This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 31987D0600
87/600/Euratom: Council Decision of 14 December 1987 on Community arrangements for the early exchange of information in the event of a radiological emergency
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ l-14 ta’ Diċembru 1987 dwar arranġamenti tal-Komunita għal skambju kmieni ta’ informazzjoni fil-każ ta’ emerġenza radjoloġika
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ l-14 ta’ Diċembru 1987 dwar arranġamenti tal-Komunita għal skambju kmieni ta’ informazzjoni fil-każ ta’ emerġenza radjoloġika
ĠU L 371, 30.12.1987, pp. 76–78
(ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)
In force
Official Journal L 371 , 30/12/1987 P. 0076 - 0078
Finnish special edition: Chapter 15 Volume 8 P. 0033
Swedish special edition: Chapter 15 Volume 8 P. 0033
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ l-14 ta’ Diċembru 1987 dwar arranġamenti tal-Komunita għal skambju kmieni ta’ informazzjoni fil-każ ta’ emerġenza radjoloġika (87/600/Euratom) IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabilixxi l-Komunita’ Ewropea dwar l-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari Artikolu 31 tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni, mibgħuta wara li nkisbet l-opinjoni tal-grupp ta’ persuni nominati mill-Kumitat Xjentifiku u Tekniku, Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [2], Billi Artikolu 2(b) tat-Trattat jitlob li l-Komunita’ tistabbilixxi standards uniformi ta’ sigurta’ biex titħares is-saħħa tal-ħaddiema u l-pubbliku in ġenerali; Billi, fit-2 ta’ Frar 1959, il-Kunsill adotta Direttivi li jippreskrivu standards bażiċi għall-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema u l-pubbliku in ġenerali kontra l-perikli kawżati minn radjazzjonijiet jonizzanti [3], li kienu l-aħħar emendati bid-Direttiva 80/836/Euratom [4] u bid-Direttiva 84/467/Euratom [5]; Billi Artikolu 45(5) tad-Direttiva 80/836/Euratom diġa’ jitlob li kull inċident li jinvolvi li l-popolazzjoni tkun esposta jiġi notifikat b’urġenza, meta ċ-ċirkostanzi hekk jeħtieġu, lil Stati Membri ġirien u lill-Kummissjoni; Billi Artikoli 35 u 36 tat-Trattat diġa’ jipprovdu li Stati Membri għandhom jistabbilixxu l-faċilitajiet meħtieġa biex iwettqu monitoraġġ kontinwu tal-livell tar-radjoattivita’ fl-arja, fl-ilma u fil-ħamrija u biex jikkomunikaw din l-informazzjoni lill-Kummissjoni biex din tkun informata dwar il-livelli ta’ radjoattivita’ li għaliha l-pubbliku hu espost; Billi Artikolu 13 tad-Direttiva 80/836/Euratom jobbliga lil Stati Membri jittrasmettu regolarment lill-Kummissjoni riżultati ta’ reviżjonijiet u stimi msemmijin f’dak l-Artikolu; Billi l-inċident fl-impjant ta’ enerġija nukleari f’Chernobyl fl-Unjoni Sovjetika wera li, fil-każ ta’ emerġenza radjoloġika u biex twettaq ix-xogħlijiet li daħlet għalihom, il-Kummissjoni teħtieġ li tirċievi mill-ewwel kull informazzjoni rilevanti f’format miftiehem; Billi kien hemm ftehim minn Stati membri dwar xi arranġamenti bilaterali u billi l-Istati Membri kollha ffirmaw il-Konvenzjoni ta’ l-AIEA dwar Notifika Kmieni ta’ Inċident Nukleari; Billi dawn l-arranġamenti tal-Komunita’ għandhom jiżguraw li l-Istati Membri kollha jkunu nfurmati mill-ewwel fil-każ ta’ emerġenza radjoloġika biex tara li l-istandards uniformi għall-protezzjoni tal-popolazzjoni kif preskritt fid-Direttivi magħmula skond it-Tieni Titolu, Kapitolu III, tat-Trattat ikunu applikati f’kull parti tal-Komunita; Billi l-istabbiliment ta’ arranġamenti tal-Komunita’ għall-iskambju kmieni ta’ informazzjoni ma jafettwax id-dritiijiet u l-obbligi ta’ Stati Membri taħt trattati u konvenzjonijiet bilaterali u multilaterali; Billi, għal tisħsiħ ta’ kooperazzjoni internazzjonali, il-Komunita’ għandha tipparteċipa fil-Konvenzjoni ta’ l-AIEA dwar in-Notifika Kmieni ta’ Inċident Nukleari, ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 1. Dawn l-arranġamenti għandhom japplikaw għan-notifika u l-għoti ta’ informazzjoni kull meta Stat Membru jiddeċiedi li jieħu miżuri ta’ natura wiesgha biex jipproteġi lil pubbliku ġenerali f’każ ta’ emerġenza radjoliġika wara: (a) inċident fit-territorju tiegħu li jinvolvi faċilitajiet jew attivitajiet imsemmijin fil-paragrafu 2 li minnhom isir jew jista’ jsir ħruġ sinifikanti ta’ materjal radjoattiv; jew (b) l-iskoperta, ġewwa jew barra t-territorju tiegħu stess, ta’ livelli mhux normali ta’ radjoattivita’ li aktarx se jkunu ta’ ħsara għas-saħħa pubblika f’dak l-Istat Membru; jew (ċ) inċidenti oħra barra minn dawk speċifikati f’(a) li jinvolvu faċilitajiet jew attivitajiet imsemmijin fil-paragrafu 2 li minnhom isir jew jista’ jsir ħruġ sinifikanti ta’ materjal radjoattiv; jew (d) inċidenti oħra li minnhom isir jew jista’ jsir ħruġ sinifikanti ta’ materjal radjoattiv. 2. Il-faċilitajiet jew attivitajiet li jirreferi għalihom il-paragrafu 1 (a) u 1 (ċ) huma dawn li ġejjin: (a) kull reattur nukleari, kull fejn ikun qiegħed; (b) kull faċilita’ oħra ta’ ċiklu ta’ karburanti nukleari; (ċ) kull faċilita’ ta’ maniġġjar ta’ skart radjoattiv; (d) it-trasport u ħażna ta’ karburanti nukleari jew skart radjo-attiv; (e) il-fabbrikazzjoni, użu, ħażna, rimi u trasport ta’ radjoisotopi għal għanijiet ta’ agrikoltura, industrija, mediċina u xjenza u riċerka relatata; u (f) l-użu ta’ radjoisotopi għall-ġenerazzjoni ta’ enerġija f’oġġetti spazjali. Artikolu 2 1. Meta Stat Membru jiddeċiedi li jieħu miżuri kif imsemmi f’Artikolu 1, dak l-Istat Membru għandu: (a) jinnotifika mill-ewwel lill-Kummissjoni u lil dawk l-Istati Membri li jintlaqtu, jew aktarx jintlaqtu, b’dawn il-miżuri u r-raġunijiet għax ittieħdu (b) jaghti mill-ewwel lill-Kummissjoni u lil dawk l-Istati Membri li jintlaqtu, jew li aktarx jintlaqtu, l-informazzjoni rilevanti disponibbli biex jitnaqqsu l-konsegwenzi radjoloġiċi previsti, jekk jeżistu, f’dawk l-Istati. 2. Stat Membru għandu kull meta possibbli jaghti lill-Kummissjoni u lil dawk l-Istati Membri li aktarx jintlaqtu notifika ta’ l-intenzjoni tiegħu li jieħu bla dewmien miżuri kif imsemmi f’Artikolu 1. Artikolu 3 1. L-informazzjoni li għandha tiġi mogħtija skond Artikolu 2(1)(b) għandha, bla ħsara għal dawk l-interessi ta’ sigurta’ nazzjonali, tinkludi, sakemm prattikabbli u xieraq, dan li ġej: (a) in-natura u l-ħin tal-każ, il-post eżatt tiegħu u l-faċilita’ jew l-attivita involuta; (b) il-kawża maħsuba jew stabbilita u l-iżvilupp imbassar ta’ l-inċident b’relevanza għall-ħruġ ta’ materji radjoattivi; (ċ) il-karatteristiċi ġenerali tal-ħruġ radjoattiv, inklużi n-natura, il-forma fiżika u kimika probabbli u l-kwantita’, kompożizzjoni u l-kobor effettiv tal-ħruġ radjoattiv; (d) informazzjoni dwar kondizzjonijiet meteoroloġiċi u idroloġiċi, meħtieġa għat-tbassir tat-tixrid tal-ħruġ radjoattiv; (e) ir-riżultati ta’ monitoraġġ ambjentali; (f) ir-riżultati mkejla f’oġġetti ta’ ikel, għalf u ilma tax-xorb; (ġ) il-miżuri protettivi meħuda jew maħsuba; (ħ) il-miżuri meħuda, jew maħsuba, biex il-pubbliku jkun infurmat; (i) l-imġieba prevista fuq medda ta’ ħin tal-ħruġ radjoattiv. 2. L-informazzjoni għandha tiżdied f’intervalli xierqa b’iktar informazzjoni rilevanti, inklużi l-iżvilupp tas-sitwazzjoni ta’ emerġenza u l-waqfien previst jew attwali tagħha. 3. L-Istat Membru msemmi f’Artikolu 1 għandu, skond Artikolu 36 tat-Trattat, ikompli jgħarraf lill-Kummissjoni f’intervalli xierqa bil-livelli ta’ radjoattivita’ kif preskritt fil-paragrafu 1 (e) u (f). Artikolu 4 Kull Stat Membru, wara li jirċievi l-informazzjoni preskritta f’Artikoli 2 u 3, għandu: (a) jgħarraf mill-ewwel lill-Kummissjoni bil-miżuri meħuda u r-rakkomandazzjonijiet maħruġa wara li jkun irċieva din l-informazzjoni; (b) jgħarraf lill-Kummissjoni, f’intervalli xierqa, bil-livell ta’ radjoattivita’ mkejjel mill-faċilitajiet ta’ monitoraġġ tagħhom f’oġġetti ta’ l-ikel, għalf, ilma tax-xorb u l-ambjent. Artikolu 5 1. Wara li tirċievi l-informazzjoni msemmija f’Artikoli 2, 3 u 4, il-Kummisjoni għandha, bla ħsara għal Artikolu 6, tibgħatha immedjatament lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri kollha l-oħra. Bl-istess mod il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Istati Membri kollha l-oħra kull informazzjoni li tirċievi dwar żidiet sinifikanti fil-livell ta’ radjoattivita’ jew dwar inċidenti nukleari f’pajjiżi mhux tal-Komunita’ u speċjalment dawk li jmissu mal-Komunita. 2. Proċeduri dettaljati dwar it-trasmissjoni tal-informazzjoni msemmija f’Artikoli 1 sa 4 għandhom ikun hemm qbil fuqhom mill-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri u jridu jiġu ittestjati f’intervalli regolari. 3. Kull Stat Membru għandu jindika lill-Kummissjoni l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u punti ta’ kuntatt innominati biex jibgħatu u jirċievu l-informazzjoni preskritta f’Artikoli 2 sa 5. Il-Kummissjoni għandha mbagħad tikkomunika dan u d-dettalji tas-servizz nominat tal-Kummissjoni lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri l-oħra. 4. Punti ta’ kuntatt u s-servizz tal-Kummisjoni nominati għandhom ikunu disponibbli fuq bażi ta’ 24 siegħa. Artikolu 6 1. Informazzjoni riċevuta skond Artikoli 2, 3 u 4 tista’ tintuża mingħajr restrizzjonijiet ħlief meta din l-informazzjoni tkun mogħtija konfidenzjalment mill-Istat Membru li jinnotifika. 2. Informazzjoni riċevuta mill-Kummissjoni dwar l-istabbiliment ta’ Ċentru Konġunt ta’ Riċerka m’għandhiex tkun ċirkolata jew mahruġa mingħajr qbil ma’ l-Istat Membru li jospita. Artikolu 7 Din id-Deċiżjoni ma jkollhiex effett fuq id-drittijiet u obbligi reċiproċi ta’ l-Istati Membri li jirriżultaw minn ftehim bilaterali jew multilaterali jew Konvenzjonijiet eżistenti jew li se jkunu konklużi fil-qasam kopert minn din id-Deċiżjoni u skond il-għan u l-fini tagħha. Artikolu 8 Stati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Deċiżjoni fi żmien tliet xhur mid-data tan-notifika tagħha. Artikolu 9 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmul fi Brussel, fl-14 ta’ Diċembru 1987. Għall-Kunsill Il-President U. Ellemann-jensen [1] ĠU Ċ 318, tat- 30.11.1987. [2] ĠU C 105, tal-21.4.1987, p. 9. [3] ĠU C 11, ta’ l-20.2.1959, p. 221/59. [4] ĠU L 246, tas-17.9.1980, p. 1. [5] ĠU L 265, tal-5.10.1984, p. 4. --------------------------------------------------