EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005R0647

Ir-Regolament (KE) Nru. 647/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' April 2005 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru. 1408/71 dwar l-applikazzjoni ta' skemi ta' sigurtà soċjali għal persuni impjegati, għal persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqalqu ġewwa l-Komunità u (KEE) Nru. 574/72 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru. 1408/71

ĠU L 117, 4.5.2005, p. 1–12 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2005/647/oj

4.5.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

1


IR-REGOLAMENT (KE) NRU. 647/2005 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-13 ta' April 2005

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru. 1408/71 dwar l-applikazzjoni ta' skemi ta' sigurtà soċjali għal persuni impjegati, għal persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqalqu ġewwa l-Komunità u (KEE) Nru. 574/72 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru. 1408/71

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 42 u 308 tiegħu,

Wara li kkunsidraw l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Għandhom isiru ċerti emendi għar-Regolamenti (KEE) Nru 1408/71 (3) u (KEE) Nru 574/72 (4), sabiex jittieħed kont ta' żviluppi reċenti fil-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, sabiex tiġi faċilitata l-applikazzjoni ta' dawk ir-Regolamenti u jiġu riflessi l-bidliet fil-liġi dwar is-sigurtà soċjali ta' l-Istati Membri.

(2)

Sabiex jittieħed kont ta' l-iżviluppi reċenti fil-każistika, għandhom jiġu kkunsidrati l-konklużjonijiet ta' sentenzi, partikolarment fil-każijiet ta' Johann Franz Duchon v Pensionsversicherungsantalt der Angestellten (5)u Office national de l'emploi v Calogero Spataro. (6)

(3)

Is-sentenzi fil-każijiet Friedrich Jauch v Pensionsversicherungsanstalt der Arbeiter u Ghislain Leclere, Alina Deaconescu u Caisse nationale des prestations familiales, (7)dwar il-klassifikazzjoni ta' benefiċċji ta' flus speċjali u mhux kontributorji jeħtieġu, għal raġunijiet ta' sigurtà legali, li ż-żewġ kriterji kumulattivi li jridu jitqiesu jiġu speċifikati sabiex tali benefiċċji jistgħu jidhru fl-Anness IIa tar-Regolament (KEE) Nru. 1408/71. Abbażi ta' dan, hemm każ għal reviżjoni ta' l-Anness, filwaqt li jittieħed kont ta' l-emendi leġiżlattivi fl-Istati Membri li jaffettwaw dan it-tip ta' benefiċċji, li minħabba n-natura mħallta tagħhom huma suġġetti għal koordinazzjoni speċifika. Barra minn dan, hu importanti li jkunu speċifikati d-dispożizzjonijiet tranżitorji relatati mal-benefiċċju li kien is-suġġett tas-sentenza fil-każ Jauch sabiex jiġu protetti d-drittijiet tal-benefiċjarji.

(4)

Abbażi tal-każistika dwar ir-relazzjonijiet bejn ir-Regolament (KEE) Nru. 1408/71 u d-dispożizzjonijiet tal-ftehim bilaterali dwar is-sigurtà soċjali, hu meħtieġ li ssir reviżjoni ta' l-Anness III ta' dak ir-Regolament. Il-partiti fil-parti A ta' l-Anness III huma ġġustifikati biss f'żewġ każijiet: meta huma aktar favorevoli għall-ħaddiema migranti (8)jew fir-rigward ta' sitwazzjonijiet speċifiċi u eċċezzjonali, normalment konnessi ma' ċirkostanzi storiċi. Barra minn dan, mhux xieraq li jiġu aċċettati partiti fil-Parti B ħlief meta sitwazzjonijiet eċċezzjonali u oġġettivi jkunu jiġġustifikaw deroga mill-Artikolu 3(1) ta' dak ir-Regolament u mill-Artikoli 12, 39 u 42 tat-Trattat (9).

(5)

Sabiex tiġi faċilitata l-applikazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71, għandu jkun hemm ċerti dispożizzjonijiet min-naħa waħda dwar il-funzjonarji u persuni trattati bħala tali u, min-naħa l-oħra dwar membri tal-persunal li jivvjaġġa, inkluż bl-ajru, ta' impriża li topera servizzi ta' trasport internazzjonali għal passiġġieri jew merkanzija bil-ferrovija, fuq l-art, bl-ajru jew f'passaġġi fuq l-ilma interni, u sabiex jiġu speċifikati l-metodi li jiddeterminaw l-ammont medju li jrid jitqies fil-kuntest ta' l-Artikolu 23 ta' dak ir-Regolament.

(6)

Ir-reviżjoni ta' l-Anness IIa għar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 għandha twassal għat-tneħħija ta' xi partiti eżistenti u, meħud kont ta' emendi leġiżlattivi f' xi Stati Membri, għall-inklużjoni ta' ċerti partiti ġodda. Fil-każ ta' l-aħħar, tkun imbagħad ir-responsabbiltà ta' l-Istati Membri biex jikkunsidraw il-bżonn għal arranġamenti transitorji jew soluzzjonijiet bilaterali sabiex jindirizzaw is-sitwazzjoni ta' persuni li d-drittijiet miksuba tagħhom jistgħu bħala konsegwenza jiġu milquta,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-regolament (KEE) Nru 1408/71 qiegħed hawn jiġi emendat kif ġej:

1.

L-Artikolu 3 għandu jiġi emendat kif ġej:

a)

F' paragrafu 1, il-kliem “residenti fit-territorju ta' wieħed mill-Istati Membri” għandhom jiġu mħassra;

b)

F' paragrafu 3, il-kliem “u d-dispożizzjonijiet ta' konvenzjonijiet konklużi skond l-Artikolu 8(1)” għandhom jiġu mħassra.

2.

L-Artikolu 4(2a) għandu jiġi mibdul bis-segwenti:

“2a.   Dan l-Artikolu għandu japplika għall-benefiċċji ta' flus speċjali u mhux kontributorji provduti f'liġi li, minħabba l-ambitu personali tagħha, l-għanijiet tagħha u/jew il-kundizzjonijiet għal dritt taħtha, għandha l-karatteristiċi kemm tal-liġi dwar is-sigurtà soċjali msemmija fil- paragrafu 1 kif ukoll ta' assistenza soċjali.

‘Benefiċċji ta' flus speċjali u mhux kontributorji’ tfisser dawk li:

(a)

huma ntiżi sabiex jipprovdu jew:

(i)

assigurazzjoni supplimentari, sostituttiva jew anċillari kontra r-riskji koperti mill-oqsma tas-sigurtà soċjali msemmija fil-paragrafu 1, u li jiggarantixxu lill-persuni kkonċernati dħul minimu għas-sussistenza waqt li jittieħed kont tas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali fl-Istat Membru ikkonċernat;

jew

(ii)

protezzjoni speċifika biss għal persuni b'diżabbiltà, li jkollha x'taqsam mill-qrib ma' l-ambjent soċjali tal-persuna msemmija fl-Istat Membru kkonċernat,

u

(b)

fejn il-finanzjament ikun derivat esklużivament minn tassazzjoni obbligatorja maħsuba sabiex tkopri l-infiq ġenerali pubbliku u l-kondizzjonijiet sabiex jipprovdu u jikkalkolaw il-benefiċċji mhumiex dipendenti minn kwalunkwe kontribuzzjoni fir-rigward tal-benefiċjarju. Madankollu, il-benefiċċji provduti sabiex jiġi supplimentat benefiċċju kontributorju m'għandhomx jiġu kkunsidrati bħala benefiċċji kontributorji għal din ir-raġuni waħedha;

u

(ċ)

huma elenkati fl-Anness IIa.”.

3.

L-Artikolu 7(2)(ċ) għandu jiġi mibdul bis-segwenti:

“(ċ)

ċerti dispożizzjonijiet tal-konvenzjonijiet dwar is-sigurtà soċjali konklużi mill-Istati Membri qabel id-data ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament kemm-il darba jkunu aktar favorevoli għall-benefiċjarji jew jekk jinħolqu minn ċirkostanzi storiċi speċifiċi u l-effett tagħhom hu limitat fiż-żmien jekk dawn id-dispożizzjonijiet huma elenkati fl-Anness III.”.

4.

L-Artikolu 9 għandu jiġi mibdul bis-segwenti:

“Artikolu 9a

Estensjoni tal-perijodu ta' referenza

Jekk il-liġi ta' Stat Membru tirrikonoxxi d-dritt għal benefiċċju bil-kundizzjoni li jintlaħaq perijodu minimu ta' assikurazzjoni matul żmien determinat qabel ma sseħħ il-kontinġenza li kontriha tkun l-assikurazzjoni (perijodu ta' riferenza) u tistabbilixxi li l-perijodi li matulhom tħallsu l-benefiċċji skond il-liġi ta' dak l-Istat Membru jew perjodi ddedikati għat-trobbija tat-tfal fit-territorju ta' dak l-Istat Membru għandu jestendi dan il-perijodu ta' riferenza, il-perijodi li matulhom tħallsu pensjonijiet ta' l-anzjanità jew invalidità jew tħallsu benefiċċji ta' mard, qgħad, inċidenti industrijali jew mard assoċjat max-xogħol skond il-liġi ta' Stat Membru ieħor u perjodi ddedikati għat-trobbija tat-tfal fit-territorju ta' Stat Membru ieħor għandhom ukoll jestendu dan il-perijodu ta' riferenza.”.

5.

L-Artikolu 10a(1) għandu jiġi mibdul bis-segwenti:

“1.   Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 10 u tat-Titolu III m'għandhomx japplikaw għall-benefiċċji ta' flus speċjali u mhux kontributorji msemmija fl-Artikolu 4(2a). Il-persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom jirċievu dawn il-benefiċċji esklużivament fit-territorju ta' l-Istat Membru fejn jirrisjedu u skond il-liġi ta' dak l-Istat, sakemm dawn il-benefiċċji jkunu msemmija fl-Anness IIa. Il-benefiċċji għandhom jitħallsu mill-istituzzjoni tal-post tar-residenza u bi spejjeż tagħha.”.

6.

Fl-Artikolu 23, għandu jiddaħħal il-paragrafu segwenti:

“2a.   Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw ukoll meta l-liġi applikata mill-istituzzjoni kompetenti tipprovdi għal perijodu ta' riferenza speċifiku u dan il-perijodu jikkoinċidi, fejn xieraq, mal-perjodi sħaħ jew parzjali kompletati mill-persuna kkonċernata skond il-liġi ta' wieħed jew aktar mill-Istati Membri l-oħra.”.

7.

L-Artikolu 35 (2) għandu jiġi mħassar.

8.

L-Artikolu 69 (4) għandu jiġi mħassar.

9.

Għandom jiġu mdaħħla l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 95f

Dispożizzjonijiet transitorji dwar l-Anness II, sezzjoni I, taħt l-intestaturi ‘D. ĠERMANJA’ u ‘R. AWSTRIJA’

1.   Anness II, sezzjoni I, taħt l-intestaturi ‘D. ĠERMANJA’ u ‘R. AWSTRIJA’, kif emendati bir-Regolament (KE) Nru. 467/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' April 2005 li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 dwar l-applikazzjoni ta' skemi ta' sigurta' socjali għal persuni impjegati, għal-persuni li jaħdmu għal-rashom u għall-familji tagħhom li jiċċaqilqu fil-Komunità u (KEE) Nru 574/72 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 (*), m'għandu jistabbilixxi ebda dritt għall-perijodu qabel l-1 ta' Jannar 2005.

2.   Kwalunkwe perijodu ta' assikurazzjoni u, fejn xieraq, kwalunkwe perijodu ta' impjieg, impjieg awtonomu jew residenza taħt il-liġi ta' Stat Membru qabel l-1 ta' Jannar 2005 għandu jiġi kkunsidrat fid-determinazzjoni tad-drittijiet miksuba skond id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament.

3.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1, skond dan ir-Regolament dritt għandu jinkiseb anki meta jkun jirrelata għal kontinġenza li tkun seħħet qabel l-1 ta' Jannar 2005.

4.   Kwalunkwe benefiċċju li ma jkunx ingħata jew li jkun ġie sospiż minħabba n-nazzjonalità jew r-residenza tal-persuna ikkonċernata għandu, fuq talba ta' dan ta' l-aħħar, jingħata jew jitkompla mill-1 ta' Jannar 2005, kemm-il darba d-drittijiet li għalihom kienu qabel ingħataw il-benefiċċji ma jkunux wasslu għal pagament ta' somma globali.

5.   Id-drittijiet ta' persuna li lilha tkun ingħatat pensjoni jew annwalita' qabel l-1 ta' Jannar 2005 tista', wara applikazzjoni mill-persuni ikkonċernati, tiġi riveduta, filwaqt li jittieħed kont tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament. Dan għandu japplika wkoll għal benefiċċji oħrajn skond l-Artikolu 78.

6.   Jekk applikazzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 4 jew 5 tkun preżentata fi żmien sentejn mill-1 ta' Jannar 2005, id-drittijiet miksuba taħt dan ir-Regolament għandhom ikollhom effett minn dik id-data, u d-dispożizzjonijiet tal-liġi ta' kwalunkwe Stat Membru dwar it-tneħħija jew limitazzjoni tad-drittijiet ma jistgħux jiġu nvokati kontra l-persuni kkonċernati.

7.   Jekk l-applikazzjoni msemmija fil-paragrafu 4 jew 5 tiġi preżentata wara li jkun skada l-perijodu ta' sentejn wara l-1 ta' Jannar 2005, id-drittijiet li ma jkunux intilfu jew ġew preskritti għandhom ikollhom effett mid-data li fiha l-applikazzjoni ġiet preżentata, ħlief fejn japplikaw dispożizzjonijiet tal-liġi aktar favorevoli ta' kwalunkwe Stat Membru.

Artikolu 95g

Dispożizzjonijiet transitorji dwar it-tħassir tal-partita fl-Anness IIa dwar l-Allowance Awstrijaka għall-kura (Pflegegeld).

Fil-każ ta' applikazzjonijiet għal sussidji għall-kura taħt il-liġi federali Awstrijaka (Bundespflegegeldgesetz) preżentati mhux aktar tard mit-8 ta' Marzu 2001 abbażi ta' l-Artikolu 10a(3) ta' dan ir-Regolament, għandha tibqa' tapplika din id-dispożizzjoni sakemm il-benefiċjarju tas-sussidju għall-kura jibqa' jirrisjedi fl-Awstrija wara t-8 ta' Marzu 2001.

(*)  ĠU L 117, 4.5.2005, p. 1.”"

10.

Annessi II, IIa, III, IV u VI għandhom jiġu emendati skond l-Anness I ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Ir-Regolament (KEE) Nru 574/72 qiegħed hawn jiġi emendat kif ġej:

1.

L-Artikolu 4 (11) għandu jiġi mħassar.

2.

Għandu jiddaħħal l-Artikolu segwenti:

“Artikolu 10ċ

Formalitajiet stabbiliti fil-każ ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 13(2)(d) tar-Regolament għall-funzjonarji u persuni trattati bħala tali.

Għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 13(2)(d), l-istituzzjoni indikata mill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru li l-liġi tiegħu tkun tapplika għandha toħroġ ċertifikat li jgħid li l-funzjonarju jew il-persuna trattata bħala tali hi suġġetta għall-leġiżlazzjoni tiegħu.”.

3.

L-Artikolu 12a għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

It-titolu għandu jiġi mibdul bis-segwenti:

“Regoli applikabbli fir-rigward ta' persuni msemmija fl-Artikolu 14(2) u (3), l-Artikolu 14a(2) sa (4) u l-Artikolu 14ċ tar-Regolament li normalment iwettqu attività ta' impjegati jew impjegati għal-rashom fit-territorju ta' żewġ Stati Membri jew aktar”.

(b)

Is-sentenza introduttiva għandha tiġi mibdula bis-segwenti:

“Għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 14(2) u (3), l-Artikolu 14a(2) sa (4) u l-Artikolu 14ċ tar-Regolament, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:”.

(ċ)

Għandu jiddaħħal il-paragrafu segwenti:

“1a.   Meta, skond l-Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament, persuna li tkun fost il-persunal li jivvjaġġa, inkluż bl-ajru, ta' impriża tat-trasport internazzjonali tkun suġġetta għal-liġi ta' l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsab l-uffiċċju reġistrat jew il-post tan-negozju ta' l-impriża jew il-fergħa jew l-istabbiliment permanenti li jimpjegaha, jew fejn hija tirrisjedi u hi prevalentement impjegata, l-istituzzjoni indikata mill-awtorità kompetenti ta' dak l-Istat Membru għandha toħroġ lill-persuna kkonċernata ċertifikat li jgħid li hi suġġetta għal-liġi tiegħu.”.

4.

L-Artikolu 32a għandu jiġi mħassar.

5.

L-Annessi għandhom jiġu emendati skond l-Anness II ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak li fih ikun pubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 1(9), sa fejn għandu x' jaqsam l-Artikolu 95f tar-Regolament (KEE) Nru. 1408/71, l-Anness I punti (1)(a) u (1)(b) u l-Anness II punti (2) u (4) għandhom japplikaw mill-1 ta' Jannar 2005.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, fit-13 ta' April 2005.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. P. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

N. SCHMIT


(1)  ĠU C 80, tat-30.3.2004, p. 118.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2004 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), Posizzjoni Komuni tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2004 (ĠU C 38 E, tal-15.2.2005, p. 21) u Posizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Marzu 2005 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  ĠU L 149, 5.7.1971, p. 2. Regolament aġġornat bir-Regolament (KE) Nru 118/97 (ĠU L 28, tat-30.1.1997, p. 1), emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 631/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 100, tas-6.4.2004, p. 1) u mħassar b'effett mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta' Implimentazzjoni bir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 166, tat-30.4.2004).

(4)  ĠU L 74, tas-27.3.1972, p. 1. Regolament emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 631/2004.

(5)  Sentenza tat-18 ta' April 2002 fil-każ C-290/00 [ECR] 2002 I-3567.

(6)  Sentenza tat-13 ta' Ġunju 1996 fil-każ C-170/95 [ECR] 1996 I-2921.

(7)  Sentenzi tat-8 ta' Marzu 2001 fil-każ C-215/99 [ECR] 2001 I-1901 u 31 ta' Mejju 2001 fil-każ C-43/99 [ECR] 2001 I-4265.

(8)  Il-prinċipju tat-trattament l-aktar favorevoli ġie mfakkar mill-ECJ fis-sentenzi tagħha tas-7 ta' Frar 1991 każ C-227/89 [ECR] 1991 I-323; tad-9 ta' Novembru 1995, każ C-475/93 [ECR] 1995 I-3813; tad-9 ta' Novembru 2000, każ C-75/99 [ECR] 2000 I-9399; u tal-5 ta' Frar 2002, każ C-277/99 [ECR] 2002 I-1261.

(9)  Sentenza tat-30 ta' April 1996 fil-każ C-214/94 [ECR] 1996 I-2253; Sentenza tat-30 ta' April 1996 fil-każ C-308/93 [ECR] 1996 I-2097; Sentenza tat-15 ta' Jannar 2002 fil-każ C-55/00 [ECR] 2002 I-413.


ANNESS I

L-Annessi għar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 qegħdin hawn jiġu emendati kif ġej:

1.

L-Anness II għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

Fis-sezzjoni I, taħt l-intestatura “D. ĠERMANJA”, it-test għandu jiġi mibdul bil-kelmiet “ma japplikax”.

(b)

Fis-sezzjoni I, taħt l-intestatura “R. AWSTRIJA”, it-test għandu jiġi mibdul bil-kelmiet: “ma japplikax”.

(ċ)

Is-sezzjoni II għandha tiġi emendata kif ġej:

(i)

taħt l-intestatura “G. SPANJA”, il-kelma “Xejn” għandha tiġi mibdula b' li ġej:

Allowances għat-twelid (benefiċċji ta' flus ta' darba biss għat-twelid tat-tielet wild u wild sussegwenti u benefiċċji ta' flus ta' darba biss fil-każ ta' twelid multiplu)”;

(ii)

taħt l-intestatura “H-FRANZA”, it-test għandu jiġi mibdul b' li ġej:

“Għotja għal twelid jew għal adozzjoni (benefiċċju għall-infanzja)”;

(iii)

taħt l-intestatura “W. FINLANDJA”, it-test għandu jiġi mibdul b' li ġej:

“Pakkett tal-maternità, sussidju għall-maternità fl-għamla ta' somma globali u assistenza fl-għamla ta' somma globali intiża sabiex tagħmel tajjeb għan-nefqa ta' adozzjoni internazzjonali skond l-Att dwar s-Sussidji għall-Maternità”.

(d)

Fis-sezzjoni III, taħt l-intestatura “D. ĠERMANJA”, il-punt b) għandu jiġi mħassar.

2.

L-Anness IIa għandu jiġi mibdul bit-test li ġej, li jinkludi, il-partiti kif stabbiliti fl-Att ta' Adeżjoni għall-Unjoni Ewropea ta' l-2003:

“ANNESS IIa

Benefiċċji ta' flus speċjali u mhux kontributorji

Artikolu 10a

A.   BELĠJU

(a)

Allowance bħala sostitut għall-dħul (Liġi tas-27 ta' Frar 1987)

(b)

Dħul garantit għall-anzjani (Liġi tat-22 ta' Marzu 2001).

B.   REPUBBLIKA ĊEKA

Allowance soċjali (Att dwar is-Sostenn Soċjali mill-Istat Nru. 117/1995 Sb.).

Ċ.   DANIMARKA

Spejjeż ta' akkomodazzjoni għall-pensjonanti (Liġi dwar l-assistenza għall-akkomodazzjoni individwali, ikkonsolidata bil-Liġi Nru. 204 tad-29 ta' Marzu 1995).

D.   ĠERMANJA

Dħul bażiku minimu għall-anzjani u għal persuni li b'kapaċità ta' gwadann imnaqqsa taħt il-Kapitolu 4 tal-Ktieb XII tal-Kodiċi Soċjali.

E.   ESTONJA

(a)

Allowance għall-adulti diżabbli (Att dwar il-Benefiċċji Soċjali għal Persuni b'Diżabbiltà tas-27 ta' Jannar 1999).

(b)

Allowance statali għal qgħad (Att dwar il-Protezzjoni Soċjali tal-Persuni Qiegħda ta' l-1 ta' Ottubru 2000).

F.   GREĊJA

Benefiċċji speċjali għall-anzjani (Liġi 1296/82).

G.   SPANJA

(a)

Garanzija ta' dħul minimu (Liġi Nru. 13/82 tas-7 ta' April 1982);

(b)

Benefiċċji fi flus bħala għajnuna għall-anzjani u għall-invalidi li ma jistgħux jaħdmu (Digriet Irjali Nru. 2620/81 ta' l-24 ta' Lulju 1981);

(ċ)

Pensjonijiet mhux kontributorji ta' invalidità u ta' rtirar kif previsti fl-Artikolu 38(1) tat-Test Konsolidat tal-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali, approvat bid-Digriet Irjali Leġiżlattiv Nru. 1/1994 ta' l-20 ta' Ġunju 1994;

(d)

Allowances li jippromovu l-mobbiltà u jikkumpensaw għal spejjeż ta' trasport (Liġi Nru. 13/1982 tas-7 ta' April 1982).

H.   FRANZA

(a)

Allowances supplimentari tal-Fond Speċjali ta' l-Invalidità u l-Fond ta' Solidarjetà ta' l-Anzjani (Liġi tat-30 ta' Ġunju 1956, kodifikata fil-Ktieb VIII tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali);

(b)

Allowances għall-adulti diżabbli (Liġi tat-30 ta' Ġunju 1975, kodifikata fil-Ktieb VIII tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali);

(ċ)

Allowances speċjali (Liġi ta' l-10 ta' Lulju 1952, kodifikata fil-Ktieb VIII tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali).

I.   IRLANDA

(a)

Għajnuna għal qgħad (Att li Jikkonsolida l-Għajnuna Soċjali 1993, Parti III, Kapitolu 2);

(b)

Pensjoni (mhux kontributorja) ta' l-anzjanità (Att li Jikkonsolida l-Għajnuna Soċjali 1993, Parti III, Kapitolu 4);

(ċ)

Pensjoni (mhux kontributorja) ta' l-armla u pensjoni (mhux kontributorja) ta' l-armel (Att li Jikkonsolida l-Għajnuna Soċjali 1993, Parti III, Kapitolu 6 kif emendat mill-Parti V ta' l-Att dwar l-Għajnuna Soċjali 1997);

(d)

Allowance għad-diżabbiltà (Att dwar l-Għajnuna Soċjali 1996, Parti IV).

(e)

Allowance tal-mobbiltà (Att dwar is-Saħħa 1970, Sezzjoni 61)

(f)

Pensjoni għall-għomja (Att li Jikkonsolida l-Għajnuna Soċjali 1993, Parti III, Kapitolu 5).

J.   ITALJA

(a)

Pensjonijiet għal persuni mingħajr mezzi (Liġi Nru. 153 tat-30 ta' April 1969);

(b)

Pensjonijiet u Allowances għal ċivili diżabbli jew invalidi (Liġijiet Nru. 118 tat-30 ta' Marzu 1974, Nru. 18 tal-11 ta' Frar 1980 u Nru. 508 tat-23 ta' Novembru 1988);

(ċ)

Pensjonijiet u Allowances għal min huwa trux u mutu (Liġijiet Nru. 381 tas-26 ta' Mejju 1970 u Nru. 508 tat-23 ta' Novembru 1988);

(d)

Pensjonijiet u Allowances għal ċivili għomja (Liġijiet Nru. 382 tas-27 ta' Mejju 1970 u Nru. 508 tat-23 ta' Novembru 1988);

(e)

Benefiċċji li jissupplimentaw il-pensjonijiet minimi (Liġijiet Nru. 218 ta' l-4 ta' April 1952, Nru. 638 tal-11 ta' Novembru 1983 u Nru. 407 tad-29 ta' Diċembru 1990);

(f)

Benefiċċji li jissupplimentaw l-Allowances għal diżabbiltà (Liġi Nru. 222 tat-12 ta' Ġunju 1984);

(g)

Allowance soċjali (Liġi Nru. 335 tat-8 ta' Awwissu 1995);

(h)

Żieda soċjali (Artikolu 1 (1) u (12) tal-Liġi Nru. 544 tad-29 ta' Diċembru 1988 u emendi suċċessivi).

K.   ĊIPRU

(a)

Pensjoni Soċjali (Liġi dwar il-Pensjoni Soċjali ta' l-1995 (Liġi 25(I)/95), kif emendata);

(b)

Allowance għal diżabbiltà motorja severa (Deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-Ministri Nri. 38 210 tas-16 ta' Ottubru 1992, 41 370 ta' l-1 ta' Awwissu 1994, 46 183 tal-11 ta' Ġunju 1997 u 53 675 tas-16 ta' Mejju 2001);

(ċ)

Għotja speċjali għal persuni għomja (Liġi dwar Għotjiet Speċjali ta' l-1996 (Liġi 77(I)/96), kif emendata).

L.   LATVJA

(a)

Benefiċċju Statali tas-Sigurtà Soċjali (Liġi dwar l-Għajnuna Soċjali tas-26 ta' Ottubru 1995);

(b)

Allowance bħala kumpens għal spejjeż ta' trasport ta' persuni diżabbli b'mobbiltà ristretta (Liġi dwar l-Għajnuna Soċjali tas-26 ta' Ottubru 1995).

M.   LITWANJA

(a)

Pensjoni soċjali (Liġi ta' l-1994 dwar il-Pensjonijet Soċjali);

(b)

Kumpens speċjali tat-trasport għall-persuni diżabbli bi problemi ta' mobbiltà (Liġi ta' l-2000 dwar Kumpens għat-Trasport, Artikolu 7).

N.   LUSSEMBURGU

Dħul għal persuni serjament diżabbli (Artikolu 1(2), Liġi tat-12 ta' Settembru 2003), bl-eċċezzjoni ta' persuni rikonoxxuti bħala ħaddiema diżabbli u impjegati fis-suq prinċipali tax-xogħol jew f'ambjent protett.

O.   UNGERIJA

(a)

Vitalizju ta' l-invalidità (Digriet Nru. 83/1987 (XII 27) tal-Kunsill tal-Ministri dwar il-Vitalizju ta' l-Invalidità);

(b)

Allowance non-kontributorja ta' l-anzjanità (Att III ta' l-1993 dwar l-Amministrazzjoni Soċjali u l-Benefiċċji Soċjali);

(ċ)

Allowance tat-trasport (Digriet tal-Gvern Nru. 164/1995 (XII 27) dwar Allowances tat-Trasport għal Persuni b'Diżabbiltà Fiżika Serja).

P.   MALTA

(a)

Allowance supplimentari (Artikolu 73 ta' l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap. 318) 1987);

(b)

Pensjoni ta' l-età (Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap. 318) 1987).

Q.   OLANDA

(a)

Att dwar l-għajnuna għad-disabilta' għal żgħażagħ diżabbli, tat-24 ta' April 1997 (Wajong);

(b)

Att dwar Benefiċċji Supplimentari tas-6 ta' Novembru 1986 (TW).

R.   AWSTRIJA

Suppliment kumpensattiv (Att Federali tad-9 ta' Settembru 1955 dwar Assigurazzjoni Soċjali Ġenerali - ASVG, Att Federali tal-11 ta' Ottubru 1978 dwar Assigurazzjoni Soċjali għal Persuni fin-Negozju u l-Kummerċ - GSVG u Att Federali tal-11 ta' Ottubru 1978 dwar Assigurazzjoni Soċjali għall-Bdiewa - BSVG).

S.   POLONJA

Pensjoni soċjali (Liġi ta-29 ta' Novembru 1990 dwar l-assistenza soċjali).

T.   PORTUGALL

(a)

Pensjoni statali mhux kontributorja ta' l-anzjanità u ta' l-invalidità (Digriet-Liġi Nru. 464/80 tat-13 ta' Ottubru 1980);

(b)

Pensjoni mhux kontributorja tar-romol (Digriet Regolatur Nru. 52/81 tal-11 ta' Novembru 1981).

U.   SLOVENJA

(a)

Pensjoni statali (Att dwar il-Pensjonijiet u l-Assigurazzjoni tad-Diżabbiltà tat-23 ta' Diċembru 1999);

(b)

Sostenn għall-dħul tal-pensjonanti (Att dwar il-Pensjonijiet u l-Assigurazzjoni tad-Diżabbiltà tat-23 ta' Diċembru 1999);

(ċ)

Allowance ta' manteniment (Att dwar il-Pensjonijiet u l-Assigurazzjoni tad-Diżabbiltà tat-23 ta' Diċembru 1999).

V.   SLOVAKKJA

Aġġustament tal-pensjonijiet bħala sors uniku ta' dħul (Att Nru. 100/1988 Zb.).

W.   FINLANDJA

(a)

Allowance tad-diżabbiltà (Att dwar l-Allowance tad-Diżabbiltà, 124/88);

(b)

Allowance għall-kura tat-tfal (Att dwar l-Allowance għall-Kura tat-Tfal, 444/69);

(ċ)

Allowance għall-akkomodazzjoni tal-pensjonanti (Att dwar l-Allowance għall-Akkomodazzjoni tal-Pensjonanti, 591/78);

(d)

Sostenn għas-suq tax-xogħol (Att dwar il-benefiċċji għall-qgħad 1290/2002);

(e)

Assistenza speċjali għall-immigranti (Att dwar l-Assistenza Speċjali għall-Immigranti, 1192/2002).

X.   ŻVEZJA

(a)

Supplimenti tad-dar għal persuni li jirċievu pensjoni (Liġi 2001: 761);

(b)

Sostenn finanzjarju għall-anzjani (Ligi 2001: 853);

(ċ)

Allowance tad-diżabbiltà u Allowance għal kura għal tfal diżabbli (Liġi 1998: 703).

Y.   RENJU UNIT

(a)

Kreditu Statali tal-Pensjoni (Att dwar Kreditu Statali tal-Pensjoni 2002);

(b)

Allowances ibbażati fuq l-dħul għal persuni li jfittxu impieg (Att dwar persuni li jfittxu impieg 1995, 28 ta' Ġunju 1995, Sezzjonijiet 1, (2) (d) (ii) u 3, u Ordni dwar persuni li jfittxu impieg (Irlanda ta' Fuq) 1995, 18 ta' Ottubru 1995, Artikoli 3(2)(d)(ii) u 5);

(ċ)

Sostenn għall-dħul (Att dwar is-Sigurtà Soċjali 1986 tal-25 ta' Lulju 1986, Sezzjoni 20 sa 22 u Sezzjoni 23, Ordni dwar is-Sigurtà Soċjali (Irlanda ta' Fuq) 1986 tal-5 ta' Novembru 1986, Artikoli 21 sa 24);

(d)

Allowance ta' l-Għajxien għal Persuni Diżabbli (Att dwar Allowances ta' l-Għajxien u ta' l-Impieg għal Persuni Diżabbli 1991 tas-27 ta' Ġunju 1991, Sezzjoni 1 u Ordni dwar Allowances ta' l-Għajxien u ta' l-Impieg għal Persuni Diżabbli (Irlanda ta' Fuq) 1991 ta' l-24 ta' Lulju 1991, Artikolu 3);

(e)

Allowance għall-Assistenza (Att dwar is-Sigurtà Soċjali 1975 ta' l-20 ta' Marzu 1975, Sezzjoni 35, u Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Irlanda ta' Fuq) 1975 ta' l-20 ta' Marzu 1975, Sezzjoni 35);

(f)

Allowance għal Persuni li jipprovdu Kura (Att dwar is-Sigurtà Soċjali 1975 ta' l-20 ta' Marzu 1975, Sezzjoni 37, u Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Irlanda ta' Fuq) 1975 ta' l-20 ta' Marzu 1975, Sezzjoni 37).”

3.

L-Anness III għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

Il-paragrafu li ġej għandu jiddaħħal fin-naħa ta' fuq ta' l-Anness taħt “Kummenti ġenerali”:

“3.

Wara li jittieħed kont tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 6 ta' dan ir-Regolament, ta' min jinnota li d-dispożizzjonijiet ta' Konvenzjonijiet bilaterali li ma jaqgħux fl-ambitu ta' dan ir-Regolament u li jibqgħu fis-seħħ bejn l-Istati Membri mhumiex elenkati f'dan l-Anness, inter alia, dispożizzjonijiet li jipprovdu għall-aggregazzjoni ta' perjodi ta' assikurazzjoni mwettqa f'pajjiż terz.”;

(b)

Fil-parti A, għandhom jitħassru l-punti li ġejjin:

Punti 2, 3 (b), 5, 6, 7, 8, 9, 13, 16, 17, 19, 22, 23, 24, 48, 50, 51, 52, 53, 54, 58, 61, 62, 64, 69, 71(a) u (ċ), 73(a) u (b), 74, 75, 83 (a), (b), 9(ċ), (d), (e), (f), (g), 85, 88, 89, 111, 112, 113, 114, 118, 121, 122, 124, 127, 128, 129, 130, 131, 132, 136, 139, 140, 145, 146, 147, 148, 149, 153, 156, 157, 159, 162, 163, 164, 165, 169, 172, 173, 175, 178, 179, 184, 188, 190, 193, 194, 195, 237, 238, 240, 243, 244, 245, 265, 270, 271, 272, 274, 277, 278, 279, 288, 289, 299, 300.

(ċ)

Fil-parti A, punt 3(a) (Belġju - Ġermanja) it-test għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

“Artikoli 3 u 4 tal-Protokoll Finali tas-7 ta' Diċembru 1957 għall-Konvenzjoni Ġenerali ta' dik id-data, kif jidhru fil-Protokoll Komplimentarju ta' l-10 ta' Novembru 1960 (stimar tal-perijodi ta' assigurazzjoni kompletati f'xi reġjuni fruntaljieri qabel, matul u wara t-Tieni Gwerra Dinjija)”.

(d)

Fil-parti A, punt 67 (Danimarka - Finlandja) it-test għandu jinbidel b' li ġej:

“Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Nordika dwar is-Sigurtà Soċjali tal-15 ta' Ġunju 1992, li jikkonċerna l-kopertura ta' spejjeż żejda ta' vjaġġar minħabba mard matul soġġorn f'pajjiż Nordiku ieħor li jwassal għan-neċessità ta' vjaġġ ta' ritorn għola lejn il-pajjiż ta' residenza”.

(e)

Fil-parti A, punt 68 (Danimarka - Svezja) it-test għandu jinbidel b' li ġej:

“Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Nordika dwar is-Sigurtà Soċjali tal-15 ta' Ġunju 1992, li jikkonċerna l-kopertura ta' spejjeż żejda ta' vjaġġar minħabba mard matul soġġorn f'pajjiż Nordiku ieħor li jwassal għan-neċessità ta' vjaġġ ta' ritorn għola lejn il-pajjiż ta' residenza”.

(f)

F' parti A, punt 71(b) (Ġermanja - Greċja) it-test għandu jinbidel b' li ġej:

“L-Artikoli 8(1), (2)(b) u (3), 9 sa 11 u Kapitoli I u IV, sa fejn jikkonċernaw dawn l-Artikoli, tal-Konvenzjoni dwar assigurazzjoni għall-qgħad tal-31 ta' Mejju 1961, flimkien man-nota fil-minuti ta' l-14 ta' Ġunju 1980 (stimar ta' perijodi ta' assigurazzjoni għall-benefiċċji tal-qgħad fil-każ ta' trasferiment ta' residenza minn Stat għall-ieħor)”.

(g)

Fil-parti A, punt 72 (Ġermanja - Spanja) it-test għandu jinbidel b' li ġej:

“Artikolu 45(2) tal-Konvenzjoni dwar is-Sigurtà Soċjali ta' l-4 ta' Diċembru 1973 (rappreżentazzjoni minn awtoritajiet diplomatiċi u konsulari)”.

(h)

Fil-parti A, punt 73 (Ġermanja - Franza) it-test tal-paragrafi (ċ), (d), (e) u (f) għandu jinbidel b' li ġej:

(a)

“ Ftehim Komplimentarju Nru. 4 ta' l-10 ta' Lulju 1950 għall-Konvenzjoni Ġenerali ta' l-istess data, kif jidher fil-Ftehim Supplimentari Nru. 2 tat-18 ta' Ġunju 1955 (stimar ta' perijodi ta' assigurazzjoni kompletati bejn l-1 ta' Lulju 1940 u t-30 ta' Ġunju 1950);

(b)

Titolu I ta' l-imsemmi Ftehim supplimentari Nru. 2 (stimar ta' perijodi ta' assigurazzjoni kompletati qabel it-8 ta' Mejju 1945);

(ċ)

Punti 6, 7 u 8 tal-Protokoll Ġenerali ta' l-10 ta' Lulju 1950 għall-Konvenzjoni Ġenerali ta' l-istess data (arranġamenti amministrattivi);

(d)

Titoli II, III u IV tal-Ftehim ta' l-20 ta' Diċembru 1963 (sigurtà soċjali fis-Saar)”.

(i)

Fil-parti A, punt 79 (Ġermanja - Lussemburgu) it-test għandu jinbidel b' li ġej:

“Artikoli 4, 5, 6 u 7 tat-Trattat tal-11 ta' Lulju 1959 (stimar ta' perijodi ta' assigurazzjoni kompletati bejn Settembru 1940 u Ġunju 1946)”.

(j)

Fil-parti A, punt 83 (Ġermanja - Awstrija) it-test tal-paragrafi (h) u (i) għandu jinbidel b' li ġej:

“L-Artikolu 1(5) u l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni dwar Assigurazzjoni għall-Qgħad tad-19 ta' Lulju 1978 u Nru. 10 tal-Protokoll Finali għal din il-Konvenzjoni (għoti ta' Allowances għall-qgħad lil ħaddiema tal-fruntiera mill-Istat ta' l-impjieg preċedenti) għandhom jkomplu japplikaw għal persuni li eżerċitaw attività bħala ħaddiema tal-fruntiera f' l-1 ta' Jannar 2005 jew qabel u spiċċaw qiegħda qabel l-1 ta' Jannar 2011”.

(k)

Fil-parti A, punt 90 (Ġermanja - Renju Unit) it-test tal-paragrafi (a), (b) u (ċ) għandu jinbidel b' li ġej:

(a)

“ Artikoli 7(5) u 7(6) tal-Konvenzjoni dwar is-sigurtà soċjali ta' l-20 ta' April 1960 (liġijiet applikabbli għal ċivili li qegħdin jaqdu lis-servizzi armati);

(b)

Artikoli 5(5) u 5(6) tal-Konvenzjoni dwar assigurazzjoni għall-qgħad ta' l-20 ta' April 1960. (liġijiet applikabbli għal ċivili li qegħdin jaqdu lis-servizzi armati)”.

(l)

Fil-parti A, punt 142 (Spanja - Portugall) it-test għandu jinbidel b' li ġej:

“Artikolu 22 tal-Konvenzjoni Ġenerali tal-11 ta' Ġunju 1969 (esportazzjoni tal-benefiċji tal-qgħad)”.

(m)

Fil-parti A, punt 180 (Irlanda - Renju Unit) it-test għandu jinbidel b' li ġej:

“Artikolu 8 tal-Ftehim ta' l-14 ta' Settembru 1971 dwar s-sigurtà soċjali (fir-rigward tat-trasferiment u l-istimar ta' ċerti krediti ta' diżabbiltà)”.

(n)

Fil-parti A, il-punt 267 (Olanda - Portugall) għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

“Artikolu 31 tal-Konvenzjoni tad-19 ta' Lulju 1979 (esportazzjoni tal-benefiċji tal-qgħad)”.

(o)

Fil-parti A, punt 298 (Svezja - Finlandja) it-test għandu jinbidel b' li ġej:

“Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Nordika dwar is-Sigurtà Soċjali tal-15 ta' Ġunju 1992, li jikkonċerna l-kopertura ta' spejjeż ta' vjaġġar żejda minħabba mard matul soġġorn f'pajjiż Nordiku ieħor li jwassal għan-neċessità ta' vjaġġ ta' ritorn għola lejn il-pajjiż ta' residenza”.

(p)

Fil-parti B, għandhom jitħassru l-partiti segwenti:

2, 3, 5, 6, 7, 8, 9, 13, 16, 17, 19, 22, 23, 24, 48, 50, 51, 52, 53, 54, 58, 61, 62, 64, 67, 68, 69, 71, 72, 73, 74, 75, 79, 82, 83, 85, 88, 89, 90, 111, 112, 113, 114, 118, 121, 122, 124, 127, 128, 129, 130, 131, 132, 136, 139, 140, 142, 145, 146, 147, 148, 149, 153, 156, 157, 159, 162, 163, 164, 165, 169, 172, 173, 175, 178, 179, 180, 184, 187, 188, 190, 193, 194, 195, 237, 238, 240, 243, 244, 245, 265, 267, 270, 271, 272, 274, 277, 278, 279, 288, 289, 290, 298, 299, 300.

4.

Fl-Anness IV, is-sezzjoni B għandha tiġi emendata kif ġej:

(a)

Taħt it-titolu “D. ĠERMANJA”, it-test għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

“Assikurazzjoni ta' l-anzjanità tal-bdiewa (Alterssicherung der Landwirte)”;

(b)

Taħt it-titolu “J. ITALJA”, it-test għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

“Skemi ta' assikurazzjoni tal-pensjoni għal (Assicurazione pensioni per):

tobba (medici)

spiżjara (farmacisti)

veterinarji (veterinari)

infermiera, awżiljarji mediċi, infermiera tat-tfal (infermieri, assistenti sanitari, vigilatrici infanzia)

psikoloġi (psikologi)

inġiniera u periti (ingegneri ed architetti)

surveyors (geometri)

avukati (avvocati)

ekonomisti (dottori commercialisti)

accountants u esperti kummerċjali (ragionieri e periti commerciali)

konsulenti dwar l-impieg (consulenti del lavoro)

nutara (notai)

aġenti tad-dwana (spedizionieri doganali)

bijoloġisti (biologi)

tekniċi agrikoli u xjentisti (agrotecnici e periti agrari)

rappreżentanti kummerċjali (agenti e rappresentanti di commercio)

ġurnalisti (giornalisti)

tekniċi industrijali (periti industriali)

attwarji, kimiċi, agronomisti, speċjalisti forestali, ġeoloġi (attuari, chimici, dottori, agronomi, dottori forestali, geologi)”.

(ċ)

Taħt it-titolu “R. AWSTRIJA”, it-test għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

“Skemi ta' pensjonijiet ta' istituzzjonijiet tal-pensjoni ta' assoċjazzjonijiet tal-professjonijiet liberi (Kammern der Freien Berufe)”.

5.

L-Anness VI għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

Taħt it-titolu “C. DANIMARKA”, il-punt 6 (b) għandu jiġi mħassar.

(b)

Taħt it-titolu “C.DANIMARKA”, it-test li ġej għandu jiġi miżjud:

“11.

Il-benefiċċju temporanju għal persuni mingħajr impieg li ġew ammessi fl-iskema ‘xogħol-flessibbli’ (ledighedsydelse) (Liġi Nru. 455 ta' l-10 ta' Ġunju 1997) huwa kopert mit-Titlu III, kapitolu 6 (Benefiċċji tal-qgħad). Fir-rigward ta' persuni mingħajr impieg li jmorru fi Stat Membru ieħor, l-Artikoli 69 u 71 ta' dan ir-Regolament isiru applikabbli meta dan l-Istat Membru ikollu skemi simili ta' impieg għall-istess kategorija ta' persuni.”

(ċ)

Taħt it-titolu “D. ĠERMANJA”, il-punti 3, 11 u 17 għandhom jiġu mħassra u għandhom jiġu miżjuda l-punti li ġejjin:

24.

“ Għall-kalkolu ta' l-ammont teoretiku msemmi fl-Artikolu 46(2)(a) tar-Regolament, fi skemi pensjonistiċi għall-professjonijiet liberi, l-istituzzjoni kompetenti għandha tieħu bħala l-bażi, fir-rigward ta' kull waħda mis-snin ta' previdenza kompjuti taħt il-liġi ta' xi Stat Membru ieħor, d-dritt pensjonistiku annwu medju miksub matul il-perijodu ta' sħubija fl-istituzzjoni kompetenti permezz tal-ħlas ta' kontribuzzjonijiet.

25.

L-Artikolu 79a tar-Regolament għandu japplika mutatis mutandis għall-kalkolu tal-pensjonijiet ta' l-orfni u ż-żidiet jew supplimenti fir-rigward ta' tfal minn skemi pensjonistiċi għall-professjonijiet liberi.”

(d)

Taħt it-titolu “H. FRANZA”, it-test fil-punt 7 għandu jiġi mibdul kif ġej:

“Minkejja l-Artikoli 73 u 74 ta' dan ir-Regolament, l-Allowances għall-akkomodazzjoni u s-suppliment għall-kura tat-tfal skond l-għażla tal-ġenituri (il-benefiċċju ta' l-infanzja) għandhom jingħataw biss lil persuni konċernati u lil membri tal-familji tagħhom li jirrisjedu f'territorju Franċiż.”

(e)

Taħt it-titolu “I. IRLANDA”, il-punt 11 għandu jiġi mħassar.

(f)

Taħt it-titolu “R. AWSTRIJA”, il-punti 8 u 9 li ġejjin għandhom jiġu miżjuda:

8.

“ Għall-kalkolu ta' l-ammont teoretiku skond l-Artikolu 46(2)(a) ta' dan ir-Regolament li jikkonċerna benefiċċji jew partijiet minn benefiċċji ta' skema pensjonistika ta' l-assoċjazzjonijiet tal-professjonijiet liberi (Kammern der Freien Berufe), finanzjata esklussivament bil-metodu ta' skema finanzjata jew ibbażata fuq sistema ta' kont pensjonistiku, l-istituzzjoni kompetenti għandha tieħu kont, fir-rigward ta' kull xahar ta' assikurazzjoni kompjut taħt il-liġi ta' xi Stat Membru ieħor, il-kapital proporzjonali għall-kapital tabilħaqq maturat fl-iskema pensjonistika konċernata, jew ikkunsidrat maturat fl-iskema ta' kont pensjonistiku, u n-numru ta' xhur tal-perjodi ta' assikurazzjoni fl-iskema pensjonistika konċernata.

9.

L-Artikolu 79a tar-Regolament għandu japplika mutatis mutandis għall-kalkolu tal-pensjonijiet ta' l-orfni u ż-żidiet jew supplimenti ta' pensjonijiet fir-rigward ta' tfal minn skema pensjonistika ta' l-assoċjazzjonijiet ta' professjonijiet liberi (Kammern der Freien Berufe).”

(g)

Taħt it-titolu “Y. RENJU UNIT”, it-test għandu jiġi emendat kif ġej:

(i)

Fil-punt 2 (b), il-punti (i) u (ii) għandhom jiġu mibdula b' li ġej:

“(i)

konjuġi jew ex konjuġi meta qiegħda ssir talba minn:

mara miżżewġa jew

persuna li ż-żwieġ tagħha ġie terminat minħabba kawża li mhix il-mewt tal-konjuġi, jew

(ii)

ex konjuġi, meta qiegħda ssir talba minn:

minn armel li eżatt qabel l-età pensjonabbli ma jkunx intitolat għall-allowance ta' ġenitur armel; jew

armla li eżatt qabel l-età pensjonabbli ma tkunx intitolata għall-allowance ta' omm armla, għall-allowance ta' ġenitur armel jew għall-pensjoni tar-romol, jew li tkun intitolata biss għal pensjoni ta' armla relatata ma' l-età ikkalkulata skond l-Artikolu 46(2) tar-Regolament, u għal dan l-iskop ‘pensjoni ta' armla relatata ma' l-età’ tfisser pensjoni ta' armla pagabbli b'rata imnaqqsa skond l-Artikolu 39(4) ta' l-Att dwar il-Kontribuzzjonijiet u l-Benefiċċji tas-Sigurtà Soċjali 1992.”

(ii)

Il-Punt 22 għandu jiġi mħassar.


ANNESS II

L-Annessi għar-Regolament (KEE) Nru. 574/72 għandhom jiġu emendati kif ġej:

1.

Fl-Anness 2, taħt it-titolu “X. SVEZJA”, il-punt 2 għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

“2.

Għal benefiċċji għal qgħad: Inspektionen för arbetslöshetsförsäkringen (Bord Svediż ta' l-Assikurazzjoni kontra l-Qgħad)”.

2.

Fl-Anness 4, taħt it-titolu “D. ĠERMANJA”, għandu jiġi miżjud il-punt li ġej:

“9.

Skemi pensjonistiċi għal professjonijiet liberi:

Arbeitsgemeinschaft Berufsständischer Versorgungseinrichtungen, Köln”.

3.

Fl-Anness 10, taħt it-titolu “C. DANIMARKA”, il-punt 1 l-ewwel inċiż għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

“1.

Għall-fini ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 10ċ, 11(1) 11a (1), 12a, 13(2) u (3), 14(1), (2) u (3) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni: Den Sociale Sikringsstyrelse, København”.

4.

Fl-Anness 10, taħt it-titolu “R. AWSTRIJA”, il-punt 1 għandu jiġi mibdul b' li ġej:

“1.

Għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 14(1)(b), l-Artikolu 14a(1)(b) u l-Artikolu 17 tar-Regolament:

Bundesminister für soziale Sicherheit, Generationen und Konsumentenschutz (Ministru Federali għas-Sigurtà Soċjali, għall-Ġenerazzjonijiet u għall-Protezzjoni tal-Konsumatur), bi ftehim ma' l-amministrazzjoni pubblika rispettiva fir-rigward ta' skemi speċjali għal funzjonarji ċivili u bi ftehim ma' l-istituzzjoni pensjonistika rispettiva fir-rigward ta' skemi pensjonistiċi ta' l-assoċjazzjonijiet tal-professjonijiet liberi (Kammern der Freien Berufe)”.

5.

L-Anness 11 għandu jiġi mħassar.


Top