EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014DC0520

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL L-Effiċjenza Enerġetika u l-kontribut tas-sigurtà tal-enerġija u l-Qafas 2030 għall-politika dwar il-klima u l-enerġija

/* COM/2014/0520 final */

Brussell, 23.7.2014

COM(2014) 520 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

L-Effiċjenza Enerġetika u l-kontribut tas-sigurtà tal-enerġija u l-Qafas 2030 għall-politika dwar il-klima u l-enerġija

{SWD(2014) 255 final}
{SWD(2014) 256 final}


1.Introduzzjoni

Il-Kummissjoni dan l-aħħar ippreżentat qafas għall-politiki dwar il-klima u l-enerġija fil-perjodu 2020 sa 2030 1 . Dan il-qafas jipproponi miri ambizzjużi għat-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra u l-enerġija rinnovabbli bħala parti mit-tranżizzjoni tal-Unjoni għal ekonomija kompetittiva b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju. Dan jippromwovi wkoll tnaqqis fid-dipendenza enerġetika u enerġija aktar affordabbli għan-negozji u l-konsumaturi permezz ta' suq intern li jiffunzjona sew. Minn dak iż-żmien 'l hawn il-qafas 2030 ġie kumplimentat b'analiżi aktar dettaljata tas-sigurtà tal-enerġija tal-Unjoni, filwaqt li tqiesu l-avvenimenti ġeopolitiċi riċenti fil-fruntiera tal-lvant tal-UE, flimkien ma' strateġija li tipproponi azzjonijiet konkreti sabiex titnaqqas id-dipendenza enerġetika fil-futur immedjat u fuq perjodu aktar fit-tul 2 .

Bi qbil mat-talba tal-Kunsill Ewropew 3 , din il-Komunikazzjoni tispjega u tikkwantifika l-kontribut li l-effiċjenza enerġetika jista' jkollha sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u tittejjeb is-sigurtà tal-enerġija tal-Unjoni, li huma żewġ aspetti ta' qafas integrat għall-politika dwar il-klima u l-enerġija. Bi qbil mad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija, il-Komunikazzjoni tirrapporta wkoll dwar il-prospettiva li tintlaħaq il-mira ta' 20 % għall-effiċjenza enerġetika fl-2020.

L-effiċjenza enerġetika għandha rwol fundamentali fit-tranżizzjoni lejn sistema tal-enerġija aktar kompetittiva, sigura u sostenibbli b'suq intern tal-enerġija fil-qalba tagħha. Filwaqt li l-enerġija tipprovdi l-elettriku lis-soċjetajiet u lill-ekonomiji tagħna, it-tkabbir tal-ġejjieni jrid ikun immexxi b'anqas enerġija u kostijiet aktar baxxi. L-UE tista' twassal dan il-mudell ġdid. Kif jidher mill-figura, minn ħafna qabel ma laqtet il-kriżi fl-2008, l-UE kienet bdiet tissepara t-tkabbir ekonomiku mill-konsum tal-enerġija permezz ta' żieda fl-effiċjenza enerġetika. Minn dak iż-żmien 'l hawn is-separazzjoni bejn it-tkabbir ekonomiku u l-konsum tal-enerġija kompliet tikber, xprunata mis-sinjali tal-prezzijiet u minn sett komprensiv ta' politiki dwar l-effiċjenza enerġetika (ara l-figura).

Figura 1. Evoluzzjoni tal-konsum tal-enerġija u l-PDG fl-UE 1995-2013

Sors: Is-servizzi tal-Kummissjoni abbażi ta' dejta tal-EUROSTAT

2.Prospetti biex tintlaħaq il-mira 2020

Il-qafas preżenti tal-effiċjenza enerġetika

Ġiet stabbilita mira indikattiva ta' ffrankar tal-enerġija ta' 20 % sal-2020 bħala l-mira ewlenija għall-effiċjenza enerġetika 4 . L-Istati Membri stipulaw miri nazzjonali mhux vinkolanti dwar l-effiċjenza enerġetika. Dawn il-miri huma appoġġati minn:

Id-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija (EED) 5 ;

Id-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija (EPBD) 6 ;

Ir-Regolamenti dwar il-prodotti li jistabbilixxu standards minimi dwar il-prestazzjoni enerġetika u jpoġġu informazzjoni dwar il-prestazzjoni enerġetika fuq it-tikketti 7 ;

L-istandards dwar il-prestazzjoni tas-CO2 għall-karozzi u l-vannijiet 8 ;

Iż-żieda fil-finanzjament permezz tal-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment (ESI), Orizzont 2020, u faċilitajiet iddedikati bħal ELENA 9 u l-Fond Ewropew għall-Effiċjenza Enerġetika;

L-introduzzjoni tal-arloġġi smart wara d-Direttiva dwar is-Suq Intern tal-Elettriku 10 ;

L-Iskema tal-UE għan-Negozjar ta' Emissjonijiet (ETS) 11 .

Id-deskrizzjoni tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni preżenti hija mogħtija fil-Kaxxa 1.

Kaxxa 1: Implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ewlenija dwar l-effiċjenza enerġetika – is-sitwazzjoni attwali

Id-data ta' skadenza għat-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija fil-liġi nazzjonali għaddiet biss dan l-aħħar. Il-Pjanijiet ta' Azzjoni tal-Istati Membri dwar l-Effiċjenza Enerġetika tal-2014 jindikaw it-tisħiħ tal-politiki nazzjonali dwar l-effiċjenza enerġetika (ara l-ħarsa ġenerali fl-Anness I).

L-EED qiegħda tinċentiva tibdil fil-mudell kummerċjali tal-kumpaniji li jipprovdu servizzi tal-enerġija. Hija teħtieġ li l-Istati Membri jippromwovu faċilitajiet ta' finanzjament għall-effiċjenza enerġetika. Fil-Ġermanja, il-bank pubbliku KfW jipprovdi self preferenzjali għall-modifiki ta' bini eżistenti biex ikun aktar effiċjenti fl-enerġija u l-kostruzzjoni ta' oħrajn ġodda. Bejn l-2006 u l-2013, ġew modifikati 2.8 miljun dar u nbnew 540,000 dar ġdida effiċjenti ħafna.

Fi Franza, l-abbozz tal-liġi nazzjonali ġdida jipprovdi għal diversi azzjonijiet konkreti, b'mod partikolari għall-bini. Fost il-miżuri hemm tnaqqis fiskali sa 30 % tal-ispiża tar-rinnovamenti għall-effiċjenza enerġetika, minn Settembru 2014 'il quddiem.

Qed jiġu diversifikati l-mekkaniżmi ta' finanzjament skont il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, b'użu akbar tal-istrumenti finanzjarji.

L-għadd ta' Stati Membri li japplikaw skemi ta' obbligu ta' effiċjenza enerġetika għall-utilitajiet mistenni jiżdied minn ħamsa għal sittax. Fil-Polonja, id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-EED se jiġu implimentati b'mod sħiħ permezz ta' sistema bħal din.

L-EED tippromwovi programmi biex jiżdied l-għarfien fost id-djar dwar il-benefiċċji tal-awditjar tal-enerġija permezz ta' servizzi xierqa ta' konsulenza. Fir-Renju Unit, dipartiment speċjalizzat jgħin fit-tfassil ta' politiki abbażi ta' riċerka dwar kif jistgħu jiġu stimulati d-deċiżjonijiet tal-konsumaturi dwar l-effiċjenza enerġetika ("ekonomija komportamentali ").

Minkejja dan il-progress tajjeb, sa issa ħames Stati Membri biss nnotifikaw it-traspożizzjoni sħiħa tal-EED. Il-Kummissjoni bagħtet ittri ta' avviż formali lill-oħrajn.

L-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija wkoll għadha lura minkejja li d-data ta' skadenza għat-traspożizzjoni hija Lulju 2012. Fil-preżent, hemm disa' Stati Membri li għadhom ma lestewx il-proċess tat-traspożizzjoni. F'erba' każijiet il-Kummissjoni bdiet proċeduri fil-Qorti.

Il-politiki dwar l-effiċjenza enerġetika qed jagħtu riżultati tanġibbli

B'riżultat tal-miżuri għall-effiċjenza enerġetika, il-binjiet qegħdin jikkunsmaw anqas enerġija, it-tagħmir ineffiċjenti qiegħed jiġi eliminat b'mod gradwali mis-suq u permezz tat-tikketti applikati għal apparat domestiku bħat-televixins u l-bojlers il-konsumaturi jagħmlu għażliet infurmati dwar ix-xiri. L-awtoritajiet pubbliċi, l-industrija, l-SMEs u d-djar qegħdin isiru aktar konxji tal-possibbiltajiet ta' ffrankar tal-enerġija. Fit-trasport, ir-rekwiżiti tal-prestazzjoni tas-CO2 se jnaqqsu l-emissjonijiet medji tal-flotta tal-karozzi l-ġodda tal-passiġġieri b'40 % sal-2021 meta mqabbel mal-2007.

It-tqegħid ta' dawn l-elementi fi ħdan qafas komuni tal-UE bbenefika mill-iskala tas-suq intern u ppermetta lill-formulaturi tal-politika nazzjonali li jitgħallmu minn xulxin. Dan il-qafas nazzjonali jikkumplimenta miżuri nazzjonali bħall-ftehimiet volontarji, l-obbligi ta' effiċjenza enerġetika, l-iskemi ta' finanzjament u l-kampanji ta' informazzjoni. Il-progress tal-Istati Membri fl-effiċjenza enerġetika jiġi eżaminat kull sena bħala parti mis-semestru Ewropew.

Għalhekk, l-istampa fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-UE, turi momentum li qiegħed jiżdied wara l-politiki u l-miżuri dwar l-effiċjenza enerġetika.

Jinħtieġu aktar sforzi biex tintlaħaq il-mira tal-UE dwar l-iffrankar tal-enerġija sal-2020

Abbażi ta' analiżi tal-azzjonijiet tal-Istati Membri u previżjonijiet addizzjonali, il-Kummissjoni issa tistma li l-UE se tikseb iffrankar enerġetiku ta' madwar 18-19 % fl-2020. 12 Għandu jiġi nnotat li madwar terz tal-progress lejn il-mira tal-2020 se jkun minħabba t-tkabbir aktar baxx milli mistenni matul il-kriżi finanzjarja. Għalhekk huwa importanti li tiġi evitata l-kompjaċenza dwar il-kisba tal-mira ta' 20 % u li tiġi evitata s-sottovalutazzjoni tal-isforzi li se jkunu meħtieġa fir-rigward ta' kwalunkwe mira ġdida għall-perjodu ta' wara l-2020.

Minħabba l-benefiċċji wiesgħa tal-effiċjenza enerġetika, u l-evidenza dejjem tiżdied li l-politika ta' effiċjenza enerġetika taħdem, huwa essenzjali li jsir l-isforz żejjed meħtieġ sabiex ikun assigurat li l-mira tintlaħaq b'mod sħiħ. L-implimentazzjoni tal-qafas leġiżlattiv tal-UE għadha lura (ara l-Annessi II u III). Jekk l-Istati Membri kollha issa jaħdmu ndaqs sabiex jimplimentaw b'mod sħiħ il-leġiżlazzjoni li dwarha ntlaħaq ftehim, il-mira ta' 20 % tkun tista' tintlaħaq mingħajr il-ħtieġa ta' miżuri addizzjonali.

L-isforzi għandhom ikunu kkonċentrati fuq l-elementi li ġejjin:

-Is-serħan il-moħħ tal-konsumaturi dwar il-kwalità tal-bini tagħhom billi tissaħħaħ il-verifika lokali u reġjonali tal-kodiċijiet tal-bini nazzjonali u billi l-konsumaturi jiġu infurmati b'mod preċiż dwar il-prestazzjoni enerġetika tal-bini għall-bejgħ jew għall-kiri 13 ;

-L-involviment sħiħ tal-utilitajiet fil-ħidma mal-konsumaturi tagħhom sabiex jinkiseb iffrankar tal-enerġija 14 ;

-It-tisħiħ tas-sorveljanza tas-suq tal-effiċjenza enerġetika tal-prodotti li trid tiġi pprovduta fl-Istati Membri kollha u li se tassigura kundizzjonijiet ekwi għall-industrija u tipprovdi lill-konsumturi l-informazzjoni li jeħtieġu biex jagħmlu għażliet infurmati 15 .

3.Effiċjenza enerġetika: Valutazzjoni tal-potenzjal għall-2030

Għan prinċipali tal-politika futura dwar il-klima u l-enerġija huwa ż-żamma ta' enerġija affordabbli għan-negozju, l-industrija u l-konsumaturi. Minn dan isegwi li l-qafas 2030 u l-miri li jinkludi, huma sostnuti mill-ħtieġa li jintlaħqu l-għanijiet klimatiċi u tal-enerġija bl-aktar mod kosteffiċjenti. Approċċ bħal dan jitlob li l-Istati Membri jkollhom flessibbiltà fil-mod kif jilħqu l-impenji tagħhom, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkustanzi nazzjonali tagħhom. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni pproponiet miri vinkolanti sabiex l-emissjonijiet tal-gassijiet serra fl-2030 jitnaqqsu b'40 % (meta mqabbel mal-emissjonijiet fl-1990) u biex l-enerġija kkunsmata tinkludi mill-anqas 27 % minn sorsi rinnovabbli fl-2030. Dawn jirrappreżentaw stadji importanti fit-triq kosteffiċjenti lejn ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju fl-2050.

Rigward l-effiċjenza enerġetika, il-qafas 2030 indika wkoll li t-twassil kosteffiċjenti tal-mira ta' tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-2030 ikun jeħtieġ żieda ta' madwar 25 % fl-iffrankar tal-enerġija 16 . Dan id-dokument jibbaża fuq din il-premessa u janalizza aktar il-potenzjal kosteffiċjenti għat-titjib fl-effiċjenza enerġetika u benefiċċji oħra li toħloq l-effiċjenza enerġetika.

3.1.    Kompetittività fl-UE: it-tkabbir, l-impjiegi u l-industrija

L-effiċjenza enerġetika għandha rwol importanti sabiex jiżdiedu t-tkabbir u l-impjiegi 17 , speċjalment billi tistimola l-kostruzzjoni, is-settur li huwa l-aktar kapaċi biex jirreaġixxi malajr sabiex isostni t-tqabbid mill-ġdid tal-ekonomija u li mhuwiex espost għad-delokalizzazzjoni.

Fl-industrija, il-politika dwar l-effiċjenza enerġetika għandha l-għan li tnaqqas l-ammont ta' enerġija meħtieġa għall-istess proċess jew prodott – dan ifisser li tagħmel l-istess ħaġa jew aktar b'inqas mingħajr ma xxekkel il-prospetti tat-tkabbir. In-negozji Ewropej, b'mod partikolari l-industrija tal-manifattura, diġà taw kontribut kbir biex l-Ewropa ssir wieħed mill-iżjed reġjuni li jużaw l-enerġija b'mod effiċjenti fid-dinja. B'mod partikolari f'dan is-settur, it-titjib fl-effiċjenza enerġetika kien reazzjoni awtonoma għax-xejriet fil-prezzijiet. Pereżempju, l-industrija tal-UE storikament użat l-enerġija b'mod aktar effiċjenti mill-kontroparti tagħha tal-Istati Uniti – u xorta tejbet l-intensità enerġetika tagħha bi kważi 19 % bejn l-2001 u l-2011, meta mqabbel ma' 9 % biss fl-Istati Uniti 18 . Bejn l-1990 u l-2009 l-intensità enerġetika fl-industrija fl-UE27 tjiebet bi 30 % 19 .

Il-qafas regolatorju għall-appoġġ ta' dawn ix-xejriet qiegħed fis-seħħ, bl-Iskema tal-UE għan-Negozjar ta' Emissjonijiet tkun l-istrument prinċipali biex jixpruna l-effiċjenza enerġetika (u t-tnaqqis fil-GHG) fl-industrija, u jipprovdi l-previdibbiltà regolatorja neċessarja. Din se tiżdied bir-riserva għall-istabilità tas-suq tal-ETS li se tagħmel is-sistema aktar b'saħħitha kontra x-xokkijiet.

Il-qafas tal-effiċjenza enerġetika tal-UE kien xprun tal-innovazzjoni u t-tkabbir ekonomiku għan-negozji Ewropej. L-effiċjenza enerġetika saret opportunità għan-negozju – speċjalment fil-kostruzzjoni (settur iddominat mill-SMEs). L-effiċjenza enerġetika tixpruna l-kompetittività billi toħloq swieq għal apparat effiċjenti, b'valur miżjud għoli u teknoloġiji deċentralizzati għall-ġestjoni tal-enerġija. Iż-żieda fid-dipendenza mill-ICT fost ħafna mill-oqsma kkonċernati hija opportunità għal aktar titjib fl-effiċjenza, dejjem jekk is-sistemi u l-pjattaformi huma mgħammra b'interfaċċi standard miftuħa li jippermettu aġġornamenti faċli u aktar innovazzjoni. Billi d-domanda għall-prodotti li jużaw l-enerġija b'mod effiċjenti tiżdied madwar id-dinja, il-politika dwar l-effiċjenza enerġetika toħloq ukoll vantaġġi fis-swieq tat-tkabbir globali għall-prodotti Ewropej u tikkontribwixxi għal żvilupp ekonomiku sostenibbli.

Teknoloġiji ġodda fil-kostruzzjoni, fil-manifattura u fit-trasport għandhom il-potenzjal li jkomplu jtejbu l-effiċjenza enerġetika jekk jiġu mnedija fuq skala kbira b'suċċess.

3.2. Bini - kontijiet tal-enerġija aktar baxxi għall-konsumaturi

It-titjib fl-effiċjenza enerġetika fil-bini jista' jiffranka l-flus lill-konsumaturi. L-unitajiet domestiċi fl-UE jonfqu bħala medja 6.4 % tal-introjtu disponibbli tagħhom fuq użu tal-enerġija relatat mad-dar, madwar żewġ terzi għat-tisħin u terz għal skopijiet oħra 20 . Fl-2012 kważi 11 % tal-popolazzjoni tal-UE ma kinux kapaċi jżommu d-djar tagħhom sħan b'mod adegwat 21 . Dan huwa kkawżat mill-prezzijiet li dejjem jogħlew tal-enerġija – li madankollu l-effett tagħhom kien mitigat bil-kompetizzjoni akbar fis-suq intern tal-enerġija u biż-żieda fl-effiċjenza enerġetika.

Wara l-introduzzjoni tar-rekwiżiti tal-effiċjenza fil-kodiċijiet tal-bini, il-binjiet ġodda llum jikkunsmaw biss nofs dak li jikkunsmaw binjiet tipiċi mill-1980. Madankollu, 64 % tal-ħiters tal-ispazju, pereżempju, għadhom mudelli ineffiċjenti ta' temperatura baxxa 22 , u 44 % tat-twieqi għadhom bi ħġieġa waħda 23 . L-istandards ġodda dwar l-effiċjenza u t-tikkettar għall-ħiters tal-ispazju u tal-ilma dalwaqt jibdew iħallu impatt fuq is-suq. Għall-elettriku, apparat aktar effiċjenti huwa mistenni li jiffranka lill-konsumaturi EUR 100 biljun fis-sena sal-2020 fuq il-kontijiet tal-enerġija tagħhom, li huwa ekwivalenti għal EUR 465 għal kull unità domestika.

Id-drittijiet għal kontijiet aktar informattivi, trasparenti u frekwenti, u ta' parteċipazzjoni fi swieq għar-rispons tad-domanda, jagħtu lill-konsumaturi s-setgħa li jimmaniġġjaw attivament il-konsum tal-enerġija tagħhom. Il-ħolqien ta' suq għal servizzi innovattivi tal-enerġija fejn l-investimenti f'apparat effiċjenti u konsum u produzzjoni intelliġenti jagħtu r-riżultati, għandu jkun il-fokus tal-Istati Membri meta jippreparaw għall-implimentazzjoni ta' sistemi ta' metraġġ intelliġenti jew jiffaċilitawha.

L-effiċjenza enerġetika tal-bini żdiedet b'1.4 % fis-sena 24 . Din ir-rata relattivament limitata hija fil-biċċa l-kbira minħabba rati baxxi ta' rinnovazzjoni. L-Istati Membri li kellhom l-aktar suċċess fit-tnaqqis tal-konsum żejjed tal-enerġija ġabru flimkien ir-rekwiżiti stretti ta' effiċjenza għal bini ġdid u rinnovat ma' programmi mmirati lejn ir-rinnovazzjoni ta' bini eżistenti 25 .

Sabiex jinkisbu l-benefiċċji tal-effiċjenza enerġetika fil-bini, l-akbar sfida hija li jiġu aċċellerati u ffinanzjati l-investimenti bil-quddiem u titħaffef ir-rata ta' rinnovazzjoni tal-istokk eżistenti minn 1.4 % - il-medja tal-lum - għal iżjed minn 2 % kull sena.

PArti mill-isfida hija l-implimentazzjoni ta' dan it-tħaffif b'mod li jkun aċċettabbli fis-soċjetà. Jinħtieġ li jitnaqqsu l-effetti sekondarji li huma ta' ħsara għall-partijiet iktar dgħajfa tas-soċjetà u jinħtieġ li jiġu esplorati modi biex kull parti tas-soċjetà tkun tista' tibbenefika mill-investiment fil-miżuri ta' effiċjenza enerġetika. Dan jirrikjedi l-istabbiliment ta' strumenti finanzjarji xierqa li huma aċċessibbli għal kull grupp ta' konsumaturi irrispettivament mis-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom.

It-tnaqqis fid-domanda għall-fjuwils fossili, min-naħa tiegħu, se jwassal għal prezzijiet aktar baxxi tal-enerġija. Skont stima waħda, kull 1 % addizzjonali ta' ffrankar tal-enerġija se jwassal biex il-prezzijiet tal-gass ikunu madwar 0.4 % aktar baxxi u l-prezzijiet taż-żejt madwar 0.1 % aktar baxxi fl-2030 26 .

3.3.    Trasport effiċjenti enerġetikament

Il-konsum tal-enerġija fit-trasport żdied b'35 % matul il-perjodu 1990-2007, iżda minn dak iż-żmien 'l hawn ra xejra ta' tnaqqis. Sal-lum l-aktar għodda b'saħħitha sabiex dan jiġi indirizzat kienu standards għas-CO2 li jnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u li bihom il-karozzi u l-vannijiet ħfief ikunu aktar effiċjenti enerġetikament 27 , għalkemm fatturi oħra bħall-prezzijiet għolja taż-żejt u t-tkabbir aktar bil-mod fil-mobilità taw sehemhom ukoll għat-tnaqqis ta' 8 % fil-konsum tal-enerġija bejn l-2007 u l-2012.

Hemm sinjali li l-imġiba tal-utenti tat-trasport qiegħda tinbidel. F'xi Stati Membri, is-sjieda tal-karozzi qiegħda tilħaq il-punt ta' saturazzjoni; fuq skala urbana, hemm għadd ta' stejjer ta' suċċess lijħeġġu l-bidla għal forom aktar effiċjenti ta' trasport – vetturi elettriċi, trasport pubbliku, ċikliżmu u mixi. Id-Direttiva li dan l-aħħar intlaħaq qbil dwarha rigward l-implimentazzjoni ta' infrastruttura tal-fjuwils alternattivi 28 u l-"pakkett ta' mobilità urbana" 29 l-ġdid se jappoġġaw aktar din it-tendenza.

Inizjattivi oħra adottati mill-Kummissjoni, wara l-White Paper tal-2011 dwar it-Trasport 30 , għandhom l-għan li jħeġġu l-użu ta' modi tat-trasport aktar enerġetikament effiċjenti, permezz ta' kwalità aħjar u għażla akbar fis-servizzi ferrovjarji 31 , aktar investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni fit-trasport bil-ferrovija 32 u sfruttament akbar tal-passaġġi tal-ilma interni 33 .

Sabiex ikunu effettivi għalkollox, tinħtieġ trasformazzjoni gradwali tas-sistema sħiħa tat-trasport lejn integrazzjoni akbar bejn il-modalitajiet, l-innovazzjoni u l-użu ta' fjuwils alternattivi, u ġestjoni aħjar tal-flussi tat-traffiku permezz ta' sistemi tat-trasport intelliġenti. Dawn għandhom ikunu akkumpanjati minn politiki urbani u dwar l-użu tal-art aktar effiċjenti fuq livell tal-UE u tal-Istati Membri.

3.4.    Is-sejba tal-bilanċ bejn il-kostijiet u l-benefiċċji

Il-Kunsill Ewropew jaħdem biex jintlaħaq qbil dwar miri għall-2030 f'Ottubru sabiex l-Unjoni jkun jista' jkollha parti attiva fin-negozjati internazzjonali li għaddejjin dwar il-klima. Il-kontribut xieraq tal-effiċjenza enerġetika għall-qafas 2030 irid ikun ibbażat fuq konsiderazzjoni bir-reqqa tal-kostijiet u l-benefiċċji addizzjonali biex wieħed imur lil hinn mill-iffrankar tal-enerġija ta' 25 % indikat qabel mill-Kummissjoni. Xi aspetti prinċipali ta' opzjonijiet differenti huma murija fit-tabella 1.

Tabella 1. Kostijiet u benefiċċji ta' firxa ta' miri differenti relatati mal-effiċjenza enerġetika 34

REF2013
Linja bażi

GHG40
(40 % GHG, 27 % RES, 25 % EE)

Objettiv aktar ambizzjuż għall-effiċjenza enerġetika (%)

EE27

EE28

EE29

EE30

EE35

EE40

Iffrankar ta' enerġija fl-2030
(evalwat kontra l-projezzjonijiet fil-linja bażi tal-2007 għall-Konsum tal-Enerġija Primarja)

21.0 %

25.1 %

27.4 %

28.3 %

29.3 %

30.7 %

35.0 %

39.8 %

Konsum ta' enerġija primarja fl-2030 (Mtoe) [Konsum Gross Domestiku tal-Enerġija eskluż l-użu mhux għall-enerġija]

1490

1413

1369

1352

1333

1307

1227

1135

Kostijiet tas-sistemi tal-enerġija mingħajr effett tal-effiċjenza enerġetika fuq il-kostijiet mhux finanzjarji 35
(medja annwali 2011-2030 f'bn €'10)

2067

2069

2069

2074

2082

2089

2124

2181

Nefqiet ta' Investiment (medja annwali 2011-2030 f'bn €'10) 36

816

854

851

868

886

905

992

1147

Importazzjonijiet netti ta' gass fl-2030 (f'bcm) 37

320

276

267

256

248

237

204

184

Kostijiet tal-importazzjoni ta' fjuwils fossili (medja annwali 2011-2030 f'bn € '10)

461

452

447

446

444

441

436

434

Impjiegi fl-2030 (miljun Persuna)

231.74

n.a. 38

 n.a.

232.39

 n.a.

232.53

233.16

235.21

Prezz Medju tal-Elettriku għall-2030 (€/MWh)

176

179

180

179

178

178

177

182

Mira ta' ffrankar ta' 25 % fl-enerġija hija stmata li żżid il-kost medju annwali tas-sistema tal-enerġija minn EUR 2067 biljun għal EUR 2069 biljun fis-sena (2011-2030), jiġifieri b'madwar EUR 2 biljuni fis-sena, jew 0.09 %. Il-kostijiet sostanzjali tas-sistema tal-enerġija mġarrba mill-Istati Membri huma parti mit-tiġdid li għaddej ta' sistema tal-enerġija antika 39 . Bi ffrankar ta' 25 % fl-enerġija, il-qafas 2030 diġà jwassal titjib sostanzjali fid-dipendenza tal-Unjoni mill-enerġija, li jirrappreżenta ffrankar ta' EUR 9 biljuni fis-sena fl-importazzjonijiet ta' fjuwils fossili (2 % anqas) u tnaqqis ta' 13 % fl-importazzjonijiet tal-gass (madwar 44 biljun metru kubu) meta mqabbel max-xejriet u l-politiki preżenti.

Mira ta' ffrankar ta' 40 % fl-enerġija kif mitlub mill-Parlament Ewropew ikollha impatt prezzjuż fuq id-dipendenza mill-enerġija, li tnaqqas, b'mod partikolari, l-importazzjonijiet tal-gass. Madankollu, dawn il-benefiċċji f'termini ta' sigurtà tal-enerġija jiġu b'żieda qawwija fil-kostijiet globali tas-sistema tal-enerġija li jiżdiedu minn EUR 2069 biljun għal EUR 2181 biljun fis-sena, jiġifieri b'madwar EUR 112 biljun kull sena fil-perjodu bejn l-2011 u l-2030.

Il-Kummissjoni vvalutat firxa ta' livelli ta' ambizzjoni ta' ffrankar ta' bejn 25 % u 40 % ta' enerġija. Din l-analiżi wriet li l-benefiċċji jiżdiedu ma' żieda fl-ambizzjoni tal-effiċjenza enerġetika u li l-importazzjonijiet tal-gass jitnaqqsu bi 2.6 % għal kull 1 % addizzjonali fi ffrankar ta' enerġija. Dan għandu impatt dirett fuq iż-żieda tas-sigurtà tal-provvista tal-UE - għalkemm bi ffrankar ta' enerġija ta' aktar minn 35 %, ir-rata tat-tnaqqis tal-importazzjonijiet tal-gass minn iffrankar addizzjonali tal-enerġija tonqos b'mod qawwi.

B'mod aktar ġenerali, huwa ċar mit-Tabella 1 u l-Figura 2 hawn isfel li l-mira l-aktar ambizzjuża għall-effiċjenza enerġetika tagħti benefiċċji akbar b'mod partikolari f'termini tal-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili. Il-benefiċċji addizzjonali jinkludu dawk minn tnaqqis fl-emissjonijiet tal-GHG, tnaqqis fit-tniġġis tal-arja, tal-ilma u tal-ħamrija, tnaqqis fl-użu tar-riżorsi għall-estrazzjoni, it-trasformazzjoni, it-trasport u l-użu tal-enerġija, flimkien ma' kobenefiċċji fuq is-saħħa tal-bniedem u l-istat tal-ekosistemi. Dan jiġi kumplimentat bil-benefiċċji f'termini ta' livelli ta' impjieg potenzjalment ogħla. Madankollu, hemm ukoll kostijiet addizzjonali lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex tintlaħaq il-mira ta' 40 % għall-gassijiet serra. Pereżempju, mira ta' 28 % għall-effiċjenza enerġetika żżid l-ispejjeż totali tas-sistema tal-enerġija minn EUR 2069 biljun fis-sena bi ffrankar ta' 25 % għal madwar EUR 2074 biljun, jiġifieri żieda ta' madwar EUR 5 biljuni fis-sena, jew 0.24 % fis-sena, fil-perjodu bejn l-2011 u l-2030. Il-Figura 2 turi wkoll li l-kostijiet tal-effiċjenza enerġetika jiżdiedu b'mod aktar mgħaġġel mill-iffrankar fl-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili. .

Figura 2. Kostijiet medji annwali addizzjonali tas-sistemi tal-enerġija u l-iffrankar ta' fjuwils fossili meta mqabbla max-xenarju ċentrali tal-mira ta' 40 % għall-gassijiet serra, il-mira ta' 27 % għall-enerġija rinnovabbli u l-mira ta' 25 % għall-iffrankar tal-enerġija.

Nota. It-tabella 1 ta' hawn fuq tiġbor fil-qosor il-kostijiet u l-benefiċċji prinċipali ta' livelli differenti ta' ffrankar tal-enerġija fl-2030

Id-distribuzzjoni tal-impatti hija wkoll konsiderazzjoni importanti. Jinħtieġ li miżuri addizzjonali sabiex tittejjeb l-effiċjenza enerġetika jindirizzaw prinċipalment l-effiċjenza enerġetika tal-bini u tal-prodotti u b'hekk sa ċertu punt sinifikanti jaqgħu fuq is-setturi mhux tal-ETS. Rigward is-settur tal-kostruzzjoni, li jirrappreżenta madwar 10 % tal-PDG tal-UE, it-titjib fl-effiċjenza enerġetika fil-bini huwa l-aktar xprun importanti għall-kisba mill-ġdid tat-tkabbir wara r-riċessjoni.

4.Finanzjament tal-Effiċjenza Enerġetika u t-tranżizzjoni sal-2030

L-opportunitajiet għall-effiċjenza enerġetika identifikati f'din l-analiżi jistgħu jiġu ffinanzjati bil-kundizzjoni li jkun hemm fis-seħħ qafas effettiv ta' finanzjament sabiex jintlaħqu l-kostijiet bil-quddiem sinifikanti.

Il-fondi tal-Unjoni għandhom jingranaw il-finanzjament privat

Fondi sostanzjali tal-Unjoni għandhom ikunu disponibbli sabiex jiġu implimentati l-miżuri tal-effiċjenza enerġetika fil-perjodu ta' qabel l-2020 fi ħdan il-qafas finanzjarju pluriennali. L-użu tagħhom diġà huwa punt prinċipali ta' diskussjoni mal-Istati Membri b'rabta mal-ftehim globali dwar il-Qafas 2030 u l-kisba ta' distribuzzjoni ġusta u ekwa tal-isforzi.

Jekk jintefqu b'għaqal, l-investimenti magħmula fil-perjodu ta' qabel l-2020 ikomplu jwasslu l-iffrankar meħtieġ fl-enerġija anki wara l-2020. Il-biċċa l-kbira tal-potenzjal ta' ffrankar fl-enerġija qiegħed fis-settur tal-bini, b'40 % tal-konsum tal-enerġija fl-UE jiġi mill-bini, u kważi 90 % tal-ispazju tal-art tal-bini tal-UE huwa proprjetà privata u aktar minn 40 % tal-bini residenzjali jmur lura għal qabel l-1960. Dan jindika l-ħtieġa ta' finanzjament privat sinifikanti. Għalhekk huwa importanti li jitfaċċa suq għat-titjib fl-effiċjenza enerġetika u l-fondi pubbliċi jaġixxu sabiex jingranaw il-kapital privat.

Bħala eżempju, l-investituri istituzzjonali fl-UE (aderenti mal-inizjattiva tal-Prinċipji tal-Investimenti Responsabbli) attwalment jimmaniġġjaw 'il fuq minn EUR 12-il triljun ta' fondi, u l-ammont li investew fi proprjetà immobbli privata huwa stmat għal aktar minn EUR 1.5 triljun fl-2012. Dawn huma riżorsi disponibbli li jridu jiġu liberati bl-użu intelliġenti tal-fondi pubbliċi akkumpanjat minn qafas regolatorju trasparenti u stabbli, fuq perjodu fit-tul. Il-Valutazzjoni tal-Impatt identifikat li jkunu meħtieġa EUR 38 biljun/sena oħra ta' investiment sabiex jitwassal il-qafas 2030. F'dan l-isfond, il-Kummissjoni tqis li l-Istati Membri għandhom jallokaw proporzjonijiet sinifikanti mill-finanzjament tal-Politika ta' Koeżjoni u/jew il-fondi nazzjonali sabiex jappoġġaw il-qalba għal ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju bil-għan li dawn ir-riżorsi jintużaw biex jingranaw il-kapital privat. Fil-baġit tal-UE għall-2014-2020, l-impenn għall-effiċjenza enerġetika żdied b'mod sinifikanti. Tal-inqas EUR 38 biljun se jkunu disponibbli għal investimenti b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju taħt il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej 2014-2020 – u din is-somma se tiġi multiplikata b'kofinanzjament nazzjonali u reġjonali u billi jiġi attirat kapital privat.

Barra minn hekk, appoġġ ulterjuri tal-inizjattiva Orizzont 2020 u l-Fondi ESI se jiġi investit fl-innovazzjoni għall-effiċjenza enerġetika. Fil-perjodu 2014-2020 huma previsti madwar EUR 20 miljun, b'mod partikolari permezz tal-fokus fuq l-Effiċjenza Enerġetika tal-Isfida Soċjali dwar Enerġija Sigura, Nadifa u Effiċjenti fi ħdan l-H2020 kif ukoll is-sħubijiet pubbliċi-privati dwar "Bini Effiċjenti fl-Enerġija", dwar "Fabbriki tal-ġejjieni" u għal "Industrija bi Proċess Sostenibbli permezz ta' Effiċjenza fir-Riżorsi u l-Enerġija (SPIRE)".

F'dawn l-aħħar snin, l-UE żviluppat skemi pilota ta' strumenti ta' finanzjament innovattiv, bħall-Fond Ewropew għall-Effiċjenza Enerġetika ("EEE F"), il-Fond Globali għall-Effiċjenza Enerġetika u l-Enerġija Rinnovabbli (“GEEREF”), u l-Finanzjament Privat għall-Effiċjenza Enerġetika ("PF4EE") taħt il-Programm Life, li jistgħu jintużaw direttament jew bħala eżempji għar-replikazzjoni fuq livell tal-Istati Membri. Barra minn hekk, wara l-ewwel esperjenzi ta' suċċess fil-perjodu 2007-13 bħall-istrument JESSICA 40 , jitħeġġeġ b'saħħa l-użu tal-istrumenti finanzjarji fil-Fondi ESI għall-perjodu 2014-2020, pereżempju permezz tas-"Self għar-rinnovazzjoni". Dawn se jipprovdu opportunitajiet aħjar lill-Istati Membri sabiex jassiguraw ingranaġġ għoli tal-Fondi ESI. Hemm evidenza dejjem akbar tal-benefiċċji importanti tal-fondi pubbliċi użati bħala xprunaturi għall-involviment tal-kapital privat: l-użu aktar kosteffiċjenti tar-riżorsi pubbliċi skarsi, l-effetti importanti ta' ingranaġġ f'termini ta' investimenti mis-settur privat, l-allinjament aħjar tal-appoġġ pubbliku maċ-ċiklu tal-investiment tan-negozju, l-involviment tas-settur finanzjarju, aktar trasparenza u piż amministrattiv aktar baxx.

Jinħtieġ li jiġu indirizzati l-fatturi li jaffettwaw il-provvista u d-domanda għall-finanzjament ta' investiment

Min-naħa tad-domanda, il-konsumaturi tal-enerġija jridu jkunu infurmati aħjar dwar il-benefiċċji sħaħ tal-effiċjenza enerġetika li jmorru lil hinn mis-sempliċi ħlas lura tal-investiment jew il-kilowatt-sigħat iffrankati, bħalma huma t-titjib fil-kwalità tal-ħajja jew iż-żieda fil-kompetittività tan-negozji tagħhom. Id-domanda addizzjonali tista' tiġi promossa b'implimentazzjoni aktar effettiva tal-qafas regolatorju eżistenti, għajnuna fl-iżvilupp u d-dimostrazzjoni ta' pjan robust u skalabbli ta' proġetti ta' investiment, u l-kondiviżjoni tal-għarfien u l-esperjenza.

Id-disponibbiltà tal-finanzjament tista' tiżdied bl-użu ta' fondi pubbliċi sabiex jiġu strutturati u replikati skemi ta' finanzjament imfasslin apposta eżistenti, li joffru prodotti ta' finanzjament attraenti, faċli biex taċċessahom (qrib is-suq) u sempliċi bħal self b'imgħax baxx għal diversi tipi ta' konsumaturi.

Barra minn hekk, sabiex il-konsumaturi tal-enerġija jiġu motivati jfittxu finanzjament għat-titjib tal-effiċjenza enerġetika, tinħtieġ riċerka soċjoekonomika aktar orjentata lejn il-finanzi biex tinftiehem aħjar l-imġiba tal-konsumaturi – inklużi u l-kerrejja u l-familji b'introjtu baxx – meta jittieħdu deċiżjonijiet dwar miżuri ta' effiċjenza enerġetika. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lis-suq emerġenti għas-servizzi tal-enerġija (inklużi l-Ftehimiet għall-Ikkuntrattar għall-Prestazzjoni tal-Enerġija u s-Servizzi tal-Enerġija). Il-provvista ta' servizzi ġodda (eż. l-iffrankar tal-enerġija) li joħorġu minn mudelli kummerċjali relatati mar-rispons għad-domanda ċertament li se tinfluwenza d-domanda għall-investiment u l-finanzjament.

Sabiex tiġi stimulata l-provvista ta' investimenti fl-effiċjenza enerġetika, irid isir xogħol sabiex jintwera l-każ kummerċjali għall-investituri u l-finanzjaturi. Jinħtieġu t-trasparenza, l-iskalabbiltà u l-istandardizzazzjoni sabiex jinħoloq suq sekondarju għal prodotti finanzjarji għall-effiċjenza enerġetika u jiġi liberat il-potenzjal għar-rifinanzjament tal-investimenti fl-effiċjenza enerġetika permezz ta' prodotti u strutturi tas-suq kapitali.

Il-mobilizzazzjoni tal-provvista u d-domanda għall-finanzjament tal-investiment għalhekk tinvolvi:

L-identifikazzjoni, il-kejl, il-ġustifikazzjoni u l-valutazzjoni tal-benefiċċji sħaħ tal-investimenti fl-effiċjenza enerġetika permezz ta' dejta u evidenza robusta li tista' tintuża minn partijiet privati u kummerċjali li jieħdu deċiżjonijiet ta' investiment kif ukoll is-settur finanzjarju b'mod partikolari bl-użu taċ-Ċertifikati tal-Prestazzjoni Enerġetika fis-settur tal-bini;

L-iżvilupp ta' standards għal kull element fil-proċess tal-investiment fl-effiċjenza enerġetika, inklużi l-kuntratti legali, il-proċessi tas-sottoskrizzjoni, il-proċeduri tal-akkwist, l-aġġudikazzjoni, il-kejl, il-verifika, ir-rappurtar, il-prestazzjoni enerġetika (kuntratti u ċertifikati) u l-assigurazzjoni;

Il-provvista tal-għodod u s-servizzi lill-konsumaturi sabiex jikkontrollaw il-konsum tal-enerġija li jippermettulhom li jqabblu l-kostijiet (kapitali) tal-investimenti fl-effiċjenza enerġetika mal-kostijiet (operattivi) għall-konsum tal-enerġija;

L-użu tal-Fondi tal-UE (b'mod partikolari l-ESIF) orjentat lejn il-miri permezz ta' strumenti pubbliċi-privati sabiex iżidu l-volumi tal-investiment u jgħinu sabiex jaċċelleraw l-involviment ta' finanzjament mis-settur privat permezz ta' kondiviżjoni tar-riskju skalat, anki d-dħul tal-ETS jista' jiġi mmirat lejn investimenti fl-effiċjenza enerġetika;

L-Istati Membri għandhom jimxu minn finanzjamenti tradizzjonali b'għotjiet u jfittxu li jidentifikaw il-mudelli ta' ħidma li jindirizzaw l-aħjar il-ħtiġijiet ta' investiment fir-rinnovament tal-effiċjenza enerġetika fl-istokkijiet tal-bini tagħhom (kif artikolat fl-Istrateġiji Nazzjonali tagħhom għar-Rinnovament tal-Bini).

Id-djalogu aktar b'saħħtu bejn l-industrija tal-iffinanzjar, dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fis-settur pubbliku u professjonisti relatati oħra, li jippermettilhom li jistrutturaw u juru l-aktar mekkaniżmi finanzjarji u skemi ta' investiment effettivi - aġġustati kemm għal-livell lokali jew għal segmenti speċifiċi tas-suq u replikabbli madwar l-UE kollha.

Ir-rwol tal-Kummissjoni

Il-Kummissjoni se ssaħħaħ il-kooperazzjoni mal-Istati Membri, dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fis-settur pubbliku, l-investituri u l-istituzzjonijiet finanzjarji, inkluż il-Bank Ewropew tal-Investiment (il-"BEI"), sabiex iżżid il-livell tal-għarfien dwar il-mekkaniżmi eżistenti ta' finanzjament għall-effiċjenza enerġetika lil hinn mill-iffinanzjar purament b'għotjiet, il-prestazzjoni u l-impatt tagħhom, inklużi kwistjonijiet relatati mal-valutazzjoni tar-riskju, il-valwazzjoni u l-istandardizzazzjoni. Il-Kummissjoni se tkompli wkoll il-kooperazzjoni tagħha mal-istituzzjonijiet finanzjarji u l-Istati Membri dwar aktar żvilupp jew introduzzjoni ta' Strumenti u Inizjattivi Finanzjarji xierqa, li jirrinforzaw id-disponibbiltà ta' likwidità għall-miżuri ta' effiċjenza enerġetika.

Se tingħata attenzjoni speċifika lill-kooperazzjoni mal-Istati Membri fir-rigward tal-Użu tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, sabiex tirrifletti l-ħtiġijiet, l-ostakoli u l-opportunitajiet differenti madwar l-UE. Il-Kummissjoni diġà ppubblikat gwida komprensiva dwar kif għandu jiġi ffinanzjat ir-rinnovament tal-bini b'finanzjament mill-Politika ta' Koeżjoni li għandu l-għan li jgħin lill-Awtoritajiet Maniġerjali jippjanaw u jużaw l-investimenti fil-bini fi ħdan il-Programmi Operazzjonali. Hija tipprovdi lista ta' approċċi ta' prattika tajba u studji ta' każijiet. Hija tesplora wkoll il-mekkaniżmi differenti ta' finanzjament li l-awtoritajiet jistgħu jużaw bil-għan li jniedu investimenti fuq skala kbira fir-rinnovament enerġetiku tal-bini u jattiraw livelli akbar ta' investiment mis-settur privat.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tkompli taħdem mill-qrib mal-Istati Membri, billi tipprovdi aktar gwida jekk tkun meħtieġa sabiex tikkumplimenta l-gwida eżistenti sabiex tappoġġa l-implimentazzjoni tal-EED 41 ) u tappoġġa l-iskambju ta' prattiki tajba. Barra dan, il-Kummissjoni se tkompli tassigura li l-liġi tal-UE tiġi trasposta u applikata sewwa, sabiex ikunu assigurati kundizzjonijiet ekwi bejn l-Istati Membri u jiġi massimizzat l-iffrankar tal-enerġija.

5.Il-passi li jmiss

Wara bidu inċert, il-politika tal-Ewropa dwar l-effiċjenza enerġetika issa qiegħda tagħti r-riżultati. Fil-qafas tal-mira ta' tnaqqis ta' 20 % għall-2020, hemm momentum b'saħħtu fuq livell Ewropew u nazzjonali. B'implimentazzjoni sħiħa u monitoraġġ tal-leġiżlazzjoni diġà adottata, l-UE tista' tpoġġi lilha nnifisha fit-triq it-tajba biex tilħaq din il-mira, u b'hekk tiffranka 170 Mtoe f'konsum ta' enerġija bejn l-2010 u l-2020.

L-iżviluppi riċenti, b'mod partikolari l-kriżi fl-Ukraina, huma tfakkira ċara tas-sitwazzjoni vulnerabbli tal-UE fir-rigward tas-sigurtà tal-enerġija u b'mod partikolari l-importazzjonijiet tal-gass. L-Istrateġija Ewropea riċenti dwar is-Sigurtà tal-Enerġija tindika r-rwol tal-effiċjenza enerġetika bħala mezz sabiex tittejjeb is-sigurtà tal-provvista tal-Unjoni - kull 1 % addizzjonali fi ffrankar tal-enerġija jnaqqas l-importazzjonijiet tal-gass bi 2.6 %.

Għalhekk il-Kummissjoni tħoss li huwa xieraq li jinżamm il-momentum eżistenti tal-iffrankar fl-enerġija u tipproponi mira ambizzjuża għall-effiċjenza enerġetika ta' 30 %. Din se twassal benefiċċji addizzjonali sostanzjali u l-kost addizzjonali jirrappreżenta bilanċ raġonevoli minħabba l-prominenza akbar tar-riskji fis-sigurtà tal-enerġija filwaqt li tippreserva l-affordabilità tal-istrateġija tal-Unjoni dwar il-klima u l-enerġija għall-2030.

Il-qafas preżenti bbażat fuq mira indikattiva fuq livell tal-UE u taħlita ta' miżuri vinkolanti tal-UE u azzjoni nazzjonali kien effettiv sabiex jinkiseb progress b'saħħtu mill-Istati Membri. Dan l-approċċ, għalhekk, għandu jkompli japplika sal-2030 u l-effiċjenza enerġetika għandha ssir parti integrali mill-qafas ta' governanza propost fil-komunikazzjoni “2030” li għandu jirrazzjonalizza r-rekwiżiti preżenti tal-monitoraġġ u r-rappurtar. L-effiċjenza enerġetika għalhekk tkun komponent prinċipali tal-pjanijiet nazzjonali tal-Istati Membri għal enerġija kompetittiva, sigura u sostenibbli li jġib koerenza akbar għall-politiki u l-miżuri nazzjonali u reġjonali dwar il-klima u l-enerġija.

Abbażi tal-pjanijiet nazzjonali li tirċievi u billi tuża l-analiżi pan-Ewropea tagħha dwar l-enerġija u l-klima, il-Kummissjoni se timmonitorja l-pjanijiet nazzjonali u tivvaluta l-prospetti li jintlaħqu l-miri nazzjonali/tal-UE dwar il-klima u l-enerġija (inklużi dawk għall-effiċjenza enerġetika), il-prospettiva għad-dipendenza tal-UE mill-enerġija u l-funzjonament effettiv tas-suq intern tal-enerġija, fuq il-bażi ta' indikaturi prinċipali xierqa tal-enerġija. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni se tesplora l-użu ta' indikaturi addizzjonali, biex tesprimi u timmonitorja l-progress lejn il-mira tal-effiċjenza enerġetika, bħall-intensità enerġetika, li jqisu aħjar it-tibdil bażiku fil-PDG u t-tbassir tiegħu u t-tkabbir fil-popolazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tirrevedi l-progress fl-effiċjenza enerġetika fl-2017 filwaqt li tqis dawn l-elementi. Fl-aħħar, il-proċess ta' governanza se jipprovdi qafas li fih tiġi evalwata l-effettività tal-politiki nazzjonali u tal-UE li għandhom x'jaqsmu mal-objettivi tal-klima u l-enerġija għall-2030.

Il-Kummissjoni se tkompli l-isforzi tagħha biex tiżdied iktar is-sofistikazzjoni tal-immudellar tal-enerġija u tal-ekonomija użat fil-valutazzjoni tal-kostijiet u l-benefiċċji tal-miżuri tal-effiċjenza enerġetika.

Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa lill-Istati Membri fl-isforzi nazzjonali tagħhom permezz ta' miżuri ta' politika fuq livell Ewropew bħala kontribut sabiex jinkiseb l-iffrankar propost. F'dan il-kuntest se jintużaw l-elementi li ġejjin:

-L-evalwazzjoni u l-eżami li jmiss tat-Tikkettar tal-Enerġija u ċerti aspetti tad-Direttivi dwar l-Ekodisinn, li huma mistennija għall-aħħar tal-2014, se jipprovdu opportunità biex jiġi aġġornat il-qafas ta' politika relatat mal-prodotti;

-Aktar żvilupp ta' strumenti finanzjarji u għajnuna għall-iżvilupp ta' proġetti biex jiġi ingranat l-investiment mis-settur privat f'tagħmir u teknoloġija li jużaw l-enerġija b'mod effiċjenti.

-L-evalwazzjoni u r-reviżjonijiet tad-Direttivi dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija u dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija, l-Artikolu 7 tal-EED, u l-NEEAPs li jmiss fl-2017, se jipprovdu l-opportunità sabiex jiġi kkunsidrat liema elementi ta' politika se jkunu neċessarji biex jiġu xprunati investimenti sostnuti fl-effiċjenza enerġetika, speċjalment fid-dawl tal-eliminazzjoni gradwali ppjanata ta' xi elementi prinċipali tal-EED fl-2020.

-Il-Komunikazzjoni li jmiss tal-Kummissjoni dwar is-suq tal-konsumaturi se tiffoka fuq il-ħolqien ta' suq fejn is-servizzi innovattivi bbażati fuq ipprezzar dinamiku jassiguraw li s-suq joffri prodotti li jippromwovu użu effiċjenti fl-enerġija, ibbażat fuq djalogu mal-Istati Membri u r-regolaturi u fi ħdan il-qafas tal-EED u l-leġiżlazzjoni dwar is-Suq Intern tal-Enerġija.

-L-implimentazzjoni tar-riserva ta' stabilità tas-suq tal-iskema għan-Negozjar ta' Emissjonijiet li se tixpruna t-titjib fl-effiċjenza enerġetika fis-settur industrijali u se tassigura li jinkisbu sinerġiji bejn il-politiki dwar l-effiċjenza enerġetika u l-klima.

-L-implimentazzjoni progressiva tal-programm ippreżentat fil-White Paper tal-2011 dwar it-Trasport 42 ;

-L-użu tal-programm tal-H2020 dwar ir-Riċerka u l-Innovazzjoni u l-kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri biex jingranaw il-konsenja ta' prodotti affordabbli, innovattivi u effiċjenti fl-enerġija kif ukoll mudelli kummerċjali ġodda għal tali konsenja.

6.Konklużjonijiet

Il-previżjonijiet kurrenti jimplikaw li l-mira attwali tal-2020 għall-effiċjenza enerġetika qiegħda fi triqtha biex tintlaħaq. Il-Kummissjoni mhux beħsiebha tipproponi miżuri ġodda iżda tħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex iżidu l-isforzi preżenti tagħhom sabiex jassiguraw konsenja kollettiva tal-mira tal-2020. Il-Kummissjoni se tikkumplimenta dawn l-isforzi bi gwida xierqa u disseminazzjoni tal-aħjar prattika sabiex tassigura sfruttament sħiħ tal-fondi disponibbli tal-Unjoni.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar qafas ta' politika 2030 għall-klima u l-enerġija identifikat livell ta' ffrankar ta' enerġija ta' 25 % bħala parti minn strateġija sabiex il-mira tat-tnaqqis ta' 40 % fl-emissjonijiet ta' gassijiet serra titwassal bl-aktar mod kost-effettiv. Madankollu, minħabba ż-żieda fir-rilevanza tat-tisħiħ tas-sigurtà tal-enerġija tal-UE u t-tnaqqis tad-dipendenza mill-importazzjonijiet tal-Unjoni, il-Kummissjoni tqis li jixraq li tipproponi mira ogħla ta' 30 %. Dan iżid il-kostijiet tal-Qafas 2030 b'EUR 20 biljun fis-sena iżda xorta jwassal għal benefiċċji tanġibbli fl-ekonomija u fis-sigurtà tal-enerġija.

(1)

     COM(2014) 15

(2)

     COM(2014) 330

(3)

     Il-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew 26-27 ta' Ġunju 201, EUCO 79/14

(4)

     Din tammonta għal 1483 miljun tunnellata ta' ekwivalenti taż-żejt (Mtoe) f'konsum tal-enerġija primarja fl-2020

(5)

     U l-predeċessuri tagħha d-Direttiva dwar is-CHP (2004/8) u d-Direttiva dwar Servizzi ta' Enerġija (2006/32)

(6)

     Id-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija 2010/31/UE

(7)

     B'mod partikolari d-Direttiva dwar l-Ekodisinn 2009/125/KU u l-miżuri tal-implimentazzjoni tagħha; Id-Direttiva dwar it-Tikkettar tal-Enerġija 2010/30/UE u l-miżuri ta' implimentazzjoni tagħha.

(8)

     Ir-Regolament (UE) Nru 333/2014 u r-Regolament (KE) Nru 443/2009

(9)

     Il-programm ta' Assistenza Ewropea għall-Enerġija Lokali mmaniġġjat mill-Bank Ewropew tal-Investiment; http://www.eib.org/products/elena/index  

(10)

     Id-Direttiva 2009/72/KE dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE

(11)

     id-Direttiva 2003/87/KE kif emendata bid-Direttiva 2009/29/KE u d-Deċiżjoni Nru 1359/2013/UE

(12)

     Dan ifisser li l-mira ta' ffrankar ta' 20 % ikun jonqosha 20-40 Mtoe biex tintlaħaq.

(13)

     Il-Kummissjoni tistma li sal-2020 jistgħu jiġu assigurati 15-il Mtoe addizzjonali ta' ffrankar permezz ta' dawn l-azzjonijiet. "Studju li jevalwa l-Miżuri ta' Politika u l-Metodoloġiji Nazzjonali għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija", CE Delft, abbozz ta' studju kkummissjonat mis-servizzi tal-Kummissjoni.

      http://ec.europa.eu/energy/efficiency/eed/guidance_notes_en.htm  

(14)

     Il-Kummissjoni tistma li sal-2020 jistgħu jiġu assigurati 20 Mtoe addizzjonali ta' ffrankar permezz ta' dawn l-azzjonijiet; ara wkoll http://ec.europa.eu/energy/efficiency/eed/guidance_notes_en.htm .

(15)

     Dan għandu jevita t-telf ta' mill-anqas 4 Mtoe ta' ffrankar.

(16)

     Jekk wieħed jassumi l-istess metodu sabiex jitkejjel il-progress bħal dak użat bħalissa għall-mira ta' 20 % żieda fl-effiċjenza enerġetika għall-2020.

(17)

     Il-Komunikazzjoni dwar l-Inizjattiva għal Impjiegi Ekoloġiċi: Jiġi sfruttat il-potenzjal tal-ekonomija ekoloġika għall-ħolqien tal-impjiegi COM(2014) 446 final.

(18)

     COM(2014) 21 Il-prezzijiet u l-kostijiet tal-enerġija fl-Ewropa, p. 12; SWD (2014) 19, Energy Economic Developments in Europe, pp. 36 u 41.

(19)

     L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent 2012, http://www.eea.europa.eu/data-and-maps/indicators/energy-    efficiency-and-energy-consumption .

(20)

     "Rapport dwar il-prezzijiet u l-kostijiet tal-enerġija", dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni, SWD(2014) 20 final/2

(21)

     Idem

(22)

     L-Industrija Ewropea tat-Tisħin, dejta għall-2012, UE28 esklużi Ċipru, il-Lussemburgu u Malta.

(23)

     Studju preparatorju skont id-Direttiva dwar l-Ekodisinn, VHK, abbozz ta' riżultati

(24)

     "Xejriet tal-Effiċjenza Enerġetika fl-UE", Odysee-Mure, 2011

(25)

     Pereżempju, fil-Ġermanja u s-Slovakkja, il-konsum medju tal-enerġija għal kull abitazzjoni naqas b'50 % mill-1990 'l hawn.

(26)

     POLES, "Quick analysis of the impact of energy efficiency policies on the international fuel prices", Ċentru Konġunt tar-Riċerka, 2014

(27)

     L-emissjonijiet minn karozzi ġodda mibjugħa fl-2013 niżlu għal medja ta' 127 gramma għal kull kilometru, il-mira ta' 130g/km stabbilita għall-2015 intlaħqet sentejn qabel.

(28)

     COM(2013) 18 final

(29)

     COM(2013) 913 final

(30)

     COM(2011) 144 final

(31)

     Ir-Raba' Pakkett dwar il-Ferroviji, disponibbli mis-sit: http://ec.europa.eu/transport/modes/rail/packages/2013_en.htm

(32)

     Shift2Rail, disponibbli mis-sit: http://ec.europa.eu/transport/modes/rail/news/shift-to-rail_en.htm

(33)

     Pakkett NAIADES II, disponibbli mis-sit: http://ec.europa.eu/transport/modes/inland/promotion/naiades2_en.htm

(34)

 It-Tabella 1 hija bbażata fuq l-aħħar analiżi disponibbli.

(35)

 Il-kunċett ta' kostijiet tas-sistemi tal-enerġija jinkludi b'mod wiesa' żewġ elementi: il-kostijiet kapitali u x-xiri tal-enerġija. Il-kostijiet kapitali jistgħu jinfirdu fi tliet elementi ewlenin: (i) il-kost kapitali tal-investiment fl-effiċjenza enerġetika; (ii) il-kost tal-akkwist ta' finanzi għal dak l-għan; u (iii) il-kostijiet mhux finanzjarji attribwiti lill-ostakli li jaffaċċjaw il-konsumaturi, bħal l-isforz meħtieġ biex tinkiseb informazzjoni dwar binjiet jew prodotti effiċjenti. Il-politiki tal-effiċjenza enerġetika jindirizzaw dawn l-ostakli u b'hekk inaqqsu l-kostijiet tagħhom.

(36)

 Minkejja li l-GHG40 ikun irħas mill-EE27 bejn 2011-2030 f'termini tat-total ta' kostijiet tas-sistema tal-enerġija b'EUR 0.5 biljun (2068.5 vs 2069 bn €), jippreżenta nefqiet tal-invesitment kemxejn ogħla. Prinċiplament dan jiġri minħabba ambizzjoni iktar baxxa tal-EE27 f'termini ta' tnaqqis ta' GHG40 (-40.6 % vs -40.1 %) u l-introduzzjoni ta' xi politiki EE b'kostijiet baxxi biex jingħelbu l-ostakli mhux tas-suq (li jeżistu fil-GHG40) u t-tgawdija tal-potenzjal tal-EE rilevanti disponibbli fl-UE.

(37)

 Billi r-riżultat ta' PRIMES huwa espress f'Mtoe, intuża fattur ta' konverżjoni ta' 0.90567 (ref: IEA).

(38)

 Billi l-analiżi preliminarja wriet li r-riżultati kienu simili ħafna – pereżempju għall-EE27 u EE28– ingħata mudell għal inqas xenarji għall-impjiegi. Għalhekk ingħata mudell għal E28, EE30, EE35 u EE40 biss.

(39)

     Huwa stmat li jinħtieġ madwar EUR 1 triljun matul l-10 snin li ġejjin għall-invesitment fil-ġenerazzjoni u fit-trasport u EUR 600 biljun għat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni.

(40)

Appoġġ Konġunt Ewropew għall-Investiment Sostenibbli fiż-Żoni tal-Ibliet (JESSICA)

(41)

     Il-Komunikazzjoni "L-Implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija – il-Gwida tal-Kummissjoni" [COM(2013) 762].

(42)

     COM(2011) 144 final

Top

Brussell, 23.7.2014

COM(2014) 520 final

ANNESSI

ta'

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

L-Effiċjenza Enerġetika u l-kontribut tas-sigurtà tal-enerġija u l-Qafas 2030 għall-politika dwar il-klima u l-enerġija

{SWD(2014) 255 final}
{SWD(2014) 256 final}


ANNESS I
Żviluppi ta' politika rrappurtati fil-Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali għall-Effiċjenza Enerġetika tal-2014 (NEEAPs)

L-Awstrija

L-obbligi ta' effiċjenza enerġetika għad-distributuri tal-enerġija, li jindirizzaw prinċipalment l-effiċjenza tal-bini eżistenti.

L-isforz imġedded sabiex jiżdied is-sehem tat-tisħin distrettwali.

L-awditjar, proġetti pilota u dimostrazzjonijiet għall-effiċjenza enerġetika industrijali.

It-taxxi fuq l-enerġija se jżommu rwol sinifikanti.

Il-Belġju

Il-miżuri ffukati fuq is-settur tal-bini.

Il-ħelsien mit-taxxa għar-rinnovamenti tal-bini.

It-titjib fil-metraġġ u l-ħruġ tal-kontijiet.

Ċipru

L-isponsorizzazzjonijiet u l-pjanijiet ta' konċessjonijiet għall-konservazzjoni tal-enerġija

Il-kampanja mmirata lejn is-sostituzzjoni ta' prodotti li jużaw l-enerġija b'mod ineffiċjenti.

Il-proġetti sabiex jippromwovu l-effiċjenza enerġetika fil-karozzi privati u miżuri oħra ta' effiċjenza enerġetika fit-trasport.

Ir-Repubblika Ċeka

Skema ta' finanzjament ġdida li tiffoka fuq:

il-miżuri ta' ffrankar tal-enerġija fil-bini madwar is-setturi kollha (il-kostruzzjoni u t-teknoloġija tal-bini)

l-iffrankar tal-enerġija fil-proċessi tal-industrija u tas-servizzi

infrastruttura tal-enerġija aktar effiċjenti (prinċipalment fis-sistemi tat-tisħin distrettwali); it-tnaqqis tal-ħela fis-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku u tat-tisħin.

il-promozzjoni ta' koġenerazzjoni effiċjenti ħafna

Id-Danimarka

Il-livell miżjud ta' ambizzjoni tal-obbligi tal-effiċjenza enerġetika minn iffrankar annwali ta' 2.6 % għal 3 %.

L-informazzjoni għall-konsumaturi (eż. ċertifikati ta' prestazzjoni enerġetika mtejba għall-bini)

L-informazzjoni dwar l-effiċjenza enerġetika għall-banek u l-kumpaniji tal-ipoteki.

L-Estonja

Il-programmi ġodda sabiex jiġu rinnovati l-binjiet, jiġu appoġġati l-awditi tal-enerġija u l-investiment fl-effiċjenza enerġetika fl-industrija, u jinbidlu d-dwal tat-toroq.

L-għotjiet, is-self preferenzjali u l-garanziji sabiex jappoġġaw ir-rinnovament ta' bini b'ħafna appartamenti u l-iskema ta' appoġġ sabiex tittejjeb l-effiċjenza ta' bini residenzjali żgħir.

Ir-rwol kontinwu tat-taxxi.

Il-Finlandja

Ir-rinfurzar ta' miżuri eżistenti, bħal ftehimiet volontarji mal-industrija, pjuttost milli l-introduzzjoni ta' miżuri ġodda. Il-ftehimiet volontarji se jintegraw elementi bħall-awditjar tal-enerġija, l-inċentivi tat-taxxa u t-taħriġ.

Se jissaħħu wkoll il-miżuri li jimmiraw il-bini. Dawn jgħaqqdu flimkien il-kodiċijiet tal-bini, il-kampanji ta' informazzjoni u d-diversi inċentivi, inklużi l-krediti tat-taxxa. Ħafna mill-fokus se jingħata sabiex titkompla ż-żieda fl-effiċjenza tat-tisħin (il-bejgħ annwali tal-pompi tas-sħana diġà żdied minn anqas minn 1000 fl-1999 għal 60 000 fl-2012).

Franza

L-irduppjar tal-livell ta' ambizzjoni tal-iskema ta' obbligi dwar l-effiċjenza enerġetika.

Il-fond iddedikat għar-rinnovazzjoni tal-bini, li jaġixxi bħala garanzija għall-ingranaġġ tal-investiment privat.

It-tassazzjoni fis-settur tat-trasport tista' twassal għal iffrankar addizzjonali.

Il-Ġermanja

Il-kalkolu aġġornat ibbażat fuq l-istatistika riċenti juri li l-konsum primarju ta' enerġija tal-Ġermanja se jkun kważi 10 % aktar baxx mill-mira nnotifikata fl-2013.

Se jissaħħu l-miżuri ta' politika eżistenti, inklużi r-rekwiżiti tal-effiċjenza tal-bini, it-tassazzjoni, il-pariri/is-sensibilizzazzjoni u l-appoġġ għall-investiment, b'mod partikolari permezz tal-iskema tal-KfW.

Element importanti tal-isforzi ġodda ta' politika se jkun l-iżvilupp tas-suq tal-ESCO (Energy services company).

L-Irlanda

Il-miżuri inklużi fil-pjan huma mistennija li jwasslu għal iffrankar marġinalment ogħla mill-mira nazzjonali.

Il-Fokus fis-settur tal-bini fuq l-iżvilupp ta' sistemi ta' kejl u verifika sabiex ikejlu b'mod preċiż l-iffrankar miksub.

Din se tkun il-bażi biex tmexxi d-domanda għal akkomodazzjoni u provvista aktar effiċjenti (eż. mis-settur bankarju)

L-Italja

It-tisħiħ tal-istandards minimi għall-kostruzzjoni ta' binjiet ġodda u r-rinnovament ta' binjiet eżistenti;

Il-konsolidazzjoni tat-tnaqqis fit-taxxi għar-rinnovazzjoni tal-binjiet u t-tisħiħ tal-inċentivi għall-binjiet li huma proprjetà ta' korpi pubbliċi

It-tisħiħ tas-sistema taċ-ċertifikati tal-effiċjenza enerġetika ("ċertifikati bojod")

Jitħeġġeġ it-tiġdid tal-flotta ta' karozzi u trakkijiet sa 3.5 tunellati.

Il-Latvja

L-obbligi tal-effiċjenza enerġetika se jiġu applikati għad-distributuri tal-enerġija

Dawn, flimkien ma' Fond nazzjonali ċirkolanti ġdid għall-Effiċjenza Enerġetika se jiffukaw prinċipalment fuq il-finanzjament ta' rinnovamenti tal-bini.

Il-Litwanja

L-iskema ta' obbligu tal-effiċjenza enerġetika se tiġi applikata għall-kumpaniji prinċipali tad-distribuzzjoni tal-enerġija li mistennija jappoġġaw investimenti fl-effiċjenza enerġetika għall-użu finali fis-settur tal-kostruzzjoni tal-bini u l-industrija.

L-ikema ta' appoġġ għat-titjib tal-effiċjenza tan-netwerks lokali tat-tisħin distrettwali.

Il-Fond Nazzjonali għat-titjib tar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija.

Malta

Il-livell ta' ambizzjoni tal-mira indikattiva tal-pajjiż jiżdied bi 12 %.

L-iskema ta' obbligu ta' effiċjenza enerġetika

L-awditjar b'xejn tal-enerġija għall-unitajiet domestiċi u l-SMEs jekk jitolbuh.

Oqsma oħra ta' fokus: l-introduzzjoni tal-arloġġi smart, il-kampanji ta' informazzjoni, ir-rinnovazzjoni tal-bini, il-miżuri dwar it-trasport, l-immodernizzar tal-impjanti tal-ġenerazzjoni, it-titjib tal-effiċjenza enerġetika tad-distribuzzjoni tal-ilma.

Il-Pajjiżi l-Baxxi

Il-Ftehim dwar l-enerġija għat-tkabbir sostenibbli, li jinkludi l-gvern ċentrali, reġjonali u lokali, l-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi u l-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema, organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili u l-istituzzjonijiet finanzjarji, inkluż fil-qasam tal-effiċjenza enerġetika. Il-ftehim jimmira l-bini, l-effiċjenza enerġetika fl-industrija u fis-settur agrikolu.

Il-Portugall

Il-Portugall se jibbaża fuq iż-żamma ta' skemi eżistenti li qed jiġu riveduti sabiex jiffoka fuq dawk li huma l-aktar kosteffiċjenti.

X'aktarx l-iskemi li jippromwovu l-iżolament termiku tad-djar ikollhom l-akbar impatt.

Spanja

L-ambizzjoni tal-mira indikattiva tal-pajjiż ġiet riveduta marġinalment 'il fuq meta mqabbla mal-2013.

L-obbligu ta' effiċjenza enerġetika għall-kumpaniji tal-enerġija.

Ir-rinnovazzjoni ta' bini residenzjali u kummerċjali permezz tal-Fond Nazzjonali għall-Effiċjenza Enerġetika.

L-inċentivi għal trasport li juża l-enerġija b'mod effiċjenti, il-miżuri fiskali, it-taħriġ, il-kampanja nazzjonali ta' informazzjoni dwar l-effiċjenza enerġetika.

L-Isvezja

L-effiċjenza enerġetika se tkompli tiġi xprunata prinċipalment permezz tat-tassazzjoni.

Ir-Renju Unit

L-akbar iffrankar mir-rekwiżiti ta' effiċjenza enerġetika għall-bini.

Il-fokus fuq it-titjib tal-iskema Green Deal.

ANNESS II
Id-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija – L-istat tat-traspożizzjoni fit-22 ta' Lulju 2014

Stat Membru

Traspożizzjoni kif iddikjarata mill-Istat Membru

Każijiet ta' non-komunikazzjoni

Rapport kost-ottimali (Artikolu 5)

Informazzjoni konsolidata tal-NZEB

(Artikolu 9)

Data mistennija:

id-9 ta' Lulju 2012

il-21 ta' Marzu 2013

l-4 ta' Marzu 2014

L-Awstrija

Le

Għaddej

Il-Belġju

Le

Għaddej

Il-Bulgarija

Iva

Magħluq

Il-Kroazja

Iva

Għaddej 1

Iddikjarat parzjali

Ċipru

Iva

Magħluq

Ir-Repubblika Ċeka

Iva

Għaddej

Id-Danimarka

Iva

Magħluq

L-Estonja

Iva

Magħluq

Il-Finlandja

Le

Għaddej

Franza

Iva

Magħluq

Il-Ġermanja

Iva

Magħluq

Il-Greċja

Iva

Magħluq

Le

Le

L-Ungerija

Iva

Magħluq

L-Irlanda

Iva

Magħluq

L-Italja

Iva

Għaddej

Il-Latvja

Iva

Magħluq

Il-Litwanja

Iva

Magħluq

Il-Lussemburgu

Iva

Magħluq

Malta

Iva

Magħluq

Il-Pajjiżi l-Baxxi

Le

Għaddej

Il-Polonja

Le

Għaddej

Il-Portugall

Iva

Magħluq

Ir-Rumanija

Iva

Magħluq

Le

Le

Spanja

Iva

Magħluq

Le

Ir-Repubblika Slovakka

Iva

Magħluq

Is-Slovenja

Le

Għaddej

Le

L-Isvezja

Iva

Magħluq

Ir-Renju Unit

Iva

Magħluq

ANNESS III
Id-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika – L-istat tat-traspożizzjoni fis-16 ta' Lulju 2014

Stat Membru

Miri għall-Effiċjenza Enerġetika

(Artikolu 3)

Strateġija għar-Rinnovazzjoni tal-Bini

(Artikolu 4)

Skemi ta' Obbligu ta' Effiċjenza Enerġetika u/jew miżuri alternattivi

(Artikolu 7)

Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali dwar l-Effiċjenza Enerġetika (NEEAPs)

(Artikolu 24(2))

Traspożizzjoni kif iddikjarata mill-Istat Membru

Data mistennija:

it-30 ta' April 2013

it-30 ta' April 2014

il-5 ta' Diċembru 2013

it-30 ta' April 2014

il-5 ta' Ġunju 2014

L-Awstrija

Le

Il-Belġju

Le

Il-Bulgarija

Le

Il-Kroazja

Le

Ċipru

Iva

Ir-Repubblika Ċeka

Le

Id-Danimarka

Iva

L-Estonja

Le

Il-Finlandja

Le

Franza

Le

Il-Ġermanja

Le

Il-Greċja

Le

L-Ungerija

Le

L-Irlanda

Le

L-Italja

Iva

Il-Latvja

Le

Il-Litwanja

Le

Il-Lussemburgu

Le

Malta

Iva

Il-Pajjiżi l-Baxxi

Le

Il-Polonja

Le

Il-Portugall

Le

Ir-Rumanija

Le

Spanja

Le

Ir-Repubblika Slovakka

Le

Is-Slovenja

Le

L-Isvezja

Iva

Ir-Renju Unit

Le

(1) Każ ta' ksur li jinsab fl-istadju tal-Avviż ta' Tqegħid fil-Mora.
Top