EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007R0378

378/2007/KE: Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 378/2007 tas- 27 ta’ Marzu 2007 li jistabbilixxi regoli għal modulazzjoni volontarja ta' pagamenti diretti previsti fir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall- bdiewa, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1290/2005

OJ L 4M, 8.1.2008, p. 325–328 (MT)
OJ L 95, 5.4.2007, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 03 Volume 021 P. 192 - 195

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2007/378/oj

8.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

325


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 378/2007

tas-27 ta’ Marzu 2007

li jistabbilixxi regoli għal modulazzjoni volontarja ta' pagamenti diretti previsti fir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall- bdiewa, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1290/2005

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

Ċerti Stati Membri qed jiffaċċjaw diffikultajiet partikolari fil-finanzjament tal-programmi tagħhom għall-iżvilupp rurali skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 ta' l-20 ta' Settembru 2005 dwar appoġġ għall-żvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (1) Bil-ħsieb li tissaħħaħ il-politika tagħhom għall-iżvilupp rurali, dawn l-Istati Membri għandhom jingħataw il-possibiltà li japplikaw sistema ta' modulazzjoni volontarja. Din il-possibbiltà għandha tiġi offruta lil dawk l-Istati Membri fejn il-modulazzjoni volontarja hija diġà applikata skond ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1655/2004 tat-22 ta' Settembru 2004 li jistabbilixxi r-regoli għat-tranżizzjoni mis-sistema fakultattiva ta' modulazzjoni stabbilita bl-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1259/1999 għas-sistema manadatorja ta' modulazzjoni stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 (2) jew li ngħataw deroga skond l-Artikolu 70(4a) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005 mill-ħtieġa li jikkofinanzjaw l-appoġġ Komunitarju. Il-modulazzjoni volontarja għandha tieħu l-forma ta' tnaqqis ta' pagamenti diretti fit-tifsira ta' l-Artikolu 2(d) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 (3), bl-użu tal-fondi li jikkorrispondu għal dak it-tnaqqis għall-finanzjament ta' programmi għall-iżvilupp rurali skond ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005. Tnaqqis fil-pagamenti diretti applikat fir-rigward ta' modulazzjoni volontarja għandu jkun addizzjonali għal dawk li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta' modulazzjoni obbligatorja prevista fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003.

(2)

Sabiex tkun iffaċilitata l-implimentazzjoni amministrattiva tagħha, ir-regoli applikabbli għal modulazzjoni volontarja għandhom ikunu konformi ma dawk applikabbli għal modulazzjoni obbligatorja taħt l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003, inkluż il-bażi tal-kalkolu.

(3)

Sabiex jittieħed kont tas-sitwazzjoni partikolari ta' bdiewa żgħar, ammont addizzjonali ta' għajnuna għandha tingħata fil-każ ta' applikazzjoni ta' modulazzjoni volontarja kif inhu l-każ għal modulazzjoni obbligatorja. Dak l-ammont addizzjonali għandu jkun ugwali għall-ammont li jirriżulta mill-applikazzjoni ta' modulazzjoni volontarja għall-ewwel EUR 5 000 ta' pagamenti diretti, fi ħdan il-limiti li jridu jiġu ffissati mill-Kummissjoni.

(4)

Fir-rigward ta' Stati Membri fejn il-modulazzjoni volontarja hija diġà użata, l-arranġamenti l-ġodda ta' modulazzjoni volontarja stabbiliti f'dan ir-Regolament għandhom, sa fejn hu possibbli, jevitaw li jiddevjaw mill-mekkaniżmu eżistenti sabiex jevitaw li jingħata bidu għal piż amministrattiv mhux meħtieġ, indħil fl-arraġamenti ta' implimentazzjoni li ilhom fis-seħħ għal ħafna snin u li l-bdiewa adattaw fil-prattika u f'termini ekonomiċi. Għaldaqstant, jidher xieraq li Stati Membri li jkunu qed japplikaw il-modulazzjoni volontarja mad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament jingħataw id-dritt li jżommu ċerti xejriet stabbiliti sew tas-sistema attwali tagħhomwaqt li jevitaw trattament mhux ġustifikat u mhux ugwali fost il-bdiewa. Barra minn hekk, biex jiġi żgurat li l-arranġamenti l-ġodda jkunu konsistenti max-xejriet ta' implimentazzjoni ta' l-iskema ta' pagament uniku, l-applikazzjoni tar-rati ta' modulazzjoni volontarji u reġjonalment differenzjati għandha tkun disponibbli biss għal Stati Membri li japplikaw l-iskema ta' pagament uniku fil-livell reġjonali kif hu previst fl-Artikolu 58 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003.

(5)

L-użu tal-fondi li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta' modulazzjoni volontarja ma jistax ikun soġġett għal-limiti tal-kontribut tal-FAEŻR skond ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005. Għandha għaldaqstant tiġi prevista deroga minn dak ir-Regolament. Il-ftehim ta' prefinanzjament applikabbli għall-FAEŻR skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta' Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni (4) ma għandhomx japplikaw għal dawk il-fondi.

(6)

Sabiex jittieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar l-applikazzjoni ta' modulazzjoni volontarja, l-Istati Membri għandhom jagħmlu valutazzjonijiet bir-reqqa ta' l-impatt potenzjali ta' tali modulazzjoni, b'mod partikolari fir-rigward tas-sitwazzjoni ekonomika tal-bdiewa soġġetti għal tali modulazzjoni u l-effett tal-pożizzjoni komparattiva tagħhom fis-settur agrikolu. L-impatt ta' l-implimentazzjoni tal-modulazzjoni volontarja għandu jkunu monitorjat mill-qrib mill-Istati Membri li jkunu qed japplikaw il-modulazzjoni volontarja. Il-Kummissjoni għandha tkun infurmata dwar ir-riżultati tal-valutazzjoni ta' l-impatt u l-monitoraġġ bil-ħsieb għal kwalunkwe politika ulterjuri ta' żvilupp.

(7)

Il-modulazzjoni volontarja għandha titqies fil-kuntest usà tal-finanzjament Komunitarju għall-iżvilupp rurali. Il-kontribut tagħha għandu jkun analizzat fost oħrajn fid-dawl tal-valutazzjonijiet ta' l-impatt ta' l-Istati Membri. Abbażi ta' din l-analiżi, il-Kummissjoni ser tissottometti qabel it-tmiem ta' l-2008 rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jippreżenta l-esperjenza li nkisbet s'issa bl-implimentazzjoni tagħha.

(8)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' l-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (5).

(9)

L-ammonti li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-modulazzjoni volontarja għandhom jittieħdu in konsiderazzjoni meta jkun qed jiġi definit il-limitu annwali għall-ispiża ffinanzjata mill-Fond Ewropew ta' Garanzija Agrikolu u l-possibiltà li jiġu adottati regoli dettaljati b'mod partikolari rigward il-modulazzjoni volontarja għandhom jiġu nklużi fir-Regolament (KE) Nru 1290/2005.

(10)

Ir-Regolament (KE) Nru 1290/2005 għandu għaldaqstant jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

MODULAZZJONI VOLONTARJA

Artikolu 1

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003, l-Istati Membri

(a)

fejn mad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament is-sistema tat-tnaqqis addizzjonali ta' pagamenti diretti msemmija fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 1655/2004 tiġi applikata, jew

(b)

li ngħataw deroga bis-saħħa ta' l-Artikolu 70(4a) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005 mill-ħtieġa ta' ko-fianazjament ta' l-appoġġ Komunitarju,

jistgħu japplikaw tnaqqis, minn issa 'l quddiem imsejjaħ “modulazzjoni volontarja”, għall-ammonti kollha ta' pagamenti diretti skond it-tifsira ta' l-Artikolu 2(d) tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 li tingħata fit-territorju tagħhom f'sena kalendarja mogħtija fit-tifsira ta' l-Artikolu 2(e) ta' dak ir-Regolament, matul il-perijodu 2007-2012.

2.   L-ammonti netti li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta' modulazzjoni volontarja għandhom ikunu disponibbli fl-Istat Membru fejn kienu ġenerati bħala appoġġ Komunitarju għal miżuri taħt l-ipprogrammar ta' żvilupp rurali ffinanzjat mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali skond ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005.

3.   It-tnaqqis taħt modulazzjoni volontarja għandu jsir fuq l-istess bażi ta' kalkolu bħal dak applikabbli għal modulazzjoni skond l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003. Ammonti addizzjonali mogħtija lil bdiewa taħt l-Artikolu 12 ta' dak ir-Regolament ma għandhomx ikunu soġġetti għal tali tnaqqis.

Fil-każ ta' applikazzjoni ta' tnaqqis taħt il-modulazzjoni volontarja, il-bdiewa li jirċievu pagamenti diretti taħt ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 għandhom jingħataw ammont ta' għajnuna addizzjonali li għandu jkun ugwali għall-ammont li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-persentaġġ tat-tnaqqis għall-ewwel EUR 5 000 jew inqas ta' pagamenti diretti. Dak l-ammont addizzjonali ma għandux ikun soġġett għat-tnaqqis taħt modulazzjoni volontarja jew modulazzjoni skond l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003.

It-total ta' l-ammonti addizzjonali ta' għajnuna li jirriżultaw mill-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu li jistgħu jingħataw fi Stat Membru f'sena kalendarja ma għandhomx ikunu ogħla mil-limiti iffissati mill-Kummissjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 144(2) tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003. Fejn meħtieġ, l-Istati Membri għandhom jipproċedu għal aġġustament ta' perċentwali linearji ta' ammonti addizzjonali ta' għajnuna sabiex jiġu rispettati dawk il-limiti.

4.   Kull Stat Membru għandu japplika rata unika ta' modulazzjoni volontarja għal kull sena kalendarja. Ir-rata tista tkun soġġetta għal modifikazzjonijiet progressivi skond passi stabbiliti minn qabel. Ir-rata massima ta' tnaqqis għandha tkun ta' 20 %.

Artikolu 2

1.   Fi żmien xahrejn mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jiddeċiedu dwar u jikkomunikaw lill-Kummissjoni r-rata annwali ta' modulazzjoni volontarja li tapplika għall-perijodu 2007-2012.

2.   L-Istati Membri li bi ħsiebhom japplikaw modulazzjoni volontarja għandhom jagħmlu valutazzjoni sabiex jikkalkulaw l-impatt ta' l-applikazzjoni tal-modulazzjoni volontarja, b'mod partikolari dwar is-sitwazzjoni ekonomika tal-bdiewa kkonċernati, waqt li jieħdu kont tal-ħtieġa li jiġi evitat trattament mhux ġustifikat u mhux ugwali bejn il-bdiewa.

L-Istati Membri li bi ħsiebhom japplikaw rati li huma differenzjati reġjonalment skond l-Artikolu 3(1) għandhom ikejlu wkoll l-impatt ta' tali rati differenzjati, waqt li jieħdu kont tal-ħtieġa li jiġi evitat trattament mhux ġustifikat u mhux ugwali bejn il-bdiewa.

L-Istati Membri kkonċernati għandhom jittrasmettu l-evalwazzjonijiet ta' impatt tagħhom lill-Kummissjoni flimkien mal-komunikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 3

1.   Kwalunkwe Stat Membru fejn mad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament hija applikata s-sistema ta' tnaqqis addizzjonali ta' pagamenti diretti msemmija fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 1655/2004 hija applikata u l-iskema ta' pagament uniku hija applikata fil-livell reġjonali kif previst fl-Artikolu 58 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003, jista', għall-perijodu 2007 sa 2012 jagħżel:

(a)

b'deroga mill-Artikolu 1(3) li ma japplikax id-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu ta' dak il-paragrafu, u/jew

(b)

b'deroga mill-Artikolu 1(4), li japplika rati li huma differenzjati reġjonalment skond il-kriterji oġġettivi. Ir-rata massima għal kwalunkwe mir-reġjuni ta' kull Stat Membru kkonċernat għandha tkun ta' 20 %.

2.   B'deroga mill-Artikolu 2(1), kwalunkwe Stat Membru li japplika rati reġjonali differenzjati ta' modulazzjoni volontarja kif previst fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandu jissottometti lill-Kummissjoni, fi żmien xagħrejn mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, għall-perijodu 2007-2012, l-informazzjoni li ġejja soġġetta għal eżaminazzjoni mill-Kummissjoni:

(a)

ir-rati annwali ta' modulazzjoni volontarja għal kull reġjun u għat-territorju kollu;

(b)

l-ammonti annwali totali li għandhom jitnaqqsu taħt modulazzjoni volontarja;

(ċ)

fejn xieraq, l-ammonti addizzjonali annwali totali meħtieġa biex ikun kopert l-ammont addizzjonali ta' għajnuna msemmi fit-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 1(3);

(d)

data statistika u oħra ta' appoġġ użata biex jiġu stabbiliti l-ammonti msemmija fil-punti (b) u (ċ).

3.   Jekk meħtieġ, l-Istati Membri għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni aġġornament ta' l-ammonti msemmijin fil-paragrafi 2(b) u (ċ). Id-data aġġornata għandha tintbagħat lill-Kummissjoni qabel il-31 ta' Diċembru tas-sena li tippreċedi s-sena kalendarja li għaliha jirreferu l-ammonti fit-tifsira ta' l-Artikolu 2(e) tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003.

4.   Jekk ikunu meħtieġa mill-Kummissjoni kjarifiki dwar id-data sottomessa skond il-paragrafi 2 u 3, l-Istati Membri għandhom iwieġbu għal din it-talba fi żmien xahar.

Artikolu 4

1.   L-ammonti netti li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta' modulazzjoni volontarja għandhom ikunu fissi mill-Kummissjoni abbażi ta':

(a)

kalkolu fil-każ ta' rata unika nazzjonali ta' modulazzjoni volontarja;

(b)

fil-każ ta' Stati Membri li japplikaw rati differenzjati reġjonalment, l-ammonti komunikati mill-Istati Membri fl-applikazzjoni tagħhom kif previst fl-Artikolu 3(2) jew l-ammonti aġġornati kif previst fl-Artikolu 3(3).

Dawk l-ammonti netti għandhom jiżdiedu mat-tqassim annwali mill-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 69(4) u (5) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005.

2.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx il-limiti msemmija fl-Artikolu 70(3) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005 għall-ammonti netti miżjuda mat-tqassim annwali mill-Istati Membri skond il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

L-Artikolu 25 tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005 ma għandux japplika għall-ammonti netti miżjuda mat-tqassim annwali mill-Istati Membri skond il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 5

L-Istati Membri li japplikaw modulazzjoni volontarja u l-Kummissjoni għandhom jissorveljaw mill-qrib l-impatt ta' l-implimentazzjoni tal-modulazzjoni volontarja, b'mod partikolari dwar is-sitwazzjoni ekonomika ta' l-ażjendi, waqt li jieħdu kont tal-ħtieġa li jiġi evitat trattament mhux ġustifikat u mhux ugwali bejn il-bdiewa. Għal dan il-għan, dawk l-Istati Membri għandhom jissottomettu rapport lill-Kummissjoni sat-30 ta' Settembru 2008.

Artikolu 6

Regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' dan il-Kapitolu għandhom jiġu adottati skond:

(a)

il-proċedura msemmija fl-Artikolu 90(2) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, li għandu jkopri, partikolarment, dispożizzjonijiet għall-integrazzjoni ta' modulazzjoni volontarja fil-programmar ta' żvilupp rurali, jew, kif xieraq,

(b)

il-proċedura msemmija fl-Artikolu 41(2) tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005, li għandu jkopri, partikolarment, dispożizzjonijiet għall-amministrazzjoni finanzjarja ta' modulazzjoni volontarja u l-inkorporazzjoni tas-sistema ta' tnaqqis addizzjonali ta' pagamenti diretti msemmija fl-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1655/2004 fl-iskema prevista b'dan ir-Regolament.

Artikolu 7

Qabel il-31 ta' Diċembru 2008, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-applikazzjoni ta' modulazzjoni volontarja, flimkien ma', jekk meħtieġ, proposti xierqa.

KAPITOLU II

EMENDA GĦAR-REGOLAMENT (KE) Nru 1290/2005 U DISPOŻIZZJONI FINALI

Artikolu 8

Ir-Regolament (KE) Nru 1290/2005 hu emendat kif ġej:

1)

Fl-Artikolu 12, il-paragrafu 2 hu sostitwit b'li ġej:

“2.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-ammonti li, skond l-Artikoli 10(2), 143d u 143e tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 u l-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 378/2007 (*), huma disponibbli għall-FAEŻR.

(*)  ĠU L 95, 5.4.2007, p. 1”;"

2)

Fit-termini tal-bidu ta' l-Artikolu 42 it-tieni sentenza hi sostitwita b'dan li ġej:

“B’mod partikolari dawk ir-regoli għandhom jinkludu:”

Artikolu 9

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 27 ta’ Marzu 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

P. STEINBRÜCK


(1)  ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2012/2006 (ĠU L 384, 29.12.2006, p. 8).

(2)  ĠU L 298, 23.9.2004, p. 3

(3)  ĠU L 270, 21.10.2003, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2013/2006 (ĠU L 384, 29.12.2006, p. 13).

(4)  ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 320/2006 (ĠU L 58, 28.2.2006, p. 42).

(5)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).


Top