EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31986L0378

Id-Direttiva tal-Kunsill ta' l-24 ta' Lulju 1986 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali għal irġiel u nisa fi skemi tax-xogħol ta' sigurtà soċjali

ĠU L 225, 12.8.1986, p. 40–42 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 14/08/2009; Imħassar b' 32006L0054

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1986/378/oj

31986L0378



Official Journal L 225 , 12/08/1986 P. 0040 - 0042
Finnish special edition: Chapter 5 Volume 4 P. 0083
Swedish special edition: Chapter 5 Volume 4 P. 0083


Id-Direttiva tal-Kunsill

ta' l-24 ta' Lulju 1986

dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali għal irġiel u nisa fi skemi tax-xogħol ta' sigurtà soċjali

(86/378/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u partikolarment l-Artikoli 100 u 235 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi t-Trattat jipprovdi li kull Pajjiż Membru għandu jiżgura l-applikazzjoni tal-prinċipju li rġiel u nisa għandhom jirċievu paga ugwali għal xogħol ugwali; premess li "paga" għandha tittieħed li tfisser il-paga jew salarju bażiku ordinarju jew minimu u xi konsiderazzjoni oħra, kemm jekk fi flus jew f'affarijiet, li l-ħaddiem jirċievi, direttament jew indirettament, minn min iħaddmu fir-rigward ta' l-impjieg tiegħu;

Billi, għalkemm il-prinċipju ta' paga ugwali ma tapplikax direttament f'każijiet fejn diskriminazzjoni tista' tiġi determinata biss fuq bażi tal-kriterji ta' trattament ugwali u paga ugwali, hemm ukoll sitwazzjonijiet li fihom implimentazzjoni ta' dan il-prinċipju jimplika l-adozzjoni ta' miżuri addizzjonali li jfissru aktar ċar l-iskop tiegħu;

Billi l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE tad-9 ta' Frar 1976 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali għall- irġiel u nisa fir-rigward ta' aċċess għal impjieg, taħriġ vokazzjonali u promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol [4] jipprovdi li, biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju ta' trattament ugwali f'materji ta' sigurtà soċjali, il-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni, jadotta disposizzjonijiet li jfissru s-sustanza tiegħu, l-iskop tiegħu u l-arranġamenti għall-applikazzjoni tiegħu; billi l-Kunsill jadotta għal dan il-għan id-Direttiva 79/7/KEE tad-19 ta' Diċembru 1978 dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju ta' trattament ugwali għal irġiel u nisa f'materji ta' sigurtà soċjali [5];

Billi l-Artikolu 3(3) tad- Direttiva 79/7/KEE jipprovdi li, biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali fi skemi tax-xogħol, il-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni, jadotta dispożizzjonijiet li jfissru s-sustanza tiegħu, l-iskop tiegħu u l-arranġamenti għall-applikazzjoni tiegħu;

Billi l-prinċipju ta' trattament ugwali għandu jiġi implimentat fi skemi tax-xogħol ta' sigurtà soċjali li jipprovdu protezzjoni kontra r-riskji speċifikati fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 79/7/KEE kif ukoll dawk li jipprovdu lill-impjegati b'xi konsiderazzjoni oħra fi flus jew innatura fi ħdan it-tifsira tat-Trattat;

Billi l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali ma jippreġudikax id-dispożizzjonijiet relatati mal-protezzjoni ta' nisa minħabba maternità,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

L-iskop ta' din id-Direttiva hu biex jiġi implimentat, fi skemi tax-xogħol tas-sigurtà soċjali, il-prinċipju ta' trattament ugwali għall-rġiel u n-nisa, minn hawnhekk 'il quddiem imsemmija bħala "il-prinċipju ta' trattament ugwali".

L-Artikolu 2

1. "Skemi tax-xogħol tas-sigurtà soċjali" tfisser skemi li m'humiex irregolati mid-Direttiva 79/7/KEE li l-iskop tagħhom hu li jipprovdu lill-ħaddiema, kemm jekk impjegati jew għal rashom, f'impriża jew fi grupp ta' impriżi, f'attività ekonomika jew f'settur tax-xogħol jew grupp ta' settur bħal dawn fejn benefiċċji maħsuba biex jissupplimentaw il-benefiċċji pprovduti bi skemi statutorji tas-sigurtà soċjali jew biex jibdluhom, kemm jekk is-sħubija fi skemi bħal dawn hi obbligatorja jew b'għażla.

2. Din id-Direttiva ma tapplikax għal:

(a) kuntratti individwali;

(b) skemi li għandhom membru wieħed biss;

(ċ) ħaddiema bil-paga, skemi ta' assikurazzjoni li fihom ma jeħux sehem min iħaddem;

(d) dispożizzjonijiet mhux obbligatorji ta' skemi tax-xogħol offruti lill-parteċipanti individwali biex jiggarantulhom:

- jew benefiċċji addizzjonali, jew

- għażla ta' data li fiha l-benefiċċji normali jinbdew, jew għażla bejn benefiċċji varji.

L-Artikolu 3

Din id-Direttiva tapplika għal membri tal-popolazzjoni tax-xogħol inklużi persuni li jaħdmu għal rashom, persuni li l-attività tagħhom hi interrotta minħabba mard, maternità, inċident jew qgħad involontarju u persuni li qegħdin ifittxu x-xogħol, u għal ħaddiema rtirati u b'diżabilità.

L-Artikolu 4

Din id-Direttiva tapplika għal:

(a) skemi tax-xogħol li jipprovdu protezzjoni kontra r-riskji li ġejjin:

- mard,

- invalidità,

- xjuħija, inkluż irtirar kmieni,

- inċidenti industrijali u mard minħabba x-xogħol,

- qgħad;

(b) skemi tax-xogħol li jipprovdu għal benefiċċji soċjali oħra, fi flus jew innatura, u partikolarment benefiċċji għas-superstiti u allowances tal-familja, jekk benefiċċji bħal dawn huma mogħtija lill-persuni impjegati u għalhekk huma konsiderazzjoni mħallsa minn min iħaddem lill-impjegat minħabba l-impjieg ta' dan ta' l-aħħar.

L-Artikolu 5

1. Taħt il-kondizzjonijiet imqiegħda fid-dispożizzjonijiet li ġejjin, il-prinċipju ta' trattament ugwali jimplika li m' għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni fuq bażi ta' sess, kemm direttament jew indirettament, b'referenza partikolari għall-istat maritali jew tal-familja, speċjalment fir-rigward ta':

- l-iskop ta' l-iskemi u l-kondizzjonijiet ta' aċċess għalihom;

- l-obbligazzjoni biex jikkontribwixxu u l-kalkulazzjoni tal-kontribuzzjonijiet;

- il-kalkulazzjoni ta' benefiċċji, inkluż benefiċċji supplimentari dovuti fir-rigward ta' konjugi jew dipendenti, u l-kondizzjonijiet li jirregolaw it-tul u ż-żamma ta' l-intitolament ta' benefiċċji.

2. Il-prinċipju ta' trattament ugwali ma jippreġudikax id-dispożizzjonijiet li jirrelataw mal-protezzjoni ta' nisa minħabba maternità.

L-Artikolu 6

1. Disposizzjonijiet kontra l-prinċipju ta' trattament ugwali jinkludu dawk ibbażati fuq sess, kemm direttament jew indirettament, partikolarment b'referenza għal żwieġ jew familja biex:

(a) jiġu determinati l-persuni li jistgħu jipparteċipaw fi skema tax-xogħol;

(b) tiġi ffissata n-natura ta' parteċipazzjoni obbligatorja jew ta' l-għażla fi skema tax-xogħol;

(ċ) ikunu pprovduti regoli differenti fir-rigward taż-żmien tad-dħul fl-iskema jew il-perijodu minimu ta' impjieg jew sħubija ta' l-iskema meħtieġ biex jinkisbu l-benefiċċji minnhom;

(d) ikunu pprovduti regoli differenti, minbarra fejn provdut għalih fis-sub paragrafi (h) u (i), għal ħlas lura ta' kontribuzzjonijiet meta impjegat jitlaq minn skema mingħajr ma jkun ikkonforma mal-kondizzjonijiet li jiggarantulu dritt għal benefiċċji fit-tul;

(e) jigu magħmula kondizzjonijiet differenti għall-għoti ta' benefiċċji ta' restrizzjoni ta' dawn il-benefiċċji għall-ħaddiema ta' xi wieħed jew ieħor mis-sessi;

(f) jigu ffissati etajiet ta' irtirar differenti;

(g) jigu sospiżi ż-żamma jew ksib ta' drittijiet matul il-perjodi ta' leave ta' maternità jew leavegħal raġunijiet ta' familja li huma mogħtija bil-ligi jew bi ftehim u huma mħallsa mill-impjegat;

(h) jitwaqqfu livelli differenti ta' benefiċċju, ħlief fejn ikun hemm bżonn li jittieħed kont tal-fatturi ta' kalkulazzjoni attwarji li huma differenti skond is-sess fil-każ ta' benefiċċji msemmija bħala kontribuzzjoni definiti;

(i) jitwaqqfu livelli differenti għal kontribuzzjoni ta' ħaddiema;

jitwaqqfu livelli differenti għal kontribuzzjoni ta' ħaddiema fil-każ ta' benefiċċji msemmija bħala kontribuzzjoni definiti, ħlief biex jagħmlu l-ammont ta' dawn il-benefiċċji aktar ugwali;

(j) jitqiegħdu standards differenti jew standards applikabbli biss għal ħaddiema ta' sess speċifikat minbarra kif ipprovdut fis-subparagrafi (h) u (i), fir-rigward tal-garanzija jew żamma ta' l-intitolament għal benefiċċji diferiti meta ħaddiem jitlaq minn skema.

2. Fejn l-għoti ta' benefiċċji fi ħdan l-iskop ta' din id-Direttiva hi mħollija għad-deskrizzjoni tal-korpi ta' tmexxija ta' l-iskema, dawn ta' l-aħħar iridu jkkonsidraw il-prinċipju ta' trattament ugwali.

L-Artikolu 7

Pajjiżi Membri għandhom jieħdu l-passi kollha li huma meħtieġa biex jiżguraw li:

(a) dispożizzjonijiet kontra l-prinċipju ta' trattament ugwali fi ftehim legali obbligatorji kollettivi, regoli tal-persunal ta' impriżi jew xi arranġamenti oħra relatati ma' l-iskemi tax-xogħol huma nulli, jew jistgħu jiġu ddikjarati nulli jew emendati;

(b) skemi li fihom dispożizzjonijiet bħal dawn jistgħu ma jiġux approvati jew estiżi b'miżuri amministrattivi.

L-Artikolu 8

1. Pajjiżi Membri għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiżguraw li d-dispożizzjonijiet ta' skemi tax-xogħol kontra l-prinċipju ta' trattament ugwali huma reveduti sa l-1 ta' Jannar 1993.

2. Din id-Direttiva ma tipprekludix drittijiet u obbligazzjonijiet relatati ma' perjodu ta' sħubija ta' xi skema tax-xogħol qabel ir-reviżjoni ta' dik l-iskema milli tibqa' suġġetta għad-dispożizzjonijiet ta' l-iskema fis-seħħ matul dak il-perjodu.

L-Artikolu 9

Pajjiżi Membri jistgħu jiddeferixxu applikazzjoni obbligatorja tal-prinċipju ta' trattament ugwali fir-rigward ta':

(a) determinazzjoni ta' l-età tal-pensjoni għal skopijiet ta' l-għoti ta' pensjonijiet ta' xjuħija jew irtirar, u l-implikazzjonijiet possibbli għal benefiċċji oħra:

- jew sad-data li fiha din l-ugwaljanza hi miksuba fi skemi statutorji,

- jew, l-aktar tard, sakemm din l-ugwaljanza hi meħtieġa b'direttiva.

(b) pensjonijiet ta' min jibqa' ħaj sakemm xi direttiva teħtieġ il-prinċipju ta' trattament ugwali fi skemi statutorji tas-sigurtà soċjali f'dak ir-rigward.

(ċ) l-applikazzjoni ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 6(1)(i) li tikkunsdra l-fatturi ta' kalkulazzjoni differenti attwarji, l-aktar tard sa' l-iskadenza ta' perjodu ta' tlettax-il sena min-notifika ta' din id-Direttiva.

L-Artikolu 10

Pajjiżi Membri għandhom jintroduċu fis-sistemi nazzjonali legali tagħhom miżuri bħal dawn meħtieġa biex iħallu lill-persuni kollha li jikkunsidraw lilhom infushom danneġġati bin-nuqqas li japplikaw il-prinċipju ta' trattament ugwali li jsegwu t-talba tagħhom quddiem il-qrati, possibbilment wara li jkunu ġabu l-kwistjonijiet quddiem awtoritajiet oħra kompetenti.

L-Artikolu 11

Pajjiżi Membri għandhom jieħdu l-passi kollha mehtieġa biex jipproteġu l-ħaddiem kontra tkeċċija fejn dan jikkostitwixxi xi risposta mill-parti ta' min iħaddem għal xi ilment magħmul f'livell ta' impriża jew għat-tnedija ta' proċeduri legali mmirati li jinforzaw konformità mal-prinċipju ta' trattament ugwali.

L-Artikolu 12

1. Pajjiżi Membri għandhom iġibu fis-seħħ dawk il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi kif jeħtieġ biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn tliet snin wara n-notifika tagħha [6]. Għandhom jinformaw minnufih lill-Kummissjoni bihom.

2. Pajjiżi Membri jikkomunikaw mal-Kummissjoni sa l-aktar tard ħames snin wara n-notifika ta' din id-Direttiva l-informazzjoni kollha meħtieġa biex iħallu lill-Kummissjoni tagħmel rapport fuq l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva biex jintbagħat lill-Kunsill.

L-Artikolu 13

Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Pajjiżi Membri.

Magħmula fi Brussel, fl-24 ta' Lulju 1986.

Għall-Kunsill

Il-President

A. Clark

[1] ĠU C 134, tal-21.5.1983, p. 7.

[2] ĠU C 117, tat-30.4.1984, p. 169.

[3] ĠU C 35, tad-9.2.1984, p. 7.

[4] ĠU L 39, ta' l-14.2.1976, p. 40.

[5] ĠU L 6, ta' l-10.1.1979, p. 24.

[6] Din id-Direttiva ġiet innotifikata lill-Pajjiżi Membri fit-30 ta' Lulju 1986

--------------------------------------------------

Top