EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R0587

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 587/2008 tas- 16 ta’ Ġunju 2008 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 866/2004 dwar reġim skond l-Artikolu 2 tal-Protokoll 10 ma’ l-Att ta’ l-Adeżjoni rigward ir-regoli dwar l-oġġetti, is-servizzi u l-persuni li jaqsmu l-Linja l-Ħadra f’Ċipru

ĠU L 163, 24.6.2008, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/587/oj

24.6.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 163/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 587/2008

tas-16 ta’ Ġunju 2008

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 866/2004 dwar reġim skond l-Artikolu 2 tal-Protokoll 10 ma’ l-Att ta’ l-Adeżjoni rigward ir-regoli dwar l-oġġetti, is-servizzi u l-persuni li jaqsmu l-Linja l-Ħadra f’Ċipru

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 10 dwar Ċipru (1) għall-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-2003, u b’mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 3 dwar l-Arei ta’ Bażi Sovrani tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq f’Ċipru (2) ta’ l-imsemmi Att ta’ Adeżjoni, u b’mod partikolari l-Artikolu 6 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 866/2004 (3) jistabbilixxi regoli speċjali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ oġġetti, servizzi u persuni li jaqsmu l-linja bejn iż-żoni tar-Repubblika ta’ Ċipru fejn il-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru ma jeżerċitax kontroll effettiv u dawk iż-żoni tar-Repubblika ta’ Ċipru fejn il-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru jeżerċita kontroll effettiv.

(2)

Fid-dawl ta’ l-esperjenza miksuba minn meta daħal fis-seħħ ir-Regolament (KE) Nru 866/2004 inklużi l-emendi preċedenti, jeħtieġ li titjieb l-interazzjoni ekonomika u kummerċjali fuq il-gżira.

(3)

Għal dak il-għan, id-dazji fuq il-prodotti agrikoli li joriġinaw miż-żoni tar-Repubblika ta’ Ċipru fejn il-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru ma jeżerċitax kontroll effettiv ġeneralment għandhom jitneħħew. Biex dak ikun jista’ jsir, il-klawsola ta’ salvagwardja fir-Regolament (KE) Nru 866/2004 jeħtieġ li tissaħħaħ.

(4)

Għandu jiġi rregolat id-dħul temporanju ta’ oġġetti miż-żoni tar-Repubblika ta’ Ċipru fejn il-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru ma jeżerċitax kontroll effettiv għaż-żoni tar-Repubblika ta’ Ċipru fejn il-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru jeżerċita kontroll effettiv, sabiex tkun inkoraġġita l-provvista ta’ servizzi minn kumpaniji stabbiliti fiż-żoni tar-Repubblika ta’ Ċipru fejn il-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru ma jeżerċitax kontroll effettiv lil hinn mil-linja u sabiex tkun iffaċilitata l-parteċipazzjoni minn dawk il-kumpaniji f’fieri kummerċjali jew f’avvenimenti simili f’żoni tar-Repubblika ta’ Ċipru fejn il-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru jeżerċita kontroll effettiv. Barra dan, l-oġġetti maħsuba biex jissewwew fiż-żoni tar-Repubblika ta’ Ċipru fejn il-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru jeżerċita kontroll effettiv għandhom jitħallew jaqsmu l-linja.

(5)

Għandha tiġi pprovduta evidenza raġonevoli li d-dħul ta’ tali oġġetti ssir fuq bażi temporanja. L-awtoritajiet tad-dwana tar-Repubblika ta’ Ċipru jew l-awtoritajiet taż-Żona tal-Bażi Sovrana tal-Lvant jistgħu jitolbu garanzija biex ikopru kwalunkwe dejn tad-dwana jew fiskali potenzjali jekk ċerti oġġetti introdotti b’mod temporanju ma jerġgħux lura fiż-żoni tar-Repubblika ta’ Ċipru fejn il-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru ma jeżerċitax kontroll effettiv.

(6)

B’konnessjoni ma’ persuni li jaqsmu l-linja miż-żoni tar-Repubblika ta’ Ċipru fejn il-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru ma jeżerċitax kontroll effettiv għaż-żoni tar-Repubblika ta’ Ċipru fejn dak il-Gvern jeżerċita kontroll effettiv, għandu jiġi ċċarat li l-oġġetti personali tagħhom għandhom jiġu kkunsidrati li ġew idikkjarati għal-dħul temporanju. L-istess għandu japplika għall-mezzi tat-trasport.

(7)

Il-valur totali ta’ l-oġġetti li jinsabu fil-bagalji personali tal-persuni li jaqsmu l-linja miż-żoni tar-Repubblika ta’ Ċipru fejn il-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru ma jeżerċitax kontroll effettiv għaż-żoni tar-Repubblika ta’ Ċipru fejn dak il-Gvern jeżerċita kontroll effettiv jeħtieġ li jiżdied sostanzjalment biex ikun inkoraġġit l-iżvilupp ekonomiku fiż-żoni tar-Repubblika ta’ Ċipru fejn il-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru ma jeżerċitax kontroll effettiv.

(8)

Ir-Regolament (KE) Nru. 866/2004 għandu għaldaqstant jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 866/2004 huwa b’dan emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 4, il-paragrafu 2 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-oġġetti msemmija fil-paragrafu 1 m’għandhomx ikunu soġġetti għal dikjarazzjoni tad-dwana. Huma m’għandhomx ikunu soġġetti għal dazji tad-dwana jew għal ħlasijiet b’effett ekwivalenti. Sabiex jiġu żgurati kontrolli effettivi, il-kwantitajiet li jaqsmu l-linja għandhom jiġu rreġistrati.”.

(2)

L-Artikolu li ġej għandu jiddaħħal:

“Artikolu 4a

Dħul temporanju ta’ oġġetti

1.   Bl-eċċezzjoni ta’ l-oġġetti li huma soġġetti għal ħtiġiet veterinarji u fitosanitarji, l-oġġetti li ġejjin jistgħu jiddaħħlu temporanjament miż-żoni tar-Repubblika ta’ Ċipru fejn il-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru ma jeżerċitax kontroll effettiv fiż-żoni tar-Repubblika ta’ Ċipru fejn il-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipra jeżerċita kontroll effettiv:

(a)

L-oġġetti personali tal-persuni li jaqsmu l-linja meħtieġa b’mod raġonevoli għall-vjaġġ u l-oġġetti għal finijiet sportivi;

(b)

mezzi ta’ trasport;

(ċ)

tagħamir professjonali;

(d)

oġġetti destinati għat-tiswija;

(e)

oġġetti biex jiġu eżibiti jew użati f’avveniment pubbliku.

2.   L-oġġetti msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jiddaħħlu għal perijodu ta’ mhux aktar minn sitt xhur.

3.   L-oġġetti msemmija fil-paragrafu 1 ma jeħtiġux li jissodisfaw il-kondizzjonijiet imniżżlin fl-Artikolu 4(1).

4.   Jekk l-oġġetti msemmija fil-paragrafu 1 ma jerġgħux lura fiż-żoni tar-Repubblika ta’ Ċipru fejn il-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru ma jeżerċitax kontroll effettiv wara l-iskadenza tal-perijodu tad-dħul temporanju previst fil-paragrafu 2, dawn għandhom ikunu soġġetti għal konfiska mill-awtoritajiet tad-dwana tar-Repubblika ta’ Ċipru.

5.   Fl-eventwalità tad-dħul temporanju ta’ l-oġġetti msemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-Artikoli 229, 232, 579 u 581 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 (*) għandhom japplikaw mutatis mutandis.

Fl-eventwalità tad-dħul temporanju ta’ l-oġġetti msemmija fil-punti (c), (d) u (e) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, għandha tiġi segwita l-proċedura li ġejja:

(a)

l-oġġetti għandhom jiġu akkumpanjati minn dikjarazzjoni mill-persuna li tkun qed iddaħħalhom li ssemmi l-għan tad-dħul temporanju u billi tforni d-dokumentazzjoni ta’ appoġġ, kif xieraq, billi tagħti evidenza raġonevoli li l-oġġetti jaqgħu f’waħda mit-tliet kategoriji elenkati fil-punti (c), (d) u (e) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu;

(b)

l-oġġetti għandhom jiġu rreġistrati mill-awtoritajiet tad-dwana tar-Repubblika ta’ Ċipru jew mill-awtoritajiet taż-Żona tal-Bażi Sovrana tal-Lvant meta jidħlu u joħorġu miż-żoni tar-Repubblika ta’ Ċipru fejn il-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru jeżerċita kontroll effettiv jew miż-Żona tal-Bażi Sovrana tal-Lvant;

(ċ)

l-awtoritajiet doganali tar-Repubblika ta’ Ċipru u l-awtoritajiet taż-Żona tal-Bażi Sovrana tal-Lvant jistgħu jagħmlu d-dħul temporanju ta’ l-oġġetti fuq kondizzjoni li tingħata garanzija sabiex jiġi żgurat li kwalunkwe dejn tad-dwana jew fiskali li jistgħu jkunu dovuti fir-rigward ta’ dawk l-oġġetti jitħallsu.

6.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta regoli speċifiċi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 4(12).

(*)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1). Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 214/2007 (ĠU L 62, 1.3.2007, p. 6).”."

(3)

Fl-Artikolu 6, il-paragrafu 1 u l-paragrafu 2 għandhom jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

“1.   Id-Direttiva tal-Kunsill 69/169/KEE tat-28 ta’ Mejju 1969 fuq l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet stipulati b’Liġi, Regolament jew Azzjoni Amministrattiva relatata ma’ l-eżenzjoni minn taxxa fuq il-bejgħ u minn taxxa tas-sisa fuq l-importazzjoni fi vvjaġġar internazzjonali (**) u r-Regolament (KEE) Nru 918/83 tat-28 ta’ Marzu 1983 li jwaqqaf sistema Komunitarja ta’ eżenzjoniiet minn dazju doganali (***) m’għandhomx japplikaw, iżda l-oġġetti fil-bagalji personali ta’ persuni li jaqsmu l-linja għandhom jiġu eżentati mit-taxxa fuq il-bejgħ u mit-taxxa tas-sisa kif ukoll minn dazji oħra sakemm ma jkollhom l-ebda karattru kummerċjali u l-valur totali tagħhom ma jeċċedix l-EUR 260 għal kull persuna.

2.   Il-limiti kwantitattivi għall-eżenzjonijiet mit-taxxa fuq il-bejgħ u mid-dazju tas-sisa kif ukoll minn dazji oħra għandhom ikunu ta’ 40 sigarett u ta’ litru ta’ spirti għall-konsum personali.

(**)  ĠU L 133, 4.6.1969, p. 6. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2007/74/KE (ĠU L 346, 29.12.2007, p. 6)."

(***)  ĠU L 105, 23.4.1983, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 274/2008 (ĠU L 85, 27.3.2008, p. 1).”."

(4)

Fl-Artikolu 11(4), it-tieni sentenza għandha tiġi ssostitwita b’dan li ġej:

“Fl-eventwalità ta’ emerġenzi oħra, b’mod partikolari dawk ikkawżati minn irregolaritajiet, distorzjonijiet kummerċjali jew frodi, jew fejn jinħolqu ċirkostanzi eċċezzjonali oħrajn li jirrikjedu azzjoni immedjata, il-Kummissjoni tista’, f’konsultazzjoni mal-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru, tapplika minnufih il-miżuri li jkunu strettament meħtieġa biex is-sitwazzjoni tiġi rimedjata.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, 16 ta’ Ġunju 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

D. RUPEL


(1)  ĠU L 236, 23.9.2003, p. 955.

(2)  ĠU L 236, 23.9.2003, p. 940.

(3)  ĠU L 161, 30.4.2004, p. 128. Verżjoni kkoreġuta fil-ĠU L 206 tad-9.6.2004, p. 51. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1283/2005 (ĠU L 203, 4.8.2005, p. 8).


Top