EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22010D0265

2010/265/: Deċiżjoni Nru 1/2009 tal-Kumitat Konġunt għall-Agrikultura tad- 9 ta’ Diċembru 2009 dwar l-emenda għall-Anness 7 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kummerċ tal-prodotti agrikoli

OJ L 115, 8.5.2010, p. 33–34 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/265/oj

8.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 115/33


DEĊIŻJONI Nru 1/2009 TAL-KUMITAT KONĠUNT GĦALL-AGRIKULTURA

tad-9 ta’ Diċembru 2009

dwar l-emenda għall-Anness 7 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kummerċ tal-prodotti agrikoli

(2010/265/UE)

IL-KUMITAT KONĠUNT GĦALL-AGRIKOLTURA,

Wara li kkunsidra l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kummerċ tal-prodotti agrikoli, u b’mod partikulari l-Artikolu 11 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kummerċ tal-prodotti agrikoli (minn hawn ‘il quddiem “il-Ftehim”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2002.

(2)

L-Anness 7 tal-Ftehim għandu l-għan li jiffaċilita u jippromwovi l-flussi kummerċjali bilaterali tal-prodotti tas-settur tal-inbid tal-Komunità u tal-Iżvizzera.

(3)

Skont l-Artikolu 27(1) u (2) tal-Anness 7 għall-Ftehim, il-grupp ta’ ħidma dwar “il-prodotti tas-settur tal-inbid” għandu jeżamina kull kwistjoni marbuta mal-Anness 7 u mal-implimentazzjoni tiegħu, u għandu jfassal rakkomandazzjonijiet għall-Kumitat. Dan il-grupp iltaqa’ biex jeżamina partikolarment il-produzzjoni tal-inbid fiż-żoni tal-fruntiera u b’mod speċifiku id-denominazzjoni tal-oriġini Żvizzera “Genève” fejn parti żgħira mill-għeneb ġejja minn vinji fi Franza li jinsabu fil-limiti tal-vinja Żvizzera tad-denominazzjoni kkonċernata. Sabiex tinżamm din is-sitwazzjoni, li hija fil-fatt antika u tmur lura għall-bidu tas-seklu 19, id-definizzjonijiet ta’ “prodotti tas-settur tal-inbid li joriġinaw fi” u l-“indikazzjoni ġeografika” jridu jiġu adattati.

(4)

Jeħtieġ jiġi emendat l-Artikolu 3 tal-Anness 7 għall-Ftehim u jiżdied Appendiċi ġdid lill-Anness imsemmi sabiex jitqiesu ċert kundizzjonijiet partikolari tal-produzzjoni tas-settur tal-inbid fiż-żoni tal-fruntiera bejn il-Komunità u l-Iżvizzera, preeżistenti għad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

L-Anness 7 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kummerċ tal-prodotti agrikoli huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 3 hu emendat kif ġej:

(a)

il-punt a) għandu jiġi ssostitwit b’dan li ġej:

“(a)

‘prodott tas-settur tal-inbid li joriġina fi’, segwit minn isem wieħed mill-Partijiet: prodott skont it-tifsira tal-Artikolu 2, maħdum fit-territorju tal-Parti msemmija minn għeneb miġbura għal kollox f’ dan l-istess territorju jew territorju ddefinit fl-Appendiċi 5, f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Anness;”

(b)

il-punt b) għandu jiġi ssostitwit b’dan li ġej:

“(b)

‘indikazzjoni ġeografika’: kull indikazzjoni, inkluża d-denominazzjoni tal-oriġini, skont it-tifsira tal-Artikolu 22 tal-Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Marbuta mal-Kummerċ, mehmuż mal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (minn hawn ‘il quddiem ‘il-Ftehim TRIPS’), li hija rikonoxxuta mil-liġijiet jew ir-regolamenti ta’ Parti minnhom għall-għanijiet tad-deżinjazzjoni u l-preżentazzjoni ta’ prodott tas-settur tal-inbid imsemmi fl-Artikolu 2 li joriġina mit-territorju tagħha jew min territorju definit fl-Appnediċi 5;”

(2)

L-Appendiċi 5 huwa miżjud konformi mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu 2010.

Magħmul f’Berne, id-9 ta’ Diċembru 2009.

Għall-Kumitat Konġunt għall-Agrikultura

Il-kap tad-delegazzjoni tal-Komunità

Nicolas VERLET

Il-president u l-kap tad-delegazzjoni Żvizzera

Jacques CHAVAX

Is-segretarju tal-Kumitat

Chantal MOSER


ANNESS

“Appendiċi 5

Dispożizzjonijiet partikolari msemmija fl-Artikolu 3(a) u (b)

Denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata Genève (DOK Genève)

1.   Żona ġeografika

Iż-żona ġeografika tal-AOC Genève tinkludi:

it-totalità tat-territorju tal-canton ta’ Ġinevra (Genève);

it-totalità tal-komuni Franċiżi ta’:

Challex,

Ferney-Voltaire;

il-partijiet tal-komuni Franċiżi ta’:

Ornex,

Chens-sur-Léman,

Veigy-Foncenex,

Saint-Julien-en-Genevois,

Viry,

deskritti fid-dispożizzjonijiet tad-DOK Genève.

2.   Żona tal-produzzjoni tal-għenba

Iż-żona tal-produzzjoni tal-għenba tinkludi:

a.

fit-territorju Ġinevrin: il-meded li jagħmlu parti mill-katast tal-vinji skont it-tifsira tal-Artikolu 61 tal-‘loi fédérale sur l’agriculture’ (RS 910.1) u li l-produzzjoni tagħhom hija maħsuba għall-inbid;

a.

fit-territorju Franċiż: Il-meded tal-komuni jew partijiet minn komuni msemmija fil-punt, imħawlin bil-vinji jew li jistgħu jgawdu minn drittijiet ta’ tħawwil mill-ġdid ta’ mhux aktar minn 140 ettaru.

3.   Żona tal-produzzjoni tal-inbid

Iż-żona tal-produzzjoni tal-inbid hija limitata għat-territorju Żvizzeru.

4.   Deklassifikazzjoni

L-użu tad-DOK Genève m’għandux jostakola l-użu tad-denominazzjonijiet ‘vin de pays’ u ‘vin de table suisse’ biex jiġu denominati inbejjed magħmula mill-għeneb ġejjin miż-żona ta’ produzzjoni definita fil-punt 2(b) u deklassifikati.

5.   Kontroll tad-dispożizzjonijiet tad-DOK Genève

Il-kontrolli fl-Iżvizzera huma tal-kompetenza tal-awtoritajiet Żvizzeri, partikolarment dawk Ġinevrini.

Fir-rigward tal-kontrolli fiżiċi mwettqa fit-territorju Franċiż, l-awtorità Żvizzera kompetenti tagħti mandat lil organu tal-kontroll Franċiż approvat mill-awtoritajiet Franċiżi.

6.   Regoli tranżitorji

Il-produtturi sidien ta’ meded imħawla bil-vinji li mhumiex inklużi fiż-żona ta’ produzzjoni tal-għeneb definita fil-punt 2(b), iżda li użaw preċedentament u legalment id-DOK Genève, jistgħu jkomplu jużawha sas-sena 2013 u l-prodotti kkonċernati jistgħu jiġu kummerċjalizzati sa tmiem l-istokk.”


Top