EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R0145

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/145 tal-4 ta' Frar 2016 li jadotta l-format tad-dokument li jservi bħala evidenza għall-permess maħruġ mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li jippermetti li stabbilimenti jwettqu ċerti attivitajiet fir-rigward tal-ispeċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni b'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

OJ L 30, 5.2.2016, p. 1–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2016/145/oj

5.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 30/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/145

tal-4 ta' Frar 2016

li jadotta l-format tad-dokument li jservi bħala evidenza għall-permess maħruġ mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li jippermetti li stabbilimenti jwettqu ċerti attivitajiet fir-rigward tal-ispeċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni b'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Ir-Regolament (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid ta' speċijiet aljeni invażivi (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 8(6) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1143/2014 jistipula li l-Kummissjoni għandha tadotta l-format tad-dokumenti li jservu bħala evidenza għal permessi maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri biex titwettaq attività ta' riċerka jew il-konservazzjoni ex situ fir-rigward ta' speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 8. Il-permessi jistgħu jinħarġu wkoll għall-produzzjoni xjentifika u għall-użu mediċinali sussegwenti ta' dawn l-ispeċijiet.

(2)

Il-permessi jistgħu jinħarġu wkoll minn Stati Membri, f'każijiet eċċezzjonali u għal raġunijiet ta' interess pubbliku prevalenti, biex jitwettqu attivitajiet għajr dawk elenkati fl-Artikolu 8(1), kif stipulat fl-Artikolu 9(1), sakemm tkun inħarġet awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni. Skont l-Artikolu 9(6), dawn il-permessi jridu jinħarġu b'konformità mal-Artikolu 8(4) sa (8). Għalhekk għandu jintuża l-istess format tad-dokument li jservi bħala evidenza għal permessi għall-iskopijiet ta' dawn iż-żewġ Artikoli 8 u 9.

(3)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Ispeċijiet Aljeni Invażivi,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-format tad-dokument li jservi bħala evidenza għall-permess maħruġ mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri skont l-Artikoli 8(2) u 9(6) tar-Regolament (UE) Nru 1143/2014, huwa stabbilit fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Frar 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 317, 4.11.2014, p. 35.


ANNESS

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Struzzjonijiet għall-mili tad-dokument

Dan id-dokument irid jimtela mill-awtorità kompetenti li jkollha s-setgħa li toħroġ l-permessi msemmija fl-Artikolu 8(2) u l-Artikolu 9(6) tar-Regolament (UE) Nru 1143/2014. Dan għandu jiġi ffirmat, ittimbrat u ddatat.

Imla d-dokument b'ittri kbar. Biex tindika xi azzjoni b'mod pożittiv, ittikkja jew immarka is-simbolu ☐. Ingassa jew aqta' b'mod ċar l-għażliet jew il-kaxxi nnumerati sħaħ li mhumiex relevanti.

Kaxxa 1.

Indika l-isem, l-indirizz, il-pajjiz, in-numru tat-telefown u l-indirizz tal-istabbiliment li għalih ikun ingħata l-permess u/jew il-persuna ta' kuntatt.

Kaxxa 2.

Indika n-numru ta' identifikazzjoni tal-permess. Dan in-numru għandu jibda bil-kodiċi b'żewġ ittri tal-ISO (ISO 3166 alpha-2) għall-Istat Membru li joħroġ il-permess, minbarra għall-Greċja u r-Renju Unit li għalihom għandhom jintużaw l-abbrevjazzjonijiet EL u UK. In-numru ta' identifikazzjoni għandu jkun uniku għall-għanijiet tas-sistema msemmija fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) Nru 1143/2014.

Kaxxa 3.

Indika l-isem, l-indirizz, il-pajjiż, in-numru tat-telefown u l-indirizz elettroniku tal-konsenjatur jew tal-esportatur, meta applikabbli.

Kaxxa 4.

Indika d-data tal-ħruġ tal-permess.

Kaxxa 5.

Indika l-perjodu ta' validità (id-data tal-bidu; id-data tat-tmiem) tal-permess, meta applikabbli.

Kaxxa 6.

Indika l-isem, l-indirizz, il-pajjiż, in-numru tat-telefown u l-indirizz elettroniku tal-konsenjatur jew l-importatur, meta applikabbli.

Kaxxa 7.

Indika l-isem tal-awtorità kompetenti li qed toħroġ il-permess.

Kaxxa 8.

Iddeskrivi l-konsenja jew l-istokk ta' kampjuni billi timla l-informazzjoni fil-kaxxi 8a sa 8f:

Kaxxa 8a.

Dan jirreferi għall-isem xjentifiku tal-ispeċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni li għaliha nħareġ il-permess.

Kaxxa 8b.

Dan jirreferi għall-isem komuni tal-ispeċi aljena invażiva li għaliha nħareġ permess.

Kaxxa 8c.

Dan jirreferi għall-kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda (NM) kif previst mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (1).

Kaxxa 8d.

Deskrizzjoni preċiża tal-konsenja jew l-istokk u l-kampjuni li jkunu fihom.

Kaxxa 8e.

Il-massa totali netta tal-konsenja (jew stokk) f'kg. Tista' titħalla barra jekk l-informazzjoni tkun diġà ġiet ipprovduta fil-kaxxa 8f.

Kaxxa 8f.

Għadd ta' kampjuni fil-konsenja. Tista' tintuża meta l-kwantità hija espressa aħjar f'unitajiet diskreti. Tista' titħalla barra jekk l-informazzjoni tkun diġà ġiet ipprovduta fil-kaxxa 8e.

Kaxxa 9.

Indika għal liema restrizzjonijiet stabbiliti skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1143/2014 tkun ingħatat deroga.

Kaxxa 10.

Indika l-għan li għalih ikun ingħata l-permess.

Kaxxa 11.

Indika t-taqsimiet rilevanti ta' dan il-permess li jiddeskrivu l-kundizzjonijiet li taħthom l-attivitajiet ġew permessi, skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) Nru 1143/2014.

Kaxxa 12.

Indika t-taqsimiet rilevanti tal-permess filwaqt li tiddeskrivi d-dispożizzjonijiet speċifikati fl-awtorizzazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni. Timtela biss jekk il-permess jinħareġ wara awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1143/2014.

Kaxxa 13.

Indika l-isem tal-uffiċjal awtorizzanti tal-awtorità kompetenti li qed jimla dan id-dokument.

Kaxxa 14.

Firma tal-uffiċjal awtorizzat tal-awtorità kompetenti li qed jimla dan id-dokument.

Kaxxa 15.

Timbru uffiċjali tal-awtorità kompetenti u d-data li fiha imtela dan id-dokument.


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u tal-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).


Top