EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R0013

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 13/2009 tat- 18 ta' Diċembru 2008 li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni u (KE) Nru 1234/2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Regolament Waħdieni dwar l-OKS) biex tiġi stabbilita Skema ta’ Frott għall-Iskejjel

OJ L 5, 9.1.2009, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 03 Volume 061 P. 48 - 51

No longer in force, Date of end of validity: 30/06/2015

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/13/oj

9.1.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 5/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 13/2009

tat-18 ta' Diċembru 2008

li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni u (KE) Nru 1234/2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Regolament Waħdieni dwar l-OKS) biex tiġi stabbilita Skema ta’ Frott għall-Iskejjel

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 36 u 37 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1182/2007 (2), li jistabbilixxi regoli speċifiċi rigward is-settur tal-frott u l-ħaxix, ippreveda riforma wiesgħa f’dak is-settur sabiex tiġi promossa l-kompettività u l-orjentament tiegħu u sabiex iqarrbu iktar lejn il-bqija tal-politika agrikola komuni (PAK) riformata. Wieħed mill-objettivi ewlenin tar-reġim riformat hu li jitreġġa’ lura it-tnaqqis fil-konsum tal-frott u l-ħaxix.

(2)

Hu mixtieq li jiġi indirizzat il-konsum baxx tal-frott u l-ħaxix fost it-tfal billi jiżdied għal żmien twil is-sehem tal-frott u l-ħaxix fid-dieti tat-tfal fl-istadju meta jkunu qed jissawru d-drawwiet tagħhom tal-ikel. Il-forniment tal-għajnuna Komunitarja taħt Skema tal-Frott għall-Iskejjel sabiex jiġu pprovduti prodotti tal-frott, tal-ħaxix u tal-banana lit-tfal fi stabbilimenti edukattivi għandu jnissel fil-konsumaturi tfal l-apprezzament għall-frott u l-ħaxix u b’hekk itejjeb il-konsum futur. Bħala riżultat, l-Iskema ta’ Frott għall-Iskejjel tilħaq l-objettivi tal-PAK, inklużi l-promozzjoni tal-qligħ fl-agrikoltura, l-istabbilizzazzjoni tas-swieq u d-disponibbiltà tal-provvisti attwali kif ukoll futuri.

(3)

Skont l-Artikolu 35(b) tat-Trattat, tista’ ssir dispożizzjoni għal miżuri konġunti fil-qafas tal-PAK, bħal pereżempju Skema ta’ Frott għall-Iskejjel, sabiex tippromwovi l-konsum ta’ ċerti prodotti.

(4)

Barra dan, l-Artikolu 152(1) tat-Trattat jeħtieġ li “livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa umana għandu jkun assigurat fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki kollha Komunitarji”. Il-benefiċċji ċari għas-saħħa ta’ Skema ta’ Frott għall-Iskejjel jindikaw li hija arranġament li għandhom jiġu integrati fl-implimentazzjoni tal-PAK.

(5)

Għalhekk għandha ssir dispożizzjoni għal għajnuna Komunitarja biex tikkofinanzja l-provvista lil tfal fi stabbilimenti edukattivi ta’ ċerti prodotti sani fis-setturi tal-frott u l-ħaxix, frott u ħaxix ipproċessat u tal-banana u wkoll biex tikkoofinanzja ċerti spejjeż relatati mal-loġistika, id-distribuzzjoni, it-tagħmir, il-komunikazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni.

(6)

L-Iskema Komunitarja ta’ Frott għall-Iskejjel għandha tkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe skema nazzjonali ta’ frott għall-iskejjel li tirrispetta l-liġi Komunitarja, sabiex jinżammu l-benefiċċji ta’ skemi bħal dawn. Għandha tirrispetta d-diversità tas-sistemi edukattivi tal-Istati Membri. Għalhekk, l-istabbilimenti edukattivi li jibbenifikaw mill-Iskema ta’ Frott għall-Iskejjel jistgħu jinkludu skejjel tat-trabi, stabbilimenti oħrajn ta’ qabel l-iskola, skejjel primarji u sekondarji.

(7)

L-Istati Membri li huma lesti li jipparteċipaw fl-Iskema ta’ Frott għall-Iskejjel għandhom ikunu jistgħu, minbarra l-għajnuna Komunitarja, jagħtu għajnuna nazzjonali għall-provvista tal-prodotti sani u għal ċerti spejjeż relatati. Miżuri ta’ akkumpanjament ser ikunu meħtieġa sabiex l-iskema tkun effettiva, li fir-rigward tal-finanzjament tagħhom l-Istati Membri għandhom għalhekk jkunu jistgħu jagħtu għajnuna nazzjonali. Fid-dawl tar-restrizzjonijiet baġitarji, l-Istati Membri għandu jkollhom l-ħila li jbiddlu l-kontribuzzjoni finanzjarja tagħhom għall-Iskema ta’ Frott għall-Iskejjel b’kontribuzzjonijiet mis-settur privat.

(8)

Sabiex jiżguraw implimentazzjoni ordnata tal-Iskema ta’ Frott għall-Iskejjel, l-Istati Membri, fil-livell nazzjonali jew reġjonali, li jixtiequ jagħmlu użu minnha għandhom ifasslu strateġija minn qabel.

(9)

L-Iskema m’għandhiex tkopri prodotti mhux sani li fihom, pereżempju, persentaġġ għoli ta’ xaħam jew zokkor miżjud. Għalhekk il-Kummissjoni għandha tfassal lista ta’ prodotti jew ingredjenti li għandhom ikunu esklużi mill-Iskema ta’ Frott għall-Iskejjel. Altrimenti, m’għandux ikun hemm indħil bla bżonn fid-diskrezzjoni tal-Istati Membri fir-rigward tal-għażla tagħhom ta’ prodotti. B’hekk huma għandhom ikunu jistgħu jibbażaw l-għażla tagħhom ta’ prodotti eliġibbli fuq kriterji oġġettivi inklużi l-istaġjonalità, id-disponibbiltà ta’ prodotti u l-kwistjonijiet ta’ tħassib ambjentali. F’dan ir-rigward, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jagħtu preferenza għal prodotti ta’ oriġini Komunitarja. Biex ikunu ċari, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-lista ta’ prodotti eliġibbli taħt l-iskema tagħhom meta jfasslu l-istrateġiji tagħhom.

(10)

Fl-interess ta’ amministrazzjoni u ġestjoni baġitarja sodi, l-Istati Membri li jipparteċipaw fl-iskema għandhom japplikaw kull sena għal għajnuna Komunitarja. Wara t-talbiet tal-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-allokazzjonijiet definittivi, skont l-approprjazzjonijiet disponibbli fil-baġit.

(11)

L-għajnuna Komunitarja għandha tkun allokata lil kull Stat Membru abbażi ta’ kriterji oġġettivi msejsa fuq il-proporzjon ta’ tfal tagħhom fil-grupp ta’ mira ċentrali ta’ bejn is-sitta u l-għaxar snin. Dan il-grupp ta’ din l-età ntgħażel minħabba raġunijiet baġitarji, iżda wkoll minħabba li d-drawwiet tal-ikel jissawru f’eta żgħira. Madankollu, id-daqs demografiku limitat ta’ Stat Membru m’għandux iżommu milli jimplimenta skema kost effettiva. Għalhekk, kull Stat Membru parteċipanti għandu jirċievi ammont minimu speċifikat ta’ għajnuna Komunitarja.

(12)

Sabiex tiġi żgurata ġestjoni baġitarja soda, għandhom jiġu previsti limitu fiss ta’ għajnuna Komunitarja u rati massimi ta’ kofinanzjament u l-kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja għall-iskema għandha tiżdied mal-lista ta’ miżuri eliġibbli għall-finanzjament tal-FAEG stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta’ Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni (3).

(13)

Wara li jkunu kkunsidrati id-diffikultajiet soċjali, strutturali u ekonomiċi tagħhom, ikun xieraq li tkun prevista rata ogħla ta’ kofinanzjament fir-reġjuni eliġibbli taħt l-objettiv ta’ Konverġenza skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni (4), u fir-reġjuni l-aktar ‘il bogħod msemmijin fl-Artikolu 299(2) tat-Trattat.

(14)

Sabiex ma titnaqqasx l-effikaċja ġenerali tal-Iskema ta’ Frott għall-Iskejjel, l-għajnuna Komunitarja m’għandhiex tintuża biex tissostitwixxi l-finanzjament għal kwalunkwe skema nazzjonali eżistenti ta’ frott għall-iskejjel jew skemi oħrajn ta’ distribuzzjoni fl-iskejjel li jinkludu l-frott. Madankollu, il-kisbiet eżistenti tal-Istati Membri fl-introduzzjoni ta’ skemi nazzjonali ta’ frott għall-iskejjel għandhom jinżammu. Għalhekk, l-għajnuna Komunitarja għandha madankollu tkun disponibbli jekk Stat Membru biħsiebu li jestendi jew li jrendi aktar effettiva l-iskema diġà attwata li tkun normalment eliġibbli, bil-kondizzjoni li jiġu osservati ċerti rati massimi ta’ kofinazjament fir-rigward tal-proporzjon ta’ għajnuna Komunitarja għall-finanzjament nazzjonali totali. F’dan il-każ, l-Istat Membru għandu jindika fl-istrateġija tiegħu kif huwa biħsiebu jestendi l-iskema tiegħu jew jagħmilha aktar effettiva.

(15)

Sabiex tippermetti li jkun hemm żmien għall-implimentazzjoni bla xkiel tal-Iskema, din għandha tapplika mis-sena skolastika 2009-2010. Għandu jintbagħat rapport dwar l-implimentazzjoni tagħha wara tliet snin.

(16)

Sabiex tagħmel l-iskema aktar effettiva, il-Komunità għandha tkun tista’ tiffinanzja l-miżuri ta’ informazzjoni, monitoraġġ u evalwazzjoni li għandhom l-għan li jqajmu sensibilizzazzjoni pubblika dwar, u miżuri ta’ netwerking relatati mal-Iskema ta’ Frott għall-Iskejjel u l-objettivi tagħha. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Komunità li tikkofinanzja, fil-qafas tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008 (5), il-miżuri ta’ akkumpanjament meħtieġa biex titqajjem sensibilizzazzjoni dwar l-effetti pożittivi għas-saħħa mill-konsum ta’ frott u ħaxix.

(17)

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Iskema tal-Frott għall-Iskejjel, inklużi regoli li jikkonċernaw l-allokazzjoni tal-għajnuna bejn l-Istati Membri, il-ġestjoni finanzjarja u baġitarja, l-istrateġiji nazzjonali, l-ispejjeż relatati, miżuri ta’ akkumpanjament u ta’ informazzjoni, ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni u ta’ netwerking.

(18)

Id-dispożizzjonijiiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1182/2007 ġew integrati fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 (6) b’effett mill-1 ta’ Lulju 2008 bir-Regolament (KE) Nru 361/2008 (7).

(19)

Ir-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 1234/2007 għandhom għalhekk jiġu emendati kif meħtieġ,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emenda tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005

Fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005, għandu jiżdied il-punt li ġej:

“(f)

il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità għall-Iskema ta’ Frott għall-Iskejjel kif imsemmi fl-Artikolu 103ga(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 (*).

Artikolu 2

Emenda tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007

Ir-Regolament (KE) Nru 1234/2007 huwa b’dan emendat kif ġej:

(1)

Fit-Taqsima IVa tal-Kapitolu IV tat-Titolu I tal-Parti II:

(a)

is-subtaqsima li ġejja għandha tiddaħħal wara l-Artikolu 103g:

“Subtaqsima IIa

Skema Ta’ Frott Għall-Iskejjel

Artikolu 103ga

Għajnuna għall-provvista tal-prodotti tal-frott u l-ħaxix, frott u ħaxix ipproċessat u tal-banana lit-tfal

1.   Taħt kondizzjonijiet li għandhom ikunu stabbiliti mill-Kummissjoni, mis-sena skolastika 2009-2010 ‘l quddiem, l-għajnuna Komunitarja għandha tingħata għal:

(a)

il-provvista, lit-tfal fi stabbilimenti edukattivi, inklużi skejjel tat-trabi, stabbilimenti oħrajn ta’ qabel l-iskola, skejjel primarji u sekondarji, ta’ prodotti tas-setturi tal-frott u l-ħaxix, frott u ħaxix ipproċessat, u tal-banana; u

(b)

ċerti spejjeż ta’ loġistika relatati ma’ distribuzzjoni, tagħmir, komunikazzjoni, monitoraġġ u evalwazzjoni.

2.   L-Istati Membri, fil-livell nazzjonali jew reġjonali, li jixtiequ jipparteċipaw fl-iskema għandhom ifasslu strateġija minn qabel għall-implimentazzjoni tagħha li jkun fiha, b’mod partikolari, il-baġit tal-iskema tagħhom inklużi: il-kontribuzzjonijiet Komunitarji u nazzjonali, it-tul ta’ żmien, il-grupp ta’ mira, il-prodotti eliġibbli u l-involviment tal-partijiet interessati rilevanti. Huma għandhom jipprevedu wkoll il-miżuri ta’ akkumpanjament meħtieġa biex jagħmlu l-iskema effettiva.

3.   Fit-tfassil tal-istrateġiji tagħhom, l-Istati Membri għandhom ifasslu lista ta’ prodotti tas-setturi tal-frott u l-ħaxix, frott u ħaxix ipproċessat, u tal-banana li jkunu eliġibbli taħt l-iskemi rispettivi tagħhom. Madankollu, din il-lista m’għandhiex tinkludi prodotti esklużi b’miżura adottata mill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 103h(f). Huma għandhom jagħżlu l-prodotti tagħhom abbażi ta’ kriterji oġġettivi li jistgħu jinkludu l-istaġjonalità, id-disponibbiltà ta’ prodotti u l-kwistjonijiet ta’ tħassib ambjentali. F’dan ir-rigward, l-Istati Membri jistgħu jagħtu preferenza għal prodotti ta’ oriġini Komunitarja.

4.   L-għajnuna Komunitarja msemmija fil-paragrafu 1 m’għandha la:

(a)

teċċedi l-EUR 90 miljun kull sena skolastika, u lanqas

(b)

teċċedi 50 % tal-ispejjeż tal-provvista u tal-ispejjeż relatati msemmija fil-paragrafu 1, jew 75 % ta’ dawn l-ispejjeż fir-reġjuni eliġibbli taħt l-Objettiv ta’ Konverġenza skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni (**), u fir-reġjuni l-aktar ‘il bogħod imsemmija fl-Artikolu 299(2) tat-Trattat, u lanqas

(ċ)

tkopri spejjeż oħrajn għajr l-ispejjeż tal-provvista u l-ispejjeż relatati msemmija fil-paragrafu 1.

5.   L-għajnuna Komunitarja msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun allokata lil kull Stat Membru abbażi ta’ kriterji oġġettivi bbażati fuq il-proporzjon tagħhom ta’ tfal bejn is-sitta u l-għaxar snin. Madankollu, l-Istati Membri li jipparteċipaw fl-iskema għandhom jirċievu mill-inqas EUR 175 000 ta’ għajnuna Komunitarja kull wieħed. L-Istati Membri li jipparteċipaw fl-iskema għandhom japplikaw kull sena għall-għajnuna Komunitarja abbażi tal-istrateġija tagħhom. Wara t-talbiet tal-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-allokazzjonijiet definittivi, skont l-approprjazzjonijiet disponibbli fil-baġit.

6.   L-għajnuna Komunitarja msemmija fil-paragrafu 1 m’għandhiex tintuża biex tissostitwixxi l-finanzjament għal kwalunkwe skema nazzjonali eżistenti ta’ frott għall-iskejjel jew skemi oħrajn ta’ distribuzzjoni fl-iskejjel li jinkludu l-frott. Madankollu, jekk Stat Membru diġà jkollu skema stabbilita li tkun eliġibbli għall-għajnuna Komunitarja taħt dan l-Artikolu u biħsiebu jestendiha jew jagħmilha aktar effettiva, inkluż fir-rigward tal-grupp ta’ mira tal-iskema, it-tul ta’ żmien tagħha jew il-prodotti eliġibbli, l-għajnuna Komunitarja tista’ tingħata bil-kondizzjoni li l-limiti tal-paragrafu 4(b) ikunu osservati fir-rigward tal-proporzjon ta’ għajnuna Komunitarja għall-kontribuzzjoni totali nazzjonali. F’dan il-każ, l-Istat Membru għandu jindika fl-istrateġija tiegħu kif huwa biħsiebu jestendi l-iskema tiegħu jew jagħmilha aktar effettiva.

7.   L-Istati Membri jistgħu, minbarra l-għajnuna Komunitarja, jagħtu għajnuna nazzjonali għall-provvista tal-prodotti u l-ispejjeż relatati kif imsemmija fil-paragrafu 1. Dawn l-ispejjeż jistgħu jkunu koperti wkoll bil-kontribuzzjonijiet mis-settur privat. L-Istati Membri jistgħu jagħtu wkoll għajnuna nazzjonali għall-finanzjament tal-miżuri ta’ akkumpanjament kif imsemmija fil-paragrafu 2.

8.   L-Iskema tal-Komunità ta’ Frott għall-Iskejjel għandha tkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe skema nazzjonali distinta ta’ frott għall-iskejjel li tkun kompatibbli mal-liġi tal-Komunità.

9.   Il-Komunità tista’ tiffinanzja wkoll, taħt l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005, miżuri ta’ informazzjoni, monitoraġġ u evalwazzjoni fir-rigward tal-Iskema ta’ Frott għall-Iskejjel, li jinkludu s-sensibilizzazzjoni pubblika dwarha, u miżuri ta’ netwerking relatati.

(**)  ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25.”;"

(b)

l-intestatura li ġejja għandha tiddaħħal qabel l-Artikolu 103h:

“Subtaqsima III

Dispożizzjonijiet proċedurali”;

(ċ)

fl-Artikolu 103h, għandu jiżdied il-punt li ġej:

“(f)

dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-Iskema ta’ Frott għall-Iskejjel kif imsemmija fl-Artikolu 103ga, li jinkludu: lista ta’ prodotti jew ingredjenti li għandhom ikunu esklużi mill-Iskema ta’ Frott għall-Iskejjel, l-allokazzjoni definittiva tal-għajnuna bejn l-Istati Membri, il-ġestjoni finanzjarja u baġitarja, u l-ispejjeż relatati, l-istrateġiji tal-Istati Membri, miżuri ta’ akkumpanjament u ta’ informazzjoni, ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni u ta’ netwerking.”.

(2)

Fl-Artikolu 180, “Artikolu 103ga” għandu jiddaħħal qabel “Artikolu 182”.

(3)

Fl-Artikolu 184, għandu jiddaħħal il-punt li ġej:

“5.

qabel il-31 ta’ Awwissu 2012 lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-applikazzjoni tal-Iskema ta’ Frott għall-Iskejjel prevista fl-Artikolu 103ga, akkumpanjat, jekk ikun meħtieġ, bi proposti adatti. Ir-rapport għandu partikolarment jindirizza l-kwistjonijiet ta’ kemm l-iskema ppromwoviet l-istabbiliment ta’ Skemi ta’ Frott għall-Iskejjel li jiffunzjonaw tajjeb fl-Istati Membri u l-impatt tal-Iskema fuq it-titjib tad-drawwiet tal-ikel tat-tfal.”.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 18 ta’ Diċembru 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

M. BARNIER


(1)  L-Opinjoni tat-18 ta’ Novembru 2008, għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

(2)  ĠU L 273, 17.10.2007, p. 1.

(3)  ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1.

(4)  ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25.

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008 tas-17 ta’ Diċembru 2007 dwar azzjonijiet ta’ informazzjoni u promozzjoni għall-prodotti agrikoli fis-suq intern u fil-pajjiżi terzi (ĠU L 3, 5.1.2008, p. 1).

(6)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(7)  ĠU L 121, 7.5.2008, p. 1.


Top