EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014DC0285

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW Strateġija għat-Tnaqqis tal-Konsum tal-Fjuwil u tal-Emissjonijiet tad-CO2 mill-Vetturi Heavy Duty

/* COM/2014/0285 final */

52014DC0285

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW Strateġija għat-Tnaqqis tal-Konsum tal-Fjuwil u tal-Emissjonijiet tad-CO2 mill-Vetturi Heavy Duty /* COM/2014/0285 final */


1. Introduzzjoni

Il-Pjan Direzzjonali tal-Kummissjoni biex nimxu lejn ekonomija kompetittiva b'użu baxx tal-karbonju fl-2050[1] u l-White Paper dwar it-Trasport[2] jindikaw li s-settur tat-trasport għandu jnaqqas l-emissjonijiet tiegħu tad-CO2 b'madwar 60% tal-livelli tiegħu tal-1990 sal-2050. Sal-2030, b'appoġġ tal-għanijiet ta' qafas tal-politika dwar il-klima[3] tal-2030 li ġiet proposta dan l-aħħar, l-għan għat-trasport se jkun it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għal madwar 20% taħt il-livell tagħhom tal- 2008. L-emissjonijiet tal-gass serra mit-trasport fit-toroq żdiedu bi 29 % matul il-perjodu mill-1990 sal-2007, iżda minn dak iż-żmien naqsu minħabba prezzijiet għolja taż-żejt, żieda fl-effiċjenza tal-karozzi tal-passiġġieri u tkabbir aktar bil-mod ta' mobbiltà (b'6% bejn l-2007 u l-2011)[4].

Madwar kwart[5] tal-emissjonijiet tad-CO2 mit-trasport bit-toroq huwa stmat li jiġi prodott minn Vetturi Heavy-Duty (HDVs). Fid-dawl ta’ żieda fil-volumi tat-trasport tal-merkanzija tal-UE, dawn l-emissjonijiet kienu qed jiżdiedu sa qabel il-bidu tal-kriżi ekonomika. Minħabba d-daqs assolut, it-tendenza u s-sehem relattiv tagħhom, l-emissjonijiet tad-CO2 mill-HDV għandhom jitrażżnu sabiex il-miri tal-White Paper dwar it-trasport jiġu ssodisfati.

L-emissjonijiet tad-CO2 tal-karozzi u l-vannijiet huma mkejla u sorveljati skont il-leġiżlazzjoni eżistenti dwar l-approvazzjoni tat-tip. Madankollu l-emissjonijiet tas-CO2 tal-HDV ma jitkejlux b’mod standardizzat fl-UE. Dan inaqqas it-trasparenza fis-suq tal-UE. B'kuntrast, il-Ġappun, l-Istati Uniti u l-Kanada diġà lleġiżlaw, u ċ-Ċina qed tħejji l-azzjoni, biex tkejjel u trażżan l-emissjonijiet tad-CO2 tal-HDV. Dan jista’ jaffettwa l-kompetittività relattiva tal-manifattura tal-HDV f’dawn ir-reġjuni differenti kif ukoll in-negozji li jiddependu fuq it-trasport bl-HDV. Fid-dawl ta' dan, l-azzjoni tal-UE fuq il-konsum tal-fjuwil mill-HDV u l-emissjonijiet tad-CO2 minnhom hija ħaġa importanti għall-kompetittività tal-UE.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, f’Ġunju 2007 il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni “biex tiżviluppa u timplimenta strumenti ta’ politika u miżuri biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra minn vetturi HDV”[6]. Il-Kummissjoni, fil-Komunikazzjoni tagħha ta’ April 2010 dwar “Strateġija Ewropea dwar vetturi ta’ enerġija nadifa u effiċjenti”[7], ħabbret li se tipproponi strateġija li l-għan tagħha huwa l-konsum tal-fjuwil u l-emissjonijiet tad-CO2 mill-HDVs.

L-għan tal-istrateġija huwa li jitnaqqsu l-emissjonijiet tad-CO2 tal-HDV b'mod kosteffiċjenti u proporzjonat għall-partijiet interessati u s-soċjetà. Dan għandu jipprovdi lill-partijiet interessati qafas ta’ politika ċara, u koerenti u jindika żviluppi regolatorji simili, biex b’hekk ikun iffaċilitat it-teħid ta’ deċiżjonijiet u ppjanar ta’ investiment.

2. Il-ħtieġa għal azzjoni biex jitrażżan il-konsum tal-fjuwil u l-emissjonijiet tad-CO2 mill-HDV

2.1.  Ix-xejriet tal-emissjonijiet tad-CO2 minn Vetturi Heavy Duty mhumiex sostenibbli

Sa min-nofs is-snin 1990 u sal-bidu tal-kriżi ekonomika t-trasport tal-merkanizja bl-HDV kiber b’mod stabbli xprunat minn tkabbir tal-PGD, filwaqt li t-trasport tal-passiġġieri baqa' ġeneralment kostanti. Flimkien ma’ konsum stabbli tal-fjuwil tal-vetturi, dawn ix-xejriet wasslu għal żieda fl-emissjonijiet tad-CO2 mill-HDV. Bejn l-1990 u l-2010 l-emissjonijiet tadCO2 mill-HDV huma stmati li kibru b’madwar 36%, minkejja li l-kriżi ekonomika tal-2008-2009 interrompiet it-tkabbir kostanti li kien osservat qabel[8].

L-attività tat-trasport totali hija maħsuba li se tikber fl-40 sena li ġejjin iżda t-tnaqqis fil-konsum tal-fjuwil b'xi mod ser itaffi dan l-effett fuq l-emissjonijiet tad-CO2. Skont it-tendenzi u l-politiki attwali l-emissjonijiet tad-CO2 mill-HDVs huma mbassra li se jibqgħu stabbli u għalhekk ikunu madwar 35% akbar mil-livell tagħhom tal-1990 kemm fl-2030 u fl-2050. Dan ma jistax jiġi kkunsidrat kompatibbli mal-linji politiċi tal-UE biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-GHG u l-għan tal-White Paper dwar it-trasport li jitnaqqsu l-emissjonijiet tat-trasport tal-UE b’60% sal-2050 meta mqabbla mal-livelli tal-1990.

2.2. It-teknoloġija tista’ tnaqqas il-konsum tal-fjuwil u l-emissjonijiet tad-CO2 tal-HDVs

Konsum sinifikanti tal-fjuwil u tal-emissjonijiet tad-CO2 minn HDVs huwa possibbli permezz ta’ titjib tekniku tal-vetturi bil-mutur (inkluż l-irkupru tas-sħana), it-trasmissjoni, l-aerodinamiċi, it-tajers u awżiljarji, kif ukoll it-tħaffif fil-piż. Ħidma analitika riċenti[9] turi li tnaqqis kosteffikaċi għal madwar 35% tal-emissjonijiet tad-CO2 tal-HDVs ġodda jista’ jinkiseb billi jintużaw teknoloġiji avvanzati fuq il-vetturi. Tnaqqis fil-konsum tal-fjuwil jagħmel din l-ispiża effiċjenti kemm mill-perspettiva tal-operaturi tat-trasport kif ukoll tas-soċjetà.

Barra minn hekk, l-effiċjenza tista’ tissaħħaħ aktar billi tittejjeb il-ġestjoni tal-flotta, isir taħriġ aħjar lis-sewwieqa, manutenzjoni superjuri tal-vetturi, kapaċità mtejba ta’ ġestjoni bil-benefiċċju ta’ Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti (STI).

2.3. Hemm qabża fl-għarfien u ostakli tas-suq li jeħtieġ li jiġu indirizzati

Minkejja l-importanza ekonomika tal-konsum tal-fjuwil, l-emissjonijiet tad-CO2 tal-HDVs la huma mkejla u lanqas rappurtati[10]. Id-distakk fl-għarfien li jirriżulta minn dan qed ixekkel id-dħul fis-suq ta’ HDVs aktar effiċjenti fl-enerġija u aktar baxxi fid-CO2. L-indirizzar ta' dan id-distakk fl-għarfien huwa pass meħtieġ biex jittrażżnu l-emissjonijiet tad-CO2 mill-HDVs.

Studju reċenti[11] li jissuġġerixxi numru ta’ spjegazzjonijiet possibbli għal dan in-nuqqas ta’ użu ta’ teknoloġiji ġodda kosteffiċjenti fir-rigward tal-iffrankar tal-fjuwil mill-HDVs. Dawn l-ostakli tas-suq jieħdu forom differenti:

· minkejja li l-effiċjenza tal-fjuwil hija kriterju ewlieni tax-xiri għall-kumpaniji tat-trasport meta jakkwistaw vettura ġdida, in-nuqqas ta’ użu ta’ teknoloġiji li jiffrankaw il-fjuwil huwa marbut mal-proċess tax-xiri fejn ftit kumpaniji tat-trasport għandhom f'idejhom id-dejta biex jivvalutaw it-teknoloġiji jew iqabblu l-vetturi;

· Filwaqt li joffru teknoloġiji tal-iffrankar tal-fjuwil mhux obbligatorji, il-manifatturi ma joffruhomx bħala standard għal vetturi bażiċi; 

· Jidher li l-operaturi tal-HDV jiddeprezzaw il-vetturi fuq tliet snin li huwa notevolment taħt il-medja stmata tal-ħajja ta' HDV ta’ ħdax-il sena;

· nuqqas ta’ aċċess għall-finanzi;

· inċentivi maqsuma, jiġifieri meta x-xerrej tal-vettura, eż. kumpanija tal-kiri fit-tul, ma jibbenefikax minn iffrankar tal-fjuwil li jkun dovut għall-operatur tat-trasport.

Filwaqt li huma konxji mit-teknoloġiji eżistenti ewlenin li jtejbu l-prestazzjoni tal-HDVs biex dawn jiffrankaw il-fjuwil, l-operaturi tat-trasport huma milquta mid-distakk fl-għarfien li minħabba fih ma jistgħux iqabblu l-prestazzjoni tal-vetturi ġodda differenti u għalhekk mhumiex f’pożizzjoni li jitolbu li teknoloġiji kosteffiċjenti jiġu inklużi fuq vetturi ġodda.

2.4. Pajjiżi oħra diġà ħadu azzjoni

B’kuntrast man-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni fl-UE, pajjiżi oħrajn ħadu azzjoni. Il-Ġappun introdotuċa leġiżlazzjoni dwar il-konsum tal-fjuwil mill-HDVs fl-2007. L-Istati Uniti rregolaw l-emissjonijiet tad-CO2 mill-HDVs fl-2011, u l-Kanada fl-2012. Il-leġiżlazzjoni tal-Istati Uniti u Kanadiża hija mmirata lejn l-emissjonijiet tad-CO2 tal-magna u x-xażi-kabina, u hija implimentata permezz ta’ dikjarazzjonijiet tal-manifatturi u valuri tar-rendiment simplifikati. L-Istati Uniti bħalissa qed iħejju aktar leġiżlazzjoni ambizzjuża, b’enfasi fuq il-kejl tal-emissjonijiet ta’ vettura sħiħa.

2.5. L-azzjoni se tibbenefika lill-ekonomija tal-UE

Il-manifatturi Ewropej għandhom pożizzjoni ewlenija fis-suq globali tal-HDVs li jammontaw għal iktar minn 40% tal-produzzjoni globali totali[12]. Filwaqt li l-bilanċ kummerċjali tal-HDVs tal-UE huwa pożittiv b’bilanċ favorevoli sinifikanti, dan ma jirriflettix kompletament il-pożizzjoni qawwija tal-industrija tal-UE peress li l-biċċa l-kbira tal-manifatturi tal-UE jindirizzaw il-produzzjoni tagħhom lejn swieq barranin bi prodotti mmanifatturati barra l-Ewropa. Billi l-konsum tal-fjuwil huwa parametru tax-xiri importanti, l-aġevolazzjoni tal-investimenti minn dawk il-manifatturi biex ikomplu jtejbu l-ekonomija tal-fjuwil tgħin il-kompetittività tagħhom.

Filwaqt li l-produzzjoni bbażata fl-UE tal-HDVs tirrappreżenta proporzjon iżgħar mill-produzzjoni dinjija (madwar 12-14%) ir-rwol ta' sinjalar dinji tal-istandards tal-UE jista' jkun konsiderevoli kif intwera b’mod ċar bl-istandards Euro tal-emissjonijiet li jniġġsu li ġew adottati minn bosta pajjiżi oħra, b’mod partikolari ċ-Ċina, l-Indja, ir-Russja u l-Indoneżja.

Mingħajr azzjoni tal-UE, jintilfu opportunitajiet kosteffiċjenti biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tad-CO2 u jsir kontribut għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tad-CO2 globali tal-UE. L-industrija tal-manifattura fl-UE taf ma tibbenefikax minn ekonomiji tal-iskala fl-iżvilupp u t-tħaddim ta’ teknoloġiji ulterjuri li jnaqqsu d-CO2 li bħala fatt jista’ jdgħajjef il-pożizzjoni kompetittiva tagħha fis-suq globali. In-negozji tal-UE jiddependu fuq l-HDVs għal proporzjon kbir tat-trasport tagħhom. Tnaqqis kosteffiċjenti fil-konsum tal-fjuwil tal-HDVs se jiżgura livell ta’ ambizzjoni li jkun affordabbli għall-operaturi tat-trasport u l-utenti aħħarin, itejjeb il-kompetittività ta’ dawn in-negozji u jnaqqas l-importazzjoni tal-enerġija.

Filwaqt li l-UE diġà ħadet xi inizjattivi jew stabbiliethom f’numru ta’ oqsma bħad-disinn tal-vettura, il-ġestjoni ta’ operazzjonijiet tat-trasport, l-internalizzazzjoni ta’ spejjeż esterni, id-dekarbonizzazzjoni tal-fjuwils u d-deċiżjonijiet tax-xiri tal-vettura, hija meħtieġa strateġija komprensiva tal-UE biex jittrażżnu l-emissjonijiet tad-CO2 mill-HDVs. Dan se jipprovdi wkoll lill-industrija bi prevedibbiltà dwar il-futur tal-qafas regolatorju tal-UE f’dan il-qasam.

3. Strateġija tal-UE biex jittrażżan il-konsum tal-fjuwil u l-emissjonijiet tad-CO2 mill-HDVs

L-ixprunaturi ewlenin tal-emissjonijiet tad-CO2 u l-konsum tal-fjuwil huma d-domanda għat-trasport li hija marbuta mal-attività ekonomika, il-qasma modalifost it-trasport bit-triq, bil-ferrovija, bl-ajru u passaġġi tal-ilma, l-intensità tal-gassijiet b’effett serra mill-fjuwils, l-effiċjenza enerġetika tal-vetturi u l-operazzjoni tal-flotot tal-HDV. Filwaqt li l-indirizzar tad-domanda globali għat-trasport huwa lil hinn mill-kamp ta' applikazzjoni ta’ din l-istrateġija, strateġija komprensiva biex jittrażżnu l-emissjonijiet tad-CO2 mill-HDVs trid tindirizza l-ixprunaturi ewlenin l-oħra.

3.1. It-tisħiħ tal-politiki tal-UE li jindirizzaw il-konsum tal-fjuwil u l-emissjonijiet tad-CO2 mill-HDVs

L-UE diġà ħadet azzjoni biex direttament jew indirettament jiġu indirizzati ħafna mill-ixprunaturi tal-emissjonijiet tad-CO2 mill-HDVs:

· Bidla modali hija dimensjoni ewlenija tal-politika tat-trasport tal-UE li tappoġġja l-intermodalità. L-abbozz tal-linji gwida tal-UE għall-iżvilupp ta' netwerk tat-trasport trans-Ewropew[13] jistipula kriterji għat-taffija tal-bidla fil-klima fl-ipprogrammar tal-fondi tal-UE għal infrastruttura ġdida. Dawn il-politiki huma mistennija li jirriżultaw bil-mod f'tidwir tax-xejra li wasslet għal sehem dejjem jikber tat-trasport bit-triq.

· Miżuri biex inaqqsu l-intensità tal-gassijiet b’effett serra mill-fjuwils wasslu għal fjuwils alternattivi li jirrappreżentaw madwar 6%[14] (2010) tal-użu tal-enerġija fit-trasport bit-triq. Il-leġiżlazzjoni eżistenti[15] għandha l-għan li tiffavorixxi l-użu ta’ anqas gassijiet b’effett serra u tħeġġeġ l-enerġija rinnovabbli fit-trasport filwaqt li stabbilixxiet miri kwantitattivi għal dan l-għan li huma attwalment taħt reviżjoni[16]. L-inizjattiva riċenti “Enerġija Nadifa għat-Trasport” u l-gwida riveduta tat-TEN-T, sostnuta mill-Faċilità Nikkolegaw l-Ewropa, ikomplu jappoġġjaw l-iżvilupp ta’ infrastruttura għall-fjuwils alternattivi u użu akbar tal-gass naturali u l-bijometanu fl-HDVs[17],[18],[19]. Il-Kummissjoni ppropoiniet ukoll[20] reviżjoni tad-"Direttiva dwar it-Tassazzjoni tal-Enerġija"[21] li mistennija tirristrutturizza s-sistema attwali tat-taxxa fuq l-enerġija u tinkludi element dwar it-tassazzjoni tal-fjuwil tad-CO2.

· L-appoġġ għall-iżvilupp u l-introduzzjoni ta’ vetturi b’marka tal-karbonju iktar baxxa qiegħed iseħħ b’mod attiv. L-“Inizjattiva tal-Karozzi Ekoloġiċi” skont is-Seba’ Programm ta' Qafas għar-Riċerka inkludiet it-titjib fl-effiċjenza tal-fjuwils u t-tnaqqis tal-emissjonijiet tad-CO2 mill-HDVs. L-appoġġ għal vetturi nodfa u effiċjenti huwa wkoll rifless fil-proposta “Orizzont 2020 - il-Programm ta’ Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni”[22]. Il-leġiżlazzjoni tal-UE tappoġġa wkoll b’mod attiv ix-xiri ta’ vetturi aktar favur l-ambjent minn entitajiet pubbliċi[23]. Il-leġiżlazzjoni dwar l-approvazzjoni tat-tip[24] dwar piżijiet u dimensjonijiet reċentement introduċiet kwota (50 cm) għal tagħmir aerodinamiku mmuntat fuq wara ta’ trakkijiet/karrijiet ġodda. B’konformità ma’ dan, il-Kummissjoni riċentament ipproponiet[25] reviżjoni tad-Direttiva 96/53/KE dwar il-piżijiet u d-dimensjonijiet ta’ vetturi fit-traffiku internazzjonali li hija aktar eżiġenti billi tipproponi sett ġdid ta’ benefiċċji li għandhom jappoġġjaw is-soluzzjonijiet li jtejbu l-aerodinamika tal-HDVs.

· L-importanza tat-tħaddim tal-flotta tal-vetturi hija wkoll rikonoxxuta u indirizzata. Il-leġiżlazzjoni tat-tariffi tal-utenti tat-toroq tikkontribwixxi għal titjib fl-effiċjenza tat-trasport u tnaqqas il-konsum tal-fjuwil u l-emissjonijiet tad-CO2. Fejn applikati, il-ħlasijiet imposti fuq vetturi tqal tal-merkanzija skont id-Direttiva 1999/62/KE[26] ottimizzaw l-użu tat-trasport bit-triq billi naqqsu l-vjaġġi bla tagħbija u tejbu l-fatturi tat-tagħbija, aċċelleraw it-tiġdid tal-flotot u ħolqu kundizzjonijiet għal aktar komodalità. Id-Direttiva dwar is-Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti reċenti ser tikkontribwixxi biex jitħaffef l-iżvilupp u l-użu tat-teknoloġija tal-informatika fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma’ modi oħrajn ta’ trasport[27]. Barra minn hekk, f’Diċembru 2013 il-Kummissjoni ressqet rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal azzjoni koordinata bejn il-livelli kollha ta’ gvern u bejn is-settur pubbliku u s-settur privat fil-qasam tal-loġistika urbana, il-qasam tar-regolamentazzjoni tal-aċċess urban, l-użu ta’ sistema ta’ soluzzjonijiet ta' trasport intelliġenti (ITS) u fil-qasam tas-sikurezza tat-toroq urbani.

Il-qafas tal-politika tat-trasport se jkompli jittejjeb. Kif imħabbar fil-White Paper dwar it-trasport, numru ta’ inizjattivi huma fi tħejjija u dawn se jkomplu jssaħħuh:

· Is-sehem modali u l-bidla lejn mezzi b’livell baxx ta’ karbonju se jkomplu jiġu indirizzati. L-inizjattiva tat-trasport elettroniku tal-merkanzija prevista mistennija li toħloq qafas biex jiġi ssimplifikat il-fluss elettroniku tal-informazzjoni assoċjat mal-fluss fiżiku tal-prodotti. Bosta azzjonijiet previsti fil-White Paper dwar it-Trasport[28] ser jinfluwenzaw ukoll is-sehem modali, b’mod notevoli l-iżvilupp tat-trasport tal-merkanzija multimodali u l-kurituri multimodali tal-merkanzija, kif ukoll l-oqfsa ġodda għan-navigazzjoni interna.

· Għadd ta’ azzjonijiet se jinfluwenzaw l-operat tat-trasport tal-merkanzija u huma mistennija li jikkontribwixxu għal tnaqqis fil-konsum tal-enerġija:

- Riformulazzjoni tad-direttiva dwar il-liċenzji tas-sewqan fl-2012 inkludiet rekwiżiti dwar l-ekosewqan għall-eżamijiet tas-sewwieqa tat-trakkijiet u sforzi ulterjuri huma ppjanati biex jiġu implimentati dawn id-dispożizzjonijiet;

- Reviżjoni tal-leġiżlazzjoni tat-tariffi tal-utenti tat-toroq għajjejja bħalissa għandha l-għan li tippromwovi użu aktar sistematiku ta' tariffi tat-toroq relatati mad-distanza li jirriflettu l-kostijiet tal-infrastruttura u dawk esterni bbażati fuq il-prinċipji ta’ “min iniġġeż iħallas” u ta’ “min juża jħallas”;

- Inizjattiva dwar il-marka tal-karbonju qed titħejja biex tappoġġja titjib fit-trasparenza u l-informazzjoni lill-utent aħħari dwar l-impatt fuq id-CO2 tat-trasport tal-merkanzija u tal-passiġġieri;

- Fl-aħħar nett, ir-reviżjoni tar-restrizzjonijiet tal-kabotaġġ bit-toroq kif propost fil-White Paper dwar it-Trasport jaf ukoll jgħin biex jagħmel it-trasport bit-toroq aktar effiċjenti billi jżid il-fattur tat-tagħbija tal-vetturi jekk dan iseħħ gradwalment u jekk ikun ikkombinat ma' miżuri li jtejbu l-infurzar u l-miżuri li jtaffu r-riskji possibbli ta' trasport indott bit-toroq.

Madankollu, sal-lum, ma kienx hemm azzjoni fil-livell tal-UE biex tindirizza l-konsum tal-fjuwils u l-emissjonijiet tad-CO2 minħabba HDVs li jitqiegħdu fis-suq b’mod parallel għal dak stabbilit għall-karozzi u l-vannijiet. Il-White Paper dwar it-Trasport identifikat il-ħtieġa għal aktar azzjoni f’dan il-qasam[29].

3.2. Azzjoni għal żmien qasir li tindirizzaw id-distakk fl-għarfien

Kif innutat fit-taqsima 2.3, prerekwiżit biex jiġi indirizzat il-konsum tal-fjuwil u l-emissjonijiet tad-CO2 tal-HDVs huwa li dawn jitkejlu u jiġu mmonitorjati. Dan se jindirizza xi ostakli ewlenin tas-suq attwali billi tiżdied it-trasparenza tas-suq u l-komparabilità tal-vetturi b’mod li tiġi stimulata l-kompetizzjoni fost il-manifatturi u s-sensibilizzazzjoni tal-utent finali. Bħala riżultat, dan għandu jwassal għal produzzjoni aktar effiċjenti fil-konsum tal-fjuwils u x-xiri ta’ HDVs li jarmu anqas CO2.

Huwa previst li dan jinkiseb f’żewġ fażijiet:

· Tlestija ta’ għodda ta’ simulazzjoni

Minħabba d-diversità tal-mudelli u l-kompiti tal-HDVs (eż. tankers, karozzi tal-linja eċċ.) mhuwiex xieraq li jitwettaq ittestjar tad-CO2 tal-HDVs bl-istess mod bħal għall-karozzi u l-vannijiet. L-approċċ ta' simulazzjoni bil-kompjuter għandu numru ta’ vantaġġi peress li potenzjalment ikopri l-aspetti kollha tal-HDVs, huwa versatili u kosteffettiv ħafna. Mill-2009 'l hawn, il-Kummissjoni, b’kooperazzjoni mal-partijiet interessati tal-industrija, żviluppat għodda ta’ simulazzjoni, VECTO[30], biex jitkejlu l-emissjonijiet tad-CO2 tal-vettura HDV kollha, jiġifieri inklużi l-emissjonijiet minħabba l-mutur u t-trażmissjoni, l-aerodinamika, ir-resistenza tal-irrowljar, u affarijiet awżiljarji tal-vettura. Filwaqt li pajjiżi oħra bħall-Istati Uniti tal-Amerika u l-Kanada riċentement adottaw leġiżlazzjoni bbażata fuq l-emissjonijiet tad-CO2tal-HDVs imsejsa fuq emissjonijiet mill-magna u x-xażi/kabina tal-vettura, VECTO mistennija li tkun l-ewwel metodoloġija fi ħdan l-industrija kollha mmirata li tikkunsidra l-emissjonijiet tad-CO2 mill-vettura kollha, inkluż karru.

Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni huwa involuti mill-qrib f’dan il-proġett. F’April 2013, ħareġ "Rapport ta’ Prova tal-Kunċett”[31] li jikkonkludi li f’dan il-punt tal-fażi ta' prova, VECTO tipprovdi stimi tal-emissjonijiet tad-CO2 qrib biżżejjed tal-valuri fid-dinja reali u affidabbli biżżejjed biex jiffurmaw il-bażi ta’ sistema tal-UE biex jitkejlu l-konsum tal-fjuwils u l-emissjonijiet tad-CO2 tal-HDVs.

Aġġustament ulterjuri u titjib tal-metodoloġija tas-simulazzjoni ser ittejjeb l-affidabilità u l-preċiżjoni. Huwa mistenni li VECTO se tkun operattiva f’Mejju 2014 għal mill-inqas tliet kategoriji ta' HDVs li flimkien jirrappreżentaw aktar minn 50% tal-emissjonijiet tad-CO2 mill-HDVs. Huwa maħsub li dan progressivament jiġi estiż għal kategoriji oħrajn ta’ HDVs.

· Azzjoni leġiżlattiva meħtieġa biex jitkejjlu, jkunu ċċertifikati u rrapportati l-emissjonijiet tad-CO2 tal-HDVs.

VECTO tipprovdi kejl tal-konsum tal-fjuwil u tal-emissjonijiet tad-CO2 għal HDVs li jkunu għadhom kif ġew irreġistrati. Dawn il-valuri, ippruvati u kkontrollati, jistgħu jiġu pprovduti għal kull HDV li tkun għadha kif ġiet irreġistrata u li tista' tiġi rrapportata u mmonitorjata. Dan jeħtieġ żewġ azzjonijiet leġiżlattivi li jistgħu jitwettqu b’mod parallel.

(i) Iċ-ċertifikazzjoni tal-konsum tal-fjuwil u tal-emissjonijiet tad-CO2 teħtieġ li tiġi adattata l-leġiżlazzjoni tal-approvazzjoni tat-tip rilevanti. Dan ikun jeħtieġ l-inklużjoni tal-metodoloġija għad-determinazzjoni ta' dawn il-valuri fil-leġiżlazzjoni u b’hekk dan jippermettilhom li jiġu ċċertifikati mill-awtoritajiet tal-Istati Membri. Din l-informazzjoni għandha b’hekk issir disponibbli wkoll għax-xerrejja.

(ii) Ir-rappurtar huwa meħtieġ sabiex jiffaċilita l-monitoraġġ u d-disseminazzjoni tal-valuri tad-CO2 tal-HDVs li jkunu għadhom kif ġew irreġistrati fl-UE. Dan jirrikjedi l-adozzjoni, permezz ta’ proċedura leġiżlattiva ordinarja, ta’ leġiżlazzjoni ġdida dwar ir-rappurtar tal-emissjonijiet tad-CO2 mill-HDVs kif kalkulati permezz ta' VECTO mill-Istati Membri lill-Kummissjoni b'mod parallel ma' dak diġà eżistenti għall-karozzi u l-vannijiet.

L-indirizzar tad-distakk fl-għarfien huwa pass neċessarju qabel ikunu jistgħu jitqiesu miżuri aktar ambizzjużi. Għalkemm iċ-ċertifikazzjoni, ir-rappurtar u l-informazzjoni aħjar għall-konsumatur mhumiex mistennija li b’mod sinifikanti jnaqqsu l-emissjonijiet tad-CO2 mill-HDVs, huma mistennija li jkollhom impatt pożittiv billi tittejjeb it-trasparenza dwar l-effiċjenza tal-vetturi fis-suq u b’hekk tittejjeb il-kompetizzjoni.

3.3. Għażliet ta’ politika għall-medda ta’ żmien medju

Sabiex jintlaħqu l-miri ambizzjużi tat-tnaqqis tal-gassijiet b’effett ta’ serra għall-2030 b’mod kosteffikaċi, it-trasport se jkollu wkoll jagħmel kontribuzzjonijiet ulterjuri. Tista' titqies firxa ta’ għażliet ta’ politika fuq medda ta' żmien medju biex jittrażżnu l-emissjonijiet tad-CO2 mill-HDVs. Filwaqt li l-istabbiliment ta’ limiti obbligatorji medji tal-emissjonijiet tad-CO2 għal HDVs li jkunu għadhom kif ġew irreġistrati huwa l-aktar għażla apparenti peress li fost l-oħrajn tiżgura l-konsistenza mal-mod kif inhuma rregolati l-emissjonijeit mill-karozzi u l-vannijiet, alternattivi oħra jistgħu jinkludu li infrastruttura moderna tappoġġja fjuwils alternattivi għall-HDVs, prezzijiet aktar intelliġenti fuq l-użu tal-infrastruttura, użu effettiv u koerenti tat-tassazzjoni tal-vetturi mill-Istati Membri u mekkaniżmi oħrajn ibbażati fuq is-suq. L-għażliet differenti mhumiex neċessarjament ta' natura li jeskludu lil xulxin. F’kull każ, ser titwettaq evalwazzjoni tal-impatt sabiex tiġi/jiġu identifikata/identifikati l-aktar opzjoni(jiet) kosteffikaċi.

Bħala prekundizzjoni għal aktar azzjoni, l-għodda tas-simulazzjoni VECTO jeħtieġ li tkun operattiva għal kollox u tiddaħħal leġiżlazzjoni għaċ-ċertifikazzjoni u r-rappurtar tal-emissjonijiet tad-CO2 mill-HDVs. Tinħtieġ aktar ħidma wkoll biex tikkonferma l-potenzjal teknoloġiku, biex jinkseb għarfien usa’ tal-ostakoli fis-suq li jxekklu l-użu tat-teknoloġija, u biex jiġu vvalutati mill-ġdid l-ispejjeż u l-benefiċċji tat-tnaqqis tad-CO2 mill-HDVs, filwaqt li tinħtieġ ukoll l-istruttura ta’ inċentivi għal bażi għal HDVs aktar effiċjenti fl-enerġija.

4. Konklużjoni

L-emissjonijiet tad-CO2 mill-HDVs żdiedu f’dawn l-aħħar żewġ deċennji, għalkemm il-kriżi ekonomika interrompiet it-tkabbir kostanti osservat qabel, u mingħajr bidla tal-politika dawn mistennija li jibqgħu telgħin b’mod sinifikanti 'l fuq mil-livelli tagħhom tal-1990 fuq medda ta’ żmien twil. Dan huwa inkompatibbli mal-għanijiet tal-White Paper dwar it-Trasport ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet tad-CO2 mit-trasport b’60% fl-2050 meta mqabbel mal-livell tagħhom tal-1990. Element ewlieni li jfixkel li jkun hemm azzjoni biex tindirizza dawn l-emissjonijiet huwa l-qabża fl-għarfien li tirriżulta mill-fatt li l-emissjonijiet tad-CO2 tal-HDV mhumiex mkejla, iċċertifikati u rreġistrati meta vetturi ġodda jiġu reġistrati.

Hemm potenzjal sinifikanti, permezz tal-użu tat-teknoloġiji avvanzati, biex jittejjeb ir-rendiment tal-HDVs u jitnaqqsu l-emissjonijiet tad-CO2 b’mod kosteffikaċi. L-ostakli tas-suq bħalissa jipprevjenu r-realizzazzjoni sħiħa ta’ dan il-potenzjal. Strateġija komprensiva bbażata fuq sensiela ta’ miżuri xierqa tista' tillibera parti akbar ta’ dan il-potenzjal.

L-istrateġija proposta, li għandha l-għan li tipprovdu lill-partijiet interessati aktar prevedibbiltà rigward l-iżviluppi politiċi u regolatorji f’dan il-qasam, tikkonsisti f’azzjonijiet fuq perjodu ta’ żmien qasir biex ikun hemm iktar trasparenza fis-suq u jittrawwem it-tnaqqis tal-emissjonijiet, li huma:

· serje ta’ inizjattivi previsti fil-White Paper dwar it-Trasport li jsaħħu l-politiki eżistenti tal-UE li direttament jew indirettament jikkontribwixxu biex jittrażżan il-konsum tal-fjuwil u l-emissjonijiet tad-CO2 tal-HDVs;

· Azzjoni biex jiġi identifikat id-distakk fl-għarfien permezz tal-kejl tal-konsum tal-fjuwil u tal-emissjonijiet tad-CO2 mill-HDVs bil-VECTO, kif ukoll iċ-ċertifikazzjoni u r-rapportar tal-emissjonijiet tad-CO2 ta' vetturi li jkun għadhom kif ġew irreġistrati. Il-Kummissjoni qed tippjana li tagħmel proposti leġiżlattivi għal dan l-għan fl-2015.

Ladarba dawn l-azzjonijiet fuq perjodu ta’ żmien qasir huma implimentati, u abbażi tas-sejbiet minn ħidma analitika ulterjuri, għandhom jiġu kkunsidrati għażliet ta' politika għal perjodu ta’ żmien medju, b’mod partikolari l-iffissar obbligatorju ta’ limiti ta’ emissjonijiet tad-CO2 ta' HDVs li jkunu għadhom kif ġew irreġistrati, sabiex jappoġġjaw l-implimentazzjoni tal-qafas ta' politika UE 2030 dwar il-klima u l-enerġija.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew biex japprovaw din l-istrateġija u sabiex jgħinu biex jitwasslu l-azzjonijiet deskritti. Hija tkompli tistieden lill-partijiet interessati, b’mod speċjali l-industrija tal-karozzi u s-settur tas-servizzi tat-trasport, biex jappoġġjaw din l-istrateġija biex jitrażżan il-konsum tal-fjuwil u l-emissjonijiet tad-CO2 mill-HDVs bħala parti minn politika ġenerali tal-UE ta’ tranżizzjoni għal ekonomija b’emissjonijiet baxxi tal-karbonju.

[1]              COM/2011/0112 finali

[2]              "Il-Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti".

COM/2011/0144 finali

[3]              http://ec.europa.eu/clima/policies/2030/documentation_en.htm

[4]              Sors: L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent

[5]              Stmati għal 26.6 % tal-emissjonijiet GHG totali tal-UE minn AEA-Ricardo f’"Lot1" Report, Reduction and Testing of GHG

emissions from Heavy Duty Vehicles", Frar 2011, p. 170. Disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/clima/policies/transport/vehicles/docs/ec_hdv_ghg_strategy_en.pdf

[6]              http://register.consilium.europa.eu/pdf/en/07/st11/st11483.en07.pdf

[7]              COM(2010)186 finali, p. 6,

http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2010:0186:FIN:MT:PDF.

[8]              Sors: Id-dejtabejż Odyssee-Mure database, disponibbli f': http://www.odyssee-mure.eu/

[9]              Studju ta' CE Delft, Marginal Abatement Cost Curves for HDVs, 2012,

http://ec.europa.eu/clima/policies/transport/vehicles/heavy/docs/hdv_2012_co2_abatement_cost_curves_en.pdf

[10]            L-emissjonijiet tad-CO2 mill-HDVs mhumiex suġġetti għal-leġiżlazzjoni tal-UE għajr għall-kejl futur tal-emissjonijiet tad-CO2 minn

magni taħt Regolament (KE) Nru 595/2009 (Euro VI) li jidħol fis-seħħ fl-2014.

[11]            Studju minn CE Delft; Market barriers to increased efficiency in the European on-road freight sector; 2012; 

http://www.theicct.org/market-barriers-increased-efficiency-european-road-freight-sector

[12]            Sors: Ir-rapport AEA–Ricardo huwa disponibbli fuq: 

http://ec.europa.eu/clima/policies/transport/vehicles/docs/ec_hdv_ghg_strategy_en.pdf , speċjalment pp 26-27, li huma msejsa fuq statistika mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Manifatturi tal-Vetturi bil-Mutur (OICA).

[13]           COM/2011/650 finali, li hija mistennija tiġi adottata f’nofs l-2013.       

[14]            Sors: Il-Eurostat

[15]            Id-Direttiva 2009/28/KE dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (id-"Direttiva dwar l-Enerġija

Rinovabbli") stabbilixxiet mira mandatorja ta’ 10% għall-enerġija rinnovabbli fis-settur tat-trasport. Fl-istess waqt emenda għad-Direttiva 98/70/KE ("id-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Karburanti") introduċiet mira mandatorja biex jinkiseb sal-2020 tnaqqis ta’ 6 % fl-intensità tal-gassijiet b’effett ta’ serra ta’ karburanti użati fit-trasport stradali u f’makkinarju mobbli mhux tat-triq.

[16]            COM(2012)595, http://ec.europa.eu/energy/renewables/biofuels/doc/biofuels/com_2012_0595_en.pdf

[17]            Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2013)17 "Enerġija nadifa għat-trasport: strateġija Ewropea dwar il-fjuwils alternattivi", u d-Direttiva proposta COM(2013)18 dwar l-implimentazzjoni ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi. http://ec.europa.eu/transport/themes/urban/cpt/

[18]            Ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013

dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 661/2010/UE

[19]            Ir-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi

l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 913/2010 u jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 680/2007 u (KE) Nru 67/2010

[20]            COM(2011) 168/3.

[21]            Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta' Ottubru 2003 : Ristrutturar tal-qafas Komunitarju għat-tassazzjoni tal-prodotti tal-enerġija u l-elettriku,  ĠU L 283, 31.10.2003, p 51.

[22]            http://ec.europa.eu/research/horizon2020/index_en.cfm?pg=h2020

[23]            Id-Direttiva 2009/33/KE, ĠU L120/5, 15.5.2009

[24]            Ir-Regolament (KE) Nru 661/2009 u d-Direttiva 2007/46/KE

[25]            COM(2013) 195 final

[26]            Id-Direttiva 1999/62/KE kif emendata bid-Direttivi 2006/38/KE u d-Direttiva 2011/72/UE, http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CONSLEG:1999L0062:20111015:EN:PDF (verżjoin konsolidata).

[27]            Barra minn hekk, l-appoġġ tar-R&D għall-iżvilupp tal-ITS qed jiġi pprovdut taħt is-7 Programm ta' Qafas

attwali u se jitkompla taħt il-programm qafas tal-UE li jmiss għar-riċerka u l-innovazzjoni 2014-2020 (Orizzont 2020).

[28]            Il-White Paper dwar it-Trasport, azzjonijiet 1 “suq intern tas-servizzi ferrovjarji”, 5 “qafas xieraq għan-navigazzjoni interna”,

7 “trasport multimodali ta’ merkanzija”, 33 “loġistika urbana b'emissjonijiet żero 2030”, 35 "kurituri multimodali tal-merkanzija". Ara http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2011:0144:FIN:EN:PDF

[29]            Azzjoni 26; "Standards xierqa għall-emmissjonijiet tad-CO2 minn vetturi ta' kull modalità, fejn neċessarju ssuplimentati minn

 rekwiżiti dwar l-effiċjenza enerġetika biex jiġu indirizzati t-tipi kollha ta’ sistemi ta’ propulsjoni”

[30]           L-Għodda għall-Kalkolu tal-Konsum tal-Enerġija tal-Vetturi (VECTO).

[31]           Disponibbli hawn:   http://ec.europa.eu/clima/policies/transport/vehicles/heavy/studies_en.htm

Top