EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R0429

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/429 tat- 13 ta' Marzu 2015 li jistabbilixxi l-modalitajiet li għandhom jiġu segwiti għall-applikazzjoni tal-imposti għall-ispejjeż tal-effetti tal-istorbju Test b'rilevanza għaż-ŻEE

OJ L 70, 14.3.2015, p. 36–42 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/429/oj

14.3.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 70/36


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/429

tat-13 ta' Marzu 2015

li jistabbilixxi l-modalitajiet li għandhom jiġu segwiti għall-applikazzjoni tal-imposti għall-ispejjeż tal-effetti tal-istorbju

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 31(5) tagħha,

Billi:

(1)

Fil-White Paper “Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport — Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti” (2) kien indikat li 10 % tal-popolazzjoni Ewropea hija esposta għal tniġġis akusitiku sinifikanti mit-trasport ferrovjarju, u b'mod partikolari dak tal-merkanzija. L-istorbju huwa riperkussjoni lokalizzata li taffettwa l-persuni li jgħixu qrib il-linji ferrovjarji. Huwa aktar kosteffettiv li l-istorbju jitnaqqas fis-sors, fejn jiġi prodott. It-tibdil tal-blokok tal-brejkijiet tal-ħadid fondut bi blokok tal-brejkijiet komposti jista' jwassal għal tnaqqis tal-istorbju ta' 10 dB. Għalhekk għandu jitħeġġeġ u jiġi segwit l-appoġġ tal-modifiki tal-vaguni bl-aktar teknoloġija ta' bbrejkjar b'ħoss baxx ekonomikament vijabbli li hija disponibbli.

(2)

Dan ir-Regolament għandu l-għan li jinċentiva l-modfiki billi jippermetti r-rimborż tal-ispejjeż rilevanti marbuta mal-istallazzjoni ta' blokok komposti tal-brejkijiet.

(3)

Bl-Artikolu 31(5) tad-Direttiva 2012/34/UE il-Kummissjoni ngħatat is-setgħa li tadotta miżuri ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu l-modalitajiet li għandhom jiġu segwiti fl-applikazzjoni tal-imposti għall-ispejjeż tal-effetti tal-istorbju, fosthom it-tul tal-applikazzjoni tagħhom u li jippermettu d-divrenzjar tal-imposti fuq l-infrastruttura biex tiġi kkunsidrata, fejn xieraq, is-sensittività taż-żona affettwata, b'mod partikolari f'termini tad-daqs tal-popolazzjoni affettwata, u l-kompożizzjoni tal-ferrovija b'impatt fuq il-livell tal-emissjonijiet ta' storbju (“imposti għall-aċċess għall-binarji skont il-livell ta' storbju” jew “NDTAC — noise-differentiated track access charges”).

(4)

Dan ir-Regolament jistabbilixxi modalitajiet ta' dan it-tip u jipprovdi qafas legali xieraq fuq il-bażi ta' liema skema li tistabbilixxi l-NDTAC (“l-Iskema”) għandha tiġi introdotta u applikata mill-maniġers tal-infrastruttura. Dan il-qafas legali għandu jiggarantixxi lill-impriżi ferrovjarji, is-sidien tal-vaguni u l-partijiet ikkonċernati l-oħra sigurtà legali u inċentivi biex jimmodifikaw il-vaguni tagħhom. Għalhekk il-modalitajiet stabbiliti f'dan ir-Regolament ikopru t-tul tal-iskema, il-livell tal-inċentivi u l-arranġamenti rilevanti.

(5)

Fl-2011, il-Kummissjoni stabbiliet grupp ta' ħidma ta' esperti tal-NDTAC, għall-fini tal-provvista tal-għarfien espert u l-assistenza neċessarji. Il-grupp kien magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri interessati, maniġers tal-infrastruttura, impriżi ferrovjarji, is-sidien tal-vaguni u s-soċjetà ċivili, u dawn taw kontribut siewi.

(6)

L-Istati Membri għandhom ikunu ħielsa li jiddeċiedu jekk il-maniġer tal-infrastruttura għandux jimmodifika l-imposti tal-infrastruttura, f'konformità ma' dan ir-Regolament, sabiex jitqiesu l-ispejjeż tal-effetti tal-istorbju.

(7)

Il-vaguni li jikkonformaw mar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1304/2014 (3) dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà relatata mas-subsistema ta' “vetturi ferrovjarji — storbju” u l-modifiki sussegwenti tagħha (“it-TSI dwar l-Istorbju”), għandhom jitqiesu bħala “silenzjużi”. Il-vaguni li ma jikkonformawx mat-TSI dwar l-Istorbju għandhom jitqiesu bħala “storbjużi”. Jekk, matul perjodu ta' tiġdid jew immodernizzar ta' vagun, dan tal-aħħar ikun mgħammar bi blokok tal-brejkijiet komposti ċertifikati u ma jiżdied l-ebda sors tal-istorbju fil-vaguni taħt valutazzjoni, jista' jiġi preżunt li r-rekwiżiti tat-TSI dwar l-Istorbju huma ssodisfati.

(8)

Hemm vaguni li ma jistgħux jiġu modifikati bi blokok tal-brejkijiet komposti minħabba l-karatteristiċi tekniċi tagħhom. Dawn il-vaguni ma għandhomx jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(9)

Sabiex tinżamm il-kompetittività tas-settur ferrovjarju, l-iskema għandha tieħu l-forma ta' skont jew bonus obbligatorju minimu jew għall-impriżi ferrovjarji li jħaddmu vaguni modifikati. Għall-istess għan, il-proċeduri amministrattivi għandhom jinżammu mal-minimu meħtieġ.

(10)

Sabiex titqies is-sensittività taż-żona affettwata mill-istorbju, b'mod partikolari f'termini tad-daqs tal-popolazzjoni affettwata, il-maniġers tal-infrastruttura għandu jkollhom il-possibbiltà li jintroduċu sovraimposta (li tikkostitwixxi malus) għal impriżi ferrovjarji li jużaw ferroviji storbjużi. malus jista' jiġi introdott biss fejn ikun introdott ukoll bonus. Il-livell ta' malus jista' jvarja fuq linji u taqsimiet ferrovjarji differenti għal raġunijiet ġustifikati kif suppost, u jiddependi b'mod partikolari mill-espożizzjoni għall-istorbju tal-popolazzjoni milquta. Sabiex ma tintlaqatx daqhekk il-kompetittività ġenerali tas-settur ferrovjarju, il-malus fuq il-kompetittività tas-settur ferrovjarju, il-malus għandu jkun ta' valur limitat u fi kwalunkwe każ mhux ogħla mill-bonus. Madankollu, dan il-limitu m'għandux japplika jekk l-imposti tal-ispejjeż tal-istorbju japplikaw għat-trasport tal-merkanzija bit-triq skont il-liġi tal-Unjoni.

(11)

Ir-riżultat tat-tnaqqis effettiv tal-istorbju permezz tal-modifiki jista' jkun jinħass biss meta kważi l-vaguni kollha ta' ferrovija jkunu silenzjużi. Barra minn hekk, għandhom jiġu mħeġġa l-prestazzjoni aħjar tal-istorbju lil hinn mill-minimu mitlub u l-innovazzjoni fil-qasam tat-tnaqqis tal-istorbju. Għalhekk għandhom ikunu permessi bonusijiet addizzjonali għal ferroviji “silenzjużi” u vetturi ferrovjarji “silenzjużi ħafna”.

(12)

Billi wieħed mill-għanijiet ewlenin ta' dan ir-Regolament huwa li jipprovdi inċentivi għal modifiki rapidi, it-tul tal-iskema fir-rigward tal-bonus għandu jkun limitat fiż-żmien u fl-istess waqt twil biżżejjed biex jippermetti appoġġ finanzjarju adegwat. Għaldaqstant, l-iskema għandha tibda tapplika mill-aktar fis u ma tieqaf tapplika fl-2021. Madankollu, l-Istati Membri għandu jkollhom il-possibbiltà li jiddeċiedu jekk il-maniġers tal-infrastruttura għandhomx japplikaw l-iskema wara d-data tal-bidu proposta. L-effetti tal-iskemi eżistenti fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu rikonoxxuti u kkunsidrati billi jiġu previsti dispożizzjonijiet tranżitorji xierqa. L-applikazzjoni ta' skemi bħal dawn, fl-ebda każ ma għandha tirriżulta f'diskriminazzjoni bejn l-impriżi ferrovjarji.

(13)

Jekk il-progress bil-modifiki ma jkunx sodisfaċenti, l-Istati Membri għandhom jitħallew japplikaw malus wara tmiem il-perjodu tal-iskema bil-kundizzjoni li tiġi applikata miżura simili fis-settur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq. Id-disinn ta' dan il-malus għandu jkun konsistenti mal-prinċipji ta' internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni tal-istorbju għal mezzi tat-trasport tal-merkanzija kollha, b'mod partikolari t-trasport bit-triq.

(14)

Billi ġeneralment is-sidien tal-vaguni jkunu f'pożizzjoni li jimmodifikaw il-vaguni filwaqt li l-impriżi ferrovjarji se jibbenefika mill-bonus, l-inċentivi għandhom jgħaddu għand dawk li jġarrbu l-ispejjeż tal-modifiki.

(15)

Diversi studji evalwaw l-ispejjeż tal-modifiki u l-inċentivi neċessarji li jippermettu t-twettiq tal-modifiki b'konnessjoni ma' possibbiltajiet oħra ta' finanzjament. Abbażi ta' studju ta' appoġġ għall-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni, il-livell minimu armonizzat ta' bonus għandu jiġi stabbilit għal EUR 0,0035 għal kull fus/km. Dan l-ammont ta' bonus għandu jinċentiva l-modifiki ta' vaguni li jimxu 45 000 km fis-sena matul perjodu ta' 6 snin billi jkopri 50 % tal-spejjeż rilevanti. Billi huwa kkunsidrat li t-tmexxija ta' vaguni bi blokok tal-brejkijiet komposti jwassal għal spejjeż operattivi ogħla u billi fil-prattika, vagun jista' jimxi inqas minn 45 000 km fis-sena, l-ammont ta' bonus jista' jiżdied biex dan jitqies.

(16)

Sabiex il-modifiki jsiru iktar malajr u jitnaqqas ir-riskju ta' konsegwenzi negattivi possibbli għall-kompetittività tas-settur ferrovjarju, is-sidien tal-vaguni u l-impriżi ferrovjarji għandhom jitħeġġu biex jisfruttaw il-possibbiltajiet ta' finanzjament pubbliku Ewropew għall-modifiki previsti fir-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa. Għall-istess għan, l-Istati Membri li jiddeċiedu li l-maniġers tal-infrastruttura japplikaw l-iskema għandhom ikunu mħeġġa jpoġġu fondi nazzjonali rilevanti għad-dispożizzjoni.

(17)

Sabiex jiżguraw kundizzjonijiet mhux diskriminatorji lill-impriżi ferrovjarji kollha, u jilqgħu milli jsir ħlas ta' bonusijiet għall-użu ta' vaguni li mhumiex intitolati li jibbenefikaw minnhom, il-maniġers tal-infrastruttura għandhom jirċievu dejta rigward il-karatteristiċi tal-istorbju rilevanti ta' vaguni. Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv, għal dan l-għan u fejn disponibbli, għandhom jintużaw reġistri eżistenti u għodod oħra.

(18)

Il-maniġers tal-infrastruttura li jkunu applikaw l-iskema għandhom jikkooperaw biex jissimplifikaw u jarmonizzaw il-proċeduri relatati mal-operazzjoni tal-iskema bl-għan li jnaqqsu l-piżijiet amministrattivi u finanzjarji għall-impriżi ferrovjarji.

(19)

Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2012/34/UE rigward il-finanzjament tal-infrastruttura, il-bilanċ ta' dħul u nfiq tal-maniġer tal-infrastruttura u l-aċċess għall-infrastruttura ġust, mhux diskriminatorju u trasparenti.

(20)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 62(3) tad-Direttiva 2012/34/UE,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-modalitajiet li għandhom jiġu segwiti mill-maniġer tal-infrastruttura għall-applikazzjoni tal-imposti għall-ispejjeż tal-effetti tal-istorbju kkawżati minn vetturi ferrovjarji merkantili.

Dan għandu japplika meta Stat Membru, fi ħdan il-qafas tal-imposti kif stipulat fl-Artikolu 29(1) tad-Direttiva 2012/34/UE, ikun iddeċieda li jintroduċi modifika tal-imposti infrastrutturali skont l-Artikolu 31(5), l-ewwel subparagrafu ta' dik id-Direttiva.

2.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika għall-vaguni li jissodisfaw waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

vaguni li għandhom deroga mit-TSI dwar l-Istorbju skont l-Artikolu 9 tad- Direttiva 2008/57/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5);

(b)

vaguni li għalihom ma hemm l-ebda blokka tal-brejkijiet komposta disponibbli li tkun konformi mat-TSI dwar il-Vaguni u li tista' titwaħħal direttament fil-vagun mingħajr modifiki ulterjuri fis-sistema tal-brejkijiet jew mingħajr verifiki apposta;

(c)

vaguni li jiġu minn pajjiżi terzi u li jimxu fuq netwerk b'distanza ta' 1 520 jew 1 524 mm bejn il-linji tal-binarji u li jingħataw każ speċifiku fit-TSI dwar l-Istorbju jew li jiġu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tagħha.

3.   Bil-bonus u l-malus li jirriżultaw mid-differenzjar tal-imposti tal-aċċess għall-binarji għandu jkun żgurat aċċess għall-infrastruttura trasparenti u mhux diskriminatorju.

4.   Id-differenzjar tal-imposti tal-aċċess għall-binarji skont dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-għan ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1.

“Skema” tfisser dispożizzjonijiet li jistabbilixxu tariffi differenzjati skont l-istorbju għall-aċċess tal-binarji li għandha tiġi adottata u applikata mill-maniġers tal-infrastruttura;

2.

“Vaguni modifikati” tfisser vaguni eżistenti modifikati bi blokok tal-brejkijiet komposti skont ir-rekwiżiti stabbiliti fit-TSI dwar l-Istorbju;

3.

“Vaguni silenzjużi” tfisser vaguni ġodda jew eżistenti li jirrispettaw il-valuri ta' limitu tal-istorbju rilevanti stabbiliti fit-TSI dwar l-Istorbju;

4.

“Vaguni storbjużi” tfisser vaguni li ma jirrispettawx il-valuri ta' limitu tal-istorbju rilevanti stabbiliti fit-TSI dwar l-Istorbju;

5.

“Ferrovija storbjuża” tfisser ferrovija magħmula minn aktar minn 10 % ta' vaguni storbjużi;

6.

“Ferrovija silenzjuża” tfisser ferrovija magħmula minn tal-anqas 90 % ta' vaguni silenzjużi;

7.

“Vaguni u lokomottivi silenzjużi ħafna” tfisser vaguni u lokomottivi b'emissjonijiet tal-istorbju ta' mill-inqas 3 dB taħt il-valuri rilevanti stipulati fit-TSI dwar l-Istorbju;

8.

“Bonus għal vaguni modifikati” tfisser skont obbligatorju fuq l-imposti għall-aċċess tal-infrastruttura għal impriżi ferrovjarji li jħaddmu vaguni modifikati;

9.

“Bonus għall-ferroviji” tfisser skont fakultattiv għal impriżi ferrovjarji għal kull “ferrovija silenzjuża”;

10.

“Bonus għal vaguni jew lokomittivi silenzjużi ħafna” tfisser skont fakultattiv għal impriżi ferrovjarji għal kull vagun u lokomottiva silenzjużi ħafna;

11.

Malus” tfisser sopraimposta fakultattiva fuq l-imposti tal-aċċess għall-infrastruttura li trid titħallas mill-impriżi ferrovjarji għal kull ferrovija storbjuża.

Artikolu 3

Skema

1.   Abbażi tal-modalitajiet stabbiliti f'dan ir-Regolament, il-maniġer tal-infrastruttura għandu jadotta skema li tiddistingwi l-imposti tal-infrastruttura skont il-livell ta' storbju prodott u li tapplika għall-impriżi ferrovjarji kollha kkonċernati. L-applikazzjoni ta' din l-iskema ma għandhiex tirriżulta fid-distorsjoni mhux xierqa tal-kompetizzjoni bejn l-impriżi ferrovjarji jew taffettwa b'mod negattiv il-kompetittività ġenerali tas-settur tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija.

2.   L-iskema għandha tapplika sal-31 ta' Diċembru 2021.

Artikolu 4

Bonus għal vaguni modifikati

1.   Il-maniġers tal-infrastruttura jistgħu jintroduċu bonus għall-impriżi ferrovjarji li jħaddmu vaguni modifikati. Il-livell ta' bonus għandu jkun l-istess fuq in-netwerk kollu tal-maniġer tal-infrastruttura u għandu jkun applikabbli għal kull vagun modifikat.

2.   Il-bażi għall-kalkolu tal-livell ta' bonus għandu jkun in-numru ta' fusien ta' vagun u l-ammont ta' kilometri li saru f'perjodu determinat mill-maniġer tal-infrastruttura.

3.   Il-livell minimu ta' bonus għandu jiġi stabbilit għal EUR 0,0035 għal kull fus/km.

4.   Filwaqt li jiffissal-livell tal-bonus, il-maniġer tal-infrastruttura jista' jikkunsidra l-inflazzjoni, l-għadd ta' mili li saru mill-vaguni u l-ispejjeż operattivi marbuta mal-użu ta' vaguni modfikati.

5.   Il-livell ta' bonus ikkalkulat skont il-paragrafu 3 u, fejn rilevanti l-paragrafu 4, għandu jiġi stabbilit għal tal-inqas sena.

6.   Il-maniġers tal-infrastruttura jistgħu jiddeċiedu li jikkanċellaw jew inaqqsu l-livell tal-bonus skont il-valur tal-ispejjeż tal-modfiki għal dawk il-vaguni li jkunu diġà rċevew pagamenti ta' bonus li jippermettulhom li jirrimborżaw l-ispejjeż tal-modifiki.

Artikolu 5

Bonus għall-ferroviji

1.   Il-maniġers tal-infrastruttura jistgħu jintroduċu bonus għall-impriżi ferrovjarji li jħaddmu ferroviji silenzjużi.

2.   Għandu jiġi applikat bonus għal kull ferrovija silenzjuża.

3.   L-ammont tal-bonus għal ferroviji silenzjużi għandu jkun ta' massimu ta' 50 % tal-valur totali tal-bonusijiet applikabbli għal vaguni modifikati li jiffurmaw dik il-ferrovija u kkalkulat skont l-Artikolu 4.

4.   Il-bonus għal ferroviji silenzjużi għandu jakkumula mal-bonusijiet imsemmija fl-Artikoli 4 u 6.

Artikolu 6

Bonus għall-vaguni u l-lokomittivi silenzjużi ħafna

1.   Il-maniġers tal-infrastruttura jistgħu jintroduċu bonus għal impriżi ferrovjarji li jħaddmu lokomottivi u vaguni silenzjużi ħafna.

2.   Il-bonus imsemmi fil-paragrafu 1 gġandu jkun applikabbli għal kull vagun u lokomottiva silenzjużi ħafna.

3.   L-ammont tal-bonus għal kull vagun u lokomottiva silenzjużi ħafna għandu jikkorrispondi b'mod proporzjonat mat-tnaqqis tal-livell tal-istorbju taħt dawn il-valuri limitu u għandu jkun ta' massimu ta' 50 % tal-valur ta' bonus applikabbli għal vagun modifikat kif ikkalkulat skont l-Artikolu 4.

4.   Il-bonus għal lokomottivi u vaguni silenzjużi ħafna għandu jakkumula mal-bonusijiet imsemmija fl-Artikoli 4 u 5.

Artikolu 7

Malus

1.   Il-maniġers tal-infrastruttura jistgħu jintroduċu malus għall-impriżi ferrovjarji li jħaddmu ferroviji storbjużi.

2.   Għandu jiġi applikat malus għal kull ferrovija storbjuża.

3.   Is-somma totali ta' malus mħallsa matul il-perjodu tal-iskema ma għandhiex tkun ogħla mill-ammont ta' bonusijiet imsemmija fl-Artikoli 4, 5 u 6.

4.   Il-maniġers tal-infrastruttura għandu jkollhom il-possibbiltà li ma japplikawx il-paragrafu 3 jekk tkun applikata imposta simili tal-ispiża tal-istorbju għat-trasport tal-merkanzija bit-triq skont il-liġi tal-Unjoni fl-Istat Membru kkonċernat.

5.   B'deroga mill-Artikolu 3, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jkomplu japplikaw jew jintroduċu malus wara li jintemm it-tul taż-żmien tal-iskema skont il-kundizzjoni li miżura simili hija applikata fis-settur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq, skont il-liġi tal-Unjoni.

6.   Filwaqt li jiddeċiedi li jintroduċi malus u fl-istabbiliment tal-livell tiegħu, il-maniġer tal-infrastruttura jista', kif ikun xieraq u wara konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, jikkunsidra s-sensittività taż-żona affettwata mit-traffiku ferrovjarju tal-merkanzija, b'mod partikolari d-daqs tal-popolazzjoni affettwata u l-esponiment tagħha għall-istorbju ferrovjarju tul il-linja tal-ferrovija.

Artikolu 8

Arranġamenti amministrattivi

1.   Il-maniġers tal-infrastruttura għandhom ikunu responsabbli għall-ġestjoni tal-iskema, inkluż iż-żamma tal-kontijiet għal flussi ma' impriżi finanzjarji. Fuq talba tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, huma għandhom iqiegħdu għad-dispożizzjoni d-dejta dwar dawn il-flussi finanzjarji matul il-perjodu ta' applikazzjoni tal-iskema u fl-għaxar snin ta' wara l-iskadenza tal-iskema.

2.   Il-maniġer tal-infrastruttura għandu juża reġistri eżistenti u għodod oħra disponibbli sabiex tinġabar evidenza li turi l-istatus tal-vaguni jew tal-lokomottivi (modifikati kif jixraq, silenzjużi, storbjużi, jew silenzjużi ħafna).

3.   Jekk id-dejta prevista fil-paragrafu 2 ma tistax tinġabar minn reġistri jew għodod, il-maniġer tal-infrastruttura għandu jitlob lill-intrapriżi ferrovjarji biex juru l-istatus tal-vaguni u l-lokomottivi li bi ħsiebhom jużaw.

Fil-każ ta' vagun modifikat, l-impriża ferrovjarja għandha tipprovdi evidenza teknika jew finanzjarja rilevanti li turi li l-modifika saret.

Fil-każ ta' vaguni silenzjużi, l-impriża ferrovjarja għandha tagħti awtorizzazzjoni ta' dħul fis-servizz jew evidenza ekwivalenti oħra.

Fil-każ ta' vaguni silenzjużi ħafna u lokomottivi, l-impriża ferrovjarja għandha tipprovdi evidenza li turi l-livell aktar baxx ta' storbju, inklużi fejn ikun xieraq, id-dettalji tal-modifiki tat-tnaqqis addizzjonali tal-istorbju mwettqa.

4.   Miżuri amministrattivi żviluppati fil-livell nazzjonali għall-ġestjoni tal-iskemi eżistenti jistgħu jkomplu japplikaw sakemm dawn ikunu konformi ma' dan ir-Regolament.

5.   L-ispejjeż amministrattivi tal-iskema ma għandhomx jitqiesu fid-determinazzjoni tal-livell ta' bonus u malus.

6.   Il-maniġers tal-infrastruttura tal-Istati Membri li japplikaw l-iskema għandhom jikkooperaw, b'mod partikolari fir-rigward tas-simplifikazzjoni u l-armonizzazzjoni tal-proċeduri amministrattivi għall-applikazzjoni tal-imposti għall-ispejjeż tal-effetti tal-istorbju kkawżati minn vetturi ferrovjarji merkantili kif previst f'dan ir-Regolament, inkluż dwar il-format tal-evidenza msemmija fil-paragrafu 3.

Artikolu 9

Notifika

1.   L-iskemi għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni qabel ma jiġu applikati.

2.   Sal-1 ta' Mejju 2016 u sal-1 ta' Mejju ta' kull sena ta' wara, l-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni, għas-sena kalendarja ta' qabel tal-inqas id-dejta li ġejja:

(a)

l-għadd ta' vaguni li kienu soġġetti għall-bonus imsemmi fl-Artikolu 4;

(b)

fejn applikabbli, l-għadd ta' vaguni u lokomottivi soġġetti għall-bonus imsemmi fl-Artikolu 6;

(c)

fejn applikabbli, l-għadd ta' ferroviji soġġetti għall-bonus imsemmi fl-Artikolu 5;

(d)

fejn applikabbli, l-għadd ta' ferroviji li kienu soġġetti għal malus;

(e)

l-għadd ta' mili li mxew il-vaguni modifikati fl-Istat Membru kkonċernat;

(f)

stima tal-għadd ta' mili li mxew il-ferroviji silenzjużi u dawk storbjużi fl-Istat Membru kkonċernat.

3.   Fuq talba tal-Kummissjoni, għandha tingħata dejta addizzjonali meta tkun disponibbli. Din id-dejta tista' tinkludi:

(a)

l-ammont totali ta' bonusijiet mogħtija għal vaguni, ferroviji silenzjużi u vaguni u lokomottivi silenzjużi ħafna;

(b)

l-ammont totali ta' malusijiet miġbura;

(c)

l-ammont medju ta' bonus u malus għal kull fus/km.

Artikolu 10

Revizjoni

1.   Sal-31 ta' Diċembru 2018, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-implimentazzjoni tal-iskemi, b'mod partikpolari fir-rigward tal-progress tal-modifiki tal-vaguni u l-bilanċ bejn bonus imnaqqas u malus diġà mħallas. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-impatt tal-iskemi fis-seħħ skont dan ir-Regolament u l-kompetittività ġenerali tas-settur tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija u l-għotja tal-inċentivi li jiddaħħlu bl-iskema mill-impriżi ferrovjarji lis-sidien tal-vaguni.

2.   Filwaqt li tikkunsidra r-riżultati tal-evalwazzjoni, jekk ikun meħtieġ, il-Kummissjoni tista' temenda dan ir-Regolament b'mod partikolari fir-rigward tal-livell minimu ta' bonus.

Artikolu 11

Skemi eżistenti

1.   L-iskemi eżistenti fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, inklużi l-kuntratti bbażati fuq dawn l-iskemi, jistgħu jkomplu japplikaw sa mhux aktar tard mill-10 ta' Diċembru 2016. L-iskema prevista b'dan ir-Regolament tista' tapplika biss wara li jkunu ntemmu l-iskemi eżistenti. It-tmiem tal-iskemi eżistenti ma għandux ikun meħtieġ jekk l-iskema eżistenti u l-kuntratti bbażati fuqha jkunu saru konformi ma' dan ir-Regolament mill-maniġer tal-infrastruttura sal-11 ta' Diċembru 2016.

2.   Il-maniġers tal-infrastruttura minn Stati Membri fejn kien hemm skemi msemmija fil-paragrafu 1 fis-seħħ jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx l-Artikolu 3(2) diment li t-tul ta' żmien totali tal-iskemi tagħhom huwa tal-inqas ta' 6 snin.

Artikolu 12

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mis-16 ta' Ġunju 2015.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Marzu 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 32.

(2)  COM/(2011)144

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1304/2014 tas-26 ta' Novembru 2014 dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà relatata mas-subsistema ta' “vetturi ferrovjarji — storbju” li temenda d-Deċiżjoni 2008/232/KE u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/229/UE (ĠU L 356, 12.12.2014, p. 421)

(4)  Ir- Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 913/2010 u jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 680/2007 u (KE) Nru 67/2010 (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 129).

(5)  Id-Direttiva 2008/57/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 dwar l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja fil-Komunità (ĠU L 191, 18.7.2008, p. 1).


Top