Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31998D0216

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 1998 fuq il-konklużjoni, f'isem il-Komunitajiet Ewropej, tal-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda biex tkun kumbattuta d-deżertifikazzjoni f'pajjiżi affettwati serjament minn nixfa u/jew deżertifikazzjoni, b'mod partikolari fl-Afrika

    ĠU L 83, 19.3.1998, p. 1–2 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/1998/216/oj

    Related international agreement

    31998D0216



    Official Journal L 083 , 19/03/1998 P. 0001 - 0002


    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

    tad-9 ta' Marzu 1998

    fuq il-konklużjoni, f'isem il-Komunitajiet Ewropej, tal-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda biex tkun kumbattuta d-deżertifikazzjoni f'pajjiżi affettwati serjament minn nixfa u/jew deżertifikazzjoni, b'mod partikolari fl-Afrika

    (98/216/KE)

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej, u b'mod partikolari l-Artikolu 130r (4) u l-Artikolu 130y, flimkien ma' l-Artikolu 228(2), l-ewwel sentenza u (3), l-ewwel paragrafu tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

    billi l-Kummissjoni pparteċipat f'isem il-Komunità fin-negozjati għall-preparazzjoni ta' Konvenzjoni internazzjonali biex tkun kumbattuta d-deżertifikazzjoni bi qbil mal-mandat konferit lilha mill-Kunsill;

    billi dik il-Konvenzjoni kienet iffirmata f'isem il-Komunità f'Pariġi nhar l-14 ta' Ottubru 1994;

    billi l-għan ta' dik il-Konvenzjoni hu li tkun kumbattuta d-deżertifikazzjoni u li jkunu mtaffijin l-effetti tan-nixfa f'dawk il-pajjiżi li jesperjenzaw nixfa u/jew deżertifikazzjoni serja/i, b'mod partikolari fl-Afrika, permezz ta' azzjoni effettiva fil-livelli kollha, b'appoġġ mill-koperazzjoni internazzjonali u mill-arranġamenti ta' sħubija, fil-qafas ta' approċċ integrat bil-ħsieb li jingħata kontribut biex jintlaħaq żvilupp sostenibbli f'postijiet affettwati;

    billi d-deżertifikazzjoni hija problema maġġuri ambjentali kkawżata minn interazzjonijiet komplessi bejn fatturi fiżiċi, bioloġiċi, politiċi, soċjali, kulturali u ekonomiċi;

    billi l-Komunità adottat miżuri, inklużi atti leġislattivi, u tappoġġa inizjattivi fl-oqsma regolati mill-Konvenzjoni u għandha d-dmir li tafferma u li żżomm mar-rabta tagħha f'dawn l-oqsma f'livell internazzjonali;

    billi l-politika tal-Komunità fuq l-Ambjent tikkontribwixxi għall-promozzjoni, f'livell internazzjonali, ta' miżuri maħsuba biex jittrattaw kwistjonijiet ambjentali reġjonali jew globali, inkluża d-deżertifikazzjoni;

    billi l-politika tal-Komunità fuq koperazzjoni ta' żvilupp tinkoraġġixxi l-iżvilupp sostenibbli ekonomiku u soċjali fil-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw, b'mod partikolari dawk l-aktar żvantaġġati fosthom, u l-qerda tal-faqar fil-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw, tnejn mill-għanijiet li l-Konvenzjoni tipprova tilħaq ukoll;

    billi l-Konvenzjoni tinkludi dispożizzjonijiet biex tgħin fit-twaqqif ta' inizjattivi għall-protezzjoni ta' l-ambjent u b'hekk tikkumbatti d-deżertifikazzjoni fin-naħa ta' fuq tal-Mediterran; billi, għalhekk, miżuri bħal dawn għandhom jgħinu biex jittrattaw kwistjonijiet ambjentali reġjonali;

    billi l-politika ta' riċerka xjentifika u teknoloġika tal-Komunità tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għall-konservazzjoni ta' l-ambjent u l-qerda tad-deżertifikazzjoni, b'mod speċjali permezz tal-programmi speċifiċi tagħha għall-koperazzjoni xjentifika u teknoloġika ma' pajjiżi terzi, u anki permezz ta' attivitajiet ta' bidla globali tal-programm Ambjentali u tal-Klima;

    billi l-konklużjoni tal-Konvenzjoni tista' tiġi kkunsidrata għall-adozzzjoni futura ta' miżuri li għandhom x'jaqsmu ma' inizjattivi speċifiċi fil-qasam ta' l-iżvilupp ekonomiku u soċjali;

    billi, skond l-oqsma tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, il-Komunità u l-Istati Membri jikkoperaw ma' pajjiżi terzi u ma' l-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti;

    billi l-Istati Membri kollha diġa' kkonkludew il-Konvenzjoni billi ddepożitaw l-istrumenti ta' ratifika tagħhom;

    billi l-konklużjoni tal-Konvenzjoni mill-Komunità se tgħin biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 130a, 130b u 130u tat-Trattat,

    IDDEĊIEDA DAN LI ĠEJ:

    Artikolu 1

    Il-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda biex tikkumbatti d-deżertifikazzjoni f'dawk il-pajjiżi li jesperjanzaw nixfa u/jew deżertifikazzjoni serja/i, b'mod partikolari fl-Afrika, hija hawnhekk approvata f'isem il-Komunità.

    It-test sħiħ tal-Konvenzjoni u d-dikjarazzjoni tal-kompetenzi previsti fl-Artikolu 34(2) u (3) ta' dik il-Konvenzjoni huma annessi ma' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Il-President tal-Kunsill hu hawnhekk awtorizzat li jaħtar il-persuna/i li għandha/hom il-poter li jiddepożita/w l-istrument tar-ratifika tal-Konvenzjoni mas-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda, bi qbil ma' l-Artikolu 34 tal-Konvenzjoni.

    Din/dawn il-persuna/i għandha/hom fl-istess ħin jiddepożita/w id-dikjarazzjoni tal-kompetenzi annessi ma' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 3

    Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata mill-Komunità fil-Konferenza tal-Partijiet, fejn dak il-korp huwa msejjaħ biex jadotta deċiżjonijiet li għandhom effett legali, għandha tiġi adottata mill-Kunsill li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni.

    Il-Komunità għandha tkun rappreżentata fil-Konferenza tal-Partijiet mill-Kummissjoni fil-każ ta' affarijiet li jaqgħu taħt il-poteri tal-Komunità.

    Artikolu 4

    Din id-Deċizjoni għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    Magħmul fi Brussel, fid-9 ta' Marzu 1998.

    F'isem il-Kunsill

    Il-President

    G. Brown

    [1] ĠU C 299, 30.09.1997, p. 1.

    [2] ĠU C 339, ta' l-10.11.1997.

    --------------------------------------------------

    Top