This document is an excerpt from the EUR-Lex website
JOINT COMMUNICATION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT AND THE COUNCIL Responsible sourcing of minerals originating in conflict-affected and high-risk areas Towards an integrated EU approach
KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Il-Provenjenza Responsabbli ta' minerali li joriġinaw f'żoni affettwati minn kunflitti u f'żoni ta' riskju għoli Lejn Approcc integrat tal-UE
KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Il-Provenjenza Responsabbli ta' minerali li joriġinaw f'żoni affettwati minn kunflitti u f'żoni ta' riskju għoli Lejn Approcc integrat tal-UE
/* JOIN/2014/08 final */
KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Il-Provenjenza Responsabbli ta' minerali li joriġinaw f'żoni affettwati minn kunflitti u f'żoni ta' riskju għoli Lejn Approcc integrat tal-UE /* JOIN/2014/08 final */
Introduzzjoni
Il-kummerċ
internazzjonali f’minerali li ġejjin minn reġjuni instabbli fid-dinja
jista' jkollu rwol biex jintensifika u jkompli l-kunflitti vjolenti. Minkejja
li dan rari jkun il-kawża prinċipali, dan il-kummerċ jipprovdi
mezzi finanzjarji sinifikanti lill-movimenti armati biex isostnu
l-kapaċità ta' ġlied tagħhom, b’konsegwenzi serji għal
miljuni ta’ nies maqbuda fil-vjolenza. Din
il-problema tinħass l-aktar fl-Afrika, b’mod partikolari fir-Reġjun
tal-Lagi l-Kbar (GLR). Il-Heidelberg Institute[1]
jirrapporta li l-kombinament tar-riżorsi naturali u l-kunflitti hija
preżenti f'madwar 20 % ta' kważi 400 kunflitt li huwa
irreġistra: il-kunflitti relatati mar-riżorsi bħalissa huma
prevalenti fl-Afrika (27 każ) u l-Ameriki (21 każ), iżda huma
anqas prevalenti fl-Asja u l-Oċeanja (11-il każ), il-Lvant Nofsani u
l-Magreb (7 każi) u l-Ewropa (4 każi). Is-sitwazzjoni globali mhijiex
statika u jibqa' r-riskju ta’ kunflitti aktar fil-fond jew kunflitti
ġodda, li fihom għandhom rwol ir-riżorsi naturali. Il-ksir tar-rabta
bejn l-estrazzjoni tal-minerali u l-kunflitt huwa sfida kumplessa. L-ewwel
iridu jiġu identifikati l-għeruq u l-kawżi immedjati
tal-problemi bħal ma għandhom jiġu identifikati l-iskattaturi
ta’ kunflitti u l-fraġilità strutturali, id-dinamiċi tagħhom, u
r-rwoli tal-atturi differenti involuti. Is-soluzzjonijiet iridu jieħdu
kont tal-muturi ta' instabilità bħal governanza dgħajfa, in-nuqqas
ta’ sigurtà, l-inabbiltà biex jiġi żgurat l-istat tad-dritt, il-faqar,
in-nuqqas ta’ servizzi u infrastruttura, il-korruzzjoni endemika, t-tilwim
politiku u territorjali kontinwi, u jinvolvu firxa wiesgħa ta’ azzjonijiet
– domestiċi, internazzjonali, politiċi, kummerċjali u
edukattivi, li numru kbir minnhom diġà qed iseħħu. Kwalunkwe
azzjoni ġdida tal-UE relatata mal-kummerċ f’dan il-qasam
jeħtieġ li titqiegħed f’dan il-kuntest usa’ u tikkumplimenta
l-politika barranija tal-UE u l-inizjattivi ta’ kooperazzjoni fl-iżvilupp.
Trid ukoll tqis is-sitwazzjoni tal-kumpaniji tal-UE u l-politiki tal-UE
fir-rigward tagħhom. Din
il-Komunikazzjoni konġunta mill-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant
Għoli tippreżenta serje ta’ inizjattivi li jirriflettu dawn
il-kunsiderazzjonijiet. Hija bbażata fuq il-fehma li l-imġiba
responsabbli ta' kumpaniji li joperaw f’żoni milquta minn kunflitti jew
ta’ riskju kbir jista’ jkollha rwol soċjoekonomiku qawwi u pożittiv
f’żoni milquta. Hija tibni fuq il-Komunikazzjonijiet tal-2011 u tal-2012[2] li fihom il-Kummissjoni
indikat l-intenzjoni tagħha li tesplora modi kif tista’ tittejjeb it-trasparenza,
inkluż id-diliġenza dovuta, tul il-ktajjen tal-provvista, għal
sitwazzjonijiet fejn id-dħul mill-industrija tal-estrazzjoni jintuża
biex jiġu ffinanzjati gwerer u kunflitti interni f’pajjiżi
għonja fir-riżorsi u li qegħdin jiżviluppaw. Din il-Komunikazzjoni
takkumpanja l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament
Ewropew u tal-Kunsill dwar it-twaqqif ta’ sistema ta' awtoċertifikazzjoni
tad-diliġenza dovuta għall-katina ta' forniment ta' importaturi
responsabbli ta’ landa, tantalu u tungstenu, il-minerali tagħhom, u deheb[3] li joriġinaw
f'żoni affettwati minn kunflitti u f’żoni ta’ riskju kbir[4]. Hija tiddeskrivi
l-miżuri ta’ akkumpanjament li se jtejbu l-impatt tar-Regolament u ta'
approċċ integrat tal-UE, fuq il-bażi ta’ konsultazzjoni
pubblika, laqgħat tal-partijiet interessati u valutazzjoni tal-impatt li
saret fl-2013[5].
L-approċċ integrat
stabbilit f'din il-Komunikazzjoni jindirizza tliet kwistjonijiet
prinċipali: it-tnaqqis tal-opportunitajiet għal gruppi armati biex
jagħmlu kummerċ fil-landa, t-tantalu, t-tungstenu u d-deheb
f'żoni affettwati minn kunflitt; it-titjib tal-kapaċità ta’ operaturi
tal-UE − speċjalment fit-taqsima downstream tal-katina tal-provvista
− biex jikkonformaw ma’ oqfsa ta’ diliġenza dovuta eżistenti; u
t-tnaqqis tad-distorsjoni fis-swieq globali għall-minerali msemmijin qabel
li ġejjin minn żoni milquta minn kunflitti u żoni ta’ riskju
kbir kif inhu l-każ bħalissa fir-Reġjun tal-Lagi l-Kbar.
1. Kuntest
1.1 Ir-riżorsi
naturali bħala mutur għall-iżvilupp L-industriji
tal-estrazzjoni minerali għandhom il-potenzjal li jikkontribwixxu b’mod
sinifikanti għall-iżvilupp ekonomiku madwar id-dinja.
L-Organizzazzjoni tan-NU għall-Iżvilupp Industrijali[6] tirrapporta li
l-produzzjoni mill-estrazzjoni tammonta għal 24 % tal-PDG tal-Afrika
u għal 9.9 % u 20.4 % fl-Amerika Latina u l-Asja rispettivament.
L-Afrika[7]
waħedha għandha 30 % tar-riżervi minerali tad-dinja u
proporzjon saħansitra ogħla ta’ depożiti ta’ deheb, platinu,
djamanti u manganiż. Il-pajjiżi tal-Asja u tal-Paċifiku huma
fost il-produtturi prinċipali ta-tungstenu, nikil, ram, landa u minerali
tal-ħadid, u għandhom sehem imdaqqas mill-funderiji tal-metall
tad-dinja. L-esportazzjonijiet tal-minerali jammontaw ukoll għal benefiċċji
ekonomiċi kbar fl-Amerika Latina[8],
partikolarment fil-Bolivja, il-Kolombja u l-Perù u, aktar reċentement,
il-Gwatemala. Madankollu,
ħafna mill-pajjiżi li għandhom ħafna riżorsi naturali
għadhom lura fuq l-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem tan-NU.
Spjegazzjoni waħda hija li l-estrazzjoni tar-riżorsi tippreżenta
firxa ta’ riskji u sfidi għall-iżvilupp anke permezz ta’ iktar
esponiment għall-korruzzjoni, it-tendenza li l-esportazzjonijiet
tar-riżorsi joħonqu attività ekonomika ta’ valur miżjud ogħla,
u ż-żieda fil-ħsara ambjentali. L-estrazzjoni tar-riżorsi
hija spiss marbuta mal-kunflitt u mal-instabbiltà, is-suġġett ta’ din
il-Komunikazzjoni. Il-ħtieġa li jitnaqqsu xi wħud minn dawn
ir-riskji billi titjieb il-governanza tar-riżorsi naturali, issa kisbet
profil globali. Tliet eżempji notevoli, li l-UE tappoġġa,
jirrigwardaw id-djamanti, it-trasparenza finanzjarja fis-settur tal-estrazzjoni
u l-ispeċi ta’ annimali u ta’ pjanti li huma fil-periklu, inkluż
l-injam:
Fl-2000, l-Assemblea Ġenerali tan-NU
unanimament adottat riżoluzzjoni li tikkundanna r-rwol tad-djamanti
fil-finanzjament tal-kunflitti u li tappoġġa l-istabbiliment ta’
reġim ta’ ċertifikazzjoni globali li jwassal għall-Iskema
ta' Ċertifikazzjoni tal-Proċess ta’ Kimberley (KPCS). L-UE
timplimenta l-iskema permezz tar-Regolament (KE) Nru 2368/2002.
Fis-Samit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli
fl-2002, l-Inizjattiva ta’ Trasparenza tal-Industriji Estrattivi (EITI)
tnediet biex titnaqqas il-korruzzjoni billi tinkoraġġixxi
r-rappurtar pubbliku tal-pagamenti tal-kumpaniji lill-gvernijiet fuq
l-isfruttament tar-riżorsi naturali. Id-Direttiva tal-UE 2013/34/UE
fiha dispożizzjonijiet li jippromwovu t-trasparenza finanzjarja
fis-setturi tal-estrazzjoni u tal-qtugħ tas-siġar.
Skont il-Konvenzjoni tan-NU tal-1973 dwar
il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta' Fawna u Flora
Selvaġġi fil-Periklu (CITES), l-UE adottat ir-Regolament (UE)
Nru 995/2010 li jeħtieġ li l-operaturi kollha li
jqiegħdu prodotti tal-injam fis-suq tal-UE jeżerċitaw
id-diliġenza dovuta biex iwaqqfu l-provvista illegali tal-injam.
L-esperjenza f’dawn
l-oqsma tista' tintuża għall-iżvilupp ta’ approċċ
integrat tal-UE biex tippromwovi l-provenjenza responsabbli ta’ minerali minn
żoni ta’ kunflitt. Permezz ta’ diliġenza dovuta, il-kumpaniji jistgħu
jiżguraw li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u ma jkollhomx sehem
fil-kunflitt[9]
u jkollhom sehem fil-governanza aħjar fis-settur tal-estrazzjoni.
Madankollu, għandha tiġi mħeġġa d-diliġenza
dovuta, b’mod li ma sservix ta’ deterrent għall-attività leġittima
ta' estrazzjoni u l-kummerċ marbut magħha f’żoni milquta minn
kunflitti u f’żoni ta’ riskju kbir. 1.2 Inizjattivi ta'
provenjenza responsabbli internazzjonali eżistenti Il-kunċett ta’
provenjenza responsabbli huwa
msemmi fil-Linji gwida aġġornati tal-OECD għall-Intrapriżi
Multinazzjonali[10]
u huwa f’konformità mal-għanijiet u l-prinċipji tal-Prinċipji
ta' Gwida fir-rigward tal-Impriżi u d-Drittijiet tal-Bniedem
tan-Nazzjonijiet Uniti.
[11] It-tnejn li huma
għandhom l-għan li jinkoraġġixxu n-negozji biex b’mod
proattiv u reattiv jivverifikaw, permezz ta’ proċess kontinwu magħruf
bħala diliġenza dovuta, li l-attivitajiet kummerċjali
tagħhom ma jikkontribwixxux għal kunflitt u għall-impatti
negattivi. Fl-ogħla
livell internazzjonali, ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU
1952 (2010) - mmirata speċifikament lejn ir-Repubblika Demokratika
tal-Kongo (RDK) u l-ġirien tagħha tar-Reġjun tal-Lagi l-Kbar—
sejjħet għal diliġenza dovuta fil-ġestjoni tal-katina
tal-provvista. F'Ġunju tal-2013, il-mexxejja tal-G8 esprimew l-impenn tagħhom[12] biex iżidu
t-trasparenza fl-industriji ta' estrazzjoni u biex jappoġġjaw
il-provenjenza responsabbli ta' minerali mingħajr kunflitt minn
reġjuni affettwati minn kunflitt. Il-G8 ħabbar ukoll sħubijiet
ma’ Burkina Faso, il-Kolombja, il-Gana, il-Ginea, il-Mongolja,
il-Mjanmar/Burma, il-Perù u t-Tanzanija, li għandhom iwasslu għal
iktar kollaborazzjoni fil-ġestjoni tar-riżorsi naturali
b’appoġġ għal riformi politiċi f’dawn il-pajjiżi. L-UE hija impenjata
b'mod attiv f'inizjattiva tal-OECD dwar il-minerali ta' kunflitt – il-Gwida
dwar Diliġenza Dovuta[13] - u impenjat ruħha li tippromwovi
l-osservanza tagħha fil-Kunsill Ministerjali tal-OECD, f'Mejju tal-2011.
Il-Gwida tfittex li tgħin il-kumpaniji biex jirrispettaw id-drittijiet
tal-bniedem u jevitaw li jikkontribwixxu għall-kunflitt permezz
tal-prattiki ta' provenjenza tagħhom għall-landa, t-tantalu,
it-tungstenu, u d-deheb. Hija globali fl-ambitu tagħha u tipprovdi
proċess li fih il-kumpaniji jistgħu, b'mod volontarju, jimplimentaw
sistema ta' kontrolli u trasparenza fuq il-katina tal-provvista ta' minerali
tagħhom: jiġbru u jiddivulgaww informazzjoni lix-xerrejja immedjati
dwar inter alia il-minjiera li joriġinaw minnha, ir-rotot u
l-kundizzjonijiet tal-kummerċ sabiex jidentifikaw, jivvalutaw u
jaġixxu fuq ir-riskji tal-katina tal-provvista. Awditu ta’ parti terza
indipendenti huwa meħtieġ f’punti speċifiċi fil-katina
tal-provvista. Il-kumpaniji għandhom jippubblikaw rapport annwali dwar
il-politiki u l-prattiki tagħhom biex jiġġeneraw il-fiduċja
tal-pubbliku fil-miżuri li qegħdin jieħdu. Fl-2010, l-Istati Uniti
adottaw id-Dodd-Frank Wall Street Reform and Consumer Protection Act —
id-Dodd-Frank. It-taqsima 1502 tiegħu tintroduċi t-trasparenza
tal-katina tal-provvista billi titlob lill-kumpaniji kkwotati fil-boroż
tal-Istati Uniti li jużaw “minerali ta' kunflitt”[14] fil-proċessi ta’
produzzjoni tagħhom biex jiddikjaraw l-oriġini ta’ dawn il-minerali u
jwettqu diliġenza dovuta kif xieraq. Id-dispożizzjonijiet
tat-taqsima 1502, huma infurzabbli mill-31 ta’ Mejju 2014 sa
liema żmien il-kumpaniji milquta jridu jissottomettu l-ewwel rapporti
annwali tagħhom dwar il-minerali ta' kunflitt mal-Kummissjoni tat-Titoli u
tal-Iskambji tal-Istati Uniti. Għalkemm l-ambitu
tal-leġiżlazzjoni huwa formalment ristrett għal kumpaniji
elenkati fl-Istati Uniti, qed ikollu effetti konsiderevoli barra l-pajjiż,
inkluża l-UE, l-aktar permezz tal-katina ta’ forniment globali,
minħabba li l-fornituri tal-kumpaniji elenkati fl-Istati Uniti qed
jiġu mitluba jikkontribwixxu informazzjoni ta' diliġenza dovuta. Fl-2010,
Il-Kapijiet ta' Stat u Gvern tar-Reġjun tal-Lagi l-Kbar - fil-kuntest
tal-Konferenza Internazzjonali dwar ir-Reġjun tal-Lagi l-Kbar (ICGLR) –
wegħdu li jiġġieldu l-isfruttament illegali tar-riżorsi
naturali u approvaw Inizjattiva Reġjonali dwar ir-Riżorsi Naturali u
s-sitt għodod dedikati tagħha, li huma: l-adozzjoni ta'
mekkaniżmu ta' ċertifikazzjoni reġjonali; l-armonizzazzjoni
tal-leġislazzjonijiet nazzjonali; bażi ta' dejta reġjonali dwar
il-flussi tal-minerali; il-formalizzazzjoni tas-settur tal-estrazzjoni
artiġjanali, il-promozzjoni ta’ EITI u l-użu ta’ mekkaniżmu ta’
rrappurtar. Din l-inizjattiva reġjonali wasslet għall-approvazzjoni
mir-RDK u r-Rwanda fl-2012 ta’ leġiżlazzjoni li tistabbilixxi
rekwiżiti ta’ diliġenza dovuta għall-operaturi tagħhom
ibbażati fuq il-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta. Pajjiżi
oħra tal-oħra tar-Reġjun tal-Lagi l-Kbar bdew ukoll jimplimentaw
il-qafas tal-ICGLR. Dawn
it-tliet inizjattivi ħolqu jew stimulaw aktar żvilupp ta’ inizjattivi
pubbliċi u privati aktar speċifiċi. Lista mhux eżawrjenti
tinkludi l-Istitut ta’ Riċerka Internazzjonali tal-landa, l-Inizjattiva
tal-Katina tal-Provvista tal-Landa, il-Programm tal-Funderiji Ħielsa
mill-Kunflitt, Marka tas-Swaba' Analitika, Soluzzjonijiet għat-Tama,
l-Inizjattiva tal-Landa Ħielsa mill-Kunflitt, Alleanza Pubblika-Privata
għal Kummerċ Responsabbli ta' Minerali, PROMINES, l-Inizjattiva ta'
Ċentri tal-Kummerċ, Standard tad-Deheb Ħieles mill-Kunflitt
tal-Kunsill Dinji tad-Deheb, il-Lista tal-Konsenja tal-Prodotti tal-London
Bullion Market Association u l-Prattiki u l-Istandards tal-Kunsill
tal-Ġojjelli Responsabbli.[15] 1.3 L-ambjent
operattiv għall-kumpaniji tal-UE. Figura 1 turi rappreżentazzjoni simplifikata ta'
katina tal-provvista tal-minerali u tal-metalli. Attivitajiet upstream jinvolvu
l-estrazzjoni, il-kummerċ u t-tidwib u jitwettqu fil-pajjiż ta’
produzzjoni. F’ħafna pajjiżi milquta minn kunflitti, it-tidwib
iseħħ f’pajjiż terz. Attivitajiet downstream jinvolvu
l-kummerċ, it-trasformazzjoni u l-assemblaġġ ulterjuri fi
prodott finali mibjugħ lill-konsumaturi. Firxa wiesgħa ta’ setturi
industrijali jikkummerċjalizzaw jew jipproċessaw landa, tantalu ,
tungstenu, u deheb inkluż dak awtomobilistiku, tal-elettronika,
tal-ajruspazju, l-imballaġġ, il-kostruzzjoni, id-dawl, il-makkinarju
industrijali u l-għodda kif ukoll il-ġojjellerija. Potenzjalment, dan
jinkludi madwar 880 000 kumpanija tal-UE, il-maġġoranza
tagħhom żgħar jew medji. Il-valutazzjoni tal-impatt li saret fuq
ir-Regolament tikkalkula li hemm madwar 300 negozjant tal-UE u madwar 20
funditur/raffinatur li jimpurtaw minerali u metalli li ġejjin mill-erba’
minerali u aktar minn 100 produttur tal-UE tal-komponenti li jimportaw metalli
derivati. Globalment, hemm madwar 140 raffinatur tad-deheb u 280 funditur
għat-tliet minerali l-oħra. Figura 1 Minerali minn reġjuni
ta’ kunflitt jkomplu jkunu soġġetti għad-domanda minn
fundituri/raffinaturi. Dawn l-operaturi jinsabu f’pożizzjoni tajba biex
jidentifikaw l-oriġini tal-mineral mixtri. Huma l-aħħar stadju
tal-katina tal-provvista fejn ikun għadu teknikament fattibbli li
tiġi rintraċċata l-oriġini ta’ minerali u tista’ tuża
l-imġiba responsabbli tal-provvista f’pajjiżi produtturi. Inizjattivi
ta’ diliġenza dovuta eżistenti jirrikonoxxu l-valur ta’ ħidma
ma’ funderiji responsabbli. Skont ir-riċerka tal-Kummissjoni Ewropea
stess, huma biss 16 % tal-funderiji madwar id-dinja u 18 %
tal-funderiji tal-UE tal-landa, it-tantalju u t-tungstenu li attwalment
jagħmlu d-diliġenza dovuta. Madwar 40 % tar-raffinaturi dinjija
tad-deheb u 89 % tar-raffinaturi tad-deheb tal-UE huma involuti fi skemi
ta’ diliġenza dovuta. [16]
Minkejja li l-Gwida tal-OECD
dwar id-Diliġenza Dovuta tipprovdi qafas għal azzjoni, l-isforzi ta’
konformità kurrenti huma sparpaljati u l-kumpaniji interessati qed jiġu
offruti inċentivi limitati biex jaġixxu. Nofs dawk downstream li
wieġbu għalll-konsultazzjoni pubblika esprimew interess – jew huma
mġiegħla legalment l-aktar permezz tad-Dodd-Frank Act – biex
jissorsjaw b'mod responsabbli u jwettqu diliġenza dovuta tal-katina
tal-provvista. Muturi mhux regolatorji ta’ konformità jinkludu l-politiki dwar
ir-responsabbiltà soċjali korporattiva, id-dehra u d-domanda
tal-konsumatur. Studju tal-2013[17] juri li
d-diliġenza dovuta tal-UE mhix mifruxa ħafna. Huma biss 12 %
tal-kumpaniji elenkati fil-borża tal-UE li mhumiex suġġetti
direttament għall-leġiżlazzjoni tal-Istati Uniti li jirreferu
għal minerali ta' kunflitt fuq is-siti tagħhom. Dan parzjalment
minħabba li l-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta, id-Dodd-Frank
Act u l-qafas tal-ICGLR huma riċenti, iżda wkoll għaliex
il-kumpaniji tal-UE jiffaċċjaw sfidi ta’ implimentazzjoni
(jiġifieri t-tul tal-ktajjen tal-provvista, għadd ta’ operaturi,
nuqqas ta’ għarfien). Madankollu, 150 000-200 000 kumpanija
tal-UE - l-aktar operaturi downstream - huma involuti fil-ktajjen tal-provvista
tas-6,000 kumpanija elenkati fl-Istati Uniti li huma affettwati. Fil-każ speċifiku
tar-Reġjun tal-Lagi l-Kbar, huwa meħtieġ aktar tisħiħ
tal-kapaċitajiet fir-reġjun biex tiġi żgurata
l-implimentazzjoni b’suċċess tal-qafas tal-ICGLR. B'mod partikolari
l-konformità permezz tad-Dodd-Frank Act tippreżenta sfida addizzjonali.
Hemm indikazzjonijiet li dan l-Att ħadem bħala deterrent għall-provenjenza
tal-minerali tar-Reġjun tal-Lagi l-Kbar, irrispettivament minn jekk
minerali ġewx estratti b’mod leġittimu jew le[18]. Xi kumpaniji milquta
qed isegwu l-istrateġija ta' ebda riskju u qed jissorsjaw minn minjieri
barra r-reġjun jew anke barra mill-Afrika. Il-minerali li jifdal "mingħajr
kunflitt" isibuha diffiċli biex jilħqu s-swieq tal-Istati Uniti
jew tal-UE u ta’ spiss huma kummerċjalizzati bi prezzijiet inqas minn dawk
tas-suq. It-telf tal-kummerċ ifisser telf tal-għixien lokali
f’ambjent li fih l-opportunitajiet alternattivi ta’ impjieg huma skarsi, b’mod
partikolari fil-każ ta’ estrazzjoni fil-minjieri fuq skala
żgħira u artiġjanali. Approċċ integrat
tal-UE biex jippromwovi l-provenjenza responsabbli jeħtieġ li jibni
fuq inizjattivi eżistenti u jappoġġa l-użu tal-Gwida
tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta. Għandha tistimola konformità
aħjar fil-livell ta’ funderiji, inklużi dawk barra l-UE, u
tiffaċilita fluss aħjar ta’ informazzjoni ta’ diliġenza dovuta
tul il-katina tal-provvista bi spiża relattivament baxxa[19]. 1.4 Azzjoni politika tal-UE
eżistenti tal-affarijiet barranin, tal-iżvilupp u oħra Il-ksir tar-rabta
bejn l-estrazzjoni tar-riżorsi u l-kunflitt jeħtieġ
approċċ komprensiv li jindirizza l-kawżi fundamentali
tal-problemi: l-kunflitt, il-governanza dgħajfa u n-nuqqas ta' żvilupp.
L-indirizzar ta’ dawn il-problemi huwa parti mill-azzjoni esterna tal-UE u
l-għan speċifiku tal-Istrateġija tal-UE biex tappoġġa
l-isforzi tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw biex jinqered
il-faqar kif spjegat fil-komunikazzjoni tal-Aġenda għall-Bidla
tal-2011[20].
L-Aġenda tagħti profil għoli kemm għall-governanza tajba u
d-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll għat-tkabbir ekonomiku inklużiv.
Hija tippromwovi wkoll ħidma konġunta mhux biss
għall-imsieħba ta' żvilupp tal-UE – l-gvernijiet ta'
pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw – iżda wkoll mas-settur
privat kif ukoll mal-organizzazzjonijiet internazzjonali bħan-NU.
Fl-implimentazzjoni tal-Aġenda, l-UE tagħti attenzjoni speċjali
lir-rwol tas-soċjetà ċivili, l-għoti ta’ setgħa
lill-komunitajiet lokali u l-proċessi tat-teħid
tad-deċiżjonijiet trasparenti u responsabbli. Inizjattiva
rilevanti oħra hija s-Sħubija UE-NU fuq l-art, riżorsi naturali
u l-prevenzjoni tal-kunflitti[21],
bl-appoġġ tal-UE permezz tal-Istrument għall-Istabbiltà u li
permezz tiegħu tingħata assistenza konġunta lil pajjiżi
terzi sabiex jiġu evitati u indirizzati kunflitti relatati
mar-riżorsi naturali. Permezz ta’ din is-Sħubija, l-UE qed trawwem
approċċ bejn l-aġenziji tan-NU f’dan is-settur, skont ir-rapport
tas-Segretarju Ġenerali tan-NU "Peacebuilding in the Aftermath of
Conflict" (2012). L-UE għandha
strateġija koerenti u integrata dwar l-aċċess għall-materja
prima għall-Unjoni Ewropea. L-Inizjattiva dwar il-Materja Prima[22] u s-Sħubija
Ewropea tal-Innovazzjoni dwar il-Materja Prima[23]
huma politiki komprensivi tal-UE li jkopru l-aċċess sostenibbli
għall-materja prima li jindirizzaw ukoll it-tmexxija, l-infrastruttura u
l-ħiliet f’pajjiżi terzi. Permezz tal-Istrateġija
tar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva tal-UE (CSR)[24], il-Kummissjoni
tippromwovi kondotta responsabbli tan-negozju, b’mod partikolari fir-rigward
tal-konformità mal-prinċipji u l-linji gwida tas-CSR miftiehma
internazzjonalment bħall-Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi
Multinazzjonali u l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar il-Kummerċ u
d-Drittijiet tal-Bniedem. Fl-2013,
l-UE ppubblikat il-Gwidi fuq l-implimentazzjoni tal-Prinċipji ta’ Gwida
tan-Nazzjonijiet dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem fi-3 setturi
tan-negozju, inklużi l-ICT u s-settur taż-żejt u l-gass[25]. Fil-kuntest
tal-politika barranija tal-UE, aktar azzjoni reġjonali rilevanti
diġa' qed isseħħ: Id-dilemma
tar-riżorsi tal-Afrika ġiet rikonoxxuta fl-Istrateġija
Konġunta UE-Afrika tal-2007, li tidentifika l-governanza tajba
tar-riżorsi naturali bħala mira importanti għall-kooperazzjoni. L-UE qiegħda
tappoġġa l-viżjoni Afrikana tal-Minijieri approvata mill-Unjoni
Afrikana fl-2009 sabiex ikun żgurat sfruttament trasparenti, ekwu u
aħjar tar-riżorsi minerali kif ukoll tal-korp ta’ implimentazzjoni
tagħha, iċ-Ċentru ta' Żvilupp ta' Minerali Afrikan.
Qiegħda żżid fl-appoġġ għal azzjonijiet
konġunti oħra inklużi l-Faċilità ta' Appoġġ
Legali Afrikana, li tgħin lill-gvernijiet Afrikani fin-negozjati ta’
kuntratti kumplessi mas-settur privat u b’hekk issaħħaħ
is-sostenibbiltà u l-inklużjoni ta’ dawn it-tranżazzjonijiet.
Ix-xogħol fuq kooperazzjoni ġeoloġika se jiġi
appoġġat taħt programm Pan-Afrikan ġdid tal-UE. L-UE
tappoġġa wkoll l-implimentazzjoni fir-reġjun ta’ inizjattivi
dwar l-akkwist globali responsabbli ta’ djamanti ta' kunflitt, it-trasparenza u
l-prodotti tal-forestrija (KPCS, EITI, CITES). L-UE ħadet
ukoll azzjoni aktar speċifika għar-Reġjun tal-Lagi l-Kbar.
F’Ġunju 2013, il-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli
adottaw Komunikazzjoni Konġunta dwar “Qafas strateġiku
għar-Reġjun tal-Lagi l-Kbar”[26]
li jistabbilixxi approċċ koerenti u komprensiv tal-UE fil-livelli
reġjonali, nazzjonali u lokali għall-għeruq differenti
tal-kriżi. F’dan il-kuntest,
l-UE għamlet proposti ta’ politika biex tindirizza r-rabtiet bejn
l-isfruttament u l-kummerċ ta’ riżorsi minerali naturali u kunflitti
u nuqqas ta’ stabbiltà fir-Reġjun tal-Lagi l-Kbar. L-UE tappoġġa
wkoll inizjattiva reġjonali tal-ICGLR dwar ir-riżorsi naturali u
l-programm ta' implimentazzjoni tal-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza
Dovuta permezz ta’ fondi mill-Istrument għall-Istabbiltà.
Fil-ġejjieni, tista’ tingħata konsiderazzjoni lil proġetti
transfruntieri inkluż il-ġestjoni tal-fruntieri u tad-dwana. Fl-Asja u
l-Paċifiku l-UE qed taħdem fuq il-kwistjonijiet ta’ riżorsi
permezz tal-promozzjoni tal-aderenza mal-EITI, fejn tista' tiġi osservata
xejra inkoraġġanti ta’ parteċipazzjoni (pajjiżi
parteċipanti: Il-Mongolja u Timor-Leste; il-pajjiżi kandidati:
l-Afganistan, l-Indoneżja u l-Gżejjer Solomon; il-Mjanmar/Burma u
l-Papwa Ginea Ġdida ħabbru l-intenzjoni tagħhom li japplikaw
EITI, u l-Filippini applikaw għall-istatus ta’ kandidat tal-EITI). L-Asja
tinkludi madwar 65 % tal-280 funderija tal-landa,t-tantalu, u t-tungstenu
magħrufa fid-dinja, li jinsabu f’pajjiżi bħaċ-Ċina
(73), il-Malasja (5), u l-Indoneżja (34). Anki fid-dawl tal-iżvilupp
ekonomiku tagħhom u l-bżonn korrispondenti ta' provenjenza, dawn
il-pajjiżi se jkunu msieħba prijoritarji għal impenn tal-UE. Fl-Amerika Latina,
l-UE u l-pajjiżi Andini bdew djalogu dwar l-industriji estrattivi u
l-provenjenza responsabbli, li jidentifika oqsma possibbli ta’ kooperazzjoni
inklużi tal-impatt soċjoekonomiku u ambjentali usa’ ta’ attivitajiet
ta' estrazzjoni. L-indirizzar ta' dawn il-kwistjonijiet huwa parti mill-azzjoni
esterna tal-UE. Il-konformità mal-EITI fir-reġjun hija baxxa, bil-Perù
biss li jikkonforma, iżda l-interess għall-inizjattiva qed jikber
speċjalment fil-Ħonduras, il-Gwatemala u l-Kolombja.
2. Approċċ integrat tal-UE għal
Provenjenza Responsabbli
Fl-isfond ta' dan,
jeħtieġ li ssir ħidma lejn approċċ integrat tal-UE
għall-promozzjoni ta’ minerali minn sorsi responsabbli milquta minn
kunflitti u f’żoni ta’ riskju kbir. Għal dan l-għan, il-proposta
tal-Kummissjoni għal Regolament u sensiela ta’ miżuri ta’
akkumpanjament għandhom l-għan li jnaqqsu l-opportunitajiet għal
gruppi armati biex jirrikorru għal kummerċ fil-landa, t-tantalu,
t-tungstenu, u d-deheb f’żoni milquta mill-kunflitt; li titjieb l-abilità
tal-operaturi tal-UE − speċjalment fit-taqsima downstream tal-katina
tal-provvista − biex tikkonforma ma’ oqfsa ta’ diliġenza dovuta
eżistenti u jitnaqqsu d-distorsjonijiet fis-swieq globali għall-erba'
minerali imsemmija qabel li ġejjin minn żoni milquta mill-kunflitti u
żoni ta’ riskju kbir. B’mod aktar ġenerali,
l-approċċ integrat tal-UE u l-politiki u l-inizjattivi tagħha
dwar provenjenza responsabbli huma integrati fl-approċċ komprensiv
usa’ tagħha dwar żoni milquta mill-kunflitti u żoni ta’ riskju
kbir. Dawn jippromwovu inter alia r-riżoluzzjoni tal-kunflitti,
il-paċi u s-sigurtà, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem
inkluża l-ħtieġa li jindirizzaw it-traffikar tal-bnedmin,
il-governanza tajba, l-istat tad-dritt u l-iżvilupp sostenibbli.
Eżempji huma l-Qafas Strateġiku għar-Reġjun tal-Lagi l-Kbar
mal-kwistjoni tal-isfruttament illegali ta’ riżorsi naturali, iżda
wkoll Qafas Strateġiku għall-Qarn tal-Afrika u l-Istrateġija
tal-UE għas-Sigurtà u l-Iżvilupp fis-Saħel. 2.1 Proposta
għal Regolament li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni għal
awtoċertifikazzjoni ta' "importatur responsabbli" volontarju
tal-UE Il-proposta tal-Kummissjoni għal
Regolament li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni
għall-awtoċertifikazzjoni tad-diliġenza dovuta għall-katina
ta' forniment ta' importaturi responsabbli ta’ landa, tantalu, tungstenu u
il-minerali tagħhom, u deheb għandha l-għan li
tappoġġja l-kumpaniji tal-UE li jeżerċitaw
id-diliġenza meħtieġa biex tgħin jitnaqqas ir-riskju ta’
finanzjament tal-gruppi armati. Hija tfittex ukoll li tippromwovi l-provenjenza
responsabbli ta' dawn il-minerali minn reġjuni ta' kunflitt u b’riskju
kbir, sabiex jiżdied il-volum ta’ kummerċ leġittimu.
L-approċċ tal-UE jikkonċentra d-diliġenza dovuta fuq
l-operaturi tal-katina tal-provvista upstream u jiffaċilita
t-trażmissjoni l'isfel ta’ informazzjoni ta’ kwalità u l-aħjar
prattiki. Skont il-messaġġ prinċipali ta’ dawk li wieġbu
għall-konsultazzjoni pubblika, l-approċċ huwa maħsub biex
jirrispetta n-natura globali ta' katini tal-provvista kumplessi u jiddependi
fuq u jappoġġja aktar konformità mal-Gwida tal-OECD dwar
id-Diliġenza Dovuta. B’dan il-ħsieb, l-ambitu ġeografiku kemm
tar-Regolament kif ukoll tal-miżuri ta’ akkumpanjament huwa globali u
l-punt fokali tal-attivitajiet huwa primarjament orjentat lejn il-proċess. Fuq il-livell operattiv,
l-abbozz tar-Regolament joħloq sistema volontarja ta'
awtoċertifikazzjoni għall-importaturi li jfittxu li jimportaw
kwalunkwe mill-erba’ minerali jew metalli fl-UE b’mod responsabbli.
L-importaturi li jiġu inklużi ser ikollhom jimplimentaw il-Gwida
tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta, jipprovdu assigurazzjonijiet ta'
verifika u divulgazzjoni ta’ informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti
tal-Istati Membri. Kull sena, abbażi tal-informazzjoni divulgata u wara
konsultazzjoni mal-OECD, l-UE ser tippubblika lista ta’ funderiji u raffinaturi
li huma kkunsidrati fornituri responsabbli. Dan se jipprovdi aktar
viżibilità u jistimula responsabbiltà pubblika aħjar. Il-lista se
tidentifika wkoll b'mod speċifiku dawk il-fundituri/raffinaturi li
jagħmlu provenjenza responsabbli minn żoni ta’ kunflitt, sabiex
tinċentiva il-kummerċ leġittimu. L-iskema se tiġi evalwata
wara tliet snin, jew qabel fil-każ li l-informazzjoni disponibbli
tippermetti, u r-riżultati se jintużaw għal bżonnijiet ta’
teħid ta’ deċiżjonijiet dwar il-futur tal-approċċ
tal-UE u għal emendi lill-qafas regolatorju, biex b’hekk issir obbligatorja,
jekk ikun xieraq u fuq il-bażi ta’ valutazzjoni tal-impatt ulterjuri. 2.2 Miżuri ta' akkumpanjament
tal-UE għall-promozzjoni ta' provenjenza responsabbli Il-miżuri
ta’ akkumpanjament li ġejjin huma previsti biex jinkoraġġixxu
aktar il-provenjenza responsabbli ta’ minerali. Inċentivi għall-kumpaniji biex jippromwovu l-provenjenza
responsabbli Il-Kummissjoni
tappella lin-negozji tal-UE biex jużaw il-pożizzjoni tagħhom
fis-suq biex jippromwovu l-provenjenza responsabbli. Il-miżuri li
ġejjin jipprovdu inċentivi biex ikunu jistgħu jagħmlu dan.
Il-promozzjoni
ta’ prattiki responsabbli minn funderiji u r-raffinaturi
L-UE
pprovdiet appoġġ finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Gwida
tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta minn Jannar 2014 u se tkompli
tagħmel dan permezz tal-Istrument għall-Istabbiltà.
L-appoġġ se jiffoka fuq il-bini ta’ kapaċità u attivitajiet ta’
komunikazzjoni, immirati lejn l-awtoritajiet pubbliċi, is-settur privat u
l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili involuti fil-katina
tal-provvista ta’ minerali minn żoni milquta mill-kunflitti u żoni
ta’ riskju kbir. Il-Kummissjoni se tkompli tivvaluta l-fattibilità li tipprovdi
għajnuna finanzjarja lill-OECD jew korpi oħra għal programmi li
jippromovu prattiki tat-trasparenza u d-diliġenza dovuta fost
fundituri/raffinaturi tal-UE kif ukoll barra mill-UE.
Possibbiltajiet
ta’ finanzjament għall-SMEs għall-iskema ta’
ċertifikazzjoni volontarja
Il-Kummissjoni
se tesplora l-finanzjament biex tippromwovi l-adozzjoni tal-iskema ta’
ċertifikazzjoni volontarji tal-futur fost l-importaturi tal-UE.
Il-finanzjament ikun esplorat fi ħdan il-Kompetittività
tal-Intrapriżi u l-SMEs (COSME)[27],
li ġiet adottata fil-5 ta’ Diċembru 2013.
Inċentivi tal-Akkwist Pubbliku
Il-Kummissjoni
se tippromwovi l-adozzjoni ta’ kemm iċ-ċertifikat tal-importatur
responsabbli kif ukoll tal-lista ta’ fundituri/raffinaturi responsabbli permezz
tal-klawżoli tal-prestazzjoni fil-kuntratti ta' akkwist pubbliku
tal-Kummissjoni Ewropea stess. Prodotti mixtrija permezz tal-akkwist pubbliku li
fihom landa, tantalu, tungstenu, u/jew deheb għalhekk se jkollhom
jirrispettaw il-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta jew skemi
tad-diliġenza dovuta ekwivalenti sabiex jissodisfaw obbligi kuntrattwali.
L-użu ta’
netwerks gvern-negozju biex tiġi ffaċilitata l-adozzjoni
taċ-ċertifikat tal-'importatur responsabbli' tal-UE
Biex tippromwovi
l-proċedura ta’ ċertifikazzjoni stabbilita skont l-abbozz
tar-Regolament, il-Kummissjoni se ssejjaħ lill-punti nazzjonali ta’
kuntatt imwaqqfa skont il-linji gwida tal-OECD għall-Impriżi
Multinazzjonali u netwerks rilevanti oħra biex jgħinu titqajjem
kuxjenza. L-Enterprise Europe Network (EEN) – netwerk ta’ appoġġ
għan-negozju li joffri servizzi li jappoġġaw l-intrapriżi
Ewropej – jista’ jqajjem il-kuxjenza tal-operaturi tal-UE dwar
l-approċċ integrat tal-UE, l-importanza tad-diliġenza dovuta u
l-konsegwenzi ta’ xiri mhux responsabbli minn żoni ta’ kunflitt.
"Ittri ta' Intenzjoni" – impenn mill-industrija
L-operaturi tan-negozju
tal-UE wrew ir-rieda tagħhom permezz tal-konsultazzjoni pubblika,
id-dokumenti ta’ pożizzjoni u l-istudji sabiex iżidu l-involviment
tagħhom għall-provenjenza responsabbli ta' minerali minn żoni
milquta mill-kunflitti u żoni ta’ riskju kbir. L-UE se tieħu azzjoni
biex tipprovdi viżibbiltà lill-isforzi ta’ kumpaniji li jipprovdu ittri
ta’ intenzjoni li jħabbru l-impenji rilevanti. Djalogi ta’ politika ma’ pajjiżi terzi u partijiet interessati
oħra ·
Il-bini fuq id-djalogi ta’ politika L-UE se tuża d-djalogi u l-kuntatti politiċi, dwar
l-iżvilupp, il-kummerċ u s-sigurtà mal-gvernijiet fil-pajjiżi
ta' estrazzjoni, produzzjoni u konsum, biex tiżviluppa aktar fehim komuni
– fil-livell nazzjonali u reġjonali – tal-ħtiġijiet, l-isfidi u
l-opportunitajiet tal-estrazzjoni tal-minerali mingħajr kunflitt u responsabbli.
Bħala eżempju, l-UE se tindirizza l-provenjenza responsabbli u
l-kontribut tagħha għall-iżvilupp sostenibbli fid-djalogi
tagħha mal-pajjiżi tal-Amerika t’Isfel u tal-Karibew, u tagħti
attenzjoni xierqa lill-isfidi tas-sostenibbiltà tal-estrazzjoni
artiġjanali u informali. L-involviment kumplimentari parallel se jiġi
mfittex mas-settur privat u mas-soċjetà ċivili, b’mod partikolari,
fil-pajjiżi ta’ produzzjoni.
Jintlaħqu l-pajjiżi li jospitaw il-funderiji
L-UE
ser timpenja ruħha mal-pajjiżi fejn jinsabu l-maġġoranza
ta’ fundituri/raffinaturi fid-dinja, partikolarment iċ-Ċina,
il-Malasja, l-Indoneżja, it-Tajlandja u r-Russja biex tippromwovi
l-approċċ integrat tagħha għal provenjenza responsabbli u
biex ikun hemm involviment akbar minn kumpaniji f’ġuriżdizzjonijiet
li mhumiex tal-UE. L-UE se torganizza konferenza internazzjonali dwar
il-provenjenza responsabbli ta’ minerali li joriġinaw f’żoni milquta
mill-kunflitti u f 'żoni ta’ riskju kbir fl-2015. ·
Kapitolu ta' provenjenza responsabbli fid-djalogi
dwar il-materja prima L-UE se tuża
d-djalogi dwar il-materja prima tagħha inter alia
maċ-Ċina, il-Ġappun u l-Mongolja biex tippromwovi
approċċ integrat ta' provenjenza responsabbli. Dan l-aħħar
il-Kummissjoni nediet djalogu dwar il-materja prima mal-Burma/il-Mjanmar. B’mod
aktar ġenerali, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli se
jkomplu jippromwovu diplomazija tal-materja prima tal-UE b’saħħitha u
koerenti, li tindirizza r-rabta ta' bejn is-sigurtà u l-iżilupp b’mod konġunt
u strateġiku. Kooperazzjoni ta' żvilupp ma’ pajjiżi terzi L-UE se tuża wkoll relazzjonijiet ta’ kooperazzjoni eżistenti
tagħha mal-gvernijiet fl-Afrika, l-Asja, l-Amerika Latina u l-Karibew biex
jindirizzaw estrazzjoni minerali mingħajr konflitt u responsabbli
l-kummerċjalizzazzjoni. Il-linji ewlenin ta’ intervent li permezz
tagħhom l-UE tista’ tappoġġa l-pajjiżi sħab
tagħha huma:
It-traspożizzjoni tal-Gwida tal-OECD dwar
id-Diliġenza Dovuta f’oqfsa u leġiżlazzjonijiet ta’
diliġenza dovuta nazzjonali.
Il-bini ta' kapaċità ulterjuri biex jiġu
implimentati oqfsa ta’ diliġenza dovuta nazzjonali.
Il-Promozzjoni ta’ sostenn u d-djalogi
politiċi fil-pajjiżi kkonċernati bejn awtoritajiet
tal-gvern ċentrali u lokali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà
ċivili u l-operaturi tan-negozju.
Il-ħolqien ta' viżibbiltà
għall-azzjonijiet imwettqa u r-riżultati miksuba
mill-pajjiżi produtturi.
L-UE se trawwem
ukoll il-koperazzjoni bejn il-pajjiżi produtturi u dawk konsumaturi,
inkluż permezz ta’ proġetti konġunti, pereżempju dwar
l-estrazzjoni sostenibbli u l-governanza tajba, filwaqt li tqis
l-ispeċifiċità tal-estrazzjoni artiġjanali. Id-diplomazija tal-materja prima – ta' medjatur onest L-UE tinsab lesta
biex taġixxi bħala medjatur onest fil-kuntest ta’ inizjattivi ta'
diversi partijiet interessati, l-appoġġ u l-inkoraġġiment
ta’ provenjenza responsabbli u l-kummerċ bejn il-parteċipanti.
Is-servizzi tal-Kummissjoni u s-SEAE se jiġbru u janalizzaw id-dejta dwar
inizjattivi tad-diversi partijiet interessati. L-alleanzi pubbliċi-privati
se jingħataw konsiderazzjoni dovuta. L-Istati Membri tal-UE Il-Kummissjoni u
r-Rappreżentant Għoli jitolbu lill-Istati Membri tal-UE biex
jappoġġaw l-isforzi ta’ diliġenza dovuta minn kumpaniji
fil-ġurisdizzjoni tagħhom permezz ta’ azzjoni fuq livell nazzjonali.
Inizjattivi kumplimentari jistgħu jiġu żviluppati fil-qasam ta’
tagħrif għall-konsumatur u l-ittikkettjar u aktar inċentivi
għal imġiba responsabbli tal-kumpaniji maħluqa. Barra minn hekk,
il-Kummissjoni se tinkoraġġixxi lill-Istati Membri tal-UE biex
jippromwovu l-adozzjoni tal-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta jew
skemi ekwivalenti permezz ta’ klawżoli ta’ prestazzjoni ta’ kuntratti ta’
akkwist iffirmati mill-awtoritajiet tagħhom kif previst mid-Direttiva
tal-UE dwar l-Akkwist Pubbliku. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni se
tiżviluppa rakkomandazzjonijiet u gwida ta’ implimentazzjoni lil
uffiċjali awtorizzanti tal-Istati Membri.
3. Ħidma flimkien lejn
approċċ integrat tal-UE
Qafas tal-UE aktar
ċar ibbażat fuq fuq il-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta
huwa mistenni li jiffaċilita l-isforzi li għaddejjin mill-operaturi
tan-negozju tal-UE biex jistabbilixxu proċessi ta’ diliġenza dovuta.
Bħala l-akbar suq fid-dinja tal-minerali u l-metalli, iktar koeżjoni
fl-UE għandha tgħin biex tiġi stimulata d-domanda għal provenjenza
responsabbli u, b’estensjoni, jiġi ffaċilitat il-kummerċ ta’
minerali estratti skont rekwiżiti domestiċi jew rekwiżiti
tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta. Is-suċċess
ta’ din l-inizjattiva se jiddependi fil-biċċa l-kbira fuq is-sehem
tas-settur privat tal-UE, partikolarment kumpaniji li jimportaw il-minerali
tal-landa, it-tantalu u t-tungstenu jew metalli derivati u deheb.
Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli jistiednu lill-operaturi
tan-negozju tal-UE biex iħaddnu l-approċċ integrat propost, jgħinu
biex jiġu kkonsolidati l-kisbiet tiegħu u jkun żviluppat aktar. Il-Kummissjoni u
r-Rappreżentant Għoli jitolbu lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew
biex japprovaw approċċ integrat tal-UE għall-provenjenza
responsabbli tal-minerali. [1] Conflict Barometer, Heidelberg Institute for
International Conflict Research, l-2012. [2] COM(2011) 25 FINALI u COM(2012) 22 FINALI. [3] Żewġ strumenti ewlenin ta' diliġenza dovuta
internazzjonali jkopru dawk l-erba’ minerali; ara wkoll it-taqsima 1.2. [4] Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
li tistabbilixxi sistema tal-Unjoni għall-awtoċertifikazzjoni
tad-diliġenza dovuta għall-katina ta' forniment ta' importaturi
responsabbli ta’ landa, tantalu u tungstenu, il-minerali tagħhom, u deheb
li joriġinaw f’żoni milquta minn kunflitti u f’żoni ta’ riskju
kbir. [5] Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, Valutazzjoni
tal-Impatt, li takkumpanja d-dokument Proposta għal Regolament
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ħolqien ta’ sistema tal-Unjoni
għall-awtoċertifikazzjoni tad-diliġenza dovuta għall-katina
ta' forniment ta' importaturi responsabbli ta' landa, tantalu u tungstenu,
il-minerali tagħhom, u deheb li joriġinaw f’żoni affettwati minn
kunflitti u f’żoni ta’ riskju kbir. [6] World Statistics on Mining and Utilities (Statistika
dinjija dwar il-minjieri u l-utilitajiet) 2010 – dejta dwar il-produzzjoni
mill-minjieri għall-2007. [7] Africa Progress Report 2013. [8] Fl-2012, fil-Bolivja, is-settur tal-minjieri kien
jirrappreżenta medja ta’ 7.3 % tal-PDG u 27.8 %
tal-esportazzjonijiet totali u fil-Kolombja: 2.4 % tal-PDG u 17.1 %
tal-esportazzjonijiet totali. Fl-2011, fil-Perù, kien jirrappreżenta medja
ta’ 14.5 % tal-PGD u 59 % tal-esportazzjonijiet totali. [9] OECD (2013), OECD Due Diligence Guidance for Responsible Supply
Chains of Minerals from conflict-Affected and High-Risk Areas:Gwida
tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta għal Ktajjen ta’ Provvista
Responsabbli tal-Minerali minn Żoni Affettwati mill-Kunflitti u Żoni
ta’Riskju Għoli: It-tieni edizzjoni, pubblikazzjoni tal-OECD
http://dx.doi.org/10.1787/9789264185050-en, paġna 8. [10] Il-Linji gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali,
OECD edizzjoni tal-2011. [11] Prinċipji ta’ gwida dwar in-Negozju u d-Drittijiet
tal-Bniedem, Uffiċċju dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU
tal-Kummissarju Għoli, New York u Ġinevra, 2011. [12] Is-Samit tal-mexxejja tal-G8 f'Lough Erne, , Stqarrija, Paragrafu
40, it-18 ta’ Ġunju 2013 [13] OECD (2013), OECD Due Diligence Guidance for Responsible Supply
Chains of Minerals from Conflict-affected and High-risk Areas:Gwida
tal-OECD għal Diliġenza Dovuta għal Ktajjen tal-Provvista
Responsabbli ta' Minerali minn Żoni affettwati minn Kunflitti u Żoni
ta’ Riskju Ġħoli: It-tieni edizzjoni, Pubblikazzjoni OECD,
http://dx.doi.org/10.1787/9789264185050-en. [14] Definiti fl-Att, bħala landa,tantalu, tungstenu, jew deheb, li
joriġinaw mill-RDK jew minn pajjiż ġar. [15] Conflict minerals - an evaluation of the Dodd-Frank Act and
other resource-related measures. Öko-institut e.V. Freiburg, Awwissu 2013,
Kapitolu 6. [16] Dejta dwar id-deheb tinkiseb mill-Londra Bullion Market
Association, li l-biċċa l-kbira tal-membri tagħha jagħmlu
d-diliġenza dovuta. Numru stmat ta’ 50 raffinerija madwar id-dinja kollha
joperaw barra mill-Assoċjazzjoni. [17] Conflict due diligence by European Companies, Kunflitt ta'
diliġenza dovuta minn kumpaniji Ewropej, Stichting Onderzoek
Multinationale Ondernemingen, Ottubru 2013 [18] Conflict minerals - an evaluation of the Dodd-Frank Act and
other resource-related measures. Öko-institut e.V. Freiburg, Awwissu 2013,
paġna 27. [19] Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 5. Id-Dokument ta’
Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni fl-Anness III fih studju estern
dwar il-valutazzjoni tal-ispiża ta' konformità mad-diliġenza dovuta,
l-effett benefiku u relatat dwar l-operaturi magħżula fir-rigward
tal-provenjenza responsabbli ta' ċerti minerali (landa, tantalu,
tungstenu, u deheb). Is-sejba prinċipali tal-istħarriġ
tal-industriji kkonċernati immexxi fil-kuntest ta’ dan l-istudju huwa li
l-maġġoranza ta' dawk li wieġbu rrappurtaw livell relattivament
baxx tal-ispejjeż għal sforzi ta’ rappurtar tad-diliġenza
dovuta. In-nefqiet huma fil-biċċa l-kbira stmati għal
EUR 13 500 għal sforzi inizjali (74 %) u EUR 2 700
għal sforzi kontinwi sussegwenti (63,8 %). [20] COM(2011) 637 Finali. [21] http://www.un.org/en/land-natural-resources-conflict/index.shtml [22] COM(2008) 699 Finali. [23] COM(2012) 82 Finali. [24] COM(2011) 681 Finali. [25] http://ec.europa.eu/enterprise/policies/sustainable-business/corporate-social-responsibility/humanrights/index_en.htm [26] JOIN(2013) 23 Finali. [27] Ir-Regolament (UE) Nru 1287/2013 tal-Parlament Ewropew u
tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi
Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u intrapriżi ta’
daqs żgħir u medju (COSME) (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni
1639/2006/KE — tal-Programm COSME, jipprevedi azzjonijiet biex
jiffaċilitaw l-aċċess tal-SMEs għas-swieq ġewwa u
barra mill-Unjoni, bħal pereżempju informazzjoni dwar l-ostakli
eżistenti għad-dħul fis-suq u l-opportunitajiet ta’ negozju,
l-akkwist pubbliku u l-proċeduri doganali, u jtejjeb is-servizzi ta'
appoġġ f’termini ta’ standards u drittijiet ta’ proprjetà
intellettwali.