Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32002R0889

Ir-Regolament (KE) Nru 889/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Mejju 2002 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2027/97 dwar ir-responsabbiltà ta' trasportaturi bl-ajru fl-eventwalità ta' inċidentiTest b'relevanza għaż-ŻEE.

OJ L 140, 30.5.2002, p. 2–5 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)
Special edition in Czech: Chapter 07 Volume 006 P. 246 - 249
Special edition in Estonian: Chapter 07 Volume 006 P. 246 - 249
Special edition in Latvian: Chapter 07 Volume 006 P. 246 - 249
Special edition in Lithuanian: Chapter 07 Volume 006 P. 246 - 249
Special edition in Hungarian Chapter 07 Volume 006 P. 246 - 249
Special edition in Maltese: Chapter 07 Volume 006 P. 246 - 249
Special edition in Polish: Chapter 07 Volume 006 P. 246 - 249
Special edition in Slovak: Chapter 07 Volume 006 P. 246 - 249
Special edition in Slovene: Chapter 07 Volume 006 P. 246 - 249
Special edition in Bulgarian: Chapter 07 Volume 009 P. 146 - 149
Special edition in Romanian: Chapter 07 Volume 009 P. 146 - 149
Special edition in Croatian: Chapter 07 Volume 004 P. 60 - 63

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2002/889/oj

32002R0889



Official Journal L 140 , 30/05/2002 P. 0002 - 0005


Ir-Regolament (KE) Nru 889/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tat-13 ta' Mejju 2002

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2027/97 dwar ir-responsabbiltà ta' trasportaturi bl-ajru fl-eventwalità ta' inċidenti

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 80(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Wara konsultazzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,

Waqt li jaġixxu skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 251 tat-Trattat [3],

Billi:

(1) Fil-qafas tal-politika komuni dwar it-trasport huwa importanti li jiġi żgurat livell adegwat ta' kumpens lill-passiġġieri involuti f'inċidenti ta' l-ajru.

(2) Konvenzjoni ġdida għall-Unifikazzjoni ta' Ċerti Regoli Relativi għat-trasport Internazzjonali bl-Ajru ġiet miftiehma f'Montreal fit-28 ta' Mejju 1999 li waqqfet regoli globali ġodda dwar ir-responsabbiltà fil-każta' inċidenti għat-trasport internazzjonali bl-ajru li jissostitwixxu lil dawk fil-Konvenzjoni ta' Varsavja ta' l-1929 u l-emendi sussegwenti tagħha [4].

(3) Il-Konvenzjoni ta' Varsavja tibqa' teżisti flimkien mal-Konvenzjoni ta' Montreal għal perjodu indefinit.

(4) Il-Konvenzjoni ta' Montreal tipprovdi għal reġim ta' responsabbiltà illimitata fil-każta' mewt jew ta' korriment tal-passiġġieri bl-ajru.

(5) Il-Komunità ffirmat il-Konvenzjoni ta' Montreal fil-waqt li indikat l-intenzjoni tagħha li ssir sħab fil-ftehim billi tirratifikah.

(6) Huwa neċessarju li jiġi emendat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2027/97 tad-9 ta' Ottubru 1997 dwar ir-responsabbiltà tat-trasportatur bl-ajru fil-każta' inċidenti [5] sabiex jiġi allinjat mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Montreal, u hekk tiġi kreata sistema uniformi ta' responsabbiltà għat-trasport internazzjonali bl-ajru.

(7) Dan ir-Regolament u l-Konvenzjoni ta' Montreal isaħħu l-protezzjoni tal-passiġġieri u tad-dipendenti tagħhom u ma jistgħux jiġu interpretati sabiex idgħajfu l-protezzjoni tagħhom fir-rigward tal-leġislazzjoni preżenti fid-data ta' l-adozzjoni ta' dan ir-Regolament.

(8) Fis-suq intern ta' l-avjazzjoni, id-distinzjoni bejn trasport nazzjonali u internazzjonali ġiet eliminata u huwa għalhekk xieraq li jkun hemm l-istess livell u natura ta' responsabbiltà fit-trasport internazzjonali u nazzjonali fil-Komunità.

(9) F'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà, azzjoni fuq livell Komunitarju hija mixtieqa sabiex jinħoloq sett wieħed ta' regoli għat-trasportaturi bl-ajru kollha tal-Komunità.

(10) Sistema ta' responsabbiltà illimitata fil-każta' mewt jew ta' korriment tal-passiġġieri hija mixtieqa fil-kuntest ta' sistema ta' trasport bl-ajru sikura u moderna.

(11) It-trasportatur bl-ajru Komunitarju m'għandux ikun jista' japprofitta ruħu mill-Artikolu 21(2) tal-Konvenzjoni ta' Montreal sakemm ma jippruvax li l-ħsara ma kinitx minħabba negliġenza jew xi att illeċitu jew ommissjoni oħra tat-trasportatur jew tad-dipendenti jew l-aġenti tiegħu.

(12) Limiti uniformi ta' responsabbiltà għat-telf ta' ħsara jew qerda ta' bagalji u għall-ħsara kkaġunata minn dewmien li japplikaw għal kull vjaġġar bit-trasportaturi Komunitarji, jiżguraw regoli sempliċi u ċari kemm għall-passiġġieri kif ukoll għal-linji ta' l-ajru u jippermettu l-passiġġieri jistabilixxu meta assigurazzjoni addizzjonali tkun meħtieġa.

(13) Ma jkunx prattiku għal trasportaturi bl-ajru Komunitarji u ta' konfużjoni għall-passiġġieri tagħhom jekk kieku kellhom japplikaw reġimi ta' responsabbiltà diversi fuq id-diversi rotot tul in-networks tagħhom.

(14) Hu mixtieq li vittmi ta' inċidenti u d-dipendenti tagħhom jiġu meħlusa minn inkwiet finanzjarju għal qasir żmien fil-perjodu immedjatament wara inċident.

(15) L-Artikolu 50 tal-Konvenzjoni ta' Montreal jeħtieġli l-partijiet jiżguraw li t-trasportaturi bl-ajru jkunu assigurati b'mod adegwat u jeħtieġu jieħdu kont ta' l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2407/92 tat-23 ta' Lulju 1992 dwar il-liċenzjar tat-trasportaturi bl-ajru [6] konformi ma' din id-dispożizzjoni.

(16) Hu mixtieq li tiġi mogħtija informazzjoni bażika dwar ir-regoli ta' responsabbiltà applikabbli għal kull passiġġier sabiex huma jkunu jistgħu jagħmlu arranġamenti ta' assigurazzjoni addizzjonali qabel il-vjaġġ jekk ikun meħtieġ.

(17) Ikun neċessarju li jiġu riveduti l-imposti finanzjarji previsti f'dan ir-Regolament sabiex jittieħed kont ta' l-inflazzjoni u ta' xi reviżjoni tal-limiti ta' responsabbiltà fil-Konvenzjoni ta' Montreal.

(18) Safejn aktar regoli jkunu meħtieġa sabiex tiġi implimentata l-Konvenzjoni ta' Montreal dwar punti li mhumiex koperti bir-Regolament (KE) Nru 2027/97, tkun ir-responsabbiltà ta' l-Istati Membri li jagħmlu dawn id-dispożizzjonijiet,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 2027/97 huwa emendat hekk kif ġej:

1. it-titolu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"Ir-Regolament (KE) Nru 2027/97 dwar ir-responsabbiltà tat-trasportaturi bl-ajru fir-rigward tat-trasport ta' passiġġieri u l-bagalji tagħhom bl-ajru."

;

2. L-Artikolu 1 jiġi mibdul b'dan li ġej:

"L-Artikolu 1

Dan ir-Regolament jimplimenta d-dispożizzjonijiet relevanti tal-Konvenzjoni ta' Montreal fir-rigward tat-trasport ta' passiġġieri u l-bagalji tagħhom bl-ajru u jistabbilixxi ċerti dispożizzjonijiet supplimentari. Jestendi wkoll l-applikazzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet għat-trasport bl-ajru fi ħdan Stat Membru wieħed.";

3. L-Artikolu 2 jiġi mibdul b'dan li ġej:

"L-Artikolu 2

1. Għall-fini ta' dan ir-Regolament:

(a) "trasportatur bl-ajru", tfisser impriża ta' trasport bl-ajru b'liċenzja valida għall-operat;

(b) "Trasportatur bl-ajru Komunitarju", tfisser trasportatur bl-ajru b'liċenzja valida għall-eżerċizzju mogħtija minn Stat Membru skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KEE) Nru 2407/92;

(ċ) "persuna intitolata għal kumpens", tfisser passiġġier jew kull persuna intitolata biex tagħmel talba għal dak il-passiġġier, skond il-liġi applikabbli;

(d) "bagalji",, sakemm mhux speċifikat mod ieħor, tfisser bagalji kemm reġistrati kemm mhux reġistrati skond it-tifsira ta' l-Artikolu 17(4) tal-Konvenzjoni ta' Montreal;

(e) "SDR", tfisser dritt speċjali ta' ġbid kif definit mill-Fond Monetarju Internazzjonali;

(f) "Il-Konvenzjoni ta' Varsavja", tfisser il-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta' Ċerti Regoli Dwar it-trasport Internazzjonali bl-Ajru, iffirmata f'Varsavja nhar it-12 ta' Ottubru 1929, jew il-Konvenzjoni ta' Varsavja kif emendata fl-Aja fit-28 ta' Settembru 1955 u l-Konvenzjoni supplimentari għall-Konvenzjoni ta' Varsavja magħmula fi Guadalajara fit-18 ta' Settembru 1961;

(g) "Il-Konvenzjoni ta' Montreal", tfisser "il-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta' Ċerti Regoli dwar it-trasport Internazzjoni bl-Ajru",, iffirmata f'Montreal fit-28 ta' Mejju 1999.

2. Il-kunċetti misjuba f'dan ir-Regolament li mhumiex definiti fil-paragrafu 1 huma ekwivalenti għal dawk użati fil-Konvenzjoni ta' Montreal.",

4. L-Artikolu 3 jiġi mibdul b'dan li ġej:

"L-Artikolu 3

1. Ir-responsabbiltà ta' trasportatur bl-ajru Komunitarju fir-rigward ta' passiġġieri u l-bagalji tagħhom tiġi regolata mid-dispożizzjonijiet kollha tal-Konvenzjoni ta' Montreal pertinenti għal din ir-responsabbiltà.

2. L-obbligu ta' assigurazzjoni skond l-Artikolu 7 tar-Regolament (KEE) Nru 2407/92 safejn tirrelata għar-responsabbiltà għall-passiġġieri għandha tiftiehem bħala li teħtieġ li trasportatur bl-ajru Komunitarju jkun assigurat sa livell li hu adegwat sabiex jiżgura li l-persuni kollha ntitolati għal kumpens jirċievu l-ammont kollu li huma ntitolati għalih skond dan ir-Regolament.";

5. jiġi miżjud dan l-Artikolu li ġej:

"L-Artikolu 3a

Is-somma supplimentari li, skond l-Artikolu 22(2) tal-Konvenzjoni ta' Montreal, tista' tintalab minn trasportatur bl-ajru Komunitarju meta xi passiġġier jagħmel dikjarazzjoni speċjali ta' interess fil-konsenja tal-bagalji tiegħu f'destinazzjoni, għandha tiġi bażata fuq tariffa relatata ma' l-ispejjez addizzjonali nvoluti fit-trasport u fl-assigurazzjoni tal-bagalji kkonċernati, fuq dawk għal bagalji valutati fil- jew taħt il-limitu ta' responsabbiltà. It-tariffa għandha tkun disponibbli għall-passiġġieri li jitolbuha.";

6. L-Artikolu 4 jiġi mħassar;

7. L-Artikolu 5 jiġi mibdul b'dan li ġej:

"L-Artikolu 5

1. It-trasportatur bl-ajru Komunitarju għandu mingħajr dewmien, u f'kull każ sa mhux aktar tard minn ħmistax-il ġurnata wara li l-identità tal-persuna fiżika intitolata għal kumpens tkun ġiet stabbilita, jagħmel ħlasijiet bħal dawn bil-quddiem kif jista' jkun meħtieġsabiex jintlaħqu l-bżonnijiet ekonomiċi immedjati fil-proporzjon tat-tbatija sofferta.

2. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, ħlas bil-quddiem ma jistax ikun anqas mill-ekwivalenti f'euro ta' 16000 SDR għal kull passiġġier fil-każ ta' mewt.

3. Ħlas bil-quddiem ma jfissirx rikonoxximent ta' responsabbiltà u jista' jiġi paċut ma' xi somom sussegwenti mħallsa fuq bażi tar-responsabbiltà tat-trasportatur bl-ajru Komunitarju, imma ma jistax jingħata lura, minbarra, fil-każijiet previsti fl-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni ta' Montreal jew meta l-persuna li tkun irċeviet il-ħlas bil-quddiem ma tkunx il-persuna intitolata għal kumpens.";

8. L-Artikolu 6 jiġi mibdul b'dan li ġej:

"L-Artikolu 6

1. It-trasportaturi bl-ajru kollha għandhom, meta jbigħu trasport bl-ajru fil-Komunità, jiżguraw li sommarju tad-dispożizzjonijiet prinċipali li jirregolaw ir-responsabbiltà għall-passiġġieri u l-bagalji tagħhom, inklużi t-termini previsti għall-azzjoni għal kumpens u l-possibbiltà li jagħmlu dikjarazzjoni speċjali għal bagalji, ikun disponibbli għall-passiġġieri fil-postijiet ta' bejgħ kollha, inkluż bejgħ bit-telefon u permezz ta' l-Internet. Sabiex jikkonformaw ma' dan l-obbligu ta' informazzjoni, it-trasportaturi bl-ajru Komunitarji għandhom jużaw l-avviż misjub fl-Anness. Dan is-sommarju jew avviż ma jistax jintuża bħala bażi għal talba għal kumpens, lanqas biex jiġu interpretati d-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament jew tal-Konvenzjoni ta' Montreal.

2. B'żieda ma' l-obbligu ta' l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, it-trasportaturi bl-ajru kollha għandhom, fir-rigward ta' trasport bl-ajru fornit jew mixtri fil-Komunità, jipprovdu lil kull passiġġier indikazzjoni bil-miktub ta':

- il-limitu applikabbli għal dik it-titjira dwar ir-responsabbiltà tat-trasportatur fir-rigward ta' mewt jew ta' korriment, jekk limitu bħal dan jeżisti,

- il-limitu applikabbli għal dik it-titjira dwar ir-responsabbiltà tat-trasportatur fir-rigward ta' distruzzjoni, telf jew ħsara lil bagalji u twissija li bagalji ta' valur akbar minn din il-figura għandhom jiġu dikjarati lill-linja ta' l-ajru fiċ-check in jew assigurati kompletament mill-passiġġier qabel il-vjaġġ;

- il-limitu applikabbli għal dik it-titjira dwar ir-responsabbiltà tat-trasportatur għal ħsara kkaġunata minn dewmien.

3. Fil-każ tat-trasport kollu magħmul mit-trasportaturi bl-ajru Komunitarji, il-limiti indikati skond l-obbligi ta' informazzjoni tal-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu dawk stabbiliti minn dan ir-Regolament sakemm it-trasportatur bl-ajru Komunitarji ma japplikax volontarjament limiti ogħla. Fil-każ tat-trasport kollu magħmul minn trasportaturi bl-ajru mhumiex Komunitarji, il-paragrafi 1 u 2 japplikaw biss fir-rigward ta' trasport lejn, minn jew fil-Komunità.";

9. L-Artikolu 7 jiġi mibdul b'dan li ġej:

"L-Artikolu 7

Mhux aktar tard minn tliet snin wara d-data li fiha r-Regolament (KE) Nru 889/2002 [7] jibda jseħħ, il-Kummissjoni għandha tfassal rapport dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Partikolarment, il-Kummissjoni għandha teżamina l-bżonn li tirrevedi l-imposti msemmija fl-Artikoli relativi tal-Konvenzjoni ta' Montreal fid-dawl ta' żviluppi ekonomiċi u n-notifikazzjonijiet tad-Depożitarju ta' l-ICAO.";

10. jiġi miżjud l-Anness li ġej:

"

L-ANNESS

Responsabbiltà tat-trasportatur bl-ajru għall-passiġġieri u l-bagalji tagħhom

Dan l-avviż ta' informazzjoni jġib fil-qosor ir-regoli ta' responsabbiltà applikati mit-trasportaturi bl-ajru Komunitarji kif meħtieġ mid-dritt Komunitarju u mill-Konvenzjoni ta' Montreal.

Kumpens fil-każ ta' mewt jew korriment

M'hemmx limiti finanzjarji għar-responsabbiltà f'każta' korriment jew mewt tal-passiġġieri. Għal ħsarat sa 100000 SDR (ammont approssimattiv f'munita lokali) it-trasportatur bl-ajru ma jistax jikkontesta t-talbiet għal kumpens. Għal ammont akbar minn dak, it-trasportatur bl-ajru jista' jiddefendi ruħu kontra talba billi jipprova li ma kienx negliġenti jew inkella b'mod ieħor bi ħtija.

Pagamenti bil-quddiem

Jekk passiġġier imut jew ikorri, it-trasportatur bl-ajru għandu jagħmel pagament bil-quddiem, biex ikopri l-bżonnijiet ekonomiċi immedjati, fi żmien 15-il ġurnata mill-identifikazzjoni tal-persuna ntitolata għal kumpens. Fil-każ ta' mewt, dan il-pagament bil-quddiem m'għandux ikun anqas minn 16000 SDR (ammont approssimattiv f'munita lokali).

Dewmien lill-passiġġier

Fil-każ ta' dewmien lill-passiġġier, it-trasportatur bl-ajru huwa responsabbli għall-ħsara sakemm ma jkunx ħa l-miżuri raġonevoli kollha sabiex jevita l-ħsara jew kien impossibbli jieħu tali miżuri. Ir-responsabbiltà għad-dewmien lill-passiġġieri hi limitata għal 4150 SDR (ammont approssimattiv f'munita lokali).

Dewmien tal-bagalji

Fil-każ ta' dewmien tal-bagalji, it-trasportatur bl-ajru hu responsabbli għall-ħsara sakemm ma jkunx ħa l-miżuri raġonevoli kollha sabiex jevita l-ħsara jew kien impossibbli li jieħu tali miżuri. Ir-responsabbiltà għad-dewmien tal-bagalji hi limitata għal 1000 SDR (ammont approssimattiv f'munita lokali).

Qerda, telf jew ħsara tal-bagalji

It-trasportatur bl-ajru hu responsabbli għall-qerda, telf jew ħsara tal-bagalji sa 1000 SDR (ammont approssimattiv f'munita lokali). Fil-każ ta' bagalji reġistrati, hu responsabbli anki jekk ma jkollux ħtija, sakemm il-bagalji ma jkunux difettużi. Fil-każ ta' bagalji mhux reġistrati, it-trasportatur ikun responsabbli biss jekk ikollu ħtija.

Limiti ogħla għall-bagalji

Passiġġier jista' jibbenefika minn limitu ta' responsabbiltà ogħla billi jagħmel dikjarazzjoni speċjali mhux aktar tard miċ-checkin u jħallas dritt supplementari.

Ilmenti fuq bagalji

F'każ ta' ħsara, dewmien, telf jew qerda tal-bagalji, il-passiġġier għandu jilmenta bil-miktub mal-linja ta' l-ajru malajr kemm jista' jkun. Fil-każ ta' ħsara f'bagalji reġistrati, il-passiġġier għandu jilmenta bil-miktub fi żmien sebat ijiem, u fil-każ ta' dewmien fi żmien 21 ġurnata, fiż-żewġ każijiet mid-data li fiha l-bagalji jiġu mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-passiġġier.

Responsabbilità tat-trasportaturi kontraenti u dawk effettivi

Jekk it-trasportatur bl-ajru li fil-fatt jagħmel it-titjira ma jkunx it-trasportatur bl-ajru kontraenti, il-passiġġier ikollu d-dritt jindirizza l-ilment jew jagħmel it-talba għal ħsarat kontra kull wieħed minnhom. Jekk l-isem jew il-kodiċi ta' trasportatur bl-ajru jkun indikat fuq il-biljett, dak it-trasportatur bl-ajru jkun it-trasportatur bl-ajru kontraenti.

Żmien limitu għall-azzjoni

Kull azzjoni bil-qorti għad-danni għandha tiġi magħmula fi żmien sentejn mid-data tal-wasla ta' l-ajruplan, jew mid-data li fiha l-ajruplan kellu jasal.

Bażi ta' l-informazzjoni

Il-bażi tar-regoli imsemmija hawn fuq hija l-Konvenzjoni ta' Montreal tat-28 ta' Mejju 1999, li ġiet implimentata mill-Komunità bir-Regolament (KE) Nru 2027/97 (kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 889/2002) u mil-leġislazzjoni nazzjonali tal-Pajjiżi Membri.

"

L-Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Japplika mid-data tad-dħul fis-seħħtiegħu jew mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni ta' Montreal għall-Komunità, liema minnhom tiġi l-aħħar.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fit-13 ta' Mejju 2002.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

P. Cox

Għall-Kunsill

Il-President

J. Piqué I Camps

[1] ĠU C 337 E, tat-28.11.2000, p. 68 u ĠU C 213 E, tal-31.7.2001, p. 298.

[2] ĠU C 123, tal-25.4.2001, p. 47.

[3] L-opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' April 2001 (ĠU C 21, ta' l-24.1.2002, p. 256) Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tad-19 ta' Diċembru 2001 (ĠU C 58 E, tal-5.3.2002, p. 8) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2002.

[4] ĠU L 194, tat-18.7.2001, p. 38.

[5] ĠU L 285, tas-17.10.1997, p. 1.

[6] ĠU L 240, ta' l-24.8.1992, p. 1.

[7] ĠU L 140, tat-30.5.2002, p. 2.

--------------------------------------------------

Top