EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015L0412

Direttiva (UE) 2015/412 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta' Marzu 2015 li temenda d-Direttiva 2001/18/KE fir-rigward tal-possibbiltà għall-Istati Membri li jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-kultivazzjoni ta' organiżmi ġenetikament modifikati (OĠM) fit-territorju tagħhom Test b'rilevanza għaż-ŻEE

OJ L 68, 13.3.2015, p. 1–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2015/412/oj

13.3.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 68/1


DIRETTIVA (UE) 2015/412 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta' Marzu 2015

li temenda d-Direttiva 2001/18/KE fir-rigward tal-possibbiltà għall-Istati Membri li jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-kultivazzjoni ta' organiżmi ġenetikament modifikati (OĠM) fit-territorju tagħhom

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) jistabbilixxu qafas legali komprensiv għall-awtorizzazzjoni ta' organiżmi ġenetikament modifikati (OĠM), li huwa applikabbli fl-intier tiegħu għall-OĠM li jintużaw għal skopijiet ta' kultivazzjoni madwar l-Unjoni kollha bħala żerrigħat jew materjal riproduttiv ieħor tal-pjanti (“OĠM għall-kultivazzjoni”).

(2)

Taħt dak il-qafas legali, l-OĠM għall-kultivazzjoni għandha ssirilhom valutazzjoni tar-riskju individwali qabel ma jiġu awtorizzati biex jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni f'konformità mal-Anness II tad-Direttiva 2001/18/KE, filwaqt li jittieħdu inkonsiderazzjoni l-effetti diretti, indiretti, immedjati u mdewma, kif ukoll l-effetti kumulattivi fit-tul, fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent. Dik il-valutazzjoni tar-riskju tipprovdi parir xjentifiku li jgħin fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet u hija segwita b'deċiżjoni dwar il-ġestjoni tar-riskji. L-għan ta' dik il-proċedura ta' awtorizzazzjoni hu li jiżgura livell għoli ta' ħarsien tal-ħajja u s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, l-ambjent u l-interessi tal-konsumatur, filwaqt li jiżgura l-funzjonament effettiv tas-suq intern. Għandu jinkiseb, u jinżamm fl-Unjoni kollha, livell għoli uniformi ta' protezzjoni tas-saħħa, tal-ambjent u tal-konsumaturi. Il-prinċipju ta' prekawzjoni għandu dejjem jitqies fil-qafas tad-Direttiva 2001/18/KE u l-implimentazzjoni sussegwenti tagħha.

(3)

Bi qbil mal-konklużjonijiet adottati mill-Kunsill fl-4 ta' Diċembru 2008 dwar Organiżmi Ġenetikament Modifikati (“konklużjonijiet tal-Kunsill 2008”), trid tittejjeb l-implimentazzjoni tal-qafas legali għall-awtorizzazzjoni ta' OĠM. F'dan il-kuntest, ir-regoli dwar il-valutazzjoni tar-riskju għandhom, fejn meħtieġ, ikunu regolarment aġġornati biex iqisu l-iżviluppi kontinwi fl-għarfien xjentifiku u fil-proċeduri ta' analiżi, partikolarment dwar l-effetti ambjentali fuq terminu twil ta' wċuh tar-raba' ġenetikament modifikati kif ukoll tal-effetti potenzjali tagħhom fuq organiżmi mhux fil-mira, il-karatteristiċi tal-ambjenti riċeventi u ż-żoni ġeografiċi li fihom l-uċuħ tar-raba' ġenetikament modifikati jistgħu jiġu kkultivati, u l-kriterji u r-rekwiżiti għall-valutazzjoni tal-OĠM li jipproduċu pestiċidi u OĠM tolleranti għall-erbiċi. Għalhekk, l-Annessi tad-Direttiva 2001/18/KE għandhom jiġu emendati skont dan.

(4)

Minbarra l-awtorizzazzjoni biex jitqiegħdu fis-suq, jeħtieġ ukoll li l-varjetajiet ġenetikament modifikati jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-liġi tal-Unjoni dwar it-tqegħid fis-suq ta' żerrigħat u materjal riproduttiv tal-pjanti, kif stabbilit b'mod partikolari fid-Direttivi tal-Kunsill 66/401/KEE (6), 66/402/KEE (7), 68/193/KEE (8), 98/56/KE (9), 1999/105/KE (10), 2002/53/KE (11), 2002/54/KE (12), 2002/55/KE (13), 2002/56/KE (14), 2002/57/KE (15) u 2008/90/KE (16). Fost dawk id-Direttivi, id-Direttivi 2002/53/KE u 2002/55/KE fihom dispożizzjonijiet li jippermettu lill-Istati Membri jipprojbixxu, f'ċerti kondizzjonijiet iddefiniti tajjeb, l-użu ta' varjetà fit-territorju kollu tagħhom jew f'parti minnu jew li jistabbilixxu kondizzjonijiet adegwati għall-kultivazzjoni ta' varjetà.

(5)

Ladarba OĠM ikun awtorizzat għal skopijiet ta' kultivazzjoni f'konformità mal-qafas legali tal-Unjoni dwar l-OĠM u jikkonforma, fir-rigward tal-varjetà li għandha titqiegħed fis-suq, mar-rekwiżiti tal-liġi tal-Unjoni dwar it-tqegħid fis-suq ta' żerrigħat u materjal riproduttiv tal-pjanti, l-Istati Membri mhumiex awtorizzati biex jipprojbixxu, jirrestrinġu, jew jimpedixxu ċ-ċirkolazzjoni ħielsa fit-territorju tagħhom, ħlief f'kondizzjonijiet iddefiniti mil-liġi tal-Unjoni.

(6)

L-esperjenza wriet li l-kultivazzjoni ta' OĠM hija kwistjoni li tiġi indirizzata aktar fil-fond fil-livell tal-Istati Membri. Il-kwistjonijiet relatati mat-tqegħid fis-suq u l-importazzjoni tal-OĠM għandhom jibqgħu regolati fil-livell tal-Unjoni biex jiġi ppreservat is-suq intern. Madankollu, il-kultivazzjoni tista' teħtieġ aktar flessibbiltà f'ċerti sitwazzjonijiet billi hija kwistjoni b'dimensjonijiet nazzjonali, reġjonali u lokali b'saħħithom minħabba r-rabta tagħha mal-użu tal-art, l-istrutturi agrikoli lokali u l-protezzjoni jew iż-żamma tal-ħabitats, l-ekosistemi u l-pajsaġġi. Skont l-Artikolu 2(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-Istati Membri huma intitolati li jkollhom il-possibilità li jadottaw atti legalment vinkolanti li jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-kultivazzjoni tal-OĠM fit-territorju tagħhom wara li tali OĠM jkunu awtorizzati li jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni. Madankollu, il-proċedura ta' awtorizzazzjoni uniformi, b'mod partikolari l-proċess ta' valutazzjoni mwettaq primarjament mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”), ma għandux jiġi affettwat ħażin minn tali flessibbiltà.

(7)

Fl-imgħoddi, biex jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-kultivazzjoni tal-OĠM, xi Stati Membri rrikorrew għall-klawżoli ta' salvagwardja u l-miżuri ta' emerġenza skont l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2001/18/KE u l-Artikolu 34 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 bħala r-riżultat ta' informazzjoni ġdida jew addizzjonali, skont xi jkun il-każ, li saret disponibbli wara d-data tal-kunsens u li taffettwa l-valutazzjoni tar-riskju ambjentali jew il-valutazzjoni mill-ġdid ta' informazzjoni eżistenti. Stati Membri oħrajn użaw il-proċedura ta' notifika stabbilita fl-Artikolu 114(5) u (6) TFUE li titlob li jitressqu provi xjentifiċi ġodda relatati mal-protezzjoni tal-ambjent jew tal-ambjent tax-xogħol. Barra minn hekk, il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet kien partikolarment diffiċli fir-rigward tal-kultivazzjoni tal-OĠM, fid-dawl tal-espressjoni ta' tħassib nazzjonali li mhuwiex marbut biss mas-sikurezza tal-OĠM għas-saħħa jew l-ambjent.

(8)

F'dan il-kuntest, jidher xieraq li lill-Istati Membri tingħatalhom, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, aktar flessibbiltà li jiddeċiedu jekk jixtiqux jikkultivaw OĠM fit-territorju tagħhom jew le mingħajr ma jaffettwaw il-valutazzjoni tar-riskju pprovduta fis-sistema tal-awtorizzazzjonijiet ta' OĠM mill-Unjoni, kemm waqt il-proċedura ta' awtorizzazzjoni kif ukoll wara, u independentement mill-miżuri li l-Istati Membri li jikkultivaw OĠM huma intitolati jew mitluba li jieħdu bl-applikazzjoni tad-Direttiva 2001/18/KE biex tiġi evitata l-preżenza mhux intenzjonata ta' OĠM fi prodotti oħra. L-għoti ta' dik il-possibbiltà lill-Istati Membri aktarx li ttejjeb il-proċess għal awtorizzazzjonijiet ta' OĠM u, fl-istess ħin, x'aktarx ukoll li tiżgura l-libertà tal-għażla għall-kosumaturi, il-bdiewa u l-operaturi filwaqt li tingħata aktar ċarezza lill-partijiet interessati affettwati dwar il-kultivazzjoni ta' OĠM fl-Unjoni Għaldaqstant, din id-Direttiva għandha tiffaċilita l-funzjonament bla xkiel tas-suq intern.

(9)

Sabiex jiġi żgurat li l-kultivazzjoni tal-OĠM ma twassalx għall-preżenza mhux intenzjonata tagħhom fi prodotti oħrajn u filwaqt li jkun rispettat il-prinċipju ta' sussidjarjetà, għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-prevenzjoni tal-possibilità ta' kontaminazzjoni li tgħaddi minn Stat Membru fejn il-kultivazzjoni hi permessa għal Stat Membru tal-viċinat fejn hi projbita, sakemm l-Istat Membru kkonċernat ma jaqbilx li kundizzjonijiet ġeografikċi partikolari jirrenduha mhix meħtieġa.

(10)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Lulju 2010 (17) tipprovdi gwida lill-Istati Membri għall-iżvilupp ta' miżuri ta' koeżistenza, fosthom f'żoni tal-fruntieri. Ir-rakkomandazzjoni tinkoraġġixxi l-Istati Membri jikkooperaw bejniethom biex jimplimentaw miżuri xierqa fil-fruntieri bejn Stati Membri sabiex jevitaw konsegwenzi mhux intenzjonati ta' kontaminazzjoni transkonfinali.

(11)

Waqt il-proċedura ta' awtorizzazzjoni ta' OĠM partikolari, għandha tiġi pprovduta l-possibbiltà li Stat Membru jitlob li l-ambitu ġeografiku ta' notifika/applikazzjoni ppreżentata f'konformità mal-Parti C tad-Direttiva 2001/18/KE jew f'konformità mal-Artikoli 5 u 17 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 jkun aġġustat bl-effett li t-territorju kollu ta' dak l-Istat Membru jew parti minnu jiġu esklużi mill-kultivazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita l-proċedura billi tippreżenta t-talba tal-Istat Membru lin-notifikatur/applikant mingħajr dewmien u n-notifikant/applikant għandu jwieġeb għal dik it-talba fi żmien skadenza stabbilita.

(12)

L-ambitu ġeografiku tan-notifika/applikazzjoni għandu jiġu aġġustat skont il-każ sakemm in-notifikatur/applikant ma jikkonfermax l-ambitu ġeografiku tal- notifika/applikazzjoni tiegħu fi żmien skadenza stabbilita mill-komunikazzjoni mill-Kummissjoni ta' dik it-talba. Tali konferma, madankollu, hija mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2001/18/KE jew l-Artikoli 7 u 19 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, skont il-każ, li tagħmel dan l-aġġustament, fejn ikun il-każ, fid-dawl tal-valutazzjoni tar-riskju ambjentali li ssir mill-Awtorità.

(13)

Filwaqt li hu mistenni li ħafna restrizzjonijiet jew projbizzjonijiet adottati f'konformità ma' din id-Direttiva se jkunu implimentati fl-istadju ta' kunsens/awtorizzazzjoni jew tiġdid tagħhom, għandu jkun hemm, barra minn hekk, ukoll il-possibbiltà għall-Istati Membri li jadottaw miżuri motivati li jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-kultivazzjoni fit-territorju tagħhom kollu jew f'parti minnu ta' OĠM, jew ta' grupp ta' OĠM definiti minn wiċċ tar-raba' jew karatteristika, ladarba awtorizzati, abbażi ta' raġunijiet differenti u kumplimentari minn dawk ivvalutati skont is-sett armonizzat ta' regoli tal-Unjoni jiġifieri, id-Direttiva 2001/18/KE u r-Regolament (KE) Nru 1829/2003, li jinsabu f'konformità mad-dritt tal-Unjoni. Dawk ir-raġunijiet jistgħu jkunu relatati ma' objettivi tal-politika ambjentali jew agrikola, jew raġunijiet aċċettabbli oħra bħall-ippjanar tal-bliet u l-kampanja, l-użu tal-art, l-impatti soċjoekonomiċi, il-koeżistenża u l-ordni pubbliku. Dawk ir-raġunijiet jistgħu jiġu invokati individwalment jew flimkien, skont iċ-ċirkostanzi partikolari tal-Istat Membru, ir-reġjun jew iż-żona li fiha dawk il-miżuri ser japplikaw.

(14)

Il-livell ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali u tal-ambjent magħżul fl-Unjoni jippermetti valutazzjoni xjentifika uniformi fl-Unjoni kollha u din id-Direttiva ma għandhiex tibdel dik is-sitwazzjoni. Għaldaqstant, sabiex tiġi evitata kull interferenza mal-kompetenzi mogħtija lill-valutaturi tar-riskju u lill-amministraturi tar-riskju taħt id-Direttiva 2001/18/KE u r-Regolament (KE) Nru 1829/2003, Stat Membru għandu juża biss raġunijiet fir-rgward tal-objettivi tal-politika ambjentali relatati mal-impatti li huma distinti mill-valutazzjoni tar-riskji għas-saħħa u l-ambjent li huma vvalutati fil-kuntest tal-proċeduri ta' awtorizzazzjoni previsti fid-Direttiva 2001/18/KE u r-Regolament (KE) Nru 1829/2003, u kumplimentari għalihom, bħaż-żamma u l-iżvilupp ta' prattiki agrikoli li joffru potenzjal akbar li jirrikonċiljaw il-produzzjoni mas-sostenibbiltà tal-ekosistema, jew iż-żamma tal-bijodiversità lokali, inkluż ċerti ħabitats u ekosistemi, jew ċerti tipi ta' karatteristiċi naturali u tal-pajżaġġ, kif ukoll funzjonijiet u servizzi speċifiċi tal-ekosistema.

(15)

L-Istati Membri għandhom ukoll ikunu jistgħu jibbażaw id-deċiżjonijiet li jadottaw skont id-Direttiva 2001/18/KE fuq il-bażi ta' raġunijiet li jikkonċernaw impatti soċjoekonomiċi li jistgħu jirriżultaw mill-kultivazzjoni ta' OĠM fuq it-territorju ta' Stat Membru kkonċernat. Filwaqt li ġew indirizzati miżuri ta' koeżistenza mir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Lulju 2010, għandu jkun hemm ukoll il-possibbiltà li Stat Membru jadotta miżuri li jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-kultivazzjoni ta' OĠM awtorizzati fit-territorju kollu tagħhom jew parti minnu taħt din id-Direttiva. Dawk ir-raġunijiet jistgħu jkunu relatati mal-ispiża għolja, mal-imprattikabbiltà jew l-impossibbiltà li jiġu implimentati miżuri ta' koeżistenza minħabba kondizzjonijiet ġeografiċi speċifiċi, bħal gżejjer żgħar jew żoni muntanjużi, jew il-ħtieġa li tiġi evitata l-preżenza ta' OĠM fi prodotti oħra bħal prodotti speċifiċi jew partikolari. Barra minn hekk, il-Kummissjoni, kif ġiet mitluba fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-2008, irrappurtat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implikazzjonijiet soċjoekonomiċi tal-kultivazzjoni tal-OĠM. L-eżitu ta' dak ir-rapport jista' jipprovdi informazzjoni ta' valur lill-Istati Membri li jikkunsidraw jieħdu deċiżjonijiet abbażi ta' din id-Direttiva. Ir-raġunijiet marbuta mal-objettivi dwar il-politika agrikola jistgħu jinkludu l-bżonn li tiġi protetta d-diversità tal-produzzjoni agrikola, jew il-ħtieġa li tiġi żgurata l-purezza taż-żerrigħat u l-materjal riproduttiv tal-pjanti. L-Istati Membri għandhom ukoll ikunu permessi jibbażaw tali miżuri fuq raġunijiet oħra li jistgħu jinkludu l-użu tal-art, l-ippjanar tal-bliet u tal-pajjiżi, jew fatturi leġittimi oħra inklużi dawk relatati ma' tradizzjonijiet kulturali.

(16)

Ir-restrizzjonijiet jew projbizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva għandhom jirriferu għall-kultivazzjoni u mhux għaċ-ċirkolazzjoni u l-importazzjoni ħielsa ta' żerrigħat u materjal riproduttiv tal-pjanti ġenetikament modifikati, bħala prodotti jew ġo fihom, u l-prodotti tal-ħsad tagħhom u barra minn hekk għandhom ikunu f'konformità mat-Trattati, b'mod partikolari fir-rigward tal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni bejn prodotti nazzjonali u dawk mhux nazzjonali, il-prinċipju tal-proporzjonalità u l-Artikolu 34, l-Artikolu 36 u l-Artikolu 216(2) tat-TFUE.

(17)

Il-miżuri tal-Istati Membri adottati skont din id-Direttiva għandhom ikunu soġġetti għal proċedura ta' skrutinju u informazzjoni fil-livell tal-Unjoni. Fid-dawl tal-livell ta' skrutinju u informazzjoni mill-Unjoni, mhuwiex meħtieġ li jsir provvediment ukoll għall-applikazzjoni tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18). L-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-kultivazzjoni ta' OĠM fit-territorju kollu tagħhom jew f' parti minnu mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-awtorizzazzjoni tal-Unjoni u għal kemm idum il-kunsens/awtorizzazzjoni, kemm-il darba jkun skada perjodu ta' waqfien stabbilit li matulu l-Kummissjoni tkun ingħatat l-opportunità li tikkummenta dwar il-miżuri proposti. L-Istat Membru kkonċernat għandu għalhekk jikkomunika abbozz ta' dawk il-miżuri lill-Kummissjoni mill-inqas 75 jum qabel l-adozzjoni tagħhom, biex il-Kummissjoni tingħata l-opportunità li tikkummenta dwaru, u għandu joqgħod lura milli jadotta u jimplimenta dawk il-miżuri matul dak il-perjodu. Meta jiskadi l-perjodu ta' waqfien stabbilit, l-Istat Membru għandu jkun jista' jadotta l-miżuri kif oriġinarjament proposti jew emendati biex jittieħed kont tal-kummenti tal-Kummissjoni.

(18)

Matul il-perjodu ta' waqfien stabbilit, l-applikant/detentur tal-awtorizzazzjoni li jkun affettwat minn miżuri li jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-kultivazzjoni ta' OĠM jew grupp ta' OĠM fi Stat Membru għandu joqgħod lura mill-attivitajiet kollha relatati mal-kultivazzjoni ta' dak l-OĠM f'dak l-Istat Membru.

(19)

Id-deċiżjonijiet li jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-kultivazzjoni ta' OĠM minn Stati Membri fit-territorju kollu tagħhom jew parti minnu m'għandhomx iwaqqfu milli ssir riċerka dwar il-bijoteknoloġija bil-kondizzjoni li, fit-twettiq ta' din ir-riċerka, jitħarsu l-miżuri kollha ta' sikurezza meħtieġa relatati mas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u mal-protezzjoni ambjentali u li l-attività ma timminax ir-rispett tar-raġunijiet li fuqhom ġiet introdotta r-restrizzjoni jew projbizzjoni. Barra minn hekk, l-Awtorità u l-Istati Membri għandu jkollhom l-għan li jistabbilixxu netwerk estensiv ta' organizzazzjonijiet xjentifiċi li jirrappre¿entaw id-dixxiplini kollha, fosthom dawk relatati mal-kwistjonijiet ekoloġiċi, u għandhom jikkooperaw biex jidentifikaw fi stadju bikri kull diverġenza potenzjali bejn l-opinjonijiet xjentifiċi bl-għan li jissolvew jew jiġu ċċarati l-kwistjonijiet xjentifiċi kontenzju¿i. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jaċċertaw li jiġu ¿gurati r-ri¿orsi meħtieġa għal riċerka indipendenti dwar ir-riskji potenzjali li jiġu minnn rilaxx intenzjonat jew tqegħid fis-suq tal-OĠM, u li r-riċerkaturi indipendenti għandhom jingħataw aċċess għall-materjal rilevanti kollu, filwaqt li jkunu rispettati d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

(20)

Minħabba l-importanza tal-provi xjentifiċi fit-teħid ta' deċiżjonijiet dwar il-projbizzjoni jew l-approvazzjoni tal-OĠM, l-Awtorità għandha tiġbor u tanalizza r-riżultati ta' riċerka dwar ir-riskju jew il-periklu għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent tal-OĠM u tinforma lill-amministraturi tar-riskju dwar kwalunkwe riskju emerġenti. Tali informazzjoni għandha ssir disponibbli għall-pubbliku.

(21)

Stat Membru għandu jkun jista' jitlob lill-awtorità kompetenti jew lill-Kummissjoni biex jintegraw mill-ġdid it-territorju kollu tiegħu jew parti minnu fl-ambitu ġeografiku tal-kunsens/awtorizzazzjoni li minnu kien eskluż qabel. F'dak il-każ, m'għandu jkun hemm ebda ħtieġa li t-talba tintbagħat lid-detentur tal-kunsens/awtorizzazzjoni u li jintalab il-qbil tiegħu. L-awtorità kompetenti li tkun ħarġet il-kunsens bil-miktub jew il-Kummissjoni taħt id-Direttiva 2001/18/KE jew ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 rispettivament, għandhom jemendaw l-ambitu ġeografiku tal-kunsens jew tad-deċiżjoni ta' awtorizzazzjoni kif meħtieġ.

(22)

Il-kunsensi bil-miktub jew deċiżjonijiet ta' awtorizzazzjoni maħruġa jew adottati b'ambitu ġeografiku limitat għal ċerti żoni jew miżuri adottati minn Stati Membri f'konformità ma' din id-Direttiva, li jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-kultivazzjoni ta' OĠM, m'għandhomx iwaqqfu jew jirrestrinġu l-użu ta' OĠM awtorizzati minn Stati Membri oħra. Barra minn hekk, din id-Direttiva u l-miżuri nazzjonali adottati f'konformità magħha għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti tal-liġi tal-Unjoni dwar il-preżenza mhux intenzjonata jew aċċidentali ta' OĠM f'varjetajiet mhux ġenetikament modifikati ta' żrieragħ u materjal riproduttiv tal-pjanti, u m'għandhomx iwaqqfu l-kultivazzjoni ta' varjetajiet li jikkonformaw ma' dawn ir-rekwiżiti.

(23)

Ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 jipprevedi li r-referenzi li saru fil-Partijiet A u D tad-Direttiva 2001/18/KE għal OĠM awtorizzati taħt il-Parti C ta' dik id-Direttiva għandhom jitqiesu li japplikaw b'mod ugwali għal OĠM awtorizzati taħt dak ir-Regolament. Għaldaqstant, il-miżuri adottati mill-Istati Membri f'konformità mad-Direttiva 2001/18/KE għandhom japplikaw ukoll għal OĠM awtorizzati f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1829/2003.

(24)

Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri fir-rigward tal-moviment ħieles ta' żrieragħ konvenzjonali, materjal ta' propagazzjoni tal-pjanti u l-prodott tal-ħsad skont il-liġi rilevanti tal-Unjoni u f'konformità mat-TFUE.

(25)

Biex ikun garantit livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur,Stati Membri u l-operaturi għandhom ukoll jieħdu miżuri effettivi ta' tikkettar u ta' informazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 u r-Regolament (KE) Nru 1830/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19) biex jiggarantixxu trasparenza dwar il-preżenza ta' OĠM fi prodotti.

(26)

Sabiex l-għanijiet ta' din id-Direttiva jiġu rikonċiljati mal-interessi leġittimi tal-operaturi ekonomiċi b'rabta mal-OĠM li jkunu ġew awtorizzati, jew li kienu fil-proċess li jiġu awtorizzati, qabel id-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva, għandhom ikunu previsti miżuri tranżizzjonali xierqa. Miżuri tranżizzjonali huma ġġustifikati bil-ħtieġa li jiġi evitat il-ħolqien ta' tagħwiġ potenzjali tal-kompetizzjoni bit-trattament differenti ta' detenturi tal-awtorizzazzjoni eżistenti minn applikanti futuri għall-awtorizzazzjoni. Fl-interessi taċ-ċertezza legali, il-perijodu li matulu jistgħu jiġu adottati miżuri tranżizzjonali bħal dawn għandu jkun limitat għal dak li huwa strettament meħtieġ sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni tajba għas-sistema l-ġdida. Permezz ta' miżuri tranżizzjonali bħal dawn l-Istati Membri b'hekk ikunu jistgħu japplikaw id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva għal prodotti li jkunu ġew awtorizzati jew li kienu fil-proċess li jiġu awtorizzati qabel id-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva, dejjem jekk ma jiġux affettwati varjetajiet ġenetikament modifikati u awtorizzati ta' żrieragħ u materjal ta' propagazzjoni tal-pjanti diġà legalment imħawla.

(27)

Id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 26b u 26c tad-Direttiva 2001/18/KE japplikaw mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 23 ta' dik id-Direttiva kif ukoll l-Artikolu 34 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003.

(28)

Id-Direttiva 2001/18/KE għandha għalhekk tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2001/18/KE hija emendata kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 26a, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a   Mit-3 ta' April 2017 l-Istati Membri li fihom jiġu kkultivati OĠM għandhom jieħdu miżuri xierqa f'żoni tal-fruntiera fit-territorju tagħhom bl-għan li jevitaw kontaminazzjoni transkonfinali possibbli fi Stati Membri ġirien li fihom hi projbita l-kultivazzjoni ta' OĠM, sakemm tali miżuri ma jkunux meħtieġa minħabba kondizzjonijiet ġeografiċi partikolari. Dawk il-miżuri għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni.”

(2)

Jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 26b

Kultivazzjoni

1.   Waqt il-proċedura ta' awtorizzazzjoni ta' OĠM partikolari jew matul it-tiġdid ta' kunsens/awtorizzazzjoni Stat Membru jista' jitlob li l-ambitu ġeografiku tal-kunsens jew l-awtorizzazzjoni bil-miktub ikun aġġustat bl-effett li t-territorju kollu jew parti minnu ta' dak l-Istat Membru jiġi eskluż mill-kultivazzjoni. Dik it-talba għandha tiġi kkomunikata lill-Kummissjoni mhux aktar tard minn 45 jum mid-data taċ-ċirkolazzjoni tar-rapport ta' valutazzjoni taħt l-Artikolu 14(2) ta' din id-Direttiva jew minn meta tasal l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel taħt l-Artikolu 6(6) u l-Artikolu 18(6) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta t-talba tal-Istat Membru lin-notifikatur/applikant u lill-Istati Membri l-oħrajn mingħajr dewmien. Il-Kummissjoni għandha tagħmel listi disponibbli pubblikament b'mezzi elettroniċi.

2.   Fi żmien 30 jum mill-preżentazzjoni mill-Kummissjoni ta' dik it-talba, in-notifikatur/applikant jista' jaġġusta jew jikkonferma l-ambitu ġeografiku tan-notifika/applikazzjoni inizjali.

Fin-nuqqas ta' konferma, l-aġġustament tal-ambitu ġeografiku tan-notifika/l-applikazzjoni għandu jiġi implimentat fil-kunsens maħruġ skont din id-Direttiva u, fejn applikabbli, id-deċiżjoni maħruġa b'konformità mal-Artikolu 19 ta' din id-Direttiva kif ukull id-deċiżjoni tal-awtorizzazzjoni adottata skont l-Artikoli 7 u 19 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003.

Il-kunsens bil-miktub maħruġ taħt din id-Direttiva u, fejn applikabbli, id-deċiżjoni maħruġa f'konformità mal-Artikolu 19 ta' din id-Direttiva kif ukoll id-deċiżjoni ta' awtorizzazzjoni adottata skont l-Artikoli 7 u 19 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, għandhom jinħarġu abbażi tal-ambitu ġeografiku aġġustat tan-notifika/applikazzjoni.

Fejn talba skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu tkun komunikata lill-Kummissjoni wara d-data taċ-ċirkolazzjoni tar-rapport ta' valutazzjoni skont l-Artikolu 14(2) ta' din id-Direttiva, jew wara li tkun waslet l-opinjoni tal-Awtorità skont l-Artikolu 6(6) u l-Artikolu 18(6) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, l-iskadenzi stabbiliti fl-Artikolu 15 ta' din id-Direttiva biex jinħareġ il-kunsens miktub jew, jekk ikun il-każ, fl-Artikoli 7 u 19 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 li jitressaq quddiem il-Kumitat abbozz ta' deċiżjoni li għandha tittieħed, għandhom ikunu estiżi b'perijodu uniku ta' 15-il jum indipendentement mill-għadd ta' Stati Membri li jippreżentaw tali talbiet.

3.   Fejn ma tkunx saret talba skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, jew fejn in-notifikatur/applikant ikun ikkonferma l-ambitu ġeografiku tan-notifika/applikazzjoni inizjali tiegħu Stat Membru jista' jadotta miżuri li jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-kultivazzjoni fit-territorju kollu tiegħu jew f' parti minnu ta' OĠM, jew ta' grupp ta' OĠM definiti minn wiċċ tar-raba jew karatteristika, ladarba jkun awtorizzat skont il-Parti C ta' din id-Direttiva jew skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 dejjem jekk tali miżuri jkunu konformi mal-liġi tal-Unjoni u mal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni, ikunu raġunati, propozjonati u mhux diskriminatorji u, minbarra dan, ikunu bbażati fuq raġunijiet konvinċenti.bħal dawk b'rabta ma':

(a)

objettivi ta' politika ambjentali;

(b)

ippjanar tal-bliet u tal-kampanja;

(c)

użu tal-art;

(d)

impatti soċjoekonomiċi;

(e)

l-evitar tal-preżenza ta' OĠM fi prodotti oħra mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 26a;

(f)

objettivi ta' politika agrikola;

(g)

l-ordni pubbliku.

Dawk ir-raġunijiet jistgħu jiġu invokati individwalment jew flimkien, bl-eċċezzjoni tar-raġuni msemmija fil-punt (g) li ma tistax tintuża individwalment, skont iċ-ċirkostanzi partikolari tal-Istat Membru, ir-reġjun jew iż-żona li fiha dawk il-miżuri ser japplikaw, iżda f'ebda każ m'għandha toħloq kunflitt mal-valutazzjoni tar-riskju ambjentali li saret skont din id-Direttiva jew ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003.

4.   Stat Membru li jkun bi ħsiebu jadotta miżuri skont il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu għandu l-ewwel jikkomunika abbozz ta' dawk il-miżuri u r-raġunijiet korrispondenti invokati lill-Kummissjoni. Din il-komunikazzjoni tista' ssir qabel ma l-proċedura ta' awtorizzazzjoni ta' OĠM, taħt il-Parti C ta' din id-Direttiva jew taħt ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tkun tlestiet. Matul perijodu ta' 75 jum li jibda mid-data ta' tali komunikazzjoni:

(a)

l-Istat Membru kkonċernat għandu jżomm lura milli jadotta u jimplimenta dawk il-miżuri;

(b)

l-Istat Membru kkonċernat għandu jiżgura li l-operaturi jibqgħu lura milli jħawlu l-OĠM ikkonċernat jew l-OĠM ikkonċernati u

(c)

il-Kummissjoni tista' tagħmel kull kumment li tqis xieraq.

Malli jiskadi l-perijodu ta' 75 jum imsemmi fl-ewwel subparagrafu, l-Istat Membru kkonċernat jista', għal kemm idum il-kunsens/awtorizzazzjoni u mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-awtorizzazzjoni tal-Unjoni, jadotta l-miżuri fil-forma oriġinarjament proposta, jew kif emendati biex iqisu kull kumment mhux vinkolanti li jasal mill-Kummissjoni. Dawk il-miżuri għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri l-oħra u lid-detentur tal-awtorizzazzjoni mingħajr dewmien.

L-Istati Membri għandhom jagħmlu pubblikament disponibbli kwalunkwe miżura ta' dan it-tip għall-operaturi kollha kkonċernati, inkluż min jikkultiva.

5.   Fejn Stat Membru jkun jixtieq li t-territorju kollu tiegħu u parti minnu jerġa' jiġi integrat fl-ambitu ġeografiku tal-kunsens/awtorizzazzjoni li minnu jkun ġie eskluż qabel skont il-paragrafu 2, dan jista' jagħmel talba għal dan lill-awtorità kompetenti li tkun ħarġet il-kunsens bil-miktub taħt din id-Direttiva jew lill-Kummissjoni jekk l-OĠM ikun ġie awtorizzat taħt ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003. L-awtorità kompetenti li tkun ħarġet il-kunsens bil-miktub jew il-Kummissjoni, skont il-każ, għandha temenda l-ambitu ġeografiku tal-kunsens jew tad-deċiżjoni ta' awtorizzazzjoni kif meħtieġ.

6.   Għall-finijiet ta' aġġustament tal-ambitu ġeografiku tal-kunsens/awtorizzazzjoni ta' OĠM taħt il-paragrafu 5:

(a)

għal OĠM li ġie awtorizzat taħt din id-Direttiva, l-awtorità kompetenti li tkun ħarġet il-kunsens bil-miktub għandha temenda l-ambitu ġeografiku tal-kunsens kif meħtieġ u tgħarraf lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lid-detentur tal-awtorizzazzjoni ladarba dan ikun tlesta;

(b)

għal OĠM li jkun ġie awtorizzat taħt ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003, il-Kummissjoni għandha temenda d-deċiżjoni ta' awtorizzazzjoni kif meħtieġ, mingħajr ma tapplika l-proċedura stipulata fl-Artikolu 35(2) ta' dak ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri u lid-detentur tal-awtorizzazzjoni kif meħtieġ.

7.   Fejn Stat Membru jkun irrevoka l-miżuri meħuda skont il-paragrafi 3 u 4, dan għandu javża lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra mingħajr dewmien.

8.   Il-miżuri adottati taħt dan l-Artikolu ma għandhomx jaffettwaw iċ-ċirkolazzjoni ħielsa ta' OĠM awtorizzati bħala, jew fi, prodotti.

Artikolu 26c

Miżuri tranżizzjonali

1.   Mit-2 ta' April 2015 sat-3 ta' Ottubru 2015, Stat Membru jista' jitlob li l-ambitu ġeografiku ta' notifika/applikazzjoni li tkun saret, jew ta' awtorizzazzjoni mogħtija, taħt din id-Direttiva jew ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 qabel it-2 ta' April 2015 jiġi aġġustat. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta t-talba tal-Istat Membru lin-notifikatur/applikant u lill-Istati Membri l-oħrajn mingħajr dewmien.

2.   Fejn in-notifika/applikazzjoni tkun pendenti u n-notifikatur/applikant ma jkunx ikkonferma l-ambitu ġeografiku tan-notifika/applikazzjoni inizjali tiegħu, fi żmien 30 jum minn meta tiġi kkomunikata t-talba msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, l-ambitu ġeografiku tan-notifika/applikazzjoni għandu jiġi aġġustat kif meħtieġ. Il-kunsens bil-miktub maħruġ taħt din id-Direttiva u, fejn applikabbli, id-deċiżjoni maħruġa f'konformità mal-Artikolu 19 ta' din id-Direttiva kif ukoll id-deċiżjoni ta' awtorizzazzjoni adottata skont l-Artikoli 7 u 19 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, għandhom imbagħad jinħarġu abbażi tal-ambitu ġeografiku aġġustat tan-notifika/applikazzjoni.

3.   Fejn l-awtorizzazzjoni tkun diġà ngħatat u d-detentur tal-awtorizzazzjoni ma jkunx ikkonferma l-ambitu ġeografiku tal-awtorizzazzjoni fi żmien 30 jum mill-komunikazzjoni tat-talba msemmija fil-paragrafu (1) ta' dan l-Artikolu, l-awtorizzazzjoni għandha tkun modifikata kif meħtieġ. Għal kunsens bil-miktub taħt din id-Direttiva, l-awtorità kompetenti għandha temenda l-ambitu ġeografiku tal-kunsens kif meħtieġ u għandha tgħarraf lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lid-detentur tal-awtorizzazzjoni ladarba dan ikun tlesta. Għal awtorizzazzjoni taħt ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003, il-Kummissjoni għandha temenda d-deċiżjoni ta' awtorizzazzjoni kif meħtieġ, mingħajr ma tapplika l-proċedura stipulata fl-Artikolu 35(2) ta' dak ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri u lid-detentur tal-awtorizzazzjoni kif meħtieġ.

4.   Fejn ma ssir ebda talba skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, jew fejn notifikant/applikant jew, skont il-każ, detentur ta' awtorizzazzjoni ma jikkonfermax l-ambitu ġeografiku tal-applikazzjoni inizjali jew, skont il-każ, awtorizzazzjoni, il-paragrafi 3 sa 8 tal-Artikolu 26b għandhom japplikaw mutatis mutandis.

5.   Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għall-kultivazzjoni ta' kwalunkwe żrieragħ ta' OĠM u materjal ta' propagazzjoni tal-pjanti awtorizzati li tħawlu legalment qabel ma l-kultivazzjoni tal-OĠM tiġi ristretta jew ipprojbita fl-Istat Membru.

6.   Il-miżuri adottati taħt dan l-Artikolu ma għandhomx jaffettwaw iċ-ċirkolazzjoni ħielsa ta' OĠM awtorizzati bħala, jew fi, prodotti.”

.

Artikolu 2

Mhux aktar tard mit-3 ta' April 2019, il-Kummissjoni għandha tressaq rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-użu li jkunu għamlu l-Istati Membri minn din id-Direttiva, fost l-oħrajn l-effettività tad-dispożizzjonijiet li permezz tagħhom l-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-kultivazzjoni ta' OĠM fit-territorju kollu tagħhom jew f'parti minnu u l-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Dak ir-rapport jista' jiġi akkumpanjat minn kwalunkwe proposta leġislattiva li l-Kummissjoni tqis xierqa.

Sal-istess data, kif imsemmija fl-ewwel paragrafu, il-Kummissjoni għandha wkoll tagħmel rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-rimedjar attwali tal-ħsarat ambjentali li jistgħu jseħħu minħabba l-kultivazzjoni ta' OĠM, fuq il-bażi ta' informazzjoni li tkun disponibbli għall-Kummissjoni skont l-Artikoli 20 u 31 tad-Direttiva 2001/18/KE u l-Artikoli 9 u 21 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003.

Artikolu 3

Mhux aktar tard mit-3 ta' April 2017, il-Kummissjoni għandha taġġorna l-Annessi tad-Direttiva 2001/18/KE f'konformità mal-Artikolu 27 ta' dik id-Direttiva fir-rigward tal-valutazzjoni tar-riskju ambjentali, bl-għan li tinkorpora u tibni fuq il-gwida msaħħa tal-2010 tal-Awtorità dwar il-valutazzjoni tar-riskju ambjentali tal-pjanti ġenetikament modifikati.

Artikolu 4

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, il-11 ta' Marzu 2015.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

Z. KALNIŅA-LUKAŠEVICA


(1)  ĠU C 54, 19.2.2011, p. 51.

(2)  ĠU C 102, 2.4.2011, p. 62.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Lulju 2011 (ĠU C 33 E, 5.2.2013, p. 350) u pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tat-23 ta' Lulju 2014 (ĠU C 349, 3.10.2014, p. 1). Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Jannar 2015 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-2 ta' Marzu 2015.

(4)  Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Marzu 2001 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta' organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE (ĠU L 106, 17.4.2001, p. 1).

(5)  Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1).

(6)  Direttiva tal-Kunsill 66/401/KEE tal-14 ta' Ġunju 1966 dwar it-tqegħid fis-suq ta' żerriegħa ta' pjanti tal-għalf (ĠU 125, 11.7.1966, p. 2298).

(7)  Direttiva tal-Kunsill 66/402/KEE tal-14 ta' Ġunju 1966 dwar il-marketing taż-żerriegħa tal-ġwież (ĠU 125, 11.7.1966, p. 2309).

(8)  Direttiva tal-Kunsill 68/193/KEE tad-9 ta' April 1968 dwar il-marketing ta' materjal għall-propagazzjoni veġetattiva tad-dielja (ĠU L 93, 17.4.1968, p. 15).

(9)  Direttiva tal-Kunsill 98/56/KE tal-20 ta' Lulju 1998 dwar il-marketing tal-materjali tal-propagazzjoni tal-pjanti ornamentali (ĠU L 226, 13.8.1998, p. 16).

(10)  Direttiva tal-Kunsill 1999/105/KE tat-22 ta' Diċembru 1999 dwar il-marketing ta' materjali riproduttivi tal-foresti (ĠU L 11, 15.1.2000, p. 17).

(11)  Direttiva tal-Kunsill 2002/53/KE tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar il-varjetajiet komuni ta' katalgi ta' speċi ta' pjanti agrikoli (ĠU L 193, 20.7.2002, p. 1).

(12)  Direttiva tal-Kunsill 2002/54/KE tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar il-bejgħ fis-suq ta' żerriegħa tal-pitravi (ĠU L 193, 20.7.2002, p. 12).

(13)  Direttiva tal-Kunsill 2002/55/KE tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar il-marketing ta' żerrigħat tal-ħxejjex (ĠU L 193, 20.7.2002, p. 33).

(14)  Direttiva tal-Kunsill 2002/56/KE tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar il-bejgħ fis-suq tal-patata taż-żerriegħa (ĠU L 193, 20.7.2002, p. 60).

(15)  Direttiva tal-Kunsill 2002/57/KE tat-13 ta' Ġunju 2002 fuq il-marketing taż-żerriegħa ta' pjanti taż-żejt u tal-fibra (ĠU L 193, 20.7.2002, p. 74).

(16)  Direttiva tal-Kunsill 2008/90/KE tad-29 ta' Settembru 2008 dwar il-kummerċjalizzazzjoni tal-materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti tal-frott u tal-pjanti tal-frott maħsuba għall-produzzjoni tal-frott (ĠU L 267, 8.10.2008, p. 8).

(17)  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Lulju 2010 dwar linji gwida għall-iżvilupp ta' miżuri ta' koeżistenza nazzjonali biex tiġi evitata l-preżenza mhux intenzjonata ta' OĠM f'uċuħ tar-raba' konvenzjonali u organiċi (ĠU C 200, 22.7.2010, p. 1).

(18)  Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura dwar l-għoti ta' informazzjoni fil-qasam tal-istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU L 204, 21.7.1998, p. 37).

(19)  Regolament (KE) Nru 1830/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 dwar it-traċċabilità u l-ittikkettjar ta' organiżmi modifikati ġenetikament u t-traċċabilità ta' prodotti tal-ikel u għalf manifatturati minn organiżmi modifikati ġenetikament u li jemenda d-Direttiva 2001/18/KE (ĠU L 268, 18.10.2003, p. 24).


Top