EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R1185

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1185 tal-20 ta' Lulju 2016 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 923/2012 rigward l-aġġornament u l-ikkompletar tar-regoli komuni tal-ajru u dispożizzjonijiet operattivi dwar is-servizzi u l-proċeduri fin-navigazzjoni bl-ajru (SERA Parti C) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 730/2006 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

C/2016/4586

ĠU L 196, 21.7.2016, p. 3–43 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 21/07/2016

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2016/1185/oj

21.7.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 196/3


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1185

tal-20 ta' Lulju 2016

li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 923/2012 rigward l-aġġornament u l-ikkompletar tar-regoli komuni tal-ajru u dispożizzjonijiet operattivi dwar is-servizzi u l-proċeduri fin-navigazzjoni bl-ajru (SERA Parti C) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 730/2006

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 551/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2004 dwar l-organizzazzjoni u l-użu tal-ispazju tal-arja fl-ajru uniku Ewropew (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2008 dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/670/KEE, ir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 u d-Direttiva 2004/36/KE (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 8b(6) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 551/2004 jeħtieġ li l-Kummissjoni tadotta regoli ta' implimentazzjoni dwar regoli tal-ispazju tal-ajru u dwar l-applikazzjoni uniformi tal-klassifikazzjoni tal-ispazju tal-ajru. Ir-regoli tal-Unjoni dwar l-ispazju tal-ajru ġew żviluppati f'żewġ fażijiet. Fil-Fażi I (SERA Parti A), il-Kummissjoni, appoġġjata minn Eurocontrol, mill-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (“l-Aġenzija”) u mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (“ICAO”), ippreparat it-traspożizzjoni fid-dritt tal-Unjoni tal-Anness 2 tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (“il-Konvenzjoni ta' Chicago”). Fil-Fażi II (SERA Parti B), id-dispożizzjonijiet rilevanti mill-Annessi 3 u 11 tal-Konvenzjoni ta' Chicago ġew trasposti fid-dritt tal-Unjoni. Dan irriżulta fir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 923/2012 (3), li jgħaqqad dawk iż-żewġ Partijiet A u B f'att uniku tal-Unjoni.

(2)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 923/2012 issa għandu jiġi kkompletat billi jiġu inklużi fih id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-ICAO li fadal, b'mod partikolari dawk stabbiliti fl-Anness 10 tal-Konvenzjoni ta' Chicago u fid-Dokument 4444 (PANS-ATM), li għandhom regoli tan-natura tal-ajru u li għadhom ma ġewx trasposti fid-dritt tal-Unjoni.

(3)

id-dispożizzjonijiet f'dan ir-Regolament, għandhom jappoġġjaw u jikkomplementaw regoli relatati mal-provvista ta' servizzi tat-traffiku tal-ajru fl-Anness 10, il-Volum II u fl-Anness 11 tal-Konvenzjoni ta' Chicago, ICAO Dok. 4444 (PANS ATM) u r- Rekwiżiti Komuni stabbiliti skont l-Artikolu 8b tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 sabiex tiġi żgurata l-konsistenza tal-provvista ta' servizzi mal-azzjonijiet tal-bdoti u ta' atturi oħrajn skont dan ir-Regolament

(4)

Ir-Regolament ta' Implimentazjzoni (UE) Nru 923/2012 għandu jkun allinjat ukoll mar-Regolamenti tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012 (4) u (UE) Nru 139/2014 (5), bil-għan li jiġi żgurat approċċ konsistenti lejn ir-regolamentazzjoni tas-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili.

(5)

Għall-istess raġuni, u sabiex tkun żgurata preżentazzjoni tar-regoli applikabbli aktar faċli għall-utent, ir-regoli stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 730/2006 (6) għandhom jiddaħħlu fir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 923/2012.

(6)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 923/2012 għandu għalhekk, jiġi emendat skont dan u r-Regolament (KE) Nru 730/2006 jitħassar.

(7)

Għandu jingħata biżżejjed żmien ta' tranżizzjoni lill-Istati Membri, lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru, lill-fornituri tas-servizzi ta' navigazzjoni tal-ajru u lil partijiet ikkonċernati oħrajn biex ikunu jistgħu jimplimentaw b'mod korrett dan ir-Regolament, inklużi l-pubblikazzjoni meħtieġa ta' proċeduri ġodda u t-taħriġ tal-operaturi u tal-persunal affettwat. Madankollu, id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament li fihom emendi urġenti tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 923/2012 fid-dawl tal-emendi riċenti tal-Annessi 2 u 11 tal-Konvenzjoni ta' Chicago jew it-tagħlimiet mill-implimentazzjoni tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 923/2012 għandhom japplikaw b'seħħ minn data preċedenti adattata, billi jitqiesu d-dati ta' notifika tas-sistema ta' Regolamentazzjoni u ta' Kontroll tal-Informazzjoni Ajrunawtika “AIRAC”.

(8)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma bbażati fuq l-opinjoni maħruġa mill-Aġenzija skont l-Artikoli 17(2)(b) u 19(1) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008.

(9)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni maħruġa mill-Kumitat dwar l-Ajru Uniku, stabbilit bl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 923/2012 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 3 jinbidel b'dan li ġej:

“3.   Dan ir-Regolament japplika wkoll għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, għall-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru, għall-operaturi tal-ajrudromi u għall-persunal fuq l-art impenjati f'operazzjonijiet tal-inġenji tal-ajru.”;

(b)

jiżdied il-paragrafu 4 li ġej:

“4.   Dan ir-Regolament ma japplikax għal mudelli tal-inġenji tal-ajru u għal inġenji tal-ajru tal-logħob. Madankollu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġu stabbiliti regoli nazzjonali biex jiżguraw li l-mudelli tal-inġenji tal-ajru u l-inġenji tal-ajru tal-logħob jitħaddmu b'tali mod li jnaqqsu l-perikli marbuta mas-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili, mal-persuni, mal-proprjetà jew ma' inġenji tal-ajru oħrajn.”.

(2)

L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt 2 jitħassar;

(b)

il-punt 25 jinbidel b'dan li ġej:

“25.

“air-taxiing” tfisser moviment ta' ħelikopter/tlugħ u nżul vertikali (VTOL, vertical take-off and landing) 'il fuq mill-wiċċ ta' ajrudrom, normalment fl-effett tal-art u b'veloċità tal-art normalment inqas minn 37 km/h (20 kts);”;

(c)

il-punti 27 u 28 jinbidlu b'dan li ġej:

“27.

“servizz ta' konsulenza dwar it-traffiku tal-ajru” tfisser servizz ipprovdut fi ħdan spazju tal-ajru ta' konsulenza biex tiġi żgurata s-separazzjoni, safejn dan huwa prattiku, bejn l-inġenji tal-ajru li qegħdin joperaw fuq pjanijiet ta' titjiriet skont ir-regoli tat-titjir bl-istrumenti (IFR);

28.

“l-awtorizzazzjoni tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru (ATC)” tfissser awtorizzazzjoni għal inġenju tal-ajru biex jipproċedi skont il-kundizzjonijiet speċifikati mill-unità ta' kontroll tat-traffiku tal-ajru;”;

(d)

il-punti 33, 34 u 35 jinbidlu b'dan li ġej:

“33.

“l-ispazji tal-ajru tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru (ATS)” tfisser l-ispazji tal-ajru ta' dimensjonijiet definiti, deżinjati b'mod alfabetiku, li fihom jistgħu joperaw tipi speċifiċi ta' titjiriet u li għalihom huma speċifikati servizzi tat-traffiku tal-ajru u regoli tal-operat;

34.

“uffiċċju tar-rappurtar (ARO) tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru (ATS)” tfisser unità stabbilita għar-riċeviment ta' rapporti li jikkonċernaw is-servizzi tat-traffiku tal-ajru u l-pjanijiet tat-titjiriet sottomessi qabel it-tluq;

35.

“unità tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru (ATS)” tfisser terminu ġeneriku li jfisser, b'mod varjat, unità tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru, ċentru tal-informazzjoni dwar it-titjir, unità tas-servizz ta' informazzjoni dwar it-titjir tal-ajrudrom jew uffiċċju tar-rappurtar tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru;”;

(e)

jiddaħħal il-punt 34a li ġej:

“34a.

“servizz ta' sorveljanza tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru (ATS)” tfisser servizz ipprovdut direttament permezz ta' sistema ta' sorveljanza tal-ATS;”;

(f)

il-punt 38 jinbidel b'dan li ġej:

“38.

“ajrudrom alternattiv” tfisser ajrudrom li inġenju tal-ajru jista' jipproċedi lejh meta jkun impossibbli jew mhux rakkomandabbli li jipproċedi lejn jew jinżel fl-ajrudrom tal-inżul maħsub, fejn is-servizzi u l-faċilitajiet meħtieġa huma disponibbli, fejn ir-rekwiżiti tal-prestazzjoni tal-inġenju tal-ajru jintlaħqu u li huwa operazzjonali fil-ħin mistenni ta' użu. Ajrudromi alternattivi jinkludu dawn li ġejjin:

(a)   tlugħ alternattiv: ajrudrom alternattiv li inġenju tal-ajru jista' jinżel fih jekk dan ikun meħtieġ ftit wara t-tlugħ u ma jkunx possibbli jintuża l-ajrudrom tat-tluq;

(b)   ajrudrom alternattiv en route: ajrudrom alternattiv li inġenju tal-ajru jista' jinżel fih jekk tkun meħtieġa devjazzjoni waqt li jkun fir-rotta;

(c)   alternattiv ta' destinazzjoni: ajrudrom alternattiv li inġenju tal-ajru jista' jinżel fih jekk ikun impossibbli jew mhux rakkomandabbli li jinżel fl-ajrudrom tal-inżul maħsub;”;

(g)

jiddaħħal il-punt 48a li ġej:

“48a.

“sorveljanza dipendenti awtomatika — ftehim kuntrattwali (ADS-C)” tfisser pjan ta' rappurtar li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta' rappurtar tad-dejta ADS-C (jiġifieri d-dejta meħtieġa mill-unità tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru u l-frekwenza tar-rapporti ADS-C li jridu jiġu miftiehma, qabel l-użu tal-ADS-C fil-forniment ta' servizzi tat-traffiku tal-ajru);”;

(h)

il-punt 71 jinbidel b'dan li ġej:

“71.

“ħin stmat tal-wasla (ETA)” tfisser għal titjiriet IFR, il-ħin li fih huwa stmat li l-inġenju tal-ajru se jasal fuq dak il-punt deżinjat, iddefinit b'referenza għall-għajnuniet tan-navigazzjoni, li minnu huwa maħsub li tinbeda proċedura ta' approċċ bl-istrumenti, jew, jekk l-ebda għajnuna tan-navigazzjoni ma hija assoċjata mal-ajrudrom, il-ħin li fih l-inġenju tal-ajru se jasal fuq l-ajrudrom. Għal titjiriet skont ir-regoli tat-titjir viżwali (VFR), il-ħin li fih huwa stmat li l-inġenju tal-ajru se jasal fuq l-ajrudrom;”;

(i)

jiddaħħal il-punt 89a li ġej:

“89a.

“operazzjoni ta' avviċinament strumentali” tfisser avviċinament u nżul bl-użu ta' strumenti għal gwida fin-navigazzjoni bbażata fuq proċedura ta' avviċinament strumentali. Hemm żewġ metodi għat-twettiq ta' operazzjonijiet ta' avviċinament strumentali:

(a)

operazzjoni ta' avviċinament strumentali bidimensjonali (2D), bl-użu ta' gwida għan-navigazzjoni laterali biss; u

(b)

operazzjoni ta' avviċinament strumentali tridimensjonali (3D), bl-użu ta' gwida għan-navigazzjoni kemm laterali kif ukoll vertikali.”;

(j)

il-punti (a), (b) u (c) tal-punt 90 jinbidlu b'dan li ġej:

“(a)

proċedura ta' avviċinament mhux ta' preċiżjoni (NPA). Proċedura ta' avviċinament strumentali għal operazzjonijiet ta' avviċinament strumentali 2D tat-Tip A.

(b)

proċedura ta' avviċinament bi gwida vertikali (APV). Proċedura ta' avviċinament strumentali ta' navigazzjoni bbażata fuq il-prestazzjoni (PBN) għal operazzjonijiet ta' avviċinament strumentali 3D tat-Tip A.

(c)

proċedura ta' avviċinament ta' preċiżjoni (PA). Proċedura ta' avviċinament strumentali ibbażata fuq sistemi tan-navigazzjoni (ILS, MLS, GLS u SBAS Cat I) iddiżinjati għal operazzjonijiet ta' avviċinament strumentali 3D tat-Tip A jew B;”;

(k)

jiddaħħal il-punt 94a li ġej:

“94a.

“fjuwil minimu” tfisser terminu użat biex jiddeskrivi sitwazzjoni li fih il-provvista tal-fjuwil tal-inġenju tal-ajru jkun laħaq stat fejn it-titjira jkollha tinżel f'ajrudrom speċifiku u l-ebda dewmien ieħor ma jista' jiġi aċċettat;”;

(l)

jiddaħħlu l-punti 95a u 95b li ġejjin:

“95a.

“mudell ta' inġenju tal-ajru” tfisser inġenju tal-ajru mingħajr ekwipaġġ, minbarra inġenju tal-ajru tal-logħob, li għandu massa operattiva li ma taqbiżx il-limiti preskritti mill-awtorità kompetenti, li huwa kapaċi jsostni t-titjira fl-atmosfera u li jintuża esklussivament għal attivitajiet ta' wiri jew dawk rikreattivi;

95b.

“żona muntanjuża” tfisser żona ta' profil ta' terren li jinbidel fejn il-bidliet fl-elevazzjoni tat-terren jaqbżu 900 m (3 000 pied) f'distanza ta' 18,5 km (10,0 NM);”;

(m)

il-punt 114 jinbidel b'dan li ġej:

“114.

“pożizzjoni ta' stennija fuq ir-runway” tfisser pożizzjoni deżinjata maħsuba biex tipproteġi runway, superfiċje b'limitazzjoni fuq ostakli, jew żona kritika/sensittiva ta' sistema għall-illandjar bl-istrumenti (ILS)/sistema ta' nżul b'microwaves (MLS) li fiha inġenji tal-ajru u vetturi taxiing iridu jieqfu u jistennew, sakemm ma jingħatawx awtorizzazzjoni differenti mit-torri ta' kontroll tal-ajrudrom;”;

(n)

il-punt 116 jinbidel b'dan li ġej:

“116.

“persunal sensittiv għal raġunijiet tas-sikurezza” tfisser persuni li jistgħu jipperikolaw is-sikurezza tal-avjazzjoni jekk iwettqu d-doveri u l-funzjonijiet tagħhom b'mod mhux xieraq, inklużi membri tal-ekwipaġġ, persunal tal-manutenzjoni tal-inġenji tal-ajru, persunal tal-operazzjonijiet tal-ajrudrom, persunal tas-salvataġġ, tat-tifi tan-nar u tal-manutenzjoni, persunal li għandu aċċess mhux akkumpanjat fiż-żona ta' moviment u l-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru;”;

(o)

jiddaħħal il-punt 129a li ġej:

“129a.

“inġenju tal-ajru tal-logħob” tfisser inġenju tal-ajru mingħajr ekwipaġġ iddiżinjat jew maħsub biex jintuża, esklussivament jew le, fil-logħob mit-tfal taħt l-età ta' 14-il sena;”.

(3)

L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-frażi introduttorja tinbidel b'dan li ġej:

“1.   L-awtoritajiet kompetenti jistgħu, jew fuq l-inizjattiva tagħhom proprja jew abbażi tal-applikazzjonijiet mill-entitajiet ikkonċernati, jagħtu eżenzjonijiet lil entitajiet individwali jew lil kategoriji ta' entitajiet minn kwalunkwe wieħed mir-rekwżiti ta' dan ir-Regolament għall-attivitajiet li ġejjin ta' interess pubbliku u għat-taħriġ meħtieġ biex iwettqu dawk l-attivitajiet b'mod sikur:”;

(b)

fil-paragrafu 3, jiddaħħal is-subparagrafu li ġej fl-aħħar ta' dak il-paragrafu:

“Dan l-Artikolu huwa wkoll mingħajr preġudizzju għall-valuri minimi operattivi tal-ħelikopters li hemm fl-approvazzjonijiet speċifiċi mogħtija mill-awtorità kompetenti, skont l-Anness V tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012 (*).

(*)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012 tal-5 ta' Ottubru 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-operazzjonijiet bl-ajru skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 296, 25.10.2012, p. 1).”;"

(4)

L-Anness huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Ir-Regolament (KE) Nru 730/2006 jitħassar.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Ir-Regolament japplika mit-12 ta' Ottubru 2017.

Madankollu, id-dispożizzjonijiet li ġejjin japplikaw mit-18 ta' Awwissu 2016:

(1)

L-Artikolu 1(1);

(2)

L-Artikolu 1(2)(f), (i), (j), (l) u (o);

(3)

L-Artikolu 1(3);

(4)

L-Artikolu 2

(5)

Il-punti (1), (2), (3), (4), (5), (6), (8) (12), (13), (15), (16), (19), (21), (22), (26)(b), (26)(c), (27) u (28) tal-Anness.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Lulju 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 96, 31.3.2004, p. 20.

(2)  ĠU L 79, 19.3.2008, p. 1.

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 923/2012 tas-26 ta' Settembru 2012 li jistabbilixxi regoli komuni tal-ajru u dispożizzjonijiet operattivi dwar is-servizzi u l-proċeduri fin-navigazzjoni bl-ajru u li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1035/2011 u r-Regolamenti (KE) Nru 1265/2007, (KE) Nru 1794/2006, (KE) Nru 730/2006, (KE) Nru 1033/2006 u (UE) Nru 255/2010 (ĠU L 281, 13.10.2012, p. 1).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012 tal-5 ta' Ottubru 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-operazzjonijiet bl-ajru skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 296, 25.10.2012, p. 1).

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 139/2014 tat-12 ta' Frar 2014 li jistabbilixxi rekwiżiti u proċeduri amministrattivi b'rabta mal-ajrudromi skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 44, 14.2.2014, p. 1).

(6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 730/2006 tal-11 ta' Mejju 2006 dwar il-klassifikazzjoni tal-ispazju tal-ajru u l-aċċess tat-titjiriet VFR 'l fuq mil-livell 195 ta' titjir (ĠU L 128, 16.5.2006, p. 3).

(7)  Ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2004 li jippreskrivi l-qafas għall-ħolqien tal-Ajru Uniku Ewropew (ir-Regolament qafas) (ĠU L 96, 31.3.2004, p. 1).


ANNESS

L-Anness għar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 923/2012 huwa emendat kif ġej:

(1)

il-punt SERA.2001 jinbidel b'dan li ġej:

“SERA.2001   Suġġett

Mingħajr preġudizzju għal SERA.1001 hawn fuq, dan l-anness jindirizza, skont l-Artikolu 1, b'mod partikolari l-utenti tal-ispazju tal-ajru u l-inġenji tal-ajru:

(a)

li joperaw lejn, fi ħdan jew barra mill-Unjoni;

(b)

u li għandhom in-nazzjonalità u l-marki ta' reġistrazzjoni ta' Stat Membru tal-Unjoni, u li joperaw fi kwalunkwe spazju tal-ajru safejn ma jkunux f'kunflitt mar-regoli ppubblikati mill-Istat li għandu ġurisdizzjoni fuq it-territorju li jtiru minn fuqu.

Dan l-anness jindirizza l-azzjonijiet tal-Awtoritajiet Kompetenti tal-Istati Membri, il-Fornituri ta' Servizzi tan-Navigazzjoni bl-Ajru (ANSP), l-operaturi tal-ajrudromi u l-persunal tal-art rilevanti impenjat f'operazzjonijiet tal-inġenji tal-ajru.”;

(2)

il-punt SERA.3215(a) huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (2) jinbidel b'dan li ġej:

“(2)

ħlief għal blalen, id-dwal tan-navigazzjoni maħsuba biex jindikaw il-mogħdija relattiva tal-inġenju tal-ajru għal osservatur. Dwal oħrajn ma jistgħux jintwerew jekk huwa probabbli li jistgħu jitħawdu ma' dawn id-dwal.”;

(b)

il-punt (3) huma mħassar;

(3)

fil-punt SERA.4001(d), il-frażi introduttorja tinbidel b'dan li ġej:

“Sakemm ma jkunx stipulat perjodu ta' żmien iqsar mill-awtorità kompetenti għat-titjiriet VFR domestiċi, pjan tat-titjira għal kwalunkwe titjira ppjanata biex topera fuq fruntieri internazzjonali jew li se tkun ipprovduta bis-servizz ta' kontroll tat-traffiku tal-ajru jew is-servizz ta' konsulenza tat-traffiku tal-ajru għandu jiġi sottomess mill-inqas sittin minuta qabel it-tluq, jew, jekk sottomess matul it-titjira, f'ħin li jiżgura r-riċevuta tiegħu mill-unità tal-ATS xierqa tal-anqas għaxar minuti qabel l-inġenju tal-ajru huwa stmat li se jintlaħaq:”;

(4)

fil-punt SERA.5001, it-Tabella S5-1, in-nota ta' qiegħ il-paġna (***) tat-tabella, il-punt (b) jinbidel b'dan li ġej:

“(b)

ħelikopters jistgħu jkunu permessi joperaw f'viżibbiltà tat-titjira ta' inqas minn 1 500 m iżda mhux inqas minn 800 m, jekk jiġu mmanuvrati b'veloċità li tagħti opportunità xierqa biex jiġi osservat traffiku ieħor jew kwalunkwe ostaklu fil-ħin sabiex tiġi evitata kolliżjoni.”;

(5)

il-punt SERA.5005 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (c) huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punti (3)(ii) u (3)(iii) jinbidlu b'dan li ġej:

“(ii)

id-dispożizzjonijiet dwar it-tnaqqis fil-viżibbiltà tat-titjira speċifikati fit-Tabella S5-1(a) u (b) ma għandhomx japplikaw;

(iii)

fil-klassijiet tal-ispazju tal-ajru B, C, D, E, F u G, f'900 m (3 000 pied) AMSL u inqas jew 300 m (1 000 pied) 'il fuq mill-art, skont liema huwa l-ogħla, il-bdot għandu jibqa' jkollu viżibbiltà tas-superfiċje; u”;

(ii)

il-punt (3)(iv) jitħassar;

(iii)

il-punt (3)(v) jinbidel b'dan li ġej:

“(v)

għal żona muntanjuża, viżibbiltà VMC ogħla u distanza mil-livell minimu tas-sħab jistgħu jiġu stipulati mill-awtorità kompetenti;”;

(iv)

il-punt (4) jitħassar;

(b)

il-punt (d) jinbidel b'dan li ġej:

“(d)

titjiriet VFR ma għandhomx jiġu operati:

(1)

f'veloċitajiet transoniċi u supersoniċi sakemm mhux awtorizzati mill-awtorità kompetenti;

(2)

'il fuq minn FL 195. L-eċċezzjonijiet għal dan ir-rekwiżit huma dawn li ġejjin:

(i)

tkun ġiet stabbilita riżervazzjoni tal-ispazju tal-ajru, fejn dan huwa prattiku, mill-Istati Membri, li fih jistgħu jiġu permessi titjiriet VFR; jew

(ii)

l-ispazju tal-ajru sa u inkluż il-livell tat-titjira 285, meta t-traffiku VFR f'dak l-ispazju tal-ajru jkun ġie awtorizzat mill-unità tal-ATS responsabbli skont il-proċeduri ta' awtoritazzazzjoni stabbiliti mill-Istati Membri u ppubblikati fil-pubblikazzjoni ta' informazzjoni ajrunawtika rilevanti.”;

(6)

il-punt SERA.5010 jinbidel b'dan li ġej:

“Titjiriet VFR speċjali jistgħu jiġu awtorizzati biex joperaw f'żona ta' kontroll, soġġett għal awtorizzazzjoni tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru (ATC clearance). Ħlief meta jingħata permess mill-awtorità kompetenti għall-ħelikopters f'każijiet speċjali bħal, iżda mingħajr ma jkunu limitati għal, operazzjonijiet tal-pulizija, mediċi, tat-tfittxija u salvataġġ u titjiriet għat-tifi tan-nar, għandhom japplikaw il-kundizzjonijiet addizzjonali li ġejjin:

(a)

titjiriet VFR speċjali bħal dawn jistgħu jitwettqu matul il-ġurnata biss, sakemm ma jkunx permess mod ieħor mill-awtorità kompetenti;

(b)

mill-bdot:

(1)

barra mis-sħab u fejn jista' jidher is-superfiċje;

(2)

il-viżibbiltà ta' titjira ma tkunx inqas minn 1 500 m jew, għall-ħelikopters, mhux inqas minn 800 m;

(3)

titjir b'veloċità ta'140 kts IAS jew inqas biex tingħata opportunità xierqa biex jiġi osservat traffiku ieħor u kwalunkwe ostaklu f'ħin biżżejjed bil-quddiem biex tiġi evitata kolliżjoni; u

(c)

Unità tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru ma għandhiex toħroġ awtorizzazzjoni VFR speċjali lil inġenju tal-ajru biex jitla' jew jinżel f'ajrudrom f'żona ta' kontroll, jew jidħol fiż-żona tat-traffiku tal-ajrudrom jew iċ-ċirkwit tat-traffiku tal-ajrudrom meta l-kundizzjonijiet meteoroloġiċi rappurtati f'dak l-ajrudrom huma taħt il-livelli minimi li ġejjin:

(1)

il-viżibbiltà tal-art hija inqas minn 1 500 m jew, għall-ħelikopters, inqas minn 800 m;

(2)

il-livell massimu huwa inqas minn 180 m (600 pied).”;

(7)

fil-punt SERA.5015(c), jiżdied il-punt (3) li ġej:

“(3)

Bidla minn titjira IFR għal titjira VFR għandha tkun aċċettabbli biss meta l-messaġġ li jinbeda mill-bdot fil-kmand li jkun fih l-espressjoni speċifika “CANCELLING MY IFR FLIGHT” (Qiegħed inħassar it-titjira IFR tiegħi), flimkien mal-bidliet, jekk ikun hemm, li jridu jsiru għall-pjan kurrenti tat-titjira, jasal għand l-unità tal-ATS. L-ebda stedina għal bidla minn titjira IFR għal titjira VFR ma għandha ssir mill-ATS jew direttament jew permezz ta' inferenza.”;

(8)

il-punt SERA.6001 jinbidel b'dan li ġej:

“SERA.6001   Klassifikazzjoni tal-ispazji tal-ajru

(a)

L-Istati Membri għandhom jiddeżinjaw spazju tal-ajru skont il-klassifikazzjoni tal-ispazji tal-ajru li ġejja u skont l-Appendiċi 4:

(1)

Klassi A. Huma permessi biss titjiriet IFR. It-titjiriet kollha huma pprovduti b'servizz ta' kontroll tat-traffiku tal-ajru u huma separati minn xulxin. Il-komunikazzjonijiet bil-vuċi kontinwi mill-ajru għall-art huma meħtieġa għat-titjiriet kollha. It-titjiriet kollha għandhom ikunu soġġetti għal awtorizzazzjoni tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru.

(2)

Klassi B. Huma permessi titjiriet IFR u VFR. It-titjiriet kollha huma pprovduti b'servizz ta' kontroll tat-traffiku tal-ajru u huma separati minn xulxin. Il-komunikazzjonijiet bil-vuċi kontinwi mill-ajru għall-art huma meħtieġa għat-titjiriet kollha. It-titjiriet kollha għandhom ikunu soġġetti għal awtorizzazzjoni tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru.

(3)

Klassi C. Huma permessi titjiriet IFR u VFR. It-titjiriet kollha huma pprovduti b'servizz ta' kontroll tat-traffiku tal-ajru u t-titjiriet IFR huma separati minn titjiriet IFR oħrajn u minn titjiriet VFR. It-titjiriet VFR huma separati minn titjiriet IFR u jirċievu informazzjoni dwar it-traffiku rigward titjiriet VFR oħrajn u pariri fuq talba dwar kif jiġi evitat it-traffiku. Il-komunikazzjonijiet bil-vuċi kontinwi mill-ajru għall-art huma meħtieġa għat-titjiriet kollha. Għal titjiriet VFR tapplika limitazzjoni fuq il-veloċità tal-ajru indikata (IAS) ta' 250 kts taħt 3 050 m (10 000 pied) AMSL, għajr meta jkun hemm approvazzjoni mill-awtorità kompetenti għal tipi ta' inġenji tal-ajru, li għal raġunijiet tekniċi jew ta' sikurezza, ma jistgħux iżommu din il-veloċità. It-titjiriet kollha huma soġġetti għal awtorizzazzjoni tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru.

(4)

Klassi D. Huma permessi titjiriet IFR u VFR u t-titjiriet kollha huma pprovduti b'servizz ta' kontroll tat-traffiku tal-ajru. It-titjiriet VFR huma separati minn titijiriet IFR u jirċievu informazzjoni dwar it-traffiku rigward ta' titjiriet VFR u pariri fuq talba dwar kif jiġi evitat it-traffiku. It-titjiriet VFR jirċievu informazzjoni dwar it-traffiku rigward it-titjiriet l-oħra kollha u pariri fuq talba dwar kif jiġi evitat it-traffiku. Komunikazzjonijiet bil-vuċi kontinwi mill-ajru għall-art huma meħtieġa għat-titjiriet kollha u limitazzjoni tal-veloċità ta' 250 kts IAS tapplika għat-titjiriet kollha taħt 3 050 m (10 000 pied) AMSL, għajr meta jkun hemm approvazzjoni mill-awtorità kompetenti għal tipi ta' inġenji tal-ajru, li għal raġunijiet tekniċi jew ta' sikurezza, ma jistgħux iżommu din il-veloċità. It-titjiriet kollha għandhom ikunu soġġetti għal awtorizzazzjoni tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru.

(5)

Klassi E. Huma permessi titjiriet IFR u VFR. It-titjiriet IFR huma pprovduti b'servizz ta' kontroll tat-traffiku tal-ajru u huma separati minn titjiriet oħrajn IFR. It-titjiriet kollha jirċievu informazzjoni dwar it-traffiku safejn dan huwa prattiku. Il-komunikazzjonijiet bil-vuċi kontinwi mill-ajru għall-art huma meħtieġa għat-titjiriet IFR. Limitazzjoni tal-veloċità ta' 250 kts IAS tapplika għat-titjiriet kollha taħt 3 050 m (10 000 pied) AMSL, għajr meta jkun hemm approvazzjoni mill-awtorità kompetenti għal tipi ta' inġenji tal-ajru, li għal raġunijiet tekniċi jew ta' sikurezza, ma jistgħux iżommu din il-veloċità. It-titjiriet IFR kollha għandhom ikunu soġġetti għal awtorizzazzjoni tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru. Il-Klassi E ma għandhiex tintuża għal żoni ta' kontroll.

(6)

Klassi F. Huma permessi titjiriet IFR u VFR. It-titjiriet IFR kollha li qegħdin jipparteċipaw jirċievu servizz ta' konsulenza tat-traffiku tal-ajru u t-titjiriet kollha jirċievu servizz ta' informazzjoni dwar it-titjiriet jekk ikun mitlub. Il-komunikazzjonijiet bil-vuċi kontinwi mill-ajru għall-art huma meħtieġa għat-titjiriet IFR li qegħdin jipparteċipaw fis-servizz ta' konsulenza u t-titjiriet IFR kollha għandhom ikunu jistgħu jistabbilixxu komunikazzjonijiet bil-vuċi mill-ajru għall-art. Limitazzjoni tal-veloċità ta' 250 kts IAS tapplika għat-titjiriet kollha taħt 3 050 m (10 000 pied) AMSL, għajr meta jkun hemm approvazzjoni mill-awtorità kompetenti għal tipi ta' inġenji tal-ajru, li għal raġunijiet tekniċi jew ta' sikurezza, ma jistgħux iżommu din il-veloċità. L-awtorizzazzjoni tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru mhijiex meħtieġa.

(7)

Klassi G. Huma permessi titjiriet IFR u VFR u dawn jirċievu servizz ta' informazzjoni dwar it-titjiriet jekk jitolbuh. It-titjiriet kollha IFR għandhom ikunu jistgħu jistabbilixxu komunikazzjonijiet bil-vuċi mill-ajru għall-art. Limitazzjoni tal-veloċità ta' 250 kts IAS tapplika għat-titjiriet kollha taħt 3 050 m (10 000 pied) AMSL, għajr meta jkun hemm approvazzjoni mill-awtorità kompetenti għal tipi ta' inġenji tal-ajru, li għal raġunijiet tekniċi jew ta' sikurezza, ma jistgħux iżommu din il-veloċità. L-awtorizzazzjoni tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru mhijiex meħtieġa.

(8)

L-implimentazzjoni tal-Klassi F għandha titqies bħala miżura temporanja sakemm tista' tiġi mibdula bi klassifikazzjoni alternattiva.

(b)

Id-deżinjazzjoni tal-klassifikazzjoni tal-ispazju tal-ajru għandha tkun xierqa għall-ħtiġijiet tal-Istati Membri, ħlief li l-ispazju tal-ajru kollu 'l fuq minn FL 195 għandu jiġi kklassifikat bħala Spazju tal-Ajru tal-Klassi C.”;

(9)

jiddaħħal il-punt SERA.7002 li ġej:

“SERA.7002   Informazzjoni dwar periklu ta' kolliżjoni meta tingħata servizz tat-traffiku tal-ajru (ATS) ibbażat fuq is-sorveljanza

(a)

Meta titjira kkontrollata identifikata tiġi osservata li tkun fuq rotta f'kunflitt ma' inġenju tal-ajru mhux magħruf, li huwa meqjus li jikkostitwixxi periklu ta' kolliżjoni, il-bdot tat-titjira kontrollata għandu, meta jkun prattiku:

(1)

jinforma ruħu dwar l-inġenju tal-ajru mhux magħruf, u, jekk il-bdot jitlob dan, jew jekk is-sitwazzjoni teħtieġ dan fl-opinjoni tal-kontrollur, jiġi ssuġġerit li tiġi evitata l-azzjoni; u

(2)

jiġi notifikat meta l-kunflitt ma jibqax jeżisti.”;

(10)

jiddaħħal il-punt SERA.8012 li ġej:

“SERA.8012   Applikazzjoni tas-separazzjoni tat-turbolenza tar-radda

(a)

Il-livell minimu tas-separazzjoni tat-turbolenza tar-radda għandu jkun applikat għal inġenju tal-ajru li jkun fil-fażijiet tal-avviċinament u t-tluq tat-titjira skont iċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(1)

inġenju tal-ajru qiegħed jopera direttament wara inġenju tal-ajru ieħor fl-istess altitudni jew inqas minn 300 m (1 000 pied) taħtu; jew

(2)

iż-żewġ inġenji tal-ajru qegħdin jużaw l-istess runway jew runways paralleli separati b'inqas minn 760 m (2 500 pied); jew

(3)

inġenju tal-ajru qiegħed jaqsam wara inġenju tal-ajru ieħor fl-istess altitudni jew inqas minn 300 m (1 000 pied) taħtu.”;

(11)

il-punt SERA.8015 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (a) jinbidel b'dan li ġej:

“(a)

L-awtorizzazzjonijiet tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru għandhom jkunu bbażati biss fuq ir-rekwiżiti li ġejjin għall-provvista tas-servizz ta' kontroll tat-traffiku tal-ajru:

(1)

L-awtorizzazzjonijiet għandhom jinħarġu biss biex jgħaġġlu u jisseparaw it-traffiku tal-ajru u jkunu bbażati fuq kundizzjonijiet tat-traffiku magħrufin li jistgħu jaffettwaw is-sikurezza fl-operat tal-inġenji tal-ajru. Kundizzjonijiet tat-traffiku bħal dawn jinkludu mhux biss l-inġenji tal-ajru fl-ajru u fuq iż-żona ta' mmanuvrar li fuqha huwa eżerċitat il-kontroll, iżda anke kull traffiku veikulari jew ostakli oħrajn mhux installati b'mod permanenti fuq iż-żona ta' manuvrar li qiegħda tintuża.

(2)

L-unitajiet tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru għandhom joħorġu tali awtorizzazzjonijiet tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru meħtieġa biex jimpedixxu l-kolliżjonijiet u jgħaġġlu u jżommu fluss ordnat tat-traffiku tal-ajru.

(3)

L-awtorizzazzjonijiet tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru għandhom jinħarġu kmieni biżżejjed biex jiżguraw li jiġu trażmessi lill-inġenju tal-ajru fil-ħin suffiċjenti sabiex dan ikunu jista' jikkonforma magħhom.”;

(b)

il-punt (d)(3) jinbidel b'dan li ġej:

“(3)

ir-rotta tat-titjira, …

(i)

għandhom jingħataw dettalji dwar ir-rotta tat-titjira f'kull awtorizzazzjoni meta dan ikun meqjus neċessarju, u

(ii)

il-frażi “cleared via flight plannned route” (awtorizzat permezz tar-rotta ppjanata tat-titjira) ma għandhiex tintuża meta tingħata awtorizzazzjoni mill-ġdid.”;

(c)

jiżdiedu l-punti (ea), (eb) u (ec) li ġejjin:

“(ea)

Bidliet fl-awtorizzazzjoni rigward ir-rotta jew il-livell

(1)

Meta tinħareġ awtorizzazzjoni li tkopri bidla mitluba fir-rotta jew fil-livell, in-natura eżatta tal-bidla għandha tiġi inkluża fl-awtorizzazzjoni.

(2)

Meta l-kundizzjonijiet tat-traffiku ma jippermettux l-awtorizzazzjoni ta' bidla mitluba, għandha tintuża l-kelma “UNABLE” (mhux possibbli). Meta meħtieġ miċ-ċirkostanzi, għandha tiġi offruta rotta jew livell alternattiv.

(eb)

Awtorizzazzjoni relatata mal-altimetrija

(1)

Għal titjiriet fiż-żoni fejn tiġi stabbilita alititudni tranżitorja, il-pożizzjoni vertikali tal-inġenju tal-ajru għandha, ħlief kif ipprovdut f'(5) hawn taħt, tiġi espressa f'termini ta' altitudnijiet fl-altitudni tranżitorja jew taħtha u f'termini tal-livelli tat-titjira fil-livell ta' tranżizzjoni jew fuqu. Waqt li tkun għaddejja mill-istrat ta' tranżizzjoni, il-pożizzjoni vertikali għandha tiġi espressa f'termini tal-livelli tat-titjira meta tkun fit-tlugħ u f'termini ta' alitudnijiet meta tkun fl-inżul.

(2)

L-ekwipaġġ tat-titjira għandu jkun ipprovdut bil-livell ta' tranżizzjoni fiż-żmien dovut qabel jilħquh matul l-inżul.

(3)

Konfigurazzjoni tal-altimetru tal-QNH għandha tiġi inkluża fl-awtorizzazzjoni tal-inżul meta tingħata għall-ewwel darba f'altitudni taħt il-livell ta' tranżizzjoni, fl-awtorizzazzjonijiet ta' avviċinament jew l-awtorizzazzjonijiet għad-dħul fiċ-ċirkwit tat-traffiku, u fl-awtorizzazzjonijiet tat-taxiing għal inġenji tal-ajru li se jitilqu, ħlief meta jkun magħruf li l-inġenju tal-ajru jkun diġà ngħata l-informazzjoni fi trażmissjoni istruita.

(4)

Konfigurazzjoni tal-altimetru tal-QFE għandha tingħata lil inġenju tal-ajru fuq talba jew fuq bażi regolari skont l-arranġamenti lokali.

(5)

Meta inġenju tal-ajru li jkun ingħata awtorizzazzjoni biex jinżel ikun qiegħed jikkompleta l-avviċinament tiegħu bl-użu tal-pressjoni atmosferika fl-elevazzjoni tal-ajrudrom (QFE), il-pożizzjoni vertikali tal-inġenju tal-ajru għandha tiġi espressa f'termini tal-għoli 'l fuq mill-elevazzjoni tal-ajrudrom matul dik il-porzjon tat-titjira tiegħu li għalih qiegħda tintuża l-QFE, ħlief jekk din tkun espressa f'termini tal-għoli 'l fuq mil-livell limitu tal-elevazzjoni tar-runway:

(i)

għal runways bl-istrumenti jekk il-livell limitu huwa 2 m (7 pied) jew iżjed taħt l-elevazzjoni tal-ajrudrom; u

(ii)

għal runways b'avviċinament ta' preċiżjoni.

(ec)

Awtorizzazzjonijiet kondizzjonali

Il-frażijiet kondizzjonali, bħal “behind landing aircraft” (wara inġenju tal-ajru li nieżel) jew “after departing aircraft” (wara inġenju tal-ajru li se jitlaq), ma għandhomx jintużaw għal movimenti li jaffettwaw ir-runway(s) attivi, ħlief meta l-inġenju tal-ajru jew il-vetturi kkonċernati huma osservati mill-kontrollur u l-bdot xierqa. L-inġenju tal-ajru jew il-vettura li tkun qiegħda tikkawża l-kundizzjoni fl-awtorizzazzjoni maħruġa għandha tkun l-ewwel inġenju tal-ajru/vettura li tgħaddi quddiem l-inġenju tal-ajru l-ieħor ikkonċernat. Fil-każijiet kollha, għandha tingħata awtorizzazzjoni kundizzjonali fl-ordni li ġej li tikkonsisti minn:

(1)

is-sinjal tas-sejħa;

(2)

il-kundizzjoni;

(3)

l-awtorizzazzjoni; u

(4)

tennija fil-qosor tal-kundizzjoni.”;

(12)

il-punt SERA.8020(a)(3) jinbidel b'dan li ġej:

“(3)

Devjazzjoni mir-rekwiżiti fil-punt (1) għandha tkun innotifikata lill-unità tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru xierqa.”;

(13)

il-punt SERA.8020(b)(3) jinbidel b'dan li ġej:

“(3)

Bidla fil-ħin stmat: jekk il-ħin stmat sal-punt ta' rappurtar applikabbli li jmiss, il-konfini tar-reġjun tal-informazzjoni tat-titjira jew l-ajrudrom ta' destinazzjoni, skont liema jiġi l-ewwel, jinsab li huwa żbaljat b'aktar minn 2 minuti minn dak notifikat lill-ATS jew perjodu ta' ħin ieħor bħal dan kif stipulat mill-awtorità kompetenti, għandhu jiġi notifikat il-ħin stmat rivedut malajr kemm jista' jkun lill-unità tal-ATS xierqa.”;

(14)

fil-punt (a) ta' SERA.8025, jiżdiedu l-punti (2) u (3) li ġejjin:

“(2)

Meta titjira kkontrollata tkun ġiet eżentata mir-rekwiżit li tirrapporta f'punti ta' rappurtar obbligatorji, il-bdoti għandhom, sakemm ma jkunx għaddej rappurtar tal-pożizzjoni awtomatizzat, jerġgħu jibdew bir-rappurtar tal-pożizzjoni bil-vuċi jew CPDLC:

(i)

meta jingħataw istruzzjonijiet biex jagħmlu dan;

(ii)

meta jiġu avżati li s-servizz ta' sorveljanza tal-ATS ikun intemm; jew

(iii)

meta jiġu avżati li l-identifikazzjoni tas-sorveljanza tal-ATS hija mitlufa,

(3)

Il-format tar-rapporti dwar il-pożizzjoni għandhom ikunu skont l-Appendiċi 5, il-Punt A.”;

(15)

il-punt SERA.8035(b) jinbidel b'dan li ġej:

“(b)

L-Istati Membri għandhom ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet xierqa dwar il-fallimenti tal-komunikazzjoni kif adottati skont il-Konvenzjoni ta' Chicago. Il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri meħtieġa għat-traspożizzjoni ta' dawk id-dispożizzjonijiet fid-dritt tal-Unjoni sabiex tistabbilixxi proċeduri komuni Ewropej dwar il-fallimenti tal-komunikazzjoni sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2017.”;

(16)

il-punt SERA.9010 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punti (b)(12) u (b)(13) jinbidlu b'dan li ġej:

“(12)

id-direzzjoni (fi gradi manjetiċi) u l-veloċità tar-riħ fis-superfiċje, inkluż varjazzjonijiet sinifikanti u, jekk is-sensers tar-riħ tas-superfiċje relatati speċifikament mas-sezzjonijiet tar-runway(s) li qegħdin jintużaw ikunu disponibbli u l-informazzjoni hija meħtieġa mill-operaturi tal-inġenji tal-ajru, l-indikazzjoni tar-runway u s-sezzjoni tar-runway li l-informazzjoni tirreferi għaliha;

(13)

il-viżibbiltà u, meta applikabbli, l-RVR (*), u jekk is-sensers tal-viżibbiltà/RVR relatati speċifikament mas-sezzjonijiet tar-runway(s) li qegħdin jintużaw ikunu disponibbli u l-informazzjoni hija meħtieġa mill-operaturi, l-indikazzjoni tar-runway u s-sezzjoni tar-runway li l-informazzjoni tirreferi għaliha;

(*)  Dawn l-elementi huma sostitwiti bit-terminu “CAVOK” meta l-kundizzjonijiet li ġejjin iseħħu simultanjament fil-ħin tal-osservazzjoni: (a) il-viżibbiltà: 10 km jew aktar, u l-viżibbiltà l-aktar baxxa mhijiex rappurtata; (b) l-ebda sħab ta' sinifikat operazzjonali; u (c) l-ebda temp ta' sinifikat għall-avjazzjoni.”;"

(b)

il-punti (c)(12) u (c)(13) jinbidlu b'dan li ġej:

“(12)

id-direzzjoni (fi gradi manjetiċi) u l-veloċità tar-riħ fis-superfiċje, inkluż varjazzjonijiet sinifikanti u, jekk is-sensers tar-riħ tas-superfiċje relatati speċifikament mas-sezzjonijiet tar-runway(s) li qegħdin jintużaw ikunu disponibbli u l-informazzjoni hija meħtieġa mill-operaturi tal-inġenji tal-ajru, l-indikazzjoni tar-runway u s-sezzjoni tar-runway li l-informazzjoni tirreferi għaliha;

(13)

il-viżibbiltà u, meta applikabbli, l-RVR (**), u jekk is-sensers tal-viżibbiltà/RVR relatati speċifikament mas-sezzjonijiet tar-runway(s) li qegħdin jintużaw ikunu disponibbli u l-informazzjoni hija meħtieġa mill-operaturi, l-indikazzjoni tar-runway u s-sezzjoni tar-runway li l-informazzjoni tirreferi għaliha;

(**)  Dawn l-elementi huma sostitwiti bit-terminu “CAVOK” meta l-kundizzjonijiet li ġejjin iseħħu simultanjament fil-ħin tal-osservazzjoni: (a) il-viżibbiltà: 10 km jew aktar, u l-viżibbiltà l-aktar baxxa mhijiex rappurtata; (b) l-ebda sħab ta' sinifikat operazzjonali; u (c) l-ebda temp ta' sinifikat għall-avjazzjoni.”;"

(c)

il-punti (d)(11) u (d)(12) jinbidlu b'dan li ġej:

“(11)

id-direzzjoni (fi gradi manjetiċi) u l-veloċità tar-riħ fis-superfiċje, inkluż varjazzjonijiet sinifikanti u, jekk is-sensers tar-riħ tas-superfiċje relatati speċifikament mas-sezzjonijiet tar-runway(s) li qegħdin jintużaw ikunu disponibbli u l-informazzjoni hija meħtieġa mill-operaturi tal-inġenji tal-ajru, l-indikazzjoni tar-runway u s-sezzjoni tar-runway li l-informazzjoni tirreferi għaliha;

(12)

il-viżibbiltà u, meta applikabbli, l-RVR (***), u jekk is-sensers tal-viżibbiltà/RVR relatati speċifikament mas-sezzjonijiet tar-runway(s) li qed jintużaw ikunu disponibbli u l-informazzjoni hija meħtieġa mill-operaturi, l-indikazzjoni tar-runway u s-sezzjoni tar-runway li l-informazzjoni tirreferi għaliha;

(***)  Dawn l-elementi huma sostitwiti bit-terminu “CAVOK” meta l-kundizzjonijiet li ġejjin iseħħu simultanjament fil-ħin tal-osservazzjoni: (a) il-viżibbiltà: 10 km jew aktar, u l-viżibbiltà l-aktar baxxa mhijiex rappurtata; (b) l-ebda sħab ta' sinifikat operazzjonali; u (c) l-ebda temp ta' sinifikat għall-avjazzjoni.”;"

(17)

fil-punt SERA.10001, jiżdiedu l-punti (b) u (c) li ġejjin:

“(b)

Sakemm mhux stipulat mod ieħor mill-awtorità kompetenti, l-inġenju tal-ajru mgħammar b'komunikazzjonijiet tar-radju bidirezzjonali xierqa għandu jirrapporta matul il-perjodu ta' għoxrin sa erbgħin minuta wara l-aħħar kuntatt, l-iskop tat-tali kuntatt, billi jiġi indikat sempliċement li t-titjira qiegħda tavvanza skont il-pjan, bit-tali rapport li jinkludi l-identifikazzjoni tal-inġenju tal-ajru u l-kliem “Operations normal” (operat normali).

(c)

Il-messaġġ “Operations normal” għandu jiġi trażmess mill-ajru għall-art lill-unità tal-ATS xierqa.”;

(18)

il-punti SERA.11001 (a) u (b) u SERA.11005 (a) jitħassru u SERA.11001 u SERA.11005 jinbidlu b'dan li ġej:

“SERA.11001   Ġenerali

(c)

Fil-każ ta' inġenju tal-ajru magħruf jew li wieħed jemmen li huwa fi stat ta' emerġenza, inkluż fejn ikun soġġett għal interferenza illegali, l-unitajiet tal-ATS għandhom jagħtu lill-inġenju tal-ajru il-kunsiderazzjoni, l-għajnuna u l-prijorità massimi fuq inġenji tal-ajru oħrajn, skont ma jkun meħtieġ miċ-ċirkostanzi.

(d)

L-azzjonijiet tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru sussegwenti għandhom ikunu bbażati fuq l-intenzjonijiet tal-bdot, fuq is-sitwazzjoni ġenerali tat-traffiku tal-ajru u fuq id-dinamiċi fil-ħin reali tal-kontinġenza.

SERA.11005   Interferenza illegali

(aa)

Inġenju tal-ajru li huwa soġġett għal interferenza illegali għandu jfittex li jissettja t-transponder għall-Kodiċi 7500 u jinnotifika lill-unità tal-ATS xierqa dwar kwalunkwe ċirkostanza sinifikanti assoċjata miegħu u dwar kwalunkwe devjazzjoni mill-pjan tat-titjira kurrenti meħtieġa miċ-ċirkostanzi, sabiex l-unità tal-ATS tkun tista' tagħti prijorità lill-inġenju tal-ajru u tnaqqas il-kunflitt ma' inġenji tal-ajru oħrajn.

(ab)

Jekk inġenju tal-ajru huwa soġġett għal interferenza illegali, il-bdot fil-kmand għandu jipprova jinżel malajr kemm jista' jkun prattiku fl-eqreb ajrudrom xieraq jew f'ajrudrom iddedikat assenjat mill-awtorità kompetenti, sakemm il-kunsiderazzjonijiet abbord l-inġenju tal-ajru ma jiddettawx mod ieħor.

(b)

Meta sseħħ jew ikun hemm suspett ta' interferenza illegali ma' inġenju tal-ajru, l-unitajiet tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru għandhom jattendu minnufih għat-talbiet mill-inġenju tal-ajru. L-informazzjoni pertinenti għat-twettiq sikur tat-titjira għandha tkompli tiġi trażmessa u għandha tittieħed l-azzjoni meħtieġa biex tgħaġġel it-twettiq tal-fażijiet kollha tat-titjira, b'mod speċjali l-inżul sikur tal-inġenju tal-ajru.

(c)

Meta sseħħ jew ikun hemm suspett ta' interferenza illegali ma' inġenju tal-ajru, l-unitajiet tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru għandhom, skont il-proċeduri miftiehma lokalment, jinformaw minnufih l-awtorità xierqa deżinjata mill-Istat u jiskambjaw l-informazzjoni meħtieġa mal-operatur tal-inġenju tal-ajru jew ir-rappreżentant deżinjat tiegħu.”;

(19)

il-punt SERA.11010 huwa emendat kif ġej:

(a)

it-titolu jinbidel b'dan li ġej:

“SERA.11010   Inġenju tal-ajru li jkun tbiegħed jew mhux identifikat”;

(b)

il-punt (a)(3)(i) jinbidel b'dan li ġej:

“(i)

l-inġenju tal-ajru jiġi avżat dwar il-pożizzjoni tiegħu u l-azzjoni korrettiva li jrid jieħu. Dan il-parir għandu jingħata minnufih malli l-unità tas-servizz tat-traffiku tal-ajru tinduna li hemm il-possibbiltà ta' interċezzjoni jew periklu ieħor għas-sikurezza tal-inġenju tal-ajru; u”;

(20)

jiddaħħlu l-punti SERA.11012 u SERA.11013 li ġejjin:

“SERA.11012   Fjuwil Minimu u Emerġenza ta' Fjuwil

(a)

Meta bdot jirrapporta stat ta' fjuwil minimu, il-kontrollur għandu jinforma l-bdot malajr kemm jista' jkun prattiku dwar kwalunkwe dewmien antiċipat jew li mhu mistenni l-ebda dewmien.

(b)

Meta l-livell tal-fjuwil irendi neċessarju li tiġi ddikjarata sitwazzjoni ta' periklu, il-bdot, skont SERA.14095, għandu jindika dan bl-użu tas-sinjal ta' periklu bir-radjutelefonija (MAYDAY), preferibbilment mitkellem tliet darbiet, segwit min-natura tal-kundizzjoni ta' periklu (FUEL) (fjuwil).

SERA.11013   Prestazzjoni degradata tal-inġenju tal-ajru

(a)

Kull meta, bħala riżultat ta' falliment jew degradazzjoni tas-sistemi tan-navigazzjoni, tal-komunikazzjoni, tal-alimetrija, tal-kontroll tat-titjira jew oħrajn, il-prestazzjoni tal-inġenju tal-ajru tiddegrada taħt il-livell meħtieġ għall-ispazju tal-ajru li qiegħed jopera fih, l-ekwipaġġ tat-titjira għandu javża l-unità tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru kkonċernata mingħajr dewmien. Meta l-falliment jew id-degradazzjoni taffettwa l-livell minimu ta' separazzjoni li jkun qiegħed jitħaddem, il-kontrollur għandu jieħu azzjoni biex jistabbilixxi tip ieħor xieraq ta' separazzjoni jew ta' livell minimu tas-separazzjoni.

(b)

Id-degradazzjoni jew il-falliment tas-sistema RNAV

Meta inġenju tal-ajru ma jistax jissodisfa l-ispeċifikazzjonijiet meħtieġa mir-rotta jew proċedura RNAV, bħala riżultat ta' falliment jew degradazzjoni tas-sistema RNAV, għandha tintalab awtorizzazzjoni riveduta mill-bdot.

(c)

Telf tal-prestazzjoni tan-navigazzjoni vertikali meħtieġa għall-ispazju tal-ajru bil-livell minimu ta' separazzjoni vertikali mnaqqsa (RVSM)

(1)

Il-bdot għandu jinforma l-kontroll tat-traffiku tal-ajru malajr kemm jista' jkun possibbli dwar kwalunkwe ċirkostanza fejn ir-rekwiżiti tal-prestazzjoni tan-navigazzjoni vertikali għall-ispazju tal-ajru RVSM ma jistgħux jinżammu. F'każijiet bħal dawn, il-bdot għandu jikseb awtorizzazzjoni riveduta tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru qabel jibda kwalunkwe devjazzjoni mir-rotta u/jew il-livell tat-titjir awtorizzat, fejn dan huwa possibbli. Meta awtorizzazzjoni riveduta tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru ma tistax tinkiseb qabel tali devjazzjoni, il-bdot għandu jikseb awtorizzazzjoni riveduta malajr kemm jista' jkun possibbli wara.

(2)

Matul l-operazzjonijiet fi, jew matul tranżitu vertikali permezz ta', spazju tal-ajru RVSM b'inġenju tal-ajru mhux awtorizzat għal operazzjonijeit RVSM, il-bdoti għandhom jirrapportaw status mhux approvat kif ġej:

(i)

mal-ewwel sejħa fuq kwalunkwe kanal fl-ispazju tal-ajru RVSM;

(ii)

fit-talbiet kollha għal bidliet fil-livell; u

(iii)

fil-qari lura kollu tal-awtorizzazzjonijiet tal-livelli.

(3)

Il-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru jirrikonoxxu b'mod espliċitu r-riċevuta ta' messaġġi minn inġenji tal-ajru li jirrapportaw status mhux approvat ta' RVSM.

(4)

Degradazzjoni tat-tagħmir tal-inġenju tal-ajru — irrappurtata mill-bdot:

(i)

Meta jiġi informat mill-bdot ta' inġenju tal-ajru approvat għal RVSM li qiegħed jopera fi spazju tal-ajru RVSM li t-tagħmir tal-inġenju tal-ajru ma għadux jissodisfa r-rekwiżiti tal-RVSM, il-kontroll tat-traffiku tal-ajru għandu jikkunsidra l-inġenju tal-ajru bħala mhux approvat għal RVSM.

(ii)

Il-kontroll tat-traffiku tal-ajru għandu jieħu azzjoni immedjata biex jipprovdi separazzjoni vertikali minima ta' 600 m (2 000 pied) jew separazzjoni orizzontali xierqa mill-inġenji tal-ajru l-oħrajn kollha kkonċernati li qegħdin joperaw fi spazju tal-ajru RVSM. Inġenju tal-ajru li ma jibqax approvat għal RVSM normalment għandu jiġi awtorizzat itir 'il barra mill-ispazju tal-ajru RVSM meta dan ikun possibbli.

(iii)

Il-bdoti għandhom jinformaw lill-kontroll tat-traffiku tal-ajru, malli jkun prattiku, dwar kwalunkwe restawr tal-funzjonament tajjeb tat-tagħmir meħtieġ biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-RVSM.

(iv)

L-ewwel ACC li jsir jaf b'bidla fl-istatus RVSM ta' inġenju tal-ajru għandu jikkoordina mal-ACCs fil-viċin, kif xieraq.

(5)

Turbolenza severa — mhux prevista:

(i)

Meta inġenju tal-ajru li qiegħed jopera fi spazju tal-ajru RVSM jiltaqa' ma' turbolenza severa minħabba t-temp jew wake vortex li l-bdot jemmen li jista' jkollu impatt fuq il-kapaċità tal-ajruplan li jżomm il-livell ta' titjir awtorizzat tiegħu, il-bdot għandu jinforma l-kontroll tat-traffiku tal-ajru. Il-kontroll tat-traffiku tal-ajru jistabbilixxi separazzjoni orizzontali xierqa jew separazzjoni vertikali minima miżjuda.

(ii)

Il-kontroll tat-traffiku tal-ajru għandu, safejn dan huwa possibbli, jakkomoda t-talbiet tal-bdot għal bidliet fil-livell tat-titjir u/jew tar-rotta u għandu jgħaddi l-informazzjoni dwar it-traffiku, kif meħtieġ.

(iii)

Il-kontroll tat-traffiku tal-ajru għandu jissoliċita rapporti minn inġenji tal-ajru oħrajn biex jiddetermina jekk RVSM għandux jiġi sospiż kompletament jew f'faxxa ta' livell ta' titjir u/jew żona speċifika.

(iv)

L-ACC li jissospendi RVSM għandu jikkoordina mal-ACCs fil-viċin it-tali sospensjoni(jiet) u kull aġġustament meħtieġ għall-kapaċitajiet tas-settur, kif xieraq, biex jiżgura progressjoni b'mod ordnat tat-trasferiment tat-traffiku.

(6)

Turbolenza severa — tbassir:

(i)

Meta tbassir meteoroloġiku jipprevedi turbolenza severa fi spazju tal-ajru RVSM, il-kontroll tat-traffiku tal-ajru għandu jiddetermina jekk RVSM għandux jiġi sospiż u, jekk iva, għal kemm żmien u għal liema livell(i) ta' titjir u/jew żona speċifika.

(ii)

Fil-każijiet fejn RVSM jiġi sospiż, l-ACC li jissospendi l-RVSM għandu jikkoordina mal-ACCs fil-viċin rigward il-livelli ta' titjir xierqa għat-trasferiment tat-traffiku, sakemm tiġi ddeterminata skema ta' allokazzjoni ta' livelli ta' titjir ta' kontinġenza permezz ta' ittra ta' ftehim. L-ACC li jissospendi RVSM għandu jikkoordina wkoll il-kapaċitajiet tas-settur applikabbli mal-ACCs fil-viċin, kif xieraq.”;

(21)

jiddaħħal il-punt SERA.11014 li ġej:

“SERA.11014   Avviż ta' Riżoluzzjoni (RA) tal-ACAS

(a)

ACAS II għandu jintuża matul titjira, ħlief kif ipprovdut fil-lista' ta' tagħmir minimu speċifikata fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012 (****) b'mod li jippermetti li l-indikazzjonijiet ta' RA jkunu prodotti għall-ekwipaġġ ta' titjira meta tiġi identifikata prossimità mhux dovuta ma' inġenju tal-ajru ieħor. Dan ma għandux japplika jekk l-inibizzjoni ta' modalità ta' indikazzjoni ta' RA (bl-użu ta' indikazzjoni ta' konsultazzjonijiet tat-traffiku (TA) biss jew ekwivalenti) tkun mitluba minħabba proċedura mhux normali jew minħabba kundizzjonijiet li jillimitaw il-prestazzjoni.

(b)

Fil-każ ta' ACAS RA, il-bdoti għandhom:

(1)

iwieġbu minnufih billi jsegwu l-RA, kif indikat, sakemm dan ma jipperikolax is-sikurezza tal-inġenju tal-ajru;

(2)

isegwu l-RA anki jekk ikun hemm kunflitt bejn l-RA u l-istruzzjoni tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru għal manuvrar;

(3)

ma jimmanuvrawx fid-direzzjoni opposta għall-RA;

(4)

malajr kemm jista' jkun, skont kif permess mill-volum ta' xogħol tal-ekwipaġġ tat-titjira, jinnotifikaw l-unità tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru xierqa dwar kwalunkwe RA li jeħtieġ devjazzjoni mill-istruzzjoni jew l-awtorizzazzjoni kurrenti tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru;

(5)

ikunu konformi minnufih ma' kwalunkwe RA modifikat;

(6)

jillimitaw il-bidliet fir-rotta tat-titjira għal-limitu minimu meħtieġ biex ikunu konformi mal-RAs;

(7)

jerġgħu lura minnufih għat-termini tal-istruzzjoni jew l-awtorizzazzjoni tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru meta l-kunflitt jiġi solvut; u

(8)

jinnotifikaw il-kontroll tat-traffiku tal-ajru meta jerġgħu lura għall-awtorizzazzjoni kurrenti.

(c)

Meta bdot jirrapporta ACAS RA, il-kontrollur ma għandux jipprova jbiddel ir-rotta tat-titjira tal-inġenju tal-ajru sakemm il-bdot jirrapporta “CLEAR OF CONFLICT” (ħieles minn kunflitt).

(d)

Meta inġenju tal-ajru jitbiegħed mill-awtorizzazzjoni jew l-istruzzjoni tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru tiegħu f'konformità ma' RA, jew meta bdot jirrapporta RA, il-kontrollur ma jibqax responsabbli għall-provvista ta' separazzjoni bejn dak l-inġenju tal-ajru u kwalunkwe inġenju tal-ajru ieħor affettwat bħala konsegwenza diretta tal-manuvra indotta mill-RA. Il-kontrollur għandu jerġa' jieħu r-responsabbiltà għall-provvista ta' separazzjoni lill-inġenji tal-ajru kollha affettwati meta:

(1)

il-kontrollur jirrikonoxxi rapport mill-ekwipaġġ ta' titjira li l-inġenju tal-ajru reġa' lura għall-awtorizzazzjoni kurrenti, jew

(2)

il-kontrollur jirrikonoxxi rapport mill-ekwipaġġ ta' titjira li l-inġenju tal-ajru reġa' lura għall-awtorizzazzjoni kurrenti u joħroġ awtorizzazzjoni alternattiva li hija rikonoxxuta mill-ekwipaġġ tat-titjira.

(****)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012 tal-5 ta' Ottubru 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-operazzjonijiet bl-ajru skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 296, 25.10.2012, p. 1).”;"

(22)

il-punt SERA.11015(e), Tabella S11-3 huwa emendat kif ġej:

(a)

jinbidel it-test fiċ-ċellola “Tifsira” li jikkorrispondi għall-frażi “WILCO”, b'dan li ġej:

“Understood, will comply” (Fhimna, se nikkonformaw);

(b)

fiċ-ċellola taħt il-frażi “WILCO”, titħassar il-frażi “Will comply” (se nikkonformaw);

(23)

fil-punt SERA.12005, jiżdied il-punt (c) li ġej:

“(c)

L-ekwipaġġi tat-titjiriet għandhom jikkompilaw ir-rapporti bl-użu ta' formoli bbażati fuq il-mudell tal-formola AIREP SPECIAL kif stabbilita fil-punt A tal-Appendiċi 5. Dawk ir-rapporti għandhom ikunu konformi mal-istruzzjonijiet iddettaljati għar-rappurtar, kif stipulat fil-punt 2 tal-Appendiċi 5.

(1)

L-istruzzjonijiet iddettaljati, inklużi l-formats tal-messaġġi u l-frażijiet ipprovduti fl-Appendiċi 5, għandhom jintużaw mill-ekwipaġġi tat-titjiriet meta jittrażmettu rapporti dwar l-ajru u mill-unitajiet tal-ATS meta jittrażmettu mill-ġdid rapporti bħal dawn.

(2)

Rapporti speċjali dwar l-ajru li fihom osservazzjonijiet ta' attività vulkanika għandhom jiġu rreġistrati fuq il-formola tar-rapport speċjali dwar l-ajru ta' attività volkanika. Formoli bbażati fuq il-mudell tal-formola għal rapporti speċjali dwar l-ajru ta' attività vulkanika stabbilit fil-punt B tal-Appendiċi 5 għandhom jiġu pprovduti għall-ekwipaġġi tat-titjiriet li joperaw fuq rotot li jistgħu jkunu affettwati minn sħab ta' rmied volkaniku.”;

(24)

il-punt SERA.12020(a)(2) jinbidel b'dan li ġej:

“(2)

l-uffiċċju tal-għassa meteoroloġika (MWO) assoċjat skont il-punt 3 tal-Appendiċi 5; u”;

(25)

it-Taqsimiet 13 u 14 li ġejjin jiżdiedu:

“TAQSIMA 13

SSR Transponder

SERA.13001   Operar ta' SSR transponder

(a)

Meta inġenju tal-ajru jġorr SSR transponder utilizzabbli, il-bdot għandu jopera t-transponder fil-ħinijiet kollha matul it-titjira, irrispettivament minn jekk l-inġenju tal-ajru huwiex ġewwa jew barra mill-ispazju tal-ajru fejn l-SSR jintuża għal skopijiet tal-ATS.

(b)

Il-bdoti ma għandhomx joperaw il-karatteristika IDENT sakemm ma jkunux mitlubin jagħmlu dan mill-ATS.

(c)

Ħlief għal titjira fi spazju tal-ajru deżinjat mill-awtorità kompetenti għall-operat b'mod obbligatorju tat-transponder, inġenji tal-ajru mingħajr biżżejjed provvista elettrika huma eżentati mir-rekwiżit li joperaw it-transponder fil-ħinijiet kollha.

SERA.13005   Issettjar tal-kodiċi tal-Modalità A tal-SSR transponder

(a)

Sabiex jindika li huwa f'sitwazzjoni ta' kontinġenza speċifika, il-bdot tal-inġenju tal-ajru mgħammar bl-SSR għandu:

(1)

jagħżel il-Kodiċi 7700 biex jindika stat ta' emerġenza sakemm il-kontroll tat-traffiku tal-ajru ma jkunx idderieġa qabel il-bdot biex jopera t-transponder fuq kodiċi speċifikat. Fil-każ tal-aħħar, bdot jista' madankollu jagħżel il-Kodiċi 7700 kull meta jkun hemm raġuni speċifika biex jemmen li dan jista' jkun l-aħjar linja ta' azzjoni;

(2)

jagħżel il-Kodiċi 7600 biex jindika stat ta' falliment tal-komunikazzjoni tar-radju;

(3)

jipprova jagħżel il-Kodiċi 7500 biex jindika stat ta' interferenza illegali; Jekk iċ-ċirkostanzi jitolbu dan, għandu jintuża minflok il-Kodiċi 7700.

(b)

Minbarra fil-każijiet deskritti f'(a) hawn fuq, il-bdot għandu:

(1)

jagħżel il-kodiċijiet skont l-istruzzjonijiet tal-unità tal-ATS; jew

(2)

fin-nuqqas ta' istruzzjonijiet mill-ATS relatati mal-issettjar tal-kodiċi, jagħżel il-kodiċi 2000 jew kodiċi ieħor kif preskritt mill-awtorità kompetenti; jew

(3)

meta ma jkunux qegħdin jiġu riċevuti s-servizzi tat-traffiku tal-ajru, jagħżel il-kodiċi 7000 sabiex itejjeb id-detezzjoni ta' inġenji tal-ajru mgħammra kif xieraq sakemm ma jkunx preskritt mod ieħor mill-awtorità kompetenti.

(c)

Meta jkun osservat li l-kodiċi muri fuq id-displej tas-sitwazzjoni huwa differenti minn dak li kien assenjat lill-inġenju tal-ajru:

(1)

il-bdot għandu jkun mitlub jikkonferma l-kodiċi magħżul u, jekk is-sitwazzjoni titlob dan, jerġa' jagħżel il-kodiċi korrett; u

(2)

jekk id-diskrepanza bejn il-kodiċijiet assenjati u dawk murija tibqa' tippersisti, il-bdot jista' jkun mitlub iwaqqaf l-operazzjoni tat-transponder tal-inġenju tal-ajru. Il-pożizzjoni tal-kontroll li jmiss u kwalunkwe unità oħra affettwata li tuża SSR u/jew multilaterazzjoni (MLAT) fil-provvista ta' ATS għandha tkun informata kif xieraq.

SERA.13010   Informazzjoni derivata mill-altitudni skont il-pressjoni

(a)

Meta inġenju tal-ajru jġorr tagħmir tal-Modalità C utilizzabbli, il-bdot għandu jopera din il-modalità kontinwament sakemm ma jkunx indikat mod ieħor mill-kontroll tat-traffiku tal-ajru.

(b)

Sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor mill-awtorità kompetenti, il-verifika tal-informazzjoni dwar il-livell derivat mill-altitudni skont il-pressjoni murija lill-kontrollur għandha tkun effettwata mill-inqas darba minn kull unità tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru mgħammra kif xieraq mal-ewwel kuntatt mal-inġenju tal-ajru kkonċernat jew, jekk dan mhuwiex fattibbli, malajr kemm jista' jkun possibbli minn dak iż-żmien 'il quddiem.

SERA.13015   Issettjar tal-identifikazzjoni tal-inġenju tal-ajru tal-Modalità S tal-SSR transponder

(a)

L-inġenju tal-ajru mgħammar bil-Modalità S li għandu karatteristika ta' identifikazzjoni tal-inġenju tal-ajru għandu jittrażmetti l-identifikazzjoni tal-inġenju tal-ajru kif speċifikat fil-Punt 7 tal-pjan tat-titjira tal-ICAO jew, meta ma jkun ġie sottomess l-ebda pjan ta' titjira, ir-reġistrazzjoni tal-inġenju tal-ajru.

(b)

Kull meta jiġi osservat fuq id-displej tas-sitwazzjoni li l-identifikazzjoni tal-inġenju tal-ajru trażmessa minn inġenju tal-ajru mgħammar bil-Modalità S hija differenti minn dik mistennija mill-inġenju tal-ajru, il-bdot għandu jkun mitlub jikkonferma u, jekk meħtieġ, jerġa' jdaħħal l-identifikazzjoni korretta tal-inġenju tal-ajru.

(c)

Jekk, wara konferma mill-bdot li l-identifikazzjoni korretta tal-inġenju tal-ajru tkun ġiet issettjata fuq il-karatteristika tal-identifikazzjoni tal-Modalità S, id-diskrepanza tkompli teżisti, il-kontrollur għandu jieħu l-azzjonijiet li ġejjin:

(1)

jinforma l-bdot bid-diskrepanza persistenti;

(2)

fejn possibbli, jikkoreġi t-tikketta li turi l-identifikazzjoni tal-inġenju tal-ajru fuq id-displej tas-sitwazzjoni; u

(3)

jinnotifika l-pożizzjoni ta' kontroll li jmiss u lil kull unità oħra kkonċernata li tuża l-Modalità S għal skopijiet ta' identifikazzjoni li l-identifikazzjoni tal-inġenju tal-ajru trażmessa mill-inġenju tal-ajru hija żbaljata.

SERA.13020   Falliment tal-SSR transponder meta l-ġarr ta' transponder li jiffunzjona huwa obbligatorju

(a)

Fil-każ ta' falliment tat-transponder wara t-tluq, l-unitajiet tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru għandhom jipprovaw jipprovdu għall-kontinwazzjoni tat-titjira sal-ajrudrom ta' destinazzjoni skont il-pjan tat-titjira. Il-bdoti jistgħu, madankollu, jkunu mistennija jikkonformaw ma' restrizzjonijiet speċifiċi.

(b)

Fil-każ ta' transponder li jkun falla u ma jistax jiġi restawrat qabel it-tluq, il-bdoti għandhom:

(1)

jinformaw l-ATS malajr kemm jista' jkun possibbli, preferibbilment billi jissottomettu pjan ta' titjira;

(2)

idaħħlu fil-Punt 10 tal-formola tal-pjan tat-titjira tal-ICAO taħt SSR il-karattru “N” għal transponder li ma jaħdem xejn jew, fil-każ ta' transponder b'falliment parzjali, idaħħlu l-karattru li jikkorrispondi mal-bqija tal-kapaċità tat-transponder; u

(3)

ikunu konformi ma' kwalunkwe proċedura ppubblikata għat-talba ta' eżenzjoni mir-rekwiżiti biex jinġarr SSR transponder li jiffunzjona.

TAQSIMA 14

Proċeduri ta' komunikazzjoni bil-vuċi

SERA.14001   Ġenerali

Frażijiet standardizzati għandhom jintużaw fis-sitwazzjonijiet kollha li ġew speċifikati għalihom. Huwa biss meta l-frażijiet standardizzati ma jistgħux iservu għal trażmissjoni maħsuba, li jista' jintuża lingwaġġ sempliċi.

SERA.14005   Kategoriji ta' messaġġi

(a)

Il-kategoriji tal-messaġġi ttrattati mis-servizz mobbli ajrunawtiku, u l-ordni ta' prijorità fl-istabbiliment tal-komunikazzjonijiet u t-trażmissjoni ta' messaġġi għandhom ikunu skont it-Tabella S14-1.

Tabella S14-1

Kategorija tal-messaġġi u l-ordni ta' prijorità tas-sinjali bir-radjutelefonija

Sinjal bir-radjutelefonija

(a)

Sejħiet dwar periklu, messaġġi dwar periklu u komunikazzjoni bir-radju dwar periklu

MAYDAY

(b)

Messaġġi ta' urġenza, inklużi messaġġi preċeduti minn sinjali ta' trasporti mediċi

PAN PAN jew PAN PAN MEDICAL

(c)

Komunikazzjonijiet relatati mas-sejba tad-direzzjoni

(d)

Messaġġi ta' sikurezza tat-titjiriet

(e)

Messaġġi meteoroloġiċi

(f)

Messaġġi dwar ir-regolarità tat-titjiriet

(b)

Messaġġi dwar periklu u komunikazzjoni bir-radju dwar periklu għandhom jiġu ttrattati skont id-dispożizzjonijiet tal-punt SERA.14095.

(c)

Messaġġi ta' urġenza u komunikazzjoni bir-radju dwar urġenza, inklużi messaġġi preċeduti minn sinjal ta' trasporti mediċi, għandhom jiġu ttrattati skont id-dispożizzjonijiet tal-punt SERA.14095.

SERA.14010   Messaġġi ta' sikurezza tat-titjiriet

Il-messaġġi ta' sikurezza tat-titjiriet għandhom jinkludu dawn li ġejjin:

(a)

messaġġi ta' moviment u ta' kontroll;

(b)

messaġġi li joriġinaw minn operatur tal-inġenju tal-ajru jew minn inġenju tal-ajru, ta' tħassib immedjat għal inġenju tal-ajru li qiegħed itir;

(c)

parir meteoroloġiku ta' tħassib immedjat lil inġenju tal-ajru li qiegħed itir jew li wasal biex jitlaq (ikkomunikat b'mod individwali jew għax-xandir);

(d)

messaġġi oħrajn li jikkonċernaw l-inġenju tal-ajru li qiegħed itir jew li se jitlaq.

SERA.14015   Lingwa li trid tintuża fil-komunikazzjoni mill-ajru għall-art

(a)

Il-komunikazzjonijiet bir-radjutelefonija mill-ajru għall-art għandhom jitwettqu bl-Ingliż jew fil-lingwa normalment użata mill-istazzjon fuq l-art.

(b)

Il-lingwa Ingliża għandha tkun disponibbli, meta tintalab minn kwalunkwe inġenju tal-ajru, fl-istazzjonijiet kollha fuq l-art li jservu ajrudromi u rotot deżinjati użati mis-servizzi tal-ajru internazzjonali. Sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor mill-awtorità kompetenti għal każijiet speċifiċi, għandu jintuża l-Ingliż għall-komunikazzjonijiet bejn l-unità tal-ATS u inġenju tal-ajru, f'ajrudromi b'aktar minn 50 000 moviment IFR internazzjonali fis-sena. L-Istati Membri, fejn fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, l-Ingliż huwa l-unika lingwa użata għall-komunikazzjonijiet bejn l-unità tal-ATS u l-inġenji tal-ajru f'ajrudromi bħal dawn, jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx ir-rekwiżit li jużaw l-Ingliż u jinformaw il-Kummissjoni dwar dan. F'dak il-każ, dawk l-Istati Membri għandhom, sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2017, iwettqu studju dwar il-possibbiltà li jeħtieġu l-użu tal-Ingliż għall-komunikazzjonijiet bejn l-unità tal-ATS u inġenju tal-ajru f'dawk l-ajrudromi għal raġunijiet ta' sikurezza, sabiex jevitaw inkursjonijiet ta' inġenji tal-ajru fuq runway okkupata jew riskji oħrajn għas-sikurezza, filwaqt li jqisu d-dispożizzjonijiet applikabbli tal-Unjoni u l-liġi nazzjonali dwar l-użu tal-lingwi. Dawn għandhom jagħmlu dak l-istudju pubbliku u jikkomunikaw il-konklużjonijiet tiegħu lill-Aġenzija u l-Kummissjoni.

(c)

Il-lingwi disponibbli f'stazzjon partikolari fuq l-art għandhom jifformaw parti mill-Pubblikazzjonijiet ta' Informazzjoni Ajrunawtika u informazzjoni oħra ajrunawtika ppubblikata li tikkonċerna faċilitajiet bħal dawn.

SERA.14020   Ortografija tal-kliem fir-radjutelefonija

Meta jiġu spelluti nomi proprji, taqsiriet tas-servizz u kliem li l-ortografija tagħhom hija dubjuża fir-radjutelefonija, għandu jintuża l-alfabet fit-Tabella S14-2.

Tabella S14-2

L-Alfabet tal-Ortografija tar-Radjutelefonija

Ittra

Kelma

Pronunzja approssimattiva

(rappreżentazzjoni fl-alfabet Latin)

A

Alfa

AL FAH

B

Bravo

BRAH VOH

C

Charlie

CHAR LEE jew SHAR LEE

D

Delta

DELL TAH

E

Echo

ECK OH

F

Foxtrot

FOKS TROT

G

Golf

GOLF

H

Hotel

HO TELL

I

India

IN DEE AH

J

Juliett

JEW LEE ETT

K

Kilo

KEY LOH

L

Lima

LEE MAH

M

Mike

MIKE

N

November

NO VEM BER

O

Oscar

OSS CAH

P

Papa

PAH PAH

Q

Quebec

KEH BECK

R

Romeo

ROW ME OH

S

Sierra

SEE AIR RAH

T

Tango

TANG GO

U

Uniform

YOU NEE FORM jew OO NEE FORM

V

Victor

VIK TAH

W

Whiskey

WISS KEY

X

X-ray

ECKS RAY

Y

Yankee

YANG KEY

Z

Zulu

ZOO LOO

Fir-rappreżentazzjoni approssimattiva li tuża l-alfabet Latin, is-sillabi li jridu jiġu enfasizzati huma sottolinjati.

SERA.14025   Prinċipji li jirregolaw l-identifikazzjoni tar-rotot tal-ATS minbarra r-rotot standard tat-tluq u tal-wasla

(a)

L-użu tad-deżinjaturi tar-rotot tal-ATS fil-komunikazzjonijiet:

(1)

Fil-komunikazzjonijiet bil-vuċi, l-ittra bażika ta' deżinjatur għandha tiġi mitkellma skont l-alfabet tal-ortografija kif iddefinit fit-Tabella S14-2.

(2)

Meta jintużaw il-prefissi K, U jew S, dawn għandhom, fil-komunikazzjonijiet bil-vuċi, jiġu mitkellma kif ġej:

(i)

K

KOPTER

(ii)

U

UPPER

(iii)

S

SUPERSONIC

(b)

Il-kelma “kopter” għandha tiġi ppronunzjata bħal fil-kelma “ħelikopter” u l-kliem “upper” u “supersonic” bħal fil-lingwa Ingliża.

SERA.14026   Punti sinifikanti

Normalment biex issir referenza għall-punt sinifikanti fil-komunikazzjonijiet bil-vuċi, għandu jintuża l-isem fil-lingwaġġ sempliċi għal punti sinifikanti mmarkati mis-sit ta' għajnuna għan-navigazzjoni bir-radju, jew il-kodiċi tal-isem (name-code) uniku ta' ħames ittri li jista' jiġi ppronunzjat għal punti sinifikanti mhux immarkati mis-sit ta' għajnuna għan-navigazzjoni bir-radju. Jekk ma jintużax l-isem bil-lingwaġġ sempliċi għas-sit ta' għajnuna għan-navigazzjoni bir-radju, dan għandu jiġi sostitwit mid-deżinjatur kodifikat li, fil-komunikazzjonijiet bil-vuċi, għandu jiġi mitkellem skont l-alfabet tal-ortografija.

SERA.14030   Użu ta' deżinjaturi għal rotot tat-tluq u tal-wasla ta' strumenti standard

Id-deżinjatur tal-lingwaġġ sempliċi għal rotot tat-tluq u tal-wasla ta' strumenti standard għandu jintuża fil-komunikazzjonijiet bil-vuċi.

SERA.14035   Trażmissjoni ta' numri fir-radjutelefonija

(a)

Trażmissjoni ta' numri

(1)

In-numri kollha użati fit-trażmissjoni ta' sinjal tas-sejħa ta' inġenju tal-ajru, l-orjentazzjonijiet, ir-runway, id-direzzjoni u l-veloċità tar-riħ għandhom jiġu trażmessi billi kull ċifra tiġi ppronunzjata separatament.

(i)

Il-livelli ta' titjir għandhom jiġu trażmessi billi kull ċifra tiġi ppronunzjata separatament, ħlief għall-każ tal-livelli ta' titjir f'mijiet sħaħ.

(ii)

Il-konfigurazzjoni tal-altimetru għandha tiġi trażmessa billi kull ċifra tiġi ppronunzjata separatament, ħlief għall-każ ta' konfigurazzjoni ta' 1 000 hPa, li għandha tiġi trażmessa bħala “ONE THOUSAND” (elf wieħed).

(iii)

In-numri kollha użati fit-trażmissjoni tal-kodiċijiet tat-transponder għandhom jiġu trażmessi billi kull ċifra tiġi ppronunzjata separatament ħlief li, meta l-kodiċijiet tat-transponder ikun fihom eluf sħaħ biss, l-informazzjoni għandha tiġi trażmessa billi ċ-ċifra fin-numru ta' eluf tiġi ppronunzjata segwita mill-kelma “THOUSAND” (elf).

(2)

In-numri kollha użati fit-trażmissjoni ta' informazzjoni oħra għajr dik deskritta fil-punt (a)(1) għandhom jiġu trażmessi billi kull ċifra tiġi ppronunzjata separatament, ħlief li n-numri kollha li fihom mijiet sħaħ u eluf sħaħ għandhom jiġu trażmessi billi kull ċifra tiġi ppronunzjata fin-numru ta' mijiet jew eluf segwita mill-kelma “HUNDRED” (mija) jew “THOUSAND” (elf), kif xieraq. Kombinazzjonijiet ta' eluf u mijiet sħaħ għandhom jiġu trażmessi billi kull ċifra tiġi ppronunzjata fin-numru ta' eluf segwita mill-kelma “THOUSAND”, segwita min-numru ta' mijiet segwit mill-kelma “HUNDRED”.

(3)

Fil-każijiet fejn hemm ħtieġa li jiġi ċċarat n-numru trażmess bħala eluf sħaħ u/jew mijiet sħaħ, in-numru għandu jiġi trażmess billi kull ċifra tiġi ppronunzjata separatament.

(4)

Meta tiġi pprovduta informazzjoni dwar ir-relazzjoni ma' oġġett jew mat-traffiku konfliġġenti f'termini tal-arloġġ ta' tnax-il siegħa, l-informazzjoni għandha tingħata billi ċ-ċifri jiġu ppronunzjati flimkien bħala “TEN O'CLOCK” (l-għaxra) jew “ELEVEN O'CLOCK” (il-ħdax).

(5)

Numri li fihom punt deċimali għandhom jiġu trażmessi kif stipulat fil-punt (a)(1) bil-punt deċimali f'sekwenza xierqa, indikat mill-kelma “DECIMAL” (deċimali).

(6)

Is-sitt numri kollha tad-deżinjatur numeriku għandhom jintużaw biex jidentifikaw il-kanal li qiegħed jittrażmetti fil-komunikazzjonijiet bir-radjutelefonija ta' Frekwenza Għolja Ħafna (VHF), ħlief fil-każ fejn kemm il-ħames u s-sitt ċifri huma żero, f'liema każ għandhom jintużaw biss l-ewwel erba' ċifri.

SERA.14040   Pronunzja tan-numri

Meta l-lingwa użata għall-komunikazzjoni hija l-Ingliż, in-numri għandhom jiġu trażmessi bl-użu tal-prononzja murija fit-Tabella S14-3:

Tabella S14-3

Numri jew elementi ta' numri

Pronunzja

0

ZE-RO

1

WUN

2

TOO

3

TREE

4

FOW-er

5

FIFE

6

SIX

7

SEV-en

8

AIT

9

NIN-er

10

TEN

11

EE-LE-VEN

12

TWELF

Decimal

DAY-SEE-MAL

Hundred

HUN-dred

Thousand

TOU-SAND

SERA.14045   Teknika tat-trażmissjoni

(a)

It-trażmissjonijiet għandhom jitwettqu b'mod konċiż f'ton konverżazzjonali normali.

(b)

Il-kliem u l-frażijiet li ġejjin għandom jintużaw fil-komunikazzjonijiet bir-radjutelefonija u għandhom ikollhom it-tifsira attribwita fit-Tabella S14-4:

Tabella S14-4

Frażi

Tifsira

ACKNOWLEDGE

“Ikkonfermali jekk irċevejtx u fhimtx dan il-messaġġ.”

AFFIRM

“Iva.”

APPROVED

“Permess mogħti għall-azzjoni proposta.”

BREAK

“B'dan nindika s-separazzjoni bejn il-porzjonijiet tal-messaġġ.”

BREAK BREAK

“B'dan nindika s-separazzjoni bejn il-messaġġi trażmessi lejn inġenji tal-ajru differenti f'ambjent traffikuż ħafna.”

CANCEL

“Ħassar l-awtorizzazzjoni trażmessa qabel.”

CHECK

“Eżamina sistema jew proċedura.”

CLEARED

“Awtorizzat biex tipproċedi bil-kundizzjonijiet speċifikati.”

CONFIRM

“Nitlob verifika ta': (awtorizzazzjoni, istruzzjoni, azzjoni, informazzjoni).”

CONTACT

“Stabbilixxi komunikazzjonijiet ma'…”

CORRECT

“Veru” jew “Preċiż”.

CORRECTION

“Sar żball f'din it-trażmissjoni (jew il-messaġġ indikat). Il-verżjoni korretta hija…”

DISREGARD

“Injora.”

HOW DO YOU READ

“Kemm hija leġġibbli t-trażmissjoni tiegħi?” (ara l-punt SERA.14070(c))

I SAY AGAIN

“Nirrepeti għal raġunijiet ta' ċarezza jew ta' enfasi.”

MAINTAIN

“Kompli skont il-kundizzjoni(jiet) speċifikati” jew fis-sens litterali.

MONITOR

“Isma fuq (il-frekwenza).”

NEGATIVE

“Le” jew“Permess mhux mogħti” jew“Dan mhux korrett” jew“Mhux possibbli”.

OVER

“It-trażmissjoni tiegħi ntemmet, u nistenna risposta minn għandek.”

OUT

“Dan l-iskambju ta' trażmissjonijiet intemm u mhi mistennija l-ebda risposta.”

READ BACK

“Irrepeti kollox, jew il-parti speċifikata, ta' dan il-messaġġ lura lili eżattament kif irċevejtu.”

RECLEARED

“Twettqet bidla għall-aħħar awtorizzazzjoni tiegħek u din l-awtorizzazzjoni l-ġdida tissupera l-awtorizzazzjoni preċedenti tiegħek jew parti minnha.”

REPORT

“Agħtini l-informazzjoni li ġejja…”

REQUEST

“Nixtieq inkun naf…” jew“Nixtieq nikseb…”

ROGER

“Irċevejt l-aħħar trażmissjoni tiegħek kollha.”

SAY AGAIN

“Irrepeti l-aħħar trażmissjoni tiegħek kollha, jew il-parti li ġejja.”

SPEAK SLOWER

“Tkellem aktar bil-mod.”

STANDBY

“Stenna u nsejjaħlek.”

UNABLE

“Ma nistax inkun konformi mat-talba, l-istruzzjoni jew l-awtorizzazzjoni tiegħek.”

WILCO

(Taqsira għal “will comply”)

“Nifhem il-messaġġ tiegħek u se nikkonformi miegħu.”

WORDS TWICE

(a)

Bħala talba:“Il-komunikazzjoni hija diffiċli. Jekk jogħġbok ibgħat kull kelma, jew grupp ta' kliem, darbtejn.”

(b)

Bħala informazzjoni:“Minħabba li l-komunikazzjoni hija diffiċli, kull kelma, jew grupp ta' kliem, f'dan il-messaġġ se jintbagħat darbtejn.”

SERA.14050   Sinjali ta' sejħa bir-radjutelefonija għall-inġenji tal-ajru

(a)

Sinjali tas-sejħa kompluti:

Sinjal tas-sejħa bir-radjutelefonija ta' inġenju tal-ajru għandu jkun wieħed mit-tipi li ġejjin:

(1)   Tip a)— il-karattri li jikkorrispondu għall-immarkar tar-reġistrazzjoni tal-inġenju tal-ajru; jew

(2)   Tip b)— id-deżinjatur tat-telefonija tal-operatur tal-inġenju tal-ajru, segwit mill-aħħar erba' karattri tal-immarkar tar-reġistrazzjoni tal-inġenju tal-ajru;

(3)   Tip c)— id-deżinjatur tat-telefonija tal-operatur tal-inġenju tal-ajru, segwit mill-identifikazzjoni tat-titjira.

(b)

Sinjali tas-sejħa mqassrin:

Is-sinjali tas-sejħa bir-radjutelefonija tal-inġenju tal-ajru murija fil-punt (a), ħlief għat-Tip c), jistgħu jitqassru fiċ-ċirkostanzi stipulati fil-punt SERA.14055(c). Is-sinjali tas-sejħa mqassrin għandhom ikunu fil-forma li ġejja:

(1)   Tip a)— l-ewwel karattru tar-reġistrazzjoni u mill-inqas l-aħħar żewġ karattri tas-sinjal tas-sejħa;

(2)   Tip b)— id-deżinjatur tat-telefonija tal-operatur tal-inġenju tal-ajru, segwit mill-aħħar żewġ karattri tas-sinjal tas-sejħa;

(3)   Tip c)— l-ebda forma mqassra.

SERA.14055   Proċeduri tar-radjutelefonija

(a)

Inġenju tal-ajru ma għandux ibiddel it-tip tas-sinjal tas-sejħa bir-radjutelefonija tiegħu matul titjira, ħlief temporanjament fuq l-istruzzjoni tal-unità tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru fl-interessi tas-sikurezza. Ħlief għal raġunijiet ta' sikurezza, ma għandha ssir l-ebda trażmissjoni lejn inġenju tal-ajru matul it-tlugħ, matul l-aħħar parti tal-avviċinament finali jew matul it-tidwir għal-landjar.

(b)

Stabbiliment ta' komunikazzjonijiet bir-radjutelefonija

(1)

Waqt l-istabbiliment ta' komunikazzjoni għandhom jintużaw dejjem s-sinjali tas-sejħa bir-radjutelefonija kompluti. Waqt l-istabbiliment ta' komunikazzjoni, l-inġenju tal-ajru għandu jibda s-sejħa tiegħu bid-deżinjazzjoni tal-istazzjon li qiegħed jirċievi s-sejħa, segwita mid-deżinjazzjoni tal-istazzjon li qiegħed jagħmel is-sejħa.

(2)

It-tweġiba għas-sejħiet imsemmijin hawn fuq għandha tuża s-sinjal tas-sejħa tal-istazzjon li qiegħed jagħmel is-sejħa, segwit mis-sinjal tas-sejħa tal-istazzjon li qiegħed iwieġeb, li għandu jitqies bħala stedina biex jipproċedu bit-trażmissjoni mill-istazzjon li qiegħed jagħmel is-sejħa. Għal trasferimenti ta' komunikazzjoni f'unità tal-ATS waħda, is-sinjal tas-sejħa tal-unità tal-ATS jista' jitħalla barra, meta jkun awtorizzat jagħmel dan mill-awtorità kompetenti.

(3)

Il-komunikazzjonijiet għandhom jibdew b'sejħa u tweġiba meta jkun mixtieq li jiġi stabbilit kuntatt, ħlief li, meta jkun hemm ċertezza li l-istazzjon li qiegħed jirċievi s-sejħa se jirċievi s-sejħa, l-istazzjon li qiegħed jagħmel is-sejħa jista' jittrażmetti l-messaġġ, mingħajr ma jistenna tweġiba mill-istazzjon li qiegħed jirċievi s-sejħa.

(c)

Komunikazzjonijiet tar-radjutelefonija sussegwenti:

(1)

Sinjali tas-sejħa bir-radjutelefonija mqassrin, kif stipulat fil-punt SERA.14050(b), għandhom jintużaw biss wara li tkun ġiet stabbilita komunikazzjoni sodisfaċenti u sakemm dan ma joħloqx konfużjoni. Inġenju tal-ajru għandu juża s-sinjal tas-sejħa mqassar tiegħu biss wara li jkun ġie indirizzat b'dan il-mod mill-istazzjon ajrunawtiku.

(2)

Meta joħorġu awtorizzazzjonijiet tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru u jaqraw lura awtorizzazzjonijiet bħal dawn, il-kontrolluri u l-bdoti dejjem għandhom iżidu s-sinjal tas-sejħa tal-inġenju tal-ajru li għalih tapplika l-awtorizzazzjoni. Ħlief għal dawk l-okkażjonijiet, il-komunikazzjoni bidirezzjonali kontinwa wara li jkun ġie stabbilit kuntatt għandha tkun permessa mingħajr identifikazzjoni jew sejħa ulterjuri sakemm jintemm il-kuntatt.

SERA.14060   Trasferiment ta' komunikazzjonijiet VHF

(a)

Inġenju tal-ajru għandu jiġi avżat mill-unità tal-ATS xierqa biex jittrasferixxi minn frekwenza tar-radju partikolari għal oħra skont il-proċeduri miftiehma. Fin-nuqqas ta' tali parir, l-inġenju tal-ajru għandu jinnotifika l-unità tal-ATS qabel ma jseħħ tali trasferiment.

(b)

Meta jistabbilixxi l-kuntatt inizjali fuq, jew meta jitlaq minn, frekwenza VHF, inġenju tal-ajru għandu jittrażmetti tali informazzjoni skont kif stipulat mill-ANSP responsabbli għall-provvista ta' servizzi u approvat mill-awtorità kompetenti.

SERA.14065   Proċeduri tar-radjutelefonija għal bidla fil-kanal tal-komunikazzjoni bil-vuċi mill-ajru għall-art

(a)

Sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor mill-ANSP responsabbli għall-provvista ta' servizzi u approvat mill-awtorità kompetenti, is-sejħa inizjali lill-unità tal-ATS wara bidla fil-kanal tal-komunikazzjoni bil-vuċi mill-ajru għall-art għandu jkun fiha l-elementi li ġejjin:

(1)

id-deżinjazzjoni tal-unità tal-ATS li qiegħda tirċievi s-sejħa;

(2)

is-sinjal tas-sejħa u, għal inġenju tal-ajru li huwa fil-kategorija ta' turbolenza tar-radda severa, il-kelma “Heavy” (severa) jew “Super” jekk dak l-inġenju tal-ajru ġie identifikat bħala tali mill-awtorità kompetenti;

(3)

il-livell, inkluż il-livelli ta' fejn għaddej u dawk awtorizzati, jekk ma jinżammx il-livell awtorizzat;

(4)

il-veloċità, jekk assenjata mill-kontroll tat-traffiku tal-ajru; u

(5)

elementi addizzjonali, kif meħtieġ mill-ANSP responsabbli għall-provvista ta' servizzi u approvat mill-awtorità kompetenti.

(b)

Il-bdoti għandhom jipprovdu l-informazzjoni dwar il-livell fl-eqreb 30 m jew 100 pied sħaħ kif indikat fuq l-altimetru tal-bdot.

(c)

Is-sejħa inizjali lit-torri ta' kontroll tal-ajrudrom

Għal inġenji tal-ajru li huma pprovduti bis-servizz ta' kontroll tal-ajrudrom, is-sejħa inizjali għandu jkun fiha:

(1)

id-deżinjazzjoni tal-unità tal-ATS li qiegħda tirċievi s-sejħa;

(2)

is-sinjal tas-sejħa u, għal inġenju tal-ajru li huwa fil-kategorija ta' turbolenza tar-radda severa, il-kelma “Heavy” jew “Super” jekk dak l-inġenju tal-ajru ġie identifikat bħala tali mill-awtorità kompetenzi;

(3)

il-pożizzjoni; u

(4)

elementi addizzjonali, kif meħtieġ mill-ANSP responsabbli għall-provvista ta' servizzi u approvat mill-awtorità kompetenti.

SERA.14070   Proċeduri tal-ittestjar

(a)

Il-forma tat-trażmissjonijiet tal-ittestjar għandha tkun kif ġej:

(1)

l-identifikazzjoni tal-istazzjon li qiegħed jirċievi s-sejħa;

(2)

l-identifikazzjoni tal-istazzjon li qiegħed jagħmel is-sejħa;

(3)

il-kliem “RADIO CHECK”;

(4)

il-frekwenza li qiegħda tintuża.

(b)

It-tweġiba għal trażmissjoni tal-ittestjar għandha tkun kif ġej:

(1)

l-identifikazzjoni tal-istazzjon li qiegħed jitlob it-test;

(2)

l-identifikazzjoni tal-istazzjon li qiegħed iwieġeb;

(3)

informazzjoni dwar il-leġġibbiltà tal-istazzjon li qiegħed jitlob it-trażmissjoni tal-ittestjar.

(c)

Meta jitwettqu t-testijiet, għandha tintuża l-iskala ta' leġġibbiltà li ġejja:

Skala ta' leġġibbiltà

(1)

1

Mhux leġġibbli

(2)

2

Leġġibbli ximindaqqiet

(3)

3

Leġġibbli iżda b'diffikultà

(4)

4

Leġġibbli

(5)

5

Perfettament leġġibbli

SERA.14075   Skambju ta' komunikazzjonijiet

(a)

Il-komunikazzjonijiet għandhom ikunu konċiżi u mhux ambigwi, u jużaw il-frażijiet standard kull meta dan huwa possibbli.

(1)

Meta jiġi trażmess minn inġenju tal-ajru, il-konferma tar-riċevuta ta' messaġġ għandha tinkludi s-sinjal tas-sejħa ta' dak l-inġenju tal-ajru.

(2)

Meta l-konferma tar-riċevuta tiġi trażmessa minn unità tal-ATS lil inġenju tal-ajru, din għandha tinkludi s-sinjal tas-sejħa tal-inġenju tal-ajru, segwit jekk meqjus neċessarju, mis-sinjal tas-sejħa tal-unità tal-ATS.

(b)

Tmiem tal-konverżazzjoni.

Konverżazzjoni bir-radjutelefonija għandha tiġi mitmuma mill-unità tal-ATS li qiegħda tirċievi s-sejħa jew mill-inġenju tal-ajru li juża s-sinjal tas-sejħa tiegħu.

(c)

Korrezzjonijiet u ripetizzjonijiet

(1)

Meta jkun sar żball fit-trażmissjoni, għandha tingħad il-kelma “CORRECTION” (korrezzjoni), jiġi ripetut l-aħħar grupp jew frażi korrett/a, u mbagħad tiġi trażmessal-verżjoni korretta.

(2)

Jekk korrezzjoni ssir l-aħjar bir-ripetizzjoni tal-messaġġ sħiħ, għandha tintuża l-frażi “CORRECTION, I SAY AGAIN” (korrezzjoni, nirrepeti) qabel il-messaġġ li qiegħed jiġi trażmess għat-tieni darba.

(3)

Jekk l-istazzjon li qiegħed jirċievi s-sejħa għandu dubju dwar il-korrettezza tal-messaġġ li rċieva, għandha tintalab ripetizzjoni sħiħa jew parzjali.

(4)

Jekk hija meħtieġa r-ripetizzjoni ta' messaġġ sħiħ, għandhom jiġu mitkellma l-kliem “SAY AGAIN” (irrepeti). Jekk hija meħtieġa ripetizzjoni ta' parti minn messaġġ, il-frażi: “SAY AGAIN ALL BEFORE… (l-ewwel kelma riċevuta b'mod sodisfaċenti)” għandha tintuża; jew “SAY AGAIN…(il-kelma qabel il-parti nieqsa) TO…(il-kelma wara l-parti nieqsa)”; jew “SAY AGAIN ALL AFTER…(l-aħħar kelma riċevuta b'mod sodisfaċenti)”.

(d)

Jekk, fil-verifika tal-korrettezza ta' ripetizzjoni, ikunu nnotati punti mhux korretti, il-kliem “NEGATIVE I SAY AGAIN” (negattiv nerġa' ngħid) għandhom jiġu trażmessi wara li tintemm ir-ripetizzjoni segwiti mill-verżjoni korretta tal-punti kkonċernati.

SERA.14080   Għassa tal-komunikazzjonijiet/Sigħat ta' servizz

(a)

Matul titjira, inġenju tal-ajru għandu jżomm l-għassa mitluba mill-awtorità kompetenti u ma għandux jieqaf minn din, ħlief għal raġunijiet ta' sikurezza, mingħajr ma jinforma l-unità tal-ATS ikkonċernata.

(1)

Inġenju tal-ajru fuq titjiriet twal fuq l-ilma jew titjiriet fuq żoni deżinjati li fuqhom il-ġarr ta' trażmettitur lokalizzatur tal-emerġenza (ELT) huwa meħtieġ, għandu jgħasses kontinwament il-frekwenza ta' emerġenza tal-VHF 121,5 MHz, ħlief għal dawk il-perjodi meta l-inġenji tal-ajru jwettqu komunikazzjonijiet fuq kanali oħrajn tal-VHF jew meta l-limitazzjonijiet tat-tagħmir fl-ajru jew id-doveri tal-kabina tal-bdot ma jippermettux tgħassis simultanju ta' żewġ kanali.

(2)

L-inġenji tal-ajru għandhom jgħassu kontinwament il-frekwenza ta' emerġenza tal-VHF 121,5 MHz fiż-żoni jew fuq rotot fejn teżisti l-possibbiltà ta' interċettazzjoni ta' inġenji tal-ajru jew sitwazzjonijiet oħrajn perikolużi, u jkun ġie stabbilit rekwiżit mill-awtorità kompetenti.

(b)

Stazzjonijiet ajrunawtiċi għandhom jgħassu kontinwament bis-smigħ il-kanal ta' emerġenza tal-VHF 121,5 MHz tul is-sigħat ta' servizz tal-unitajiet li huwa installat fihom. Fejn ikunu jinsabu flimkien żewġ stazzjonijiet bħal dawn jew iktar, l-għassa bis-smigħ tal-frekwenza 121,5 Mhz f'waħda minnhom għandha tissodisfa dak ir-rekwiżit.

(c)

Meta jkun meħtieġ li inġenju tal-ajru jew unità tal-ATS tissospendi l-operat għal kwalunkwe raġuni, din għandha, jekk ikun possibbli, tinforma dwar dan lill-istazzjonijiet l-oħrajn ikkonċernati, u tagħtihom il-ħin meta huwa mistenni li dak l-operat jerġa' jibda. Meta jerġa' jibda l-operat, l-istazzjonijiet l-oħrajn ikkonċernati għandhom ikunu informati dwar dan. Meta jkun meħtieġ li l-operat jiġi sospiż lil hinn mill-ħin speċifikat fl-avviż oriġinali, il-ħin rivedut tat-tkomplija tal-operat għandu, jekk dan ikun possibbli, jiġi trażmess fil-ħin speċifikat fil-bidu jew qrib tiegħu.

SERA.14085   Użu ta' trażmissjoni għamja

(a)

Meta inġenju tal-ajru ma jirnexxilux jistabbilixxi kuntatt fuq il-kanal iddeżinjat, fuq il-kanal użat qabel jew fuq kanal ieħor xieraq għar-rotta, u jonqos milli jistabbilixxi komunikazzjoni mal-unità tal-ATS, ma' unità tal-ATS oħra jew ma' inġenju tal-ajru ieħor wara li jkun uża l-mezzi kollha disponibbli, l-inġenju tal-ajru għandu jittrażmetti l-messaġġ tiegħu darbtejn fuq il-kanal(i) deżinjat(i), preċedut mill-frażi “TRANSMITTING BLIND” (din hija trażmissjoni għamja) u, jekk ikun meħtieġ, jinkludi d-destinatarju(i) li għalih(hom) huwa maħsub il-messaġġ.

(b)

Meta inġenju tal-ajru ma jistax jistabbilixxi komunikazzjoni minħabba falliment tar-riċevitur, dan għandu jittrażmetti rapporti fil-ħinijiet skedati, jew il-pożizzjonijiet, fuq il-kanal li qiegħed jintuża preċeduti mill-frażi “TRANSMITTING BLIND DUE TO RECEIVER FAILURE” (din hija trażmissjoni għamja minħabba falliment tar-riċevitur). L-inġenju tal-ajru għandu:

(1)

jittrażmetti l-messaġġ maħsub, u jsegwih b'ripetizzjoni sħiħa;

(2)

javża l-ħin tat-trażmissjoni maħsuba li jmiss;

(3)

meta jkun ipprovdut b'ATS, jittrażmetti l-informazzjoni dwar l-intenzjoni tal-bdot fil-kmand rigward il-kontinwazzjoni tat-titjira.

SERA.14087   Użu tat-teknika tar-repetizzjoni tal-komunikazzjoni bir-rilej

(a)

Meta unità tal-ATS ma tkunx tista' tistabbilixxi kuntatt ma' inġenju tal-ajru wara sejħiet fuq il-frekwenzi li l-inġenju tal-ajru huwa maħsub li qiegħed jisma', din għandha:

(1)

titlob lil unitajiet tal-ATS oħrajn biex jagħtu għajnuna billi jsejħu l-inġenju tat-traffiku u biex jerġgħu jibgħatu l-messaġġi ta' komunikazzjoni bir-rilej jekk meħtieġ; u

(2)

titlob inġenji tal-ajru fuq ir-rotta biex jippruvaw jistabbilixxu komunikazzjoni mal-inġenju tal-ajru u biex jerġgħu jibgħatu l-messaġġi ta' komunikazzjoni bir-rilej, jekk meħtieġ.

(b)

Id-dispożizzjonijiet tal-punt (a) għandhom jiġu applikati wkoll:

(1)

fuq talba tal-unità tal-ATS ikkonċernata;

(2)

meta komunikazzjoni mistennija minn inġenju tal-ajru ma tkunx ġiet riċevuta f'perjodu ta' żmien u huwa suspettat każ ta' falliment tal-komunikazzjoni.

SERA.14090   Proċeduri speċifiċi tal-komunikazzjoni

(a)

Moviment tal-vetturi

Il-frażijoloġiji għall-moviment tal-vetturi, minbarra t-trakters tal-irmonk, fuq iż-żona ta' mmanuvrar għandhom ikunu l-istess bħal dawk użati għall-moviment ta' inġenju tal-ajru, ħlief għal istruzzjonijiet ta' taxiing, f'liema każ il-kelma “PROCEED” (ipproċedi) għandha tiġi mibdula bil-kelma “TAXI” fil-komunikazzjoni mal-vetturi.

(b)

Is-servizz ta' konsulenza tat-traffiku tal-ajru

Is-servizz ta' konsulenza tat-traffiku tal-ajru ma jagħtix “awtorizzazzjonijiet” iżda biss “informazzjoni ta' konsulenza” u għandu juża l-kelma “nirrakkomanda” jew “nissuġġerixxi” meta jipproponi azzjoni lil inġenju tal-ajru.

(c)

Indikazzjoni ta' kategorija ta' turbolenza tar-radda severa

(1)

Għal inġenju tal-ajru fil-kategorija ta' turbolenza tar-radda severa, il-kelma “Heavy” (severa) għandha tiġi inkluża minnufih wara s-sinjal tas-sejħa tal-inġenju tal-ajru fil-kuntatt inizjali bir-radjutelefonija bejn it-tali inġenju tal-ajru u l-unitajiet tal-ATS.

(2)

Għal inġenju tal-ajru speċifiku fil-kategorija ta' turbolenza tar-radda severa, kif identifikat mill-awtorità kompetenti, il-kelma “Super” għandha tiġi inkluża minnufih wara s-sinjal tas-sejħa tal-inġenju tal-ajru fil-kuntatt inizjali bir-radjutelefonija bejn it-tali inġenju tal-ajru u l-unitajiet tal-ATS.

(d)

Proċeduri relatati ma' devjazzjoni għat-temp

Meta bdot jibda komunikazzjonijiet mal-kontroll tat-traffiku tal-ajru, jista' jikseb risposta rapida billi jgħid “WEATHER DEVIATION REQUIRED” (hija meħtieġa devjazzjoni għat-temp) biex jindika li huwa mixtieq il jingħata prijorità fuq il-frekwenza u għal rispons tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru. Meta meħtieġ, il-bdot għandu jibda komunikazzjonijiet bl-użu tas-sejħa ta' urġenza “PAN PAN” (preferibbilment mitkellma tliet darbiet).

SERA.14095   Proċeduri ta' komunikazzjoni bir-radjutelefonija f'każ ta' periklu u ta' urġenza

(a)

Ġenerali

(1)

Il-komunikazzjoni bir-radju dwar periklu u dwar urġenza għandha tinkludu l-messaġġi kollha bir-radjutelefonija relatati mal-kundizzjonijiet ta' periklu u ta' urġenza rispettivament. Il-kundizzjonijiet ta' periklu u ta' urġenza huma ddefiniti bħala:

(i)    Periklu : kundizzjoni ta' theddid minn periklu serju u/jew imminenti u ta' ħtieġa ta' assistenza immedjata.

(ii)    Urġenza : kundizzjoni li tikkonċerna s-sikurezza ta' inġenju tal-ajru jew vettura oħra, jew ta' xi persuna abbord jew fil-viċinanzi, iżda li ma teħtieġx assistenza immedjata.

(2)

Is-sinjal ta' periklu bir-radjutelefonija “MAYDAY” u s-sinjal ta' urġenza bir-radjutelefonija “PAN PAN” għandu jintuża fil-bidu tal-ewwel komunikazzjoni dwar periklu u dwar urġenza rispettivament. Fil-bidu ta' kwalunkwe komunikazzjoni sussegwenti ta' messaġġi bir-radju dwar periklu u dwar urġenza, għandu jkun permess li jintużaw is-sinjali ta' periklu u ta' urġenza bir-radjutelefonija.

(3)

L-oriġinatur tal-messaġġi indirizzati lejn inġenju tal-ajru f'kundizzjoni ta' periklu jew ta' urġenza għandu jirrestrinġi għal-livell minimu n-numru u l-volum u l-kontenut ta' tali messaġġi skont kif meħtieġ mill-kundizzjoni.

(4)

Jekk ma jsir l-ebda rikonoxximent ta' messaġġ dwar periklu jew ta' urġenza mill-unità tal-ATS indirizzata mill-inġenju tal-ajru, unitajiet oħrajn tal-ATS għandhom jagħtu għajnuna kif stipulat fil-punti (b)(2) u (b)(3) rispettivament.

(5)

Il-komunikazzjoni bir-radju dwar periklu u dwar urġenza normalment għandha tinżamm fuq il-frekwenza li fuqha t-tali komunikazzjoni bir-radju tista' tibda sakemm ma jitqiesx li tista' tingħata għajnuna aħjar jekk dik il-komunikazzjoni bir-radju tiġi ttrasferita fuq frekwenza oħra.

(6)

Fil-każijiet ta' komunikazzjonijiet dwar periklu u ta' urġenza, b'mod ġenerali, it-trażmissjonijiet bir-radjutelefonija għandhom isiru bil-mod u b'mod distint, u kull kelma tiġi ppronunzjata b'mod ċar sabiex tiġi ffaċilitata t-traskrizzjoni tagħhom.

(b)

Komunikazzjonijiet dwar periklu bir-radjutelefonija

(1)

Azzjoni mill-inġenju tal-ajru f'periklu

Minbarra li jiġi ppreċedut mis-sinjal ta' periklu bir-radjutelefonija “MAYDAY” skont il-punt (a)(2), preferibbilment mitkellem tliet darbiet, il-messaġġ ta' periklu li għandu jintbagħat minn inġenju tal-ajru f'periklu għandu:

(i)

ikun fuq il-frekwenza mill-ajru għall-art fl-użu dak il-ħin;

(ii)

jikkonsisti minn kemm-il wieħed mill-elementi possibbli li ġejjin mitkellma b'mod distint u, jekk possibbli, fl-ordni li ġejja:

(A)

l-isem tal-unità tal-ATS indirizzata (skont kemm jippermettu l-ħin u ċ-ċirkostanzi);

(B)

l-identifikazzjoni tal-inġenju tal-ajru;

(C)

in-natura tal-kundizzjoni ta' periklu;

(D)

l-intenzjoni tal-bdot fil-kmand;

(E)

il-pożizzjoni, il-livell u l-orjentazzjoni kurrenti.

(2)

L-azzjoni mill-unità tal-ATS indirizzata jew mill-ewwel unità tal-ATS li tikkonferma l-messaġġ dwar periklu

L-unità tal-ATS indirizzata minn inġenju tal-ajru f'periklu, jew l-ewwel unità tal-ATS li tikkonferma l-messaġġ dwar periklu, għandha:

(i)

tikkonferma minnufih il-messaġġ dwar periklu;

(ii)

tieħu kontroll tal-komunikazzjonijiet jew tittrasferixxi b'mod speċifiku u ċar dik ir-responsabbiltà, filwaqt li tavża lill-inġenju tal-ajru jekk isir trasferiment; u

(iii)

tieħu azzjoni immedjata biex tiżgura li l-informazzjoni kollha meħtieġa tkun disponibbli, malajr kemm jista' jkun:

(A)

lill-unità tal-ATS ikkonċernata;

(B)

lill-operatur tal-inġenju tal-ajru kkonċernat, jew ir-rappreżentant tiegħu, skont arranġamenti prestabbiliti;

(iv)

twissi unitajiet oħrajn tal-ATS, kif xieraq, sabiex timpedixxi t-trasferiment tal-komunikazzjoni bir-radju għal fuq il-frekwenza tal-komunikazzjoni dwar il-periklu.

(3)

Impożizzjoni ta' silenzju

(i)

L-inġenju tal-ajru f'periklu, jew l-unità tal-ATS fil-kontroll tat-traffiku f'periklu, għandu jkun permess jimponi silenzju, fuq l-istazzjonijiet kollha tas-servizzi mobbli fiż-żona jew fuq kwalunkwe stazzjon li jinterferixxi mal-komunikazzjoni bir-radju dwar periklu. Din għandha tindirizza dawn l-istruzzjonijiet “lill-istazzjonijiet kollha”jew lil stazzjon wieħed biss, skont iċ-ċirkostanzi. Fi kwalunkwe każ, għandha tuża:

(A)

“STOP TRANSMITTING” (tibqgħux tittrażmettu);

(B)

is-sinjal ta' periklu bir-radjutelefonija “MAYDAY”.

(ii)

L-użu tas-sinjali speċifikati fil-punt (b)(3)(i) għandhom ikunu riżervati għall-inġenju tal-ajru f'periklu u għall-unità tal-ATS li qiegħda tikkontrolla l-komunikazzjoni bir-radju dwar periklu.

(4)

L-azzjoni mill-unitajiet tal-ATS/inġenji tal-ajru l-oħrajn kollha

(i)

Il-komunikazzjonijiet dwar periklu għandhom prijorità assoluta fuq il-komunikazzjonijiet l-oħrajn kollha u l-unitajiet tal-ATS/inġenji tal-ajru li jafu bihom ma għandhomx jittrażmettu fuq il-frekwenza kkonċernata dment li:

(A)

il-periklu tiġi kkanċellata jew il-komunikazzjoni bir-radju dwar periklu tintemm;

(B)

il-komunikazzjoni bir-radju dwar periklu tkun ġiet ittrasferita fuq frekwenzi oħrajn;

(C)

l-unità tal-ATS li tikkontrolla l-komunikazzjonijiet tagħti permess;

(D)

trid tagħti l-għajnuna hija stess.

(ii)

Kull unità tal-ATS/inġenju tal-ajru li jaf bil-komunikazzjoni bir-radju dwar periklu, u li ma jistax jagħti għajnuna hu stess lill-inġenju tal-ajru f'periklu, għandu madankollu jkompli jisma' lit-tali komunikazzjoni bir-radju sakemm huwa evidenti li qiegħda tingħata l-assistenza.

(5)

Terminazzjoni tal-komunikazzjonijiet dwar periklu u tas-silenzju

(i)

Meta inġenju tal-ajru ma jibqax f'periklu, dan għandu jittrażmetti messaġġ biex jikkanċella l-kundizzjoni ta' periklu.

(ii)

Meta unità tal-ATS li tkun ikkontrollat il-komunikazzjoni dwar periklu ssir taf li l-kundizzjoni ta' periklu ntemmet, din għandha tieħu azzjoni immedjata biex tiżgura li din l-informazzjoni tkun disponibbli, malajr kemm jista' jkun:

(A)

lill-unitajiet tal-ATS ikkonċernati;

(B)

lill-operatur tal-inġenju tal-ajru kkonċernat, jew ir-rappreżentant tiegħu, skont arranġamenti prestabbiliti.

(iii)

Il-komunikazzjoni dwar periklu u dwar kundizzjonijiet ta' silenzju għandhom jiġi mitmuma bit-trażmissjoni ta' messaġġ, li jinkludi l-kliem “DISTRESS TRAFFIC ENDED” (il-komunikazzjoni bir-radju dwar periklu intemmet), fuq il-frekwenza jew frekwenzi li qegħdin jintużaw għall-komunikazzjoni bir-radju dwar periklu. Il-messaġġ għandu joriġina biss mill-unità tal-ATS li qiegħda tikkontrolla l-komunikazzjonijiet meta, wara li tirċievi l-messaġġ stipulat fil-punt (b)(5)(i), tkun awtorizzata tagħmel dan mill-awtorità kompetenti.

(c)

Komunikazzjonijiet ta' urġenza bir-radjutelefonija

(1)

Azzjoni mill-inġenju tal-ajru li jirrapporta kundizzjoni ta' urġenza ħlief kif indikat fil-punt (c)(4)

Minbarra li jiġi ppreċedut mis-sinjal ta' urġenza bir-radjutelefonija “PAN PAN” skont il-punt (a)(2), preferibbilment mitkellem tliet darbiet u kull kelma tal-grupp tkun ippronunzjata bħall-kelma Franċiża “panne”, il-messaġġ ta' urġenza li għandu jintbagħat minn inġenju tal-ajru f'kundizzjoni ta' urġenza għandu:

(i)

ikun fuq il-frekwenza mill-ajru għall-art fl-użu dak iż-żmien;

(ii)

jikkonsisti minn kemm-il wieħed mill-elementi meħtieġa li ġejjin mitkellma b'mod distint u, jekk possibbli, fl-ordni li ġejja:

(A)

l-isem tal-unità tal-ATS indirizzata;

(B)

l-identifikazzjoni tal-inġenju tal-ajru;

(C)

in-natura tal-kundizzjoni ta' urġenza;

(D)

l-intenzjoni tal-bdot fil-kmand;

(E)

il-pożizzjoni, il-livell u l-orjentazzjoni kurrenti;

(F)

kull informazzjoni oħra utli.

(2)

L-azzjoni mill-unità tal-ATS indirizzata jew mill-ewwel unità tal-ATS li tirrikonoxxi l-messaġġ ta' urġenza

L-unità tal-ATS indirizzata minn inġenju tal-ajru f'kundizzjoni ta' urġenza, jew l-ewwel unità tal-ATS li tikkonferma l-messaġġ ta' urġenza, għandha:

(i)

tirrikonoxxi l-messaġġ ta' urġenza;

(ii)

tieħu azzjoni immedjata biex tiżgura li l-informazzjoni kollha meħtieġa tkun disponibbli, malajr kemm jista' jkun:

(A)

lill-unità tal-ATS ikkonċernata;

(B)

lill-operatur tal-inġenju tal-ajru kkonċernat, jew ir-rappreżentant tiegħu, skont arranġamenti prestabbiliti;

(iii)

jekk meħtieġ, teżerċita kontroll tal-komunikazzjonijiet.

(3)

L-azzjoni mill-unitajiet tal-ATS/inġenji tal-ajru l-oħrajn kollha

Il-komunikazzjonijiet ta' urġenza għandhom prijorità fuq il-komunikazzjonijiet l-oħrajn kollha ħlief komunikazzjonijiet dwar periklu u l-unitajiet tal-ATS/inġenji tal-ajru kollha għandhom jieħdu ħsieb li ma jinterferixxux mat-trażmissjoni tal-komunikazzjoni bir-radju dwar urġenza.

(4)

L-azzjoni minn inġenju tal-ajru użat għal trasporti mediċi

(i)

L-użu tas-sinjal deskritt fil-punt (c)(4)(ii) għandu jindika li l-messaġġ li jsegwi jikkonċerna trasport mediku protett skont il-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949 u Protokolli Addizzjonali.

(ii)

Għall-finijiet tat-tħabbir u l-identifikazzjoni ta' inġenju tal-ajru użat għal trasporti mediċi, trażmissjoni tas-sinjal ta' urġenza bir-radjutelefonija “PAN PAN”, preferibbilment mitkellem tliet darbiet, u kull kelma tal-grupp ippronunzjata bħall-kelma Franċiża “panne”, għandha tkun segwita mis-sinjal bir-radjutelefonija għat-trasporti mediċi “MAY-DEE-CAL”, ippronunzjat skont il-Franċiż “médical”. L-użu tas-sinjali deskritti hawn fuq jindika li l-messaġġ li jsegwi jikkonċerna trasport mediku protett.

Il-messaġġ għandu jwassal id-dejta li ġejja:

(A)

is-sinjal tas-sejħa jew mezzi oħrajn rikonoxxuti ta' identifikazzjoni tat-trasporti mediċi;

(B)

il-pożizzjoni tat-trasporti mediċi;

(C)

in-numru u t-tip tat-trasporti mediċi;

(D)

ir-rotta prevista;

(E)

il-ħin stmat fuq ir-rotta u tat-tluq u l-wasla, kif xieraq; u

(F)

kull informazzjoni oħra bħall-altitudni tat-titjira, il-frekwenzi tar-radju mgħassa, il-lingwi użati u l-modalitajiet u l-kodiċijiet tar-radar ta' sorveljanza sekondarju.

(5)

L-azzjoni mill-unitajiet tal-ATS indirizzati, jew minn stazzjonijiet oħrajn li qegħdin jirċievu messaġġ dwar trasporti mediċi

Id-dispożizzjonijiet tal-punti (c)(2) u (c)(3) għandhom japplikaw kif xieraq għall-unitajiet tal-ATS li jirċievu messaġġ ta' trasporti mediċi.”;

(26)

L-Appendiċi 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt 1.1.2. jinbidel b'dan li ġej:

“1.1.2.

Il-proċeduri ta' trażmissjoni tat-telekomunikazzjoni għas-sinjali ta' periklu u ta' urġenza għandhom ikunu skont it-Taqsima 14.”;

(b)

fil-punt 3.2.4.1, it-test jinbidel b'dan li ġej:

“3.2.4.1.

Slaleb ta' kulur wieħed li jikkuntrastja, bojod fuq ir-runways u sofor fuq it-taxiways (il-Grafika A1-6), murija orizzontalment fuq ir-runways u t-taxiways jew partijiet tagħhom jindikaw żona mhux adatta għall-moviment ta' inġenji tal-ajru.”;

(c)

il-punti 4.2.1.1, 4.2.1.2 u 4.2.1.3 jinbidlu bl-illustrazzjoni li ġejja:

Image

(a)

Bil-brejkijiet attivati: għolli d-driegħ u l-id, bis-swaba' estiżi, orizzontalment quddiem wiċċek, imbagħad agħlaq f'ponn.

Image

(b)

Bil-brejkijiet rilaxxati: għolli d-driegħ, bl-id magħluqa f'ponn, orizzontalment quddiem wiċċek, imbagħad estendi s-swaba'.

Image

(c)

Daħħal il-kunjardi: dirgħajn estiżi, bil-keff tal-id iħares 'il barra, ċaqlaq l-idejn 'il ġewwa biex issallabhom quddiem wiċċek.

Image

(d)

Neħħi l-kunjardi: idejn imsallbin quddiem wiċċek, il-keff tal-id iħares 'il ġewwa, ċaqlaq id-dirgħajn 'il barra.

Image

(e)

Kun lest biex tixgħel il-magna(i): Għolli n-numru xieraq ta' swaba' fuq id waħda biex tindika n-numru tal-magna li għandha tinxtegħel.”;

(27)

fl-Appendiċi 2, il-punt 5.1.3 jinbidel b'dan li ġej:

“5.1.3.

Kull bidla fl-informazzjoni ta' qabel it-tnedija notifikata skont il-punt 5.1.2 għandha tiġi trażmessa lill-unità tal-ATS ikkonċernata mhux inqas minn 6 sigħat qabel il-ħin stmat tat-tnedija, jew fil-każ ta' investigazzjonijiet dwar disturbanzi solari jew kożmiċi li jinvolvu element ta' ħin kruċjali, mhux inqas minn 30 minuta qabel il-ħin stmat tal-bidu tal-operazzjoni.”;

(28)

fl-Appendiċi 4, it-tabella hija emendata kif ġej:

(a)

fil-kolonna “Servizz ipprovdut”, fiċ-ċellola għall-klassi tal-ispazju tal-ajru C, it-tip ta' VFR tat-titjira, il-punt (2) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(2)

Servizz ta' kontroll tat-traffiku tal-ajru, informazzjoni dwar it-traffiku tal-VFR/VFR (u pariri fuq talba biex jiġi evitat it-traffiku)”,

(b)

fil-kolonna “Servizz ipprovdut”, fiċ-ċellola għall-klassi tal-ispazju tal-ajru D, it-test li jikkonċerna t-tip ta' titjira VFR jinbidel b'dan li ġej:

“Servizz ta' kontroll tat-traffiku tal-ajru, informazzjoni dwar it-traffiku tal-IFR/VFR u tal-VFR/VFR (u pariri fuq talba biex jiġi evitat it-traffiku)”;

(29)

L-Appendiċi 5 jinbidel b'dan li ġej:

Appendiċi 5

Speċifikazzjonijiet tekniċi relatati mal-osservazzjonijiet tal-inġenji tal-ajru u r-rapporti bil-komunikazzjonijiet bil-vuċi

A.   ISTRUZZJONIJIET GĦAR-RAPPURTAR

Image

Test ta 'immaġni

1.   KONTENUT TAR-RAPPORTI MILL-AJRU

1.1.   Rapporti dwar il-pożizzjoni u rapporti speċjali dwar l-ajru

1.1.1.   It-Taqsima 1 tal-mudell stabbilit fil-punt A hija obbligatorja għal rapporti dwar il-pożizzjoni u għal rapporti speċjali dwar l-ajru, għalkemm il-Punti 5 u 6 tagħha jistgħu jitħallew barra. It-Taqsima 2 għandha tiżdied, kollha kemm hi jew parti minnha, biss meta dan ikun mitlub mill-operatur jew mir-rappreżentant deżinjat tiegħu, jew meta jitqies meħtieġ mill-bdot fil-kmand. It-Taqsima 3 għandha tiddaħħal fir-rapporti speċjali dwar l-ajru.

1.1.2.   Il-kundizzjonijiet li jwasslu għall-ħruġ ta' rapport speċjali dwar l-ajru għandhom jiġu magħżula mil-lista ppreżentata fil-punt SERA.12005(a).

1.1.3.   Fil-każ ta' rapporti speċjali dwar l-ajru li fihom informazzjoni dwar attività vulkanika, għandu jiġi mħejji rapport ta' wara t-titjira bl-użu tal-formola ta' rappurtar dwar attività vulkanika (il-Mudell VAR) li tidher fil-punt B. L-elementi kollha li huma osservati għandhom jiġu rreġistrati u indikati rispettivament fil-postijiet xierqa fuq il-formola tal-Mudell VAR.

1.1.4.   Ir-rapporti speċjali dwar l-ajru għandhom jinħarġu malajr kemm jista' jkun prattiku wara li jkun ġie osservat fenomenu li jitlob rapport speċjali dwar l-ajru.

2.   ISTRUZZJONIJIET IDDETTALJATI GĦAR-RAPPURTAR

2.1.   Il-punti ta' rapport mill-ajru għandhom jiġu rrappurtati fl-ordni li fih huma elenkati fil-mudell tal-formola AIREP SPECIAL.

DEŻINJATUR TAT-TIP TA' MESSAĠĠ. Irrapporta “SPECIAL” (speċjali) għal rapport speċjali dwar l-ajru.

Taqsima 1

Punt 1 — AIRCRAFT IDENTIFICATION. (Identifikazzjoni tal-inġenju tal-ajru). Irrapporta s-sinjal tas-sejħa bir-radjutelefonija tal-inġenju tal-ajru kif stipulat fil-punt SERA.14050.

Punt 2 — POSITION. (Pożizzjoni). Irrapporta l-pożizzjoni f'latitudni (gradi bħala 2 numri jew gradi u minuti bħala 4 ċifri, segwiti minn “North” (Tramuntana) jew “South” (Nofsinhar) u lonġitudni (gradi bħala 3 numri jew gradi u minuti bħala 5 ċifri segwiti minn “East” (Lvant) jew “West” (Punent), jew bħala punt sinifikanti identifikat b'deżinjatur kodifikat (2 sa 5 karattri) jew bħala punt sinifikanti segwit b'direzzjoni manjetika (3 ċifri) u d-distanza f'mili nawtiċi mill-punt. Ippreċedi l-punt sinifikanti b'“ABEAM” (travers), jekk applikabbli.

Punt 3 — TIME. (Ħin). Irrapporta f'sigħat u minuti UTC (4 ċifri) sakemm ma jkunx preskritt ir-rappurtar tal-ħin f'minuti wara s-siegħa (2 ċifri) fuq il-bażi ta' ftehimiet reġjonali tan-navigazzjoni tal-ajru. Il-ħin irrappurtat għandu jkun il-ħin reali tal-inġenju tal-ajru fil-pożizzjoni u mhux il-ħin tal-oriġini jew tat-trażmissjoni tar-rapport. Il-ħin għandu dejjem jiġi rrappurtat f'sigħat u minuti UTC meta jinħareġ rapport speċjali dwar l-ajru.

Punt 4 — FLIGHT LEVEL OR ALTITUDE. (Livell jew altitudni tat-titjira). Irrapporta l-livell tat-titjira bi 3 ċifri meta fuq konfigurazzjoni ta' altimetru tal-pressjoni standard. Irrapporta l-altitudni f'metri segwita minn “METRES” (metri) jew f'piedi segwita minn “FEET” (piedi) meta fuq QNH. Irrapporta “CLIMBING” (tiela') (segwit mil-livell) meta jkun tiela' jew “DESCENDING” (nieżel) (segwit mil-livell) meta jkun nieżel għal livell ġdid wara li jgħaddi l-punt sinifikanti.

Punt 5 — NEXT POSITION AND ESTIMATED TIME OVER. (Il-pożizzjoni li jmiss u l-ħin stmat fuqha). Irrapporta l-punt ta' rappurtar li jmiss u l-ħin stmat fuq it-tali punt ta' rappurtar, jew irrapporta l-pożizzjoni stmata li se tintlaħaq siegħa aktar tard, skont il-proċeduri ta' rappurtar tal-proċeduri fis-seħħ. Uża l-konvenzjonijiet tad-dejta speċifikati fil-Punt 2 għall-pożizzjoni. Irrapporta l-ħin stmat fuq din il-pożizzjoni. Irrapporta l-ħin f'sigħat u minuti UTC (4 ċifri) sakemm ma jkunx stipulat ir-rappurtar tal-ħin f'minuti wara s-siegħa (2 ċifri) mill-ftehimiet reġjonali tan-navigazzjoni tal-ajru.

Punt 6 — ENSUING SIGNIFICANT POINT. (Il-punt sinifikanti li jirriżulta). Irrapporta l-punt sinifikanti li jirriżulta wara “next position and estimated time over” (il-pożizzjoni li jmiss u l-ħin stmat fuqha).

Taqsima 2

Punt 7 — ESTIMATED TIME OF ARRIVAL. (Ħin stmat tal-wasla). Irrapporta l-isem tal-ajrudrom tal-ewwel inżul previst, segwit mill-ħin stmat tal-wasla f'dan l-ajrudrom f'sigħat u minuti UTC (4 ċifri).

Punt 8 — ENDURANCE. (Awtonomija). Irrapporta “ENDURANCE” segwita minn kemm idum il-fjuwil f'sigħat u minuti (4 ċifri).

Taqsima 3

Punt 9 — PHENOMENON PROMPTING A SPECIAL AIR-REPORT. (Fenomenu li jwassal għal rapport speċjali dwar l-ajru). Irrapporta wieħed mill-fenomeni esperjenzati jew osservati li ġejjin:

turbolenza moderata bħala “TURBULENCE MODERATE”; u

turbolenza severa bħala “TURBULENCE SEVERE”.

L-ispeċifikazzjonijiet li ġejjin japplikaw:

—   Moderata— Kundizzjonijiet li fihom jistgħu jseħħu bidliet moderati fl-attitudni u/jew l-altitudni tal-inġenju tal-ajru iżda l-inġenju tal-ajru jibqa' f'kontroll pożittiv f'kull ħin. Normalment, varjazzjonijiet żgħar fil-veloċità tal-arja. Bidliet fil-qari tal-aċċelerometru ta' 0,5 g sa 1,0 g fiċ-ċentru tal-gravità tal-inġenju tal-ajru. Diffikultà biex wieħed jimxi. L-okkupanti jħossu tensjoni kontra ċ-ċinturini tas-sigurtà. Oġġetti li mhumiex marbutin jibdew jiċċaqalqu.

—   Severa— Kundizzjonijiet li fihom iseħħu bidliet f'daqqa fl-attitudni u/jew fl-altitudni tal-inġenju tal-ajru; l-inġenju tal-ajru jista' jitlef il-kontroll għal perjodi ta' ħin qosra. Normalment, varjazzjonijiet kbar fil-veloċità tal-arja. Bidliet fil-qari tal-aċċelerometru akbar minn 1,0 g fiċ-ċentru tal-gravità tal-inġenju tal-ajru. L-okkupanti huma sfurzati b'mod vjolenti kontra ċ-ċinturini tas-sigurtà. Oġġetti li mhumiex marbutin jiġu mitfugħin 'l hemm u 'l hawn.

silġ moderat bħala “ICING MODERATE”:, silġ sever bħala “ICING SEVERE”;

L-ispeċifikazzjonijiet li ġejjin japplikaw:

—   Moderati— Kundizzjonijiet li fihom il-bidla fil-orjentazzjoni u/jew fl-altitudni tista' tkun mixtieqa.

—   Severi— Kundizzjonijiet li fihom il-bidla immedjata tal-orjentazzjoni u/jew tal-altitudni hija meqjusa essenzjali.

Mewġa orografika severa (lee wave) bħala “MOUNTAIN WAVE SEVERE”;

L-ispeċifikazzjonijiet li ġejjin japplikaw:

—   Severa— Kundizzjonijiet li fihom il-kurrent dixxendenti li jakkumpanjahom huwa 3,0 m/s (600 pied/min) jew iżjed u/jew ikun hemm turbolenza severa.

Maltempata bir-ragħad mingħajr silġ bħala “THUNDERSTORM”, maltempata bir-ragħad bis-silġ bħala “THUNDERSTORM WITH HAIL”;

L-ispeċifikazzjonijiet li ġejjin japplikaw:

Irrapporta biss dawk il-maltempati bir-ragħad li huma:

oskurati biċ-ċpar; jew

inkorporati fis-sħab; jew

mifruxa; jew

jifformaw squall line.

Maltempata tat-trab jew maltempata tar-ramel severa bħala “DUSTSTORM HEAVY” jew “SANDSTORM HEAVY”;

Sħab ta' rmied volkaniku bħala “VOLCANIC ASH CLOUD”;

Attività vulkanika ta' qabel l-eruzzjoni jew eruzzjoni vulkanika bħala “PRE-ERUPTION VOLCANIC ACTIVITY” jew “VOLCANIC ERUPTION”;

L-ispeċifikazzjonijiet li ġejjin japplikaw:

“Attività vulkanika ta' qabel eruzzjoni” f'dan il-kuntest tfisser attività vulkanika mhux normali u/jew li qiegħda tiżdied li tista' tkun sinjal ta' eruzzjoni vulkanika.

2.2.   L-informazzjoni rreġistrata fuq il-formola għar-rappurtar ta' attività vulkanika (il-Mudell VAR) mhijiex għat-trażmissjoni bl-RTF iżda, mal-wasla f'ajrudrom, għandha tiġi kkunsinjata mingħajr dewmien mill-operatur jew membru tal-ekwipaġġ tat-titjira lill-uffiċċju meteoroloġiku tal-ajrudrom. Jekk uffiċċju bħal dan mhuwiex aċċessibbli faċilment, il-formola kompluta għandha tiġi kkunsinjata skont l-arranġamenti lokali miftiehma bejn l-MET u l-fornituri tal-ATS u l-operatur tal-inġenju tal-ajru.

3.   TRAŻMISSJONI TA' INFORMAZZJONI METEOROLOĠIKA RIĊEVUTA PERMEZZ TA' KOMUNIKAZZJONIJIET BIL-VUĊI

Meta jirċievu rapporti speċjali dwar l-ajru, l-unitajiet tal-ATS għandhom jittrażmettu dawn ir-rapporti dwar l-ajru mingħajr dewmien lill-uffiċċju tal-għassa meteoroloġika (MWO) assoċjat. Sabiex jiżguraw l-assimilazzjoni tar-rapporti dwar l-ajru f'sistemi awtomatizzati bbażati fuq l-art, l-elementi ta' rapporti bħal dawn għandhom jiġu trażmessi bl-użu tal-konvenzjonijiet tad-dejta speċifikati hawn taħt u fl-ordni stipulat.

ADDRESSEE. (Id-destinatarju). Irreġistra l-istazzjon li qiegħed jiġi msejjaħ u, meta dan ikun neċessarju, komunikazzjoni bir-rilej meħtieġa.

MESSAGE TYPE DESIGNATOR. (Deżinjatur tat-tip ta' messaġġ). Irreġistra “ARS” għal rapport speċjali dwar l-ajru.

AIRCRAFT IDENTIFICATION. (Identifikazzjoni tal-inġenju tal-ajru). Irreġistra l-identifikazzjoni tal-inġenju tal-ajru bl-użu tal-konvenzjoni tad-dejta speċifikata fil-Punt 7 tal-pjan tat-titjira, mingħajr spazju bejn id-deżinjatur tal-operatur u r-reġistrazzjoni tal-inġenju tal-ajru jew l-identifikazzjoni tat-titjira, jekk użata.

Taqsima 1

Punt 0 — POSITION. (Pożizzjoni). Irreġistra l-pożizzjoni f'latitudni (gradi bħala 2 numri jew gradi u minuti bħala 4 ċifri, segwiti mingħajr spazju, minn N jew S) u lonġitudni (gradi bħala 3 ċifri jew gradi u minuti bħala 5 ċifri, segwiti mingħajr spazju minn E jew W), jew bħala punt sinifikanti identifikat b'deżinjatur kodifikat (2 sa 5 karattri) jew bħala punt sinifikanti segwit b'direzzjoni manjetika (3 ċifri) u d-distanza f'mili nawtiċi (3 ċifri) mill-punt. Ippreċedi l-punt sinifikanti b'“ABEAM” (travers), jekk applikabbli.

Punt 1 — TIME. (Ħin). Irreġistra l-ħin f'sigħat u minuti UTC (4 ċifri).

Punt 2 — FLIGHT LEVEL OR ALTITUDE. (Livell jew altitudni tat-titjira). Irreġistra “F” segwita minn 3 ċifri (eż. “F310”) meta l-livell tat-titjir jiġi rrappurtat. Irreġistra l-altitudni f'metri segwita minn “M” jew f'piedi segwita minn “FT” meta tiġi rrappurtata altitudni. Irreġistra “ASC” (livell) meta jkun tiela' jew “DES” (livell) meta jkun nieżel.

Taqsima 2

Punt 9 — PHENOMENON PROMPTING A SPECIAL AIR-REPORT. (Fenomenu li jwassal għal rapport speċjali dwar l-ajru). Irreġistra l-fenomenu rappurtat kif ġej:

turbolenza moderata bħala “TURB MOD”;

turbolenza severa bħala “TURB SEV”;

silġ moderat bħala “ICE MOD”;

silġ sever bħala “ICE SEV”;

mewġa orografika severa (lee wave) bħala “MTW SEV”;

maltempata bir-ragħad mingħajr silġ bħala “TS”;

maltempata bir-ragħad bis-silġ bħala “TSGR”;

maltempata tat-trab jew maltempata tar-ramel severa bħala “HVY SS”;

sħaba ta' rmied volkaniku bħala “VA CLD”;

attività vulkanika ta' qabel l-eruzzjoni jew eruzzjoni vulkanika bħala “VA”;

silġ bħala “GR”;

sħab cumulonimbus bħala “CB”.

TIME TRANSMITTED.(Ħin tat-trażmissjoni). Irreġistra biss meta tiġi trażmessa t-Taqsima 3.

4.   DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI RELATATI MAR-RAPPORTAR TA' RIĦ QAWWI TRASVERSALI U TA' RMIED VULKANIKU

4.1.   Rappurtar ta' riħ qawwi trasversali

4.1.1.   Meta jiġu rappurtati l-osservazzjonijiet tal-inġenju tal-ajru ta' riħ qawwi trasversali li jiltaqa' miegħu tul il-fażijiet tat-tlugħ u tal-avviċinament tat-titjira, għandu jiġi inkluż it-tip ta' inġenju tal-ajru.

4.1.2.   Meta l-kundizzjonijiet ta' riħ qawwi trasversali fil-fażijiet tat-tlugħ jew tal-avviċinament tat-titjira ġew irrappurtati jew imbassra iżda mhux esperjenzati, il-bdot fil-kmand għandu javża l-unità tal-ATS xierqa malajr kemm jista' jkun prattiku dment li il-bdot fil-kmand ikun jaf li l-unità tal-ATS xierqa diġà ġiet avżata minn inġenju tal-ajru preċedenti.

4.2.   Rappurtar wara titjira ta' attività vulkanika

4.2.1.   Mal-wasla ta' titjira f'ajrudrom, ir-rapport komplut ta' attività vulkanika għandu jiġi kkunsinjat mill-operatur tal-inġenju tal-ajru jew minn membru tal-ekwipaġġ ta' titjira, mingħajr dewmien, lill-uffiċċju meteoroloġiku tal-ajrudrom, jew jekk it-tali uffiċċju mhuwiex aċċessibbli faċilment, il-formola kompluta għandha tiġi ttrattata skont l-arranġamenti lokali miftiehma bejn l-MET u l-fornituri tal-ATS u l-operatur tal-inġenju tal-ajru.

4.2.2.   Ir-rapport komplut ta' attività vulkanika riċevut minn uffiċċju meteoroloġiku tal-ajrudrom għandu jiġi trażmess mingħajr dewmien lill-uffiċċju tal-għassa meteoroloġika responsabbli għall-għoti tal-għassa meteoroloġika għar-reġjun tal-informazzjoni tat-titjira li fiha kienet osservata l-attività vulkanika.

B.   FORMOLA TAR-RAPPORT SPEĊJALI DWAR L-AJRU TA' ATTIVITÀ VULKANIKA (MUDELL VAR)

Image

Test ta 'immaġni
”;

(30)

is-suppliment tal-Anness huwa emendat kif ġej:

(a)

it-tabella msemmija fl-Anness 2 tal-ICAO hija emendata kif ġej:

(i)

it-titolu jinbidel b'dan li ġej:

“Anness 2 tal-ICAO

Differenzi bejn dan ir-Regolament u l-Istandards Internazzjonali li hemm fl-Anness 2 tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, kif emendata.”;

(ii)

iċ-ċelloli relatati mad-“Differenza A2-04” jinbidlu b'dan li ġej:

“Differenza A2-04

Anness 2 tal-ICAO

Kapitolu 3

3.3.1.2.

L-Anness 2 tal-ICAO, 3.3.1.2 jinbidel bil-punt SERA.4001(b) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 923/2012. Id-differenzi bejn dak l-Istandard tal-ICAO u dak ir-regolament tal-Unjoni huma dawn li ġejjin:

Rigward it-titjiriet VFR ippjanati biex joperaw bejn fruntieri internazzjonali, ir-Regolament tal-Unjoni (il-punt SERA.4001(b)(5)) ivarja mill-Istandard tal-ICAO fl-Anness 2, 3.3.1.2(e) biż-żieda tat-test sottolinjat, kif ġej:

“kwalunkwe titjira li taqsam fruntieri internazzjonali, sakemm ma jkunx preskritt mod ieħor mill-Istati kkonċernati.”

Rigward titjiriet VFR u IFR ippjanati biex joperaw billejl, jiżdied ir-rekwiżit li ġej mal-punt SERA.4001(b)(6) ta' dak ir-Regolament tal-Unjoni:

“(6)

kwalunkwe titjira li hija ppjanata li topera billejl, jekk tħalli l-viċinanza ta' ajrudrom””

(b)

iċ-ċelloli relatati mad-“Differenza A2-06” jitħassru,

(c)

it-tabelli ġodda li ġejjin li jirreferu għall-Anness 3 tal-ICAO u l-Anness 10 tal-ICAO jiddaħħlu taħt it-tabella msemmija fl-Anness 2 tal-ICAO:

“Anness 3 tal-ICAO

Differenzi bejn dan ir-Regolament u l-Istandards Internazzjonali li hemm fl-Anness 3 tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, kif emendat.

Differenza A3-01

Anness 3 tal-ICAO

Kapitolu 5

Dispożizzjoni ġdida. Il-punt SERA.12005 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 923/2012 jispeċifika:

(b)

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jippreskrivu, kif ikun meħtieġ, kundizzjonijiet oħrajn li għandhom jiġu rrappurtati mill-inġenji tal-ajru kollha meta dawn jiltaqgħu magħhom jew josservawhom.

Anness 10 tal-ICAO

Differenzi bejn dan ir-Regolament u l-Istandards Internazzjonali li hemm fl-Anness 10 tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, kif emendat.

Differenza A10-01

Anness 10 tal-ICAO

Volum II

Kapitolu 5

5.2.1.4.1

L-Anness 10 tal-ICAO, Volum II, Kapitolu 5.2.1.4.1 huwa traspost fil-punt SERA.14035 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 923/2012 b'xi differenzi. Id-differenzi bejn dak l-Istandard tal-ICAO u dak ir-Regolament tal-Unjoni huma dawn li ġejjin:

SERA.14035   Trażmissjoni ta' numri fir-radjutelefonija

(a)   Trażmissjoni ta' numri

(1)

In-numri kollha użati fit-trażmissjoni ta' sinjal tas-sejħa ta' inġenju tal-ajru, l-orjentazzjonijiet, ir-runway, id-direzzjoni u l-veloċità tar-riħ għandhom ikunu trażmessi billi kull ċifra tiġi ppronunzjata separatament.

(i)

Il-livelli ta' titjir għandhom jiġu trażmessi billi kull ċifra tiġi ppronunzjata separatament, ħlief għall-każ tal-livelli ta' titjir f'mijiet sħaħ.

(ii)

Il-konfigurazzjoni tal-altimetru għandha tiġi trażmessa billi kull ċifra tiġi ppronunzjata separatament, ħlief għall-każ ta' konfigurazzjoni ta' 1 000 hPa li għandha tkun trażmessa bħala “ONE THOUSAND” (elf wieħed).

(iii)

In-numri kollha użati fit-trażmissjoni tal-kodiċijiet tat-transponder għandhom jiġu trażmessi billi kull ċifra tiġi ippronunzjata separatament ħlief li, meta l-kodiċijiet tat-transponder ikun fihom eluf sħaħ biss, l-informazzjoni għandha tiġi trażmessa billiċ-ċifra fin-numru ta' eluf tiġi ppronunzjata segwita mill-kelma “THOUSAND” (elf).

(2)

In-numri kollha użati fit-trażmissjoni ta' informazzjoni oħra minbarra dik deskritta fil-punt (a)(1) għandhom jiġu trażmessi billi kull ċifra tiġi ppronunzjata separatament, ħlief li n-numri kollha li fihom mijiet sħaħ u eluf sħaħ għandhom jiġu trażmessi billi kull ċifra tiġi ppronunzjata fin-numru ta' mijiet jew eluf segwita mill-kelma “HUNDRED” (mija) jew “THOUSAND” (elf), kif xieraq. Kombinazzjonijiet ta' eluf u mijiet sħaħ għandhom jiġu trażmessi billi kull ċifra tiġi ppronunzjata fin-numru ta' eluf segwita mill-kelma “THOUSAND”, segwita min-numru ta' mijiet segwit mill-kelma “HUNDRED”.

(3)

Fil-każijiet fejn hemm ħtieġa li jiġi ċċarat n-numru trażmess bħala eluf sħaħ u/jew mijiet sħaħ, in-numru għandu jiġi trażmess billi kull ċifra tiġi ppronunzjata separatament.

(4)

Meta tiġi pprovduta informazzjoni dwar ir-relazzjoni għal oġġett jew għat-traffiku konfliġġenti f'termini tal-arloġġ ta' tnax-il siegħa, l-informazzjoni għandha tingħata billi ċ-ċifri jiġu ppronunzjati flimkien bħala “TEN O'CLOCK” (l-għaxra) jew “ELEVEN O'CLOCK” (il-ħdax).

(5)

Numri li fihom punt deċimali għandhom jiġu trażmessi kif preskritt fil-punt (a)(1) bil-punt deċimali f'sekwenza xierqa, indikat mill-kelma “DECIMAL” (deċimali).

(6)

Is-sitt ċifri kollha tad-deżinjatur numeriku għandhom jintużaw biex jidentifikaw il-kanal li qiegħed jittrażmetti fil-komunikazzjonijiet bir-radjutelefonija ta' Frekwenza Għolja Ħafna (VHF), ħlief fil-każ fejn kemm il-ħames u s-sitt ċifri huma żero, f'liema każ għandhom jintużaw biss l-ewwel erba' ċifri.

Differenza A10-02

Anness 10 tal-ICAO

Volum II

Kapitolu 5

5.2.1.7.3.2.3

L-Anness 10 tal-ICAO, Volum II, Kapitolu 5.2.1.7.3.2.3 huwa traspost fil-punt SERA.14055 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 923/2012 b'differenza. Id-differenza bejn dak l-Istandard tal-ICAO u dak ir-Regolament tal-Unjoni hija din li ġejja:

SERA.14055   Proċeduri tar-radjutelefonija

(b)

(2)

It-tweġiba għas-sejħiet imsemmijin hawn fuq għandha tuża s-sinjal tas-sejħa tal-istazzjon li qiegħed jagħmel is-sejħa, segwit mis-sinjal tas-sejħa tal-istazzjon li qiegħed iwieġeb, li għandu jitqies bħala stedina biex jipproċedu bit-trażmissjoni mill-istazzjon li qiegħed jagħmel is-sejħa. Għal trasferimenti ta' komunikazzjoni f'unità tal-ATS waħda, is-sinjal tas-sejħa tal-unità tal-ATS jista' jitħalla barra, meta jkun awtorizzat jagħmel dan mill-awtorità kompetenti.”

(d)

it-tabella msemmija fl-Anness 11 tal-ICAO hija emendata kif ġej:

(i)

it-titolu jinbidel b'dan li ġej:

“Anness 11 tal-ICAO

Differenzi bejn dan ir-Regolament u l-Istandards Internazzjonali li hemm fl-Anness 11 tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, kif emendata.”;

(ii)

iċ-ċelloli relatati mad-“Differenza A11-06” huma sostitwiti b'dan li ġej:

“Differenza A11-06

Anness 11 tal-ICAO

Kapitolu 3

Dispożizzjoni ġdida. Il-punt SERA.5010 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 923/2012 jispeċifika:

SERA.5010   VFR speċjali f'żoni ta' kontroll

It-titjiriet VFR speċjali jistgħu jiġu awtorizzati li joperaw fi ħdan żona ta' kontroll, soġġetti għal awtorizzazzjoni tal-ATC. Ħlief meta jkun permess mill-awtorità kompetenti għall-ħelikopters f'każijiet speċjali bħal, iżda ma jkunux limitati għal, titjiriet mediċi, operazzjonijiet ta' tiftix u salvatagġġ u għal tifi ta' nar, għandhom jiġu applikati l-kundizzjonijiet addizzjonali li ġejjin:

(a)

titjiriet bħal dawn jitwettqu matul il-ġurnata biss, sakemm ma jkunx permess mod ieħor mill-awtorità kompetenti;

(a)(b)

mill-bdot:

(1)

barra mis-sħab u fejn jista' jidher is-superfiċje;

(2)

il-viżibbiltà ta' titjira ma tkunx inqas minn 1 500  m jew, għall-ħelikopters, mhux inqas minn 800 m;

(3)

titjir b'veloċità ta'140 kts IAS jew inqas biex tingħata opportunità xierqa biex jiġi osservat traffiku ieħor u kwalunkwe ostaklu f'ħin biżżejjed bil-quddiem biex tiġi evitata kolliżjoni; u

(c)

L-unità ta' kontroll tat-traffiku tal-ajru ma għandhiex toħroġ awtorizzazzjoni VFR speċjali lil inġenju tal-ajru biex jitla' jew jinżel f'ajrudrom f'żona ta' kontroll, jew jidħlu fiż-żona tat-traffiku tal-ajrudrom jew iċ-ċirkwit tat-traffiku tal-ajrudrom meta l-kundizzjonijiet meteoroloġiċi rappurtati f'dak l-ajrudrom huma taħt il-livelli minimi li ġejjin:

(b)

mill-ATC

(1)

matul il-jum biss, sakemm ma jkunx permess mod ieħor mill-awtorità kompetenti;

(2) (1)

il-viżibbilità fuq l-art ma tkunx inqas minn 1 500  m jew, għall-ħelikopters, mhux inqas minn 800 m;

(2)

il-limitu ma jkunx inqas minn 180 m (600 pied).”



Top