru b'kostijiet raġonevoli. Il-piż amministrattiv u l-kostijet li qiesu l-partijiet konċernati huma marbuta aktar mal-proċeduri amministrattivi biex tiġi implimentata d-Direttiva fil-livell nazzjonali, u jekk jonqsu dawn il-kostijiet ikun sar pass 'il quddiem.

5.1.3 Il-konsistenza

(27) L-adozzjoni ta’ Direttiva li tistabbilixxi ċertu rekwiżiti minimi wasslet biex fil-livell tal-Istati Membri jkun hemm ċertu differenzi fl-applikazzjoni tagħha u dan jolqot lis-suq intern jew l-għanijiet tas-sigurtà.

Fejn jidħlu d-differenzi li jolqtu s-suq intern, l-evalwazzjoni enfasizzat:

-Id-diskrepanzi fl-applikazzjoni tal-kategoriji, l-aktar fejn jidħlu l-Kategoriji C u D li joħolqu konfużjoni dwar id-dokument meħtieġ meta tinxtara arma tan-nar f'pajjiżi differenti, u dan itellef il-moviment tal-armi tan-nar fl-Ewropa u jiġġenera kostijiet

-Id-differenzi fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet relatati mal-EFP, bħalma huwa l-għadd ta' dokumenti meħtieġa. Dan jolqot ħażin lit-trasferiment bla xkiel tal-armi tan-nar;

L-inkonsistenzi fl-implimentazzjoni li jolqtu s-sigurtà taċ-ċittadini tal-UE huma:

-Id-differenzi fl-istandards tal-immarkar għax dawn jillimitaw l-abbilità li jiġu traċċati l-armi tan-nar jew il-ġlieda kontra t-traffiku illeċitu;

-Id-differenzi fit-tekniki u fl-istandards tad-diżattivazzjoni u l-ħatra tal-awtorità li jwettquhom. Dawn id-differenzi joħolqu tħassib mhux biss għax l-awtorità jew l-attur responsabbli għad-diżattivazzjoni jaf ma jkollhomx il-ħiliet tekniċi meħtieġa iżda anki għax l-istandards f’xi Stati Membri ma jitqisux biżżejjed;

-Id-differenzi fil-kategorizzazzjoni tal-armi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali joħolqu problemi fit-traċċabbiltà u fl-infurzar tal-liġi. Dan jiġri b'mod partikolari meta oġġett meqjus bħala arma tan-nar f'xi Stat Membru partikolari jiġi trasferit lejn Stat Membru li ma jqisux bħala arma tan-nar u għalhekk l-awtoritajiet jitilfu t-traċċa tiegħu.

-Id-differenzi fl-interpretazzjoni ta’ termini ewlenin li hemm fid-Direttiva (bħal komponenti essenzjali, sensara, armi tal-allarm u armi antiki)

Min-naħa l-oħra, instab li ma hemm l-ebda kwistjoni relatata mar-rekwiżiti tas-sjieda u d-Direttiva għenet biex dawn jiġu armonizzati.

(28) Dwar il-konsistenza tad-Direttiva dwar l-Armi tan-Nar mal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE, l-istudju kkonkluda li l-problemi prinċipali għandhom x'jaqsmu mal-UNFP. L-emenda tal-2008 allinjat parzjalment biss it-terminoloġija tad-Direttiva mal-UNFP. Infatti d-Direttiva ħarġet b'distinzjoni bejn il-partijiet u l-komponenti essenzjali li mhix riflessa fil-kontenut tal-UNFP li jirreferi għal “partijiet u komponenti”. Barra minn hekk, bil-UNFP 23 Stat Parti jista' jirrikonoxxi arma tan-nar diżattivata bħala arma tan-nar f’konformità mal-liġi domestika tiegħu u jista' jieħu l-miżuri neċessarji abbażi ta' dan.

5.1.4 Ir-rilevanza

(29) L-evalwazzjoni kkonkludiet li b’mod ġenerali d-Direttiva dwar l-Armi tan-Nar għadha rilevanti għalkollox għall-ħtiġijiet tas-suq ta' żmienna (jiġifieri l-moviment transfruntier tal-armi tan-nar). It-tħassib li qajmu l-operaturi ekonomiċi għandu x’jaqsam l-aktar mal-miżuri u l-proċeduri tal-implimentazzjoni differenti li adottaw l-Istati Membri, għax dawn iwasslu biex jiżdiedu l-piż u l-kostijiet li jolqtu ħażin il-moviment transfruntier tal-armi tan-nar.

(30) Dwar l-għanijiet tas-sigurtà (eż. ir-reati li jinvolvu armi tan-nar miżmuma legalment, is-serq jew it-telf n-nar li oriġinarjament inżammu legalment, il-konverżjoni tal-armi tal-allarm jew l-armi tan-nar diżattivati), l-evalwaturi kkonkludew li d-Direttiva hi rilevanti għal ħafna mir-riskji tas-sigurtà. Dawn semmew xi attivitajiet li jridu jitqiesu biex jiddaħħlu fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva jew biex jiġu deskritti aħjar. Dawn huma: il-konverżjoni tal-armi tal-allarm; il-konverżjoni tal-armi semi-awtomatiċi; ir-riattivazzjoni tal-armi tan-nar diżattivati; it-tħassir tal-immarkar; l-użu illegali tal-armi miruta. Kull attività msemmija toħloq tħassib dwar is-sigurtà fil-livell tal-Istati Membri. Fl-aħħar nett, l-evalwaturi jinnutaw li l-iżviluppi teknoloġiċi tal-ġejjieni, bħat-teknoloġiji l-ġodda (inkluż l-istampar 3D) u l-mezzi l-ġodda tal-bejgħ (bħall-internet) 24 , fil-futur jaf jikkontestaw il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva. .

5.1.5 Il-valur miżjud tal-UE

(31) L-armi tan-nar huma oġġetti ta’ natura speċjali. Ħafna mill-kwistjonijiet tas-sigurtà li tipprova tindirizza d-Direttiva dwar l-Armi tan-Nar għandhom natura transfruntiera. Id-dgħjufijiet li jsib xi Stat Membru partikolari fl-attività kriminali jaffettwaw lill-UE kollha kemm hi (eżempju l-każijiet ta’ konverżjoni tal-armi tal-allarm). Id-differenzi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali jxekklu l-koperazzjoni tal-kontrolli u tal-pulizija bejn l-Istati Membri (eżempju r-rekwiżiti differenti għar-reġistrazzjoni tal-istess tip ta' armi tan-nar). L-istudju jikkonkludi li azzjoni effettiva biex jintlaħqu l-għanijiet li jkun żgurat livell għoli ta’ sigurtà għaċ-ċittadini tal-UE u li tkun tista' ssir ċirkolazzjoni transfruntiera tal-armi tan-nar tista' tittieħed biss fil-livell tal-UE. Il-valur miżjud ċar tad-Direttiva dwar l-Armi tan-Nar joħroġ fid-dieher daqstant ċar bil-fatt li stabbilliet qafas regolatorju komuni għar-regolamentazzjoni tal-armi tan-nar li ma setax isir b'interventi nazzjonali jew bilaterali biss.

(32) Bin-natura flessibbli tad-Direttiva seta' jinżamm livell għoli ta' sigurtà u jissaħħaħ is-suq intern. Id-Direttiva tistabbilixxi rekwiżiti minimi komuni iżda tirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà u lill-Istati Membri tħallilhom iċ-ċans jadottaw regoli aktar stretti skont il-ħtiġijiet u l-kuntest nazzjonali tagħhom. Barra minn hekk, l-Istati Membri u ċ-ċittadini tal-UE ngħataw il-garanzija li l-miżuri komuni tas-sigurtà li hemm fid-Direttiva u li jikkonċernaw l-armi tan-nar manifatturati u ċċirkolati madwar l-Ewropa huma validi fl-Istati Membri kollha.

(33) Il-limitu minimu jgħin ukoll fil-funzjonament tas-suq intern u biex jissaħħaħ is-suq legali tal-armi tan-nar. Fejn jidħol is-suq, l-akbar kontribut li kien mistenni bl-intervent tal-UE (l-istabbiliment ta' kategoriji komuni) tfixkel bl-implimentazzjonijiet differenti fil-livell tal-Istati Membri. Iżda l-effettività tal-EFP hi eżempju tal-valur miżjud potenzjali tal-intervent tal-UE mil-lat ta' appoġġ għall-moviment transfruntier tal-kaċċaturi u tat-tiraturi sportivi.

5.2 Rakkomandazzjonijiet

(34) Abbażi tas-sejbiet tal-evalwazzjoni, il-kuntrattur sawwar għadd ta' rakkomandazzjonijiet maqsuma skont l-azzjonijiet li jeħtieġu intervent leġiżlattiv jew le.

-Kriterji komuni fuq il-konvertibbiltà tal-armi tal-allarm (Legiżlattivi)

L-evalwazzjoni saħqet fuq l-importanza li tiġi ċċarata d-definizzjoni ta’ “konvertibbiltà” u l-kriterji li jiddefinixxu l-armi tal-allarm biex jinħoloq fehim komuni ta' liema tipi ta’ armi tal-allarm jistgħu jiġu konvertiti u biex tkun limitata ċ-ċirkolazzjoni ta' dawk li wrew li jistgħu jsiru armi tan-nar operabbli. Kwistjonijiet sottostanti: Waħda mill-kwistjonijiet serji li semmew għadd ta' Stati Membri kienet il-konverżjoni ta' armi li oriġinarjament ikunu jisparaw in bjank (armi tal-allarm u armi tas-sinjal) biex jibdew jisparaw munizzjon attiv.

-Narmonizzaw l-istandards u r-regoli dwar id-diżattivazzjoni (Leġiżlattiv)

L-evalwazzjoni tirrakkomanda li jibqa' għaddej il-proċess attwali biex jissawru linji gwida komuni fuq l-istandards u t-teknika għad-diżattivazzjoni tal-armi tan-nar f’konformità wkoll mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva li jipprevedu espliċitament li l-Kummissjoni tabbozza linji gwida komuni għad-diżattivazzjoni. Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-linji gwida għandu jitwessa' biex jiġu indirizzati r-regoli marbuta mar-rekwiżiti tas-sjieda, il-bejgħ, jew it-trasferiment tal-armi tan-nar diżattivati. Kwistjonijiet sottostanti: In-nuqqas ta' linji gwida komuni fuq l-istandards u fuq it-teknika għad-diżattivazzjoni qed jikkawża ċ-ċirkolazzjoni ta' armi tan-nar diżattivati b'livelli differenti ta’ sigurtà li jaf jiġu riattivati. Minbarra l-istandards tekniċi għad-diżattivazzjoni, ta' min iqis aspett importanti ieħor li għandu x'jaqsam mar-rekwiżiti tas-sjieda, il-bejgħ jew it-trasferiment. F'ħafna mill-Istati Membri, l-armi tan-nar diżattivati m'għadhomx jitqiesu aktar bħala armi tan-nar u għalhekk jitħassru mir-reġistru uffiċjali. Dan jagħmilha impossibbi li wieħed jipprova jittraċċahom lura sas-sid oriġinali tagħhom. Dawn l-oġġetti jistgħu jitqiesu bħala tħassib għas-sigurtà u jintużaw biex jintimidaw.

-Narmonizzaw ir-regoli dwar l-immarkar (Leġiżlattiv)

-L-evalwazzjoni rrakkomandat li tiġi allinjata d-definizzjoni attwali ta’ partijiet u komponenti li hemm fid-Direttiva mad-definizzjoni li hemm fil-UNFP, li ssir proposta għall-adozzjoni ta’ standards għall-UE kollha fejn jidħol l-immarkar, u li fid-Direttiva jiżdied l-obbligu li waqt il-manifattura jew waqt l-importazzjoni kull komponent essenzjali jiġi mmarkat. Kwistjonijiet sottostanti: Billi xi Stati Membri jonqsu milli jittrattaw il-komponenti essenzjali bħala armi tan-nar u billi l-obbligu tal-immarkar hu marbut biss ma' “komponent essenzjali”, qed jinħolqu bosta differenzi li lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jagħmluhielhom diffiċli biex jittraċċaw l-armi tan-nar f'reati kriminali transfruntieri. Billi mhux kull Stat Membru jirrikonoxxi ċertu mmarkar, dan kollu jista' jxekkel il-funzjonament tas-Suq Intern. Għandha ssir analiżi profonda u preliminari tal-partijiet tal-armi tan-nar regolati u mmarkati fl-Istati Membri; u fil-livell tal-UE jridu jiġu indirizzati d-differenzi bejn id-definizzjoni ta' "komponenti essenzjali" li hemm fid-Direttiva dwar l-Armi tan-Nar u ta' "partijiet u komponenti" regolati bil-UNFP ħalli tiġi evalwata l-ħtieġa li jinbidlu d-definizzjonijiet fid-Direttiva.

-It-trasparenza u l-aċċessibbiltà tar-regoli nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva (Mhux leġiżlattiv)

L-evalwazzjoni tirrakkomanda li fil-livell tal-UE għandha titjieb l-aċċessibbiltà għall-informazzjoni miġbura fil-livell nazzjonali għal kull parti kkonċernata, l-aktar meta jitqiesu l-kostijiet tal-informazzjoni li jġarrbu l-SMEs (eżempju billi tissawwar bażi tad-dejta li tiġbor l-informazzjoni fuq il-leġiżlazzjoni u r-rekwiżiti eżistenti fit-28 Stat Membru). Kwistjonijiet sottostanti: Id-differenzi fl-implimentazzjoni: inaqqsu r-ritmu tal-iskambji intra-UE tal-armi tan-nar; joħolqu l-kostijiet tal-informazzjoni – l-aktar għall-SMEs; jikkawżaw piż minħabba d-diversità tal-proċeduri amministrattivi adottati.

-Niddefinixxu approċċ miftiehem għall-klassifikazzjoni tal-armi tan-nar tal-kaċċa u dawk sportivi u niċċaraw ir-regoli tal-EFP (Mhux leġiżlattiv)

L-evalwazzjoni tirrakkomanda li fil-livell tal-UE r-regoli marbutin mal-EFP jibqgħu jiġu definiti aktar (bħalma hu l-għadd ta’ dokumenti addizzjonali li jitolbu l-awtoritajiet nazzjonali u l-għadd ta’ armi tan-nar li jistgħu jiddaħħlu fl-EFP). Kwistjonijiet sottostanti: Il-klassifikazzjoni differenti tal-armi tan-nar li normalment jintużaw għal dawn l-attivitajiet madwar l-Istati Membri (jiġifieri xi Stati Membri jistgħu jipprojbixxu l-armi tan-nar li normalment jintużaw fl-isparar sportiv), kif ukoll għal interpretazzjonijiet restrittivi ta' xi regoli marbutin mal-EFP.

-Analiżi fil-fond tal-kwistjonijiet ewlenin (Mhux leġiżlattiv)

L-evalwazzjoni tirrakkomanda li ssir analiżi fil-fond ta' aspetti speċifiċi relatati mad-Direttiva li l-istudju jqishom problematiċi: 1) aktar armonizzazzjoni tar-rekwiżiti tas-sjieda tal-armi tan-nar; 2) l-interpretazzjoni tat-terminu "sensar"; 3) evalwazzjoni tar-regoli applikati għall-armi semi-awtomatiċi u valutazzjoni tal-livell ta' periklu tagħhom (b'rabta mal-konvertibbiltà tagħhom f'armi awtomatiċi). Kwistjonijiet sottostanti: 1) Is-sjieda tal-armi tan-nar: l-evalwaturi jinnutaw li ftit ftit l-Istati Membri qed jersqu lejn rekwiżiti komuni u dettaljati aktar minn dawk li tindika d-Direttiva; 2) It-terminu "sensar": l-inkonsistenzi fid-definizzjoni tat-terminu jaf joħolqu xi riskji; 3) l-ixkubetti semi-awtomatiċi: għadd ta' Stati Membri saħqu fuq ir-riskji assoċjati mal-konverżjoni tal-ixkubetti semi-awtomatiċi fi xkubetti awtomatiċi.

-Insaħħu l-għarfien fuq it-teknoloġiji l-ġodda (Mhux leġiżlattiv)

L-evalwazzjoni tirrakkomanda li jittieħdu aktar miżuri biex jeħfief il-qsim tal-għarfien fost l-Istati Membri fuq l-iżviluppi stabbiliti fis-suq tal-armi tan-nar u t-traffikar (bħal dawk fis-suq onlajn tal-armi tan-nar, tal-partijiet tal-armi tan-nar, u ta' armi oħra), u l-impatt tat-teknoloġiji l-ġodda (l-istampar 3D) fuq il-kontroll u t-traċċar tal-armi. Kwistjonijiet sottostanti: It-teknoloġiji l-ġodda jikkontestaw l-abbiltà tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi biex jittraċċaw u jidentifikaw l-armi tan-nar jew il-komponenti tagħhom madwar l-Istati Membri u aktarx fil-futur iwasslu biex jinħolqu diffikultajiet ta' traċċar u kontroll fit-trasferimenti tal-armi tan-nar.

-Insaħħu l-ġbir tad-dejta (Mhux leġiżlattiv)

L-evalwazzjoni tirrakkomanda li jissaħħu l-attivitajiet tal-ġbir tad-dejta ħalli tissawwar bażi tal-informazzjoni soda fuq l-armi tan-nar ċivili u reati kriminali relatati, biex din fil-futur tkun tista' tgħin fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livell tal-UE. Kwistjonijiet sottostanti: Wieħed mill-ostakli l-kbar hu n-nuqqas ta’ dejta dettaljata u komprensiva, u dan qed iżomm milli titfassal politika bbażata fuq l-evidenza.

6. Il-valutazzjoni u r-reazzjoni kritika tal-Kumitat tal-Armi tan-Nar

(35) L-istudju tal-evalwazzjoni jwieġeb il-mistoqsijiet tal-evalwazzjoni li għamlet il-Kummissjoni u l-analiżi tagħha straħet fuq analiżi bir-reqqa tad-dejta miġbura. Iżda mil-lat kwalitattiv, id-dejta disponibbli mill-istatistika uffiċjali ma kinitx biżżejjed. Fejn jidħlu l-kwistjonijiet tas-sigurtà hemm nuqqas ċar ta' dejta disponibbli (bħal pereżempju meta d-dejta fuq atti kriminali ma tkunx diżaggregata skont il-kategorija tal-arma tan-nar, id-distinzjoni limitata bejn armi tan-nar legali u illegali li jintużaw f’reati kriminali, id-dejta limitata fuq il-produzzjoni tal-armi tan-nar ċivili għal kull Stat Membru, eċċ.) u l-kwalità tad-dejta disponibbli fuq l-istruttura tas-suq tal-armi tan-nar ċivili (jiġifieri fuq il-produzzjoni, l-importazzjoni u l-esportazzjoni tal-armi tan-nar ċivili, l-impjegati u l-fatturat tal-kumpaniji li joperaw fis-settur) hija fqira. Hemm nuqqas ta' dejta fuq il-kwantifikazzjoni tal-kostijiet u tal-piż amministrattiv marbuta mal-implimentazzjoni ta' dispożizzjonijiet speċifiċi.

(36) Biex itaffu n-nuqqas ta' dejta u statistika aggregata fuq l-armi tan-nar ċivili fil-livell tal-UE, l-evalwaturi kkuntattjaw lill-organizzazzjonijiet settorjali nazzjonali u għamlu intervisti magħhom biex jiġbru informazzjoni utli nieqsa. B'informazzjoni mingħand sorsi differenti setgħu jagħmlu kontroverifika tal-kwalità u tal-affidabbiltà tal-informazzjoni.

(37) Sabiex tifforma aħjar l-opinjoni tagħha dwar il-validità tas-sejbiet tal-istudju u tar-rakkomandazzjonijiet, il-Kummissjoni stiednet lir-rappreżentanti tal-Kumitat tal-Armi tan-Nar (magħmul minn rappreżentanti tat-28 Stat Membru u tal-erba' (4) pajjiżi taż-ŻEE u tal-EFTA) biex jikkummentaw fuqhom. Meta tlaqqa' l-Kumitat fit-18 ta’ Diċembru 2014, il-membri tal-Kumitat saru jafu bis-sejbiet tal-istudju. Dakinhar ir-rappreżentanti tal-Istati Membri kkonkludew li b'mod ġenerali r-rakkomandazzjonijiet kienu validi. Wara l-inċidenti drammatiċi ta' Jannar 2015, l-Istati Membri taw opinjoni aktar informattiva fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-evalwazzjoni waqt il-laqgħa tal-kumitat tal-25 ta' Marzu 2015. L-Istati Membri stqarrew il-valutazzjoni tagħhom fuq l-urġenza u l-validità ta' kull rakkomandazzjoni. Minbarra r-reazzjoni bil-fomm, xi Stati Membri (Franza, ir-Renju Unit, l-Iżvezja u l-Belġju) taw il-kummenti tagħhom bil-miktub ukoll.

(38) Mill-informazzjoni li ġabru l-Istati Membri wieħed jista' jikkonkludi li:

-Għadd kbir ta' Stati Membri jaqblu li r-rakkomandazzjonijiet bl-akbar prijorità huma: i) il-kriterji komuni dwar il-konvertibbiltà tal-armi tal-allarm, ii) li jiġu armonizzati l-istandards u r-regoli dwar id-diżattivazzjoni, iii) li jiġu armonizzati r-regoli dwar l-immarkar. Skont il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, dawn il-kwistjonijiet jixhdu li d-Direttiva hemm bżonn tiġi riveduta. Uħud mill-Istati Membri saħqu fuq il-ħtieġa li titħaffef il-ħidma li qed issir fuq il-linji gwida għad-diżattivazzjoni previsti bid-Direttiva.

-Ħafna mill-Istati Membri jridu li jitqiesu wkoll dawn ir-rakkomandazzjonijiet, iżda mhux bl-istess prijorità: i) It-trasparenza u l-aċċessibbiltà tar-regoli nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva; ii) Li jissaħħaħ l-għarfien fuq it-teknoloġiji l-ġodda; iii) Li jissaħħaħ il-ġbir tad-dejta.

-Fejn tidħol ir-rakkomandazzjoni fuq l-interoperabbiltà bejn is-sistemi tal-informazzjoni stabbiliti fil-livell nazzjonali, il-fehmiet tal-Istati Membri mhumiex omoġenji. Xi Stati Membri jidhrilhom li waħda mill-aktar kwistjonijiet urġenti hija t-traċċabbiltà tal-armi tan-nar. Għaldaqstant, jekk is-sistemi nazzjonali tar-reġistrazzjoni tad-dejta jintrabtu flimkien, il-korpi tal-pulizija u l-awtoritajiet nazzjonali ikunu jistgħu jaqsmu l-informazzjoni bejniethom b'mod aktar faċli. Min-naħa l-oħra, xi Stati Membri jidhrilhom li jekk is-sistemi jintrabtu flimkien, il-proċess se jittawwal u mhux neċessarjament se jagħti riżultati tajbin minħabba diffikultajiet tekniċi ta' kompatibbiltà u, aqwa minn hekk, minħabba l-kwistjonijiet tal-privatezza u l-iskambju tad-dejta personali. L-Istati Membri jissuġġerixxu li jinstab bilanċ għaqli bejn il-kostijiet u l-piżjiet amministrattivi fuq naħa u l-benefiċċji tal-interoperabbiltà fuq in-naħa l-oħra. L-ewwel pass għandu jkun analiżi ta' liema tip ta' informazzjoni jeħtieġ tinqasam u mbagħad analiżi ta' kif jista' jsir dan.

-L-Istati Membri ma kellhomx l-istess fehma fuq ir-rakkomandazzjoni li jiġi definit approċċ għall-klassifikazzjoni tal-armi tan-nar tal-kaċċa u dawk sportivi u li jiġu ċċarati r-regoli dwar il-Pass Ewropew tal-Armi tan-Nar (l-EFP). Uħud mill-Istati Membri qalu li m'għandhiex tkun problema li jiġi awmentat l-għadd ta' armi rreġistrati fil-Pass Ewropew tal-Armi tan-Nar, iżda l-għażla libera li jintalbu aktar dokumenti għandha tibqa' hemm. Stati Membri oħrajn qalu li kwistjoni oħra hija n-nuqqas ta' informazzjoni disponibbli fil-Pass Ewropew tal-Armi tan-Nar. B'mod partikolari, Stat Membru minnhom enfasizza l-ħtieġa li l-kaċċaturi li jżuru Stati Membri oħrajn ikunu infurmati aħjar fuq l-użu tal-Pass Ewropew tal-Armi tan-Nar. Ftit kienu l-Istati Membri li ssuġġerew li ssir reviżjoni tad-Direttiva biex jiġu armonizzati l-kategoriji tal-armi tan-nar.

-Mill-ġdid, fejn jidħlu r-rakkomandazzjonijiet li jiġu investigati kwistjonijiet bħar-rekwiżiti tas-sjieda, id-definizzjonijiet ta' "sensara", u l-konvertibbiltà, l-Istati Membri kellhom fehmiet diverġenti. Ħafna minnhom dehru li qed jaqblu fuq il-ħtieġa li jiġu definiti aħjar it-termini "sensara", "komponenti" u "partijiet" (u jekk ikun hemm bżonn, tiġi riveduta d-Direttiva skont dan), u li tiġi mistħarrġa l-kwistjoni tal-konvertibbiltà tal-armi semi-awtomatiċi f’armi awtomatiċi (u viċiversa). Iżda ftit Stati Membri saħqu fuq il-bżonn li ssir reviżjoni tar-rekwiżiti attwali tas-sjieda.

-Għadd ġmielu ta' Stati Membri jidhrilhom ukoll li ċertu definizzjonijiet (bħal dik ta' "sensar", ta' "komponenti essenzjali tal-armi tan-nar", u ta' "repliki") iridu jiġu ċċarati.

(39) Abbażi ta' ħidmet l-evalwatur u r-reazzjonijiet tal-Istati Membri, il-Kummissjoni taqbel mas-sejbiet ta’ din l-evalwazzjoni. Jidhrilha li r-rakkomandazzjonijiet huma ġustifikati u siewja, iżda xi wħud minnhom jeħtieġu aktar azzjonijiet urġenti mill-bqija. Barra minn hekk, xi rakkomandazzjonijiet (bħall-immarkar tal-partijiet kollha tal-armi tan-nar u r-reġistri interrelatati tal-informazzjoni) jaf iħallu impatt sinifikanti mil-lat tal-kostijiet għall-manifatturi u għan-negozjanti (l-aktar għall-SMEs) u għalhekk dan jista' jibqa' jiġi mistħarreġ u possibbilment isiru studji dwar il-fattibbiltà (li pereżempju jintrabtu r-reġistri tal-informazzjoni).

7. It-triq 'il quddiem

(40) L-istudju tal-evalwazzjoni ħareġ fid-dieher li d-Direttiva dwar l-Armi tan-Nar kellha sehem pożittiv biex is-suq intern jiffunzjona tajjeb billi għenet fil-moviment transfruntier tal-armi tan-nar u żammet il-livelli tas-sigurtà għoljin; id-Direttiva għandha l-valur miżjud tal-UE u hija rilevanti.

(41) Madankollu għad baqa' xi ostakli bir-riskju li jdgħajfu l-funzjonament tagħha. L-evalwaturi u d-diskussjoni mal-Istati Membri enfasizzaw dawn il-kwistjonijiet kritiċi li jeħtieġu aktar azzjoni: a) il-kwistjoni tal-konvertibbiltà ta' armi tal-isparar in bjank (armi tal-allarm) f'armi tan-nar reali, b) il-ħtieġa li jiġu ċċarati r-rekwiżiti tal-immarkar tal-armi tan-nar (sabiex ikunu jistgħu jiġu traċċati), c) il-ħtieġa ta' linji gwida komuni u stretti għad-diattivazzjoni tal-armi tan-nar, d) il-ħtieġa li jiġu ċċarati d-definizzjonijiet, e) il-ħtieġa li jitqiesu l-arranġamenti tal-bejgħ bl-internet, f) il-ħtieġa li jiġu ssimplifikati u mtejba s-sistemi nazzjonali tal-iskambju tad-dejta u li jiġu mistħarrġa l-possibbiltajiet għall-interoperabbiltà, g) il-ħtieġa li jissaħħu l-attivitajiet tal-ġbir tad-dejta fuq l-armi tan-nar ċivili u r-reati kriminali relatati ħalli jkunu ta' għajnuna xierqa għall-proċessi futuri tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livell tal-UE.

(42) Fejn tidħol il-ħidma fuq il-linji gwida u l-istandards komuni għad-diżattivazzjoni li diġà bdiet, il-Kummissjoni ddeċidiet li tmexxi bir-reviżjoni tad-Direttiva filwaqt li tqis l-impatt tal-attakki terroristiċi tal-15 ta' Novembru 2015 f'Pariġi u l-attakki preċedenti f’Pariġi u f’Kopenħagen u l-inċident f’Thalys. Għaldaqstant il-Kummissjoni ddeċidiet li takkumpanja dan ir-rapport b'reviżjoni tad-Direttiva skont l-evidenza miġbura s'issa, filwaqt li tqis l-aspetti ta' Regolamentazzjoni Aħjar.

(43) F’konformità mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “L-Aġenda Ewropea għas-Sigurtà” 25 , b’risposta għad-Dikjarazzjoni Konġunta ta’ Riga tal-Ministri tal-UE 26 u għad-Dikjarazzjoni tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tad-29 ta’ Awwissu 2015, il-proposta li takkumpanja dan ir-rapport għandha l-għan li ssaħħaħ il-qafas leġiżlattiv eżistenti dwar l-armi tan-nar, ittejjeb l-iskambju tal-informazzjoni, tindirizza t-traffikar u r-riattivazzjoni tal-armi, ittejjeb l-istandards għall-immarkar bil-ħsieb li titjieb it-traċċabbiltà, u fl-aħħar nett se tikkunsidra kif se tindirizza l-kwistjonijiet relatati mal-konvertibbiltà tal-armi jew tal-armi tal-isparar in bjank (jiġifieri l-armi tal-allarm).

(1)

ĠU L 256, 13.9.1991, p. 51.

(2)

ĠU L 179, 8.7.2008, p. 5.

(3)

  http://bookshop.europa.eu/en/evaluation-of-the-firearms-directive-pbNB0514159/
http://bookshop.europa.eu/en/evaluation-of-the-firearms-directive-pbNB0114006/

(4)

COM(2013)685 final

(5)

Iż-Żona Ekonomika Ewropea

(6)

L-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles

(7)

L-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera.

(8)

Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar “L-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE tat-18 ta’ Ġunju 1991 dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta’ armi”, COM(2000) 837 finali. Brussell, 15.12.2000.

(9)

Il-Protokoll tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Iffabbrikar Illeċitu u t-Traffikar tal-Armi tan-Nar, il-Partijiet u l-Komponenti u l-Munizzjon tagħhom, li jissupplimenta l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali.

(10)

Fl-2014 il-Kummissjoni rratifikat il-UNFP. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-11 ta' Frar 2014 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll kontra l-Iffabbrikar Illeċitu u t-Traffikar tal-Armi tan-Nar, il-Partijiet u l-Komponenti u l-Munizzjon tagħhom, li jissupplimenta l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali (2014/164/EU). ĠU 89, 23.3.2014, p. 7.

(11)

Ir-Regolament (UE) Nru 258/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2012 li jimplimenta l-Artikolu 10 tal-Protokoll tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-iffabrikar illeċitu u t-traffikar tal-armi tan-nar, il-partijiet, komponenti u ammunizzjoni tagħhom, li jissupplimenta l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-kriminalità organizzata transnazzjonali (il-Protokoll tan-NU dwar l-Armi tan-Nar) u li jistabbilixxi awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni, u miżuri rigward l-importazzjoni u t-transitu għall-armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti tagħhom u l-ammunizzjoni.

(12)

Prinċipalment, ir-Regolament jistabbilixxi l-prinċipju li t-trasferiment tal-armi tan-nar ċivili bejn l-Istati Membri irid ikun bil-patt u l-kundizzjoni li l-pajjiżi kollha involuti jkunu għarfuh u awtorizzawh, u li l-oriġini tagħhom ikun magħruf.

(13)

COM(2013) 716 final, Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew, L-armi tan-nar u s-sigurtà interna tal-UE: il-ħarsien taċ-ċittadini u t-tfixkil tat-traffikar illegali.

(14)

COM(2015) 185 final, Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, L-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà.

(15)

Skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar l-Armi tan-Nar: "Fil-liġi tagħhom l-Istati Membri jistgħu jadottaw dispożizzjonijiet li huma aktar strinġenti minn dawk ipprovduti f’din id-Direttiva."

(16)

Inklużi: COM(2012) 415 – Vantaġġi u żvantaġġi possibbli ta' tnaqqis għal żewġ kategoriji ta' armi tan-nar (ipprojbiti jew awtorizzati) bil-għan li jkun hemm funzjonament aħjar tas-suq intern għall-prodotti inkwistjoni, permezz ta' simplifikazzjoni; COM(2010) 4040 – It-tqegħid fis-suq ta' repliki ta' armi tan-nar.

(17)

 Studju li jappoġġa Valutazzjoni tal-Impatt dwar l-inizjattiva possibbli marbuta ma' regoli aħjar dwar il-proċeduri tad-diżattivazzjoni, tal-qerda u tal-immarkar tal-armi tan-nar fl-UE kif ukoll l-armi (ta' allarm) u r-repliki ( http://www.sipri.org/research/security/europe/publications/study-on-firearms )

(18)

Studju li jappoġġa Valutazzjoni tal-Impatt fuq l-alternattivi kontra t-traffikar illeċitu tal-armi fl-UE

(19)

Għall-istudju tal-każijiet, il-kriterji li għażlu l-Istati Membri kienu: i) id-daqs tas-suq tal-armi tan-nar; ii) kwistjonijiet ta' sigurtà li għaddew minnhom l-Istati Membri; iii) l-armi tan-nar bħala proporzjon tal-popolazzjoni; iv) l-għadd ta' armi tan-nar misruqa jew mitlufa li ġew irreġistrati.

(20)

Bħala referenza qed tintuża l-medda taż-żmien mill-2005 sal-2013 għax l-UE kien diġà kellha 25 Stat Membru.

(21)

It-twaqqif tal-grupp ta' kuntatt jipprevedih l-Artikolu 13(3) tad-Direttiva dwar l-Armi tan-Nar.

(22)

 Il-kostijiet diretti tal-konformità huma l-miżuri kollha meħtieġa biex id-Direttiva tiġi adottata fil-livell nazzjonali. Il-piżijiet amministrattivi huma l-kostijiet li jġarrbu n-negozji u l-utenti meta jikkonformaw mal-obbligi tal-informazzjoni li ġġib magħha r-regolamentazzjoni governattiva u l-kostijiet tal-awtoritajiet tal-Istati Membri biex jimplimentaw proċeduri addizzjonali. Il-kostijiet tal-informazzjoni jiġġarrbu minħabba d-differenzi fl-implimentazzjoni tad-Direttiva li jaf ikunu jobbligaw lill-Istati Membri, lill-produtturi u lill-utenti biex ikunu infurmati fuq ir-rekwiżiti fis-seħħ 'il barra minn pajjiżhom.

(23)

L-Artikolu 19 tal-UNFP

(24)

Fejn jidħlu l-bejgħ fuq l-internet u t-teknoloġiji l-ġodda, għalkemm lill-qafas attwali l-istudju jqisu xieraq biex jegħleb dawn l-isfidi, l-istudju jixħet dawl fuq l-użu dejjem aktar tal-internet bħala mezz għall-bejgħ tal-armi tan-nar u d-diffikultajiet għall-kontrolli fil-ġejjieni.

(25)

COM(2015) 185 final.

(26)

Id-Dikjarazzjoni Konġunta ta’ Riga wara l-laqgħa informali tal-Ministri tal-Ġustizzja u tal-Affarijiet Interni f’Riga fid-29 u fit-30 ta’ Jannar.

Top