EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 42007X1212(01)

Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' ta' l-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill fil- 15 ta' Novembru 2007 , dwar it-titjib tal-kwalità ta' l-edukazzjoni ta' l-għalliema

OJ C 300, 12.12.2007, p. 6–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

12.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 300/6


Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' ta' l-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill fil-15 ta' Novembru 2007, dwar it-titjib tal-kwalità ta' l-edukazzjoni ta' l-għalliema (1)

(2007/C 300/07)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA U R-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TA' L-ISTATI MEMBRI, IMLAQQGĦIN FIL-KUNSILL,

WARA LI KKUNSIDRAW li:

1.

il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Lisbona tat-23-24 ta' Marzu 2000, li enfasizzaw li l-investiment fin-nies huwa kruċjali għall-post ta' l-Ewropa fl-ekonomija ta' l-għarfien, u li appellaw lill-Istati Membri biex “jieħdu passi biex ineħħu l-ostakoli għall-mobilità ta' l-għalliema u biex jiġbdu għalliema ta' kwalità għolja (2);

2.

ir-rapport ta' Frar 2001 tal-Kunsill ta' l-“Edukazzjoni” lill-Kunsill Ewropew dwar l-“objettivi futuri konkreti ta' sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ”, li enfasizzaw ir-rwol dejjem jinbidel ta' l-għalliema li, filwaqt li jkomplu jagħtu l-għarfien, “jiffunzjonaw ukoll bħala tuturi, li jiggwidaw lill-istudenti fit-triq individwali tagħhom lejn l-għarfien (3);

3.

l-objettiv 1.1. tal-programm ta' ħidma “Edukazzjoni u Taħriġ 2010” — It-titjib ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ għall-għalliema u dawk li jħarrġu, li jenfasizza l-importanza li jinġibdu u jinżammu persuni kwalifikati sew u motivati lejn il-professjoni tat-tagħlim, li jiġu identifikati l-ħiliet li l-għalliema jeħtieġu biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tas-soċjetà, li jiġu pprovduti l-kondizzjonijiet biex l-għalliema jkunu appoġġati permezz ta' taħriġ inizjali u ladarba jkunu qed jaħdmu, li jiġu miġbuda rekluti lejn it-tagħlim u t-taħriġ li jkollhom esperjenza professjonali f'oqsma oħra (4);

4.

ir-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2002 dwar it-tagħlim tul il-ħajja, li stiednet lill-Istati Membri jtejbu l-edukazzjoni u t-taħriġ ta' l-għalliema involuti fit-taħriġ tul il-ħajja sabiex jakkwistaw il-ħiliet neċessarji għas-soċjetà ta' l-għarfien (5);

5.

ir-rapport interim konġunt tal-Kunsill u l-Kummissjoni tas-26 ta' Frar 2004 dwar il-progress lejn l-objettivi ta' Lisbona fl-oqsma ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ (6), li ta prijorità lill-iżvilupp ta' prinċipji Ewropej komuni għall-kompetenzi u l-kwalifiki meħtieġa mill-għalliema biex jissodisfaw ir-rwol li qed jinbidel tagħhom fis-soċjetà ta' l-għarfien (7);

6.

Ir-rapport interim konġunt tal-Kunsill u l-Kummissjoni tat-23 ta' Frar 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma “Edukazzjoni u Taħriġ 2010”, li enfasizza li “l-investiment fit-taħriġ ta' l-għalliema u dawk li jħarrġu u t-tisħiħ tat-tmexxija għall-istituzzjonijiet ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ huma kruċjali għat-titjib ta' l-effiċjenza tas-sistemi ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ (8);

7.

il-konklużjonijiet tal-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, ta' l-14 ta' Novembru 2006 dwar effiċjenza u ekwità fl-edukazzjoni u t-taħriġ, li qalu li “il-motivazzjoni, il-ħiliet u l-kompetenzi ta' l-għalliema, it-trejners, persunal ieħor tat-tagħlim u s-servizzi ta' pariri u assistenza soċjali, kif ukoll il-kwalità tat-tmexxija ta' l-iskola, huma fatturi ewlenin għall-kisba ta' riżultati tat-tagħlim ta' kwalità għolja” u li “l-isforzi tal-persunal tat-tagħlim għandhom jiġu appoġġati minn żvilupp professjonali kontinwu”;

8.

il-konklużjonijiet tal-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, ta' l-14 ta' Novembru 2006 dwar il-prijoritajiet futuri għal kooperazzjoni Ewropea mtejba fir-rigward ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, li enfasizzaw il-ħtieġa għal għalliema kwalifikati ħafna li jkomplu bi żvilupp professjonali kontinwu (9);

9.

id-Deċiżjoni Nru 1720/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2006 li tistabbilixxi programm ta' azzjoni fil-qasam ta' tagħlim tul il-ħajja, li jinkludi, taħt il-Programm Comenius, l-objettivi speċifiċi għat-titjib tal-kwalità u d-dimensjoni Ewropea ta' l-edukazzjoni ta' l-għalliema (10);

10.

ir-rakkomandazzjoni 2006/961/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja (11), li tindika l-għarfien, il-ħiliet u l-attitudnijiet minimi li l-istudenti kollha għandhom ikunu akkwistaw sa tmiem l-edukazzjoni u t-taħriġ inizjali sabiex jieħdu sehem fis-soċjetà ta' l-għarfien u li, minħabba n-natura trasversali tagħhom, jimplikaw livell ogħla ta' kollaborazzjoni u ta' ħidma f'tim bejn l-għalliema, kif ukoll approċċ lejn it-tagħlim li jmur lil hinn mill-konfini tradizzjonali tas-suġġetti.

JILQGĦU l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tat-23 ta' Awissu 2007 dwar “it-titjib tal-kwalità ta' l-edukazzjoni ta' l-għalliema” (12), li tidentifika l-kwalità tat-tagħlim u l-edukazzjoni ta' l-għalliema bħala fatturi prinċipali biex jogħlew il-livelli tal-kisba edukattiva u biex jinkisbu l-għanijiet ta' Lisbona, u għaldaqstant tressaq proposti mmirati biex dawn jinżammu u jittejbu.

JAFFERMAW MILL-ĠDID li, filwaqt li r-responsabbiltà għall-organizzazzjoni u l-konenut tas-sistemi ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ u l-kisba ta' l-objettiv 1.1 tal-programm ta' ħidma 'Edukazzjoni u Taħriġ 2010' taqa' f'idejn l-Istati Membri individwali, u filwaqt li l-iskejjel f'ħafna Stati Membri igawdu grad konsiderevoli ta' awtonomija, il-kooperazzjoni Ewropea għandha rwol utli biex tgħin lill-Istati Membri jikkonfrontaw sfidi komuni, b'mod partikolari permezz tal-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni, li jinvolvi l-iżvilupp ta' prinċipji u għanijiet komuni, kif ukoll inizjattivi konġunti bħal attivitajiet ta' tagħlim bejn il-pari, l-iskambju ta' esperjenza u l-aħjar prattika u l-monitoraġġ reċiproku.

JIKKUNSIDRAW li

1.

Tagħlim ta' kwalità għolja huwa prerekwiżit għal edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità għolja, li mbagħad huma fihom infushom determinanti b'saħħithom tal-kompetittività u l-kapaċità ta' l-Ewropa għall-perijodu fit-tul biex jinħolqu aktar impjiegi u tkabbir f'konformità ma' l-għanijiet ta' Lisbona u flimkien ma' oqsma ta' politika rilevanti oħra bħall-politika ekonomika, il-politika soċjali u r-riċerka.

2.

Daqstant importanti, it-tagħlim jipprovdi servizz ta' rilevanza soċjali konsiderevoli: l-għalliema għandhom rwol vitali biex jgħinu lin-nies jidentifikaw u jiżviluppaw it-talenti tagħhom u jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom għal tkabbir u benesseri personali, kif ukoll biex jgħinuhom jiksbu l-firxa kumplessa ta' għarfien, ħiliet u kompetenzi prinċipali li jkunu jeħtieġu bħala ċittadini matul il-ħajja personali, soċjali u professjonali tagħhom.

3.

L-abbiltà ta' l-għalliema li jaffrontaw b'suċċess l-isfidi ta' diversità soċjali u kulturali dejjem akbar fil-klassi hija kruċjali għall-iżvilupp ta' sistemi ta' l-edukazzjoni aktar ekwitabbli u għall-progress lejn l-għoti ta' opportunitajiet indaqs għal kulħadd.

4.

L-edukazzjoni u t-taħriġ ta' l-għalliema huwa element kruċjali fl-immodernizzar tas-sistemi ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ Ewropej, u żidiet futuri fil-livell ġenerali tal-kisba edukattiva u l-pass tal-progress lejn l-objettivi komuni tal-programm ta' ħidma “Edukazzjoni u Taħriġ 2010” ser jiġu ffaċilitati bl-eżistenza ta' sistemi effettivi ta' edukazzjoni ta' l-għalliema.

5.

B'riżultat tal-konsiderazzjonijiet ta' hawn fuq, l-Istati Membri għandhom jagħtu prijorità għolja biex isostnu u jtejbu l-kwalità ta' l-edukazzjoni ta' l-għalliema f'perspettiva li tħares lejn il-karriera kollha.

JINNOTAW li

1.

Il-bidliet soċjali, kulturali, ekonomiċi u teknoloġiċi numerużi fis-soċjetà joħolqu pressjonijiet ġodda fuq il-professjoni tat-tagħlim u jżidu l-ħtieġa għall-iżvilupp ta' approċċi lejn it-tagħlim li jkunu aktar iffukati fuq il-kompetenza, flimkien ma' enfasi akbar fuq l-eżiti ta' dak li wieħed jitgħallem.

Bil-ksib tal-kompetenzi ewlenin għall-ħajja, l-istudenti huma dejjem aktar mistennija li jiżviluppaw awtonomija akbar biex jitgħallmu u li jieħdu responsabbiltà għat-tagħlim tagħhom stess.

Barra minn hekk, l-istudenti fi kwalunkwe klassi jistgħu jkunu ġejjin minn firxa dejjem usa' ta' ambjenti u jista' jkollhom firxa wiesgħa ħafna ta' abbiltajiet.

Biex l-għalliema jkunu jistgħu jadattaw il-metodi tat-tagħlim tagħhom biex jissodisfaw il-ħtiġijiet li qed jevolvu ta' l-istudenti, jeħtieġ li huma jaġġornaw regolarment il-ħiliet eżistenti u/jew jiżviluppaw ħiliet ġodda.

2.

Il-pressjonijiet ġodda li qed jaffrontaw l-għalliema mhux biss joħolqu l-ħtieġa li jiġu żviluppati ambjenti u approċċi tat-tagħlim ġodda, iżda jirrikjedu wkoll livell għoli ta' professjonaliżmu.

Hekk kif l-iskejjel isiru ambjenti tat-tagħlim aktar awtonomi u miftuħa, l-għalliema jieħdu responsabbiltà dejjem akbar għall-kontenut, l-organizzazzjoni u l-monitoraġġ tal-proċess tat-tagħlim, kif ukoll għall-iżvilupp professjonali personali tagħhom stess tul il-karriera.

3.

Dan min-naħa l-oħra jippreżenta lill-istituzzjonijiet ta' l-edukazzjoni ta' l-għalliema, lill-edukaturi ta' l-għalliema u lill-iskejjel bi sfidi friski fl-iżvilupp jew l-implimentazzjoni ta' programmi kemm għal studenti għalliema kif ukoll għal għalliema prattikanti. Sabiex is-sistemi ta' l-edukazzjoni ta' l-għalliema jiġu mgħejuna jilqgħu dawk l-isfidi, hija meħtieġa koordinazzjoni aħjar bejn id-diversi linji ta' l-edukazzjoni ta' l-għalliema — mill-edukazzjoni inizjali, permezz ta' appoġġ bikri addizzjonali għall-karriera (“induzzjoni” (13)) sat-taħriġ li jirċievu meta jkunu diġà qed jaħdmu għall-iżvilupp professjonali.

Barra minn hekk, huma meħtieġa aktar inċentivi għall-għalliema biex ikomplu jaġġornaw il-ħiliet tagħhom matul il-ħajja professjonali tagħhom, filwaqt li huma meħtieġa wkoll sforzi biex jiġi żgurat li l-edukazzjoni waqt li jkunu qed jaħdmu jgħodd għall-ħtiġijiet tat-tagħlim kemm fil-kwalità kif ukoll fil-kwantità.

4.

F'bosta Stati Membri hemm ħtieġa mhux biss biex persuni ġodda jiġu attratti — inklużi nies kwalifikati kif xieraq bl-esperjenza minn professjonijiet oħrajn — lejn il-professjoni tat-tagħlim, iżda wkoll biex għalliema bl-esperjenza jiġu persważi jibqgħu fil-professjoni minflok ma jirtiraw kmieni jew jiċċaqilqu lejn professjonijiet oħrajn.

It-titjib tal-kwalità ta' l-edukazzjoni ta' l-għalliema jista' jipprovdi mezz wieħed biex il-professjoni tat-tagħlim issir għażla ta' karriera attraenti.

JAQBLU, fil-qafas tar-responsabbiltajiet tagħhom, li

1.

jagħmlu ħilithom biex jiżguraw li l-għalliema:

ikollhom kwalifika minn istituzzjoni ta' l-edukazzjoni ogħla (14) li tikseb bilanċ xieraq bejn studji bbażati fuq ir-riċerka u prattika tat-tagħlim;

ikollhom għarfien speċjalizzat tas-suġġetti tagħhom, kif ukoll il-ħiliet pedagoġiċi meħtieġa;

ikollhom aċċess għal programmi effettivi dwar l-appoġġ bikri għall-karriera fil-bidu tal-karriera tagħhom;

ikollhom aċċess għal appoġġ ta' tutorat adegwat matul il-karriera tagħhom;

jiġu mħeġġa u appoġġati matul il-karriera tagħhom biex jirrevedu l-ħtiġijiet ta' tagħlim tagħhom u biex jakkwistaw għarfien, ħiliet u kompetenza ġodda permezz ta' tagħlim formali, informali u non-formali, inklużi skambji u spostamenti barra l-pajjiż;

2.

jippruvaw jiżguraw li l-għalliema b'funzjonijiet ta' mexxejja, minbarra li jkollhom ħiliet u esperjenza ta' tagħlim, għandhom aċċess għal taħriġ ta' kwalità għolja fl-amministrazzjoni u fit-tmexxija ta' l-iskola;

3.

jimmiraw li jiżguraw li l-provvediment għall-edukazzjoni inizjali, l-appoġġ kmieni fil-karriera u l-iżvilupp professjonali addizzjonali ta' l-għalliema jkun koordinat, koerenti, jingħata r-riżorsi adegwati u tiġi żgurata l-kwalità;

4.

jikkunsidraw l-adozzjoni ta' miżuri mmirati li jgħollu l-livell tal-kwalifiki u l-livell ta' l-esperjenza prattika meħtieġa għall-impjieg bħala għalliem;

5.

jinkoraġġixxu rabtiet u sħubiji aktar mill-qrib bejn l-iskejjel — li għandhom jiżviluppaw bħala “komunitajiet ta' tagħlim” — u l-istituzzjonijiet ta' l-edukazzjoni ta' l-għalliema, filwaqt li jiżguraw li dawk l-istituzzjonijiet jipprovdu programmi koerenti, ta' kwalità għolja u rilevanti ta' l-edukazzjoni ta' l-għalliema li jwieġbu b'mod effettiv għall-ħtiġijiet li jkunu qed jevolvu ta' l-iskejjel, l-għalliema u s-soċjetà in ġenerali;

6.

jippromwovu matul l-edukazzjoni inizjali ta' l-għalliema, l-appoġġ kmieni fil-karriera u permezz ta' żvilupp professjonali kontinwu l-akkwist ta' kompetenzi li jippermettu lill-għalliema:

jgħallmu kompetenzi trasversali bħal dawk deskritti fir-Rakkomandazzjoni dwar kompetenzi prinċipali (15),

joħolqu ambjent ta' skola sigur u attraenti bbażat fuq ir-rispett reċiproku u l-kooperazzjoni,

jgħallmu b'mod effettiv fi klassijiet eteroġenei ta' studenti minn ambjenti soċjali u kulturali diversi, u b'firxa wiesgħa ta' abbiltajiet u ħtiġijiet, inklużi ħtiġijiet ta' l-edukazzjoni speċjali,

jaħdmu f'kollaborazzjoni mill-qrib ma' kollegi, ġenituri u l-komunità usa',

jieħdu sehem fl-iżvilupp ta' l-iskola jew ċentru ta' taħriġ fejn huma mpjegati,

jiżviluppaw għarfien ġdid u jkunu innovattivi billi jinvolvu ruħhom fi prattika riflessiva u riċerka,

jagħmlu użu ta' l-ICT fid-diversi kompiti tagħhom, kif ukoll fl-iżvilupp professjonali kontinwu tagħhom,

isiru persuni li kapaċi jitgħallmu b'mod awtonomu fl-iżvilupp professjonali tagħhom stess tul il-karriera kollha;

7.

jipprovdu appoġġ xieraq għall-istituzzjonijiet ta' l-edukazzjoni ta' l-għalliema u l-edukaturi għalliema, sabiex dawn ikunu jistgħu jiżviluppaw risponsi innovattivi għall-pressjonijiet ġodda fuq l-edukazzjoni ta' l-għalliema;

8.

jappoġġaw programmi ta' mobbiltà għall-għalliema, għall-istudenti għalliema u l-edukaturi għalliema li jkunu maħsuba li jkollhom impatt sinifikattiv fuq l-iżvilupp professjonali tagħhom, kif ukoll li jrawmu fehim aħjar tad-differenzi kulturali u kuxjenza tad-dimensjoni Ewropea tat-tagħlim;

9.

jieħdu kwalunkwe pass xieraq biex il-professjoni tat-tagħlim issir għażla ta' karriera aktar attraenti.

JISTIEDNU LILL-ISTATI MEMBRI, BL-APPOĠĠ TAL-KUMMISSJONI, biex

1.

jaħdmu flimkien biex itejbu l-kooperazzjoni Ewropea fil-qafas tal-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni — f'konsultazzjoni mal-partijiet interessati rilevanti u bħala objettiv ta' politika trasversali tal-programm ta' ħidma “Edukazzjoni u Taħriġ 2010” u s-suċċessur tiegħu — sabiex jippromwovu l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet ta' politika dwar l-edukazzjoni ta' l-għalliema deskritti f'dawn il-konklużjonijiet;

2.

jużaw l-istrumenti disponibbli kollha, bħal dawk li jifformaw parti mill-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni, il-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja, is-Seba' Programm Kwadru għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku u l-Fond Soċjali Ewropew, biex jippromwovu — bl-użu ta' approċċ integrat — għarfien ibbażat fuq l-evidenza rilevanti għal-linji politiċi ta' l-edukazzjoni ta' l-għalliema, inizjattivi ulterjuri dwar it-tagħlim reċiproku, progetti innovattivi għall-edukazzjoni ta' l-għalliema u l-mobbiltà ta' l-għalliema, ta' l-edukaturi ta' l-għalliema u ta' l-għalliema studenti.


(1)  Dawn il-konklużjonijiet huma relatati ma' għalliema fl-edukazzjoni ġenerali u fl-edukazzjoni vokazzjonali tal-bidu; għal dawn l-għanijiet għalliem huwa persuna li huwa rikonoxxut li għandu l-istatus ta' għalliem (jew ekwivalenti) skond il-leġislazzjoni u l-prattika ta' Stat Membru. Ma tinkludiex persuni impjegati impjegati barra s-sistemi formali ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ minħabba n-natura u l-kuntest differenti tal-kompiti li jwettqu.

(2)  Dok. SN 100/1/00 REV 1.

(3)  Dok. 5980/01.

(4)  ĠU C 142, 14.6.2002, p. 1.

(5)  ĠU C 163, 9.7.2002, p. 1.

(6)  Dok. 6905/04.

(7)  Annessi I u II għad-dok. 12414/07 ADD 1.

(8)  ĠU C 79, 1.4.2006, p. 1.

(9)  ĠU C 298, 8.12.2006, p. 8.

(10)  ĠU L 327, 24.11.2006, p. 45.

(11)  ĠU L 394, 30.12.2006, p. 5.

(12)  Dok. 12414/07 + ADD 1 + ADD 2.

(13)  “Induzzjoni” tirreferi għall-proċess f'xi Stati Membri li bih għalliema li għadhom kif jikkwalifikaw matul l-ewwel snin ta' impjieg tagħhom jingħataw appoġġ addizzjonali (per eżempju permezz ta' tutorat, taħriġ, konsulenza) li huma jeħtieġu biex jassumu r-rwol ġdid tagħhom fi ħdan l-iskola u l-professjoni; dan għalhekk jifforma pont bejn l-edukazzjoni inizjali ta' l-għalliema u l-prattika professjonali attwali.

(14)  Jew, fil-każ ta' dawk li jaħdmu fil-qasam ta' l-edukazzjoni vokazzjonali inizjali, huma ferm kwalifikati fil-qasam professjonali tagħhom u jkollhom kwalifika pedagoġika adegwata.

(15)  Ara paġna 11.


Top