EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 42000A0922(02)

Il-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen ta' l-14 ta' Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet ta' l-Istati ta' l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta' kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom

OJ L 239, 22.9.2000, p. 19–62 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)
Special edition in Czech: Chapter 19 Volume 002 P. 9 - 52
Special edition in Estonian: Chapter 19 Volume 002 P. 9 - 52
Special edition in Latvian: Chapter 19 Volume 002 P. 9 - 52
Special edition in Lithuanian: Chapter 19 Volume 002 P. 9 - 52
Special edition in Hungarian Chapter 19 Volume 002 P. 9 - 52
Special edition in Maltese: Chapter 19 Volume 002 P. 9 - 52
Special edition in Polish: Chapter 19 Volume 002 P. 9 - 52
Special edition in Slovak: Chapter 19 Volume 002 P. 9 - 52
Special edition in Slovene: Chapter 19 Volume 002 P. 9 - 52
Special edition in Bulgarian: Chapter 19 Volume 001 P. 183 - 226
Special edition in Romanian: Chapter 19 Volume 001 P. 183 - 226
Special edition in Croatian: Chapter 19 Volume 009 P. 12 - 55

In force

42000A0922(02)



Official Journal L 239 , 22/09/2000 P. 0019 - 0062


Il-Konvenzjoni

li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen

ta' l-14 ta' Ġunju 1985

bejn il-Gvernijiet ta' l-Istati ta' l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta' kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom

Ir-RENJU TAL-BELĠJU, ir-REPUBBLIKA FEDERALI TAL-ĠERMANJA, ir-REPUBBLIKA FRANĊIŻA, il-GRAN DUKAT TAL-LUSSEMBURGU u r-RENJU TA' L-OLANDA, minn hawn ‘il quddiem imsejjħa l-"Partijiet Kontraenti",

WAQT LI JIEĦDU bħala bażi l-ftehim ta' Schengen ta' l-14 ta' Ġunju 1985 dwar it-tneħħija bil-mod ta' kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom,

BILLI DDEĊIEDEW li jwettqu d-determinazzjoni murija f'dak il-Ftehim sabiex jitneħħew kontrolli fil-fruntieri komuni fuq il-moviment ta' persuni u sabiex jiffaliċitaw it-trasport u l-moviment ta' oġġetti f'dawk il-fruntieri,

BILLI t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej, supplimentat mill-Att Uniku Ewropew, jipprovdi li s-suq intern għandu jikkonsisti f'żona mingħajr fruntieri interni,

BILLI l-għan segwit mill-Partijiet Kontraenti hu li jinżamm dak il-għan, bla ħsara għall-miżuri li jridu jittieħdu sabiex jimplimentaw id-dispożizzjonijiet tat-Trattat,

BILLI t-twettiq ta' dik id-determinazzjoni teħtieġ serje ta' miżuri xierqa u koperazzjoni mill-viċin bejn il-Partijiet Kontraenti,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

TITOLU I

DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Għall-għanijiet ta' din il-Konvenzjoni:

fruntieri interni : għandhom ifissru l-fruntieri komuni tal-Partijiet Kontraenti fuq l-art, l-ajruporti tagħhom għal titjir intern u l-portijiet tagħhom għal konnessjonijiet regolari bil-baħar esklussivament minn jew għal portijiet oħrajn fit-territorji tal-Partijiet Kontraenti u li ma jidħlux f'portijiet barra dawk it-territorji;

fruntieri esterni : għandhom ifissru l-fruntieri ta' l-art u tal-baħar tal-Partijiet Kontraenti u l-ajruporti u l-portijiet tal-baħar tagħhom, sakemm ma jkunux fruntieri interni;

titjira interna : għandha tfisser kull titjira esklussivament lejn jew mit-territorju tal-Partijiet Kontraenti u li ma tinżilx fit-territorju ta' Stat terz;

Stat terz : għandha tfisser kull Stat apparti mill-Partijiet Kontraenti;

aljen : għandha tfisser kull persuna apparti minn persuna ta' nazzjonalità ta' Stat Membru tal-Komunitajiet Ewropej;

aljen li fir-rigward tiegħu nħarġet twissija bl-għan li jiċċaħħad id-dħul : għandha tfisser aljen li fir-rigward tiegħu tkun reġistrata twissija fis-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen skond l-Artikolu 96, bil-għan li dik il-persuna ma titħalliex tidħol;

il-punt fejn tinqasam il-fruntiera : għandha tfisser kull punt ta' qsim awtorizzat mill-awtoritajiet kompetenti għall-qsim ta' fruntieri esterni;

il-kontroll fuq il-fruntiera : għandha tfisser kontroll imwettaq fil-fruntiera, bħala tweġiba esklussiva għal intenzjoni li tinqasam dik il-fruntiera, irrispettivament minn kull konsiderazzjoni oħra;

carrier : għandha tfisser kull persuna naturali jew legali li x-xogħol tagħha hu li tipprovdi trasport tal-passiġġiera bl-ajru, bil-baħar jew fuq l-art;

permess ta' residenza : għandha tfisser awtorizzazzjoni ta' kull tip maħruġa minn Parti Kontraenti li tagħti drittijiet ta' residenza fit-territorju tagħha. Din id-definizzjoni m'għandhiex tinkludi permess temporanju ta' residenza fit-territorju ta' Parti Kontraenti għall-għanijiet ta' l-ipproċessar ta' applikazzjoni għall-eżilju jew għal permess ta' residenza;

applikazzjoni għall-ażil : għandha tfisser kull applikazzjoni ppreżentata bil-miktub, bil-fomm jew b'xi mod ieħor minn aljen fi fruntiera esterna jew fit-territorju ta' Parti Kontraenti bil-għan li jinkiseb rikonoxximent bħala refuġjat skond il-Konvenzjoni ta' Ġinevra li għandha x'taqsam ma' l-Istatus ta' Refuġjati tat-28 ta' Lulju 1951, kif emendata permezz tal-Protokoll ta' New York tal-31 ta' Jannar 1967, u l-kisba tad-dritt ta' residenza;

min ifittex l-ażil : għandha tfisser kull aljen li jkun presenta applikazzjoni għall-ażil skond it-tifsira ta' din il-Konvenzjoni fir-rigward ta' liema tkun għad ma ttieħditx deċiżjoni finali;

proċessar ta' applikazzjonijiet għall-ażil : għandha tfisser il-proċeduri kollha għall-eżaminazzjoni u għat-teħid ta' deċiżjoni dwar applikazzjonijiet għall-ażil, inklużi miżuri meħuda taħt deċiżjoni finali dwar dan, bl-eċċezzjoni ta' determinazzjoni tal-Parti Kontraenti responsabbli għall-ipproċessar ta' applikazzjonijiet għall-ażil taħt din il-Konvenzjoni.

TITOLU II

TNEĦĦIJA TA' KONTROLLI FIL-FRUNTIERI INTERNI U FUQ IL-MOVIMENT TA' PERSUNI

KAPITOLU 1

QSIM TA' FRUNTIERI INTERNI

Artikolu 2

1. Il-fruntieri interni jistgħu jinqasmu minn kullimkien mingħajr ma jsiru kontrolli fuq persuni.

2. Madankollu, Parti Kontraenti tista', wara li tikkonsulta mal-Partijiet Kontraenti l-oħra, tiddeċiedi li jsiru kontrolli xierqa fil-fruntieri nazzjonali interni għal perjodu limitat, jekk dan ikun meħtieġ minħabba raġunijiet ta' politika pubblika jew ta' sigurtà nazzjonali. Jekk il-politika pubblika jew is-sigurtà nazzjonali tirrikjedi azzjoni mmedjata, il-Parti Kontraenti kkonċernata għandha tieħu l-miżuri meħtieġa u għandha tinforma lill-Partijiet Kontraenti l-oħrajn dwar dan kemm jista' jkun malajr.

3. It-tneħħija ta' kontrolli fuq persuni fil-fruntieri interni m'għandux jaffettwa d-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 22, jew l-eżerċizzju tal-poteri tal-pulizija fit-territorju ta' Parti Kontraenti mill-awtoritajiet kompetenti taħt il-liġi ta' dik il-Parti, jew il-ħtieġa li wieħed iżomm, iġorr u juri permessi u dokumenti stipulati taħt il-liġi ta' dik il-Parti.

4. Il-kontrolli fuq oġġetti għandhom isiru skond id-dispożizzjonijiet relevanti ta' din il-Konvenzjoni.

KAPITOLU 2

QSIM TA' FRUNTIERI ESTERNI

Artikolu 3

1. Il-fruntieri esterni jistgħu bħala prinċipju jinqasmu biss fil-postijiet ta' qsim tal-fruntieri u waqt is-siegħat fissi ta' ftuħ. Il-Kumitat Eżekuttiv għandu jadotta dispożizzjonijiet, eċċezzjonijiet u arranġamenti iktar dettaljati dwar traffiku lokali fuq il-fruntiera, u regoli li jirregolaw kategoriji speċjali ta' traffiku marittimu bħat-tbaħħir ta' divertiment u s-sajd mal-kosta.

2. Il-Partijiet Kontraenti jimpenjaw ruħhom li jintroduċu penalitajiet għall-qsim mingħajr awtorizzazzjoni ta' fruntieri esterni minn postijiet differenti mill-punti ta' qsim jew f'ħinijiet differenti mis-siegħat fissi ta' ftuħ.

Artikolu 4

1. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jassiguraw li, sa mill-1993, passiġġiera fuq titjiriet minn Stati terzi li jittrasferixxu ruħhom għal fuq titjiriet interni għandhom ikunu soġġetti għal kontroll fuq id-dħul, flimkien ma' kontroll tal-bagalji li jġorru f'idejhom, fil-mitjar fejn tasal it-titjira esterna. Passiġġiera fuq titjiriet interni li jittrasferixxu ruħhom għal fuq titjiriet destinati għal Stati terzi għandhom ikunu soġġetti għal kontroll tat-tluq, flimkien ma' kontroll tal-bagalji li jġorru f'idejhom, fil-mitjar minn fejn titlaq it-titjira esterna.

2. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jagħmlu ċert li l-kontrolli jsiru b'mod konformi mal-paragrafu 1.

3. La l-paragrafu 1 u lanqas il-paragrafu 2 m'għandhom jaffettwaw kontrolli fuq bagalji rreġistrati; dawn il-kontrolli għandhom isiru jew fil-mitjar tad-destinazzjoni finali jew fil-mitjar tat-tluq inizjali.

4. Sad-data stipulata fil-paragrafu 1, l-ajruporti jistgħu, permezz ta' deroga mid-definizzjoni ta' fruntieri interni, jitqiesu bħala fruntieri esterni għal titjiriet interni.

Artikolu 5

1. Fir-rigward ta' żjajjar li ma jaqbżux it-tliet xhur, aljeni li jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin jistgħu jitħallew jidħlu fit-territorji tal-Partijiet Kontraenti:

(a) l-aljeni jrid ikollhom dokument jew dokumenti validi, skond id-definizzjoni tal-Kumitat Eżekuttiv, li jagħtuhom l-awtorizzazzjoni li jaqsmu l-fruntiera;

(b) l-aljena jridu jkunu fil-pussess ta' viża valida jekk din tinħtieġ;

(ċ) l-aljeni jridu juru, jekk meħtieġa, dokumenti li jiġġustifikaw l-għan u l-kondizzjonijiet taż-żjara tagħhom u jridu juru li għandhom mezzi biżżejjed ta' għixien, kemm għall-perjodu taż-żjara maħsuba tagħhom kif ukoll għar-ritorn lejn il-pajjiż ta' oriġini tagħhom jew għat-transitu lejn Stat terz fejn huma ċerti li sejrin jiddaħħlu, jew iridu jkunu f'pożizzjoni li jakkwistaw dawn il-mezzi b'mod liċitu;

(d) l-aljeni ma jistgħux ikunu persuni fir-rigward ta' liema tkun inħarġet twissija bil-għan li ma jitħallewx jidħlu;

(e) l-aljeni ma jistgħux jitqiesu bħala theddida għall-politika pubblika, għas-sigurtà nazzjonali jew għar-relazzjonijiet internazzjonali ta' xi waħda mill-Partijiet Kontraenti.

2. Aljen li ma jissodisfax il-kondizzjonijiet kollha li jidhru hawn fuq jista' ma jitħalliex jidħol fit-territorji tal-Partijiet Kontraenti, sakemm parti Kontraenti ma tħossx li jinħtieġ li ssir deroga minn dak il-prinċipju għal raġunijiet umanitarji, għal raġunijiet ta' interess nazzjonali jew minħabba obbligi internazzjonali. F'dawn il-każijiet l-awtorizzazzjoni ta' dħul għandha tkun ristretta għat-territorju tal-parti Kontraenti kkonċernata, li trid tinforma lill-Partijiet Kontraenti l-oħrajn dwar dan.

Dawn ir-regoli m'għandhomx iwaqqfu l-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet speċjali li jirrigwardaw id-dritt għal ażil jew tad-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 18.

3. Aljeni li għandhom permessi ta' residenza jew viżas ta' dħul mill-ġdid maħruġa minn waħda mill-Partijiet Kontraenti jew, fejn meħtieġ, iż-żewġ dokumenti, għandhom jitħallew jidħlu għal għanijiet ta' transitu, sakemm l-ismijiet tagħhom ma jkunux fuq il-lista nazzjonali ta' twissijiet tal-Parti Kontraenti li l-fruntieri esterni tagħha jkunu qegħdin jipprovaw jaqsmu.

Artikolu 6

1. Il-moviment minn naħa għall-oħra ta' fruntiera fi fruntieri esterni għandu jkun soġġett għal kontrolli mill-awtoritajiet kompetenti. Għandhom isiru kontrolli fit-territorji tal-Partijiet Kontraenti, skond prinċipji uniformi, fil-limiti tal-poteri nazzjonali u tal-liġi nazzjonali u wara li jiġu kkunsidrati l-interessi tal-Partijiet Kontraenti kollha.

2. Il-prinċipji uniformi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a) Kontrolli fuq persuni għandhom jinkludu mhux biss il-verifika ta' dokumenti ta' l-ivvjaġġar u l-kondizzjonijiet l-oħrajn li jirregolaw id-dħul, residenza, xogħol u ħruġ, imma wkoll kontrolli maħsuba biex jinstabu u jitwaqqfu theddid għas-sigurtà nazzjonali u għall-politika pubblika tal-Partijiet Kontraenti. Kontrolli bħal dawn għandhom isiru wkoll fuq vetturi u fuq oġġetti fil-pussess ta' persuni li jaqsmu l-fruntiera. Għandhom isiru minn kull Parti Kontraenti skond il-liġi nazzjonali tagħha, b'mod partikolari fejn ikunu involuti tfittxijiet.

(b) Kull persuna hi soġġetta għal mill-inqas kontroll wieħed sabiex tkun stabbilita l-identità tagħha billi turi jew tippreżenta d-dokumenti ta' l-ivvjaġġar tagħha.

(ċ) Malli jidħlu, l-aljeni għandhom ikunu soġġetti għal kontroll dettaljat, kif definit f'(a).

(d) Mal-ħruġ, il-kontrolli għandhom isiru kif meħtieġ fl-interess tal-Partijiet Kontraenti kollha taħt il-liġi dwar aljeni sabiex jinstabu u jitwaqqfu theddidiet għas-sigurtà nazzjonali u għall-politika pubblika tal-Partijiet Kontraenti. Dawn il-kontrolli għandhom isiru dejjem fuq aljeni.

(e) Jekk f'ċerti ċirkostanzi dawn il-kontrolli ma jkunux jistgħu jsiru, iridu jkunu stabbiliti l-prijoritajiet. F'dak il-każ, kontrolli fuq id-dħul għandhom jieħdu prijorità fuq kontrolli fuq il-ħruġ.

3. L-awtoritajiet għandhom jużaw unitajiet mobbli sabiex iwettqu sorveljanza ta' fruntieri esterni bejn punt ta' qsim; l-istess għandu japplika għal punti ta' qsim ta' fruntieri barra s-siegħat normali ta' ftuħ. Din is-sorveljanza għandha ssir b'mod li tiskuraġġixxi n-nies milli jippruvaw jevitaw il-kontrolli fil-punti ta' qsim. Il-proċeduri ta' sorveljanza għandhom, fejn ikun xieraq, ikunu stabbiliti mill-Kumitat Eżekuttiv.

4. Il-Partijiet Kontraenti jimpenjaw ruħhom li jqabbdu uffiċjali li huma kwalifikati biżżejjed sabiex jagħmlu kontrolli u sorveljanza matul il-fruntieri esterni.

5. Għandu jkun hemm l-istess grad ta' kontroll fuq il-fruntieri esterni.

Artikolu 7

Il-Partijiet Kontraenti għandhom jassistu lil xulxin u għandhom iżommu koperazzjoni kostanti u mill-viċin bil-għan li jimplimentaw b'mod effettiv il-kontrolli u s-sorveljanza. Huma għandhom, b'mod partikolari, jiskambjaw kull informazzjoni relevanti u importanti, bl-eċċezzjoni ta' informazzjoni personali, ħlief jekk din il-Konvenzjoni tipprovdi mod ieħor. Huma għandhom kemm jista' jkun jarmonizzaw l-istruzzjonijiet mogħtija lill-awtoritajiet responsabbli għal kontrolli, u għandhom jippromwovu t-taħriġ bażiku standard u dak ulterjuri ta' uffiċjali li jaħdmu fil-punti ta' kontroll. Din il-koperazzjoni tista' tieħu l-forma ta' skambju ta' uffiċjali ta' koperazzjoni.

Artikolu 8

Il-Kumitat Eżekuttiv għandu jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa dwar il-proċeduri prattiċi għall-kontrolli u għas-sorveljanza tal-fruntieri.

KAPITOLU 3

VIŻAS

Taqsima 1

Viżas għal żjarat qosra

Artikolu 9

1. Il-Partijiet Kontraenti jimpenjaw ruħhom li jadottaw politika komuni dwar il-moviment ta' persuni u, b'mod partikolari, dwar l-arranġamenti dwar viżas. Huma għandhom jassistu lil xulxin għal dawk il-finijiet. Il-Partijiet Kontraenti jimpenjaw ruħhom li jaħdmu lejn l-armonizzazzjoni tal-politika rispettiva tagħhom dwar il-viżas permezz ta' kunsens komuni.

2. L-arranġamenti dwar il-viża li għandhom x'jaqsmu ma' Stati terzi li l-persuni ta' nazzjonalità tagħhom huma soġġetti għal arranġamenti dwar viża li japplikaw fil-Partijiet Kontraenti kollha fil-ħin ta' l-iffirmar ta' din il-Konvenzjoni jew f'data iktar tard, jistgħu jiġu emendati biss bil-kunsens komuni tal-Partijiet Kontraenti kollha. Parti Kontraenti tista' f'każijiet eċċezzjonali tidderoga mill-arranġamenti komuni dwar viża li għandhom x'jaqsmu ma' Stat terz, meta deċiżjoni urġenti tinħtieġ minħabba raġunijiet prevalenti ta' politika nazzjonali. Hija għandha l-ewwel tikkonsulta mal-Partijiet Kontraenti l-oħra u, fid-deċiżjoni tagħha, għandha tikkunsidra l-interessi tagħhom u l-konsegwenzi ta' dik id-deċiżjoni.

Artikolu 10

1. Għandha tiġi introdotta viża uniformi li hija valida fit-territorju kollu tal-Partijiet Kontraenti. Din il-viża, li l-perjodu ta' validità tagħha għandu jiġi stabbilit mill-Artikolu 11, tista' tinħareġ għal żjarat li ma jaqbżux it-tliet xhur.

2. Waqt li l-introduzzjoni ta' din il-viża tkun għadha pendenti, il-Partijiet Kontraenti għandhom jirrikonoxxu l-viżas nazzjonali rispettivi tagħhom, sakemm dawn jinħarġu skond il-kondizzjonijiet u kriterji komuni stabbiliti fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet relevanti ta' dan il-Kapitolu.

3. Permezz ta' deroga mill-paragrafi 1 u 2, kull Parti Kontraenti għandha tirriserva d-dritt li tirrestrinġi l-validità territorjali tal-viża b'mod konformi ma' l-arranġamenti komuni stabbiliti fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet relevanti ta' dan il-kapitolu.

Artikolu 11

1. Il-viża msemmija fl-Artikolu 10 tista' tkun:

(a) viża ta' l-ivvjaġġar għal dħul wieħed jew iżjed, sakemm la t-tul taż-żjara kontinwa u lanqas it-tul totali taż-żjarat suċċessivi ma jaqbżu t-tliet xhur f'kull nofs sena, mid-data ta' l-ewwel dħul;

(b) viża ta' transitu li tawtorizza lid-detentur li jgħaddi mit-territorji tal-Partijiet Kontraenti darba, darbtejn jew eċċezzjonalment bosta drabi fit-rotta lejn it-territorju ta' Stat terz, sakemm ebda transitu ma jaqbeż il-ħamest ijiem.

2. Il-paragrafu 1 m'għandux iżomm lil Parti Kontraenti milli toħroġ viża ġdida, li l-validità tagħha tkun limitata għat-territorju tagħha stess, fin-nofs sena in kwestjoni jekk dan ikun meħtieġ.

Artikolu 12

1. Il-viża uniformi msemmija fl-Artikolu 10(1) għandha tinħareġ mill-awtoritajiet diplomatiċi u konsulari tal-Partijiet Kontraenti u, fejn xieraq, mill-awtoritajiet tal-Partijiet Kontraenti nominati taħt l-Artikolu 17.

2. Il-Parti Kontraenti responsabbli għall-ħruġ ta' viża għandha bħala prinċipju tkun dik tad-destinazzjoni ewlenija. Jekk din ma tkunx tista' tiġi stabbilita, il-viża għandha bħala prinċipju tinħareġ mill-awtorità diplomatika jew konsulari tal-Parti Kontraenti ta' l-ewwel daħla.

3. Il-Kumitat Eżekuttiv għandu jispeċifika l-arranġamenti implimentattivi u, b'mod partikolari, il-kriterji sabiex tiġi determinata d-destinazzjoni ewlenija.

Artikolu 13

1. Ebda viża m'għandha titwaħħal ma' dokument ta' l-ivvjaġġar li jkun skada.

2. Il-perjodu ta' validità ta' dokument ta' l-ivvjaġġar irid jeċċedi dak tal-viża, wara li jiġi kkunsidrat il-perjodu ta' użu tal-viża. Trid tippermetti lill-aljeni li jirritornaw għall-pajjiż ta' oriġini tagħhom jew li jidħlu f'pajjiż terz.

Artikolu 14

1. Ebda viża m'għandha titwaħħal ma' dokument ta' l-ivvjaġġar jew id-dokument ta' l-ivvjaġġar ma jkunx validu għall-ebda waħda mill-Partijiet Kontraenti. Jekk dokument ta' l-ivvjaġġar ikun validu biss għal Parti Kontraenti waħda jew għal numru ta' Partijet Kontraenti, il-viża li trid titwaħħal għandha tkun limitata għall-Parti jew Partijiet Kontraenti in kwestjoni.

2. Jekk dokument ta' l-ivvjaġġar ma jkunx rikonoxxut bħala validu minn Parti Kontraenti waħda jew iżjed, tista' tinħareġ awtorizzazzjoni valida bħala viża minflok viża.

Artikolu 15

Bħala prinċipju l-viżas imsemmja fl-artikolu 10 jistgħu jinħarġu biss jekk aljen ikun jissodisfa l-kondizzjonijiet ta' dħul stipulati fl-Artikolu 5(1)(a), (ċ), (d) u (e).

Artikolu 16

Jekk Parti Kontraenti tqis li teħtieġ tagħmel deroga fuq il-bażi ta' waħda mir-raġunijiet elenkati fl-Artikolu 5(2) mill-prinċipju stipulat fl-Artikolu 15, billi toħroġ viża lill-aljen li ma jissodisfax il-kondizzjonijiet ta' dħul kollha msemmija fl-Artikolu 5(1), il-validità ta' din il-viża għandha tkun ristretta għat-territorju ta' dik il-Parti Kontraenti, li trid tinforma lill-Partijiet Kontraenti l-oħrajn dwar dan.

Artikolu 17

1. Il-Kumitat Eżekuttiv għandu jadotta regoli komuni għall-eżaminazzjoni ta' applikazzjonijiet ta' viża, għandu jassigura li jiġu implimentati sew u għandu jaddattahom għal sitwazzjonijiet u ċirkostanzi ġodda.

2. Il-Kumitat Eżekuttiv għandu jispeċifika wkoll il-każijiet meta l-ħruġ ta' viża għandu jkun soġġett għal konsultazzjoni ma' l-awtorità ċentrali tal-Parti Kontraenti li magħha tkun ġiet preżentata l-applikazzjoni u, fejn xieraq, l-awtoritajiet ċentrali tal-Partijiet Kontraenti l-oħra.

3. Il-Kumitat Eżekuttiv għandu jieħu wkoll id-deċiżjonijiet meħtieġa dwar dawn li ġejjin:

(a) id-dokumenti ta' l-ivvjaġġar li magħhom tista' titwaħħal viża;

(b) l-awtoritajiet li jistgħu joħorġu viża;

(ċ) il-kondizzjonijiet li jirregolaw il-ħruġ ta' viżas fi fruntieri;

(d) il-forma, il-kontenut, u l-perjodu ta' validità ta' viżas u l-ammonti li jridu jitħallsu għall-ħruġ tagħhom;

(e) il-kondizzjonijiet għall-ħruġ u għaċ-ċaħda tal-viżas imsemmija f'(ċ) u f'(d), b'mod konformi ma' l-interessi tal-Partijiet kontraenti kollha;

(f) il-proċeduri li jillimitaw il-validità territorjali ta' viżas;

(g) il-prinċipji li jirregolaw it-tħejjija ta' lista komuni ta' aljeni li fir-rigward tagħhom tkun inħarġet twissija għall-għanijiet ta' ċaħda ta' dħul, bla ħsara għall-Artikolu 96.

Taqsima 2

Viżas għal żjarat qosra

Artikolu 18

Viżas għal żjarat ta' iktar minn tliet xhur għandhom ikunu viżas maħruġa minn waħda mill-Partijiet Kontraenti skond il-liġi nazzjonali tagħha. Dawn il-viżas għandhom jagħtu lid-detenturi d-dritt ta' transitu mit-territorji tal-Partijiet Kontraenti l-oħra sabiex jilħqu t-territorju tal-Parti Kontraenti li tkun ħarġet il-viża, ħlief jekk ma jirnexxielhomx jissodisfaw il-kondizzjonijiet ta' dħul imsemmija fl-Artikolu 5(1)(a), (d) u (e) jew jekk ikunu fuq il-lista nazzjonali ta' twissijiet tal-Parti Kontraenti li mit-territorju tagħhom huma jfittxu transitu.

KAPITOLU 4

KONDIZZJONIJIET LI JIRREGOLAW IL-MOVIMENT TA' ALJENI

Artikolu 19

1. Aljeni li jkollhom viżas uniformi u li jkunu daħlu legalment fit-territorju ta' Parti Kontraenti jistgħu jiċċaqalqu b'mod ħieles fit-territorji tal-Partijiet Kontraenti kollha waqt il-perjodu ta' validità tal-viżas tagħhom, sakemm jissodisfaw il-kondizzjonijiet ta' dħul imsemmija fl-Artikolu 5(1)(a), (ċ), (d) u (e).

2. Waqt li l-introduzzjoni ta' viża uniformi tkun għadha pendenti, aljeni li jkollhom viżas maħruġa minn waħda mill-Partijiet Kontraenti u li jkunu daħlu legalment fit-territorju ta' Parti Kontraenti jistgħu jiċċaqalqu b'mod ħieles fit-territorji tal-Partijiet Kontraenti kollha waqt il-perjodu ta' validità tal-viżas tagħhom sa massimu ta' tliet xhur mid-data ta' l-ewwel dħul, sakemm jissodisfaw il-kondizzjonijiet ta' dħul imsemmija fl-Artikolu 5(1)(a), (ċ), (d) u (e).

3. Il-Paragrafi 1 u 2 m'għandhomx japplikaw għal viżas li l-validità tagħhom hija soġġetta għal limitazzjoni territorjali skond il-Kapitolu 3 ta' dan it-Titolu.

4. Dan l-Artikolu għandu japplika bla ħsara għall-Artikolu 22(2).

Artikolu 20

1. Aljeni li ma jeħtieġux viża jistgħu jiċċaqalqu b'mod ħieles fit-territorji tal-Partijiet Kontraenti għal perjodu massimu ta' tliet xhur waqt is-sitt xhur wara d-data ta' l-ewwel dħul, sakemm jissodisfaw il-kondizzjonijiet ta' dħul imsemmija fl-Artikolu 5(1)(a), (ċ), (d) u (e).

2. Il-Paragrafu 1 m'għandux jaffettwa d-dritt ta' kull Parti Kontraenti li testendi għal iktar minn tliet xhur iż-żjara ta' aljen fit-territorju tagħha f'ċirkostanzi eċċezzjonali jew b'mod konformi ma' ftehim bilaterali konkluż qabel id-dħul fis-seħħ ta' din il-Konvenzjoni.

3. Dan l-Artikolu għandu japplika bla ħsara għall-Artikolu 22(2).

Artikolu 21

1. Aljeni li għandhom permessi ta' residenza validi maħruġa minn waħda mill-Partijiet Kontraenti jistgħu, fuq il-bażi ta' dak il-permess u ta' dokument validu ta' l-ivvjaġġar, jiċċaqalqu b'mod ħieles għal perjodu massimu ta' tlett xhur fit-territorji tal-Partijiet Kontraenti l-oħra, sakemm jissodisfaw il-Kondizzjonijiet ta' dħul imsemmija fl-Artikolu 5(1)(a), (ċ) u (e) u sakemm ma jkunux fuq il-lista nazzjonali ta' twissijiet tal-Parti Kontraenti kkonċernata.

2. Il-paragrafu 1 għandu japplika wkoll għal aljeni li għandhom permessi ta' residenza proviżorji maħruġa minn waħda mill-Partijiet Kontraenti u dokumenti ta' l-ivvjaġġar maħruġa minn dik il-Parti Kontraenti.

3. Il-Partijiet għandhom jibgħatu lill-Kumitat Eżekuttiv lista tad-dokumenti li joħorġu bħala dokumenti ta' l-ivvjaġġar validi, permessi ta' residenza jew permessi ta' residenza provviżorji skond it-tifsira ta' dan l-Artikolu.

4. Dan l-Artikolu għandu japplika bla ħsara għall-Artikolu 22.

Artikolu 22

1. Aljeni li jkunu daħlu legalment fit-territorju ta' waħda mill-Partijiet kontraenti huma obbligati li jirrappurtaw, skond il-kondizzjonijiet stipulati minn kull Parti kontraenti, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Parti Kontraenti tat-territorju fejn jidħlu. Dawn l-aljeni jistgħu jirrapportaw jew malli jidħlu jew fi żmien tlett ijiem tax-xogħol minn meta jidħlu, skond id-diskrezzjoni tal-Parti Kontraenti li fit-territorju tagħha jidħlu.

2. Aljeni li huma residenti fit-territorju ta' waħda mill-Partijiet Kontraenti li jidħlu fit-territorju ta' Parti Kontraenti oħra huma meħtieġa li jirrapportaw lill-awtoritajiet, kif stipulat fil-paragrafu 1.

3. Kull waħda mill-Partijiet Kontraenti għandha tistipula l-eżenzjonijiet tagħha mill-paragrafi 1 u 2 u għandha tikkomunikahom lill-Kumitat Eżekuttiv.

Artikolu 23

1. Aljeni li ma jissodisfawx jew li m'għadhomx jissodisfaw il-kondizzjonijiet għal żjara qasira applikabbli fit-territorju ta' Parti Kontraenti huma normalment meħtieġa li jitilqu mit-territorji tal-Partijiet Kontraenti immedjatament.

2. Aljeni li għandhom permessi ta' residenza validi jew permessi ta' residenza temporanja maħruġa minn Parti Kontraenti oħra huma meħtieġa li jmorru fit-territorju ta' dik il-Parti Kontraenti immedjatament.

3. Meta dawn l-aljeni ma jkunux telqu volontarjament, jew fejn wieħed jista' jassumi li dawn m'humiex sejrin jagħmlu hekk, jew fejn it-tluq immedjat tagħhom jinħtieġ għal raġunijiet ta' sigurtà nazzjonali jew politika pubblika, huma jridu jitkeċċew mit-territorju tal-Parti Kontraenti fejn jinqabdu, skond il-liġi nazzjonali ta' dik il-Parti Kontraenti. Jekk taħt dik il-liġi t-tkeċċija ma tkunx awtorizzata, il-Parti Kontraenti konċernata tista' tippermetti lill-persuni konċernati li jibqgħu fit-territorju tagħha.

4. Dawn l-aljeni jistgħu jitkeċċew mit-territorju ta' dik il-Parti lejn il-pajjiżi ta' oriġini tagħhom jew lejn xi Stat ieħor fejn jistgħu jitħallew jidħlu, b'mod partikolari taħt id-dispożizzjonijiet relevanti tad-diversi ftehim ta' dħul mill-ġdid konklużi mill-Partijiet Kontraenti.

5. Il-Paragrafu 4 ma jwaqqafx l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar id-dritt ta' ażil, il-Konvenzjoni ta' Ġinevra dwar l-Istatus ta' Refuġjati tat-28 ta' Lulju 1951, kif emendata mill-Protokoll ta' New York tal-31 ta' Jannar 1967, il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu jew l-Artikolu 33(1) ta' din il-Konvenzjoni.

Artikolu 24

Bla ħsara għad-definizzjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tal-kriterji xierqa u ta' arranġamenti prattiċi, il-Partijiet Kontraenti għandhom jikkumpensaw lil xulxin għal kull żbilanċ finanzjarju li jista' jirriżulta mill-obbligu ta' tkeċċija stipulata fl-Artikolu 23, meta din it-tkeċċija ma tkunx tista' tiġi effettwata bi spejjeż għall-aljen.

KAPITOLU 5

PERMESSI TA' RESIDENZA U TWISSIJIET GĦALL-GĦANIJIET TA' ĊAĦDA TA' DĦUL

Artikolu 25

1. Fejn Parti Kontraenti tkun qiegħda taħseb biex toħroġ permess ta' residenza lil aljen li fil-konfront tiegħu tkun inħarġet twissija bil-għan li ma jitħalliex jidħol, hija għandha l-ewwel tikkonsulta lill-Parti Kontraenti li toħroġ it-twissija u għandha tqis l-interessi tagħha; il-permess ta' residenza għandu jinħareġ għal raġunijiet sostantivi biss, partikolrment għal raġunijiet umanitarji jew minħabba obbligi internazzjonali.

Jekk jinħareġ permess ta' residenza, il-Parti Kontraenti li toħroġ it-twissija għandha tirtira t-twissija imma tista' tpoġġi lill-aljen in kwestjoni fuq il-lista nazzjonali tagħha ta' twissijiet.

2. Meta jirriżulta li nħarġet twissija bil-għan li aljen li għandu permess ta' residenza valida ma jitħalliex jidħol minn waħda mill-Partijiet Kontraenti, il-Parti Kontraenti li toħroġ it-twissija għandha tikkonsulta lill-Parti li tkun ħarġet il-permess ta' residenza sabiex tistabbilixxi jekk hemmx biżżejjed raġunijiet għall-irtirar tal-permess ta' residenza.

Jekk il-permess ta' residenza ma jkunx irtirat, il-Parti Kontraenti li toħroġ it-twissija għandha tirtira t-twissija imma tista' madankollu tpoġġi lill-aljen in kwestjoni fuq il-lista nazzjonali tagħha ta' twissijiet.

KAPITOLU 6

MIŻURI LI JAKKUMPANJAW

Artikolu 26

1. Il-Partijiet Kontraenti jimpenjaw ruħhom, bla ħsara għall-obbligi li jirriżultaw mis-sħubija tagħhom għall-Konvenzjoni ta' Ġinevra li għandha x'taqsam ma' l-Istatus ta' Refuġjati tat-28 ta' Lulju 1951, kif emendata mill-Protokoll ta' New York tal-31 ta' Jannar 1967, li jinkorporaw ir-regoli li ġejjin fil-liġi nazzjonali tagħhom:

(a) Jekk aljeni ma jitħallewx jidħlu fit-territorju ta' waħda mill-Partijiet Kontraenti, it-trasportatur li jkun ġabhom sal-fruntiera esterna bl-ajru, bil-baħar jew fuq l-art għandu jkun obbligat immedjatament li jerġa' jassumi responsabbilità għalihom. Fuq talba ta' l-awtoritajiet ta' sorveljanza tal-fruntieri t-trasportatur huwa obbligat li jieħu lill-aljeni lura lejn l-Istat terz minn fejn ikunu trasportati, jew lejn l-Istat terz li jkun ħareġ id-dokument ta' l-ivvjaġġar li bih ikunu ivvjaġġaw, jew lejn xi Stat terz ieħor fejn sejrin jitħallew jidħlu żgur.

(b) It-trasportatur huwa obbligat li jieħu l-miżuri meħtieġa kollha sabiex jassigura li aljen li jinġarr bl-ajru jew bil-baħar ikollu fil-pussess tiegħu d-dokumenti ta' l-ivvjaġġar meħtieġa sabiex jitħalla jidħol fit-territorji tal-Partijiet Kontraenti.

2. Il-Partijiet Kontraenti jimpenjaw ruħhom, bla ħsara għall-obbligi li jirriżultaw mill-isħubija tagħhom għall-Konvenzjoni ta' Ġinevra li għandha x'taqsam ma' l-Istatus ta' Refuġjati tat-28 ta' Lulju 1951, kif emendata mill-Protokoll ta' New York tal-31 ta' Jannar 1967, u b'mod konformi mal-liġi kostituzzjonali tagħhom, li jimponu penalitajiet fuq trasportaturi li jġorru aljeni li ma jkollhomx id-dokumenti meħtieġa għall-ivvjaġġar bl-ajru jew bil-baħar minn Stat Terz għat-territorji tagħhom.

3. Il-paragrafi 1(b) u 2 għandhom japplikaw ukoll għal trasportaturi internazzjonali li jitrasportaw gruppi fuq l-art permez ta' coach, bl-eċċezzjoni ta' traffiku ta' fuq il-fruntiera.

Artikolu 27

1. Il-Partijiet Kontraenti jimpenjaw ruħhom li jimponu penalitajiet xierqa fuq kull persuna li, għal qligħ finanzjarju, jassisti jew jipprova jassisti lil aljen sabiex jidħol jew joqgħod fit-territorju ta' waħda mill-Partijiet Kontraenti bi ksur tal-liġijiet ta' dik il-Parti Kontraenti dwar id-dħul u r-residenza ta' aljeni.

2. Jekk parti Kontraenti tkun infurmata dwar azzjonijiet kif imsemmija fil-paragrafu 1 li huma bi ksur tal-liġi ta' Parti Kontraenti oħra, hija għandha tinforma lil din ta' l-aħħar b'dan.

3. Kull Parti Kontraenti li titlob lil Parti Kontraenti oħra sabiex tieħu, fuq il-bażi ta' ksur tal-liġijiet tagħha stess, azzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 1 trid tispeċifika, permezz ta' rapport uffiċjali jew ta' ċertifikat mill-awtoritajiet kompetenti, id-dispożizzjonijiet tal-liġi li jkunu miksura.

KAPITOLU 7

RESPONSABBILITÀ GĦALL-IPPROĊESSAR TA' APPLIKAZZJONIJIET GĦAL AŻIL

Artikolu 28

Il-Partijiet Kontraenti jerġgħu jaffermaw l-obbligi tagħhom taħt il-Konvenzjoni ta' Ġinevra dwar l-Istatus ta' Reġuġjati tat-28 ta' Lulju 1951, kif emendata mill-Protokoll ta' New York tal-31 ta' Jannar 1967, b'ebda restrizzjoni ġeografika fir-rigward ta' dawk l-istrumenti, u l-impenn tagħhom li jikkoperaw mal-Kummissarju Għoli tal-Ġnus Magħquda għar-Refuġjati fl-implimentazzjoni ta' dawk l-istrumenti.

Artikolu 29

1. Il-Partijiet Kontraenti jimpenjaw ruħhom li jipproċessaw kull applikazzjoni għall-ażil preżentata minn aljen f'xi wieħed mit-territorji tagħhom.

2. Dan l-obbligu m'għandhiex torbot lil Parti Kontraenti li tawtorizza lil dawk kollha li jfittxu l-ażil sabiex jidħlu jew jibqgħu fit-territorju tagħha.

Kull Parti Kontraenti għandha żżomm id-dritt li ma tħallix jidħlu jew li tkeċċi lil dawk li jfittxu l-ażil lejn Stat terz fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħha u b'mod konformi ma' l-impenni internazzjonali tagħha.

3. Irrispettivament mill-Parti Kontraenti fejn l-aljen jippreżenta applikazzjoni għall-ażil, Parti Kontraenti waħda biss għandha tkun responsabbli għall-ipproċessar ta' dik l-applikazzjoni. Din għandha tkun determinata fuq il-bażi tal-kriterji stipulati fl-Artikolu 30.

4. Minkejja l-paragrafu 3, kull Parti Kontraenti għandha żżomm id-dritt, għal raġunijiet speċjali konnessi b'mod partikolari mal-liġi nazzjonali, sabiex tipproċessa applikazzjoni għall-ażil anki jekk, taħt din il-Konvenzjoni, ir-responsabbilità għal dan ikun ta' Parti Kontraenti oħra.

Artikolu 30

1. Il-Parti Kontraenti responsabbli għall-ipproċessar ta' applikazzjoni għall-ażil għandha tintgħażel kif ġej:

(a) Jekk Parti Kontraenti tkun ħarġet viża ta' kull tip jew permess ta' residenza lil xi ħadd li jkun qiegħed ifittex ażil, hija għandha tkun responsabbli għall-ipproċessar ta' l-applikazzjoni. Jekk il-viża tkun inħarġet fuq l-awtorizzazzjoni ta' Parti Kontraenti oħra, il-Parti Kontraenti li tkun tat l-awtorizzazzjoni hija responsabbli.

(b) Jekk żewġ Partijiet Kontraenti jew iżjed ikunu ħarġu viża ta' kull tip jew permess ta' residenza lil xi ħadd li jkun qiegħed ifittex ażil, il-Parti Kontraenti responsabbli għandha tkun dik li tkun ħarġet il-viża jew il-permess ta' residenza li jiskadi l-aħħar.

(ċ) Sakemm min ifittex il-ażil ma jkunx telaq mit-territorji tal-Partijiet Kontraenti, ir-responsabbilità definita f'(a) jew f'(b) għandha tibqa' anki jekk ikun skada l-perjodu ta' validità tal-viża, tkun ta' liema tip tkun, jew il-permess ta' residenza. Jekk min ifittex il-ażil ikun telaq mit-territorji tal-Partijiet Kontraenti wara li tkun inħarġet il-viża jew il-permess ta' residenza, dawn id-dokumenti għandhom ikunu l-bażi għar-responsabbilità definita f'(a) u f'(b), ħlief jekk sa dan iż-żmien ikunu skadew taħt id-dispożizzjonijiet nazzjonali.

(d) Jekk il-Partijiet Kontraenti jeżentaw lil min ifittex il-ażil mill-ħtieġa ta' viża, ir-responsabbilità taqa' fuq il-Parti Kontraenti li mill-fruntieri tagħha min ifittex il-ażil ikun daħal fit-territorji tal-Partijiet Kontraenti.

Sakemm tinkiseb armonizzazzjoni sħiħa tal-politika dwar viża, u jekk min ifittex il-ażil ikun eżentat mill-ħtieġa ta' viża minn xi Partijiet Kontraenti biss, il-Parti Kontraenti li mill-fruntieri esterni tagħha min ifittex il-ażil, permezz ta' eżenzjoni mill-ħtieġa għal viża, ikun daħal fit-territorji tal-Partijiet Kontraenti għandha tkun responsabbli, bla ħsara għal (a), (b) u (ċ).

Jekk l-applikazzjoni għal ażil tkun preżentata f'Parti Kontraenti li tkun ħarġet viża ta' transitu lil min ifittex l-ażil - kemm jekk min ifittex il-ażil ikun għadda mill-kontroll tal-passaporti jew le - u jekk il-viża ta' transitu tkun inħarġet wara li l-pajjiż ta' transitu jkun ivverifika mill-awtoritajiet konsulari jew diplomatiċi tal-Parti Kontraenti ta' destinazzjoni li min ifittex il-ażil ikun issodisfa l-kondizzjonijiet ta' dħul għall-Parti Kontraenti ta' destinazzjoni, il-Parti Kontraenti ta' destinazzjoni għandha tkun responsabbli għall-ipproċessar ta' l-applikazzjoni.

(e) Jekk min ifittex il-ażil ikun daħal fit-territorju tal-Partijiet Kontraenti mingħajr ma jkun fil-pussess ta' dokument wieħed jew iżjed, li jridu jiġu definiti mill-Kumitat Eżekuttiv, li jagħtuh awtorizzazzjoni biex jaqsam il-fruntiera, il-Parti Kontraenti li mill-fruntieri esterni tagħha min ifittex il-ażil ikun daħal fit-territorji tal-Partijiet Kontraenti hija responsabbli.

(f) Jekk aljen li l-applikazzjoni tiegħu għall-ażil tkun diġa' qiegħda tiġi pproċessata minn waħda mill-Partijiet Kontraenti jippreżenta applikazzjoni ġdida, il-Parti Kontraenti responsabbli għandha tkun dik li tipproċessa l-ewwel applikazzjoni.

(g) Jekk aljen li fir-rigward ta' applikazzjoni preċedenti għall-ażil li jkun ippreżenta, Parti Kontraenti tkun diġa' ħadet deċiżjoni finali, jippreżenta applikazzjoni ġdida, il-Parti Kontraenti responsabbli għandha tkun dik li tkun ipproċessat l-applikazzjoni preċedenti, ħlief jekk min ifittex il-ażil ma jkunx telaq mit-territorju tal-Partijiet Kontraenti.

2. Jekk Parti Kontraenti tkun impenjat ruħha li tipproċessa applikazzjoni għall-ażil skond l-Artikolu 29(4), il-Parti Kontraenti responsabbli taħt il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandha tiġi eżentata mill-obbligi tagħha.

3. Fejn l-ebda Parti Kontraenti responsabbli tista' tkun determinata fuq il-bażi tal-kriterji mqiegħda fil-paragrafi 1 u 2, il-Parti Kontraenti li magħha saret l-applikazzjoni għall-ażil għandha tkun responsabbli.

Artikolu 31

1. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jippruvaw jistabbilixxu kemm jista' jkun malajr liema Parti hija responsabbli għall-ipproċessar ta' applikazzjoni għall-ażil.

2. Jekk applikazzjoni għall-ażil tiġi preżentata lil Parti Kontraenti li ma tkunx responsabbli taħt l-Artikolu 30 minn aljen li jgħix fit-territorju tagħha, dik il-Parti Kontraenti tista' titlob lill-Parti Kontraenti responsabbli sabiex tieħu ħsieb ta' min ikun qiegħed ifittex il-ażil sabiex tipproċessa l-applikazzjoni għall-ażil.

3. Il-Parti Kontraenti responsabbli hija obbligata li tieħu ħsieb ta' min ikun qiegħed ifittex il-ażil imsemmi fil-paragrafu 2 jekk it-talba issir fi żmien sitt xhur mid-data ta' meta tiġi preżentata l-applikazzjoni għall-ażil. Jekk it-talba ma ssirx sa dak iż-żmien, il-Parti Kontraenti li magħha tiġi preżentata l-applikazzjoni għall-ażil hija responsabbli għall-ipproċessar ta' l-aplikazzjoni.

Artikolu 32

Il-Parti Kontraenti responsabbli għall-ipproċessar ta' applikazzjoni għall-ażil għandha tipproċessaha skond il-liġi nazzjonali tagħha.

Artikolu 33

1. Jekk min ifittex il-ażil ikun jinsab illegalment fit-territorju ta' Parti Kontraenti waqt li l-proċedura għall-ażil tkun għaddejja, il-Parti Kontraenti responsabbli għandha l-obbligu li tieħu lura lil min ifittex il-ażil.

2. Il-Paragrafu 1 m'għandux japplika meta l-Parti Kontraenti l-oħra tkun ħarġet permess ta' residenza fil-konfront ta' min ifittex il-ażil li jkun validu għal sena jew iżjed. F'dak il-każ, ir-responsabbilità għall-ipproċessar ta' l-applikazzjoni għandha tgħaddi għal fuq il-Parti Kontraenti l-oħra.

Artikolu 34

1. Il-Parti Kontraenti responsabbli hija obbligata li tieħu lura aljen li l-applikazzjoni tiegħu għall-ażil tkun miċħuda b'mod definit u li jkun daħal fit-territorju ta' Parti Kontraenti oħra mingħajr ma jkun awtorizzat li jgħix hemm.

2. Il-Paragrafu 1 m'għandux, madankollu, japplika meta l-Parti Kontraenti responsabbli tkun keċċiet lill-aljen mit-territorji tal-Partijiet Kontraenti.

Artikolu 35

1. Il-Parti Kontraenti li tkun tat lil aljen l-istatus ta' refuġjat u d-dritt ta' residenza hija obbligata li tieħu responsabbilità għall-ipproċessar ta' applikazzjoni għall-ażil li ssir minn membru tal-familja ta' l-aljen, sakemm ikun hemm qbil fost il-persuni kkonċernati.

2. Għall-għanijiet tal-paragrafu 1, membru tal-familja tfisser ir-raġel jew il-mara tar-refuġjat, ibnu jew bintu sakemm dawn ma jkunux miżżewġin u jkollhom inqas minn 18-il sena, kif ukoll omm jew missier ir-refuġjat.

Artikolu 36

Kull Parti Kontraenti responsabbli għall-ipproċessar ta' applikazzjoni għall-ażil tista', għal raġunijiet umanitarji, ibbażati b'mod partikolari fuq raġunijiet familjari jew kulturali, issaqsi lil Parti Kontraenti oħra biex tassumi dik ir-responsabbilità, sakemm min ifittex il-ażil ikun jixtieq dan. Il-Parti Kontraenti li ssirilha talba ta' din ix-xorta għandha tikkunsidra jekk din tistax tingħata.

Artikolu 37

1. L-awtoritajiet kompetenti tal-Partijiet Kontraenti għandhom kemm jista' jkun malajr jibgħatu dettalji lil xulxin dwar:

(a) kull regoli jew miżuri ġodda adottati fil-qasam tal-liġi dwar ażil jew tat-trattament ta' dawk li jfittxu l-ażil mhux iktar tard mid-data tad-dħul fis-seħħ tagħhom;

(b) l-informazzjoni statistika dwar il-wasliet fix-xahar ta' dawk li jfittxu l-ażil, li tindika l-pajjiżi ewlenin ta' oriġini u d-deċiżjonijiet dwar applikazzjonijiet għall-ażil meta dawn ikunu disponibbli;

(ċ) kategoriji ġodda, jew żidiet f'ċerti kategoriji ta' dawk li jfittxu l-ażil u kull informazzjoni disponibbli dwar dan is-suġġett;

(d) kwalunkwe deċiżjonijiet fundamentali fil-qasam tal-liġi dwar ażil.

2. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jassiguraw ruħhom ukoll li jkun hemm koperazzjoni mill-viċin fil-ġbir ta' informazzjoni dwar il-qagħda fil-pajjiżi ta' oriġini ta' dawk li jfittxu l-ażil bil-għan li ssir evalwazzjoni konġunta.

3. Kull struzzjoni mogħtija minn Parti Kontraenti li tirrigwarda l-ipproċessar kunfidenzali ta' l-informazzjoni li hija tikkomunika trid titħares mill-Partijiet Kontraenti l-oħrajn.

Artikolu 38

1. Kull parti Kontraenti għandha tibgħat lil kull Parti Kontraenti oħra wara talba mingħand dawn ta' l-aħħar kull informazzjoni li hija jkollha dwar xi ħadd li jkun qiegħed ifittex ażil għall-għanijiet ta':

- l-għażla tal-Parti Kontraenti responsabbli għall-ipproċessar ta' l-applikazzjoni għall-ażil,

- l-ipproċessar ta' l-applikazzjoni għall-ażil,

- l-implimentazzjoni ta' l-obbligi li jirriżultaw taħt dan il-kapitolu.

2. Din l-informazzjoni tista' tirrigwarda biss:

(a) identità (kunjom u isem, ismijiet preċedenti, laqmijiet jew ismijiet oħrajn, data u post tat-twelid, nazzjonalità preżenti u kull nazzjonalitajiet preċedenti ta' min ifittex il-ażil u, fejn xieraq, tal-membri tal-familja ta' min ifittex il-ażil);

(b) dokumenti ta' l-identità u ta' l-ivvjaġġar (referenzi, perjodi ta' validità, dati ta' ħruġ, awtoritajiet li joħorġuhom, post minn fen ikunu inħarġu, eċċ.);

(ċ) kull dettalji oħrajn meħtieġa sabiex tiġi stabbilita l-identità ta' min ifittex il-ażil;

(d) postijiet ta' residenza u r-rotot vjaġġati;

(e) permessi ta' residenza jew viżas maħruġa minn Parti Kontraenti;

(f) il-post fejn l-applikazzjoni għall-ażil ġiet preżentata;

(g) fejn xieraq, id-data ta' meta nħarġet applikazzjoni preċedenti għall-ażil, id-data ta' meta l-applikazzjoni preżenti ġiet preżentata, l-istadju fejn tkun waslet il-proċedura u d-deċiżjoni meħuda.

3. Apparti dan, Parti Kontraenti tista' ssaqsi lil Parti Kontraenti oħra sabiex tinfurmaha dwar ir-raġunijiet mqajjma minn min ifittex il-ażil biex jappoġġa l-applikazzjoni tiegħu u, fejn xieraq, ir-raġunijiet għad-deċiżjoni meħuda fil-konfront ta' min ifittex il-ażil. Il-Parti Kontraenti li ssirilha t-talba għandha tikkunsidra jekk tistax tikkonforma ma' din it-talba. Fil-każijiet kollha din l-informazzjoni għandha tiġi komunikata biss bil-kunsens ta' min ifittex il-ażil.

4. L-informazzjoni għandha tkun skambjata fuq talba tal-Parti Kontraenti, u tista' tkun skambjata bejn l-awtoritajiet nominati minn kull Parti Kontraenti biss la darba l-Kumitat Eżekuttiv ikun ġie infurmat dwar dan.

5. L-informazzjoni skambjata tista' tintuża biss għall-għanijiet stipulati fil-paragrafu 1. Din l-informazzjoni tista' tintbagħat biss lill-awtoritajiet u lill-qrati u tribunali responsabbli biex:

- jagħżlu l-Parti Kontraenti responsabbli għal-ipproċessar ta' l-applikazzjoni għall-ażil,

- jipproċessaw l-applikazzjoni għall-ażil,

- jimplimentaw l-obbligi li jirriżultaw taħt dan il-kapitolu.

6. Il-Parti Kontraenti li tibgħat l-informazzjoni għandha tagħmel ċert li din tkun korretta u aġġornata.

Jekk jidher li Parti Kontraenti tkun tat informazzjoni li ma tkunx korretta jew li mhux suppost intbagħtet, il-Partijiet Kontraenti destinatarji għandhom jiġu infurmati immedjatament dwar dan. Huma għandhom l-obbligu li jikkoreġu din l-informazzjoni jew li jħassruha.

7. Dawk li jfittxu l-ażil għandhom id-dritt li fuq talba jirċievu l-informazzjoni skambjata li tirrigwardahom, sakemm din tkun disponibbli.

Jekk huma jistabbilixxu li din l-informazzjoni m'hijiex korretta jew li mhux suppost intbagħtet, huma għandhom id-dritt li jitolbu li tiġi irranġata jew imħassra. Il-korrezzjonijiet għandhom isiru skond il-paragrafu 6.

8. Kull Parti Kontraenti għandha tirreġistra meta tintbagħat u tasal l-informazzjoni skambjata.

9. L-informazzjoni m'għandhiex tinżamm għal iktar milli jinħtieġ għall-għanijiet li għalihom tkun intbagħtet. Il-Parti Kontraenti konċernata għandha tevalwa fil-mument opportun jekk huwiex meħtieġ li l-informazzjoni tinżamm.

10. F'kull każ, informazzjoni mibgħuta b'dan il-mod għandha tgawdi ta' mill-inqas l-istess protezzjoni li tingħata fir-rigward ta' informazzjoni simili fil-liġi tal-Parti Kontraenti destinatarja.

11. Jekk l-informazzjoni ma tiġix proċessata awtomatikament imma tiġi proċessata f'xi forma oħra, kull Parti Kontraenti għandha tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tagħmel ċert li dan l-Artikolu jiġi mħares permess ta' kontrolli effettivi. Jekk Parti Kontraenti ikollha organu tat-tip imsemmi fil-paragrafu 12, hija tista' tassenja l-inkarigu ta' kontroll lilu.

12. Jekk Parti Kontraenti waħda jew iżjed tixtieq tikkompjuterizza l-informazzjoni kollha jew parti minnha msemmija fil-paragrafi 2 u 3, din il-kompjuterizzazzjoni għandha tkun awtorizzata biss jekk il-Partijiet Kontraenti konċernati jkunu addotttaw liġijiet applikabbli għal dan l-ipproċessar li jimplimentaw il-prinċipji tal-Konvenzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa għall-Ħarsien ta' Individwi fir-rigward ta' l-Ipproċessar Awtomatiku ta' Informazzjoni Personali tat-28 ta' Jannar 1981, u jekk ikunu fdaw lill-organu nazzjonali xieraq bis-sorveljanza indipendenti ta' l-ipproċessar u l-użu ta' informazzjoni mibgħuta taħt din il-Konvenzjoni.

TITOLU III

PULIZIJA U SIGURTÀ

KAPITOLU 1

KOPERAZZJONI TAL-PULIZIJA

Artikolu 39

1. Il-Partijiet Kontraenti jimpenjaw ruħhom li jassiguraw li l-awtoritajiet tal-pulizija tagħhom għandhom, b'mod konformi mal-liġi nazzjonali u fil-limiti tal-poteri tagħhom, jassistu lil xulxin għall-għanijiet ta' prevenzjoni u skoperta ta' offiżi kriminali, sakemm il-liġi nazzjonali ma tistipulax li t-talba trid issir u trid tintbagħat permezz ta' l-awtoritajiet ġudizzjarji, u sakemm it-talba jew l-implimentazzjoni tagħha ma tinvolvix l-applikazzjoni ta' miżuri ta' limitazzjoni mill-Parti Kontraenti li ssirilha t-talba. Jekk l-awtoritajiet tal-pulizija ma jkollhomx il-poter li jitrattaw talba, huma għandhom jgħadduha lill-awtoritajiet kompetenti.

2. Informazzjoni bil-miktub provduta mill-Parti Kontraenti li ssirilha t-talba ma tistax tintuża mill-Parti Kontraenti li tagħmel it-talba bħala evidenza tar-reat mixli ħlief bil-kunsens ta' l-awtoritajiet kompetenti ġudizzjarji tal-Parti Kontraenti li ssirilha t-talba.

3. It-talbiet għall-assistenza msemmija fil-paragrafu 1 u r-risposti għal dawn it-talbiet jistgħu jiġu skambjati bejn l-organi ċentrali responsabbli f'kull Parti Kontraenti għall-koperazzjoni internazzjonali tal-pulizija. Jekk it-talba ma tkunx tista' ssir fil-ħin permezz tal-proċedura hawn fuq imsemmija, l-awtoritajiet tal-pulizija tal-Parti Kontraenti li tagħmel it-talba jistgħu jindirizzawha direttament lill-awtoritajiet kompetenti tal-Parti li ssirilha t-talba, li tista' tirrispondi direttament. F'dawn il-każijiet, l-awtorità tal-pulizija li tagħmel talba għandha kemm jista' jkun malajr tinforma lill-organu ċentrali responsabbli għall-koperazzjoni internazzjonali tal-pulizija fil-Parti Kontraenti li ssirilha t-talba dwar it-talba diretta tagħha.

4. F'żoni fil-fruntiera, il-koperazzjoni tista' tiġi koperta permezz ta' arranġamenti bejn il-Ministri kompetenti tal-Partijiet Kontraenti.

5. Id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu m'għandhomx jeskludu ebda ftehim bilaterali preżenti jew li jista' jsir fil-ġejjieni bejn Partijiet Kontraenti bi fruntiera komuni. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jinfurmaw lil xulxin dwar arranġamenti ta' din ix-xorta.

Artikolu 40

1. L-uffiċjali ta' waħda mill-Partijiet Kontraenti li, bħala parti minn investigazzjoni Kriminali, ikunu qegħdin iżommu taħt sorveljanza f'pajjiżhom persuna li fil-konfront tagħha jkun hemm preżunzjoni ta' parteċipazzjoni f'reat kriminali li jagħti lok għal estradizzjoni, għandhom jiġu awtorizzati biex ikomplu s-sorveljanza tagħhom fit-territorju ta' Parti Kontraenti oħra meta din ta' l-aħħar tkun awtorizzat sorveljanza tul il-fruntieri bħala risposta għal talba għal assistenza magħmula minn qabel. L-awtorizzazzjoni tista' tkun marbuta ma' ċerti kondizzjonijiet.

Malli ssir talba, is-sorveljanza għandha tiġi fdata f'idejn l-uffiċjali tal-Parti Kontraenti li fit-territorju tagħha din għandha ssir.

It-talba għall-assistenza msemmija fl-ewwel subparagrafu trid tintbagħat lill-awtorità nominata minn kull waħda mill-Partijiet Kontraenti u li jkollha s-setgħa li tagħti jew li tgħaddi l-awtorizzazzjoni mitluba.

2. Meta, għal raġunijiet partikolarment urġenti, l-awtorizzazzjoni minn qabel ma tistax tintalab mingħand il-Parti Kontraenti l-oħra, l-uffiċjali li jkunu qegħdin jagħmlu s-sorveljanza għandhom ikunu awtorizzati biex ikomplu lil hinn mill-fruntiera s-sorveljanza ta' persuna li fil-konfront tagħha jkun hemm presunzjoni tat-twettiq ta' reati kriminali elenkati fil-paragrafu 7, sakemm jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) l-awtorità tal-Parti Kontraenti nominata taħt il-paragrafu 5, li fit-territorju tagħha għandha titkompla s-sorveljanza, trid tiġi notifikata immedjatament, waqt is-sorveljanza, li nqasmet il-fruntiera;

(b) talba għal assistenza sottomessa skond il-paragrafu 1 u li tenfasizza r-raġunijiet għall-qsim tal-fruntiera mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel għandha tiġi sottomessa immedjatament.

Is-sorveljanza għandha tieqaf malli ssir talba mill-Parti Kontraenti li fit-territorju tagħha din tkun qiegħda sseħħ, wara n-notifika msemmija f'(a) jew it-talba msemmija f'(b) jew, jekk l-awtorizzazzjoni ma tkunx intalbet, ħames siegħat wara li tinqasam il-fruntiera.

3. Is-sorveljanza msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għanda ssir biss taħt il-kondizzjonijiet ġenerali li ġejjin:

(a) L-uffiċjali li jwettqu s-sorveljanza jridu jħarsu d-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu u l-liġi tal-Parti Kontraenti li fit-territorju tagħha jkunu joperaw; huma jridu jobdu l-istruzzjonijiet ta' l-awtoritajiet kompetenti lokali.

(b) Minbarra fis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2, l-uffiċjali għandhom, waqt is-sorveljanza, jġorru dokument li jiċċertifika li l-awtorizzazzjoni ngħatat.

(ċ) L-uffiċjali li jagħmlu s-sorveljanza jridu f'kull ħin ikunu kapaċi jġibu prova li huma qegħdin jaġixxu f'kapaċità uffiċjali.

(d) L-Uffiċjali li jkunu qegħdin jagħmlu s-sorveljanza jistgħu jġorru l-armi tas-servizz tagħhom waqt is-sorveljanza, ħlief jekk ikun hemm deċiżjoni speċifika għall-kuntrarju mill-Parti li ssirilha t-talba; l-użu tagħhom għandu jkun projbit ħlief f'każijiet ta' difiża proprja leġittima.

(e) Id-dħul fi djar privati u f'postijiet mhux aċċessibbli għall-pubbliku huwa projbit.

(f) L-uffiċjali li jkunu qegħdin jagħmlu s-sorveljanza la jistgħu jisfidaw u lanqas ma jistgħu jarrestaw lill-persuna taħt sorveljanza.

(g) L-operazzjonijiet kollha għandhom ikunu soġġetti għal rapport lill-awtoritajiet tal-parti Kontraenti li jseħħu fit-territorju tagħha; l-uffiċjali li jwettqu s-sorveljanza jistgħu jinħtieġu li jidhru personalment.

(h) L-awtoritajiet tal-Parti Kontraenti li minnha jkunu ġew l-uffiċjali ta' sorveljanza għandhom, meta mitluba biex jagħmlu dan mill-awtoritajiet tal-Parti Kontraenti li fit-territorju tagħha s-sorveljanza tkun seħħet, jassistu fl-inkjesta li sseħħ wara l-operazzjoni li fiha jkunu ħadu sehem, inklużi proċeduri ġudizzjarji.

4. L-uffiċjali msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu:

fir-rigward tar-Renju tal-Belġju : membri tal-"police judiciaire près les Parquets" (Pulizija Kriminali assenjati lill-Uffiċju tal-Prosekutur Pubbliku), il-"gendarmerie" u l-"police communale" (pulizija muniċipali), kif ukoll uffiċjali doganali, taħt il-kondizzjonijiet stipulati fid-diversi ftehim bilaterali msemmija fil-paragrafu 6, fir-rigward tal-poteri tagħhom li jirrigwardaw it-traffikar illeċitu ta' drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi, traffikar fl-armi u fi splussivi, u t-trasportazzjoni iilleċita ta' skart tossiku u perikoluż;

fir-rigward tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja : uffiċjali tal-"Polizeien des Bundes und der Länder" (Pulizija Federali u Pulizija ta' l-Istat Federali), kif ukoll fir-rigward ta' it-traffikar illeċitu ta' drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi u traffikar ta' armi, uffiċjali taż-"Zollfahndungsdienst" (servizz ta' investigazzjoni tad-dwana) fil-kapaċità tagħhom bħala uffiċjali awżiljari ta' l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku;

fir-rigward tar-Repubblika Franċiża : l-uffiċjali kriminali tal-pulizija nazzjonali u tal-"gendarmerie" nazzjonali, kif ukoll uffiċjali tad-dwana, taħt il-kondizzjonijiet stipulati fi ftehim bilaterali xierqa msemmija fil-paragrafu 6, fir-rigward tal-poteri tagħhom li jirrigwardaw it-traffikar illeċitu fi drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi, traffikar f'armi u fi splussivi, u t-trasportazzjoni illeċita ta' skart tossiku u perikoluż;

fir-rigward tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu : uffiċjali tal-"gendarmerie" u l-pulizija, kif ukoll uffiċjali tad-dwana, taħt il-kondizzjonijiet stipulati fid-diversi ftehim bilaterali xierqa msemmija fil-paragrafu 6, fir-rigward tal-poteri li jirrigwardaw it-traffikar illeċitu ta' drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi, traffikar ta' armi u splussivi, u t-trasportazzjoni iilleċita ta' skart tossiku u perikoluż;

fir-rigward tar-Renju ta' l-Olanda : uffiċjali tar-"Rijkspolitie" (pulizija nazzjonali) u l-"Gemeentepolitie" (pulizija muniċipali), kif ukoll, taħt il-kondizzjonijiet stipulati fid-diversi ftehim bilaterali xierqa msemmija fil-paragrafu 6, fir-rigward tal-poteri li jirrigwardaw it-traffikar illeċitu ta' drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi, traffikar ta' armi u ta' splussivi, u t-trasportazzjoni iilleċita ta' skart tossiku u perikoluż, uffiċjali ta' l-awtoritajiet ta' spezzjoni u investigazzjoni fiskali responsabbli għad-dazji u għat-taxxa tas-sisa.

5. L-awtorità msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandha tkun:

fir-rigward tar-Renju tal-Belġju : il-"Commissariat général de la Police judiciaire" (Dipartiment ta' Investigazzjoni Kriminali),

fir-rigward tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja : il-"Bundeskriminalamt" (Uffiċju Federali tal-Kriminalità),

fir-rigward tar-Repubblika Franċiża : id-"Direction centrale de la Police judiciaire" (Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija Kriminali),

fir-rigward tad-Gran Dukat tal-Lussemburgu : il-"Procureur général d'Etat" (Prosekutur Prinċipali ta' l-Istat),

fir-rigward tar-Renju ta' l-Olanda : il-"Landelijk Officier van Justitie" (Prosekutur Pubbliku Nazzjonali) responsabbli għal sorveljanza bejn il-fruntieri.

6. Il-Partijiet Kontraenti jistgħu, fuq livell bilaterali, jestendu l-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu u jadottaw miżuri nazzjonali biex japplikawh.

7. Is-sorveljanza msemmija fil-paragrafu 2 tista' ssir biss meta tinvolvi wieħed mir-reati kriminali li ġejjin:

- omiċidju volontarju,

- omiċidju involontarju,

- stupru,

- ħruq,

- falsifikar ta' flus,

- serq aggravat bil-vjolenza jew lqugħ ta' merkanzija misruqa,

- estorsjoni,

- ħtif u teħid ta' ostaġġi,

- it-traffikar ta' bnedmin,

- traffikar illeċitu ta' drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi,

- il-ksur tal-liġijiet dwar armi u splussivi,

- ħsara volontarja permess ta' l-użu ta' splussivi,

- trasport illeċitu ta' skart tossiku u perikoluż.

Artikolu 41

1. L-Uffiċjali ta' waħda mill-Partijiet Kontraenti li jkunu qegħdin isegwu individwu f'pajjiżhom maqbud fl-att waqt li jkun qiegħed jikkommetti jew ikun qiegħed jipparteċipa f'wieħed mir-reati msemmija fil-paragrafu 4 għandhom ikunu awtorizzati li jkomplu jsegwuh fit-territorju ta' Parti Kontraenti oħra mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel ta' din ta' l-aħħar meta, minħabba l-urġenza partikolari tas-sitwazzjoni, ma jkunx possibbli li jiġu notifikati l-awtoritajiet kompetenti tal-Parti Kontraenti l-oħra permezz ta' wieħed mill-mezzi msemmija fl-Artikolu 44 qabel id-dħul f'dak it-territorju, jew meta dawn l-awtoritajiet ma jkunux kapaċi jaslu fuq il-post fil-ħin sabiex jieħdu f'idejhom l-insegwiment.

L-istess għandu japplika meta l-persuna li warajha jkunu qegħdin jiġru tkun ħarbet minn kustodja temporanja jew waqt li tkun qiegħda tiskonta sentenza li tinvolvi t-tneħħija tal-libertà.

L-uffiċjali li jkunu qegħdin jiġru wara l-individwu għandhom, mhux iktar tard minn meta jaqsmu l-fruntiera, jikkuntattjaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Parti Kontraenti li fit-territorju tiegħu għandu jsir l-insegwiment. L-insegwiment jieqaf malli ssir talba mill-Parti Kontraenti li fit-territorju tagħha jkun qiegħed isir dan l-insegwiment. Fuq talba ta' l-uffiċjali li jkunu qegħdin isegwu xi ħadd, l-awtoritajiet lokali kompetenti għandhom jisfidaw lill-persuna kompetenti sabiex jistabbilixxu l-identità tal-persuna jew sabiex jagħmlu arrest.

2. L-insegwiment għandu jsir skond waħda mill-proċeduri li ġejjin, definiti mid-dikjarazzjoni li tinsab fil-paragrafu 9:

(a) L-uffiċjali li jkunu qegħdin isegwu ‘l xi ħadd m'għandhomx dritt li jaqbdu lill-persuna li jkunu qegħdin jinsegwu;

(b) Jekk ma ssir ebda talba biex l-insegwiment jieqaf u jekk l-awtoritajiet lokali kompetenti ma jkunux kapaċi jintervjenu malajr biżżejjed, l-uffiċjali li jkunu qegħdin isegwi ‘l xi ħadd jistgħu jżommu lill-persuna in kwestjoni sakemm l-uffiċjali tal-Parti Kontraenti fejn ikun seħħ l-insegwiment, li jridu jiġu infurmati minnufih, ikunu kapaċi jistabbilixxu l-identità tal-persuna jew jagħmlu arrest.

3. L-insegwiment għandu jsir skond il-paragrafi 1 u 2 u skond wieħed mill-modi li ġejjin kif definit mid-dikjarazzjoni provduta fil-paragrafu 9:

(a) f'żona jew waqt perjodu mill-qsim tal-fruntiera, li jrid jiġi stabbilit fid-dikjarazzjoni;

(b) mingħajr limiti fir-rigward ta' spazju u ħin.

4. Fid-dikjarazzjoni msemmija fil-paragrafu 9, il-Partijiet Kontraenti għandhom jiddefinixxu r-reati msemmija fil-paragrafu 1 u skond waħda mill-proċeduri li ġejjin:

(a) Ir-reati kriminali li ġejjin:

- omiċidju volontarju,

- omiċidju involontarju,

- stupru,

- ħruq,

- falsifikar ta' flus,

- serq aggravat bil-vjolenza u lqugħ ta' merkanzija misruqa,

- estorsjoni,

- ħtif u teħid ta' ostaġġi,

- traffikar ta' bnedmin,

- traffikar illeċitu ta' drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi,

- ksur tal-liġijiet dwar armi u splussivi,

- ħsara volontarja permess ta' l-użu ta' splussivi,

- trasport illeċitu ta' skart tossiku u perikoluż,

- nuqqas li wieħed jieqaf u jagħti d-dettalji wara inċident li jirriżulta f'mewt jew fi ħsara serja fuq il-persuna.

(b) Offiżi li fir-rigward tagħhom tista' tiġi ordnata estradizzjoni.

5. L-insegwiment jista' jsir biss taħt il-kondizzjonijiet ġenerali li ġejjin:

(a) L-uffiċjali li jkunu qegħdin jsegwu ‘l xi ħadd iridu jħarsu d-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu u l-liġi tal-Parti Kontraenti li fit-territorju tagħha jkunu qegħdin joperaw; huma jridu jobdu l-istruzzjonijiet maħruġa mill-awtoritajiet lokali kompetenti.

(b) L-insegwiment jista' jsir biss fuq konfini fuq l-art.

(ċ) Dħul fi djar privati u f'postijiet mhux aċċessibbli għall-pubbliku huwa projbit.

(d) L-uffiċjali li jiġru wara xi ħadd iridu jkunu jistgħu jintgħarfu mall-ewwel, jew permezz ta' uniformi, permezz ta' faxxa li tintlibes fuq id-dirgħajn jew permezz ta' aċċessorji armati mal-vetturi tagħhom; l-użu ta' ħwejjeġ ċivili flimkien ma' l-użu ta' vetturi mhux immarkati mingħajr il-mezzi ta' identifikazzjoni hawn fuq imsemmija huwa projbit; l-uffiċjali li jkunu qegħdin jiġru wara xi ħadd iridu f'kull ħin ikunu kapaċi jippruvaw li huma jkunu qegħdin jaġixxu f'kapaċità uffiċċjali.

(e) L-uffiċjali li jkunu qegħdin isegwu ‘l xi ħadd jistgħu jġorru l-armi tas-servizz tagħhom; l-użu tagħhom huwa projbit ħlief f'każijiet ta' difiża leġittima tagħhom stess.

(f) La darba l-persuna insegwita tinżamm kif stipulat fil-paragrafu 2(b), sabiex din il-persuna titressaq quddiem l-awtoritajiet lokali kompetenti dik il-persuna tista' tiġi soġġetta biss għal tfittxija ta' sigurtà; waqt it-trasferiment jistgħu jintużaw manetti; oġġetti li l-persuna segwita tkun qiegħda ġġorr jistgħu jinħatfu.

(g) Wara kull operazzjoni msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3, l-uffiċjali li jkunu nsegwew lil xi ħadd għandhom jidhru quddiem l-awtoritajiet lokali kompetenti tal-Parti Kontraenti li fit-territorju tiegħu jkunu operaw u għandhom jirrapportaw dwar il-missjoni tagħhom; fuq talba ta' dawk l-awtoritajiet, huma għandhom jibqgħu disponibbli sakemm iċ-ċirkostanzi madwar l-azzjoni tagħhom tkun kjarifikata biżżejjed; din il-kondizzjoni għandha tapplika anki meta l-insegwiment ma jkunx irriżulta fl-arrest tal-persuna insegwita.

(h) L-awtoritajiet tal-Parti Kontraenti li minnha jkunu ġew l-uffiċjali li jkunu ġrew wara xi ħadd għandhom, meta mitluba biex jagħmlu dan mill-awtoritajiet tal-Parti Kontraenti li fit-territorju tagħha l-ġiri jkun seħħ, jassistu fl-inkjesta li sseħħ wara l-operazzjoni li fiha jkunu ħadu sehem, inklużi proċeduri ġudizzjarji.

6. Persuna li, wara l-azzjoni msemmija fil-paragrafu 2, tkun arrestata mill-awtoritajiet lokali kompetenti tista', minkejja n-nazzjonalità ta' dik il-persuna, tinżamm sabiex isirulha xi mistoqsijiet. Ir-regoli relevanti tal-liġi nazzjonali għandhom japplikaw mutatis mutandis.

Jekk il-persuna ma tkunx persuna ta' nazzjonalità tal-Parti Kontraenti li fit-territorju tagħha hija tkun arrestata, dik il-persuna għandha tinħeles mhux iktar tard minn sitt siegħat wara li jkun sar l-arrest, mhux inklużi s-siegħat ta' bejn nofs il-lejl u d-9.00 a.m., ħlief jekk l-awtoritajiet lokali kompetenti jkunu rċevew minn qabel talba għall-arrest proviżorju ta' dik il-persuna għall-għanijiet ta' estradizzjoni f'kull tip ta' forma.

7. L-uffiċjali msemmija fil-paragrafi preċedenti għandhom ikunu:

fir-rigward tar-Renju tal-Belġju : membri tal-"police judiciaire près les Parquets" (Pulizija Kriminali assenjati lill-Uffiċju tal-Prosekutur Pubbliku), il-"gendarmerie" u l-"police communale" (pulizija muniċipali), kif ukoll uffiċjali tad-dwana, taħt il-kondizzjonijiet stipulati fid-diversi ftehim bilaterali msemmija fil-paragrafu 10, fir-rigward tal-poteri tagħhom li jirrigwardaw it-traffikar illeċitu ta' drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi, traffikar fl-armi u fi splussivi, u t-trasport illeċitu ta' skart tossiku u perikoluż;

fir-rigward tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja : uffiċjali tal-"Polizeien des Bundes und der Länder" (Pulizija Federali u Pulizija ta' l-Istat Federali), kif ukoll esklussivament fir-rigward ta' it-traffikar illeċitu ta' drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi u traffikar ta' armi, uffiċjali taż-"Zollfahndungsdienst" (servizz ta' investigazzjoni tad-dwana) fil-kapaċità tagħhom bħala uffiċjali awżiljari ta' l-Uffiċju tal-Prosekutur Pubbliku;

fir-rigward tar-Repubblika Franċiża : l-uffiċjali tal-pulizija kriminali tal-pulizija nazzjonali u tal-"gendarmerie" nazzjonali, kif ukoll uffiċjali tad-dwana, taħt il-kondizzjonijiet stipulati fi ftehim bilaterali xierqa msemmija fil-paragrafu 10, fir-rigward tal-poteri tagħhom li jirrigwardaw it-traffikar illeċitu ta' drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi, traffikar ta' armi u ta' splussivi, u t-trasport illeċitu ta' skart tossiku u perikoluż;

fir-rigward tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu : uffiċjali tal-"gendarmerie" u l-pulizija, kif ukoll uffiċjali tad-dwana, taħt il-kondizzjonijiet stipulati fid-diversi ftehim bilaterali xierqa msemmija fil-paragrafu 10, fir-rigward tal-poteri li jirrigwardaw it-traffikar illeċitu ta' drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi, traffikar ta' armi u splussivi, u t-trasport illeċitu ta' skart tossiku u perikoluż;

fir-rigward tar-Renju ta' l-Olanda : uffiċjali tar-"Rijkspolitie" (pulizija nazzjonali) u l-"Gemeentepolitie" (pulizija muniċipali), kif ukoll, taħt il-kondizzjonijiet stipulati fid-diversi ftehim bilaterali xierqa msemmija fil-paragrafu 10, fir-rigward tal-poteri li jirrigwardaw it-traffikar illeċitu ta' drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi, traffikar ta' armi u ta' splussivi, u t-trasport illeċitu ta' skart tossiku u perikoluż, uffiċjali ta' l-awtoritajiet ta' spezzjoni u investigazzjoni fiskali responsabbli għad-dazji u għat-taxxa tas-sisa.

8. Fir-rigward tal-Partijiet Kontraenti kkonċernati dan l-Artikolu għandu japplika bla ħsara għall-Artikolu 27 tat-Trattat tal-Benelux li jirrigwarda Estradizzjoni u Assistenza Reċiproka fi Kwistjonijiet Kriminali tas-27 ta' Ġunju 1962, kif emendat mill-Protokoll tal-11 ta' Mejju 1974.

9. Fil-ħin ta' l-iffirmar ta' din il-Konvenzjoni, kull Parti Kontraenti għandha tagħmel dikjarazzjoni li fiha hija tiddefinixxi għal kull waħda mill-Partijiet Kontraenti li magħha għandha fruntiera komuni, fuq il-bażi tal-paragrafi 2, 3 u 4, il-proċeduri ta' kif għanda ssir ġirja wara xi ħadd fit-territorju tagħha.

Parti Kontraenti tista' f'kull ħin tibdel id-dikjarazzjoni tagħha b'dikjarazzjoni oħra sakemm din ta' l-aħħar ma tirrestrinġix l-applikazzjoni ta' dik ta' l-ewwel.

Kull dikjarazzjoni għandha ssir wara konsultazzjoni ma' kull waħda mill-Partijiet Kontraenti konċernati u bil-għan li jinkisbu arranġamenti ekwivalenti fuq iż-żewġ naħat tal-fruntieri interni.

10. Il-Partijiet Kontraenti jistgħu, fuq bażi bilaterali, jestendu l-applikazzjoni tal-paragrafu 1 u jadottaw dispożizzjonijiet addizzjonali sabiex jimplimentaw dan l-Artikolu.

Artikolu 42

Waqt l-operazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 40 u 41, uffiċjali li joperaw fit-territorji ta' parti Kontraenti oħra għandhom jitqiesu bħala uffiċjali ta' dik il-Parti fir-rigward ta' reati kommessi kontrihom jew minnhom.

Artikolu 43

1. Meta, b'mod konformi ma' l-Artikoli 40 u 41 ta' din il-Konvenzjoni, l-uffiċjali ta' Parti Kontraenti jkunu qegħdin joperaw fit-territorju ta' Parti Kontraenti oħra, l-ewwel Parti Kontraenti hija responsabbli għal kull ħsara kkawżata minnhom waqt l-operazzjonijiet tagħhom, skond il-liġi tal-Parti Kontraenti li fit-territorju tagħha huma joperaw.

2. Il-Parti Kontraenti li fit-territorju tagħha tkun ikkawżata l-ħsara msemmija fil-paragrafu 1 għandha tagħmel tajjeb għal din il-ħsara taħt il-kondizzjonijiet applikabbli għal ħsara ikkawżata mill-uffiċjali tagħha stess.

3. Il-Parti Kontraenti li l-uffiċjali tagħha jkunu kkaġunaw ħsara lil xi persuna fit-territorju ta' Parti Kontraenti oħra għandha trodd lura lil din ta' l-aħħar kull ammonti ta' flus li hija tkun ħallset lill-vittmi jew lill-persuni intitolati biex jirċievu f'isimhom.

4. Bla ħsara għal-eżerċizzju tad-drittijiet tagħha fil-konfront ta' Partijiet terzi u bl-eċċezzjoni tal-paragrafu 3, kull Parti Kontraenti għandha fil-każ imsemmi fil-paragrafu 1 iżżomm milli titlob rifużjoni tad-danni li hija tkun sofriet minn Parti Kontraenti oħra.

Artikolu 44

1. B'mod konformi mad-diversi ftehim internazzjonali relevanti u wara li jitqiesu ċirkostanzi lokali u possibilitajiet tekniċi, il-Partijiet Kontraenti għandhom jinstallaw, b'mod partikolari f'żoni tal-fruntieri, telefon, radju, u linji tat-telex u konnessjonijiet diretti oħrajn li jiffaċilitaw koperazzjoni bejn il-pulizija u l-uffiċjali tad-dwana, b'mod partikolari fir-rigward tat-trasmissjoni f'waqtha ta' informazzjoni għall-għanijiet ta' sorveljanza tal-qsim ta' fruntieri u insegwimenti.

2. Flimkien ma' dawn il-miżuri immedjati, għandhom partikolarment jikkunsidraw ukoll l-għażliet li ġejjin:

(a) skambju ta' apparat jew spedizzjoni ta' uffiċjali ta' kollaborazzjoni provduti b'apparat tar-radju xieraq;

(b) twessigħ tal-marġni ta' frekwenzi wżati f'żoni fruntieri;

(ċ) twaqqif ta' konnessjonijiet komuni għal servizzi tal-pulizija u tad-dwana li joperaw f'dawn l-istess żoni;

(d) kordinazzjoni tal-programmi tagħhom għall-kisba ta' apparat ta' komunikazzjoni, bil-għan li jiġu nstallati sistemi ta' komunikazzjoni standardizzati u kompatibbli.

Artikolu 45

1. Il-Partijiet Kontraenti jimpennjaw ruħhom li jadottaw il-miżuri meħtieġa sabiex jassiguraw li:

(a) min immexxi l-istabbilimenti li jipprovdu akkomodazzjoni jew l-aġenti tagħhom jieħdu r-responsabbilità li jaraw li aljeni li jkunu qegħdin joqogħdu hemm, inklużi persuni ta' nazzjonalità tal-Partijiet Kontraenti l-oħrajn u dawk ta' Stati Membri oħrajn tal-Komunitajiet Ewropej, bl-eċċezzjoni ta' l-irġiel/nisa jew minuri li jkunu magħhom jew membri ta' gruppi ta' l-ivvjaġġar, jimlew u jiffirmaw personalment formoli ta' reġistrazzjoni u jikkonfermaw l-identità tagħhom billi juru dokument ta' identità validu;

(b) il-formoli ta' reġistrazzjoni mimlija għandhom jinżammu għall-awtoritajiet kompetenti jew għandhom jintbagħtu lilhom meta dawn l-awtoritajiet iqisu li dan jinħtieġ għall-prevenzjoni ta' theddid, għall-investigazzjonijiet kriminali jew għall-kjarifika taċ-ċirkostanzi ta' persuni neqsin jew vittmi ta' disgrazzji, ħlief jekk il-liġi nazzjonali tkun tipprovdi mod ieħor.

2. Il-paragrafu 1 għandu japplika mutatis mutandis fir-rigward ta' persuni li joqogħdu f'akkomodazzjoni mikrija fuq bażi kummerċjali, b'mod partikolari tined, karavans u dgħajjes.

Artikolu 46

1. F'każijiet speċifiċi, kull Parti Kontraenti tista', b'mod konformi mal-liġi nazzjonali tagħha u mingħajr ma tiġi mitluba, tibgħat lill-Parti Kontraenti konċernata kull informazzjoni li tista' tkun importanti biex tgħin fil-ġlieda kontra kriminalità fil-futur u biex tipprevjeni reati kontra jew theddidiet għall-politika pubblika u għas-sigurtà pubblika.

2. L-informazzjoni għandha tkun skambjata, bla ħsara għall-arranġamenti ta' koperazzjoni f'żoni fil-fruntiera msemmija fl-Artikolu 39(4), permezz ta' organu ċentrali li jrid jiġi nominat. F'każijiet ta' urġenza partikolari, l-iskambju ta' l-informazzjoni skond it-tifsira ta' dan l-Artikolu jista' jseħħ direttament bejn l-awtoritajiet tal-pulizija kkonċernati, sakemm dispożizzjonijiet nazzjonali ma jistipulawx mod ieħor. L-organu ċentrali għandu jiġi infurmat dwar dan kemm jista' jkun malajr.

Artikolu 47

1. Il-Partijiet Kontraenti jistgħu jikkonkludu ftehim bilaterali li jipprovdu għall-ispedizzjoni, għal perjodu speċifikat jew mhux speċifikat, ta' uffiċjali ta' kollaborazzjoni minn parti Kontraenti waħda għall-awtoritajiet tal-pulizija ta' Parti Kontraenti oħra.

2. L-ispedizzjoni ta' uffiċjali ta' kollaborazzjoni għal perjodu speċifikat jew mhux speċifikat hija maħsuba sabiex iżżid u tħaffef il-koperazzjoni bejn il-Partijiet Kontraenti, partikolarment billi jipprovdu assistenza:

(a) fil-forma ta' skambju ta' informazzjoni għall-għanijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità, kemm permezz ta' prevenzjoni kif ukoll permezz ta' l-infurzar tal-liġi;

(b) biex jesegwixxu talbiet għal assistenza reċiproka pulizjeska u ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali;

(ċ) fir-rigward ta' l-inkarigi mwettqa mill-awtoritajiet responsabbli għas-sorveljanza tal-fruntieri esterni.

3. L-uffiċjali ta' kollaborazzjoni għandu jkollhom l-inkarigu li jagħtu pariri u assistenza. M'għandhomx ikollhom is-setgħa li jieħdu azzjoni pulizjeska indipendenti. Huma għandhom jipprovdu informazzjoni u għandhom jaqdu d-doveri tagħhom skond l-istruzzjonijiet mogħtija lilhom mill-Parti Kontraenti li tkun qiegħda tibgħat u mill-Parti Kontraenti fejn jintbagħtu. Għandhom jirrapportaw regolarment lill-kap tad-dipartiment tal-pulizija fejn jintbagħtu.

4. Il-Partijiet Kontraenti jistgħu jaqblu fi ħdan qafas bilaterali jew multilaterali li uffiċjali ta' kollaborazzjoni minn Parti Kontraenti mibgħuta fi Stati terzi għandhom jirrappreżentaw ukoll l-interessi ta' Parti Kontraenti waħda jew iżjed. Taħt ftehim bħal dan, l-uffiċjali ta' kollaborazzjoni mibgħuta fi Stati terzi għandhom jissupplixxu l-informazzjoni lill-Partijiet Kontraenti oħrajn meta ssirilhom talba biex jagħmlu dan u għandhom, fil-limiti tal-poteri tagħhom, jaqdu poteri f'isem dawn il-Partijiet. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jinfurmaw lil xulxin dwar l-intezjonijiet tagħhom fir-rigward ta' l-ispedizzjoni ta' uffiċjali ta' kollaborazzjoni lejn Stati terzi.

KAPITOLU 2

ASSISTENZA REĊIPROKA FI KWISTJONIJIET KRIMINALI

Artikolu 48

1. Id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Kapitolu huma intenzjonati li jissupplimentaw il-Konvenzjoni Ewropea dwar Assistenza Reċiproka fi Kwistjonijiet Kriminali ta' l-20 ta' April 1959 kif ukoll, fir-relazzjonijiet bejn il-Partijiet Kontraenti li huma membri ta' l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, il-Kapitolu II tat-Trattat tal-Benelux li jirrigwarda Estradizzjoni u Assistenza Reċiproka fi Kwistjonijiet Kriminali tas-27 ta' Ġunju 1962, kif emendat mill-Protokoll tal-11 ta' Mejju 1974, u sabiex tiġi faċilitata l-implimentazzjoni ta' dawk id-diversi Ftehim.

2. Il-Paragrafu 1 għandu jkun bla ħsara għall-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet iktar estensivi li jirriżultaw minn xi ftehim bilaterali fis-seħħ bejn il-Partijiet Kontraenti.

Artikolu 49

Għandha tingħata assistenza reċiproka wkoll:

(a) fi proċeduri miġjuba mill-awtoritajiet amministrattivi fir-rigward ta' atti li huma punibbli taħt il-liġi nazzjonali ta' waħda miż-żewġ Partijiet Kontraenti, jew tat-tnejn, minħabba li jkunu ksur tar-regoli tal-liġi, jew meta d-deċiżjoni tista' tagħti lok għal proċeduri quddiem qorti li jkollha ġurisdizzjoni b'mod partikolari fi kwistjonijiet kriminali;

(b) fi proċeduri ta' talbiet għad-danni li jirriżultaw minn prosekuzzjoni jew kastig żbaljat;

(ċ) fi proċeduri għal klemenza;

(d) f'azzjonijiet ċivili abbinati ma' proċeduri kriminali, sakemm il-qorti kriminali tkun għadha ma ħaditx deċiżjoni finali fil-proċeduri kriminali;

(e) fis-servizz ta' dokumenti ġudizzjarji li għandhom x'jaqsmu ma' l-infurzar ta' sentenza jew miżura preventiva, l-imposizzjoni ta' multa jew il-ħlas ta' spejjeż għal proċeduri;

(f) fir-rigward ta' miżuri li għandom x'jaqsmu mad-differiment ta' konsenja jew mas-sospensjoni ta' l-infurzar ta' sentenza jew ta' miżura preventiva, mar-rilaxx kondizzjonat jew ma' l-interruzzjoni ta' l-applikazzjoni ta' sentenza jew ta' miżura preventiva.

Artikolu 50

1. Il-Partijiet Kontraenti jimpenjaw ruħhom li jagħtu lil xulxin, skond il-Konvenzjoni u skond it-Trattat imsemmi fl-Artikolu 48, assistenza reċiproka fir-rigward ta' ksur tal-liġijiet tagħhom u ta' regolamenti dwar taxxa tas-sisa, taxxa fuq valur miżjud u dazju. Dispożizzjonijiet tad-dwana għandhom ifissru r-regoli stipulati fl-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni tas-7 ta' Settembru 1967 bejn il-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, Franza, l-Italja, il-Lussemburgu u l-Olanda dwar Assistenza Reċiproka bejn Amministrazzjonijiet tad-Dwana, u l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1468/81 tad-19 ta' Mejju 1981.

2. Talbiet li jirrigwardaw l-evażjoni ta' taxxa tas-sisa ma jistgħux jiġu miċħuda fuq il-bażi li l-pajjiż mitlub ma jimponix taxxa tas-sisa fuq l-oġġetti msemmija fit-talba.

3. Il-Parti li tagħmel it-talba m'għandhiex tibgħat jew tuża informazzjoni jew evidenza miksuba mill-Parti Kontraenti li ssirilha t-talba għal investigazzjonijiet, prosekuzzjonijiet jew proċeduri apparti minn dawk imsemmija fit-talba tagħha mingħajr il-kunsens minn qabel tal-Parti Kontraenti li ssirilha talba.

4. L-assistenza reċiproka msemmija f'dan l-Artikolu tista' tiġi miċħuda meta l-ammont ta' dazju li allegatament ma jkunx tħallas bi sħiħ jew li jkun ġie evadut ma jeċċedix 25000 EKU jew meta l-valur preżunt ta' l-oġġetti esportati jew importati mingħajr awtorizzazzjoni ma jeċċedix 100000 EKU, ħlief jekk, minħabba ċ-ċirkostanzi jew l-identità ta' l-akkużat, il-każ jitqies bħala estremament serju mill-Parti Kontraenti li tagħmel it-talba.

5. Id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu għandhom japplikaw ukoll meta l-assistenza reċiproka mitluba tkun tirrigwarda atti punibbli biss permezz ta' multa minħabba li jkunu ksur tar-regoli legali fi proċeduri miġjuba mill-awtoritajiet amministrattivi, meta t-talba għal assistenza tkun saret minn awtorità ġudizzjarja.

Artikolu 51

Il-Partijiet Kontraenti ma jistgħux jagħmlu l-ammissibbiltà ta' ittri rogatorji għal tfittxija jew għal żamma dipendenti fuq ebda kondizzjonijiet, minbarra minn dawn li ġejjin:

(a) l-att li jagħti lok għall-ittri rogatorji irid ikun punibbli taħt il-liġi taż-żewġ Partijiet Kontraenti permezz ta' penali li tinvolvi t-teħid ta' libertà jew ordni ta' detenzjoni ta' perjodu massimu ta' mill-inqas sitt xhur, jew ikun punibbli taħt il-liġi ta' waħda miż-żewġ Partijiet Kontraenti permezz ta' penali ekwivalenti u taħt il-liġi tal-Parti Kontraenti l-oħra minħabba li dan ikun ksur tar-regoli legali li fil-konfront tiegħu jkun hemm prosekuzzjoni minn naħa ta' l-awtoritajiet amministrattivi, u meta d-deċiżjoni tkun tat lok għal proċeduri quddiem qorti li jkollha ġurisdizzjoni b'mod partikolari fi kwistjonijiet kriminali;

(b) l-eżekuzzjoni ta' l-ittri rogatorji hija konsistenti mal-liġi tal-parti Kontraenti li ssirilha talba.

Artikolu 52

1. Kull Parti Kontraenti tista' tibgħat dokumenti proċedurali direttament bil-posta lil persuni li jkunu fit-territorju ta' Parti Kontraenti oħra. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jibgħatu lill-Kumitat Eżekuttiv lista tad-dokumenti li jistgħu jintbagħtu b'dan il-mod.

2. Fejn ikun hemm raġuni biex wieħed jemmen li d-destinatarju ma jifhimx il-lingwa li biha huwa miktub id-dokument, id-dokument - jew għall-inqas il-Partijiet importanti tiegħu - irid jiġi tradott f'(waħda mill-) lingwa(i) tal-Parti Kontraenti li fit-territorju tagħha d-destinatarju jkun qiegħed joqgħod. Jekk l-awtorità li tibgħat id-dokument tkun taf li d-destinatarju jifhem biss xi lingwa oħra, id-dokument - jew għall-inqas il-Partijiet importanti tiegħu - irid jiġi tradott f'dik il-lingwa l-oħra.

3. Esperti jew xhieda li jonqsu milli jirrispondu għal ċitazzjoni mibgħuta lilhom bil-posta m'għandhomx, anki jekk iċ-ċitazzjoni jkun fiha avviż ta' penali, jiġu soġġetti għal ebda kastig jew miżura limitattiva, ħlief jekk sussegwentement huma jidħlu volontarjament fit-territorju tal-Parti li tagħmel it-talba u jerġgħu jissejjħu hemmhekk. Awtoritajiet li jibgħatu ċitazzjoni bil-posta sabiex jidher xi ħadd għandhom jagħmlu ċert li din ma tinkludix avviż ta' penali. Din id-dispożizzjoni għandha tkun bla ħsara għall-Artikolu 34 tat-Trattat Benelux li jirrigwarda l-Estradizzjoni u l-Assistenza Reċiproka fi Kwistjonijiet Kriminali tas-27 ta' Ġunju 1962, kif emendat mill-Protokoll tal-11 ta' Mejju 1974.

4. Jekk l-att li fuqu tkun ibbażata t-talba għall-assistenza jkun punibbli taħt il-liġi taż-żewġ Partijiet Kontraenti minħabba li jkun jikkostitwixxi ksur tar-regoli legali fir-rigward ta' liema tkun qiegħda ssir prosekuzzjoni minn naħa ta' l-awtoritajiet amministrattivi, u meta d-deċiżjoni tkun tista' tagħti lok għal proċeduri quddiem qorti li jkollha ġurisdizzjoni b'mod partikolari fi kwistjonijiet kriminali, il-proċedura sottolinejata fil-paragrafu 1 trid bħala prinċipju tintuża meta jintbagħtu d-dokumenti ta' proċedura.

5. Minkejja l-paragrafu 1, dokumenti proċedurali jistgħu jintbagħtu permezz ta' l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Parti Kontraenti li ssirilha talba meta l-indirizz tad-destinatarju ma jkunx magħruf jew meta l-Parti Kontraenti li tagħmel talba tkun teħtieġ li d-dokument jiġi konsenjat personalment.

Artikolu 53

1. Talbiet għal assistenza jistgħu jsiru direttament bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji u jiġu ritornati permezz ta' l-istess proċedura.

2. Il-paragrafu 1 m'għandux jippreġudika l-possibbilità li jintbagħtu u jiġu ritornati talbiet bejn Ministeri tal-Ġustizzja jew permezz ta' uffiċji nazzjonali ċentrali ta' l-Organizzazzjoni Internazzjonali ta' Pulizija Kriminali.

3. Talbiet għat-trasferiment temporanju jew it-transitu ta' persuni li huma taħt arrest temporanju, li qed jinżammu jew li huma s-suġġett ta' penali li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà, u l-iskambju ta' nformazzjoni perjodiku jew okkażjonali mir-reġistri ġudizzjarji għandhom jiġu effettwati permezz tal-Ministeri tal-Ġustizzja.

4. Skond it-tifsira tal-Konvenzjoni Ewropea dwar Assistenza Reċiproka fi Kwistjonijiet Kriminali ta' l-20 ta' April 1959, fir-rigward tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-Ministeru tal-Ġustizzja għandu jfisser il-Ministru Federali tal-Ġustizzja u l-Ministeri tal-Ġustizzja jew Senaturi fl-Istati Federali (Länder).

5. Informazzjoni mogħtija in konnessjoni ma' proċeduri kontra l-ksur tal-leġislazzjoni dwar sewqan u perjodi tal-mistrieħ, b'mod konformi ma' l-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar Assistenza Reċiproka fi Kwistjonijiet Kriminali ta' l-20 ta' April 1959 jew l-Artikolu 42 tat-Trattat tal-Benelux dwar Estradizzjoni u Assistenza Reċiproka fi Kwistjonijiet Kriminali tas-27 ta' Ġunju 1962, kif emendata mill-Protokoll tal-11 ta' Mejju 1974, tista' tintbagħat mill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Parti Kontraenti li tagħmel it-talba direttament lill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Parti Kontraenti li ssirilha t-talba.

KAPITOLU 3

APPLIKAZZJONI TAL-PRINĊIPJU TA' NE BIS IN IDEM

Artikolu 54

Persuna li l-każ tagħha jkun inqata' b'mod finali f'Parti Kontraenti waħda ma tistax tiġi mixlija f'Parti Kontraenti oħra għall-istess azzjonijiet sakemm, jekk tkun ġiet imposta penali, din tkun ġiet infurzata, tkun fil-fatt fil-proċess li tiġi infurzata jew ma tkunx tista' tiġi infurzata iżjed taħt il-liġijiet tal-Parti Kontraenti fejn tkun ingħatat is-sentenza.

Artikolu 55

1. Parti Kontraenti tista', meta tirratifika, taċċetta jew tapprova din il-Konvenzjoni, tiddikjara li hija m'hijiex marbuta bl-Artikolu 54 f'wieħed jew iżjed minn dawn il-każijiet li ġejjin:

(a) meta l-azzjonijiet relatati mas-sentenza ta' pajjiż barrani jkunu seħħu totalment jew parzjalment fit-territorju tagħha stess; f'dan l-aħħar każ, madankollu, din l-eċċezzjoni m'għandhiex tapplika jekk l-azzjonijiet ikunu seħħu parzjalment fit-territorju tal-Parti Kontraenti fejn tkun ingħatat is-sentenza;

(b) meta l-azzjonijiet relatati mas-sentenza ta' pajjiż barrani jikkostitwixxu reat kontra s-sigurtà nazzjonali jew kontra interessi li huma ugwalment essenzali ta' dik il-Parti Kontraenti;

(ċ) meta l-azzjonijiet relatati mas-sentenza ta' pajjiż barrani jkunu ġew kommessi minn uffiċjali ta' dik il-Parti Kontraenti bi ksur tad-doveri ta' l-inkarigu tagħhom.

2. Parti Kontraenti li tkun għamlet dikjarazzjoni li tirrigwarda l-eċċezzjoni msemmija fil-paragrafu 1(b) għandha tispeċifika l-kategoriji ta' reati li fir-rigward tagħhom din l-eċċezzjoni tista' tapplika.

3. Parti Kontraenti tista' f'kull ħin tirtira dikjarazzjoni li għandha x'taqsam ma' waħda jew iżjed mill-eċċezzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1.

4. L-eċċezzjonijiet li kienu s-soġġett ta' dikjarazzjoni taħt il-paragrafu 1 m'għandhomx japplikaw meta l-Parti Kontraenti konċernata tkun, in konnessjoni ma' l-istess azzjonijiet, talbet lill-parti Kontraenti l-oħra biex tressaq il-prosekuzzjoni jew tkun estradiet lill-persuna konċernata.

Artikolu 56

Jekk tinġieb prosekuzzjoni oħra f'Parti Kontraenti kontra persuna li l-kawża tagħha, fir-rigward ta' l-istess azzjonijiet, tkun inqatgħat finalment f'Parti Kontraenti oħra, kull perjodu tat-teħid tal-libertà fil-Parti Kontraenti ta' l-aħħar li jirriżulta minn dawk l-azzjonijiet għandu jitnaqqas minn kull penali imposta. Safejn dan ikun possibbli taħt il-liġi nazzjonali, penalitajiet li ma jinvolvux teħid ta' liberta' għandhom jitqiesu wkoll.

Artikolu 57

1. Meta Parti Kontraenti tixli lil persuna b'reat u l-awtoritajiet kompetenti ta' dik il-Parti Kontraenti jkollhom raġuni biex jemmnu li l-akkuża għandha x'taqsam ma' l-istess azzjonijiet bħal dawk li fir-rigward tagħhom l-kawża ta' dik il-persuna tkun inqatgħet f'Parti Kontraenti oħra, dawk l-awtoritajiet għandhom, jekk huma jqisu li dan jinħtieġ, jitolbu l-informazzjoni relevanti mill-awtoritajiet kompetenti tal-Parti Kontraenti li fit-territorju tagħha tkun diġa ngħatat is-sentenza.

2. L-informazzjoni mitluba għandha tingħata kemm jista' jkun malajr u għandha tkun ikkunsidrata fir-rigward ta' azzjoni ulterjuri li trid tittieħed fil-proċeduri pendenti.

3. Kull Parti Kontraenti għandha, meta tkun qiegħda tirratifika, taċċetta jew tapprova din il-Kovenzjoni, tinnomina l-awtoritajiet awtorizzati biex jitolbu u jirċievu l-informazzjoni stipulata f'dan l-Artikolu.

Artikolu 58

Id-dispożizzjonijiet li jidhru hawn fuq m'għandhomx iwaqqfu l-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet nazzjonali iktar estensivi dwar il-prinċipju ta' ne bis in idem fir-rigward ta' deċiżjonijiet ġudizzjarji meħuda f'pajjiżi barranin.

KAPITOLU 4

ESTRADIZZJONI

Artikolu 59

1. Id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Kapitolu huma intenzjonati li jissupplimentaw il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni tat-13 ta' Settembru 1957 kif ukoll, fir-relazzjonijiet bejn il-Partijiet Kontraenti li huma membri ta' l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, il-Kapitolu I tat-Trattat tal-Benelux li jirrigwarda Estradizzjoni u Assistenza Reċiproka fi Kwistjonijiet Kriminali tas-27 ta' Ġunju 1962, kif emendat mill-Protokoll tal-11 ta' Mejju 1974, u sabiex tiġi faċilitata l-implimentazzjoni ta' dawk id-diversi Ftehim.

2. Il-Paragrafu 1 għandu jkun bla ħsara għall-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet iktar estensivi li jirriżultaw minn xi ftehim bilaterali fis-seħħ bejn il-Partijiet Kontraenti.

Artikolu 60

F'relazzjonijiet bejn żewġ Partijiet Kontraenti, li waħda minnhom m'hijiex Parti għall-Konvenzjoni Ewropea tat-13 ta' Settembru 1957, id-dispożizzjonijiet ta' l-imsemmija Konvenzjoni għandhom japplikaw, bla ħsara għar-riservi u għad-dikjarazzjoniet magħmula fil-ħin tar-ratifika ta' dik il-Konvenzjoni jew, fir-rigward ta' Partijiet Kontraenti li m'humiex Partijiet għall-Konvenzjoni, fil-ħin tar-ratifika, approvazzjoni jew aċċettazzjoni ta' din il-Konvenzjoni.

Artikolu 61

Ir-Repubblika Franċiża timpenja ruħha li testradixxi, fuq talba ta' waħda mill-Partijiet Kntrattanti, persuni li kontra tagħhom ikun hemm proċeduri għal azzjonijiet punibbli taħt il-liġi Franċiża b'penali li tinvolvi t-teħid tal-libertà jew ordni ta' detenzjoni ta' perjodu massimu ta' mill-inqas sentejn, u taħt il-liġi tal-Parti Kontraenti li tagħmel it-talba permezz ta' penali li tinvolvi t-teħid tal-libertà jew ordni ta' detenzjoni ta' perjodu massimu ta' mill-inqas sena.

Artikolu 62

1. Fir-rigward ta' l-interruzzjoni ta' limitazzjoni ta' l-azzjonijiet, id-dispożizzjonijiet tal-Parti Kontraenti li tagħmel it-talba biss għandhom japplikaw.

2. Amnestija mogħtija mill-Parti Kontraenti li ssirilha t-talba m'għandhiex tipprevjeni l-estradizzjoni ħlief jekk ir-reat jaqa' taħt il-ġurisdizzjoni ta' dik il-Parti Kontraenti.

3. In-nuqqas ta' akkuża jew ta' notifika uffiċjali li tawtorizza l-proċeduri, li huma meħtieġa biss taħt il-liġi tal-Parti Kontraenti li ssirilha t-talba, ma taffettwax l-obbligu li tiġi magħmula estradizzjoni.

Artikolu 63

Il-Partijiet Kontraenti jimpenjaw ruħhom, skond il-Konvenzjoni u t-Trattat imsemmi fl-Artikolu 59, li jestradixxu bejn xulxin persuni mixlija mill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Parti Kontraenti li tagħmel it-talba b'wieħed mir-reati msemmija fl-Artikolu 50(1), jew li jkunu mfittxija mill-Parti Kontraenti li tagħmel it-talba għall-għanijiet ta' l-infurzar ta' sentenza jew ta' miżura preventiva imposta fir-rigward ta' offiża ta' din ix-xorta.

Artikolu 64

Twissija li tiddaħħal fis-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen skond l-Artikolu 95 għandu jkollha l-istess saħħa bħal talba għal arrest provviżorju taħt l-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni tat-13 ta' Settembru 1957 jew l-Artikolu 15 tat-Trattat Benelux li jirrigwarda l-Estradizzjoni jew Assistenza Reċiproka dwar Kwistjonijiet Kriminali tas-27 ta' Ġunju 1962, kif emendata mill-Protokoll tal-11 ta Mejju 1974.

Artikolu 65

1. Bla ħsara għall-għażla li tintuża l-mod diplomatiku, talbiet għal estradizzjoni u transitu għandhom jintbagħtu mill-Ministeru relevanti tal-Parti Kontraenti li tagħmel it-talba lill-Ministeru Kompetenti tal-Parti Kontraenti li ssirilha talba.

2. Il-Ministeri kompetenti għandhom ikunu:

fir-rigward tar-Renju tal-Belġju : il-Ministeru tal-Ġustizzja,

fir-rigward tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja : il-Ministeru Federali tal-Ġustizzja u l-Ministri tal-Ġustizzja jew Senaturi fl-Istati Federali (Länder),

fir-rigward tar-Repubblika Franċiża : il-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin,

fir-rigward tal-Gran Dukat tal Lussemburgu : il-Ministeru tal-Ġustizzja,

fir-rigward tar-Renju ta' l-Olanda : il-Ministeru tal-Ġustizzja.

Artikolu 66

1. Jekk l-estradizzjoni ta' persuna mfitttxija ma tkunx projbita b'mod ċar taħt il-liġijiet tal-Parti Kontraenti li ssirilha talba, dik il-Parti Kontraenti tista' tawtorizza l-estradizzjoni mingħajr proċeduri formali ta' estradizzjoni, sakemm il-persuna mfittxija taqbel ma' dan f'dikjarazzjoni magħmula quddiem membru tal-ġudikatura wara li jinstema minn dan ta' l-aħħar u wara li tiġi infurmata dwar id-dritt għal proċeduri ta' estradizzjoni formali. Il-persuna mfittxija tista' tiġi assistita minn avukat waqt it-tfittxija.

2. F'każijiet ta' estradizzjoni taħt il-paragrafu 1, persuni mfittxija li espliċitament jiddikjaraw li se jċedu l-protezzjoni offruta mill-prinċipju ta' speċjalità ma jistgħux jirrevokaw dik id-dikjarazzjoni.

KAPITOLU 5

TRASFERIMENT TA' L-INFURZAR TA' SENTENZI KRIMINALI

Artikolu 67

Id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw bejn il-Partijiet Kontraenti li huma Partijiet għall-Konvenzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa dwar it-Trasferiment ta' Persuni li tkun ingħatat Sentenza Kontrihom tal-21 ta' Marzu 1983, sabiex tiġi supplimentata dik il-Konvenzjoni.

Artikolu 68

1. Il-Parti Kontraenti li fit-territorju tagħha tkun imposta piena li tinkludi t-teħid tal-libertà jew ordni ta' detenzjoni b'sentenza li tikseb is-saħħa res judicata għal ċittadin ta' parti Kontraenti oħra, u li jaħrba lejn pajjiżu, irnexileu jiskampa l-infurzar ta' dik il-piena jew l-ordni ta' detenzjoni tista' titlob it-tieni Parti Kontraenti, jekk il-peruna li ħarbet tinsab fit-territorju tagħha li tieħu f'idejha l-infurzar tal-piena jew l-ordni tad-detenzjoni.

2. Il-Parti Kontraenti li ssirilha talba tista', fuq talba tal-parti Kontraenti li tagħmel it-talba, qabel il-wasla tad-dokumenti li jappoġġaw it-talba li jiġi trasferit l-infurzar tal-penali jew ta' l-ordni ta' detenzjoni jew parti minnha li tkun għadha ma ġietx skontata, u qabel id-deċiżjoni dwar dik it-talba, tpoġġi l-persuna li kontra tagħha tkun ingħatat sentenza fil-kustodja tal-pulizija jew tieħu miżuri oħrajn sabiex tagħmel ċert li l-persuna tibqa' fit-territorju tal-Parti Kontraenti li ssirilha talba.

Artikolu 69

It-trasferimenti ta' l-applikazzjoni taħt l-Artikolu 68 ma jeħtieġx il-kunsens tal-persuna li fuqha tkun ġiet imposta l-penali jew l-ordni ta' detenzjoni. Id-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Konvenzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa dwar it-Trasferiment ta' Persuni li kontra tagħhom tkun ingħatat sentenza tal-21 ta' Marzu 1983 għandha tapplika mutatis mutandis.

KAPITOLU 6

DROGI NARKOTIĊI

Artikolu 70

1. Il-Partijiet Kontraenti għandhom iwaqqfu grupp tax-xogħol permanenti sabiex jeżamina l-problemi komuni li għandhom x'jaqsmu mal-ġlieda kontra l-kriminalità li tinvolvi drogi narkotiċi u sabiex jiġu abbozzati proposti, fejn meħtieġ, sabiex jittejjbu l-aspetti prattiċi u tekniċi tal-koperazzjoni bejn il-Partijiet Kontraenti. Il-grupp tax-xogħol għandu jissottometti l-proposti tiegħu lill-Kumitat Eżekuttiv.

2. Il-grupp tax-xogħol imsemmi fil-paragrafu 1, li l-membri tiegħu għandhom jiġu nominati mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, għandu jinkludi rappreżentanti ta' l-awtoritajiet tal-pulizija u tad-dwana.

Artikolu 71

1. Il-Partijiet Kontraenti jimpenjaw ruħhom li fir-rigward tal-bejgħ dirett jew indirett ta' drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi ta' kull tip, inkluża kannabis, u l-pussess ta' prodotti bħal dawn għall-bejgħ jew għall-esportazzjoni, jadottaw b'mod konformi mal-Konvenzjonijiet eżistenti tal-Ġnus Magħquda [1], il-miżuri kollha meħtieġa sabiex wieħed jipprevjeni u jikkastiga it-traffikar illleċitu ta' drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi.

2. Il-Partijiet Kontraenti jimpenjaw ruħhom li jipprevjenu u jikkastigaw permezz ta' miżuri amministrattivi u penali l-esportazzjoni illegali ta' drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi, inkluża l-kannabis, kif ukoll il-bejgħ, il-provvista u l-għoti ta' dawn il-prodotti u sustanzi, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet relevanti ta' l-Artikoli 74, 75 u 76.

3. Sabiex tkun miġġielda l-importazzjoni illegali ta' drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi, inkluża l-kannabis, il-Partijiet Kontraenti għandhom iżidu l-kontrolli fuq il-moviment ta' persuni, oġġetti u mezzi ta' trasport fuq il-fruntieri esterni tagħhom. Dawn il-miżuri għandhom jiġu abbozzati mill-grupp tax-xogħol imsemmi fl-Artikolu 70. Dan il-grupp tax-xogħol għandu jikkunsidra, fost affariiet oħrajn, li jittrasferixxi xi wħud mill-persunal tal-pulizija u tad-dwana meħlusa mid-doveri tagħhom fuq il-fruntieri interni u l-użu ta' metodi ġodda għas-sejba tad-drogi u klieb tax-xamm.

4. Sabiex ikun hemm konformità ma' dan l-Artikolu, il-Partijiet Kontraenti għandhom jagħmlu sorveljanza speċifika ta' postijiet magħrufin li jintużaw għalit-traffikar tad-droga.

5. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jagħmlu l-almu tagħhom kollu sabiex jipprevjenu u jiġġieldu l-effetti negattivi li jirriżultaw mid-domanda iilleċita għal drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi ta' kull tip, inkluża l-kannabis. Kull Parti Kontraenti għandha tkun responsabbli għall-miżuri adottati għal dawn il-finijiet.

Artikolu 72

Il-Partijiet Kontraenti għandhom, b'mod konformi mal-kostituzzjonijiet u s-sistemi legali nazzjonali tagħhom, jagħmlu ċert li jgħaddu leġislazzjoni li tippermetti l-qbid u l-konfiska tal-qliegħ li jirriżulta milit-traffikar illeċitu ta' drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi.

Artikolu 73

1. Il-Partijiet Kontraenti għandhom, b'mod konformi mal-kostituzzjonijiet u s-sistemi legali nazzjonali tagħhom, li jadottaw miżuri li jippermettu li jsiru konsenji kontrollati fil-kuntest ta' it-traffikar illeċitu ta' drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi.

2. F'kull każ individwali, għandha tittieħed deċiżjoni sabiex jitħallew isiru konsenji kontrollati fuq il-bażi ta' awtorizzazzjoni minn qabel minn kull Parti Kontraenti konċernata.

3. Kull Parti Kontraenti għandha żżomm ir-responsabbilità u l-kontroll fuq kull operazzjoni li ssir fit-territorju tagħha u għandha tkun intitolata sabiex tintervjeni.

Artikolu 74

Fir-rigward tal-kummerċ legali fi drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi, il-Partijiet Kontraenti jiftiehmu li kontrolli li jirriżultaw minn obbligi taħt il-Konvenzjonijiet tal-Ġnus Magħquda elenkati fl-Artikolu 71 u li jsiru fuq il-fruntieri interni għandhom, kull meta jkun possibbli, jiġu trasferiti fil-pajjiż.

Artikolu 75

1. Fir-rigward tal-moviment ta' vjaġġaturi lejn it-territorji tal-Partijiet Kontraenti jew il-moviment tagħhom f'dawn it-territorji, il-persuni jistgħu jġorru d-drogi narkotiċi u s-sustanzi psikotropiċi li huma meħtieġa għat-trattament mediku tagħhom sakemm, kull meta jsir kontroll, huma juru ċertifikat maħruġ jew awtentifikat minn awtorità kompetenti ta' l-Istat ta' residenza tagħhom.

2. Il-Kumitat Eżekuttiv għandu jistipula l-forma u l-kontenut taċ-ċertifikat imsemmi fil-paragrafu 1 u maħruġ minn waħda mill-Partijiet Kontraenti, b'referenza partikolari għal dettalji dwar ix-xorta u l-kwantità tal-prodotti u s-sustanzi u t-tul tal-vjaġġ.

3. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jinnotifikaw lil xulxin dwar l-awtoritajiet responsabbli għall-ħruġ u għall-awtentikar taċ-ċertifikat imsemmi fil-paragrafu 2.

Artikolu 76

1. Il-Partijiet Kontraenti għandhom, fejn dan jinħtieġ, u b'mod konformi ma' l-użu mediku, etiku u prattiku tagħhom, jadottaw miżuri xierqa għall-kontroll ta' drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi li fit-territorju ta' Parti Kontraenti waħda jew iżjed huma soġġetti għal kontrolli iktar rigorużi milli fit-territorju tagħhom, sabiex ma tkunx ipperikolata l-effikaċja ta' dawn il-kontrolli.

2. Il-paragrafu 1 għandu japplika wkoll għal sustanzi wżati spiss fil-manifattura ta' drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi.

3. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jinnotifikaw lil xulxin dwar il-miżuri meħuda sabiex jiġi sorveljat il-kummerċ legali tas-sustanzi msemmija fil-paragrafi 1 u 2.

4. Problemi esperjenzati f'dan il-qasam għandhom jitqajjmu regolarment fil-Kumitat Eżekuttiv.

KAPITOLU 7

ARMI TAN-NAR U MUNIZZJON

Artikolu 77

1. Il-Partijiet Kontraenti jimpenjaw ruħhom li jaddattaw il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali tagħhom li għandhom x'jaqsmu ma' l-akkwist, mal-pussess, mal-kummerċ u ma' l-għoti ta' armi tan-nar u munizzjon skond id-dispożizzjonijiet ta' dan il-kapitolu.

2. Dan il-kapitolu jkopri l-akkwist, il-pussess, il-kummerċ u l-għoti ta' armi tan-nar u munizzjon minn persuni naturali u legali; ma jkoprix il-provvista ta' armi tan-nar jew munizzjon lil, jew l-akkwist jew pussess minn, l-awtoritajiet ċentrali u territorjali, il-forzi armati jew il-pulizija jew il-manifattura ta' armi tan-nar u munizzjon minn intrapriżi pubbliċi.

Artikolu 78

1. Għall-għanijiet ta' dan il-kapitolu, armi tan-nar għandhom jiġu klassifikati kif ġej:

(a) armi tan-nar projbiti;

(b) armi tan-nar soġġetti għal awtorizzazzjoni;

(ċ) armi tan-nar soġġetti għal dikjarazzjoni.

2. Il-mekkaniżmu li jagħlaq it-toqba, il-magażin u l-kanna ta' armi tan-nar għandhom ikunu soġġetti mutatis mutandis għar-regolamenti li jirregolaw l-arma li magħha huma mmuntati jew huma maħsuba li jkunu mmuntati.

3. Għall-għanijiet ta' din il-Kovenzjoni, "armi tan-nar qosra" għandha tfisser armi tan-nar b'kanna ta' mhux iktar minn 30 ċm jew li t-tul totali tagħha ma jaqbiżx is-60 ċm; "armi tan-nar twal" għandha tfisser l-armi tan-nar l-oħrajn kollha.

Artikolu 79

1. Il-lista ta' armi tan-nar u munizzjon projbiti għandha tinkludi dawn li ġejjin:

(a) armi tan-nar normalment użati bħala armi tal-gwerra;

(b) armi tan-nar awtomatiċi, anki jekk ma jkunux armi tal-gwerra;

(ċ) armi tan-nar preżentati b'mod li ma jintgħarafx bħala oġġetti oħrajn;

(d) munizzjon bi projectiles penetranti, splussivi jew inċendjarji u l-projectiles għall-munizzjon ta' dan it-tip;

(e) munizzjon għal pistoli u revolvers bi projectiles tat-tip "dumdum" jew hollow-pointed' u projectiles għal munizzjon ta' dan it-tip.

2. F'każijiet speċjali l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jagħtu awtorizzazzjonijiet għall-armi tan-nar u għall-munizzjon msemmija fil-paragrafu 1 jew dawn ma jkunux kontra l-politika pubblika jew is-sigurtà pubblika.

Artikolu 80

1. Il-lista ta' armi tan-nar li l-akkwist u l-pussess tagħhom huwa soġġett għal awtorizzazzjoni għandha tinkludi ta' mill-inqas dawn li ġejjin jekk ma jkunux projbiti:

(a) armi tan-nar qosra semi- awtomatiċi ripetittivi;

(b) armi tan-nar qosra ta' tir wieħed b'perkussjoni taċ-ċentru tan-nar;

(ċ) armi tan-nar qosra ta' tir wieħed b'perkussjoni tax-xifer tan-nar, li jkollhom tul totali ta' inqas minn 28 ċm;

(d) armi tan-nar twal semi-awtomatiċi li l-magażin u r-rukkell tagħhom jistgħu flimkien iżommu iktar minn tlett dawriet;

(e) armi tan-nar twal u semi-awtomatiċi b'kanen "smoothbore" b'tul ta' mhux iktar minn 60 ċm;

(f) armi tan-nar semi-awtomatiċi għal użu ċivili li jixbħu armi tal-gwerra b'mekkaniżmi awtomatiċi.

2. Il-lista ta' armi tan-nar soġġetti għall-awtorizzazzjoni m'għandhiex tinkludi:

(a) armi wżati bħala strumenti ta' twissija jew allarm jew biex jisparaw inkapaċitanti li ma joqtlux, sakemm ikun garantit permess ta' mezzi tekniċi li dawn l-armi ma jistgħux jiġu rranġati, permess ta' għodod ordinarji, sabiex jisparaw munizzjon bi projectiles u sakemm l-isparar ta' sustanza irritanti ma tikkawżax ħsara permanenti lil persuni;

(b) armi tan-nar semi-awtomatiċi li l-magażin u r-rukkell tagħhom ma jesgħax iktar minn tlett dawriet mingħajr ma jkollhom bżonn li jerġgħu jiġu ikkargati, sakemm l-istrument ta' l-ikkargar ma jkunx jista' jitneħħa jew sakemm ikun ċert li l-armi tan-nar ma jistgħux jiġu konvertiti, permezz ta' għodod ordinarji, f'armi tan-nar li l-magażin u r-rukkell tagħhom jistgħu jżommu iktar minn tlett dawriet f'daqqa.

Artikolu 81

Il-lista ta' armi tan-nar soġġetti għal dikjarazzjoni għandha tinkludi, jekk dawn l-armi ma jkunu la projbiti u lanqas soġġetti għal awtorizzazzjoni:

(a) armi tan-nar twal li jirrepetu;

(b) armi tan-nar twal ta' tir wieħed b'kanna jew kanen ta' l-azzarini;

(ċ) armi tan-nar qosra ta' tir wieħed b'perkussjoni rimfire, li jkollhom tul totali ta' iktar minn 28 ċm;

(d) l-armi elenkati fl-Artikolu 80(2)(b).

Artikolu 82

Il-lista ta' armi msemmija fl-Artikoli 79. 80 u 81 m'għandhiex tinkludi:

(a) armi tan-nar li l-mudell jew is-sena ta' manifattura tagħhom, ħlief f'każijiet eċċezzjonali, tkun qabel l-1 ta' Jannar 1870, sakemm ma jkunux jistgħu jisparaw munizzjon maħsub għal armi projbiti jew armi soġġetti għal awtorizzazzjoni;

(b) riproduzzjonijiet ta' armi elenkati taħt (a), sakemm ma jkunux jistgħu jintużaw biex jisparaw skartoċċi tal-metall;

(ċ) armi tan-nar li permess ta' proċeduri tekniċi garantiti mit-timbru ta' organu uffiċjali jew rikonoxxuti minn organu ta' din ix-xorta m'għadhomx tajbin biex jisparaw ebda tip ta' munizzjon.

Artikolu 83

L-awtorizzazzjoni biex wieħed jakkwista jew jippossjedi arma tan-nar elenkata fl-Artikolu 80 tista' tinħareġ biss:

(a) jekk il-persuna konċernata jkollha iktar minn 18-il sena, bl-eċċezzjoni ta' eċċezzjonijiet fir-rigward ta' kaċċa jew sport;

(b) jekk il-persuna konċernata ma tkunx f'sikkitha, b'riżultat ta' marda mentali jew xi diżabilità mentali jew fiżika oħra, biex takkwista jew tippossjedi armi tan-nar;

(ċ) jekk il-persuna konċernata ma tkunx instabet ħatja ta' reat, jew jekk ma jkun hemm ebda indikazzjoni oħra li l-persuna tista' tkun periklu għall-politika pubblika jew għas-sigurtà pubblika;

(d) jekk ir-raġunijiet mogħtija mill-persuna konċernata biex takkwista jew tippossjedi armi tan-nar jistgħu jitqiesu bħala leġittimi.

Artikolu 84

1. Dikjarazzjonijiet fir-rigward ta' l-armi tan-nar imsemmija fl-Artikolu 81 għandhom jiddaħħlu f'reġistru miżmum mill-persuni msemmija fl-Artikolu 85.

2. Jekk arma tan-nar tiġi trasferita minn persuna mhux imsemmija fl-Artikolu 85, trid issir dikjarazzjoni ta' trasferiment skond il-proċeduri li jridu jiġu stipulati minn kull Parti Kontraenti.

3. Id-dikjarazzjonijiet imsemmija f'dan l-Artikolu għandu jkun fihom id-dettalji meħtieġa sabiex jiġu identifikati l-persuni u l-armi konċernati.

Artikolu 85

1. Il-Partijiet Kontraenti jimpenjaw ruħhom li jimponu ħtieġa ta' awtorizzazzjoni fuq produtturi, u fuq nies li jinnegozjaw, armi tan-nar li jeħtieġu awtorizzazzjoni u li jimponu ħtieġa ta' dikjarazzjoni fuq produtturi, u fuq persuni li jinnegozjaw, armi tan-nar li jeħtieġu li ssir dikjarazzjoni. Awtorizzazzjoni għal armi tan-nar li jeħtieġu awtorizzazzjoni għandha tkopri wkoll armi tan-nar li jeħtieġu dikjarazzjoni. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jagħmlu kontrolli fuq produtturi ta' l-armi u fuq negozjanti ta' l-armi, b'mod li jiġi garantit kontroll effettiv.

2. Il-Partijiet Kontraenti jimpenjaw ruħhom li jadottaw miżuri li jiggarantixxu li, bħala ħtieġa minima, l-armi tan-nar kollha jkunu mmarkati b'mod permanenti permezz ta' numru serjali li jippermetti li ssir identifikazzjoni u jkollhom il-marka tal-produttur.

3. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jesiġu li l-produtturi u n-negozjanti jżommu reġistru ta' l-armi tan-nar kollha li jeħtieġu awtorizzazzjoni jew dikjarazzjoni; ir-reġistru għandu jippermetti identifikazzjoni ta' malajr tat-tip u ta' l-oriġini ta' l-armi tan-nar u tal-persuni li jakkwistawhom.

4. Fir-rigward ta' armi tan-nar li jeħtieġu awtorizzazzjoni taħt l-Artikoli 79 u 80, il-Partijiet Kontraenti jimpenjaw ruħhom li jieħdu miżuri li jiggarantixxu li n-numru serjali u l-marka tal-produttur fuq l-arma tan-nar jiddaħħlu fl-awtorizzazzjoni maħruġa lid-detentur.

Artikolu 86

1. Il-Partijiet Kontraenti jimpenjaw ruħhom li jadottaw miżuri li jipprojbixxu lid-detenturi leġittimi ta' armi tan-nar li jeħtieġu awtorizzazzjoni jew dikjarazzjoni milli jagħtu dawn l-armi lil persuni li m'għandhom la awtorizzazzjoni biex jakkwistawhom u lanqas ċertifikat ta' dikjarazzjoni.

2. Il-Partijiet Kontraenti jistgħu jawtorizzaw l-għoti temporanju ta' dawn l-armi tan-nar skond il-proċeduri li huma għandhom jistipulaw.

Artikolu 87

1. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jinkorporaw fil-liġi nazzjonali tagħhom dispożizzjonijiet li jippermettu li tiġi rtirata l-awtorizzazzjoni mingħand persuni li m'għadhomx jissodisfaw il-kondizzjonijiet għall-ħruġ ta' awtorizzazzjonijiet taħt l-Artikolu 83.

2. Il-Partijiet Kontraenti jimpenjaw ruħhom li jadottaw miżuri xierqa, inkluż il-qbid ta' armi tan-nar u l-irtirar ta' awtorizzazzjonijiet, u li jistipulaw penalitajiet xierqa għal kull ksur tal-liġijiet u regolamenti dwar armi tan-nar. Dawn il-penalitajiet jistgħu jinkludu l-konfiska ta' l-armi tan-nar.

Artikolu 88

1. Persuna li jkollha awtorizzazzjoni sabiex takkwista arma tan-nar ma teħtieġx awtorizzazzjoni biex takkwista munizzjon għal dik l-arma tan-nar.

2. L-akkwist ta' munizzjon minn persuni li m'għandhomx awtorizzazzjoni biex jakkwistaw armi għandha tiġi rregolata mill-arranġamenti li jirregolaw l-arma li għaliha hija intenzjonata l-munizzjon. L-awtorizzazzjoni tista' tinħareġ għal kategorija waħda jew għall-kategoriji ta' munizzjon kollha.

Artikolu 89

Il-lista ta' armi tan-nar li huma projbiti, soġġetti għal awtorizzazzjoni jew soġġetti għal dikjarazzjoni, tista' tiġi emendata jew supplimentata mill-Kumitat Eżekuttiv sabiex jittieħdu in konsiderazzjoni l-iżviluppi tekniċi u ekonomiċi u s-sigurtà nazzjonali.

Artikolu 90

Il-Partijiet Kontraenti jistgħu jadottaw liġijiet u dispożizzjonijiet dwar l-akkwist u l-pussess ta' armi tan-nar u munizzjon iktar strinġenti.

Artikolu 91

1. Il-Partijiet Kontraenti jaqblu, fuq il-bażi tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Kontroll ta' l-Akkwist u l-Pussess ta' Armi tan-Nar minn Individwi tat-28 ta' Ġunju 1978, li jwaqqfu fil-qafas tal-liġijiet nazzjonali tagħhom skambju ta' informazzjoni dwar l-akkwist ta' armi tan-nar minn persuni - kemm jekk individwi privati jew negozjanti - abitwalment residenti jew stabbiliti fit-territorju ta' Parti Kontraenti oħra. Negozjant ta' l-armi tan-nar għandha tfisser kull persuna li l-kummerċ jew negozju tagħha jikkonsisti, totalment jew parzjalment, fil-bejgħ bl-imnut ta' armi tan-nar.

2. L-iskambju ta' informazzjoni għandu jirrigwarda:

(a) bejn żewġ Partijiet Kontraenti li jkunu rratifikaw il-Konvenzjoni msemmija fil-paragrafu 1: l-armi tan-nar elenkati fl-Appendiċi 1(A)(1)(a) sa (h) ta' l-imsemmija Konvenzjoni;

(b) bejn żewġ Partijiet Kontraenti li ta' mill-inqas waħda minnhom ma tkunx rratifikat il-Konvenzjoni msemmija fil-paragrafu 1: armi tan-nar li huma jeħtieġu awtorizzazzjoni jew dikjarazzjoni f'kull waħda mill-Partijiet Kontraenti.

3. Informazzjoni dwar l-akkwist ta' armi tan-nar għandha tiġi komunikata mingħajr dewmien u għandha tinkludi dan li ġej:

(a) id-data ta' akkwist ta' l-arma tan-nar u l-identità tal-persuna li takkwistaha, i.e.:

- fil-każ ta' persuna naturali: kunjom, ismijiet, data u post tat-twelid, indirizz u passaport jew numru tal-karta ta' l-identità, data ta' ħruġ u dettalji ta' l-awtorità li tkun ħarġithom, kemm jekk negozjant ta' l-armi tan-nar u kemm jekk le,

- fil-każ ta' persuna ġuridika: l-isem jew l-isem kummerċjali u l-post reġistrat tal-kummerċ u l-kunjom, ismijiet, data u post tat-twelid, indirizz u passaport jew numru tal-karta ta' l-identità tal-persuna awtorizzata biex tirrappreżenta l-persuna ġuridika;

(b) il-mudell, in-numru tal-produttur, kalibru u karatteristiċi oħrajn ta' l-arma tan-nar in kwestjoni u n-numru serjali tagħha.

4. Kull Parti Kontraenti għandha tinnomina l-awtorità nazzjonali responsabbli biex tibgħat u biex tirċievi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 2 u 3 u għandha tinforma immedjatament lill-Partijiet Kontraenti l-oħrajn dwar kull bidla ta' l-awtorità nominata.

5. L-awtorità nominata minn kull Parti Kontraenti tista' tibgħat l-informazzjoni li tkun irċeviet lill-awtoritajiet lokali tal-pulizija kompetenti u lill-awtoritajiet responsabbli għas-sorveljanza tal-fruntiera, għall-għanijiet ta' prevenzjoni jew ta' prosekuzzjoni ta' reati kriminali u ta' ksur tar-regoli legali.

TITOLU IV

IS-SISTEMA TA' INFORMAZZJONI TA' SCHENGEN

KAPITOLU 1

TWAQQIF TAS-SISTEMA TA' INFORMAZZJONI TA' SCHENGEN

Artikolu 92

1. Il-Partijiet Kontraenti għandhom iwaqqfu u jżommu sistema ta' informazzjoni konġunta, minn hawn ‘il quddiem msejjħa "is-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen", li għandha tikkonsisti f'sezzjoni nazzjonali f'kull waħda mill-Partijiet Kontraenti u f'funzjoni ta' appoġġ tekniku. Is-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen għandha tippermetti lill-awtoritajiet nominati mill-Partijiet Kontraenti, permezz ta' proċedura ta' tfittxija awtomatika, li jkollhom aċċess għal twissijiet dwar persuni u proprjetà għall-għanijiet ta' kontrolli fuq il-fruntieri u kontrolli oħrajn tal-pulizija u tad-dwana li jsiru fil-pajjiż skond il-liġi nazzjonali u, fil-każ tal-kategorija speċifika ta' twissijiet imsemmija fl-Artikolu 96, għall-għanijiet ta' ħruġ ta' viżas, permessi ta' residenza u l-amministrazzjoni ta' leġislazzjoni dwar aljeni fil-kuntest ta' l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' din il-Konvenzjoni li għandhom x'jaqsmu mal-moviment ta' persuni.

2. Kull Parti Kontraenti għandha twaqqaf u żżomm, fl-interessi tagħha stess u b'riskju għaliha stess, is-sezzjoni nazzjonali tagħha tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen, li l-fajl ta' informazzjoni tagħha għandu jkun materjalment identiku għall-fajls ta' informazzjoni tas-sezzjonijiet nazzjonali ta' kull waħda mill-Partijiet Kontraenti l-oħrajn, permezz tal-funzjoni ta' appoġġ tekniku. Sabiex tassigura trasmissjoni rapida u effettiva ta' informazzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 3, kull Parti Kontraenti għandha tħares, meta tkun qiegħda twaqqaf is-sezzjoni nazzjonali tagħha, il-protokolli u l-proċeduri li l-Partijiet Kontraenti jkunu stabbilixxew għall-funzjoni ta' appoġġ tekniku. Kull fajl ta' informazzjoni tas-sezzjoni nazzjonali għandu jkun disponibbli sabiex ikunu jistgħu jsiru tfittxijiet awtomatiċi fit-territorju ta' kull waħda mill-Partijiet Kontraenti. M'għandux ikun possibbli li wieħed ifittex fajls ta' informazzjoni fis-sezzjonijiet nazzjonali tal-Partijiet Kontraenti l-oħrajn.

3. Il-Partijiet Kontraenti għandhom iwaqqfu u jżommu, fuq bażi ta' spiża komuni u obbligu konġunt, il-funzjoni ta' appoġġ tekniku tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen. Ir-Repubblika Franċiża għandha tkun responsabbli għall-funzjoni ta' appoġġ tekniku, li għandha tkun fi Strasbourg. Il-funzjoni ta' appoġġ tekniku għandu jinkludi fajl ta' informazzjoni li għandu jassigura permess ta' trasmissjoni on-line li l-fajls ta' informazzjoni tas-sezzjonijiet nazzjonali fihom informazzjoni identika. Il-fajls ta' informazzjoni tal-funzjoni ta' appoġġ tekniku għandu jkun fihom twissijiet għal persuni u proprjetà sa fejn dawn jirrigwardaw il-Partijiet Kontraenti kollha. Il-fajl ta' informazzjoni tal-funzjoni ta' appoġġ tekniku m'għandu jkun fih ebda informazzjoni ħlief għal dik imsemmija f'dan il-paragrafu u fl-Artikolu 113(2).

KAPITOLU 2

IL-MOD KIF TAĦDEM U L-UŻU TAS-SISTEMA TA' INFORMAZZJONI TA' SCHENGEN

Artikolu 93

L-għan tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen għandu jkun, b'mod konformi ma' din il-Konvenzjoni, li tinżamm il-politika pubblika u s-sigurtà pubblika, inkluża sigurtà nazzjonali, fit-territorji tal-Partijiet Kontraenti u li jiġu applikati d-dispożizzjonijiet ta' din il-Konvenzjoni li għandhom x'jaqsmu mal-moviment ta' persuni f'dawk it-territorji, permess ta' informazzjoni komunikata permess ta' din is-sistema.

Artikolu 94

1. Is-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen għandu jkun fiha biss dawk il-kategoriji ta' informazzjoni li huma forniti minn kull waħda mill-Partijiet Kontraenti, kif meħtieġ għall-għanijiet stipulati fl-Artikoli 95 sa 100. Il-Parti Kontraenti li toħroġ it-twissija għandha tiddetermina jekk il-każ huwiex importanti biżżejjed li jiġġustifika d-dħul tat-twissija fis-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen.

2. Il-kategoriji ta' informazzjoni għandhom ikunu kif ġej:

(a) persuni li fir-rigward tagħhom tkun inħarġet twissija;

(b) oġġetti msemmija fl-Artikolu 100 u vetturi msemmija fl-Artikolu 99.

3. Fir-rigward ta' persuni, l-informazzjoni m'għandhiex tkun iżjed minn dan li ġej:

(a) kunjom u isem, u laqmijiet imdaħħlin separatament;

(b) karatteristiċi fiżiċi speċifiċi u oġġetivi li ma jistgħux jinbiddlu;

(ċ) l-ewwel ittra tat-tieni isem;

(d) data u post tat-twelid;

(e) sess;

(f) nazzjonalità;

(g) jekk il-persuni konċernati humiex armati;

(h) jekk il-persuni konċernati humiex vjolenti;

(i) raġunijiet għat-twissija;

(j) azzjoni li trid tittieħed.

Informazzjoni oħra, b'mod partikolari l-informazzjoni elenkata fl-ewwel sentenza ta' l-artikolu 6 tal-Konvenzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa għall-Ħarsien ta' Individwi fir-rigward ta' l-Ipproċessar Awtomatiku ta' Informazzjoni Personali tat-28 ta' Jannar 1981, m'għandhiex tiġi awtorizzata.

4. Meta Parti Kontraenti tqis li twissija skond l-Artikolu 95, 97 jew 99 m'hijiex kompatibbli mal-liġi nazzjonali tagħha, l-obbligi internazzjonali jew l-interessi essenzali nazzjonali tagħha, hija tista' sussegwentement iżżid mat-twissija li tinsab fil-fajl ta' informazzjoni tas-sezzjoni nazzjonali tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen bandiera li tfisser li l-azzjoni li għandha tittieħed fuq il-bażi tat-twissija m'hijiex sejra tittieħed fit-territorju tagħha. Irid ikun hemm konsultazzjoni f'dan ir-rigward mal-Partijiet Kontraenti l-orħajn. Jekk il-Parti Kontraenti li toħroġ it-twissija ma tirtirax it-twissija, hija għandha tkompli tapplika bis-sħiħ fir-rigward tal-Partijiet Kontraenti l-oħrajn.

Artikolu 95

1. Informazzjoni dwar persuni mfittxija għall-arrest għal għanijiet ta' estradizzjoni għandha tiddaħħal fuq talba ta' l-awtorità ġudizzjarja tal-Parti Kontraenti li tagħmel talba.

2. Qabel ma toħroġ twissija, il-parti Kontraenti għandha tikkontrolla jekk l-arrest huwiex awtorizzat taħt il-liġi nazzjonali tal-Partijiet Kontraenti li ssirilhom talba. Jekk il-parti Kontraenti li toħroġ it-twissija jkollha xi dubji, hija tista' tikkonsulta lill-Partijiet Kontraenti konċernati oħrajn.

Il-Parti Kontraenti li toħroġ it-twissija għandha tibgħat lill-Partijiet Kontraenti li ssirilhom talba bl-iktar mezzi mgħaġġla possibbli kemm it-twissija kif ukoll l-informazzjoni essenzali li ġejja li għandha x'taqsam mal-każ:

(a) l-awtorità li tkun ħarġet it-talba għall-arrest;

(b) jekk hemmx mandat ta' arrest jew dokument ieħor li għandu l-istess effett legali, jew sentenza infurzabbli;

(ċ) in-natura u l-klassifika legali tar-reat;

(d) deskrizzjoni taċ-ċirkustanzi li fiha kien kommess ir-reat, inkluż il-ħin, il-post u l-grad ta' partiċipazzjoni fir-reat mill-persuna li fir-rigward tagħha tkun inħarġet it-twissija;

(e) sa fejn huwa possibbli, il-konsegwenzi tar-reat.

3. Parti Kontraenti li ssirilha talba tista' żżid, mat-twissija fil-fajl ta' informazzjoni tas-sezzjoni nazzjonali tagħha tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen, bandiera li tipprojbixxi arrest fuq il-bażi tat-twissija sakemm titħassar il-bandiera. Il-bandiera trid titħassar mhux iktar tard minn 24 siegħa wara li tkun iddaħħlet it-twissija, ħlief jekk il-Parti Kontraenti tirrifjuta li tagħmel l-arrest mitlub għal raġunijiet legali jew għal raġunijiet speċjali ta' espedjenza. F'każijiet li huma partikolarment eċċezzjonali fejn dan huwa ġustifikat minħabba l-kumplessità tal-fatti ta' wara t-twissija, il-limitu ta' żmien hawn fuq imsemmi jist' jkun estiż għal ġimgħa. Bla ħsara għal bandiera jew għal deċiżjoni sabiex jiġi miċħud arrest, il-Partijiet Kontraenti l-oħra jistgħu jagħmlu l-arrest mitlub fit-tiwssija.

4. Jekk, għal raġunijiet ta' urġenza partikolari, Parti Kontraenti titlob tfittxija mmedjata, il-Parti Kontraenti li ssirilha t-talba għandha teżamina jekk hijiex kapaċi tirtira l-bandiera tagħha. Il-Parti Kontraenti li ssirilha talba għandha tieħu l-passi meħtieġa sabiex tagħmel ċert li l-azzjoni li trid tittieħed tista' titwettaq immedjatament jekk it-twissija tiġi validata.

5. Jekk l-arrest ma jkunx jista' jsir minħabba li ma tkunx tlestiet investigazzjoni jew minħabba ċaħda minn naħa ta' Parti Kontraenti, din ta' l-aħħar għandha tqis it-twissija bħala twissija għall-għanijiet ta' komunikazzjoni tal-post ta' residenza tal-persuna konċernata.

6. Il-Partijiet Kontraenti li ssirilhom talba għandhom iwettqu l-azzjoni kif mitlub fit-twissija skond il-Konvenzjonijiet ta' estradizzjoni fis-seħħ u skond il-liġi nazzjonali. Huma m'humiex obbligati li jwettqu l-azzjoni mitluba meta persuna tan-nazzjonalità tagħhom tkun involuta, bla ħsara għall-possibbilità li jsir l-arrest skond il-liġi nazzjonali.

Artikolu 96

1. Informazzjoni dwar aljeni li fir-rigward tagħhom tkun inħarġet twissija sabiex jiġi miċħud id-dħul għandha tiddaħħal fuq il-bażi ta' twissija nazzjonali li tirriżulta minn deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet amministrattivi kompetenti jew mill-qrati, skond ir-regoli proċedurali stipulati mill-liġi nazzjonali.

2. Id-deċiżjonijiet jistgħu jkunu ibbażati fuq theddida għall-politika pubblika jew għas-sigurtà pubblika jew għas-sigurtà nazzjonali li l-preżenza ta' aljen f'territorju nazzjonali tista' tippreżenta.

Din is-sitwazzjoni tista' tinqala' b'mod partikolari fil-każ ta':

(a) aljen misjub ħati ta' reat li jġorr miegħu penali li tinvolvi teħid tal-libertà għal mill-inqas sena;

(b) aljen li fir-rigward tiegħu jeżistu raġunijiet serji sabiex wieħed jemmen li huwa kkommetta reati kriminali serji, inklużi dawk imsemmija fl-Artikolu 71, jew li fir-rigward tagħhom hemm evidenza ċara ta' intenzjoni li jitwettqu dawn ir-reati fit-territorju ta' Parti Kontraenti.

3. Id-deċiżjonijiet jistgħu jkunu bbażati wkoll fuq il-fatt li l-aljen kien soġġett għal miżuri li jinvolvu d-deportazzjoni, ċaħda ta' dħul jew tneħħija li ma jkunux ġew imneħħija jew sospiżi, inkluża jew flimkien ma' projbizzjoni ta' dħul jew, fejn applikabbli, projbizzjoni ta' residenza, ibbażata fuq ksur ta' regolamenti nazzjonali dwar id-dħul jew residenza ta' aljeni.

Artikolu 97

Informazzjoni dwar persuni neqsin jew persuni li, għall-ħarsien tagħhom stess jew sabiex jiġi evitat theddid, jeħtieġu li jitpoġġew temporanjament taħt il-protezzjoni tal-pulizija fuq talba ta' l-awtorità kompetenti jew ta' l-awtorità ġudizzjarja kompetenti tal-Parti li toħroġ it-twissija, għandha tiddaħħal, sabiex l-awtoritajiet tal-pulizija jkunu jistgħu jikkomunikaw fejn qegħdin lill-Parti li toħroġ it-twissija jew sabiex ikunu jistgħu jċaqalqu lill-persuni lejn post salv sabiex jitwaqqfu milli jkomplu l-vjaġġ tagħhom, jekk ikunu awtorizzati biex jagħmlu dan mill-liġi nazzjonali. Dan għandu japplika b'mod partikolari għal minorenni u persuni li jridu jiġu internati waa deċiżjoni ta' awtorità kompetenti. Il-komunikazzjoni ta' informazzjoni dwar persuna li hija nieqsa u li hija maġġorenni għandha tkun soġġetta għall-kunsens ta' dik il-persuna.

Artikolu 98

1. Informazzjoni dwar xhieda, persuni imsejjħa biex jidhru quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji in konnessjoni ma' proċeduri kriminali sabiex jirrispondu għal atti li għalihom jkunu mixlija, jew persuni li għandhom jingħataw sentenza jew ċitazzjoni kriminali sabiex tiġi imposta fuqhom penali li tinvolvi t-teħid tal-libertà, għandha tiddaħħal, fuq talba ta' l-awtoritajiet kompetenti ġudizzjarji, sabiex jiġi komunikat il-post ta' residenza jew id-domiċilju tagħhom.

2. L-informazzjoni mitluba għandha tiġi komunikata lill-parti li tagħmel talba skond il-liġi nazzjonali u l-Konvenzjonijiet fis-seħħ dwar assistenza reċiproka fi kwistjonijiet kriminali.

Artikolu 99

1. Informazzjoni dwar persuni jew vetturi għandha tiddaħħal skond il-liġi nazzjonali tal-Parti Kontraenti li toħroġ it-twissija, għall-għanijiet ta' sorveljanza diskreta jew ta' kontrolli speċifiċi skond il-paragrafu 5.

2. Twissija ta' din ix-xorta tista' tinħareġ sabiex ikun prosekuzzjoni kontra reati kriminali u għall-prevenzjoni ta' theddidiet għas-sigurtà pubblika:

(a) meta jkun hemm evidenza ċara li l-persuna konċernata fi ħsiebha tikkommetti jew tkun qiegħda tikkommetti numru kbir ta' reati kriminali li huma estremament serji, jew

(b) meta evalwazzjoni ġenerali tal-persuna konċernata, b'mod partikolari fuq il-bażi ta' reati kriminali fil-passat, tagħti raġuni sabiex wieħed jippresumi li l-persuna se tikkommetti reati kriminali li huma estremament serji fil-futur.

3. Apparti dan, it-twissija tista' tinħareġ skond il-liġi nazzjonali, fuq talba ta' l-awtoritajiet responsabbli għas-sigurtà nazzjonali, meta jkun hemm evidenza ċara li l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 4 hija meħtieġa sabiex tkun evitata theddida serja mill-persuna konċernata jew theddidiet serji oħrajn għas-sigurtà nazzjonali interna jew esterna. Il-Parti Kontraenti li toħroġ it-twissija għandha l-obbligu li tikkonsulta lill-Partijiet Kontraenti l-oħrajn minn qabel.

4. Għall-għanijiet ta' sorveljanza diskreta, l-informazzjoni kollha li ġejja jew xi ftit minnha tista' tinġabar u komunikata lill-awtorità li toħroġ it-twissija meta kontrolli fuq il-fruntiera jew kontrolli oħrajn tal-pulizija u tad-dwana jitwettqu fil-pajjiż:

(a) il-fatt li l-persuna jew il-vettura li fir-rigward tagħhom tkun inħarġet twissija jinstabu;

(b) il-post, il-ħin jew ir-raġuni għall-kontroll;

(ċ) ir-rotta u d-destinazzjoni tal-vjaġġ;

(d) persuni li jakkumpanjaw lill-persuna konċernata jew l-okkupanti tal-vettura;

(e) il-vettura wżata;

(f) oġġetti fil-pussess;

(g) iċ-ċirkostanzi li fihom instabet il-persuna jew il-vettura.

Waqt il-ġbir ta' din l-informazzjoni, iridu jittieħdu passi sabiex ma tiġix mhedda n-natura diskreta tas-sorveljanza.

5. Waqt il-kontrolli speċifiċi msemmija fil-paragrafu 1, tista' ssir tfittxija fuq persuni, vetturi u oġġetti mġarra skond il-liġi nazzjonali għall-għanijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 3. Jekk il-kontroll speċifiku ma jkunx awtorizzat taħt il-liġi ta' Parti Kontraenti, dan għandu jiġi sostitwit minnufih, għal dik il-Parti Kontraenti, b'sorveljanza diskreta.

6. Parti Kontraenti li ssirilha talba tista' żżid, mat-twissija fil-fajl ta' informazzjoni tas-sezzjoni nazzjonali tagħha tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen, bandiera li tipprojbixxi, sakemm titħassar il-bandiera, li tittieħed l-azzjoni li għandha tittieħed fuq il-bażi tat-twissija għall-għanijiet ta' sorveljanza diskreta jew kontrolli speċifiċi. Il-bandiera trid titħassar mhux iktar tard minn 24 siegħa wara li tkun iddaħħlet it-twissija, ħlief jekk il-Parti Kontraenti tirrifjuta li tieħu l-azzjoni mitluba għal raġunijiet speċjali ta' espedjenza. Bla ħsara għal bandiera jew għal deċiżjoni sabiex jiġi miċħud arrest, il-Partijiet Kontraenti l-oħra jistgħu jwettqu l-azzjoni mitluba fit-twissija.

Artikolu 100

1. Informazzjoni dwar oġġetti mfittxija għall-għanijiet ta' qbid jew ta' użu bħala evidenza fi proċeduri kriminali għandha tiddaħħal fis-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen.

2. Jekk tfittxija titfa' dawl fuq twissija għal oġġett li ma jinstabx, l-awtorità li tkun qabblet iż-żewġ biċċiet ta' informazzjoni għandha tikkuntattja lill-awtorità li tkun ħarġet it-twissija sabiex jintlaħaq ftehim dwar il-miżuri li jridu jittieħdu. Għal dan l-għan, informazzjoni personali tista' tiġi komunikata wkoll skond din il-Konvenzjoni. Il-miżuri li jridu jittieħdu mill-Parti Kontraenti li jkunu sabu l-oġġett iridu jkunu skond il-liġi nazzjonali tagħha.

3. Il-kategoriji ta' oġġetti li ġejjin għandhom jiddaħħlu:

(a) vetturi bil-mutur b'kapaċità ta' ċilindrata ta' iktar minn 50 cc misruqa, ġew approprjati mingħajr jedd jew mitlufa;

(b) trejlers u karavans b'piż mhux mgħobbija ta' iktar minn 750 kg misruqa, ġew approprjati mingħajr jedd jew mitlufa;

(ċ) armi tan-nar misruqa, ġew approprjati mingħajr jedd jew mitlufa;

(d) dokumenti uffiċjali vojta misruqa, ġew approprjati mingħajr jedd jew mitlufa;

(e) karti ta' l-identità maħruġa (passaporti, karti ta' l-identità, liċenzi tas-sewqan) misruqa, ġew approprjati mingħajr jedd jew mitlufa;

(f) Flus karti (flus suspettużi).

Artikolu 101

1. Aċċess għall-informazzjoni mdaħħla fis-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen u d-dritt li tiġi mfittxa din l-informazzjoni direttament għandu jkun riservat esklussivament għall-awtoritajiet responsabbli għal:

(a) kontrolli fil-fruntiera;

(b) kontrolli oħrajn tal-pulizija u tad-dwana mwettqa fil-pajjiż, u l-kordinazzjoni ta' dawn il-kontrolli.

2. Barra minn hekk, aċċess għall-informazzjoni mdaħħla skond l-Artikolu 96 u d-dritt sabiex din l-informazzjoni tiġi mfittxa direttament jista' jiġi eserċitat mill-awtoritajiet responsabbli għall-ħruġ ta' viżas, l-awtoritajiet ċentrali responsabbli għall-eżaminazzjoni ta' applikazzjonijiet għal viżas u l-awtoritajiet responsabbli għall-ħruġ ta' permessi ta' residenza u għall-amministrazzjoni ta' leġislazzjoni dwar aljeni fil-kuntest ta' l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' din il-Konvenzjoni li għandhom x'jaqsmu mal-moviment ta' persuni. Aċċess għall-informazzjoni għandu jkun regolat mill-liġi nazzjonali ta' kull Parti Kontraenti.

3. L-utenti jistgħu jfittxu biss informazzjoni li meħtieġa għall-qadi ta' dmirijiethom.

4. Kull Parti Kontraenti għandha tibgħat lill-Kumitat Eżekuttiv lista' ta' awtoritajiet kompetenti li huma awtorizzati biex ifittxu l-informazzjoni li tinsab fis-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen direttament. Dik il-lista għandha tispeċifika, għal kull awtorità, liema informazzjoni tista' tfittex u għal liema għanijiet.

KAPITOLU 3

ĦARSIEN TA' INFORMAZZJONI PERSONALI U S-SIGURTÀ TA' INFORMAZZJONI FIS-SISTEMA TA' INFORMAZZJONI TA' SCHENGEN

Artikolu 102

1. Il-Partijiet Kontraenti jistgħu jużaw l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 95 sa 100 biss għall-għanijiet stipulati għal kull kategorija ta' twissija msemmija f'dawk l-Artikoli.

2. L-informazzjoni tista' tiġi kkuppjata għal għanijiet tekniċi biss, sakemm dan l-ikkuppjar ikun meħtieġ sabiex l-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 101 iwettqu tfittxija diretta. Twissijiet maħruġa minn Partijiet Kontraenti oħrajn ma jistgħux jiġu ikkuppjati mis-sezzjoni nazzjonali tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen f'fajls ta' informazzjoni nazzjonali oħrajn.

3. Fir-rigward tat-twissijiet stipulati fl-Artikoli 95 sa 100 ta' din il-Konvenzjoni, kull deroga mill-paragrafu 1 sabiex issir bidla minn kategorija waħda ta' twissija għal oħra trid tiġi ġustifikata mill-ħtieġa li tiġi evitata theddida imminenti serja għall-politika pubblika u għas-sigurtà pubblika, għal raġunijiet serji ta' sigurtà nazzjonali jew sabiex jiġu evitati reati kriminali serji. Awtorizzazzjoni minn qabel mill-Parti Kontraenti li toħroġ it-twissija trid tinkiseb għal dan il-għan.

4. L-informazzjoni ma tistax tintuża għal għanijiet amministrattivi. Bħala eċċezzjoni, informazzjoni li tiddaħħal taħt l-Artikolu 96 tista' tintuża skond il-liġi nazzjonali ta' kull Parti Kontraenti għall-għanijiet ta' l-Artikolu 101(2) biss.

5. Kull użu ta' informazzjoni li ma tikkonformax mal-paragrafi 1 sa 4 għandu jitqies bħala użu ħażin taħt il-liġi nazzjonali ta' kull Parti Kontraenti.

Artikolu 103

Kull Parti Kontraenti għandha tagħmel ċert li, bħala medja, kull għaxar trasmissjoni ta' informazzjoni personali tiġi reġistrata fis-sezzjoni nazzjonali tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen mill-awtorità ta' amministrazzjoni ta' fajls ta' informazzjoni sabiex jiġi kontrollat jekk it-tfittxija hijiex ammissibbli jew le. Ir-rekord jista' jintuża biss għal dan l-għan u għandu jitħassar wara sitt xhur.

Artikolu 104

1. It-twissijiet għandhom jiġu regolati mill-liġi nazzjonali tal-Parti Kontraenti li toħroġ it-twissija, ħlief jekk din il-Konvenzjoni tistipula kondizzjonijiet iktar strinġenti.

2. Sa fejn din il-Konvenzjoni ma' tipprovdix dispożizzjonijiet speċifiċi, il-liġi ta' kull Parti Kontraenti għandha tapplika għal informazzjoni mdaħħla fis-sezzjoni nazzjonali tagħha tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen.

3. Sa fejn din il-Konvenzjoni ma tistipulax dispożizzjonijiet speċifiċi dwar it-twettiq ta' l-azzjoni mitluba fit-twissija, il-liġi nazzjonali tal-Parti Kontraenti li ssirilha talba u li twettaq l-azzjoni għandha tapplika. Sa fejn din il-Konvenzjoni tistipula dispożizzjonijiet speċifiċi li jirrigwardaw it-twettiq ta' l-azzjoni mitluba fit-twissija, ir-responsabbilità għal dik l-azzjoni għandha tiġi irregolata mill-liġi nazzjonali tal-Parti Kontraenti li ssirilha talba. Jekk l-azzjoni mitluba ma tkunx tista' tiġi mwettqa, il-Parti Kontraenti li ssirilha talba għandha tinforma immedjatament lill-Parti Kontraenti li toħroġ it-twissija.

Artikolu 105

Il-Parti Kontraenti li toħroġ it-twissija għandha tkun responsabbli sabiex tagħmel ċert li l-informazzjoni mdaħħla fis-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen tkun korretta, aġġornata u legali.

Artikolu 106

1. Il-Parti Kontraenti li toħroġ it-twissija biss għandha tkun awtorizzata biex timmodifika, iżżid, tikkoreġi jew tħassar informazzjoni li tkun daħħlet.

2. Jekk waħda mill-Partijiet Kontraenti li ma tkunx ħarġet it-twissija jkollha evidenza li tissuġġerixxi li xi biċċa informazzjoni hija fattwalment inkorretta jew ġiet maħżuna llegalment, hija għandha tavża lill-Parti Kontraenti li tkun sejra toħroġ it-twissija dwar dan kemm jista' jkun malajr; din ta' l-aħħar hija obbligata li tikkontrolla l-komunikazzjoni u, jekk meħtieġ, li tikkoreġi jew tħassar il-biċċa informazzjoni in kwestjoni minnufih.

3. Jekk il-Partijiet Kontraenti ma jkunux kapaċi jaslu għal ftehim, il-Parti Kontraenti li ma tkunx ħarġet it-twissija għandha tissottometti l-każ lill-awtorità ta' sorveljanza konġunta msemmija fl-Artikolu 115(1) għall-opinjoni tagħha.

Artikolu 107

Meta persuna tkun diġa soġġetta għal twissija fis-Sistema ta' Inforazzjoni ta' Schengen, Parti Kontraenti li ddaħħal twissija oħra għandha tasal għal ftehim, malli tiddaħħal it-twissija, mal-Parti Kontraenti li tkun daħħlet l-ewwel twissija.. Il-Partijiet Kontraenti jistgħu ukoll jagħmlu xi dispożizzjonijiet ġenerali għal dawn il-finijiet.

Artikolu 108

1. Kull Parti Kontraenti għandha tinnomina awtorità li għandha responsabbilità ċentrali għas-sezzjoni nazzjonali tagħha tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen.

2. Kull Parti Kontraenti għandha toħroġ it-twissijiet tagħha permess ta' dik l-awtorità.

3. L-imsemmija awtorità hija responsabbli għall-ħidma mingħajr skossi tas-sezzjoni nazzjonali tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen u għandha tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tagħmel ċert li jitħarsu d-dispożizzjonijiet ta' din il-Konvenzjoni.

4. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jinfurmaw lil xulxin, permezz tad-depositarju, dwar l-awtorità msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 109

1. Id-dritt ta' persuni li jkollhom aċċess għal informazzjoni mdaħħla fis-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen li għandha x'taqsam magħhom għandu jiġi eserċitat skond il-liġi tal-Parti Kontraenti li quddiema jinvokaw dak id-dritt. Jekk il-liġi nazzjonali tipprovdi hekk, l-awtorità ta' sorveljanza nazzjonali msemmija fl-Artikolu 114(1) għandha tiddeċiedi jekk l-informazzjoni għandhiex tiġi komunikata u permezz ta' liema proċeduri. Parti Kontraenti li ma tkunx ħarġet it-twissija tista' tikkomunika informazzjoni li tirrigwarda din l-informazzjoni biss jekk tkun tat lill-Parti Kontraenti li toħroġ it-twissija opportunità minn qabel sabiex tistqarr il-pożizzjoni tagħha.

2. Il-komunikazzjoni ta' informazzjoni għandha tiġi miċħuda jekk dan ikun indispensabbli għat-twettiq ta' inkarigu legali in konnessjoni mat-twissija jew għall-ħarsien tad-drittijiet u tal-libertajiet ta' Partijiet terzi. F'kull każ, għandha tiġi miċħuda matul il-perjodu ta' validità ta' twissija għall-għanijiet ta' sorveljanza diskreta.

Artikolu 110

Kwalunkwe persuna tista' ġġiegħel li informazzjoni fil-konfront tagħha li fattwalment m'hijiex korretta tiġi korretta jew li informazzjoni maħżuna illegalment titħassar.

Artikolu 111

1. Kull persuna tista', fit-territorju ta' kull Parti Kontraenti, iġġib quddiem il-qrati jew l-awtorità kompetenti taħt il-liġi nazzjonali azzjoni sabiex tiġi ikkoreġuta, imħassra jew miksuba informazzjoni jew sabiex jinkiseb kumpens marbut ma' twissija li tinvolvi lilhom.

2. Il-Partijiet Kontraenti jimpenjaw ruħhom li jinfurzaw reċiprokament deċiżjonijiet finali meħuda mill-qrati jew mill-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 1, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 116.

Artikolu 112

1. Informazzjoni personali mdaħħla fis-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen sabiex jiġu ntraċċati persuni għandha tinżamm biss għaż-żmien meħtieġ sabiex jiġu sodisfatti l-għanijiet li għalihom ġiet provduta. Il-Parti Kontraenti li tkun ħarġet it-twissija trid tirrevedi l-ħtieġa għaż-żamma kontinwa ta' din l-informazzjoni mhux iktar tard minn tliet snin wara li tiddaħħal. Il-perjodu għandu jkun ta' sena fil-każ tat-twissijiet imsemmija fl-Artikolu 99.

2. Kull Parti Kontraenti għandha, fejn xieraq, tiffissa perjodu ta' reviżjoni iqsar skond il-liġi nazzjonali tagħha.

3. Il-funzjoni ta' appoġġ tekniku tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen għandha awtomatikament tinforma lill-Partijiet Kontraenti dwar it-tneħħija skedata ta' informazzjoni mis-sistema, xahar bil-quddiem.

4. Il-Parti Kontraenti li toħroġ it-twissija tista', waqt il-perjodu ta' reviżjoni, tiddeċiedi li żżomm it-twissija jekk dan jirriżulta li jinħtieġ għall-għanijiet li għalihom kienet inħarġet it-twissija. Kull estenjoni tat-twissija trid tiġi komunikata lill-funzjoni ta' appoġġ tekniku. Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 għandhom japplikaw għat-twissija estiża.

Artikolu 113

1. Informazzjoni apparti minn dik imsemmija fl-Artikolu 112 għandha tinżamm għal massimu ta' 10 snin, data dwar karti ta' identità maħruġa u flus karti dubjużi għal massimu ta' ħames snin, u informazzjoni dwar vetturi bil-mutur, trejlers u karavans għal massimu ta' tliet snin.

2. Informazzjoni li tkun tħassret għandha tinżamm għal sena fil-funzjoni ta' sostenn tekniku. Matul dak il-perjodu jistgħu jiġu konsultati biss għal kontroll sussegwenti li jirrigwarda jekk humiex korretti u jekk l-informazzjoni iddaħħlietx skond il-liġi. Wara jridu jinqerdu.

Artikolu 114

1. Kull Parti Kontraenti għandha tinnomina awtorità ta' sorveljanza responsabbli skond il-liġi nazzjonali għat-twettiq ta' sorveljanza indipendenti tal-fajl ta' informazzjoni tas-sezzjoni nazzjonali tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen, u sabiex jiġi kontrollat li l-ipproċessar u l-użu ta' informazzjoni mdaħħla fis-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen ma jiksrux id-drittijiet tas-suġġett ta' l-informazzjoni. Għal dan l-għan, l-awtorità ta' sorveljanza għandu jkollha aċċess għall-fajl ta' informazzjoni tas-sezzjoni nazzjonali tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen.

2. Kull persuna għandu jkollha d-dritt li ssaqsi lill-awtoritajiet ta' sorveljanza sabiex jikkontrollaw informazzjoni mdaħħla fis-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen li tirrigwarda lilha u l-użu li sar minn din l-informazzjoni.. Dan id-dritt għandu jiġi rregolat mill-liġi nazzjonali tal-Parti Kontraenti li ssirilha t-talba. Jekk l-informazzjoni tkun iddaħħlet minn Parti Kontraenti oħra, il-kontroll għandu jitwettaq f'koordinazzjoni mil-viċin ma' l-awtorità ta' sorveljanza ta' dik il-Parti Kontraenti.

Artikolu 115

1. Għandha titwaqqaf awtorità ta' sorveljanza konġunta u din għandha tkun responsabbli sabiex tissorvelja l-funzjoni ta' appoġġ tekniku tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen. Din l-awtorità għandha tikkonsisti f'żewġ rappreżentanti minn kull awtorità ta' sorveljanza nazzjonali. Kull Parti Kontraenti għandu jkollha vot wieħed. Is-sorveljanza għandha ssir skond id-dispożizzjonijiet ta' din il-Konvenzjoni, il-Konvenzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa tat-28 ta' Jannar 1981 għall-Ħarsien ta' Individwi fir-rigward ta' l-Iproċessar Awtomatiku ta' Informazzjoni Personali, wara li tiġi kunsidrata r-rakkomandazzjoni Nru R (87) 15 ta' l-17 ta' Settembru 1987 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill ta' l-Ewropa li tirregola l-użu ta' informazzjoni personali fis-settur tal-pulizija, u skond il-liġi nazzjonali tal-Parti Kontraenti responsabbli għall-funzjoni ta' appoġġ tekniku.

2. Fir-rigward tal-funzjoni ta' appoġġ tekniku tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen, l-awtorità ta' sorveljanza konġunta għandu jkollha l-inkarigu li tikkontrolla li d-dispożizzjonijiet ta' din il-Konvenzjoni jiġu implimentati b'mod korrett. Għal dak il-għan, hija għandha jkollha għall-funzjoni ta' appoġġ tekniku.

3. L-awtorità ta' sorveljanza konġunta għandha tkun responsabbli wkoll sabiex teżamina kull diffikulta ta' applikazzjoni jew ta' implimentazzjoni li tista' tinqala' waqt il-ħidma tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen, sabiex tistudja kull problema li tista' tinqala' mingħajr l-eżerċizzju ta' sorveljanza indipendenti mill-awtoritajiet ta' sorveljanza nazzjonali tal-Partijiet Kontraenti jew fl-eżerċizju tad-dritt ta' aċċess għas-sistema, u sabiex jiġu abbozzati proposti armonizzati ta' soluzzjonijiet konġunti għal problemi eżistenti.

4. Rapporti mħejjija mill-awtorità ta' sorveljanza konġunta għandhom jiġu sottomessi lill-istess awtoritajiet fejn l-awtoritajiet ta' sorveljanza nazzjonali jissottomettu r-rapporti tagħhom.

Artikolu 116

1. Kull Parti Kontraenti hija responsabbli taħt il-liġi nazzjonali tagħha għal kull ħsara kkawżata lil xi persuna minħabba l-użu tal-fajl ta' informazzjoni nazzjonali tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen. Dan għandu japplika wkoll għal ħsara kkawżata mill-Parti Kontraenti li tkun ħarġet it-twissija, meta din ta' l-aħħar tkun daħħlet informazzjoni li fattwalment m'hijiex korretta jew tkun ħażnet informazzjoni b'mod li huwa kontra l-liġi.

2. Jekk il-Parti Kontraenti li kontrieha tinġieb azzjoni ma tkunx il-Parti Kontraenti li toħroġ it-twissija, din ta' l-aħħar hija meħtieġa li tagħti lura, fuq talba, is-somom mħallsa bħala kumpens, ħlief jekk l-informazzjoni tkun intużat mill-parti Kontraenti li ssirilha t-talba bi ksur ta' din il-Konvenzjoni.

Artikolu 117

1. Fir-rigward ta' l-ipproċessar awtomatiku ta' informazzjoni personali komunikata taħt dan it-Titolu, kull parti Kontraenti għandha, sa mhux iktar tard mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din il-Konvenzjoni, tadotta d-dispożizzjonijiet nazzjonali meħtieġa sabiex jinkiseb livell ta' protezzjoni ta' informazzjoni personali ta' mill-inqas daqs dak li jirriżulta mill-prinċipji stipulati fil-Konvenzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa dwar il-Ħarsien ta' Individwi fir-rigward ta' l-Ipproċessar Awtomatiku ta' Informazzjoni Personali tat-28 ta Jannar 1981 u skond ir-Rakkomandazzjoni Nru R (87) 15 ta' l-17 ta' Settembru 1987 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill ta' l-Ewropa li tirregola l-użu ta' informazzjoni personali fis-settur tal-pulizija.

2. Il-komunikazzjoni ta' informazzjoni personali msemmija f'dan it-Titolu ma tistax isseħħ qabel ma jkunu daħlu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet għall-ħarsien ta' informazzjoni personali msemmija fil-paragrafu 1, fit-territorji tal-Partijiet Kontraenti nvoluti f'din il-Komunikazzjoni.

Artikolu 118

1. Kull Parti Kontraenti timpenja ruħha, fir-rigward tas-sezzjoni nazzjonali tagħha tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen, li tadotta l-miżuri meħtieġa sabiex:

(a) tiċħad aċċess lil persuni mhux awtorizzati għal apparat li jipproċessa l-informazzjoni użat għall-ipproċessar ta' informazzjoni personali (kontroll ta' aċċess għall-apparat);

(b) tipprevjeni l-qari, l-ikkuppjar, il-modifika jew it-tneħħija mingħajr awtorizzazzjoni ta' medja ta' informazzjoni (kontroll ta' medja ta' informazzjoni);

(ċ) tipprevjeni l-input mingħajr awtorizzazzjoni ta' informazzjoni u l-ispezzjoni, il-modifika jew it-tħassir mingħajr awtorizzazzjoni ta' informazzjoni personali maħżuna (kontroll ta' ħażna);

(d) tipprevjeni l-użu ta' sistemi awtomatiċi ta' l-ipproċessar ta' informazzjoni minn persuni mhux awtorizzati li jużaw apparat għall-komunikazzjoni ta' informazzjoni (kontroll fuq utenti);

(e) tagħmel ċert li persuni li huma awtorizzati biex jużaw sistema awtomatika ta' proċessar ta' informazzjoni ikollhom aċċess biss għall-informazzjoni koperta mill-awtorizzazzjoni għall-aċċess tagħhom (kontroll fuq aċċess għall-informazzjoni);

(f) tassigura li jkun possibbli li jiġi verifikat u stabbilit lill-liema organi tista' tiġi trasmessa informazzjoni personali permezz ta' apparat ta' komunikazzjoni ta' informazzjoni (kontroll ta' trasmissjoni);

(g) tassigura li sussegwentement ikun possibbli li wieħed jivverifika u jistabilixxi liema informazzjoni personali ġiet imdaħħla fis-sistemi awtomatiċi ta' proċessar ta' informazzjoni u meta u minn min ġiet imdaħħla din l-informazzjoni (kontroll ta' input);

(h) tipprevjeni il-qari, l-ikkuppjar, il-modifika jew it-tħassir mingħajr awtorizzazzjoni ta' informazzjoni personali waqt trasferimenti ta' informazzjoni personali jew waqt it-trasport ta' medja ta' informazzjoni (kontroll ta' trasport).

2. Kull Parti Kontraenti trid tieħu miżuri speċjali sabiex tagħmel ċert li l-informazzjoni tkun imħarsa waqt li tkun qiegħda tiġi komunikata lejn servizzi li jinsabu barra t-territorji tal-Partijiet Kontraenti. Dawn il-miżuri jrid jiġu notifikati lill-awtorità ta' sorveljanza konġunta.

3. Għall-ipproċessar ta' informazzjoni fis-sezzjoni nazzjonali tagħha tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen, kull Parti Kontraenti tista' tappunta biss persuni speċjalment kwalifikati li jkunu għaddew minn kontrolli ta' sigurtà.

4. Il-Parti Kontraenti responsabbli għall-funzjoni ta' appoġġ tekniku tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen għandha tadotta l-miżuri stipulati fil-paragrafi 1 sa 3 fir-rigward ta' dik il-funzjoni.

KAPITOLU 4

TQASSIM TA' L-ISPEJJEŻ TAS-SISTEMA TA' INFORMAZZJONI TA' SCHENGEN

Artikolu 119

1. L-ispejjeż ta' l-installazzjoni u tat-tħaddim tal-funzjoni ta' appoġġ tekniku msemmija fl-Artikolu 92(3), inklużi l-ispejjeż ta' linji li jikkonnettjaw is-sezzjonijiet nazzjonali tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen mal-funzjoni ta' appoġġ tekniku, għandhom jitħallsu b'mod indaqs mill-Partijiet Kontraenti. Is-sehem ta' kull Parti Kontraenti għandu jiġi determinat fuq il-bażi tar-rata għal kull Parti Kontraenti, applikata għall-bażi ta' evalwazzjoni uniformi ta' taxxa fuq valur miżjud skond, it-tifsira ta' l-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-Komunitajiet Ewropej ta' l-24 ta' Ġunju 1988 dwar is-sistema tar-risorsi tal-Komunità stess.

2. L-ispejjeż ta' installazzjoni u ta' tħaddim tas-sezzjoni nazzjonali tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen għandhom jitħallsu minn kull Parti Kontraenti individwalment.

TITOLU V

TRASPORT U MOVIMENT TA' OĠĠETTI

Artikolu 120

1. Il-Partijiet Kontraenti għandhom flimkien jaċċertaw li l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tagħhom ma jimpedux mingħajr ġustifikazzjoni l-moviment ta' oġġetti fuq il-fruntieri interni.

2. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jiffaċilitaw il-moviment ta' oġġetti fil-fruntieri interni billi jwettqu formalitajiet li għandhom x'jaqsmu ma' projbizzjonijiet u restrizzjonijiet meta oġġetti jinħelsu mid-dwana għal użu domestiku. Clearance mid-dwana bħal dan jista', fuq diskrezzjoni tal-Parti konċernata, jsir jew fil-pajjiż jew fuq il-fruntieri interni. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jippruvaw jinkoraġġixxu ħelsien tad-dwana fil-pajjiż.

3. Jekk ma jkunx possibbli f'ċerta oqsma li jinkisbu s-simplifikazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2 totalment jew parzjalment, il-Partijiet Kontraenti għandhom jippruvaw jew joħolqu l-kondizzjonijiet għal dan bejniethom stess, jew li jagħmlu dan fil-qafas tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan il-paragrafu għandu japplika b'mod partikolari għas-sorveljanza tal-ħarsien tar-regoli dwar permessi ta' trasport kummerċjali, għal kemm huma tajbin għal fuq it-triq ċerti mezzi tat-trasport, għal kontrolli veterinarji u kontrolli tas-saħħa ta' l-annimali, għal kontroll veterinarju dwar saħħa u iġene, inklużi spezzjonijiet ta' laħam, għal spezzjonijiet tas-saħħa ta' pjanti u għal sorveljanza tat-trasportazzjoni ta' oġġetti perikolużi u skart perikoluż.

4. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jaħdmu biex jarmonizzaw il-formalitajiet li jirregolaw il-moviment ta' oġġetti fil-fruntieri esterni u sabiex jissorveljaw il-ħarsien ta' dawn skond prinċipji uniformi. Il-Partijiet Kontraenti għandhom, għal dan il-għan, jaħdmu mill-viċin flimkien fi ħdan il-Kumitat Eżekuttiv fil-qafas tal-Komunitajiet Ewropej u fora internazzjonali oħrajn.

Artikolu 121

1. Skond il-liġi Komunitarja, il-Partijiet Kontraenti għandhom jirrinunzjaw, għal ċerti tipi ta' pjanti u prodotti magħmula minn pjanti, l-ispezzjonijiet ta' saħħa tal-pjanti u l-preżentazzjoni ta' ċertifikati ta' saħħa tal-pjanti meħtieġa taħt il-liġi Komunitarja.

Il-Kumitat Eżekuttiv għandu jadotta l-lista ta' pjanti u ta' prodotti ta' pjanti li għalihom għandha tapplika s-simplifikazzjoni speċifikata fl-ewwel subparagrafu. Huwa jista' jemenda din il-lista u għandu jiffisa d-data tad-dħul fis-seħħ għal dawn l-emendi. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jinfurmaw lil xulxin dwar il-miżuri meħuda.

2. Jekk ikun hemm il-periklu li jiddaħħlu jew jitkattru xi organismi perikolużi, Parti Kontraenti tista' titlob li jerġgħu jiddaħħlu temporanjament il-miżuri ta' kontroll stipulati fil-liġi Komunitarja u tista' timplimenta dawk il-miżuri. Hija għandha immedjatament tinforma lill-Partijiet Kontraenti l-oħrajn dwar dan bil-miktub, u għandha tagħti raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha.

3. Ċertifikati ta' saħħa tal-pjanti jistgħu jkomplu jintużaw bħala ċ-ċertifikat meħtieġ taħt il-liġi dwar il-ħarsien ta' speċji.

4. L-awtorità kompetenti għandha, fuq talba, toħroġ ċertifikat ta' saħħa tal-pjanti meta konsenja tkun intenzjonata, totalment jew parzjalment, għar-ri-esportazzjoni sakemm ir-ħtiġijiet ta' saħħa għall-pjanti jkunu sodisfatti għall-pjanti jew għall-prodotti tal-pjanti konċernati.

Artikolu 122

1. Il-Partijiet Kontraenti għandhom iżidu l-koperazzjoni tagħhom bil-għan li jassiguraw li t-trasportazzjoni ta' oġġetti perikolużi jkun salv, u jimpenjaw ruħhom li jarmonizzaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom adottati taħt il-Konvenzjonijiet internazzjonali fis-seħħ. Barra minn hekk, huma jimpenjaw ruħhom, partikolarment bil-għan li jżommu l-livell eżistenti ta' sigurtà, li:

(a) jarmonizzaw il-ħtieġa tagħhom fir-rigward tal-kwalifiki professjonali tas-sewwieqa;

(b) jarmonizzaw il-proċeduri u l-intensità tal-kontrolli mwettqa waqt it-trasportazzjoni u fi ħdan l-intrapriżi;

(ċ) jarmonizzaw il-klassifikazzjoni ta' reati u d-dispożizzjonijiet legali li jirrigwardaw il-penalitajiet relevanti:

(d) jagħmlu ċert li jkun hemm skambju permanenti ta' informazzjoni u esperjenza fir-rigward tal-miżuri implimentati u l-kontrolli mwettqa.

2. Il-Partijiet Kontraenti għandhom iżidu l-koperazzjoni tagħhom bil-għan li jsiru kontrolli fuq it-trasferiment ta' skart perikoluż u mhux perikoluż fil-fruntieri interni.

Għal dan il-għan, huma għandhom jaħdmu biex jadottaw pożizzjoni komuni fir-rigward ta' l-emenda tad-Direttivi Komunitarji dwar is-sorveljanza u l-amministrazzjoni ta' trasferimenti ta' skart mhux perikoluż, bil-għan li titwaqqaf struttura adegwata għad-dispożizzjoni tagħha u li jiġu introdotti standards dwar rimi ta' skart armonizzati fuq livell għoli.

Waqt li regoli Komunitarji dwar skart mhux perikoluż ikunu għadhom pendenti, kontrolli dwar trasferimenti ta' skart ta' dan it-tip għandhom isiru fuq il-bażi ta' proċedura speċjali, li permezz tagħha t-trasferimenti jistgħu jiġu kontrollati fil-punt ta' destinazzjoni waqt il-proċeduri ta' clearance.

It-tieni sentenza tal-paragrafu 1 għandha tapplika wkoll għal dan il-paragrafu.

Artikolu 123

1. Il-Partijiet Kontraenti jimpenjaw ruħhom li jikkonsultaw lil xulxin għall-għanijiet tat-tneħħija minn fosthom tal-ħtieġa preżenti li tintwera liċenza għall-esportazzjoni ta' prodotti u teknoloġiji industrijali strateġiċi, u li tinbidel din il-liċenza, jekk ikun meħtieġ, bi proċedura flessibbli f'każijiet fejn il-pajjiżi ta' l-ewwel u ta' l-aħħar destinazzjoni jkunu Partijiet Kontraenti.

Bla ħsara għal dawn il-konsultazzjonijiet, u sabiex tiġi garantita l-effikaċja ta' dawn il-kontrolli li jistgħu jirriżultaw li huma meħtieġa, il-Partijiet Kontraenti għandhom, billi jikkoperaw mill-viċin permess ta' mekkaniżmu ta' kordinazzjoni, jaħdmu sabiex ipartu informazzjoni relevanti, waqt li jagħtu importanza lill-liġi nazzjonali.

2. Fir-rigward ta' prodotti apparti minn prodotti strateġiċi industrijali u teknoloġiji msemmija fil-paragrafu 1, il-Partijiet Kontraenti għandhom jaħdmu, minn naħa waħda, sabiex il-formalitajiet ta' l-esportazzjoni jitwettqu fil-pajjiż u, minn naħa l-oħra, sabiex jarmonizzaw il-proċeduri ta' kontroll tagħhom.

3. Sabiex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, il-Partijiet Kontraenti għandhom jikkonsultaw lill-imsieħba l-oħra kkonċernati.

Artikolu 124

In-numru u l-intensità ta' kontrolli fuq oġġetti li jinġarru minn vjaġġaturi meta jaqsmu fruntieri interni għandhom jitnaqqsu għall-iktar livell baxx possibbli. It-tnaqqis ulterjuri u t-tneħħija finali ta' dawn il-kontrolli għandhom jiddependu fuq iż-żjieda bil-mod fil-konċessjonijiet ta' mingħajr dazju għall-vjaġġaturi u fuq l-iżviluppi futuri fir-regoli applikabbli għall-moviment minn fruntiera għall-oħra ta' vjaġġaturi.

Artikolu 125

1. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jikkonkludu arranġamenti dwar l-ispedizzjoni ta' uffiċjali ta' kollaborazzjoni mill-amministrazzjonijiet tad-dwana tagħhom.

2. L-ispedizzjoni ta' uffiċjali ta' kollaborazzjoni għandha jkollha l-għan ġenerali li tippromwovi u taċċelera koperazzjoni bejn il-Partijiet Kontraenti, b'mod partikolari taħt Konvenzjonijiet eżistenti u atti Komunitarji dwar assistenza reċiproka.

3. Ix-xogħol ta' l-uffiċjali ta' kollaborazzjoni għandu jkun li jagħtu pariri u li jipprovdu assistenza. M'għandhomx ikunu awtorizzati li jieħdu miżuri ta' amministrazzjoni ta' dwana fuq l-inizjattiva tagħhom stess. Huma għandhom jipprovdu informazzjoni u għandhom jaqdu d-doveri tagħhom skond l-istruzzjonijiet mogħtija lilhom mill-Parti Kontraenti li tibgħathom.

TITOLU VI

PROTEZZJONI TA' INFORMAZZJONI PERSONALI

Artikolu 126

1. Fir-rigward ta' l-ipproċessar awtomatiku ta' informazzjoni personali komunikata skond din il-Konvenzjoni, kull Parti Kontraenti għandha, sa mhux iktar tard mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din il-konvenzjoni, tadotta d-dispożizzjonijiet nazzjonali meħtieġa sabiex jintlaħaq livell ta' protezzjoni ta' informazzjoni personali ta' mill-inqas daqs dak li jirriżulta mill-Konvenzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa għall-Ħarsien ta' Individwi fir-rigward ta' l-Ipproċessar Awtomatiku ta' Informazzjoni personali tat-28 ta' Jannar 1981.

2. Il-komunikazzjoni ta' informazzjoni personali msemmija f'dan it-Titolu ma tistax isseħħ qabel ma jkunu daħlu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet għall-ħarsien ta' informazzjoni personali msemmija fil-paragrafu 1, fit-territorji tal-Partijiet Kontraenti involuti f'din il-komunikazzjoni.

3. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw għall-ipproċessar awtomatiku ta' informazzjoni personali komunikata taħt din il-Konvenzjoni:

(a) din l-informazzjoni tista' tintuża mill-Parti Kontraenti destinatarja biss għall-għanijiet li għalihom din il-Konvenzjoni tistipula li jistgħu jiġu komunikati; din l-informazzjoni tista' tintuża għal għanijiet oħrajn biss bl-awtorizzazzjoni minn qabel tal-Parti Kontraenti li tikkomunika l-informazzjoni u skond il-liġi tal-Parti Kontraenti destinatarja; din l-awtorizzazzjoni tista' tingħata sakemm dan ikun permess mil-liġi nazzjonali tal-Parti Kontraenti li tikkomunika l-informazzjoni;

(b) din l-inforazzjoni tista' tintuża biss mill-awtoritajiet ġudizzjarji u mid-dipartimenti u mill-awtoritajiet li jkunu qegħdin iwettqu inkarigi jew ikunu qegħdin jaqdu doveri konnessi ma' l-għanijiet msemmija fil-paragrafu (a);

(ċ) il-Parti Kontraenti li tikkomunika din l-informazzjoni għandha l-obbligu li tassigura li din tkun korretta; jekk hija ssib, jew fuq l-inizjattiva tagħha stess jew wara talba mingħand is-suġġett ta' l-informazzjoni, li ngħatat informazzjoni li m'hijiex korretta jew li mhux suppost ingħatat, il-Parti jew Partijiet Kontraenti destinatarji jridu jiġu nfurmati dwar dan minnufih; din jew dawn il-Parti jew Partijiet ta' l-aħħar għandhom l-obbligu li jikkoreġu jew li jeqirdu l-informazzjoni, jew li jindikaw li l-informazzjoni m'hijiex korretta jew li ġiet komunikata bi ksur tal-liġi;

(d) Parti Kontraenti ma tistax teċċepixxi li Parti Kontraenti oħra bagħtet informazzjoni mhux korretta, sabiex tevita responsabbilità taħt il-liġi nazzjonali tagħha fil-konfront ta' parti li saritilha l-ħsara; jekk jingħataw danni kontra l-Parti Kontraenti destinatarja minħabba l-użu minn naħa ta' din ta' l-aħħar ta' informazzjoni mibgħuta li m'hijiex korrettta, il-Parti Kontraenti li bagħtet l-informazzjoni għandha tagħmel rifużjoni sħiħa lill-Parti Kontraenti destinatarja ta' l-ammont imħallas bħala danni;

(e) it-trasmissjoni u r-riċeviment ta' informazzjoni personali jridu jiġu reġistrati kemm fil-fajl tas-sors ta' informazzjoni kif ukoll fil-fajl ta' informazzjoni fejn jiddaħħlu;

(f) l-awtorità ta' sorveljanza konġunta msemmija fl-Artikolu 115 tista', fuq talba ta' waħda mill-Partijiet Kontraenti, tagħti opinjoni dwar id-diffikultajiet li jinqalgħu waqt l-implimentazzjoni u l-interpretazzjoni ta' dan l-Artikolu.

4. Dan l-Artikolu m'għandux japplika għall-komunikazzjoni ta' informazzjoni msemmija taħt il-Kapitolu 7 tat-Titolu II u tat-Titolu IV. Il-Paragrafu 3 m'għandux japplika għall-komunikazzjoni ta' informazzjoni msemmija taħt il-Kapitoli 2 sa 5 tat-Titolu III.

Artikolu 127

1. Meta informazzjoni personali tiġi komunikata lil Parti Kontraenti oħra skond id-dispożizzjonijiet ta' din il-Konvenzjoni, l-Artikolu 126 għandu japplika għall-komunikazzjoni ta' informazzjoni minn fajl ta' informazzjoni mhux awtomatiku u għall-inklużjoni tagħhom f'fajl ta' informazzjoni ieħor mhux awtomatiku.

2. Meta, f'każijiet apparti minn dawk regolati mill-Artikolu 126(1), jew mill-paragrafu 1 ta' dan l-artikolu, informazzjoni personali tiġi komunikata lil Parti Kontraenti oħra skond din il-Konvenzjoni, l-Artikolu 126(3), bl-eċċezzjoni tas-subparagrafu (e), għandu japplika. Id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw ukoll:

(a) rekord bil-miktub tat-trasmissjoni u tar-riċeviment ta' informazzjoni personali; dan l-obbligu m'għandux japplika meta rekord ta' din ix-xorta ma jkunx meħtieġ minħabba l-użu ta' l-informazzjoni, b'mod partikolari jekk ma tintużax jew jekk tintuża biss għal ħin qasir;

(b) il-Parti Kontraenti destinatarja għandha tagħmel ċert, waqt l-użu ta' informazzjoni mibgħuta, li jkun hemm livell ta' protezzjoni ta' mill-inqas daqs dak stipulat fil-liġi nazzjonali tagħha għall-użu ta' informazzjoni simili;

(ċ) id-deċiżjoni li tirrigwarda jekk u taħt liema kondizzjonijiet is-suġġett ta' l-informazzjoni għandu, fuq talba tiegħu stess, jiġi provdut b'informazzjoni li tirrigwarda informazzjoni mibgħuta li tirrigwarda lilu, għandha tkun regolata mill-liġi nazzjonali tal-Parti Kontraenti li lejha kienet indirizzata t-talba.

3. Dan l-artikolu m'għandux japplika għall-komunikazzjoni ta' informazzjoni msemmija taħt il-Kapitolu 7 tat-Titolu II, Kapitoli 2 sa 5 tat-Titolu III, u tat-Titolu IV.

Artikolu 128

1. Il-komunikazzjoni ta' informazzjoni personali skond kif tipprovdi din il-Konvenzjoni ma tistax isseħħ qabel ma l-Partijiet Kontraenti nvoluti f'dik il-komunikazzjoni jkunu taw struzzjonijiet lil awtorità ta' sorveljanza nazzjonali sabiex tissorvelja b'mod indipendenti li l-ipproċessar ta' informazzjoni personali f'fajls ta' informazzjoni jikkonforma ma' l-Artikoli 126 u 127 u mad-dispożizzjonijiet adottati għall-implimentazzjoni tagħhom.

2. Meta Parti Kontraenti tkun, skond il-liġi nazzjonali tagħha, tat struzzjoni lil awtorità ta' sorveljanza sabiex tissorvelja b'mod indipendenti, f'qasam wieħed jew iżjed, il-konformità mad-dispożizzjonijiet dwar il-ħarsien ta' informazzjoni personali mhux imdaħħla f'fajl ta' informazzjoni, dik il-Parti Kontraenti għandha tagħti struzzjonijiet lill-istess awtorità sabiex din ta' l-aħħar tara li jinħarsu d-dispożizzjonijiet ta' dan it-Titolu fl-oqsma konċernati.

3. Dan l-Artikolu m'għandux japplika għall-komunikazzjoni ta' informazzjoni msemmija taħt il-Kapitolu 7 tat-Titolu II u l-Kapitoli 2 sa 5 tat-Titolu III.

Artikolu 129

Fir-rigward tal-komunikazzjoni ta' informazzjoni personali taħt il-Kapitolu 1 tat-Titolu III, il-Partijiet Kontraenti jimpenjaw ruħhom, bla ħsara għall-Artikoli 126 u 127, li jiksbu livell ta' protezzjoni ta' informazzjoni personali li jħares il-prinċipji tar-Rakkomandazzjoni Nru R (87) 15 ta' l-17 ta' Settembru 1987 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill ta' l-Ewropa li tirregola l-użu ta' informazzjoni personali fis-settur tal-pulizija. Barra minn hekk, fir-igward tal-komunikazzjoni ta' informazzjoni taħt l-Artikolu 46, id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

(a) l-informazzjoni tista' tintuża mill-Parti Kontraenti destinatarja biss għall-għanijiet indikati mill-Parti Kontraenti li tkun provdiet l-informazzjoni u b'mod konformi mal-kondizzjonijiet stipulati minn dik il-Parti Kontraenti;

(b) l-informazzjoni tista' tiġi komunikata lill-forzi u lill-awtoritajiet tal-pulizija biss; l-informazzjoni ma tistax tiġi komunikata lil awtoritajiet oħrajn mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-Parti Kontraenti li tkun provdietha;

(ċ) il-Parti Kontraenti destinatarja għandha, fuq talba, tinforma lill-Parti Kontraenti li tkun provdiet l-informazzjoni dwar l-użu li jkun sar mill-informazzjoni u dwar ir-riżultati miksuba b'dan il-mod.

Artikolu 130

Jekk informazzjoni personali tiġi komunikata permezz ta' uffiċjal ta' kollaborazzjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 47 jew fl-Artikolu 125, id-dispożizzjonijiet ta' dan it-titolu m'għandhomx japplikaw ħlief jekk l-uffiċjal ta' kollaborazzjoni jikkomunika din l-informazzjoni lill-Parti Kontraenti li tkun bagħtet lill-uffiċjal fit-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra.

TITOLU VII

KUMITAT EŻEKUTTIV

Artikolu 131

1. Għandu jkun stabbilit Kumitat Eżekuttiv bil-għan li tiġi implimentata din il-Konvenzjoni.

2. Bla ħsara għall-poteri speċjali mogħtija lilu minn din il-Konvenzjoni, id-dmir ġenerali tal-Kumitat Eżekuttiv għandu jkun li jassigura li din il-Konvenzjoni tiġi implimentata b'mod korrett.

Artikolu 132

1. Kull Parti Kontraenti għandha jkollha siġġu wieħed fuq il-Kumitat Eżekuttiv. Il-Partijiet Kontraenti għandhom ikunu rappreżentati fuq il-Kumitat minn Ministru responsabbli għall-implimentazzjoni ta' din il-konvenzjoni; dak il-Ministru jista', jekk ikun meħtieġ, jiġi assistit minn esperti, li jistgħu jipparteċipaw fid-deliberazzjonijiet.

2. Il-Kumitat Eżekuttiv għandu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu b'mod unanimu. Għandu jagħmel ir-regoli ta' proċedura tiegħu stess; f'dan ir-rigward jista' jesiġi li jkun hemm proċedura ta' teħid ta' deċiżjonijiet bil-miktub.

3. Fuq talba tar-rappreżentant ta' Parti Kontraenti, id-deċiżjoni finali dwar abbozz li fuqu jkun aġixxa l-Kumitat Eżekuttiv tista' tiġi posposta għal mhux iktar minn xahrejn mid-data tas-sottomissjoni ta' dak l-abbozz.

4. Il-Kumitat Eżekuttiv jista' jwaqqaf gruppi tax-xogħol komposti minn rappreżentanti ta' l-amministrazzjonijiet tal-Partijiet Kontraenti sabiex iħejju deċiżjonijiet jew sabiex jagħmlu xogħol ieħor.

Artikolu 133

Il-Kumitat Eżekuttiv għandu jiltaqa' fit-territorju ta' kull Parti Kontraenti, skond min ikun imissu. Għandu jiltaqa' spiss kemm meħtieġ sabiex ikun jista' jaqdi dimirijietu sew.

TITOLU VIII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 134

Id-dispożizzjonijiet ta' din il-Konvenzjoni għandhom japplikaw biss sa fejn dawn ikunu kompatibbli mal-liġi Komunitarja.

Artikolu 135

Id-dispożizzjonijiet ta' din il-Konvenzjoni għandhom japplikaw bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra dwar l-Istatus ta' Refuġjati tat-28 ta Lulju 1951, kif emendata mill-Protokoll ta' New York tal-31 ta' Jannar 1967.

Artikolu 136

1. Parti Kontraenti li jkun jidhrilha minn qabel li hemm ċans li sejra tidħol f'negozjati dwar kontrolli ta' fruntieri ma' Stat terz, għandha tinforma lill-Partijiet Kontraenti l-oħrajn dwar dan fil-waqt it-tajjeb.

2. Ebda Parti Kontraenti m'għandha tikkonkludi ma' Stat Terz wieħed jew iżjed xi ftehim li jissimplifika jew jneħħi kontrolli fil-fruntiera mingħajr ftehim minn qabel mal-Partijiet Kontraenti l-oħrajn, bla ħsara għad-dritt ta' l-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej sabiex jikkonkludu dawn it-tipi ta' ftehim konġuntament.

3. Il-Paragrafu 2 m'għandux japplika għal ebda ftehim dwar traffiku lokali fil-fruntiera, sakemm dawn id-diversi ftehim jikkonformaw ma' l-eċċezzjonijiet u ma' l-arranġamenti addottati taħt l-Artikolu 3(1).

Artikolu 137

Ma jistgħux isiru riservi għal din il-Konvenzjoni, ħlief għal dawk imsemmija fl-Artikolu 60.

Artikolu 138

Fir-rigward tar-Repubblika Franċiża, id-dispożizzjonijiet ta' din il-Konvenzjoni għandhom japplikaw biss għat-territorju Ewropew tar-Repubblika Franċiża.

Fir-rigward tar-Renju ta' l-Olanda, id-dispożizzjonijiet ta' din il-Konvenzjoni għandhom japplikaw biss għat-territorju tar-Renju fl-Ewropa.

Artikolu 139

1. Din il-Konvenzjoni għandha tkun soġġetta għal ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni. L-istrumenti ta' ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni għandhom jiġu depositati mal-Gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, li għandu jinnotifika lill-Partijiet Kontraenti kollha dwar dan.

2. Din il-Konvenzjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data ta' depositu ta' l-aħħar strument ta' ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni. Id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw it-twaqqif, l-attivitajiet u l-poteri tal-Kumitat Eżekuttiv għandhom japplikaw mid-dħul fis-seħħ ta' din il-Konvenzjoni. Id-dispożizzjonijiet l-oħrajn għandhom japplikaw mill-ewwel jum tat-tielet xahar wara dik tad-dħul fis-seħħ ta' din il-Konvenzjoni.

3. Il-Gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu għandu jinnotifika lil kull waħda mill-Partijiet Kontraenti dwar id-data tad-dħul fis-seħħ.

Artikolu 140

1. Kull Stat Membru tal-Komunitajiet Ewropej jista' jsir Parti għal din il-Konvenzjoni. L-isħubija għandha tkun soġġetta għal ftehim bejn dak l-Istat u l-Partijiet Kontraenti.

2. Ftehim ta' din ix-xorta għandu jkun soġġett għal ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni mill-Istat li jkun qiegħed jissieħeb u minn kull waħda mill-Partijiet Kontraenti. Għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data ta' depositu ta' l-istrument finali ta' ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni.

Artikolu 141

1. Kwalunkwe Parti Kontraenti tista' tissottometti lid-depositarju proposta sabiex tiġi emendata din il-Konvenzjoni. Id-depositarju għandu jgħadddi din il-proposta lill-Partijiet Kontraenti l-oħra. Fuq talba ta' Parti Kontraenti waħda, il-Partijiet Kontraenti għandhom jerġgħu jeżaminaw id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni jekk, fl-opinjoni tagħhom, kien hemm bidla fundamentali fil-kondizzjonijiet prevalenti meta l-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ.

2. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jadottaw emendi għal din il-Konvenzjoni b'kunsens komuni.

3. L-emendi għandhom jidħlu fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data ta' depositu ta' l-aħħar strument ta' ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni.

Artikolu 142

1. Meta jiġu konklużi Konvenzjonijiet bejn l-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej bil-għan li tinkiseb żona mingħajr fruntieri interni, il-Partijiet Kontraenti għandhom jiftiehmu dwar il-kondizzjonijiet li taħthom id-dispożizzjonijiet ta' din il-Konvenzjoni għandhom jinbidlu jew ikunu emendati fid-dawl tad-dispożizzjonijiet relattivi ta' Konvenzjonijiet bħal dawn.

Il-Partijiet Kontraenti għandhom, għal dawn il-finijiet, jikkunsidraw il-fatt li d-dispożizzjonijiet ta' din il-Konvenzjoni jistgħu jipprovdu għal koperazzjoni iktar estensiva minn dik li tirrisulta mid-dispożizzjonijiet ta' l-imsemmija Konvenzjonijiet.

Dispożizzjonijiet li jmorru kontra dawk li dwarhom ikun hemm ftehim bejn l-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej għandhom f'kull każ jiġu addattati.

2. Emendi għal din il-Konvenzjoni li jitqiesu li huma meħtieġa mill-Partijiet Kontraenti għandhom ikunu soġġetti għal ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni. Id-dispożizzjoni li tinsab fl-Artikolu 141(3) għandha tapplika bil-patt li l-emendi ma jidħlux fis-seħħ qabel ma l-imsemmija Konvenzjonijiet bejn l-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej jidħlu fis-seħħ.

Bħala xhieda ta' dan, dawk hawn taħt iffirmato, li huma awtorizzati għal dan il-għan, iffirmaw hawn taħt.

Magħmul f'Schengen, f'dan id-dsatax-il jum ta' Ġunju fis-sena elf disa' mija u disgħin, f'oriġinal wieħed bl-Olandiż, Franċiż, u Ġermaniż, li t-tliet testi huma awtentiċi indaqs, u dan l-oriġinal għandu jibqa' depositat fl-arkivji tal-Gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, li għandu jitrasmetti kopja ċertifikata lil kull waħda mill-Partijiet Kontraenti.

Għall-Gvern tar-Renju tal-Belġju,

+++++ TIFF +++++

Għall-Gvern tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja

+++++ TIFF +++++

Għall-Gvern tar-Repubblika Franċiża

+++++ TIFF +++++

Għall-Gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu

+++++ TIFF +++++

Għall-Gvern tar-Renju ta' l-Olanda,

+++++ TIFF +++++

[1] Konvenzjoni Unika dwar Drogi Narkotiċi ta' l-1961, kif emendata mill-protokoll ta' l-1972 li jemenda l-Konvenzjoni unika dwar Drogi Narkotiċi ta' l-1961; il-Konvenzjoni ta' l-1971 dwar Sustanzi Psikotropiċi; Il-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda kontra it-traffikar Illeċitu ta' Drogi Narkotiċi u Sustanzi Psikotropiċi ta' l-20 ta' Diċembru 1988.

--------------------------------------------------

ATT FINALI

Fil-mument tal-firma tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen ta' l-14 ta' Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet ta' l-Istati ta' l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta' kontrolli fuq il-fruntieri komuni tagħhom, iffirmata f'Schengen fid-19 ta' Ġunju 1990,

1. Dikjarazzjoni konġunta dwar l-Artikolu 139

L-Istati Firmatarji għandhom, qabel id-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni, jinfurmaw lil xulxin dwar iċ-ċirkostanzi kollha li jista' jkollhom effett sinifikanti fuq l-oqsma li jaqgħu taħt il-Konvenzjoni u d-dħul fis-seħħ tagħhom.

Din il-Konvenzjoni m'għandhiex tiddaħħal fis-seħħ sakemm il-prekondizzjonijiet għall-implimentazzjoni tagħha jkunu ġew sodisfatti fl-Istati Firmatarji u l-kontrolli f il-fruntieri esterni jkunu effettivi.

2. Dikjarazzjoni konġunta dwar l-Artikolu 4

Il-Partijiet Kontraenti jimpenjaw ruħhom li jagħmlu kull sforz sabiex jikkonformaw simultanjament ma' dan it-terminu u sabiex jipprekludu kull nuqqas fis-sigurtà. Qabel il-31 ta' Diċembru 1992, il-Kumitat Eżekuttiv għandu jeżamina liema progress ikun sar. Ir-Renju ta' l-Olanda jenfasizza li d-diffikultajiet sabiex jintlaħaq it-terminu f'mitjar partikolari ma jistgħux jiġu esklużi, imma li dawn m'għandhomx jagħtu lok għal nuqqasijiet fis-sigurtà. Il-Partijiet Kontraenti l-oħrajn għadhom iqisu din is-sitwazzjoni, għalkemm din ma tistax titħalla toħloq diffikultajiet għas-suq intern.

Fil-każ ta' diffikultajiet, il-Kumitat Eżekuttiv għandu jeżamina kif l-aħjar tista' tinkiseb implimentazzjoni simultanja ta' dawn il-miżuri fl-ajruporti.

3. Dikjarazzjoni konġunta dwar l-Artikolu 71(2)

Jekk Parti Kontraenti tiżvija mill-prinċipju msemmi fl-Artikolu 71(2) fir-rigward tal-politika nazzjonali tagħha dwar il-prevenzjoni u t-trattament ta' dipendenza fuq drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi, il-Partijiet Kontraenti kollha għandhom jadottaw il-miżuri amministrattivi u l-miżuri penali meħtieġa sabiex jipprevjenu u jikkastigaw l-importazzjoni u l-esportazzjoni iilleċita ta' dawn il-prodotti u sustanzi, partikolarment fir-rigward tat-territorji tal-Partijiet Kontraenti l-oħra.

4. Dikjarazzjoni konġunta dwar l-Artikolu 121

Skond il-liġi Komunitarja, il-Partijiet Kontraenti għandhom jirrinunzjaw l-ispezzjonijiet ta' saħħa tal-pjanti u l-preżentazzjoni ta' ċertifikati ta' saħħa tal-pjanti meħtieġa taħt il-liġi Komunitarja għat-tipi ta' pjanti u ta' prodotti magħmula minn pjanti:

(a) elenkati taħt 1, jew

(b) elenkati taħt 2 jew 6 u li joriġinaw f'waħda mill-Partijiet Kontraenti:

(1) Fjuri maqtugħa u Partijiet minn pjanti addattati għal għanijiet ornamentali ta':

Kastaneja

Lellux

Dendrantema

Qronfol

Gladjoli

Ġipsogila

Prunus

Kwerkus

Ward

Saliss

Siringa

Vitis.

(2) Frott frisk:

taċ-ċitru

taċ-ċidonja

tal-malus

tal-prunus

tal-pirus.

(3) Injam:

tal-kastaneja

tal-kwerkus.

(4) Medja dejjem tikber magħmula totalment jew parzjalment minn ħamrija jew materja organika solida bħal partijiet ta' pjanti, terf u qoxra tas-siġar bl-umus, imma mhux magħmul kompletament mit-terf.

(5) Żrieragħ.

(6) Pjanti ħajjin imniżżlin hawn isfel u li jidhru taħt il-Kodiċi NM imniżżlin hawn taħt fin-Nomenklatura tad-Dwana pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej tas-7 ta' Settembru 1987.

Kodiċi NM | Deskrizzjoni |

06012030 | Bulbs, basal, tuberi, għeruq u rhizomes tat-tuberi, fil-ħamrija jew fi fjuri: orkidej, hyacinths, narċiż u tulipani |

06012090 | Bulbs, basal, tuberi, għeruq u rhizomes tat-tuberi, fil-ħamrija jew fi fjuri: oħrajn |

06023010 | Rhododendron simsii (Azalea indica) |

06029951 | Pjanti ta' barra: pjanti perenni |

06029959 | Pjanti ta' barra: oħrajn |

06029991 | Pjanti ta' ġewwa: pjanti bil-fjuri bil-qlub u l-fjuri, minbarra kakti |

06029999 | Pjanti ta' ġewwa: oħrajn |

5. Dikjarazzjoni Konġunta dwar politika nazzjonali dwar ażil

Il-Partijiet Kontraenti għandhom iħejju inventarju ta' politika nazzjonali dwar ażil bil-għan li jaslu għall-armonizzazzjoni ta' dawn.

6. Dikjarazzjoni konġunta dwar l-Artikolu 132

Il-Partijiet Kontraenti għandhom jinfurmaw lill-Parlamenti nazzjonali tagħhom dwar l-implimentazzjoni ta' din il-Konvenzjoni.

Magħmul f'Schengen, f'dan id-dsatax-il jum ta' Ġunju fis-sena elf disa' mija u disgħin, f'oriġinal wieħed, bl-Olandiż, Franċiż, u Ġermaniż, li t-tliet testi huma awtentiċi indaqs, u dan l-oriġinal għandu jibqa' depositat fl-arkivji tal-Gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, li għandu jitrasmetti kopja ċertifikata lil kull waħda mill-Partijiet Kontraenti.

Għall-Gvern tar-Renju tal-Belġju

+++++ TIFF +++++

Għall-Gvern tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja

+++++ TIFF +++++

Għall-Gvern tar-Repubblika Franċiża

+++++ TIFF +++++

Għall-Gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu

+++++ TIFF +++++

Għall-Gvern tar-Renju ta' l-Olanda

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------

Minuti

Skond l-Att Finali tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen ta' l-14 ta' Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet ta' l-Istati ta' l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta' kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom, il-Partijiet Kontraenti adottaw id-dikjarazzjoni konġunta li ġejja u ħadu nota tad-dikjarazzjonijiet unilaterali li ġejjin li sar fir-rigward ta' l-imsemmija Konvenzjoni:

I. Dikjarazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni

Il-Partijiet Kontraenti jinnutaw li, wara l-unifikazzjoni taż-żewġ Stati Ġermaniżi, l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni taħt il-liġi internazzjonali għandha testendi wkoll għat-territorju preżenti tar-Repubblika Demokratika Ġermaniża.

II. Dikjarazzjonijiet mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar l-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni

1. Il-konvenzjoni ġiet konkluża fid-dawl ta' l-unifikazzjoni prospettiva taż-żewġ Stati Ġermaniżi.

Ir-Repubblika Demokratika Ġermaniża m'hijiex pajjiż barrani fil-konfront tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

L-Artikolu 136 m'għandux japplika għar-relazzjonijiet bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Demokratika Ġermaniża.

2. Din il-Konvenzjoni għandha tkun bla ħsara għall-arranġamenti miftiehma fl-iskambju ta' ittri bejn il-Ġermanja u l-Awstrija ta' l-20 ta' Awwissu 1984 li jissimplifika kontrolli fil-fruntieri komuni tagħha għal persuni ċittadini taż-żewġ Stati. Arranġamenti bħal dawn madanakollu jridu jiġu implimentati fid-dawl tas-sigurtà prevalenti u tal-ħtiġijiet ta' immigrazzjoni tal-Partijiet Kontraenti ta' Schengen sabiex dawn il-faċilitajiet fil-prattika jiġu ristretti għal persuni ta' nazzjonalità Awstrijaka.

III. Dikjarazzjoni mir-Renju tal-Belġju dwar l-Artikolu 67

Il-proċedura li għandha tiġi implimentata internament għat-trasferiment ta' l-infurzar ta' sentenzi kriminali barranin m'għandhiex tkun dik speċifikata taħt il-liġi Belġjana għat-trasferiment bejn Stati differenti ta' persuni li ngħatat sentenza kontrihom, imma proċedura speċjali li għandha tiġi determinata meta din il-Konvenzjoni tiġi ratifikata.

Magħmul f'Schengen, f'dan id-dsatax-il jum ta' Ġunju fis-sena elf disa' mija u disgħin, f'oriġinal wieħed, bl-Olandiż, Franċiż, u Ġermaniż, li t-tliet testi huma awtentiċi indaqs, u dan l-oriġinal għandu jibqa' depositat fl-arkivji tal-Gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, li għandu jitrasmetti kopja ċertifikata lil kull waħda mill-Partijiet Kontraenti.

Għall-Gvern tar-Renju tal-Belġju

+++++ TIFF +++++

Għall-Gvern tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja

+++++ TIFF +++++

Għall-Gvern tar-Repubblika Franċiża

+++++ TIFF +++++

Għall-Gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu

+++++ TIFF +++++

Għall-Gvern tar-Renju ta' l-Olanda

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA

MILL-MINISTRI U MIS-SEGRETARJI TA' L-ISTAT LI LTAQGĦU F'SCHENGEN FID-19 TA' ĠUNJU 1990

Il-Gvernijiet tal-Partijiet Kontraenti tal-Ftehim ta' Schengen għandhom jiftħu jew jissoktaw b'diskussjonijiet, b'mod partikolari fl-oqsma li ġejjin:

- titjib u simplifikazzjoni ta' prattiċi ta' estradizzjoni,

- titjib ta' koperazzjoni sabiex jinġiebu proċeduri kontra reati ta' traffiku ta' fuq it-triq,

- arranġamenti għar-rikonoxximent reċiproku ta' skwalifiki mis-sewqan ta' vetturi bil-mutur,

- possibbilitajiet ta' l-infurzar reċiproku ta' multi,

- introduzzjoni ta' regoli dwar trasferimenti reċiproki ta' proċeduri kriminali li jinkludu l-possibbilità ta' trasferiment tal-persuna akkużata lejn il-pajjiż ta' oriġini ta' dik il-persuna,

- introduzzjoni ta' regoli dwar ir-ripatrijazzjoni ta' minorenni li jkunu tneħħew illegalment mill-awtorità tal-persuna responsabbli għall-eżerċizzju tas-setgħa tal-ġenituri,

- simplifikazzjoni ulterjuri tal-kontrolli dwar il-movimenti kummerċjali ta' oġġetti.

Magħmul f'Schengen, f'dan id-dsatax-il jum ta' Ġunju fis-sena elf disa' mija u disgħin, f'oriġinal wieħed, bl-Olandiż, Franċiż, u Ġermaniż, li t-tliet testi huma awtentiċi indaqs, u dan l-oriġinal għandu jibqa' depositat fl-arkivji tal-Gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, li għandu jitrasmetti kopja ċertifikata lil kull waħda mill-Partijiet Kontraenti.

Għall-Gvern tar-Renju tal-Belġju

+++++ TIFF +++++

Għall-Gvern tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja

+++++ TIFF +++++

Għall-Gvern tar-Repubblika Franċiża

+++++ TIFF +++++

Għall-Gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu

+++++ TIFF +++++

Għall-Gvern tar-Renju ta' l-Olanda

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------

DIKJARAZZJONI TAL-MINISTRI U TAS-SEGRETARJI TA' L-ISTAT

Fid-19 ta' Ġunju 1990, rappreżentanti tal-Gvernijiet tar-Renju tal-Belġju, tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tar-Repubblika Franċiża, tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu u tar-Renju ta' l-Olanda iffirmaw f'Schengen, fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu, il-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen ta' l-14 ta' Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet ta' l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tar-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta' kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom.

Fil-mument ta' l-iffirmar ta' dik il-Konvenzjoni, huma adottaw id-dikjarazzjonijiet li ġejjin:

- Il-Partijiet Kontraenti jikkunsidraw li l-Konvenzjoni tikkostitwixxi pass importanti lejn il-ħolqien ta' żona mingħajr fruntieri interni u huma jqisuha bħala bażi għal attivitajiet ulterjuri fost l-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej.

- Minħabba r-riskji fl-oqsma ta' sigurtà u ta' imigrazzjoni llegali, il-Ministri u s-Segretarji ta' l-Istat jissottolinejaw il-ħtieġa għal kontrolli effettivi ta' fruntieri esterni skond il-prinċipji uniformi stipulati fl-Artikolu 6. Bil-għan li jiġu implimentati dwak il-prinċipji uniformi, il-Partijiet Kontraenti jridu, b'mod partikolari, jippromwovu l-armonizzazzjoni ta' metodi ta' ħidma għall-kontroll u għas-sorveljanza ta' fruntieri.

Barra minn hekk, il-Kumitat Eżekuttiv għandu jeżamina l-miżuri relevanti kollha bil-għan li jiġu stabbiliti kontrolli uniformi u effettivi fil-fruntieri esterni u li jiġu implimentati b'mod prattiku. Dawn il-miżuri għandhom jinkludu miżuri li jagħmluha possibbli li jiġu verifikati ċ-ċirkostanzi li taħthom persuna ta' nazzjonalità ta' pajjiż terz tkun daħlet fit-territorji tal-Partijiet Kontraenti, applikazzjoni ta' l-istess proċeduri għaċ-ċaħda ta' dħul, l-abbozzar ta' manwal komuni għall-uffiċjali responsabbli għas-sorveljanza tal-fruntieri, u l-inkoraġġiment fuq livell ekwivalenti ta' kontroll tal-fruntieri esterni permezz ta' skambji u ta' żjarat ta' xogħol konġunt.

Fl-istess ħin waqt li kienu qegħdin jiffirmaw dik il-Konvenzjoni, huma kkonfermaw ukoll id-deċiżjoni tal-Grupp Ċentrali ta' Negozjati biex jitwaqqaf grupp ta' xogħol bil-mandat li ġej:

- li jinforma lill-Grupp Ċentrali ta' Negozjati qabel id-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni dwar iċ-ċirkostanzi kollha li għandhom impatt sinifikanti fuq l-oqsma koperti mill-Konvenzjoni u dwar id-dħul fis-seħħ tagħha, b'mod partikolari l-progress miksub fl-armonizazzjoni ta' dispożizzjonijiet legali fir-rigward ta' l-unifikazzjoni taż-żewġ Stati Ġermaniżi,

- li jikkonsultaw lil xulxin dwar kull impatt li dik l-armonizzazzjoni u dawk iċ-ċirkostanzi jista' jkollhom fuq l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni,

- fir-rigward tal-moviment ta' aljeni eżenti mill-ħtieġa ta' viża, li jinħolqu miżuri prattiċi u li jsiru proposti qabel id-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni għal proċeduri ta' armonizazzjoni għat-twettiq ta' kontrolli fuq persuni fuq il-fruntieri esterni futuri.

--------------------------------------------------

Top