EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R1192

Regolament (UE, Euratom) 2016/1192 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2016 dwar it-trasferiment lill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-ġuriżdizzjoni fl-ewwel istanza f'tilwimiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-membri tal-persunal tagħha

OJ L 200, 26.7.2016, p. 137–139 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1192/oj

26.7.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 200/137


REGOLAMENT (UE, Euratom) 2016/1192 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-6 ta' Lulju 2016

dwar it-trasferiment lill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-ġuriżdizzjoni fl-ewwel istanza f'tilwimiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-membri tal-persunal tagħha

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari l-Artikolu 256(1), l-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 257, u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 281 tiegħu,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikolu 106a(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw it-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kummissjoni Ewropea (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

L-Artikolu 48 tal-Protokoll Nru 3 dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, kif emendat bir-Regolament (UE, Euratom) 2015/2422 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), jipprevedi li l-Qorti Ġenerali, li hi magħmula minn 40 Imħallef b'effett mill-25 ta' Diċembru 2015, ser tkun magħmula minn 47 Imħallef b'effett mill-1 ta' Settembru 2016, u minn żewġ Imħallfin għal kull Stat Membru b'effett mill-1 ta' Settembru 2019.

(2)

Kif indikat fil-premessa 9 tar-Regolament (UE, Euratom) 2015/2422, iż-żieda b'sebgħa tal-għadd ta' Mħallfin tal-Qorti Ġenerali mill-1 ta' Settembru 2016 għandha tkun akkumpanjata mit-trasferiment lill-Qorti Ġenerali tal-ġuriżdizzjoni fl-ewwel istanza f'tilwimiet bejn l-Unjoni u l-membri tal-persunal tagħha skont l-Artikolu 270 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Dan it-trasferiment tal-ġuriżdizzjoni jippresupponi, f'konformità mal-Artikolu 256(1) TFUE, ix-xoljiment tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (“Tribunal għas-Servizz Pubbliku”).

(3)

Għaldaqstant, il-ġuriżdizzjoni fl-ewwel istanza f'tilwimiet bejn l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji kollha, fuq naħa, u l-membri tal-persunal tagħhom, fuq in-naħa l-oħra, li għalihom hija kkonferita l-ġuriżdizzjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, għandha tiġi kkonferita lill-Qorti Ġenerali.

(4)

Għalhekk huwa meħtieġ li d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/752/KE, Euratom (4) u r-Regolament (UE, Euratom) Nru 979/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) jiġu rrevokati kif ukoll li jiġi emendat il-Protokoll Nru 3.

(5)

Il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi dwar kawżi tas-servizz pubbliku tal-Unjoni Ewropea filwaqt li tieħu kont tal-fatturi speċifiċi tat-tilwimiet f'dak il-qasam, inkluż billi teżamina l-possibbiltajiet għal ftehim bonarju fl-istadji kollha tal-proċedura.

(6)

Barra minn hekk, sabiex jiġi żgurat it-twettiq effiċjenti tal-proċedimenti fil-kawżi pendenti quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fid-data tat-trasferiment, u biex jiġu stabbiliti regoli applikabbli għal appelli li qed jiġu eżaminati f'dik id-data, jew li sussegwentement jiġu ppreżentati kontra deċiżjonijiet ta' dak it-Tribunal, għandhom ikunu previsti arranġamenti tranżitorji xierqa li jikkonċernaw it-trasferiment ta' kawżi tas-servizz pubbliku tal-Unjoni Ewropea lill-Qorti Ġenerali,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2004/752/KE, Euratom u r-Regolament (UE, Euratom) Nru 979/2012 huma mħassra.

Artikolu 2

Il-Protokoll Nru 3 huwa emendat kif ġej:

(1)

Jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 50a

1.   Il-Qorti Ġenerali għandu jkollha fl-ewwel istanza l-ġuriżdizzjoni f'tilwimiet bejn l-Unjoni u l-membri tal-persunal tagħha kif imsemmi fl-Artikolu 270 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, inklużi t-tilwimiet bejn l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji kollha, minn naħa, u l-membri tal-persunal tagħhom, min-naħa l-oħra, li għalihom hija kkonferita l-ġuriżdizzjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

2.   Fl-istadji kollha tal-proċedura, inkluż minn meta jiġi ppreżentat ir-rikors, il-Qorti Ġenerali tista' teżamina l-possibbiltajiet għal ftehim bonarju dwar it-tilwima u tista' tipprova tiffaċilita tali ftehim.”.

(2)

L-Artikolu 62c jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 62c

Id-dispożizzjonijiet dwar il-ġuriżdizzjoni, il-kompożizzjoni, l-organizzazzjoni u l-proċedura ta' kwalunkwe qorti speċjalizzata stabbilita permezz tal-Artikolu 257 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandhom ikunu f'Anness għal dan l-Istatut.”.

(3)

L-Anness I huwa mħassar.

Artikolu 3

Il-kawżi pendenti quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-31 ta' Awwissu 2016 għandhom jiġu ttrasferiti lill-Qorti Ġenerali. Il-Qorti Ġenerali għandha tkompli tittratta dawk il-kawżi hekk kif ikunu f'dik id-data u f'konformità mar-Regoli ta' Proċedura tagħha. Fil-każ li kawża tiġi ttrasferita lill-Qorti Ġenerali wara l-għeluq tal-fażi orali tal-proċedura, dik il-parti tal-proċedura għandha tinfetaħ mill-ġdid.

Artikolu 4

Minkejja l-punt (3) tal-Artikolu 2 ta' dan ir-Regolament, l-Artikoli 9 sa 12 tal-Anness I tal-Protokoll Nru 3 għandhom jibqgħu japplikaw għall-appelli kontra deċiżjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li kienu diġà ġew ippreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali sal-31 ta' Awwissu 2016 jew li jiġu ppreżentati wara din id-data. Fil-każ li l-Qorti Ġenerali tannulla deċiżjoni tat-Tribunal tas-Servizz Pubbliku iżda tikkunsidra li l-istat tal-proċedimenti ma jippermettix li tittieħed deċiżjoni, hija għandha tibgħat lura l-kawża quddiem awla differenti minn dik li tkun iddeċidiet l-appell.

Artikolu 5

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta' Settembru 2016.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, is-6 ta' Lulju 2016.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

I. KORČOK


(1)  L-Opinjoni tat-22 ta' Frar 2016 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ġunju 2016 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 2016.

(3)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2015/2422 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2015 li jemenda l-Protokoll Nru 3 dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 341, 24.12.2015, p. 14).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/752/KE, Euratom tat-2 ta' Novembru 2004 li tistabbilixxi t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (ĠU L 333, 9.11.2004, p. 7).

(5)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 979/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-Imħallfin ad interim tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 303, 31.10.2012, p. 83).


Top