EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005R2111

Ir-Regolament (KE) Nru 2111/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l- 14 ta’ Diċembru 2005 dwar l-istabbiliment ta’ lista Komunitarja ta’ trasportaturi ta’ l-ajru li huma suġġetti għal projbizzjoni ta’ operar fil-Komunità u li jinforma lill-passiġġieri tat-trasport bl-ajru dwar l-identità tal- trasportatur ta’ l-ajru li topera, u li tħassar l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2004/36/KE Test b’rilevanza għaż-ŻEE.

OJ L 344, 27.12.2005, p. 15–22 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Bulgarian: Chapter 07 Volume 015 P. 92 - 99
Special edition in Romanian: Chapter 07 Volume 015 P. 92 - 99
Special edition in Croatian: Chapter 07 Volume 016 P. 9 - 16

In force: This act has been changed. Current consolidated version: 26/07/2019

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2005/2111/oj

27.12.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

15


IR-REGOLAMENT (KE) Nru 2111/2005 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

ta’ l-14 ta’ Diċembru 2005

dwar l-istabbiliment ta’ lista Komunitarja ta’ kumpanniji ta’ l-ajru li huma suġġetti għal projbizzjoni ta’ operar fil-Komunità u li jinforma lill-passiġġieri tat-trasport bl-ajru dwar l-identità tal-kumpannija ta’ l-ajru li topera, u li tħassar l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2004/36/KE

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 80(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Azzjoni mill-Komunità fil-qasam tat-trasport ta’ l-ajru għandha timmira, bħala prijorità, li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni għall-passiġġieri minn riskji ta’ sigurtà. Barra minn hekk, għandu jingħata rendikont sħiħ tar-rekwiżiti ta’ ħarsien tal-konsumatur b’mod ġenerali.

(2)

Għandha tinġieb għall-attenzjoni tal-passiġġieri lista Komunitarja ta’ kumpanniji ta’ l-ajru li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ta’ sigurtà rilevanti sabiex tiġi żgurata l-akbar trasparenza possibbli. Din il-lista Komunitarja għandha tkun ibbażata fuq kriterji komuni mfassla fuq livell Komunitarju.

(3)

Kumpanniji ta’ l-ajru inklużi fil-lista Komunitarja għandhom ikunu suġġetti għal projbizzjoni. Il-projbizzjonijiet mill-operar inklużi fil-lista Komunitarja għandhom japplikaw għat-territorju kollu ta’ l-Istati Membri li għalih japplika t-Trattat.

(4)

Kumpanniji ta’ l-ajru li ma jgawdux drittijiet tat-traffiku fi Stat Membru jew iżjed jistgħu xorta waħda jtiru lejn u mill-Komunità meta l-ajruplani tagħhom, bl-ekwipaġġ jew mingħajru, jkunu mikrija minn kumpanniji li jgawdu minn drittijiet bħal dawn. Għandu jkun hemm disposizzjoni sabiex projbizzjoni ta’ operar inkluża fil-lista Komunitarja tapplika bl-istess mod għal kumpanniji ta’ l-ajru bħal dawn, billi jekk ikun xort’oħra dawn il-kumpanniji ta’ l-ajru jkunu jistgħu joperaw fil-Komunità mingħajr ma jikkonformaw ma’ l-istandards ta’ sigurtà relevanti.

(5)

Kumpannija ta’ l-ajru li hija suġġetta għal projbizzjoni ta’ operar tista’ tingħata l-permess li teżerċita drittijiet tat-traffiku billi tuża ajruplani mikrija bl-ekwipaġġ (wet-lease) ta’ kumpannija ta’ l-ajru li mhijiex suġġetta għal projbizzjoni mill-operar, sakemm din tkun konformi ma’ l-istandards tas-siġurtà relevanti.

(6)

Il-proċedura għall-aġġornament tal-lista Komunitarja għandha tgħin biex id-deċiżjonijiet jittieħdu malajr, sabiex tiġi provduta informazzjoni adegwata u aġġornata dwar is-sigurtà lil passiġġieri ta’ l-ajru u biex jiġi ggarantit li l-kumpanniji ta’ l-ajru li rranġaw in-nuqqasijiet fis-sigurtà jitneħħew mil-lista kemm jista’ jkun malajr. Fl-istess ħin, il-proċeduri għandhom jirrispettaw id-drittijiet ta’ difiża tal-kumpanniji ta’ l-ajru u m’għandhomx ikunu ta’ ħsara għal ftehim u konvenzjonijiet internazzjonali li tagħhom l-Istati Membri jew il-Komunità huma parti, b’mod partikolari l-Konvenzjoni ta’ Chicago ta’ l-1944 dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali. Il-miżuri ta’ implimentazzjoni għal affarijiet ta’ proċedura, li jridu jiġu adottati mill-Kummissjoni, għandhom jieħdu ħsieb b’mod partikolari ta’ dawn ir-rekwiżiti.

(7)

Meta projbizzjoni ta’ operar tiġi imposta fuq kumpannija ta’ l-ajru, għandha tittieħed azzjoni xierqa bil-għan li tgħin lil dik il-kumpannija ta’ l-ajru biex ittejjeb in-nuqqasijiet li wasslu għall-projbizzjoni ta’ operar.

(8)

F’każi eċċezzjonali, l-Istati Membri għandhom jitħallew jieħdu miżuri unilaterali. F’każijiet ta’ urġenza u meta jkollhom problema ta’ sigurtà mhux mistennija, l-Istati Membri għandhom jkollhom il-possibiltà li jimponu immedjatament projbizzjoni ta’ operar fir-rigward tat-territorju tagħhom. Barra minn hekk, meta l-Kummissjoni tkun iddeċidiet li ma tinkludix kumpannija ta’ l-ajru fil-lista Komunitarja, l-Istati Membri għandhom ukoll ikunu kapaċi li jimponu jew iżommu projbizzjoni ta’ operar minħabba xi problema ta’ sigurtà li ma teżistix fl-Istati Membri l-oħra. L-Istati Membri għandhom jagħmlu użu restrittiv ta’ dawn il-possibilitajiet, iqisu l-interess tal-Komunità u bil-għan li jippreżentaw approċċ komuni fir-rigward tas-sigurtà ta’ l-avjazzjoni. Dan għandu jkun bla ħsara għall-Artikolu 8 tar-Regolament (KEE) Nru 3922/91 tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 1991 dwar l-armonizzazzjoni ta’ rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi fil-qasam ta’ l-avjazzjoni ċivili (3) u għall-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1592/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2002 dwar regoli komuni fil-qasam ta’ l-avjazzjoni ċivili u l-istabbiliment ta’ Aġenzija tas-Sigurtà fl-Avjazzjoni Ewropea (4).

(9)

Informazzjoni dwar is-sigurtà ta’ kumpanniji ta’ l-ajru għandha tiġi ppubblikata b’mod effettiv, bħal ma hu l-użu ta’ l-Internet.

(10)

Sabiex il-qafas ta’ kompetittività fit-trasport ta’ l-ajru jagħti l-akbar benefiċċji possibbli lill-kumpanniji u lill-passiġġieri, huwa importanti li l-konsumaturi jirċievu l-informazzjoni meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati.

(11)

L-identità tal-kumpannija jew tal-kumpanniji ta’ l-ajru li fil-fatt ikunu qegħdin joperaw it-titjira hija biċċa informazzjoni essenzjali. Madankollu, konsumaturi li jikkonkludu kuntratt ta’ trasport, li jista’ jkun fih kemm titjira ‘l barra kif ukoll ta’ ritorn, mhumiex dejjem infurmati dwar l-identità tal-kumpannija jew tal-kumpanniji ta’ l-ajru li jkunu fil-fatt qed joperaw it-titjira jew it-titjiriet ikkonċernati.

(12)

Id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE tat-13 ta’ Ġunju 1990 dwar il-vjaġġi kollox kompriż (package travel), il-vakanzi kollox kompriż u t-tours kollox kompriż (5) titlob li ċertu informazzjoni tkun disponibbli għal konsumaturi, iżda dik l-informazzjoni ma tinkludix l-identità tal-kumpannija ta’ l-ajru li topera.

(13)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2299/89 ta’ l-24 ta’ Lulju 1989 dwar kodiċi ta’ kondotta għas-Sistemi ta’ Riservazzjoni Kompjuterizzata (CRS) (6) jintitola lill-konsumaturi li jirriservaw titjira permezz ta’ sistema ta’ riservazzjoni kompjuterizzata li jkunu infurmati dwar l-identità tal-kumpannija ta’ l-ajru li topera. Minkejja dan, anki fit-trasport ta’ l-ajru skedat, jeżistu prassi ta’ l-industrija, bħall-kiri ta’ ajruplani bl-ekwipaġġ, jew code-sharing jekk ir-riservazzjoni ssir mingħajr CRS, fejn il-kumpannija ta’ l-ajru li biegħet it-titjira taħt isimha fil-fatt ma toperahiex u fejn bħalissa ma hemm l-ebda dritt legali tal-passiġġier li jkun informat dwar l-identità tal-kumpannija ta’ l-ajru li fil-fatt qiegħda topera s-servizz.

(14)

Dawn il-prattiċi jżidu l-flessibilità u jippermettu l-forniment aħjar ta’ servizzi għall-passiġġieri. Barra minn dan, ċertu numru ta’ tibdil fl-aħħar minuta, b’mod partikolari għal raġunijiet tekniċi, ma jistax jiġi evitat u jikkontribwixxi għas-sigurtà tat-trasport ta’ l-ajru. Din il-flessibilità għandha, madankollu, tkun ibbilanċjata permezz ta’ verifika li l-kumpanniji li fil-fatt qegħdin joperaw it-titjiriet jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ sigurtà u permezz ta’ trasparenza għall-konsumaturi sabiex id-dritt tagħhom li jagħmlu għażla infurmata jkun garantit. Għandu jitfittex li jintlaħaq bilanċ ġust bejn il-vijabilità kummerċjali tal-kumpanniji ta’ l-ajru u l-aċċess għall-informazzjoni min-naħa tal-passiġġieri.

(15)

Il-kumpanniji ta’ l-ajru għandhom isegwu politika ta’ trasparenza fil-konfront ta’ passiġġieri fir-rigward ta’ l-informazzjoni relatata mas-sigurtà. L-ippubblikar ta’ informazzjoni bħal din għandha tikkontribwixxi għall-għarfien mill-passiġġieri dwar l-affidabilità tal-kumpanniji ta’ l-ajru f’dik li hi sigurtà.

(16)

Il-kumpanniji ta’ l-ajru huma responsabbli biex jirrapportaw nuqqasijiet fis-sigurtà lill-awtoritajiet nazzjonali għas-sigurtà ta’ l-ajru kif ukoll biex jindirizzaw nuqqasijiet bħal dawn bla dewmien. L-ekwipaġġ ta’ l-ajru u ta’ l-art huma mistennija li jieħdu azzjoni xierqa meta jidrilhom li hemm nuqqasijiet fis-sigurtà, Jekk l-istaff jiġi penalizzat talli jagħmel hekk, dan imur kontra l-interessi tas-sigurtà ta’ l-avjazzjoni kif isegwi mill-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2003/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2003 dwar ir-rapportar ta’ ġrajjiet fl-avjazzjoni ċivili (7).

(17)

B’żieda mas-sitwazzjonijiet koperti mir-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni għal kumpens u għajnuna lill-passiġġieri fil-każ ta’ rifjut ta’ l-imbarkazzjoni u fil-każ ta’ tħassir jew dewmien twil ta’ titjiriet (8), il-passiġġieri għandhom jiġu offruti d-dritt għal rimbors jew għal għotja ta’ rotta ġdida f’ċertu sitwazzjonijiet speċifiċi oħra li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjon ta’ dan ir-Regolament, jekk hemm rabta biżżejjed mill-qrib mal-Komunità.

(18)

Flimkien mar-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament, l-implikazzjonijiet ta’ tibdil fl-identità tal-kumpannija li topera għat-twettiq tal-kuntratt tat-trasport għandhom jiġu rregolati mil-liġijiet ta’ l-Istati Membri applikabbli għall-kuntratti u mil-liġi Komunitarja relevanti, b’mod partikolari d-Direttivi tal-Kunsill 90/314/KEE u 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar termini mhux ġusti kuntratti tal-konsumatur (9).

(19)

Dan ir-Regolament huwa parti minn proċess leġislattiv li jfittex approċċ effiċjenti u koerenti għar-rinfurzar tas-sigurtà ta’ l-ajru fil-Komunità, li fih tilgħab rwol importanti l-Aġenzija għas-Sigurtà ta’ l-Avjazzjoni Ewropea. B’estensjoni tal-kompetenzi ta’ din l-Aġenzija, bħal fir-rigward ta’ ajruplani ta’ pajjiżi terzi, ir-rwol tagħha taħt dan ir-Regolament jista’ jikber iżjed. Attenzjoni speċjali għandha tingħata biex titjieb iżjed il-kwalità u l-kwantità ta’ spezzjonijiet tas-sigurtà ta’ l-ajruplani u għall-armonizzazzjoni ta’ dawn l-ispezzjonijiet.

(20)

Fejn hemm riskju għas-sigurtà li ma ssolviex b’mod adegwat mill-Istat(i) Membru/i kkonċernat(i), il-Kummissjoni għandha jkollha l-possibilità li tadotta miżuri immedjati fuq bażi proviżorja. F’każijiet bħal dawn, il-kumitat li jgħin lill-Kummissjoni f’xogħolha taħt dan ir-Regolament għandu jaġixxi skond il-proċedura konsultattiva li jipprovdi għaliha l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE tal-Kunsill tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni (10).

(21)

Fil-każijiet l-oħra kollha, il-kumitat li jgħin lill-Kummissjoni f’xogħolha taħt dan ir-Regolament għandu jaġixxi skond il-proċedura regolatorja li jipprovdi għaliha l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(22)

Billi jekk ikun xort’oħra r-relazzjoni bejn dan ir-Regolament u l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2004/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar is-sigurtà ta’ ajruplani ta’ pajjiżi terzi li jużaw ajruporti Komunitarji (11) ma tkunx ċara, dak l-Artikolu għandu jitħassar bil-għan li tiġi provduta ċertezza legali.

(23)

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar penali applikabbli għal ksur tad-disposizzjonijiet tal-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament u jiżguraw li dawn il-penali jiġu applikati. Il-penali, li jistgħu jkunu ta’ natura ċivili jew amministrattiva, għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

(24)

Il-Kummissjoni għandha tanalizza l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u, wara perijodu suffiċjenti, għandha tirrapporta dwar l-effiċjenza tad-disposizzjonijiet tiegħu.

(25)

Kwalunkwe awtorità kompetenti ta’ l-avjazzjoni ċivili fil-Komunità tista’ tiddeċiedi li kumpanniji ta’ l-ajru, inklużi dawk li ma joperawx fit-territorju ta’ l-Istati Membri li għalih japplika t-Trattat, jistgħu jressqu talba lil dik l-awtorità biex tgħaddi l-kumpannija ta’ ajru li titlob dan minn kontrolli sistematiċi sabiex tiġi ivverifikata l-possibiltà għandha li hi tikkonforma ma’ l-istandards relevanti ta’ sigurtà.

(26)

Dan ir-Regolament m’għandux iċaħħad lill-Istati Membri milli jintroduċu sistema ta’ ttikkettar skond il-kwalità għal kumpanniji ta’ l-ajru fuq livell nazzjonali, li tirrikjedi kriterji li jistgħu jinkludu kunsiderazzjonijiet oħra minbarra r-rekwiżiti minimi għas-sigurtà, skond il-liġi Komunitarja.

(27)

Arranġamenti għal koperazzjoni ikbar għall-użu ta’ l-ajruport ta’ Ġibiltà ġew miftiehma f’Londra fit-2 ta’ Diċembru 1987 mir-Renju ta’ Spanja u r-Renju Unit f’dikjarazzjoni konġunta mill-Ministri ta’ l-Affarijiet Barranin taż-żewġ pajjiżi. Dawn l-arranġamenti għad iridu jibdew jitħaddmu;

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOSIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli:

(a)

dwar l-istabbiliment u l-pubblikazzjoni ta’ lista Komunitarja, ibbażata fuq kriterji komuni, ta’ kumpanniji ta’ l-ajru li, għal raġunijiet ta’ sigurtà, huma suġġetti għal projbizzjoni ta’ operar fil-Komunità,

u

(b)

li jinfurmaw lil passiġġieri ta’ l-ajru dwar l-identità tal-kumpannija ta’ l-ajru li topera t-titjiriet li fuqhom huma jivvjaġġaw.

2.   L-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għall-ajruport ta’ Ġibiltà titqies li hija bla ħsara għall-posizzjonijiet legali rispettivi tar-Renju ta’ Spanja u tar-Renju Unit fir-rigward tal-kwistjoni dwar is-sovranità fuq it-territorju li fih jinsab l-ajruport.

3.   L-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għall-ajruport ta’ Ġibiltà għandha tiġi sospiża sakemm l-arranġamenti inklużi fid-Dikjarazzjoni Konġunta magħmula mill-Ministri ta’ l-Affarijiet Barranin tar-Renju ta’ Spanja u tar-Renju Unit fit-2 ta’ Diċembru 1987 jibdew jitħaddmu. Il-Gvernijiet ta’ Spanja u tar-Renju Unit jinfurmaw lill-Kunsill b’din id-data ta’ bidu ta’ tħaddim.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-iskop ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“kumpannija ta’ l-ajru” tfisser impriża tat-trasport bl-ajru li għandha liċenzja valida sabiex topera jew ekwivalenti;

(b)

“kuntratt ta’ trasport” tfisser kuntratt għal servizzi ta’ trasport bl-ajru jew li jinkludihom, inkluż meta t-trasport huwa magħmul minn żewġ titjiriet jew iżjed operati mill-istess kumpannija ta’ l-ajru jew minn kumpanniji ta’ l-ajru differenti;

(ċ)

“kuntrattur ta’ trasport bl-ajru” tfisser il-kumpannija li tikkonkludi kuntratt ta’ trasport ma’ passiġġier jew fejn il-kuntratt jinkludi pakkett, l-organizzatur ta’ ġiti. Kwalunkwe bejjiegħ tal-biljetti għandu wkoll jitqies bħala kuntrattur ta’ trasport bl-ajru;

(d)

“bejjiegħ ta’ biljetti” tfisser il-bejjiegħ ta’ biljett ta’ l-ajru li jirranġa kuntratt ta’ trasport bl-ajru ma’ passiġġier, sew jekk ikun għal titjira biss kif ukoll jekk ikun parti minn pakkett, minbarra kumpannija ta’ l-ajru jew organizzatur ta’ ġiti;

(e)

“kumpannija ta’ l-ajru li topera” tfisser kumpannija ta’ l-ajru li qiegħda twettaq jew biħsiebha twettaq titjira taħt kuntratt ta’ trasport ma’ passiġġier, jew f’isem persuna oħra, ġuridika jew naturali, li għandha kuntratt ta’ trasport ma’ dak il-passiġġier;

(f)

“awtorizzazzjoni għall-operar jew permess tekniku” tfisser kwalunkwe att leġislattiv jew amministrattiv minn Stat Membru, li jistipula jew li kumpannija ta’ l-ajru tista’ topera servizzi ta’ l-ajru minn u lejn l-ajruporti tagħha jew li kumpannija ta’ l-ajru tista’ topera fl-ispazju ta’ l-ajru tiegħu jew li kumpannija ta’ l-ajru tista’ teżerċita drittijiet tat-traffiku;

(g)

“projbizzjoni ta’ l-operar” tfisser ir-rifjut, is-sospensjoni, ir-revoka jew ir-restrizzjoni ta’ awtorizzazzjoni ta’ l-operar jew permess tekniku ta’ kumpannija ta’ l-ajru għal raġunijiet ta’ sigurtà, jew kwalunkwe miżura ta’ sigurtà ekwivalenti fir-rigward ta’ kumpannija ta’ l-ajru li m’għandha l-ebda drittijiet ta’ traffiku fil-Komunità imma li l-ajruplani tagħha jistgħu joperaw fil-Komunità taħt ftehim ta’ kiri;

(h)

“pakkett” tfisser dawk is-servizzi definiti fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 90/314/KEE;

(i)

“riservazzjoni” tfisser il-fatt li passiġġier għandu biljett jew prova oħra, li jindika li r-riservazzjoni ġiet aċċettata u reġistrata mill-kuntrattur ta’ trasport ta’ l-ajru;

(j)

“standards ta’ sigurtà relevanti” tfisser l-istandards ta’ sigurtà internazzjonali li jinsabu fil-Konvenzjoni ta’ Chicago u l-Annessi tagħha kif ukoll, fejn hu applikabbli, dawk fil-liġi Komunitarja relevanti.

KAPITOLU II

LISTA KOMUNITARJA

Artikolu 3

L-istabbiliment tal-Lista Komunitarja

1.   Bil-għan li tissaħħaħ is-sigurtà ta’ l-ajru, għandha tiġi stabbilita lista ta’ kumpanniji ta’ l-ajru li huma suġġetti għal projbizzjoni ta’ l-operar fil-Komunità (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “l-lista Komunitarja”). Kull Stat Membru għandu jinforza, fit-territorju tiegħu, il-projbizzjonijiet ta’ l-operar inklużi fil-lista Komunitarja fir-rigward tal-kumpanniji ta’ l-ajru li huma suġġetti għal dawk il-projbizzjonijiet.

2.   Il-kriterji komuni biex tiġi imposta projbizzjoni ta’ l-operar għal kumpannija ta’ l-ajru, li għandhom ikunu bbażati fuq l-istandards tas-sigurtà relevanti, huma stabbiliti fl-Anness (u huma minn hawn ‘il quddiem imsejħa “il-kriterji komuni”). Il-Kummissjoni tista’ timmodifika l-Anness, b’mod partikolari sabiex tqis l-iżviluppi xjentifiċi u tekniċi, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 15(3).

3.   Sabiex tiġi stabbilita l-lista Komunitarja għall-ewwel darba, kull Stat Membru għandu, sa 16 ta’ Frar 2006, jikkomunika lill-Kummissjoni l-identità tal-kumpanniji ta’ l-ajru li huma suġġetti għal projbizzjoni ta’ l-operar fit-territorju tiegħu, flimkien mar-raġunijiet li wasslu għall-adozzjoni ta’ tali projbizzjonijiet u kwalunkwe informazzjoni relevanti oħra. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħra b’dawn il-projbizzjonijiet ta’ l-operar.

4.   Fi żmien xahar minn meta tirċievi l-informazzjoni kkomunikata mill-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha, fuq il-bażi tal-kriterji komuni, tiddeċiedi dwar l-imposizzjoni ta’ projbizzjoni ta’ l-operar għall-kumpanniji ta’ l-ajru kkonċernati u għandha tistabbilixxi l-lista Komunitarja tal-kumpanniji ta’ l-ajru li fuqhom tkun ġiet imposta projbizzjoni ta’ l-operar, skond il-proċedura imsemmija fl-Artikolu 15(3).

Artikolu 4

Aġġornament tal-lista Komunitarja

1.   Il-lista Komunitarja għandha tkun aġġornata:

(a)

biex timponi projbizzjoni ta’ l-operar fuq kumpannija ta’ l-ajru u tinkludi din il-kumpannija ta’ l-ajru fil-lista Komunitarja, fuq il-bażi tal-kriterji komuni;

(b)

biex tneħħi kumpannija ta’ l-ajru mil-lista Komunitarja, jekk in-nuqqas jew nuqqasijiet tas-sigurtà li wasslu għall-inklużjoni tal-kumpannija ta’ l-ajru fil-lista Komunitarja ikunu ġew rimedjati u ma jkun hemm l-ebda raġuni oħra, fuq il-bażi tal-kriterji komuni, għaż-żamma tal-kumpannija ta’ l-ajru fil-lista Komunitarja;

(ċ)

biex jiġu modifikati l-kondizzjonijiet ta’ projbizzjoni ta’ l-operar imposti fuq kumpannija ta’ l-ajru li hija inkluża fil-lista Komunitarja.

2.   Il-Kummissjoni, li taġixxi fuq l-inizjattiva tagħha jew fuq it-talba ta’ Stat Membru, għandha tiddeċiedi li taġġorna l-lista Komunitarja malli dan ikun meħtieġ taħt il-paragrafu 1, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 15(3) u fuq il-bażi tal-kriterji komuni. Il-Kummissjoni għandha tivverifika, mill-inqas kull tliet xhur, jekk ikunx xieraq li tiġi aġġornata l-lista Komunitarja.

3.   Kull Stat Membru u l-Aġenzija għas-Sigurtà ta’ l-Avjazzjoni Ewropea għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha li tista’ tkun relevanti fil-kuntest ta’ l-aġġornar tal-lista Komunitarja. Il-Kummissjoni għandha tgħaddi l-informazzjoni relevanti kollha lill-Istati Membri l-oħra.

Artikolu 5

Miżuri proviżorji għall-aġġornar tal-lista Komunitarja

1.   Fejn ikun evidenti li t-tkomplija ta’ l-operar ta’ kumpannija ta’ l-ajru fil-Komunità x’aktarx toħloq riskju serju għas-sigurtà, u li dan ir-riskju ma jkunx issolva b’mod sodisfaċenti permezz ta’ miżuri urġenti meħuda mill-Istat(i) Membru/i kkonċernati skond l-Artikolu 6(1), il-Kummissjoni tista’ tadotta, b’mod proviżorju, il-miżuri msemmija fl-Artikolu 4(1)(a) jew 4(1)ċ, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 15(2).

2.   Kemm jista’ jkun malajr, u fi żmien mhux aktar minn għaxart ijiem tax-xogħol, il-Kummissjoni għandha tippreżenta l-kwistjoni lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 15(1) u għandha tiddeċiedi li tikkonferma, temenda, tirrevoka jew testendi l-miżura li hi tkun adottat taħt il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 15(3).

Artikolu 6

Miżuri eċċezzjonali

1.   F’każ ta’ urġenza, dan ir-Regolament m’għandux jipprekludi lil Stat Membru milli jirreaġixxi għal xi problema ta’ sigurtà mhux mistennija billi jimponi projbizzjoni ta’ l-operar immedjata fir-rigward tat-territorju tiegħu stess, b’kont meħud tal-kriterji komuni.

2.   Deċiżjoni mill-Kummissjoni biex ma tinkludix kumpannija ta’ l-ajru fil-lista Komunitarja skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 3(4) jew 4(2) m’għandhiex tipprekludi Stat Membru milli jimponi jew iżomm projbizzjoni ta’ l-operar fuq il-kumpannija ta’ l-ajru kkonċernata minħabba problema ta’ sigurtà li taffettwa speċifikament lil dak l-Istat Membru.

3.   Fi kwalunkwe mis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma immedjatament lill-Kummissjoni, li għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħra. Fis-sitwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-Istat Membru kkonċernat għandu jippreżenta mingħajr dewmien talba lill-Kummissjoni biex taġġorna l-lista Komunitarja, skond l-Artikolu 4(2).

Artikolu 7

Drittijiet ta’ difiża

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li, meta tadotta deċiżjonijiet kif imsemmi fl-Artikoli 3(4), 4(2) u 5, il-kumpannija ta’ l-ajru kkonċernata tingħata l-opportunità li tinstema’, b’kont meħud tal-bżonn, f’ċerti każijiet, għal proċedura ta’ urġenza.

Artikolu 8

Miżuri ta’ implimentazzjoni

1.   Il-Kummissjoni, li taġixxi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 15(3) għandha, fejn hu xieraq, tadotta miżuri ta’ implimentazzjoni sabiex tistabbilixxi regoli dettaljati fir-rigward tal-proċeduri msemmija f’dan il-Kapitolu.

2.   Meta tiddeċiedi dwar dawn il-miżuri, il-Kummissjoni għandha tqis sew il-bżonn li deċiżjonijiet dwar l-aġġornar tal-lista Komunitarja jittieħdu malajr u għandha, fejn ikun xieraq, tipprovdi l-possibiltà ta’ proċedura ta’ urġenza.

Artikolu 9

Pubblikazzjoni

1.   Il-lista Komunitarja u kwalunkwe modifika li ssir għaliha għandhom jiġu ppubblikati immedjatament fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

2.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex iħaffu l-aċċess pubbliku għal-lista Komunitarja, kif aġġornata l-aħħar, b’mod partikolari permezz ta’ l-użu ta’ l-Internet.

3.   Il-kuntratturi tal-kumpanniji ta’ l-ajru, l-awtoritajiet nazzjonali ta’ l-avjazzjoni ċivili, l- Aġenzija ta’ l-Avjazzjoni tas-Sigurtà Ewropea u l-ajruporti fit-territorju ta’ l-Istati Membri għandhom iġibu l-lista Komunitarja għall-attenzjoni tal-passiġġieri, kemm permezz tal-websites tagħhom, kif ukoll, fejn hu relevanti, fuq il-postijiet tagħhom.

KAPITOLU III

INFORMAZZJONI GĦALL-PASSIĠĠIERI

Artikolu 10

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Id-disposizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu għandhom japplikaw fir-rigward tat-trasport ta’ passiġġieri bl-ajru, meta t-titjira tkun parti minn kuntratt ta’ trasport u dak it-trasport ikun beda fil-Komunità, u

(a)

it-titjira titlaq minn ajruport fit-territorju ta’ Stat Membru li għalih japplika t-Trattat;

jew

(b)

it-titjira titlaq minn ajruport f’pajjiż terz u tasal f’ajruport fit-territorju ta’ Stat li għalih japplika t-Trattat;

jew

(ċ)

it-titjira titlaq minn ajruport li jinsab f’pajjiż terz u tasal f’ajruport ieħor bħal dan.

2.   Id-disposizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu għandhom japplikaw kemm jekk it-titjira hija skedata kif ukoll jekk mhijiex skedata, u kemm jekk it-titjira tagħmel parti minn pakkett kif ukoll jekk le.

3.   Id-disposizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu m’għandhomx jaffettwaw id-drittijiet tal-passiġġieri taħt id-Direttiva 90/314/KEE u r-Regolament (KEE) Nru 2299/89.

Artikolu 11

Informazzjoni dwar l-identità tal-kumpannija ta’ l-ajru li topera

1.   Meta ssir riservazzjoni, il-kuntrattur tat-trasport bl-ajru għandu jinforma lill-passiġġier dwar l-identità tal-kumpannija jew kumpanniji ta’ l-ajru li joperaw, ikun xi jkun il-mezz użat għar-riservazzjoni.

2.   Fejn l-identità tal-kumpannija jew tal-kumpanniji ta’ l-ajru li joperaw ma jkunux magħrufa fiż-żmien tar-riservazzjoni, il-kuntrattur tat-trasport tal-ajru għandu jiżgura li l-passiġġier jiġi infurmat bl-isem jew l-ismijiet tal-kumpannija jew tal-kumpanniji ta’ l-ajru li x’aktarx se tkun jew ikunu l-kumpannija jew il-kumpanniji ta’ l-ajru li joperaw għat-titjira jew titjiriet ikkonċernati. F’każ bħal dan, il-kuntrattur tat-trasport bl-ajru għandu jiżgura li l-passiġġier huwa infurmat bl-identità tal-kumpannija jew tal-kumpanniji ta’ l-ajru li joperaw malli din l-identità tkun magħrufa.

3.   Kull fejn il-kumpannija jew il-kumpanniji ta’ l-ajru li joperaw tinbidel jew jinbidlu wara r-riservazzjoni, il-kuntrattur tat-trasport ta’ l-ajru, irrispettivament mir-raġuni għall-bidla, għandu jieħu immedjatament il-passi xierqa kollha biex jiżgura li l-passiġġier jiġi infurmat dwar il-bidla kemm jista’ jkun malajr. Fil-każi kollha, il-passiġġieri għandhom jiġu infurmati fiċ-check-in, jew mat-tlugħ fuq l-ajruplan fejn m’hemmx bżonn ta’ check-in għal titjira ta’ konnessjoni.

4.   Il-kumpannija ta’ l-ajru jew l-organizzatur ta’ ġiti, skond il-każ, għandu jiżgura li l-kuntrattur relevanti tat-trasport ta’ l-ajru jiġi infurmat dwar l-identità tal-kumpannija jew tal-kumpanniji ta’ l-ajru li joperaw hekk kif dan ikun magħruf, b’mod partikolari f’każ ta’ bdil ta’ tali identità.

5.   Jekk bejjiegħ tal-biljetti ma jkunx ġie infurmat dwar l-identità tal-kumpannija ta’ l-ajru li topera, m’għandux ikun responsabbli għan-nuqqas ta’ konformità ma’ l-obbligazzjonijiet provduti f’dan l-Artikolu.

6.   L-obligazzjoni tal-kuntrattur tat-trasport bl-ajru li jinforma lill-passiġġieri bl-identità tal-kumpannija jew tal-kumpanniji ta’ l-ajru li joperaw għandha tiġi speċifikata fil-kondizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ li japplikaw għall-kuntratt tat-trasport.

Artikolu 12

Dritt għal rimbors jew l-għoti ta’ rotta ġdida

1.   Dan ir-Regolament m’għandux jaffettwa d-dritt għal rimbors jew l-għoti ta’ rotta ġdida kif inhu provdut fir-Regolament (KE) Nru 261/2004.

2.   F’każijiet fejn ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 ma japplikax, u

(a)

il-kumpannija ta’ l-ajru li topera u li ġiet notifikata lill-passiġġier tniżżlet fil-lista Komunitarja u hija suġġetta għal projbizzjoni ta’ l-operar li wasslet għat-tħassir tat-titjira kkonċernata, jew li kienet twassal għal tħassir bħal dan jkieku it-titjira kkonċernata tkun ġiet operata fil-Komunità;

jew

(b)

il-kumpannija ta’ l-ajru li topera u li ġiet notifikata lill-passiġġier inbidlet b’kumpannija ta’ l-ajru li topera oħra u li tniżżlet fil-lista Komunitarja u hija suġġetta għal projbizzjoni ta’ l-operar li wasslet għat-tħassir tat-titjira kkonċernata, jew li kienet twassal għal tħassir bħal dan kieku t-titjira kkonċernata kienet ġiet operata fil-Komunità;

il-kuntrattur tat-trasport ta’ l-ajru li huwa parti mill-kuntratt tat-trasport għandu joffri lill-passiġġier id-dritt għal rimbors jew l-għotji ta’ rotta ġdida stipulat fl-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004, kemm-il darba, meta t-titjira ma tkunx ġiet ikkanċellata, il-passiġġier ikun għażel li ma jieħux dik it-titjira.

3.   Il-paragrafu 2 għandu japplika bla ħsara għall-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004.

Artikolu 13

Penali

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġu rrispettati r-regoli stabbiliti f’dan il-Kapitolu u għandhom jistabbilixxu penali għall-ksur ta’ dawn ir-regoli. Il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

KAPITOLU IV

DISPOSIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 14

Informazzjoni u emendar

Sa 16 ta’ Jannar 2009, il-Kummissjoni għandha tagħmel rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Dan ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, fejn meħtieġ, minn proposti għall-emendar ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 15

Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 12 tar-Regolament (KEE) Nru 3922/91 (“il-Kumitat”).

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, wara li jiġu kkunsidrati d-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, wara li jiġu kkunsidrati d-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu msemmi fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun stabbilit għal tliet xhur.

4.   Il-Kummissjoni tista’ tikkonsulta lill-Kumitat dwar kwalunkwe kwistjoni oħra li tikkonċerna l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

5.   Il-Kumitat għandu jadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu.

Artikolu 16

Tħassir

L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2004/36/KE huwa hawnhekk imħassar.

Artikolu 17

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

L-Artikoli 10, 11 u 12 għandhom japplikaw minn 16 ta’ Lulju 2006 u l-Artikolu 13 għandu japplika minn 16 ta’ Jannar 2007.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, nhar l-14 ta’ Diċembru 2005.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

C. CLARKE


(1)  Opinjoni tat-28 ta’ Settembru 2005 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Novembru 2005 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-5 ta’ Diċembru 2005.

(3)  ĠU L 373, tal-31.12.1991, p. 4. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2871/2000 (ĠU L 333, tad-29.12.2000, p. 47).

(4)  ĠU L 240, tas-7.9.2002, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1701/2003 (ĠU L 243, tas-27.9.2003, p. 5).

(5)  ĠU L 158, tat-23.6.1990, p. 59.

(6)  ĠU L 220, tad-29.7.1989, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 323/1999 (ĠU L 40, tat-13.2.1999, p. 1).

(7)  ĠU L 167, ta’ l-4.7.2003, p. 23.

(8)  ĠU L 46, tas-17.2.2004, p. 1.

(9)  ĠU L 95, tal-21.4.1993, p. 29.

(10)  ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

(11)  ĠU L 143, tat-30.4.2004, p. 76.


ANNESS

Kriterji komuni għall-kunsiderazzjoni ta’ projbizzjoni ta’ l-operar għal raġunijiet ta’ sigurtà fuq livell Komunitarju

Deċiżjonijiet għal azzjoni fuq livell Komunitarju għandhom jittieħdu skond il-merti ta’ kull każ individwali. Skond il-merti ta’ kull każ, kumpannija jew il-kumpanniji kollha ċċertifikati fl-istess stat jistgħu jkunu eliġibbli għal azzjoni fuq livell Komunitarju.

Fil-kunsiderazzjoni ta’ jekk kumpannija ta’ l-ajru għandhiex tiġi totalment jew parzjalment projbita, għandu jiġi evalwat jekk il-kumpannija ta’ l-ajru hijiex qed tissodisfa l-istandards relevanti tas-sigurtà billi jitqiesu dawn li ġejjin:

1.

Evidenza vverifikata dwar nuqqasijiet serji tas-sigurtà min-naħa tal-kumpannija ta’ l-ajru:

Rapporti li juru nuqqasijiet serji tas-sigurtà, jew nuqqas persistenti min-naħa tal-kumpannija biex tirranġa n-nuqqasijiet identifikati bi spezzjonijiet fuq l-art magħmula taħt il-programm SAFA li ġew mgħarrfa lill-kumpannija minn qabel.

Nuqqasijiet serji tas-sigurtà identifikati fi ħdan il-qafas tad-disposizzjonijiet għall-ġbir ta’ informazzjoni fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/36/KE dwar is-sigurtà fuq ajruplani ta’ pajjiżi terzi.

Projbizzjoni ta’ l-operar imposta fuq kumpannija ta’ l-ajru minn pajjiż terz minħabba nuqqasijiet sustanzjati fir-rigward ta’ l-istandards internazzjonali tas-sigurtà.

Informazzjoni sostanzjata li għandha x’taqsam ma aċċidenti jew informazzjoni serja li għandha x’taqsam ma’ inċidenti li tindika nuqqasijiet ta’ sigurtà moħbija sistematiċi.

2.

Nuqqas ta’ kapaċità u/jew volontà ta’ kumpannija ta’ l-ajru biex tindirizza nuqqasijiet ta’ sigurtà kif jidhru minn:

Nuqqas ta’ trasparenza jew komunikazzjoni adegwata u fil-ħin min-naħa ta’ kumpannija bħala tweġiba għal inkjesta mill-awtorità ta’ l-avjazzjoni ċivili ta’ Stat Membru fir-rigward ta’ l-aspett tas-sigurtà ta’ l-operazzjonijiet tiegħu.

Pjan ta’ azzjoni korrettiv mhux xieraq jew insuffiċjenti ppreżentat bħala tweġiba għal xi nuqqas ta’ sigurtà serju identifikat.

3.

Nuqqas ta’ kapaċità u/jew volontà ta’ l-awtoritajiet responsabbli għas-sorveljanza ta’ kumpannija ta’ l-ajru biex jiġu ndirizzati nuqqasijiet ta’ sigurtà kif jidher minn:

Nuqqas ta’ koperazzjoni ma’ l-awtorità ta’ l-avjazzjoni ċivili ta’ Stat Membru mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat ieħor, meta jkun hemm jitqajjem tħassib dwar is-sigurtà ta’ l-operazzjoni ta’ kumpannija liċenzjata jew iċċertifikata f’dak l-istat.

Nuqqas ta’ kapaċità suffiċjenti ta’ l-awtoritajiet kompetenti li jwettqu sorveljanza regolatorja tal-kumpannija biex jiġu implimentati u infurzati l-istandards relevanti tas-sigurtà. Għandhom jitqiesu b’mod partikolari dawn li ġejjin:

(a)

verifiki u pjanijiet ta’ azzjoni korrettiva relatati stabbiliti taħt il-Programm Universali għall-Verifika tas-Sorveljanza tas-Sigurtà ta’ l-ICAO jew taħt kwalunkwe liġi Komunitarja applikabbli;

(b)

jekk l-awtorizzazzjoni li topera jew il-permess tekniku ta’ kwalunkwe kumpannija taħt is-sorveljanza ta’ dak l-Istat kienux ġew rifjutati jew revokati qabel minn xi Stat ieħor;

(ċ)

iċ-ċertifikat ta’ l-operatur ta’ l-ajru ma nħariġx mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat fejn il-kumpannija għandha l-post prinċipali tan-negozju.

Nuqqas ta’ kapaċità suffiċjenti ta’ l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat li fih l-ajruplan użat mill-kumpannija ta’ l-ajru huwa rreġistrat biex jissorveljaw l-ajruplan użat mill-kumpannija skond l-obbligi taħt il-Konvenzjoni ta’ Chicago.


Top