EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011R1077

Regolament (UE) Nru 1077/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 25 ta’ Ottubru 2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja

OJ L 286, 1.11.2011, p. 1–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 19 Volume 011 P. 216 - 232

No longer in force, Date of end of validity: 10/12/2018; Revokat u sostitwit bi 32018R1726 . Latest consolidated version: 09/10/2018

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/1077/oj

1.11.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 286/1


REGOLAMENT (UE) Nru 1077/2011 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-25 ta’ Ottubru 2011

li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari l-Artikolu 77(2)(a) u (b), l-Artikolu 78(2)(e), l-Artikolu 79(2)(c), l-Artikolu 82(1)(d), l-Artikolu 85(1), l-Artikolu 87(2)(a) u l-Artikolu 88(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Waqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) ġiet stabbilita permezz tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tat-tieni ġenerazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS II) (2) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533//ĠAI tat-12 ta’ Ġunju 2007 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tat-tieni ġenerazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS II) (3). Ir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI jipprevedi li l-Kummissjoni għandha tkun responsabbli, matul perijodu transizzjonali, għat-tmexxija operattiva tas-SIS II Ċentrali. Wara l-perijodu transizzjonali, Awtorità ta’ Tmexxija għandha tkun responsabbli għat-tmexxija operattiva tas-SIS II Ċentrali u ċerti aspetti oħra tal-infrastruttura ta’ komunikazzjoni.

(2)

Is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) ġiet stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/512/KE tat-8 ta’ Ġunju 2004 li tistabbilixxi s-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) (4). Ir-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-iskambju bejn l-Istati Membri ta’ data dwar viżi għal soġġorn qasir (ir-Regolament tal-VIS) (5) jipprevedi li l-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għat-tmexxjia operattiva tal-VIS matul perijodu transizzjonali. Wara dak il-perijodu transizzjonali, l-Awtorità ta’ Tmexxija għandha tkun responsabbli għat-tmexxija operattiva tal-VIS Ċentrali u tal-interfaċċji nazzjonali u għal ċerti aspetti tal-infrastruttura ta’ komunikazzjoni.

(3)

L-Eurodac ġiet stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2725/2000 tal-11 ta’ Diċembru 2000 dwar l-istabbiliment ta’ “Eurodac” għat-tqabbil tal-marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni ta’ Dublin (6). Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 407/2002 (7) jistabbilixxi regoli implimentattivi meħtieġa.

(4)

Huwa meħtieġ li tkun stabbilita Awtorità ta’ Tmexxija sabiex tkun żgurata t-tmexxija operattiva tas-SIS II, tal-VIS u tal-Eurodac u ta’ ċerti aspetti tal-infrastruttura ta’ komunikazzjoni wara l-perjodu ta’ transizzjoni, u potenzjalment ta’ sistemi oħra tat-tekonoloġija tal-informazzjoni (IT) fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, soġġett għall-adozzjoni ta’ strumenti leġiżlattivi separati.

(5)

Bil-ħsieb li jinkisbu sinerġiji, huwa meħtieġ li t-tmexxija operattiva ta’ dawk is-sistemi tal-IT fuq skala kbira ssir minn entità waħda, li tibbenifika minn ekonomiji ta’ skala, li toħloq massa kritika u li tiżgura l-ogħla rata ta’ użu possibbli tal-kapital u tar-riżorsi umani.

(6)

Fid-dikjarazzjonijiet konġunti li jakkumpanjaw l-istrumenti leġiżlattivi tas-SIS II u l-VIS, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill stiednu lill-Kummissjoni tippreżenta, wara valutazzjoni tal-impatt, il-proposti leġiżlattivi meħtieġa biex jgħaddu f’idejn aġenzija t-tmexxija operattiva fit-tul tas-SIS II Ċentrali u ta’ ċerti aspetti mill-infrastruttura ta’ komunikazzjoni u tal-VIS.

(7)

Billi l-Awtorità ta’ Tmexxija għandu jkollha awtonomija legali, amministrattiva u finanzjarja, hija għandha tkun stabbilita fl-għamla ta’ aġenzija regolatorja (“Aġenzija”) b’personalità ġuridika. Kif miftiehem, is-sede tal-Aġenzija għandha tkun f’Tallinn (l-Estonja). Madankollu, peress li l-kompiti relatati mal-iżvilupp tekniku u t-tħejjija għat-tmexxija operattiva tas-SIS II u l-VIS qed jitwettqu fi Strasburgu (Franza) u sit li jservi bħala riżerva għal dawk is-sistemi tal-IT ġie installat f’Sankt Johann im Pongau (l-Awstrija), dan għandu jitkompla hekk. Dawk iż-żewġ siti għandhom ukoll ikunu l-postijiet, rispettivament, fejn il-kompiti relatati mal-iżvilupp tekniku u t-tmexxija operattiva tal-Eurodac għandhom jitwettqu u fejn is-sit li jservi bħala riżerva għall-Eurodac għandu jiġi stabbilit. Dawk iż-żewġ siti għandhom ukoll ikunu l-postijiet, rispettivament, għall-iżvilupp tekniku u t-tmexxija operattiva ta’ sistemi tal-IT oħrajn fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, u, jekk dan ikun previst fl-istrument leġiżlattiv rilevanti, għal sit li jservi bħala riżerva li jkun kapaċi jiżgura t-tħaddim ta’ sistema tal-IT fuq skala kbira f’każ li dik is-sistema jkollha ħsara.

(8)

Konsegwentement, il-kompiti tal-Awtorità ta’ Tmexxija stabbiliti fir-Regolamenti (KE) Nru 1987/2006 u (KE) Nru 767/2008 għandhom jiġu eżerċitati mill-Aġenzija. Dawk il-kompiti jinkludu żvilupp tekniku ulterjuri.

(9)

F’konformità mar-Regolamenti (KE) Nru 2725/2000 u (KE) Nru 407/2002, fil-Kummissjoni ġiet stabbilita Unità ċentrali responsabbli għall-operat tad-database ċentrali tal-Eurodac u kompiti oħra marbuta magħha. Biex jiġu sfruttati s-sinerġiji, l-Aġenzija għandha tieħu l-kompiti tal-Kummissjoni marbuta mat-tmexxija operattiva tal-Eurodac li jinkludu ċerti kompiti marbuta mal-infrastruttura tal-komunikazzjoni sa mid-data meta l-Aġenzija tassumi r-responsabbiltajiet tagħha.

(10)

Il-funzjoni ċentrali tal-Aġenzija għandha tkun li twettaq il-kompiti ta’ tmexxija operattiva għas-SIS II, il-VIS u l-Eurodac u, jekk jiġi deċiż hekk, għal sistemi oħra tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. L-Aġenzija għandha wkoll tkun responsabbli għal miżuri tekniċi meħtieġa mill-kompiti fdati lilha, li mhumiex ta’ natura normattiva. Dawk ir-responsabbiltajiet għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-kompiti normattivi riżervati għall-Kummissjoni waħedha jew għall-Kummissjoni meta assistita minn Kumitat fl-istrumenti leġiżlattivi rispettivi li jirregolaw is-sistemi operattivi mmexxija mill-Aġenzija.

(11)

Barra minn hekk, l-Aġenzija għandha twettaq kompiti relatati ma’ taħriġ dwar l-użu tekniku tas-SIS II, il-VIS u l-Eurodac u ta’ sistemi oħra tal-IT fuq skala kbira li jistgħu jiġu fdati lilha fil-futur.

(12)

Barra minn hekk, l-Aġenzija tista’ wkoll issir responsabbli għat-tħejjija, l-iżvilupp u t-tmexxija operattiva ta’ sistemi tal-IT fuq skala kbira addizzjonali fl-applikazzjoni tal-Artikoli 67 sa 89 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”). L-Aġenzija għandha tkun fdata b’dawn il-kompiti biss permezz ta’ strumenti leġiżlattivi sussegwenti u separati, wara li tkun saret valutazzjoni tal-impatt.

(13)

L-Aġenzija għandha tkun responsabbli għall-monitoraġġ tar-riċerka u għat-twettiq ta’ skemi pilota, f’konformità mal-Artikolu 49(6)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (8), għal sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-applikazzjoni tal-Artikoli 67 sa 89 tat-TFUE, fuq talba speċifika u preċiża tal-Kummissjoni. Meta tingħata l-kompitu ta’ skema pilota, l-Aġenzija għandha tagħti attenzjoni speċjali lill-Istrateġija ta’ Ġestjoni tal-Informazzjoni tal-Unjoni Ewropea.

(14)

Meta Aġenzija tiġi fdata bit-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja, ma għandhomx jiġu affettwati r-regoli speċifiċi applikabbli għal dawk is-sistemi. B’mod partikolari, ir-regoli speċifiċi li jirregolaw il-fini, id-drittijiet għal aċċess, il-miżuri ta’ sigurtà u rekwiżiti oħra tal-protezzjoni tad-data għal kull sistema tal-IT fuq skala kbira li l-Aġenzija tkun ġiet fdata bit-tmexxija operattiva tagħhom, huma applikabbli bis-sħiħ.

(15)

L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom ikunu rappreżentati fuq Bord ta’ Tmexxija sabiex jikkontrollaw b’mod effettiv il-funzjonijiet tal-Aġenzija. Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jiġi fdat bil-funzjonijiet meħtieġa, b’mod partikolari, biex jadotta l-programm ta’ ħidma annwali, iwettaq il-funzjonijiet tiegħu relatati mal-baġit tal-Aġenzjia, jadotta r-regoli finanzjarji applikabbli għall-Aġenzija, jaħtar Direttur Eżekuttiv u jistabbilixxi proċeduri biex jittieħdu deċiżjonijiet relatati mal-kompiti operattivi tal-Aġenzija mid-Direttur Eżekuttiv.

(16)

Fir-rigward tas-SIS II, l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) u l-Unità Ewropea ta’ Kooperazzjoni Ġudizzjarja (Eurojust), li t-tnejn li huma għandhom id-dritt li jkollhom aċċess għad-data li tiddaħħal fis-SIS II f’applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI u li jfittxu fiha, għandu jkollhom status ta’ osservaturi fil-laqgħat tal-Bord tat-Tmexxija meta fuq l-aġenda jkun hemm kwistjoni li tirrigwarda l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI. L-Europol u l-Eurojust għandhom it-tnejn li huma jkunu jistgħu jaħtru rappreżentant fil-Grupp Konsultattiv tas-SIS II kif stabbilit skont dan ir-Regolament.

(17)

Fir-rigward tal-VIS, l-Europol għandu jkollu l-istatus ta’ osservatur fil-laqgħat tal-Bord ta’ Tmexxija, meta fuq l-aġenda jkun hemm kwistjoni li tikkonċerna l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/633/ĠAI tat-23 ta’ Ġunju 2008 li tikkonċerna aċċess għall-konsultazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) minn awtoritajiet maħtura ta’ Stati Membri u mill-Europol għall-finijiet tal-prevenzjoni, tal-kxif u tal-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi u ta’ reati kriminali serji oħra (9). L-Europol għandu jkun jista’ jaħtar rappreżentant fil-Grupp Konsultattiv tal-VIS stabbilit skont dan ir-Regolament.

(18)

L-Istati Membri għandu jkollhom drittijiet ta’ vot fil-Bord ta’ Tmexxija tal-Aġenzija rigward sistema tal-IT fuq skala kbira, jekk ikunu marbutin skont il-liġi tal-Unjoni minn kwalunkwe strument leġiżlattiv li jirregola l-iżvilupp, l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu ta’ dik is-sistema partikolari. Id-Danimarka għandu wkoll ikollha drittijiet ta’ vot dwar is-sistema tal-IT fuq skala kbira, jekk tiddeċiedi skont l-Artikolu 4 tal-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (“TUE”) u t-TFUE, (“Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka”) li timplimenta strument leġiżlattiv li jirregola l-iżvilupp, l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu ta’ dik is-sistema partikolari fil-liġi nazzjonali tagħha.

(19)

L-Istati Membri għandhom jaħtru Membru għall-Grupp Konsultattiv rigward sistema tal-IT fuq skala kbira, jekk ikunu marbutin skont il-liġi tal-Unjoni bi kwalunkwe strument leġiżlattiv li jirregola l-iżvilupp, l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu ta’ dik is-sistema partikolari. Barra minn hekk, id-Danimarka għandha taħtar Membru għall-Grupp KonsultattivRigward sistema tal-IT fuq skala kbira, jekk tiddeċiedi skont l-Artikolu 4 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka li timplimenta strument leġiżlattiv li jirregola l-iżvilupp, l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu ta’ dik is-sistema partikolari fil-liġi nazzjonali tagħha.

(20)

Sabiex ikunu garantiti l-awtonomija u l-indipendenza kompleti tal-Aġenzija, hija għandha tingħata baġit awtonomu bi dħul mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea. Il-finanzjament tal-Aġenzija għandu jkun soġġett għal ftehim mill-awtorità baġitarja kif imniżżel fil-punt 47 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja tajba (10). Il-proċeduri baġitarji u ta’ kwittanza tal-Unjoni għandhom ikunu applikabbli. Il-verifika tal-kontijiet u tal-leġalità u r-regolarità tat-transazzjonijiet sottostanti għandha titwettaq mill-Qorti tal-Awdituri.

(21)

Fil-qafas tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, l-Aġenzija għandha tikkoopera ma’ aġenziji oħrajn tal-Unjoni, b’mod partikolari dawk stabbiliti fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, u b’mod partikolari l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali. Hija għandha wkoll tikkonsulta u ssegwi r-rakkomandazzjonijiet tal-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Networks u l-Informazzjoni rigward is-sigurtà tan-netwerks, fejn adatt.

(22)

Meta tiżgura l-iżvilupp u t-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira, l-Aġenzija għandha ssegwi l-istandards Ewropej u dawk internazzjonali b’kont meħud tal-ogħla rekwiżiti professjonali, b’mod partikolari l-Istrateġija ta’ Ġestjoni tal-Informazzjoni tal-Unjoni Ewropea.

(23)

Ir-Regolament (KE) Nru 45/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data (11) għandu japplika għall-ipproċessar ta’ data personali mill-Aġenzija. Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandu jkun jista’ jikseb aċċess mill-Aġenzija għall-informazzjoni kollha meħtieġa għall-investigazzjonijiet tiegħu jew tagħha. F’konformità mal-Artikolu 28 tar-Regolament (KE) No 45/2001, il-Kummissjoni kkonsultat lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, li ta l-opinjoni tiegħu fis-7 ta’ Diċembru 2009.

(24)

Sabiex jiżgura l-operat trasparenti tal-Aġenzija, ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 rigward l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummisjoni (12) għandu japplika għall-Aġenzija. L-attivitajiet tal-Aġenzija għandhom ikunu soġġetti għall-iskrutinju tal-Ombudsman Ewropew f’konformità mal-Artikolu 228 tat-TFUE.

(25)

Ir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) (13) għandu japplika għall-Aġenzija, li għandha taderixxi mal-Ftehim Interistituzzjonali tal-25 ta’ Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej dwar l-investigazzjonijiet interni tal-Uffiċċju ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) (14).

(26)

L-Istati Membri ospitanti tal-Aġenzija għandhom jipprovdu l-aħjar kondizzjonijiet possibbli biex jiġi żgurat funzjonament tajjeb tal-Aġenzija, pereżempju inkluż edukazzjoni multilingwistika b’dimensjoni Ewropea u konnessjonijiet ta’ trasport adatti.

(27)

Sabiex ikunu żgurati kondizzjonijiet ta’ impjieg miftuħa u trasparenti u trattament ugwali tal-persunal, ir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (“ir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali”) u l-Kondizzjonijiet ta’ Impjieġ ta’ impjegati oħra tal-Unjoni Ewropea (“l-Kondizzjonijiet ta’ Impjieġ”), stabbiliti fir-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) No 259/68 (15) (flimkien imsejħa “ir-Regolamenti tal-Persunal”), għandhom japplikaw għall-persunal u għad-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija, inklużi r-regoli dwar is-segretezza professjonali jew dmirijiet ekwivalenti oħra ta’ kunfidenzjalità.

(28)

L-Aġenzija hija korp stabbilit mill-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 185(1) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 u għandha tadotta r-regoli finanzjarji tagħha skont dan.

(29)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 (16) dwar ir-Regolament Finanzjarju Qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 185 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 għandu japplika għall-Aġenzija.

(30)

Billi l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-istabbiliment ta’ Aġenzija fil-livell tal-Unjoni responsabbli għat-tmexxija operattiva u fejn adatt għall-iżvilupp ta’ sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, ma jistax jintlaħaq biżżejjed mill-Istati Membri u, għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jista’ jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, kif imniżżel fl-Artikolu 5 tat-TUE F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif imniżżel f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jeċċedix dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-objettivi.

(31)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta għad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea b’konformita’ mal-Artikolu 6(2) TUE.

(32)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-Pożizzjoni tad-Danimarka, id-Danimarka ma tipparteċipax fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Peress li dan ir-Regolament, f’dak li jirrigwarda s-SIS II u l-VIS, jibni fuq l-acquis ta’ Schengen id-Danimarka għandha, f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, tiddeċiedi fi żmien perijodu ta’ sitt xhur mid-data tal-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament jekk timplimentahx fil-liġi nazzjonali tagħha. F’konformità mal-Artikolu 3 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tad-Danimarka dwar il-kriterji u l-mekkaniżmi għall-istabbiliment tal-Istat responsabbli għall-eżaminazzjoni ta’ talba għall-ażil li ssir fid-Danimarka jew fi kwalunkwe Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea u l-“Eurodac” għat-tqabbil tal-marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni ta’ Dublin (17), id-Danimarka għandha tinnotifika lill-Kummissjoni dwar jekk hijiex ser timplimenta l-kontenut ta’ dan ir-Regolament, fir-rigward tal-Eurodac.

(33)

Dment li d-dispożizzjonijiet tiegħu jirrigwardaw is-SIS II kif irregolata bid-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI, ir-Renju Unit qiegħed jieħu sehem f’dan ir-Regolament f’konformità mal-Artikolu 5(1) tal-Protokoll (Nru 19) dwar l-acquis ta’ Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, anness għat-TUE u għat-TFUE (“Protokoll dwar l-acquis ta’ Schengen”), u l-Artikolu 8(2) tad-Deċizjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq biex jieħdu sehem f’xi disposizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (18).

Dment li d-dispożizzjonijiet tiegħu jirrigwardaw is-SIS II kif irregolata bir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u l-VIS, li jikkostitwixxu żviluppi tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li r-Renju Unit ma jiħux sehem fihom f’konformità mad-Deċiżjoni 2000/365/KE, ir-Renju Unit talab, permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Ottubru 2010 lill-President tal-Kunsill, biex ikun awtorizzat jieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament, f’konformità mal-Artikolu 4 tal-Protokoll tal-acquis ta’ Schengen. Permezz tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/779/UE tal-14 ta’ Diċembru 2010 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq biex jieħu sehem f’uħud mid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen relatati mal-istabbiliment ta’ Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (19), ir-Renju Unit ġie awtorizzat jieħu sehem f’dan ir-Regolament.

Barra minn hekk, dment li d-dispożizzjonijiet tiegħujirrigwardaw l-Eurodac, ir-Renju Unit innotifika, b’ittra tat-23 ta’ Settembru 2009 lill-President tal-Kunsill, ix-xewqa tiegħu li jieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regoloament, f’konformità mal-Artikolu 3 tal-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness għat-TUE u t-TFUE (“Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda”).Ir-Renju Unit għaldaqstant jieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament, hu marbut minnu u soġġett għall-applikazzjoni tiegħu.

(34)

Dment li d-dispożizzjonijiet tiegħu jirrigwardaw is-SIS II kif irregolata bir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u l-VIS, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li l-Irlanda ma tiħux sehem fihom, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 dwar it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (20).

L-Irlanda ma talbitx biex tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament, f’konformità mal-Artikolu 4 tal-Protokoll dwar l-acquis ta’ Schengen. Għalhekk l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu safejn il-miżuri tiegħu jiżviluppaw dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen kif jirrigwardaw is-SIS II kif irregolata mir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u l-VIS.

Dment li d-dispożizzjonijiet tiegħu jirrigwardaw l-Eurodac, f’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda, l-Irlanda mhijiex qiegħda tiegħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Peress li f’dawn iċ-ċirkostanzi mhuwiex possibbli li tiġi żgurata l-applikabbiltà ta’ dan ir-Regolament għall-Irlanda fl-intier tiegħu, kif meħtieġ mill-Artikolu 288 TFUE, l-Irlanda mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tagħha skont il-Protokolli msemmija hawn fuq.

(35)

Fir-rigward tal-Islanda u n-Norveġja, għal dak li jirrigwarda s-SIS II u l-VIS, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fit-tifsira tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn it-tnejn mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (21) li jaqa’ taħt il-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punti A, B u G tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni ta’ dak il-Ftehim (22). Fir-rigward l-Eurodac, dan ir-Regolament jikkostitwixxi miżura ġdida relatata mal-Eurodac fit-tifsira tal-Ftehim bejn il-Kunsill tal-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar il-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun stabbilit l-Istat responsabbli biex jeżamina talba għall-ażil li ssir fi Stat Membru jew fl-Islanda jew in-Norveġja (23). Konsegwentement, soġġett għad-deċiżjoni tagħhom biex jimplimentawh fis-sistema ġuridika interna tagħhom, id-delegazzjonijiet tar-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja għandhom jipparteċipaw fil-Bord ta’ Tmexxija tal-Aġenzija. Sabiex ikunu ddeterminati r-regoli dettaljati ulterjuri, pereżempju d-dritt għall-vot, li jippermettu l-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja fl-attivitajiet tal-Aġenzija, għandu jiġi konkluż arranġament ieħor bejn l-Unjoni u dawn l-Istati.

(36)

Fir-rigward tal-Isvizzera, għal dak li jirrigwarda s-SIS II u l-VIS, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fit-tifsira tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (24), li jaqa’ taħt il-qasam imsemmi fil-punti A, B u G tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 1999/437/KE li jinqara flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (25). Fir-rigward tal-Eurodac, dan ir-Regolament jikkostitwixxi miżura ġdida dwar l-Eurodac fit-tifsira tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar il-kriterji u l-mekkaniżmi sabiex jiġi stabbilit l-Istat responsabbli biex jeżamina talba għall-ażil li ssir fi Stat Membru jew fl-Isvizzera (26). Konsegwentement, soġġetta għad-deċiżjoni tagħha biex timplimentah fis-sistema ġuridika interna tagħha, id-delegazzjoni mill-Konfederazzjoni Svizzera għandha tipparteċipa fil-Bord ta’ Tmexxija tal-Aġenzija. Sabiex ikunu ddeterminati r-regoli dettaljati ulterjuri, pereżempju d-drittijiet għall-vot, li jippermettu l-parteċipazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera fl-attivitajiet tal-Aġenzija, għandu jiġi konkluż arranġament ieħor bejn l-Unjoni u l-Konfederazzjoni Svizzera.

(37)

Fir-rigward tal-Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi, f’dak li jirrigwarda s-SIS II u l-VIS, żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fit-tifsira tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (27) li jaqa’ taħt il-qasam imsemmi fil-punti A, B u G tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 1999/437/KE li jinqara flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (28). Fir-rigward tal-Eurodac, dan ir-Regolament jikkostitwixxi miżura ġdida dwar l-Eurodac fit-tifsira tal-Protokoll bejn il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein għall-Ftehim bjen il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar il-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun stabbilit l-Istat responsabbli għall-eżaminazzjoni ta’ talba għall-ażil li ssir fi Stat Membru jew fl-Isvizzera (29). Konsegwentement, id-delegazzjonijiet tal-Prinċipat tal-Liechtenstein għandha tipparteċipa fil-Bord ta’ Tmexxija tal-Aġenzija. Sabiex ikunu ddeterminati r-regoli dettaljati ulterjuri, pereżempju d-drittijiet għall-vot, li jippermettu l-parteċipazzjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein fl-attivitajiet tal-Aġenzija, għandu jiġi konkluż arranġament ieħor bejn l-Unjoni u l-Prinċipat tal-Liechtenstein,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

SUĠĠETT

Artikolu 1

Stabbiliment tal-Aġenzija

1.   Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (“l-Aġenzija”) hija b’dan stabbilita.

2.   L-Aġenzija għandha tkun responsabbli għat-tmexxija operattiva tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II), is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-Eurodac.

3.   L-Aġenzija tista’ wkoll issir responsabbli għat-tħejjija, l-iżvilupp u t-tmexxija operattiva ta’ sistemi oħra tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja barra minn dawk imsemmija fil-paragrafu 1, biss jekk dan ikun previst mill-istrumenti leġiżlattivi rilevanti, abbażi tal-Artikoli 67 sa 89 TFUE, b’kont meħud, fejn adatt, tal-iżviluppi fir-riċerka msemmija fl-Artikolu 8 ta’ dan ir-Regolament u r-riżultati tal-iskemi pilota msemmija fl-Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament.

4.   It-tmexxija operattiva għandha tikkonsisti mill-kompiti kollha meħtieġa biex is-sistemi tal-IT fuq skala kbira jinżammew jaħdmu f’konformità mad-dispożizzjonijiet speċifiċi applikabbli għal kull waħda minnhom, inkluża r-responsabbiltà għall-infrastruttura ta’ komunikazzjoni użata minnhom. Dawn is-sistemi tal-IT fuq skala kbira ma għandhomx jiskambjaw data jew jippermettu l-iskambju ta’ informazzjoni jew għarfien, dment li dan ma jkunx previst f’bażi legali speċifika.

Artikolu 2

Objettivi

Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet rispettivi tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri skont l-istrumenti leġiżlattivi li jirregolaw is-sistemi tal-IT fuq skala kbira, l-Aġenzija għandha tiżgura:

(a)

tħaddim effettiv, sigur u kontinwu tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira;

(b)

it-tmexxija effiċjenti u finanzjament responsabbli tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira;

(c)

kwalità adegwatament għolja tas-servizz għall-utenti tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira;

(d)

kontinwità u servizz mingħajr interruzzjoni;

(e)

livell għoli ta’ protezzjoni tad-data, f’konformità mar-regoli applikabbli, inklużi dispożizzjonijiet speċifiċi għal kull sistema tal-IT fuq skala kbira;

(f)

livell adatt ta’ sigurtà tad-data u fiżika, f’konformità mar-regoli applikabbli, inklużi dispożizzjonijiet speċifiċi għal kull waħda mis-sistemi tal-IT fuq skala kbira msemmija; u

(g)

l-użu ta’ struttura adegwata għat-tmexxija ta’ proġett għal sistemi tal-IT fuq skala kbira li qed jiżviluppaw b’mod effiċjenti.

KAPITOLU II

KOMPITI

Artikolu 3

Kompiti relatati mas-SIS II

Fir-rigward tas-SIS II, l-Aġenzija għandha twettaq:

(a)

il-kompiti konferiti fuq l-Awtorità ta’ Tmexxija bir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI; u

(b)

il-kompiti relatati ma’ taħriġ dwar l-użu tekniku tas-SIS II, b’mod partikolari għall-persunal tas-SIRENE (SIRENE - Talba għal Informazzjoni Supplimentari fid-Dħul Nazzjonali) u taħriġ ta’ esperti dwar l-aspetti tekniċi tas-SIS II fil-qafas tal-evalwazzjoni ta’ Schengen.

Artikolu 4

Kompiti relatati mal-VIS

Fir-rigward tas-SIS II, l-Aġenzija għandha twettaq:

(a)

il-kompiti konferiti fuq l-Awtorità ta’ Tmexxija bir-Regolament (KE) Nru 767/2008 u d-Deċiżjoni 2008/633/ĠAI; u

(b)

il-kompiti relatati ma’ taħriġ dwar l-użu tekniku tal-VIS.

Artikolu 5

Kompiti relatati mal-Eurodac

Fir-rigward tas-SIS II, l-Aġenzija għandha twettaq:

(a)

il-kompiti konferiti fuq il-Kummissjoni bħala l-awtorità responsabbli għat-tmexxija operattiva tal-Eurodac f’konformità mar-Regolamenti (KE) Nru 2725/2000 u (KE) Nru 407/2002; u

(b)

il-kompiti marbuta mal-infrastruttura tal-komunikazzjoni, jiġifieri: superviżjoni, sigurtà u l-koordinazzjoni tar-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u l-fornitur;

(c)

il-kompiti relatati ma’ taħriġ dwar l-użu tekniku tal-Eurodac.

Artikolu 6

Kompiti relatati mal-iżvilupp u t-tmexxija operattiva ta’ sistemi oħra tal-IT fuq skala kbira

Meta tiġi fdata bit-tħejjija, l-iżvilupp u t-tmexxija operattiva ta’ sistemi oħra tal-IT fuq skala kbira imsemmija fl-Artikolu 1 (3), l-Aġenzija għandha twettaq il-kompiti relatati ma’ taħriġ dwar l-użu tekniku ta’ dawk is-sistemi, kif adatt.

Artikolu 7

Kompiti relatati mal-infrastruttura tal-komunikazzjoni

1.   L-Aġenzija għandha twettaq il-kompiti relatati mal-infrastruttura tal-komunikazzjoni konferiti lill-Awtorità ta’ Tmexxija bl-istrumenti leġiżlattivi li jirregolaw l-iżvilupp, l-istabbiliment, l-operat u l-użu tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira msemmija fl-Artikolu 1(2).

2.   Skont dawk l-istrumenti leġiżlattivi msemmija fil-paragrafu 1, il-kompiti rigward l-infrastruttura tal-komunikazzjoni (inkluż it-tmexxija operattiva u s-sigurtà) huma maqsuma bejn l-Aġenzija u l-Kummissjoni. Sabiex tiġi żgurata l-koerenza bejn l-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom, għandhom isiru arraġamenti operattivi ta’ ħidma bejn l-Aġenzija u l-Kummissjoni u dan ikun rifless f’Memorandum ta’ Ftehim.

3.   L-infrastruttra tal-komunikazzjoni għandha titmexxa u tiġi kkontrollata sabiex tkun protetta mit-theddid u biex tiġi żgurata s-sigurtà tagħha u tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira, inkluża dik tad-data skambjata permezz tal-infrastruttura ta’ komunikazzjoni.

4.   Għandhom jiġu adottati miżuri adatti inklużi pjani ta’ sigurtà, inter alia, biex wieħed jimpedixxi l-qari, l-ikkupjar, il-modifika u t-tħassir mhux awtorizzat ta’ data personali matul trasferimenti ta’ data personali jew it-trasport ta’ mezzi tad-data permezz ta’ tekniki tal-ikkriptar. L-ebda informazzjoni operattiva relatata mas-sistema ma għandha tiċċirkola fl-infrastruttura tal-komunikazzjoni mingħajr ikkriptar.

5.   Il-kompiti relatati mat-tmexxija operattiva tal-infrastruttra tal-komunikazzjoni tista’ tiġi fdata lil entitajiet jew korpi esterni tas-settur privat skont ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002. F’tali każ, il-fornitur tan-netwerk għandu jkun marbut mill-miżuri ta’ sigurtà msemmija fil-paragrafu 4 u ma għandu ikollu ebda aċċess għad-data operattiva tas-SIS II, tal-VIS, jew il-Eurodac, jew għall-iskambju tas-SIRENE relatat mas-SIS II.

6.   Mingħajr preġudizzju għall-kuntratti eżistenti dwar in-netwerk tas-SIS II, VIS u Eurodac, il-ġestjoni tal-kodiċi kkriptati għandha tibqa’ fil-kompetenza tal-Aġenzija u ma tista tiġi esternalizzata lil ebda entità esterna tas-settur privat.

Artikolu 8

Monitoraġġ tar-riċerka

1.   L-Aġenzija għandha tissorvelja l-iżviluppi fir-riċerka rilevanti għat-tmexxija operattiva tas-SIS II, il-VIS, l-Eurodac u sistemi oħra tal-IT fuq skala kbira.

2.   L-Aġenzija għandha żżomm lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u, f’dak li jirrigwarda kwistjonijiet ta’ protezzjoni tad-data, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data infurmati bl-iżviluppi msemmija fil-paragrafu 1, fuq bażi regolari.

Artikolu 9

Skemi pilota

1.   Huwa biss fuq it-talba speċifika u preċiża tal-Kummissjoni, li tkun infurmat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill mill-anqas tliet xhur bil-quddiem, u wara deċiżjoni mill-Bord ta’ Tmexxija, li l-Aġenzija tista’, f’konformità mal-Artikolu 12(1)(l), twettaq skemi pilota kif imsemmija fl-Artikolu 49(6)(a) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002, għall-iżvilupp jew it-tmexxija operattiva ta’ sistemi tal-IT fuq skala kbira, fl-applikazzjoni tal-Artikoli 67 sa 89 tat-TFUE.

L-Aġenzija għandha żżomm il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u, f’dak li jirrigwarda kwistjonijiet ta’ protezzjoni tad-data, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, infurmati fuq bażi regolari bl-evoluzzjoni tal-iskemi pilota msemmija fl-ewwel paragrafu.

2.   L-approprjazzjonijiet finanzjarji għall-iskemi pilota kif mitluba mill-Kummissjoni għandhom jiddaħħlu fil-baġit għal mhux aktar minn sentejn finanzjarji suċċessivi.

KAPITOLU III

STRUTTURA U ORGANIZZAZZJONI

Artikolu 10

Status legali

1.   L-Aġenzija għandha tkun korp tal-Unjoni u għandu jkollha personalità ġuridika.

2.   F’kull wieħed mill-Istati Membri, l-Aġenzija għandha tgawdi mill-kapaċità legali l-aktar estensiva mogħtija lil persuni ġuridiċi skont il-liġi nazzjonali. Hija tista’, b’mod partikolari, takkwista u tiddisponi minn proprjetà mobbli u immobbli u tkun parti fi proċedimenti legali. Hija tista’ wkoll tikkonkludi ftehimiet dwar is-sede tal-Aġenzija u s-siti stabbiliti skont il-paragrafu 4 mal-Istati Membri li jinsabu fuq it-territorji tagħhom is-sede u s-siti tekniċi u ta’ riżerva (“Stati Membri ospitanti”).

3.   L-Aġenzija għandha tkun rappreżentata mid-Direttur Eżekuttiv tagħha.

4.   Is-sede tal-Aġenzija għandha tkun Tallinn, fl-Estonja.

Il-kompiti marbuta mal-iżvilupp u t-tmexxija operattiva msemmijin fl-Artikoli 1(3) u l-Artikoli 3, 4, 5 u 7 għandhom jitwettqu fi Strasburgu, Franza.

Sit li jservi bħala backup kapaċi li jiżgura l-operat ta’ sistema tal-IT fuq skala kbira f’każ li tali sistema tiżviluppa ħsara għandu jkun installat f’Sankt Johann im Pongau, l-Awstrija, jekk sit li jservi bħala backup ikun previst fl-istrument leġiżlattiv li jirregola l-iżvilupp, l-istabbiliment, l-operat u l-użu tagħha.

Artikolu 11

Struttura

1.   L-istruttura amministrattiva u ta’ tmexxija tal-Aġenzija għandha tinkludi:

(a)

Bord ta’ Tmexxija;

(b)

Direttur Eżekuttiv;

(c)

Gruppi Konsultattivi.

2.   L-istruttura tal-Aġenzija għandha tinkludi wkoll:

(a)

Uffiċjal għall-Protezzjoni tad-Data;

(b)

Uffiċjal tas-Sigurtà;

(c)

Uffiċjal tal-Kontabbiltà.

Artikolu 12

Funzjonijiet tal-Bord ta’ Tmexxija

1.   Sabiex ikun żgurat li l-Aġenzija twettaq il-kompiti tagħha, il-Bord ta’ Tmexxija għandu:

(a)

jaħtar, u jekk adatt ikeċċi, lid-Direttur Eżekuttiv, f’konformità mal-Artikolu 18;

(b)

jeżerċita awtorità dixxiplinarja fuq id-Direttur Eżekuttiv u jissorvelja l-prestazzjoni tiegħu inkluż l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Bord ta’ Tmexxija;

(c)

jistabbilixxi l-istruttura organizzattiva tal-Aġenzija wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni;

(d)

jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tal-Aġenzija wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni;

(e)

japprova, wara proposta mid-Direttur Eżekuttiv, l-Ftehim dwar il-Kwartieri Ġenerali dwar is-sede tal-Aġenzija u Ftehimiet li jikkonċernaw is-siti tekniċi u ta’ riżerva stabbilti skont l-Artikolu 10(4) li għandhom jiġu ffirmati mid-Direttur Eżekuttiv mal-Istati Membri ospitanti;

(f)

bi qbil mal-Kummissjoni, jadotta l-miżuri implimentattivi meħtieġa msemmija fl-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Ufficjali;

(g)

jadotta l-miżuri implimentattivi meħtieġa dwar is-sekondament ta’ esperti nazzjonali għall-Aġenzija;

(h)

jadotta programm ta’ ħidma pluriennali bbażat fuq il-kompiti msemmija fil-Kapitolu II, filwaqt li juża bħala bażi tiegħu l-abbozz ippreżentat mid-Direttur Eżekuttiv kif imsemmi fl-Artikolu 17, wara li jikkonsulta lill-Gruppi Konsultattivi msemmija fl-Artikolu 19, u wara li jirċievi l-opinjoni tal-Kummissjoni. Il-programm ta’ ħidma pluriennali għandu, mingħajr preġudizzju għall-proċedura baġitarja annwali, jinkludi l-estimi tal-baġit pluriennali u l-evalwazzjonijiet ex ante sabiex jiġu strutturati l-objettivi u l-istadji differenti tal-ippjanar pluriennali; Il-programm ta’ ħidma pluriennali għandu, mingħajr preġudizzju għall-proċedura baġitarja tal-Unjoni annwali, jinkludi stima baġitarja pluriennali u evalwazzjonijiet ex ante sabiex jiġu strutturati l-obejttivi u l-istadji differenti tal-ippjanar pluriennali;

(i)

jadotta pjan ta’ politika multiannwali tal-persunal u abbozz ta’ programm ta’ ħidma annwali u jippreżentahom mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu kull sena lill-Kummissjoni u lill-awtorità baġitarja;

(j)

sat-30 ta’ Settembru kull sena, u wara li jkun irċieva l-opinjoni tal-Kummissjoni, jadotta b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tiegħu bi dritt għall-vot, u f’konformità mal-proċedura baġitarja annwali u l-programm leġiżlattiv tal-Unjoni fl-oqsma li jaqgħu taħt l-Artikoli 67 sa 89 TFUE, il-programm ta’ ħidma annwali tal-Aġenzija għas-sena ta’ wara; u jiżgura li l-programm ta’ ħidma adottat jiġi trasmess lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u jiġi ppubblikat;

(k)

sal-31 ta’ Marzu kull sena, jadotta r-rapport annwali dwar l-attività tal-Aġenzija għas-sena preċedenti, filwaqt li jqabbel, b’mod partikolari, ir-riżultati miksuba mal-objettivi tal-programm ta’ ħidma annwali u jippreżentah sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Ġunju tal-istess sena lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri; ir-rapport annwali dwar l-attività għandu jiġi ppublikat;

(l)

jwettaq il-funzjonijiet tiegħu relatati mal-baġit tal-Aġenzija, inkluż l-implimentazzjoni ta’ skemi pilota kif imsemmi fl-Artikolu 9, skont l-Artikoli 32, 33(6) u 34;

(m)

jadotta regoli finanzjarji applikabbli għall-Aġenzija f’konformità mal-Artikolu 34;

(n)

jaħtar Uffiċjal tal-Kontabbiltà li għandu jkun funzjonalment indipendenti fit-twettiq ta’ dmirijietu;

(o)

jiżgura segwitu adegwat għas-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet li joħorġu minn diversi rapporti u evalwazzjonijiet ta’ verifika interni jew esterni;

(p)

jadotta l-miżuri ta’ sigurtà meħtieġa, inkluż pjan ta’ sigurtà u pjan ta’ kontinwità fin-negozju u rikupru minn diżastri, b’kont meħud tar-rakkomandazzjonijiet possibbli tal-esperti tas-sigurtà preżenti fil-Gruppi Konsultattivi;

(q)

jaħtar Uffiċjal tas-Sigurtà;

(r)

jaħtar Uffiċjal għall-Protezzjoni tad-Data f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 45/2001;

(s)

jadotta, sat-22 ta’ Mejju 2012, l-arranġamenti prattiċi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001;

(t)

jadotta r-rapporti dwar il-funzjonament tekniku tas-SIS II skont l-Artikolu 50(4) tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u l-Artikolu 66(4) u tad-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI rispettivament u tal-VIS skont l-Artikolu 50(3) tar-Regolament (KE) Nru 767/2008 u 17(3) tad-Deċiżjoni 2008/633/ĠAI;

(u)

jadotta r-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Unità Ċentrali tal-Eurodac skont l-Artikolu 24(1) tar-Regolament (KE) Nru 2725/2000;

(v)

jikkummenta dwar ir-rapporti tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-verifiki skont l-Artikolu 45 tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u l-Artikolu 42(2) tar-Regolament (KE) Nru 767/2008 u jiżgura segwitu adatt tal-verifiki;

(w)

jippubblika statistika relatata mas-SIS II skont l-Artikolu 50(3) tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u l-Artikolu 66(3) tad-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI rispettivament;

(x)

jiġbor statistika dwar il-ħidma tal-Unità Ċentrali tal-Eurodac skont l-Artikolu 3(3) tar-Regolament (KE) Nru 2725/2000;

(y)

jiżgura l-pubblikazzjoni annwali tal-lista ta’ awtoritajiet kompetenti awtorizzati biex ifittxu id-data li qiegħda fis-SIS II direttament skont l-Artikolu 31(8) tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u l-Artikolu 46(8) tad-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI, flimkien mal-lista ta’ Uffiċċji tas-sistemi nazzjonali tas-SIS II (N.SIS II) u l-Uffiċċji tas-SIRENE kif imsemmi fl-Artkolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u l-Artikolu 7(3) tad-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI rispettivament;

(z)

jiżgura l-pubblikazzjoni annwali tal-lista ta’ awtoritajiet maħturin skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament (KE) Nru 2725/2000;

(aa)

jwettaq kull kompitu ieħor konferit lilu f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

2.   Il-Bord ta’ Tmexxija jista’ jagħti parir lid-Direttur Eżekuttiv dwar kwalunkwe materja relatata strettament mal-iżvilupp jew it-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira.

Artikolu 13

Kompożizzjoni tal-Bord ta’ Tmexxija

1.   Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jkun kompost minn rappreżentant wieħed minn kull Stat Membru u żewġ rappreżentanti tal-Kummissjoni.

2.   Kull Stat Membru u l-Kummissjoni għandhom jaħtru l-membri tal-Bord ta’ Tmexxija kif ukoll is-supplenti, sat-22 ta’ Jannar 2012. Wara l-iskadenza ta’ dak il-perijodu, il-Kummissjoni għandha tlaqqa’ l-Bord ta’ Tmexxija. Fl-assenza tagħhom, il-membri għandhom jiġu rrappreżentati mis-supplenti.

3.   Il-membri tal-Bord ta’ Tmexxija għandhom jinħatru abbażi tal-livell għoli tal-esperjenza u l-ħila esperta rilevanti tagħhom fil-qasam tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, u l-għarfien fil-protezzjoni tad-data.

4.   Il-mandat tal-membri għandu jkun ta’ erba’ snin. Huwa jista’ jiġi mġedded darba. Mal-iskadenza tal-mandat tagħhom jew fil-każ tar-riżenja tagħhom, il-membri għandhom jibqgħu fl-uffiċċju sakemm jiġġeddu l-ħatriet tagħhom jew sakemm jiġu sostitwiti.

5.   Il-pajjiżi assoċjati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen u l-miżuri relatati mal-Eurodac għandhom jieħdu sehem fl-attivitajiet tal-Aġenzija. Kull wieħed għandu jaħtar rappreżentant wieħed u supplent għall-Bord ta’ Tmexxija.

Artikolu 14

Presidenza tal-Bord ta’ Tmexxija

1.   Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jeleġġi President u viċi President minn fost il-membri tiegħu.

2.   Il-mandat tal-President u tal-viċi President għandu jkun ta’ sentejn u jista’ jiġġedded darba. Dak il-mandat jista’ jiġġedded darba. Jekk, madankollu, is-sħubija tagħhom fil-Bord ta’ Tmexxija tintemm fi kwalunkwe żmien matul il-mandat tagħhom, il-mandat tagħhom għandu jiskadi awtomatikament f’dik id-data wkoll.

3.   Il-President u l-viċi President għandhom jiġu eletti biss minn fost dawk il-membri tal-Bord ta’ Tmexxija li jinħatru mill-Istati Membri li huma marbutin b’mod sħiħ skont il-liġi tal-Unjoni bl-istrumenti leġiżlattivi li jirregolaw l-iżvilupp, l-istabbiliment, l-operat u l-użu tas-sistemi kollha tal-IT fuq skala kbira mmexxijin mill-Aġenzija.

Artikolu 15

Laqgħat tal-Bord ta’ Tmexxija

1.   Il-laqgħat tal-Bord ta’ Tmexxija għandhom isiru fuq talba ta’ kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

il-President tiegħu;

(b)

mill-inqas terz tal-membri tiegħu;

(ċ)

il-Kummissjoni;

(d)

id-Direttur Eżekuttiv.

Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jorganizza mill-inqas laqgħa ordinarja waħda kull sitt xhur.

2.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jipparteċipa fil-laqgħat tal-Bord ta’ Tmexxija.

3.   Il-membri tal-Bord ta’ Tmexxija jistgħu jkunu assistiti minn esperti li huma membri tal-Gruppi Konsultattivi.

4.   L-Europol u l-Eurojust jistgħu jattendu l-laqgħat tal-Bord ta’ Tmexxija bħala osservaturi, meta fuq l-aġenda jkun hemm kwistjoni li tikkonċerna s-SIS II fir-rigward tal-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI. L-Europol jista’ jattendi wkoll il-laqgħat tal-Bord ta’ Tmexxija bħala osservatur, meta fuq l-aġenda jkun hemm kwistjoni li tikkonċerna l-VIS, fir-rigward tal-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/633/ĠAI.

5.   Il-Bord ta’ Tmexxija jista’ jistieden lil kwalunkwe persuna oħra, li jista’ jkollha opinjoni ta’ interess, sabiex tattendi l-laqgħat tiegħu bħala osservatur.

6.   L-Aġenzija għandha tipprovdi segretarjat lill-Bord ta’ Tmexxija.

Artikolu 16

Votazzjoni

1.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu kif ukoll għall-Artikolu 12(1)(j) u l-Artikolu 18(1) u (7), id-deċiżjonijiet tal-Bord ta’ Tmexxija għandhom jittieħdu b’maġġoranza tal-membri kollha tiegħu li għandhom dritt għall-vot.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, kull membru tal-Bord ta’ Tmexxija għandu jkollu vot wieħed.

3.   Kull membru maħtur minn Stat Membru li huwa marbut skont il-liġi tal-Unjoni, bi kwalunkwe strument leġiżlattiv li jirregola l-iżvilupp, l-istabbiliment, l-operat u l-użu ta’ sistema tal-IT fuq skala kbira mmexxija mill-Aġenzija jista’ jivvota fuq kwistjoni li tikkonċerna dik is-sistema tal-IT fuq skala kbira.

Barra minn hekk, fir-rigward tad-Danimarka, hija tista’ tivvota rigward kwistjoni li tikkonċerna tali sistema tal-IT fuq skala kbira, jekk tiddeċiedi skont l-Artikolu 4 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka li timplimenta strument leġiżlattiv li jirregola l-iżvilupp, l-istabbiliment, l-operat u l-użu ta’ sistema tal-IT fuq skala kbira fil-liġi nazzjonali tagħha.

4.   Rigward il-pajjiżi assoċjati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen u l-miżuri relatati mal-Eurodac, għandu japplika l-Artikolu 37.

5.   F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil fost il-membri dwar jekk sistema speċifika tal-IT fuq skala kbira hijiex affettwata mill-vot jew le, kwalunkwe deċiżjoni li mhijiex affettwata għandha tittieħed b’maġġoranza ta’ żewġ terzi.

6.   Id-Direttur Eżekuttiv m’għandux jivvota.

7.   Għandhom ikunu stabbiliti fir-regoli ta’ proċedura tal-Aġenzija arranġamenti aktar dettaljati dwar il-votazzjoni b’mod partikolari, il-kondizzjonijiet għal membru sabiex jaġixxi f’isem membru ieħor kif ukoll kwalunkwe rekwiżit tal-kworum, fejn adatt.

Artikolu 17

Funzjonijiet u setgħat tad-Direttur Eżekuttiv

1.   L-Aġenzija għandha tkun immexxija u rrappreżentata mid-Direttur Eżekuttiv tagħha.

2.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun indipendenti fit-twettiq ta’ dmirijietu. Mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi rispettivi tal-Kummissjoni u tal-Bord ta’ Tmexxija, id-Direttur Eżekuttiv m’għandu la jfittex u lanqas jieħu struzzjoniijiet minn xi gvern jew kwalunkwe korp ieħor.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12, id-Direttur Eżekuttiv għandu jassumi responsabbiltà sħiħa għall-kompiti fdati lill-Aġenzija u għandu jkun soġġett għall-proċedura ta’ kwittanza annwali mill-Parlament Ewropew għall-implimentazzjoni tal-baġit.

4.   Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jista’ jistieden lid-Direttur Eżekuttiv biex jirrapporta dwar l-implimentazzjoni tal-kompiti tiegħu.

5.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu:

(a)

jiżgura l-amministrazzjoni ta’ kuljum tal-Aġenzija;

(b)

jiżgura li l-Aġenzija topera f’konformità ma’ dan ir-Regolament;

(c)

iħejji u jimplimenta l-proċeduri, id-deċiżjonijiet, l-istrateġiji, il-programmi u l-attivitajiet adottati mill-Bord ta’ Tmexxija, fil-limiti speċifikati minn dan ir-Regolament, ir-regoli implimetattivi tiegħu u l-liġi applikabbli;

(d)

jistabbilixxi u jimplimenta sistema effettiva li tippermetti monitoraġġ u evalwazzjonijiet regolari ta’:

(i)

sistemi tal-IT fuq skala kbira, inkluża statistika, u

(ii)

l-Aġenzija, inkluż il-kisba effettiva u effiċjenti tal-objettivi tagħha;

(e)

jieħu sehem, mingħajr id-dritt għall-vot, fil-laqgħat tal-Bord ta’ Tmexxija;

(f)

jeżerċita fir-rigward tal-persunal tal-Aġenzija s-setgħat stabbiliti fl-Artikolu 20(3) u jamministra materji tal-persunal;

(g)

mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 17 tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali, jistabbilixxi rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità sabiex ikun konformi mal-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006, l-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI u l-Artikolu 26(9) tar-Regolament (KE) Nru 767/2008 rispettivament u sabiex ikunu applikati r-regoli adatti ta’ segretezza professjonali jew dmirijiet oħra ekwivalenti ta’ kunfidenzjalità għall-persunal tal-Aġenzija li jeħtieġu jaħdmu bid-data tal-Eurodac;

(h)

jinnegozja u, wara approvazzjoni mill-Bord ta’ Tmexxija, jiffirma Ftehim dwar il-Kwartieri ġenerali fir-rigward tas-sede tal-Aġenzija u Ftehimiet fir-rigward ta’siti tekniċi u ta’ riżerva mal-Gvernijiet tal-Istati Membri ospitanti.

6.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jippreżenta għall-adozzjoni lill-Bord ta’ Tmexxija b’mod partikolari l-abbozzi ta’ dawn li ġejjin:

(a)

il-programm ta’ ħidma annwali tal-Aġenzija u r-rapport tal-attività annwali tagħha, wara konsultazzjoni minn qabel mal-Gruppi Konsultattivi;

(b)

ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-Aġenzija;

(c)

il-programm ta’ ħidma pluriennali tal-Aġenzija;

(d)

il-baġit għas-sena li ġejja, stabbilit abbażi ta’ baġitjar ibbażat fuq l-attività;

(e)

il-Pjan ta’ Politika pluriennali tal-Persunal;

(f)

it-termini ta’ referenza għall-evalwazzjoni msemmija fl-Artikolu 31;

(g)

l-arranġamenti prattiċi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001;

(h)

il-miżuri ta’ sigurtà meħtieġa inkluż pjan ta’ sigurtà, u pjan ta’ kontinwità tan-negozju u rkupru minn diżastri;

(i)

jirrapporta dwar il-funzjonament tekniku ta’ kull sistema tal-IT fuq skala kbira msemmija fl-Artikolu 12(1)(t) u r-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Unità Ċentrali tal-Eurodac imsemmija fl-Artikolu 12(1)(u), abbażi tar-riżultati tal-monitoraġġ u l-evalwazzjoni;

(j)

il-lista annwali, għall-pubblikazzjoni, ta’ awtoritajiet kompetenti awtorizzati biex ifittxu direttament id-data fis-SIS II, inkluża l-lista tal-Uffiċċji tan-N.SIS II u l-Uffiċċji tas-SIRENE msemmija fl-Artikolu 12(1)(y) u tal-lista ta’ awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 12(1)(z).

7.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jwettaq kwalunkwe kompitu ieħor f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 18

Ħatra tad-Direttur Eżekuttiv

1.   Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jaħtar id-Direttur Eżekuttiv għal perijodu ta’ ħames snin minn lista ta’ kandidati eliġibbli li jkunu ġew identifikati f’kompetizzjoni miftuħa organizzata mill-Kummissjoni. Il-proċedura ta’ għażla għandha tipprevedi l-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u f’postijiet oħra ta’ sejħa għal espressjonijiet ta’ interess. Il-Bord ta’ Tmexxija jista’ jeħtieġ proċedura ripetuta jekk ma jkunx sodisfatt bl-adegwatezza ta’ kwalunkwe wieħed mill-kandidati li nżammu fil-lista. Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jaħtar lid-Direttur Eżekuttiv abbażi tal-mertu personali, l-esperjenza fil-qasam tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira u l-ħiliet amministrattivi, finanzjarji u ta’ tmexxija kif ukoll l-għarfien fil-protezzjoni tad-data. Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jieħu d-deċiżjoni tiegħu li jaħtar lid-Direttur Eżekuttiv b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri kollha tiegħu li jkollhom dritt għall-vot.

2.   Qabel ma jinħatar, il-kandidat magħżul mill-Bord ta’ Tmexxija għandu jiġi mistieden jagħmel dikjarazzjoni quddiem il-kumitat(i) kompetenti tal-Parlament Ewropew u jwieġeb il-mistoqsijiet li jagħmlulu l-membri tal-kumitat. Wara tali dikjarazzjoni, il-Parlament Ewropew għandu jadotta opinjoni li tagħti l-perspettiva tiegħu dwar il-kandidat magħżul. Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jinforma lill-Parlament Ewropew bil-mod li bih ikun ittieħed kont ta’ dik l-opinjoni. L-opinjoni għandha tiġi ttrattata bħala personali u kunfidenzjali sakemm jinħatar il-kandidat.

3.   Matul id-disa’ xhur qabel it-tmiem tal-mandat ta’ ħames snin, il-Bord ta’ Tmexxija, f’konsultazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, għandu jwettaq evalwazzjoni li fiha għandu jivvaluta, b’mod partikolari, ir-riżultati miksubin matul l-ewwel mandat tad-Direttur Eżekuttiv u l-mod kif inkisbu.

4.   Il-Bord ta’ Tmexxija, filwaqt li jieħu kont tar-rapport ta’ evalwazzjoni, u f’dawk il-każijiet biss fejn jista’ jkun iġġustifikat mill-objettivi u l-kompiti tal-Aġenzija, jista’ jestendi l-mandat tad-Direttur Eżekuttiv darba għal mhux aktar minn tliet snin.

5.   Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jinforma lill-Parlament Ewropew dwar l-intenzjoni tiegħu li jestendi l-mandat tad-Direttur Eżekuttiv. Fi żmien ix-xahar qabel kwalunkwe tali estensjoni, id-Direttur Eżekuttiv għandu jiġi mistieden jagħmel dikjarazzjoni quddiem il-kumitat(i) kompetenti tal-Parlament Ewropew u jwieġeb/twieġeb mistoqsijiet mill-membri tal-kumitat.

6.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jagħti kont lill-Bord ta’ Tmexxija.

7.   Il-Bord ta’ Tmexxija jista’ jkeċċi lid-Direttur Eżekuttiv. Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jieħu tali deċiżjoni b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri kollha tiegħu li jkollhom dritt għall-vot.

Artikolu 19

Gruppi Konsultattivi

1.   Il-Gruppi Konsultattivi li ġejjin għandhom jipprovdu lill-Bord ta’ Tmexxija bil-ħila esperta relatata mas-sistemi tal-IT fuq skala kbira u, b’mod partikolari, fil-kuntest tat-tħejjija tal-programm ta’ ħidma annwali u r-rapport annwali dwar l-attività:

(a)

il-Grupp Konsultattiv tas-SIS II;

(b)

il-Grupp Konsultattiv tal-VIS;

(c)

il-Grupp Konsultattiv tal-Eurodac;

(d)

kwalunkwe Grupp Konsultattiv ieħor relatat ma’ sistema tal-IT fuq skala kbira meta jkun previst fl-istrument leġiżlattivi rilevanti li jirregola l-iżvilupp, l-istabbiliment, l-operat u l-użu ta’ dik is-sistema.

2.   Kull Stat Membru li jkun marbut skont il-liġi tal-Unjoni bi kwalunkwe strument leġiżlattiv li jirregola l-iżvilupp, l-istabbiliment, l-operat u l-użu ta’ sistema partikolari tal-IT fuq skala kbira, kif ukoll il-Kummissjoni, għandha taħtar membru wieħed għall-Grupp Konsultattiv relatat ma’ dik is-sistema tal-IT fuq skala kbira, għal perijodu ta’ tliet snin, li jista’ jiġġedded.

Fir-rigward tad-Danimarka, hija wkoll tista’ taħtar membru għal xi Grupp Konsultattiv relatat ma’ dik is-sistema tal-IT fuq skala kbira, jekk tiddeċiedi skont l-Artikolu 4 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka li timplimenta strument leġiżlattiv li jirregola l-iżvilupp, l-istabbiliment, l-operat u l-użu ta’ dik is-sistema tal-IT fuq skala kbira partikolari fil-liġi nazzjonali tagħha.

Kull pajjiż assoċjat mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, il-miżuri relatati mal-Eurodac [u l-miżuri relatati ma’ sistemi oħrajn tal-IT fuq skala kbira] li jieħu sehem f’sistema partikolari tal-IT fuq skala kbiragħandu jaħtar membru għall-Grupp Konsultattiv relatat ma’ dik is-sistema tal-IT fuq skala kbira.

3.   L-Europol u l-Eurojust jistgħu jaħtru rappreżentant kull wieħed għall-Grupp Konsultattiv tas-SIS II. L-Europol jista’ jaħtar ukoll rappreżentant għall-Grupp Konsultattiv tal-VIS.

4.   Il-membri tal-Bord ta’ Tmexxija m’għandhomx ikunu membri ta’ kwalunkwe wieħed mill-Gruppi Konsultattivi. Id-Direttur Eżekuttiv jew ir-rappreżentant tad-Direttur Eżekuttiv għandu jkollu d-dritt li jattendi l-laqgħat kollha tal-Gruppi Konsultattivi bħala osservaturi.

5.   Il-proċeduri għall-operat u l-kooperazzjoni tal-Gruppi Konsultattivi għandhom ikunu stabbiliti fir-regoli ta’ proċedura tal-Aġenzija.

6.   Meta jħejji opinjoni, il-membri ta’ kull Grupp Konsultattiv għandhom jagħmlu mill-aħjar biex jintlaħaq kunsens. Jekk ma jintlaħaqx tali kunsens, l-opinjoni għandha tikkonsisti mill-pożizzjoni motivata tal-maġġoranza tal-membri. Il-pożizzjoni(jiet) motivata(i) tal-minoranza għandhom jiġu rreġistrati wkoll. L-Artikolu 16(3) u (4) għandhom japplikaw skont il-każ. Il-membri li jirrappreżentaw lill-pajjiżi assoċjati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen u l-miżuri relatati mal-Eurodac għandhom ikunu permessi jesprimu l-opinjonijiet tagħhom dwar il-kwistjonijiet li dwarhom ma għandhomx dritt għall-vot.

7.   Kull Stat Membru u kull pajjiż assoċjat mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen u mal-miżuri relatati mal-Eurodac għandu jiffaċilita l-attivitajiet tal-Gruppi Konsultattivi.

8.   Għall-Presidenza tal-Gruppi Konsultattivi, l-Artikolu 14 għandu japplika mutatis mutandis.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 20

Persunal

1.   Ir-Regolamenti tal-Persunal u r-regoli adottati konġuntement mill-Unjoni għall-fini tal-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal għandhom japplikaw għall-persunal tal-Aġenzija u għad-Direttur Eżekuttiv.

2.   Għall-fini tal-implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal, l-Aġenzija għandha titqies bħala aġenzija fis-sens tal-Artikolu 1a(2) tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali.

3.   Is-setgħat konferiti fuq l-Awtorità ta’ Ħatra mir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u fuq l-awtorità intitolata li tikkonkludi kuntratti permezz tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg għandhom ikunu eżerċitati mill-Aġenzija fir-rigward tal-pesunal tagħha stess.

4.   Il-persunal tal-Aġenzija għandu jikkonsisti minn uffiċjali, persunal temporanju jew persunal kuntrattwali. Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jagħti l-kunsens tiegħu fuq bażi annwali fejn il-kuntratti li d-Direttur Eżekuttiv ikun qed jippjana li jġedded, u jsiru indefiniti skont il-Kondizzjonijiet tal-Impjieg.

5.   L-Aġenzija m’għandhiex timpjega persunal interim biex iwettaq dmirijiet li jkunu meqjusa bħala sensittivi.

6.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jistgħu jissekondaw uffiċjali jew esperti nazzjonali għall-Aġenzija fuq bażi temporanja. Il-Bord ta’ Tmexxija għandu, b’kont meħud tal-pjan ta’ politika pluriennali dwar il-persunal, jadotta l-miżuri implimentattivi meħtieġa għal dak il-fini.

7.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Persunal għall-Uffiċjali, l-Aġenzija għandha tapplika r-regoli adatti dwar is-segretezza professjonali jew dmirijiet oħra ekwivalenti ta’ kunfidenzjalità.

8.   Il-Bord ta’ Tmexxija għandu, bi ftehim mal-Kummissjoni, jadotta l-miżuri implimentattivi meħtieġa msemmija fl-Artikolu 110 tar-Regolament tal-Persunal għall-Uffiċjali.

Artikolu 21

Interess pubbliku

Il-membri tal-Bord ta’ Tmexxija, id-Direttur Eżekuttiv u l-membri tal-Gruppi Konsultattivi għandhom jimpenjaw ruħhom li jaġixxu fl-interess pubbliku. Għal dak il-fini, huma għandom joħorġu dikjarazzjoni ta’ impenn annwali, pubblika u bil-miktub.

Il-lista tal-membri tal-Bord ta’ Tmexxija għandha tiġi ppubblikata fis-sit Internet tal-Aġenzija.

Artikolu 22

Ftehim dwar il-Kwartieri Ġenerali u Ftehimiet dwar siti tekniċi u ta’ riżerva

L-arranġamenti meħtieġa dwar l-akkomodazzjoni li għandhom jiġu pprovduti għall-Aġenzija fl-Istati Membri ospitanti u l-faċilitajiet li għandhom ikunu disponibbli minn dawk l-Istati Membri u r-regoli speċifiċi applikabbli fl-Istati Membri ospitanti għad-Direttur Eżekuttiv, il-membri tal-Bord ta’ Tmexxija, il-persunal tal-Aġenzija u membri tal-familji tagħhom għandhom jiġu stabbiliti fi Ftehim dwar il-Kwartieri Ġenerali rigward is-sit tal-Aġenzija u fi Ftehimiet rigward is-siti tekniċi u ta’ riżerva, konklużi bejn l-Aġenzija u l-Istati Membri ospitanti wara li tinkiseb l-approvazzjoni tal-Bord ta’ Tmexxija.

Artikolu 23

Privileġġi u immunitajiet

Il-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea għandu japplika għall-Aġenzija.

Artikolu 24

Responsabbiltà

1.   Ir-responsabbiltà kuntrattwali tal-Aġenzija għandha tkun irregolata bil-liġi applikabbli għall-kuntratt inkwistjoni.

2.   Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkollha ġurisdizzjoni biex tagħti sentenza skont kwalunkwe klawsola ta’ arbitraġġ li tkun tinsab f’kuntratt konkluż mill-Aġenzija.

3.   Fil-każ ta’ responsabbiltà nonkuntrattwali, l-Aġenzija għandha, f’konformità mal-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet tal-Istati Membri, tagħmel tajjeb għal kwalunkwe ħsara kkawżata mid-dipartimenti tagħha jew mill-impjegati tagħha fit-twettiq ta’ dmirijiethom.

4.   Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkollha ġurisdizzjoni f’tilwim relatat ma’ kumpens għall-ħsara msemmija fil-paragrafu 3.

5.   Ir-responsabbiltà personali tal-persunal tal-Aġenzija lejn l-Aġenzija għandha tkun irregolati mid-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal.

Artikolu 25

Reġim lingwistiku

1.   Ir-Regolament Nru 1 tal-15 ta’ April 1958 li jiddeterminaw il-lingwa li għandha tintuża mill-Komunità Ekonomika Ewropea (30) għandhom japplikaw għall-Aġenzija.

2.   Mingħajr preġudizzju għal deċiżjonijiet meħudin skont l-Artikolu 342 TFUE, il-programm ta’ ħidma annwali u r-rapport annwali dwar l-attività msemmija fl-Artikolu 12(1)(j) u (k), għandhom jiġu prodotti fil-lingwi uffiċjali kollha tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

3.   Is-servizzi ta’ traduzzjoni meħtieġa għall-attivitajiet tal-Aġenzija għandhom jiġu pprovduti miċ-Ċentru ta’ Traduzzjoni tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 26

Aċċess għal dokumenti

1.   Abbażi ta’ proposta mid-Direttur Eżekuttiv, u mhux aktar tard minn sitt xhur wara l-1 ta’ Diċembru 2012, il-Bord ta’ Tmexxija għandu jadotta regoli dwar l-aċċess għad-dokumenti tal-Aġenzija, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1049/2001.

2.   Deċiżjonijiet li jittieħdu mill-Aġenzija skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 jistgħu jwasslu għal preżentazzjoni ta’ ilment lill-Ombudsman Ewropew jew ikunu s-suġġett ta’ rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 228 u 263 TFUE, rispettivament.

Artikolu 27

Informazzjoni u komunikazzjoni

1.   L-Aġenzija għandha tikkomunika f’konformità mal-istrumenti leġiżlattivi li jirregolaw l-iżvilupp, l-istabbiliment, l-operat u l-użu tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira u fuq inizjattiva tagħha stess fl-oqsma li jaqgħu fl-ambitu tal-kompiti tagħha. Hija għandha tiżgura b’mod partikolari li, minbarra l-pubblikazjoni speċifikata fl-Artikolu 12(1) (j),(k),(w),(y) u l-Artikolu 33(8), il-pubbliku u kwalunkwe parti interessata jingħataw b’mod rapidu informazzjoni oġġettiva, affidabbli u li tinftiehem faċilment fir-rigward tal-ħidma tagħha.

2.   Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jistabbilixxi l-arranġamenti prattiċi għall-applikazzjoni tal-paragrafu 1.

Artikolu 28

Protezzjoni tad-data

1.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data stabbiliti fl-istrumenti leġiżlattivi li jirregolaw l-iżvilupp, l-istabbiliment, l-operat u l-użu tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira, l-informazzjoni pproċessata mill-Aġenzija f’konformità ma’ dan ir-Regolament għandha tkun soġġetta għar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

2.   Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jistabbilixxi miżuri għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 mill-Aġenzija, u b’mod partikolari t-Taqsima 8 dwar l-Uffiċjal għall-Protezzjoni tad-Data.

Artikolu 29

Regoli ta’ sigurtà dwar il-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata u informazzjoni sensittiva mhux klassifikata

1.   L-Aġenzija għandha tapplika l-prinċipji tas-sigurtà stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom tad-29 ta’ Novembru 2001 li temenda r-Regoli interni tal-Proċedura (31), inkluż id-dispożizzjonijiet għall-iskambju, l-ipproċessar u l-ħażna tal-informazzjoni klassifikata u miżuri dwar sigurtà fiżika.

2.   L-Aġenzija għandha tapplika wkoll il-prinċipji ta’ sigurtà relatati mal-ipproċessar ta’ informazzjoni sensittiva mhux klassifikata kif adottati u implimentati mill-Kummissjoni.

3.   Il-Bord ta’ Tmexxija għandu, skont l-Artikolu 2 u l-Artikolu 12(1)(p), jiddeċiedi dwar l-istruttura interna tal-Aġenzija meħtieġa biex jiġu sodisfatti l-prinċipji ta’ sigurtà adatti.

Artikolu 30

Sigurtà tal-Aġenzija

1.   L-Aġenzija għandha tkun responsabbli għas-sigurtà u ż-żamma tal-ordni fil-bini, is-sede u l-art użati minnha. L-Aġenzija għandha tapplika l-prinċipji ta’ sigurtà u d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-istrumenti leġiżlattivi li jirregolaw l-iżvilupp, l-istabbiliment, l-operat u l-użu tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira.

2.   L-Istati Membri ospitanti għandhom jieħdu l-miżuri effettivi u adegwati kollha biex iżommu l-ordni u s-sigurtà fil-viċinanza immedjata tal-bini, is-sede u l-art użati mill-Aġenzija u għandhom jagħtu lill-Aġenzija il-protezzjoni adatta, f’konformità mal-Ftehim rilevanti dwar il-Kwartieri Ġenerali li jikkonċernaw is-sede tal-Aġenzija u l-Ftehimiet dwar is-siti tekniċi u ta’ riżerva, filwaqt li jiggarantixxu aċċess liberu għal dan il-bini, is-sede u l-art għall-persuni awtorizzati mill-Aġenzija.

Artikolu 31

Evalwazzjoni

1.   Fi żmien tliet snin wara l-1 ta’ Diċembru 2012, u kull erba’ snin sussegwentement, il-Kummissjoni, f’konsultazzjoni mill-qrib mal-Bord ta’ Tmexxija, għandha twettaq evalwazzjoni tal-azzjoni tal-Aġenzija. L-evalwazzjoni għandha teżamina l-mod u safejn l-Aġenzija tikkontribwixxi b’mod effettiv għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja u twettaq il-kompiti tagħha stabbiliti f’dan ir-Regolament. L-evalwazzjoni għandha tevalwa wkoll ir-rwol tal-Aġenzija fil-kuntest ta’ strateġija tal-Unjoni mmirata lejn ambjent tal-IT ikkoordinat, kosteffettiv u koerenti fil-livell tal-Unjoni li għandu jkun stabbilit fis-snin li ġejjin.

2.   Abbażi tal-evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta lill-Bord ta’ Tmexxija, għandha toħroġ rakkomandazzjonijiet rigward il-bidliet għal dan ir-Regolament, ukoll biex dan isir aktar konformi mal-istrateġija tal-Unjoni msemmija fil-paragrafu 1. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dawk ir-rakkomandazzjonijiet, flimkien mal-opinjoni tal-Bord ta’ Tmexxija, kif ukoll ma’ proposti adatti, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

KAPITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET FINANZJARJI

Artikolu 32

Baġit

1.   Id-dħul tal-Aġenzija għandu jikkonsisti, mingħajr preġudizzju għal tipi oħra ta’ dħul, minn:

(a)

sussidju mill-Unjoni mdaħħal fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea (Taqsima tal-Kummissjoni);

(b)

kontribuzzjoni mill-pajjiżi assoċjati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen u l-miżuri relatati mal-Eurodac;

(c)

kwalunkwe kontribuzzjoni finanzjarja mill-Istati Membri.

2.   L-infiq tal-Aġenzija għandu jinkludi, fost l-oħrajn, ir-rimunerazzjoni tal-persunal, l-ispejjeż amminstrattivi u infrastrutturali, l-ispejjeż operattivi u l-infiq relatat ma’ kuntratti jew ftehimiet konklużi mill-Aġenzija. Kull sena d-Direttur Eżekuttiv għandu jfassal, b’kont meħud tal-attivitajiet imwettqin mill-Aġenzija, abbozz ta’ dikjarazzjoni tal-estimi tad-dħul u tal-infiq tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja ta’ wara, flimkien ma’ tabella tal-persunal u għandu jgħaddihom lill-Bord ta’ Tmexxija.

3.   Għandu jkun hemm bilanċ bejn id-dħul u l-infiq tal-Aġenzija.

4.   Il-Bord ta’ Tmexxija, abbażi ta’ abbozz imfassal mid-Direttur Eżekuttiv, għandu jadotta abbozz ta’ dikjarazzjoni tal-estimi tad-dħul u l-infiq tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja ta’ wara.

5.   L-abbozz ta’ dikjarazzjoni tal-estimi tad-dħul u l-infiq tal-Aġenzija u l-linji gwida ġenerali li fuqhom huma bbażati l-estimi, għandhom jiġu trasmessi mill-Bord ta’ Tmexxija lill-Kummissjoni u lill-pajjiżi assoċjati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen u l-miżuri relatati mal-Eurodac sal-10 ta’ Frar ta’ kull sena u d-dikjarazzjoni finali tal-estimi sal-31 ta’ Marzu kull sena.

6.   Sal-31 ta’ Marzu ta’ kull sena, il-Bord ta’ Tmexxija għandu jippreżenta lill-Kummissjoni u lill-awtorità baġitarja:

(a)

l-abbozz ta’ programm ta’ ħidma annwali tiegħu;

(b)

il-Pjan plurriennali aġġornat tiegħu dwar il-Politika tal-Persunal, stabbilit f’konformità mal-linji gwida stabbiliti mill-Kummissjoni,

(c)

informazzjoni dwar in-numru ta’ uffiċjali, persunal temporanju u kuntrattwali kif iddefinit fir-Regolamenti tal-Persunal għas-snin n-1 u n kif ukoll l-estimi għas-sena n + 1;

(d)

informazzjoni dwar il-kontribuzzjonijiet in natura mogħtija mill-Istat Membri ospitanti lill-Aġenzija;

(e)

estimu tal-bilanċ tal-kont tar-riżultat għas-sena n-1.

7.   Id-dikjarazzjoni tal-estimi għandha tintbagħat mill-Kummissjoni lill-awtorità baġitarja flimkien mal-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

8.   Abbażi tad-dikjarazzjoni tal-estimi, il-Kummissjoni għandha ddaħħal fl-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea, l-estimi li tqis meħtieġa għat-tabella tal-persunal u l-ammont tas-sussidju li għandu jitħallas mill-baġit ġenerali, li hija għandha tpoġġi quddiem l-awtorità baġitarja f’konformità mal-Artikolu 314 TFUE.

9.   L-awtorità baġitarja għandha tawtorizza l-approprjazzjonijiet għas-sussidju lill-Aġenzija. L-awtorità baġitarja għandha tadotta t-tabella tal-persunal għall-Aġenzija.

10.   Il-baġit tal-Aġenzija għandu jiġi adottat mill-Bord ta’ Tmexxija. Huwa għandu jsir finali wara l-adozzjoni finali tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea. Fejn adatt, huwa għandu jkun aġġustat kif meħtieġ.

11.   Kwalunkwe modifika għall-baġit, inkluża t-tabella tal-persunal, għandha ssegwi l-istess proċedura.

12.   Il-Bord ta’ Tmexxija għandu, malajr kemm jista’ jkun, jinnotifika lill-awtorità baġitarja dwar l-intenzjoni tiegħu biex jimplimenta kwalunkwe proġett li jista’ jkollu implikazzjonijiet finanzjarji sinifikanti għall-finanzjament tal-baġit tiegħu, b’mod partikolari kwalunkwe proġett relatat mal-proprjetà bħall-kiri jew ix-xiri ta’ bini. Huwa għandu jinforma b’dan lill-Kummissjoni kif ukoll lill-pajjiżi assoċjati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen u l-miżuri relatati mal-Eurodac. Jekk xi waħda mill-fergħat tal-awtorità baġitarja jkun biħsiebha toħroġ opinjoni, fi żmien ġimagħtejn mill-wasla tal-informazzjoni dwar il-proġett, hija għandha, tinnotifika lill-Bord ta’ Tmexxija dwar l-intenzjoni tagħha li toħroġ it-tali opinjoni. Fin-nuqqas ta’ tweġiba, l-Aġenzija tkun tista’ tipproċedi bl-operat ippjanat.

Artikolu 33

Implimentazzjoni tal-baġit

1.   Il-baġit tal-Aġenzija għandu jkun implimentat mid-Direttur Eżekuttiv tagħha.

2.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat annwalment lill-awtorità baġitarja kwalunkwe informazzjoni rilevanti għall-eżitu tal-proċeduri ta’ evalwazzjoni.

3.   L-Uffiċjal tal-Kontabbiltà tal-Aġenzija għandu jibgħat lill-Uffiċjal tal-Kontabbiltà tal-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri l-kontabbiltà proviżorja tal-Aġenzija sal-1 ta’ Marzu tas-sena ta’ wara, flimkien mar-rapport dwar l-amministrazzjoni baġitarja u finanzjarja matul is-sena. L-Uffiċjal tal-Kontabbiltà tal-Kummissjoni għandu jikkonsolida l-kontijiet proviżorji tal-istituzzjonijiet u l-korpi deċentralizzati f’konformità mal-Artikolu 128 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002.

4.   L-Uffiċjal tal-Kontabbiltà tal-Aġenzija għandu jibgħat ukoll ir-rapport dwar l-amministrazzjoni baġitarja u finanzjarja lill-awtorità baġitarja sal-31 ta’ Marzu tas-sena ta’ wara.

5.   Malli jirċievi l-osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet proviżorji tal-Aġenzija, skont l-Artikolu 129 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002, id-Direttur Eżekuttiv għandu jfassal il-kontijiet finali tal-Aġenzija taħt ir-responsabbiltà proprja tiegħu u jibgħathom lill-Bord ta’ Tmexxija għal opinjoni.

6.   Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jagħti opinjoni dwar il-kontijiet finali tal-Aġenzija.

7.   Sal-1 ta’ Lulju tas-sena ta’ wara, id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat il-kontijiet finali flimkien mal-opinjoni tal-Bord ta’ Tmexxija, lill-awtorità baġitarja, l-Uffiċjal tal-Kontabbiltà tal-Kummissjoni, il-Qorti tal-Awdituri kif ukoll lill-pajjiżi assoċjati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen u l-miżuri relatati mal-Eurodac.

8.   Il-kontijiet finali għandhom jiġu ppubblikati.

9.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat lill-Qorti tal-Awdituri tweġiba għall-osservazzjonijiet tiegħu sat-30 ta’ Settembru. Id-Direttue Eżekuttiv għandu wkoll jibgħat dik it-tweġiba lill-Bord ta’ Tmexxija.

10.   Fuq it-talba tal-Parlament Ewropew, id-Direttur Eżekuttiv għandu jippreżenta l-informazzjoni meħtieġa sabiex tiġi applikata bla xkiel il-proċedura ta’ kwittanza għas-sena finanzjarja inkwisjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 146(3) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002.

11.   Fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill filwaqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, qabel il-15 ta’ Mejju tas-sena n + 2, il-Parlament Ewropew għandu jagħti kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv rigward l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena n.

Artikolu 34

Regoli finanzjarji

Ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-Aġenzija għandhom jiġu adottati mill-Bord ta’ Tmexxija wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni. Huma ma għandhomx jiddevjaw mir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002 għajr jekk din id-devjazzjoni tkun meħtieġa speċifikament għall-operat tal-Aġenzija u l-Kummissjoni tkun tat il-kunsens tagħha bil-quddiem.

Artikolu 35

Ġlieda kontra l-frodi

1.   Sabiex jiġu miġġielda l-frodi, il-korruzzjoni u attivitajiet illegali oħra, ir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 għandhom japplikaw.

2.   L-Aġenzija għandha tkun parti mill-Ftehim Interistituzzjonali dwar investigazzjonijiet interni mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) u mingħajr dewmien, għandha toħroġ id-dispożizzjonijiet adatti applikabbli għall-impjegati kollha tal-Aġenzija.

3.   Id-deċiżjonijiet dwar il-finanzjament u l-ftehimiet ta’ implimentazzjoni u l-istrumenti li jirriżultaw minnhom għandhom jistipulaw espliċitament li l-Qorti tal-Awdituri u l-OLAF jistgħu jwettqu, jekk meħtieġ, kontrolli fuq il-post fost dawk li jirċievu finanzjament mill-Aġenzija u l-aġenti responsabbli għall-allokazzjoni tiegħu.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 36

Azzjonijiet preparatorji

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-istabbiliment u l-operat inizjali tal-Aġenzija sakemm din tal-aħħar ikollha l-kapaċità operattiva biex timplimenta l-baġit proprju tagħha.

2.   Għal dak il-fini, sakemm id-Direttur Eżekuttiv jassumi d-dmirijiet tiegħu wara l-ħatra tiegħu mill-Bord ta’ Tmexxija f’konformità mal-Artikolu 18, il-Kummissjoni tista’ tassenja numru limitat ta’ uffiċjali inkluż wieħed biex iwettaq il-funzjonijiet tad-Direttur Eżekuttiv, fuq bażi interim. Id-Direttur Eżekuttiv interim jista’ jiġi assenjat biss hekk kif jitlaqqa’ l-Bord ta’ Tmexxija, f’konformità mal-Artikolu 13(2).

Jekk id-Direttur Eżekuttiv interim ma jikkonformax mal-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament, il-Bord ta’ Tmexxija jista’ jitlob lill-Kummissjoni biex tassenja Direttur Eżekuttiv interim ġdid.

3.   Id-Direttur Eżekuttiv interim jista’ jawtorizza l-ħlasijiet kollha koperti mill-krediti pprovduti fil-baġit tal-Aġenzija, ladarba jkunu approvati mill-Bord ta’ Tmexxija u jista’ jikkonkludi kuntratti, inklużi kuntratti tal-persunal wara l-adozzjoni tat-tabella tal-persunal tal-Aġenzija. Jekk ikun ġustifikat, il-Bord ta’ Tmexxija jista’ jimponi restrizzjonijiet fuq is-setgħat tad-Direttur Eżekuttiv interim.

Artikolu 37

Parteċipazzjoni mill-pajjiżi assoċjati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen u miżuri relatati mal-Eurodac

Skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni tagħhom, għandhom isiru arranġamenti sabiex, fost l-oħrajn, jiġu speċifikati n-natura u l-ambitu tar-regoli dettaljati, għall-parteċipazzjoni mill-pajjiżi assoċjati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen u miżuri relatati mal-Eurodac fil-ħidma tal-Aġenzija, inklużi dispożizzjonijiet dwar il-kontribuzzjonijiet finanzjarji, il-persunal u d-drittijiet għall-vot.

Artikolu 38

Dħul fis-seħħ u applikabbiltà

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Aġenzija għandha tassumi r-responsabbiltajiet tagħha stabbiliti fl-Artikoli 3 sa 9 mill-1 ta’ Diċembru 2012.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Strasburgu, il-25 ta’ Ottubru 2011.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kunsill

Il-President

M. DOWGIELEWICZ


(1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Lulju 2011 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Settembru 2011.

(2)  ĠU L 381, 28.12.2006, p. 4.

(3)  ĠU L 205, 7.8.2007, p. 63.

(4)  ĠU L 213, 15.6.2004, p. 5.

(5)  ĠU L 218, 13.8.2008, p. 60.

(6)  ĠU L 316, 15.12.2000, p. 1.

(7)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 407/2002 tat-28 ta’ Frar 2002 li jistabbilixxi ċerti regoli biex jimplimetaw ir-Regolament ta-Kunsill (KE) Nru 2725/2000 dwar l-istabbiliment ta’ Eurodac għat-tqabbil ta’ marki tas-swaba għall-applikazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni ta’ Dublin (ĠU L 62, 5.3.2002, p. 1).

(8)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(9)  ĠU L 218, 13.8.2008, p. 129.

(10)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(11)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(12)  ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.

(13)  ĠU L 136, 31.5.1999, p. 1.

(14)  ĠU L 136, 31.5.1999, p. 15.

(15)  ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1.

(16)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

(17)  ĠU L 66, 8.3.2006, p. 38.

(18)  ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43.

(19)  ĠU L 333, 17.12.2010, p. 58

(20)  ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20.

(21)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(22)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31.

(23)  ĠU L 93, 3.4.2001, p. 40.

(24)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

(25)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1.

(26)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 5.

(27)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

(28)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19.

(29)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 39.

(30)  ĠU 17, 6.10.1958, p. 385/58.

(31)  ĠU L 317, 3.12.2001, p. 1.


Top