EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32016R2339
Regulation (EU) 2016/2339 of the European Parliament and of the Council of 14 December 2016 amending Regulation (EU) No 952/2013 laying down the Union Customs Code, as regards goods that have temporarily left the customs territory of the Union by sea or air
Regolament (UE) 2016/2339 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2016 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 952/2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, fir-rigward ta' merkanzija li tkun telqet temporanjament mit-territorju doganali tal-Unjoni bil-baħar jew bl-ajru
Regolament (UE) 2016/2339 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2016 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 952/2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, fir-rigward ta' merkanzija li tkun telqet temporanjament mit-territorju doganali tal-Unjoni bil-baħar jew bl-ajru
OJ L 354, 23.12.2016, p. 32–34
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
23.12.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 354/32 |
REGOLAMENT (UE) 2016/2339 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-14 ta' Diċembru 2016
li jemenda r-Regolament (UE) Nru 952/2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, fir-rigward ta' merkanzija li tkun telqet temporanjament mit-territorju doganali tal-Unjoni bil-baħar jew bl-ajru
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 207 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (1),
Billi:
(1) |
Bil-ħsieb li jiġu ffaċilitati l-flussi tal-kummerċ, l-Artikolu 136 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jeskludi l-applikazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet ta' dak ir-Regolament għal merkanzija li tkun telqet temporanjament mit-territorju doganali tal-Unjoni waqt li għaddiet bejn żewġ portijiet jew ajruporti tal-Unjoni mingħajr waqfien barra t-territorju doganali tal-Unjoni. Dawk id-dispożizzjonijiet jirregolaw l-obbligu li tiġi ddepożitata dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul, l-obbligu li tiġi nnotifikata l-wasla ta' bastiment tal-baħar jew inġenju tal-ajru, l-obbligu li l-merkanzija titwassal f'ċerti postijiet u li tiġi ppreżentata lid-dwana fil-punt fejn tinħatt jew tiġi trażbordata, u l-ħażna temporanja. |
(2) |
Bħala konsegwenza ta' dik l-esklużjoni, ma hemm l-ebda bażi legali għall-ħtieġa li l-merkanzija li tinħatt jew tiġi trażbordata tiġi ppreżentata fil-punt fejn tidħol mill-ġdid fit-territorju doganali tal-Unjoni wara li tkun telqet b'mod temporanju minnu. Mingħajr tali preżentazzjoni, jista' jkun aktar diffiċli li l-awtoritajiet doganali jiżguraw is-superviżjoni tal-merkanzija kkonċernata, u hemm riskju kemm li d-dazju tal-importazzjoni u imposti oħra ma jiġux imposti korrettament kif ukoll li l-miżuri mhux fiskali bħal kontrolli veterinarji u fitosanitarji ma jiġux applikati b'mod korrett. |
(3) |
Jenħtieġ għalhekk li l-Artikolu 136 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 jiġi emendat sabiex jitqiesu s-sitwazzjonijiet differenti ta' merkanzija tal-Unjoni u merkanzija mhux tal-Unjoni. |
(4) |
Sabiex tiġi żgurata s-superviżjoni doganali effettiva tal-merkanzija mhux tal-Unjoni, jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-obbligu li l-merkanzija titwassal f'ċerti postijiet, li tiġi ppreżentata lid-dwana mal-ħatt jew it-trażbord, u li wieħed jistenna għall-awtorizzazzjoni qabel il-ħatt jew it-trażbord, kif ukoll id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-ħażna temporanja, ikomplu japplikaw għal merkanzija mhux tal-Unjoni. Għalhekk jenħtieġ li l-Artikolu 136 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 jiġi emendat biex jistipula li fir-rigward tal-merkanzija mhux tal-Unjoni huma esklużi biss ir-regoli dwar l-obbligu li tiġi ddepożitata dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul u l-obbligu li tiġi nnotifikata l-wasla ta' bastiment tal-baħar jew ta' inġenju tal-ajru. |
(5) |
Sabiex tkun żgurata s-superviżjoni effettiva tal-merkanzija tal-Unjoni, jenħtieġ li l-Artikolu 136 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 jagħmel distinzjoni bejn is-sitwazzjoni tal-merkanzija tal-Unjoni li l-istatus tagħha jrid jiġi ppruvat skont l-Artikolu 153(2) ta' dak ir-Regolament u l-merkanzija tal-Unjoni li tkun żammet l-istatus tagħha taħt l-Artikolu 155(2) ta' dak ir-Regolament. |
(6) |
Rigward il-merkanzija li l-istatus tagħha jeħtieġ li jiġi ppruvat skont l-Artikolu 153(2) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013, jenħtieġ biss li tiġi eskluża l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-obbligu li tiġi ddepożitata dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul u l-obbligu li tiġi nnotifikata l-wasla ta' bastiment tal-baħar jew ta' inġenju tal-ajru, biex b'hekk dan jippermetti s-superviżjoni doganali xierqa. |
(7) |
Bl-istess mod jenħtieġ li r-regoli stabbiliti fl-Artikolu 139 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 dwar l-obbligu li tiġi ppreżentata l-merkanzija lid-dwana mal-ħatt jew mat-trażbord u l-obbligu taħt l-Artikolu 140 ta' dak ir-Regolament li wieħed jistenna għall-awtorizzazzjoni qabel il-ħatt jew it-trasbord tal-merkanzija ma japplikawx għal merkanzija tal-Unjoni li tkun żammet l-istatus tagħha taħt l-Artikolu 155(2) ta' dak ir-Regolament, meta jitqies il-fatt li, anke kieku l-merkanzija telqet temporanjament mit-territorju doganali tal-Unjoni, l-istatus tagħha ma nbidilx u ma jeħtieġx li jiġi ppruvat. |
(8) |
Jenħtieġ li jitħassru r-referenzi fl-Artikolu 136 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għall-Artikolu 135(1) u l-Artikolu 137 ta' dak ir-Regolament sabiex il-persuna li tkun qed iġġib il-merkanzija fit-territorju doganali tal-Unjoni tiġi obbligata li twassalhom sal-post indikat mill-awtoritajiet doganali, sabiex tippermetti lil dawk l-awtoritajiet, jekk meħtieġ, jivverifikaw jekk il-merkanzija hijiex merkanzija tal-Unjoni jew merkanzija mhux tal-Unjoni. |
(9) |
Jenħtieġ li r-referenza fl-Artikolu 136 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għall-Artikolu 141 ta' dak ir-Regolament titħassar sabiex ikun ċar li l-Artikolu 141(1) ta' dak ir-Regolament, li jeskludi l-applikazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet għal merkanzija trasportata taħt il-proċedura ta' tranżitu, japplika ukoll meta l-merkanzija tidħol mill-ġdid fit-territorju doganali tal-Unjoni wara li tkun telqet temporanjament minnu b'rotta diretta bil-baħar jew bl-ajru. |
(10) |
Jenħtieġ li tiħassar bl-istess mod ir-referenza fl-Artikolu 136 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għall-Artikoli 144 sa 149 ta' dak ir-Regolament dwar il-ħażna temporanja. Filwaqt li r-regoli stipulati f'dawk l-Artikoli ma japplikawx għall-merkanzija tal-Unjoni, jenħtieġ li huma japplikaw għall-merkanzija mhux tal-Unjoni. F'dan ir-rigward, jenħtieġ li l-Artikolu 136 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 jiġi emendat kif meħtieġ.. |
(11) |
Jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ malajr kemm jista' jkun sabiex tiġi żgurata superviżjoni effettiva tal-merkanzija mingħajr aktar dewmien, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Artikolu 136 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 huwa sostitwit b'dan li ġej:
“Artikolu 136
Merkanzija li tkun telqet temporanjament mit-territorju doganali tal-Unjoni bil-baħar jew bl-ajru
1. L-Artikoli 127 sa 130 u l-Artikolu 133 ma għandhomx japplikaw f'każijiet fejn tinġieb merkanzija mhux tal-Unjoni fit-territorju doganali tal-Unjoni wara li tkun telqet temporanjament minn dak it-territorju bil-baħar jew bl-ajru u tkun inġarret b'rotta diretta mingħajr waqfien barra mit-territorju doganali tal-Unjoni.
2. L-Artikoli 127 sa 130 u l-Artikolu 133 ma għandhomx japplikaw f'każijiet fejn merkanzija mhux tal-Unjoni li l-istatus doganali tagħha jeħtieġ li jiġi ppruvat skont l-Artikolu 153(2) tinġieb fit-territorju doganali tal-Unjoni wara li tkun telqet temporanjament minn dak it-territorju bil-baħar jew bl-ajru u tkun inġarret b'rotta diretta mingħajr waqfien barra mit-territorju doganali tal-Unjoni.
3. L-Artikoli 127 sa 130 u l-Artikoli 133, 139 u 140 ma għandhomx japplikaw f'każijiet fejn merkanzija tal-Unjoni li tiġi trasportata mingħajr bidla fl-istatus doganali tagħha taħt l-Artikolu 155(2) tinġieb fit-territorju doganali tal-Unjoni wara li tkun telqet temporanjament minn dak it-territorju bil-baħar jew bl-ajru u tkun inġarret b'rotta diretta mingħajr waqfien barra mit-territorju doganali tal-Unjoni.”.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Strasburgu, l-14 ta' Diċembru 2016.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
M. SCHULZ
Għall-Kunsill
Il-President
I. KORČOK
(1) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Diċembru 2016 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Diċembru 2016.
(2) Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).