EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010DC0676

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL L-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2157/2001 tat-8 ta' Ottubru 2001 dwar l-Istatut ta' Kumpanija Ewropea (SE). (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

/* KUMM/2010/0676 finali */

52010DC0676

/* KUMM/2010/0676 finali */ RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL L-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2157/2001 tat-8 ta' Ottubru 2001 dwar l-Istatut ta' Kumpanija Ewropea (SE). (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 17.11.2010

KUMM(2010) 676 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

L-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2157/2001 tat-8 ta' Ottubru 2001 dwar l-Istatut ta' Kumpanija Ewropea (SE).(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

SEG(2010) 1391

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

L-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2157/2001 tat-8 ta' Ottubru 2001 dwar l-Istatut ta' Kumpanija Ewropea (SE).(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

INTRODUZZJONI

L-Istatut tal-Kumpanija Ewropea (ir-"Regolament SE")[1] ġie adottat fit-8 ta' Ottubru 2001 wara aktar minn 30 sena ta' negozjati fil-Kunsill. Għamilha possibbli li tinħoloq forma legali ġdida msejħa Kumpanija Ewropea, magħrufa wkoll bħala SE għall-isem Latin tagħha Societas Europaea. L-għanijiet tar-Regolament SE, skont il-premessi tiegħu kienu fost l-oħrajn li jitneħħew l-ostakli għall-ħolqien ta' gruppi ta' kumpaniji minn Stati Membri differenti, (...) jippermetti kumpaniji b'dimensjoni Ewropea li jingħaqdu, jippjanaw u jwettqu riorganizzazzjoni tan-negozju tagħhom fuq skala Komunitarja u jittrasferixxu l-uffiċċju reġistrat tagħhom lejn Stat Membru ieħor filwaqt li jiżgura protezzjoni adegwata tal-interessi tal-azzjonisti minoritarji u tal-partijiet terzi, (...) li jiżgura kemm jista' jkun li l-unità ekonmika u l-unità legali tan-negozju fil-Komunità jikkoinċidu, (...) jippermetti l-ħolqien u l-immanġjar ta' kumpaniji b'dimensjoni Ewropea, mingħajr ostakli li jinħolqu mid-differenzi u l-applikazzjoni territorjali limitata tal-liġijiet nazzjonali tal-kumpaniji (...) u (...) biex jippermetti lill-kumpaniji b'dimensjoni Ewropea jadattaw l-istruttura organizzazzjonali tagħhom, u biex jagħżlu sistema xierqa ta' governanza korporattiva li tiżgura mmaniġjar effiċjenti, superviżjoni xierqa u ż-żamma tad-drittijiet ta’ involviment tal-impjegati[2].

Ir-Regolament SE huwa kkumplimentat bid-Direttiva tal-Kunsill 2001/86/KE dwar l-involviment tal-ħaddiema fis-SE (id-"Direttiva SE"). L-iskadenza biex il-leġiżlazzjoni nazzjonali tiġi adattata għal-leġiżlazzjoni Ewropea dwar is-SE kienet stipulat għat-8 ta' Ottubru 2004, iżda ġiet osservata minn 8 Stati Membri biss. Id-Direttiva SE ġiet trasposta biss fl-Istati Membri kollha fil-bidu tal-2007.

L-Artikolu 69 tar-Regolament SE jeħtieġ li ħames snin wara li jidħol fis-seħħ, il-Kummissjoni tippreżenta rapport dwar l-applikazzjoni tiegħu u fejn xieraq tinkludi proposti għal amendi. Sabiex jiġbor id-dejta neċessarja dwar l-applikazzjoni fil-prattika tal-Istatut SE id-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għas-Suq Intern u s-Servizzi kkummissjona studju estern u kkonsulta mal-partijiet interessati permezz ta' konsultazzjoni pubblika u waqt konferenza[3].

APPLIKAZZJONI TAL-ISTATUT SE: L-INVENTARJU TAS-SES

Sal-25 ta' Ġunju 2010, 595 SE kienu rreġistrati fl-Istati Membri tal-UE/ŻEE. Bejn l-2004 u l-2008 l-għadd ta' SEs żdied b'mod esponenzjali. Fl-2009 inħolqu anqas SEs milli nħolqu fl-2008, iżda fl-2010 ix-xejra reġgħet kienet li nħolqu għadd akbar ta' SEs. Minn 30 Stat Memebru tal-UE/ŻEE ġew irreġistrati SEs f'21 minnhom, bil-maġġoranza l-kbira (madwar 70%) fir-Repubblika Ċeka jew il-Ġermanja. Bl-eċċezzjoni ta' Ċipru ftit li xejn ġew irreġistrati SEs fl-Istati Membri Ewropej tan-Nofsinhar.

Id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja dan ir-Rapport fih informazzjoni dettaljata dwar l-inventraju tas-SEs u l-karatteristiċi tagħhom kif ukoll dwar il-leġiżlazzjoni tas-SE applikabbli fl-Istati Membri differenti.

IL-MOTIVAZZJONIJIET U X-XEJRIET PRINċIPALI

Motivaturi pożittivi u negattivi għat-twaqqif ta' SE

L-evidenza mill-kumpaniji turi li, ġeneralment, id-deċiżjoni jekk titwaqqafx SE jew le tiddependi fuq il-"possibbiltajiet kummerċjali", jiġifieri tkun ibbażata fuq sett ta' raġunijiet relevanti għas-sitwazzjoni partikolari tal-kumpanija partikolari. Ir-raġunijiet jistgħu jvarjaw u huwa diffiċli li tiġi identifikata xejra ġenerali relevanti għall-kumpaniji kollha. Madankollu xi raġunijiet jidhru li b'mod ġenerali jkollhom importanza akbar minn oħrajn, u xi wħud jidhru aktar importanti f'ċerti Stati Membri u setturi ta' attività milli f'oħrajn. Ftit minn dawn ir-raġunijiet, li ġew identifikati mill-kumpaniji bħala motivaturi pożittivi jew negattivi, qed jiġu ppreżentati hawn taħt.

L- immaġni Ewropea ta' SE hija rraportata bħala wieħed mill-aktar motivaturi pożittivi importanti. Hija partikolarment attraenti għall-kumpaniji li jkunu jixtiequ jenfasizzaw l-affiljazzjoni Ewropea tagħhom jew li jkunu jridu jibbenefikaw minn forma legali Ewropea, li hija magħrufa aħjar mill-forom nazzjonali tagħhom, ħalli jippenetraw is-swieq ta' Stati Membri oħra mingħajr ma jkollhom jistabilixxu sussidjarji barranin. Madankollu, l-importanza tal-immaġni Ewropea tvarja. Titqies bħala vantaġġ speċjalment għal kumpaniji f'pajjiżi żgħar, fil-pajjiżi tal-Lvant tal-Ewropa, fil-Belġu u f'pajjiżi orjentati lejn l-esportazzjoni (eż. il-Ġermanja). Min-naħa l-oħra, f'xi Stati Membri, f'setturi speċifiċi, tikketta nazzjonali titqies li hija aktar kummerċabbli minn tikketta Ewropea.

Il- karattru supranazzjonali ta' SE jitqies bħala vantaġġ potenzjali fil-proċess ta' twettiq ta' fużjonijiet transfruntieri jew tibdiliet strutturali fi grupp (eż. it-trasformazzjoni ta' sussidjarji nazzjonali f'fergħat tal-kumpanija prinċipali). Partikolarment, dan huwa ta' għajnuna biex jiġi evitat li l-maniġment u l-persunal ta' kumpanija assorbita jew tas-sussidjarji preċedenti jħossuhom li huma 'telliefa' f'sens nazzjonali.

Il- possibbiltà li l-uffiċċju reġistrat jiġi ttrasferit fi Stat Membru ieħor titqies motivatur essenzjali u vantaġġ komparattiv reali li għandhom is-SE meta mqabbla ma' kumpaniji nazzjonali. Fin-nuqqas ta' direttiva dwar it-trasferiment transfruntier tal-uffiċċju reġistrat ta' kumpanija s-SE tibqa' l-unika forma ta' kumpanija li tippermetti lill-kumpaniji jittrasferixxu l-uffiċċju reġistrat tagħhom fi kwalunkwe Stat Membru mingħajr likwidazzjoni[4]. Huwa rappurtat li din il-possibbiltà hija partikolarment attraenti għal kumpaniji b'parteċipazzjoni. Madankollu, fil-prattika, għadd limitat biss ta' SEs ittrasferew l-uffiċċju reġistrat tagħhom (49 sal-25 ta' Ġunju 2010).

Sakemm tidħol fis-seħħ id-Direttiva tal-Fużjonijiet Transfruntieri, il-possibbiltà li l-forma SE tintuża bħala mezz kif titwettaq fużjoni transfruntiera tqieset bħala motivatur importanti. Barra min dan, id-dispożizzjonijiet dwar il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema kienet rapportata mill-kumpaniji u l-konsulenti legali bħala aktar flessibbli f'din id-Direttiva milli fl-Istatut tas-SE, għalkemm dan qiegħed jiġi kkontestat mill-organiżazzjonijiet tal-ħaddiema.

Għadd ta' rispondenti fil-konsultazzjoni pubblika semmew il-potenzjal għar-riorganizzazzjoni u s-simplifikazzjoni tal-istruttura tal-grupp bħala motivatur pożittiv. Ġie rrappurtat li t-trasformazzjoni f'SE, inkluż il-konverżjoni ta' sussidjarji f'fergħat, hija partikolarment attraenti għall-kumpaniji fl-industriji tal-finanzji u l-assigurazzjoni. Il-vantaġġi msemmija huma awtorità superviżorja waħda (minflok għadd minnhom fl-Istati Membri kollha fejn kumpanija jkollha s-sussidjarji tagħha) u konformità eħfef mar-rekwiżiti tal-kapital. Madankollu, il-vantaġġi ta' dan ir-ristrutturar f'forma ta' SE mhumiex evidenti (peress li din tista' ssir ukoll permezz ta' kumpanija nazzjonali) sakemm ma jkunux kkombinati ma' vantaġġi oħra, bħall-immaġni Ewropea, il-karattru supranazzjonali tas-SE jew il-possibbiltà tat-trasferiment tal-uffiċċju prinċipali.

Ir-rispondenti tal-konsultazzjoni pubblika semmew ukoll vantaġġi tal-forma SE f'termini ta' ffinanzjar (pożizzjoni aktar b'saħħitha f'negozjati mal-banek u f'tentattivi għal għajnuna finanzjarja Ewropea) u r-regoli flessibbli tas-SE fir-rigward tal-involviment tal-ħaddiema fl-Istati Membri fejn dawn il-kwistjonijiet huma rregolati b'regoli mandatorji. Fir-rigward tal-aħħar, kemm il-kumpaniji kif ukoll l-junjins jgħidu li l-Istatut tas-SE joffri l-possibbiltà li: (i) jinnegozjaw mudell tal-involviment tal-ħaddiema, b'hekk ifassluh apposta għall-bżonnijiet speċifiċi tal-kumpanija jew il-grupp, minflok ma jkollhom jogħqodu għal regoli nazzjonali mandatorji; (ii) għandu taħlita ta' rappreżentanti minn Stati Membri differenti minflok rappreżentanti minn Stat Membru wieħed biss (dan jista' jgħin biex tinħoloq koxjenza Ewropea tal-impjegati u jista' jkun ta' vantaġġ għall-gruppi ta' livell Ewropew); u (iii) inaqqas id-daqs tal-bord superviżorju biex tiżdied l-effiċjenza tiegħu. Huwa rrappurtat li l-forma SE xi drabi tintuża sabiex tinżamm l-istess sistema ta' involviment tal-impjegati irrispettivament miż-żidiet fil-forza tax-xogħol tal-kumpanija[5].

Il- kostijiet tal-istabiliment, proċeduri kumplessi u li jieħdu l-ħin, u l-inċertezza legali flimkien man- nuqqas ta' viżjoni u esperjenza prattika tal-konsulenti u l-awtoritajiet pubbliċi kompetenti huma msemmija bħala l-aktar motivaturi negattivi importanti meta tiġi stabilita SE. Eżempju magħrufa sew tal-kost għoli biex tiġi ffurmata SE jinkludu l-Allianz SE u l-BASF SE, li l-kostijiet għar-reinkorporazzjoni bħala SE ammontaw għal EUR 95 miljun u EUR 5 miljuni respettivament. Apparti minn dawn il-każijiet, il-kostijiet medji għall-istabiliment tas-SEs intervistati fl-istudju estern kienu madwar EUR 784 000 (inklużi t-taxxi u l-kostijiet tal-konsulenza legali, il-kostijiet tat-traduzzjoni u l-kostijiet tar-reġistrazzjoni). Il-kostijiet totali tal-istabiliment jvarjaw minn madwar EUR 100 000 sa ċifri ta' bejn EUR 2 u EUR 4 miljuni.

In -nuqqas ta' sensibilizzazzjoni dwar s-SE fil-komunità tan-negozju kemm fl-UE kif ukoll lil hinn minnha ġie rrappurtat li huwa l-aktar problema sinifikanti fit-tħaddim tas-SE. Meta jħabbar l-adozzjoni tal-forma ta' SE, il-maniġement ta' spiss ikollu jinvesti fl-ispjegar tan-natura tas-SE lis-sħab kummerċjali (konsumaturi, fornituri, banek eċċ.) u lill-impjegati.

Diversi kumpaniji, konsulenti legali u assoċjazzjonijiet tal-kummerċ iqisu r-regoli dwar l- involviment tal-impjegati bħala motivatur negattiv, peress li fil-fehma tagħhom, dawn huma kumplessi u jieħdu ħafna ħin, speċjalment fi Stati Membri fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma teħtieġx sistema ta' parteċipazzjoni tal-ħaddiem. Xi kultant dawn ir-regoli jitqiesu sproporzjonati, speċjalment jekk ftit impjegati biss ikunu interessati mill-proċess tal-involviment. Ir-rekwiżit li r-reġistrazzjoni ta' SE ma tistax issir qabel ma jitlestew in-negozjati dwar l-involviment tal-impjegati xi kultant issemmiet ukoll bħala motivatur negattiv importanti, partikolarment għall-kumpaniji elenkati li għalihom hija kruċjali ċ-ċertezza tal-proċeduri u tal-iskedi taż-żmien tar-reġistrazzjoni. Madankollu, dawn l-opinjonijiet mhumiex kondiviżi mill-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema.

Xejriet fid-distribuzzjoni tas-SEs

L-istudju estern u l-parteċipanti fil-kosultazzjoni u l-konferenza jirrappurtaw li d- daqs tal-kumpaniji nazzjonali x'aktarx li jkollu effett fuq id-distribuzzjoni tas-SEs. Huwa argumentat li l-kost akbar (speċjalment ir-rekwiżit ta' kapital minimu għoli) u l-kumplessità tal-istabiliment ta' SE meta mqabbla ma' kumpanija b'responabbiltà pubblika limitata jikkostitwixxi ostaklu fl-Istati Membri fejn il-kumpaniji nazzjonali għandhom tendenza jkunu impriżi żgħar u ta' daqs medju. Il-Polanja, Spanja, il-Portugall, il-Greċja u l-Italja ssemmew bħala eżempji ta' pajjiżi fejn dan jista' parzjalment jispjega l-għadd żgħir ta' SEs. Respondent fil-konsultazzjoni pubblika jsemmi wkoll li hemm korrelazzjoni pożittiva bejn l-għadd ta' kumpaniji multinazzjonali u l-għadd ta' SEs fi kwalunkwe Stat Membru.

L- għarfien u s-sensibilizzazzjoni fost il-komunità legali u kummerċjali dwar il-forma SE jidhru li għandhom impatt ukoll. L-evidenza tissuġġerixxi li fi Stati Membri fejn il-forma SE ġiet promossa attivament, pereżempju fir-Repubblika Ċeka u l-Ġermanja, hemm aktar SEs, filwaqt li fi Stati Membri bħal l-Italja jew Spanja, fejn l-informazzjoni u l-konsulenza dwar il-forma SE mhumiex disponibbli faċilment, ftit li xejn ġew stabiliti SEs, jekk mhux xejn. Seta' kien hemm ukoll effett spirali pożittiv: żieda fl-għadd ta' SEs fi Stat Membru żiedet l-interess ta' kumpaniji oħra f'din il-forma legali u wasslet biex ġew stabiliti aktar SEs f'dak il-pajjiż.

L-istudju estern sab ukoll li l-implimentazzjoni tard tad-Direttiva SE f'ċerti Stati Membri jista' jkollha impatt fuq il-livell tas-sensibilizzazzjoni u tal-għadd ta' SEs f'dawn il-pajjiżi[6].

Xejra oħra hija li b'mod ġenerali, SEs ġew stabiliti aktar f' pajjiżi li jippermettu biss is-sistema governattiva koporattiva fuq żewġ pilastri, milli f'pajjiżi li jippermettu biss is-sistema fuq pilastru wieħed, u ftit ferm SEs huma stabiliti f'pajjiżi li diġà jippermettu ż-żewġ sistemi. Madankollu, skont uħud mir-rispondenti għall-konsulatazzjoni pubblika l-għażla ta' struttura tal-bord li mhijiex magħrufa fil-liġi nazzjonali fejn is-SE tkun irreġistrata jista' jirriżulta f'inċertezza legali jew f'diffikultajiet prattiċi.

Fir-rigward tal-korrelazzjoni bejn id-distribuzzjoni tas-SEs fi Stati Membri differenti u r- regoli nazzjonali dwar il-parteċipazzjoni tal-ħaddiem l-opinjonijiet tal-partijiet involuti jvarjaw. Filwaqt li l-istudju estern u l-maġġoranza kbira tar-rispondenti għall-konsultazzjoni pubblika jaqblu li xejra bħal din, b'mod ġenerali[7], teżisti, l-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema u r-riċerkaturi li jaħdmu fil-qasam tal-liġi tax-xogħol ma jaqblux ma' din il-fehma.

Ir-rispondenti għall-konsultazzjoni pubblika semmew ukoll spjegazzjonijiet oħra possibbli għad-distribuzzjoni tas-SEs fl-UE/ŻEE, b'mod partikolari: (i) il-flessibbiltà ta' ċerti aspetti tal-forma SE mqabbla mal-forom ġuridiċi nazzjonali; (ii) il-valur differenti tat-tikketta Ewropea; (iii) il-kostifjiet differenti ta' stabiliment u ta' tranżazzjoni ta' SE; (iv) is-sistemi tat-taxxa tal-Istati Membri.

L-għadd għoli ta' SEs inattivi f'ċerti Stati Membri, b'mod partikolari fir-Repubblika Ċeka u fil-Ġermanja, jiġġustifika wkoll l-għadd għoli ta' SEs f'dawn iż-żewġ Stati Membri[8]. Huwa rrappurtat li l-ħolqien ta' SEs inattivi minn fornituri professjonali f'dawn il-pajjiżi ma jista' jiġi spjegat minħabba l-fatt li s-sistema ta' kumpaniji pendenti disponibbli għall-bejgħ hemmhekk hija komuni[9] u tissodisfa r-rekwiżiti tan-negozju. Skont ir-rispondenti għall-konsultazzjoni pubblika l-kumpaniji jixtru SEs inattivi l-aktar biex jiffrankaw il-ħin u biex jevitaw proċedura ta' formazzjoni kumplessa u inċerta. Għadd ta’ rispondenti qalu li SEs inattivi jagħmluha possibbli biex jinħoloq SE mingħajr ma jkollhom jissodisfaw element transfruntier ikkumplikat [10] jew jidħlu f'negozjati dwar l-involviment tal-impjegati. Il-possibbiltà li jevitaw rekwiżiti onerużi hija ta' importanza partikolari għall-kumpaniji iżgħar. Min-naħa l-oħra, l-organizzazzjonjiet tal-ħaddiema jesprimu t-tħassib li SEs inattivi jistgħu jintużaw biex jiġu evitati r-regoli tad-Direttiva SE dwar l-involviment tal-ħaddiema. F'dan il-kuntest wieħed irid isemmi li hemm nuqqas ta' informazzjoni dwar ħafna SEs inattivi wara li jkunu ġew attivati. Dan jista' jiġi spjegat mill-fatt li l-kontijiet annwali huma ppubblikati retrospettivament. Spjegazzjoni oħra hija li xi kumpaniji, minnħaqqa d-daqs żgħir tagħhom, huma eżenti mill-pubblikazzjoni għajr għal tal-karti bilanċjali fil-qosor u noti dwar il-kontijiet tagħhom. Huwa rrappurtat li, f'xi każijiet il-kontijiet annwali mhumiex disponibbli fir-reġistri tan-negozju mingħajr ma jkun hemm ġustifikazzjoni għalihom.

PROBLEMI PRATTIċI TAL-APPLIKAZZJONI TAL-ISTATUT SE

Fuq il-bażi tal-evidenza li nġabret fil-konsultazzjoni mal-partijiet involuti ġew identifikati ħafna problemi fl-applikazzjoni tal-Istatut SE, kemm relatat mal-ħolqien kif ukoll mal-funzjonament tas-SE. Spjegazzjoni aktar dettaljata tal-problemi identifikati waqt il-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati ġiet ippreżentata f'Dokument ta' Ħidma tal-Persunal mehmuż ma' dan ir-rapport.

Il-ħolqien ta' SE

Fil-bidu l-għan tal-Istatut SE kien biex tingħata forma Ewropea għan-negozji transfruntieri ta' daqs raġonevoli li diġà jeżistu mingħajr ma jagħmilha diffiċli għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju biex jiffurmaw SEs. Madankollu, il-konferenza u l-konsultazzjoni pubblika wrew li n-negozji, b'mod partikolari SMEs, iqisu l-kundizzjonijet għall-formazzjoni kif inhuma fil-preżent onerużi ħafna. Il- kostijiet tal-istabiliment, proċeduri kumplessi u li jieħdu l-ħin, u l-inċertezza legali tal-proċess tal-formazzjoni tas-SE , li jirriżultaw l-aktar minħabba n-nuqqas ta' uniformità tal-Istatut SE u l-ħafna referenzi għal-liġi nazzjonali, huma fost l-akbar ostakli li jiskoraġġixxu lin-negozji milli jistabilixxu SE. Il-partijiet involuti jsemmu wkoll rekwiżit transfruntier oneruż (b'mod partikolari r-rekwiżit li l-kumpaniji li jiffurmaw SE jkollhom sussidjarju jew fergħa fi Stat Membru ieħor għal tal-anqas sentejn qabel il-ħolqien ta' SE), metodi limitati għall-ħolqien ta' SE u rekwiżit kapitali minimu għoli huma meqjusa bħala ostakli konsiderevoli.

Fir-rigward tal- metodi limitati tal-ħolqien , il-parteċipanti għall-konferenza u l-konsultazzjoni semmew b'mod speċjali bħala oqsma fejn għandhom jiġu kkunsidrati aġġustamenti n-nuqqas tal-possibbiltà tal-ħolqien ta' SE direttament minn kumpaniji privati b'responsabbiltà limitata permezz ta' fużjoni transfruntiera jew trasformazzjoni u n-nuqqas tal-possibbiltà tal-ħolqien ta' SE permezz ta' diviżjoni. Il-possibbiltà li SE titħalla tiġi stabilita permezz ta' diviżjoni hija relatata mal-kwistjoni dwar it- twessigħ tal-kunċett ta' fużjoni fl-Artikolu 17(2) tar-Regolament SE (cf. l-Artikolu 69(b)). Rispondent għall-konsultazzjoni jargumenta li d-diviżjoni hija strument ċar għar-ristrutturazzjonijiet kemm fi ħdan kif ukoll lil hinn mill-fruntieri ta' Stat Membru u li diviżjoni tranfruntiera li permezz tagħha jista' jiġi ffurmat SE tkun aktar faċli u tieħu anqas ħin mill-alternattivi li diġà jeżstu[11]. Argumenta wkoll li għalkemm ma hemm l-ebda leġiżlazzjoni fil-livell tal-UE dwar diviżjonijiet transfruntieri, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropa fil-Każ Sevic (C-411/03) diġà għamlitha possibbli biex diviżjoni transfruntiera ssir meta l-kumpaniji involuti jkunu rregolati mil-liġijiet tal-Istati Membri differenti. Min-naħa l-oħra l-istudju estern jargumenta li jekk SE titħalla tiġi stabilita permezz tad-diviżjoni dan aktar iwassal għal diviżjoni ulterjuri tal-unità ekonomika u ġuridika ta' grupp ta' kumpaniji milli għas-simplifikazzjoni tal-grupp[12].

Xi partijiet involuti (kumpaniji, inklużi SEs, konsulenti legali u assoċjazzjonijiet tan-negozju) isibu wkoll li r- regoli dwar l-involviment tal-impjegat tas-SE , b'mod partikolari l-proċedura ta' negozjati relatat mal-istabiliment ta' SE, huma kumplessi u jieħdu l-ħin. Madankollu, skont it-trejdjunjins dawn in-negozjati mhumiex ta' piż, iżda mekkaniżmu neċessarju biex jippermetti djalogu tajjeb bejn il-maniġment u l-impjegati ta' kumpanija. Min-naħa l-oħra, il-junjins esprimew t-tħassib li r-regoli tas-SE mhumiex adattati kompletament għas-sitwazzjonijiet kollha. B'mod partikolari, l-Istatut tas-SE ma fihx regola ċara dwar jekk SE inattiva tistax tkun reġistrata jew le, minħabba li ma hemm l-ebda negozjati dwar l-involviment tal-impjegati għaliex la s-SE u lanqas il-kumpanija parteċipanti ma jkollhom impjegati fil-waqt tal-ħolqien tas-SE.

Il-ħajja ta' SE

Għadd ta’ rispondenti għall-konsultazzjoni pubblika jsibu li r-rekwiżit li uffiċċju reġistrat u l-uffiċċju prinċipali ta' SE għandhom jinsabu fl-istess Stat Membru (jew, f'ċerti Stati Membri, fl-istess post) fil-prattika huwa ostaklu[13]. L-Istatut jistipula sanzjoni ħarxa (likwidazzjoni) fil-każ li SE ma tikkonformax ma' dan ir-rekwiżit. Mill-adozzjoni tal-Istatut SE seħħew żviluppi sinifikanti li biddlu l-approċċ għall-kwistjoni dwar is-sede tal-kumpaniji. B'mod partikolari, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fetħet it-triq għall-approvazzjoni tal-prinċipju tas-separazzjoni tal-uffiċċju reġistrat u l-uffiċċju prinċipali fl-Unjoni Ewropea[14]. Barra minn hekk, skont ċerti partijiet involuti l-prinċipju tas-sede reali huwa diffiċli biex wieħed japplika fil-prattika f'dinja moderna fejn il-post tal-kwartieri ġenerali ta' kumpanija internazzjonali, il-post fejn jittieħdu deċiżjonijiet strateġiċi, mhuwiex faċli biex wieħed jiddetermina. Il-prinċipju li l-liġi tal-kumpaniji applikabbli tiġi ddeterminata skont il-liġi tal-pajjiż tal-uffiċċju reġistrat tas-SE huwa ċar u faċli biex wieħed jidentifika. Barra minn hekk, il-possibbiltà li l-uffiċċju reġistrat u l-uffiċċju prinċipali tas-SE jiġu sseparati għandha mnejn tirriżulta fi strument aktar attraenti għas-simplifikazzjoni tal-istruttura tal-grupp[15] u tista' tkun pass biex jikkoinċidu aħjar l-unità ekonomika u l-unità ġuridika tal-gruppi tan-negozju fl-UE. L-istudju estern jargumenta favur is-separazzjoni. Huwa appoġġjat ukoll mill-evidenza tan-negozji, iżda opponuta minn partijiet interessati oħra, eż. xi Stati Membri u trejdjunjins. Huma jibżgħu inter alia li, il-possibbiltà li l-uffiċċju reġistrat u l-uffiċċju prinċipali jiġu sseparati għandha mnejn tikkomplika l-applikazzjoni tal-kontroll fiskali minħabba n-nuqqas ta' trasparenza ta' informazzjoni dwar kumpaniji rreġistrati fi Stati Membri oħra.

Uħud mir-rispondenti għall-konsultazzjoni pubblika semmew għadd ta' problemi prattiċi li jirriżultaw mid-differenzi fir-regoli nazzjonali fil-proċess tat-trasferiment tal-uffiċċju reġistrat tas-SE u minn regoli onerużi jew mhux ċari dwar l-organizzazzjoni interna tas-SE. Suġġeriment wieħed minn parteċpanti fil-konferenza kien illi l-Istatut għandu joffri aktar flessibbiltà lill-fundaturi u l-azzjonisti dwar l-organizzazzjoni interna tas-SE, anki jekk tali flessibbiltà ma tkunx disponibbli għall-kumpaniji nazzjonali fl-Istat Membru tar-reġistrazzjoni tas-SE[16]. Dan inaqqas ukoll l-għadd ta' referenzi għal-leġiżlazzjoni nazzjonali. Madankollu, peress li dan ikun jirriżulta biex is-SE tkun f'kompetizzjoni diretta mal-forom legali nazzjonali, kien hemm dubju dwar x'seta' jinkiseb politikament fuq din il-kwisjtoni.

Għadd ta' partijiet involuti indikaw diversi problemi ta' interpretazzjoni mad-dispożizzjoni tal-Istatut SE dwar il-konverżjoni ta' SE eżistenti f'kumpanija nazzjonali .

Għadd ta’ rispondenti għall-konsultazzjoni pubblika u rappreżentanti tat-trejdjunjins fil-konferenza semmew ukoll in-nuqqas ta' regoli ċari dwar l-involviment tal-impjegati fil-każ li tiġi attivata SE inattiva jew fejn iseħħu bidliet strutturali wara l-ħolqien tas-SE. Fil-fehma tat-trejdjunjins dan jirrappreżenta riskju li r-regoli dwar l-involviment tal-impjegati jkunu jistgħu jinqabżu.

L-Istatut SE, fl-Artikolu 69(c) tiegħu, jirrikjedi lill-Kummissjoni biex tistudja jekk ikunx xieraq li tirrevedi l-klawżola tal-ġuriżdizzjoni fl-Artikolu 8(16) tal-Istatut SE fid-dawl ta' kwalunkwe bidla fil-liġijiet Ewropej jew nazzjonali fil-qasam kopert bil-Konvenzjoni ta' Brussell tal-1968 (“il-Konvenzjoni”)[17] . Il-klawżola ta' reviżjoni ddaħħlet biex tqis kwalunkwe bidla meħtieġa fir-regoli dwar il-ġuriżdizzjoni wara l-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta' Diċembru 2000 (ir-Regolament Brussel I) li ssostitwixxa l-Konvenzjoni. Dan kien neċessarju minħabba li r-Regolament Brussell I, li ġie diskuss fl-istess żmien mar-Regolament SE, ġie adottat wara t-tmiem tad-diskussjonijiet dwar l-Istatut SE. L-Artikolu 8(16) tal-Istatut SE jistipula li wara t-trasferiment tal-uffiċċju reġistrat għal Stat Membru ieħor, SE jista' xorta waħda jitqies li għandu l-uffiċċju reġistrat fl-Istat Membru fejn is-SE tkun ġiet rreġistrata qabel it-trasferiment safejn dan jikkonċerna n-negozju tagħha qabel it-trasferiment. Din ir-regola tippermetti li jitressqu proċedimenti legali fir-rigward tan-negozjar tas-SE li jkun twettaq qabel it-trasferiment fl-Istat Membru fejn is-SE tkun ġiet irreġistrata f'dak iż-żmien. Dan għandu jinqara flimkien mar-regoli ta' ġuriżdizzjoni applikabbli, b'mod partikolari l-Artikoli 2 u 60 tar-Regolament Brussell I li jippermettu t-tressiq ta' proċedimenti kontra kumpanija, inter alia , quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn il-kumpanija jkollha l-uffiċċju statutorju (reġistrat) tagħha. Għaldaqstant l-Artikolu 8(16) iwessa' l-ambitu tal-ġuriżdizzjoni għat-tressiq ta' proċedimenti legali kontra SE meta wieħed iqabbel dan ma' x'possibbiltà hemm għal tipi oħra ta' kumpaniji skont ir-Regolament Brussell I. Safejn hija infurmata bħalissa l-Kummissjoni, ir-regola tal-Artikolu 8(16) fil-prattika għadha ma ntużatx. Barra minn hekk, huwa dubjuż jekk ir-regola żżidx ħafna mar-regoli eżistenti tal-ġuriżdizzjoni fir-Regolament Brussells I, li diġà tippermetti t-tressiq ta' proċedimenti legali quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn, pereżempju, qed jitwettaq kuntratt jew fejn danni jkunu kkawżati jew ġġarrbu. Madankollu, il-Kummissjoni ma tara l-ebda raġuni f'dan l-istadju biex tbiddel ir-regola preżenti.

PIżIJIET AMMINISTRATTIVI

Iċ-Ċentru għall-Istudji dwar il-Politka Ewropea kejjel[18] il-piżijiet amministrattivi li hemm fir-Regolament SE. Skont dan il-kejl ir-Regolament SE jimponi piżijiet amministrattivi ta' EUR 5,2 miljun fis-sena. Dan jirrappreżenta 0,04 % tal-piż amministrattiv ta' EUR 12,1 biljun imkejjel fil-qasam tal-kontijiet annwali/il-liġi tal-kumpaniji fi Frar 2009[19]. Madankollu, wieħed għandu jinnota li l-piżijiet amministrattivi jkopru l-kostijiet amministrattivi tal-obbligi ta' informazzjoni kollha meħtieġa irrispettivament minn jekk dawn l-obbligi jkunux neċessarji biex jipproteġu l-interessi leġittimi tal-azzjonisti. Il-Grupp ta’ Livell Għoli ta’ Partijiet Interessati Indipendenti għall-Piżijiet Amministrattivi (GLGħ)[20] jisħaq li kwalunkwe riforma fil-ġejjieni għandha tqis ukoll l-aspett tat-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi. Jissuġġerixxi li, b'mod partikolari, ikunu eżaminati l-possibbiltajiet għat-tnaqqis tal-obbligi ta' informazzjoni assoċjati mar-rappurtar, il-pubblikazzjoni ta' informazzjoni, l-użu ta' esperti indipendenti u r-rekwiżiti għal-laqgħat[21].

KONKLUżJONI

L-istudju estern ikkonkluda li l-għanijiet oriġinali tal-Istatut SE sa ċertu punt inkisbu, imma li għad hemm lok għal titjib.

Il-Kumpanija Ewropea għamilha possibbli għall-kumpaniji b'dimensjoni Ewropea biex jittrasferixxu l-uffiċċju reġistrat lil hinn mill-fruntieri, biex jorganizzaw u jirristrutturaw aħjar u jagħżlu bejn l-istrutturi tal-bordijiet differenti, filwaqt li jinżammu d-drittijiet tal-impjegati għall-involviment u jkunu protetti l-interessi tal-azzjonisti minoritarji u tal-partijiet terzi. Ir-reputazzjoni Ewropea u l-karattru supranazzjonali tas-SE huma aspetti pożittivi oħra tas-SE.

Madankollu sitt snin ta' esperjenza bir-Regolament SE wrew li l-applikazzjoni tal-Istatut fil-prattika tqajjem għadd ta' problemi. L-Istatut SE ma jistipulax forma SE uniformi madwar l-Unjoni Ewropea, iżda 27 tipi differenti ta' SEs. L-Istatut ma fihx ħafna referenzi għal-liġi nazzjonali u hemm inċertezza dwar l-effett legali tal-liġi applikabbli direttament u tal-korrispondenza tiegħu mal-liġi nazzjonali. Barra minn hekk, id-distribuzzjoni mhux ugwali tas-SEs madwar l-Unjoni Ewropea turi li l-Istatut mhuwiex adattat għas-sitwazzjoni tal-kumpaniji fl-Istati Membri kollha.

Kwalunkwe kunsiderazzjoni ta' emendi għall-Istatut SE biex jiġu ttrattati l-problemi prattiċi identifikati mid-diversi partijiet involuti għandha tqis li l-Istatut SE huwa r-riżultat ta' kompromess delikat wara negozjati twal. Il-Kummissjoni bħalissa qed tirrifletti dwar l-emendi potenzjali għall-Istatut SE, bil-għan li fl-2012 tagħmel proposti, fejn xieraq. Kwalunkwe emenda bħal din, jekk titressaq, teħtieġ li titwettaq b'mod parallel ma' kwalunkwe reviżjoni possibbli tad-Direttiva SE, li tkun soġġetta għall-konsultazzjoni mis-sħab soċjali f'konformità mal-Artikolu 154 tat-Trattat. B'mod aktar ġenerali, kwalunkwe miżura li l-Kummissjoni tipproponi bħala segwitu għal dan ir-rapport għandha tkun soġġetta għall-prinċipji ta' regolazzjoni aħjar, inkluż valutazzjoni tal-impatt.

[1] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2157/2001 tat-8 ta' Ottubru 2001 dwar l-Istatut ta' kumpanija Ewropea (SE).

[2] Il-paragrafi 1, 2, 4, 6, 7, 14 u 21 tal-premessi tar-Regolament SE.

[3] L-istudju estern ta' Ernst&Young (minn hawn 'il quddiem: "studju tal-E&Y"), ir-rapport f'forma sommarja tal-Konsultazzjoni u l-informazzjoni dwar il-Konferenza tas-26 ta' Mejju 2010 jinsabu f': http://ec.europa.eu/internal_market/company/se/index_en.htm

[4] Madankollu l-Istatut tas-SE jeħtieġ li l-uffiċċju prinċipali jiċċaqlaq flimkien mal-uffiċċju reġistrat, xi ħaġa li tnaqqas il-vantaġġ.

[5] It-trejdunjins jirrapportaw li fil-Ġermanja s-SE f'ċerti każijiet inħolqat biex jinżamm l-istess livell ta' parteċipazzjoni tal-ħaddiema fil-bord ta' superviżjoni, ukoll jekk il-limitu għal kumpanija nazzjonali (jew 500 jew 2 000 impjegat) ikun jirrikjedi bidla fir-rappreżentanza tal-ħaddiema fil-bord.

[6] F'pajjiżi li implimentaw id-Direttiva SE fl-2006 jew aktar tard (i.e. is-Slovenja, il-Greċja, il-Lussemburgu, l-Irlanda, il-Bulgarija u r-Rumanija) hemm ftit SEs.

[7] Din ix-xejra mhijiex bla eċċezzjoni; fis-Slovenja (0), fl-Ungerija (3), fil-Finlandja(0), fid-Danimarka (2) u fl-Isvezja (9) b'mod partikolarit ftit ferm SEs kienu rreġistrati fil-25 ta' Ġunju 2010, jekk xejn, minkejja li dawn il-pajjiżi għandhom regoli relattivament estensivi dwar il-parteċipazzjoni tal-ħaddiem, filwaqt li kien hemm ħafna aktar SEs irreġistrati fir-Renju Unit (23) u fi Franza (19) minjekka li dawn iż-żewġ pajjiżi għandhom regoli limitati dwar il-parteċipazzjoni tal-ħaddiem.

[8] Madankollu dawn iż-żewġ pajjiżi għandhom ukoll l-għadd l-aktar għoli ta' SEs operattivi.

[9] Għall-kuntrarju ta' Franza u l-Italja fejn, skont ir-rispondenti għall-konsultazzjoni pubblika, il-kumpaniji inattivi mhumiex daqstant magħrufa jew użati.

[10] Eż. li jevitaw li jissodisfaw ir-rekwiżit transfruntier għal kull sussidjarju fi grupp li qed jittrasferixxi ruħu għal SE.

[11] L-alternattivi huma: (i) diviżjoni nazzjonali u fużjoni transfruntiera sussegwenti, li tista' ssir abbażi tar-Regolament SE jew tad-Direttiva 2005/56/KE u – fil-każ li l-fużjoni transfruntiera titwettaq abbażi tad-Direttiva 2005/56/KE – fl-aħħar nett konverżjoni tal-kumpanija akwirenti f'SE, jew (ii) diviżjoni nazzjonali, segwita minn konverżjoni tal-kumpanija akwirenti f'SE u trasferiment sussegwenti tal-uffiċċju reġistrat tas-SE.

[12] Barra minn hekk, l-ebda waħda mis-SE intervistati mill-kuntratturi ta' dan l-istudju estern u l-ebda wieħed mir-rispondenti għall-konsultazzjoni ma semmew il-metodi limitati għall-formazzjoni bħala motivatur negattiv.

[13] Cf. l-Artikolu 69(a) tar-Regolament SE.

[14] Ara l-każijiet Centros (C 212/97), Überseering (C 208/00), Inspire Art (C 167/01), SEVIC (C 411/03) u Cartesio (C 210/06).

[15] Is-SE tista' tirreġistra s-sussidjarji tagħha fi Stat Membru wieħed, u b'hekk il-grupp kollu jkun jista' jiġi rregolat minn liġi tal-kumpaniji waħda biss, filwaqt li l-uffiċċji prinċipali ta' kull sussidjarju jkunu jinsabu fi Stati Membri oħra, fejn ikunu jwettqu n-negozju fattwali.

[16] Cf. l-Artikolu 69(a) tar-Regolament SE.

[17] Il-Konvenzjoni tas-27 ta' Settembru 1968 dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Infurzar ta' Sentenzi f'Materji Ċivili u Kummerċjali.

[18] http://ec.europa.eu/enterprise/policies/better-regulation/files/abst09_ceps_extension_en.pdf.

[19] Dan il-kejl kien ibbażat fuq 8 mid-Direttivi l-aktar onerużi f'dan il-qasam. Ara: http://ec.europa.eu/enterprise/policies/better-regulation/files/abst09_companylaw_en.pdf.

[20] Il-GLGħ ġie stabilit beix jagħti pariri lill-Kummissjoni Ewropea dwar il-Programm ta' Azzjoni għat-Tnaqqis ta’ Piżijiet Amministrattivi fl-UE, ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-31.08.2007, C(2007)4063, l-Artikolu 2.

[21] L-opinjoni tal-GLGħ tal-20 ta' Mejju 2010, il-paragrafu 30.

Top