Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D0701

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/701 tal-4 ta’ Mejju 2022 li tħassar id-Deċiżjoni 2010/346/UE dwar miżuri protettivi fir-rigward tal-anemija infettiva ekwina fir-Rumanija (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2022/2791

ĠU L 131, 5.5.2022, p. 6–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/701/oj

5.5.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 131/6


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/701

tal-4 ta’ Mejju 2022

li tħassar id-Deċiżjoni 2010/346/UE dwar miżuri protettivi fir-rigward tal-anemija infettiva ekwina fir-Rumanija

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trasmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 141(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2016/429 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu regoli temporanji, permezz ta’ żieda jew alternattiva għal dawk stabbiliti fil-Parti IV, it-Titolu I, il-Kapitolu 3, tar-Regolament (UE) 2016/429, għall-movimenti ta’ speċijiet jew kategoriji speċifiċi ta’ annimali terrestri miżmuma. Dawk ir-regoli temporanji jistgħu jiġu adottati fejn marda elenkata msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) 2016/429 tidher li qed tinfirex minkejja r-rekwiżiti tal-moviment stabbiliti skont il-Parti IV, it-Titolu I, il-Kapitolu 3, it-Taqsimiet 1 sa 6, tar-Regolament (UE) 2016/429.

(2)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 (2) ġie adottat fil-qafas tar-Regolament (UE) 2016/429. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1882 jelenka l-anemija infettiva ekwina (EIA - Equine Infectious Anaemia) fl-Anness tiegħu, u jikkategorizzaha bħala marda elenkata msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) 2016/429.

(3)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/346/UE (3) ġiet adottata skont l-Artikolu 10(4) tad-Direttiva tal-Kunsill90/425/KEE (4), u tistabbilixxi miżuri protettivi fir-rigward tal-EIA fir-Rumanija. Dawk il-miżuri protettivi huma miżjuda mal-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali li jirregolaw il-movimenti tal-ekwidi fl-Unjoni li ġew stabbiliti fid-Direttiva tal-Kunsill 2009/156/KE (5). Id-Direttiva 90/425/KEE issa tħassret bir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), u d-Direttiva 2009/156/KE issa tħassret bir-Regolament (UE) 2016/429.

(4)

Id-Deċiżjoni 2010/346/UE ġiet adottata fl-2010, meta l-EIA tqieset endemika fir-Rumanija u s-sitwazzjoni tal-marda f’dak l-Istat Membru ppreżentat riskju għas-saħħa tal-annimali għall-ekwidi fl-Unjoni.

(5)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/688 (7) jistabbilixxi, fost l-oħrajn, ir-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali għall-movimenti fl-Unjoni ta’ annimali ekwini. Il-punt (c) tal-Artikolu 22(1) ta’ dak ir-Regolament Delegat jistabbilixxi r-rekwiżiti b’rabta mal-EIA li jridu jiġu ssodisfati sabiex l-annimali ekwini jintbagħtu lejn Stati Membri oħra.

(6)

Fil-laqgħa ta’ Frar 2022 tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, ir-Rumanija ppreżentat rapport tas-sitwazzjoni lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni li wera li sar progress fl-eradikazzjoni tal-EIA, u li ċerti partijiet tat-territorju tagħha baqgħu ħielsa mill-marda għal aktar minn 12-il xahar jew il-prevalenza tal-marda baqgħet fil-limiti osservati reġjonalment fi Stati Membri oħra. Dan juri li l-programm nazzjonali ta’ eradikazzjoni għall-EIA implimentat fit-territorju tar-Rumanija wera li huwa effettiv.

(7)

Għalhekk, il-miżuri stabbiliti fid-Deċiżjoni 2010/346/UE ma għadhomx jgħoddu, u r-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2020/688 issa huma biżżejjed biex jiżguraw il-moviment sikur tal-annimali ekwini bejn l-Istati Membri.

(8)

Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2010/346/UE titħassar.

(9)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2010/346/UE hija mħassra.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Mejju 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 tat-3 ta’ Diċembru 2018 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard għal kategoriji ta’ mard elenkat u li jistabbilixxi lista ta’ speċijiet u gruppi ta’ speċijiet li jippreżentaw riskju konsiderevoli għat-tixrid ta’ dak il-mard elenkat (ĠU L 308, 4.12.2018, p. 21).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/346/UE tat-18 ta’ Ġunju 2010 dwar miżuri protettivi fir-rigward tal-anemija infettiva taż-żwiemel fir-Rumanija (ĠU L 155, 22.6.2010, p. 48).

(4)  Id-Direttiva Tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar, veterinarju u zootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Kommunitarju ta’ ċertu annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29).

(5)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2009/156/KE tat- 30 ta’ Novembru 2009 dwar kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali li jirregolaw il-moviment u l-importazzjoni minn pajjiżi terzi ta’ ekwidi (ĠU L 192, 23.7.2010, p. 1).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1).

(7)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/688 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tar-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali għall-movimenti fl-Unjoni ta’ annimali terrestri u bajd għat-tifqis (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 140).


Top