Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R2176

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/2176 tat-12 ta’ Novembru 2020 li jemenda r-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 241/2014 fir-rigward tat-tnaqqis tal-assi ta’ software mill-entrati tal-Grad 1 tal-Ekwità Komuni (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2020/7715

ĠU L 433, 22.12.2020, pp. 27–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2020/2176/oj

22.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 433/27


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/2176

tat-12 ta’ Novembru 2020

li jemenda r-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 241/2014 fir-rigward tat-tnaqqis tal-assi ta’ software mill-entrati tal-Grad 1 tal-Ekwità Komuni

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1), u b’mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 36(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw it-trattament tal-assi ta’ software vvalutati b’mod prudenzjali, li l-valur tagħhom mhuwiex affettwat materjalment mir-riżoluzzjoni, l-insolvenza jew il-likwidazzjoni ta’ istituzzjoni, ġew emendati mir-Regolament (UE) 2019/876 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) biex ikomplu jappoġġaw it-tranżizzjoni lejn settur bankarju aktar diġitalizzat. Ir-Regolament (UE) 2019/876 introduċa wkoll l-Artikolu 36(4) fir-Regolament (UE) Nru 575/2013, li jirrikjedi li l-Awtorità Bankarja Ewropea (“ABE”) tiżviluppa l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji u jispeċifika l-applikazzjoni tat-tnaqqis marbut mal-assi ta’ software mill-entrati tal-Grad 1 tal-Ekwità Komuni. Biex tiġi żgurata l-koerenza tad-dispożizzjonijiet marbuta mal-fondi proprji u biex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tagħhom, huwa xieraq li dawn l-istandards tekniċi regolatorji jiġu inkorporati fir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 241/2014 (3), li jgħaqqad l-istandards tekniċi kollha rigward il-fondi proprji.

(2)

L-awtoritajiet kompetenti mhumiex imxekkla milli jiskrutinizzaw l-assi ta’ software li istituzzjoni tinkludi fil-kapital fuq bażi ta’ każ b’każ u milli jeżerċitaw is-setgħat superviżorji tagħhom f’konformità mal-Artikolu 64 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), b’mod partikolari meta l-istokk ta’ investimenti f’software jista’ jirriżulta f’benefiċċju prudenzjali mhux mixtieq jew fejn ikun hemm suspett li l-livell ta’ ġudizzju li jirriżulta mill-qafas kontabilistiku applikabbli jkun intuża biex jiġi evitat dan ir-Regolament.

(3)

Minħabba d-diversità fis-software użat mill-istituzzjonijiet, huwa diffiċli li wieħed jivvaluta, b’mod ġenerali, liema assi ta’ software jista’ jkollhom valur rekuperabbli f’każ ta’ riżoluzzjoni, insolvenza jew likwidazzjoni u, f’dak il-każ, sa liema punt, jew li wieħed jidentifika kategorija speċifika ta’ software li jippreserva l-valur tiegħu anke f’xenarju bħal dan.

(4)

Barra minn hekk, valutazzjoni mill-ABE ta’ każijiet speċifiċi ta’ tranżazzjonijiet passati tagħti x’tifhem li l-assi ta’ software kollha, bla ebda distinzjoni ta’ kategoriji speċifiċi, għandhom l-istess probabbiltà li jitħassru. Anke f’dawk il-każijiet fejn il-valur tal-assi ta’ software jkun ġie ppreservat, għall-inqas parzjalment, ġeneralment il-ħajja utli ta’ dan is-software tiġi riveduta biex tqis li dak is-software jinżamm fl-użu mill-akkwirent ta’ istituzzjoni sa tmiem il-proċess ta’ migrazzjoni biss. L-evidenza miġbura turi li dan il-proċess ta’ migrazzjoni normalment għandu tul li jvarja bejn sena u tliet snin. Jenħtieġ li din it-tendenza tiġi riflessa fit-trattament prudenzjali tal-assi ta’software.

(5)

Minħabba l-valur limitat li jidher li għandhom l-assi ta’ software f’każ ta’ riżoluzzjoni, insolvenza jew likwidazzjoni ta’ istituzzjoni, huwa essenzjali li t-trattament prudenzjali ta’ dawn l-assi jsib bilanċ xieraq bejn, fuq naħa waħda, it-tħassib prudenzjali, u, fuq in-naħa l-oħra, il-valur ta’ dawk l-assi minn perspettiva kummerċjali u ekonomika. Għaldaqstant, jenħtieġ li t-trattament prudenzjali tal-assi ta’ software jinkludi ċertu marġni ta’ konservattiviżmu fuq ir-rilaxx tar-rekwiżiti tal-kapital tal-Grad 1 tal-Ekwità Komuni.

(6)

Barra minn hekk, sabiex ma jiġux introdotti piżijiet operattivi addizzjonali fuq l-istituzzjonijiet u biex tiġi ffaċilitata s-superviżjoni mill-awtoritajiet kompetenti, jenħtieġ li t-trattament prudenzjali tal-assi ta’ software jkun sempliċi biex jiġi implimentat u applikabbli fl-istituzzjonijiet kollha b’mod standardizzat. Jenħtieġ li t-trattament prudenzjali standardizzat ma jżommx lil istituzzjoni milli tkompli tnaqqas kompletament l-assi ta’ software tagħha mill-entrati tal-Grad 1 tal-Ekwità Komuni.

(7)

Minħabba l-bidliet rapidi fit-teknoloġija, l-istituzzjonijiet ta’ spiss jinvestu f’manutenzjoni, titjib jew aġġornamenti tas-software tagħhom. Biex jittaffa r-riskju ta’ arbitraġġ regolatorju, jenħtieġ li dawn l-investimenti jiġu amortizzati separatament mis-software li jinżamm, jittejjeb jew jiġi aġġornat, dment li dawn l-investimenti jiġu rikonoxxuti bħala assi intanġibbli fuq il-karta tal-bilanċ tal-istituzzjoni skont il-qafas kontabilistiku applikabbli.

(8)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 241/2014 jiġi emendat skont dan.

(9)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentati mill-ABE lill-Kummissjoni.

(10)

L-ABE wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(11)

Minħabba l-adozzjoni aċċellerata tas-servizzi diġitali b’konsegwenza tal-pandemija tal-COVID-19, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi fir-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 241/2014

Ir-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 241/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1, il-punt (f) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(f)

l-applikazzjoni tat-tnaqqis mill-entrati tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni u tnaqqis ieħor tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni, entrati tal-Grad 1 Addizzjonali u tal-Grad 2 f’konformità mal-paragrafi 2 u 4 tal-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;”;

(2)

jiddaħħal l-Artikolu 13a li ġej:

Artikolu 13a

Tnaqqis ta’ assi ta’ software li huma kklassifikati bħala assi intanġibbli għal finijiet kontabilistiċi għall-finijiet tal-Artikolu 36(1), il-punt (b), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013

1.   L-assi ta’ software li huma assi intanġibbli kif definit fl-Artikolu 4(1), il-punt (115), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għandhom jitnaqqsu mill-entrati tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni f’konformità mal-paragrafi 5 sa 8 ta’ dan l-Artikolu. L-ammont li għandu jitnaqqas għandu jiġi determinat abbażi tal-amortizzament akkumulat prudenzjali kkalkulat f’konformità mal-paragrafi 2, 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu.

2.   L-istituzzjonijiet għandhom jikkalkulaw l-ammont tal-amortizzament akkumulat prudenzjali tal-assi ta’ software msemmi fil-paragrafu 1 billi jimmultiplikaw l-ammont miksub mill-kalkolu msemmi fil-punt (a) bin-numru ta’ jiem imsemmi fil-punt (b):

(a)

l-ammont li l-assi ta’ software jkun ġie rikonoxxut bih inizjalment fuq il-karta tal-bilanċ tal-istituzzjoni skont il-qafas kontabilistiku applikabbli, diviż b’wieħed minn dawn li ġejjin (skont liema huwa l-inqas):

(i)

in-numru ta’ jiem ta’ ħajja utli tal-assi ta’ software, kif stmat għal finijiet kontabilistiċi;

(ii)

tliet snin, espressi f’jiem, li jibdew mid-data msemmija fil-paragrafu 3;

(b)

in-numru ta’ jiem li jkunu għaddew mid-data msemmija fil-paragrafu 3, dment li dan ma jaqbiżx il-perjodu msemmi fil-punt (a) ta’ dan il-paragrafu.

3.   L-amortizzament akkumulat prudenzjali msemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi kkalkulat li jibda mid-data li fiha l-assi ta’ software jkun disponibbli għall-użu u jibda jiġi amortizzat għal finijiet kontabilistiċi.

4.   B’deroga mill-paragrafu 3, meta assi ta’ software jkun ġie akkwistat minn kwalunkwe impriża, inkluża entità tas-settur mhux finanzjarju, li tkun parti mill-istess grupp bħall-istituzzjoni, l-amortizzament akkumulat prudenzjali msemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi kkalkulat mid-data li fiha dak l-assi ta’ software jkun beda jiġi amortizzat skont il-qafas kontabilistiku applikabbli fuq il-karta tal-bilanċ ta’ dik l-impriża.

5.   L-istituzzjonijiet għandhom inaqqsu mill-entrati tal-Grad 1 tal-Ekwità Komuni l-ammont li jirriżulta mid-differenza, jekk dan ikun pożittiv, bejn l-ammont fil-punt (a) u l-ammont fil-punt (b):

(a)

l-amortizzament akkumulat prudenzjali ta’ assi ta’ software kkalkulat f’konformità mal-paragrafi 2, 3 u 4;

(b)

l-ammont tal-amortizzament akkumulat u kwalunkwe telf minn indeboliment akkumulat ta’ dak l-assi ta’ software rikonoxxuti fil-karta tal-bilanċ ta’ dik l-istituzzjoni skont il-qafas kontabilistiku applikabbli.

6.   B’deroga mill-paragrafu 5, sad-data li fiha l-assi ta’ software jkun disponibbli għall-użu u jibda jiġi amortizzat għal finijiet kontabilistiċi, l-istituzzjonijiet għandhom inaqqsu mill-entrati tal-Grad 1 tal-Ekwità Komuni l-ammont sħiħ li l-assi ta’ software inkwistjoni jkunu rikonoxxuti bih fil-karta tal-bilanċ ta’ dik l-istituzzjoni skont il-qafas kontabilistiku applikabbli.

7.   L-amortizzamenti prudenzjali u t-tnaqqis ippreżentati f’dan l-Artikolu għandhom isiru b’mod separat għal kull assi ta’ software.

8.   L-investimenti tal-istituzzjonijiet fiż-żamma, it-titjib jew l-aġġornament tal-assi ta’ software eżistenti għandhom jiġu trattati bħala assi għajr l-assi ta’ software relatati, dment li dawk l-investimenti jiġu rikonoxxuti bħala assi intanġibbli fuq il-karta tal-bilanċ ta’ dik l-istituzzjoni skont il-qafas kontabilistiku applikabbli.

Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 6, l-amortizzament akkumulat prudenzjali ta’ dawk l-investimenti fiż-żamma, it-titjib jew l-aġġornament tal-assi ta’ software eżistenti għandu jiġi kkalkulat mid-data li fiha jibdew jiġu amortizzati skont il-qafas kontabilistiku applikabbli.

L-amortizzament akkumulat prudenzjali tal-assi ta’ software eżistenti relatati għandu jkompli jiġi kkalkulat mid-data tal-amortizzament inizjali tagħhom stess għal finijiet kontabilistiċi u sa tmiem il-perjodu tal-amortizzament prudenzjali determinat f’konformità mal-punt (a) tal-paragrafu 2.”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Novembru 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2019/876 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 dwar il-proporzjon ta’ lieva finanzjarja, il-proporzjon ta’ finanzjament stabbli nett, rekwiżiti għall-fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli, riskju ta’ kreditu tal-kontroparti, riskju tas-suq, skoperturi għal kontropartijiet ċentrali, skoperturi għal impriżi ta’ investiment kollettiv, skoperturi kbar, rekwiżiti ta’ rappurtar u divulgazzjoni, u r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 150, 7.6.2019, p. 1).

(3)  Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 241/2014 tas-7 ta’ Jannar 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji għar-Rekwiżiti tal-Fondi Proprji għall-istituzzjonijiet (ĠU L 74, 14.3.2014, p. 8)

(4)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).


Top