Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005E0329

Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2005/329/PESK tal- 25 ta’ April 2005 rigward il-Konferenza ta’ Reviżjoni ta’ l-2005 tal-Partijiet għat-Trattat dwar in-Non-Proliferazzjoni ta’ Armi Nukleari

ĠU L 106, 27.4.2005, pp. 32–35 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 159M, 13.6.2006, pp. 388–391 (MT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/compos/2005/329/oj

13.6.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

388


POŻIZZJONI KOMUNI TAL-KUNSILL 2005/329/PESK

tal-25 ta’ April 2005

rigward il-Konferenza ta’ Reviżjoni ta’ l-2005 tal-Partijiet għat-Trattat dwar in-Non-Proliferazzjoni ta’ Armi Nukleari

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 15 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Unjoni Ewropea tkompli tqis lit-Trattat dwar in-Non-proliferazzjoni ta’ Armi Nukleari (NPT) bħala l-pedament tar-reġim globali ta’ non-proliferazzjoni nukleari, il-bażi essenzjali biex jinkiseb id-diżarm nukleari skond l-Artikolu VI ta’ l-NPT u element importanti fl-iżvilupp ulterjuri ta' applikazzjonijiet ta' l-enerġija nukleari għal finijiet paċifiċi.

(2)

Fis-17 ta' Novembru 2003 il-Kunsill adotta il-Pożizzjoni Komuni 2003/805/PESK dwar l-universalizzazzjoni u r-rinfurzar tal-ftehim multilaterali fil-qasam tan-non-proliferazzjoni ta’ armi ta’ qerda tal-massa u l-mezzi ta’ kunsinna tagħhom (1). Fit-12 ta’ Diċembru 2003, il-Kunsill Ewropew adotta strateġija kontra l-proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda tal-Massa.

(3)

Il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta b'mod unanimu r-Riżoluzzjoni 1540 (2004), li tiddeskrivi l-proliferazzjoni ta’ armi ta’ qerda tal-massa u l-mezzi ta’ kunsinna tagħhom bħala theddida għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali.

(4)

Il-Konferenza ta’ Reviżjoni u Estensjoni ta’ l-1995 tal-Partijiet għat-Trattat dwar in-Non-Proliferazzjoni ta’ Armi Nukleari adottat deċiżjonijiet dwar l-estensjoni indefinita tat-Trattat dwar in-Non-Proliferazzjoni ta’ Armi Nukleari, il-Prinċipji u Objettivi tan-Non-Proliferazzjoni u d-Diżarm Nukleari, it-tisħiħ tal-proċess ta’ reviżjoni ta' dak it-Trattat u Riżoluzzjoni dwar il-Lvant Nofsani.

(5)

Fit-13 ta’ April 2000 il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2000/297/PESK dwar il-Konferenza ta’ Reviżjoni ta’ l-2000 tal-Partijiet għat-Trattat dwar in-Non-Proliferazzjoni ta’ Armi Nukleari (2).

(6)

Il-Konferenza ta’ Reviżjoni ta’ l-NPT ta’ l-2000 adottat dokument finali.

(7)

Il-Kumitat ta’ Tħejjija għall-Konferenza ta’ Reviżjoni ta’ l-NPT ta’ l-2005 żamm tliet sessjonijiet, mit-8 sad-19 ta’ April 2002 fi New York, mit-28 ta’ April sad-9 ta’ Mejju 2003 f’Ġinevra u mis-26 ta’ April sas-7 ta’ Mejju 2004 fi New York.

(8)

Fid-29 ta’ April 1997 il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 97/288/PESK dwar il-kontribut ta’ l-Unjoni Ewropea għall-promozzjoni tat-trasparenza fil-kontrolli fuq l-esportazzjonijiet relatati mal-qasam nukleari (3).

(9)

Fis-17 ta’ Mejju 2004 l-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2004/495/PESK dwar is-sostenn għall-attivitajiet ta' l-IAEA taħt il-Programm ta' Sigurtà Nukleari tagħha u fil-qafas ta' l-implimentazzjoni ta' l-istrateġija ta' l-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' Armi ta' Qerda tal-Massa (4).

(10)

Fl-1 ta' Ġunju 2004 l-Kunsill adotta dikjarazzjoni ta' sostenn għall-Inizjattiva ta' Sigurtà kontra il-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda tal-Massa.

(11)

Il-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta’ Verifika bejn l-Istati li m’għandhomx Armi Nukleari tal-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika (EURATOM), l-EURATOM u l-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Atomika (IAEA), il-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta’ Salvagwardji bejn Franza, l-EURATOM u l-IAEA, u l-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta’ Salvagwardji bejn ir-Renju Unit, l-EURATOM u l-IAEA ġew iffirmati u daħlu fis-seħħ fit-30 ta’ April 2004.

(12)

Fid-dawl tar-riżultat tal-Konferenza ta’ Reviżjoni ta’ l-2000 u tad-diskussjonijiet fit-tliet sessjonijiet tal-Kumitat ta’ Tħejjija għall-Konferenza ta’ Reviżjoni ta’ l-NPT ta’ l-2005, u filwaqt li tinżamm preżenti s-sitwazzjoni attwali, huwa xieraq li jiġu aġġornati u żviluppati aktar l-objettivi mniżżla fil-Pożizzjoni Komuni 2000/297/PESK, u l-inizjattivi mwettqa taħt it-termini tagħha.

ADOTTA DIN IL-POŻIZZJONI KOMUNI:

Artikolu 1

L-objettiv ta’ l-Unjoni Ewropea għandu jkun li jissaħħaħ ir-reġim internazzjonali ta’ non-proliferazzjoni nukleari billi jiġi promoss is-suċċess miksub fil-Konferenza ta’ Reviżjoni ta’ l-2005 tal-Partijiet għat-Trattat ta’ Non-Proliferazzjoni ta' Armi Nukleari (NPT).

Artikolu 2

Għall-finijiet ta' l-objettiv stabbilit fl-Artikolu 1, l-Unjoni Ewropea għandha:

a)

tikkontribwixxi għal reviżjoni strutturata u bbilanċata ta' l-operazzjoni ta' l-NPT fil-Konferenza ta' Reviżjoni ta' l-2005, inkluża l-implimentazzjoni ta' impenji meħuda mill-Istati Partijiet taħt it-Trattat, kif ukoll l-identifikazzjoni ta' oqsma u mezzi li permezz tagħhom jista' jinkiseb progress ulterjuri fil-ġejjieni;

b)

tgħin biex jinbena kunsens abbażi tal-qafas stabbilit mill-NPT billi tagħti sostenn lid-Deċiżjonijiet u r-Riżoluzzjoni adottati fil-Konferenza ta' Reviżjoni u Estensjoni ta' l-1995, u lid-dokument finali tal-Konferenza ta' Reviżjoni ta' l-NPT ta' l-2000 u tieħu kont tas-sitwazzjoni attwali u tippromwovi, fost oħrajn, il-kwistjonijiet essenzjali li ġejjin:

1.

teħid ta' sforzi għall-preservazzjoni ta’ l-integrità ta’ l-NPT u t-tisħiħ ta’ l-implimentazzjoni tiegħu;

2.

rikononoxximent li l-NPT huwa strument multilaterali uniku u li ma jistax jiġi sostitwit għaż-żamma u r-rinfurzar tal-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà internazzjonali, minħabba li jistabbilixxi qafas legali għall-prevenzjoni ta' proliferazzjoni miżjuda ta' armi nukleari, għall- żvilupp tas-sistema ta' verifika li tiggarantixxi li Stati li m'għandhomx armi nukleari jużaw l-enerġija nukleari biss għall-finijiet paċifiċi, u li jirrappreżenta l-bażi essenzjali għall-kisba tad-diżarm nukleari skond l-Artikolu VI tiegħu;

3.

ħidma lejn l-adeżjoni universali għall-NPT;

4.

enfażi tal-ħtieġa assoluta għal konformità sħiħa mad-dispożizzjonijiet kollha ta' l-NPT mill-Istati kollha li huma Partijiet;

5.

sejħa lill-Istati kollha li ma jifformawx parti mill-NPT biex jimpenjaw ruħhom għan-non-proliferazzjoni u għad-diżarm u sejħa lil dawk l-Istati biex isiru Stati li huma Parti mill-NPT bħala Stati li m'għandhomx armi nukleari;

6.

rikonoxximent li avvenimenti serji ta' proliferazzjoni nukleari seħħew mit-tmiem tal-Konferenza ta' Reviżjoni ta' l-2000;

7.

enfażi tal-ħtieġa li jissaħħaħ ir-rwol tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, bħala arbitru finali, sabiex jieħu azzjoni adegwata fil-każ ta' non-konformità ma' l-obbligi ta' l-NPT, bi qbil ma' l-Istatut ta' l-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Atomika (IAEA), inkluża l-applikazzjoni ta' salvagwardji;

8.

ġbid ta' l-attenzjoni għall-implikazzjonijiet potenzjali għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali ta' irtirar mill-NPT. Għandha tiġi mħeġġa l-adozzjoni ta' miżuri li jiskuraġġixxu l-irtirar mill-imsemmi Trattat;

9.

sejħa għas-sospenzjoni tal-koperazzjoni nukleari meta l-IAEA ma tistax tipprovdi assigurazzjonijiet adegwati li programm nukleari ta' l-Istat hu mfassal esklussivament għall-finijiet paċifiċi, sa tali żmien meta l-Aġenzija tista' tipprovdi tali assigurazzjonijiet;

10.

sejħa lill-Istati kollha fir-reġjun biex jagħmlu mill-Lvant Nofsani żona verifikabbli b'mod effettiv ħielsa minn armi nukleari u armi oħra ta' qerda tal-massa u s-sistemi ta' kunsinna tagħhom, bi qbil mar-Riżoluzzjoni dwar il-Lvant Nofsani adottata fil-Konferenza ta' Reviżjoni u Estensjoni ta' l-1995;

11.

billi s-sigurtà fl-Ewropa hi marbuta mas-sigurtà fil-Meditterran, tingħata l-għola prijorità lill-implimentazzjoni tar-reġim ta' non-proliferazzjoni nukleari fir-reġjun;

12.

rikonoxximent ta' l-importanza taż-żoni ħielsa mill-armi nukleari għall-paċi u s-sigurtà, abbażi ta' arranġamenti bejn l-Istati tar-reġjun konċernat li daħħlu għalihom b'mod ħieles;

13.

enfażi tal-ħtieġa li jsir kollox possibbli biex jiġi pprevenut ir-riskju ta' terroriżmu nukleari, marbut ma' l-aċċess terroristiku possibbli għal armi jew materjali nukleari li jistgħu jiġu wżati fil-manifattura ta' oġġetti għat-tixrid radjoloġiku u, f'dan il-kuntest, enfażi fuq il-ħtieġa għal konformità ma' obbligi taħt ir-Riżoluzzjoni 1540(2004) tal-Kunsill tas-Sigurtà. Sejħa għal sigurtà iktar stretta għal sorsi radjoattivi ta' attività għolja. Għandu jingħata sostenn lill-azzjoni tal-G8 u l-IAEA f'dan ir-rigward;

14.

rikonoxximent li, fid-dawl taż-żieda tat-theddida ta’ proliferazzjoni nukleari u ta' terroriżmu, l-Inizjattiva ta’ Sigurtà mill-Proliferazzjoni, l-inizjattiva globali għat-tnaqqis tat-theddid u l-inizjattiva ta’ sħubija globali tal-G-8 għandhom jiġu approvati;

15.

sejħa għall-adeżjoni universali mal-Ftehim ta’ Salvagwardji Komprensivi u Protokolli Addizzjonali;

16.

rikonoxximent li l-Ftehim ta' Salvagwardji Komprensivi u Protokolli Addizzjonali għandhom effett ta' deterrent fuq il-proliferazzjoni nukleari u jifformaw l-istandard ta' verifika tal-lum, u tkomplija fil-ħidma għal traċċabbiltà miżjuda ta' kwalunkwe ksur ta' l-obbligi ta' l-NPT;

17.

ħidma għar-rikonoxximent mill-Bord ta’ Gvernaturi ta’ l-IAEA li l-konklużjoni ta’ Ftehim ta’ Salvagwardji Komprensivi u ta' Protokoll Addizzjonali huwa l-istandard ta’ verifika ta' llum;

18.

enfażi tar-rwol uniku ta' l-IAEA fil-verifika tat-twettiq mill-Istati ta' l-impenji tagħhom ta' non-proliferazzjoni nukleari u biex tgħinhom, meta mitluba, biex jirristrinġu s-sigurtà ta' materjali u installazzjonijiet nukleari, u sejħa lill-Istati biex jagħtu sostenn lill-Aġenzija;

19.

rikonoxximent ta' l-importanza ta’ kontrolli effettivi adegwati fuq l-esportazzjonijiet, bi qbil mar-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-Kunsill tas-Sigurtà u skond l-Artikolu III.2 ta’ l-NPT;

20.

implimentazzjoni, fil-livell nazzjonali, ta' kontrolli effettivi fuq l-esportazzjoni, it-transitu, u r-riesportazzjoni, inklużi liġijiet u regolamenti adatti għal dak il-għan;

21.

dħul fis-seħħ ta' sanzjonijiet kriminali effettivi bħala deterrent għall-esportazzjoni, it-transitu, it-trasbord, is-sensar, it-traffikar u l-finanzjament relatat, bi qbil mar-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-Kunsill tas-Sigurtà;

22.

inkoraġġiment għall-Kumitat ta' Zangger u l-Grupp ta' Fornituri Nukleari biex jaqsmu l-esperjenza tagħhom dwar il-kontrolli fuq l-esportazzjoni, sabiex l-Istati kollha jkunu jistgħu jgawdu mill-arranġamenti tal-Kumitat ta' Zangger u l-linji gwida tal-Grupp ta' Fornituri Nukleari (NSG);

23.

li tiġi mfakkra l-ħtieġa biex jissaħħu l-Linji Gwida ta' l-NSG f'data kmieni, biex jiġu adattati għall-isfidi ġodda ta' non-proliferazzjoni;

24.

sejħa lill-Istati Partijiet għall-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni Fiżika ta' Materjal Nukleari biex jaħdmu għal konklużjoni rapida ta' Konvenzjoni emendata;

25.

rikonoxximent tad-dritt ta' Stati Partijiet għall-NPT għal enerġija nukleari għal finijiet paċifiċi, skond l-Artikolu IV tiegħu, b'kont meħud ta' l-Artikoli I, II u III tiegħu;

26.

enfażi fuq l-importanza ta' koperazzjoni internazzjonali kontinwa sabiex jissaħħu s-sigurtà nukleari, l-amministrazzjoni sigura ta' l-iskart u l-protezzjoni radjoloġika u sejħa lill-Istati li għadhom m'għamlux dan biex jaċċedu għall-konvenzjonijiet rilevanti kollha malajr kemm jista' jkun u jimplimentaw b'mod sħiħ l-impenji konsegwenti;

27.

osservazzjoni li l-Istati Partijiet għall-NPT, bi qbil ma' l-Artikolu IV tiegħu, jistgħu jirrikkorru għall-użu paċifiku ta' l-enerġija nukleari, fost oħrajn fil-qasam tal-produzzjoni ta' l-elettriku, ta' l-industrija, tas-saħħa u ta' l-agrikultura;

28.

inkoraġġiment għall-formulazzjoni ta' garanziji ta' aċċess għas-servizzi relatati mal-karburant nukleari, jew għall-karburant stess, soġġetti għall-kondizzjonijiet adegwati;

29.

osservazzjoni tar-rapport tal-grupp ta' esperti ta' l-IAEA dwar approċċi multinazzjonali għaċ-ċiklu ta' karburant nukleari u l-promozzjoni ta' bidu bikri għall-iskrutinju tiegħu mill-IAEA;

30.

enfażi, waqt li jiġu rikonoxxuti r-reduzzjonijiet ta' armi nukleari li saru mill-aħħar tal-Gwerra Bierda, fuq il-ħtieġa għal reduzzjoni ġenerali tal-ħażniet nukleari fil-kisba ta' diżarm nukleari sistematiku gradwali taħt l-Artikolu VI ta' l-NPT u tiġi milqugħa, f'dan il-kuntest, ir-ratifika tat-Trattat ta' Moska mill-Federazzjoni Russa u l-Istati Uniti ta' l-Amerika fl-2003, waqt li tiġi enfasizzata l-ħtieġa għal iktar progress fir-reduzzjoni tal-ħażniet tagħhom;

31.

enfażi fuq il-ħtieġa li jiġu implimentati d-dikjarazzjonijiet magħmula mill-Presidenti tar-Russja u l-Amerika fl-1991 u l-1992 dwar reduzzjonijiet unilaterali tal-ħażniet tagħhom ta' armi nukleari mhux strateġiċi u sejħa lill-Istati kollha b'armi nukleari mhux strateġiċi biex jinkluduhom fil-proċessi tagħhom ta' kontroll ta' l-armi ġenerali u ta' diżarm, bil-ħsieb tar-reduzzjoni u l-eliminazzjoni tagħhom;

32.

rikonoxximent ta' l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' irriversibbiltà biex jiggwida l-miżuri kollha fil-qasam tad-diżarm nukleari u l-kontroll ta’ l-armi, bħala kontribut għaż-żamma u r-rinfurzar tal-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà internazzjonali, waqt li jitqiesu dawn il-kondizzjonijiet;

33.

rikonoxximent ta' l-importanza, mill-perspettiva ta' diżarm nukleari, tal-programmi għall-qerda u l-eliminazzjoni ta' l-armi nukleari u ta' l-eliminazzjoni ta' materjal fissili kif definit fil-kwadru ta' l-isħubija dinjija tal-G8;

34.

li jsiru sforzi biex tiġi żgurata t-trasparenza bħala miżura volontarja ta' bini tal-fiduċja biex jiġi sostnut aktar progress fid-diżarm;

35.

billi t-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta' Provi Nukleari (CTBT) jifforma parti essenzjali tad-diżarm nukleari u r-reġim ta' non-proliferazzjoni u bil-ħsieb tad-dħul fis-seħħ malajr kemm jista' jkun tiegħu, mingħajr kondizzjonijiet, issir sejħa lill-Istati, b'mod partikolari dawk elenkati fl-Anness II, biex jiffirmaw u jirratifikaw it-Trattat mingħajr dewmien u mingħajr kondizzjonijiet u, sakemm jidħol fis-seħħ it-Trattat, issir sejħa lill-Istati kollha biex isegwu moratorju u jieqfu milli jieħdu kwalunkwe azzjoni li tmur kontra l-obbligi u d-dispożizzjonijiet tat-Trattat. Enfażi ta' l-importanza tal-ħidma tal-Kummissjoni ta' Tħejjija ta' l-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta' Provi Nukleari u sostenn attiv tal-ħidma tar-Rappreżentant Speċjali ta' l-Istati li rratifikaw it-Trattat u li għandhom jippromwovu l-adeżjoni universali għat-Trattat;

36.

appell mill-ġdid lill-Konferenza ta' Diżarm għall-bidu immedjat u l-konklużjoni bikrija ta' Trattat non-diskriminatorju u applikabbli universalment li jipprojbixxi l-produzzjoni ta' materjal fissili għal armi nukleari jew oġġetti esplossivi nukleari oħra, mingħajr pre-kondizzjonijiet u waqt li jinżamm preżenti r-rapport tal-kordinatur speċjali u l-mandat inkluż fih u, sakemm jidħol fis-seħħ dan it-Trattat, issir sejħa lill-Istati kollha biex jiddikjaraw u jżommu moratorju fuq il-produzzjoni ta' materjal fissili għal armi nukleari jew oġġetti esplossivi nukleari oħra. L-UE tilqa' l-azzjoni ta' dawk mill-ħames Stati li għandhom armi nukleari li ordnaw il-moratorju rilevanti;

37.

sejħa lill-Istati kollha kkonċernati biex jieħdu miżuri prattiċi adegwati sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ gwerra nukleari aċċidentali;

38.

tkomplija tal-valutazzjoni tal-kwistjoni ta' assigurazzjonijiet fil-qasam tas-sigurtà għall-Istati li m'għandhomx armi nukleari li jiffurmaw Parti mill-NPT;

39.

sejħa lill-Istati li għandhom armi nukleari biex jaffermaw mill-ġdid l-assigurazzjonijiet eżistenti fil-qasam tas-sigurtà innotati mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti fir-Riżoluzzjoni 984 (1995) u biex jiffirmaw u jirratifikaw il-protokolli rilevanti dwar iż-żoni ħielsa mill-armi nukleari, stabbiliti wara l-konsultazzjonijiet meħtieġa, waqt li jkun rikonoxxut li assigurazzjonijiet fil-qasam tas-sigurtà bbażati fuq it-Trattati huma disponibbli għal tali żoni;

40.

enfażi fuq il-ħtieġa għal diżarm ġenerali;

41.

enfażi fuq l-importanza ta' adeżjoni għal u implimentazzjoni universali tal-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi u Tossiniċi (BTWC), il-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi (CWC) u l-konvenzjonijiet, il-miżuri u l-inizjattivi li jikkontribwixxu għall-kontroll ta' l-armi konvenzjonali;

42.

sejħa għal adeżjoni universali għal u implimentazzjoni effettiva tal-Kodiċi ta' Kondotta ta' l-Aja kontra l-Proliferazzjoni tal-Missili Ballistiċi;

43.

ħidma għar-riżoluzzjoni tal-problemi ta' nuqqas ta' stabbiltà u sigurtà reġjonali u tas-sitwazzjonijiet ta' konflitt li ħafna drabi huma l-oriġini ta' programmi ta' l-armi.

Artikolu 3

Azzjoni meħuda mill-Unjoni Ewropea għall-finijiet ta’ l-Artikolu 2 għandhom jinkludu:

a)

fejn ikun adatt, inizjattivi diplomatiċi mill-Presidenza, skond l-Artikolu 18 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, bil-ħsieb li tiġi promossa l-universalità ta’ l-NPT;

b)

inizjattivi diplomatiċi mill-Presidenza, skond l-Artikolu 18 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, fir-rigward ta’ Stati Partijiet għall-NPT, sabiex jiġi mħeġġeġ l-appoġġ tagħhom għall-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 2 ta' din il-Pożizzjoni Komuni;

ċ)

il-kisba ta’ qbil mill-Istati Membri dwar abbozzi ta’ proposti dwar kwistjonijiet sostantivi għal sottomissjoni f’isem l-Unjoni Ewropea għall-konsiderazzjoni mill-Istati Partijiet mill-NPT u li jistgħu jifformaw il-bażi għal deċiżjonijiet tal-Konferenza ta’ Reviżjoni ta’ l-NPT tas-sena 2005;

d)

id-dikjarazzjonijiet mill-Unjoni Ewropea, mogħtija mill-Presidenza fid-Dibattitu Ġenerali u fid-dibattiti fit-tliet Kumitati Ewlenin.

Artikolu 4

Din il-Pożizzjoni Komuni għandha tidħol b’effett mid-data ta’ l-adozzjoni tagħha.

Artikolu 5

Din il-Pożizzjoni Komuni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Lussemburgu, nhar il-25 ta’ April 2005.

Għall-Kunsill

Il-President

J. ASSELBORN


(1)   ĠU L 302, 20.11.2003, p. 34.

(2)   ĠU L 97, 19.4.2000, p. 1.

(3)   ĠU L 120, 12.5.1997, p. 1.

(4)   ĠU L 182, 19.5.2004, p. 46.


Top