EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22013D0733

2013/733/UE: Deċiżjoni Nru 1/2013 tal-Kumitat Konġunt għall-Agrikoltura tat- 28 ta’ Novembru 2013 dwar l-emenda tal-Anness 10 għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar il-kummerċ tal-prodotti agrikoli

OJ L 332, 11.12.2013, p. 49–52 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/733/oj

11.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 332/49


DEĊIŻJONI Nru 1/2013 TAL-KUMITAT KONĠUNT GĦALL-AGRIKOLTURA

tat-28 ta’ Novembru 2013

dwar l-emenda tal-Anness 10 għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar il-kummerċ tal-prodotti agrikoli

(2013/733/UE)

IL-KUMITAT KONĠUNT GĦALL-AGRIKOLTURA,

Wara li kkunsidra l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar il-kummerċ tal-prodotti agrikoli, u b'mod partikolari l-Artikolu 11 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar il-kummerċ ta’ prodotti agrikoli (minn hawn ’il quddiem “il-ftehim”) daħal fis-seħħ fl-1 ta' Ġunju 2002.

(2)

L-Anness 10 jikkonċerna l-għarfien tal-kontrolli ta' konformità għall-frott u ħaxix mal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni.

(3)

Skont l-Artikolu 6 tal-Anness 10 tal-Ftehim, il-Grupp ta' Ħidma għall-Frott u l-Ħaxix jikkunsidra kwalunkwe kwistjoni li hija marbuta mal-Anness 10 u l-implimentazzjoni tagħha u minn żmien għal żmien jeżamina mill-ġdid il-liġijiet u r-regolamenti interni tal-Partijiet fl-oqsma koperti bl-Anness 10. B'mod partikolari, il-grupp ta' ħidma jressaq proposti lill-Kumitat bil-għan li jiġu adattati u aġġornati l-Appendiċijiet tal-Anness. Skont dan, il-grupp ta' ħidma kkonkluda li l-kontenut tal-Artikoli kif ukoll l-appendiċijiet tal-Anness 10 jeħtieġ li jiġu adattati.

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

L-Anness 10 għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar il-kummerċ fil-prodotti agrikoli għandu jinbidel bit-test li jidher fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fis-17 ta’ Diċembru 2013.

Magħmul f’Berne, it-28 ta’ Novembru 2013.

Għall-Kumitat Konġunt għall-Agrikoltura

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-UE

Susana MARAZUELA-AZPIROZ

Il-president u l-kap tad-delegazzjoni Svizzera

Jacques CHAVAZ

Is-Segretarju tal-Kumitat

Michaël WÜRZNER


ANNESS

ANNESS 10

DWAR L-GĦARFIEN TAL-KONTROLLI TAL-KONFORMITÀ GĦALL-FROTT U L-ĦXEJJEX SOĠĠETTI GĦALL-ISTANDARDS TA' KUMMERĊJALIZZAZZJONI

Artikolu 1

Kamp ta' applikazzjoni

Dan l-Anness għandu japplika għall-frott frisk u l-ħxejjex li jittieklu friski jew imnixxfin, li dwarhom ġew stabbiliti jew rikonoxxuti standards ta' kummerċjalizzazzjoni mill-Unjoni Ewropea bħala alternattivi għall-istandard ġenerali skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ir-Regolament dwar l-OKS unika) (1), għajr il-frott taċ-ċitru.

Artikolu 2

Is-suġġett

1.   Prodotti kif imsemmija fl-Artikolu 1 li joriġinaw fl-Isvizzera jew fl-Unjoni Ewropea li jiġu esportati mill-ġdid lejn l-Unjoni Ewropea mill-Isvizzera u jkunu akkumpanjati minn ċertfikat ta’ konformità kif imsemmi fl-Artikolu 3, m’għandhomx jiġu soġġetti għal kontroll ta’ konformità mal-istandards ġewwa l-Unjoni qabel ma jidħlu fit-territorju doganali tal-Unjoni Ewropea.

2.   L-Office Fédéral de l'Agriculture huwa b'dan innominat bħala l-aġenzija responsabbli għall-verifika tal-konformità mal-istandards tal-Unjoni Ewropea jew standards ekwivalenti ta' prodotti li joriġinaw fl-Isvizzera jew li joriġinaw fl-Unjoni Ewropea u jiġu esportati mill-ġdid lejn l-Unjoni Ewropea mill-Isvizzera. Għal dan il-għan l-Office Fédéral de l'Agriculture jista' jiddelega l-poteri tiegħu biex iwettaq dawn il-verifiki lill-entitajiet elenkati fl-Appendiċi 1, bil-kundizzjonijiet li ġejjin:

l-Office Fédéral de l’Agriculture għandu jinnotifika lill-Kummissjoni Ewropea bl-entitajiet li ngħataw il-poter li jwettqu l-kontrolli,

dawn l-entitajiet għandhom joħorġu ċ-ċertifikati msemmija fl-Artikolu 3,

l-entitajiet li jingħataw il-poteri għandu jkollhom spetturi li jingħataw taħriġ approvat mill-Office Fédéral de l’Agriculture, apparat meħtieġ sabiex iwettqu l-kontrolli u l-analiżi li l-ispezzjoni tkun teħtieġ, u faċilitajiet xierqa għall-komunikazzjoni.

3.   Jekk l-Isvizzera tapplika kontrolli dwar il-konformità mal-istandards tal-marketing fir-rigward tal-prodotti msemmija fl-Artikolu1 qabel l-introduzzjoni tagħhom fit-territorju doganali Svizzeru, hija għandha tadotta dispożizzjonijiet ekwivalenti għal dawk stipulati f’dan l-Anness biex tagħti dispensa lill-prodotti li jorġinaw mill-Unjoni Ewropea minn tali miżuri.

Artikolu 3

Ċertifikat ta' konformità

1.   Għall-għanijiet ta’ dan l-Anness, "ċertifikat ta’ konformità" jfisser:

il-formula stabbilita fl-Anness III tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta’ Ġunju 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 għas-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat (2),

il-formula Svizzera stipulata fl-Appendiċi 2 ta' dan l-Anness,

il-formola UN/ECE annessa mal-Protokoll ta’ Ġinevra dwar l-istandardizazzjoni tal-frott u l-ħxejjex friki, lewż u frott imnixxef, jew

il-formola tal-OECD annessa mad-deċiżjoni tal-Kunsill tal-OECD dwar l-arranġamenti tal-OECD għall-applikazzjoni ta’ standards internazzjonali dwar il-frott u l-ħxejjex.

2.   Kunsinni ta' prodotti li joriġinaw fl-Isvizzera jew li joriġinaw fl-Unjoni Ewropea u li jiġu esportati mill-ġdid lejn l-Unjoni Ewropea mill-Isvizzera għandhom ikunu akkumpanjati minn ċertifikati ta' konformità sakemm jiġu rilaxxati fiċ-ċirkolazzjoni libera fit-territorju tal-Unjoni Ewropea.

3.   Iċ-ċertifikati ta' konformità għandu jkollhom it-timbru ta’ wieħed mill-entitajiet elenkati fl-Appendiċi għal dan l-Anness.

4.   Fejn id-delegazzjoni tal-poter kif imsemmi fl-Artikolu 2(2) tiġi rtirata mingħand waħda mill-entitajiet li kienet ingħatat tali poter, iċ-ċertifikati ta' konformità maħruġa minn dik l-entità m’għandhomx jibqgħu iżjed rikonoxxuti għall-iskopijiet ta’ dan l-Anness.

Artikolu 4

Skambju ta’ informazzjoni

1.   Skont l-Artikolu 8 tal-Ftehim, il-Partijiet għandhom jibagħtu lil xulxin, inter alia, il-listi tagħhom ta' aġenziji u entitajiet awtorizzati li jagħmlu verifiki ta' konformità. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tinforma lill-Office Fédéral de l’Agriculture bi kwalunkwe irregolarità jew infrazzjoni misjuba inkonnessjoni mal-konformità mal-istandards fis-seħħ dwar il-kwalità fir-rigward ta' kunsinni ta’ frott u ħxejjex li joriġinaw fl-Isvizzera jew fl-Unjoni Ewropea u jiġu esportati mill-ġdid mill-Isvizzera lejn l-Unjoni Ewropea koperti miċ-ċertifikati ta' konformità.

2.   Sabiex tiġi aċċertata l-konformità mal-kundizzjonijiet stipulati fit-tielet inċiż tal-Artikolu 2(2), l-Office Fédéral de l’Agriculture għandu jaċċetta, fuq talba tal-Kummissjoni Ewropea, li jsiru spezzjonijiet konġunti fil-bini tal-entitajiet awtorizzati.

3.   Tali spezzjonijiet konġunti għandhom iseħħu skont il-proċedura proposta mill-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Frott u Ħxejjex u adottata mill-Kumitat.

Artikolu 5

Klawżola ta' salvagwardja

1.   Fejn waħda mill-Partijiet tikkonsidra li l-oħra naqset li tissodisfa obbligu taħt dan l-Anness, iż-żewġ partijiet għandhom jagħmlu konsultazzjonijiet.

2.   Il-Parti li titlob il-konsultazzjonijiet għandha tipprovdi lill-oħra bl-informazzjoni kollha meħtieġa għall-eżaminazzjoni dettaljata tal-każ inkwistjoni.

3.   Fejn kunsinni ta' frott u ħxejjex li joriġinaw fl-Isvizzera jew fl-Unjoni Ewropea u li jiġu esportati mill-ġdid lill-Unjoni Ewropea mill-Isvizzera koperti minn ċertifikati ta' konformità jinsabu li mhumiex konformi mal-istandards fis-seħħ u kull limitu ta' żmien jew dewmien jista' jxekkel l-effettività tal-miżuri kontra l-frodi jew ifixkel il-kompetizzjoni, jistgħu jittieħdu miżuri temporanji ta' salvagwardja mingħajr konsultazzjoni minn qabel, kemm-il darba dawn il-konsultazzjonijiet iseħħu minnufih wara li jkunu ttieħdu l-miżuri msemmija.

4.   Jekk wara l-konsultazzjonijiet stipulati fil-paragrafi 1 jew 3, il-Partijiet ma jilħqux ftehim fi żmien tliet xhur wara li jibdew il-konsultazzjonijiet, il-Parti li titlob il-konsultazzjonijiet jew li tieħu l-miżuri stipulati fil-paragrafu 3 tista' tieħu miżuri xierqa ta' protezzjoni, li jistgħu jinkludu s-sospensjoni parzjali jew totali ta' dan l-Anness.

Artikolu 6

Grupp ta’ Ħidma dwar il-Frott u l-Ħxejjex

1.   Il-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Frott u l-Ħxejjex stabbilit skont l-Artikolu 6(7) tal-Ftehim għandu jikkunsidra kwalunkwe materja li tqum inkonnessjoni ma’ dan l-Anness u l-implimentazzjoni tiegħu. Għandu perjodikament jirrevedi l-liġijiet u regolamenti interni tal-Partijiet fl-oqsma koperti minn dan l-Anness.

2.   B'mod partikolari, huwa għandu jressaq proposti lill-Kumitat bil-għan tal-adattament u l-aġġornament tal-Appendiċi ta' hawnhekk.

Appendiċi 1

Entitajiet tal-ispezzjoni Svizzeri awtorizzati li joħorġu ċertfikati ta' kontroll kif stipulat fl-Artikolu 3 tal-Anness 10

Qualiservice

Boîte postale 7960

CH-3001 Berna

Appendiċi 2

Image

Test ta 'immaġni

(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 157,15.6.2011, p. 1.


Top